This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62024CC0655
Opinion of Advocate General Campos Sánchez-Bordona delivered on 11 December 2025.#Request for a preliminary ruling from the Rayonen sad – Veliki Preslav.#Reference for a preliminary ruling – Area of freedom, security and justice – Judicial cooperation in criminal matters – Framework Decision 2005/212/JHA – Confiscation of crime-related proceeds, instrumentalities and property – Article 2 – Substantive scope – Traffic offence punishable by a custodial sentence of more than one year – Driving a motor vehicle under the influence of alcohol – Directive 2014/42/EU – Freezing and confiscation of instrumentalities and proceeds of crime in the European Union – Directive (EU) 2024/1260 – Asset recovery and confiscation – Article 33 – Transposition period – Applicability ratione temporis.#Case C-655/24.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati l-11 ta’ Diċembru 2025.
EZ.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rayonen sad – Veliki Preslav.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI – Konfiska tar-rikavat, tal‑mezzi strumentali u tal-proprjetà marbuta mal-kriminalità – Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Reat tat-traffiku punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ iktar minn sena – Sewqan ta’ vettura bil-mutur taħt l-influwenza tal-alkoħol – Direttiva 2014/42/UE – Iffriżar u konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea – Direttiva (UE) 2024/1260 – Irkupru u konfiska tal-assi – Artikolu 33 – Terminu għat-traspożizzjoni – Applikabbiltà ratione temporis.
Kawża C-655/24.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati l-11 ta’ Diċembru 2025.
EZ.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rayonen sad – Veliki Preslav.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI – Konfiska tar-rikavat, tal‑mezzi strumentali u tal-proprjetà marbuta mal-kriminalità – Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Reat tat-traffiku punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ iktar minn sena – Sewqan ta’ vettura bil-mutur taħt l-influwenza tal-alkoħol – Direttiva 2014/42/UE – Iffriżar u konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea – Direttiva (UE) 2024/1260 – Irkupru u konfiska tal-assi – Artikolu 33 – Terminu għat-traspożizzjoni – Applikabbiltà ratione temporis.
Kawża C-655/24.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:969
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA
ippreżentati fil‑11 ta’ Diċembru 2025 (1)
Kawża C‑655/24 [Latranov] (i)
Rayonna prokuratura — grad Veliki Preslav (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Distrettwali ta’ Veliki Preslav, il-Bulgarija)
vs
EZ
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad Veliki Preslav (il-Qorti Distrettwali ta’ Veliki Preslav, il-Bulgarija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI — Artikolu 2 — Direttiva 2014/42/UE — Artikoli 3 u 14 — Kamp ta’ applikazzjoni — Direttiva (UE) 2024/1260 — Artikolu 38 — Applikabbiltà — Konfiska ta’ mezzi strumentali tar-reat — Sewqan ta’ vettura bil-mutur taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku — Konfiska tal-vettura jew tal-valur tagħha jekk din ma tkunx tappartjeni lill-awtur tar-reat — Vettura bil-mutur bħala mezz strumentali tar-reat”
1. Il-pulizija Bulgara interċettat is-sewwieq ta’ vettura bil-mutur sabiex tissuġġettah għal kontroll tal-alkoħol fid-demm. Peress li l-indiċi ta’ alkoħol tiegħu kien jeċċedi dak legalment ammissibbli, huwa ġie kkundannat għal reat kriminali ta’ sewqan ta’ vettura bil-mutur taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku.
2. B’riżultat ta’ din il-kundanna, qamet il-kwistjoni dwar jekk għandhiex tiġi kkonfiskata l-vettura jew jekk għandux jiġi kkonfiskat il-valur ekwivalenti tagħha meta din ma tkunx il-proprjetà tal-persuna kkundannata. F’dan il-każ, il-vettura kienet tappartjeni (f’komunità ta’ beni matrimonjali) lis-sewwieq u lill-konjuġi tiegħu.
3. Il-qorti mitluba tiddeċiedi dwar il-konfiska għamlet diversi domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz tal-ewwel tnejn, hija tixtieq tkun taf, essenzjalment:
– jekk ir-reat kriminali li jikkonsisti fis-sewqan ta’ vettura bil-mutur taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2024/1260 (2), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jew tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI (3)?
– fil-każ li xi waħda mid-dispożizzjonijiet legali preċedenti tkun applikabbli, jekk il-vettura bil-mutur użata tistax tiġi kklassifikata bħala mezz strumentali sabiex jitwettaq ir-reat kriminali.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Deċiżjoni Qafas 2005/212
4. L-Artikolu 2 (“Konfiska”) jipprovdi:
“1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew bil-privazzjoni ta’ proprjetà ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati.
[…]”.
5. Skont l-Artikolu 4 (“Rimedji legali”):
“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-partijiet interessati milquta mill-miżuri taħt l-Artikoli 2 u 3 jkollhom rimedji legali effikaċi sabiex jippreżervaw id-drittijiet tagħhom”.
6. L-Artikolu 5 (“Protezzjoni”) jipprovdi:
“Din id-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex ikollha l-effett li tbiddel l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji fundamentali, inkluża partikolarment il-preżunzjoni ta’ l-innoċenza kif affermata fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”.
2. Id-Direttiva 2014/42/UE (4)
7. Skont l-Artikolu 2 (“Definizzjonijiet”):
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
(3) ‘“mezzi strumentali’ tfisser kwalunkwe proprjetà użata jew maħsuba biex tintuża, bi kwalunkwe mod, kompletament jew parzjalment, biex jitwettaq reat kriminali jew biex jitwettqu reati kriminali;
[…]”.
8. L-Artikolu 3 (“Kamp ta’ applikazzjoni”) jistipula:
“Din id-Direttiva għandha tapplika għar-reati kriminali koperti minn:
(a) Il-Konvenzjoni mfassla skont l-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (il-‘Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali’);
(b) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta’ pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar inkonnessjoni mad-dħul tal-euro;
(c) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/413/ĠAI tat‑28 ta’ Mejju 2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas bi flus mhux kontanti;
(d) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI tas‑26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità;
(e) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;
(f) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat‑22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat;
(g) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal‑25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi;
(h) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal‑24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;
(i) Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/629/ĠAI;
(j) Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI;
(k) Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/222/ĠAI;
kif ukoll strumenti legali oħrajn jekk dawk l-istrumenti jipprevedu speċifikament li din id-Direttiva tapplika għar-reati kriminali armonizzati fiha.”
9. L-Artikolu 14 (“Is-sostituzzjoni tal-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI u ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Kwadru 2001/500/ĠAI u 2005/212/ĠAI”) jipprevedi:
“1. […] l-ewwel erba’ inċiżi tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212/ĠAI, huma sostitwiti b’din id-Direttiva għall-Istati Membri marbuta minn din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni ta’ dawk id-Deċiżjonijiet Kwadru fil-liġi nazzjonali.
[…]”.
3. Id-Direttiva 2024/1260
10. L-Artikolu 33 (“Traspożizzjoni”) jindika:
“1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat‑23 ta’ Novembru 2026. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.
[…]”
11. Konformement mal-Artikolu 36 (Sostituzzjoni tal-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI, id-Deċiżjonijiet Kwadru 2001/500/ĠAI u 2005/212/ĠAI, id-Deċiżjoni 2007/845/ĠAI u d-Direttiva 2014/42/UE”):
“1. [Id-Deċiżjoni Qafas] 2001/500/ĠAI […] h[ij]a sostitwit[a] fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri fir-rigward tad-data għat-traspożizzjoni ta’ dawk l-istrumenti fil-liġi nazzjonali.
[…]”.
B. Id-dritt Bulgaru. In-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali)
12. L-Artikolu 53 jipprevedi:
“(1) Indipendentement mir-responsabbiltà kriminali, għandha tiġi kkonfiskata favur l-Istat:
(a) […] il-proprjetà li tkun tappartjeni lill-persuna misjuba ħatja li kienet intiża li tintuża jew li tkun intużat sabiex jitwettaq deliberatament reat kriminali jew, meta din il-proprjetà ma tkunx għadha teżisti jew tkun ġiet ittrasferita, il-kontrovalur tagħha għandu jiġi kkonfiskat;
[…]”.
13. Skont l-Artikolu 343b, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti:
“(1) […] Kull min isuq vettura bil-mutur b’livell ta’ alkoħol fid-demm ta’ iktar minn 1.2 għal kull 1000, debitament stabbilit, għandu jingħata piena li ċċaħħad il-libertà ta’ bejn sena u tliet snin u multa ta’ bejn 200 u 1000 [lev Bulgaru (BGN)].
(2) […] Kull min isuq vettura bil-mutur b’livell ta’ alkoħol fid-demm ta’ iktar minn 0.5 għal kull 1000, debitament stabbilit, għandu, wara li jkun instab ħati permezz ta’ sentenza definittiva għar-reat imsemmi fil-paragrafu 1, jingħata piena li ċċaħħad il-libertà ta’ bejn sena u ħames snin u multa ta’ bejn BGN 500 u BGN 1500.
(3) […] Kull min isuq vettura bil-mutur taħt l-influwenza, debitament stabbilita, ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi oħra simili għandu jingħata piena li ċċaħħad il-libertà ta’ bejn sena u tliet snin u multa ta’ bejn BGN 500 u BGN 1 500.
(4) […] Meta l-persuna twettaq l-att imsemmi fil-paragrafu 4 b’mod reċidiv, hija għandha tingħata piena li ċċaħħad il-libertà ta’ bejn sena ħames snin u multa ta’ bejn BGN 500 u BGN 1 500.
(5) […] Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4, il-qorti għandha tordna l-konfiska, favur l-Istat, tal-vettura bil-mutur użata sabiex jitwettaq ir-reat kriminali u li tkun tappartjeni lill-awtur tal-imsemmi reat jew, meta l-awtur ma jkunx il-proprjetarju tal-imsemmija vettura, hija għandha tikkundannah iħallas il-valur tagħha.
[…]”.
II. Il-fatti, il-kawża u d-domandi preliminari
14. Fis‑27 ta’ Lulju 2024, fil-belt ta’ Veliki Preslav (il-Bulgarija), EZ kien qiegħed isuq vettura bil-mutur b’livell ta’ alkoħol fid-demm ta’ iktar minn 3.23 għal kull 1000 (5).
15. Fil‑15 ta’ Awwissu 2024, ix-xufier laħaq ftehim mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku. Skont il-ftehim, approvat permezz ta’ sentenza (6) li saret definittiva fl-istess jum, ġiet imposta fuqu:
– piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sena, sospiża għal tliet snin;
– multa ta’ BGN 500;
– piena ta’ ċaħda tad-dritt tas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur għal perijodu ta’ sena u tmien xhur.
16. Il-vettura li kienet misjuqa minn EZ tappartjeni għall-komunità ta’ proprjetà matrimonjali fformata minnu u minn martu. Din tal-aħħar ma intervenietx fil-proċedura, peress li r-regoli proċedurali nazzjonali li kienu fis-seħħ dak iż-żmien ma kinux jippermettulha tagħmel dan (7).
17. Qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-konfiska, ġew ordnati miżuri kawtelatorji fir-rigward tas-sehem ta’ 50 % li jikkorrispondi għal EZ fil-proprjetà tal-vettura (8).
18. Sabiex tiddeċiedi dwar il-konfiska tal-valur tal-vettura, ir-Rayonen sad — Veliki Preslav (il-Qorti Distrettwali ta’ Veliki Preslav, il-Bulgarija) qieset neċessarju li tagħmel erba’ domandi preliminari, li minnhom ser nirriproduċi l-ewwel tnejn, li, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser ikunu s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dawn jaqraw kif ġej:
“1) Id-Direttiva [2024/1260], il-[Karta] jew id-Deċiżjoni Qafas [2005/212] huma applikabbli fil-każ ta’ reati marbuta mat-trasport li jirriżultaw mill-konsum tal-alkoħol u/jew ta’ drogi?
2) Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, vettura bil-mutur tikkostitwixxi mezzi strumentali fis-sens tad-definizzjoni prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2024/1260?”
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
19. It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Ottubru 2024.
20. Il-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
21. Waqt is-seduta, li nżammet fl‑1 ta’ Ottubru 2025, dehru l-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni.
IV. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
22. Skont id-dritt Bulgaru, it-twettiq tar-reat kriminali ta’ sewqan ta’ vettura bil-mutur taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku jwassal għall-konfiska tal-vettura favur l-Istat, jekk din tkun il-proprjetà tal-awtur, jew, fil-każ li l-vettura ma tkunx il-proprjetà tal-awtur, il-konfiska hija ssostitwita bil-ħlas tal-valur tagħha lill-Istat (9).
23. Mill-qari tad-digriet tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-intervenjenti f’dawn il-proċeduri jirriżulta li, f’każijiet bħal dan, l-obbligu li tiġi ordnata l-konfiska tal-vettura (jew l-ammont ta’ sostituzzjoni, jekk il-vettura ma tkunx il-proprjetà tal-awtur tar-reat) huwa assolut (10).
B. L-ewwel domanda preliminari
24. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fl-ewwel lok, jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għat-tilwima tinkludix id-Direttiva 2024/1260, il-Karta jew id-Deċiżjoni Qafas 2005/212.
25. Skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2024/1260, “l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat‑23 ta’ Novembru 2026. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.”
26. Il-Kummissjoni ssostni (11) li r-Repubblika tal-Bulgarija ma kkomunikatilhiex it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2024/1260 (12).
27. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li s-sewqan tal-vettura taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2024, id-Direttiva 2024/1260 hija inapplikabbli ratione temporis.
28. It-tilwima għandha tiġi deċiża, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, abbażi tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212. Issa, għalkemm id-digriet tar-rinviju ma jsemmihiex, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt dwar jekk id-Direttiva 2014/42, fis-seħħ fid-data tal-fatti, tistax tkun applikabbli wkoll.
29. Kif huwa magħruf sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija ma għamlitx riferiment għalihom fid-digriet tar-rinviju tagħha (13).
30. Ir-risposta għad-domandi preliminari ma għandhiex għalhekk tkun limitata biss għall-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, iżda din għandha wkoll teżamina l-effetti possibbli tad-Direttiva 2014/42.
31. Fid-dawl tad-dubji li qamu fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 għar-reati ta’ sewqan taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku, għandha qabel kollox tiġi eżaminata l-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni qafas.
1. Il-bażi legali tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212
32. Id-Deċiżjoni Qafas 2005/212 issemmi bħala bażi legali, minbarra l-Artikolu 34(2)(b) UE, l-Artikoli 29 UE u 31(1)(ċ) UE.
33. Waqt is-seduta, il-Gvern Bulgaru sostna li mhux biss id-Deċiżjoni Qafas 2005/212 ma kinitx applikabbli f’dan il-każ (14), iżda wkoll li, kieku kellha tapplika għal reati bħal dawk inkwistjoni, hija tista’ ma tkunx konformi mad-dritt primarju tal-Unjoni.
34. Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dan l-argument, u dan fl-opinjoni tiegħi bir-raġun.
35. Skont l-Artikolu 29 UE, l-għan li “[iċ]-ċittadini [jiġu pprovduti] b’livell għoli ta’ sigurtà fl-ambitu ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja billi [tiġi żviluppata] azzjoni komuni fost l-Istati Membri fl-oqsma ta’ kooperazzjoni […] ġudizzjarja f’materji kriminali” “għand[u] [j]kun milħu[q] bil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, organizzata jew le” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
36. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 31(1)(ċ) UE jistabbilixxi li l-azzjoni komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali għandha tinkludi “[l-assigurazzjoni ta]l-kompatibilità tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri, kif jista’ jkun meħtieġ biex titjieb din il-kooperazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
37. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni jagħtu kopertura suffiċjenti lid-Deċiżjoni Qafas 2005/212 sabiex din tiġi applikata għal reati ta’ ċerta gravità, jiġifieri, dawk punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ iktar minn sena, mingħajr madankollu ma jillimitaw dawn ir-reati għal lista jew għal kategorija speċifika (bħall-kriminalità organizzata).
38. Fil-fatt, skont it-Trattat UE fil-verżjoni tiegħu qabel it-Trattat ta’ Lisbona, il-bażi legali tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 kienet marbuta direttament mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, hekk kif jikkonfermaw iż-żewġ dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq:
– l-Artikolu 29 UE jirreferi espliċitament għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bil-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità, organizzata jew le.
– L-Artikolu 31(1)(ċ) UE (15) għandu formulazzjoni miftuħa, jiġifieri dan jippermetti li jiġu adottati dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju li jiffavorixxu l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli fl-Istati Membri, inkwantu neċessarju sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (16).
39. Fl-aħħar mill-aħħar, id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li d-Deċiżjoni Qafas 2005/212 tiċċita bħala bażi legali joffru kopertura suffiċjenti sabiex l-Artikolu 2 tagħha jestendi, b’mod orizzontali, għar-reati li l-leġiżlatur Ewropew qies xierqa, mingħajr ma llimitahom għal xi qasam ta’ kriminalità partikolari.
40. L-Artikolu 9 tal-Protokoll 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji tat-Trattat ta’ Lisbona (17), li jirregola d-dispożizzjonijiet tranżitorji li jikkorrispondu għall-atti adottati abbażi tat-Titoli V u VI tat-Trattat tal-Unjoni, jipprovdi li “[l]-effetti legali ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni adottati abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona għandhom jiġu preservati sakemm dawk l-atti jiġu revokati, isiru nulli jew jiġu emendati fl-implementazzjoni ta’ dawn it-Trattati”.
41. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li:
– “[L]-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji għandu jinftiehem fis-sens li dan huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jiżgura li l-atti adottati fil-kuntest ta[l-kooperazzjoni ġudizzjarja] jkunu jistgħu jibqgħu jiġu applikati b’mod effettiv minkejja l-bidla fil-qafas istituzzjonali tal-imsemmija kooperazzjoni (18)”.
– “[B]illi l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att […], il-legalità tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633 għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li kienu jirregolaw, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-adozzjoni ta’ miżura bħad-deċiżjoni kkontestata (19) […]”.
42. Konsegwentement, l-evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest leġiżlattiv fis-seħħ meta din ġiet adottata, b’tali mod li r-riferimenti għad-dritt primarju jibqgħu dawk tat-Trattat UE dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.
43. L-adozzjoni tad-Direttiva 2014/42, li ssostitwixxiet biss parti mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, ma tbiddilx din il-konklużjoni, peress li d-dispożizzjonijiet li jibqgħu fis-seħħ jagħmlu dan bħala parti mid-Deċiżjoni Qafas. Fil-każ kuntrarju, id-Direttiva 2014/42 kienet tinkorporahom bħala parti mid-dispożittiv tagħha (20).
44. Fi kwalunkwe każ, jekk l-għan huwa li d-Deċiżjoni Qafas 2005/212 tiġi interpretata b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet legali tat-Trattat FUE dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, l-Artikolu 82 TFUE ma huwiex limitat għal reati partikolarment serji b’dimensjoni transkonfinali.
45. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ddikjara (speċifikament fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ konfiska maħruġa minn Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali) li “r-reati kriminali koperti mi[r-Regolament (UE) 2018/1805] (21) ma għandhomx ikunu limitati għal reati partikularment gravi li jkollhom dimensjoni transfruntiera, peress li l-Artikolu 82 [TFUE] ma jeħtieġx tali limitazzjoni għal miżuri li jistabbilixxu regoli u proċeduri biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali” (22).
2. L-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212
46. Skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, “[k]ull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew bil-privazzjoni ta’ proprjetà ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati”.
47. Peress li fid-dritt Bulgaru r-reat kontenzjuż huwa punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ mhux iktar minn tliet snin, dan jaqa’, litteralment, taħt l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212.
48. Issa, tista’ tingħata (hekk kif isostnu l-Gvern Bulgaru u dak Pollakk) interpretazzjoni iktar restrittiva tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, b’mod li din tkun applikabbli biss fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.
49. Dan l-argument bl-ebda mod ma huwa insinjifikanti. Il-preambolu tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 jinkludi indikazzjonijiet li, moqrija waħedhom, jistgħu jissuġġerixxu limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal din il-forma ta’ kriminalità. Diversi dispożizzjonijiet tad-dispożittiv tagħha jmorru fl-istess sens, u dan huwa sostnut minn interpretazzjoni kuntestwali.
50. Madankollu, nemmen li, f’dan il-każ:
– għandha tingħata preferenza lill-formulazzjoni ċara (u eżawrjenti) tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, li teskludi l-limitazzjoni tagħha għar-reati marbuta mal-kriminalità organizzata.
– dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-bażijiet legali tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 innifisha, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 29 UE u tal-Artikolu 31(1)(ċ) UE, li, kif diġà indikajt, jiffavorixxu l-estensjoni tagħha lil hinn mill-kriminalità organizzata.
– Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, jiġifieri li l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali tiġi estiża għal reati ta’ ċerta gravità, iddefiniti mil-leġiżlatur Ewropew, li għażel li jqis bħala tali dawk ir-reati punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ iktar minn sena.
51. Meta l-premessi (1), (2), (4), (5) u (6) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 jirreferu għall-kriminalità organizzata, huma jagħmlu dan sabiex jesprimu t-tħassib fir-rigward tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra din il-kriminalità. Tali tħassib jiġġustifika miżuri intiżi, per eżempju, sabiex itaffu l-oneru tal-prova dwar l-oriġini tal-patrimonju ta’ persuna, fil-każijiet ta’ reati relatati ma’ reati partikolarment gravi.
52. B’kuntrast ma’ dan, il-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 tipprovdi iktar ċarezza: “[l]-għan ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru huwa li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkollhom regoli effikaċi li jiggvernaw il-konfiska ta’ rikavati tal-kriminalità, inter alia fir-rigward ta’ l-onus tal-prova dwar id-derivazzjoni ta’ l-assi fil-pussess tal-persuna kkundannata għal reat konness mal-kriminalità organizzata” (korsiv miżjud minni).
53. Għalhekk, il-fattur “kriminalità organizzata” ma huwiex kostituttiv għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, anki jekk dan jista’ jkollu effett fuq l-oneru tal-prova fir-rigward tal-oriġini tal-proprjetà kkonfiskata.
54. L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 għandu l-għan, nirrepeti, li jiżgura li l-Istati jkollhom regoli minimi (ta’ portata orizzontali) sabiex jirregolaw il-konfiska, b’tali mod li d-deċiżjonijiet nazzjonali korrispondenti jkunu jistgħu jiġu eżegwiti fi Stati Membri oħra, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.
55. Il-Qorti tal-Ġustizzja tassoċja, mingħajr eżitazzjoni, l-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 ma’ dawk tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.
56. B’mod partikolari, hija tenfasizza li “d-Deċiżjoni Kwadru 2005/212 hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI tat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu li tippreċedi t-Trattat ta’ Lisbona, intitolat ‘Dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali’ [traduzzjoni mhux uffiċjali] […]”, u li din għandha bħala għan li “tiggarantixxi, bħalma tiddikjara l-premessa 10 tagħha, li l-Istati Membri kollha jkollhom leġiżlazzjoni effikaċi fil-qasam tal-konfiska tar-rikavat tar-reat” (23).
57. Minbarra li tfakkar ir-rabta tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 mad-Deċiżjoni Qafas 2006/783/ĠAI (24) il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, “fid-dawl tal-għanijiet u tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212 kif ukoll tal-kuntest li fih din ġiet adottata, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-imsemmija Deċiżjoni Kwadru hija att intiż li jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu regoli minimi komuni ta’ konfiska tal-mezzi strumentali u rikavat b’rabta ma’ ksur kriminali, bil-għan li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ konfiska adottati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali […]” (25).
58. Sa issa, ma jidhirx għalhekk li hemm motivi sabiex dawn ir-regoli minimi komuni dwar il-konfiska jiġu limitati għall-każijiet ta’ kriminalità organizzata (li, loġikament, ma jkunux jinkludu ir-reat ta’ sewqan taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku).
59. Id-Direttiva 2014/42 tabbanduna l-approċċ ġenerali tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 u tissostitwixxih b’lista speċifika ta’ reati, stabbilita fl-Artikolu 3 tagħha. Din hija lista ta’ reati ta’ gravità magħrufa, li ħafna minnhom huma kkaratterizzati mill-preżenza tal-element organizzattiv (kriminalità organizzata).
60. Il-lista ta’ reati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/42, li hija ta’ natura eżawrjenti (26), ma tkoprix ir-reati ta’ sewqan taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku.
61. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/42 ma eskludewx id-Deċiżjoni Qafas 2005/212 mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (27). Fil-fatt, fid-dawl tal-kuntest li fih din ġiet adottata, id-Direttiva 2014/42 għandha tinftiehem bħala li hija intiża li testendi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 (28).
62. Il-kriterju li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 (mhux limitat biss għar-reati mwettqa minn organizzazzjonijiet kriminali, iżda għal kull reat punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ iktar minn sena) ġie adottat minn strumenti sussegwenti ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ konfiska.
63. Għalhekk, ir-Regolament 2018/1805, skont il-premessa 14 tiegħu, “[j]enħtieġ li […] ikopri ordnijiet ta’ […] u ordnijiet ta’ konfiska relatati ma’ reati kriminali koperti mid-Direttiva 2014/42/UE, kif ukoll […] ordnijiet ta’ konfiska relatati ma’ reati kriminali oħra […]”(korsiv miżjud minni).
64. Għalhekk huwa loġiku li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 fir-rigward ta’ fatti li ma kinux neċessarjament relatati ma’ attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet kriminali. Il-fattur għall-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 kien, strettament, dak tat-tul tal-piena li ċċaħħad il-libertà indikata għar-reat (29).
65. Inqis li ma hemmx motivi sabiex wieħed jitbiegħed minn din il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont din id-dispożizzjoni, il-konfiska li tkun tirriżulta mis-sewqan ta’ vettura bil-mutur taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku taqa’ taħt l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, jekk il-piena li ċċaħħad il-libertà imposta fir-rigward ta’ dan ir-reat tkun ta’ iktar minn sena.
66. L-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 għandha, barra minn hekk, konsegwenzi favorevoli f’dak li jirrigwarda l-garanziji proċedurali tal-persuni suġġetti għall-konfiska tal-mezzi strumentali tar-reat. Huma preċiżament dawn il-garanziji li jiffavorixxu n-nuqqas ta’ ostakoli għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.
67. Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, f’dak li jirrigwarda l-konfiska ordnata fir-rigward ta’ xi wieħed mir-reati ddefiniti (b’mod wiesa’) fl-Artikolu 2 tiegħu, kull Stat Membru għandu jadotta: “l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-partijiet interessati milquta mill-miżuri taħt l-[Artikolu 2] jkollhom rimedji legali effikaċi sabiex jippreżervaw id-drittijiet tagħhom”. Barra minn hekk, il-garanziji msemmija fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 jibqgħu kompletament operattivi.
68. Dan il-mod ta’ kuntatt mad-dritt sekondarju tal-Unjoni jirrendi possibbli, skont l-Artikolu 51 tagħha, l-applikazzjoni tal-Karta għall-miżuri ta’ konfiska msemmija fid-Deċiżjoni Qafas 2005/212.
69. Abbażi ta’ dan il-kriterju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta għandu jiġi protett kontra l-konfiska tal-proprjetà ta’ terzi li jkunu in bona fide (30). Il-Qorti tal-Ġustizzja qrat ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta (id-dritt għal rimedju effettiv) flimkien mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 (31).
70. Mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-konfiska fl-Istati Membri li manifestament ma jkunux jirrispettaw dawn id-drittijiet jistgħu jwasslu għar-rifjut tar-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, liema rikonoxximent ikun ostakolat (32).
71. Dawn l-aħħar riflessjonijiet jippermettu li tingħata risposta għall-parti tal-ewwel domanda preliminari li fiha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Karta (b’mod ġenerali, mingħajr ma tispeċifika liema wieħed mill-artikoli tagħha) hijiex applikabbli.
72. Barra minn hekk, inqis li ma huwiex neċessarju li tiġi analizzata l-influwenza, li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju, li d-Direttiva 2024/1260 jista’ jkollha fuq it-tilwima peress li, hekk kif diġà indikajt, din hija inapplikabbli ratione temporis għall-fatti ta’ dan il-każ.
73. Kieku kellha titwettaq din l-analiżi, ikollu jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2024/1260 tinfluwenzax retroattivament l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, li għaliha ma narax raġunijiet suffiċjenti.
74. Il-problema, li l-Qorti tal-Ġustizzja probabbilment ser ikollha taffronta fil-futur, hija li, meta tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, id-Direttiva 2024/1260 tidher li ssegwi teknika simili għal dik użata, litteralment, mid-Direttiva 2014/42 (biss għal reati ta’ natura partikolarment gravi, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-piena imposta għal kull reat), iżda, b’differenza mid-Direttiva 2014/42 (33), din tissostitwixxi kompletament il-kontenut tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 (34).
C. It-tieni domanda preliminari
75. Għalkemm id-deċiżjoni tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, id-definizzjoni ta’ “mezzi strumentali” inkluża f’din tal-aħħar kienet ġiet issostitwita, fid-data tal-fatti, b’dik li tinsab fid-Direttiva 2014/42.
76. It-tieni domanda preliminari għandha għalhekk tiġi rriformulata b’mod li jiġi eżaminat jekk vettura bil-mutur misjuqa taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku taqax taħt id-definizzjoni ta’ “mezzi strumentali” li tinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42 (“kwalunkwe proprjetà użata jew maħsuba biex tintuża, bi kwalunkwe mod, kompletament jew parzjalment, biex jitwettaq reat kriminali jew biex jitwettqu reati kriminali”) (35).
77. Naqbel mal-Kummissjoni meta ssostni li l-kunċett ta’ “mezzi strumentali” tad-Direttiva 2014/42 huwa wiesa’ ħafna u tenfasizza l-awtonomija kunċettwali tiegħu fi ħdan id-dritt tal-Unjoni (36).
78. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li vettura bil-mutur tista’ tiġi kklassifikata bħala mezz strumentali (li jista’ jiġi kkonfiskat) għat-twettiq ta’ reat kriminali li jikkostitwixxi evażjoni tat-taxxa (37). Din l-istess klassifikazzjoni tista’ tiġi applikata fil-każijiet ta’ sewqan taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku?
79. Il-mezz speċifiku użat għat-trasport ta’ merkanzija ta’ kuntrabandu, għat-traffikar ta’ drogi jew għal kwalunkwe moviment illegali ieħor ta’ oġġetti għandu jkun mezz strumentali inkwantu dan ikun użat “bi kwalunkwe mod” sabiex jitwettqu dawn ir-reati. Huwa irrilevanti jekk din tkunx vettura bil-mutur jew mezz ieħor ta’ trasport.
80. Għall-kuntrarju, għat-twettiq ta’ reat kriminali li jikkonsisti fis-sewqan ta’ vettura taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku, l-użu tal-vettura bil-mutur jikkostitwixxi element indispensabbli tar-reat kriminali nnifsu.
81. Il-vettura bil-mutur titlef in-natura tagħha ta’ mezz strumentali tar-reat meta din tkun integrata fid-deskrizzjoni tar-reat kriminali? Jista’ pjuttost jitqies li din il-vettura hija l-oġġett ta’ tali reat?
82. It-tweġiba li d-drittijiet tal-Istati Membri (ġeneralment permezz tal-kodiċijiet kriminali tagħhom, li jadottaw soluzzjonijiet diverġenti) (38) taw lil dawn il-mistoqsijiet ma hijiex uniformi.
83. F’xi Stati Membri, il-leġiżlazzjoni tagħhom tipprevedi li l-vettura bil-mutur għandha titqies bħala mezz strumentali tar-reat fir-reati kriminali kontra s-sigurtà fit-toroq, b’mod ġenerali jew, b’mod partikolari, fil-każ ta’ sewqan taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku jew ta’ drogi narkotiċi (39).
84. Madankollu, Stati Membri oħra jqisu l-vettura bħala mezz strumentali fil-każijiet ta’ sewqan negliġenti, iżda jqisuha bħala l-oġġett materjali tar-reat f’dak li jirrigwarda s-sewqan taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku jew ta’ drogi narkotiċi. Fl-istess sens, għal dan l-aħħar tip ta’ reat, ċerti leġiżlazzjonijiet iqisu l-vettura misjuqa bħala l-oġġett indispensabbli għat-twettiq tar-reat (40).
85. Fil-fehma tiegħi, id-definizzjoni wiesgħa ta’ mezzi strumentali użata fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42 ma tipprekludix li l-leġiżlatur nazzjonali jikklassifika bħala tali l-vettura li persuna ssuq taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku.
86. Jekk vettura bil-mutur tista’ titqies bħala mezz strumentali inkwantu element mhux essenzjali ta’ reat kriminali, ma narax għaliex, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, din ma għandhiex tkun mezz strumentali meta din tkun fattur prinċipali għat-twettiq tiegħu.
87. Din id-deċiżjoni tal-leġiżlatur nazzjonali tista’ tirrifletti kunsiderazzjonijiet ta’ politika kriminali li mhux neċessarjament għandhom ikunu kondiviżi mill-Istati Membri kollha. Tkun kwistjoni differenti kieku leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru wieħed, b’mod partikolari, kellha tmur lil hinn mil-limiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-konfiska imperattiva tal-vettura, kwistjoni li tikkostitwixxi s-suġġett ta’ domanda preliminari oħra.
V. Konklużjoni
88. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari tar-Rayonen sad — Veliki Preslav (il-Qorti Distrettwali ta’ Veliki Preslav, il-Bulgarija)) tkun:
“Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità, u d-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 huwa applikabbli għall-konfiska ta’ vettura bil-mutur misjuqa taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku jew ta’ drogi narkotiċi meta dan l-aġir jikkostitwixxi reat kriminali punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ iktar minn sena.
– bl-istess mod, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija applikabbli għall-konfiska.
– xejn ma jipprekludi li vettura bil-mutur tista’ tiġi kklassifikata bħala mezz strumentali, fis-sens punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42, għat-twettiq ta’ reat kriminali li jikkonsisti fis-sewqan taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku”.
1 Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
2 Direttiva (UE) 2024/1260 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ April 2024 dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi (ĠU L, 2024/1260).
3 Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU 2006, L 159M, p. 223).
4 Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU 2014, L 138, p. 114).
5 L-Artikolu 343b tal-Kodiċi Kriminali Bulgaru jiddefinixxi r-reat ta’ sewqan taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku abbażi ta’ livell ta’ alkoħol fid-demm ta’ iktar minn 1.2 għal kull 1000. Il-livell ammissibbli jonqos għal 0.5 għal kull 1000 jekk is-sewwieq ikun reċidiv.
6 Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax liema qorti tat din is-sentenza.
7 Waqt is-seduta, il-Gvern Bulgaru sostna li emenda leġiżlattiva sussegwenti issa tirrendi tali intervent possibbli.
8 Hekk kif spjega l-Gvern Bulgaru waqt is-seduta, il-miżura kawtelatorja tirrigwarda l-immobilizzazzjoni u d-depożitu tal-vettura sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni definittiva ta’ konfiska. Sabiex tiġi eżegwita din id-deċiżjoni, il-vettura tiġi rkantata pubblikament u l-ammont tal-bejgħ jinqasam bejn l-Istat Bulgaru u l-proprjetarju mhux involut fil-fatti kriminali.
9 Skont il-Kummissjoni (il-punt 6 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha), il-verżjoni l-ġdida, tal‑2023, tal-Artikolu 343b(5) tal-Kodiċi Kriminali kienet is-suġġett ta’ żewġ rikorsi għal konstatazzjoni ta’ antikostituzzjonalità quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Waqt is-seduta, il-Gvern Bulgaru indika li, fis‑17 ta’ Lulju 2025, kienet ingħatat sentenza (Nru 8/2025) li fiha ġie deċiż li d-dispożizzjoni legali kienet konformi mal-Kostituzzjoni Bulgara.
10 Waqt is-seduta, meta ġie mistoqsi dwar jekk, fis-sistema kriminali tiegħu, l-applikazzjoni tal-konfiska għar-reat ta’ sewqan taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku kinitx awtomatika, il-Gvern Bulgaru wieġeb fl-affermattiv. Huwa żied li n-natura awtomatika tirrifletti l-evalwazzjoni minn qabel imwettqa mil-leġiżlatur, meta huwa impona l-konfiska fil-każijiet kollha, fid-dawl tar-riskju maħluq. Il-qrati kriminali jistgħu jiddeterminaw jekk ir-reat ikunx twettaq jew le, iżda, fl-ewwel każ, il-konfiska għandha neċessarjament tiġi ordnata.
11 Il-punt 9 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
12 L-obbligu ta’ notifika lill-Kummissjoni jirriżulta mill-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2024/1260. Il-Gvern Bulgaru, li ma kienx ippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub, ma kkontradixxix lill-Kummissjoni waqt is-seduta. Għaldaqstant, għandu jiġi preżunt li ma kienx hemm traspożizzjoni.
13 Sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, VIPA (C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
14 Fuq dan il-punt huwa qabel mal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Pollakk.
15 Kif ġie enfasizzat waqt is-seduta, l-għażla tal-punt (ċ) hija intenzjonali. Kieku l-intenzjoni kienet li d-Deċiżjoni Qafas 2005/212 tiġi ristretta għar-regoli minimi għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, kien jintuża l-Artikolu 31(1)(e) UE.
16 Waqt is-seduta kien hemm ċertu diskussjoni dwar il-grad ta’ “neċessità” tat-titjib tal-kompatibbiltà bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Fil-fehma tiegħi, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jevalwa meta din in-neċessità sseħħ, hekk kif huwa għamel fid-Deċiżjoni Qafas 2005/212.
17 ĠU 2008, C 115, p. 322.
18 Sentenza tas‑16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/13, EU:C:2015:224, punt 44). Fir-rigward tal-pożizzjonijiet komuni, “il-fatt li t-Trattat UE ma għadux jipprovdi għall-adozzjoni ta’ pożizzjonijiet komuni, imma ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-PESK ma għandux l-effett li jirrendi ineżistenti l-pożizzjonijiet komuni adottati taħt it-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel it-Trattat ta’ Lisbona, għaliex kieku dan kien il-każ l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) jitneħħielu ħafna mill-effettività tiegħu. […] F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li l-kuntest ġuridiku ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ atti legali ma huwiex identiku, il-pożizzjonijiet komuni li ma ġewx irrevokati, annullati jew emendati wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona jistgħu jitqiesu li jikkorrispondu, għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 215 TFUE, mad-deċiżjonijiet adottati b’mod konformi mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE li jirreferi għalihom l-imsemmi artikolu” (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472), punti 109 u 110).
19 Sentenza tas‑16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/13, EU:C:2015:212, punt 35).
20 Is-sopravivenza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 ġiet evalwata fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ta’ wara Lisbona, fil-kuntest tat-Trattat FUE.
21 Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ordnijiet ta’ konfiska (ĠU 2018, L 303, p. 1).
22 Premessa 14 tad-Direttiva 2018/1805. ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punti 32 sa 37).
23 Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001 (C‑234/18, EU:C:2020:221, punti 52 u 53). Iktar ’il quddiem is-“sentenza Agro In 2001”.
24 Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas‑6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska (ĠU 2010, L 239M, p. 340). Fil-punt 55 tas-sentenza Agro In 2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “id-Deċiżjoni Kwadru 2005/212 hija assoċjata ma’ proposta tar-Renju tad-Danimarka li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru [2006/783]. Kif tindika l-premessa 8 ta’ din l-aħħar deċiżjoni kwadru, l-għan tagħha huwa li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku u tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ konfiska ta’ assi b’tali mod li Stat Membru jkun obbligat jirrikonoxxi u jeżegwixxi fit-territorju tiegħu id-deċiżjonijiet ta’ konfiska mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor kompetenti f’materji kriminali”.
25 Sentenza Agro In 2001, punt 56.
26 Sentenza Agro In 2001, punt 47.
27 Sentenza Agro In 2001, punt 48: “mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/42 jirriżulta li din id-direttiva tissostitwixxi biss l-ewwel erba’ inċiżi tal-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212 għall-Istati Membri marbuta bid-direttiva, liema fatt għandu bħala konsegwenza, hekk kif indikat l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 48 u 49 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-Artikoli 2, 4 u 5 tal-imsemmija Deċiżjoni Kwadru jinżammu fis-seħħ wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/42”.
28 Sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo (C‑319/19, EU:C:2021:883, punt 36): “[…], fid-dawl tal-għanijiet u tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/42 kif ukoll tal-kuntest li fih din ġiet adottata, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din id-direttiva, bħad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 li hija intiża, konformement mal-premessa 9 tagħha, li testendi d-dispożizzjonijiet tagħha, hija att intiż li jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu regoli minimi komuni ta’ ċaħda tal-mezzi u tar-rikavat fir-rigward ta’ reati kriminali, bil-għan, b’mod partikolari, li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ ċaħda adottati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali”. Ara, ukoll, is-sentenzi Agro In 2001, punt 56, u tal‑14 ta’ Jannar 2021, Okrazhna prokuratura — Haskovo u Apelativna prokuratura — Plovdiv (C‑393/19, EU:C:2021:8, punt 36).
29 Is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Okrazhna prokuratura — Haskovo u Apelativna prokuratura — Plovdiv (C‑393/19, EU:C:2021:8), kienet tirrigwarda reat ta’ kuntrabandu aggravat, punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ bejn tliet snin u għaxar snin. Is-sentenza Agro In 2001 kienet tirrigwarda reat ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi, punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ bejn għaxar snin u għoxrin sena.
30 Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Sofiyski gradski sad (C‑722/22, EU:C:2024:80, punt 28).
31 Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Okrazhna prokuratura — Haskovo u Apelativna prokuratura —Plovdiv (C‑393/19, EU:C:2021:8, il-punt 2 tad-dispożittiv).
32 Skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament 2018/1805, “[l]-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix jew teżegwixxix ordni ta’ konfiska biss fejn: […] (h) f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen, fuq il-bażi ta’ evidenza oġġettiva u speċifika, li l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ konfiska, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, tkun tinvolvi ksur manifest ta’ dritt fundamentali rilevanti kif stabbiliti fil-Karta, b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv, id-dritt għal proċess ġust jew id-dritt għal difiża”. Korsiv miżjud minni.
33 Inqis li d-Direttiva 2014/42, billi żammet fis-seħħ l-applikazzjoni tal-Artikoli 2, 4 u 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, bil-garanziji marbuta magħhom, osservat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.
34 Skont il-premessa 62 tad-Direttiva 2024/1260, “[p]eress li din id-Direttiva tipprevedi sett komprensiv ta’ regoli, li jikkoinċidu ma’ strumenti legali diġà eżistenti, jenħtieġ li din tissostitwixxi […] id-Deċiżjoni Kwadru 2005/212/ĠAI”. Is-sostituzzjoni sħiħa tal-kontenut tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 permezz tad-Direttiva 2024/1260 tqajjem numru ta’ mistoqsijiet dwar l-applikazzjoni tal-istrumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali f’dan il-qasam, peress li din tħalli ċerti lakuni fis-sistema attwalment fis-seħħ.
35 Skont l-informazzjoni disponibbli, hemm Stati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom tipprevedi li s-sewqan taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku jew ta’ sustanzi narkotiċi jwassal għall-konfiska tal-vettura (il-Belġju, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja jew is-Slovakkja). F’oħrajn, il-konfiska tirriżulta, pjuttost, minn kostruzzjoni ġurisprudenzjali (l-Ungerija, il-Portugall jew ir-Rumanija).
36 Il-punti 13 u 14 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.
37 Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Sofiyski gradski sad (C‑722/22, EU:C:2024:80, punt 22): “meta vettura tintuża, ‘bi kwalunkwe mod’, sabiex jitwettaq [...] reat kriminali [ta’ evażjoni tat-taxxa], din il-vettura taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘strument’, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, mingħajr ma hemm lok li ssir distinzjoni skont jekk l-imsemmija vettura hijiex użata bħala mezz ta’ trasport jew bħala mezz ta’ żamma jew ta’ ħażna tar-rikavat li huwa s-suġġett tar-reat kriminali kkonċernat”. Ir-reat kien jippenalizza lid-detenturi ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa mingħajr siġill tad-dazju.
38 Xi Stati Membri jirrestrinġu l-miżura ta’ konfiska għall-każijiet ta’ sewqan negliġenti, ta’ sewqan ripetut mingħajr liċenzja jew, ukoll, ta’ sewqan ripetut taħt l-influwenza ta’ xorb alkoħoliku jew ta’ sustanzi narkotiċi. Oħrajn iħallu lill-qorti tiddeċiedi, mingħajr awtomatiżmu u abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ad casum, il-kundizzjonijiet li taħthom il-vettura għandha tiġi kkonfiskata. Fl-aħħar nett, oħrajn jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tar-reat imwettaq jew il-perikolu li, b’mod konkret, ir-reat ikkawża lill-persuni.
39 Skont l-informazzjoni disponibbli, dan jidher li huwa l-każ fil-Belġju, fi Spanja, fi Franza, fil-Kroazja, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fir-Rumanija jew fis-Slovakkja.
40 Mill-informazzjoni disponibbli, dan jidher li huwa l-każ fil-Latvja, fl-Ungerija, fil-Polonja jew fil-Portugall.