Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CJ0402

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-30 ta’ Ottubru 2025.
BL vs Dr. A, bħala stralċjarju ta’ Luftfahrtgesellschaft Walter mbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Bundesarbeitsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 98/59/KE – Tkeċċijiet kollettivi – L‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva żbaljata jew inkompleta lill-awtorità pubblika kompetenti – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) – Perijodu ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni ta’ 30 jum – Validità tat-tkeċċija – Artikolu 6 – Sanzjonijiet.
Kawża C-402/24.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:840

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

30 ta’ Ottubru 2025 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 98/59/KE – Tkeċċijiet kollettivi – L‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva żbaljata jew inkompleta lill-awtorità pubblika kompetenti – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) – Perijodu ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni ta’ 30 jum – Validità tat-tkeċċija – Artikolu 6 – Sanzjonijiet”

Fil-Kawża C‑402/24 [Sewel] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Mejju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura

BL

vs

DrA, li qed jaġixxi bħala stralċjarju ta’ Luftfahrtgesellschaft Walter mbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, J. Passer, E. Regan, D. Gratsias u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: R. Norkus,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal BL, minn M. Posner u M. Stickler-Posner, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Elleniku, minn V. Baroutas u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Delaude u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3, 4 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327 ), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/1794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 263, p. 1) (iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 98/59”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BL u Dr. A, li qed jaġixxi bħala stralċjarju ta’ Luftfahrtgesellschaft Walter mbH, rigward il-validità tat-tkeċċija ta’ BL, li seħħet fil-kuntest ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 12 u 12 tad-Direttiva 98/59 jistabbilixxu:

“(2)      Billi huwa importanti li jkun hemm iżjed protezzjoni għall-ħaddiema fil-każ ta’ redundancies kollettivi waqt li jittieħed kont tal-bżonn ta’ żvilupp ibbilanċjat ekonomiku u soċjali fil-Komunità;

[...]

(12)      Billi l-Istati Membri għndhom jiżguraw li r-rapreżentanti tal-ħaddiema u/jew il-ħaddiema jkollom għad-dispożizzjoni tagħhom proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jassiguraw li l-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva jitwettqu”.

4        L‑Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘redundancies kollettivi’ ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla ta’ l-Istati Membri, in-numru tar-redundancies huwa:

i)      jew, fuq perijodu ta’ 30 ġurnata:

[...]

–        mill-inqas 30 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw 300 ħaddiema jew iżjed,

ii)      jew, fuq perijodu ta’ 90 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi jkun in-numru ta’ impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti inkwistjoni;

[...]”

5        L‑Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Meta dak li jħaddem ikun qed jikkontempla redundancies kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim.

2.      Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies kollettivi jew tnaqqis ta’ numri ta’ impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-riklassifikazzjoni jew għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jużaw is-servizzi ta’ esperti skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.

3.      Sabiex jgħinu r-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jagħmlu proposti kostruttivi, min iħaddem għandu fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet:

a)      ifornihom bl-informazzjoni rilevanti kollha u

b)      f’kull każ jagħtihom notifka bil-miktub:

i)      tar-raġunijiet għar-redundancies ipproġettati;

ii)      tan-numri tal-kategoriji ta’ ħaddiema li se jisfaw bla

xogħol;

iii)      tan-numri u l-kategoriji tal-ħaddiema normalment impjegati;

iv)      tal-perijodu meta r-redundancies ipproġettati għandhom jiġu effettwati;

v)      tal-kriterji proposti għas-selezzjoni tal-ħaddiema li se jisfaw bla xogħol sakemm u safejn il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali jagħtu l-poter għal dan lil min iħaddem;

[...]

Min iħaddem għandu jgħaddi lill-awtorità pubblika kompetenti kopja ta’, mill-inqas, l-elementi tal-kommunikazzjoni bil-miktub li hemm previsti fl-ewwel subparagrafu, l-punt (b), is-subpunti (i) sa (v).”

6        L-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprovdu:

“Kull min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta’ redundancies kollettivi.

[...]

Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r-redundancies kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għar-redundancy, in-numru ta’ ħaddiema li ser jisfgħu mingħajr xogħol, in-numru ta’ ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih il-redundancy għandu jiġi effettwat.”

7        Skont l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 98/59:

“1.      Il-redundancies kollettivi pproġettati nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti m’għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) bla ħsara għal xi dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward ta’ l-avviż tat-tkeċċija mix-xogħol.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorità pubblika kompetenti sabiex tnaqqas il-perijodu msemmi fis-subparagrafu preċedenti.

2.      Il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jintuża millawtorità pubblika kompetenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mir-redundancies kollettivi proġettati.”

8        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi għall-infurzar ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva huma disponibbli għar-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew għall-ħaddiema.”

 Id‑dritt Ġermaniż

 Il-Kodiċi Ċivili

9        Skont l-Artikolu 134(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (Il-Kodiċi Ċivili):

“Kull att ġuridiku kuntrarju għal projbizzjoni legali huwa null sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.”

 Il-Liġi dwar il-Protezzjoni Kontra t-Tkeċċijiet

10      L-Artikolu 4 tal-Kündigungsschutzgesetz (il- Il-Liġi dwar il-Protezzjoni Kontra t-Tkeċċijiet), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KSchG”), jipprovdi:

“Meta ħaddiem jixtieq jikkontesta tkeċċija minħabba li hija soċjalment inġustifikata jew, għal raġunijiet oħra, legalment ineffettiva, huwa obbligat, fit-tliet ġimgħat wara l-komunikazzjoni bil-miktub tat-tkeċċija, jippreżenta rikors quddiem [l-Arbeitsgericht (il-Qorti Industrijali, il-Ġermanja)], intiż sabiex jiġi kkonstatat li t-tkeċċija ma temmitx ir-relazzjoni ta’ xogħol. [...]”

11      Skont l-Artikolu 17 tal-KSchG:

“(1)      “Il-persuna li timpjega hija obbligata li tikkomunika lill-Aġenzija tal-Impjiegi qabel ma tkeċċi:

[...]

2.      fl-istabbilimenti li normalment jimpjegaw mhux inqas minn 60 u inqas minn 500 ħaddiem: 10 % tal-ħaddiema normalment impjegati fl-istabbiliment jew iktar minn 25 ħaddiem,

[...]

matul perijodu ta’ 30 jum kalendarju. [...]

[...]

(3)      [...]  Il-komunikazzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha ssir bil-miktub u tkun akkumpanjata bl-opinjoni tal-Kunsill tax-Xogħol dwar it-tkeċċijiet. Fin-nuqqas ta’ opinjoni tal-Kunsill tax-Xogħol, il-komunikazzjoni tieħu effett jekk il-persuna li timpjega tressaq elementi li jippermettu li jiġi preżunt li hija informat lill-Kunsill tax-Xogħol tal-inqas ġimagħtejn qabel ma pproċediet bil-komunikazzjoni skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 2, u jekk tagħti rendikont dwar l-istat tal-konsultazzjonijiet. Il-komunikazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar l-isem tal-persuna li timpjega, is-sede tagħha u t-tip ta’ impriża, kif ukoll dwar ir-raġuni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija, in-numru u l-kategoriji ta’ ħaddiema li għandhom jitkeċċew kif ukoll ħaddiema normalment impjegati, il-perijodu li matulu huwa maħsub li jsiru t-tkeċċijiet, u l-kriterji previsti għall-għażla ta’ ħaddiema li għandhom jitkeċċew. Bi qbil mal-Kunsill tax-Xogħol, il-komunikazzjoni għandha tinkludi wkoll, għall-kollokament, informazzjoni dwar is-sess, l-età, il-professjoni u n-nazzjonalità tal-ħaddiema li għandhom jitkeċċew. [...]”

12      L-Artikolu 18(1) u (2) tal-KSchG huwa fformulat kif ġej:

“(1)      It-tkeċċijiet li għandhom jiġu kkomunikati skont l-Artikolu 17 jidħlu fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ xahar mir-riċezzjoni tal-komunikazzjoni mill-Aġenzija tal-Impjiegi biss bi kunsens ta’ din tal-aħħar, fejn l-imsemmi kunsens jista’ jingħata wkoll retroattivament sad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.

(2)      F’ċerti każijiet, l-Aġenzija tal-Impjiegi għandu l-fakultà li tiddeċiedi li t-tkeċċijiet ma jidħlux fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ terminu massimu ta’ xahrejn wara r-riċezzjoni tal-komunikazzjoni.”

13      L-Artikolu 20(1) tal-KSchG jipprovdi:

“Id-deċiżjonijiet tal-Aġenzija tal-Impjiegi msemmija fl-Artikolu 18(1) u (2) għandhom jittieħdu mit-tmexxija tagħha jew minn kumitat (korp deċiżjonali). [...]”

 Il-Ktieb III tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali

14      Skont l-Artikolu 2(3) tas-Sozialgesetzbuch, Drittes Buch (il-Ktieb III tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem is-“SGB III”):

“Il-persuni li jimpjegaw għandhom jinformaw lill-Aġenziji tal-Impjiegi fi stadju bikri dwar il-bidliet li jaffettwaw l-impriża li jistgħu jkollhom riperkussjonijiet fuq l-impjieg. Dan jinkludi b’mod partikolari t-tħabbir lill-aġenziji

[...]

4)      l-ipproġettar ta’ tnaqqis tal-attività jew ta’ rilokazzjoni, kif ukoll ir-riperkussjonijiet tagħhom u

5)      il-pjanijiet maħsuba sabiex jiġu evitati t-tkeċċijiet ta’ ħaddiema jew sabiex tiġi organizzata t-tranżizzjoni tagħhom lejn impjiegi ġodda.”

15      L-Artikolu 38 tas-SGB III jipprovdi:

“(1)      Il-persuni li [...] l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom jintemm huma obbligati jirreġistraw ruħhom bħala persuni li qed ifittxu impjieg mal-Aġenzija tal-Impjiegi mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, billi jindikaw id-data personali tagħhom u d-data tat-tmiem tal-[...] kuntratt ta’ xogħol. Meta t-tul ta’ żmien bejn l-għarfien tad-data tal-waqfien ta’ […] relazzjoni ta’ xogħol u tal-waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol ikun inqas minn tliet xhur, huma għandhom jirreġistraw ruħhom f’terminu ta’ tlett ijiem minn meta jsiru jafu d-data tal-waqfien. L-obbligu ta’ reġistrazzjoni jeżisti indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk it-tkomplija ta’ [...] ir-relazzjoni ta’ xogħol tiġix invokata fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja jew maħsuba mill-persuna li timpjega. [...]”

(1a)      L-Aġenzija tal-Impjiegi kompetenti għandha twettaq l-ewwel intervista ta’ konsulenza u ta’ kollokament mal-persuna rreġistrata bħala persuna li qed tfittex impjieg konformement mal-paragrafu 1, immedjatament wara r-reġistrazzjoni tagħha bħala persuna li qed tfittex impijeg, [...]”

 Il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Industrijali

16      L-Artikolu 45 tal-Arbeitsgerichtsgesetz (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Industrijali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ArbGG”), jipprovdi:

“(1)      Għandha tinħoloq Awla Manja fi ħdan il-[Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-‘Awla Manja’)].

(2)      L-Awla Manja għandha tiddeċiedi meta awla tkun tixtieq titbiegħed mid-deċiżjoni ta’ awla oħra jew tal-Awla Manja dwar kwistjoni ġuridika.

(3)      Rinviju quddiem l-Awla Manja huwa ammissibbli biss jekk l-awla li tkun adottat id-deċiżjoni li awla oħra tixtieq titbiegħed minnha tkun iddikjarat, fuq it-talba ta’ din l-aħħar awla, li hija żżomm il-pożizzjoni legali tagħha. [...] L-awla kkonċernata għandha tiddeċiedi dwar it-talba u dwar ir-risposta permezz ta’ digriet adottat fil-kompożizzjoni meħtieġa għas-sentenzi.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Mis-sena 2012, BL kienet taħdem bħala kaptan, għall-kumpannija Luftfahrtgesellschaft Walter mbH, li kienet timpjega madwar 348 impjegat.

18      Fil‑15 ta’ Ġunju 2020, din il-kumpannija, skont l-Artikolu 17(2) tal-KSchG, bdiet proċedura ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-persunal tal-kaptani fid-dawl tat-tkeċċija ta’ dawn tal-aħħar.

19      Fit‑30 ta’ Ġunju 2020, l-imsemmija kumpannija ddeċidiet li twaqqaf l-attivitajiet tagħha b’effett immedjat.

20      Fl‑1 ta’ Lulju 2020, infetħet proċedura ta’ insolvenza fil-konfront tal-istess kumpannija. Dr. A ġie nnominat bħala l-istralċjarju tagħha.

21      Fl-istess jum, Dr. A kkomunika l-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika kompetenti. L-opinjoni definittiva tar-rappreżentanti tal-persunal ma ġietx annessa ma’ din il-komunikazzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-possibbiltà, prevista sussidjarjament mid-dritt nazzjonali, li jiġi mehmuż rendikont tal-istat tal-konsultazzjonijiet, l-imsemmija komunikazzjoni sempliċement indikat li l-proċedura ta’ konsultazzjoni kienet inbdiet u li kienet ser titkompla, mingħajr madankollu ma pprovdiet informazzjoni dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet li seħħew fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

22      Din l-awtorità kkonfermat li rċeviet il-komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva, filwaqt li ppreċiżat li hija kkonfermat “esklużivament” ir-riċezzjoni tad-dokumenti mehmuża ma’ din il-komunikazzjoni.

23      Fil-bidu ta’ Lulju 2020, Dr. A keċċa l-persunal tal-kabina kif ukoll il-persunal fuq l-art, li għalihom ma kienet ikkostitwita ebda rappreżentazzjoni tal-ħaddiema.

24      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Lulju 2020, huwa xolja wkoll il-kuntratti ta’ xogħol ta’ BL u ta’ kaptani oħra fil-kuntest tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva, b’effett f’terminu ta’ tliet xhur.

25      Fis‑17 ta’ Awwissu 2020, BL ippreżentat rikors quddiem l-Arbeitsgericht Berlin (il-Qorti Industrijali ta’ Berlin, il-Ġermanja), intiż sabiex tiġi kkonstatata, minn naħa, in-nullità tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha u, min-naħa l-oħra, iż-żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol. Insostenn tar-rikors tagħha, hija sostniet b’mod partikolari li l-proċedura ta’ konsultazzjoni kif prevista mill-KSchG ma kinitx ġiet osservata.

26      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2020, din il-qorti ddikjarat li ma kellhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors u rrinvijat il-kawża quddiem l-Arbeitsgericht Düsseldorf (il-Qorti Industrijali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja).

27      Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2020, din l-aħħar qorti ċaħdet ir-rikors ta’ BL minħabba li din il-proċedura ta’ konsultazzjoni kif ukoll il-proċedura ta’ komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva kienu ġew debitament osservati.

28      Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, il-Landesarbeitsgericht Hamburg (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) ċaħdet l-appell ippreżentat minn BL kontra din l-aħħar sentenza.

29      BL ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali), li hija l-qorti tar-rinviju. Il-kawża ġiet assenjata lis-Sitt Awla ta’ din il-qorti (iktar ’il quddiem is-“Sitt Awla”).

30      Din l-awla tirrileva li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li ssir il-komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva kif preskritt neċessarjament ikollu bħala konsegwenza n-nullità tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni, fl-assenza ta’ sanzjoni prevista mid-dritt nazzjonali, f’każ ta’ assenza ta’ komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva jew fil-każ ta’ komunikazzjoni żbaljata jew inkompleta tiegħu. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tindika li, sa dak iż-żmien, skont il-ġurisprudenza tagħha stess, is-sanzjoni applikata f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu hija n-nullità tat-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ikkonċernati, konformement mal-Artikolu 134 tal-Kodiċi Ċivili.

31      B’hekk, hija tippreċiża li din is-sanzjoni deċiża abbażi ta’ din id-dispożizzjoni għandha bħala konsegwenza li r-relazzjoni ta’ xogħol tkompli, li jimplika l-ħlas lill-ħaddiem tar-remunerazzjoni tiegħu, sakemm il-persuna li timpjega xxolji mill-ġdid il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, wara li tkun bdiet proċedura ġdida ta’ konsultazzjoni u ta’ komunikazzjoni, sa fejn jintlaħqu l-livelli previsti fl-Artikolu 17(1) tal-KSchG.

32      Madankollu, is-Sitt Awla tosserva li hija ma għandhiex l-intenzjoni li żżomm din il-ġurisprudenza, peress li s-sanzjoni ta’ nullità, minkejja li tosserva l-prinċipju tal-effett utli, tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li, minn naħa, l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika kompetenti ma għandhiex ikollha effett fuq ir-rieda tal-persuna li timpjega li xxolji l-kuntratt individwali ta’ xogħol u, min-naħa l-oħra, tali sanzjoni tillimita l-marġni ta’ evalwazzjoni tal-persuna li timpjega fl-implimentazzjoni tax-xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol, u dan b’kontradizzjoni mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 31).

33      Madankollu, fid-dawl tal-Artikolu 45 tal-ArbGG, tbegħid mill-ġurisprudenza jkun possibbli biss jekk it-Tieni Awla tal-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) (iktar ’il quddiem it-“Tieni Awla”) tagħti l-kunsens tagħha għal dan, peress li, ukoll skont il-ġurisprudenza ta’ din l-awla, il-komunikazzjoni żbaljata ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva jew l-assenza ta’ komunikazzjoni tiegħu twassal għan-nullità tax-xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol ikkonċernati.

34      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, konformement mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-Awla Manja ta’ din il-qorti tagħti deċiżjoni meta awla tixtieq titbiegħed mid-deċiżjoni ta’ awla oħra jew tal-Awla Manja dwar kwistjoni ġuridika. Skont il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, rinviju quddiem l-Awla Manja jkun ammissibbli biss jekk l-awla li tkun adottat id-deċiżjoni li awla oħra tixtieq titbiegħed minnha tkun iddikjarat, fuq talba ta’ din l-aħħar awla, li hija żżomm il-pożizzjoni legali tagħha.

35      Is-Sitt Awla tesponi li hija bdiet din il-proċedura interna ta’ konsultazzjoni permezz ta’ talba għal kjarifika indirizzata lit-Tieni Awla fl‑14 ta’ Diċembru 2023, peress li din it-Tieni Awla sussegwentement adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawża C‑134/24, Tomann, b’talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 98/59.

36      F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-imsemmija Tieni Awla tistaqsi dwar is-segwitu li għandu jingħata lix-xoljiment ta’ kuntratti ta’ xogħol imwettaq fl-assenza ta’ tali komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva, kif prevista minn din id-direttiva, b’mod partikolari dwar l-obbligu tal-persuna li timpjega li tipproċedi b’tali komunikazzjoni.

37      Is-Sitt Awla tqis li, minkejja l-imsemmija talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tieni Awla, it-tressiq ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża huwa wkoll neċessarju sabiex ikunu magħrufa l-konsegwenzi legali mhux tal-assenza ta’ komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva, bħalma huwa l-każ fil-Kawża C‑134/24, Tomann, iżda, bħal f’dan il-każ, ta’ komunikazzjoni żbaljata jew inkompleta.

38      F’dan ir-rigward, is-Sitt Awla tenfasizza li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’ tiġi adita, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, biss jekk tilwima tkun pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u jekk din tintalab tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja.

39      Issa, is-Sitt Awla tistaqsi jekk it-Tieni Awla kinitx awtorizzata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn it-tilwima li hija s-suġġett tal-imsemmija proċedura interna ta’ konsultazzjoni ma hijiex pendenti quddiem it-Tieni Awla, iżda quddiem is-Sitt Awla. Fil-kuntest tal-istess proċedura interna ta’ konsultazzjoni, din it-Tieni Awla hija għalhekk mistoqsija b’mod astratt, u dan huwa kkonfermat mill-assenza ta’ proċedura kontradittorja quddiemha. Barra minn hekk, ir-risposta tat-Tieni Awla ma tingħatax fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja, peress li hija ma hijiex adita bil-kawża prinċipali.

40      Għaldaqstant is-Sitt Awla biss tista’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-proċedura interna ta’ konsultazzjoni tikkostitwixxi biss kundizzjoni għall-ammissibbiltà tat-tressiq tal-kawża quddiem l-Awla Manja tal-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) skont l-Artikolu 45 tal-ArbGG.

41      Madankollu, fin-nuqqas ta’ risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 4(1) sa (3) u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59, it-Tieni Awla ma tkunx f’pożizzjoni li tirrispondi għat-talba għal kjarifika magħmula fil-kuntest tal-proċedura interna ta’ konsultazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 45(3) tal-ArbGG, li jiġġustifika t-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mis-Sitt Awla għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/59.

42      Permezz tal-ewwel domanda tagħha f’din il-kawża, analoga għar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑134/24, Tomann, is-Sitt Awla tistaqsi, minn naħa, jekk, fid-dawl tas-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, G GmbH (C‑134/22, EU:C:2023:567, punt 34 et seq.), l-għan tal-proċedura ta’ komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika kompetenti, previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59, li jikkonsisti fil-fatt li t-tkeċċijiet kollettivi jiġu ppreċeduti mill-informazzjoni ta’ din l-awtorità, jista’ jitqies li ntlaħaq meta din l-awtorità ma tqajjem ebda oġġezzjoni fir-rigward tan-natura inkompleta tal-komunikazzjoni u b’hekk tagħti x’tifhem li hija tqis lilha nnifisha informata biżżejjed sabiex twettaq il-missjoni tagħha li tikkonsisti f’li tfittex soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet kollettivi maħsuba fit-termini previsti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

43      Min-naħa l-oħra, is-Sitt Awla tistaqsi jekk l-għan imfittex mill-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jistax ukoll jitqies li ntlaħaq meta dispożizzjoni nazzjonali li taqa’ taħt il-qasam tal-promozzjoni tal-impjieg, bħall-Artikolu 2 tas-SGB III, tipprovdi li l-persuna li timpjega tikkoopera mal-awtorità pubblika kompetenti sabiex jiġu evitati jew limitati s-sitwazzjonijiet ta’ qgħad, anki jekk din id-dispożizzjoni ma taqax taħt dawk relatati mal-proċedura ta’ tkeċċija kollettiva li huma formalment trasposti mill-Artikoli 17 et seq tal-KSchG u/jew meta d-dritt nazzjonali jipprovdi li l-awtorità nazzjonali għall-impjieg hija obbligata tinvestiga ex officio fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tkeċċija kollettiva.

44      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li tikkorrispondi għall-ewwel sat-tielet domanda fil-Kawża C‑134/24, Tomann, u li hija magħmula fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda f’din il-kawża, is-Sitt Awla, li tiddubita l-pożizzjoni difiża mit-Tieni Awla, tixtieq tkun taf jekk l-għan tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59 jistax jitqies bħala li ntlaħaq meta l-komunikazzjoni ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva, li hija inkompleta jew ineżistenti, tista’ tiġi kkoreġuta, ikkompletata jew irregolarizzata wara li l-impjegat ikun ġie informat bit-tkeċċija tiegħu.

45      Permezz tat-tielet domanda tagħha, is-Sitt Awla tistaqsi dwar ir-rabta bejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59, b’mod partikolari dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 6 fid-dawl ta’ dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1), li jipprevedi perijodu ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni, li jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi s-sanzjoni ta’ komunikazzjoni żbaljata jew ta’ assenza ta’ komunikazzjoni ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva.

46      F’dan ir-rigward, hija tosserva b’mod partikolari li l-imsemmi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ma jipprovdi ebda sanzjoni dwar l-iżbalji li jaffettwaw il-proċedura ta’ komunikazzjoni ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva. Il-perijodu ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni, li huwa previst fih ma jikkostitwixxix sanzjoni iżda jkollu bħala għan li jippermetti lill-awtorità kompetenti li tfittex soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet kollettivi maħsuba. Kieku kien mod ieħor, l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva ma jkollux sinjifikat awtonomu fir-rigward tal-proċedura ta’ komunikazzjoni.

47      Għaldaqstant, is-sanzjoni applikabbli għal żbalji li jaffettwaw il-proċedura ta’ komunikazzjoni ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva għandha tiġi prevista mil-leġiżlatur nazzjonali fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet dwar il-promozzjoni tal-impjieg. Fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva u fl-istennija tal-intervent ta’ dan il-leġiżlatur fid-dawl tal-previżjoni ta’ tali sanzjoni, id-determinazzjoni tagħha għandha ssir mill-qrati kompetenti.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sitt Awla tal-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Għandu jitqies li l-għan ta’ preavviż ta’ tkeċċija kollettiva jiġi ssodisfatt, b’mod li ebda sanzjoni ma tkun neċessarja, meta l-aġenzija nazzjonali tax-xogħol ma toġġezzjonax fir-rigward ta’ preavviż ta’ tkeċċija kollettiva – oġġettivament żbaljat – u għalhekk tqis lilha nnifisha suffiċjentement informata sabiex twettaq il-kompiti tagħha fit-termini previsti fl-Artikolu 4 tad-[Direttiva 98/59]?

Dan japplika, fi kwalunkwe każ, meta t-twettiq tal-għan tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59 jiġi żgurat b’dispożizzjoni nazzjonali tal-liġi tal-promozzjoni tax-xogħol u/jew l-aġenzija nazzjonali tax-xogħol jkollha dmir li tinvestiga ex officio?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: l-għan tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59 jista’ wkoll jintlaħaq meta preavviż żbaljat jew assenza totali ta’ preavviż ta’ tkeċċija kollettiva jistgħu jiġu rrettifikati jew ikkompletati jew anki rregolarizzati wara n-notifika tat-tkeċċija?

3)      Jekk, fil-każ ta’ preavviż żbaljat jew ta’ assenza totali ta’ preavviż ta’ tkeċċija kollettiva, il-perijodu ta’ projbizzjoni ta’ tkeċċija msemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/59 ikun jikkostitwixxi s-sanzjoni tal-iżbalji li jivvizzjaw il-preavviż, liema kamp ta’ applikazzjoni jibqagħlu f’dan ir-rigward l-Artikolu 6 [ta’ din id-Direttiva]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

49      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-għan tal-komunikazzjoni ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika kompetenti jista’ jitqies li jkun intlaħaq, minn naħa, meta din l-awtorità ma tqajjem ebda oġġezzjoni għal komunikazzjoni żbaljata jew inkompleta u jekk tqis lilha nnifisha għalhekk li hija informata biżżejjed sabiex tfittex soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet kollettivi maħsuba fit-terminu previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li l-persuna li timpjega tikkoopera mal-imsemmija awtorità sabiex jiġu evitati jew limitati s-sitwazzjonijiet ta’ qgħad u/jew li l-awtorità nazzjonali għall-impjieg hija obbligata tinvestiga ex officio fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tkeċċija kollettiva.

50      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel domanda, għandu jitfakkar l-ewwel nett li l-għan prinċipali tal-imsemmija direttiva jikkonsisti f’li qabel it-tkeċċijiet kollettivi jkun hemm konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema kkonċernati u l-awtorità pubblika kompetenti tiġi informata (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, G GmbH, C‑134/22, EU:C:2023:567, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Minn dan isegwi li, meta l-kundizzjonijiet kwantitattivi u temporali għall-applikazzjoni tal-istess direttiva, stabbiliti fl-Artikolu 1 tagħha, ikunu ssodisfatti, żewġ obbligi proċedurali għandhom jiġu osservati minn kull persuna li timpjega li taħseb li twettaq tkeċċijiet kollettivi.

52      Minn naħa, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59, il-persuna li timpjega kkonċernata hija obbligata twettaq konsulatazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Konformement mal-Artikolu 2(2) tagħha, il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru l-possibbiltajiet li jiġu evitati jew imnaqqsa l-konsegwenzi bl-użu ta’ miżuri soċjali li jakkumpanjawhom immirati b’mod partikolari li jgħinu għar-riklassifikazzjoni jew għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema mkeċċija. B’mod partikolari, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, din il-persuna li timpjega hija obbligata li tipprovdi lir-rappreżentanti tal-ħaddiema l-informazzjoni utli kollha u li tikkomunikalhom, fi kwalunkwe każ, bil-miktub l-elementi msemmija fil-punt (b) ta’ dan is-subparagrafu.

53      Min-naħa l-oħra, l-imsemmija persuna li timpjega hija obbligata, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1), li tikkomunika bil-miktub kull ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva tal-awtorità pubblika kompetenti.

54      Konformement mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, “Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r-redundancies kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għar-redundancy, in-numru ta’ ħaddiema li ser jisfgħu mingħajr xogħol, in-numru ta’ ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih il-redundancy għandu jiġi effettwat”.

55      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/59 jipprovdi li tali “redundancies kollettivi pproġettati nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti”, flimkien mal-informazzjoni utli msemmija fil-punt preċedenti, jidħlu fis-seħħ mhux qabel 30 jum wara din il-komunikazzjoni, terminu li din l-awtorità għandha tapplika, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, sabiex tfittex soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet kollettivi maħsuba.

56      L-obbligu ta’ komunikazzjoni għandu għalhekk jippermetti lil din l-awtorità tesplora, fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha mibgħuta lilha mill-persuna li timpjega, il-possibbiltajiet li jiġu limitati, permezz ta’ miżuri adatti għad-data li tikkaratterizza s-suq tal-impjieg u l-attività ekonomika li fiha jaqgħu dawn it-tkeċċijiet kollettivi, il-konsegwenzi negattivi tal-imsemmija tkeċċijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, G GmbH, C‑134/22, EU:C:2023:567, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Dan l-Artikolu 4 għalhekk jiggarantixxi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, perijodu minimu li din l-awtorità għandu jkollha sabiex tieħu l-miżuri msemmija fil-punt preċedenti (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2005, Junk, C‑188/03, EU:C:2005:59, punt 51).

58      Minn dan isegwi li, fil-każ fejn il-persuna li timpjega ma tkunx ikkomunikat lill-awtorità pubblika kompetenti l-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva b’konformità mal-obbligi tagħha skont id-Direttiva 98/59 u fejn din l-awtorità ma jkollhiex l-informazzjoni utli kollha li tippermetti li jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet kollettivi maħsuba, l-għan prinċipali ta’ din id-direttiva ma jistax jitqies li ntlaħaq.

59      F’dan il-każ, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, proċess f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva mwettqa minn Dr. A, fil‑1 ta’ Lulju 2020, kif imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, kienet żbaljata jew inkompleta, peress li ma kinitx tinkludi l-informazzjoni utli kollha msemmija fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva.

60      F’dan ir-rigward, il-fatt li l-awtorità pubblika kompetenti sempliċement ikkonfermat li rċeviet din il-komunikazzjoni żbaljata jew inkompleta, mingħajr madankollu ma ddeċidiet dwar il-konformità tagħha mar-rekwiżiti tal-istess direttiva, ma jistax evidentement iwassal sabiex jitqies li l-imsemmija komunikazzjoni hija madankollu konformi mar-rekwiżiti tagħha.

61      Ċertament, din l-awtorità ma għandhiex l-għan li teżamina s-sitwazzjoni individwali ta’ kull wieħed mill-ħaddiema kkonċernati mill-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva. Madankollu, sa fejn l-azzjoni ta’ din l-awtorità hija intiża sabiex tkopri globalment it-tkeċċijiet kollettivi maħsuba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, G GmbH, C‑134/22, EU:C:2023:567, punt 37), komunikazzjoni żbaljata jew inkompleta tipprekludiha milli twettaq il-missjoni tagħha li tikkonsisti fit-tfittxija ta’ soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet kollettivi maħsuba, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 98/59.

62      Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel domanda, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 51 sa 55 ta’ din is-sentenza jirriżulta diġà li ebda persuna li timpjega ma tista’ tiġi eżentata mill-obbligi proċedurali stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva permezz biss tar-regolarizzazzjoni ta’ komunikazzjoni inizjalment żbaljata jew inkompleta, imwettqa ex officio mill-awtorità pubblika kompetenti abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

63      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li tali regolarizzazzjoni tista’ tippreġudika l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-ewwel u mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tagħha, li minnu jirriżulta li t-terminu ta’ 30 jum imsemmi fih jibda jiddekorri biss wara l-komunikazzjoni, mill-persuna li timpjega, ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika kompetenti konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

64      Min-naħa l-oħra, iż-żmien li l-awtorità pubblika kompetenti għandha tiddedika għall-passi neċessarji għal tali regolarizzazzjoni ex officio jista’ jipprekludi lil din l-awtorità milli tuża dan it-terminu kollu ta’ 30 jum sabiex tfittex soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet kollettivi maħsuba, konformement mal-Artikolu 4(2) tal-istess direttiva.

65      Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali li teżenta lil kull persuna li timpjega mill-obbligu tagħha, skont id-Direttiva 98/59, li tikkomunika kif preskritt kull ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika kompetenti tista’ tippreġudika l-effett utli tagħha, anki jekk din il-leġiżlazzjoni tippermetti barra minn hekk lil din l-awtorità li tipproċedi għat-tfittxija ta’ soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet kollettivi maħsuba skont dan l-Artikolu 4(2).

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan tal-komunikazzjoni ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika kompetenti ma jistax jitqies bħala li ntlaħaq, minn naħa, meta din l-awtorità ma tqajjem ebda oġġezzjoni għal komunikazzjoni żbaljata jew inkompleta u tqis lilha nnifisha għalhekk li hija informata biżżejjed sabiex tfittex soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet kollettivi maħsuba fit-terminu previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu4(1) ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li l-persuna li timpjega tikkoopera mal-imsemmija awtorità sabiex jiġu evitati jew limitati s-sitwazzjonijiet ta’ qgħad u/jew li l-awtorità nazzjonali għall-impjieg hija obbligata tinvestiga ex officio fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tkeċċija kollettiva.

 Fuq it-tieni domanda

67      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-għan tal-komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika kompetenti jista’ jitqies bħala li ntlaħaq meta komunikazzjoni żbaljata jew nieqsa ta’ tali pproġettar tista’ tiġi rrettifikata, ikkompletata jew irregolarizzata wara li l-ħaddiem ikkonċernat ikun ġie informat bix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.

68      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, bħala prinċipju l-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata li tagħti deċiżjoni, meta d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett ta’ din it-tilwima fil-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għal din id-domanda (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Credit Suisse Securities (Europe), C‑601/23, EU:C:2024:1048, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, mill-proċess f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Dr. A ma pprovax jirrettifika, jikkompleta jew jirregolarizza l-komunikazzjoni żbaljata tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiv li seħħet fl‑1 ta’ Lulju 2020.

70      Għalhekk, jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59 mitluba mill-qorti tar-rinviju hija ipotetika u li, għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju fir-realtà tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tifformula opinjoni konsultattiva, bi ksur tal-missjoni tagħha fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Ararat, C‑156/23, EU:C:2024:892, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Minn dan isegwi li t-tieni domanda hija inammissibbli.

 Fuq it-tielet domanda

72      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ komunikazzjoni żbaljata jew inkompleta ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva, il-fatt li t-terminu ta’ 30 jum previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva ma jiddekorrix jikkostitwixxi miżura intiża sabiex jiġi osservat, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6, l-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva.

73      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni tar-rabta bejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6 tal-istess direttiva tqum b’mod partikolari fil-każ fejn il-komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva tkun żbaljata jew inkompleta, li jiġġustifika li t-terminu ta’ 30 jum previst f’din l-ewwel dispożizzjoni ma jiddekorrix sakemm ma tkunx saret komunikazzjoni konformi mad-Direttiva 98/59.

74      L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew il-ħaddiema jkollhom proċeduri amministrattivi u/jew ġudizzjarji bl-għan ta’ osservanza tal-obbligi previsti minnha.

75      Għalhekk, mit-termini ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu jistabbilixxu proċeduri li jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi previsti mill-imsemmija direttiva. Mill-banda l-oħra, u sa fejn din id-direttiva ma tiżviluppax iktar dan l-obbligu, huwa għall-Istati Membri li jirregolaw il-modalitajiet ta’ dawn il-proċeduri (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling, C‑12/08, EU:C:2009:466, punt 34).

76      Issa, l-imsemmi Artikolu 6 ma jiddeterminax il-miżuri preċiżi li l-Istati Membri huma obbligati jipprevedu fil-każ ta’ ksur tal-obbligi proċedurali previsti mill-istess direttiva, iżda jħalli l-libertà lil dawn tal-aħħar li jagħżlu l-miżuri xierqa sabiex jitwettaq l-għan imfittex minnha, skont id-diversi sitwazzjonijiet li jistgħu jippreżentaw ruħhom, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li dawn il-miżuri għandhom jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jkollhom effett dissważiv reali (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2023, Brink’s Cash Solutions, C‑496/22, EU:C:2023:741, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Madankollu, għandu jitfakkar li, għalkemm huwa minnu li d-Direttiva 98/59 tiżgura biss armonizzazzjoni parzjali tar-regoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi, xorta jibqa’ l-fatt li n-natura limitata ta’ armonizzazzjoni bħal din ma tistax iċċaħħad l-effett utli lid-dispożizzjonijiet tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling, C‑12/08, EU:C:2009:466, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Konsegwentement, għalkemm huwa għall-Istati Membri li jmexxu l-proċeduri li jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi previsti minn din id-direttiva, din it-tmexxija madankollu ma tistax iċċaħħad l-effett utli lid-dispożizzjonijiet tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling, C‑12/08, EU:C:2009:466, punt 36).

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li t-tkeċċijiet kollettivi li l-ipproġettar tagħhom ikun ġie kkomunikat lill-awtorità pubblika kompetenti jidħlu fis-seħħ mhux qabel 30 jum wara l-komunikazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, bla ħsara tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fil-qasam ta’ terminu ta’ preavviż. Minn dan isegwi li dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) għandu jitqies biss bħala li jipprevedi s-sempliċi konsegwenza legali tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li għandha l-persuna li timpjega li tikkomunika kif preskritt l-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva, fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema kkonċernati u tar-rappreżentanti tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ tkeċċija kollettiva.

80      Madankollu l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59 isegwi għan differenti. Dan huwa intiż li jiggarantixxi l-osservanza tal-obbligi proċedurali previsti minn din id-direttiva, b’mod partikolari dak, previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tagħha, li jimponi fuq il-persuna li timpjega li tikkomunika bil-miktub kif preskritt kull ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika kompetenti. Dan l-artikolu huwa għalhekk intiż sabiex jiżgura l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva bl-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali effettivi, effikaċi u proporzjonati.

81      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-unika miżura nazzjonali li l-qorti tar-rinviju tqis li tista’ tapplika f’dan il-każ, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi imposti fuq il-persuna li timpjega fil-kuntest tal-proċedura ta’ komunikazzjoni ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva, tikkonsisti fis-sospensjoni tat-terminu ta’ preavviż għal tul ekwivalenti għal dak previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva, li jwassal għall-estensjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-ħaddiema kkonċernati.

82      Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 79 u 80 ta’ din is-sentenza, it-terminu ta’ 30 jum previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/59, u l-miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 6 tagħha, li huma intiżi sabiex jiġu osservati l-obbligi ta’ din id-direttiva, isegwu skopijiet differenti.

83      Minn dan isegwi li s-sospensjoni tat-terminu ta’ preavviż għal tul allinjat fuq dan it-terminu ta’ 30 jum, fl-ipoteżi ta’ komunikazzjoni żbaljata jew inkompleta ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika kompetenti, sal-mument li fih issir komunikazzjoni konformi mal-imsemmija direttiva, minn naħa, ma tistax tissostitwixxi s-sempliċi konsegwenza legali tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li l-persuna li timpjega għandha li tikkomunika kif preskritt l-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva, skont dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u, min-naħa l-oħra, ma tistax teżenta lill-Istati Membri milli jadottaw, barra minn hekk, miżura effettiva, effikaċi u proporzjonata ta’ natura li tħeġġeġ lill-persuna li timpjega tosserva l-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, u b’hekk jiġi ggarantit l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tagħha, bħal, b’mod partikolari, il-kumpens tal-ħaddiema kkonċernati.

84      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ komunikazzjoni żbaljata jew inkompleta ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva, il-fatt li t-terminu ta’ 30 jum previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva ma jiddekorrix ma jikkostitwixxix miżura intiża sabiex jiġi osservat, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6, l-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

85      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/1794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-għan tal-komunikazzjoni ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika kompetenti ma jistax jitqies bħala li ntlaħaq, minn naħa, meta din l-awtorità ma tqajjem ebda oġġezzjoni għal komunikazzjoni żbaljata jew inkompleta u tqis lilha nnifisha għalhekk li hija informata biżżejjed sabiex tfittex soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet kollettivi maħsuba fit-terminu previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li l-persuna li timpjega tikkoopera mal-imsemmija awtorità sabiex jiġu evitati jew limitati s-sitwazzjonijiet ta’ qgħad u/jew li l-awtorità nazzjonali għall-impjieg hija obbligata tinvestiga ex officio fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tkeċċija kollettiva.

2)      LArtikolu 6 tad-Direttiva 98/59, kif emendat bid-Direttiva 2015/1794,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ ta’ komunikazzjoni żbaljata jew inkompleta ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva, il-fatt li t-terminu ta’ 30 jum previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva ma jiddekorrix ma jikkostitwixxix miżura intiża sabiex jiġi osservat, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6, l-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva.

Firem


*      Lingwa tal‑kawża: il‑Ġermaniż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

Top