This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62024CC0660
Opinion of Advocate General Ćapeta delivered on 12 March 2026.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2026.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2026.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2026:202
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fit‑12 ta’ Marzu 2026 (1)
Kawża C‑660/24
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
L-Ungerija
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2013/48/UE – Dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċeduri kriminali – Artikolu 3(3)(b) – Dritt li jkun preżenti avukat waqt interrogazzjoni – Artikolu 3(6)(b) – Deroga temporanja sabiex jiġi evitat dannu sostanzjali lill-proċeduri kriminali – Artikolu 9 – Rinunzja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi għall-interrogazzjoni tal-persuni ssuspettati jew akkużati fin-nuqqas ta’ avukat fil-każ li l-avukat ma jidhirx fit-terminu speċifiku – Traspożizzjoni inkorretta”
I. Introduzzjoni
1. F’din il-kawża, il-Kummissjoni Ewropea bdiet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Ungerija skont l-Artikolu 258 TFUE minħabba li naqset li twettaq obbligu tagħha skont id-dritt tal-Unjoni sabiex tittrasponi b’mod korrett ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/48/UE (2), li tikkonċerna d-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċeduri kriminali.
2. Din il-kawża essenzjalment tirriżulta minn nuqqas ta’ ftehim fundamentali bejn il-Kummissjoni u l-Ungerija, flimkien mar-Repubblika Ċeka li intervjeniet f’dawn il-proċeduri, dwar kif għandhom jinftiehmu d-dritt ta’ aċċess għal avukat u d-derogi minn dan id-dritt, kif stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3) u (6) tad-Direttiva 2013/48.
3. Kwistjoni simili tinsab ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑681/24, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, li dwarha qegħdin jiġu ppreżentati l-konklużjonijiet tiegħi fl-istess ġurnata.
4. Ilment addizzjonali f’din il-kawża jikkonċerna t-traspożizzjoni inkorretta tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 dwar ir-rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
5. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/48, intitolat “[I]d-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali”, jiddikjara:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li l-persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv.
[…]
3. Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat għandu jimplika dan li ġej:
(a) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li tiltaqa’ fil-privat u tikkomunika mal-avukat li jirrappreżentaha, inkluż qabel interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew awtorità ġudizzjarja;
(b) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li l-avukat tagħha jkun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv meta hija tiġi interrogata. Tali parteċipazzjoni għandha tkun konformi mal-proċeduri taħt il-liġi nazzjonali, dment li tali proċeduri ma jippreġudikawx l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt konċernat. Fejn avukat jipparteċipa matul interrogazzjoni, il-fatt li saret tali parteċipazzjoni għandu jiġi rreġistrat bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru konċernat;
[…]
6. F’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 3 sakemm dan ikun iġġustifikat fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet konvinċenti li ġejjin:
(a) fejn hemm ħtieġa urġenti li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna;
(b) fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġu evitati li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali.”
6. L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48, intitolat “Rinunzja”, jiddikjara:
“1. Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li teħtieġ il-preżenza jew l-assistenza obbligatorja ta’ avukat, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta’ kwalunkwe rinunzja ta’ dritt imsemmi fl-Artikoli 3 u 10:
(a) il-persuna suspettata jew akkużata tkun ingħatat, bil-miktub jew bil-fomm, informazzjoni ċara u suffiċjenti b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem dwar il-kontenut tad-dritt konċernat u l-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja għalih; u
(b) ir-rinunzja tingħata volontarjament u b’mod inekwivoku.
2. Ir-rinunzja, li tista’ ssir bil-miktub jew bil-fomm, għandha tiġi rreġistrata, kif ukoll iċ-ċirkostanzi li fihom tkun ingħatat ir- rinunzja, bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru konċernat.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jistgħu jirrevokaw ir-rinunzja sussegwentement fi kwalunkwe stadju matul il-proċedimenti kriminali u li huma jiġu infurmati b’dik il-possibbiltà. Tali revoka għandu jkollha effett mill-mument li ssir.”
B. Id-dritt Ungeriż
7. Il-paragrafu 387(3) tal-büntetőeljárásról szóló 2017. évi XC. törvény (il-Liġi XC tal-2017 li Tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali; iktar ’il quddiem “il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”) jipprevedi:
“Jekk il-persuna ssuspettata jew persuna raġonevolment issuspettata li wettqet reat kriminali tixtieq li tqabbad avukat, jew jekk l-awtorità investigattiva jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jaħtar avukat, l-awtorità investigattiva jew l-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandhom jinformaw immedjatament lill-avukat u jipposponu l-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata sakemm jasal l-avukat, iżda għal tal-inqas sagħtejn iktar tard. Fil-każ li, waqt dan il-perijodu,
(a) l-avukat ma jidhirx, jew
(b) il-persuna ssuspettata jew persuna raġonevolment issuspettata li wettqet reat kriminali tagħti l-kunsens tagħha, wara li tikkonsulta mal-avukat tagħha, sabiex tibda l-interrogazzjoni,
l-awtorità investigattiva jew l-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jibda l-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
III. Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
8. Fit‑12 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Ungerija, skont l-Artikolu 258 TFUE, peress li tikkunsidra li ċerti dispożizzjonijiet, inkluż l-Artikolu 3(6)(b) u l-Artikolu 9, tad-Direttiva 2013/48 kienu ġew trasposti b’mod inkorrett, u stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn.
9. Fit‑12 ta’ Jannar 2022, l-Ungerija wieġbet għal din l-ittra u kkontestat l-argumenti tal-Kummissjoni.
10. Fl‑14 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lill-Ungerija, tallega li l-Artikolu 3(6)(b) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 kienu għadhom ma ġewx trasposti b’mod korrett, u stidnitha sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn minn meta tirċeviha.
11. Fit‑13 ta’ Settembru 2023, l-Ungerija wieġbet għal din l-opinjoni motivata, billi sostniet li hija kienet ittrasponiet b’mod korrett l-Artikolu 3(6)(b) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48.
12. Konsegwentement, permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fl‑10 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni ressqet din l-azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiddikjara li l-Ungerija naqset li twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 3(6)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 3(3), u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 ta’ din id-direttiva minħabba li ttrasponiet b’mod inkorrett dawn id-dispożizzjonijiet; u
– tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.
13. Fid-difiża tagħha ppreżentata fit‑23 ta’ Diċembru 2024, l-Ungerija talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
(1) tiċħad dan ir-rikors bħala infondat; u
(2) tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
14. Il-Kummissjoni u l-Ungerija ippreżentaw ukoll replika u kontroreplika fis‑17 ta’ Frar 2025 u fit‑28 ta’ Marzu 2025, rispettivament.
15. Fis‑7 ta’ Frar 2025, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza intervent lir-Repubblika Ċeka f’din il-kawża insostenn għat-talbiet imressqa mill-Ungerija.
16. Minħabba x-xebh bejn din il-Kawża u l-Kawża C‑681/24, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 77 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, organizzat seduta komuni f’dawn iż-żewġ kawżi. Din is-seduta nżammet fl‑10 ta’ Diċembru 2025 li fiha l-Kummissjoni, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali.
IV. Analiżi
17. L-analiżi tiegħi hija maqsuma fi tliet taqsimiet. L-ewwel, nikkunsidra li jkun utli li nipprovdi xi osservazzjonijiet preliminari li jikkonċernaw id-Direttiva 2013/48 u postha fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (AFSJ) (A). It-tieni, ser neżamina l-merti tal-ewwel ilment li jikkonċerna l-ksur tal-Artikolu 3(6)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 3(3), tad-Direttiva 2013/48 (B). It-tielet, ser neżamina l-merti tat-tieni lment li jikkonċerna l-ksur tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 (C).
18. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, wasalt għall-konklużjoni li dawn iż-żewġ ilmenti huma fondati.
A. Osservazzjonijiet preliminari dwar id-Direttiva 2013/48 u l‑AFSJ
19. Sabiex nibda, kif ġie nnotat fil-konklużjonijiet tiegħi preċedenti (3), l-Unjoni adottat numru ta’ direttivi bbażati fuq il-kompetenza tal-Unjoni skont l-Artikolu 82(2)(b) TFUE sabiex tippromulga regoli minimi li jikkonċernaw id-drittijiet tal-individwi fil- proċedura kriminali. Dan is-sett ta’ sitt direttivi jinkludi d-Direttiva 2013/48 (4).
20. Dawn id-direttivi xi drabi msejħa bħala d-direttivi ta’ “pjan direzzjonali”, minħabba li kienet ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal‑2009 dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (5), li bdiet il-proċess tagħhom. Din ir-riżoluzzjoni ġiet approvata mill-Programm ta’ Stokkolma tal-Kunsill Ewropew dwar l-AFSJ (6), li kkonferma li “[I]l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali hija valur fundamentali tal-Unjoni, li hija essenzjali sabiex tinżamm fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u fiduċja pubblika fl-Unjoni” (7).
21. Fil-fatt, kif rifless fil-premessi tad-Direttiva 2013/48 (8), il-ġustifikazzjoni għall-istabbiliment ta’ regoli minimi komuni dwar drittijiet proċedurali kriminali għall-individwi f’dawn id-direttivi hija sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka fis-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja kriminali, bħala “l-bażi tar-rikonoxximent reċiproku, li huwa stess ngħata importanza bħala punt ċentrali għall-ħolqien ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja” (9). Tali regoli huma wkoll intiżi sabiex ineħħu l-ostakoli għall-moviment liberu taċ-ċittadini fl-Unjoni, u sabiex jibnu fuq standards li jikkonċernaw id-drittijiet għal smigħ xieraq u għad-difiża ggarantiti, b’mod partikolari, mill-Artikolu 47 u Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll dispożizzjonijiet simili tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (10).
22. Id-Direttiva 2013/48 tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar id-dritt ta’ aċċess għal avukat tal-persuni ssuspettati u akkużati, fl-istadji kollha tal-proċeduri kriminali (11). Dan id-dritt huwa fundamentali għal smigħ xieraq (12), u jgħin sabiex jiżgura li jiġu rrispettati drittijiet oħrajn tal-proċedura kriminali (13).
23. Id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċedura kriminali huwa indikat fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/48.
24. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48 jistabbilixxi l-“prinċipju fundamentali” li persuni ssuspettati u akkużati għandhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat f’ħin u b’mod li jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom b’mod prattiku u effettiv (14).
25. Dan il-prinċipju huwa ppreċiżat fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/48 fir-rigward tal-mument li minnu għandu jingħata dan id-dritt, li jinkludi l-interrogazzjoni mill-awtoritajiet (15).
26. Dan il-prinċipju huwa żviluppat b’mod ulterjuri fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2013/48, li jiddeskrivi l-kontenut tad-dritt ta’ aċċess għal avukat. B’mod partikolari, l-Artikolu 3(3)(a) jeħtieġ li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jiltaqgħu fil-privat u jikkomunikaw mal-avukat tagħhom, inkluż qabel l-interrogazzjoni (16) filwaqt li l-Artikolu 3(3)(b) jeħtieġ li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali persuni jkollhom id-dritt li l-avukat tagħhom ikun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv meta jiġu interrogati (17).
27. Skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mid-drittijiet previsti fl-Artikolu 3(3) “[F]’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża” sakemm dan ikun iġġustifikat fiċ-“ċirkostanzi partikolari tal-każ” abbażi ta’ “raġunijiet konvinċenti” fejn hemm: (a) “ħtieġa urġenti li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna”; jew (b) “fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġu evitati li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali”. Kwalunkwe deroga temporanja skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48 għandha wkoll tosserva l-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva (18).
28. L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48, li huwa wkoll inkwistjoni f’din il-kawża, jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex il-persuni ssuspettati u akkużati jkunu jistgħu jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom ta’ aċċess għal avukat (19). L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva essenzjalment jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet (20), jiġifieri li, l-ewwel, dawn il-persuni jiġu pprovduti b’informazzjoni ċara u suffiċjenti dwar il-kontenut tad-dritt ta’ aċċess għal avukat u l-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja tiegħu u, it-tieni, li r-rinunzja tingħata b’mod volontarju u inekwivoku. L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2013/48 jistipula b’mod ulterjuri li r-rinunzja għandha tiġi rreġistrata, filwaqt li l-Artikolu 9(3) tad-direttiva jiddikjara li dawn il-persuni jistgħu jirrevokaw ir-rinunzja fi kwalunkwe stadju matul il-proċeduri kriminali u li għandhom ikunu infurmati b’dik il-possibbiltà.
29. Il-qalba ta’ din il-kawża tinsab fil-mod differenti li bih il-Kummissjoni, minn naħa u mill-Ungerija u mir-Repubblika Ċeka, min-naħa l-oħra, jifhmu tas-sustanza tad-dritt ta’ aċċess għal avukat u d-derogi possibbli minn dan id-dritt.
30. Essenzjalment, u qabel ma nispjega l-pożizzjonijiet tal-partijiet f’iktar dettall, il-Kummissjoni tinterpreta s-sustanza tad-dritt ta’ aċċess għal avukat kif stabbilit fid-Direttiva 2013/48 fis-sens li jeħtieġ, bħala regola, il-preżenza ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni, u l-uniċi eċċezzjonijiet għal din ir-regola (li hija, meta l-persuni ssuspettati jew akkużati jistgħu jiġu interrogati mingħajr il-preżenza ta’ avukat) huma s-sitwazzjonijiet elaborati fl-Artikolu 3(6) ta’ din id-direttiva. B’mod addizzjonali, dawk il-persuni jistgħu jirrinunzjaw għad-dritt li avukat ikun preżenti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva. Għall-kuntrarju, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka jiddikjaraw li d-dritt ta’ aċċess għal avukat huwa ssodisfatt meta dawn il-persuni jingħataw l-opportunità li jkollhom il-preżenza ta’ avukat. Għal din ir-raġuni, il-possibbiltà li titwettaq interrogazzjoni jekk l-avukat ma jidhirx f’ċertu terminu ma hijiex deroga mid-dritt ta’ aċċess għal avukat. B’mod ulterjuri, kif ser nispjega fir-rigward tat-tieni lment, l-Ungerija tieħu l-pożizzjoni li d-dritt ta’ aċċess għal avukat, kif tifhimha hi, ma jistax jiġi rrinunzjat skont is-sistema ġuridika tagħha, li huwa għalfejn hija tqis li ma kienx neċessarju li jiġi traspost l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 fil-liġi domestika tagħha.
B. Fuq l-ewwel ilment, li jallega ksur tal-Artikolu 3(6)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2013/48
1. Sommarju tal-argumenti tal-partijiet
31. Permezz tal-ewwel ilment, il-Kummissjoni ssostni li l-Ungerija ttrasponiet b’mod inkorrett l-Artikolu 3(6)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 3(3), tad-Direttiva 2013/48 għaliex il-paragrafu 387(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali (iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni Ungeriża kkontestata”) ġeneralment tawtorizza l-interrogazzjoni mill-awtoritajiet ta’ persuni ssuspettati jew akkużati fin-nuqqas tal-avukat, jekk l-avukat ma jidhirx fit-terminu stabbilit. Din il-leġiżlazzjoni tmur kontra l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva li tali persuni għandhom jingħataw id-dritt ta’ aċċess għal avukat, filwaqt li tonqos milli tissodisfa l-kundizzjonijiet għad-deroga minn dan id-dritt fuq il-bażi li twaqqaf id-dannu sostanzjali lill-proċeduri kriminali skont l-Artikolu 3(6)(b) tagħha (21).
32. Il-Kummissjoni tiddikjara li d-dritt għall-persuni ssuspettati u akkużati sabiex jikkomunikaw ma’ avukat qabel l-interrogazzjoni u sabiex jiġu interrogati fil-preżenza tal-avukat tagħhom, kif stabbilit fil-punt (a) u punt (b) tal-Artikolu 3(3) rispettivament, tad-Direttiva 2013/48, huwa inkundizzjonat, u li l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva jawtorizza derogi temporanji minn dan id-dritt, li huma limitati għal ċirkustanzi eċċezzjonali tal-każ individwali. Il-possibbiltà li jitwettaq interrogazzjoni fin-nuqqas ta’ avukat wara terminu stabbilit kif previst fil-leġiżlazzjoni Ungeriża kkontestata għalhekk tidderoga mid-dritt ta’ aċċess għal avukat u ma tissodisfa l-ebda wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva, li huma intiżi mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jkunu eċċezzjoni ristretta għall-prinċipju ġenerali li persuni ssuspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat qabel u waqt l-interrogazzjoni. Kif il-Kummissjoni enfasizzat fis-seduta, li d-Direttiva 2013/48 xorta waħda tkun inkisret, indipendentement minn jekk il-leġiżlazzjoni Ungeriża kkontestata titqiesx konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”).
33. Il-Kummissjoni tenfasizza, inter alia, li l-Istati Membri huma meħtieġa mill-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48 sabiex jiżguraw li avukat ikun preżenti waqt l-interrogazzjoni, ħlief meta jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 3(6) ta’ din id-direttiva jew il-persuna tirrinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva. L-Artikolu 3(3)(b) għandu jinftiehem bħala preżenza fiżika tal-avukat, u l-leġiżlazzjoni Ungeriża kkontestata kjarament tikkostitwixxi eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għal avukat, li japplika ġeneralment għas-sitwazzjonijiet kollha fejn l-avukat ma jidhirx waqt it-terminu stabbilit u jippreġudika serjament l-eżerċizzju prattiku u effettiv ta’ dan id-dritt. Ir-riferiment għad-dritt nazzjonali fl-Artikolu 3(3)(b) ma jikkonċernax il-preżenza tal-avukat, iżda biss il-mod tal-parteċipazzjoni tal-avukat, u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom mezzi oħrajn sabiex jevitaw id-dewmien u abbuż potenzjali, bħalma hija l-ħatra ta’ avukat għall-persuna kkonċernata jekk huma jqisu bħala importanti li titwettaq l-interrogazzjoni.
34. L-Ungerija ssostni li l-leġiżlazzjoni Ungeriża kkontestata hija konsistenti mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2013/48 u ma hijiex deroga fis-sens tal-Artikolu 3(6) tagħha. L-Artikolu 3(3)(b) ta’ din id-direttiva ma jirrikjedix li avukat ikun dejjem fiżikament preżenti waqt l-interrogazzjoni, iżda biss li persuni ssuspettati jew akkużati għandu jkollhom aċċess għal avukat jekk jixtiequ. Isegwi mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/48 li għandhom jingħataw opportunità li jkollhom avukat, iżda ma jsegwix li, fil-każ li ma jkunux jixtiequ jinvokawh, l-interrogazzjoni ma tkunx tista’ ssir fin-nuqqas tal-avukat.
35. Għall-Ungerija, hemm deroga mid-dritt fl-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48 jekk persuni ma jistgħux jagħżlu avukat jew jeżerċitaw id-dritt ta’ aċċess għal avukat, madankollu dment li jkunu ngħataw l-opportunità li jkollhom avukat u l-possibbiltà li l-avukat jista’ jkun preżenti, l-assenza tal-avukat waqt l-interrogazzjoni, tkun xi tkun il-kawża, ma tikkostitwixxix deroga skont l-Artikolu 3(6) ta’ din id-direttiva. Minflok, l-Artikolu 3(6) ikopri s-sitwazzjoni li fiha l-awtoritajiet huma meħtieġa li jibdew l-interrogazzjoni tal-persuna kkonċernata minkejja li l-avukat bla ebda mod ma jkun ġie informat. Il-leġiżlazzjoni Ungeriża kkontestata ma hijiex għalhekk deroga skont l-Artikolu 3(6), minħabba li ma teżentax lill-awtoritajiet mill-obbligu li jiġi informat l-avukat, u ma tillimitax il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati sabiex iqabbdu avukat tal-għażla tagħhom jew jitolbu l-ħatra ta’ avukat fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri. Kif l-Ungerija enfasizzat fis-seduta, din il-leġiżlazzjoni tawtorizza b’mod eċċezzjonali l-interrogazzjoni ta’ persuni ssuspettati fin-nuqqas ta’ avukat wara perijodu minimu ta’ sagħtejn u l-iskadenza ta’ dan il-perijodu ma tfissirx il-bidu tal-interrogazzjoni, minħabba li l-persuna tista’ tirrifjuta li tagħmel dikjarazzjoni wara li tkun ġiet informata bid-drittijiet tagħha.
36. L-Ungerija tenfasizza, inter alia, li huwa evidenti mill-kliem tal-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48 (“[F]ejn avukat jipparteċipa matul interrogazzjoni”) li avukat mhux dejjem jipparteċipa fl-interrogazzjoni, u r-riferiment għal-liġi nazzjonali f’din id-dispożizzjoni jikkonċerna l-preżenza u l-parteċipazzjoni tal-avukat. L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni fil-prattika twassal għall-preżenza tal-avukat li tkun obbligatorja meta l-persuna tiġi interrogata sakemm din il-persuna tirrinunzja għalih. Dan ikollu konsegwenzi negattivi għall-proċeduri kriminali, minħabba li l-avukat jista’ jxekkel tali proċeduri billi jonqos milli jidher u l-persuni ssuspettati jitqiegħdu fi żvantaġġ f’ħafna każijiet. Kif l-Ungerija indikat fis-seduta, il-komunikazzjoni ta’ suspetti u l-interrogazzjoni ta’ persuni ssuspettati għandhom isiru fi żmien 24 siegħa mill-bidu tad-detenzjoni, u għalhekk jekk l-assenza tal-avukat waħedha twaqqaf dan, dan iwassal għal nuqqas ta’ osservanza tat-termini previsti, is-sospensjoni tal-proċeduri u r-rilaxx tal-kriminali, u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma timponix rekwiżit assolut ta’ preżenza.
37. Ir-Repubblika Ċeka żżid li l-fatt li avukat mhux dejjem għandu jkun preżenti waqt interrogazzjoni huwa konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (22), li skontha ma hijiex il-preżenza tal-avukat waqt l-interrogazzjoni li hija deċiżiva, iżda jekk il-persuna ssuspettata jew akkużata kinitx tista’ teżerċita b’mod effettiv id-dritt ta’ aċċess għal avukat. Kif ir-Repubblika Ċeka enfasizzat fis-seduta, id-Direttiva 2013/48 teħtieġ biss li l-Istati Membri jiżguraw opportunità suffiċjenti li jkollhom avukat u ma tipprekludix li ssir l-interrogazzjoni ta’ persuni ssuspettati jew akkużati mingħajr il-preżenza tal-avukat, skont il-kliem tagħha, l-istorja leġiżlattiva u l-paragun mad-Direttiva 2016/800 li tikkonċerna t-tfal, u d-Direttiva 2013/48 ma tmurx lil hinn mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, minħabba li d-dispożizzjonijiet tagħha jikkorrispondu ma’ dik il-ġurisprudenza u ma hemm l-ebda tali indikazzjoni fix-xogħlijiet preparatorji.
2. Analiżi
38. L-argumenti tal-partijiet jiżvelaw, kif spjegajt fil-qosor iktar ’il fuq, (ara punti 29 u 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet), li l-ewwel ilment jirriżulta minħabba l-fehmiet differenti tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/48. It-tilwima għalhekk tiċċentra fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3) u (6) tad-Direttiva 2013/48 u kif għandu jinftiehem id-dritt ta’ aċċess għal avukat waqt l-interrogazzjoni fl-Artikolu 3(3)(b) ta’ din id-direttiva. Dawn il-kwistjonijiet għadhom ma ġewx indirizzati direttament mill-Qorti tal-Ġustizzja.
39. Jiena nqis li, abbażi tal-kliem, tal-istorja leġiżlattiva, tal-kuntest u tal-għanijiet tad-Direttiva 2013/48, flimkien mal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, għandha tiġi milqugħa l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tat-tifsira tal-Artikolu 3(3) u (6) tad-Direttiva 2013/48 u tar-relazzjoni bejniethom.
a) Il-kliem
40. Bħala wieħed mill-elementi tad-dritt ta’ aċċess għal avukat fil-punt(b) tal-Artikolu 3(3), b’mod espliċitu jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-persuna ssuspettata jew akkużata jkollha “d-dritt li l-avukat tagħha jkun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv meta hija tiġi interrogata” (23).
41. Il-premessa 25 tad-Direttiva 2013/48 tiddikjara b’mod ulterjuri li: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li l-avukat tagħhom ikun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv meta huma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja, anke matul is-seduta tal-qorti” (24).
42. Fl-opinjoni tiegħi, u kif indikat mill-Kummissjoni, preżenza tfisser preżenza fiżika, jiġifieri, il-persuni ssuspettati jew akkużati għandhom id-dritt għall-avukat tagħhom li jkun preżenti fiżikament meta jiġu interrogati mill-awtoritajiet (25).
43. Isegwi li l-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48 jipprevedi għal dritt ġenerali ta’ persuni ssuspettati jew akkużati sabiex ikollhom l-avukat tagħhom preżenti waqt interrogazzjoni mill-awtoritajiet. Madankollu, dan id-dritt ma huwiex assolut u għalhekk, kif previst minn din id-direttiva, jista’ jkun suġġett għal derogi temporanji skont l-Artikolu 3(6) ta’ din id-direttiva jew rinunzja għal dan id-dritt skont l-Artikolu 9.
44. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, id-derogi temporanji fid-Direttiva 2013/48 huma eżawrjenti (26).
45. Ma huwiex ikkontestat mill-partijiet f’din il-kawża li l-leġiżlazzjoni Ungeriża kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti kollha għal deroga temporanja possibbli kif stabbiliti fl-Artikolu 3(6)(b), flimkien mal-Artikolu 8, tad-Direttiva 2013/48, li kif spjegat il-Kummissjoni, hija d-deroga temporanja f’din id-direttiva li tista’ tapplika b’mod konċepibbli. Fil-fatt, huwa evidenti li, kif sostnut mill-Kummissjoni, din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi regola li tapplika b’mod ġenerali f’sitwazzjonijiet fejn l-avukat ma jidhirx fit-terminu stabbilit ta’ sagħtejn (tal-inqas) u għalhekk ma hijiex limitata għal każijiet individwali (“sakemm dan ikun iġġustifikat fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ”) kif meħtieġ mill-Artikolu 3(6)(b) ta’ din id-direttiva. Lanqas ma huma meħtieġa li jintwerew f’dan ir-rigward “raġunijiet konvinċenti fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġu evitati li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali”.
46. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-leġiżlazzjoni Ungeriża kkontestata, li tawtorizza fuq bażi ġenerali l-interrogazzjoni tal-persuni ssuspettati jew akkużati fin-nuqqas tal-avukat tagħhom sempliċement għaliex l-avukat ma setax jidher fil-perijodu minimu ta’ sagħtejn, tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 3(6)(b), tad-Direttiva 2013/48 (27).
47. B’mod ulterjuri, kif indikat mill-Kummissjoni u għall-kuntrarju tal-argumenti ppreżentati mill-Ungerija, għandu jiġi ddikjarat li r-riferiment għal-liġi nazzjonali fl-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48 jappartjeni għall-parteċipazzjoni effettiva tal-avukat, u mhux għall-preżenza nnifisha tal-avukat. Dan jidher mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni (“[T]ali parteċipazzjoni għandha tkun konformi mal-proċeduri taħt il-liġi nazzjonali”) u tal-premessa 25 tagħha (“[T]ali parteċipazzjoni għandha tkun f’konformità ma kwalunkwe proċedura taħt liġi nazzjonali li tista’ tirregola l-parteċipazzjoni ta’ avukat matul l-interrogazzjoni”).
48. Fil-fehma tiegħi, dan ma jikkuntrastax mal-fatt li l-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48 għandu jinqara fis-sens li jeħtieġ kemm il-preżenza kif ukoll il-parteċipazzjoni effettiva. Minflok, huwa jimplika li, filwaqt li hemm xi spazju mogħti lill-Istati Membri skont id-Direttiva 2013/48 fir-rigward ta’ regoli nazzjonali li jirregolaw ċerti modalitajiet tal-parteċipazzjoni effettiva ta’ avukat (bla ħsara għar-rekwiżit li tali regoli ma “jippreġudikawx l-eżerċizzju effettiv u l-essenza” ta’ dan id-dritt), ma hemm ebda marġini ta’ manuvrafir-rigward ta’ preżenza, minħabba li bħala regola l-persuni ssuspettati jew akkużati għandhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat waqt l-interrogazzjoni skont l-Artikolu 3(3)(b) ta’ din id-direttiva. Preżenza tfisser preżenza, u l-avukat jew qiegħed hemm, jew ma huwiex.
49. Il-fatt li l-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48 jindika “l-avukat tagħha” ma għandux jinftiehem li qiegħed jirreferi dejjem għal avukat magħżul minn persuni ssuspettati jew akkużati. Dan il-kliem ma jwaqqafx li, kif indikat mill-Kummissjoni, abbuż possibbli tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, li jista’ joħloq ostakoli għat-twettiq tal-proċeduri kriminali, jista’ jiġi ttrattat mill-awtoritajiet tal-Istati Membri permezz ta’ arranġamenti li jsiru għal dawn il-persuni sabiex ikollhom avukat maħtur li jassistihom waqt l-interrogazzjoni fil-post tal-avukat magħżul li ma setax ikun preżenti. L-avukat maħtur isir sussegwentement “l-avukat tagħha”.
b) L-istorja leġiżlattiva
50. Ir-Repubblika Ċeka sostniet fis-seduta li d-Direttiva 2013/48 tirregola d-dritt ta’ aċċess għal avukat, iżda mhux il-preżenza obbligatorja ta’ avukat, u li l-istorja leġiżlattiva ta’ din id-direttiva tindika li tqajmu bħala alternattiva dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-preżenza obbligatorja ta’ avukat, iżda fl-aħħar mill-aħħar ma ntagħżlux. Iċ-ċaħda ta’ dispożizzjonijiet dwar il-preżenza obbligatorja ta’ avukat tfisser, fil-fehma tagħha, li d-Direttiva 2013/48 ma tirrikjedix li avukat għandu jkun preżenti dejjem waqt l-interrogazzjoni.
51. Fil-fehma tiegħi, dan l-argument ippreżentat mir-Repubblika Ċeka jistrieħ fuq fehma inkorretta tar-rekwiżit ta’ preżenza obbligatorja ta’ avukat.
52. Huwa minnu li, bħala parti mill-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva 2013/48 (28), kien hemm għażla politika mressqa fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni li kienet tipprevedi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet li jimponu difiża obbligatorja ġenerali. Dan kien ifisser li persuni ssuspettati jew akkużati għandhom ikunu assistiti dejjem minn avukat fis-sens li r-rinunzja għal dan id-dritt ma kinitx ammissibbli. Fi kliem ieħor, in-natura obbligatorja tad-difiża tfisser li dritt ma jistax jiġi rrinunzjat. Madankollu, l-għażla tal-politika li pprevalixxiet kienet li tiġi ammessa r-rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat bla ħsara għal regoli minimi komuni.
53. Għalhekk, għall-kuntrarju tal-argumenti tar-Repubblika Ċeka, il-kunċett ta’ preżenza obbligatorja ta’ avukat u d-dritt ġenerali ta’ aċċess għal avukat, għandhom jiġu distinti.
54. Jidher mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/48 (29) li l-preżenza obbligatorja ta’ avukat tfisser li l-persuna ssuspettata jew akkużata ma tistax tirrinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat u għandu jkollha dejjem avukat, filwaqt li d-dritt ta’ aċċess għal avukat fl-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva jfisser li persuna ssuspettata jew akkużata għandha dritt ġenerali li jkollha avukat, u b’mod partikolari li jkun preżenti waqt l-interrogazzjoni skont l-punt (b) ta’ dak il-paragrafu , iżda li din il-persuna tista’ tirrinunzja għal dan id-dritt, sakemm ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9 ġew issodisfatti (jew jista’ jkun hemm deroga temporanja skont l-Artikolu 3(6)). Fi kliem ieħor, il-fatt li ma hemm l-ebda preżenza obbligatorja ta’ avukat skont l-Artikolu 3(3)(b) bla ebda mod ma jaffettwa d-dritt ġenerali mogħti lil persuni ssuspettati jew akkużati li jkollhom avukat preżenti waqt l-interrogazzjoni, sakemm huma jkunu rrinunzjaw għal dan id-dritt skont l-Artikolu 9.
55. Inoltre, il-kwistjoni ta’ stennija għall-wasla tal-avukat qabel l-interrogazzjoni kienet fil-fatt tqajmet fil-Kunsill, bi proposti mressqa sabiex jindirizzawha fit-test tad-direttiva, li tirreferi lura għas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri (30). Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet proposti tħassru minħabba li ġew iffinalizzati n-negozjati mal-Parlament Ewropew (31).
56. Minkejja li l-istorja leġiżlattiva ma hijiex konklużiva, ma tipprekludix l-interpretazzjoni li l-intenzjoni leġiżlattiva hija li tiżgura li persuni ssuspettati u akkużati għandhom fil-prinċipju jingħataw id-dritt li jkollhom l-avukat tagħhom preżenti waqt l-interrogazzjoni.
c) Il-kuntest
57. Dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva 2013/48 u ta’ direttivi ta’ “pjan direzzjonali” oħrajn jidhru li jsostnu b’mod ulterjuri l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 3(6)(b), ta’ din id-direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni.
58. B’mod partikolari, kif jidher fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48 jagħmilha ċara, bħala prinċipju ġenerali, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni ssuspettati u akkużati huma mogħtija d-dritt ta’ aċċess għal avukat “f’ħin u b’mod li l-persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv”. Moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, dan ifisser li l-Istati Membri huma obbligati sabiex jiżguraw, mingħajr eċċezzjonijiet, li dan id-dritt huwa eżerċitat “b’mod prattiku u b’mod effettiv” fl-istadji kollha tal-proċedura kriminali. Fil-fehma tiegħi, u kif indikat mill-Kummissjoni, il-fatt li persuna ssuspettata jew akkużata tista’ tiġi interrogata mill-awtoritajiet fin-nuqqas tal-avukat tagħha sempliċement għaliex l-avukat ma jidhirx fit-terminu stabbilit iwassal sabiex jippreġudika serjament l-eżerċizzju prattiku u effettiv tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna.
59. Ir-Repubblika Ċeka sostniet fis-seduta li jista’ jittieħed sostenn ulterjuri għall-fatt li d-Direttiva 2013/48 ma tirrikjedix li avukat għandu jkun dejjem preżenti waqt l-interrogazzjoni, mill-paragun mad-Direttiva 2016/800, li tikkonċerna t-tfal li huma persuni ssuspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali (ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Ir-Repubblika Ċeka tiddikjara li, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2016/800, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal huma assistiti minn avukat, u skont l-Artikolu 6(4)(b) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal huma assistiti minn avukat waqt l-interrogazzjoni. Fil-fehma tagħha, il-fatt li huwa ċar minn dawn id-dispożizzjonijiet li hemm il-preżenza ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni hija obbligatorja u li huma inklużi fid-Direttiva 2016/800 minħabba l-vulnerabbiltà tat-tfal jindika li hija deroga mis-sistema ġenerali stabbilita fid-Direttiva 2013/48; loġikament, li kieku l-preżenza obbligatorja ta’ avukat kienet tkun stabbilita mid-Direttiva 2013/48, ma kienx ikun neċessarju li jiġi stabbilit dan l-obbligu fid-Direttiva 2016/800 biss għal ċerti persuni ssuspettati jew akkużati.
60. Għal darba oħra, fil-fehma tiegħi, dan l-argument jistrieħ fuq komprensjoni inkorretta tar-rekwiżit ta’ preżenza obbligatorja ta’ avukat.
61. Huwa minnu li, għall-kuntrarju tad-Direttiva 2013/48, id-Direttiva 2016/800 tipprevedi għall-preżenza obbligatorja ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni minħabba s-sitwazzjoni partikolari tat-tfal bħala vulnerabbli u li mhux dejjem jistgħu jifhmu kollox u jsegwu l-proċeduri kriminali (32). Madankollu, kif ġie diskuss iktar ’il fuq, il-preżenza obbligatorja ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni tfisser li l-ebda rinunzja ma hija awtorizzata u għalhekk ma hijiex l-istess ħaġa bħad-dritt ġenerali li jkun preżenti avukat waqt l-interrogazzjoni, fejn ir-rinunzja hija awtorizzata.
d) L-għanijiet
62. Kif indikat iktar ’il fuq fil-parti IV.A ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-Direttiva 2013/48 tikkontribwixxi għall-binja tal-AFSJ billi tistabbilixxi sett ta’ regoli minimi komuni dwar id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċeduri kriminali, sabiex tiżviluppa l-fiduċja reċiproka tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tagħhom u l-kunfidenza fil-moviment taċ-ċittadini madwar l-Unjoni. Fir-rigward tal-Programm ta’ Stokkolma, din id-direttiva hija prevista mhux biss sabiex tikkodifika, iżda sabiex issaħħaħ id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċeduri kriminali fl-Istati Membri.
63. Meħud inkunsiderazzjoni dan, l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2013/48 fis-sens li tippermetti lil Stat Membru li jawtorizza l-interrogazzjoni ta’ persuni ssuspettati jew akkużati mingħajr ma joffrilhom id-dritt li jkun preżenti l-avukat tagħhom sempliċement għaliex l-avukat ma deherx fit-terminu minimu ta’ sagħtejn, fl-opinjoni tiegħi, tippreġudika l-għanijiet tad-Direttiva 2013/48 sabiex tiżgura livell komuni ta’ drittijiet għal smigħ xieraq lill-persuni ssuspettati jew akkużati madwar l-Unjoni.
e) Il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB
64. L-Ungerija u r-Repubblika Ċeka invokaw il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB insostenn għall-pożizzjoni tagħhom u r-Repubblika Ċeka sostniet fis-seduta b’mod partikolari li d-Direttiva 2013/48 tikkorrispondi ma’ dak li huwa meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.
65. Għandu jiġi enfasizzat li l-ewwel ilment huwa bbażat fuq l-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3) u (6)(b) tad-Direttiva 2013/48. Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni Ungeriża kkontestata kellhiex titqies bħala konsistenti mal-Artikolu 6 KEDB kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma hijiex konklużiva.
66. F’dan ir-rigward, kif spjegajt f’konklużjonijiet preċedenti (33), l-obbligu li jiġu interpretati direttivi ta’ “pjan direzzjonali” b’mod li huwa konsistenti ma’ drittijiet fundamentali jfisser li d-drittijiet li jinsabu f’direttiva partikolari ma jistgħux joffru protezzjoni inqas minn dik iggarantita mill-Karta u mill‑KEDB, iżda ma jfissirx li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jagħti drittijiet li huma iktar estensivi. Fi kliem ieħor, minħabba li l-KEDB tirrappreżenta livell minimu ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta (34), kull interpretazzjoni tad-direttiva partikolari għandha tipprovdi għal protezzjoni tal-inqas fil-livell ta’ dik il-konvenzjoni, filwaqt li l-protezzjoni pprovduta mill-Unjoni tista’ tkun ogħla.
67. Għalhekk, f’din il-kawża, indipendentement minn kif tiġi interpretata l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, dan ma jfissirx neċessarjament li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/48 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jeħtieġu livell ta’ protezzjoni saħansitra ogħla.
68. Minkejja dan, għall-kuntrarju tal-argumenti tal-Ungerija u tar-Repubblika Ċeka, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB tidher li ssostni li skont il‑KEDB hemm ukoll rekwiżit għall-preżenza fiżika ta’ avukat.
69. Il-Qorti EDB iddeċidiet li d-dritt ta’ kull min hu akkużat b’reat kriminali li jkun effettivament difiż minn avukat kif iggarantit mill-Artikolu 6(3)(c) KEDB huwa wieħed mill-elementi fundamentali ta’ smigħ xieraq fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali (35).
70. B’mod partikolari, f’Beuze vs Il‑Belġju (36), il-QEDB enfasizzat li, fir-rigward tal-iskopijiet ta’ dan id-dritt, aċċess għal avukat fl-istadju prekontenzjuż jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ amministrazzjonijiet ħżiena tal-ġustizzja u, fuq kollox, għas-sodisfazzjon tal-iskopijiet tal-Artikolu 6 KEDB, b’mod notevoli l-opportunitajiet ugwali bejn l-awtoritajiet u l-persuna akkużata; aċċess immedjat għal avukat jikkostitwixxi miżura importanti sabiex tilqa’ kontra l-vulnerabbiltà ta’ persuni ssuspettati detenuti mill-pulizija u huwa wkoll preventiv, għaliex jipprovdi salvagwardja fundamentali kontra l-oppressjoni u trattament ħażin tal-persuni ssuspettati mill-pulizija. Barra minn dan, wieħed mill-kompiti prinċipali tal-avukat fl-istadji tad-detenzjoni mill-pulizija u tal-investigazzjoni huwa li jiżgura r-rispett għad-dritt tal-akkużat sabiex ma jinkriminax ruħu u għad-dritt tiegħu li jibqa’ sieket, drittijiet li huma għalhekk komplementari għad-dritt għall-għajnuna legali.
71. Barra minn dan, fir-rigward tal-kontenut tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, il-Qorti EDB ikkunsidrat li l-Artikolu 6(3)(c) KEDB ma jispeċifikax il-metodu tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal avukat jew il-kontenut tiegħu. Filwaqt li jħalli f’idejn l-Istati l-għażla tal-mezzi sabiex jiżguraw li jiġi implimentat fis-sistemi ġudizzjarji tagħhom, il-portata u l-kontenut ta’ dan id-dritt għandhom jiġu ddeterminati skont l-iskop tal‑KEDB, jiġifieri li jiġu ggarantiti d-drittijiet li huma prattiċi u effettivi (37).
72. Sabiex id-dritt għal smigħ xieraq jibqa’ prattiku u effettiv b’mod suffiċjenti, l-Artikolu 6(1) KEDB jeħtieġ li, bħala regola, l-aċċess għal avukat għandu jiġi pprovdut mill-ewwel interrogazzjoni ta’ persuna ssuspettata mill-pulizija (38).
73. Il-ħatra tad-difiża minnha nnifisha ma tiżgurax l-effettività tal-għajnuna li hija tista’ tagħti lil persuna akkużata, u għal dan il-għan, għandhom jiġu ssodisfatti ċerti rekwiżiti minimi (39). L-ewwel, persuni ssuspettati għandhom ikunu jistgħu jikkuntattjaw avukat mill-mument meta jkunu detenuti mill-pulizija; għalhekk għandu jkun possibbli għalihom li jikkonsultaw mal-avukat tagħhom qabel l-interrogazzjoni (40). It-tieni, il-Qorti EDB kkonstatat f’numru ta’ kawżi li “l-persuni ssuspettati għandhom id-dritt li l-avukat tagħhom ikun preżenti fiżikament waqt l-interrogazzjonijiet inizjali tal-pulizija u kull meta jiġu interrogati fil-proċeduri prekontenzjużi sussegwenti. Tali preżenza fiżika għandha tippermetti lill-avukat sabiex jipprovdi għajnuna li hija effettiva u prattika iktar milli sempliċement astratta, u b’mod partikolari sabiex tiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna ssuspettata interrogata ma jiġux ippreġudikati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (41).
74. Dawn il-konstatazzjonijiet f’Beuze vs Il‑Belġju ġew ikkonfermati f’ġurisprudenza sussegwenti (42).
75. B’żieda ma’ dan, f’Soytemiz vs It‑Turkija (43), il-Qorti EDB enfasizzat li l-preżenza ta’ avukat waqt l-atti investigattivi, inkluż l-interrogazzjoni tal-pulizija hija aspett inerenti tas-salvagwardja sanċita fl-Artikolu 6(3)(c) KEDB, għaliex huwa diffiċli li tara kif is-servizzi speċifiċi assoċjati ma’ “għajnuna legali”, li l-Artikolu 6(3)(c) KEDB jikkonċerna, jistgħu jiġu eżerċitati fin-nuqqas ta’ avukat. Għalhekk, id-dritt li wieħed jiġi assistit minn avukat jeħtieġ mhux biss li l-avukat ikun awtorizzat li jkun preżenti, iżda wkoll li jkun awtorizzat li jassisti b’mod attiv lill-persuna ssuspettata waqt, inter alia, l-interrogazzjoni mill-pulizija u li jintervjeni sabiex jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata, għaliex persuna akkużata b’reat kriminali għandha tkun tista’ tikseb il-firxa sħiħa ta’ servizzi speċifikament assoċjati mal-għajnuna legali, mhux biss waqt is-smigħ iżda wkoll waqt l-istadju prekontenzjuż minħabba l-importanza partikolari tagħha għall-preparazzjoni tal-proċeduri kriminali. Barra minn dan, id-dritt għall-għajnuna legali japplika matul l-interrogazzjoni u sal-aħħar tal-interrogazzjoni mill-pulizija: “il-preżenza u l-għajnuna attiva tal-avukat waqt l-interrogazzjoni mill-pulizija huma salvagwardja proċedurali importanti intiża sabiex, fost affarijiet oħrajn, tevita l-ġbir tal-provi permezz ta’ metodi ta’ forza jew oppressjoni li jmorru kontra r-rieda tal-persuna ssuspettata u tipproteġi l-libertà tal-persuna ssuspettata sabiex tagħżel jekk titkellimx jew tibqax siekta meta tiġi interrogata mill-pulizija” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (44).
76. Il-Qorti EDB fakkret ukoll li l-pulizija hija, bħala prinċipju, obbligata li ma tinterrogax jew li tissospendi l-interrogazzjoni fil-każ li l-persuna ssuspettata invokat id-dritt li tiġi assistita minn avukat waqt l-interrogazzjoni sakemm ikun preżenti avukat u jkun jista’ jassisti lill-persuna ssuspettata. L-istess kunsiderazzjonijiet għandhom ikunu fil-każ li l-avukat ikollu – jew jiġi mitlub li – jitlaq qabel it-tmiem tal-interrogazzjoni tal-pulizija u qabel ma jinqraw u jiġu ffirmati d-dikjarazzjonijiet meħuda (45).
77. Konsegwentement, kif spjegat mill-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti EDB, titqiegħed enfasi fuq il-fatt li l-persuni ssuspettati u akkużati għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-dritt li jkollhom il-preżenza fiżika effettiva ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni kif iggarantit mid-dritt ta’ aċċess għal avukat skont l-Artikolu 6(1) u 3(c) KEDB (46). Għalhekk, għall-kuntrarju tal-argumenti tal-Ungerija u tar-Repubblika Ċeka, din il-ġurisprudenza tissuġġerixxi li bħala prinċipju, hemm il-ħtieġa għall-preżenza fiżika tal-avukat, sakemm ir-restrizzjoni ta’ dan id-dritt tista’ tkun debitament iġġustifikata.
78. Jista’ jiżdied li ċerta ġurisprudenza tal-Qorti EDB invokata mill-Ungerija u mir-Repubblika Ċeka tidher li ma hijiex xierqa. F’Yoldas vs It‑Turkija (47) il-Qorti EDB kkonstatat li ma hemm l-ebda ksur tal-Artikolu 6(1) u (3)(c) KEDB f’sitwazzjoni fejn ir-rikorrent kien irrinunzja għad-dritt li jiġi assistit minn avukat, li kien ikkonstatat li jkun skont l-istandards meħtieġa. F’Hovanesian vs Il‑Bulgarija (48), il-Qorti EDB ma kkonstatat l-ebda ksur tal-Artikolu 6(1) u 3(c) KEDB f’sitwazzjoni fejn id-dritt tar-rikorrent għall-għajnuna legali kien ġie llimitat matul l-ewwel 24 siegħa tad-detenzjoni tiegħu mill-pulizija, li ġie kkonstatat fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ li huwa ġġustifikat fid-dawl tal-ġustizzja globali tal-proċeduri. La r-rinunzja u lanqas l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ġenerali ta’ aċċess għal avukat ma kienu inkwistjoni fl-ewwel ilment f’din il-kawża. Jekk xejn, dawn iż-żewġ kawżi rispettivament jenfasizzaw l-importanza li jkun hemm rekwiżiti suffiċjenti għar-rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat, li huwa s-suġġett tat-tieni lment f’din il-kawża, u s-sistema riġida għal derogi temporanji skont id-Direttiva 2013/48.
79. Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, l-ewwel ilment imressaq mill-kummissjoni huwa fondat.
C. Fuq it-tieni lment, li jallega ksur tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48
1. Sommarju tal-argumenti tal-partijiet
80. Permezz tat-tieni lment, il-Kummissjoni tiddikjara li l-Ungerija ttrasponiet b’mod inkorrett l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 għaliex l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Ungeriż ma timplimenta r-rekwiżiti speċifiċi ta’ din id-dispożizzjoni. Minħabba li d-dritt Ungeriż jawtorizza lill-persuni ssuspettati jew akkużati sabiex ma jeżerċitawx id-dritt ta’ aċċess għal avukat, din l-għażla għandha l-istess konsegwenzi bħal rinunzja formali u għalhekk japplikaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48. Il-kelma “rinunzja” f’din id-dispożizzjoni tkopri rinunzja formali u informali u għalhekk is-sitwazzjoni fis-sistema Ungeriża li tirreferi għal dritt inaljenabbli li persuna ssuspettata jew akkużata hija ħielsa li teżerċita jew ma teżerċitax. Id-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2013/48 għandhom jiġu ggarantiti b’mod prattiku u b’mod effettiv, li huwa għalfejn il-persuni ssuspettati jew akkużati għandhom ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni informata. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu dan billi jipprovdu salvagwardji adegwati fil-każ ta’ deċiżjoni li ma jiġix eżerċitat dritt li huwa inaljenabbli fejn in-nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu l-effett li jħalli lill-persuna mingħajr il-protezzjoni effettiva ta’ avukat.
81. Il-Kummissjoni żżid li l-paragrafu l-ġdid 387/A tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ma jipprevedix għal informazzjoni ċara u suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 dwar il-kontenut tad-dritt li jiġi rrinunzjat jew il-konsegwenzi possibbli tagħha. Minflok, peress li jiġu informati l-persuni ssuspettati jew akkużati li l-interrogazzjoni tista’ tibda mingħajr il-preżenza ta’ avukat, dawk il-persuni jitħallew bl-impressjoni qarrieqa li ma humiex intitolati għall-preżenza ta’ avukat u għandhom biss id-dritt li jibqgħu siekta fin-nuqqas ta’ avukat. Fi kwalunkwe każ, din il-leġiżlazzjoni daħlet fis-seħħ fl‑4 ta’ Diċembru 2024, wara l-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, u għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.
82. L-Ungerija tispjega li d-dritt ta’ aċċess għal avukat huwa dritt inaljenabbli skont id-dritt Ungeriż li ma jistax jiġi rrinunzjat. Fejn rappreżentazzjoni legali hija obbligatorja, l-awtoritajiet jaħtru avukat għall-persuni ssuspettati jew akkużati, u fejn ir-rappreżentazzjoni legali ma hijiex obbligatorja, dawk il-persuni huma ħielsa li jiddeċiedu jekk jixtiqux iqabbdu avukat jew jitolbu sabiex jinħatar avukat; din id-deċiżjoni ma hijiex rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat, minħabba li din sempliċement tfisser li l-persuna ma tixtieqx teżerċita dan id-dritt, u mhux li l-persuna tirrinunzja għal dan id-dritt. Għaldaqstant, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 ma għandux għalfejn jiġi traspost fid-dritt Ungeriż għaliex ma hemm l-ebda sitwazzjoni li fiha l-persuni ssuspettati jew akkużati jistgħu validament jirrinunzjaw għad-dritt ta’ aċċess għal avukat u għalhekk lanqas ma jistgħu jiġu informati dwar din il-possibbiltà.
83. L-Ungerija ssostni li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali diġà jawtorizzaw lill-persuni ssuspettati jew akkużati sabiex ikunu informati globalment dwar id-drittijiet tagħhom ta’ difiża, iżda li l-portata tal-informazzjoni pprovduta lilhom ġiet iċċarata fil-paragrafu ġdid 387/A ta’ dan il-Kodiċi. Kif l-Ungerija indikat fis-seduta, tali persuni huma informati li jistgħu jirrifjutaw li jagħmlu dikjarazzjonijiet u li huma jistgħu jitolbu l-preżenza ta’ avukat fi kwalunkwe ħin, u dak il-paragrafu jżid inoltre li tali persuni għandhom ikunu informati li, ma humiex meħtieġa li jagħmlu dikjarazzjoni anki fin-nuqqas tal-avukat tagħhom,. Jekk il-persuna kkonċernata tgħid li ma tixtieqx tagħmel dikjarazzjoni, l-interrogazzjoni tiġi tterminata; jekk il-persuna, fin-nuqqas ta’ avukat, tagħmel dikjarazzjonijiet wara li tkun ġiet informata u tiddeċiedi li twieġeb għall-mistoqsijiet, huwa kkunsidrat li l-persuna qiegħda tagħmel hekk bl-għarfien sħiħ tal-fatti u li hija qiegħda tirrinunzja għall-preżenza ta’ avukat u għalhekk għad-dritt li twieġeb biss għall-mistoqsijiet fil-preżenza ta’ avukat.
2. Analiżi
84. Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’mod li jkollhom saħħa vinkolanti inkontestabbli u bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali li jeħtieġ li, fil-każ fejn id-direttiva tkun intiża li toħloq drittijiet għall-individwi, il-persuni kkonċernati jridu jkunu f’pożizzjoni li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom (49).
85. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-assenza f’xi Stat Membru ta’ ċerta attività koperta minn direttiva jew in-nuqqas ta’ eżistenza f’dak l-Istat ta’ ċertu kunċett ma jistax iħoll lil dak l-Istat Membru mill-obbligu tiegħu li jieħu miżuri leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi sabiex jiżgura t-traspożizzjoni tajba tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dik id-direttiva. Kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li d-direttivi huma applikati fil-liġi globalment u mhux sempliċement fil-fatt, jeħtieġu lill-Istati Membri kollha sabiex jinkorporaw ir-rekwiżiti tad-direttiva inkwistjoni f’kuntest ġuridiku ċar, preċiż u trasparenti li jipprovdi għal dispożizzjonijiet vinkolanti fil-qasam kopert minnha. Tali obbligu jaqa’ fuq l-Istati Membri sabiex iwaqqfu kull bidla fis-sitwazzjoni li teżisti f’xi żmien f’dawk l-Istati u sabiex jiżguraw li s-suġġetti tal-liġi kollha fl-Unjoni, inkluż dawk fl-Istati Membri fejn ċerta attività jew ċertu kunċett kopert minn direttiva ma jeżistix, ikunu jafu ċarament u preċiżament xi jkunu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom fiċ-ċirkustanzi kollha (50).
86. Hija ġurisprudenza stabbilita wkoll li, f’azzjoni bbażata skont l-Artikolu 258 TFUE, il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru naqasx fit-twettiq ta’ obbligu tiegħu hija ddeterminata b’riferiment għas-sitwazzjoni li tipprevalixxi fl-Istat Membru fit-tmiem tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni xi bidliet li jkunu saru sussegwentement (51).
87. F’din il-kawża, il-Kummissjoni uriet b’mod suffiċjenti li l-Ungerija naqset li twettaq l-obbligu tagħha li tittrasponi b’mod korrett l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48.
88. Kif jidher fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 jistabbilixxu numru ta’ rekwiżiti sabiex jiżguraw li l-persuni ssuspettati jew akkużati jifhmu b’mod suffiċjenti xi tfisser ir-rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat u l-konsegwenzi tagħha, kif ukoll il-possibbiltà li tiġi rrevokata din ir-rinunzja fi kwalunkwe ħin. L-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti hija ta’ importanza assoluta għas-salvagwardja tad-drittijiet tagħhom (52).
89. Kif indikat mill-Kummissjoni u li barra minn dan ma ġiex ikkontestat mill-Ungerija, dan l-Istat Membru ma ttrasponiex dawn ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 fid-dritt domestiku tiegħu.
90. Kif indikat b’mod ulterjuri mill-Kummissjoni u li ma ġiex ikkontestat mill-Ungerija, fid-dritt Ungeriż, filwaqt li d-dritt ta’ aċċess għal avukat għandu jitqies li huwa dritt inaljenabbli, huwa awtorizzat skont id-dritt Ungeriż li persuni ssuspettati jew akkużati jistgħu jagħżlu li ma jeżerċitawx dan id-dritt.
91. Skont dawn iċ-ċirkustanzi, jiena naqbel mal-Kummissjoni li dan essenzjalment għandu l-istess riżultat fil-prattika bħal rinunzja fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48.
92. Fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fatt li kunċett legali, in casu rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċeduri kriminali, jista’ ma jkunx formalment irrikonoxxut fl-Ungerija ma jiġġustifikax lil dan l-Istat Membru milli josserva l-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni sabiex jittrasponi b’mod suffiċjenti u globalment id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48.
93. B’żieda ma’ dan, għandu jitqies li kif indikat mill-Kummissjoni, il-paragrafu 387/A tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali (53) huwa insuffiċjenti u irrelevanti. Minn naħa, huwa evidenti li din il-leġiżlazzjoni ma tittrasponixxix b’mod suffiċjenti r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48, jiġifieri, ma fihiex dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-persuni ngħataw informazzjoni ċara u suffiċjenti, fir-rigward tal-kontenut tad-dritt u l-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja tiegħu; li r-rinunzja ngħatat b’mod volontarju u inekwivoku; li r-rinunzja hija nnotata bil-proċedura ta’ reġistrazzjoni skont id-dritt nazzjonali; li l-persuni huma informati dwar il-possibbiltà li jistgħu jirrevokaw ir-rinunzja sussegwentement fi kwalunkwe punt waqt il-proċeduri kriminali u li għandha effett mill-mument li tkun saret. Min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni daħlet fis-seħħ fl‑2024, wara l-iskadenza tal-perijodu fl-opinjoni motivata (ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet), u għalhekk ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.
94. Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, it-tieni lment imressaq mill-Kummissjoni huwa fondat.
V. Spejjeż
95. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk ġew mitluba mill-parti li tirbaħ. Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli, l-Istati Membri li intervjenew fil-proċeduri jbatu l-ispejjeż tagħhom stess. Għaldaqstant, minħabba li l-Kummissjoni talbet l-ispejjeż u l-Ungerija ħarġet telliefa, tal-aħħar għandha tbati l-ispejjeż. Ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.
VI. Konklużjoni
96. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
(1) tiddikjara li l-Ungerija naqset li twettaq l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 3(6)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 3(3), tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà, u skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva peress li naqset milli tittrasponi b’mod korrett dawn id-dispożizzjonijiet;
(2) tikkundanna lill-Ungerija sabiex tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk tal-Kummissjoni Ewropea; u
(3) tikkundanna lir-Repubblika Ċeka sabiex tbati l-ispejjeż tagħha stess.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1).
3 Ara, il-konklużjonijiet tiegħi f’BK (Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat kriminali) (C‑175/22, EU:C:2023:436, b’mod partikolari punti 22 u 23), u l-konklużjonijiet tiegħi f’M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri) (C‑603/22, EU:C:2024:157, b’mod partikolari l-punti 26 sa 31).
4 B’żieda mad-Direttiva 2013/48, dawn id-direttivi jinkludu: id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1); Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1); Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1); Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU 2016, L 297, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 91, p. 40); u Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għat-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 132, p. 1).
5 Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, C 295, p. 1.)
6 Ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 9 u 10 tad-Direttiva 2013/48.
7 Il-Kunsill Ewropew, “Il-programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini” (ĠU 2010, C 115, p. 1), punt 2.4.
8 Ara, b’mod partikolari, il-premessi 1 sa 8 u l-premessa 12 tad-Direttiva 2013/48.
9 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Covaci (C‑216/14, EU:C:2015:305, punt 30). Ara wkoll, pereżempju, Rapport mill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-[Direttiva 2013/48], COM(2019) 560 final, 26 ta’ Settembru 2019, punt 1.1.
10 Kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, il-prinċipju fundamentali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet, iddikjarat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta, u l-kunċett ta’ “smigħ xieraq”, indikat fl-Artikolu 6 KEDB, huma kkostitwiti minn diversi elementi, li jinkludu, b’mod partikolari, ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża u għad-dritt ta’ persuna li tieħu parir, li tiġi difiża u li tiġi rrappreżentata. Bl-istess mod, ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi, fi kwalunkwe proċedura li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li ġie stabbilit fl-Artikolu 48(2) tal-Karta. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 203 u 204).
11 Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 1 u 2 u l-premessi 8, 12 u l-premessa 57 tad-Direttiva 2013/48.
12 Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta dehra) (C‑659/18, EU:C:2019:940, punt 2), u l-konklużjonijiet tiegħi f’M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri) (C‑603/22, EU:C:2024:157, punt 63).
13 F’dan ir-rigward, id-dritt ta’ aċċess għal avukat tqies, pereżempju, bħala l-“entratura” (ara Sayers, D., “Article 48 (Criminal Law)” f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J. u Ward, A. (edituri), EU Charter of Fundamental Rights: A Commentary, it-tieni edizzjoni, Hart Publishing, Oxford, 2021, p. 1413, b’mod partikolari p. 1450), jew il-“bażi” (ara Mitsilegas, V., EU Criminal Law, it-tieni edizzjoni, Hart Publishing, Oxford, 2022, p. 265) tad-drittijiet tal-proċedura kriminali, minħabba li jippermetti l-eżerċizzju ta’ drittijiet oħrajn u jgħin sabiex jagħmilhom reali u effettivi.
14 Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2020, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra) (C‑659/18, EU:C:2020:201, punt 31), u tat‑8 ta’ Mejju 2025, Barało (C‑530/23, EU:C:2025:322, punt 59).
15 Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2020, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra) (C‑659/18, EU:C:2020:201, punt 31), u tal‑14 ta’ Mejju 2024, Stachev (C‑15/24 PPU, EU:C:2024:399, punt 48).
16 Ara wkoll il-premessa 23 tad-Direttiva 2013/48.
17 Ara wkoll il-premessa 25 tad-Direttiva 2013/48.
18 Ara wkoll il-premessa 38 tad-Direttiva 2013/48.
19 Ara wkoll il-premessi 39 sa 41 tad-Direttiva 2013/48.
20 Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2024, Stachev (C‑15/24 PPU, EU:C:2024:399, punt 55).
21 Il-Kummissjoni ddikjarat fis-seduta li l-ewwel ilment huwa bbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 3(3) u (6) tad-Direttiva 2013/48 moqrija flimkien, u filwaqt li l-leġiżlazzjoni Ungeriża kkontestata inkwistjoni tista’ titqies fid-dawl tad-deroga speċifikata fl-Artikolu 3(6)(a) jew (b), il-leġiżlazzjoni Ċeka inkwistjoni fil-Kawża C‑681/24 tista’ i titqies fid-dawl tad-deroga speċifikata fil-punt (a) jew punt (b) tal-Artikolu 3(6). Dan jista’ jispjega għalfejn il-Kummissjoni fasslet l-ilmenti fiż-żewġ kawżi b’mod differenti, iżda dak li huwa deċiżiv huwa li kull waħda minn dawn il-leġiżlazzjonijiet titbiegħed ħafna mid-derogi possibbli taħt din id-direttiva.
22 Ir-Repubblika Ċeka tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-Qorti EDB, 27 ta’ Novembru 2008, Salduz vs It‑Turkija (CE:ECHR:2008:1127JUD003639102); il-Qorti EDB, 23 ta’ Frar 2010, Yoldaş vs It‑Turkija (CE:ECHR:2010:0223JUD002750304); il-Qorti EDB, 21 ta’ Diċembru 2010, Hovanesian vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2010:1221JUD003181403); u l-Qorti EDB, 9 ta’ Novembru 2018, Beuze vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2018:1109JUD007140910).
23 Enfasi miżjuda.
24 Enfasi miżjuda.
25 Kif ġie diskuss fis-seduta, minkejja ma huwiex direttament rilevanti għal din il-kawża, l-iżvilupp tat-teknoloġija jista’ jippermetti l-preżenza ta’ avukat fil-“forma diġitali” li għandha tinftiehem bħala preżenza fiżika, sakemm tali preżenza tkun paragunabbli mal-preżenza ta’ avukat tad-“demm u l-laħam”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ddikjarat fis-seduta li l-preżenza ta’ avukat permezz ta’ videokonferenza tista’ tkun kompatibbli f’ċerti sitwazzjonijiet mal-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48 iżda għandha titqies bħala eċċezzjoni, mhux alternattiva, għall-preżenza fiżika tal-avukat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-direttiva huma ssodisfatti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni enfasizzat li l-preżenza u l-parteċipazzjoni tal-avukat permezz ta’ videokonferenza għandha tkun possibbli biss jekk il-persuna tista’ teżerċita d-drittijiet tad-difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva; il-preżenza u l-parteċipazzjoni għandhom ikunu suġġetti għall-kunsens informat tal-persuna; u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ persuni vulnerabbli u aspetti prattiċi. L-Ungerija wkoll qieset possibbli din il-preżenza ta’ avukat, għaliex l-interrogazzjoni remota hija għodda li ntużat b’mod wiesa’ fi proċeduri kriminali mill-pandemija COVID-19 u ma hijiex per se inkompatibbli mad-dritt għal smigħ xieraq. Ir-Repubblika Ċeka, madankollu, ħadet il-pożizzjoni li din il-kwistjoni hija de lege ferenda u, l-fatt dwar jekk l-użu ta’ videokonferenza għandux jitqies neċessarju sabiex jissaħħu d-drittijiet għal smigħ xieraq, għandu jiġi ttrattat permezz tal-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni.
26 Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra) (C‑659/18, EU:C:2020:201, punti 42 sa 45), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-derogi temporanji mid-dritt ta’ aċċess għal avukat li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu huma stabbiliti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 3(5) u (6) tad-Direttiva 2013/48. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/48 fis-sens li tippermetti lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għal derogi oħrajn li ma humiex dawk stabbiliti f’dan l-artikolu tmur kontra l-kliem tiegħu u kontra l-għanijiet u l-iskema ta’ din id-direttiva, u tirrendi superfluwu dan id-dritt.
27 Din il-pożizzjoni ntlaqgħet ukoll mir-rapporti tal-akkademiċi u tal-esperti. Ara, f’dan is-sens, Ogorodova, A. u Spronken, T., “Legal Advice in Police Custody: From Europe to a Local Police Station”, Erasmus Law Review, Vol. 7, 2014, p. 191, b’mod partikolari p. 199; Hodgson, J. “Criminal Procedure in Europe’s Area of Freedom, Security and Justice: The rights of the suspect’” f’Mitsilegas, V., Bergström, M. u Quintel, T. (edituri), Research Handbook on EU Criminal Law, it-tieni edizzjoni, Edward Elgar, Publishing, Cheltenham, 2024, p. 135, b’mod partikolari p. 155; Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, “Rights in practice: access to a lawyer and procedural rights in criminal and European arrest warrant proceedings”, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2019, proposta FRA opinjoni 3 u punt 3.3.4.
28 Ara Dokument tal-Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet ta’ aċċess għal avukat u tan-notifika tad-detenzjoni lil terz fi proċeduri kriminali, SEC(2011) 686 final, 8 ta’ Ġunju 2011, b’mod partikolari punti 5.3 u 6.
29 Ara, f’dan ir-rigward, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(4), l-Artikolu 9 u l-premessi 19, 28 u 39 sa 41 tad-Direttiva 2013/48.
30 Ara, pereżempju, dokument tal-Kunsill 7337/12, 9 ta’ Marzu 2012, punt 7 u premessa proposta 19a; Dokument tal-Kunsill 10064/12, 16 ta’ Mejju 2012, premessa 20 proposta.
31 Ara, pereżempju, dokument tal-Kunsill 10190/13, 31 ta’ Mejju 2013.
32 Ara l-Artikolu 6(4)(b) u l-premessi 25 u 27 tad-Direttiva 2016/800. Ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri) (C‑603/22, EU:C:2024:685, punt 106), u l-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (C‑603/22, EU:C:2024:157, punti 67 sa 71).
33 Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’BK (Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat kriminali) (C‑175/22, EU:C:2023:436, punti 53 sa 76), u l-konklużjonijiet tiegħi f’M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri) (C‑603/22, EU:C:2024:157, punt 62).
34 Skont ġurisprudenza stabbilita, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet li jinsabu fiha għandhom l-istess tifsira u portata bħad-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill‑KEDB, li ma jipprekludux lid-dritt tal-Unjoni milli jagħti protezzjoni iktar estensiva. Meta jiġu interpretati d-drittijiet iggarantiti mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-Artikolu 6 KEDB, kif interpretati mill-Qorti EDB, bħala l-limitu minimu ta’ protezzjoni. Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, K.B. u F.S. (Jitqajjem ksur ex officio fi proċeduri kriminali) (C‑660/21, EU:C:2023:498, punt 41).
35 Ara, pereżempju, il-Qorti EDB, 27 ta’ Novembru 2008, Salduz vs It‑Turkija (CE:ECHR:2008:1127JUD003639102, punt 51), u l-Qorti EDB, 9 ta’ Novembru 2018, Beuze vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2018:1109JUD007140910, punti 121 sa 123).
36 Ara l-Qorti EDB, 9 ta’ Novembru 2018 (CE:ECHR:2018:1109JUD007140910, punti 125 sa 127).
37 Ara l-Qorti EDB, 27 ta’ Novembru 2008, Salduz vs It‑Turkija (CE:ECHR:2008:1127JUD003639102, punt 51), u l-Qorti EDB, 9 ta’ Novembru 2018, Beuze vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2018:1109JUD007140910, punt 131).
38 Ara l-Qorti EDB, 27 ta’ Novembru 2008, Salduz vs It‑Turkija (CE:ECHR:2008:1127JUD003639102, punt 55), u l-Qorti EDB, 9 ta’ Novembru 2018, Beuze vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2018:1109JUD007140910, punt 137).
39 Ara l-Qorti EDB, 9 ta’ Novembru 2018, Beuze vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2018:1109JUD007140910, punti 131 u 132).
40 Ara l-Qorti EDB, 9 ta’ Novembru 2018, Beuze vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2018:1109JUD007140910, § 133).
41 Il-Qorti EDB, 9 ta’ Novembru 2018, Beuze vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2018:1109JUD007140910, punt 134) (enfasi miżjuda).
42 Ara, pereżempju, il-Qorti EDB, 23 ta’ Mejju 2019, Doyle vs L‑Irlanda (CE:ECHR:2019:0523JUD005197917, punt 74), li fiha l-Qorti EDB indikat ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) sa (3) tad-Direttiva 2013/48 bħala parti mill-materjal rilevanti; ara wkoll il-Qorti EDB, 4 ta’ Ġunju 2019, Farrugia vs Malta (CE:ECHR:2019:0604JUD006304113, punt 97), u l-Qorti EDB, 18 ta’ Jannar 2022, Atristain Gorosabel vs Spanja (CE:ECHR:2022:0118JUD001550815, punt 49).
43 Ara l-Qorti EDB, 27 ta’ Novembru 2018 (CE:ECHR:2018:1127JUD005783709, punti 43 u 44).
44 Ara l-Qorti EDB, 27 ta’ Novembru 2018, Soytemiz vs It‑Turkija (CE:ECHR:2018:1127JUD005783709, punt 45) (enfasi miżjuda).
45 Ara l-Qorti EDB, 27 ta’ Novembru 2018, Soytemiz vs It‑Turkija (CE:ECHR:2018:1127JUD005783709, punt 46).
46 Ara, f’dan ir-rigward, Giannoulopoulos, D., “Strasbourg Jurisprudence, Law Reform and Comparative Law: A Tale of the Right to Custodial Legal Assistance in Five Countries”, Human Rights Law Review, Vol. 16, 2016, p. 103.
47 Ara l-Qorti EDB, 23 ta’ Frar 2010 (CE:ECHR:2010:0223JUD002750304, punti 51 sa 55).
48 Ara l-Qorti EDB, 21 ta’ Diċembru 2010 (CE:ECHR:2010:1221JUD003181403, punti 32 sa 44).
49 Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 288), u tas‑6 ta’ Marzu 2025, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Direttiva dwar l-informaturi) (C‑155/23, EU:C:2025:151, punt 42).
50 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑343/08, EU:C:2010:14, punti 39 sa 41), u tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata) (C‑70/24, EU:C:2025:615, punt 64).
51 Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (L-indipendenza u l-ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 82), u tas‑6 ta’ Marzu 2025, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Direttiva dwar l-informaturi) (C‑155/23, EU:C:2025:151, punt 35).
52 F’dan ir-rigward, kif iddeċidiet il-Qorti EDB b’mod konsistenti: “La l-ittra u lanqas l-ispirtu tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ma jwaqqaf lil persuna milli tirrinunzja bil-volontà ħielsa tagħha stess, b’mod espliċitu jew taċitu, l-intitolament tal-garanziji għal smigħ xieraq. Dan japplika wkoll għad-dritt għal għajnuna legali. Madankollu, jekk għandha tkun effettiva għall-għanijiet tal-Konvenzjoni, din ir-rinunzja għandha tkun stabbilita b’mod inekwivoku u jkun fiha salvagwardji minimi ekwivalenti għall-importanza tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara, pereżempju, il-Qorti EDB, 12 ta’ Mejju 2017, Simeonovi vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2017:0512JUD002198004, punt 115), u l-Qorti EDB, 12 ta’ Ġunju 2025, Krpelík vs Ir-Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2025:0612JUD002396321, punt 76). Ara wkoll il-Qorti EDB, 24 ta’ Settembru 2009, Pishchalnikov vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2009:0924JUD000702504, punt 78), li fiha l-Qorti EDB enfasizzat: “id-dritt għad-difiża, li huwa dritt fundamentali fost dawk li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ smigħ xieraq u li jiżguraw l-effettività tal-bqija tal-garanziji prevedibbli tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni, huwa eżempju prinċipali ta’ dawk id-drittijiet li jeħtieġu protezzjoni speċjali tal-istandard ta’ rinunzja mgħarrfa u intelliġenti. Ma għandux jiġi eliminat li, wara li tkun avżata inizjalment dwar id-drittijiet tagħha, persuna akkużata tista’ hija stess b’mod validu tirrinunzja għad-drittijiet tagħha u twieġeb għall-interrogazzjoni. Madankollu, il-Qorti tindika bis-saħħa li huma neċessarji salvagwardji addizzjonali meta l-persuna akkużata titlob difiża għaliex jekk persuna akkużata ma għandha l-ebda avukat, hija għandha inqas ċans li tiġi informata dwar id-drittijiet tagħha u, bħala konsegwenza, hemm inqas ċans li ser tiġi rrispettata” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
53 Il-paragrafu 387/A tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jiddikjara: “Jekk l-avukat ma huwiex preżenti waqt l-att proċedurali minkejja li huwa ġie informat jew ittieħdet miżura skont l-Artikolu 387, il-persuna ssuspettata, jew il-persuna raġonevolment issuspettata li wettqet reat kriminali, għandha tiġi informata li l-assenza tal-avukat ma twaqqafx it-twettiq tal-att proċedurali, iżda li hija tista’ tirrifjuta milli tagħti dikjarazzjoni skont il-paragrafu 185(1)(a), inkluż fuq il-bażi tal-assenza tal-avukat. Jekk il-persuna ssuspettata tiddeċiedi li, minħabba l-assenza tal-avukat, hija ma tixtieqx li tagħti dikjarazzjoni, hija għandha tiġi informata li tista’ sussegwentement tiddeċiedi fi kwalunkwe ħin li tagħti dikjarazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].