Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CC0790

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2026.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2026:205

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit‑12 ta’ Marzu 2026 (1)

Kawża C790/24 P

International Management Group (IMG)

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Appell – Regolamentazzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea – Kooperazzjoni għall-iżvilupp – Implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni konġunta jew indiretta ma’ organizzazzjoni internazzjonali – Deċiżjoni li tirrifjuta li tirrikonoxxi entità bħala organizzazzjoni internazzjonali b’effett retroattiv – Kunċett ta’ ‘organizzazzjoni internazzjonali’ – Elementi kostituttivi – Interpretazzjoni tal-ftehim internazzjonali li jistabbilixxi l-organizzazzjoni – Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati – Artikoli 31 u 32”






Werrej


I. Daħla

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna

B. L-Abbozz ta’ artikoli

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża 

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

VI. Analiżi ffokata fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-istatus ġuridiku tal-appellanti

A. Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali”

1. Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq żball ta’ liġi rigward ir-rekwiżit li tiġi stabbilita l-intenzjoni tal-Partijiet li jwaqqfu organizzazzjoni internazzjonali

a) Is-sentenza appellata

b) L-argumenti tal-partijiet

c) Evalwazzjoni

2. Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq żball ta’ liġi rigward ir-rekwiżit li tiġi stabbilita n-natura legalment vinkolanti tal-ftehim internazzjonali

a) Is-sentenza appellata

b) L-argumenti tal-partijiet

c) Evalwazzjoni

3. Fuq it-tielet argument, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kriterju relatat mal-personalità ġuridika internazzjonali

a) Fuq l-ewwel kritika, ibbażata fuq il-pussess ta’ “personalità ġuridika”

1) Is-sentenza appellata

2) L-argumenti tal-partijiet

3) Evalwazzjoni

b) Fuq it-tieni kritika, ibbażata fuq il-garanziji ta’ stabbiltà, ta’ kontinwità u ta’ effettività li tgawdi minnhom l-entità għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tagħha

1) Is-sentenza appellata

2) L-argumenti tal-partijiet

3) Evalwazzjoni

B. Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw l-interpretazzjoni tal-istrument kostituttiv tal-appellanti

1. Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali”

a) Is-sentenza appellata

b) L-argumenti tal-partijiet

c) Evalwazzjoni

2. Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli ta’ interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali stabbiliti fl-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna

a) Fuq l-ewwel kritika, ibbażata fuq l-identifikazzjoni żbaljata tal-ftehim internazzjonali li għandu jiġi interpretat

1) Is-sentenza appellata

2) L-argumenti tal-partijiet

3) Evalwazzjoni

b) Fir-rigward tat-tieni kritika, ibbażata fuq formaliżmu eċċessiv fl-interpretazzjoni tat-termini tar-riżoluzzjoni tal25 ta’ Novembru 1994

1) Is-sentenza appellata

2) L-argumenti tal-partijiet

3) Evalwazzjoni

c) Fuq it-tielet kritika, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-istatut inizjali tal-appellanti abbażi tal-“kuntest” rilevanti

1) Is-sentenza appellata

2) L-argumenti tal-partijiet

3) Evalwazzjoni

d) Fuq ir-raba’ kritika, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-istatuti inizjali u sussegwenti tal-appellanti abbażi tal-“prassi sussegwenti”

1) Is-sentenza appellata

2) L-argumenti tal-partijiet

3) Evalwazzjoni

i) Fuq l-allegati żbalji ta’ liġi li jaffettwaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-regola ġenerali ta’ interpretazzjoni

ii) Fuq l-allegati żbalji ta’ liġi li jaffettwaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-“mezzi supplimentari ta’ interpretazzjoni”

3. Fuq it-tielet argument, ibbażat fuq żball ta’ liġi relatat mal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar is-sede mal-Istati u ta’ ftehimiet ta’ delega taħt ġestjoni konġunta jew indiretta mal-Kummissjoni

a) Is-sentenza appellata

b) L-argumenti tal-partijiet

c) Evalwazzjoni

C. Fit-tielet parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tweġibiet mogħtija mir-Renju tal-Belġju u mir-Repubblika tal-Awstrija għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni

1. Fuq l-ewwel kritika, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tat-tweġibiet mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaki

a) Is-sentenza appellata

b) L-argumenti tal-partijiet

c) Evalwazzjoni

2. Fuq it-tieni kritika, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tat-tweġibiet mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani

a) Is-sentenza appellata

b) L-argumenti tal-partijiet

c) Evalwazzjoni

D. Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi relatati mal-identifikazzjoni tal-membri tal-appellanti

1. Is-sentenza appellata

2. L-argumenti tal-partijiet

3. Evalwazzjoni

E. Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tar-rekwiżiti formali meħtieġa għall-finijiet tal-konklużjoni tar-riżoluzzjoni tal25 ta’ Novembru 1994

1. Is-sentenza appellata

2. L-argumenti tal-partijiet

3. Evalwazzjoni

F. Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-appellanti ma ġietx xolta

1. Is-sentenza appellata

2. L-argumenti tal-partijiet

3. Evalwazzjoni

VII. Konklużjoni


I.      Daħla

1.        Dan l-appell, li huwa ppreżentat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑4 ta’ Settembru 2024, IMG vs Il‑Kummissjoni (2), iqajjem il-kwistjoni tal-prinċipji li fid-dawl tagħhom organu jista’ jiġi rrikonoxxut bħala organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens tar-regolamentazzjoni finanzjarja tal-Unjoni u tar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku li jirregolaw l-interpretazzjoni ta’ strument kostituttiv ta’ tali organizzazzjoni.

2.        Dan l-appell huwa parti minn sensiela twila ta’ rikorsi (3) li fihom l-International Management Group (IMG), entità speċjalizzata fir-rikostruzzjoni ta’ Stati wara kunflitt, tikkontesta l-legalità tal-fatt li l-Kummissjoni Ewropea, b’deċiżjoni tat‑8 ta’ Ġunju 2021, setgħet tirrifjuta li tirrikonoxxiha, b’effett retroattiv mis‑16 ta’ Diċembru 2014, bħala organizzazzjoni internazzjonali (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kontenzjuża”), minkejja li dik l-istituzzjoni kienet iddelegatilha, f’din il-kapaċità, l-implimentazzjoni ta’ programmi ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

3.        Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi tal-kwistjoni prinċipali ġdida ta’ liġi li tqum f’dan il-każ, jiġifieri dik imqajma mill-ħames aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali, minn naħa, fir-rigward tad-definizzjoni tal-elementi kostituttivi ta’ “organizzazzjoni internazzjonali” u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-termini tal-ftehim internazzjonali li bih ġiet stabbilita l-IMG fid-dawl tal-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati (4).

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ dan il-ħames aggravju.

5.        Filwaqt li nammetti li jista’ jkun diffiċli li wieħed jirrikonoxxi, fit-termini tal-ftehim internazzjonali li bih ġiet stabbilita l-IMG, l-istrument kostituttiv ta’ organizzazzjoni internazzjonali, madankollu ma naqbilx mal-interpretazzjoni estremament stretta ta’ dan il-ftehim adottata mill-Qorti Ġenerali. Billi tat importanza determinanti lin-nuqqasijiet testwali tal-imsemmi ftehim, minkejja li dan ġie konkluż f’ċirkustanzi partikolari marbuta mal-urġenza tas-sitwazzjoni, billi rrifjutat li tagħti kwalunkwe valur interpretattiv lid-deċiżjonijiet li jadottaw l-istatut tal-IMG, adottat fl‑10 ta’ Marzu 1995 (5), għalkemm dawn id-deċiżjonijiet kienu essenzjalment kif ukoll funzjonalment parti mill-proċess tal-istabbiliment tagħha, u, fl-aħħar nett, billi rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet li adottaw l-istatut tagħha fl‑2008 u fl‑2012 (6), minkejja li dawn kienu jixhdu l-evoluzzjoni u t-trasformazzjoni progressiva ta’ din l-entità, inqis li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli ta’ interpretazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

6.        Barra minn hekk, filwaqt li huwa veru li l-istatus tal-appellanti ma jirriżultax b’mod ċar mill-ftehim internazzjonali li bih ġiet stabbilita, infakkar li, mill-mument tal-kostituzzjoni tagħha, hija kienet meqjusa mill-Kummissjoni u mill-komunità internazzjonali bħala organizzazzjoni internazzjonali, fejn ċerti Stati kkonkludew magħha ftehimiet dwar is-sede u l-Kummissjoni fdatilha kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja f’din il-kapaċità għal perijodu relattivament twil (1995‑2014). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi dan b’mod espliċitu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ninsab pjuttost konfuż dwar l-argument li, wara kważi 20 sena li matulhom kienet impliċitament jew saħansitra espressament irrikonoxxuta bħala organizzazzjoni internazzjonali, din l-entità tista’ tiġi mċaħħda minn dan l-istatus u mid-drittijiet kollha relatati magħha, b’mod retroattiv mis‑16 ta’ Diċembru 2014, jiġifieri d-data li fiha l-Kummissjoni ddeċidiet li tafda l-implimentazzjoni, taħt ġestjoni indiretta, tal-programm tal-iżvilupp tal-kummerċ għall-Mjanmar/Burma, lil organizzazzjoni oħra għajr lill-IMG.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna

7.        L-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni:

(a)      ‘trattat’ tfisser ftehim internazzjonali konkluż bejn Stati b’forma miktuba u rregolat mid-dritt internazzjonali, kemm jekk imfassal fi strument wieħed jew f’iktar minn strument wieħed relatati u irrispettivament mill-isem partikolari li jingħata;

[…]

(i)      ‘organizzazzjoni internazzjonali’ tfisser organizzazzjoni intergovernattiva.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.        L-Artikolu 5 ta’ din il-konvenzjoni jippreċiża li din “tapplika għal kwalunkwe trattat li jkun l-istrument li jistabbilixxi organizzazzjoni internazzjonali […], bla ħsara għal kwalunkwe regoli rilevanti tal-organizzazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9.        Skont l-Artikolu 31 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Regola ġenerali ta’ interpretazzjoni”:

“1.      Trattat għandu jiġi interpretat in bona fide konformement mat-tifsira ordinarja li għandha tingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu.

2.      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, il-kuntest għandu jinkludi, minbarra t-test, inklużi l-preambolu u l-annessi tiegħu:

(a)      kwalunkwe ftehim dwar it-trattat li jkun sar bejn il-Partijiet kollha fl-okkażjoni tal-konklużoni tat-trattat;

(b)      kwalunkwe ftehim li jkun sar minn Parti waħda jew iktar fl-okkażjoni tal-konklużjoni tat-trattat u aċċettat mill-Partijiet l-oħra bħala strument marbut mat-trattat.

3.      Flimkien mal-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni:

(a)      kwalunkwe ftehim sussegwenti bejn il-Partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-trattat jew tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu;

(b)      kwalunkwe prassi sussegwenti fl-applikazzjoni tat-trattat li tistabbilixxi l-ftehim tal-Partijiet dwar l-interpetazzjoni tiegħu;

[…]

4.      Għandha tingħata tifsira speċjali lil terminu jekk jiġi stabbilit li din kienet l-intenzjoni tal-Partijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.      L-Artikolu 32 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Mezzi supplimentari ta’ interpretazzjoni”, huwa redatt kif ġej:

“Mezzi supplimentari ta’ interpretazzjoni, inkluż ix-xogħol preparatorju tat-trattat u ċ-ċirkustanzi tal-konklużjoni tiegħu, jistgħu jintużaw sabiex tiġi kkonfermata t-tifsira li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 31, jew sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira meta l-interpretazzjoni skont l-Artikolu 31:

(a)      tħalli t-tifsira ambigwa jew mhux ċara; jew

(b)      twassal għal riżultat manifestament assurd jew irraġonevoli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B.      L-Abbozz ta’ artikoli

11.      L-Abbozz ta’ artikoli dwar ir-responsabbiltà tal-organizzazzjonijiet internazzjonali (iktar ’il quddiem l-“Abbozz ta’ artikoli”) ġie adottat mill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt Internazzjonali (iktar ’il quddiem il-“KDI”) matul is-sena 2011 (7).

12.      Skont l-Artikolu 2(a) ta’ dan l-abbozz ta’ artikoli, l-espressjoni “organizzazzjoni internazzjonali” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni mwaqqfa minn trattat jew strument ieħor irregolat mid-dritt internazzjonali u li jkollha l-personalità ġuridika internazzjonali proprja tagħha u, minbarra l-Istati, organizzazzjoni internazzjonali tista’ tinkludi fost il-membri tiegħu entitajiet li ma jkunux Stati.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża (8)

13.      L-appellanti, l-IMG, li oriġinarjament kienet magħrufa bħala l-International Management Group – Infrastructure for Bosnia and Herzegovina (IMG-IBH), twaqqfet mill-Konferenza Internazzjonali dwar l-ex Jugoslavja (ICFY) taħt il-patroċinju tal-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) fis‑16 ta’ Lulju 1993 (9). Permezz ta’ dokument tal‑25 ta’ Novembru 1994 dwar l-istabbiliment tal-IMG-IBH (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994”), l-Istati Partijiet kellhom l-intenzjoni li jagħtuha struttura istituzzjonali bil-għan li l-Istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li jipparteċipaw fir-rikostruzzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina jkollhom entità apposta għal dan il-għan (10). Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-IMG gradwalment espandiet l-attivitajiet tagħha fl-oqsma tar-rikostruzzjoni u tal-iżvilupp.

14.      Wara investigazzjoni mmexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), li qajmet dubju dwar l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tal-appellanti skont it-tifsira tar-regolamentazzjoni finanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet, fis‑16 ta’ Diċembru 2014, li tafda l-implimentazzjoni tal-programm ta’ azzjoni annwali għall-Mjanmar/Burma lil organizzazzjoni oħra għajr lill-IMG, imbagħad, fit‑8 ta’ Mejju 2015, informat lill-appellanti bid-deċiżjoni tagħha li ma tikkkonkludix magħha iktar ftehimiet ta’ delega taħt ġestjoni indiretta sakemm ikun hemm ċertezza assoluta dwar l-istatus tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma illegali fis-sentenza tagħha tal‑31 ta’ Jannar 2019, International Management Group vs Il‑Kummissjoni (11), għar-raġuni li l-imsemmija deċiżjonijiet ma kinux iġġustifikati fil-liġi jew fil-fatt, peress li t-tliet elementi li fuqhom kienu bbażati ma kinux ta’ tali natura li jixħtu dubju fuq l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tal-IMG skont it-tifsira tar-regolamentazzjoni finanzjarja tal-Unjoni (12). Fid-digriet tagħha tad‑9 ta’ Ġunju 2020, International Management Group vs Il‑Kummissjoni (13), il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb li tiċċara li ma kinitx iddeċidiet jekk, fuq il-bażi ta’ analiżi tal-elementi rilevanti kollha, l-IMG kellhiex l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali jew le.

15.      Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, International Management Group vs Il‑Kummissjoni (14), il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni definittiva tal-istatus tal-appellanti. Għal dan il-għan, staqsiet lill-Istati indikati mill-IMG bħala membri tagħha jekk l-IMG kinitx organizzazzjoni internazzjonali, jekk huma kinux membri tagħha u jekk kinux iffirmaw ftehim internazzjonali jew intergovernattiv li jistabbilixxiha bħala tali.

16.      Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni informat lill-appellanti li kienet ser tadotta deċiżjoni li tirrifjuta li tirrikonoxxilha l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali, filwaqt li stednitha tippreżenta l-kummenti tagħha. Fit‑8 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li rrifjutat li tirrikonoxxilha, b’effett retroattiv mis‑16 ta’ Diċembru 2014, l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali previst mir-regolamentazzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni taħt ġestjoni indiretta (15).

17.      Fis-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni (16), il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-aħħar nett, fakkret li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tiżgura ruħha li l-entitajiet li lilhom fdat jew li lilhom għandha l-intenzjoni li tagħti kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja, skont id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni indiretta tal-baġit tal-Unjoni minn organizzazzjonijiet internazzjonali, għandhom tali status. Barra minn hekk, hija rrilevat li din l-istituzzjoni għandha, f’każ ta’ dubji f’dan ir-rigward, l-obbligu li tneħħi dawn id-dubji kif ukoll li tiġbor l-elementi kollha neċessarji sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha fid-dritt kif ukoll fil-fatt, fid-dawl tal-konsegwenzi ġuridiċi ta’ din id-deċiżjoni fuq l-entità kkonċernata (17).

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

18.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Awwissu 2021, l-appellanti ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u għall-kumpens għad-dannu mġarrab. Wara l-eżami tal-mertu ta’ dak ir-rikors u għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 62 sa 417 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ebda wieħed mill-erba’ motivi invokati mill-appellanti ma kien fondat u ċaħdet dak ir-rikors (18). Barra minn hekk, għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 418 sa 447 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba tal-IMG għal kumpens u kkundannatha għall-ispejjeż.

V.      Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

19.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Novembru 2024, l-IMG ippreżentat dan l-appell, li fih titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi hija stess dwar ir-rikors tagħha, tilqa’ l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kemm tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

20.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tiċħad dan l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

21.      Fis-seduta li nżammet fil‑11 ta’ Diċembru 2025, l-IMG u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom u ffokaw l-argumenti tagħhom fuq il-ħames aggravju, konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja.

VI.    Analiżi ffokata fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-istatus ġuridiku tal-appellanti

22.      Il-ħames aggravju, li fuqu jiffokaw dawn il-konklużjonijiet, ifittex li jikkontesta r-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 190 sa 370 tas-sentenza appellata dwar jekk, mis‑16 ta’ Diċembru 2014, l-appellanti kinitx eliġibbli, bħala organizzazzjoni internazzjonali, li timplimenta l-baġit tal-Unjoni skont il-metodu ta’ ġestjoni konġunta jew indiretta.

23.      Għal skopijiet ta’ ċarezza u ta’ koerenza, għażilt li naqsam dan l-aggravju f’sitt partijiet u li nanalizzahom f’ordni differenti minn dik ippreżentata mill-appellanti. Ser niffoka l-analiżi tiegħi fuq l-ewwel tliet partijiet, li, fil-fehma tiegħi, jistħoqqilhom eżami ddettaljat.

A.      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali”

24.      Din l-ewwel parti, li hija diretta kontra l-punti 206 sa 212 tas-sentenza appellata, hija intiża li tikkontesta r-raġunament li l-Qorti Ġenerali adottat fir-rigward tal-portata tar-rekwiżiti meħtieġa sabiex tiġi kkostitwita organizzazzjoni internazzjonali u li fid-dawl tagħhom hija evalwat, konformement mar-regoli ta’ interpretazzjoni kkodifikati fl-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna (19), l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tal-appellanti, fil-punti 265 u 306 sa 312 ta’ din is-sentenza.

1.      Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq żball ta’ liġi rigward ir-rekwiżit li tiġi stabbilita l-intenzjoni tal-Partijiet li jwaqqfu organizzazzjoni internazzjonali

25.      Dan l-argument jirrigwarda element essenzjali tad-dritt dwar l-organizzazzjonijiet internazzjonali u, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi eżaminat l-ewwel.

a)      Is-sentenza appellata

26.      Fil-punt 203 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, iċċitat l-Artikolu 2(a) tal-Abbozz ta’ artikoli li jipprevedi li “organizzazzjoni internazzjonali” tfisser “kwalunkwe organizzazzjoni mwaqqfa minn trattat jew strument ieħor irregolat mid-dritt internazzjonali u li jkollha l-personalità ġuridika internazzjonali proprja tagħha”.

27.      Fil-punt 204 ta’ din is-sentenza, hija fakkret, sussegwentement, li, skont l-Artikolu 2(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, il-kunċett ta’ “trattat” jirreferi għal “ftehim internazzjonali konkluż bejn Stati b’forma miktuba u rregolat mid-dritt internazzjonali, kemm jekk imfassal fi strument wieħed jew f’iktar minn strument wieħed relatati u irrispettivament mill-isem partikolari li jingħata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (20).

28.      Fl-aħħar nett, fil-punt 302 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-appellant, “sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni skont il-metodu ta’ ġestjoni indiretta previst għall-benefiċċju tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, irid ikun ġie stabbilit minn ftehim internazzjonali li l-għan tiegħu kien li jistabbilixxih bħala organizzazzjoni internazzjonali” u, għaldaqstant, eżaminat, fil-punti 304 sa 319 ta’ din is-sentenza, jekk dan kienx effettivament il-każ fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-istrument kostituttiv tagħha.

b)      L-argumenti tal-partijiet

29.      L-appellanti issostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli ssegwi kriterji oġġettivi stabbiliti mid-dritt internazzjonali għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ organizzazzjoni internazzjonali billi eżiġiet, fil-punt 302 tas-sentenza appellata, li l-entità kkonċernata tkun ġiet stabbilita minn ftehim internazzjonali li l-għan tiegħu kien li jistabbilixxiha bħala organizzazzjoni internazzjonali. Il-Qorti Ġenerali żiedet, minħabba dan il-fatt, tielet kundizzjoni — dik dwar l-intenzjoni tal-Partijiet għall-ftehim internazzjonali li joħolqu organizzazzjoni internazzjonali — li ma tinsabx fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali” li hija stabbilixxiet fil-punt 203 ta’ din is-sentenza.

30.      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

c)      Evalwazzjoni

31.      Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-ewwel argument bħala infondant.

32.      Fil-fatt, dan jirriżulta minn konfużjoni bejn l-elementi kostituttivi ta’ “organizzazzjoni internazzjonali”, li l-qorti għandha tistabbilixxi li huma ssodisfatti konformement mal-Artikolu 2(a) tal-Abbozz ta’ artikoli, u d-determinazzjoni tal-intenzjoni tal-Partijiet li l-qorti għandha primarjament tfittex meta tinterpreta “ftehim internazzjonali”, skont l-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Għalhekk, fis-sentenza tagħha tat‑23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il‑Kummissjoni (21), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddetermina n-natura legalment vinkolanti ta’ ftehim konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovat tistabbilixxi l-intenzjoni tal-Partijiet, sa fejn din kienet tikkostitwixxi “kriterju deċiżiv”.

33.      Fid-dritt internazzjonali pubbliku, huwa stabbilit li l-għan tal-interpretazzjoni ta’ trattat huwa li tistabbilixxi, b’mod kemm jista’ jkun oġġettiv u razzjonali, l-intenzjoni u r-rieda komuni tal-Partijiet, fejn din ir-regola hija ddettata mir-rispett doppju għas-sovranità tal-Istat u għall-prinċipju pacta sunt servanda. Għaldaqstant, l-Artikolu 31(4) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jipprovdi li “[g]ħandha tingħata tifsira speċjali lil terminu jekk jiġi stabbilit li din kienet l-intenzjoni tal-Partijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (22). Fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Mejju 2025, Delimitazzjoni terrestra u marittima u sovranità fuq il-gżejjer (Il‑Gabon vs Il‑Ginea Ekwatorjali), il-QIĠ enfasizzat li, sabiex jiġi evalwat jekk strument jikkostitwixxix trattat, il-qorti trid tfittex b’mod partikolari fil-formulazzjoni tal-istrument, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom tfassal, u fl-imġiba sussegwenti tal-Partijiet, elementi li jkunu jindikaw jekk huma kellhomx l-intenzjoni li jkunu legalment marbuta bih (23), kemm jekk din l-intenzjoni tkun espressa jew dedotta (24).

34.      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi fil-punt 302 tas-sentenza appellata meta eżiġiet li jiġi stabbilit li l-Partijiet għar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 kellhom l-intenzjoni li jwaqqfu lill-appellanti bħala organizzazzjoni internazzjonali u billi fittxet li ssib, fil-punti 304 sa 319 ta’ din is-sentenza, jekk dan kienx effettivament il-każ fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-istrument kostituttiv tagħha.

2.      Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq żball ta’ liġi rigward ir-rekwiżit li tiġi stabbilita n-natura legalment vinkolanti tal-ftehim internazzjonali

35.      Dan l-argument huwa dirett kontra l-punti 206 u 265 tas-sentenza appellata. Dan jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali llimitatx b’mod eċċessiv il-portata tal-kunċett ta’ “ftehim internazzjonali”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, u, a fortiori, dik tal-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali”, previst fl-Artikolu 2(a) tal-Abbozz ta’ artikoli, billi eżiġiet li tali ftehim jinkludi dispożizzjonijiet legalment vinkolanti għall-Partijiet.

a)      Is-sentenza appellata

36.      Wara li fakkret fil-punt 204 tas-sentenza appellata, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “trattat”, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punti 206 u 265 ta’ din is-sentenza, li “dokument iffirmat mill-Istati ma jistax jikkostitwixxi ftehim internazzjonali jekk ma jkun fih l-ebda dispożizzjoni li toħloq drittijiet jew obbligi li għalihom dawk l-Istati jkunu taw il-kunsens tagħhom”, b’riferiment f’dan ir-rigward għas-sentenza tal-QIĠ tal‑1 ta’ Ottubru 2018, Obbligu ta’ negozjar tal-aċċess għall-Oċean Paċifiku (Il‑Bolivja vs Iċ‑Ċilì) (25), u, b’analoġija, għas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2008, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (26).

b)      L-argumenti tal-partijiet

37.      L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali tbiegħdet mid-definizzjoni klassika tal-kunċett ta’ “trattat” jew ta’ “ftehim internazzjonali” billi għamlet riferiment għal ġurisprudenza li ma hijiex rilevanti.

38.      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni, b’mod partikolari, li, billi għamlet riferiment għas-sentenza tal-QIĠ tal‑1 ta’ Ottubru 2018, Obbligu ta’ negozjar tal-aċċess għall-Oċean Paċifiku (Il‑Bolivja vs Iċ‑Ċilì) (27), il-Qorti Ġenerali riedet tenfasizza d-differenza bejn strument internazzjonali mhux vinkolanti u ftehim internazzjonali fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li jeħtieġ il-kunsens tal-Partijiet li jkunu marbuta bih.

c)      Evalwazzjoni

39.      Inqis li dan it-tieni argument huwa ineffettiv.

40.      Fil-fatt, wara li eżaminat il-kontenut u l-portata tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 fid-dawl tal-kriterju bbażat fuq in-natura legalment vinkolanti tal-ftehim internazzjonali, il-Qorti Ġenerali waslet għal konklużjoni favorevoli għall-appellanti, kif jixhdu l-punti 274, 289 u 301 tas-sentenza appellata. Hija qieset, essenzjalment, fil-punti 266 u 274 ta’ din is-sentenza, li din ir-riżoluzzjoni kienet tinkludi mill-inqas impenn legalment vinkolanti għall-firmatarji tagħha u ddeċidiet, konsegwentement, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni kienet qieset b’mod żbaljat li dan it-test kien jikkostitwixxi impenn ta’ natura esklużivament politika.

41.      L-appellanti tammetti espressament fil-punt 89 tal-appell tagħha li ma hemmx lok li terġa’ tiġi eżaminata din il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali.

42.      Fi kwalunkwe każ, il-QIĠ, fis-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2025, Delimitazzjoni terrestra u marittima u sovranità fuq il-gżejjer (Il‑Gabon vs Il‑Ginea Ekwatorjali), fakkret, f’termini ġenerali, li, sabiex jiġi evalwat jekk strument jikkostitwixxix trattat, il-qorti għandha tfittex elementi li jindikaw jekk dawn kellhomx il-ħsieb li jkunu legalment marbuta minnu (28).

3.      Fuq it-tielet argument, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kriterju relatat mal-personalità ġuridika internazzjonali

43.      Dan l-argument jirrigwarda l-eżami li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 207 sa 212 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-prinċipji u tal-kriterji li abbażi tagħhom organizzazzjoni tista’ titqies li għandha personalità ġuridika internazzjonali proprja. Kif jirriżulta mill-punt 213 ta’ din is-sentenza, huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u ta’ dawn il-kriterji li hija evalwat, fil-punti 306 sa 319 tal-imsemmija sentenza, jekk ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 kellhiex l-għan jew l-effett li tagħti lill-appellanti l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

44.      L-appellanti tikkritika l-mod kif il-Qorti Ġenerali ddefinixxiet tnejn mill-imsemmija kriterji fid-dawl tal-ġurisprudenza internazzjonali u sussegwentement implimentathom fil-punti 307 sa 312 tas-sentenza appellata.

a)      Fuq l-ewwel kritika, ibbażata fuq il-pussess ta’ “personalità ġuridika”

1)      Is-sentenza appellata

45.      Fil-punti 207 u 208 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, skont il-ġurisprudenza internazzjonali, ir-rikonoxximent ta’ organizzazzjoni internazzjonali huwa suġġett għall-pussess, mill-organizzazzjoni kkonċernata, ta’ “personalità ġuridika”. Il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, jekk dan ma jkunx il-każ, entità mwaqqfa mill-Istati u, fejn applikabbli, minn organizzazzjoni internazzjonali jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, hija korp dipendenti jew fuq l-Istati li kkostitwixxewha — f’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għas-sentenza tal-QIĠ tas‑26 ta’ Ġunju 1992, Ċerti artijiet tal-fosfat f’Nauru (Nauru vs L‑Awstralja), eċċezzjonijiet preliminari (29) –– jew fuq organizzazzjoni internazzjonali li din l-entità hija ospitata fiha — b’riferiment għall-opinjoni konsultattiva tal-QIĠ tal‑1 ta’ Frar 2012, Sentenza Nru 2867 tat-Tribunal Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar talba kontra l-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu (30).

2)      L-argumenti tal-partijiet

46.      L-appellant i issostni li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet ma għandhiex rabta mal-“personalità ġuridika proprja” ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, din il-ġurisprudenza, sa fejn tirrigwarda sitwazzjonijiet fejn l-entità inkwistjoni la ngħatat personalità ġuridika u lanqas il-kapaċità li tidħol f’arranġamenti legali, ma tiġġustifikax il-paragun li għamlet il-Qorti Ġenerali mas-sitwazzjoni tagħha fir-relazzjoni tagħha mal-Istati Partijiet jew mal-Kummissjoni, peress li l-istatut tagħha stess jirrikonoxxi kemm il-personalità ġuridika tagħha kif ukoll il-kapaċità tagħha li tikkonkludi kuntratti.

47.      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Fil-fehma tagħha, ir-riferiment għall-ġurisprudenza internazzjonali ċċitata fil-punt 208 tas-sentenza appellata huwa intiż li juri ċerti elementi li jiddistingwu organizzazzjoni internazzjonali minn organizzazzjoni oħra.

3)      Evalwazzjoni

48.      Nikkunsidra li din l-ewwel kritika hija infondata.

49.      Minn naħa, nirrileva li l-punti 207 u 208 tas-sentenza appellata huma ddedikati biss għad-dikjarazzjoni ta’ prinċipji ġenerali marbuta mal-pussess, minn entità, ta’ personalità ġuridika internazzjonali, li ma humiex ikkontestati mill-appellanti.

50.      F’dan il-kuntest, kemm is-sentenza tal-QIĠ tas‑26 ta’ Ġunju 1992, Ċerti artijiet tal-fosfat f’Nauru (Nauru vs L‑Awstralja), eċċezzjonijiet preliminari (31), fil-punt 47 tagħha, kif ukoll l-opinjoni konsultattiva tagħha tal‑1 ta’ Frar 2012, Sentenza Nru 2867 tat-Tribunal Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar talba kontra l-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu (32), fil-punti 57, 58, 60 u 61 tagħha, jixhdu n-natura essenzjali ta’ din il-kundizzjoni għall-finijiet tar-rikonoxximent tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Fil-punti 207 u 208 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma għamlet l-ebda paragun bejn is-sitwazzjoni tal-appellanti u dawk tal-entitajiet ikkonċernati minn din il-ġurisprudenza tal-QIĠ, u sussegwentement eżaminat din is-sitwazzjoni partikolari fil-punt 307 ta’ din is-sentenza.

51.      Min-naħa l-oħra, l-argument tal-appellanti huwa bbażat fuq konfużjoni bejn il-kunċetti ta’ “personalità ġuridika internazzjonali” u ta’ “personalità ġuridika interna”, li huma żewġ kunċetti ġuridiċi differenti. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet statutorji li dan jagħmel riferiment għalihom jagħtuha l-kapaċità ġuridika li tikkuntratta, li takkwista u li tiddisponi mill-proprjetà immobbli kif ukoll il-kapaċita ta’ locus standi in judicio (33), li jikkorrispondu għall-attributi tal-personalità ġuridika tad-dritt intern peress li jagħtuha l-kapaċità li taġixxi fl-ordinament ġuridiku tal-Istat. L-osservazzjonijiet magħmula kemm mill-Kummissjoni fil-punt 127 tar-risposta tagħha (34) kif ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 307 tas-sentenza appellata jirriżultaw mill-istess konfużjoni.

52.      Madankollu, għalkemm huma komplementari, dawn il-kunċetti għandhom jiġu distinti minn xulxin peress li s-sors tagħhom ma huwiex l-istess ordinament ġuridiku u ma jipproduċux l-istess effetti (35). Entità li jkollha personalità ġuridika internazzjonali tista’ titqies bħala suġġett awtonomu tad-dritt fix-xena internazzjonali, distint mill-membri tagħha, jista’ jkollha drittijiet u obbligi proprji tagħha fl-ordinament ġuridiku internazzjonali u tista’ taġixxi (kapaċità ta’ tgawdija u kapaċità ta’ eżerċitar, pereżempju l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, eċċ.) (36). Sa fejn, permezz tal-analiżi tagħha, il-Qorti Ġenerali fittxet li tiddetermina jekk l-IMG għandhiex l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(a) tal-Abbozz ta’ artikoli (punt 203 tas-sentenza appellata), kienet tabilħaqq il-kwistjoni tal-personalità ġuridika internazzjonali tal-appellanti li tqajmet.

b)      Fuq it-tieni kritika, ibbażata fuq il-garanziji ta’ stabbiltà, ta’ kontinwità u ta’ effettività li tgawdi minnhom l-entità għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tagħha

53.      Din il-kritika tirrigwarda l-punt 212 tas-sentenza appellata.

1)      Is-sentenza appellata

54.      Wara li ddefinixxiet il-prinċipju ta’ speċjalità fil-punt 211 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali affermat fil-punt segwenti li “organizzazzjoni internazzjonali ma tistax titnaqqas għal sempliċiment mekkaniżmu fakultattiv magħmul disponibbli għall-partijiet, li kull waħda minnhom tista’ tużah skont il-ħtieġa [(37)]. Tabilħaqq, billi joħolqu organizzazzjoni internazzjonali u jagħtuha l-mezzi kollha meħtieġa għall-funzjonament tagħha, il-fundaturi tagħha juru r-rieda tagħhom li jagħtu l-aħjar garanziji ta’ stabbiltà, kontinwità u effiċjenza għall-eżerċizzju tal-kompiti fdati lil din l-organizzazzjoni, sabiex ma jkunux jistgħu jitilqu unilateralment minn dan il-qafas meta jidhrilhom, u lanqas jissostitwixxu kanali oħra ta’ komunikazzjoni għalih”. Il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment, f’dan ir-rigward, għall-punti 90 u 91 tas-sentenza tal-QIĠ tal‑20 ta’ April 2010, Fabbriki tal-polpa tal-karti fuq ix-Xmara Urugwaj (L‑Arġentina vs L‑Urugwaj) (38).

2)      L-argumenti tal-partijiet

55.      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 212 tas-sentenza appellata billi stabbilixxiet bħala prinċipju tad-dritt internazzjonali l-ħtieġa li l-entità kkonċernata jkollha “garanziji ta’ stabbiltà, kontinwità u effiċjenza għall-eżerċizzju tal-missjonijiet tagħha”, filwaqt li dan il-kriterju ma kienx previst mid-dritt jew mill-prassi tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u ma jistax jiġi inferut mis-sentenza tal-QIĠ tal‑20 ta’ April 2010, Fabbriki tal-polpa tal-karti fuq ix-Xmara Urugwaj (L‑Arġentina vs L‑Urugwaj) (39). Minn dan l-appellanti tikkonkludi li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 309 tas-sentenza appellata, li hija tikkostitwixxi mekkaniżmu fakultattiv, għalhekk hija żbaljata.

56.      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali kienet fondata meta fakkret li, konformement mad-dritt internazzjonali, organizzazzjoni internazzjonali ma tistax tiġi ridotta għal sempliċi mekkaniżmu fakultattiv imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Partijiet, u r-riferiment għas-sentenza tal-QIĠ tal‑20 ta’ April 2010, Fabbriki tal-polpa tal-karti fuq ix-Xmara Urugwaj (L‑Arġentina vs L‑Urugwaj) (40), huwa, f’dan ir-rigward, iktar u iktar rilevanti peress li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 kienet iddefinixxiet b’mod ċar lill-appellanti bħala istituzzjoni temporanja, mingħajr “obbligu reali li tipparteċipa fil-baġit jew fl-operat tal-istituzzjoni”.

3)      Evalwazzjoni

57.      Nikkunsidra li din it-tieni kritika hija infondata.

58.      Tabilħaqq, kif jixhdu l-kliem u l-artikolazzjoni tal-punti 207 sa 212 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma semmietx il-“garanziji ta’ stabbiltà, kontinwità u effiċjenza” tal-entità kkonċernata għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-kompiti tagħha bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, iżda bħala kriterju li fid-dawl tiegħu l-qorti għandha tevalwa jekk il-Partijiet effettivament kellhomx l-intenzjoni li jistabbilixxu suġġett distint u awtonomu tad-dritt fix-xena internazzjonali billi jagħtuh il-mezzi kollha neċessarji għall-funzjonament tiegħu.

59.      Nirrimarka li, fil-punt 212 tas-sentenza appellata, ir-riferiment għall-punti 90 u 91 tas-sentenza tal-QIĠ tal‑20 ta’ April 2010, Fabbriki tal-polpa tal-karti fuq ix-Xmara Urugwaj (L‑Arġentina vs L‑Urugwaj) (41), huwa ppreċedut mill-kliem “ara, f’dan is-sens”. Dan jixhed ir-rieda tal-Qorti Ġenerali li tirreferi għall-prinċipju stabbilit mill-QIĠ filwaqt li tapplikah b’mod partikolari. Għalkemm hija tista’ tiġi kkritikata li rriproduċiet, b’mod identiku, termini li l-QIĠ użathom fir-rigward tar-rwol partikolari tal-Kummissjoni Amministrattiva tax-Xmara Uruguay (iktar ’il quddiem il-“CARU”) (42), hija madankollu ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi billi rreferiet għal din il-ġurisprudenza internazzjonali.

60.      Fil-fatt, filwaqt li l-Urugwaj u l-Arġentina kienu jopponu l-istatus tal-CARU (43), il-QIĠ eżaminat, fil-punti 87 sa 91 tas-sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Fabbriki tal-polpa tal-karti fuq ix-Xmara Urugwaj (L‑Arġentina vs L‑Urugwaj) (44), sensiela ta’ elementi ta’ natura organizzattiva u materjali, sabiex tiddetermina jekk din l-entità kellhiex awtonomija sħiħa u kellhiex il-kapaċità li teżerċita l-kompetenzi li kienu ġew espressament jew impliċitament attribwiti lilha fl-ordinament ġuridiku internazzjonali. Il-QIĠ ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tal-funzjonijiet tagħha u r-riżorsi u l-faċilitajiet fdati lilha mill-Partijiet, l-eżistenza proprja u permanenti tagħha, id-dispożizzjonijiet li jagħtuha personalità ġuridika, id-drittijiet u l-obbligi li kellha fil-qafas tas-setgħat mogħtija lilha konformement mal-prinċipju ta’ speċjalità, l-eżistenza ta’ segretarjat li l-uffiċjali tiegħu kienu jgawdu minn privileġġi u minn immunitajiet, u l-fatt li hija setgħet tiddeċentralizza l-funzjonijiet tagħha billi toħloq korpi sussidjarji. Huwa f’dan il-kuntest li l-QIĠ iddeċidiet, fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, li “[p]eress li l-CARU sservi bħala qafas ta’ ftehim bejn il-partijiet […], l-ebda waħda minnhom ma tista’ titlaq unilateralment u fil-mument li hija tkun tqis opportun minn dan il-qafas u tissostitwixxih b’mezzi oħra ta’ komunikazzjoni. Bil-ħolqien tal-CARU u bil-mezzi kollha meħtieġa għall-funzjonament tagħha, il-Partijiet kellhom l-intenzjoni li jagħtu l-aħjar garanziji ta’ stabbiltà, ta’ kontinwità u ta’ effettività lir-rieda tagħhom li jikkooperaw għall-‘użu razzjonali u ottimali tax-xmara’”.

61.      Għalhekk, l-imsemmija s-sentenza tirrifletti l-importanza li l-QIĠ tagħti lill-mezzi mogħtija lill-entità għall-finijiet tal-operat tagħha, peress li dawn ir-riżorsi huma indikaturi oġġettivi tal-awtonomija mogħtija lilha mill-Partijiet u tar-rieda tagħhom li jimpenjaw ruħhom, b’mod kontinwu, stabbli u effettiv, sabiex jilħqu l-missjoni li ħolquha għaliha.

62.      Il-Qorti Ġenerali għalhekk setgħet leġittimament tagħmel riferiment għal dawn il-“garanziji ta’ stabbiltà, ta’ kontinwità u ta’ effettività” bħala kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-appellanti kinitx suġġett distint u awtonomu tad-dritt mill-membri tagħha.

63.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok, fil-fehma tiegħi, li tiġi miċħuda t-tieni kritika tat-tielet argument u, b’mod iktar ġenerali, li tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ħames aggravju, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali”, bħala infondati.

B.      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw l-interpretazzjoni tal-istrument kostituttiv tal-appellanti

64.      Permezz ta’ din it-tieni parti, l-appellanti issostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-istrument kostituttiv tagħha minħabba, b’mod partikolari, applikazzjoni żbaljata tar-regoli ta’ interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali stabbiliti fl-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

65.      L-appellanti tressaq tliet argumenti insostenn ta’ din il-parti.

1.      Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali”

a)      Is-sentenza appellata

66.      Fil-punt 197 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali”, fis-sens tar-regolamentazzjoni finanzjarja rilevanti tal-Unjoni, ikopri “organizzazzjonijiet irregolati mid-dritt internazzjonali pubbliku mwaqqfa permezz ta’ ftehimiet internazzjonali” (45). Fl-assenza ta’ definizzjoni iktar preċiża tal-kunċetti ta’ “organizzazzjoni internazzjonali” u ta’ “ftehim internazzjonali”, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, għar-raġunijiet esposti fil-punti 198 u 199 kif ukoll fil-punti 201 u 202 ta’ din is-sentenza, li dawn il-kunċetti jikkorrispondu għal dawk tad-dritt internazzjonali pubbliku u għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipji konswetudinarji tad-dritt internazzjonali pubbliku li jinsabu, b’mod partikolari, fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna u fl-Abbozz ta’ artikoli.

67.      Fil-punt 200 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, “[m]adankollu, sa fejn [l-imsemmija kunċetti] jintużaw mir-regoli finanzjarji tal-Unjoni għall-fini speċifiku tal-implimentazzjoni tal-baġit tagħha, dawn iridu jiġu interpretati b’mod strett sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni”. Sabiex issostni dan, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment, b’analoġija, għas-sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 2015, Demmer (46), u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse (47).

b)      L-argumenti tal-partijiet

68.      L-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċetti ta’ “organizzazzjoni internazzjonali” u ta’ “ftehim internazzjonali” użati mil-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni billi tbiegħdet mid-definizzjoni klassika ta’ dawn il-kunċetti fid-dritt internazzjonali pubbliku u billi bbażat ruħha fuq ġurisprudenza irrilevanti.

c)      Evalwazzjoni

69.      Jiena naqbel mal-kritiki fformulati mill-appellanti.

70.      L-ewwel nett, l-affermazzjoni li l-kunċetti ta’ “organizzazzjoni internazzjonali” u ta’ “ftehim internazzjonali” għandhom jiġu interpretati b’mod strett minħabba li huwa neċessarju li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma hijiex sostnuta mill-ġurisprudenza.

71.      Għalkemm il-Qorti Ġenerali tagħmel analoġija mal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 2015, Demmer (48), u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse (49), din l- analoġija ma hijiex rilevanti peress li ma teżisti l-ebda identiċità fil-kawża u fis-suġġett bejn il-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi u din il-kawża. Tabilħaqq, l-ebda waħda mill-imsemmija sentenzi ma tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ kunċett tad-dritt internazzjonali pubbliku. Fl-ewwel sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-portata tal-eċċezzjoni għall-obbligu ta’ rimbors tal-ħlasijiet mhux dovuti stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 796/2004 (50), filwaqt li t-tieni sentenza hija ddeterminat il-portata tal-espressjoni “fuq l-azjendi u/jew l-istabbilimenti tal-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi” msemmija fl-Anness IX, il-punt 23 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 (51).

72.      It-tieni nett, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha taċċetta l-prinċipju stabbilit hawn mill-Qorti Ġenerali, dan ikun iwassal għal definizzjoni varjabbli ta’ kunċett tad-dritt internazzjonali pubbliku skont il-kuntest fejn jintuża, filwaqt li dan għandu jiġi interpretat b’mod uniformi, irrispettivament minn jekk jintużax fil-kuntest tal-għajnuna umanitarja, tal-protezzjoni tad-data personali jew tal-implimentazzjoni baġitarja, pereżempju. Organizzazzjoni internazzjonali, bħala persuna ġuridika u suġġett tad-dritt internazzjonali, hija ta’ natura speċifika li jiddistingwiha minn kwalunkwe forma oħra ta’ kooperazzjoni internazzjonali u minn kull organu ieħor li l-Kummissjoni tista’ tikkkonkludi ftehimiet ta’ delega miegħu. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, huwa biss fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt internazzjonali pubbliku li għandu jiġi evalwat l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali ta’ entità.

73.      Ninnota għalhekk li, fis-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Jannar 2008, Adam vs Il-Kummissjoni (52), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment biss għall-kunċett u għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “Stat” fid-dritt internazzjonali pubbliku, u rrifjutat li tadotta interpretazzjoni iktar wiesgħa li tieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura istituzzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri (53).

74.      Bl-istess mod, fis-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2012, L‑Ungerija vs Is‑Slovakkja (54), filwaqt li kienet mistiedna tiddetermina sa fejn l-istatus ta’ “Kap ta’ Stat” seta’ jikkostitwixxi limitazzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu mogħti mill-Artikolu 21 TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tar-regoli konswetudinarji tad-dritt internazzjonali ġenerali u tar-regoli konvenzjonali multilaterali, l-istatus ta’ Kap ta’ Stat għandu “speċifiċità” li tirriżulta mill-fatt li huwa rregolat mid-dritt internazzjonali u li bħala konsegwenza l-aġir tiegħu fuq il-livell internazzjonali jaqa’ taħt dan id-dritt, li jiddistingwixxih miċ-ċittadini tal-Unjoni l-oħra, b’mod li l-aċċess ta’ din il-persuna għat-territorju ta’ Stat Membru ieħor ma jaqax taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għaċ-ċittadini l-oħra (55). Huwa tabilħaqq fid-dawl ta’ dawn ir-regoli partikolari tad-dritt internazzjonali li jiddefinixxu l-protezzjoni jew il-faċilitajiet mogħtija lill-Kapijiet ta’ Stat, u mhux fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tad-dritt tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2004/38/KE (56).

75.      It-tielet u l-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li, fis-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni (57), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet finanzjarji li jirregolaw il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ delega taħt ġestjoni konġunta jew indiretta ma’ organizzazzjoni internazzjonali għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba msemmi fl-Artikolu 310(5) u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317 TFUE (58), dan ma jimplikax, fil-fehma tiegħi, li r-rikonoxximent tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali jiġi limitat għall-issodisfar ta’ kundizzjonijiet addizzjonali li l-osservanza tagħhom ma hijiex meħtieġa la mid-dritt internazzjonali konswetudinarju u lanqas mill-QIĠ, iżda pjuttost li l-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet tkun suġġetta għar-rekwiżiti speċifiċi meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti baġitarji kkonċernati, b’mod partikolari għall-proċeduri ta’ verifika u ta’ kontroll li huma espressament previsti sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

76.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-ewwel argument tat-tieni parti għandu jintlaqa’.

2.      Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli ta’ interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali stabbiliti fl-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna

77.      Permezz ta’ dan it-tieni argument, l-appellanti issostni li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Partijiet ma kellhomx l-intenzjoni li jagħtuha l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-istrument kostituttiv tagħha li tirriżulta minn applikazzjoni żbaljata tar-regoli ta’ interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali kkodifikati fl-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

78.      Nenfasizza li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex fondata fuq konstatazzjonijiet fattwali, iżda fuq interpretazzjoni legali tal-istrument kostituttiv tal-IMG, li hija wettqet fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (59), jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tislet konsegwenzi legali korretti mid-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim, il-Qorti Ġenerali hija obbligata tosserva mhux biss ir-regoli ta’ interpretazzjoni in bona fide stabbiliti fl-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, iżda wkoll dawk previsti fil-paragrafi l-oħra ta’ dan l-artikolu (60).

a)      Fuq l-ewwel kritika, ibbażata fuq l-identifikazzjoni żbaljata tal-ftehim internazzjonali li għandu jiġi interpretat

79.      Din il-kritika tqajjem kwistjoni essenzjali dwar l-istrument kostituttiv tal-IMG u, konsegwentement, tat-test ta’ dan l-att li l-Qorti Ġenerali kellha tinterpreta t-termini tiegħu konformement mal-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, sabiex tiddetermina l-istatus ġuridiku tal-appellanti.

1)      Is-sentenza appellata

80.      Sabiex tiddetermina l-istatus ġuridiku tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 305 sa 312 tas-sentenza appellata, it-termini tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994. Hija bdiet mill-premessa li din ir-riżoluzzjoni kienet tikkostitwixxi l-istrument kostituttiv tal-appellanti li t-termini tiegħu kellhom jiġu interpretati konformement mal-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Fi tmiem l-analiżi tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet fil-punt 313 ta’ din is-sentenza li, fid-dawl tat-termini u tal-għan tal-imsemmija riżoluzzjoni, il-Partijiet ma kellhomx l-intenzjoni li jwaqqfu lill-appellanti bħala organizzazzjoni internazzjonali.

2)      L-argumenti tal-partijiet

81.      L-appellanti issostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi peress li l-Qorti Ġenerali ma identifikatx b’mod korrett l-istrument kostituttiv tagħha. Il-Qorti Ġenerali adottat approċċ restrittiv billi eżaminat separatament it-termini tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 u dawk tal-istatut inizjali tal-appellanti, li ġie adottat fl‑10 ta’ Marzu 1995 u li kien fih numru ta’ elementi rigward il-personalità ġuridika, l-istruttura istituzzjonali u l-kompiti tagħha. Filwaqt li tagħmel riferiment għas-sentenza tal-QIĠ tal‑25 ta’ Settembru 1997 Il‑Proġett Gabčíkovo‑Nagymaros (L‑Ungerija vs Is‑Slovakkja) (61), l-appellanti targumenta li dawn l-istrumenti kienu parti minn “sistema konvenzjonali sħiħa” li tifforma l-“karta kostituttiva tal-organizzazzjoni”, li fid-dawl tagħha l-Qorti Ġenerali kellha tiddetermina l-istatus ġuridiku tagħha.

3)      Evalwazzjoni

82.      Nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta qieset li l-ftehim internazzjonali li kienet meħtieġa tinterpreta t-termini tiegħu kien jikkonsisti fir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, bl-esklużjoni tal-istatut inizjali tal-appellanti.

83.      Infakkar li, skont l-Artikolu 2(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li l-Qorti Ġenerali ssemmi fil-punt 204 tas-sentenza appellata, trattat huwa ddefinit bħala “ftehim internazzjonali konkluż bejn Stati b’forma miktuba u rregolat mid-dritt internazzjonali, kemm jekk imfassal fi strument wieħed jew f’iktar minn strument wieħed relatati u irrispettivament mill-isem partikolari li jingħata”. Skont l-Artikolu 5 ta’ din il-konvenzjoni, din id-definizzjoni tapplika għal kull trattat li huwa l-istrument kostituttiv ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Il-QIĠ għalhekk taċċetta li għandu jitqies li ġie inkorporat fit-trattat għall-finijiet tal-interpretazzjoni tiegħu kull ftehim dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni li jintlaħaq wara l-konklużjoni ta’ trattat (62).

84.      Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-Opinjonijiet tagħha 1/75 (Arranġament OECD – Standard ta’ Spiża Lokali), tal‑11 ta’ Novembru 1975 (63), u 2/92 (It-Tielet Deċiżjoni rreveduta tal-OECD dwar it-trattament nazzjonali), tal‑24 ta’ Marzu 1995 (64), li l-kunċett ta’ “ftehim” jirreferi għal kwalunkwe impenn meħud minn suġġetti tad-dritt internazzjonali u li għandu saħħa vinkolanti. F’konformità ma’ dawn l-opinjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “strumenti konnessi” fl-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (65), billi kkunsidrat li, minkejja li kull wieħed minnhom ikun konkluż permezz ta’ strument separat, żewġ strumenti jkunu konnessi u għalhekk ikunu jikkostitwixxu ftehim internazzjonali wieħed sa fejn jesprimu, fl-intier tagħhom, qbil ta’ volontajiet ta’ żewġ suġġetti jew iktar tad-dritt internazzjonali (66).

85.      Issa, fil-kawża preżenti, ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 u l-istatut inizjali tal-appellanti huma strumenti distinti minn xulxin mhux biss fil-forma iżda wkoll fl-għan u fl-iskop tagħhom. L-ewwel waħda tikkostitwixxi ftehim internazzjonali, konformement mal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 301 tas-sentenza appellata, li jixhed l-intenzjoni tal-Partijiet li joħolqu suġġett ġdid tad-dritt. Min-naħa l-oħra, it-tieni jikkostitwixxu att unilaterali li ġie adottat mill-korp kulleġġjali ta’ din l-entità wara vot ta’ maġġoranza meħtieġa ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu — jiġifieri wara proċedura li tvarja b’mod sinjifikattiv minn dik li tippermetti l-konklużjoni ta’ trattat — u li l-għan tagħha huwa li tiddefinixxi l-istatus u l-modalitajiet ta’ funzjonament tal-imsemmija entità.

86.      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali setgħet leġittimament tqis li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 kienet l-istrument kostituttiv tal-IMG li t-termini tiegħu kellhom jiġu interpretati fil-kuntest tagħhom, fid-dawl tal-oġġett u tal-għan tiegħu u tal-prassi rilevanti sussegwenti.

87.      Is-sentenza tal-QIĠ tal‑25 ta’ Settembru 1997, Il-Proġett Gabčíkovo-Nagymaros (L‑Ungerija vs Is‑Slovakkja) (67), li għaliha jagħmel riferiment l-appellanti, ma jidhirlix li hija determinanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-QIĠ sempliċement ħadet nota tal-fatt li l-Partijiet kienu, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura u tal-portata tal-obbligi tagħhom, estendew l-argumenti tagħhom għall-istrumenti relatati mat-trattat ikkonċernat “billi kkunsidrawhom bħala elementi anċillari ta’ sistema konvenzjonali sħiħa, li l-eżitu tagħha kien bħala prinċipju marbut ma’ dak tal-element prinċipali kkostitwit mit-trattat” (68).

88.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi li din l-ewwel kritika ibbażata fuq l-identifikazzjoni żbaljata tal-ftehim internazzjonali li għandu jiġi interpretat, tiġi miċħuda bħala infondata.

b)      Fir-rigward tat-tieni kritika, ibbażata fuq formaliżmu eċċessiv fl-interpretazzjoni tat-termini tar-riżoluzzjoni tal25 ta’ Novembru 1994

1)      Is-sentenza appellata

89.      Fil-punti 306 sa 312 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-termini ta’ din ir-riżoluzzjoni fid-dawl tal-kriterji u tal-prinċipji stabbiliti b’mod korrett fil-punti 203 sa 212 ta’ din is-sentenza. Minn dan hija kkonkludiet, fil-punt 313 tal-imsemmija sentenza, li, fid-dawl tat-termini u tal-iskop tal-imsemmija riżoluzzjoni, “l-awturi tagħha ma kellhomx l-intenzjoni li jistabbilixxu organizzazzjoni internazzjonali meta waqqfu [l-appellanti]”.

2)      L-argumenti tal-partijiet

90.      L-appellanti issostni li l-Qorti Ġenerali kienet wisq formalistika fl-interpretazzjoni tagħha tat-termini tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, u li dan ivvizzja bi żball ta’ liġi l-analiżi tagħha tal-intenzjoni tal-partijiet li jistabbilixxuha bħala organizzazzjoni internazzjonali.

91.      L-ewwel nett, hija tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 306 tas-sentenza appellata li din ir-riżoluzzjoni la tikkwalifikaha formalment bħala “organizzazzjoni internazzjonali” u lanqas ma tiddefinixxi l-istatus ġuridiku tagħha. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kwalifika ġuridika tagħha, l-imsemmija riżoluzzjoni, kif iċċarata mill-minuti tal-laqgħa tal-istess jum li kienet tirrigwarda l-istatus futur tal-“organizzazzjoni”, u d-deċiżjonijiet li jadottaw l-istatuti inizjali u sussegwenti tagħha.

92.      It-tieni nett, l-appellanti issostni li l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 307 tas-sentenza appellata, li skontha r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ma fiha ebda dispożizzjoni li tagħtih personalità ġuridika, hija “infondata fid-dritt u fil-prassi tal-organizzazzjonijiet internazzjonali”. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-QIĠ, fl-opinjoni konsultattiva tagħha tal‑11 ta’ April 1949, Kumpens għad-danni mġarrba fis-servizz tan-Nazzjonijiet Uniti (69), irrikonoxxiet il-personalità ġuridika tal-ONU bħala “personalità oġġettiva” u mhux sempliċement personalità rrikonoxxuta mill-Istati fundaturi tal-ONU biss. F’dan ir-rigward, l-appellanti ġiet irreġistrata bħala organizzazzjoni internazzjonali mal-awtoritajiet tal-Bosnja u l-Ħerzegovina, tas-Serbja u tal-Maċedonja ta’ Fuq u kienet iffirmat ftehimiet mar-Renju tal-Belġju u mal-Mjanmar/Burma sabiex tistabbilixxi ruħha fit-territorji tagħhom, fatt li jikkonferma li hija tgawdi mill-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali fl-ordni internazzjonali.

93.      It-tielet nett, l-appellanti isostni li l-affermazzjoni, fil-punt 308 tas-sentenza appellata, li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ma pprevedietx li jingħatawlhaimmunitajiet għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħha hija ineżatta, peress li tali immunitajiet kienu previsti fl-Artikolu 19 tal-istatut inizjali tagħha, adottati abbażi ta’ din ir-riżoluzzjoni.

94.      Ir-raba’ nett, l-appellanti tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 309 tas-sentenza appellata, li l-imsemmija riżoluzzjoni ma tagħtihiex “il-mezzi kollha meħtieġa għall-funzjonament tagħha u l-aħjar garanziji ta’ stabbiltà, kontinwità u effiċjenza għall-eżerċizzju tal-missjonijiet tagħha”, b’tali mod li l-Partijiet ma kellhomx l-intenzjoni li jistabbilixxu organizzazzjoni internazzjonali, iżda mekkaniżmu fakultattiv ta’ finanzjament konġunt li setgħu jużawh kif jidhrilhom. Issa, skont l-appellanti, il-fatt li hija, konformement mal-prinċipju ta’ speċjalità, organizzazzjoni operattiva għar-rikostruzzjoni ta’ Stati wara kunflitt ma jillimitahiex għal sempliċement mekkaniżmu fakultattiv jew temporanju. Din il-konklużjoni hija wkoll kontradetta mill-adozzjoni tal-istatuti inizjali u sussegwenti tagħha.

95.      F’dan il-kuntest, l-appellanti issostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 310 tas-sentenza appellata, id-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-evalwazzjoni mill-ġdid kull sitt xhur tal-attivitajiet tagħha u, jekk ikun il-każ, l-integrazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet f’kuntest iktar globali jew it-tmiem tagħhom, ma jurux assenza ta’ stabbiltà u ta’ kontinwità tal-kompiti assenjati lilha, iżda, għall-kuntrarju, l-effettività tagħhom. Ir-rwol fdat lill-korpi kulleġġjali tagħha mill-Artikolu 3 tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 fir-rigward tal-kontroll tal-attività tal-IMG jipprova li l-Partijiet kellhom l-intenzjoni li jiżguraw l-effettività operattiva ta’ din l-organizzazzjoni stabbilita b’urġenza f’ċirkustanzi ta’ gwerra, kif ukoll l-istabbiltà tagħha.

96.      L-appellanti żżid li l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 311 tas-sentenza appellata fir-rigward tan-natura tal-kontribuzzjonijiet tal-membri tagħha jikkorrispondi għall-approċċ tradizzjonalment adottat fir-rigward tal-organizzazzjonijiet internazzjonali l-kbar li ma huwiex applikabbli għall-organizzazzjonijiet internazzjonali operattivi li l-fondi tagħhom huma ffinanzjati b’mod speċifiku minn kontribuzzjonijiet volontarji.

97.      Il-ħames u l-aħħar nett, l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 312 tas-sentenza appellata, li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ma pprevedietx it-trasferiment ta’ kompetenzi obbligatorji min-naħa tal-Partijiet għall-benefiċċju tagħha.

98.      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija twieġeb, b’mod partikolari, li l-personalità ġuridika tal-ONU tirriżulta mill-Artikolu 104 tal-Karta tagħha, li hija ssupplimentata minn konvenzjoni dwar il-privileġġi u l-immunitajiet, li l-Artikolu 1 tagħha jirrikonoxxi espressament il-personalità ġuridika lill-ONU (70). Ma hemm l-ebda dispożizzjoni bħal din fir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994. Min-naħa l-oħra, hija tafferma li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-kundizzjoni tar-rikonoxximent ta’ entità bħala organizzazzjoni internazzjonali marbuta mal-għoti lil din l-entità tal-mezzi kollha neċessarji għall-funzjonament tagħha kif ukoll mal-aħjar garanziji ta’ stabbiltà, ta’ kontinwità u ta’ effettività sabiex teżerċita l-kompiti tagħha tirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 212 tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni żżid tgħid li mit-test ta’ din ir-riżoluzzjoni, b’mod partikolari mill-punti 4 u 5 tagħha, jirriżulta b’mod ċar li l-parteċipazzjoni fl-appellanti kienet fuq bażi fakultattiva u li dan inizjalment kienet tikkostitwixxi mekkaniżmu temporanju, li kellu jiġġedded kull sitt xhur.

3)      Evalwazzjoni

99.      Nemmen li l-interpretazzjoni stretta li l-Qorti Ġenerali adottat tat-termini tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 hija żbaljata sa fejn din għandha t-tendenza li tirreduċi l-kwistjoni tal-istatus ġuridiku tal-appellanti għal dik tal-kontenut ta’ din ir-riżoluzzjoni (71).

100. Għalhekk, is-sempliċi assenza, fl-imsemmija riżoluzzjoni, ta’ dispożizzjonijiet espliċiti relatati mal-istatus ġuridiku tal-appellanti u r-rikonoxximent ta’ personalità ġuridika internazzjonali speċifika għaliha ma tikkostitwixxix element determinanti u suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-assenza ta’ intenzjoni tal-Partijiet li jagħtuha l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

101. L-ewwel nett, ħafna strumenti kostituttivi ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali ma fihom l-ebda dispożizzjoni li permezz tagħha l-Partijiet jirrikonoxxu espressament dan l-istatus lill-entità kkonċernata (72). Tali rekwiżit jinjorja n-natura evoluttiva tal-organizzazzjoni.

102. It-tieni nett, huwa aċċettat, kemm mill-prassi kif ukoll mill-ġurisprudenza, li organizzazzjoni internazzjonali jkollha personalità ġuridika internazzjonali jew minħabba li l-istrument kostituttiv tagħha jirrikonoxxilha din espressament (73), jew minħabba li strument relatat mal-istrument kostituttiv jirrikonoxxilha din espressament, jew minħabba li jkun ammess, minkejja s-skiet tat-testi, li hija impliċitament għandha tali personalità ġuridika internazzjonali (74). B’hekk, żewġ approċċi jeżistu flimkien (75). L-ewwel approċċ, użat mill-QIĠ fl-opinjoni konsultattiva tagħha tal‑11 ta’ April 1949, Kumpens għad-danni mġarrba fis-servizz tan-Nazzjonijiet Uniti (76), għandu t-tendenza li jiddeduċi l-personalità ġuridika internazzjonali minn korp ta’ evidenza oġġettiva, bl-idea li jiġi eżaminat jekk l-organizzazzjoni hijiex maħsuba sabiex teżerċita u tgawdi funzjonijiet u drittijiet li jistgħu jiġu spjegati biss mill-pussess ta’ tali personalità ġuridika (77). It-tieni approċċ għandu t-tendenza li jiddeduċi din il-personalità mill-ordni legali internazzjonali stess, fejn l-istrument kostituttiv sempliċiment juri l-volontà tal-Partijiet, espressa b’mod espliċitu jew impliċitu, li joħolqu “suġġett ġdid tad-dritt”, distint minnhom innifishom, kif enfasizzat il-QIĠ fl-opinjoni konsultattiva tagħha tat‑8 ta’ Lulju 1996, Legalità tal-użu tal-armi nukleari minn Stat f’kunflitt armat (78).

103. It-tielet nett, bl-istess mod, l-assenza, fl-istrument kostituttiv, ta’ dispożizzjonijiet espliċiti relatati mal-għoti ta’ immunitajiet ma jfissirx li l-entità kkonċernata hija nieqsa mill-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali (79). Fil-punt 210 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-immunitajiet tal-organizzazzjonijiet internazzjonali “bħala prinċipju” jingħataw mit-trattati kostituttivi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet. L-iktar eżempju magħruf huwa l-Artikolu 105 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Din hija dispożizzjoni ta’ natura ġenerali, li hija ssupplimentata minn protokoll addizzjonali. Issa, jidher li, fil-każ ta’ organizzazzjonijiet relattivament iżgħar mill-ONU, l-istrumenti kostituttivi ma fihom l-ebda dispożizzjoni dwar dan is-suġġett u l-għoti tal-privileġġi u tal-immunitajiet huwa għaldaqstant is-suġġett ta’ konvenzjonijiet multilaterali speċifiċi (80) jew ta’ konvenzjonijiet bilaterali, li fosthom primarjament hemm il-ftehimiet dwar is-sede jew il-ftehimiet relatati ma’ azzjonijiet operattivi (81). Għalhekk, għandu jiġi nnotat li, fil-punt 330 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali nnotat li “l-istatut inizjali [tal-appellanti] [l-Artikolu 19(2)] […] [i]ppreveda li parti mill-persunal tiegħu tibbenefika mir-reġim tal-immunitajiet li jgawdi l-UNHCR”. Inżid li l-Artikolu 19(1) ta’ dan l-istatut jipprovdi wkoll li l-eżerċizzju tajjeb tal-funzjonijiet fdati lill-entità u t-twettiq tal-għanijiet assenjati lilha “jeħtieġu li l-organizzazzjoni tgawdi mill-privileġġi u l-immunitajiet kollha meħtieġa” (82)

104. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, is-sempliċi assenza ta’ dispożizzjonijiet espliċiti fir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ma tpoġġix f’dubju l-għoti ta’ dawn l-immunitajiet lill-appellanti.

105. Ir-raba’ u fl-aħħar nett, ma naqbilx mal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 309 tas-sentenza appellata li mill-kliem ta’ din ir-riżoluzzjoni jirriżulta li l-Partijiet ma kellhomx l-intenzjoni li jwaqqfu organizzazzjoni li għandha l-mezzi kollha meħtieġa għall-funzjonament tagħha u l-aħjar garanziji ta’ stabbiltà, ta’ kontinwità u ta’ effettività għall-eżerċizzju tal-missjonijiet tagħha, iżda mekkaniżmu fakultattiv magħmul disponibbli għall-partijiet, fejn kull waħda minnhom setgħet tużah kif kien jidhrilha xieraq.

106. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx evalwazzjoni globali tal-elementi ta’ natura organizzattiva u materjali li jinsabu fir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, kuntrarjament għal dak li jidher li teżiġi l-ġurisprudenza internazzjonali li fuqha hija bbażat ruħha espressament fil-punt 212 tas-sentenza appellata. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-mezzi kollha meħtieġa għall-funzjonament ta’ organizzazzjoni jridu jkunu inklużi fl-istrument kostituttiv tagħha. Għalhekk, huwa aċċettat li, filwaqt li s-setgħat mogħtija lill-organizzazzjonijiet internazzjonali normalment ikunu stabbiliti espressament fl-istrumenti kostituttiv tagħhom, dawk is-setgħet jistgħu madankollu jkunu fondati fuq bażijiet iktar informali jew jiġu inferuti bl-applikazzjoni tat-teorija tal-kompetenzi impliċiti. Dan huwa dovut għan-natura partikolari tal-istrument kostituttiv tal-organizzazzjonijiet internazzjonali rrikonoxxuta mill-QIĠ fil-ġurisprudenza tagħha u li l-Qorti Ġenerali espressament tagħmel riferiment għaliha fil-punt 211 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari minħabba n-natura ibrida “kemm konvenzjonali u kif ukoll istituzzjonali” tagħhom (83).

107. Barra minn hekk, fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-garanziji ta’ stabbiltà, ta’ kontinwità u ta’ effettività għall-eżerċizzju tal-kompiti tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rwol assenjat lill-organizzazzjoni, in-natura tal-kompiti tagħha jew il-portata tal-qasam ta’ attività tagħha. Issa, il-Partijiet ma jistgħux jipprevedu l-istess garanziji skont jekk l-organizzazzjoni kkonċernata hijiex ta’ natura ġenerali jew universali jew, għall-kuntrarju, speċjali jew reġjonali, u skont jekk il-kompiti assenjati lilha humiex permanenti jew temporanji (84).

108. Għalhekk, fir-rigward ta’ entità bħall-IMG li ġiet stabbilita meta l-Bosnja-Ħerzegovina kienet għadha fi gwerra, u li l-mandat tagħha kien li tipparteċipa fir-rikostruzzjoni u fir-riabilitazzjoni ta’ dan l-Istat, il-fatt li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 tipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid, ir-riintegrazzjoni jew il-waqfien tal-attivitajiet tagħha, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 310 tas-sentenza appellata, mhux neċessarjament ifisser, fil-fehma tiegħi, li din l-entità hija mċaħħda mill-aħjar garanziji ta’ stabbiltà u ta’ kontinwità għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħha. Fil-punt 367 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali barra minn hekk irrikonoxxiet li l-firmatarji ta’ din ir-riżoluzzjoni kellhom l-intenzjoni, meta adottaw l-istatut sussegwenti, li jiżgurawlha ċerta stabbiltà u jafdawlha kompiti speċjalizzati fl-oqsma tar-rikostruzzjoni u tal-iżvilupp lil hinn mit-territorju tal-imsemmi Stat.

109. Konsegwentement, jidhirli li ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ ħtieġa li l-kompiti li għalihom ġiet stabbilita l-entità jkunu stabbli u kontinwi sabiex hija tibbenefika mill-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali, mingħajr ma tiġi injorata d-diversità profonda tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, in-natura evoluttiva tagħhom u n-natura tal-kompiti fdati lilhom (85).

110. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi li tintlaqa’ t-tieni kritika, ibbażata fuq formaliżmu eċċessiv fl-interpretazzjoni tat-termini tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994.

c)      Fuq it-tielet kritika, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-istatut inizjali tal-appellanti abbażi tal-“kuntest” rilevanti

111. Fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-ftehim internazzjonali rilevanti jikkonsisti biss mir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, il-mistoqsija tkun li jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali interpretatx it-termini ta’ dan il-ftehim billi korrettament ħadet inkunsiderazzjoni il-kuntest tal-imsemmi ftehim, konformement mal-Artikolu 31(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

1)      Is-sentenza appellata

112. Fil-punti 313 sa 318 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kuntest li fih ġiet adottata r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 u għamlet riferiment, f’dan ir-rigward, għal diversi dokumenti, jiġifieri l-minuti tad‑29 ta’ Novembru 1994 (punt 314 ta’ din is-sentenza), it-termini ta’ referenza tal-IMG-IBH (punti 315 u 316 tal-imsemmija sentenza), id-dikjarazzjoni tal‑14 ta’ Diċembru 1994 imfassla mill-koordinatur tal-operazzjoni speċjali tal-UNHCR fl-ex Jugoslavja, li kien ippresjeda l-laqgħa tal‑25 ta’ Novembru 1994 li fiha kienet ġiet adottata r-riżoluzzjoni tal-istess jum (punt 317 tal-istess sentenza) u, fl-aħħar nett, l-istedina għal din il-laqgħa (punt 318 tas-sentenza appellata).

113. Kif jirriżulta mill-punti 313 u 319 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-elementi ta’ dan il-kuntest ikkorroboraw l-interpretazzjoni tat-termini u tal-iskop tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, li skontha dan l-istrument la kellu l-għan u lanqas l-effett li jagħti lill-appellanti l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

2)      L-argumenti tal-partijiet

114. L-appellanti isostni li l-Qorti Ġenerali ddefiniet b’mod żbaljat il-kuntest rilevanti li fih ġiet adottata r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-istatut inizjali tagħha u ppreferiet tirreferi għat-termini ta’ referenza tagħha, li kienu annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni, u għar-riżervi li esprimew ċerti parteċipanti fil-laqgħa tal‑25 ta’ Novembru 1994.

115. Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

3)      Evalwazzjoni

116. Inqis li l-Qorti Ġenerali injorat il-portata tar-regola ġenerali ta’ interpretazzjoni stabbilita fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna billi sseparat it-termini tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 mill-kuntest immedjat li fih kien jaqa’ dan l-istrument u, b’mod partikolari, mill-istatut inizjali tiegħu.

117. Konformement mal-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, “[t]rattat għandu jiġi interpretat in bona fide konformement mat-tifsira ordinarja li għandha tingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-opinjoni konsultattiva tagħha tat‑23 ta’ Lulju 2025, Obbligi tal-Istati fir-rigward tat-tibdil fil-klima, il-QIĠ fakkret li kull wieħed minn dawn il-mezzi ta’ interpretazzjoni għandu jitqies “fl-istess operazzjoni kumplessa” (86). Dawn il-mezzi ta’ interpretazzjoni ma għandhomx jitqiesu bħala elementi separati, iżda għandhom jitqiesu flimkien, u “l-applikabbiltà tagħhom tiddependi, f’kull każ partikolari, mill-kuntest partikolari li fih ġie adottat it-trattat u l-evalwazzjoni suġġettiva ta’ ċirkustanzi differenti” (87). Barra minn hekk, fil-kummenti tagħha dwar l-Abbozz ta’ artikoli dwar il-liġi tat-trattati (88), il-KDI diġà kienet enfasizzat li l-elementi differenti kollha ta’ interpretazzjoni għandhom jitpoġġew “fil-borma” u r-riżultat tal-interazzjoni tagħhom jikkostitwixxi l-interpretazzjoni legalment rilevanti (89).

118. Barra minn hekk, mill-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, jirriżulta li t-termini tat-trattat huma inseparabbli mill-kuntest tiegħu, li jinkludi, minbarra t-test, il-preambolu u l-annessi ta’ dan it-trattat, b’mod partikolari “kwalunkwe ftehim li jkun sar minn Parti waħda jew iktar fl-okkażjoni tal-konklużjoni tat-trattat u aċċettat mill-Partijiet l-oħra bħala strument marbut mat-trattat” (90). L-espressjoni “fl-okkażjoni tal-konklużjoni tat-trattat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] hija tradotta, fil-verżjoni uffiċjali bl-Ingliż ta’ din il-konvenzjoni, bl-espressjoni “in connection with the conclusion of the treaty”, li tissuġġerixxi li din l-espressjoni għandha konnotazzjoni iktar kawżali milli temporali.

119. Issa, l-istatut inizjali, adottat fl‑10 ta’ Marzu 1995, kien, essenzjalment u funzjonalment, parti mill-proċess li bih ġiet stabbilita l-appellanti fformalizzat mir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994.

120. Fil-fatt, hemm rabta ċara bejn dawn iż-żewġ strumenti. Kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punti 266 sa 273 tas-sentenza appellata, ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 issemmi l-“qbil tar-rappreżentanti tal-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali […] li jifformalizzaw, minn dik id-data, l-istabbiliment ta[l-appellanti]” (punt 266 ta’ din is-sentenza), konformement mal-anness mehmuż ma’ din ir-riżoluzzjoni dwar il-funzjonament u l-operat tal-appellanti, u li japprovaw ir-“regoli tal-organizzazzjoni [tal-IMG-IBH]” (punt 271 tal-imsemmija sentenza). L-imsemmija riżoluzzjoni, fl-anness tagħha adottat fl-istess jum, b’hekk tagħmel riferiment espliċitu, fl-għan tagħha, għall-“istatus futur tal-IMG-IBH”.

121. Barra minn hekk, il-volontajiet espressi f’dawn iż-żewġ strumenti huma konsistenti fir-rigward tal-għan intiż, jiġifieri l-istabbiliment ta’ organu awtonomu b’għarfien espert suffiċjenti sabiex jipparteċipa fir-rikostruzzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina u fir-ritorn tal-persuni spostati (91). Kif jirriżulta mill-punt 332 tas-sentenza appellata, l-adozzjoni tal-istatut inizjali kienet ippreċeduta minn laqgħa preparatorja tal-kumitat tat-tmexxija fit‑13 ta’ Frar 1995 li, dakinhar, kien kompost minn Stati li kollha kienu ffirmaw ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, u kien konformement mal-punt 3 ta’ dik ir-riżoluzzjoni li dan il-korp approva dan l-istatut bil-maġġoranza meħtieġa ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu.

122. L-istatut inizjali formalment ipprovda lill-appellanti bi struttura istituzzjonali, billi stabbilixxa b’mod partikolari s-sede tal-organizzazzjoni, il-korpi kolleġjali tagħha u s-segretarjat tagħha. Huwa jirreferi għall-kompiti tal-appellanti, kif ġew iddefiniti meta ġiet adottata l-imsemmija riżoluzzjoni, u jiddeskrivi l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. B’mod partikolari, l-Artikolu 18 ta’ dan l-istatut jirrikonoxxi lill-appellanti l-personalità ġuridika interna, li tagħtiha l-kapaċità tikkuntratta, tixtri, tikri u tiddisponi minn proprjetà immobbli, kif ukoll il-kapaċità li tirċievi u li tonfoq fondi privati u pubbliċi, u, fl-aħħar nett, il-kapaċità ta’ locus standi in judicio. Fir-rigward tal-Artikolu 19 tal-imsemmi statut, dan jagħtiha l-benefiċċju tal-privileġġi u tal-immunitajiet neċessarji għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħha.

123. Konsegwentement, jidhirli li l-istatut inizjali kien jikkostitwixxi element essenzjali għall-implimentazzjoni tal-loġika fundamentalment kunsenswali li fuqha kienet ibbażata r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 u kien parti mill-kuntest rilevanti ħafna iktar mix-xogħlijiet preparatorji li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali fil-punt 318 tas-sentenza appellata.

124. F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza li, għalkemm jistgħu jirriflettu l-intenzjoni tal-Partijiet, ix-xogħlijiet preparatorji, sa fejn jaqgħu taħt il-qafas speċifiku ħafna tal-proċeduri tan-negozjar internazzjonali, jikkostitwixxu biss mezz supplimentari ta’ interpretazzjoni tat-trattat li ma jaqax taħt l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, iżda taħt l-Artikolu 32 tagħha (92). Il-Qorti Ġenerali ġustament tfakkar dan fil-punt 325 tas-sentenza appellata.

125. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nemmen li l-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-istatut inizjali tagħha bħala parti mill-kuntest rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 għandu jintlaqa’, peress li l-Qorti Ġenerali tabilħaqq injorat il-portata tar-regola ġenerali ta’ interpretazzjoni stabbilita fl-Artikolu 31(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

d)      Fuq ir-raba’ kritika, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-istatuti inizjali u sussegwenti tal-appellanti abbażi tal-“prassi sussegwenti”

126. Din il-kritika hija diretta kontra l-punti 321 sa 346 tas-sentenza appellata.

127. Din tikkonċerna l-punt sa fejn l-istatuti inizjali u sussegwenti tal-appellanti kienu jikkostitwixxu “prassi sussegwenti” li taqa’ jew fil-kuntest tar-regola ġenerali ta’ interpretazzjoni stabbilita fl-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna peress li kienu jixhdu l-ftehim tal-Partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, jew fil-kuntest tal-mezzi supplimentari ta’ interpretazzjoni msemmija fl-Artikolu 32 ta’ din il-konvenzjoni, sa fejn kienu jixhdu l-aġir ta’ Parti waħda jew iktar fl-applikazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni. Il-prassi ta’ Parti waħda jew ta’ xi Partijiet għandu jkollha valur interpretattiv iktar baxx mill-prassi konkordanti tal-Partijiet kollha (93).

128. Il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-istatut inizjali tal-appellanti abbażi ta’ ftehim jew ta’ prassi sussegwenti tqum biss fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li dawn l-istatuti ma jaqgħux fil-kuntest li fih ġiet adottata r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 (Artikolu 31(1) u (2) tal-imsemmija konvenzjoni).

1)      Is-sentenza appellata

129. Fil-punti 323 sa 326 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-prinċipji li jirregolaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prassi sussegwenti.

130. Fil-punti 323 u 324 ta’ din is-sentenza, hija enfasizzat b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 31(3)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, istrumenti ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu prassi ulterjuri jekk dawn tal-aħħar ikunu ġew adottati mingħajr l-appoġġ ta’ kull wieħed mill-Istati Partijiet għal dan it-trattat, filwaqt li għamlet riferiment għal dan l-għan għas-sentenza tal-QIĠ tal‑31 ta’ Marzu 2014, Kaċċa tal-baleni fl-Antartiku (L‑Awstralja vs Il‑Ġappun; in‑New Zealand, (intervenjenti)) (94);

131. Barra minn hekk, fil-punti 325 u 326 tas-sentenza appellata, hija indikat li, skont it-termini tal-Artikolu 32 ta’ din il-konvenzjoni, jista’ jkun hemm rikors għal mezzi supplimentari ta’ interpretazzjoni sabiex tiġi kkonfermata t-tifsira li tirriżulta mir-regola ġenerali ta’ interpretazzjoni – it-test, il-kuntest, is-suġġett u l-għan – jew sabiex dan jintuża meta t-tifsira li tirriżulta minnha tkun ambigwa jew mhux ċara, jew twassal għal riżultat manifestament assurd jew irraġonevoli.

132. Kif jirriżulta mill-punt 327 ta’ din is-sentenza, huwa fid-dawl ta’ dawn ir-regoli li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 328 sa 345 tal-imsemmija sentenza, jekk l-appellanti kinitx fondata meta bbażat ruħha fuq il-prassi segwita sussegwentement mill-membri tagħha, kif tirriżulta mill-istatut inizjali tagħha u mill-istatut sussegwenti tagħha.

133. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eskludiet l-applikazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Fil-punt 328 tas-sentenza appellata, hija rrilevat, fil-fatt, li, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti tagħha, id-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 kienu nieqsa minn kull nuqqas ta’ ċarezza u ambigwità u ma kinux iwasslu għal interpretazzjoni manifestament assurda jew irraġonevoli, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 32. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 329 ta’ din is-sentenza, li kien neċessarju li jiġi stabbilit li l-emendi fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din ir-riżoluzzjoni, magħmula mill-istatuti inizjali u sussegwenti, kienu ġew approvati mill-“firmatarji kollha [tal-imsemmija riżoluzzjoni], jew, tal-inqas, il-membri kollha ta[l-appellanti]” sabiex b’hekk dawn l-istatuti jaqgħu taħt prassi sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 31(3)(b) ta’ din il-konvenzjoni.

134. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali spjegat ir-raġunijiet għaliex din il-kundizzjoni ma kinitx issodisfatta. Hija ddeċidiet, fil-punt 346 tal-imsemmija sentenza, li “l-prassi sussegwenti għall-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, imbagħad l-adozzjoni tal-istatut inizjali u tal-istatut tal‑2012, ma kinux jaffermaw rikonoxximent suffiċjentement wiesa’ u ċar tal-istatus ta[l-appellanti] bħala organizzazzjoni internazzjonali, kemm mill-firmatarji ta’ din ir-riżoluzzjoni kif ukoll mill-membri ta[l-appellanti]”.

2)      L-argumenti tal-partijiet

135. L-appellanti tikkontesta r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, żviluppat fil-punti 321 sa 346 tas-sentenza appellata, li l-istatuti inizjali u sussegwenti tagħha ma jixhdux ftehim sussegwentement adottat bejn il-Partijiet jew prassi sussegwenti segwita minnhom, li hija rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994.

136. Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 31(3)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

137. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 324 tas-sentenza appellata, billi affermat li l-Partijiet kollha fi ftehim internazzjonali għandhom ikunu kkontribwixxew għall-prassi inkwistjoni sabiex din tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim. Is-sentenza tal-QIĠ tal‑31 ta’ Marzu 2014, Kaċċa tal-baleni fl-Antartiku (L‑Awstralja vs Il‑Ġappun; in‑New Zealand, (intervenjenti)) (95), li għamlet riferiment għaliha l-Qorti Ġenerali, hija irrilevanti peress li, skont l-appellanti, din is-sentenza kienet tirrigwarda rakkomandazzjonijiet li ma kinux vinkolanti u li ġew adottati mingħajr l-appoġġ tal-Istati Partijiet kollha għall-konvenzjoni inkwistjoni u, b’mod partikolari, mingħajr il-qbil tal-Istat prinċipali kkonċernat.

138. L-appellanti isostni li dan l-iżball ta’ liġi vvizzja l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 329, 331, 336 u 337 tas-sentenza appellata. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tissuġġetta t-teħid inkunsiderazzjoni tal-istatut sussegwenti tal-appellanti “għall-kundizzjoni li […] il-membri kollha [tagħha] […] ikunu approvaw tali modifika” (punt 329 ta’ din is-sentenza) u lanqas ma setgħet tikkritikaha li ma stabbilixxietx li l-istatuti inizjali u sussegwenti tagħha kienu jirriflettu “l-volontà tal-firmatarji kollha tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 jew, tal-inqas, tal-membri [tagħha], li jagħtuh[a] l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali” (punt 331 tal-imsemmija sentenza).

139. It-tieni nett, l-appellanti tikkritika l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punti 322 u 346 tas-sentenza appellata, li skontha l-prassi sussegwenti kellha turi “rikonoxximent suffiċjentement wiesa’ u ċar tal-istatus […] bħala organizzazzjoni internazzjonali” sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni.

140. It-tielet nett, l-appellanti issostni li, anki li kieku l-Partijiet għar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ma kellhomx l-intenzjoni espressa formalment li jistabbilixxu organizzazzjoni internazzjonali, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkonsiderazzjoni l-istatut sussegwenti li jixhed interpretazzjoni evoluttiva ta’ din ir-riżoluzzjoni.

141. Ir-raba’ nett, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma fittxitx, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li tistabbilixxi jekk il-prassi adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni konġunta jew indiretta kinitx tirrifletti l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-Kummissjoni u l-appellanti stess dwar l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tal-appellanti.

142. Il-ħames nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi li hija kienet ipproduċiet fl-ewwel istanza billi affermat, fil-punt 335 tas-sentenza appellata, li hija sostniet, waqt is-seduta, li l-istatut tagħha tal‑2012 kien ġie ffirmat mir-Repubblika Franċiża, mir-Repubblika Taljana u mir-Repubblika tal-Finlandja kif ukoll mir-Renju tal-Isvezja u mir-Renju tan-Norveġja, filwaqt li minn dawn l-elementi jirriżulta li dan l-istatut kien ġie adottat mill-kumitat tat-tmexxija b’mod unanimu. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ittra tal-awtoritajiet Svediżi tat‑2 ta’ Lulju 2020, din hija irrilevanti u l-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tagħha fil-punt 339 ta’ din is-sentenza.

143. Is-sitt nett, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għal dokumenti relatati mar-rapport ippreparat mill-OLAF wara l-investigazzjoni tiegħu (96), li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet b’mod espliċitu li ma tqishomx għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

144. Is-seba’ u l-aħħar nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi ma spjegatx għaliex eskludiet mill-evalwazzjoni tagħha d-dokumenti relatati mar-Repubblika Taljana u mar-Renju tan-Norveġja msemmija fl-ewwel istanza.

145. Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat l-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna b’mod żbaljat.

146. Fil-fatt, hija wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu ma kinux ġew issodisfatti, u rrifjutat b’mod żbaljat li tislet il-konsegwenzi kollha mir-rabta prevista bejn l-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

147. Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 328 tas-sentenza appellata, ir-riżultat li twassal għalih interpretazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 31 ta’ din il-konvenzjoni għandu, għall-kuntrarju, jiġi kklassifikat bħala “assurd u irraġonevoli” sa fejn il-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet l-istatus tagħha ta’ organizzazzjoni internazzjonali għal iktar minn 20 sena u f’daqqa waħda setgħet iċċaħħadha minn dan l-istatus. F’dan il-kuntest, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-ftehimiet ta’ delega ffirmati mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit bħala li jikkostitwixxu “aġir ta’ parti waħda jew iktar fl-applikazzjoni tat-trattat, wara l-konklużjoni tiegħu” fis-sens tal-Artikolu 32 tal-imsemmi ftehim, kif imsemmi fil-punt 326 ta’ din is-sentenza.

148. Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. B’mod partikolari, hija targumenta li r-riferiment għas-sentenza tal-QIĠ tal‑31 ta’ Marzu 2014 Kaċċa tal-baleni fl-Antartiku (L‑Awstralja vs Il‑Ġappun; in‑New Zealand, (intervenjenti)) (97), li sempliċiment tirrepeti l-kriterju legali previst fl-Artikolu 31(3) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, huwa rilevanti. Hija żżid li l-Qorti Ġenerali effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-“interpretazzjoni evoluttiva” tal-ftehim internazzjonali, filwaqt li fakkret, f’dan il-kuntest, li hija qieset lill-appellanti bħala organizzazzjoni internazzjonali sal-mument meta, ikkonfrontata b’inċertezza fir-rigward ta’ dan l-istatus, hija ma kinitx obbligata tikkonkludi ftehimiet ta’ delega ġodda magħha.

3)      Evalwazzjoni

149. Preliminarjament, nenfasizza li, kuntrarjament għal dak li jidher li tippreżumi l-appellanti insostenn tal-argument tagħha, l-istatuti inizjali u sussegwenti tagħha ma jistgħux jinftiehmu mill-perspettiva tal-Artikolu 31(3)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna li jirrigwarda l-“ftehim[iet] sussegwenti bejn il-Partijiet”. Dawn l-istatuti fil-fatt ġew adottati b’deċiżjoni meħuda mill-korp kulleġġjali tal-appellanti, il-kumitat tat-tmexxija, bil-maġġoranza meħtieġa ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu. Għalhekk, il-Partijiet adottaw dawn l-istatuti bħala membri ta’ korp tat-trattat u mhux bħala Partijiet għal ftehim internazzjonali (98). Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-abbozz ta’ konklużjonijiet, il-prassi ta’ organizzazzjoni tabilħaqq taqa’ taħt il-kunċett ta’ “prassi sussegwenti” (99).

i)      Fuq l-allegati żbalji ta’ liġi li jaffettwaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-regola ġenerali ta’ interpretazzjoni

150. Il-ġurisprudenza internazzjonali dwar it-tifsira u l-portata ta’ “prassi sussegwenti” ġiet ifformata f’sensiela ta’ opinjonijiet konsultattivi tal-QIĠ mogħtija fir-rigward tal-prassi tal-korpi ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali (100). Ta’ min jitfakkru l-punti ewlenin qabel ma jiġu eżaminati l-kritiki varji fformulati mill-appellanti. L-iktar żvilupp reċenti huwa s-sentenza tal-QIĠ tal‑31 ta’ Marzu 2014, Kaċċa tal-baleni fl-Antartiku (L‑Awstralja vs Il‑Ġappun; in‑New Zealand, (intervenjenti)) (101), li l-Qorti Ġenerali ġustament għamlet riferiment għaliha.

151. L-ewwel nett, il-“prassi sussegwenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] msemmija fl-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna għandha rwol partikolarment importanti fl-interpretazzjoni tal-istrumenti kostituttivi ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Kif ikkonstatat il-QIĠ sa mill‑1949 fir-rigward tal-ONU, “id-drittijiet u d-dmirijiet ta’ entità bħall-[ONU] għandhom jiddependu mill-għanijiet u mill-funzjonijiet tagħha, iddikjarati jew implikati mill-istrument kostituttiv tagħha u żviluppati mill-prattika” (102).

152. It-tieni nett, il-prassi sussegwenti titqies bħala element awtentiku ta’ interpretazzjoni tal-volontà tal-Partijiet u għalhekk hija rilevanti għall-interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali biss sa fejn tirrifletti l-ftehim komuni tal-Partijiet dwar it-tifsira ta’ dan il-ftehim. Għalhekk il-Qorti Ġenerali kienet korretta li fakkret il-prinċipju stabbilit mill-QIĠ fis-sentenza tagħha tal‑31 ta’ Marzu 2014, Kaċċa tal-baleni fl-Antartiku (L‑Awstralja vs Il‑Ġappun; in‑New Zealand, (intervenjenti)) (103), li skontu strumenti ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu prassi sussegwenti li tistabbilixxi l-ftehim tal-Partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ trattat, skont it-tifsira tal-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, jekk dawn l-istrumenti jkunu ġew adottati mingħajr l-appoġġ ta’ kull wieħed mill-Istati Partijiet għal dan it-trattat.

153. Il-valur interpretattiv tal-prassi inkwistjoni jiddependi għalhekk minn jekk l-Istati Partijiet adottawx aġir ċar u konsistenti tul perjodu twil biżżejjed, hekk kif enfasizzat il-QIĠ fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Mejju 2025, Delimitazzjoni terrestra u marittima u sovranità fuq il-gżejjer (Il‑Gabon vs Il‑Ginea Ekwatorjali) (104). Skont il-KDI, fatturi bħall-konsistenza u l-firxa huma fatturi rilevanti (105).

154. Madankollu, il-QIĠ ma tirrikjedix li kull Parti għal trattat taqbel b’mod espliċitu mal-prassi inkwistjoni. Huwa biżżejjed li l-prassi tkun aċċettata mill-Partijiet kollha jew li huma taċitament ikunu taw il-kunsens tagħhom għaliha, mingħajr oġġezzjoni diretta u espliċita minn ebda waħda minnhom. Għalhekk, fl-opinjoni konsultattiva tal‑21 ta’ Ġunju 1971, Konsegwenzi legali għall-Istati minħabba l-preżenza kontinwa tal-Afrika ta’ Isfel fin-Namibja (il-Lbiċ tal-Afrika) minkejja r-Riżoluzzjoni 276 (1970) tal-Kunsill tas-Sigurtà (106), il-QIĠ ippreżupponiet l-aċċettazzjoni taċita tal-Istati Partijiet l-oħra peress li ċ-ċirkustanzi kienu tali li n-nuqqas ta’ reazzjoni jew oppożizzjoni seta’ raġonevolment jitqies bħala qbil (107). Kif tispjega l-KDI, dan ma jeħtieġx li kull Parti individwalment tkun segwiet din il-prassi. Huwa biżżejjed li hija tkun aċċettatha (108).

155. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2015, Oberto u O’Leary (109), qieset li “[l]-ġurisprudenza tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej […] għandha titqies bħala prattika ulterjorment segwita fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Iskejjel Ewropej [(110)], fis-sens tal-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna” (111). Peress li din il-prattika “qatt ma ġiet ikkontestata mill-partijiet għall-imsemmija konvenzjoni […], l-assenza ta’ kontestazzjoni min-naħa ta’ dawn il-partijiet għandha titqies bħala li tirrifletti l-kunsens taċitu tagħhom għal tali prattika” (112).

156. Fl-aħħar nett, meta jiġi espress b’mod ċar nuqqas ta’ qbil, kif kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-QIĠ tal‑31 ta’ Marzu 2014, Kaċċa tal-baleni fl-Antartiku (L‑Awstralja vs Il‑Ġappun; in‑New Zealand, (intervenjenti)) (113), jew meta strument ikun ġie adottat minkejja l-oppożizzjoni ta’ diversi Stati, kif kien il-każ fil-kawża li wasslet għall-opinjoni konsultattiva tat‑8 ta’ Lulju 1996, Legalità tal-użu tal-armi nukleari minn Stat f’kunflitt armat (114), ma jkun hemm l-ebda ftehim u għalhekk l-ebda prassi sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna (115). Madankollu, il-QIĠ tqis il-kuntest li fih ikunu ġew adottati l-istrumenti rilevanti (116). Għalhekk, fl-opinjoni konsultattiva tal‑20 ta’ Lulju 1962, Ċerti spejjeż tan-Nazzjonijiet Uniti (l-Artikolu 17(2) tal-Karta) (117), dik il-qorti ddeċidiet li r-riżoluzzjonijiet ta’ korp bħall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li jkunu ġew adottati b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tagħha u minkejja voti li ma jaqblux, madankollu għandhom piż interpretattiv (118).

157. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-kritiki varji magħmula mill-appellanti.

158. L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud, qabelxejn, l-argument tal-appellanti li l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ delega taħt ġestjoni konġunta jew indiretta kienet tirrifletti l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-Kummissjoni u l-appellanti stess dwar l-istatus tagħha ta’ organizzazzjoni internazzjonali u, għalhekk, ta’ prassi rilevanti fis-sens tal-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma hijiex Parti għar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 u l-konklużjoni ta’ dawn il-konvenzjonijiet ma involviet l-ebda Parti għal din ir-riżoluzzjoni (119).

159. It-tieni nett, jeħtieġ li jiġi miċħud ukoll l-argument tal-appellanti li s-sentenza tal-QIĠ tal‑31 ta' Marzu 2014, Kaċċa tal-baleni fl-Antartiku (L‑Awstralja vs Il‑Ġappun; in‑New Zealand, (intervenjenti)) (120), li għaliha għamlet riferiment il-Qorti tal-Ġustizzja, ma hijiex rilevanti minħabba li d-deċiżjonijiet li jadottaw l-istatut tagħha huma legalment vinkolanti. Fil-fatt, dik is-sentenza turi b’mod ċar li l-element essenzjali tal-prassi sussegwenti huwa bbażat fuq il-kunsens reċiproku tal-Istati Partijiet dwar is-sustanza tal-ftehim, pjuttost milli fuq il-forma jew id-deżinjazzjoni tal-istrumenti kkonċernati u s-saħħa vinkolanti tagħhom.

160. It-tielet nett, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi fil-punti 322 u 346 tas-sentenza appellata meta eżiġiet, essenzjalment, li l-prattika inkwistjoni turi “rikonoxximent suffiċjentement wiesa’ u ċar tal-istatus [tal-appellanti] bħala organizzazzjoni internazzjonali”.

161. Min-naħa l-oħra, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żewġ żbalji ta’ liġi li wassluha sabiex tirrifjuta kwalunkwe valur interpretattiv lid-deċiżjonijiet li adottaw l-istatuti inizjali u sussegwenti tal-appellanti.

162. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju ta’ prova iktar strett minn dak meħtieġ mill-ġurisprudenza internazzjonali. Hija ma setgħetx teħtieġ lill-appellanti tistabbilixxi l-kunsens ta’ dawk kollha li ffirmaw ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, jew tal-inqas tal-membri tagħha, għall-adozzjoni ta’ dawn l-istatuti.

163. Fil-fatt, il-QIĠ titlaq mill-prinċipju li strument adottat minn korp ta’ organizzazzjoni internazzjonali, kompost mir-rappreżentanti tal-Istati Partijiet, huwa preżunt li huwa aċċettat mill-Partijiet kollha, sakemm ma tiġix stabbilita l-eżistenza ta’ diżapprovazzjoni, ta’ oppożizzjoni jew ta’ nuqqas ta’ qbil manifest fi ħdan dan il-korp (121).

164. F’dan il-każ, l-imsemmi statut ġie adottat konformement mar-regoli tal-proċedura u tal-votazzjoni ddefiniti mill-Partijiet fir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, jiġifieri mir-rappreżentanti tal-Istati Partijiet li jpoġġu fil-kumitat tat-tmexxija, bil-maġġoranza meħtieġa ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu (punti 268 u 333 tas-sentenza appellata). Ma hemm l-ebda indikazzjoni li dawn ir-rappreżentanti esprimew id-diżapprovazzjoni tagħhom fir-rigward tal-portata tal-Artikoli 18 u 19 tal-istatut inizjali, li jagħti lill-appellanti kapaċità ġuridika u immunità, jew tal-kontenut tal-Artikolu 1 tal-istatut tal‑2012, li jirrikonoxxi espressament l-istatus tagħha ta’ organizzazzjoni internazzjonali. L-argument espost mill-Qorti Ġenerali fil-punt 339 tas-sentenza appellata, li l-awtoritajiet Svediżi kienu ddikjaraw, fl‑2014, wara l-investigazzjoni tal-OLAF, u fl‑2020, wara t-talba għal informazzjoni mressqa mill-Kummissjoni, li l-IMG ma kinitx organizzazzjoni internazzjonali, minkejja li l-Ambaxxatur tal-Isvezja f’Belgrad (is-Serbja), li dak iż-żmien kien qiegħed jippresjedi l-kumitat tat-tmexxija tal-IMG, iffirma l-istatut tal‑2012 li jirrikonoxxi dan l-istatus lill-appellanti, iħallini perpless. L-espressjoni “organizzazzjoni internazzjonali” hija espressjoni stabbilita. Meta espressjoni ġuridiku tintuża fi trattat, għandu jiġi preżunt li l-partijiet kellhom l-intenzjoni li jagħtuha t-tifsira li normalment ikollha fid-dritt internazzjonali. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 333 tas-sentenza appellata, li l-awtoritajiet Finlandiżi fformulaw dikjarazzjoni dwar in-natura politika tal-istatut inizjali, nirrileva madankollu li dawn iffirmaw dan l-istatut u indikaw il-qbil tagħhom mal-istatut sussegwenti li permezz tiegħu l-appellanti ġiet ikklassifikata bħala “organizzazzjoni internazzjonali” (122).

165. Nemmen ukoll li l-pożizzjonijiet espressi mill-Partijiet fl‑2014, wara l-investigazzjoni tal-OLAF, u fl‑2019 u l‑2020, wara t-talba għal informazzjoni mressqa mill-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għalihom fil-punti 338 sa 341 tas-sentenza appellata, ma setgħux jipprevalu fuq il-proprji termini tal-istatuti inizjali u sussegwenti (123). Jekk il-Partijiet ma qablux mal-prassi tal-appellanti, u jekk l-intenzjonijiet tagħhom la kienu li joħolqu organizzazzjoni internazzjonali u lanqas li jagħtuha personalità ġuridika internazzjonali, kien l-obbligu tagħhom li jesprimu d-diżapprovazzjoni tagħhom, speċjalment peress li l-emendi previsti jidhru li nġiebu għall-attenzjoni tal-Partijiet f’laqgħa preparatorja, kif isostni l-appellanti. Kif fakkret il-QIĠ fl-opinjoni konsultattiva tagħha tal‑20 ta’ Diċembru 1980, Interpretazzjoni tal-ftehim tal‑25 ta’ Marzu 1951 bejn id-WHO u l-Eġittu (124), is-sempliċi fatt li wieħed ikun membru ta’ organizzazzjoni “jinvolvi ċerti obbligi reċiproċi ta’ kooperazzjoni u ta’ bona fide” (125).

166. Fit-tieni lok, nemmen li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura evoluttiva tal-appellanti, kif jidher mill-adozzjoni tal-istatut sussegwenti.

167. Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, jidhirli li l-prassi sussegwenti tal-organizzazzjoni, sakemm taġixxi fil-kompetenza tagħha, tista’ twassal għal reinterpretazzjoni tat-termini tal-istrument kostituttiv tagħha mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi konkluż ftehim internazzjonali ġdid fil-forma dovuta.

168. Ir-regoli ta’ interpretazzjoni ddefiniti mill-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jippermettu li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn iċ-ċirkustanzi u li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura evoluttiva tal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

169. Il-QIĠ għalhekk aċċettat li l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti tista’ b’mod leġittimu tiġi interpretata, interpretata mill-ġdid u saħansitra emendata abbażi tal-prassi tal-ONU, billi qieset li t-test ta’ strument kostituttiv ta’ organizzazzjoni huwa ta’ natura intrinsikament evoluttiva, inkompatibbli ma’ interpretazzjoni li tikkristallizza t-tifsira tiegħu f’mument partikolari (126).

170. Il-KDI, fil-kumment tagħha dwar l-Artikolu 2 tal-Abbozz ta’ artikoli, innotat ukoll il-ħtieġa li “jintlaħaq bilanċ bejn ir-regoli minquxa fl-istrument kostituttiv u formalment aċċettati mill-membri, minn naħa, u l-ħtieġa li l-organizzazzjoni tiżviluppa bħala istituzzjoni, min-naħa l-oħra” (127). Fl‑2018, bħala parti mill-ħidma tagħha, il-KDI saħqet ukoll li l-prassi sussegwenti tal-Partijiet tista’ tixhed kemm interpretazzjoni kontemporanja kif ukoll interpretazzjoni evoluttiva tat-trattat, skont il-każ u b’kont meħud ta’ mezzi oħra ta’ interpretazzjoni (128). Hija ma eskludietx dan fir-rigward tal-prassi sussegwenti tal-organizzazzjoni.

171. Barra minn hekk, ta’ min jirrileva r-riflessjoni ta’ Denys Simon fit-teżi tiegħu dwar l-interpretazzjoni ġudizzjarja tat-trattati ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali (129): “il-qorti għandha tagħmel ħilitha sabiex tagħti inqas effett lill-volontà inizjali tal-partijiet, kif kienet espressa darba għal dejjem, fiż-żmien tal-konklużjoni tat-trattat, milli lill-volontà attwali tal-Istati Membri, kif espressa matul l-applikazzjoni tal-konvenzjoni. […] Għalhekk, fi kliem ieħor, hija kwistjoni li jinsiltu l-konsegwenzi, fl-interpretazzjoni tat-trattati istituzzjonali, li jirriżultaw mill-mogħdija taż-żmien, li wrejna […] l-importanza essenzjali tiegħu fid-definizzjoni stess tal-istrumenti fundaturi tal-organizzazzjonijiet internazzjonali: il-kunsens li wassal għall-konklużjoni tal-konvenzjoni ma ġiex eżawrit fl-abbozzar ta’ test; l-applikazzjoni ta’ tali konvenzjoni neċessarjament timplika t-tiġdid permanenti tal-aderenza tal-Istati Membri għall-kontenut tan-normi ġuridiċi li l-istrument iffirmat jikkostitwixxi biss espressjoni solenni iżda, essenzjalment, efemerali tagħhom” (130).

172. Għalhekk, pereżempju, it-Trattat tal-Kooperazzjoni Ekonomika, Soċjali u Kulturali u l-Awtodifiża Kollettiva (131) stabbilixxa xi prinċipji u waqqaf kunsill konsultattiv sempliċi. Kien diffiċli li dan jiġi meqjus bħala l-istrument fundatur ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Kienet il-prassi sussegwenti li verament ħolqot l-organizzazzjoni internazzjonali magħrufa bħala l-Unjoni tal-Punent. Dan it-trattat ġie emendat u ssupplimentat bi Protokoll iffirmat fit‑23 ta’ Ottubru 1954, li rristruttura l-organizzazzjoni, li saret l-Unjoni Ewropea tal-Punent, u taha qafas istituzzjonali u rrikonoxxielha l-personalità ġuridika internazzjonali (132). Għalhekk, l-istabbiliment ta’ istituzzjoni internazzjonali permezz ta’ strument ta’ trattat huwa indikatur b’saħħtu li, sa fejn huwa appoġġjat mir-rikonoxximent ta’ personalità ġuridika internazzjonali u awtonomija finanzjarja, iwassal għall-inferenza li ġiet stabbilita organizzazzjoni internazzjonali. L-istatuti fundaturi tal-organizzazzjonijiet internazzjonali stess jistgħu jkunu magħmula minn karta u minn ftehimiet sussegwenti li jispeċifikaw l-istruttura u l-funzjonijiet tal-organizzazzjoni (133).

173. Ċerti forom ta’ kooperazzjoni internazzjonali maż-żmien jiżviluppaw f’organizzazzjonijiet internazzjonali billi jsiru iktar strutturati u istituzzjonalizzati. Kif indikat l-appellanti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, din hija dinamika komuni fid-dritt tal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

174. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, inqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta evalwat b’mod żbaljat il-valur interpretattiv tal-istatuti inizjali u sussegwenti tal-appellanti, skont l-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

175. Fil-fehma tiegħi, għalhekk, ma hemmx bżonn li jiġu eżaminati l-aħħar tliet kritiki tal-appellanti li permezz tagħhom hija tilmenta li l-      Qorti Ġenerali żnaturat ċerti provi, irreferiet għal dokumenti li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet b’mod espliċitu li twarrabhom għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u, fl-aħħar nett, naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

ii)    Fuq l-allegati żbalji ta’ liġi li jaffettwaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-“mezzi supplimentari ta’ interpretazzjoni”

176. L-appellanti tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 328 u 329 tas-sentenza appellata. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna ma kinux issodisfatti, b’tali mod li ma kienx hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aġir ulterjuri ta’ ċerti Partijiet għar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, bħall-adozzjoni tal-istatut tal-appellant, il-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar is-sede ma’ ċerti Stati jew saħansitra l-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ delega mal-Kummissjoni.

177. Filwaqt li naqbel mal-kritiki tal-appellanti f’dan ir-rigward, madankollu nirrileva li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 328 ta’ din is-sentenza rigward il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna hija bbażata fuq l-eżami, li hija wettqet, fil-punti 304 sa 319 tas-sentenza appellata, tat-termini u tal-kuntest tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, li jidhirli li huwa żbaljat għar-raġunijiet esposti fil-punti 99 sa 110 u 116 sa 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

178. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ma hemmx bżonn jiġu eżaminati dawk il-kritiki.

179. Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-tieni argument tat-tieni parti, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli ta’ interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali stabbiliti fl-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, huwa fondat, peress li l-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, applikat b’mod żbaljat dawn l-artikoli billi rrifjutat li tagħti kwalunkwe valur interpretattiv lill-istatuti inizjali u sussegwenti tal-appellant, kemm fuq il-bażi tal-kuntest rilevanti (fis-sens tal-Artikolu 31(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna), fuq il-bażi tal-prassi sussegwenti rilevanti (fis-sens tal-Artikolu 31(3)(b) ta’ din il-konvenzjoni), jew bħala mezzi supplimentari ta’ interpretazzjoni (skont l-Artikolu 32 tal-imsemmija konvenzjoni).

3.      Fuq it-tielet argument, ibbażat fuq żball ta’ liġi relatat mal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar is-sede mal-Istati u ta’ ftehimiet ta’ delega taħt ġestjoni konġunta jew indiretta mal-Kummissjoni

180. Dan l-argument huwa dirett kontra l-punti 348 sa 365 tas-sentenza appellata.

a)      Is-sentenza appellata

181. Il-punti 348 sa 365 tas-sentenza appellata, li kontrihom huwa dirett l-imsemmi argument, jindirizzaw żewġ kwistjonijiet marbuta mar-rikonoxximent tal-appellanti bħala organizzazzjoni internazzjonali li jirriżulta mill-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ delega taħt ġestjoni konġunta jew indiretta mal-Kummissjoni u mill-iffirmar ta’ ftehimiet dwar is-sede ma’ ċerti Stati.

182. Minn naħa, fil-punti 349 sa 358 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel argument li kienet qajmet, f’dan ir-rigward, l-appellanti u li l-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor bil-kliem li ġej: “[l-appellanti] [t]argumenta li l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn[ha] u l-Kummissjoni f’ġestjoni konġunta jew indiretta neċessarjament kienet tinvolvi għal din l-istituzzjoni l-obbligu li tirrikonoxxi l-istatus [tagħha] bħala organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikoli 27 u 46 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna” (punt 349 tal-imsemmija sentenza).

183. Wara li eskludiet l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 350 u 351 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat dan l-argument fid-dawl tal-Artikolu 27(2) u (3) u tal-Artikolu 46(2) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati Bejn Stati u Organizzazzjonijiet Internazzjonali Jew Bejn Organizzazzjonijiet Internazzjonali (134), u ċaħditu bħala infondat għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 353 sa 358 ta’ din is-sentenza.

184. Min-naħa l-oħra, fil-punti 360 sa 365 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tieni argument li kien qajmet l-appellanti, li jgħid li l-Kummissjoni kienet ivvizzjat id-deċiżjoni kontenzjuża bi żball ta’ liġi meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni t-tweġibiet li r-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Awstrija kienu fformulaw fir-rigward tal-ftehimiet dwar is-sede konklużi, sa fejn tali ftehimiet kienu jesprimu r-rikonoxximent tal-istatus tagħha ta’ organizzazzjoni internazzjonali mill-Istati ospitanti, irrispettivament minn jekk kinux membri ta’ din l-organizzazzjoni jew le.

185. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument għar-raġuni msemmija fil-punt 364 tas-sentenza appellata. Fil-fehma tagħha, il-fatt li Stati li ma aderixxewx mal-ftehim kostituttiv ta’ organizzazzjoni u li ma humiex, jew ma għadhomx, membri tagħha jqisuha bħala organizzazzjoni internazzjonali ma jista’ jinvolvi l-ebda obbligu, għall-Kummissjoni, li tirrikonoxxi lil din l-entità tali status, b’mod partikolari bil-ħsieb li tawtorizzaha timplimenta l-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni indiretta. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-fatt, fil-punt 363 ta’ din is-sentenza, li r-rikonoxximent tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali jirriżulta mill-konkordanza tal-volontajiet tal-Istati u, fejn applikabbli, tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li huma Partijiet għall-ftehim kostituttiv tal-organizzazzjoni kkonċernata, fejn din l-intenzjoni għandha toħroġ b’mod ċar minn dan il-ftehim jew minn dawn il-ftehimiet jew mill-prassi sussegwenti, sakemm dawn tal-aħħar jesprimu tali rikonoxximent min-naħa tal-partijiet kollha għall-ftehim kostituttiv.

b)      L-argumenti tal-partijiet

186. L-appellanti tqajjem tliet kritiki.

187. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar ir-rikonoxximent tal-IMG bħala organizzazzjoni internazzjonali, minħabba l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ delega taħt ġestjoni konġunta jew indiretta mal-Kummissjoni, l-appellanti ssostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-argument tagħha fil-punt 349 tas-sentenza appellata. Fir-rikors tagħha, fil-fatt hija sostniet li l-konklużjoni, mill-Kummissjoni, ta’ ftehimiet ta’ delega dwar il-metodu tal-ġestjoni konġunta ma’ organizzazzjoni internazzjonali kienet tippermetti li jiġi preżunt li l-Kummissjoni kienet tikkunsidra li l-appellanti kellha dan l-istatus, fis-sens tar-regolamentazzjoni finanzjarja tal-UE.

188. It-tieni nett, l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 351 tas-sentenza appellata, li l-Artikoli 27 u 46 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna ma għadhomx jistgħu jiġu invokati, u dan minkejja li hija stess invokat din il-konvenzjoni diversi drabi f’din is-sentenza. Hija targumenta, minn naħa, li din il-Konvenzjoni kienet tapplika għat-trattati kostituttivi ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet, li huma riprodotti fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati Bejn Stati u Organizzazzjonijiet Internazzjonali Jew Bejn Organizzazzjonijiet Internazzjonali, jirriflettu l-prassi internazzjoni u l-konswetudni u għalhekk japplikaw bħala tali.

189. It-tielet nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali lill-appellanti, minħabba l-iffirmar ta’ ftehimiet dwar is-sede ma’ ċerti Stati, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat il-kunċett ta’ “rikonoxximent” fid-dritt internazzjonali. B'mod partikolari, hija tilmenta li l-Qorti Ġenerali ħalltet, minn naħa, l-istrument li bih tinħoloq organizzazzjoni internazzjonali, li huwa strument kostituttiv u jirriżulta mill-konkordanza tal-volontà tal-Istati, u, min-naħa l-oħra, l-istrument li bih Stat jirrikonoxxi entità bħala organizzazzjoni internazzjonali li huwa dikjarattiv, jirriżulta minn strument legali unilaterali u li jista’ jiġi invokat kontra dan l-Istat. F’dan ir-rigward, l-appellanti targumenta li l-konklużjoni, mill-Kummissjoni, ta’ ftehimiet ta’ delega taħt ġestjoni konġunta jew indiretta ma’ organizzazzjoni internazzjonali, tikkostitwixxi strumenti li jirrikonoxxi l-istatus tagħha ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Fl-aħħar nett, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-punt 51 tas-sentenza tal-QIĠ tat‑12 ta’ Ottubru 2021, Delimitazzjoni marittima fl-Oċean Indjan (Is‑Somalja vs Il‑Kenja) (135), l-appellanti ssostni li l-istatus tagħha ta’ organizzazzjoni internazzjonali jista’ jiġi invokata kontra l-Kummissjoni kif ukoll kontra kull Stat jew organizzazzjoni li rrikonoxxietha b’mod espliċitu jew taċitu.

c)      Evalwazzjoni

190. L-ewwel kritika, ibbażata fuq id-distorsjoni tal-argumenti mressqa mill-appellanti insostenn tar-rikors tagħha, hija, fl-opinjoni tiegħi, fondata.

191. Fil-fatt, hija bbażat ruħha fuq l-Artikoli 27, 45 u 46 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna bil-għan li tiċħad l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-proċedura previsti mit-Trattat FUE filwaqt li l-appellanti bbażat ruħha fuq ir-rikonoxximent tagħha bħala organizzazzjoni internazzjonali bis-saħħa tal-konklużjoni, mill-Kummissjoni, ta’ ftehimiet ta’ delega taħt ġestjoni konġunta jew indiretta konformement mar-regolamentazzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

192. Dan jirriżulta mill-punti 189 sa 196 tar-rikors tagħha, li fihom l-appellanti effettivament indirizzat żewġ kwistjonijiet legali differenti li l-Kummissjoni ttrattat fid-deċiżjoni kontenzjuża.

193. L-ewwel kwistjoni kienet tikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-ħolqien tal-IMG (punt A.7(a) tad-deċiżjoni kontenzjuża).

194. L-appellanti sostniet, fil-punti 189 sa 192 tar-rikors tagħha, li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-ħolqien tal-IMG billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 218 TFUE, li jistabbilixxi l-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Unjoni u organizzazzjoni internazzjonali. F’dan ir-rigward, hija invokat tliet dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna: l-ewwel nett, l-Artikolu 27, li skontu Parti ma tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tagħha bħala ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ trattat; it-tieni nett, l-Artikolu 46, li skontu difett fil-kunsens jista’ jiġi invokat biss fil-każ ta’ ksur evidenti ta’ dispożizzjoni fundamentali tad-dritt intern tagħha; u, fl-aħħar nett, l-Artikolu 45, li jipprevedi, fost affarijiet oħra, li Parti ma tistax iktar tinvoka din ir-raġuni ta’ invalidità jekk, “minħabba l-aġir [tagħha] għand[ha] [t]itqies] li kkonferma[t] […] il-validità tat-trattat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-appellanti sostniet, fil-punt 192 tar-rikors tagħha, li l-prassi sussegwenti tal-Kummissjoni u l-fatt li din qatt ma qajmet oġġezzjoni mill‑1994 dwar il-validità tal-ftehim inkwistjoni kienu jeskludu l-possibbiltà li jiġi invokat l-Artikolu 218 TFUE.

195. It-tieni kwistjoni kienet tikkonċerna r-rikonoxximent, mill-Kummissjoni, tal-istatus tagħha ta’ organizzazzjoni internazzjonali (punt B.2(c) tad-deċiżjoni kontenzjuża).

196. L-appellanti sostniet, fil-punti 193 sa 195 tar-rikors tagħha, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li l-konklużjoni mill-Kummissjoni ta’ ftehimiet ta’ delega skont il-metodu ta’ ġestjoni konġunta jew indiretta neċessarjament kienet timplika r-rikonoxximent tal-istatus tagħha ta’ organizzazzjoni internazzjonali, u dan iktar u iktar peress li d-dubji u l-inċertezzi li fuqhom il-Kummissjoni kienet ibbażat id-deċiżjonijiet tagħha tas‑16 ta’ Diċembru 2014 u tat‑8 ta’ Mejju 2015 kienu rriżultaw li ma kinux fondati.

197. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li t-termini li fihom il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor dawn l-argumenti fil-punt 349 tas-sentenza appellata ma humiex konformi mat-termini li fihom ippreżentathom l-appellanti fil-kuntest tar-rikors tagħha. Billi amalgamat iż-żewġ kwistjonijiet imqajma mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali vvizzjat l-analiżi li wettqet fil-punti 351 sa 359 tas-sentenza appellata.

198. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tilqa’ din il-kritika. Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, ma hemmx bżonn li tiġi eżaminata t-tieni kritika.

199. Fir-rigward tat-tielet kritika dwar il-fehim tal-kunċett ta’ “rikonoxximent” fid-dritt internazzjonali, inqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 363 tas-sentenza appellata, li “r-rikonoxximent tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali jirriżulta mill-konkordanza tal-volontajiet tal-Istati u, fejn applikabbli, tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li huma partijiet għall-ftehim ta’ kostituzzjoni tal-organizzazzjoni kkonċernata”.

200. Tabilħaqq, il-Qorti Ġenerali ntalbet teżamina sa liema punt il-konklużjoni ta’ ftehim dwar is-sede setgħet tixhed ir-rikonoxximent mill-Istat ospitanti tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tal-entità kkonċernata (136). Issa, kif jirriżulta mit-termini tal-punt 363 tas-sentenza appellata u, b’mod partikolari, mir-riferiment għall-punti 204 sa 212 u 323 sa 325 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddefinixxiet il-kunċett ta’ “rikonoxximent tal-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali” b’riferiment għall-kunċett ta’ “ftehim internazzjonali li jistabbilixxi organizzazzjoni internazzjonali”. Madankollu, fid-dritt internazzjonali pubbliku, ir-rikonoxximent jikkostitwixxi strument unilaterali jew kollettiv li bih suġġett wieħed jew iktar tad-dritt internazzjonali, li ma kinux ipparteċipaw fil-ħolqien ta’ sitwazzjoni jew fil-promulgazzjoni ta’ strument, jirrikonoxxu b’mod formali li entità, bħal Stat jew gvern, jew sitwazzjoni, bħal fruntiera, tissodisfa l-kriterji meħtieġa għal dan il-għan u jaċċettaw li din is-sitwazzjoni jew dan l-istrument jistgħu jiġu invokati fil-konfront tagħhom (137). Pereżempju, fit‑12 ta’ Ġunju 2006, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea formalment irrikonoxxa lill-Montenegro. Għalhekk dan il-proċess huwa differenti mill-istabbiliment ta’ suġġett tad-dritt internazzjonali permezz ta’ ftehim internazzjonali.

201. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li t-tielet argument tat-tieni parti, ibbażat fuq żball ta’ liġi relatat mal-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar is-sede mal-Istati u ta’ ftehimiet ta’ delega taħt ġestjoni konġunta jew indiretta mal-Kummissjoni, huwa fondat.

C.      Fit-tielet parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tweġibiet mogħtija mir-Renju tal-Belġju u mir-Repubblika tal-Awstrija għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni

202. L-appellanti tikkontesta l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 233 sa 248 tas-sentenza appellata, li fi tmiemha hija qieset, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda żball ta’ liġi meta qieset li l-pożizzjonijiet meħuda mir-Renju tal-Belġju u mir-Repubblika tal-Awstrija fir-rigward tal-istatus ġuridiku tal-appellanti u fir-rigward tal-istatus tagħhom ta’ membri tagħha ma kinux jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża. Kif jirriżulta mill-punt 233 ta’ din is-sentenza, l-appellanti, fil-fatt, sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li hija kellha tiġi rikonoxxuta bħala organizzazzjoni internazzjonali minħabba li mill-inqas tnejn mill-Istati intervistati mill-Kummissjoni, jiġifieri r-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Awstrija, minn naħa, kienu jirrikonoxxu l-istatus tagħha ta’ organizzazzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, kienu jew xi darba kienu membri fundaturi.

203. Din il-parti tikkonsisti minn żewġ kritiki.

1.      Fuq l-ewwel kritika, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tat-tweġibiet mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaki

204. Din il-kritika hija diretta kontra l-punti 235 sa 239 tas-sentenza appellata.

a)      Is-sentenza appellata

205. Mill-punti 235 u 237 tas-sentenza appellata jirriżulta li, permezz tat-tweġiba -risposta tagħha tat‑8 ta’ April 2020 għat-talba għal konsultazzjoni mressqa mill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija rrikonoxxiet lill-appellanti bħala organizzazzjoni internazzjonali kif ukoll lilha nnifisha bħala membru tagħha.

206. Fil-punti 238 u 239 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din it-tweġiba ma kellha l-ebda effett fuq il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-istatus ġuridiku tal-appellanti għal żewġ raġunijiet: minn naħa, l-IMG ma kinitx twaqqfet minn ftehim internazzjonali bħala organizzazzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-prassi sussegwenti ma kinitx tafferma rikonoxximent wiesa’ u ċar tal-istatus tagħha ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

b)      L-argumenti tal-partijiet

207. L-appellanti ssostni li din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq premessa żbaljata minħabba li, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kklassifikat ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 bħala “ftehim internazzjonali”, it-tieni nett, ma setgħetx teżiġi li tiġi stabbilita l-volontà tal-Partijiet li jikkostitwixxu organizzazzjoni internazzjonali u, it-tielet u l-aħħar nett, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prassi sussegwenti rilevanti.

208. Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

c)      Evalwazzjoni

209. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżamina din il-kritika. Tabilħaqq, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 239 tas-sentenza appellata tistrieħ fuq analiżi li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 99 sa 110, 116 sa 125 u 149 sa 179 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidhirli li hija żbaljata.

2.      Fuq it-tieni kritika, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tat-tweġibiet mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani

210. Din il-kritika hija diretta kontra l-punti 240 sa 247 tas-sentenza appellata.

a)      Is-sentenza appellata

211. Fil-punt 240 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rripproduċiet il-kontenut tat-tweġiba mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani fit‑30 ta’ Ġunju 2020 b’dan il-mod: “għalkemm dawn l-awtoritajiet ikkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħa tal‑25 ta’ Novembru 1994 li matulha twaqq[fet] [l-appellanti], il-Belġju, madankollu, ma kkunsidrax lilu nnifsu bħala membru tal-organizzazzjoni [appellanti]. L-awtoritajiet Belġjani indikaw ukoll li [l-appellanti] set[għet], mill-perspettiva tagħhom, [t]itqies bħala organizzazzjoni internazzjonali, u għalhekk il-Belġju u [l-appellanti] kienu ffirmaw, fit‑13 ta’ Ġunju 2012, ftehim dwar is-sede li, madankollu, ma kienx jagħti lil d[i]n tal-aħħar il-privileġġi fiskali kollha li normalment jingħataw lil organizzazzjonijiet internazzjonali”.

212. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni setgħet tqis b’mod leġittimu li din it-tweġiba ma kellhiex effett fuq id-deċiżjoni kontenzjuża, għal żewġ raġunijiet partikolari. L-ewwel nett, il-ftehim dwar is-sede konkluż bejn ir-Renju tal-Belġju u l-appellanti fl‑2012 kien irrilevanti sa fejn dan l-Istat kien indika li ma kienx membru ta’ din l-entità (punt 242 tas-sentenza appellata). It-tieni nett, il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet Belġjani fil-ħolqien tal-appellanti fl‑1994 u fil-laqgħat tal-korp kulleġġjali tagħha sal‑2013 ukoll kienet irrilevanti peress li ma kinitx tippermetti li jiġi stabbilit li r-Renju tal-Belġju kien membru tal-organizzazzjoni fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri fis‑16 ta’ Diċembru 2014 (punt 246 ta’ din is-sentenza).

b)      L-argumenti tal-partijiet

213. L-appellanti ssostni li din l-analiżi hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi.

214. L-ewwel nett, hija tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi evalwat jekk ir-Renju tal-Belġju kienx membru tal-appellanti biss fid-data tas‑16 ta’ Diċembru 2014, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ dan l-Istat fil-ħolqien tal-appellanti u fil-laqgħat tal-korp kulleġġjali tagħha.

215. It-tieni nett, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-ftehim dwar is-sede li dan l-Istat kien iffirma mal-appellanti ma għandu l-ebda effett, peress li fil-fehma tal-appellanti l-fatt li huwa ma jikkunsidrax lilu nnifsu bħala membru ta’ din l-organizzazzjoni huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

216. It-tielet u l-aħħar nett, l-appellanti tqis li r-Renju tal-Belġju kklassifikaha bħala “organizzazzjoni internazzjonali” abbażi ta’ kriterji oġġettivi u dan ir-rikonoxximent kien għadu jeżisti wara s‑16 ta’ Diċembru 2014, b’tali mod li l-opinjoni fformulata mill-awtoritajiet Belġjani fl‑2019 u fl‑2020 dwar l-istatus tagħhom ta’ membru ma kinitx rilevanti.

217. Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Fil-fehma tagħha, billi ffirmaw ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta; Novembru 1994, l-Istati ma sarux membri permanenti tal-appellanti, peress li dawn tal-aħħar ma kinux mitluba jikkontribwixxu għall-baġit jew jipparteċipaw fl-operat tagħha. Konsegwentement, ir-Renju tal-Belġju ma setax leġittimament jibqa’ jitqies bħala membru tal-appellanti. Barra minn hekk, it-termini ta’ din ir-riżoluzzjoni jissuġġerixxu “ħolqien temporanju”, fis-sens li l-Partijiet ipprevedew l-evalwazzjoni mill-ġdid, kull sitt xhur, tan-neċessità li tinżamm l-attività tal-appellanti u pprevedew il-possibbiltà tal-integrazzjoni tagħha fil-kuntest globali għar-rikostruzzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina.

c)      Evalwazzjoni

218. Fl-ewwel lok, nemmen li l-Qorti Ġenerali tassew wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-opinjoni espressa mill-awtoritajiet Belġjani fl‑2019 u fl‑2020 rigward l-istatus tagħhom ta’ membri tal-appellanti fis‑16 ta’ Diċembru 1994 kienet kriterju rilevanti sa biex tiġi evalwata l-intenzjoni tal-Partijiet meta ffirmaw ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994.

219. Infakkar li, skont il-punt 302 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni li kellha tiġi deċiża kienet dik li jiġi ddeterminat jekk, bl-iffirmar ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Partijiet kellhomx l-intenzjoni li jistabbilixxu lill-appellanti bħala organizzazzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-Abbozz ta’ artikoli. L-eżami ta’ din il-kundizzjoni kien jeżiġi li tiġi mfittxija l-intenzjoni tal-Partijiet kif tirriżulta mit-termini tal-imsemmija riżoluzzjoni, meħuda fil-kuntest tagħha u fid-dawl tas-suġġett tagħha, tal-għan tagħha u tal-prassi sussegwenti rilevanti, u dan konformement mar-regoli tal-interpretazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

220. Issa, nemmen li opinjoni, espressa 25 sena wara l-iffirmar ta’ ftehim internazzjonali, ma setgħetx tipprevali fuq il-prassi stabbilita li r-Renju tal-Belġju sussegwentement segwa fl-applikazzjoni ta’ dan l-istrument. Fil-fatt, mill-punti 242 sa 244 u 246 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-aġir ta’ dan l-Istat kien ċar u koerenti matul perijodu ta’ 19‑il sena peress li, wara li pparteċipa fil-laqgħa li matulha twaqqfet l-appellanti fil‑25 ta’ Novembru 1994, huwa pparteċipa fil-laqgħat tal-korpi kulleġġjali tagħha sal‑2013 (li matulhom ġew adottati d-diversi statuti tal-IMG) u fl-istess ħin iffirma ftehimiet dwar is-sede magħha fl‑2009 u fl‑2012 (li jimplikaw ir-rikonoxximent tal-personalità ġuridika internazzjonali tagħha). Għalhekk, naqbel mal-fehma tal-appellanti li r-rikonoxximent mir-Renju tal-Belġju tal-istatus tagħha ta’ organizzazzjoni internazzjonali kompla wara s‑16 ta’ Diċembru 2014. Sa fejn l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali jeħtieġ li jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti mid-dritt internazzjonali, nikkunsidra li, ladarba dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, l-entità kkonċernata jkollha l-istatus ta’ suġġett tad-dritt internazzjonali u l-eżistenza ġuridika tagħha għandha tiġi preżunta, sakemm ma jkunx jista’ jiġi pprovat b’evidenza materjali li din waqfet teżisti fis-sens ġuridiku jew saret obsoleta. L-opinjoni fformulata mir-Renju tal-Belġju għalhekk pjuttost kienet tixhed il-fatt li huwa temm il-parteċipazzjoni tiegħu fl-appellanti (138).

221. Infakkar, f’dan ir-rigward li, fis-sentenza tagħha tat‑18 ta’ Lulju 1966, Il-Lbiċ tal-Afrika, it-tieni fażi (139), u fl-opinjoni konsultattiva tagħha tal‑21 ta’ Ġunju 1971, Konsegwenzi legali għall-Istati minħabba l-preżenza kontinwa tal-Afrika ta’ Isfel fin-Namibja (il-Lbiċ tal-Afrika) minkejja r-Riżoluzzjoni 276 tal-Kunsill tas-Sigurtà (1970) (140), il-QIĠ stabbilixxiet il-prinċipju li t-testi tat-trattati għandhom jiġu interpretati “billi jitpoġġew fil-kuntest storiku tagħhom” u fakkret fil-“ħtieġa suprema li strument partikolari jiġi interpretat konformement mal-intenzjonijiet li kellhom il-partijiet meta kkonkludewh”, u li “[l]-intenzjonijiet li seta’ kellhom […] ladarba ċerti ċirkustanzi, li fil-bidu nett kienu assolutament imprevedibbli, ikunu saru magħrufa, […]”. [kienu] irrilevanti” (141).

222. Fit-tieni lok, inqis li l-konklużjoni ta’ ftehim dwar is-sede bejn ir-Renju tal-Belġju u l-appellanti setgħet tkun indizju u tikkostitwixxi mezz supplimentari ta’ interpretazzjoni tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, fis-sens tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Ftehim dwar is-sede ġeneralment huwa ddefinit bħala ftehim bilaterali konkluż bejn Stat ospitanti u organizzazzjoni internazzjonali u, billi jiffirma ftehim dwar is-sede, l-Istat ospitanti neċessarjament jirrikonoxxi li l-organizzazzjoni inkwistjoni għandha personalità ġuridika internazzjonali kif ukoll, billi jagħtiha l-kapaċità li tikkuntratta, il-kapaċità li takkwista proprjetà u l-kapaċità ta’ locus standi in judicio, personalità ġuridika interna (142).

223. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ din it-tieni kritika u tiddeċiedi li t-tielet parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi imwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tat-tweġibiet mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija u mir-Renju tal-Belġju għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni, hija fondata.

D.      Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi relatati mal-identifikazzjoni tal-membri tal-appellanti

224. Din il-parti hija diretta kontra l-punti 218 sa 232 tas-sentenza appellata.

1.      Is-sentenza appellata

225. Fil-punti 215 sa 232 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument tal-appellanti li l-Kummissjoni kienet identifikat b’mod żbaljat il-membri tagħha billi għamlet distinzjoni artifiċjali bejn l-Istati fundaturi, l-Istati kontribwenti, u l-membri tal-korpi kulleġġjali tagħha.

226. Fil-punti 216 u 217 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kienx jirriżulta li l-Kummissjoni kienet formalment għamlet tali distinzjoni, peress li din illimitat ruħha li tikkonstata li ebda wieħed mill-Istati kkonsultati wara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, International Management Group vs Il‑Kummissjoni (143), bl-eċċezzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, ma kien irrikonoxxa li kien membru tal-appellanti wara s‑16 ta’ Diċembru 2014.

227. Fil-punti 218 sa 231 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kompliet bl-eżami ta’ dan l-argument bl-idea li “wieħed jippreżupponi li [din id-deċiżjoni] tista’ tiġi interpretata bħala li tagħmel [tali] distinzjoni”. Wara li eżaminat it-termini tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, l-istatut tal-appellanti kif ukoll il-pożizzjonijiet meħuda minn ċerti Stati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument bħala infondat fil-punt 232 ta’ din is-sentenza.

2.      L-argumenti tal-partijiet

228. L-appellanti tikkontesta l-analiżi li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 218 sa 232 tas-sentenza appellata. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita u rridefinixxiet l-argument li kienet ressqet fl-ewwel istanza, ibbażat fuq distinzjoni żbaljata fid-deċiżjoni kontenzjuża bejn l-Istati fundaturi u l-Istati donaturi tal-appellanti.

3.      Evalwazzjoni

229. Naqbel mal-Kummissjoni li din il-parti tal-appell hija ineffettiva sa fejn hija diretta kontra motiv żejjed tas-sentenza appellata.

230. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 216 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx għamlet din id-distinzjoni formalment. Il-Qorti Ġenerali b’hekk iddeċidiet dwar l-argument imressaq mill-appellanti mingħajr ma biddlet it-termini tiegħu u mingħajr ma l-appellanti kkontestat din il-konklużjoni jew iddikjarat li l-provi kienu ġew żnaturati.

231. Huwa għall-finijiet ta’ kompletezza u “jekk wieħed jippreżupponi li” d-deċiżjoni kontenzjuża tista’ tiġi interpretata bħala li tagħmel distinzjoni bejn l-Istati li l-Qorti Ġenerali sussegwentement eżaminat sa fejn il-Kummissjoni tista’ tiġi kkritikata li ma kkunsidratx ċerti Stati jew ċerti organizzazzjonijiet internazzjonali bħala membri tagħha, fid-dawl tas-sede tagħhom fi ħdan il-korpi tal-appellanti jew tan-natura tal-kontribuzzjonijiet tagħhom.

232. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-raba’ parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi relatati mal-identifikazzjoni tal-membri tal-appellanti, bħala ineffettiva.

E.      Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tar-rekwiżiti formali meħtieġa għall-finijiet tal-konklużjoni tar-riżoluzzjoni tal25 ta’ Novembru 1994

233. Din il-parti tikkonsisti minn żewġ argumenti bbażati fuq evalwazzjoni żbaljata, minn naħa, tar-rekwiżit li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 tkun iffirmata minn rappreżentanti bis-setgħa li jagħmlu dan u, min-naħa l-oħra, tal-produzzjoni ta’ strument ta’ ratifika. Nipproponi li dawn jiġu eżaminati flimkien, peress li jidhirli li huma ineffettivi għall-istess raġunijiet.

1.      Is-sentenza appellata

234. Fir-rigward tal-punt dwar jekk il-Kummissjoni kinitx ivvizzjat id-deċiżjoni kontenzjuża bi żball ta’ liġi meta eżiġiet li l-Istati li ġew mistoqsija dwar l-istatus ġuridiku tal-appellanti jipproduċu s-setgħat li jawtorizzaw lin-negozjaturi jadottaw ir-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 286 tas-sentenza appellata, li, fl-assenza ta’ approvazzjoni mir-rappreżentanti kollha tal-Istati akkreditati għall-ICFY, din ir-riżoluzzjoni, adottata fil-kuntest ta’ grupp ta’ ħidma, ma setgħetx titqies bħala trattat adottat fil-kuntest ta’ din il-konferenza, konformement mal-Artikolu 7(2)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Madankollu, hija esponiet, fil-punti 288 u 289 ta’ din is-sentenza, ir-raġunijiet li għalihom l-iffirmar tal-imsemmija riżoluzzjoni kien ġie kkonfermat sussegwentement minn tal-inqas żewġ Stati. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li hija ddeċidiet li l-Kummissjoni għalhekk kienet ivvizzjat din id-deċiżjoni bi żball ta’ liġi meta rrifjutat li tikklassifika l-istess riżoluzzjoni bħala “ftehim internazzjonali” minħabba l-assenza tas-setgħat sħaħ tal-parteċipanti fil-laqgħa tal-istess jum.

235. Fir-rigward tal-punt dwar jekk il-Kummissjoni kinitx ivvizzjat l-imsemmija deċiżjoni bi żball ta’ liġi meta eżiġiet li l-Istati jipproduċu l-prova tal-iffirmar jew tar-ratifika tar-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 295 tas-sentenza appellata, li dan ma kienx il-każ. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li, konformement mal-prinċipji stabbiliti mill-Artikoli 11 u 12 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, l-iffirmar ta’ ftehim jikkostitwixxi waħda mill-modalitajiet ta’ espressjoni tal-kunsens ta’ Stat li jkun marbut minnu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 298 ta’ din is-sentenza, li, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 14(1)(b) sa (d) ta’ din il-konvenzjoni, il-volontà li jipproċedu b’ratifika setgħet tiġi espressa matul in-negozjati jew matul l-iffirmar ta’ din ir-riżoluzzjoni.

2.      L-argumenti tal-partijiet

236. L-appellanti tikkontesta, b’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 285 u 286 tas-sentenza appellata sa fejn il-fatt li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 kienet ġiet approvata u ffirmata fi grupp ta’ ħidma ma jaffettwax il-kwistjoni tas-“setgħat sħaħ”. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-punti 291 sa 300 ta’ din is-sentenza, li fi tmiemha il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet teżiġi l-prova tal-iffirmar tal-istrument kostituttiv jew il-produzzjoni ta’ strument ta’ ratifika. Fil-fehma tal-appellanti, l-Artikolu 12(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jagħti libertà infinita fil-mod ta’ kif jesprimu l-kunsens l-Istati sabiex jintrabtu bil-ftehim. F’dan il-każ, ir-riżoluzzjoni kienet ftehim sempliċi, irrikonoxxuta fid-dritt internazzjonali, konkluż f’ċirkustanzi urġenti u li ma stabbilixxa ebda rekwiżit formali. F’dan il-kuntest, l-iffirmar tar-riżoluzzjoni mill-President Bijleveld u minn I. Nordtsröm‑Ho kienet biżżejjed sabiex jiġi awtentikat il-ftehim.

237. Il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li dawn l-argumenti huma ineffettivi, peress li, minkejja l-assenza ta’ tali setgħat, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, abbażi tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 hija ftehim internazzjonali (144).

3.      Evalwazzjoni

238. Għal raġunijiet identiċi għal dawk esposti mill-Kummissjoni, nemmen li l-ħames parti tal-ħames aggravju hija ineffettiva. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali waslet għal konklużjoni favur l-appellanti, kif jixhdu l-punti 274, 289 u 301 tas-sentenza appellata.

F.      Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-appellanti ma ġietx xolta

239. Din il-parti hija diretta kontra l-punti 366 sa 369 tas-sentenza appellata.

1.      Is-sentenza appellata

240. Fl-imsemmija punti, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument tal-appellanti li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi minħabba li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li ma kienx ġiet xolta mill-Partijiet u li kienet tissodisfa l-prinċipju ta’ speċjalità. Wara li fakkret li l-eżami tal-kritiki tal-appellanti ma kienx ippermetta li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ intenzjoni unanima jew, tal-inqas, maġġoritarja li tingħata l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument fuq il-bażi li dawk l-elementi ma kinux biżżejjed sabiex jistabbilixxu tali intenzjoni.

2.      L-argumenti tal-partijiet

241. L-appellanti tikkontesta l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 367 sa 370 tas-sentenza appellata dwar l-assenza ta’ xoljiment tal-entità. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali fil-punt 368 ta’ din is-sentenza, ir-riżoluzzjoni tal‑24 ta’ Novembru 1994 u l-istatuti inizjali u sussegwenti juru l-eżistenza ta’ organizzazzjoni internazzjonali, li tista’ tiġi xolta abbażi tad-dispożizzjonijiet statutorji jew, fin-nuqqas ta’ dan, wara deċiżjoni unanima tal-membri skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

3.      Evalwazzjoni

242. Nemmen li ma hemmx lok li tiġi eżaminata din il-parti.

243. Fil-fatt, għar-raġunijiet li spjegajt fil-punti 99 sa 110, 116 sa 125 u 149 sa 179 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-intenzjoni tal-Partijiet li jistabbilixxu organizzazzjoni internazzjonali billi ma qisitx kif xieraq il-mezzi differenti ta’ interpretazzjoni msemmija fl-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Dawn l-iżbalji ta’ liġi jivvizzjaw, konsegwentement, il-konklużjoni li hija siltet fil-punt 369 tas-sentenza appellata.

VII. Konklużjoni

244. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ħames aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-istatus ġuridiku tal-appellanti.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      T‑509/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2024:590.


3      Ara l-punti 7 sa 25 tas-sentenza appellata.


4      Iffirmata fit‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, Nru 18232 (1980)) u daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Jannar 1980, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”.


5      Iktar ’il quddiem l-“istatut inizjali”.


6      Iktar ’il quddiem l-“istatut sussegwenti”.


7      Ara r-Rapport A/66/10 tal-KDI lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ħidma tat-tlieta u sittin sessjoni tagħha, Annwarju tal-KDI, 2011, it-tieni parti tal-Vol. II, paragrafu 87, p. 38.


8      Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fid-dettall fil-punti 2 sa 24 tas-sentenza appellata.


9      Ara r-Rapport Speċjali Nru 2/97 tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-għajnuna umanitarja tal-Unjoni Ewropea bejn l‑1992 u l‑1995 flimkien mat-tweġibiet tal-Kummissjoni (ippreżentat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 188 C(4) tat-Trattat KE) (ĠU 1997, C 143, p. 1), il-Parti 3, intitolata “Mobilizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja mill-Kummissjoni”, b’mod partikolari l-punt 3.6(b) taħt il-parti dwar il-“[m]obilizzazzjoni tal-krediti (pjanijiet globali)” (p. 12), u n-nota 33 ta’ qiegħ il-paġna.


10      Fil-ktieb tagħha À la recherche de la Bosnie-Herzégovine, La mise en œuvre de l’accord de paix de Dayton, Presses universitaires de France, Pariġi, 2003, Kapitolu 3, intitolat “Les négociations et l’accord de Dayton”, p. 72 sa 128, b’mod partikolari l-punt 76, Marianne Ducasse-Rogier tispjega li l-multiplikazzjoni tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari dawk reġjonali, li ngħataw mandat sabiex japplikaw il-ftehimiet ta’ paċi ta’ Dayton, iffirmati f’Pariġi fl‑14 ta’ Diċembru 1995, tirriżulta mill-esklużjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) fl-applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet. L-Unjoni, li żammet il-mandat tagħha li tamministra l-belt ta’ Mostar (il-Bosnja-Ħerzegovina), fl-istess ħin kienet inkarigata b’responsabbiltajiet relatati mar-rikostruzzjoni ekonomika tal-pajjiż (ara l-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Kisba tal-Paċi li nżammet f’Londra fit‑8 u fid‑9 ta’ Diċembru 1995, punt 41) u mal-organizzazzjoni, b’mod konġunt mal-Bank Dinji, tal-konferenzi għall-ġbir ta’ fondi għal din ir-rikostruzzjoni ekonomika. Fir-rigward tal-post u tar-rwol tal-IMG, ara l-ewwel, it-tieni u t-tielet rapporti tar-Rappreżentant Għoli Internazzjonali fil-Bosnja-Ħerzegovina għall-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Paċi fil-Bosnja lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, disponibbli fl-indirizz elettroniku li ġej: https://www.ohr.int/cat/hrs-reports/page/9/.


11      C‑183/17 P u C‑184/17 P, EU:C:2019:78.


12      Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, International Management Group vs Il‑Kummissjoni (C‑183/17 P u C‑184/17 P, EU:C:2019:78, punti 92 sa 97 u 104).


13      C‑183/17 P‑INT, EU:C:2020:507, punt 23.


14      C‑183/17 P u C‑184/17 P, EU:C:2019:78.


15      L-Artikolu 53(ċ) u l-Artikolu 53d tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1081/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 (ĠU 2010, L 311, p. 9), u l-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1) jagħtu lill-Kummissjoni r-responsabbiltà li timplimenta l-baġit tal-Unjoni, filwaqt li jipprevedu diversi metodi ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-baġit, fosthom dak imsejjaħ “amministrazzjoni konġunta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali” fl-ewwel wieħed minn dawn ir-regolamenti u “ġestjoni indiretta” fit-tieni wieħed, li jippermetti lil dik l-istituzzjoni “tafda l-implimentazzjoni tal-baġit” f’idejn dawk l-organizzazzjonijiet, possibbiltà li fir-rigward tagħha hija għandha setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni.


16      C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722.


17      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni (C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 111).


18      Dawn il-motivi huma stabbiliti fil-punti 58 u 59 tas-sentenza appellata.


19      Fl-opinjoni konsultattiva tagħha tat‑23 ta’ Lulju 2025, Obbligi tal-Istati fir-rigward tat-tibdil fil-klima, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) fakkret li, sabiex jiġu ddeterminati u ppreċiżati l-obbligi li jirriżultaw minn trattat, ir-regoli ta’ interpretazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 31 sa 33 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li jirriflettu wkoll id-dritt internazzjonali konswetudinarju, għandhom jiġu applikati (punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Ara wkoll is-sentenza tal-QIĠ tat‑2 ta’ Frar 2017, Delimitazzjoni marittima fl-Oċean Indjan (Is‑Somalja vs Il‑Kenja), eċċezzjonijiet preliminari (Ġabra tal-QIĠ 2017, p. 3, punt 42).


21      C‑233/02, EU:C:2004:173, punti 42 sa 44.


22      Ara l-Abbozz ta’ artikoli dwar il-liġi tat-trattati, disponibbli fir-rapport tal-KDI lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ħidma tat-tmintax‑il sessjoni tagħha, Annwarju tal-KDI, 1966, it-tieni parti tal-Vol. II, b’mod partikolari l-kummentarju dwar l-abbozz tal-Artikolu 27, p. 240, paragrafu 11, li sussegwentement sar l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna; Daillier, P., Forteau, M., u Pellet, A., Droit international public, id‑9 edizzjoni, Librairie générale de droit et de jurisprudence, Pariġi, 2022, b’mod partikolari l-punt 206, u Kammerhofer, J., International Investment Law and Legal Theory, Expropriation and the Fragmentation of Sources, Cambridge University Press, Cambridge, 2021, b’mod partikolari l-kapitolu 4, intitolat “Treaty Interpretation”, p. 68 sa 143, b’mod partikolari p. 114.


23      Ara s-sentenza tal-QIĠ tad‑19 ta’ Mejju 2025, Delimitazzjoni terrestra u marittima u sovranità fuq il-gżejjer (Il‑Gabon vs Il‑Ginea Ekwatorjali) (punt 73).


24      Ara s-sentenza tal-QIĠ tad‑19 ta’ Mejju 2025, Delimitazzjoni terrestra u marittima u sovranità fuq il-gżejjer (Il‑Gabon vs Il‑Ginea Ekwatorjali) (punt 72).


25      Ġabra tal-QIĠ 2018, p. 507.


26      C‑203/07 P, EU:C:2008:606.


27      Ġabra tal-QIĠ 2018, p. 507.


28      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2025, Delimitazzjoni terrestra u marittima u sovranità fuq il-gżejjer (Il‑Gabon vs Il‑Ginea Ekwatorjali) (punt 73). Ara wkoll l-Opinjoni legali dwar l-istatus tar-Riżoluzzjoni li tistabbilixxi l-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO), Annwarju Ġuridiku tan-Nazzjonijiet Uniti tal‑2012, p. 526 sa 543, b’mod partikolari l-paragrafu 5.1.


29      Ġabra tal-QIĠ 1992, p. 240, punt 47.


30      Ġabra tal-QIĠ 2012, p. 10, punti 57 u 61.


31      Ġabra tal-QIĠ 1992, p. 240.


32      Ġabra tal-QIĠ 2012, p. 10.


33      Ara wkoll il-punt 330 tas-sentenza appellata.


34      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-Artikolu 104 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco fis‑26 ta’ Ġunju 1945, u għall-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata fit‑13 ta’ Frar 1946 (Ġabra tat-trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 1, p. 15, Nru 4 (1946-1947)) u li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Settembru 1946, li tirrikonoxxi l-personalità ġuridika interna tal-ONU f’kull Stat Membru.


35      Ara J.‑C., Martin, “La personnalité juridique interne de l’organisation internationale”, f’Lagrange, É. u Sorel, J.‑M., Droit des organisations internationales, Librairie générale de droit et de jurisprudence, Pariġi, 2013, p. 465 sa 488, b’mod partikolari l-punti 915 sa 917, kif ukoll Amerasinghe, C., F., Principles of the Institutional Law of International Organizations, Cambridge University Press, Cambridge, 2009, b’mod partikolari l-kapitolu 3, intitolat “Legal Personality”, p. 66 sa 104, b’mod partikolari p. 79.


36      Fl-opinjoni konsultattiva tagħha tal‑11 ta’ April 1949, Kumpens għad-danni mġarrba fis-servizz tan-Nazzjonijiet Uniti (Ġabra tal-QIĠ 1949, p. 174), il-QIĠ ikkonstatat li l-ONU hija suġġett tad-dritt internazzjonali li għandha personalità ġuridika internazzjonali, peress li “jista’ jkollha drittijiet u dmirijiet internazzjonali u tista’ tasserixxi d-drittijiet tagħha permezz tat-tressiq ta’ lment internazzjonali” (p. 179). Ara Schermers, H., G., u Blokker, N., M., International Institutional Law, is‑7 edizzjoni, Nijhoff, Leyde, 2025, b’mod partikolari, l-Kapitolu 11, intitolat “Legal Status”; Collins, R., “Beyond Binary Oppositions? The Elusive Identity of the International Organization in Contemporary International Law”, International Organizations Law Review, Nijhoff, Leyde, 2023, Vol. 20, Nru 1, p. 28 sa 51, b’mod partikolari p. 43; D’Argent, P., “La personnalité juridique internationale de l’organisation internationale”, f’Lagrange, É., i Sorel, J.-M., op. cit., p. 439 sa 464, b’mod partikolari p. 441; Gazzini, T., “Personality of international organizations”, Research Handbook on the Law of International Organizations, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2011, p. 33 sa 55, b’mod partikolari p. 34; Amerasinghe, C., F., op. cit., p. 68 u 78 ; kif ukoll Daillier, P., Forteau, M., u Pellet, A., op. cit., punt 371.


37      Il-prinċipju ta’ speċjalità, ikklassifikat bħala “prinċipju ġenerali” mill-QIĠ u bħala pedament fid-dritt tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, jeżiġi li l-organizzazzjonijiet ikunu mgħammra b’“setgħat ta’ attribuzzjoni, li l-limiti tagħhom jiddependu fuq l-interessi komuni li [l-Istati li joħolquhom] jagħtuhom għall-kompitu tal-promozzjoni” (opinjoni konsultattiva tat‑8 ta’ Lulju 1996, Legalità tal-użu tal-armi nukleari minn Stat f’kunflitt armat (Ġabra tal-QIĠ 1996, p. 66, punti 25 u 26)). Dan il-prinċipju jiddetermina l-portata tal-azzjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali u r-responsabbiltajiet tagħha fl-ordinament ġuridiku internazzjonali, u jillimita l-kapaċità tagħha ta’ azzjoni għall-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha espressament jew impliċitament.


38      Ġabra tal-QIĠ 2010, p. 14.


39      Ġabra tal-QIĠ 2010, p. 14.


40      Ġabra tal-QIĠ 2010, p. 14.


41      Ġabra tal-QIĠ 2010, p. 14.


42      L-espressjonijiet “kanali ta’ komunikazzjoni” u “mezzi ta’ komunikazzjoni”, li l-Qorti Ġenerali użathom tliet darbiet, fil-punti 212, 312 u 343 tas-sentenza appellata, huma fil-fatt marbuta mal-kompitu speċifiku tal-CARU, li kienet tikkostitwixxi qafas għall-iskambju u l-komunikazzjoni bejn l-Urugwaj u l-Arġentina.


43      Il-CARU ġiet stabbilita bi trattat iffirmat bejn l-Urugwaj u l-Arġentina, fejn l-ewwel wieħed kien iqis li din l-entità, bħal kull kummissjoni oħra ta’ xmara, ma kinitx organu b’volontà awtonoma, iżda pjuttost mekkaniżmu fakultattiv stabbilit sabiex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet (sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Fabbriki tal-polpa tal-karti fuq ix-Xmara Urugwaj (L‑Arġentina vs L‑Urugwaj) (Ġabra tal-QIĠ 2010, p. 14, punt 84)], u t-tieni wieħed kien isostni li hija kienet tikkostitwixxi korp ewlieni, li jistituzzjonalizza kooperazzjoni permanenti u mill-qrib, u li kien obbligatorju li jsir riferiment għaliha (punt 85 ta’ din is-sentenza).


44      Ġabra tal-QIĠ 2010, p. 14.


45      Ara wkoll is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, International Management Group vs Il‑Kummissjoni (C‑183/17 P u C‑184/17 P, EU:C:2019:78, punt 91).


46      C‑684/13, EU:C:2015:439.


47      C‑516/16, EU:C:2017:1011.


48      C‑684/13, EU:C:2015:439.


49      C‑516/16, EU:C:2017:1011.


50      Regolament tal-Kummissjoni tal‑21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243).


51      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU 2011, L 157, p. 1).


52      C‑211/06 P, EU:C:2008:34. Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tiddeċiedi dwar il-ħlas ta’ allowance tal-espatrijazzjoni lil uffiċjal tal-Unjoni Ewropea.


53      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2008, Adam vs Il‑Kummissjoni (C‑211/06 P, EU:C:2008:34, punti 28 u 44).


54      C‑364/10, EU:C:2012:630.


55      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2012, L‑Ungerija vs Is‑Slovakkja (C‑364/10, EU:C:2012:630, punti 49 sa 51).


56      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


57      C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722.


58      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni (C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 150).


59      C‑104/16 P, EU:C:2016:973.


60      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punti 81 et seq.).


61      Ġabra tal-QIĠ 1997, p. 7, punt 26.


62      Ara s-sentenza tal-QIĠ tat‑13 ta’ Diċembru 1999, Il-Gżira Kasikili vs Sedudu (Il‑Botswana vs In‑Namibja) (Ġabra tal-QIĠ 1999, p. 1045, punt 49, li tirreferi għall-Annwarju tal-KDI, 1966, it-tieni parti tal-Vol. II, p. 241, paragrafu 14.


63      EU:C:1975:145.


64      EU:C:1995:83.


65      EU:C:2014:2303.


66      Ara l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punti 38 u 41). F’din l-opinjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-volontajiet espressi suċċessivament fl-istrument ta’ adeżjoni għall-Konvenzjoni dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri, konkluża f’Den Haag fil‑25 ta’ Ottubru 1980, u fid-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ din l-adeżjoni kienu konkordanti fir-rigward tal-għan imfittex mill-Istati kkonċernati (jiġifieri li jimpenjaw ruħhom reċiprokament skont id-dritt internazzjonali li japplikaw l-istess konvenzjoni fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom) u ddeċidiet li dawn l-atti, minkejja li kull wieħed sar permezz ta’ strument distint, kienu jesprimu, fl-intier tagħhom, qbil ta’ volontajiet tal-Istati kkonċernati u għalhekk kienu jikkostitwixxu ftehim internazzjonali (punti 39 u 41 tal-imsemmija opinjoni). Ara, għad-duttrina, Mehdi, R., u Nourrissat, C., “L’Avis 1/13, ou comment la Cour de justice confirme une conception traditionnellement extensive de sa compétence et privilégie l’efficacité des règlements de l’Union sur l’unité des conventions internationales”, disponibbli fis-sit internet tal-grupp ta’ riċerka “Réseau Universitaire européen dédié à l’étude du droit de l’Espace de liberté, sécurité et justice”, 7 ta’ Diċembru 2014.


67      Ġabra tal-QIĠ 1997, p. 7.


68      Ara s-sentenza tal-QIĠ tal‑25 ta’ Settembru 1997, Il‑Proġett Gabčíkovo‑Nagymaros (L‑Ungerija vs Is‑Slovakkja) (Ġabra tal-QIĠ 1997, p. 7, punt 26).


69      Ġabra tal-QIĠ 1949, p. 174, b’mod partikolari p. 185.


70      Ara n-nota 34 ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet.


71      Ara D’Argent, P., op. cit., p. 441.


72      Ara Schermers, H., G., u Blokker, N., M., op. cit., punti 1564 u 1565.


73      Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li espressament jagħtu l-personalità ġuridika internazzjonali fl-istrument kostituttiv, hekk kif huma jistgħu, bl-istess mod, jiddeċiedu li jċaħħduha minnha (ara, pereżempju, l-Artikolu 2(2) tat-Trattat dwar l-istabbiliment tal-blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali tal-Ewropa Ċentrali bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Konfederazzjoni Svizzera, iffirmat fi Brussell fit‑2 ta’ Diċembru 2010 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2013).


74      Ara Daillier, P., Forteau, M., u Pellet, A., op. cit., punt 535; Amerasinghe, C., F., op. cit., p. 81; Schermers, H., G., u Blokker, N., M., op. cit., punti 1564 sa 1566, kif ukoll Schmalenbach, K., “International Organizations or Institutions, General Aspects”, Max Planck Encyclopedia of Public International Law (online), 2020, li jgħid li “[d]-dibattitu li għaddej fid-duttrina u fil-prattika jirriżulta mill-fatt li l-biċċa l-kbira tal-istrumenti kostituttivi tal-organizzazzjonijiet internazzjonali ma fihomx dispożizzjonijiet espliċiti dwar il-personalità ġuridika skont id-dritt internazzjonali” (punt 20).


75      Ara Amerasinghe, C., F., op. cit., p. 79.


76      Ara l-opinjoni konsultattiva tal‑11 ta’ April 1949, Kumpens għad-danni mġarrba fis-servizz tan-Nazzjonijiet Uniti (Ġabra tal-QIĠ 1949, p. 174).


77      F’din l-opinjoni, il-QIĠ irrikonoxxiet li, minkejja s-skiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-personalità ġuridika internazzjonali tal-ONU kienet tirriżulta impliċitament, iżda neċessarjament, mill-intenzjoni tal-fundaturi, mill-bżonnijiet espressi minn dawn tal-aħħar f’dan l-istrument kostituttiv u mill-prassi sussegwenti tal-komunità internazzjonali (p. 178 u 179). Ara wkoll Aspremont, J., “La composition des organes et le processus décisionnel”, f’Lagrange,  É., u Sorel, J.‑M., op. cit., p. 403 sa 433, b’mod partikolari p. 431.


78      Ġabra tal-QIĠ 1996, p. 66, b’mod partikolari p. 75. Ara D’Argent, P., op. cit., punti 878 u 879, kif ukoll Schmalenbach, K., op. cit., punti 20 et seq.


79      Ara El Sawah, S., Les immunités des États et des organisations internationales, Larcier, Brussell, 2012, b’mod partikolari l-Kapitolu 3, intitolat “Les immunités des organisations internationales”, p. 203 sa 229, b’mod partikolari p. 210 u 211. Ara wkoll Fox, H., u Webb, P., The Law of State Immunity, it‑3 edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2015, p. 571 et seq.; Blokker, N., M., “International Organizations: the Untouchables?”, International Organizations Law Review, Nijhoff, Leyde, 2013, Vol. 10, Nru 2, p. 259 sa 275, b’mod partikolari p. 260, u Dominicé, C., “L’immunité de juridiction et d’exécution des organisations internationales”, Recueil des cours de l’Académie de droit international de La Haye, Nijhoff, Dordrecht, 1984, Vol. 187, p. 145 sa 238, b’mod partikolari p. 163.


80      Ara, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni dwar l-istatus tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, tar-Rappreżentanti Nazzjonali u tal-Persunal Internazzjonali, iffirmata f’Ottawa fl‑20 ta’ Settembru 1951, li tiddefinixxi l-privileġġi u l-immunitajiet ta’ dik l-organizzazzjoni, u tissostitwixxi t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, iffirmat f’Washington fl‑4 ta’ April 1949.


81      Ara, f’dan ir-rigward, l-istudju komprensiv ta’ Dominicé, C., op. cit., p. 168 u 169. Ara wkoll Schermers, H., G., u Blokker, N., M., op. cit., punti 325 u 1606; Pingel, I., “Les privilèges et immunités de l’organisation internationale”, f’Lagrange, É., u Sorel, J.‑M., op. cit., p. 626 sa 656, b’mod partikolari l-punt 1247, kif ukoll Daillier, P., Forteau, M., u Pellet, A., op. cit., punt 538.


82      Traduzzjoni libera.


83      Ara l-opinjoni konsultattiva tat‑8 ta’ Lulju 1996, Legalità tal-użu tal-armi nukleari minn Stat f’kunflitt armat (Ġabra tal-QIĠ 1996, p. 66, punt 19), kif ukoll Monaco, R., Le caractère constitutionnel des actes institutifs d’organisations internationales, éditions A. Pedone, Pariġi, 1974, p. 153 sa 172.


84      Pereżempju, il-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari ġiet stabbilita fid‑19 ta’ Novembru 1996 bħala organizzazzjoni internazzjonali temporanja (ara l-opinjoni legali ċċitata fin-nota 28 ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet).


85      Fuq id-diversità tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, ara Klabbers, J., “Unity, Diversity, Accountability:” The Ambivalent Concept of International Organisation”, Melbourne Journal of International Law, L-Università ta’ Melbourne, Melbourne, 2013, Vol. 14, Nru 1, p. 149 sa 170.


86      Ara l-opinjoni konsultattiva tal-QIĠ tat‑23 ta’ Lulju 2025, Obbligi tal-Istati fir-rigward tat-tibdil fil-klima (punt 177).


87      Ara l-Annwarju tal-KDI, 1966, it-tieni parti tal-Vol. II, p. 238, paragrafu 5. Ara wkoll Daillier, P., Forteau, M., u Pellet, A., op. cit., punt 206.


88      Ara n-nota 22 ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet.


89      Ara l-Annwarju tal-KDI, 1966, it-tieni parti tal-Vol. II, p. 239, paragrafu 8.


90      Enfasi miżjuda minni.


91      Fl-opinjoni legali tiegħu msemmija fin-nota 28 ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-Segretarjat tas-CTBTO irrileva li fil-kuntest rilevanti, kien hemm rabta inseparabbli bejn żewġ strumenti, jiġifieri r-riżoluzzjoni tad‑19 ta’ Novembru 1996 li waqqfet il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO u l-anness ta’ dik ir-riżoluzzjoni li jistabbilixxi l-istatus ta’ dik il-Kummissjoni, dokument fundatur u strument kostituttiv tal-imsemmija Kummissjoni (p. 527, 534 u 542).


92      Dawn ix-xogħlijiet preparatorji spiss jitqies bħala kaotiċi, kunfidenzjali jew inkonklużivi, u jistgħu jintużaw biss sabiex jikkonfermaw interpretazzjoni miksuba b’mezzi oħra jew meta dawn il-mezzi ma jwasslux għal riżultat utli. Fil-prattika, jidher ukoll li x-xogħlijiet preparatorji huma esklużi għall-interpretazzjoni ta’ strument kostituttiv, minħabba li jagħtu prijorità lill-viżjoni ta’ xi membri fuq oħrajn, ħaġa li ma tkunx kompatibbli mal-prinċipju tal-ugwaljanza tal-Istati (ara Peters, A., “L’acte constitutif de l’organisation internationale”, f’Lagrange, É., u Sorel, J.-M., op. cit., p. 201-245, b’mod partikolari l-punti 408 u 409).


93      Ara l-konklużjoni 4, intitolata “Definizzjoni tal-ftehim sussegwenti u tal-prassi sussegwenti”, tal-abbozz ta’ konklużjonijiet dwar il-ftehimiet sussegwenti u l-prassi sussegwenti fil-kuntest tal-interpretazzjoni tat-trattati u tal-kummenti relatati (Rapport A/73/10 tal-KDI lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ħidma tas-sebgħin sessjoni tagħha, Annwarju tal-KDI, 2018, it-tieni parti tal-Vol. II) (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’konklużjonijiet”), kif ukoll il-kumment 33 (p. 39).


94      Ġabra tal-QIĠ 2014, p. 226.


95      Ġabra tal-QIĠ 2014, p. 226.


96      Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


97      Ġabra tal-QIĠ 2014, p. 226.


98      Dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ftehim sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 31(3)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, ara l-konklużjoni 4 tal-abbozz ta’ konklużjonijiet kif ukoll il-kummenti dwar il-paragrafu 1 ta’ din il-konklużjoni, p. 34 et seq.


99      L-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jirreferi għal “kwalunkwe prassi” mingħajr ma jillimitaha b’mod esplicitu għall-prassi tal-Partijiet, u b’hekk jiddistingwi ruħu mit-termini tal-Artikolu 31(3)(a) ta’ din il-Konvenzjoni, li jirreferi għal “kwalunkwe ftehim […] bejn il-Partijiet”, fejn din id-dispożizzjoni tirreferi għall-prassi tal-Istati Partijiet għal konvenzjoni bilaterali jew multilaterali li fiha l-Istati jiltaqgħu fil-kapaċità ta’ Partijiet kontraenti u mhux fil-kapaċità ta’ membri ta’ korpi tat-trattat. Ara l-konklużjoni 12, intitolata “Strumenti kostituttivi ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali” tal-abbozz ta’ konklużjonijiet, p. 77 et seq.


100      Għad-duttrina, ara Kadelbach, S., “International Law Commission and role of subsequent practice as a means of interpretation under Articles 31 and 32 VCLT?", Questions of International Law (online), 2018; Arato, J., “Treaty Interpretation and Constitutional Transformation: Informal Change in International Organizations”, Yale Journal of International Law, 2013, Vol. 38, Nru 2, p. 289 sa 357 ; Raffeiner, S., “Organ Practice in the Whaling Case: Consensus and Dissent between Subsequent Practice, Other Practice and a Duty to Give Due Regard”, European Journal of International Law, European University Institute, Firenze, 2016, Vol. 27, Nru 4, p. 1043 sa 1059, kif ukoll Peters, C., “Subsequent Practice and Established Practice of International Organizations: Two Sides of the Same Coin?”, Göttingen Journal of International Law, Universitätsverlag Göttingen, Göttingen, 2011, Vol. 3, Nru 2, p. 617 sa 642.


101      Ġabra tal-QIĠ 2014, p. 226.


102      Ara l-opinjoni konsultattiva tal‑11 ta’ April 1949, Kumpens għad-danni mġarrba fis-servizz tan-Nazzjonijiet Uniti (Ġabra tal-QIĠ 1949, p. 174, b’mod partikolari p. 180).


103      Ġabra tal-QIĠ 2014, p. 226.


104      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2025, Delimitazzjoni terrestra u marittima u sovranità fuq il-gżejjer (Il‑Gabon vs Il‑Ginea Ekwatorjali) (punti 83 sa 91). F’din is-sentenza, il-QIĠ tat importanza kbira lill-aġir ċar u konsistenti adottat miż-żewġ Partijiet matul diversi snin ta’ negozjati filwaqt li injorat kompletament il-konvenzjoni li tiddelimita l-fruntieri tal-art u tal-baħar tal-Ginea Ekwatorjali u tal-Gabon (“il-Konvenzjoni ta’ Bata”) (punt 91).


105      Ara l-konklużjoni 9, intitolata “Piż tal-ftehimiet sussegwenti u tal-prassi sussegwenti bħala mezz ta’ interpretazzjoni”, tal-abbozz ta’ konklużjonijiet, u l-kumment 12, p. 64.


106      Ġabra tal-QIĠ 1971, p. 16.


107      Ara l-opinjoni konsultattiva tal‑21 ta’ Ġunju 1971, Konsegwenzi legali għall-Istati minħabba l-preżenza kontinwa tal-Afrika ta’ Isfel fin-Namibja (il-Lbiċ tal-Afrika) minkejja r-Riżoluzzjoni 276 (1970) tal-Kunsill tas-Sigurtà (Ġabra tal-QIĠ 1971, p. 16, punt 22).


108      Ara l-Annwarju tal-KDI, 1966, it-tieni parti tal-Vol. II, p. 242, paragrafu 15. Meta tfassal l-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, dik il-kummissjoni ssostitwixxiet l-espressjoni “[i]l-ftehim tal-Partijiet kollha” b’“[i]l-ftehim tal-Partijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] sabiex tenfasizza li mhux neċessarjament hemm bżonn li l-Partijiet kollha jipparteċipaw b’mod attiv fi prassi sussegwenti. Ara l-konklużjoni 12 tal-abbozz ta’ konklużjonijiet u l-kumment 22, p. 81 u 82.


109      C‑464/13 u C‑465/13, EU:C:2015:163.


110      Iffirmata fil-Lussemburgu fil‑21 ta’ Ġunju 1994 bejn l-Istati Membri u l-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 16).


111      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2015, Oberto u O’Leary (C‑464/13 u C‑465/13, EU:C:2015:163, punt 65).


112      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2015, Oberto u O’Leary (C‑464/13 u C‑465/13, EU:C:2015:163, punt 66).


113      Ġabra tal-QIĠ 2014, p. 226. F’din is-sentenza, il-QIĠ għaldaqstant irrikonoxxiet ir-rilevanza ta’ riżoluzzjonijiet li, minkejja li ma għandhomx saħħa vinkolanti, ġew adottati b’kunsens jew unanimament mill-korp tat-trattat, u ċaħdet dawk li ġew adottati mingħajr l-appoġġ ta’ kull wieħed mill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni u fil-preżenza ta’ opinjonijiet diverġenti (punti 46 u 83).


114      Ġabra tal-QIĠ 1996, p. 66.


115      Ara l-opinjoni konsultattiva tat‑8 ta’ Lulju 1996, Legalità tal-użu tal-armi nukleari minn Stat f’kunflitt armat (Ġabra tal-QIĠ 1996, p. 66, punt 27).


116      Ara l-punt 154 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


117      Ġabra tal-QIĠ 1962, p. 151.


118      Ara l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Lulju 1962, Ċerti spejjeż tan-Nazzjonijiet Uniti (Artikolu 17(2) tal-Karta) (Ġabra tal-QIĠ 1962, p. 151 sa 174).


119      Dawn il-konvenzjonijiet lanqas ma setgħu jikkostitwixxu “aġir” sussegwenti fl-applikazzjoni tat-trattat, rilevanti fis-sens tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Ara l-konklużjoni 4 tal-abbozz ta’ konklużjonijiet (p. 33).


120      Ġabra tal-QIĠ 2014, p. 226.


121      Ara n-nota 113 ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet.


122      Ma kien hemm xejn li jipprevjeni lill-Partijiet milli jinkludu dispożizzjoni li tiddikjara li r-riżoluzzjoni tal‑25 ta’ Novembru 1994 ma ħolqitx organizzazzjoni internazzjonali li għandha personalità ġuridika internazzjonali (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(2) tat-trattat iċċitat fin-nota 73 ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet).


123      F’dan ir-rigward, infakkar li, fis-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Lulju 1994, Delimitazzjoni marittima u kwistjonijiet territorjali bejn il-Qatar u l-Baħrejn, ġurisdizzjoni u ammissibbiltà (Ġabra tal-QIĠ 1994, p. 112, punt 29), il-QIĠ ċaħdet l-argument li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-intenzjoni tal-Partijiet (dikjarazzjoni ta’ natura politika), peress li dawn tal-aħħar iffirmaw test li jinkludi impenji aċċettati mill-gvernijiet tagħhom u peress li tali intenzjoni ma tistax tipprevali fuq il-proprji termini tal-istrument ikkonċernat, u, min-naħa l-oħra, l-aġir ulterjuri tagħhom (li jixhed il-fatt li huma qatt ma kkunsidraw dan it-test bħala ftehim internazzjonali).


124      Ġabra tal-QIĠ 1980, p. 73.


125      Opinjoni konsultattiva tal‑20 ta’ Diċembru 1980, Interpretazzjoni tal-ftehim tal‑25 ta’ Marzu 1951 bejn id-WHO u l-Eġittu (Ġabra tal-QIĠ 1980, p. 73, punt 43).


126      Ara Simon, D., L’interprétation judiciaire des traités d’organisations internationales ; Morphologie des conventions et fonction juridictionnelle, éditions A. Pedone, Pariġi, 1981, p. 384, kif ukoll Schermers, H., G., u Blokker, N., M., op. cit., punt 30. Fir-rigward tal-ġurisprudenza, ara l-Opinjonijiet Konsultattivi tal‑20 ta’ Lulju 1962, Ċerti spejjeż tan-Nazzjonijiet Uniti (l-Artikolu 17(2) tal-Karta) (Ġabra tal-QIĠ 1962, p. 151, b’mod partikolari p. 160), u tad‑9 ta’ Lulju 2004, Konsegwenzi legali tal-kostruzzjoni ta’ ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat (Ġabra tal-QIĠ 2004, p. 136, punt 88).


127      Ara, fl-istess sens, l-opinjoni individwali tal-Imħallef Lauterpacht mehmuża mal-opinjoni konsultattiva tas‑7 ta’ Ġunju 1955, Proċedura ta’ votazzjoni applikabbli għall-mistoqsijiet relatati mar-rapporti u l-petizzjonijiet dwar it-Territorju tal-Lbiċ tal-Afrika (Ġabra tal-QIĠ 1955, p. 57), b’mod partikolari p. 106.


128      Ara l-konklużjoni 8, intitolata “Interpretazzjoni tat-termini ta’ trattat bħala li jistgħu jevolvu biż-żmien”, tal-abbozz ta’ konklużjonijiet u l-kummenti 4 u 5 (p. 58), kif ukoll Daillier, P., Forteau, M., u Pellet, A., op. cit., punt 213.


129      Simon, D., op. cit.


130      Simon, D., op. cit., p. 378.


131      Iffirmat fi Brussell fis‑17 ta’ Marzu 1948.


132      Ara Coulée, F., “La fondation de l’organisation internationale”, f’Lagrange, É., u Sorel, J.-M., op. cit., p. 147 sa 167, b’mod partikolari l-punt 304.


133      Ara Blokker, N., M., “Constituent Instruments”, f’Cogan, J., K., Hurd, I., u Johnstone, I., The Oxford Handbook of International Organizations, Oxford University Press, Oxford, 2016, p. 943 sa 961.


134      Iffirmata fi Vjenna fil‑21 ta’ Marzu 1986.


135      Ġabra tal-QIĠ 2021, p. 206.


136      Ara Bonucci, N., Cosnard, M., u Nganga Malonga, A., “Les rapports entre l’organisation internationale et l’État hôte”, f’Lagrange, É., u Sorel, J.‑M., op. cit., p. 601 sa 625, b’mod partikolari l-punt 1204.


137      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-QIĠ tat‑3 ta’ Frar 1994, Tilwima territorjali (Il‑Ġamaħarija Libjana Għarbija vs Iċ‑Ċad) (Ġabra tal-QIĠ 1994, p. 6), li fiha l-QIĠ enfasizzat li “l-verb ‘tirrikonoxxi’ […] jindika l-ħolqien ta’ obbligu ġuridiku. Ir-rikonoxximent ta’ fruntiera huwa qabel kollox ‘l-aċċettar” ta’ din il-fruntiera, jiġifieri, it-tislit tal-konsegwenzi ġuridiċi kollha mill-eżistenza tagħha, l-osservanza tagħha u r-rinunzja tal-kontestazzjoni futura tagħha” (punt 42). Ara wkoll Daillier, P., Forteau, M., u Pellet, A., op. cit., punt 510.


138      Ara Burriez, D., Cahin, G., u Lagrange, É., “Le retrait des États des organisations internationales : actualité récente (UNESCO, OEA, CPI...)”, Annuaire Français de droit international, CNRS, Pariġi, 2018, p. 373 sa 382. Din il-proċedura hija ekwivalenti għal denunzja sempliċi tal-istrument kostituttiv, abbażi ta’ azzjoni unilaterali u diskrezzjonali mill-Istat.


139      Ġabra tal-QIĠ 1966, p. 6.


140      Ġabra tal-QIĠ 1971, p. 16.


141      Ara s-sentenza tal-QIĠ tat‑18 ta’ Lulju 1966, Il-Lbiċ tal-Afrika, it-tieni fażi (Ġabra tal-QIĠ 1966, p. 6, punti 16 u 17), kif ukoll l-opinjoni konsultattiva tal‑21 ta’ Ġunju 1971, Konsegwenzi legali għall-Istati minħabba l-preżenza kontinwa tal-Afrika ta’ Isfel fin-Namibja (il-Lbiċ tal-Afrika) minkejja r-Riżoluzzjoni 276 (1970) tal-Kunsill tas-Sigurtà (Ġabra tal-QIĠ 1971, p. 16, punt 53).


142      Ara Dominicé, C., op. cit., p. 162.


143      C‑183/17 P u C‑184/17 P, EU:C:2019:78.


144      Il-Kummissjoni żżid tgħid, b’mod inċidentali, li ma rieditx “tgħabbi l-proċedura tal-appell b’piż billi żżid appell inċidentali rigward il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ftehim internazzjonali”, iżda tibqa’ “xettika” dwar ir-raġunijiet mogħtija fil-punti 276 sa 289 tas-sentenza appellata.

Top