This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62024CC0524
Opinion of Advocate General Campos Sánchez-Bordona delivered on 16 July 2026.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2026.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2026.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2026:606
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
M. CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2026 (1)
Kawża C-524/24
Ir-Repubblika Taljana
vs
Ir-Repubblika tal-Awstrija
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 259 TFUE — Moviment liberu tal-merkanzija — Trasport imwettaq minn vetturi tqal tal-merkanzija b’massa massima awtorizzata ta’ iktar minn 7.5 tunnellati — Projbizzjoni ta’ traffiku matul il-ħinijiet ta’ billejl — Projbizzjoni settorjali ta’ traffiku — Projbizzjoni ta’ traffiku fix-xitwa — Sistema ta’ dożaġġ tat-traffiku — Protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent — Sigurtà fit-toroq — Prinċipju ta’ proporzjonalità”
1. Ir-Repubblika Taljana tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 259 TFUE, għaliex tqis li r-Repubblika tal-Awstrija, billi adottat ċerti miżuri li jillimitaw it-traffiku ta’ vetturi tqal għat-trasport tal-merkanzija fuq l-awtostradi A12 u A13, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-Trattati (2).
2. B’mod partikolari, ir-Repubblika Taljana għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mal-Artikoli 34 u 35 TFUE ta’: 1) projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl; (2) projbizzjoni settorjali ta’ traffiku; (3) projbizzjoni ta’ traffiku fix-xitwa; u (4) sistema ta’ dożaġġ ta’ aċċess għall-awtostrada A12.
3. In-nuqqas ta’qbil bejn dawn iż-żewġ Stati Membri fir-rigward tal-moviment tal-merkanzija fuq l-awtostradi A12 u A13 ma huwiex xi ħaġa ġdida. Fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tat żewġ sentenzi (fl‑2005 u fl‑2011) (3) li fihom hija ddeċidiet li r-Repubblika tal-Awstrija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawk li dak iż-żmien kienu l-Artikoli 28 KE u 29 KE billi adottat diversi projbizzjonijiet settorjali tat-traffiku li jirrestrinġu t-traffiku ta’ vetturi tqal tal-merkanzija fuq dan l-assi awtostradali.
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
4. Fl-Awstrija, l-awtostrada tal-wied ta’ Inn (A12) testendi tul it-Tirol, minn Kufstein, fil-fruntiera tat-Tramuntana mal-Ġermanja, sa Zams, fil-Punent tal-pajjiż. Qrib Innsbruck din tingħaqad mal-awtostrada ta’ Brennero (A13) li tkompli, fid-direzzjoni tan-Nofsinhar, sal-fruntiera mal-Italja.
5. L-assi awtostradali li jirriżulta mill-intersezzjoni ta’ dawn l-awtostradi jikkostitwixxi arterja fundamentali tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew u jippermetti l-konnessjoni bit-triq mill-Italja għall-Ġermanja u, mill-Ġermanja, għall-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa tat-Tramuntana (4).
6. Sabiex taffronta ż-żieda fil-flussi tat-traffiku li jaffettwaw dawn l-assi awtostradali, u wara l-finalizzazzjoni tas-sistema Ewropea tal-ekopunti (5) fl‑2003, ir-Repubblika tal-Awstrija bdiet politika ta’ regolamentazzjoni tat-tranżitu transalpin vetturi tqal tal-merkanzija, intiża għat-trażżin tal-emissjonijiet li jniġġsu fil-kuritur ta’ Brennero u fl-ambjent tagħha.
7. Fis-sentenzi Brennero I u Brennero II, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat il-projbizzjonijiet settorjali li kienu qegħdin jaffettwaw it-trasport bit-triq ta’ ċerta merkanzija (6) fuq medda tal-awtostrada A12. Permezz ta’ dawn il-projbizzjonijiet ir-Repubblika tal-Awstrija kellha l-intenzjoni li tiddevja parti mit-trasport ta’ merkanzija lejn rotot alternattivi jew lejn il-ferrovija.
8. Fiż-żewġ każijiet, il-miżuri inkwistjoni ġew iddikjarati inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
9. Wara d-dħul fis-seħħ (fl‑2010) tad-Direttiva 2008/50/KE (7), fiż-żona ta’ Tirol kien hemm qbiż sistematiku tal-valur ta’ limitu medju annwali għall-NO2 ta’ 40 μg/m³ stabbilit minn din id-Direttiva. Dan il-fattur wassal sabiex fl‑2016 il-Kummissjoni fetħet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika tal-Awstrija (8).
10. Matul dan l-istess perijodu, ir-Repubblika tal-Awstrija adottat miżuri ta’ traffiku intiżi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ NO2 għal-livelli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. Għal dan l-għan, hija tat sens iktar strett lil projbizzjonijiet li diġà kienu jeżistu u introduċiet oħrajn.
11. Ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jifforma parti minn dan il-kuntest. Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-effett restrittiv tal-miżuri li hija tikkontesta, l-istess bħall-proporzjonalità tagħhom, ma għandhomx jiġu evalwati biss fid-dawl tal-effetti ta’ kull waħda minnhom, iżda wkoll, fuq kollox, fid-dawl tal-effett globali tagħhom.
12. Ser nindirizza separatament id-deskrizzjoni ta’ kull miżura u t-trattament legali tagħha, bla ħsara għall-analiżi tal-effett globali tagħhom. Dan l-approċċ, li ma jistax jiġi evitat, ser iwassal sabiex il-konklużjonijiet tiegħi jkunu itwal mis-soltu.
II. Miżuri li huma s-suġġett tat-tilwima
A. Projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl
13. Il-“projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl” (9) tipprekludi lil vetturi b’massa massima awtorizzata ta’ iktar minn 7.5 tunnellati (10) milli jiċċirkulaw matul il-lejl fuq medda ta’ 84 kilometru tal-awtostrada A12 (11).
14. Il-projbizzjoni tapplika matul is-sena kollha, iżda tvarja skont is-semestru u skont il-ġurnata (tax-xogħol jew mhux tax-xogħol):
– Matul is-semestru tas-sajf (mill‑1 ta’ Mejju sal‑31 ta’ Ottubru), din il-projbizzjoni tapplika għal ġranet ta’ xogħol bejn l-għaxra ta’ billejl u l-ħamsa ta’ filgħodu.
– Matul is-semestru tax-xitwa (mill‑1 ta’ Novembru sat‑30 ta’ April), din il-projbizzjoni tapplika għal ġranet ta’ xogħol bejn it-tmienja ta’ billejl u l-ħamsa ta’ filgħodu.
– Il-Ħdud u l-ġranet l-oħra mhux tax-xogħol, din il-projbizzjoni tapplika b’mod kostanti matul is-sena kollha bejn il-ħdax ta’ billejl u l-ħamsa ta’ filgħodu.
15. Skont ir-rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl ipprovdut mir-Repubblika tal-Awstrija (12), din il-miżura għandha l-għan li “tisposta temporanjament l-emmissjonijiet ta’ NOx minn billejl għal binhar” (13). Din hija bbażata fuq il-fatt li “l-emissjonijiet ta’ NOx iġġenerati billejl jikkawżaw livelli kunsiderevolment ogħla ta’ NO2 fl-arja milli dawk iġġenerati matul il-jum, minħabba l-kundizzjonijiet ta’ dispersjoni atmosferika inqas favorevoli” (14).
16. Il-miżura daħlet fis-seħħ fl‑2002, iżda ġiet emendata fl‑2021 permezz tat-tneħħija ta’ eżenzjoni favorevoli għall-vetturi fil-Klassi Euro VI (15). Għalhekk, b’effett mill‑2021, din il-miżura tinvolvi, matul il-ħinijiet ta’ applikazzjoni tagħha, projbizzjoni ġenerali ta’ traffiku: din tikkonċerna l-vetturi tqal tal-merkanzija kollha, inklużi dawk li jissodisfaw l-istandard Euro VI (iktar strett fil-qasam tal-emissjonijiet) (16).
17. Madankollu, ir-Regolament dwar il-projbizzjoni ta’ billejl jipprevedi ċerti eċċezzjonijiet favorevoli għall-provvista ta’ servizzi essenzjali (17) u għat-trażbord bil-ferrovija jew relatati mat-tipoloġija tal-merkanzija ttrasportata (annimali ħajjin, prodotti tal-ikel li jitħassru malajr u l-gazzetti).
18. Ġiet stabbilita wkoll eċċezzjoni favur it-traffiku lokali u reġjonali, imfassla b’mod simili għal dik li kienet is-suġġett tas-sentenza Brennero II. (18) L-eċċezzjoni hija limitata għall-vetturi tqal tal-merkanzija fil-Klassi Euro VI, bil-kundizzjoni li: a) mill-inqas, il-parti l-kbira tal-merkanzija ttrasportata tgħabbiet jew inħattet fiż-“żona prinċipali”; (19)jew b) minn tal-inqas, il-parti l-kbira tal-merkanzija ttrasportata tgħabbiet jew inħattet fiż-“żona estiża” (20).
19. Ir-Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl jindika li din l-eżenzjoni “issa hija (21)neċessarja biex tiġi evitata ħsara sproporzjonata [...] lil żoni partikolarment affettwati mill-projbizzjoni ta’ traffiku [...]”. (22)
20. Skont l-istudji pprovduti mir-Repubblika tal-Awstrija, din il-miżura, fil-konfigurazzjoni attwali tagħha, tippermetti li jintlaħaq tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ NO2 ta’ madwar 3.0 μg/m³ matul il-perijodu tax-xitwa u ta’ 1.5 μg/m³ matul ix-xhur tas-sajf.
B. Il-Projbizzjoni settorjali ta’ traffiku
21. Il-“projbizzjoni settorjali ta’ traffiku” (23) tipprekludi lill-vetturi tqal tal-merkanzija milli jittrasportaw ċerta merkanzija (24) fuq medda ta’ madwar 65 kilometru tal-awtostrada A12. (25) Din il-projbizzjoni tapplika matul l‑24 siegħa tal-ġurnata fir-rigward ta’ din il-merkanzija, li l-għażla tagħha ssir skont il-kapaċità ogħla tagħha sabiex tiġi ttrasportata bil-ferrovija (26).
22. Din il-miżura hija bbażata fuq il-premessa li “tnaqqis fil-volum totali tat-traffiku fit-triq [huwa neċessarju] biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni dwar il-kwalità tal-arja […]”. Din għandha għan doppju: a) li l-ivvjaġġar ta’ vetturi tqal tal-merkanzija jiġi evitat jew limitat fuq l-awtostrada ta’ Brennero meta jkun hemm itinerarju alternattiv iqsar (27); u b) it-tħeġġiġ ta’ bidla lejn il-metodu ta’ trasport tal-merkanzija bil-ferrovija.
23. Il-projbizzjoni ma tapplikax:
– għat-trasporti b’vetturi Euro VI li jgħabbu jew iħottu minn tal-inqas il-parti l-kbira tal-merkanzija ttrasportata fiż-“żona prinċipali” jew li jgħabbu jew iħottu minn tal-inqas il-parti l-kbira tal-merkanzija ttrasportata fiż-“żona estiża” (28). Din l-eżenzjoni hija ġustifikata għaliex l-użu tat-trasport bil-ferrovija għal dan it-tipi ta’ traffiku la jikkostitwixxi alternattiva effiċjenti mill-perspettiva ambjentali u lanqas ma jikkostitwixxi alternattiva kosteffettiva (29).
– It-trasport b’vetturi Euro VI, bil-kundizzjoni li dawn ikunu ġew irreġistrati għall-ewwel darba wara l‑31 ta’ Awwissu 2018 (30). Din l-eċċezzjoni (iktar ’il quddiem ir-“regola dwar id-data ta’ reġistrazzjoni”) ilha tapplika mill‑2020 (31). Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, l-għażla ta’ data ta’ reġistrazzjoni hija marbuta mar-rieda li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni jiġi limitat għall-vetturi li għandhom l-iktar teknoloġija Euro VI reċenti (32) u li jiġi evitat li din l-eċċezzjoni tkopri wkoll vetturi iktar antiki u b’iktar kilometri, li jniġġsu iktar (33).
24. Ma kienx hemm diskussjonijiet fir-rigward ta’ eċċezzjonijiet oħra għal din il-projbizzjoni (34).
C. Il-projbizzjoni ta’ traffiku fix-xitwa
25. Din hija projbizzjoni introdotta għall-ewwel darba għat-traffiku ta’ vetturi tqal tal-merkanzija għall-ġranet tas-Sibt tax-xitwa 2023 (35), li reġgħet ġiet applikata għall-ġranet tas-Sibt tax-xitwa 2024. (36)
26. Il-projbizzjoni tat-traffiku kienet testendi għall-awtostradi A12 u A13 (37) għall-vetturi tqal tal-merkanzija b’destinazzjoni lejn l-Italja, lejn il-Ġermanja jew lejn pajjiżi oħra aċċessibbli permezz ta’ dawn l-Istati. Din ġiet applikata għall-ġranet kollha tas-Sibt tax-xitwa 2023, mix-xahar ta’ Jannar sal-bidu tax-xahar ta’ Marzu (38), mis-sebgħa ta’ filgħodu sat-tlieta ta’ filgħaxija.
27. Din il-miżura kellha l-għan li tiżgura s-sigurtà fit-toroq billi tevita l-konġestjonijiet li jirriżultaw mill-kompetizzjoni bejn it-traffiku tal-istaġun turistiku u t-trasport tal-merkanzija. Hija kienet intiża li tiżgura l-fluwidità tat-traffiku, li tippreżerva aċċess għaż-żoni l-iktar milquta mis-saturazzjoni u l-funzjonament tajjeb tal-assi awtostradali A12 — A13.
28. Il-projbizzjoni ma kinitx tapplika għat-trasport ta’ ċerta merkanzija (39), kif ukoll għall-vjaġġi lejn jew minn terminals intermodali bit-triq u bil-ferrovija u lejn jew minn ajruporti.
D. Is-sistema ta’ dożaġġ
29. Id-dożaġġ tat-traffiku fuq l-assi awtostradali inkwistjoni ġie introdott fl‑2018. Il-bażi legali tagħha hija l-iStraßenverkehrsordnung (il-Kodiċi tat-Triq) (40), li l-Artikolu 97(4) tiegħu jipprovdi:
“L-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà fit-toroq u l-korpi kompetenti msemmija fil-paragrafu 3 huma awtorizzati, fejn dan ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ sigurtà, ta’ fluwidità u ta’ faċilità tat-traffiku jew għall-ordni tat-traffiku f’każ ta’ ostaklu, jagħtu istruzzjonijiet individwali u speċifiċi lid-diversi utenti tat-triq pubblika dwar l-użu tagħha, inklużi istruzzjonijiet li jvarjaw minn dispożizzjonijiet oħra applikabbli […]”.
30. Il-karatteristiċi tad-dożaġġ huma s-suġġett ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fil-kawża:
– Skont ir-Repubblika Taljana, id-dożaġġ jillimita għal tlett mitt vettura fis-siegħa n-numru ta’ vetturi awtorizzati li jgħaddu lejn Innsbruck fuq l-A12, mill-punt ta’ qsim ta’ Kufstein.
– Skont ir-Repubblika tal-Awstrija ma jeżistix numru massimu ta’ vetturi awtorizzati, iżda biss limitu ta’ veloċità flessibbli (41).
31. Il-miżura tiġi attivata biss f’dawk il-ġranet fejn, skont il-previżjonijiet, is-sitwazzjoni tat-traffiku ma tkunx ser tippermetti li l-volum għoli ħafna ta’ vetturi, li jirriżulta mill-konverġenza tat-trasport tal-merkanzija mal-flussi turistiċi, jiġi assorbit. Għal dan l-għan, jiġi stabbilit minn qabel kalendarju ta’ ġranet ta’ dożaġġ, iddefinit permezz ta’ proċedura ta’ selezzjoni teknika għal perijodu determinat. Il-kalendarju jiġi kkomunikat diversi xhur bil-quddiem lill-awtoritajiet kompetenti u lill-assoċjazzjonijiet professjonali nazzjonali u barranin (42).
III. Il-proċedura prekontenzjuża
32. Fl‑14 ta’ Frar 2024, ir-Repubblika Taljana ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 259 TFUE. Hija sostniet li, billi adottat l-erba’ miżuri kontenzjużi, ir-Repubblika tal-Awstrija kienet kisret l-Artikoli 28(1), 34 u 35 TFUE kif ukoll l-Artikolu 4(3) TUE.
33. Fid‑19 ta’ Marzu 2024, ir-Repubblika tal-Awstrija bagħtet l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Fit‑8 ta’ April 2024, iż-żewġ Stati ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom matul seduta organizzata mill-Kummissjoni.
34. Fl‑14 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata (43), li fiha:
– Hija qieset li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 28 TFUE kien inammissibbli u ċaħdet il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) TUE.
– Hija qieset, f’dak li jirrigwarda l-ksur tal-Artikoli 34 u 35 TFUE, li l-miżuri kontenzjużi huma miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, li bħala prinċipju hija inkompatibbli mal-imsemmija artikoli.
– Hija ddikjarat li l-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl ma hijiex koerenti u hija sproporzjonata meta mqabbla mal-għan imfittex, kemm minħabba l-portata wiesgħa tal-esklużjoni tat-traffiku lokali u reġjonali kif ukoll minħabba l-insuffiċjenza ta’ provi li jiġġustifikaw li din l-eżenzjoni tinżamm matul is-sena kollha, inkluż matul il-perijodu tas-sajf.
– Hija ddikjarat li l-projbizzjoni settorjali ta’ traffiku ma hijiex koerenti, sa fejn l-eżenzjoni tal-vetturi Euro VI tistabbilixxi data minima ta’ reġistrazzjoni li tippermetti ċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi tal-kategorija C, li jniġġsu iktar, mingħajr ma tipprevedi r-rekwiżit tal-kilometraġġ.
– Hija sostniet li l-projbizzjoni ta’ traffiku fix-xitwa tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta peress li din tipproduċi restrizzjonijiet ikbar fuq l-impriżi barranin u ma hijiex oġġettivament iġġustifikata fir-rigward tal-esklużjoni tat-traffiku nazzjonali u internazzjonali ta’ vetturi tqal tal-merkanzija li għandhom l-Awstrija bħala destinazzjoni. Tali miżura ma tistax titqies li hija ġġustifikata u ma hijiex, fi kwalunkwe każ, koerenti mal-għan iddikjarat ta’ tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku.
– Fl-aħħar nett, hija ddikjarat li s-sistema ta’ dożaġġ tat-traffiku hija diskriminatorja, “għaliex hija bbażata fuq distinzjoni ċara bbażata fuq l-oriġini tal-merkanzija ttrasportata” u ma tistax, bħala tali, tkun iġġustifikata. Fi kwalunkwe każ, din is-sistema la hija koerenti u lanqas ma hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata l-fluwidità tat-traffiku u ma tispjegax għaliex l-applikazzjoni tagħha hija limitata għat-trasport ta’ merkanzija li toriġina mill-Ġermanja u mhux għall-vetturi tqal tal-merkanzija li jingħaqdu mal-awtostrada A12 fl-Awstrija. Barra minn hekk, jeżistu miżuri inqas restrittivi sabiex dan l-għan jintlaħaq.
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
35. Fit‑30 ta’ Lulju 2024, ir-Repubblika Taljana ppreżentat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li permezz tiegħu hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddikjara li:
– billi adottat l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament dwar il-projbizzjoni ta’ billejl, li jipprojbixxi l-moviment transkonfinali ta’ ċerti vetturi tqal tal-merkanzija f’ċerti sigħat ta’ billejl fuq medda tal-awtostrada A12, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 34 u 35 TFUE;
– billi adottat l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament dwar il-projbizzjoni settorjali ta’ traffiku, li jipprojbixxi t-trasport ta’ ċerta merkanzija fuq medda tal-awtostrada A12, anki minħabba l-fatt li l-vetturi Euro VI rreġistrati għall-ewwel darba wara l‑31 ta’ Awwissu 2018 huma eżentati mill-projbizzjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 34 u 35 TFUE;
– billi adottat il-Kalendarju tal-projbizzjoni tax-xitwa tal‑2023, li jipprojbixxi t-traffiku fuq l-awtostradi A12 u A13 għal ċerti vetturi tqal tal-merkanzija b’destinazzjoni lejn l-Italja jew il-Ġermanja, jew lejn pajjiż li biex tasal għalih trid tgħaddi mill-Italja jew mill-Ġermanja, għall-ġranet tas-Sibt kollha tax-xitwa, mis-seba’ ta’ filgħodu sat-tlieta ta’ filgħaxija, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 34 u 35 TFUE;
– billi adottat miżuri li, f’ċerti ġranet, jillimitaw għal massimu ta’ tlett mitt vettura fis-siegħa n-numru ta’ vetturi li jistgħu jingħaqdu mal-awtostrada A12 fl-akwati ta’ Kaufstein, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 34 TFUE
36. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.
37. Fil‑11 ta’ Diċembru 2024, ir-Repubblika tal-Awstrija wieġbet għat-talba billi talbet iċ-ċaħda tar-rikors u l-kundanna tar-Repubblika Taljana għall-ispejjeż. Dawn iż-żewġ noti ġew ikkompletati b’replika u b’kontroreplika.
38. Fl‑24 ta’ Novembru 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja awtorizzat lill-Kummissjoni tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana.
39. Fil‑5 ta’ Marzu 2025, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha, li fihom hija talbet li r-rikors jiġi milqugħ.
40. Ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Taljana rrispondew għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni permezz ta’ ittri tad‑29 u tat‑30 ta’ April 2025.
41. Ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni dehru fis-seduta li nżammet fil‑21 ta’ April 2026.
V. L-analiżi
A. L-ammissibbiltà
42. Ir-Repubblika tal-Awstrija teċepixxi l-inammissibbiltà tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ motiv:
– F’dak li jirrigwarda l-ewwel u r-raba’ motiv, hija ssostni li l-miżuri kkontestati (traffiku ta’ billejl u sistema ta’ dożaġġ) ma ġewx deskritti b’mod suffiċjentement ċar u eżawrjenti fir-rikors.
– F’dak li jirrigwarda t-tielet motiv (traffiku fix-xitwa), hija tqis li l-projbizzjoni ma tistax tiġi kkontestata, peress li din waqfet tipproduċi l-effetti tagħha fl-11 ta’ Marzu 2023. Konsegwentement, din ma kinitx fis-seħħ la fil-mument tal-bidu tal-fażi prekontenzjuża (fl‑14 ta’ Frar 2024) u lanqas fil-mument meta l-Kummissjoni ħarġet l-opinjoni motivata tagħha (fl‑14 ta’ Mejju 2024). Tali ċirkustanza, flimkien mal-fatt li ma kien jeżisti ebda kalendarju ta’ projbizzjoni tax-xitwa għall-istaġun 2024/2025, iċċaħħad lir-rikorrenti mill-interess ġuridiku u tirrendi r-rikors inammissibbli.
43. Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, previsti fl-Artikolu 258 TFUE, u applikabbli b’analoġija għal dawk irregolati mill-Artikolu 259 TFUE, tinsisti fuq il-fatt li r-rikors promotur għandu jindika, b’mod suffiċjentement preċiż, is-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti sabiex il-konvenut ikun jista’ jiddefendi ruħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha, wara li tkun fehmet eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni allegat (44).
44. Issa, inqis li l-ewwel u r-raba’ motiv (bla ħsara għal dak li ser ngħid dwar dan tal-aħħar iktar ’il quddiem) huma deskritti f’termini li jippermettu li l-Qorti tal-Ġustizzja u r-Repubblika tal-Awstrija jifhmu kemm in-natura tal-miżuri kkontestati kif ukoll il-fatti u l-argumenti ta’ liġi li fuqhom dawn huma bbażati.
45. L-ineżattezzi rrilevanti mir-Repubblika tal-Awstrija ma humiex tali li jipprekludu l-komprensjoni korretta tas-suġġett u tal-portata tar-rikors, kif kien effettivament il-każ hawnhekk: ir-Repubblika tal-Awstrija nnifisha identifikat il-miżuri kkontestati u żviluppat id-difiża tagħha billi enfasizzat l-aspetti tal-kuntest leġiżlattiv nazzjonali li kienu jeħtieġu kjarifika (jew rettifika), b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tagħti deċiżjoni dwar l-allegati nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu.
46. L-aspetti li, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, ma ġewx deskritti bi preċiżjoni ma jaffettwawx, nirrepeti, il-komprensibbiltà tajba tar-rikors. Għaldaqstant, dan jissodisfa l-kriterji ta’ ammissibbiltà stabbiliti mid-dispożizzjonijiet rilevanti (45).
47. L-argument dwar it-tielet motiv, dwar il-projbizzjoni ta’ traffiku fix-xitwa, għandu iktar piż.
48. Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, bħala prinċipju, li r-rikorsi ppreżentati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE huma inammissibbli meta l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jkunx għadu jeżisti fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. F’każijiet bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-effetti tal-miżura kkontestata sabiex tiddetermina jekk dawn għadhomx jeżistu fl-imsemmija data ta’ skadenza (46).
49. Fil-kuntest tal-Artikolu 258 TFUE, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha għalhekk tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru li kienet teżisti fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, bħala prinċipju, tieħu inkunsiderazzjoni l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement (47).
50. Din ir-regola għandha tiġi osservata wkoll fil-kuntest (differenti) tal-proċedura prevista fl-Artikolu 259 TFUE, bla ħsara għall-adattamenti li jirriżultaw mir-rwol differenti li l-Kummissjoni għandha fiż-żewġ proċeduri. L-Artikolu 259 TFUE ma jipprevedix li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi terminu sabiex n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa s-suġġett tar-rikors jiġi rmedjat.
51. In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat għandu għalhekk jiġi evalwat fid-dawl tas-sitwazzjoni li kienet teżisti meta l-Kummissjoni tifformula l-opinjoni motivata, wara li tkun qrat u semgħet l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tal-Istati Membri kkonċernati. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tiddeċiedi meta s-suġġett tat-tilwima jkun ġie stabbilit bi preċiżjoni (48).
52. Il-projbizzjoni ta’ traffiku fix-xitwa kkontestata ma baqgħetx tipproduċi effetti sa mil-bidu tax-xahar ta’ Marzu 2023, jiġifieri qabel ma l-Kummissjoni ġiet adita (fl‑14 ta’ Frar 2024) u qabel l-adozzjoni, minn din tal-aħħar, tal-opinjoni motivata tagħha (fl‑14 ta’ Mejju 2024). Madankollu, fl‑2024 ġiet approvata projbizzjoni essenzjalment identika li ġiet applikata sal-bidu tax-xahar ta’ Marzu 2024 u dan ittieħed inkunsiderazzjoni fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni.
53. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għal żmien qasir jew ta’ natura staġjonali huma ammissibbli (49). Il-loġika ta’ din il-ġurisprudenza jidhirli li hija ċara: minħabba t-tul tal-fażi prekontenzjuża, huwa diffiċli li jitressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dan it-tip ta’ ksur. Li kieku ma kienx possibbli li dawn jiġu kkontestati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ikun hemm riskju ta’ reċidiva (50). Huwa għalhekk li rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bħal dan għandhom jitqiesu ammissibbli, anki jekk il-projbizzjoni tat-traffiku kienet fis-seħħ biss għal perijodu limitat.
54. Naqbel mar-Repubblika Taljana u mal-Kummissjoni li l-fatt li kien hemm repetizzjoni tal-miżura jikkorrobora l-inklużjoni tagħha fil-kuntest ta’ dan ir-rikors u jikkostitwixxi indizju li jiżvela r-riskju ta’ repetizzjoni, verifikabbli fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (51).
55. Soluzzjoni li tkun tgħid mod ieħor tkun ta’ preġudizzju għall-għan tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu: din tista’ tħeġġeġ l-evitar, permezz ta’ miżuri għal żmien qasir inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tal-kontroll fdat, l-ewwel nett, lill-Kummissjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, lill-Qorti tal-Ġustizzja.
56. Kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-Repubblika tal-Awstrija, f’tali sitwazzjonijiet, ma huwiex neċessarju li l-Istat Membru li jitlob dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu juri interess ġuridiku partikolari. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Taljana għandha interess li tikseb id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-miżura inkwistjoni: dak li jiġi evitat li l-ksur allegat jirrepeti ruħu.
57. Fil-qosor, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà għandhom jiġu miċħuda.
B. Il-kunsiderazzjonijiet preliminari
1. Il-moviment liberu tal-merkanzija u standard ta’ kontroll tar-restrizzjonijiet
58. Skont l-Artikoli 34 u 35 TFUE, ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti huma pprojbiti bejn l-Istati Membri.
59. Għalkemm iż-żewġ artikoli għandhom kamp ta’ applikazzjoni ftit differenti, dawn għandhom l-istess għan u l-istess effett jiġifieri: li jipprojbixxu miżuri nazzjonali ta’ natura mhux pekunjarja li jista’ jkollhom effetti restrittivi fuq il-kummerċ intra-Komunitarju tal-merkanzija (52).
60. Il-miżuri li jostakolaw it-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru, jew dak li jgħaddi sempliċement minn dan it-territorju, għandhom jitqiesu bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, kemm fuq l-importazzjoni kif ukoll fuq l-esportazzjoni, fis-sens tal-Artikoli 34 u 35 TFUE (53).
61. B’mod ġenerali, huwa kkunsidrat li ma teżistix regola de minimis fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija. La huwa neċessarju li l-effetti restrittivi ta’ miżura nazzjonali jilħqu livell speċifiku ta’ gravità u lanqas ma huwa neċessarju li jaffettwaw parti sinjifikattiva ta’ Stat Membru (54). Anki effetti purament potenzjali fuq il-kummerċ jistgħu jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni.
62. Madankollu, il-miżuri li l-effetti tagħhom fuq il-kummerċ intra-Komunitarju huma wisq inċerti jew imbiegħda ma jistgħux jitqiesu bħala “restrizzjonijiet” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (55).
2. L-oneru tal-prova
63. Hija r-rikorrenti li għandha tistabbilixxi l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-elementi neċessarji sabiex din tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tiegħu, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni (56).
64. Meta r-rikorrenti tkun ipproduċiet provi suffiċjenti sabiex turi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa l-Istat Membru konvenut li għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u ddettaljat il-provi hekk ippreżentati u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom (57).
65. Fir-rigward tal-possibbiltà li l-miżuri nazzjonali jmorru kontra r-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu, inklużi l-Artikoli 34 u 35 TFUE, huwa r-rikorrent li għandu jipprova li dawn jostakolaw il-libertajiet inkwistjoni (58). L-Istat Membru konvenut jista’ juri li r-restrizzjoni hija ġġustifikata (59).
66. Il-ġustifikazzjonijiet li Stat Membru jista’ jinvoka għandhom ikunu akkumpanjati minn provi xierqa jew minn analiżi tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva, kif ukoll minn elementi preċiżi li jippermettu li tiġi ssostanzjata l-argumentazzjoni tiegħu (60).
3. Effett restrittiv u ġustifikazzjoni tal-miżuri: sentenzi Brennero I u Brennero II
67. Ħlief f’dak li jirrigwarda d-dożaġġ, li jeħtieġ trattament parzjalment differenzjat, il-miżuri l-oħra kkontestati f’din il-kawża jipprevedu, essenzjalment, projbizzjoni radikali (61) ta’ traffiku ta’ vetturi tqal tal-merkanzija, fuq it-totalità jew fuq ċerti meded tal-awtostradi A12 u A13.
68. Ir-Repubblika tal-Awstrija ma tikkontestax l-effett restrittiv li l-projbizzjonijiet fuq it-traffiku matul il-lejl, settorjali u tax-xitwa għandhom fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. (62) Min-naħa l-oħra, hija ssostni li dawn huma ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent, tas-saħħa tal-bniedem jew tas-sigurtà fit-toroq.
69. Dan l-approċċ ma huwiex sorprendenti, fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet li ġejjin tas-sentenzi Brennero I u Brennero II:
– Anki jekk Stat Membru jallega li implimenta miżura ta’ traffiku sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligu li josserva l-valur limitu annwali tal-konċentrazzjonijiet ta’ NO2 fl-arja, stabbilit mid-dritt sekondarju tal-Unjoni, dan l-Istat huwa obbligat jadotta, għal dan l-għan, miżuri xierqa u koerenti, billi jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-mument u tal-interessi kunfliġġenti inkwistjoni. Għalkemm huwa għandu setgħa ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward, xorta jibqa’ l-fatt li huwa għandu jeżerċitaha b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, inkluż tal-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-merkanzija (63).
– Miżura li tipprojbixxi t-traffiku fuq medda tal-awtostrada A12 għall-vetturi tqal tal-merkanzija li jittrasportaw ċerta merkanzija (u li tipprekludi, għal din ir-raġuni, l-użu ta’ metodu ta’ trasport ta’ dawn il-prodotti fuq din ir-rotta ta’ tranżitu transalpin) tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija, irrispettivament mill-eżistenza eventwali ta’ itinerarji alternattivi jew mezzi oħra ta’ trasport li jippermettu li l-merkanzija kkonċernata tiġi ttrasportata.
– F’dawn iċ-ċirkustanzi, projbizzjoni ta’ traffiku għandha titqies bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, li bħala prinċipju hija inkompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 34 u 35 TFUE, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (64).
– “miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw il-kummerċ intra‑Komunitarju jistgħu jiġu ġġustifikati minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu [36 TFUE], bħall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, jew minn wieħed mir-rekwiżiti imperattivi intiżi, fost oħrajn, għall-protezzjoni tal-ambjent, sakemm [...] jkunu proporzjonati mal-għan imfittex” (65).
70. L-iktar ġurisprudenza bikrija tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-ġustifikazzjoni bbażata fuq raġunijiet ta’ interess ġenerali espressament previsti fl-Artikolu 36 TFUE u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet imperattivi “mhux miktuba” ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza Cassis de Dijon (66).
71. Minn din il-perspettiva, in-natura potenzjalment diskriminatorja tar-restrizzjoni kontenzjuża tikseb importanza partikolari. Miżura li tinvolvi diskriminazzjoni indiretta tista’ tkun iġġustifikata biss (jekk tkun neċessarja u proporzjonali għall-għan imfittex) abbażi ta’ xi wieħed mill-interessi msemmija espliċitament fl-attwali Artikolu 36 TFUE. Għal din ir-raġuni ma kienx possibbli li jiġu invokati, fir-rigward ta’ dawn l-effetti, raġunijiet imperattivi oħra ta’ interess ġenerali “mhux miktuba”, irrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (67).
72. Issa, tnejn mill-miżuri kkontestati mir-Repubblika Taljana fil-kuntest ta’ dan ir-rikors (il-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl u l-projbizzjoni settorjali ta’ traffiku) huma ġġustifikati abbażi tal-interess ġenerali tal-protezzjoni tal-ambjent, li, għalkemm mhux imsemmi fl-Artikolu 36 TFUE, jista’ impliċitament jitqies li jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni, minħabba r-rabta tiegħu mas-saħħa pubblika (68). L-oħrajn (projbizzjoni ta’ traffiku fix-xitwa u s-sistema ta’ dożaġġ) huma, madankollu, iġġustifikati abbażi ta’ raġuni imperattiva “mhux miktuba” tas-sigurtà fit-toroq. Huwa għalhekk li r-Repubblika Taljana ssostni li dawn ma jistgħux jiġu ġġustifikati jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-natura diskriminatorja tagħhom.
73. Ma nikkondividix ma’ dan l-argument.
74. Id-dikotomija bejn ir-raġunijiet ta’ interess ġenerali previsti fl-Artikolu 36 TFUE u r-raġunijiet ta’ interess ġenerali “mhux miktuba” twassal għall-ħolqien ta’ żewġ kategoriji ta’ interessi: xi wħud jistgħu dejjem jiġu invokati u oħrajn jistgħu jiġu invokati biss meta l-miżuri nazzjonali ma jkunux diskriminatorji. Ma nara ebda raġuni valida sabiex jiġi kkunsidrat li tal-ewwel jistħoqqilhom protezzjoni aħjar mill-oħrajn. Fil-fatt, l-Artikolu 36 ma jsemmix interessi importanti ħafna bħal, fost l-oħrajn, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali jew il-protezzjoni tal-minuri.
75. L-Artikolu 36 TFUE ma għandux jiġi interpretat bħala l-espressjoni ta’ rieda li jinħolqu żewġ kategoriji separati, li jeskludu lil xulxin, ta’ interessi pubbliċi. F’dan ir-rigward, naqbel mal-istedina tal-Avukat Ġenerali Bot sabiex din id-dikotomija ma tibqax tiġi applikata (69). Nemmen ukoll li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat f’din id-direzzjoni matul dawn l-aħħar deċennji (70).
76. Il-prinċipju bażiku fil-qasam tal-ġustifikazzjonijiet huwa li miżura nazzjonali li tirrestrinġi l-libertajiet iggarantiti mit-Trattati hija kompatibbli mal-istess Trattati sakemm din tkun ibbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistħoqqilhom protezzjoni u tkun proporzjonata fir-rigward tal-għanijiet li hija tfittex li tilħaq. Dan il-prinċipju japplika indipendentement min-natura diskriminatorja jew mhux diskriminatorja tal-miżura nazzjonali (71).
77. Kollox ikun jiddependi, għalhekk, fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-miżura hijiex xierqa sabiex l-għanijiet invokati jintlaħqu u jekk din tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu. “[M]iżura restrittiva ma tistax titqies li hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex ħlief jekk tissodisfa verament l‑intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku” (72).
78. Dawn il-premessi esposti, issa ser nanalizza, wieħed wara l-ieħor, kull nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Repubblika tal-Awstrija.
C. Il-Projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl (l-ewwel motiv)
79. Ma huwiex ikkontestat li l-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE. Lanqas ma huwa kkontestat li din tista’, bħala prinċipju, tiġi ġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet imperattivi msemmija f’dan l-Artikolu (garanzija tal-kwalità tal-arja f’isem il-protezzjoni tas-saħħa).
80. Min-naħa l-oħra, il-partijiet ma jaqblux dwar il-proporzjonalità tal-miżura. Ir-Repubblika Taljana, sostnuta mill-Kummissjoni, tinvoka diversi argumenti sabiex issostni li l-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl:
– hija intrinsikament diskriminatorja, peress li tidentifika l-vetturi kkonċernati skont id-daqs tagħhom;
– ma hijiex neċessarju, peress li ma ntweriex li l-effett ta’ benefiċċju fuq il-kwalità tal-arja huwa l-konsegwenza diretta tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl u lanqas tat-tiġdid ġenerali tal-flotta ta’ vetturi;
– Ma hijiex koerenti minħabba l-konfigurazzjoni tal-eżenzjoni tat-traffiku lokali u reġjonali;
– lanqas ma hija koerenti fid-dawl tal-ħinijiet ta’ applikazzjoni tagħha.
81. Mhux ser niffoka fuq l-allegata natura diskriminatorja tal-għażla tal-vetturi tqal tal-merkanzija skont id-daqs tagħhom, allegazzjoni li r-Repubblika Taljana stess tindirizza biss fi ftit linji, mingħajr ma tipprovdi provi suffiċjenti sabiex tikkonfuta l-oġġezzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija fir-rigward tan-natura newtrali (nondiskriminatorja) ta’ dan il-kriterju.
82. Għalhekk ser nikkonċentra fuq l-argumenti dwar l-impatt tat-tiġdid tal-flotta ta’ vetturi u n-nuqqas ta’ konsistenza tal-miżura, li ser iwassalni sabiex neżamina l-argument dwar l-obbligu li jiġu evalwati miżuri inqas restrittivi għall-kummerċ intra-Komunitarju.
1. L-impatt tat-tiġdid tal-flotta
83. Ir-Repubblika Taljana tikkontesta li t-titjib fil-kwalità tal-arja fiż-żona tat Tirol (punt mhux ikkontestat) huwa esklużivament imputabbli għall-effettività tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl. Fil-fehma tagħha, dan ir-riżultat huwa dovut ukoll għal fatturi bħall-modernizzazzjoni tal-flotta tal-vetturi li jużaw l-awtostradi A12 u A13, li kkontribwixxa għall-kontroll progressiv u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jniġġsu sa mill‑2020.
84. Bl-istess raġunament, hija ssostni li, peress li l-flotta hija iktar moderna, il-projbizzjoni ma hijiex neċessarja. Mid-data li hija tipproduċi (73) hija tislet il-konklużjoni li “[...] l-effett ta’ tnaqqis milħuq [...] ma huwiex attribwibbli għall-miżuri adottati mill-Awstrija, iżda għall-effett indirett li huma pproduċew fuq it-tiġdid tal-flotta ta’ vetturi” (74).
85. Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta dawn l-affermazzjonijiet b’argumenti favur in-neċessità (f’sens wiesa’) u l-effettività tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl, kemm f’dak li jirrigwarda l-konfinament tal-emissjonijiet kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-effetti tagħha fuq il-modernizzazzjoni tal-flotta.
86. Ma huwiex ċert li t-tiġdid tal-flotta huwa biss effett indirett tal-projbizzjonijiet ta’ traffiku inkwistjoni f’dan il-każ. Pjuttost, jidher li din hija r-riżultat ta’ politika intenzjonali tal-awtoritajiet Awstrijaċi fil-qasam tal-ambjent, li torbot il-projbizzjonijiet tat-traffiku ma’ sistema ta’ eċċezzjonijiet maħsuba sabiex tiffavorixxi l-użu ta’ vetturi tqal tal-merkanzija dejjem iktar effiċjenti mill-perspettiva tal-enerġija u tal-ambjent.
87. Ma huwiex stabbilit li d-data pprovduta mir-Repubblika Taljana tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-effett potenzjalment pożittiv sekondarju tal-miżuri Awstrijaċi. Dan ġie enfasizzat, fil-fehma tiegħi ġustament, mir-Repubblika tal-Awstrija matul is-seduta (75).
88. Il-miżura ta’ projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl tista’ għalhekk, bħala prinċipju, titqies li hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. L-argumenti l-oħra tar-Repubblika Taljana jikkontestaw il-kapaċità tagħha li tilħaq dan l-għan b’mod koerenti, sistematiku u proporzjonat.
2. L-inkonsistenza tal-miżura minħabba eżenzjonijiet favur it-traffiku lokali u reġjonali
89. Il-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl tinkludi eżenzjoni favur it-traffiku lokali u reġjonali, li hija mfassla b’mod sostanzjalment identiku għall-eżenzjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2011.
90. F’dan ir-rigward, il-kritika tar-Repubblika Taljana hija doppja:
– hija tallega li, b’konsegwenza ta’ din l-eżenzjoni, il-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl tikkawża żnaturament tal-kompetizzjoni favur l-impriżi stabbiliti fiż-żona prinċipali u fiż-żona estiża;
– hija ssostni li l-eċċezzjoni ma hijiex oġġettivament neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-provvista lokali, peress li, minn naħa, diġà teżisti eċċezzjoni ġenerali oħra favur prodotti li, minħabba n-natura tagħhom, il-kunsinna tagħhom ma tistax tiddewwem, u peress li, min-naħa l-oħra, l-eżenzjoni tat-traffiku lokali u reġjonali ma hijiex limitata għal ċerti tipi ta’ prodotti, li juri n-nuqqas ta’ konsistenza mal-għan imfittex.
91. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, l-eżenzjoni ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni, peress li l-impriżi tat-trasport jistgħu jibbenefikaw minnha indipendentement mill-post fejn hija stabbilita s-sede tagħhom. Din l-eżenzjoni hija neċessarja biex tiġi ggarantita l-provvista ta’ żona lokali u taż-żona estiżi minħabba l-assenza ta’ alternattivi vijabbli (bit-triq jew bil-ferrovija) li jippermettu l-aċċess għal dawn iż-żoni.
92. Fir-rigward tal-effett ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, naqbel mar-Repubblika tal-Awstrija li r-rabta bejn l-eżenzjoni tat-traffiku lokali u reġjonali u t-tnaqqis tal-impriżi tat-trasport fir-reġjuni Taljani ġirien, kif ukoll iż-żieda korrelattiva fit-Tirol Awstrijak, ma ġietx ipprovata b’mod konklużiv.
93. Min-naħa l-oħra, naħseb li l-eżenzjoni tat-traffiku lokali u reġjonali toħloq vojt sinjifikattiv fil-koerenza tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl. Sabiex tiddefendi l-validità ta’ din tal-aħħar, ir-Repubblika tal-Awstrija tirrepeti, essenzjalment, argumenti li hija diġà esponiet fil-kuntest tal-projbizzjoni settorjali, dwar in-neċessità tal-eżenzjoni, minħabba l-assenza ta’ rotot alternattivi, u n-natura koerenti tagħha, li ġiet ikkonfermata mis-sentenza Brennero II (76).
94. Issa, dawn l-argumenti ma humiex konvinċenti. Fil-fehma tiegħi, kunsiderazzjonijiet dwar projbizzjoni settorjali ma jistgħux jiġu trasposti, tali kwali, għal kuntest differenti, bħat-traffiku ta’ billejl (77). Naqbel mal-Kummissjoni li dan l-allegazzjoni ma tiħux debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li l-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl tippreżenta differenzi sostanzjali meta mqabbla mal-projbizzjoni settorjali, mhux biss f’dak li jirrigwarda l-għanijiet li hija tfittex li tilħaq, iżda wkoll f’dak li jirrigwarda l-portata oġġettiva u ratione temporis tagħha.
95. Il-projbizzjoni settorjali eżaminata fis-sentenza Brennero II:
– kienet intiża li tiddevja kompletament, jiġifieri matul 24 siegħa kuljum, it-trasport ta’ ċerta merkanzija lejn rotot ta’ trasport alternattivi, bl-art jew bil-ferrovija, li kienu sostanzjalment ekwivalenti u iktar effikaċi fuq il-livell ambjentali.
– kienet tikkonċerna kategoriji limitati ta’ merkanzija, identifikati abbażi tal-“affinità [tagħha] mal-ferroviji”, sostnuta minn studji ta’ esperti.
– Kienet tipprekludi, sic et simpliciter, it-trasport bit-triq ta’ din il-merkanzija fuq il-medda tal-awtostrada kkonċernata, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet bbażati fuq in-nuqqas ta’ vijabbiltà jew fuq l-ineffiċjenza tat-trasport ferrovjarju għall-vjaġġi fiż-żona prinċipali u fi-żona estiża.
96. Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl inkwistjoni f’dan il-każ:
– ma hijiex intiża li tiddevja t-trasport ta’ matul il-lejl lejn il-ferrovija jew lejn rottot oħra bl-art, iżda hija intiża biss li tiddevjah għas-sigħat ta’ binhar, fejn jeżistu kundizzjonijiet atmosferiċi iktar favorevoli;
– ma tipprojbixxix kompletament it-trasport bit-triq tal-merkanzija kkonċernata, iżda tillimita dan it-trasport ratione temporis;
– din hija mfassla b’mod wiesa’ ħafna, peress li tikkonċerna l-merkanzija kollha ttrasportata minn vetturi tqal tal-merkanzija, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jibbenefikaw mill-eċċezzjonijiet previsti mil-liġi.
97. L-invokazzjoni, magħmula mir-Repubblika tal-Awstrija, ta’ argument ġustifikattiv marbut mal-assenza ta’ rotta ta’ trasport alternattiva sabiex jintlaħqu ż-żona prinċipali jew iż-żona estiża ma huwiex koerenti mal-għan ġenerali tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl.
98. Fil-fatt, indipendentement mill-allegata eżistenza ta’ rotot alternattivi, bit-triq (78) jew bil-ferrovija (79), li lejhom jista’ jiġi ddevjat, matul il-ħinijiet ta’ billejl, it-traffiku lejn żoni oħra minbarra ż-żona prinċipali u ż-żona estiża, dan ma huwiex l-għan, la teoretiku u lanqas prattiku (80), tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl. L-għan tagħha, nirrepeti, ma huwiex dak li t-traffiku jiġi ddevjat lejn rottot alternattivi, iżda dak li dan it-traffiku jiġi ddevjat lejn is-sigħat ta’ binhar sabiex jittieħed vantaġġ minn kundizzjonijiet ta’ dispersjoni iktar favorevoli fl-arja.
99. F’dan il-kuntest, ir-Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl jirrikonoxxi li “id-disponibbiltà ta’ alternattivi ta’ trasport ma għandhiex l-istess importanza bħal fil-każ tal-projbizzjoni settorjali ta’ traffiku, fis-seħħ matul il-ġurnata kollha [...], peress li [fil-kuntest tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl] it-trasport bit-triq jibqa’ possibbli matul ċerti ħinijiet u peress li huwa biss neċessarju li jkun hemm adattament tal-ippjanar ratione temporis tal-ivvjaġġar” (81).
100. Madankollu, ir-Repubblika tal-Awstrija ma turix b’mod konklużiv li s-sempliċi aġġustament tal-ippjanar ratione temporis tal-kunsinni, li għandu jiġi implimentat mill-impriżi l-oħra stabbiliti barra miż-żona ta’ eżenzjoni, ma huwiex, waħdu, suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-provvista effettiva anki taż-żona prinċipali jew taż-żona estiża.
101. Sabiex turi li l-“provvista ta’ billejl” taż-żona prinċipali jew taż-żona estiża hija effettivament neċessarja, ir-Repubblika tal-Awstrija tipproduċi studju (82) espliċitu li jgħid li l-vetturi tqal tal-merkanzija li jittrasportaw merkanzija miż-żoni esterni u lejn iż-żona prinċipali jiċċirkolaw fil-perijodu ta’ billejl fi proporzjon ogħla (30.09 %) mill-medja rreġistrata matul l‑24 siegħa (11.96 %).
102. Madankollu, l-għan iddikjarat ta’ dan l-istudju ma kienx li jivverifika l-bżonnijiet reali ta’ provvista ta’ billejl taż-żona prinċipali, iżda li “jeżamina l-affermazzjoni rikorrenti li l-impriżi ta’ Tirol jibbenefikaw b’mod selettiv minn allegat vantaġġ ta’ kompetizzjoni” li jirriżulta mill-eċċezzjoni dwar it-traffiku lokali u reġjonali (83).
103. Din id-data turi biss li, għall-kunsinni b’destinazzjoni lejn iż-żona prinċipali, preferibbilment jintuża t-trasport ta’ billejl. Min-naħa l-oħra, minn din id-data ma jidhirx li huwa possibbli li tiġi dedotta, b’ċertezza, l-eżistenza ta’ neċessità ġenwina ta’ provvista matul is-sigħat ta’ billejl, għal żewġ raġunijiet prinċipali:
– din ma tindikax in-natura tal-merkanzija ttrasportata f’sigħat ta’ billejl lejn iż-żona prinċipali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn il-perċentwali jinkludux ukoll it-trasport ta’ prodotti tal-ikel, ta’ korrispondenza u ta’ stampa perjodika li ċ-ċirkulazzjoni tagħhom hija diġà awtorizzata taħt l-eċċezzjoni “ġenerali” prevista għal dan l-għan (84). Għalhekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ma jirnexxilhiex tikkonfuta l-argument tar-Repubblika Taljana (jiġifieri li n-neċessità ta’ provvista ta’ billejl għaż-żona prinċipali kienet diġà ggarantita biżżejjed mill-eċċezzjoni ġenerali).
– Anki jekk jitqies li din id-data tagħmel riferiment biss għal kategoriji ta’ prodotti li ma jaqgħux taħt eċċezzjonijiet oħra, l-ispjegazzjoni mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija ma tippermettix li tiġi eskluża interpretazzjoni oħra differenti, daqstant plawżibbli.(85)
104. Għalhekk, l-eċċezzjoni dwar it-traffiku lokali u reġjonali tkompli tippermetti (u tista’ saħansitra tħeġġeġ) it-traffiku ta’ billejl ta’ kwantità kunsiderevoli ta’ vetturi tqal tal-merkanzija indipendentement minn kwalunkwe kunsiderazzjoni dwar il-possibbiltà li l-ħtiġijiet ta’ provvista taż-żona prinċipali jiġu ssodisfati billi l-kunsinni “mhux urġenti” jiġu pprogrammati mill-ġdid jew jiġu spostati lejn is-sigħat ta’ matul il-ġurnata.
105. Għalkemm il-fatt li l-aċċess għaż-żona prinċipali u għaz-zona estiża ma huwiex possibbli permezz ta’ rotot alternattivi jista’ jiġġustifika eċċezzjoni intiża biex tiġi żgurata l-provvista tagħhom, lil hinn minn dak li jippermettu l-eċċezzjonijiet “ġenerali”, tali eċċezzjoni għandha tkun imfassla (u debitament iġġustifikata) skont l-għanijiet speċifiċi tal-miżura ta’ projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl, u mhux ibbażata fuq l-estrapolazzjoni ta’ eżenzjoni mfassla għal miżura differenti.
106. Konsegwentement, fid-dawl tal-konfigurazzjoni attwali tal-eżenzjoni tat-traffiku lokali u reġjonali, jiena tal-fehma li l-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl ma tissodisfax ir-rieda li l-għan imfittex jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku. Dan diġà huwa biżżejjed sabiex l-ewwel motiv jiġi milqugħ.
107. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, sejjer nanalizza wkoll l-argumenti l-oħra tar-Repubblika Taljana.
3. L-inkonsistenza li tirriżulta mill-konfigurazzjoni tal-ħinijiet
108. Ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni huma tal-fehma li l-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl hija inkoerenti u sproporzjonata, sa fejn:
– indirettament twassal għall-konċentrazzjoni tat-traffiku fuq medda ta’ ħin fejn l-emissjonijiet iġġenerati għandhom impatt ikbar fuq il-konċentrazzjonijiet fl-arja ta’ sustanzi li jniġġsu;
– Din tapplika kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa, għalkemm l-effett tal-impatt tal-fenomenu tal-inverżjoni tat-temperatura huwa differenti fiż-żewġ staġuni.
a) L-iffissar tal-ħinijiet tat-tmiem tal-projbizzjoni
109. Skont ir-Repubblika Taljana, “it-tmiem tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl fil-ħamsa ta’ filgħodu jikkawża volum għoli ħafna ta’ traffiku fl-ewwel sigħat ta’ filgħodu, meta t-tranżitu tal-vetturi tqal tal-merkanzija jiżdied mat-traffiku privat tal-passiġġieri. Fi kliem ieħor, it-tranżitu tal-vetturi tqal tal-merkanzija huwa skoraġġut matul il-ħinijiet fejn it-traffiku jkun l-iktar fluwidi, sabiex jiġi kkonċentrat fuq il-ħinijiet ta’ konġestjoni ikbar” (86).
110. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, l-iffissar tat-tmiem tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl għall-ħamsa ta’ filgħodu jissodisfa l-għan li jintlaħaq bilanċ ġust bejn, minn naħa, il-ġlieda kontra t-tniġġis ambjentali u, min-naħa l-oħra, il-bżonnijiet tat-trasport tal-merkanzija, u għalhekk jikkontribwixxi għall-proporzjonalità tal-miżura (87).
111. Il-Kummissjoni aċċettat, fl-opinjoni motivata tagħha, li l-istabbiliment tat-tmiem tal-projbizzjoni ta’ traffiku ta’ matul il-lejl għall-ħamsa ta’ filgħodu jirrifletti kompromess raġonevoli bejn l-għanijiet kunfliġġenti msemmija mir-Repubblika tal-Awstrija. Hija kompliet tesponi li “l-Awstrija […] indikat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Italja, li l-effett negattiv fuq il-kwalità tal-arja kkawżat mill-konġestjonijiet tat-traffiku ta’ filgħodu huwa aktar milli kkompensat mill-benefiċċju globali f’termini ta’ kwalità tal-arja li jirriżulta mill-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl” (88). Konsegwentement, il-Kummissjoni ma reġgħetx eżaminat din il-kwistjoni fin-nota ta’ intervent tagħha.
112. Madankollu, ir-Repubblika Taljana ssostni li, “[...] fid-dawl [...]tal-qofol tal-‘effett tau’ [(89)], [...] il-maġġoranza, jew il-parti l-kbira, taż-żieda fil-konċentrazzjoni ta’ billejl tista’ tiġi kkumpensata bit-tnaqqis li jinkiseb billi t-traffiku ma jiġix ikkonċentrat fuq l-intervall ta’ bejn is-sitta u t-tmienja ta’ filgħodu” (90).
113. Madankollu:
– Ir-Repubblika Taljana ma tiżviluppax dan l-argument lil hinn minn dak li ġie riprodott (91) u mill-informazzjoni li allegatament tirriżulta mill-grafiċi pprovduti.
– Dawn il-grafiċi (92) juru 1) il-varjazzjoni ta’ kuljum fit-traffiku ta’ vetturi tqal tal-merkanzija fl‑2022, fl-istazzjon ta’ Vomp, billi jiżvelaw il-qofol tiegħu fil-ħinijiet ta’ bejn is-sitta u t-tmienja ta’ filgħodu, segwit minn tendenza ta’ tnaqqis sa nofsillejl; u 2) l-iżvilupp tal-“fattur tau” fl-istazzjon ta’ Vomp, li juri tendenza dejjem tikber li tibda minn nofsillejl u li tilħaq il-massimu tagħha għal xis-sitta ta’ filgħodu, segwita minn żvilupp digressiva fil-forma ta’ U, fejn l-iktar livell baxx ikun bejn nofsinhar u s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar, u sussegwentement tendenza progressiva sa nofsillejl.
114. L-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Taljana ma ssostnix, waħedha, l-argument tagħha li dawn il-grafiċi jippermettu li jiġi dedott “b’mod ċar”, b’mod dirett u mingħajr sfumaturi, l-allegat effett ta’ tpaċija li hija tinvoka.
115. Ir-Repubblika tal-Awstrija tipprova turi li ż-żieda fl-emissjonijiet minħabba l-konċentrazzjoni tat-traffiku matul is-sigħat ta’ binhar hija inqas minn dik li tiġi ġġenerata li kieku l-vetturi tqal tal-merkanzija (jew uħud minnhom) jiġu awtorizzati jiċċirkolaw liberament anki matul il-lejl.
116. Għal dan l-għan, ir-Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl u studji xjentifiċi oħra pprovduti mir-Repubblika tal-Awstrija (93) juru li, għall-evalwazzjoni tal-effetti potenzjali ta’ din il-miżura fil-konfigurazzjoni analizzata għall kull studju, ttieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, id-data dwar xenarji konkreti fejn ma kinitx tapplika projbizzjoni analoga; u, min-naħa l-oħra, il-projezzjonijiet dwar is-sitwazzjoni fuq l-assi ta’ Brennero fil-każ ta’ applikazzjoni tal-miżura hekk evalwata:
– Għall-ewwel, intużat id-data dwar it-traffiku fl-A12 għas-snin 2000 u 2001, jiġifieri meta ma kinitx fis-seħħ il-miżura ta’ projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl. F’dan ix-xenarju, ġie kkalkolat li, mingħajr projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl, kienet tintlaħaq żieda fil-medja annwali tal-emissjonijiet ta’ NO2 ta’ madwar 2 μg/m³ (94).
– Il-kalkolu l-ġdid tal‑2018, sabiex jiġi evalwat l-effett fuq il-kwalità tal-arja ta’ projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl mingħajr l-eżenzjoni ġenerali Euro VI, telaq mill-preżunzjoni li miżura mfassla b’dan il-mod twassal għal distribuzzjoni matul il-ġurnata tal-volum ta’ vetturi tqal tal-merkanzija (fi tranżitu) simili għal dik tal-A2 fl-Isvizzera. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ġie stmat tnaqqis fil-medja annwali tal-emissjonijiet ta’ NO2 ta’ bejn — 0.01 μg/m³ fl‑2020 u — 1.15 μg/m³ fl‑2023 (95).
– Fl-istudji tal-impatt l-iktar reċenti, “huwa preżunt li, mingħajr [projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl] fl-A12, id-distribuzzjoni relattiva ta’ kuljum [tat-traffiku ta’ vetturi tqal tal-merkanzija] tkun l-istess bħal fuq l-A1”, jiġifieri awtostrada Awstrijaka li għaliha ma tapplikax projbizzjoni analoga. (96) Għalhekk, “l-effett totali reali tal-[projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl] (inkluż l-issikkar tal-eċċezzjoni għall-vetturi Euro VI fi tranżitu mill‑1 ta’ Jannar 2021 u ta’ [projbizzjonijiet] preċedenti implimentati qabel l‑2019) kien ta’ — 2.2 μg/m³ ta’ NO2 fil-medja annwali tal‑2023” (97).
117. Fil-fehma tiegħi, ir-Repubblika tal-Awstrija pproduċiet data li turi bbilanċjar xieraq bejn, minn naħa, l-effetti tat-tneħħija eventwali tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl (u r-ridistribuzzjoni, b’riżultat ta’ dan, tat-traffiku ta’ vetturi tqal tal-merkanzija matul l-erbgħa u għoxrin siegħa) u, min-naħa l-oħra, l-effetti reali tal-projbizzjoni fis-seħħ fuq il-livell ta’ konċentrazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ NO2.
118. Id-data prodotta turi li, minkejja l-impatt negattiv potenzjali tal-“fattur tau” li jikkorrispondi għall-ħinijiet tal-għola traffiku fl-ewwel sigħat ta’ filgħodu, il-miżura tippermetti li jinkiseb, f’termini assoluti, tnaqqis ikbar tal-emissjonijiet ta’ NO2 milli kieku ma jkunx hemm projbizzjoni simili.
119. L-argument tar-Repubblika Taljana (li l-konċentrazzjoni tat-traffiku tal-vetturi tqal tal-merkanzija tikkoinċidi mas-sigħat tal-għola traffiku tal-passiġġieri) iqajjem dubji dwar il-konsistenza tal-projbizzjoni, peress li r-Repubblika tal-Awstrija stess tirrikonoxxi li l-effett dannuż tal-emissjonijiet ta’ NO2 fuq is-saħħa tal-bniedem jirriżulta minn espożizzjoni kronika għal livelli għoljin ta’ konċentrazzjoni.
120. Għalkemm teoretikament din il-kritika tista’ tkun valida, ir-Repubblika Taljana ma pproduċietx data xjentifika li, fir-rigward ta’ dan il-punt speċifiku, turi b’mod issostanzjat l-eventwali effett kontroproduttiv tal-projbizzjoni kif ifformulata.
121. Għalhekk naqbel mal-Kummissjoni li l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija dwar l-iffissar tal-ħin tat-tmiem tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl, li ma taffettwax il-koerenza tal-miżura, huwa plawżibbli.
b) L-applikabbiltà tal-miżura matul is-sena kollha
122. Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl matul is-sena kollha ma hijiex koerenti mal-ġustifikazzjoni invokata mir-Repubblika tal-Awstrija (biex tagħmel tajjeb għall-effetti tal-inverżjoni tat-temperatura) (98). Dan il-fenomenu jingħad li huwa “partikolarment rari” fis-sajf u li għandu minn tal-inqas effett doppju fix-xitwa, madankollu l-projbizzjoni tibqa’ sostanzjalment l-istess matul is-sena kollha (biss sagħtejn iqsar fis-sajf).
123. Ir-Repubblika tal-Awstrija:
– tiċħad li ddikjarat li għan tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl huwa l-ġlieda kontra l-inverżjoni tat-temperatura;
– tiddikjara li fil-Wied ta’ Inn, matul il-ħinijiet ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni, l-impatt tal-inverżjoni tat-temperatura huwa sostanzjalment paragunabbli fis-sajf u fix-xitwa;
– tfakkar li l-inverżjoni tat-temperatura hija biss wieħed mill-ħafna fatturi li jikkontribwixxu għall-effettività tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl fuq il-kwalità tal-arja u ma hijiex invokata bħala ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni tal-miżura matul is-sena kollha;
– hija tenfasizza li l-element determinanti huwa li l-limitu ta’ emissjonijiet stabbilit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni huwa kkalkolat bħala medja annwali.
124. Minn eżami tal-proċess jirriżulta li l-ewwel darba li r-Repubblika tal-Awstrija għamlet riferiment għall-fenomenu tal-inverżjoni tat-temperatura kien matul il-proċedura prekontenzjuża meta spjegat l-“effett dirett” tal-miżura (spostament tat-traffiku għall-ħinijiet ta’ binhar) (99). Hija ma użatx dan il-fenomenu bħala ġustifikazzjoni għall-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl matul is-sena kollha (100), iżda biss bħala wieħed mill-fatturi li jikkontribwixxu sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ta’ dispersjoni atmosferika iktar ħżiena matul il-lejl.
125. F’dan il-kuntest, għandha tingħata importanza lil data prodotta mir-Repubblika tal-Awstrija: fl‑2023, “matul il-ħinijiet ta’ projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl, il-frekwenza tal-inverżjoni tat-temperatura kienet eżattament l-istess kemm fis-Sajf (mill-ħdax ta’ billejl sal-ħamsa ta’ filgħodu) kif ukoll fix-xitwa, (mit-tmienja ta’ filgħaxija sal-ħamsa ta’ filgħodu), li fiż-żewġ każijiet kienet ta’ 34 %” (101).
126. Għalhekk, l-impatt tal-inverżjoni tat-temperatura jista’ jiġi aċċettat bħala fattur ieħor minn fost id-diversi fatturi li jikkontribwixxu biex jiġi spjegat l-impatt li l-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl għandha fuq il-kwalità tal-arja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-affermazzjoni li matul il-lejl jeżistu kundizzjonijiet ta’ dispersjoni inqas favorevoli, minħabba temperaturi iktar baxxi u inverżjonijiet tat-temperatura frekwenti, tibqa’ valida u koerenti, indipendentement mill-istaġun inkwistjoni.
127. Il-punt ċentrali tal-problema huwa jekk projbizzjoni ta’ traffiku applikata matul ħinijiet essenzjalment uniformi matul is-sena, li l-effettività tagħha tonqos matul is-semestru tas-sajf, hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
128. Ir-Repubblika tal-Awstrija tindika (102) li, fil-każ tan-NO2, id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi valur limitu f’termini ta’ medja annwali, peress li ma humiex il-volumi għolja ħafna ta’ kontaminazzjoni li huma ta’ ħsara għas-saħħa, iżda l-espożizzjoni kronika. Konsegwentement, il-miżuri għat-tnaqqis tan-NO2 għandhom jiġu implimentati matul is-sena kollha.
129. Mill-informazzjoni pprovduta jirriżulta li:
– Il-konċentrazzjonijiet medji ta’ NO2 matul is-semestru tas-sajf huma ġeneralment inqas minn dawk tax-xitwa (103).
– Fis-siegħa, il-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl kienet, bħala medja, biss 15 % inqas effettiva matul is-semestru tas-sajf milli matul dak tax-xitwa (104).
130. Ir-Repubblika tal-Awstrija tallega li, fid-dawl ta’ din il-perċentwali, “fl-ebda każ ma jista’ jiġi affermat li l-effett tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl huwa evidentement inqas fis-sajf milli fix-xitwa” (105). Hija ssostni li l-effettività mnaqqsa tal-miżura diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni bit-tnaqqis ta’ sagħtejn fil-ħinijiet tal-projbizzjoni matul is-sitt xhur tas-sajf. Iż-żamma tal-miżura matul is-sena kollha hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-osservanza fit-tul tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. It-tnaqqis miksub fis-sajf, għalkemm inferjuri, jikkontribwixxi b’minn tal-inqas terz għall-effett globali tal-miżura, li jikkostitwixxi proporzjon sinjifikattiv.
131. Għalkemm dawn l-affermazzjonijiet jistgħu jkunu ġeneralment aċċettabbli, dawn ma jipprekludux li, f’dak li jirrigwarda ż-żamma tal-applikazzjoni ta’ miżura bħall-projbizzjoni ta’ traffiku matul seba’ sigħat kuljum f’semestru fejn il-livelli ta’ immissjonijiet huma diġà iktar baxxi f’termini assoluti u minkejja li tirrikonoxxi l-effettività (iktar) limitata tal-miżura matul dan il-perijodu, iż-żamma tagħha timponi rekwiżit ikbar ta’ ġustifikazzjoni. B’mod partikolari, għandu jiġi stabbilit li ma jeżistux alternattivi inqas restrittivi u daqstant effettivi sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.
132. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-miżura matul is-semestru tas-sajf, jiena tal-fehma li r-Repubblika tal-Awstrija ma ssodisfatx l-obbligu tagħha li “[teżamina] bir-reqqa l-possibbiltà li [tuża] miżuri inqas restrittivi għal-libertà ta’ moviment u li [twarrabhom biss jekk] in-natura inadegwata tagħhom, fid-dawl tal-għan infittex, tiġi stabbilita b’mod ċar” (106).
133. Mir-Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl, li jesponi s-sitwazzjoni li kienet teżisti fl‑14 ta’ Settembru 2020, jirriżulta li, f’dak iż-żmien, il-prijorità tar-Repubblika tal-Awstrija kienet li tirreaġixxi malajr għad-“devjazzjoni manifesta mill-valur ta’ limitu annwali medju għan-NO2 ” stabbilit mill-Unjoni, sabiex “tiggarantixxi kemm jista’ jkun malajr l-osservanza ta’ [dan il-valur limitu] fil-punti ta’ kejl tat-Tirol qrib l-awtostradi affettwati minn valuri li jaqbżu l-[konċentrazzjonijiet ta’ emissjonijiet]”(107).
134. Skont dan ir-rapport, “lanqas ma huwa possibbli li l-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl tiġi ssostitwita b’miżuri oħra, li jkunu relattivament inqas restrittivi”. Dan ir-rapport jindika li l-miżuri l-oħra ta’ traffiku b’effett immedjat li jistgħu jiġu kkunsidrati, jiġifieri l-limitazzjoni tal-veloċità jew il-projbizzjoni ta’ ċerti klassijiet Euro, imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Brennero II, kienu diġà ġew implementati jew adottati, l-istess bħal projbizzjoni settorjali ta’ traffiku (108).
135. Madankollu, l-istess rapport ikompli jesponi li “l-kriterju tan-neċessità, jew l-obbligu li jirriżulta minnu li f’kull każ jiġu adottati l-inqas miżuri restrittivi xierqa sabiex jintlaħaq l-għan, lanqas ma jista’ jiġi interpretat fis-sens li [...] għandha tiġi applikata [...], l-ewwel, l-inqas miżura restrittiva, jew li l-effett tagħha għandu jiġi evalwat, qabel ma tkun tista’ tiġi imposta miżura iktar restrittiva [...]” (109).
136. Dan l-approċċ, probabbilment xieraq f’sitwazzjoni bħal dik tal‑2020, meta l-qbiż tal-valuri limitu espona lill-popolazzjoni għal riskju għas-saħħa, ma huwiex xieraq meta ċ-ċirkustanzi jinbidlu, ladarba jiġi kkonfermat li, fl-istazzjon ta’ Vomp, il-valuri limitu stabbiliti mid-Direttiva 2008/50 huma sistematikament osservati. Għalhekk, ma teżistix neċessità ta’ azzjoni li tiġġustifika ż-żamma tal-approċċ adottat fl‑2020.
137. Mistoqsija waqt is-seduta, ir-Repubblika tal-Awstrija:
– irrikonoxxiet li l-miżuri restrittivi għandhom f’kull ħin jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li, fl-opinjoni tagħha kien osservat qabel l‑2024. Sa dik id-data, għalkemm il-valuri rreġistrati fit-Tirol kienu josservaw il-limitu stabbilit mid-Direttiva 2008/50, madankollu dawn kienu biss bi ftit inqas mil-limitu massimu stabbilit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, grazzi għall-pakkett ta’ miżuri adottati.
– Hija kompliet tesponi li kien biss fl‑2025 li setgħet tiġi rreġistrata devjazzjoni mill-valuri limitu li kienet suffiċjentement sinjifikattiv sabiex tippermetti l-eżami mill-ġdid tal-proporzjonalità tal-miżuri f’kuntest mhux ikkaratterizzat mill-urġenza. Madankollu, id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2024/2881 (110) jagħmel dan l-approċċ mhux vijabbli fid-dawl tal-mira l-ġdida ta’ mitigazzjoni li għandhom jintlaħqu sa mhux iktar tard mill‑2030.
138. Madankollu, ma naħsibx li tali approċċ huwa korrett.
139. Fl-ewwel lok, fl‑2022, il-valur medju mkejjel fl-istazzjon ta’ Vomp kien ta’ 33.3 μg/m³ (111), jiġifieri b’mod sinjifikattiv taħt il-limitu massimu ta’ 40 μg/m³ stabbilit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, anki jekk jitqies il-“marġni ta’ sigurtà” ta’ 3 μg/m³ irrakkomandat mill-esperti (112). Dan il-valur kompla jonqos matul is-snin sussegwenti sakemm wasal għal 26.7 μg/m³ bħala previżjoni għall‑2026 (113).
140. Din id-data, prodotta mir-Repubblika tal-Awstrija stess, jimmilitaw favur eżami mill-ġdid tal-proporzjonalità tal-miżura qabel l‑2025, meta d-Direttiva 2024/2881 kienet għadha ma ġietx ippubblikata.
141. It-tieni nett, id-Direttiva 2024/2881 ma tistax tintuża għall-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa s-suġġett ta’ dan ir-rikors, peress li din id-direttiva ġiet adottata fit‑23 ta’ Ottubru 2024, wara l-għeluq tal-fażi prekontenzjuża quddiem il-Kummissjoni. Kif diġà spjegajt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk kienx hemm nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu fid-dawl tas-sitwazzjoni li kienet teżisti fl‑14 ta’ Mejju 2024. F’din id-data, il-livelli ta’ emissjonijiet li r-Repubblika tal-Awstrija kienet obbligata tosserva kienu (biss) dawk previsti mid-Direttiva 2008/50.
142. Fit-tielet lok, id-Direttiva 2024/2881 ma tistax tiġi invokata sabiex tinżamm ir-restrizzjoni kif teżisti llum (114). L-Artikolu 36 TFUE jippermetti “[...] li l-liġijiet nazzjonali jidderogaw mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija biss sa fejn tali deroga tkun u tibqa tkun ġġustifikata sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni” (115).
143. Li qiegħed jiġi kkritikat hawnhekk ma huwiex il-fatt li r-Repubblika tal-Awstrija ma neħħietx kompletament il-pakkett ta’ miżuri tagħha, iżda li hija ma eżaminatx mill-ġdid il-proporzjonalità tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl abbażi ta’ evalwazzjoni aġġornata tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem li kienet meħtieġa fid-dawl tal-aħħar data disponibbli (116).
144. Peress li l-valuri ta’ limitu stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni kienu osservati għal diversi snin, ir-riskju, inizjalment allegat, li l-popolazzjoni lokali tiġi suġġetta għal espożizzjoni indebita għal sustanzi li jniġġsu kien inqas. Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Awstrija kellha twettaq, sa minn qabel l‑2025, analiżi eżawrjenti tal-possibbiltà ta’ miżuri alternattivi inqas restrittivi, anki jekk sabiex twarrabhom b’mod motivat li kieku kellha tikkonstata l-ineffettività tagħhom.
145. Dan huwa iktar u iktar il-każ jekk, skont l-istudji l-iktar reċenti, jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl hija inqas effettiva matul ċerti perijodi tas-sena, u dan isaħħaħ il-fondatezza ta’ intervent ta’ sostituzzjoni speċifiku, intiż sabiex jinkiseb riżultat ta’ portata moderata.
146. Ma stajtx insib, fost id-dokumenti prodotti mir-Repubblika tal-Awstrija (inklużi dawk li hija indikat bħala rilevanti waqt is-seduta), dokumenti li jinkludu, wara l‑2020, diskussjoni kritika tal-proporzjonalità stricto sensu tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl. Ir-rapporti prodotti jiffokaw fuq it-turija tal-effettività tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl mingħajr ma jikkunsidraw alternattivi, lil hinn minn dawk diġà esposti (117). It-turija li miżura hija idonea sabiex jintlaħaq l-għan imfittex ma teżentax lill-Istat Membru li jaddottaha mill-obbligu li jistaqsi jekk din il-miżura tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.
147. Mingħajr ma huwa neċessarju li jintwera b’mod pożittiv li ebda miżura oħra possibbli ma kienet tippermetti li jintlaħaq l-għan tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl matul il-perijodu tas-sajf, ir-Repubblika tal-Awstrija kellha l-obbligu li tistabbilixxi li hija kienet evalwat bir-reqqa numru suffiċjenti ta’ alternattivi (118) inqas restrittivi għal-libertà ta’ moviment.
148. Għalhekk inqis li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 34 u 35 TFUE u li għalhekk l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ.
D. Il-projbizzjoni settorjali ta’ traffiku (it-tieni motiv)
149. Ir-Repubblika Taljana tikkritika l-projbizzjoni ta’ traffiku fuq medda tal-awtostrada A12, imposta fuq il-vetturi tqal tal-merkanzija mgħobbija b’ċerta merkanzija meqjusa xierqa għat-trasport bil-ferrovija. Il-projbizzjoni settorjali hija akkumpanjata mill-eċċezzjonijiet li diġà indikajt iktar ’il fuq (119).
150. Fis-sentenzi Brennero I u Brennero II, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi tobbliga lill-impriżi kkonċernati jfittxu soluzzjonijiet alternattivi ekonomikament vijabbli għat-trasport tal-merkanzija inkwistjoni, il-miżura nazzjonali kellha l-effett li tillimita l-kummerċ bejn it-Tramuntana tal-Ewropa ta’ u t-Tramuntana tal-Italja (120).
151. Il-projbizzjoni li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti deċiżjoni f’din il-kawża hija, essenzjalment, paragunabbli ma’ dik eżaminata fis-sentenza Brennero II, ħlief għal tliet differenzi: il-projbizzjoni attwali tikkonċerna medda ta’ awtostrada ftit iqsar (121); lista ikbar ta’ merkanzija (122); u tintroduċi eċċezzjoni għal vetturi li jniġġsu inqas (123) li ma kinux inklużi fil-projbizzjoni analizzata fl‑2011. Madankollu, kif diġà esponejt (124), din l-aħħar eċċezzjoni ġiet ristretta b’mod sinjifikattiv f’dawn l-aħħar snin.
152. Prima facie, il-qari tas-sentenzi Brennero I u Brennero II donnu jissuġġerixxi li l-argument issuġġerit f’dan ir-rikors mir-Repubblika Taljana għandhom jiġu milqugħin: il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha li tikkonferma dawk is-sentenzi.
153. Ir-Repubblika tal-Awstrija ma tikkontestax in-natura restrittiva tal-projbizzjoni settorjali, iżda tqis li din hija neċessarja għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent: b’mod partikolari, biex jiġi miġġieled it-tniġġis tal-arja u biex jiġu osservati l-livelli massimi ta’ emissjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (125).
154. Ir-Repubblika Taljana tikkontesta n-natura koerenti, sistematika u proporzjonali tal-projbizzjoni, billi ssostni li:
– hija diskriminatorja, peress li l-lista ta’ merkanzija kkonċernata hija arbitrarja u tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-produtturi lokali u dawk transkonfinali;
– Ma hijiex xierqa sabiex l-għanijiet imfittxija jintlaħqu b’mod koerenti u sistematiku, minħabba l-eċċezzjonijiet favur it-traffiku lokali u reġjonali u favur vetturi tqal tal-merkanzija tal-Klassi Euro VI rreġistrati wara l‑31 ta’ Awwissu 2018;
– din tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għanijiet imfittxija jintlaħqu, peress li l-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fiż-żoni kkonċernati baqgħu, għal diversi snin, inqas mill-valuri limitu stabbiliti fid-Direttiva 2008/50 u peress li s-sistema intermodali tal-“awtostrada ferrovjarja” (Rollende Landstraße jew “Ro.La”) (126), bħala alternattiva għat-trasport bit-triq, issofri minn restrizzjonijiet sinjifikattivi ta’ kapaċità, affidabbiltà baxxa u ħinijiet twal ta’ stennija.
1. In-natura diskriminatorja tal-miżura
155. Fir-replika tagħha, ir-Repubblika Taljana tiffoka l-kritika tagħha fuq l-inklużjoni taċ-ċereali fil-lista tal-merkanzija koperta mill-projbizzjoni settorjali, u dan joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni favur il-bdiewa Awstrijaċi. Għal darba oħra, l-allegazzjoni ma hijiex sostnuta mill-produzzjoni ta’ data konkreta li jissostanzjawha.
156. Sabiex din il-kritika tiġi miċħuda huwa biżżejjed li jitfakkar li s-sentenza Brennero II ċaħdet argument analogu tal-Kummissjoni, li kien jikkontesta n-natura newtrali u xierqa tal-“affinità mal-ferrovija”, bħala kriterju sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni settorjali.
157. Ir-Repubblika tal-Awstrija spjegat fid-dettall il-kriterji oġġettivi użati għall-għażla tal-merkanzija koperta mill-projbizzjoni, inkluż f’dak li jirrigwarda l-inklużjoni taċ-ċereali (127).
158. Il-kompetizzjoni bejn il-produtturi Taljani u l-produtturi stabbiliti fiż-żoni tat-Tirol Awstrijak, fir-rigward ta’ ċerti prodotti, ma hijiex argument suffiċjenti sabiex jintwera li l-projbizzjoni settorjali tikkostitwixxi diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.
159. L-ebda element għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-miżura, ibbażata fuq raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa pubblika (invokati mir-Repubblika tal-Awstrija), ġiet iddevjata mill-għan tagħha, toħloq diskriminazzjoni kontra merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra jew tipproteġi indirettament ċerti produzzjonijiet nazzjonali (128).
2. Is-sistema tal-eċċezzjonijiet
160. Ma jidhirlix li huwa neċessarju li nitlajja fuq il-kritika li r-Repubblika Taljana tagħmel fir-rigward tal-eċċezzjoni tat-traffiku lokali u reġjonali, li essenzjalment tirrepeti argumenti diġà analizzati u miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Brennero II.
161. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li esponejt fil-kuntest tal-analiżi tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl, ir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Brennero II huwa, mutatis mutandis, applikabbli għall-projbizzjoni settorjali (l-ġdida). L-għan tal-miżura analizzata fl‑2011 jikkoinċidi mal-għan tal-projbizzjoni settorjali attwali, l-istess bħalma tikkoinċidi l-importanza li għandha tingħata għall-assenza ta’ alternattivi fattibbli u vijabbli għat-trasport lokali.
162. Fin-nuqqas ta’ elementi oħra li jikkonfutaw il-possibbiltà li s-soluzzjoni tas-sentenza Brennero II tiġi trasposta għall-kuntest attwali, eċċezzjoni mfassla b’mod simili għal dik analizzata fl‑2011 ma tikkonfutax “in-natura koerenti u sistematika tar-regolament ikkontestat” (129).
163. Fir-rigward tal-allegata natura inkoerenti tal-eċċezzjoni dwar il-vetturi Euro VI, infakkar l-oriġini u r-ratio tar-regola dwar id-data ta’ reġistrazzjoni. Diġà semmejt li l-awtoritajiet Awstrijaċi introduċew l-eċċezzjoni favur it-traffiku Euro VI fuq talba tal-Kummissjoni (130) u suċċessivament naqqsu l-portata tagħha billi imponew data ta’ reġistrazzjoni sabiex inaqqsu l-kwantità ta’ vetturi awtorizzati li jiċċirkulaw taħt din is-sistema derogatorja (131). Mill-proċess jirriżulta li:
– Fl‑2016, fil-mument tal-adozzjoni tal-projbizzjoni settorjali “l-ġdida”, kienet diġà prevista “tneħħija gradwali tal-eċċezzjoni” favur il-vetturi Euro VI, li kienet iġġustifikata, fost l-oħrajn, “mill-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi ekonomiċi tal-impriża ferrovjarja” (132).
– Fil-kuntest tal-emenda tal‑2019, l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu favur it-tneħħija totali tal-eċċezzjoni Euro VI (133), iżda għażlu li jintroduċu r-regola dwar id-data ta’ reġistrazzjoni bħala “kompromess raġonevoli”, fid-dawl tar-“riżervi serji, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni”, espressi mill-Kummissjoni “fir-rigward ta’ projbizzjoni settorjali ta’ traffiku li tkopri wkoll il-vetturi bl-aħjar livell ta’ emissjonijiet” (134).
– L-istabbiliment tad-data ta’ reġistrazzjoni tal‑31 ta’ Awwissu 2018 kien kompromess ieħor, intiż sabiex ma jiġux esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni ċerti vetturi li jifformaw parti mill-klassi Euro VI D, minkejja li din id-data wasslet, bħala korrispettiv, għall-inklużjoni ta’ ċerti vetturi tal-klassi Euro VI C irreġistrati reċentement (135).
– Huwa probabbli li din id-data ta’ reġistrazzjoni tinbidel u ssir iktar restrittiva fil-ġejjieni (136).
164. Huwa fid-dawl ta’ dan il-kuntest li għandhom jiġu analizzati l-pożizzjonijiet rispettivi tar-Repubblika Taljana u tal-Kummissjoni.
165. Waqt is-seduta, meta saritilha mistoqsija dwar dan, ir-Repubblika Taljana ppreċiżat li hija ma tikkontestax daqstant l-iffissar tad-data ta’ reġistrazzjoni (il‑31 ta’ Awwissu 2018) iżda iktar tikkontesta l-introduzzjoni tar-regola, li għandha l-effett li tillimita l-eċċezzjoni iktar wiesgħa li tikkonċerna l-vetturi Euro VI kollha, prevista fil-verżjoni inizjali tal-projbizzjoni. In-natura radikali ta’ din l-emenda ma hijiex ikkumpensata b’mod adegwat mill-vantaġġ miksub f’termini assoluti tat-tnaqqis tal-emissjonijiet (137).
166. Ifformulata b’dan il-mod, l-oġġezzjoni iktar tirrigwarda l-proporzjonalità tal-projbizzjoni settorjali, ikkunsidrata fl-intier tagħha, milli l-koerenza tas-sistema ta’ eċċezzjonijiet tagħha. Ser nanalizzaha iktar ’il quddiem.
167. Bil-kontra ta’ dan, il-Kummissjoni ma tikkritikax l-introduzzjoni tar-regola dwar id-data ta’ reġistrazzjoni bħala tali, iżda tikkritika l-iffissar ta’ din id-data għall‑31 ta’ Awwissu 2018, li hija tallega n-natura inkoerenti tagħha.
168. Madankollu, l-argument tal-Kummissjoni huwa pjuttost ambigwu: fin nota ta’ intervent tagħha, hija donnha tikkontesta biss l-inklużjoni ta’ xi vetturi Euro VI C fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni (138). Matul is-seduta, madankollu, hija spjegat li din id-data mhux biss talli tippermetti ċ-ċirkolazzjoni ta’ xi vetturi Euro VI C, li jniġġsu iktar minn dawk tal-klassijiet Euro VI D u E, iżda talli teskludi wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni numru kunsiderevoli ta’ vetturi Euro VI D, peress li dawn diġà setgħu jiġu rreġistrati sa minn Ottubru 2016. Bħala alternattiva iktar koerenti l-Kummissjoni pproponiet sistema bbażata fuq data ta’ reġistrazzjoni differita (il‑31 ta’ Awwissu 2019), li teskludi kompletament vetturi Euro VI C, flimkien ma “eċċezzjoni għall-eċċezzjoni” biex tippermetti ċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi Euro VI D irreġistrati qabel din id-data l-ġdida.
169. Ma huwiex neċessarju li wieħed jitlajja fid-differenzi ta’ opinjoni bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Awstrija f’dak li jirrigwarda d-data li minnha setgħu jiġu rreġistrati l-vetturi Euro VI D. Fil-fehma tiegħi, l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex, f’kull każ, konvinċenti peress li:
– Is-sistema alternattiva li tipproponi hija kumplessa ħafna u huwa dubjuż kemm tista’ tiġi applikata fil-prattika. Abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, ma jidhirx li teżisti data ta’ reġistrazzjoni jew ta’ omologazzjoni li tippermetti li ssir distinzjoni mal-ewwel daqqa t’għajn bejn il-vetturi tal-klassi Euro VI C u dawk tal-klassi Euro VI D u E. Barra minn hekk, jista’ jkun li ċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi, jew il-kumplament tad-dokumenti li għandhom jinżammu fil-vetturi, ma jkunux jinkludu l-informazzjoni neċessarja għad-determinazzjoni, malajr u b’ċertezza, taħt liema sottokategorija tal-klassi Euro VI taqa vettura partikolari. Il-verifika immedjata ta’ din id-data, f’każ ta’ spezzjonijiet fit-triq, hija inċerta (139).
– Il-Kummissjoni ma tikkontestax li, kif issostni r-Repubblika tal-Awstrija, iż-żmien u l-użu ta’ vettura jirrenduha progressivament iktar niġġiesa, indipendentement mit-teknoloġija tagħha, li jkun jippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid il-koerenza tal-eċċezzjoni (140).
170. Fil-qosor, inqis li ebda waħda mill-oġġezzjonijiet imqajma kontra s-sistema ta’ eċċezzjonijiet ma hija ta’ natura li tikkonfuta n-natura koerenti tal-projbizzjoni.
3. Il-proporzjonalità tal-miżura u l-eżistenza ta’ alternattivi inqas restrittivi
171. Il-projbizzjoni settorjali tista’ tkun xierqa sabiex jiġi ggarantit li l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent imfittex jintlaħaq. Fis-sentenza Brennero II, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li projbizzjoni settorjali twassal għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja u għalhekk tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal-arja. F’dik is-sentenza ġie ddikjarat ukoll li “n-neċessità li jitnaqqas it-trasport fit-triq ta’ merkanzija, skont il-każ, billi l-operaturi jitressqu lejn metodi oħra ta’ trasport, li jirrispettaw iktar l-ambjent, bħat-trasport ferrovjarju, ġiet irrikonoxxuta fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport” (141). Dan ir-raġunament jista’ jiġi estiż għall-każ preżenti.
172. Madankollu, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-projbizzjoni settorjali ta’ traffiku tmur ħafna iktar lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għan imfittex jintlaħaq u għalhekk hija sproporzjonata. B’mod partikolari, hija ssostni li:
– Ir-Repubblika tal-Awstrija ma wrietx id-disponibbiltà ta’ alternattivi ta’ trasport xierqa.
– Miżura daqshekk radikali ma hijiex neċessarja, peress li l-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fiż-żoni kkonċernati baqgħu, għal diversi snin, ferm taħt il-valuri limitu stabbiliti mid-Direttiva 2008/50. Lanqas ma ntwera li ma kinux jeżistu miżuri oħra inqas restrittivi għall-moviment liberu tal-merkanzija jew li dawn il-miżuri ma kinux effikaċi.
a) L-eżistenza ta’ kapaċità ferrovjarja xierqa
173. Ir-Repubblika Taljana ssostni li s-sistema intermodali Ro.La. tbati minn limitazzjonijiet sinjifikattivi ta’ kapaċità, minn nuqqas ta’ affidabbiltà u twassal għal perijodi twal ta’ stennija. Barra minn hekk, minħabba l-ħin tal-vjaġġ u l-ispejjeż ferrovjarji, kunsiderevolment ogħla minn dawk tat-trasport bit-triq, ir-Ro.La ma tistax titqies bħala “għażla attraenti”.
174. Fis-sentenza Brennero I (142), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-awtoritajiet Awstrijaċi ma kinux wrew li kienu evalwaw b’mod xieraq, “qabel l-adozzjoni ta’ miżura daqshekk radikali bħal ma hija l-projbizzjoni totali ta’ moviment [traffiku]”, id-disponibbiltà ta’ kapaċità ferrovjarja suffiċjenti għat-trasport tal-merkanzija kkonċernata.
175. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-Repubblika tal-Awstrija pprovdiet informazzjoni u ċifri ddettaljati sabiex turi li t-trasport ferrovjarju — kemm jekk permezz tar-Ro.La. jew permezz ta’ vaguni tal-merkanzija — jista’ jikkostitwixxi alternattiva raġonevoli (f’termini ta’ ħin tal-vjaġġ u ta’ spejjeż) għat-trasport bit-triq.
176. L-oġġezzjonijiet tar-Repubblika Taljana f’dan ir-rigward huma pjuttost ġenerali u ma humiex sostnuti minn studji jew dokumenti oħra li għandhom valur probatorju xieraq. Għal din ir-raġuni ma jistax jitqies li l-allegazzjoni tagħha dwar l-assenza ta’ alternattivi ġiet ipprovata.
b) In-neċessità tal-miżura u t-teħid inkunsiderazzjoni xieraq ta’ alternattivi inqas restrittivi
177. Fis-sentenza Brennero I (143), ġie indikat li l-awtoritajiet Awstrijaċi ma kinux urew li kienu evalwaw b’mod xieraq soluzzjonijiet alternattivi inqas restrittivi. Fil-kuntest ta’ dik is-sentenza, il-Kummissjoni kienet indikat li kienu jeżistu diversi miżuri alternattivi, li, għalkemm setgħu jaffettwaw il-moviment liberu tal-merkanzija, kellhom jippermettu li l-għan imfittex jintlaħaq b’inqas restrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ din il-libertà (144).
178. Il-Kummissjoni reġgħet invokat dan l-argument fil-kuntest tal-kawża Brennero II (145). Mill-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet laqgħet l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni, filwaqt li tat importanza partikolari lill-kuntest tal-miżura kkontestata, jiġifieri, il-globalità tal-miżuri li kienu jifformaw il-pakkett li minnu din kienet tifforma parti. Hija kkonstatat, b’mod partikolari, li limitazzjoni permanenti ta’ veloċità fuq il-meded tal-awtostradi kkonċernati kienet tikkostitwixxi miżura inqas restrittiva, b’potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ NO2, li r-Repubblika tal-Awstrija ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti (146).
179. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandu jiġi analizzat l-iżvilupp tal-miżuri ta’ traffiku fuq l-awtostradi A12 u A13 matul il-perijodi immedjatament qabel u wara s-sentenza Brennero II (2011):
– Fl‑2007, ġie adottat l-ewwel pakkett ta’ miżuri (dak eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2011) li kien jinkludi, minbarra l-projbizzjoni settorjali diġà msemmija, projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl (inqas stretta minn dik attwali u mhux ikkontestata mill-Kummissjoni fil-kawża Brennero II), limitazzjoni ta’ veloċità varjabbli skont l-emissjonijiet, projbizzjoni ta’ traffiku għal klassijiet speċifiċi ta’ vetturi tqal tal-merkanzija li jniġġsu ħafna u miżuri fiskali, bħad-differenzjazzjoni tar-rati ta’ pedaġġ skont il-klassijiet ta’ emissjonijiet.
– Fl‑2011, il-projbizzjoni settorjali ta’ traffiku tneħħiet minħabba l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kuntest tas-sentenza Brennero II.
– Fl‑2014, ġie introdott il-limitu ta’ veloċità permanenti msemmi f’dik is-sentenza.
– Fl‑2016, il-projbizzjoni settorjali ġiet introdotta mill-ġdid, bi tkattir fil-lista tal-merkanzija kkonċernati, iżda din kienet akkumpanjata minn eċċezzjoni ratione temporis favur il-vetturi Euro VI.
– Fl‑2018, ġiet introdotta għall-ewwel darba s-sistema ta’ dożaġġ tat-traffiku li hija s-suġġett tar-raba’ motiv.
– Fl‑2020 ġiet introdotta r-regola dwar id-data ta’ reġistrazzjoni biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni settorjali. Mix-xogħlijiet preparatorji jirriżulta li l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu favur it-tneħħija totali tal-eċċezzjoni għall-vetturi Euro VI, iżda huma ma għamlux dan minħabba l-possibbiltà li dan ma jkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u minħabba r-riskju, b’konsegwenza ta’ dan, ta’ kontestazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji. (147) Kif diġà semmejt, kienet prevista l-possibbiltà li, fil-ġejjieni, ir-regola dwar id-data ta’ reġistrazzjoni ssir iktar stretta.
– Fl‑2021, l-eċċezzjoni ġenerali favur il-vetturi Euro VI tneħħiet fil-kuntest tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl. Din l-emenda tikkonċerna wkoll il-vetturi Euro VI li jibqgħu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni settorjali, li ċ-ċirkolazzjoni tagħhom tibqa għalhekk limitata għas-sigħat ta’ binhar.
– Fis-snin 2023 u 2024, ġiet adottata l-projbizzjoni ta’ traffiku fix-xitwa li hija s-suġġett tat-tielet motiv.
180. Għalhekk, Ir-Repubblika tal-Awstrija adottat, b’mod kumulattiv, il-“miżuri alternattivi” kollha imsemmija mill-Kummissjoni fil-Kawża Brennero I matul l-għaxar snin ta’ wara is-sentenza Brennero II. Madankollu, dan l-approċċ, fih innifsu, imur kontra l-kunċett ta’ “miżura alternattiva” (148).
181. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li dawn il-miżuri kollha huma, effettivament, neċessarji sabiex tintlaħaq l-osservanza tal-valur massimu ta’ emissjonijiet stabbilit mid-dritt tal-Unjoni. Anki jekk jitqies esklużivament il-limitu stabbilit mid-Direttiva 2008/50, ma huwiex ikkontestat li, sal‑2021, l-applikazzjoni kumulattiva tal-miżuri ordnati ma kinitx tippermetti li jintlaħaq l-għan stabbilit minnha, kif turi l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija mill-Kummissjoni fl‑2016.
182. Kif diġà esponejt fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl, l-adozzjoni ta’ dan il-pakkett ta’ miżuri kellha, kemm direttament (jiġifieri permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet) kif ukoll indirettament (jiġifieri, bit-tħeġġiġ tat-tiġdid tal-flotta), impatt pożittiv fuq il-konċentrazzjoni tal-emissjonijiet. Mill-2021, il-livelli massimi tad-Direttiva 2008/50 ġew osservati fuq il-meded kollha rilevanti tal-awtostradi A12 u A13, inkluż meta ma’ dawn il-limiti jiżdied il-“marġni ta’ sigurtà” ta’ 3 μg/m³ approvat mill-esperti.
183. Għalkemm “terapija tax-xokk”, bħal dik adottata bejn is-snin 2016 u 2020, setgħet kienet raġonevoli fid-dawl tal-qbiż sistematiku tal-valuri limitu matul dan il-perijodu, id-data ta’ wara l‑2021 titlob riflessjoni. Kif diġà fakkart, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull deroga mil-libertajiet ta’ moviment previsti mit-Trattati għandha tissodisfa l-kriterji meħtieġa sabiex tkun iġġustifikata, mhux biss fil-mument ta’ meta tiġi adottata, iżda wkoll matul il-perijodu kollu li fih din tiġi applikata.
184. Għaldaqstant, Stat Membru għandu juri, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, li l-miżuri li jidderogaw mill-moviment liberu jkunu ġġustifikati u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju. Meta jkun hemm bidla sinjifikattiva fiċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jevalwaw mill-ġdid in-neċessità u l-proporzjonalità tagħhom, filwaqt li jikkunsidraw il-possibbiltà li jneħħuhom jew li jissostitwixxuhom b’miżuri inqas restrittivi.
185. Għal darba oħra, inqis li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq dan l-obbligu. Jiena nibbaża ruħi fuq il-motivi li ġejjin:
– Ir-rapport dwar l-emenda tal-projbizzjoni settorjali tal‑2019 jindika li, bħala miżuri alternattivi għall-applikazzjoni iktar stretta tal-projbizzjoni settorjali, ġiet ikkunsidrata l-possibbiltà li l-projbizzjonijiet l-oħra, fosthom dik ta’ billejl, isiru iktar iebsin, li madankollu kienet diġà ġiet adottata. (149) Ninsisti li, diġà f’dak iż-żmien, l-ebda waħda minn dawn il-miżuri ma kienet tikkostitwixxi “alternattiva” vera.
– Mill-istess rapport jirriżulta li l-“alternattiva” (iktar restrittiva) l-oħra prevista fl-analiżi teknika (it-tneħħija totali tal-eċċezzjoni favur il-vetturi Euro VI kollha) twarrbet fid-dawl tal-eventwali inkompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni u tar-riskju li, fil-każ li tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din ma tipproduċi ebda effett fuq żmien qasir minħabba l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji.
– L-istudji xjentifiċi sussegwenti pprovduti mir-Repubblika tal-Awstrija juru biss l-effikaċja tal-pakkett ta’ miżuri u l-kapaċità tiegħu li jilħaq it-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet tal-emissjonijiet, iżda ma jwettqux eżami mill-ġdid eżawrjenti tal-proporzjonalità tiegħu fid-dawl taċ-ċirkustanzi l-ġodda.
– Minkejja l-osservanza tal-valuri ta’ limitu fl‑2021 u fl‑2022, mhux biss talli ma tnaqqsux il-miżuri eżistenti iżda talli, fl‑2023 u fl‑2024, magħhom żdiedet il-projbizzjoni ta’ traffiku fix-xitwa (150).
– Ma jidhirx li d-deċiżjoni li l-miżuri kollha eżistenti jinżammu fis-seħħ, fil-konfigurazzjoni attwali tagħhom, ġiet eżaminata mill-ġdid fil-kuntest tad-diskussjonijiet li ppreċedew dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Mill-proċess jirriżulta li, sa mill‑2018 inżammew laqgħat multilaterali speċifiċi mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar il-miżuri ta’ limitazzjoni tat-traffiku fuq l-awtostradi A12 u A13. Fl‑2023, dawn il-kuntatti ġew intensifikati, u dan wassal sabiex il-Kummissjoni tippreżenta lill-Istati Membri kkonċernati b’pakkett ta’ miżuri “ta’ kompromess”.
186. Mhux qiegħed insostni li fl‑2024, jew fis-snin preċedenti, is-sitwazzjoni fit-Tirol kienet tali li kienet teżiġi t-tneħħija totali tal-projbizzjoni settorjali. Lanqas ma niċħad li din il-miżura setgħet tikkontribwixxi sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tal-arja fit-Tirol u li, f’tali kuntest, l-objettiv li parti mit-trasport tal-merkanzija tiġi ddevjata lejn il-ferrovija jibqa’ leġittimu.
187. Ir-riżervi tiegħi għal din il-projbizzjoni huma ta’ natura differenti: inqis li s-sitwazzjoni li kienet teżisti b’effett mill‑2022 kienet timponi fuq l-awtoritajiet Awstrijaċi l-obbligu li jeżaminaw jekk il-projbizzjoni settorjali ta’ traffiku setgħetx tiġi llaxkata jew, jekk tinżamm mingħajr tibdiliet, jekk kienx jixraq li jitneħħew jew jiġu llaxkati miżuri restrittivi oħra li jifformaw parti mill-istess sett ta’ regoli (bħal, pereżempju, il-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl).
188. Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, inqis li t-tieni aggravju għandu jiġi milqugħ.
E. Il-projbizzjoni ta’ traffiku fix-xitwa (it-tielet motiv)
189. Ir-Repubblika Taljana tikkritika l-projbizzjoni ta’ traffiku għall-vetturi tqal tal-merkanzija applikabbli fuq l-awtostradi A12 u A13 b’destinazzjoni lejn l-Italja jew il-Ġermanja, jew lejn pajjiż ieħor aċċessibbli permezz ta’ dawn l-Istati, għas-sibtijiet kollha tal-perijodu ta’ bejn Jannar u l-bidu ta’ Marzu 2023, mis-seba’ ta’ filgħodu sat-tlieta ta’ wara nofsinhar.
190. Ir-Repubblika tal-Awstrija ma tikkontestax in-natura restrittiva tal-miżura, li teskludi (ħlief għal ftit eċċezzjonijiet) it-trasport ta’ merkanzija bit-triq permezz ta’ vetturi tqal tal-merkanzija għal tmien sigħat konsekuttivi, għal kull nhar ta’ sibt fuq perijodu ta’ xahrejn. Madankollu, hija tqis li din ir-restrizzjoni hija ġġustifikata minn rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali: l-iżgurar tas-sigurtà fit-toroq u l-funzjonament tajjeb tal-awtostradi fi żminijiet ta’ konġestjoni ta’ daqs kunsiderevoli.
191. Ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni jenfasizzaw li dan ir-rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali ma jinsabx fost l-interessi pubbliċi msemmija espliċitament fl-Artikolu 36 TFUE, b’tali mod li din ma tkunx valida jekk jiġi kkonstatat li din hija ta’ natura diskriminatorja. It-tnejn li huma jsostnu li jkun hemm tali natura diskriminatorja meta projbizzjoni tapplika b’mod selettiv, biss għall-vjaġġi b’destinazzjoni lejn l-Italja jew il-Ġermanja u mhux, għall-kuntrarju, għall-vjaġġi purament interni jew għat-trasport internazzjonali b’destinazzjoni lejn l-Awstrija. Huma jenfasizzaw, ukoll, li mill-perspettiva tas-sigurtà fit-toroq u tar-riskju ikbar ta’ konġestjoni tat-traffiku u ta’ inċidenti, id-destinazzjoni finali tat-trasport hija kompletament irrilevanti.
192. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-miżura hija applikabbli mingħajr distinzjoni, indipendentement mill-oriġini tal-merkanzija ttrasportata u mill-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-vettura.
193. Id-difiża tar-Repubblika tal-Awstrija ma hijiex suffiċjenti sabiex tneħħi r-riżervi serji li għandi fir-rigward ta’ din il-projbizzjoni, li n-natura diskriminatorja tagħha jidhirli li hija inkontestabbli.
194. Naqbel mar-Repubblika Taljana u mal-Kummissjoni li l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni jiġi ddefinit biss abbażi tad-destinazzjoni finali tal-vettura, b’tali mod li l-projbizzjoni tiġi llimitata għall-vjaġġi b’destinazzjoni lejn pajjiż barrani, ma huwiex ġustifikabbli, speċjalment fid-dawl tal-għan li l-miżura, allegatament, tfittex li tilħaq. Fid-dokumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma sibtx spjegazzjonijiet suffiċjenti dwar ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din l-għażla (151).
195. In-natura diskriminatorja ta’ din il-projbizzjoni ma teskludix, fiha nnifisha, il-possibbiltà li din tiġi ġġustifikata permezz ta’ rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (152). Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk din il-miżura hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi l-ilħuq tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.
196. Fl-astratt, projbizzjoni ta’ traffiku ta’ vetturi tqal tal-merkanzija matul ċerti ġranet jew ċerti ħinijiet tista’ tiggarantixxi livell għoli ta’ sigurtà fit-toroq meta jkun raġonevoli li jiġi preżunt li t-traffiku, b’mod partikolari dak tal-vetturi tal-passiġġieri, ser ikun eċċezzjonalment intens (pereżempju, minħabba btajjel pubbliċi jew ċerti perijodi tal-istaġun turistiku).
197. Għalhekk, jekk il-miżura inkwistjoni tiġi eżaminata b’mod iżolat, u irrispettivament min-natura eventwalment diskriminatorja tagħha, ikun jista’ probabbilment jitqies li din ma tqajjimx problemi ta’ kompatibbiltà mal-Artikoli 34 u 35 TFUE.
198. Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti meta l-impatt li l-projbizzjoni ta’ traffiku fix-xitwa tiġġenera fuq it-traffiku intra-Komunitarju jiġi evalwat fid-dawl tal-miżuri l-oħra eżistenti, li magħhom din tinteraġixxi.
199. Fil-fatt, fil-ġranet tas-sibt tax-xitwa, it-traffiku tal-vetturi tqal tal-merkanzija kien possibbli biss mill-ħamsa ta’ filgħodu (hekk kif tintemm il-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl) sas-seba’ ta’ filgħodu (hekk kif tibda tapplika l-miżura inkwistjoni). Hekk kif jintemm il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ traffiku fix-xitwa, kien jibda l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul tmiem il-ġimgħa, li kienet tapplika matul is-sena kollha mit-tlieta ta’ wara nofsinhar tal-ġurnata tas-Sibt sal-għaxra ta’ billejl tal-ġurnata tal-Ħadd.
200. Barra minn hekk, fil-ġranet tal-Ħadd ta’ wara s-Sibtijiet ikkonċernati mill-projbizzjoni tax-xitwa, il-possibbiltà ta’ traffiku kienet limitata għal siegħa waħda biss (bejn l-għaxra ta’ billejl u l-ħdax ta’ billejl), peress li f’dak il-ħin kienet tibda tapplika l-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl, li kienet tipprekludi t-traffiku sal-ħamsa ta’ filgħodu tat-Tnejn.
201. Fil-qosor, mill-għaxra ta’ billejl tal-Ġimgħa sal-ħamsa ta’ filgħodu tat-Tnejn, it-tranżitu fuq l-assi awtostradali A12 u A13 tal-vetturi tqal tal-merkanzija b’destinazzjoni lejn l-Italja jew il-Ġermanja kien permess biss matul tliet sigħat. Il-qosor ta’ din it-“tieqa” ta’ ħin, ikkunsidrat flimkien mat-tul tal-vjaġġ bejn il-Ġermanja u l-Italja u man-neċessità tal-osservanza tal-limiti ta’ veloċità stabbiliti, kien jirrendi t-trasport internazzjonali ta’ merkanzija b’vetturi tqal tal-merkanzija matul tmiem il-ġimgħa prattikament impossibbli. Barra minn hekk, jekk wieħed jikkunsidra l-ġimgħa fil-globalità tagħha, il-vetturi tqal tal-merkanzija setgħu jiċċirkolaw mingħajr restrizzjoni għal madwar 46 % biss tal-ħin totali.
202. F’dan il-kuntest, l-allegata neċessità li tiżdied is-sigurtà fit-toroq u li jiġu evitati konġestjonijiet għal tmien sigħat matul il-ġranet tas-Sibt tax-Xitwa għandha bħala raġuni, fil-parti l-kbira, l-effetti tal-miżuri l-oħra ta’ traffiku adottati mir-Repubblika tal-Awstrija, li jostakolaw jew jimpedixxu t-trasport internazzjonali ta’ vetturi tqal tal-merkanzija, kemm fis-sigħat ta’ qabel kif ukoll fis-sigħat ta’ wara dan il-ħin (l-effett flimkien tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl u tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul tmiem il-ġimgħa jimplika li t-traffiku ta’ vetturi tqal tal-merkanzija jiġi ffokat fuq il-ħinijiet ta’ binhar tas-Sibt).
203. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-projbizzjoni ta’ traffiku fix-xitwa, sakemm kienet fis-seħħ, ma tistax tiġi kklassifikata bħala realment neċessarja għall-ilħuq tal-għan invokat.
204. Fl-istess ħin, il-projbizzjoni tqajjem problemi anki mill-perspettiva tal-proporzjonalità fis-sens strett tal-kelma. Fil-fatt, din tkun inqas restrittiva jekk, meta jkun hemm projbizzjoni li taffettwa s-sigħat ta’ binhar tas-Sibtijiet tax-Xitwa, il-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl tal-Ġimgħa, jew il-projbizzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa, titnaqqas b’numru ta’ sigħat paragunabbli. L-interessi protetti mill-miżuri l-oħra (it-tnaqqis tal-emissjonijiet li jniġġsu) ikunu, matul is-Sibtijiet inkwistjoni, suffiċjentement iggarantiti mill-projbizzjoni ta’ traffiku ta’ binhar.
205. Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija kkawżata mill-projbizzjoni ta’ traffiku fix-xitwa, minbarra li hija diskriminatorja, ma hijiex debitament iġġustifikata. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi milqugħ.
F. Id-dożaġġ tat-traffiku (ir-raba’ motiv)
206. Ir-Repubblika Taljana tikkritika miżura, introdotta minn Marzu 2018, li tillimita għal massimu ta’ tliet mitt vettura fis-siegħa n-numru ta’ vetturi tqal tal-merkanzija li joriġinaw mill-Ġermanja u b’destinazzjoni lejn in-Nofsinhar fuq l-awtostrada A12. Il-miżura tapplika f’jiem determinati, stabbiliti minn qabel mill-awtoritajiet Awstrijaċi u mħabbra pubblikament u perjodikament.
207. Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta n-natura restrittiva ta’ din il-miżura. Hija tenfasizza li din hija intiża sabiex tagħmel it-traffiku iktar fluwidu fid-dati li fihom, skont l-esperjenza, wieħed jista’ jistenna żieda qawwija fit-traffiku tal-vetturi. Barra minn hekk, dan jippermetti wkoll li s-servizzi ta’ emerġenza jwettqu l-interventi meħtieġa b’mod iktar effettiv.
208. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, id-dożaġġ ma jostakolax realment it-traffiku tal-merkanzija. Din is-sistema tapplika biss għal ġranet fejn dan ikun assolutament neċessarju u għal ftit sigħat (ġeneralment filgħodu). Din ma timponix numru stabbilit minn qabel ta’ vetturi ammessi, peress li t-tnaqqis tal-vetturi li jingħaqdu mal-awtostradi jintlaħaq permezz tal-impożizzjoni ta’ limitu ta’ veloċità addizzjonali.
209. B’mod ġenerali, limitazzjoni tan-numru ta’ vetturi tqal tal-merkanzija ammessi sabiex jiċċirkulaw fuq medda tal-awtostrada tan-netwerk trans-Ewropew tista’ tiġi kklassifikata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE. Bħala tali, din tkun ta’ natura li tiskoraġġixxi, jew saħansitra li ddewwem b’mod sinjifikattiv, it-trasport intra-Komunitarju ta’ merkanzija, billi tirrendih iktar kumpless u iktar għali.
210. Issa, mhux konvint li kwalsiasi miżura li tillimita n-numru ta’ vetturi tqal tal-merkanzija li jistgħu jiċċirkolaw fuq medda ta’ awtostrada f’mument partikolari hija, inevitabbilment, inkompatibbli mal-Artikolu 34 TFUE.
211. Il-kapaċità li miżura tipproduċi effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-merkanzija tiddependi minn diversi varjabbli. Fil-fatt, jekk tiġi applikata b’mod eċċezzjonali, meta dan ikun neċessarju sabiex jiġu evitati l-konġestjonijiet, u jekk tinżamm biss għaż-żmien strettament neċessarju, din tista’ — kif issostni r-Repubblika tal-Awstrija — saħansitra jkollha effetti favorevoli fuq il-moviment liberu.
212. Min-naħa l-oħra, miżura li tiġi applikata, relattivament, ta’ spiss, anki f’sitwazzjonijiet fejn l-utilità tagħha ma hijiex ċara, ikollha effetti restrittivi fuq il-moviment liberu.
213. Jekk, kif sostniet ir-Repubblika tal-Awstrija, id-dożaġġ fir-realtà jirriżulta f’sempliċi limitu ta’ veloċità impost, b’mod eċċezzjonali, fuq meded speċifiċi tal-awtostrada f’ċirkustanzi partikolari, meta jkun hemm previżjonijiet fondati ta’ konġestjoni tat-traffiku, ma nemminx li dan id-dożaġġ jista’ jiġi kkritikat.
214. Abbażi ta’ dawn il-premessi, ma naħsibx li r-Repubblika Taljana ssodisfat l-oneru tagħha li turi li s-sistema ta’ dożaġġ ikkontestata tikser l-Artikolu 34 TFUE.
215. L-ewwel nett, it-test tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma jipprovdix espliċitament l-elementi neċessarji sabiex wieħed jifhem in-natura tal-miżura kkontestata u l-mod konkret li bih din tiġi applikata. Fil-fatt, il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni li sservi bħala bażi għall-miżura hija pjuttost wiesgħa, jekk mhux saħansitra vaga (153).
216. F’dan il-kuntest, kienet ir-Repubblika Taljana, inkwantu rikorrenti, li kellha (i) tipprovdi l-informazzjoni kollha utli lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tifhem l-istruttura u l-funzjonament tal-miżura kkontestata; u li kellha (ii) tipproduċi l-provi biex issostni l-argumenti tagħha.
217. Nemmen li r-Repubblika tal-Italja ma ssodisfatx dawn il-kundizzjonijiet. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Awstrija kkontestat l-eżattezza tad-deskrizzjoni tal-miżura li tinsab fir-rikors u r-Repubblika Taljana ma weġbitx b’mod konvinċenti għal din l-oġġezzjoni la fir-replika, la fl-osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni u lanqas waqt is-seduta.
218. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ma tipproduċix provi insostenn tal-argument tagħha (bħal, pereżempju, deċiżjonijiet jew ċirkulari amministrattivi) u ma tagħmilx riferiment għal dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku li jistgħu jikkorroboraw il-fatti allegati. In-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni għandha lakuni simili fuq dan il-punt.
219. L-argumenti tar-Repubblika Taljana dwar l-effetti restrittivi reali tal-miżura huma inkompleti. F’dawn l-argument jiġi sempliċement sostnut li, wara l-introduzzjoni tagħha fl‑2018, in-numru ta’ ġranet li fihom tiġi applikata l-miżura żdied progressivament matul iż-żmien (154). Fihom lanqas ma jiġi spjegat jekk id-dożaġġ ġiex awtorizzat, u f’liema każijiet, f’sitwazzjonijiet fejn ma kienx hemm bżonn reali, jew għal finijiet differenti minn dawk invokati mir-Repubblika tal-Awstrija.
220. Ir-Repubblika Taljana għalhekk ma wrietx li s-sistema ta’ dożaġġ tipproduċi effetti fuq il-moviment liberu li jistgħu jagħtu lok għal “restrizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE. Fin-nuqqas ta’ provi konkreti f’dan ir-rigward, l-eventwali effetti restrittivi ta’ din il-miżura huma wisq inċerti u mbiegħda biex jitqiesu rilevanti.
221. Fil-qosor, inqis li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.
VI. Fuq l‑ispejjeż
222. Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.
223. Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.
VII. Konklużjoni
224. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
“1) Ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 34 u 35 TFUE billi adottat l-Artikoli 3 u 4 tal-Verordnung des Landeshauptmannes vom 27. Oktober 2010, mit der auf der A12 Inntal Autobahn ein Nachtfahrverbot für Schwerfahrzeuge erlassen wird (ir-Regolament tal-Ministru President tas‑27 ta’ Ottubru 2010 li Jistabbilixxi Projbizzjoni ta’ Traffiku matul il-Lejl għall-Vetturi Tqal tal-Merkanzija fuq l-Awtostrada A12 tal-Wied ta’ Inn), fil-verżjoni tiegħu kif emendata fl‑2021.
2) Ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 34 u 35 TFUE billi adottat l-Artikoli 3 u 4 tal-Verordnung des Landeshauptmannes vom 18. Mai 2016, mit der auf einem Abschnitt der A12 Inntal Autobahn der Transport bestimmter Güter im Fernverkehr verboten wird (ir-Regolament tal-Ministru President tat‑18 ta’ Mejju 2016 li Jipprojbixxi t-Trasport fuq Distanzi Twal ta’ Ċerta Merkanzija fuq Medda tal-Awtostrada A12 tal-Wied ta’ Inn), fil-verżjoni tiegħu kif emendata l-aħħar fl‑2023.
3) Ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 34 u 35 TFUE billi adottat il-Verordnung der Bundesministerin für Klimaschutz, Umwelt, Energie, Mobilität, Innovation und Technologie, mit der für die A12 Inntalautobahn und die A13 Brennerautobahn an bestimmten Samstagen im Winter 2023 ein Fahrverbot für Lastkraftfahrzeuge verfügt wird (ir-Regolamenti tal-Ministru Federali għall-Protezzjoni tal-Klima, għall-Ambjent, għall-Enerġija, għall-Mobbiltà, għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija li Jistabbilixxu Projbizzjoni tat-Traffiku għat-Trakkijiet fuq l-Awtostrada A12 fil-wied ta’ Inn u fuq l-Awtostrada A13 ta’ Brennero f’Ċerti Ġranet tas-Sibt tax-Xitwa 2023).
4) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
5) Ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.”
1 Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
2 Ser nirreferi għalihom ukoll bħala “awtostrada tal-wied ta’ Inn” u “awtostrada ta’ Brennero” rispettivament.
3 Sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑320/03, EU:C:2005:684; iktar ’il quddiem is-“sentenza Brennero I”), u tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑28/09, EU:C:2011:854; iktar ’il quddiem is-“sentenza Brennero II”).
4 Sentenza Brennero II, punt 116: “[...] il-medda tal-awtostrada A 12 tikkostitwixxi waħda mit-toroq prinċipali ta’ komunikazzjoni fuq l-art bejn in-Nofsinhar tal-Ġermanja u t-Tramuntana tal-Italja. Meta ġġiegħel lill-impriżi kkonċernati jfittxu soluzzjonijiet sostituttivi li jħallu profitt għat-trasport tal-merkanzija msemmija fir-regolament ikkontestat, il-projbizzjoni settorjali ta’ traffiku tista’ taffettwa sostanzjalment it-tranżitu tal-merkanzija bejn l-Ewropa ta’ Fuq u t-Tramuntana tal-Italja”.
5 Stabbilita fil-Protokoll Nru 9 dwar it-trasport bit-triq, bil-ferrovija u traffiku konġunt fl-Awstrija, anness mal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Renju tan-Norveġja, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja u dwar l-adattamenti tat-trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 9, u ĠU 1995, L 1, p. 1).
6 Ara l-listi ta’ merkanzija li jinsabu fil-punt 24 tas-sentenza Brennero I u fil-punt 19 tas-sentenza Brennero II. Dawn, essenzjalment, jaqblu mal-lista ta’ merkanzija koperta mill-projbizzjoni settorjali attwalment fis-seħħ.
7 Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L. 152, p. 1).
8 Proċedura INFR(2016) 2006. Fl‑2023, wara li kkonstatat tnaqqis fil-livell annwali tal-emissjonijiet ta’ NO2 fit-Tirol u l-osservanza sistematika, sa mill‑2020, tal-valur ta’ limitu stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
9 Prevista fl-Artikoli 3 u 4 tal-Verordnung des Landeshauptmannes vom 27. Oktober 2010, mit der auf der A12 Inntal Autobahn ein Nachtfahrverbot für Schwerfahrzeuge erlassen wird (ir-Regolament tal-Ministru President tas‑27 ta’ Ottubru 2010 li Jistabbilixxi Projbizzjoni ta’ Traffiku matul il-Lejl għall-Vetturi Tqal tal-Merkanzija fuq l-Awtostrada A12 tal-Wied ta’ Inn) (LGBl. Nru 64/2010), verżjoni emendata (LGBl. Nru 141/2021) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-projbizzjoni ta’ billejl”).
10 Huma eżentati minn din il-projbizzjoni l-vetturi esklużivament elettriċi jew mgħammra b’teknoloġija taċ-ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu. Iktar ’il quddiem, meta nagħmel riferiment sempliċement għal vetturi tqal tal-merkanzija, inkun qiegħed nitkellem dwar dawk li għandhom massa massima awtorizzata ta’ iktar minn 7.5 tunnellati.
11 Il-projbizzjoni tapplika fiż-żewġ direzzjonijiet għat-traffiku tal-awtostrada A12 bejn il-kilometru 6.35 (Komun ta’ Langkampfen) u l-kilometru 90 (Komun ta’ Zirl).
12 Erläuternde Bemerkungen zur Verordnung des Landeshauptmannes, mit der die Verordnung, mit der auf der A12 Inntal Autobahn ein Nachtfahrverbot für Schwerfahrzeuge erlassen wird, geändert wird (il-Kummenti ta’ Spjega dwar ir-Regolament tal-Ministru President li Jemenda r-Regolament li Jistabbilixxi Projbizzjoni ta’ Traffiku Matul il-Lejl għall-Vetturi Tqal tal-Merkanzija fuq l-Awtostrada A12 tal-Wied ta’ Inn; iktar ’il quddiem ir-“Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl”).
13 Konsegwentement, l-għan tagħha ma huwiex li tnaqqas b’mod kwantitattiv it-tranżitu bit-triq tal-vetturi tqal tal-merkanzija fuq il-medda tal-awtostrada kkonċernata, iżda li tqassam dan it-tranżitu fuq ħinijiet iktar favorevoli għad-dispersjoni tal-emissjonijiet (Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl, p. 64, li jipparaguna din il-miżura mal-projbizzjoni settorjali).
14 Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl, p. 63:
15 Ara r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttivi 80/1269/KEE, 2005/55/KE u 2005/78/KE (ĠU 2009, L 188, p. 1).
16 Ir-Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl jindika li, bis-saħħa tal-miżuri tat-traffiku adottati matul iż-żmien, kien hemm tiġdid sostanzjali tal-flotta li tiċċirkola fuq il-kuritur Brenner, li hija “iktar modern minn dik tas-soltu” (p. 60; ara wkoll id-data miġbura fil-paġni 12, 13 u 39). Hija kompliet tesponi li, fis-sistema preċedenti, kwantità sinjifikattiva ta’ vetturi tqal tal-merkanzija baqgħet awtorizzata tiċċirkola matul il-ħinijiet ta’ billejl taħt l-eċċezzjoni ġenerali għall-vetturi Euro VI, u dan kien jippreġudika l-effikaċja tal-miżura u l-kontribuzzjoni tagħha għat-titjib tal-kwalità tal-arja. Għal din ir-raġuni l-imsemmija eżenzjoni ma ġietx estiża bl-emenda tal‑2021.
17 Din il-kategorija tinkludi t-trasport neċessarju għall-kontinwità tal-kura medika b’emerġenza, ix-xogħlijiet fuq in-network tal-awtostradi jew tal-ferrovija, is-servizzi ta’ towing u ta’ assistenza f’każ ta’ ħsara, is-servizzi ta’ salvataġġ u l-ispostament mhux mistenni tal-armata federali.
18 L-eċċezzjoni tikkonċerna ż-żoni “prinċipali” u “estiżi” li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ħadet inkunsiderazzjoni meta ddeċidiet dwar il-projbizzjoni settorjali ta’ traffiku (punti 20 u 21 tas-sentenza Brennero II). Iktar ’il quddiem, ser nirreferi għaliha bħala l-“eżenzjoni tat-traffiku lokali u reġjonali”.
19 Iż-“żona prinċipali” tinkludi d-distretti ta’ Imst, ta’ Innsbruck-Land, ta’ Innsbruck-Stadt, ta’ Kufstein u ta’ Schwaz.
20 Iż-“żona estiża” tikkorrispondi għad-distretti ta’ Kitzbühel, ta’ Landeck, ta’ Lienz, ta’ Reutte u ta’ Zell am See fl-Awstrija, għad-distretti rurali ta’ Bad Tölz-Wolfratshausen, ta’ Garmisch-Partenkirchen, ta’ Miesbach, ta’ Rosenheim (inkluża l-belt) u ta’ Traunstein fil-Ġermanja kif ukoll għall-komunitajiet tad-distrett ta’ Eisacktal, ta’ Pustertal u ta’ Wipptal fl-Italja.
21 Wara t-tħassir tal-eċċezzjoni ġenerali favur il-vetturi Euro VI.
22 Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl, p. 60: “L-aċċess għal dawn iż-żoni [partikolarment affettwati] huwa żgurat prinċipalment permezz tar-“rotta pprojbita”. Jekk l-ivjaġġar fuq din ir-rotta jiġi pprojbit, l-impriżi stabbiliti f’dik iż-żona jkunu ħafna iktar affettwati minn dawk stabbiliti f’żoni aċċessibbli minn rotot oħra jew minn punti oħra. Barra minn hekk, għall-ivjaġġar fiż-żona estiża, il-ferrovija ma tikkostitwixxix alternattiva vijabbli minħabba d-distanzi qosra. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, l-ivvjaġġar bit-triq tat-traffiku lokali u reġjonali għandu jkompli jkun permess.”
23 Prevista fl-Artikoli 3 u 4 tal-Verordnung des Landeshauptmannes vom 18. Mai 2016, mit der auf einem Abschnitt der A12 Inntal Autobahn der Transport bestimmter Güter im Fernverkehr verboten wird (ir-Regolament tal-Ministru President tat‑18 ta’ Mejju 2016 li Jipprojbixxi t-Trasport fuq Distanzi Twal ta’ Ċerta Merkanzija fuq Medda tal-Awtostrada A12 tal-Wied ta’ Inn (LGBl. Nru 44/2016, fil-verżjoni tiegħu kif emendat bil-LGBl. Nru 48/2023; iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-projbizzjoni settorjali ta’ traffiku”). Il-kontenut tiegħu huwa ppreċiżat fl-Erläuternde Bemerkungen zur Verordnung des Landeshauptmannes, mit der auf einem Abschnitt der A12 Inntal Autobahn der Transport bestimmter Güter im Fernverkehr verboten wird (il-Kummenti ta’ Spjega dwar ir-Regolament tal-Ministru President li Jipprojbixxi t-Trasport fuq Distanzi Twal ta’ Ċerta Merkanzija fuq Medda tal-Awtostrada A12 tal-Wied ta’ Inn; iktar ’il quddiem ir-“Rapport dwar il-projbizzjoni settorjali”).
24 Il-lista ta’ merkanzija suġġetta għal din il-projbizzjoni tinkludi dik il-merkanzija analizzata fis-sentenzi Brennero I u II. Ma din il-merkanzija ġiet, issa, miżjuda merkanzija oħra: karta u kartun; prodotti likwidi taż-żejt; siment, ġir u ġibs; pajpijiet u profili vojta; ċereali.
25 Il-projbizzjoni tapplika fiż-żewġ direzzjonijiet għat-traffiku tal-awtostrada A12 bejn il-kilometru 6.35 (Komun ta’ Langkampfen) u l-kilometru 72 (Komun ta’ Ampass).
26 Rapport dwar il-projbizzjoni settorjali, p. 27 u 28.
27 Ir-Rapport dwar il-projbizzjoni settorjali jirrepeti kunsiderazzjonijiet simili għal dawk li r-Repubblika tal-Awstrija invokat fil-kawża Brennero II (punti 102 u 103 tas-sentenza Brennero II).
28 Attwalment, iż-żoni prinċipali u estiżi huma delimitati b’mod identiku għal dak li diġà ġie espost fir-rigward tal-projbizzjoni tat-traffiku matul il-lejl. Sal‑31 ta’ Diċembru 2023, iż-żona estiża kienet tinkludi wkoll żoni oħra fl-Awstrija, fl-Iżvizzera u fil-Liechtenstein.
29 Kif ikkonfermat mis-sentenza Brennero II, punt 134.
30 Fir-rigward ta’ din l-aħħar eċċezzjoni, ir-Rapport dwar il-projbizzjoni settorjali (p. 56) jindika li din kienet tkopri, inizjalment, il-vetturi Euro VI kollha, indipendentement mid-data ta’ reġistrazzjoni. Din kellha l-għan li tippermetti li l-impriżi jkollhom żmien suffiċjenti sabiex jadattaw il-loġistika tat-trasport għas-sitwazzjoni legali l-ġdida u li tħeġġeġ il-modernizzazzjoni rapida tal-flotta. Madankollu, it-tneħħija progressiva tagħha kienet prevista sa mill-bidu, minħabba, minn naħa, l-impatt negattiv dejjem jikber tagħha fuq l-effikaċja globali tal-projbizzjoni settorjali (peress li l-modernizzazzjoni progressiva tal-flotta hekk milħuqa twassal għal żieda fil-kwantità ta’ vetturi tqal tal-merkanzija awtorizzati li jiċċirkolaw taħt din id-deroga) u, min-naħa l-oħra, minħabba l-interessi ekonomiċi tal-impriża ferrovjarja.
31 Introdott mil-LGBl. Nru 81/2019.
32 Li jikkorrispondu għall-istandards Euro VI tal-kategoriji D u E, li huma iktar effiċjenti mill-perspettiva tal-ambjent, bl-esklużjoni tal-kategoriji (li jniġġsu aktar) A, B u parzjalment, C.
33 Ir-Repubblika tal-Awstrija pproduċiet (punt 121 tar-risposta tagħha) studji li juru “effett ta’ deterjorament skont il-kilometraġġ”.
34 Dawn huma eċċezzjonijiet favur vetturi esklużivament elettriċi jew mgħammra b’teknoloġija taċ-ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu; favur ċertu trasport qabel jew wara t-trasbord bil-ferrovija; favur servizzi ta’ salvataġġ u l-ispostament mhux mistenni tal-armata federali (previsti rispettivament fl-Artikolu 4 (c), (d), (f) u (g) tar-Regolament dwar il-projbizzjoni settorjali ta’ traffiku).
35 Verordnung der Bundesministerin für Klimaschutz, Umwelt, Energie, Mobilität, Innovation und Technologie, mit der für die A12 Inntalautobahn und die A13 Brennerautobahn an bestimmten Samstagen im Winter 2023 ein Fahrverbot für Lastkraftfahrzeuge verfügt wird (Winterfahrverbotskalender 2023) (ir-Regolamenti tal-Ministru Federali għall-Protezzjoni tal-Klima, għall-Ambjent, għall-Enerġija, għall-Mobbiltà, għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija li Jistabbilixxu Projbizzjoni tat-Traffiku għat-Trakkijiet fuq l-Awtostrada A12 fil-wied ta’ Inn u fuq l-Awtostrada A13 ta’ Brennero f’Ċerti Ġranet tas-Sibt tax-Xitwa 2023 (Kalendarju tal-Projbizzjonijiet tat-Traffiku fix-Xitwa 2023) (BGB1 II Nru 3/2023; iktar ’il quddiem il-“Kalendarju tal-projbizzjoni tax-xitwa tal‑2023”).
36 BGBl. II Nru 2/2024.
37 Ma jidhirx li l-miżura kienet limitata għal ċerti meded ta’ dawn l-awtostradi, iżda jidher li kienet tapplika għat-tul kollu tagħhom.
38 Fl‑2023, il-miżura ġiet applikata għall-ġranet tas-Sibt kollha konsekuttivi, bejn is‑7 ta’ Jannar u l‑11 ta’ Marzu. Fl‑2024, mit‑13 ta’ Jannar sad‑9 ta’ Marzu.
39 Il-Kalendarju tal-projbizzjoni tax-xitwa tal‑2023 kien jinkludi lista eteroġenja ta’ merkanzija eskluża mill-miżura: it-trasport ta’ annimali, ta’ spedizzjonijiet postali u ta’ gazzetti, ta’ prodotti għall-provvista ta’ ristoranti jew ta’ avvenimenti gastronomiċi, diversi vjaġġi intiżi għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali. Min-naħa l-oħra, ebda eżenzjoni ġenerali ma kienet prevista għall-prodotti li jitħassru.
40 Bundesgesetz vom 6. Juli 1960, mit dem Vorschriften über die Straßenpolizei erlassen werden (il-Liġi Federali li Tapprova Dispożizzjonijiet dwar is-Sigurtà fit-Toroq, tas‑6 ta’ Lulju 1960) (BGBl. Nru 159/1960).
41 Fil-punt 186 tar-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija tispjega li t-tnaqqis matul il-perijodu kritiku tal-qofol tat-traffiku ta’ filgħodu huwa intiż li “jiggarantixxi li n-numru ta’ vetturi tqal tal-merkanzija li jaqsmu l-fruntiera f’Kufstein ikun strettament aġġustat mal-kapaċità ta’ assorbiment tal-awtostradi tal-wied ta’ Inn u tal-Brennero”. Fl-istess ħin, il-veloċità tal-vetturi tqal tal-merkanzija hija limitata fid-direzzjoni ta’ Innsbruck. Matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija ma semmietx tnaqqis fil-veloċità, iżda li “in-numru ta’ vetturi tqal tal-merkanzija fi tranżitu qiegħed jonqos u jiġi ddistribwit fuq inħawi oħra matul il-perijodu kritiku” (Taqsima 5.1).
42 L-ippjanar tat-trasport jiġi għalhekk iffaċilitat u dan jippermetti li jittaffew l-effetti tad-dożaġġ, jew permezz tal-ispostament tal-vjaġġi lejn ħinijiet inqas kritiċi, jew billi dawn isiru bit-trasport ferrovjarju.
43 C(2024) 3219 final; iktar ’il quddiem l-“opinjoni motivata”.
44 Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑525/14, EU:C:2016:714), punti 16 u 18 u l-ġurisprudenza ċċitata.
45 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
46 Sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑362/90, EU:C:1992:158, punti 11 sa 13).
47 Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑678/11, EU:C:2014:2434), punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata.
48 Ara, b’mod ġenerali, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑433/13, EU:C:2015:602), punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.
49 Sentenza tat‑30 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑110/89, EU:C:1991:227, punt 24).
50 Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑620/16, EU:C:2019:256), punti 48, 49 u 96.
51 Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2001, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑276/99, EU:C:2001:576), punt 32.
52 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża l-Kummissjoni vs L-Ungerija (Materjali tal-kostruzzjoni għall-infrastruttura kritika) (C‑499/23, EU:C:2025:61), punti 34 sa 40.
53 Sentenza tal‑11 ta’ Mejju 1999, Monsees (C‑350/97, EU:C:1999:242, punt 23).
54 Sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 1998, Bluhme (C‑67/97, EU:C:1998:584), punt 20.
55 Sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C‑379/92, EU:C:1994:296), punt 24.
56 Sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2026, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Tariffa addizzjonali għall-estrazzjoni mill-minjieri) (C‑144/24, EU:C:2026:34), punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
57 Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana) (C‑559/19, EU:C:2021:512), punt 47.
58 Sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑565/08, EU:C:2011:188), punti 52 sa 55; u tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑562/10, EU:C:2012:442), punti 41 sa 43.
59 Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑420/01, EU:C:2003:363, punt 30).
60 Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2025, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Materjali tal-kostruzzjoni għal infrastrutturi kritiċi) (C‑499/23, EU:C:2025:875), punt 73.
61 Il-projbizzjoni hija mfassla b’mod differenti fit-tliet każijiet, jew matul l‑24 siegħa (biss fir-rigward ta’ ċerta merkanzija), jew f’ħinijiet speċifiċi jew fi ġranet speċifiċi għall-parti l-kbira tal-merkanzija. Madankollu, matul il-perijodu li fih tapplika kull waħda mill-projbizzjonijiet, it-trasport bit-triq tal-merkanzija kkonċernata huwa impossibbli jew huwa limitat għall-każijiet eċċezzjonali previsti mil-liġi.
62 Fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl u tal-projbizzjonijiet settorjali ta’ traffiku, ir-rapporti ta’ spjegazzjoni tar-regolamenti li jistabbilixxu dawn il-miżuri jirrikonoxxu n-natura restrittiva tagħhom: ara r-Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl, p. 62, u r-Rapport dwar il-projbizzjoni settorjali, p. 35. Fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ traffiku fix-xitwa, fil-punti 151 sa 154 tar-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tikkontestax l-eżistenza ta’ restrizzjoni, iżda biss in-natura diskriminatorja tagħha.
63 Sentenza Brennero II, punti 108 sa 111.
64 Sentenzi Brennero II, punt 117, u Brennero I, punt 69.
65 Sentenzi Brennero II, punt 119, u Brennero I, punt 70.
66 Sentenza tal‑20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral (120/78, EU:C:1979:42).
67 Sentenza tas‑26 ta’ April 1988, Bond van Adverteerders et (352/85, EU:C:1988:196, punt 32).
68 Is-sentenza Brennero II, punt 122, irrikonoxxiet li “l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tal-protezzjoni tas-saħħa, [...] huma intimament marbuta wieħed mal-ieħor, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja [...]”.
69 Konklużjonijiet fil-kawżi magħquda Essent Belgium (C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2013:294), punti 86 sa 98.
70 Sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), punti 68 sa 81; tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑524/07, EU:C:2008:717), punti 54 u 55; tat‑30 ta’ April 2009, Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft (C‑531/07, EU:C:2009:276), punti 22 u 34; u tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium (C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192), punti 90 sa 96.
71 Bla ħsara għall-fatt li, skont iċ-ċirkostanzi, in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ miżura diskriminatorja jkunu suġġetti għal analiżi iktar fil-fond.
72 Sentenzi Brennero II, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata (korsiv miżjud minni).
73 Din id-data tenfasizza li t-tendenza għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jniġġsu hija analoga fl-istazzjon ta’ Bressanone (Brixen), fl-Alto Adige (it-Tirol tan-Nofsinhar, l-Italja), fejn il-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl ma tapplikax, u fl-istazzjon ta’ kejl ta’ Vomp/Stazzjoni ta’ servizz A12, fit-Tirol (l-Awstrija), suġġetta għal din il-projbizzjoni. L-istazzjon tal-kejl ta’ Vomp tittieħed bħala punt ta’ riferiment, peress li, skont ir-Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl, din hija l-istazzjon li fiha ġew storikament irreġistrati l-ogħla livelli ta’ konċentrazzjonijiet ta’ NO2.
74 L-osservazzjonijiet tar-Repubblika Taljana dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni, punt 12 (korsiv miżjud minni).
75 Huwa raġonevoli li jiġi sostnut li l-modernizzazzjoni tal-flotta hija ta’ benefiċċju wkoll għaż-żoni Taljani ġirien. Jekk, sabiex jiċċirkolaw mingħajr restrizzjoni fuq l-awtostradi Awstrijaċi, il-vetturi tqal tal-merkanzija għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-klassijiet Euro VI, jista’ jiġi preżunt li flotta iktar moderna ser tiċċirkola wkoll fuq il-meded Taljani ta’ awtostrada li jkomplu mal-A13 (Bressanone tinsab fil-Wied ta’ Isarco, inkluż fiż-“żona estiża” li fiha tapplika d-deroga Euro VI).
76 A ra r-rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl, p. 60:
77 Ir-Repubblika tal-Awstrija tinsisti fuq il-komparabbiltà taż-żewġ projbizzjonijiet. Hija tallega li s-sentenza Brennero II ma għamlitx riferiment dirett għall-projbizzjoni settorjali ta’ traffiku, iżda pjuttost, b’mod ġenerali, għall-“miżuri nazzjonali ddestinati sabiex imexxu l-flussi ta’ trasport jew li jinfluwenzaw il-metodi ta’ trasport”, li japplika wkoll għall-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl.
78 Fl-ewwel inċiż tal-punt 16 tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni, tiġi indikata l-awtostrada A10 bħala għażla alternattiva. Din taqsam it-territorju Awstrijak f’punt iktar fil-Lvant meta mqabbel mal-assi kompost mill-awtostradi A12 u A13, li jestendi minn Salzburg lejn il-belt ta’ Villach, li tinsab qrib il-fruntiera mas-Slovenja. Għall-vjaġġi lejn iċ-ċentru tat-tramuntana tal-Italja, din ir-rotta timplika, minkejja l-prossimità mal-Friuli Venezia Giulia (l-Italja), devjazzjoni kunsiderevoli.
79 Fir-rigward tal-merkanzija (inqas numeruża) koperta mill-projbizzjoni settorjali, ir-Repubblika tal-Awstrija wriet, billi pprovdiet studji ta’ esperti li jqabblu l-“affinità [tagħha] mal-ferrovija”, li t-trasport bil-ferrovija jista’ jkun alternattiva prattikabbli. Min-naħa l-oħra, hija ma wrietx dan fir-rigward tal-merkanzija (iktar numeruża) ikkonċernata mill-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl li tista’ ma tkunx adatta għat-trasport bil-ferrovija. Ir-Repubblika tal-Awstrija tammetti dan fl-aħħar inċiż tal-punt 16 tal-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni.
80 Fid-dawl tad-data pprovduta mir-Repubblika tal-Awstrija, ma jidhirx li l-użu ta’ mezzi alternattivi jikkostitwixxi għażla li hija effettivament użata fuq skala kbira fil-prattika, kif muri miż-żieda fit-traffiku ta’ vetturi tqal tal-merkanzija li tiġi rreġistrat fl-ewwel sigħat immedjatament wara li ma tibqax tapplika l-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl.
81 Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl, p. 60 (korsiv miżjud minni).
82 Opinjoni tas‑7 ta’ April 2025 maħruġa mid-Dipartiment tal-Ippjanar tal-Mobilità tal-Gvern Provincjali tat-Tirol (iktar ‘il quddiem l-“Opinjoni tal-Gvern ta’ Tirol”), li hija bbażata fuq ir-riżultati ta’ studju xjentifiku disponibbli fuq https://www.tirol.gv.at/fileadmin/buergerservice/Beauftragte_Gutachten_Studien_Umfragen/Ergebnisse_Lkw-Erhebungen_A12_2024.pdf..
83 L-Opinjoni tal-Gvern ta’ Tirol tiffoka fuq il-paragun tal-perċentwali ta’ vetturi li għandhom massa massima awtorizzata ta’ iktar minn 3.5 tunnellati skont id-direzzjoni ta’ vjaġġar tagħhom matul il-ħin ta’ billejl. Jidher li, fil-ħinijiet ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl, 20.06 % ta’ dawn il-vetturi jitilqu miż-żona prinċipali lejn żoni “esterni” (meta mqabbla ma’ medja ta’ 21.16 % fuq l‑24 siegħa kollha). Min-naħa l-oħra, 30.09 % huma diretti lejn iż-żona prinċipali minn żoni esterni (meta mqabbla ma’ 11.96 % fuq 24 siegħa). Din id-data tindika għalhekk li, matul il-lejl, iż-żona prinċipali tirċievi iktar merkanzija milli toħroġ. L-Opinjoni tal-Gvern tat-Tirol tikkonkludi li din id-data: 1) turi li l-eżenzjoni tat-traffiku lokali u reġjonali “sservi prinċipalment sabiex tiġi żgurata l-provvista ta’ merkanzija fiż-żona ċentrali” u 2) tippermetti li tiġi kkonfutata l-eżistenza ta’ vantaġġ kompetittiv, fid-dawl tad-defiċit kummerċjali li jikkaratterizza ż-żona prinċipali matul il-ħinijiet ta’ billejl.
84 Għalkemm fit-tabella tal-Opinjoni tal-Gvern ta’ Tirol jintużaw kuluri differenti biex issir distinzjoni bejn vjaġġi mwettqa taħt l-eżenzjoni tat-traffiku lokali u reġjonali u vjaġġi awtorizzati taħt sistemi oħra li jipprevedu eċċezzjoni, il-vjaġġi relatat maż-żona prinċipali huma ppreżentat f’forma aggregata, fejn dawn il-vjaġġi kollha jiġu imputati lil din l-eċċezzjoni. Dan huwa evidenzjat mill-assenza ta’ kolonna speċifika dwar it-trasport ta’ prodotti tal-ikel, editorjali u postali b’destinazzjoni lejn din iż-żona filwaqt li dawn jirrappreżentaw, skont l-istudju ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 80, proporzjon sinjifikattiv tat-total tal-merkanzija ttrasportata fis-sigħat ta’ billejl (rispettivament 37 % u 12 % tal-vjaġġi totali).
85 Interpretazzjoni diverġenti tkun tippermetti li jiġi sostnut li d-data tirrifletti sempliċement tendenza razzjonali li wieħed japprofitta ruħu minn opportunità, jiġifieri li l-kunsinni jiġu kkonċentrati matul il-lejl sabiex jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta’ ċirkulazzjoni iktar fluwidi, iffaċilitati mill-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl applikabbli għal vetturi tqal tal-merkanzija l-oħra, jew sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet oħra applikati matul il-ħinijiet ta’ volum għoli ħafna ta’ traffiku, bħad-dożaġġ.
86 Rikors promotur, punt 56.
87 Punti 71 sa 73 tar-risposta. Hija tkompli tesponi li, fir-rigward tal-kwalità tal-arja, ikun aħjar jekk il-projbizzjoni tiġi estiża sat-tmienja ta’ filgħodu, fid-dawl tat-tendenza tal-“fattur tau”, bil-konsegwenza li l-miżura tkun iktar effettiva. Madankollu, ġie deċiż li t-tmiem tal-projbizzjoni jiġi stabbilit għall-ħamsa ta’ filgħodu sabiex ikun jista’ jsir ippjanar aħjar tat-trasport tal-merkanzija u sabiex jiġi żgurat il-provvista korretta tal-impriżi qabel il-ftuħ tagħhom fis-seba’ ta’ filgħodu.
88 L-opinjoni motivata, punt 51.
89 Il-“fattur tau” jindika r-relazzjoni bejn il-konċentrazzjonijiet u l-emissjonijiet iġġenerati minn sors speċifiku. In-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Taljana dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni, tinkludi grafika li turi li l-“fattur tau” huwa ogħla matul il-lejl u, fuq kollox, fl-ewwel sigħat ta’ filgħodu. Għaldaqstant, dan jikkonferma li l-emissjonijiet tal-vetturi matul dawn is-sigħat huma responsabbli għall-ogħla konċentrazzjonijiet.
90 L-osservazzjonijiet tar-Repubblika Taljana dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni, punt 17.
91 Waqt is-seduta, ir-Repubblika Taljana irrepetiet dak li hija semmiet fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni: “Il-valur ipprovdut mill-Awstrija, li jieħu inkunsiderazzjoni l-massimu (fis-sitta ta’ filgħodu) u l-minimu (f’nofsinhar) tal-perijodu kollu, ma jidhirx li jirrifletti s-sitwazzjoni reali. Fil-fatt, ikun iktar korrett li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-valuri medji tal-perijodi kkonċernati mill-projbizzjonijiet tat-traffiku ta’ billejl (bejn nofsillejl u l-ħamsa ta’ filgħodu) u l-valuri medji tal-intervall ta’ ħin li lejh, probabbilment, jiġi ttrasferit it-traffiku mblukkat matul il-lejl (lejn it-tmienja ta’ filgħodu). B’dan il-mod, il-valur medju jvarja minn madwar 0.11 g/km matul il-lejl għal madwar 0.07 g/km matul il-ġurnata, jiġifieri lanqas in-nofs”. Sabiex ikun kredibbli u konvinċenti, dan l-argument kien jeħtieġ mhux biss il-produzzjoni ta’ provi li juru li l-approċċ propost kien “l-iktar korrett”, iżda wkoll l-iżvilupp iktar fid-dettall tiegħu.
92 Jinsabu fl-osservazzjonijiet tar-Repubblika Taljana dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni, punti 16 u 17, nota ta’ qiegħ il-paġna 1.
93 B’mod partikolari, ir-Rapport ta’ Ökoscience, tas‑7 ta’ Settembru 2024, bit-titolu “Evaluierung des Tiroler NO2-Maßnahmenprogramms zum Verkehr auf der A12 und A13” (Evalwazzjoni tal-programm ta’ miżuri kontra n- NO2 tat-Tirol fir-rigward tat-traffiku fuq l-awtostradi A12 u A13; iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-Ökoscience tal‑2024”).
94 Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl, p. 28:
95 Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl, p. 44: L-awtostrada A2 (l-awtostrada ta’ Saint-Gotthard) hija waħda mill-assi prinċipali li jgħaqqdu t-Tramuntana man-Nofsinhar tal-Isvizzera, li tikkolega l-belt ta’ Basel mal-fruntiera Taljana. Il-paragun huwa dovut għall-fatt li, fl-2017, din l-awtostrada kienet suġġetta għal projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl mingħajr ebda eċċezzjoni għall-vetturi Euro VI.
96 Ir-Rapport Ökoscience tal‑2024, p. 17, fejn jiġi ppreċiżat li, “fix-xenarju ‘mingħajr [projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl]’ fl-A12, it-traffiku addizzjonali fl-A12 matul il-ġurnata jitqassam matul il-lejl b’tali mod li l-evoluzzjoni relattiva ta’ kuljum tippreżenta l-istess mudell bħal fl-A1”.
97 Ir-Rapport Ökoscience tal‑2024, p. 19.
98 Dan huwa fenomenu fejn, f’ċerti żoni ċatti jew f’widien (bħal dawk li minnhom jgħaddu l-awtostradi A12 u A13), it-temperatura tal-arja tiżdied iktar ma tiżdied l-altitudni, u dan jagħmel d-dispersjoni tat-tniġġis tal-arja iktar diffiċli għaliex jinqabad fis-saffi tal-arja kiesħa li jibqgħu qrib l-art.
99 Osservazzjonijiet ippreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija lill-Kummissjoni, Taqsima II.3. L-inverżjoni tat-temperatura tissemma darba biss u b’mod inċidentali.
100 Madankollu, waqt is-seduta, il-Kummissjoni affermat li l-argument kien ta’ importanza kunsiderevoli fid-difiża tar-Repubblika tal-Awstrija matul il-fażi prekontenzjuża.
101 Ir-risposta, punt 79 (korsiv miżjud minni). Jidhirli li din l-affermazzjoni hija plawżibbli fid-dawl tar-Rapport tal-Ökoscience tas‑26 ta’ Settembru 2024, intitolat “Zur Entwicklung der Häufigkeit atmosphärischer Inversionen im Alpenraum 1997 — 2023” (Żviluppi fil-frekwenza tal-inverżjonijiet tat-temperatura fir-reġjun tal-Alpi bejn l‑1997 u l‑2023), p. 25.
102 Hija tibbaża ruħha, għal dan l-għan, fuq studju tal-Ökoscience tas‑7 ta’ April 2025, intitolat “Stellungnahme zu zwei Aspekten des SNF-Verkehrs auf A12/A13: Ganzjährige Wirkung des Nachtfahrverbotes (NFV) und Anteil der SNF an den NOx-Emissionen und -Immissionen” (Opinjoni dwar żewġ aspetti tat-traffiku tal-vetturi tqal tal-merkanzija fuq l-awtostradi A12 u A13: l-effett matul is-sena kollha tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl (NFV) u s-sehem tal-emissjonijiet u tal-konċentrazzjonijiet ta’ NOx attribwibbli lill-vetturi tqal tal-merkanzija; iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-Ökoscience tal-2025”).
103 Ir-Rapport tal-Ökoscience tal‑2025 jindika li, fl‑2023, it-tnaqqis tal-medja tal-emissjonijiet miksub fis-sajf bis-saħħa tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl (1,5 μg/m3) jikkorrispondi għal 5 % tal-medja tal-immissjonijiet matul is-semestru tas-sajf, filwaqt li r-riżultat miksub fix-xitwa ( tnaqqis ta’ 3 μg/m3) jikkorrispondi għal 7.5 tal-medja tal-immissjonijiet tas-semestru tax-xitwa. L-immissjonijiet medji matul iż-żewġ semestri huma, għalhekk, ta’ 30 u ta’ 40 μg/m³ rispettivament.
104 Ir-Rapport tal-Ökoscience tal‑2025 jindika li l-effett tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl fuq l-emissjonijiet kien 1.5-il darba iktar fix-xitwa, iżda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-projbizzjoni damet madwar 1.3 -il darba (sagħtejn) iktar matul is-semestru tax-xitwa. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni insistiet fuq il-fatt li l-valuri assoluti biss huma rilevanti, b’tali mod li jista’ jibqa’ jiġi validament ikkonstatat li l-effettività tal-miżura tonqos “bin-nofs” matul is-semestru tas-sajf.
105 Punt 21 tal-osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni.
106 Sentenza Brennero II, punt 140.
107 Ir-Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl, p. 64.
108 Ir-Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl, p. 64, l-aħħar paragrafu.
109 Korsiv miżjud minni. Dan ir-rapport jagħmel riferiment għal emenda għar-Regolament dwar il-projbizzjoni ta’ billejl, li kienet iffokata fuq it-tneħħija tal-eċċezzjoni applikabbli għat-traffiku Euro VI. Minkejja dan, lanqas fir-rapport tal‑2010, li għalih jagħmel riferiment ir-Rapport tal-2020, ma sibt ġustifikazzjoni xierqa tal-proporzjonalità tal-miżura jew teħid inkunsiderazzjoni suffiċjenti ta’ alternattivi inqas restrittivi. Fir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl għall-vetturi tqal tal-merkanzija fuq l-awtostrada A12 fil-wied ta’ Inn (verżjoni tal‑2010, disponibbli fuq: https://www.tirol.gv.at/fileadmin/themen/umwelt/luftqualitaet/EB_NFV_Stammfassung_2010.pdf), huwa previst biss (p. 8) li “[...] l-istudji tekniċi ppreżentati iktar ’il fuq fil-Kapitolu 1.3 jiġġustifikaw b’mod eżawrjenti n-neċessità tal-miżuri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet previsti f’dan ir-regolament u, għalhekk, il-kisba tal-għan tal-protezzjoni tal-kwalità tal-arja”. Fit-Taqsima 1.3, huwa jkompli jipprovdi: “[...] il-fatt li l-miżura għadha neċessarja huwa evidenzjat mill-fatt li, fl-istazzjon ta’ Vomp, anki fl‑2009, ġie rreġistrat valur medju annwali ta’ 63 μg/m³ għan-NO2, li jniggeż l-arja”.
110 Direttiva (UE) 2024/2881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2024 dwar il-kwalità tal-arja ambjentali u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L, 2024/2881).
111 Ir-Rapport tal-Ökoscience tal‑2024, p. 24.
112 Ir-rapport tal-Ökoscience tal‑5 ta’ April 2023, “Stellungnahme zu IG-L-Maßnahmen für die A12” (Dikjarazzjoni dwar il-miżuri [tal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja] għall-A12), p. 3.
113 Ir-Rapport tal-Ökoscience tal‑2024, p. 21.
114 Waqt is-seduta, ir-Repubblika tal-Awstrija insistiet fuq il-fatt li ma huwiex ser ikun possibbli li l-valuri limitu stabbiliti għas-sena 2030 mid-Direttiva 2024/2881 jiġu osservati jekk ma jibdewx jiġu imposti, minn issa, miżuri restrittivi u li t-tneħħija ta’ waħda biss mill-projbizzjonijiet attwalment fis-seħħ għandha tikkomprometti l-ilħuq ta’ dan l-għan. Nirrikonoxxi li d-Direttiva 2024/2881 ser ikollha piż kunsiderevoli fl-azzjoni futura tal-awtoritajiet Awstrijaċi, iżda dan ma kienx jeżentahom mill-obbligu tagħhom li janalizzaw fid-dettall il-proporzjonalità stricto sensu tal-projbizzjoni ta’ traffiku matul il-lejl fid-dawl tad-data l-iktar reċenti, li kienet turi li din kienet inqas effettività matul is-sajf. Għalkemm fir-Rapport tal-Ökoscience tal‑2024, punti 24 u 25, huwa rakkomandat li l-miżuri kollha jinżammu bil-għan li jintlaħaq l-għan tal‑2030, dan ir-rapport jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ “fattur kbir ta’ inċertezza” li jaffettwa l-eżattezza tal-previżjonijiet, li jirriżulta mil-livell ta’ elettrifikazzjoni tal-flotta fis-snin li ġejjin.
115 Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 1979, Denkavit Futtermitel (251/78, EU:C:1979:252, punt 14). Korsiv miżjud minni.
116 Sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑333/08, EU:C:2010:44), punt 92.
117 Punt 134 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, ir-Repubblika tal-Awstrija affermat li l-possibbiltà li jintużaw miżuri alternattivi inqas restrittivi ġiet analizzata fil-programm għall-protezzjoni tal-arja, li ma ġiex ipprovdut lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, inqis li dan huwa dokument imħejji qabel ir-Rapport dwar il-projbizzjoni ta’ billejl. Fi kwalunkwe każ, nenfasizza li l-approċċ adottat fl‑2020 minn dan ir-rapport fih innifsu ma jistax jiġi kkontestat: Inkwistjoni hawnhekk hawn in-nuqqas ta’ eżami mill-ġdid tal-proporzjonalità f’mument iktar tard.
118 Il-kunċett ta’ alternattiva jimplika għażla bejn għażliet differenti, li jimplika evalwazzjoni komparattiva u l-esklużjoni konsekuttiva ta’ xi wħud minnhom. L-ebda waħda mill-miżuri msemmija fil-punt 134 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma kienet tikkostitwixxi “alternattiva” ġenwina, sa fejn dawn ma humiex suġġetti għal esklużjoni, iżda jinsabu fuq livell komplementari u kumulattiv.
119 Punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
120 Punti 66 sa 68 u 87 tas-sentenza Brennero I u l-punti 114 sa 117 u 140 tas-sentenza Brennero II.
121 Huwa kkonstatat tnaqqis ta’ 18.5 kilometri.
122 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
123 L-Erläuternde Bemerkungen zur Verordnung des Landeshauptmannes, mit der die Sektorales Fahrverbot-Verordnung geändert wird (il-Kummenti ta’ Spjega dwar ir-Regolament tal-Ministru President li Jemenda r-Regolament dwar il-Projbizzjoni Settorjali ta’ Traffiku; iktar ’il quddiem ir-“Rapport dwar l-emenda tal-projbizzjoni settorjali”), p. 4, 22 u 75, jindikaw li l-eċċezzjoni ġenerali favur il-vetturi Euro VI kienet meħtieġa mill-Kummissjoni bħala kundizzjoni sabiex tingħalaq il-proċedura ta’ ksur miftuħa fl‑2016.
124 Ara n-noti ta’ qiegħ tal-paġna 30 u 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
125 Fir-rigward ta’ dan ir-rikors, nirrepeti li huma biss il-valuri limitu stabbiliti mid-Direttiva 2008/50 li huma rilevanti, indipendentement mill-emenda introdotta bid-Direttiva 2024/2881.
126 Infrastruttura li tippermetti t-trasport bil-ferrovija ta’ vetturi tqal tal-merkanzija.
127 Ara, fost l-oħrajn, ir-Rapport dwar l-emenda tal-projbizzjoni settorjali, p. 68.
128 Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu (C‑198/14, EU:C:2015:751, punti 123 u 124).
129 Sentenza Brennero II, punt 137.
130 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
131 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
132 Rapport dwar il-projbizzjoni settorjali, p. 56.
133 Din l-għażla ġiet ikkunsidrata fil-parti teknika tar-rapport dwar l-emenda tal-projbizzjoni settorjali.
134 Rapport dwar l-emenda tal-projbizzjoni settorjali, p. 70. Korsiv miżjud minni.
135 Ir-Repubblika tal-Awstrija tispjega, fir-risposta tagħha (punti 117 sa 121), li d-data tal-introduzzjoni tal-vetturi tqal tal-merkanzija Euro VI D kienet l‑1 ta’ Settembru 2018, filwaqt li l-ewwel reġistrazzjoni tal-vetturi tqal tal-merkanzija Euro VI C kienet possibbli sal‑31 ta’ Awwissu 2019. Din l-aħħar data ma ġietx adottata bħala limitu minħabba r-rieda li mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni ma jiġux esklużi l-vetturi Euro VI tal-kategorija D irreġistrati bejn l‑1 ta’ Settembru 2018 u l‑31 ta’ Awwissu 2019. Għalhekk intgħażlet is-soluzzjoni (inqas restrittiva) li f’din l-eċċezzjoni tiġi inkluża parti mill-vetturi Euro VI tal-kategorija C (dawk irreġistrati għall-ewwel darba fl-istess perijodu).
136 Fil-paġna 73 tar-rapport dwar l-emenda tal-projbizzjoni settorjali, wieħed jista’ jaqra: “id-data ta’ reġistrazzjoni [issa introdotta] għandha terġa’ tinbidel fil-ġejjieni, peress li n-numru ta’ vetturi ‘privileġġjati’, li bħalissa huwa relattivament baxx, ser jiżdied progressivament minħabba t-tiġdid kontinwu tal-flotta, li min-naħa tiegħu ser inaqqas l-effett [tal-miżura] fuq il-kwalità tal-arja”.
137 Ir-Repubblika Taljana ma tikkontestax li, bil-mogħdija mill-klassi Euro VI C għal klassi Euro VI D, kien hemm tnaqqis fl-emissjonijiet fi skala ta’ bejn 29 % u 43 %. Madankollu, hija tenfasizza li dawn huma perċentwali relatati ma’ valuri estremament baxxi u li l-veru qabża kwalitattiva seħħet waqt il-mogħdija mill-klassi Euro V għal klassi Euro VI, fejn ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 700 %. Barra minn hekk, hija enfasizzat li l-eżenzjoni tat-traffiku lokali u reġjonali ma tipprevedi ebda limitazzjoni bbażata fuq id-data ta’ reġistrazzjoni, u li dan jikkonferma li r-Repubblika tal-Awstrija stess hija konxja tal-inkoerenza li tiġi stabbilita distinzjoni fi ħdan il-kategorija tal-vetturi Euro VI.
138 Din il-kritika diffiċilment tista’ tiġi rrikonċiljata mal-pożizzjoni preċedenti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eċċezzjoni favur il-vetturi Euro VI.
139 Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jadottaw “regoli ġenerali u sempliċi li jistgħu jinftiehmu u jiġu applikati b’mod faċli mis-sewwieqa u li jistgħu anki jiġu amministrati u kkontrollati b’mod faċli mill-awtoritajiet kompetenti”. Sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑110/05, EU:C:2009:66, punt 67), u tal‑24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑400/08, EU:C:2011:172, punt 124).
140 L-argument tar-Repubblika tal-Awstrija huwa plawżibbli: l-emissjonijiet prodotti mill-(ftit) vetturi tal-klassi Euro VI C irreġistrati reċentement li ser jiċċirkolaw bis-saħħa ta’ din l-eċċezzjoni ma humiex ser ikunu partikolarment sinjifikattivi. B’mod korrelattiv, il-vetturi Euro VI D b’reġistrazzjoni iktar antika ser ikunu, bħala prinċipju, iktar niġġiesa, minħabba kilometraġġ probabbilment ogħla, li ma jipprekludix l-inklużjoni tagħhom fil-projbizzjoni.
141 Sentenza Brennero II, punti 129 u 130.
142 Sentenza Brennero I, punti 87 sa 89.
143 Sentenza Brennero I, punti 87 u 89.
144 Sentenza Brennero I, punt 46.
145 Sentenza Brennero II, punt 139.
146 Sentenza Brennero II, punti 148 u 149.
147 Fil-paġni 5 u 6 tar-Rapport dwar l-emenda tal-projbizzjoni settorjali ġie indikat li dan kien il-każ fir-rigward tal-miżura kkontestata fil-kawża Brennero I. Fil-paġna 70 huwa previst dan li ġej: “Il-Kummissjoni […] qed tesprimi […] riżervi serji […] f’dak li jirrigwarda l-libertajiet fundamentali (speċifikament il-moviment liberu tal-merkanzija), fil-konfront ta’ projbizzjoni settorjali tat-traffiku li tinkludi wkoll il-vetturi bl-iktar livelli baxxi ta’ emissjonijiet. […] Għaldaqstant teżisti kemm ċerta inċertezza legali meta tiġi imposta projbizzjoni tat-traffiku mingħajr l-ebda eċċezzjonijiet ibbażati fuq il-klassijiet Ewro, kif ukoll ċertu riskju li l-imsemmija projbizzjoni ma tkunx tista’ tidħol fis-seħħ fi żmien qasir jekk il-Kummissjoni […] jew partijiet interessati oħra […] jużaw il-miżuri proviżorji disponibbli għalihom. Madankollu, tali dewmien għandu jiġi evitat, fid-dawl tan-neċessità urġenti li jinkiseb malajr kemm jista’ jkun titjib ġdid fil-kwalità tal-arja, li attwalment għadu sfavorevoli ħafna fl-[istazzjon ta’ Vomp]”. Korsiv miżjud minni.
148 Nagħmel riferiment għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
149 p. 74.
150 Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, għalkemm l-għan ta’ din il-miżura ma huwiex il-protezzjoni tal-ambjent, in-neċessità li din tiġi adottata sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq tirriżulta, minn tal-inqas parzjalment, mid-deċiżjoni li ma jkunx hemm illaxkar ta’ wħud mill-projbizzjonijiet eżistenti intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent.
151 Id-dokument intitolat “Fahrverbot für Lastkraftfahrzeuge auf der A12 Inntal Autobahn und A13 Brenner Autobahn an Samstagen in den Wintermonaten” (Il-projbizzjoni ta’ traffiku ta’ vetturi tqal tal-merkanzija fuq l-awtostrada A12 fil-wied ta’ Inn u fuq l-awtostrada A13 tal-Brennero kull nhar ta’ sibt matul ix-xhur tax-xitwa), tat‑22 ta’ Novembru 2018, p. 46, jenfasizza problemi ta’ konġestjoni tat-traffiku u ta’ saturazzjoni taż-żoni ta’ parkeġġ eżistenti tul l-awtostradi A12 u A13, li jrendu neċessarju li l-aċċess għal dawn l-awtostradi mal fruntieri tal-Ġermanja u tal-Italja jiġi prekluż. Madankollu, dawn il-problemi jqumu indipendentement mid-destinazzjoni: ma huwiex ċar għaliex huwa biss it-trasport b’direzzjoni lejn l-Italja jew il-Ġermanja li għandu jiġi ppenalizzat.
152 Nagħmel riferiment għall-punti 70 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
153 Din hija, kif diġà esponejt, il-klawżola ġenerali tal-Kodiċi tat-Triq Awstrijak li tawtorizza lill-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà fit-toroq, meta s-sigurtà, il-fluwidità jew il-faċilità tat-traffiku jeżiġu dan, jagħtu istruzzjonijiet speċifiċi lill-utenti tat-toroq.
154 Ir-Repubblika tal-Awstrija pprovdiet data speċifika dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta’ dożaġġ. Hija spjegat li, għalkemm in-numru ta’ jiem ta’ implimentazzjoni tal-miżura żdied, ġie osservat tnaqqis kemm fuq it-tul medju ta’ kull applikazzjoni kif ukoll fuq in-numru totali ta’ sigħat ta’ applikazzjoni matul is-sena.