Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CC0855

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Biondi, ippreżentati fis-26 ta’ Marzu 2026.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2026:273

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BIONDI

ippreżentati fis-26 ta’ Marzu 2026 (1)

Kawża C855/24 P

Crown Holdings, Inc.,

Crown Cork & Seal Deutschland Holdings GmbH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-imballaġġi tal-metall – Ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea fuq talba ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”






I.      Introduzzjoni

1.        F’dan l-appell, Crown Holdings, Inc., u Crown Cork & Seal Deutschland Holdings GmbH (iktar ’il quddiem flimkien “Crown”), qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Ottubru 2024, Crown Holdings u Crown Cork & Seal Deutschland vs Il-Kummissjoni (T‑587/22, EU:T:2024:661, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħhom ippreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 4761 final tat-12 ta’ Lulju 2022 (2) (iktar ’il quddiem: id-“deċiżjoni kontenzjuża”) (3), dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (Każ AT.40522 – Imballaġġi tal-metall). Fil-qosor, il-Kummissjoni Ewropea, fuq talba tal-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Awtorità nazzjonali”), fetħet proċeduri kontra, inter alia, Crown. L-Awtorità nazzjonali talbet lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura peress li l-lakuni preżenti fid-dritt Ġermaniż fis-seħħ dak iż-żmien ma kinux jippermettu li l-kumpanniji kkonċernati jiġu ssanzjonati b’mod effettiv, peress li, wara r-ristrutturazzjoni tal-kumpannija mwettqa mill-kumpanniji ta’ Crown, ma kienx possibbli li jiġu identifikati l-kumpanniji kollha li wettqu l-ksur (4). Fi tmiem il-proċedura, il-Kummissjoni kkonstatat (5) ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE fil-qasam tal-imballaġġi tal-metall fil-Ġermanja mill-11 ta’ Marzu 2011 sat-18 ta’ Settembru 2014 u imponiet fuq Crown multa ta’ EUR 7 670 000, imnaqqsa b’50 % b’applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (6) u b’10 % skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-transazzjoni (7).

2.        Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet fil-mertu l-motivi kollha mqajma insostenn tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament Nru 1/2003

3.        Fil-kuntest ta’ dan l-appell huwa rilevanti l-Artikolu 11(3) u (6) tar-Regolament Nru 1/2003 (8) dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 101 u 102 TFUE.

4.        L-Artikolu 11(3) u (6), intitolat “Koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri”, jipprovdi:

“3.      L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri ħa ikollhom, meta jagixxu taħt l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat, tinforma il-Kummissjoni bil-kitba qabel u mingħajr l-ebda telf ta’ ħin wara il-bidu ta’ l-ewwel miżuri formali investigattivi. Din l-informazzjoni tista tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra.

[...]

6.      L-inizjazzjoni mil-Kummissjoni tal-proċeduri għall-adottazzjoni ta’ deċiżjoni taħt Kapitolu III jirrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri tal-kompetenzi tgħhom li japplikaw l-Artikoli [101 u 102 TFUE]. Jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru qed tagixxi diġa fuq il-każ, il-Kummissjoni għandha tibda proċeduri wara li tikkonsulta lil dik l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali.”

B.      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni

5.        Il-funzjonament tar-Regolament 1/2003 huwa spjegat fid-dettall fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (9) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”). Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri għandhom jifformaw flimkien netwerk ta’ awtoritajiet pubbliċi, imsejħa “European Competition Networg” (ECN) (10) (iktar ’il quddiem in-“netwerk ECN”). B’mod partikolari, fir-rigward ta’ dan l-appell, il-punt 6 (11) jipprovdi kif ġej:

“Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-awtorità li tirċievi l-ilment jew li tiftaħ il-proċedura ex officio tibqa’ responsabbli għall-każ. Il-possibbiltà ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-każ tista’ tiġi kkunsidrata biss fl-istadju inizjali tal-proċedura (ara l-punt 18), jekk l-imsemmija awtorità tqis li ma hijiex f’pożizzjoni idonea biex tintervjeni jew anki jekk awtoritajiet oħra jqisu lilhom infushom li huma f’tali pożizzjoni (ara infra l-punti 9 sa 16)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6.        Il-punt 7 jipprovdi kif ġej:

“Meta, għal raġunijiet ta’ protezzjoni effettiva tal-kompetizzjoni u tal-interess Komunitarju, l-allokazzjoni mill-ġdid tal-każ titqies neċessarja, il-membri tan-network għandhom, kull meta jkun possibbli, jippruvaw jassenjaw mill-ġdid il-każ lil awtorità waħda li tkun f’pożizzjoni idonea biex tintervjeni. Fi kwalunkwe każ, l-assenjazzjoni mill-ġdid għandha sseħħ b’mod rapidu u effettiv u ma għandhiex twassal għal dewmien fl-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7.        Il-punt 16 huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex tiġi skoperta l-eżistenza ta’ diversi proċeduri u sabiex jiġi żgurat li l-każijiet jiġu ttrattati mill-awtorità tal-kompetizzjoni li tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tagħmel dan, il-membri tan-network għandhom jiġu informati, sa mill-ewwel stadji, bil-każijiet ittrattati mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni differenti. Fil-fatt, huwa fl-interess kemm tan-network kif ukoll tal-impriżi kkonċernati li, jekk il-każ għandu jiġi assenjat mill-ġdid, dan iseħħ b’mod rapidu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8.        Il-punt 18 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jipprovdi kif ġej:

“Il-problemi ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, jekk jinqalgħu, għandhom jiġu solvuti fi żmien xieraq, normalment fi żmien xahrejn mid-data tal-ewwel informazzjoni mibgħuta lin-network, skont l-Artikolu 11 tar-[Regolament Nru 1/2003]. Matul dan il-perijodu, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jintrabtu li jilħqu ftehim dwar il-possibbiltà ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-każ u, jekk meħtieġ, dwar il-modalitajiet tal-azzjoni parallela” [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

9.        Il-punt 19 tal-imsemmija komunikazzjoni jipprovdi kif ġej:

“Bħala regola ġenerali, l-awtorità jew l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li, fi tmiem il-perijodu ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, jittrattaw każ għandhom ikomplu jittrattaw il-każ sal-għeluq tal-proċedura. Barra minn hekk, għandhom jipproċedu għall-assenjazzjoni mill-ġdid tal-każ wara l-perijodu inizjali ta’ assenjazzjoni ta’ xahrejn biss jekk, matul il-proċedura, il-fatti magħrufa tal-każ jinbidlu sostanzjalment” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10.      Il-punt 31 huwa fformulat kif ġej:

“Il-membri kollha tan-network jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-każijiet isseħħ b’mod rapidu u effiċjenti. Peress li r-[Regolament Nru 1/2003] ħoloq sistema ta’ kompetenzi paralleli, l-assenjazzjoni ta’ każijiet bejn il-membri tan-network hija sempliċi diviżjoni tax-xogħol fejn xi awtoritajiet jastjenu milli jaġixxu. Għalhekk, l-assenjazzjoni tal-każijiet ma timplikax li l-impriżi li pparteċipaw fi ksur jew li huma kkonċernati minnu jakkwistaw id-dritt li l-każ tagħhom jiġi ttrattat minn awtorità partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

11.      It-taqsima 3.2 tal-istess komunikazzjoni, intitolata “Ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(6) tar-[Regolament Nru 1/2003]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], tesponi l-funzjonament tal-ftuħ ta’ proċedura. B’mod partikolari, din it-taqsima tesponi li jistgħu jinqalgħu żewġ sitwazzjonijiet, li t-tieni waħda minnhom isseħħ meta awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni waħda jew iktar tkun informat lin-network li bdiet l-eżami ta’ każ partikolari. It-tieni ipoteżi, li hija rilevanti f’dan l-appell, hija rregolata fil-punt 54. B’mod iktar preċiż, il-punt 54 jipprovdi dan li ġej:

“It-tieni sitwazzjoni tinħoloq meta awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni waħda jew iktar tkun informat lin-network skont l-Artikolu 11(3) tar-[Regolament Nru 1/2003] li bdiet l-eżami ta’ każ partikolari. Matul il-perijodu inizjali ta’ assenjazzjoni (perijodu indikattiv ta’ xahrejn, ara l-punt 18 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni tista’ tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 11(6) tar-[Regolament Nru 1/2003], wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet ikkonċernati. Wara l-fażi tal-assenjazzjoni, il-Kummissjoni tista’, fil-prinċipju, tapplika l-Artikolu 11(6) tar-[Regolament Nru 1/2003] biss f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

[...]

d)      l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni hija meħtieġa għall-iżvilupp tal-politika Komunitarja dwar il-kompetizzjoni — b’mod partikolari meta tinqala’ l-istess problema ta’ kompetizzjoni f’diversi Stati Membri — jew sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-politika Komunitarja dwar il-kompetizzjoni;

[...].”

III. Fuq l-appell

12.      Bħal fil-Kawża Silgan, li ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi dwarha fit-12 ta’ Marzu 2026, is-suġġett prinċipali ta’ dan l-appell huwa l-funzjonament tas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, kif deskritt fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, fiċ-ċirkustanza speċifika fejn it-talba għal assenjament mill-ġdid issir wara l-fażi inizjali tal-assenjazzjoni. Għalkemm l-argumenti mressqa rispettivament minn Silgan u minn Crown għandhom aspetti komuni, Crown tqajjem ukoll argumenti addizzjonali, b’mod partikolari dwar l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u dwar il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

13.      B’mod iktar preċiż, Crown titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ proċeduri, jew, sussidjarjament tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid, u tirriżerva l-ispejjeż relattivi għall-appell.

14.      Il-Kummissjoni, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, intervenjenti fl-ewwel istanza, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil Crown għall-ispejjeż.

15.      Insostenn tal-appell tagħha, Crown tinvoka erba’ aggravji, li kollha huma kkontestati mill-Kummissjoni. L-ewwel aggravju – li fuqu ser jiġu kkonċentrati dawn il-konklużjonijiet kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja – huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari tal-punti 18 u 19 tal-Komunikazzjoni. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ aggravju, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma evalwatx il-punti ta’ liġi rilevanti kollha li Crown kienet ressqet quddiemha, u konsegwentement affettwat id-drittijiet tad-difiża tagħha.

16.      Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, l-argument ta’ Crown jinqasam f’żewġ partijiet.

17.      L-ewwel parti hija bbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-punti 18 u 19 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. It-tieni parti hija bbażata fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet konformi mal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

A.      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

18.      Crown tikkontesta l-punt 63 tas-sentenza appellata li fih il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, minkejja li l-Kummissjoni hija marbuta bil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, din il-komunikazzjoni ma ħolqitx aspettattiva leġittima li l-assenjazzjoni mill-ġdid kellha fi kwalunkwe każ isseħħ fit-terminu ta’ xahrejn previst mill-imsemmija komunikazzjoni. Apparti dan, Crown tikkontesta il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-bidla fil-fatti magħrufa tal-kawża ġġustifikat l-assenjazzjoni mill-ġdid mill-Awtorità nazzjonali lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, Crown issostni li, kuntrarjament għal dak li kkonkludiet il-Qorti Ġenerali, hija setgħet leġittimament tistenna li l-Kummissjoni ma taċċettax l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-proċedura wara li l-investigazzjoni mill-Awtorità nazzjonali damet iktar minn tliet snin (12). Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, Crown tqajjem żewġ ilmenti.

19.      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, Crown tikkontesta l-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali qieset li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma tipprovdix garanziji preċiżi fuq il-fatt li t-terminu ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ma jistax jaqbeż perijodu ta’ xahrejn u li l-punt 18 ma huwiex rilevanti f’dan il-każ. Hija tikkritika wkoll il-fatt li, skont il-Qorti Ġenerali, it-terminu ta’ xahrejn imsemmi fil-punt 18 ma huwiex vinkolanti.

20.      Permezz tat-tieni lment, Crown tikkontesta l-punti 49 u 51 tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-interpretazzjoni tagħha tat-tieni sentenza tal-punt 19 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, b’mod partikolari tal-espressjoni “fatti magħrufa tal-każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali], billi qieset li din kienet restrittiva. Skont Crown, l-espressjoni “fatti magħrufa tal-każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li tinsab fit-tieni sentenza tal-punt 19 ma tinkludix l-avvenimenti li seħħew matul il-proċedura, iżda li ma humiex relatati mal-ksur tal-kompetizzjoni bħar-ristrutturazzjoni ta’ kumpannija.

1.      Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punt 18 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

a)      L-argumenti ta’ Crown

21.      Fir-rigward tal-ewwel ilment, Crown issostni li l-punt 18 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni huwa rilevanti f’dan il-każ għal żewġ raġunijiet. Fl-ewwel lok, Crown issostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 48 tas-sentenza appellata, l-Awtorità nazzjonali u l-Kummissjoni waslu għal ftehim sabiex isolvu l-problema tal-assenjazzjoni mill-ġdid. Fit-tieni lok, Crown issostni li l-punt 18 huwa l-uniku wieħed fi ħdan il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni li jipprovdi indikazzjoni preċiża dwar ir-rekwiżit ratione temporis. Skont Crown, dan il-punt huwa għalhekk rilevanti jekk ikollu jiġi evalwat jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta l-assenjazzjoni mill-ġdid hijiex konformi mal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

22.      Hija ssostni wkoll li, kuntrarjament għal dak li kkonkludiet il-Qorti Ġenerali, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tipprevedi garanziji preċiżi ta’ natura li joħolqu aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-impriżi kkonċernati. Għalhekk, skont Crown, il-punt 18 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-problemi ta’ assenjazzjoni mill-ġdid għandhom jiġu solvuti f’terminu ta’ xahrejn jew f’terminu raġonevolment qrib xahrejn. F’dan ir-rigward, Crown issostni li r-rekwiżit tal-ħeffa fl-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ każ jista’ jiġi dedott minn punti speċifiċi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, jiġifieri l-punti 7, 16, 17, 18 u 31. Fir-realtà, Crown ma tiżviluppax iżjed dawn l-argumenti dwar il-proċedura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.

23.      Fir-replika tagħha, barra minn hekk, billi invokat il-punt 72 tal-Komunikazzjoni li jgħid li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri impenjaw ruħhom li josservaw il-prinċipji stabbiliti fl-imsemmija komunikazzjoni, Crown tikkontesta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fin-noti tagħha, l-imsemmija komunikazzjoni hija vinkolanti fir-rigward tal-Istati Membri.

b)      Analiżi

24.      Kif semmejt fil-punti 17 u 18 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Silgan, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, strument ta’ liġi mhux vinkolanti, isservi bħala gwida għall-koordinazzjoni tar-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni u ta’ assenjazzjoni tal-kawżi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri.

25.      Għandu jitfakkar li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni hija distinta minn strumenti ta’ liġi mhux vinkolanti adottati fil-qasam tal-kompetizzjoni (13) peress li din il-komunikazzjoni hija maħsuba biex tirregola l-funzjonament tan-network ECN kif ukoll it-tqassim tal-każijiet (14). Fil-fatt, il-punt 1 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jispeċifika li n-network ECN huwa forum ta’ diskussjoni u ta’ kooperazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni u l-kontroll tagħha. Kif ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, isegwi li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma hijiex vinkolanti fil-konfront tal-Istati Membri (15). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll li l-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali formalment impenjaw ruħhom fir-rigward tal-prinċipji li jinsabu fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, kif stabbilit fil-punt 72, ma jibdilx il-valur ġuridiku tal-komunikazzjoni nnifisha (16). Għalhekk għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Crown li jgħid li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni hija vinkolanti fil-konfront tal-Istati Membri.

26.      Huwa minnu li, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni, permezz ta’ strumenti ta’ liġi mhux vinkolanti, tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax titbiegħed mill-kontenut tal-komunikazzjoni nnifisha mingħajr ma tikser prinċipji ġenerali tad-dritt, partikolarment dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (17). Id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jippreżupponi, madankollu, li l-persuna kkonċernata tkun irċeviet garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni Ewropea (18).

27.      F’dan l-appell, Crown issostni li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ħolqot aspettattiva leġittima dwar il-ħeffa tal-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ każ. Fir-replika tagħha, Crown tiċċara li l-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni toħloq fir-rigward tal-impriżi l-aspettattiva leġittima li l-Kummissjoni ser taġixxi skont din il-komunikazzjoni.

28.      Nirrileva li, kif imsemmi fil-punt 4 tal-komunikazzjoni dwar il-kompetizzjoni, il-konsultazzjonijiet u l-iskambji li jseħħu fi ħdan in-network jikkonċernaw biss l-awtoritajiet pubbliċi inkarigati u ma jaffettwawx id-drittijiet jew l-obbligi tal-impriżi.

29.      Isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-issodisfar tal-“garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli” għandu jkun maħsub, b’attenzjoni partikolari għall-kuntest li jinsab fih l-istrument ta’ liġi mhux vinkolanti (19). Fil-kawża ineżami, kif meqjus fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni hija intiża biex tirregola l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni fi ħdan in-network ECN. Madankollu, nirrileva li mis-sentenza appellata ma jirriżultax li Crown kienet uriet li rċeviet il-garanzija li t-terminu għall-assenjazzjoni mill-ġdid kien ser ikun ta’ xahrejn.

30.      Crown issostni, minflok, li huwa possibbli li mill-punti 7, 16, 17, 18 u 31 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, tiġi dedotta n-neċessità li tiġi żgurata assenjazzjoni mill-ġdid b’mod rapidu u effikaċi. Insostenn tal-argument tagħha, Crown tirreferi għas-sentenza tad-9 ta’ Frar 2022, Sped-Pro vs Il-Kummissjoni (T‑791/19, EU:T:2022:67).

31.      Nirrileva li dan l-ilment huwa infondat. Fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma ħolqot ebda garanzija li tippreċiża li t-terminu ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ma jistax jaqbeż xahrejn. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, il-punt 7 għandu jinqara flimkien mal-punt 6 li, b’riferiment għall-punt 18, jirreferi speċifikament għall-possibbiltà ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-każ biss fl-istadju inizjali tal-proċedura. Il-punti 16 u 17 jirregolaw il-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejn il-membri tan-network ECN. Minflok, il-punt 31 jirreferi għall-assenjazzjoni tal-każijiet, billi jistabbilixxi li din għandha ssir b’mod rapidu u effiċjenti u li tikkostitwixxi “sempliċi tqassim tax-xogħol” bejn il-membri tan-network ECN.

32.      Fir-rigward tal-punt 18, nirrileva li l-Qorti Ġenerali ġustament qieset, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li mill-użu tal-espressjoni “normalment” li tinsab fil-punt 18 jirriżulta li t-terminu ta’ xahrejn ma huwiex obbligatorju u li, fi kwalunkwe każ, il-punt 18 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma huwiex rilevanti f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Silgan.

33.      Fir-rigward tas-sentenza tad-9 ta’ Frar 2022, Sped-Pro vs Il-Kummissjoni (T‑791/19, EU:T:2022:67), dan ir-riferiment huwa, fil-fehma tiegħi, irrilevanti fil-kawża ineżami. Fil-fatt, l-imsemmija ġurisprudenza tikkonċerna l-fatt li l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004 (20) peress li hija qieset li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kienet f’pożizzjoni aħjar biex teżamina l-ilment. Il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat, fost oħrajn, li kienu għaddew madwar sentejn u disa’ xhur bejn il-preżentata tal-ilment u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, ikkonstatat li l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża kienet sommarja. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx neċessarju li tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx kisret l-obbligu tagħha li tittratta l-ilment f’terminu raġonevoli. Minflok din iffokat fuq il-fatt jekk l-allegat ksur tat-terminu raġonevoli kisirx id-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata jew le (21). Minn dan jirriżulta li din il-ġurisprudenza ma għandha l-ebda effett fuq il-ħeffa tal-assenjazzjoni mill-ġdid tal-każijiet skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u ma tippermettix li din il-komunikazzjoni tistabbilixxi terminu perentorju.

34.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ta’ Crown li jgħid li, fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, Crown setgħet leġittimament tistenna li l-Kummissjoni ma taċċettax l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-każ wara li l-investigazzjoni tal-Awtorità nazzjonali damet iktar minn tliet snin, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-punt 31 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jipprevedi li “l-assenjazzjoni tal-każijiet ma timplikax li l-impriżi li pparteċipaw fi ksur jew li huma kkonċernati minnu jakkwistaw id-dritt li l-każ tagħhom jiġi ttrattat minn awtorità partikolari” (22) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

35.      Minn dan isegwi li l-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud.

2.      Fuq it-tieni lment ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-punt 19 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

a)      L-argumenti ta’ Crown

36.      Fir-rigward tat-tieni lment ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-punt 19 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, Crown tikkontesta l-punti 49 u 51 tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-interpretazzjoni proposta minn Crown li tgħid li l-espressjoni “fatti magħrufa tal-każ” għandha tinftiehem biss bħala li tirreferi għal ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni u mhux għal avvenimenti li seħħew matul il-proċedura, bħar-ristrutturazzjoni ta’ kumpanniji. Skont il-Qorti Ġenerali, minflok, din l-espressjoni għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal kull fatt rilevanti li jirriżulta matul il-proċedura (23).

37.      Skont Crown, mill-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-assenjazzjoni mill-ġdid skont il-punt 19 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ssir possibbli fi kwalunkwe ċirkustanza. Minflok, il-Qorti Ġenerali kellha tagħti interpretazzjoni storika, teleoloġika u sistematika tal-punt 19, minbarra dik tat-tip kuntestwali.

38.      Fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali, Crown tikkontesta l-punt 51 tas-sentenza appellata li fih il-Qorti Ġenerali tirrileva li mill-punt 54 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 għal raġunijiet speċifiċi li jmorru lil hinn miċ-ċirkustanzi fattwali li huma rilevanti għad-determinazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Skont Crown, dak li tgħid il-Qorti Ġenerali huwa favur interpretazzjoni wiesgħa tal-punt 19. Dan il-punt jikkonċerna, minflok, l-evoluzzjoni tal-fatti li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni mmexxija minn awtorità nazzjonali, filwaqt li l-punt 54 jelenka l-każijiet li jiġġustifikaw l-assenjazzjoni mill-ġdid lill-Kummissjoni għal raġunijiet ta’ policy. Għalhekk, skont Crown, il-każijiet imsemmija fil-punt 54 għandhom jiġu distinti mill-bidla tal-fatti magħrufa tal-każ imsemmija fil-punt 19.

39.      Fir-rigward tal-interpretazzjoni storika, Crown issostni li mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod partikolari mill-Artikolu 11(6) tiegħu, jirriżulta li l-punt 19 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ġie kkonċepit biss fil-każ fejn l-assenjazzjoni mill-ġdid isseħħ għal fatti li inizjalment ġew kondiviżi man-network ECN skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1/2003.

40.      Barra minn hekk, Crown issostni li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali. B’mod partikolari, hija ssostni li l-interpretazzjoni tal-punt 19 fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni jistgħu jaqblu li jassenjaw proċedura mill-ġdid, meta r-regoli nazzjonali ma jkunux adegwati biex jiżguraw l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi, tikser dawn il-prinċipji.

b)      Analiżi

41.      Fir-rigward tal-argument ta’ Crown li minn interpretazzjoni letterali jista’ jiġi dedott li l-bidla sostanzjali tal-fatti magħrufa tal-każ skont il-punt 19 tikkonċerna biss ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u mhux ukoll fatti li seħħew matul il-proċedura, bħar-ristrutturazzjoni ta’ kumpanniji, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Silgan. Fil-qosor, ikkunsidrajt li r-ristrutturazzjoni tal-kumpanniji tista’ taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ bidla sostanzjali tal-fatti magħrufa tal-każ. Fil-fatt, jiena tal-fehma li, għalkemm ir-ristrutturazzjoni għandha titqies bħala mezz possibbli biex tittejjeb il-pożizzjoni kummerċjali u strateġika ta’ kull impriża fis-suq, hija madankollu tinvolvi bidliet sostanzjali għall-impriżi li wettqu l-ksur.

42.      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-interpretazzjoni kuntestwali, ma iniex konvint mill-argument li l-punt 54 jidderoga mill-punt 19 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. F’dan ir-rigward, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 19 u 54 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni rispettivament fir-rigward tal-punti 27 u 45 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Silgan. Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, nirrileva biss li l-fatt li l-punt 19 jirreferi għall-fatt li, matul il-proċedura u, fi kwalunkwe każ, wara l-fażi inizjali ta’ assenjazzjoni, il-fatti magħrufa tal-kawża jinbidlu sostanzjalment, ma jeskludix il-punt 54. Fi kliem ieħor, meta bidla sostanzjali tal-fatti fi proċedura partikolari tkun tali li tikkomprometti l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (24), il-punt 54 ikun applikabbli. F’dan ir-rigward, nirrileva li Crown issostni li, fost il-każijiet elenkati fil-punt 54, ma huwiex inkluż il-każ fejn il-Kummissjoni tista’ tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 sabiex tirrimedja nuqqasijiet leġiżlattivi fid-dritt nazzjonali applikabbli. Fil-fehma tiegħi, dan l-argument ma huwiex fondat. Fuq dan il-punt, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Silgan fil-punti 30 sa 32.

43.      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-interpretazzjoni storika, nirrileva li dan l-argument ma jurix kif it-tħassib imqajjem mill-Istati Membri dwar l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 jippermetti li jiġi dedott li l-għan tal-punt 19 huwa li jippermetti l-assenjazzjoni mill-ġdid biss fil-każ ta’ evoluzzjoni tal-fatti inizjalment kondiviżi mal-membri tan-network ECN, fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1/2003.

44.      Fir-rigward tal-argument dwar l-interpretazzjoni teleoloġika, Crown tikkontesta li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex ikkorroborata minn dik teleoloġika. F’dan ir-rigward, Crown issostni li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra l-għan tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kif ukoll dak tar-Regolament Nru 1/2003, li huwa dak li tiġi żgurata assenjazzjoni rapida u effikaċi tal-każijiet fi ħdan in-network ECN. Nirrileva li l-argument imressaq minn Crown ma jurix kif l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra l-għan kemm tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kif ukoll tar-Regolament Nru 1/2003. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument ta’ Crown huwa, fil-fehma tiegħi, infondat ukoll. Fil-fatt, kif stabbilit fil-premessa 8 tar-Regolament Nru 1/2003, l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li “jiżgura l-infurzar effettiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni [tal-Unjoni] u l-funzjoni proprja tal-mekkaniżmu tal-koperazzjoni”.

45.      Fir-rigward tal-ilmenti dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-awtonomija proċedurali kif ukoll tal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, għandu qabel kollox jissemma li dawn ma humiex fondati. Nirrileva, barra minn hekk, kif semmiet ukoll il-Kummissjoni fin-noti tagħha, li, fil-kuntest tal-appell tagħha, Crown bl-ebda mod ma tindika l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata u lanqas ma ssostni li s-sentenza appellata tikser dawn il-prinċipji. Fl-argumenti tagħha, Crown sempliċement issostni li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għandha tiġi interpretata skont dawn il-prinċipji. Barra minn hekk, is-sentenza appellata ma tinkludi ebda traċċa ta’ diskussjoni dwar il-ksur ta’ dawn il-prinċipji.

46.      B’mod partikolari, l-argumenti li fuqhom Crown tibbaża l-ilmenti tagħha dwar il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma humiex fondati. Crown tirreferi għax-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1/2003 u għall-premessa 38 ta’ dan ir-regolament li tipprevedi li ċ-ċertezza legali tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u tal-investimenti sabiex issostni li l-punt 19 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv.

47.      Nirrileva li l-premessa 38 tar-Regolament Nru 1/2003 tirreferi espressament għaċ-ċirkustanzi fejn teżisti inċertezza dwar mistoqsijiet ġodda jew mhux riżolti fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali tal-kompetizzjoni (25). F’dawn il-każijiet, kif stabbilit fil-premessa 38, l-impriżi jistgħu jiksbu gwida informali mill-Kummissjoni. Madankollu, din il-premessa ma hijiex rilevanti f’dan l-appell.

48.      L-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali huma manifestament mhux rilevanti f’dan il-kuntest, anki jekk biss għaliex dan l-appell ma jikkonċernax l-awtonomija proċedurali. Anki l-argument ibbażat fuq il-fatt li, sal-adozzjoni tad-Direttiva 2019/1 li tagħti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri setgħat ta’ applikazzjoni iktar effikaċi (26), ir-regoli dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE ma kinux armonizzati, huwa manifestament mhux rilevanti fil-kuntest ta’ dan l-appell. Crown issostni li peress li fil-mument tal-assenjazzjoni mill-ġdid tal-proċedura, il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-kumpanniji omm u tas-suċċessuri legali ma kinitx taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, kienet għalhekk is-sistema nazzjonali Ġermaniża li kellha tirregola l-proċedura. Fir-replika tagħha, Crown tiċċara li l-fatt li l-Kummissjoni fetħet il-proċedura sabiex tirrimedja n-nuqqasijiet leġiżlattivi tad-dritt Ġermaniż ifisser li din marret lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha.

49.      Nirrileva li dan l-argument huwa manifestament infondat, peress li jmur kontra mhux biss il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit mir-Regolament Nru 1/2003 (27), iżda wkoll l-għan ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, b’analoġija, fis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2024, Silgan Holdings et vs Il-Kummissjoni (T‑589/22, EU:T:2024:662), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni idonea biex tiżgura li jintlaħaq l-għan tar-Regolament Nru 1/2003 (28).

50.      Barra minn hekk, fl-argumentazzjoni tagħha, Crown tirreferi għall-punt 67 (29) tas-sentenza tad-9 ta’ Frar 2022, Sped-Pro vs Il-Kummissjoni (T‑791/19, EU:T:2022:67). Fil-fehma tiegħi, din ir-referenza hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata. F’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali enfasizzat in-neċessità li tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva min-naħa tal-Istati Membri u l-fatt li ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tirrimedja l-lakuni fil-qasam tal-protezzjoni ġudizzjarja fuq livell nazzjonali, permezz tal-ftuħ ta’ investigazzjoni. Din il-ġurisprudenza ma hijiex rilevanti f’sitwazzjoni bħal dik ta’ dan l-appell fejn, fl-ewwel lok, il-lakuni leġiżlattivi fil-qasam tas-sanzjonijiet ma kinux jippermettu li jiġu applikati sanzjonijiet effettivi kontra l-impriżi li wettqu l-ksur u, fit-tieni lok, il-Kummissjoni ddeċidiet, fuq talba tal-awtorità nazzjonali, li tiftaħ il-proċedura.

51.      Fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq il-fatt li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għandha tiġi interpretata b’mod konformi mal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, nirrileva li dawn l-argumenti huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Crown issostni li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-punt 19 twassal biex tiġi evitata d-deċiżjoni leġiżlattiva ta’ Stat Membru meta l-Kummissjoni u l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jqisu li r-regoli nazzjonali jostakolaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni. Kif tqies iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi rrilevat li fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-lakuni preżenti fis-sistema leġiżlattiva Ġermaniża ma kinux jippermettu s-sanzjonar effikaċi tal-impriżi li wettqu l-ksur wara r-ristrutturazzjoni tal-kumpanniji li saret (30). Dan huwa kuntrarju għall-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

52.      Minn dan isegwi li t-tieni lment tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud.

B.      Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

a)      L-argumenti ta’ Crown

53.      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, Crown issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fis-sentenza appellata meta ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet konformi mal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Hija tikkontesta l-punt 61 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali qieset li Crown ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni għall-fatt li l-awtorità nazzjonali kienet investigat għal ċertu perijodu qabel ma sussegwentement talbet lill-Kummissjoni tassenja l-kawża lilha nnifisha. Barra minn hekk, hija ssostni li, skont il-punt 17 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, l-Awtorità nazzjonali kellha tikkomunika fi żmien xieraq lill-Kummissjoni kull bidla rilevanti tal-fatti magħrufa tal-każ. Konsegwentement, skont Crown, fil-mument li fih il-Kummissjoni rċeviet it-talba għall-assenjazzjoni tal-proċedura, peress li kienet diġà ġiet informata b’bidliet sostanzjali, hija kellha tevalwa kinitx ser taċċetta l-assenjazzjoni mill-ġdid. Fi kwalunkwe każ, Crown ittenni li l-fatti tal-każ ma ġewx mibdula b’mod li jiġġustifika assenjazzjoni mill-ġdid a posteriori u li t-terminu ta’ xahrejn ma ġiex osservat.

54.      Barra minn hekk, Crown tirreferi għas-suspetti li l-akkordju seta’ jinteressa wkoll lil Stati Membri oħra. Kif indikat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fin-noti tagħha, mill-investigazzjoni mmexxija mill-awtorità nazzjonali rriżultaw indikazzjonijiet ta’ ksur tad-dritt antitrust f’diversi Stati Membri. Madankollu, skont Crown, dawn is-suspetti ma setgħux jiġġustifikaw it-talba għal assenjazzjoni tardiva lill-Kummissjoni.

55.      Fin-noti tagħha, il-Kummissjoni ssostni li hija ma tistax tiġi kkritikata talli ma fetħitx il-proċedura qabel ma rċeviet it-talba tal-Awtorità nazzjonali f’Ġunju 2017. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, ma huwiex ċar kif il-fatt li l-Awtorità nazzjonali kienet taf b’ċerti fatti sa mill-bidu tal-investigazzjoni seta’ jkun rilevanti għall-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni fi stadju preċedenti.

2.      Analiżi

56.      Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, Crown tirreferi, fil-fehma tiegħi b’mod mhux wisq ċar, kemm għat-tul tal-investigazzjoni mill-Awtorità nazzjonali kif ukoll għall-ftuħ tardiv tal-proċedura tal-Kummissjoni.

57.      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-punt 17 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, ma huwiex konvinċenti kif il-fatt li l-Kummissjoni setgħet diġà tkun taf bil-bidla tal-proċedura seta’ jkollu impatt fuq il-ħeffa tal-assenjazzjoni mill-ġdid tal-proċedura lill-Kummissjoni. Kif imsemmi fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-lakuni leġiżlattivi preżenti fid-dritt nazzjonali ma setgħux jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

58.      Anki l-argument tas-suspetti ta’ akkordju li kien jinteressa wkoll lil Stati Membri oħra ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, ma huwiex ċar kif dan kien ikollu impatt fuq it-tul tal-investigazzjoni tal-Awtorità nazzjonali kif ukoll fuq id-data tal-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni.

59.      Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, it-tieni parti tal-ewwel aggravju hija infondata u għandha tiġi miċħuda.

IV.    Konklużjoni

60.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju.


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 4761 final tat-12 ta’ Lulju 2022, dwar il-każ AT.40522, hija disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases1/202307/AT_40522_8986595_2868_7.pdf


3      Għal espożizzjoni iktar iddettaljata tal-kuntest fattwali tal-kawża ineżami, nirreferi għall-punti 2 sa 11 tas-sentenza appellata.


4      Il-leġiżlatur Ġermaniż sussegwentement irrimedja l-lakuni bl-introduzzjoni tal-Artikolu 81 bin- Neuntes Gesetz zur Änderung des Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen, (d-disa’ emenda tal-liġi dwar ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni) Bundesgesetzblatt Jahrgang 2017 Teil I Nr. 33, ausgegeben zu Bonn am 8. Juni 2017.


5      Fl-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ksur kien twettaq ukoll minn Silgan Holdings, Inc., Silgan Holdings Austria GmbH, Silgan International Holdings BV, Silgan Metal Packaging Distribution GmbH u Silgan White Cap Manufacturing GmbH (iktar ’il quddiem flimkien imsejħa “Silgan”), u imponiet multa fuq dawn il-kumpanniji wkoll. Id-deċiżjoni kkontestata kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament imressaq anki minn Silgan quddiem il-Qorti Ġenerali, rikors li madankollu ġie miċħud b’sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2024, Silgan Holdings et vs Il-Kummissjoni (T‑589/22, EU:T:2024:662). Il-Qorti tal-Ġustizzja hija attwalment adita bl-appell ta’ Silgan li permezz tiegħu hija titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża C‑845/24 P Silgan Holdings et vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“Kawża Silgan”, u li jiena ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi dwaru fit-12 ta’ Marzu 2026. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nillimita ruħi għall-argumenti mqajma biss minn Crown.


6      ĠU 2016, C 144, p. 23


7      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008, C 167, p. 1).


8      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 487/2009 tal‑25 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 148, p. 1).


9      Ara l-punt 3 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43).


10      Ara l-punt 1 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.


11      Għall-kompletezza, nirrileva li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-punt 6 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jirreferu għall-punti 8 sa 15, bl-eċċezzjoni ta’ dik bit-Taljan.


12      Nirrileva li fil-kuntest tal-ewwel aggravju, Crown ma żviluppatx dan l-argument. Pjuttost, l-argumenti mressqa minn Crown jinsistu fuq il-fatt li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ħolqot l-aspettattiva leġittima li l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-proċedura kellha sseħħ fit-terminu ta’ xahrejn.


13      Pereżempju, l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartelli, huwa, minflok, dirett lejn operaturi ekonomiċi. Madankollu, fis-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P – C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-operaturi ekonomiċi ma jistax ikollhom aspettattivi leġittimi fi prattika partikolari peress li fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni “għandha setgħa ta’ diskrezzjoni li jippermettilha li f’kull mument tgħolli l-livell ġenerali tal-multi, fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika [tal-Unjoni] dwar il-kompetizzjoni” (punt 191).


14      Ara, b’mod partikolari, il-punti 1 u 3 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.


15      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, DHL Express (Italy) u DHL Global Forwarding (Italy) (C‑428/14, EU:C:2016:27, punt 33).


16      Ibidem, punt 43.


17      Ara b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Expedia (C‑226/11, EU:C:2012:795, punt 28).


18      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni (C‑411/15 P, EU:C:2017:11, punt 134) u tad‑9 ta’ Ottubru 2025, On Air Media Professionals u Different Media (C‑416/24 u C‑417/24, EU:C:2025:765, punt 60).


19      F’dan ir-rigward, nirrileva li, fin-nota tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-punti 42 u 43 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni torbot lill-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti u li l-punti 18 u 19 ta’ din il-komunikazzjoni ma joħolqux aspettattiva leġittima. Il-Kummissjoni għalhekk titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-motivazzjoni legali tal-punti 42 u 43. Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija u l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 24 sa 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-fehma li t-talba tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.


20      Regolament tal-Kummissjoni (KE) numru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).


21      Punt 29.


22      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2014, Si.mobil vs Il-Kummissjoni (T‑201/11, EU:T:2014:1096, punt 39). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 2023, Amazon.com et vs Il-Kummissjoni (C‑815/21 P, EU:C:2023:308, punt 35).


23      Punt 51 tas-sentenza appellata.


24      Ara t-tieni opzjoni tal-punt 54(d) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.


25      Il-premessa 38 tar-Regolament Nru 1/2003 hija fformulata kif ġej: “[ċ]ertezza legali għall-impriża taħdem taħt ir-regoli tal-kompetiizzjoni tal-Komunità tikkontribwixxi għal promozzjoni ta’ l-innovazzjoni u l-investiment. Fejn il-każijiet jagħtu bidu għal inċertezza ġenwina għax jippreżentaw domandi ġodda jew mhux risolti għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, impriżi individwali jistgħu jekk hekk jixtiequ iffittxu gwida infromali mil-Kummissjoni. Dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għall-abiltà tal-Kummissjoni li twassal din il-gwida informali”.


26      Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ĠU 2019, L 11, p. 3).


27      Ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, X BV (C‑429/07, EU:C:2009:359), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li: “[g]ħall-finijiet ta’ applikazzjoni koerenti tal-liġijiet tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri, arranġamenti għal kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kif ukoll il-qrati tal-Istati Membri ġew stabbiliti fil-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1/2003” (punt 20).


28      Ara l-punt 60.


29      Nosserva li n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 50 tal-appell tirreferi għall-punt 27 tas-sentenza ċċitata. Madankollu, il-punt korrett huwa l-punt 67.


30      Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri “għandhom jiżguraw li r-regoli [li] huma jistabbilixxu jew li huma japplikaw ma jippreġudikawx l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 tat-TFUE” (punt 24). Ara wkoll is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2025, Caronte & Tourist (C‑511/23, EU:C:2025:42, punt 62).

Top