This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62024CC0448
Opinion of Advocate General Biondi delivered on 11 September 2025.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Biondi, ippreżentati l-11 ta’ Settembru 2025.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Biondi, ippreżentati l-11 ta’ Settembru 2025.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:703
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BIONDI
ippreżentati fil‑11 ta’ Settembru 2025 (1)
Kawżi magħquda C‑448/24 u C‑449/24
British American Tobacco Belgium NV,
Nicoventures Holdings Ltd (C‑448/24)
DSE International BV (C‑449/24)
vs
Belgische Staat
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, Il-Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) – Interpretazzjoni tal-Artikolu 7(6) u tal-Artikolu 20(3)(c) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabakk – Projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom ċerti addittivi – Addittivi li jiffaċilitaw l-inalazzjoni jew l-assorbiment tan-nikotina – Applikabbiltà tal-projbizzjoni għas-sigaretti elettroniċi”
I. Introduzzjoni
1. Id-domanda preliminari ineżami tqajjem kwistjoni waħda relatata mar-regolamentazzjoni tas-sigaretti elettroniċi u għal kategorija speċifika ta’ addittivi fil-kuntest tad-Direttiva 2014/40 (2). B’mod partikolari, il-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna jekk, skont l-Artikolu 20(3) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhomx jipprevedu li l-likwidu li jkun fih in-nikotina fis-sigaretti elettroniċi ma fihx addittivi li jiffaċilitaw l-assorbiment jew l-inalazzjoni tagħha kif previst fl-Artikolu 7(6) tad-Direttiva.
2. Din id-domanda toffri l-opportunità li d-dispożizzjonijiet rilevanti jiġu interpretati fid-dawl tal-evidenza xjentifika, li ħarġet f’dawn l-aħħar snin dwar l-effetti negattivi tas-sigaretti elettroniċi.
3. Fl-analiżi tiegħi, ser niddedika, fl-ewwel lok, xi osservazzjonijiet għall-interpretazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet qabel ma nindirizza l-effetti negattivi riżultat tas-sigaretti elettroniċi fuq is-saħħa tal-bniedem. Dan jippermettili nsostni li, fil-każ tad-Direttiva 2014/40, i-linja ta’ interpretazzjoni ma ssirx (rectius, ma ssirx biss) fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, iżda tar-regolamentazzjoni tas-settur tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, u għalhekk tal-proporzjonalità tal-għażliet magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea.
II. Qafas regolamentari
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
4. Il-premessi 18, 39 u 41 tad-Direttiva 2014/40 huma fformulati kif ġej:
“18. Ċerti addittivi jintużaw biex joħolqu l-impressjoni li l-prodotti tat-tabakk huma ta’ benefiċċju għas-saħħa, jippreżentaw inqas riskji għas-saħħa jew iżidu l-istat ta’ viġilanza u l-prestazzjoni fiżika. Dawn l-addittivi, kif ukoll l-addittivi li għandhom proprjetajiet [karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni, CMR] fil-forma mhux maħruqa għandhom jiġu pprojbiti sabiex ikunu żgurati regoli uniformi fl-Unjoni kollha u livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. L-addittivi li jżidu l-effett ta’ dipendenza u t-tossiċità għandhom jiġu pprojbiti ukoll.
[...]
39. Huma biss is-sigaretti elettroniċi li jwasslu d-dożi ta’ nikotina b’mod konsistenti li għandhom ikunu permessi li jitqiegħdu fis-suq skont din id-Direttiva. It-twassil ta’ dożi ta’ nikotina b’livelli konsistenti taħt kondizzjonijiet ta’ użu normali huwa meħtieġ għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa, sikurezza u kwalità inkluż biex jiġi evitat ir-riskju ta’ konsum aċċidentali ta’ dożi għoljin.
[...]
41. Fid-dawl tal-fatt li n-nikotina hija sustanza tossika u meta jiġu kkunsidrati r-riskji potenzjali għas-saħħa u s-sigurtà, inkluż għal persuni li l-prodott mhux intenzjonat għalihom, il-likwidu li fih nikotina għandu jitqiegħed fis-suq biss f’sigaretti elettroniċi jew f’kontenituri ta’ rikarika li jissodisfaw ċerti rekwiżiti ta’ sikurezza u ta’ kwalità. [...].”
5. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Suġġett”, huwa fformulat kif ġej:
“L-objettiv ta’ din id-Direttiva hu li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward: [...]
(f) it-tqegħid fis-suq u t-tikkettar ta’ ċerti prodotti, li huma relatati mal-prodotti tat-tabakk, jiġifieri sigaretti elettroniċi u[...],
sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għat-tabakk u prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, speċjalment għaż-żgħażagħ, u biex jintlaħqu l-obbligi tal-Unjoni taħt il-Konvenzjoni Qafas tal-WHO għall-Kontroll tat-Tabakk (‘FCTC’).”
6. L-Artikolu 7(6)(d) tal-istess direttiva, intitolat “Regolamentazzjoni ta’ ingredjenti”, huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom l-addittivi li ġejjin:
[...]
(d) għal prodotti tat-tabakk tat-tipjip, addittivi li jiffaċilitaw l-inalazzjoni jew il-konsum tan-nikotina”.
7. L-Artikolu 20(1) tal-istess direttiva, intitolat “Sigaretti elettroniċi”, huwa fformulat kif ġej:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika jitqiegħdu fis-suq biss jekk jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u mal-leġiżlazzjoni l-oħra kollha rilevanti tal-Unjoni.”
8. L-Artikolu 20(3)(c) jipprevedi li:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
[...]
(c) il-likwidu li fih in-nikotina ma jkunx fih addittivi elenkati fl-Artikolu 7(6)”.
B. Id-dritt Belġjan
9. Il-punt 5 tal-Artikolu 4(4) tal-koninklijk besluit van 28 oktober 2016 betreffende het fabriceren en het in de handel brengen van elektronische sigaretten (id-Digriet Irjali tat‑28 ta’ Ottubru 2016 dwar il-Manifattura u t-Tqegħid fis-Suq ta’ Sigaretti Elettroniċi, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tat‑28 ta’ Ottubru 2016”) kif emendat mill-Artikolu 3 tal-koninklijk besluit van 7 november 2022 tot wijziging van het koninklijk besluit van 28 oktober 2016 betreffende het fabriceren en het in handel brengen van elektronische sigaretten (id-Digriet Irjali li jemenda d-Digriet Irjali tat‑28 ta’ Ottubru 2016 dwar il-Manifattura u t-Tqegħid fis-Suq ta’ Sigaretti Elettroniċi, tas‑7 ta’ Novembru 2022 (3), iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tas‑7 ta’ Novembru 2022”), intitolat “Kompożizzjoni u regoli tekniċi”, huwa fformulat kif ġej:
“Il-likwidu li fih in-nikotina ma fihx l-addittivi li ġejjin:
[...]
5. Addittivi li jiffaċilitaw l-inalazzjoni jew l-assorbiment tan-nikotina.”
III. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10. Id-Digriet Irjali tat‑28 ta’ Ottubru 2016, dwar il-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni tas-sigaretti elettroniċi, ittraspona l-leġiżlazzjoni dwar is-sigaretti elettroniċi prevista mid-Direttiva 2014/40.
11. Fis‑6 ta’ Lulju 2021, skont id-Direttiva 2015/1535 (4), il-Belgische Staat (l-Istat Belġjan) innotifika lill-Kummissjoni Ewropea b’abbozz ta’ emenda tal-Artikolu 4 tad-Digriet Irjali tat‑28 ta’ Ottubru 2016, li kien jipprevedi, inizjalment, l-inklużjoni ta’ erba’ gruppi ta’ addittivi pprojbiti għas-sigaretti elettroniċi.
12. Madankollu, fis‑7 ta’ Novembru 2022, il-Belgische Staat (l-Istat Belġjan) approva digriet irjali li, fl-emenda tal-Artikolu 4 tad-Digriet Irjali tal‑2016, jinkludi, kuntrarjament għal dak li kien previst oriġinarjament, il-ħames kategorija ta’ addittivi pprojbiti, jiġifieri preċiżament dawk relatati mal-inalazzjoni jew mal-assorbiment tan-nikotina.
13. Fit‑13 ta’ Marzu 2023, British American Tobacco (iktar ’il quddiem “BAT”), Nicoventures Holdings Ltd (iktar ’il quddiem “NH”) u DSE International BV (iktar ’il quddiem “DSE”) (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti fil-kawżi prinċipali”) ippreżentaw quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) żewġ rikorsi intiżi għall-annullament tad-Digriet Irjali tas‑7 ta’ Novembru 2022, fuq il-bażi ta’ żewġ motivi ta’ annullament, li minnhom it-tieni wieħed biss huwa rilevanti fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari (5).
14. B’mod iktar preċiż, permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali tas‑7 ta’ Novembru 2022 “jeċċedi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigaretti elettroniċi u jmur kontra d-[Direttiva 2014/40]”. B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 7(6)(d) jikkonċerna biss il-kategorija ta’ “prodotti tat-tabakk għat-tipjip”, li fiha s-sigaretti elettroniċi ma jaqgħux, peress li minħabba li ma fihomx tabakk, ma jipprovokawxx kombustjoni.
15. Insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tad-definizzjonijiet ta’ “prodotti tat-tabakk għat-tipjip” u “sigarett elettroniku” li jinsabu rispettivament fil-punt 9 tal-Artikolu 2 u fil-punt 16 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(6)(d) tal-istess direttiva huwa limitat biss għal “prodotti tat-tabakk tat-tipjip”, bl-esklużjoni ċara tas-sigaretti elettroniċi.
16. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li l-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali tal‑2022 jikkostitwixxi restrizzjoni li tmur kontra l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/40, sa fejn dan jipprevedi li l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu jew jillimitaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati f’dak li jirrigwarda l-aspetti li huma armonizzati mill-istess direttiva.
17. Peress li kellu dubji dwar ir-riferiment li l-Artikolu 20(3)(c) tad-Direttiva 2014/40 jagħmel għall-Artikolu 7(6) tagħha, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri fiż-żewġ kawżi prinċipali u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 20(3)(c) tad-Direttiva (UE) 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE moqri flimkien mal-Artikolu 7(6) tal-istess direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li jqiegħdu fis-suq sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika, li jipprojbixxu, kif previst fl-Artikolu 7(6)(d), likwidu li fih in-nikotina milli jkollu fih addittivi li jiffaċilitaw l-inalazzjoni jew il-konsum tan-nikotina, anki jekk is-sigarett elettroniku ma jikkawżax kombustjoni jew duħħan?”
18. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, mill-Gvern Belġjan, Ċek, Ġermaniż, Franċiż, Awstrijak u Portugiż u, kif ukoll mill-Kummissjoni.
IV. Analiżi
19. Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20(3)(c), moqri flimkien mal-Artikolu 7(6) tad-Direttiva 2014/40, għandux jiġi interpretat fis-sens li sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ likwidu ta’ rikarika, liema likwidu li jkun fih in-nikotina jkun fih addittivi li jiffaċilitaw l-inalazzjoni jew l-assorbiment tagħha, ma jistgħux jiġu kkummerċjalizzati. Il-leġiżlazzjoni Belġjana, speċifikament dwar is-sigaretti elettroniċi, tipprevedi espressament li l-likwidu li fih in-nikotina ma għandux ikun fih addittivi li jiffaċilitaw l-inalazzjoni jew l-assorbiment tagħha.
20. Għar-raġunijiet li ser nirrileva iktar ’il quddiem, jiena tal-fehma li għandha tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.
21. Ormaj għaddew ħamsa u għoxrin sena mis-sentenza storika tal‑5 ta’ Ottubru 2000, IlĠermanja vs IlParlament u IlKunsill fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jinvoka dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment tas-suq intern, anki jekk il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem hija determinanti fl-għażliet li għandhom jittieħdu, sakemm l-att adottat effettivament ikollu bħala għan it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern (6). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll li l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari tal-Istati Membri intiżi biex jipproteġu u jtejbu s-saħħa tal-bniedem hija eskluża mit-Trattat, iżda dan ma jimplikax li miżuri ta’ armonizzazzjoni adottati fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, f’dan il-każ l-Artikolu 114 TFUE ma jistgħux ikollhom effett fuq il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem (7).
22. Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad fakkret diversi drabi li l-miżuri ta’ armonizzazzjoni adottati mill-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-prodotti tat-tabakk u dawk relatati jissodisfaw l-“għan doppju” li a) jiffavorixxu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern ta’ dawn il-prodotti, b) billi jittieħed bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ (8).
23. L-interdipendenza bejn iż-żewġ għanijiet tista’ tinkiseb biss fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu evitati differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dan il-qasam speċifiku u għalhekk ostakoli għall-moviment liberu u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (9).
24. Bl-istess mod, minħabba l-livell primarju li għandha l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fi ħdan id-dritt tal-Unjoni (10), huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jintegra fl-għażliet regolatorji tiegħu, minn naħa, il-konsegwenzi ekonomiċi possibbli li jistgħu jirriżultaw mill-impriżi obbligati li josservaw l-obbligi u l-projbizzjonijiet li jirriżultaw mill-miżuri ta’ armonizzazzjoni u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa. Neċessità li s-sodisfazzjon tagħha, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, “tista’ tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki ta’ daqs kunsiderevoli” (11).
25. Fid-dawl ta’ dan, huwa paċifiku li d-direttiva inkwistjoni tissodisfa hija wkoll l-“għan doppju” eżaminat iktar ’il fuq, kif stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva nnifisha. L-Artikolu 1 jipprevedi l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tajjeb tas-suq tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati u sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi tal-Unjoni taħt il-Konvenzjoni Qafas (tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (iktar ’il quddiem id-“WHO”) dwar il-Kontroll tat-Tabakk).
26. Analiżi tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tagħhom twassal għall-istess konklużjoni.
27. Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li minnu tifforma parti u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (12).
28. Għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni testwali, preliminarjament, inqis li huwa utli li jitfakkar li d-Direttiva tikkonċerna, essenzjalment, żewġ tipi ta’ prodotti. Minn naħa, il-“prodotti tat-tabakk”, imsemmija fit-Titolu II tad-Direttiva, li huma distinti, min-naħa tagħhom, mill-prodotti tat-tabakk “għat-tipjip” (jiġifieri l-prodotti li jinvolvu proċess ta’ kombustjoni) u “li ma jdaħħnux” (bħat-tabakk tal-mgħid, it-tabakk tal-imnieħer u t-tabakk għall-użu orali) (13). Min-naħa l-oħra, id-Direttiva tikkonċerna s-“sigaretti elettroniċi u [il-]prodotti erbali għat-tipjip” imsemmija fit-Titolu III tad-Direttiva.
29. L-Artikolu 7 jagħmel parti mit-Titolu II tal-Kapitolu I, intitolat “Prodotti tat-tabakk”. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-imsemmi titolu jirreferu biss għall-prodotti tat-tabakk. Issa, il-paragrafu 6(d) tal-Artikolu 7 jirreferi speċifikament għall-prodotti tat-tabakk għat-tipjip, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprojbixxi l-addittivi li jiffaċilitaw l-inalazzjoni jew l-assorbiment tan-nikotina għal kategorija speċifika ta’ prodotti tat-tabakk, bħall-prodotti tat-tabakk għat-tipjip. Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva, il-paragrafu 6 ta’ din id-dispożizzjoni ma setax jirreferi espressament ukoll għas-sigaretti elettroniċi.
30. Fi kliem ieħor, l-argument, b’mod ġenerali, li sabiex l-Artikolu 7(6) japplika għas-sigaretti elettroniċi kellu u seta’ jirreferi espressament għalihom, ikun ifisser li l-istruttura tad-Direttiva nnifisha tiġi injorata.
31. L-Artikolu 20, li jinsab taħt it-Titolu III intitolat “[s]igaretti elettroniċi u prodotti erbali għat-tipjip”, jipprevedi, fil-paragrafu 3(c), li “[l]-likwidu li fih in-nikotina ma jkunx fih addittivi elenkati fl-Artikolu 7(6)”, mingħajr ma jagħmel distinzjoni fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip. Il-leġiżlatur għalhekk ried jirreferi għall-addittivi kollha elenkati fl-Artikolu 7(6), inklużi dawk li jiffaċilitaw l-inalazzjoni jew l-assorbiment tan-nikotina.
32. Interpretazzjoni testwali tista’ għalhekk diġà tkun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li, skont l-Artikolu 20(3) moqri flimkien mal-Artikolu 7(6), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ likwidu ta’ rikarika ma jkunx fihom addittivi li jiffaċilitaw l-inalazzjoni jew l-assorbiment tan-nikotina.
33. Madankollu, jiena konxju li, kif muri minn ċerti partijiet, jistgħu jibqgħu dubji ta’ interpretazzjoni. Dubji, li fil-fehma tiegħi, jistgħu jiġu ssuperati kompletament permezz ta’ interpretazzjoni tal-għanijiet. B’mod partikolari, fid-dawl ta’ wieħed mill-għanijiet (14) tad-Direttiva, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem, peress li l-evidenza xjentifika uriet li l-perikolużità tas-sigaretti elettroniċi hija kwalitattivament simili għal dik tas-sigaretti tradizzjonali.
34. Kif tipprevedi l-premessa 7 tad-Direttiva 2014/40, “[t]inħtieġ ukoll azzjoni leġiżlattiva fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi implimentata l-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (‘FCTC’) ta’ Mejju 2003, li d-dispożizzjonijiet għaliha huma vinkolanti għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha [...]”.
35. Fil-komunità xjentifika, diversi studji wrew li s-sigaretti elettroniċi għandhom effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem. Dawn l-effetti huma kkawżati b’mod partikolari mit-tip ta’ sustanzi ġġenerati mill-użu tas-sigaretti elettroniċi u min-nikotina li tinsab fil-likwidu tas-sigarett innifsu. L-effetti negattivi kkawżati mis-sigaretti elettroniċi fuq is-saħħa tal-bniedem jistgħu jitqiesu bħala komparabbli għall-effetti kkawżati mis-sigaretti tradizzjonali.
36. Fil-fatt, fl-opinjoni tal-kumitat xjentifiku (iktar ’il quddiem “SCHEER”) għall-Kummissjoni, tas‑16 ta’ April 2021, jinqara li l-assorbiment tan-nikotina permezz ta’ dan it-tagħmir jista’ jitqabbel ma’ dak tas-sigaretti tradizzjonali (15). Pereżempju, dan il-kumitat isostni li fuq il-bażi tat-tul tal-użu u l-“ġbid tan-nifs”, il-livelli tas-seru tan-nikotina tas-sigaretti elettroniċi jistgħu jilħqu dawk ta’ sigarett tradizzjonali (16).
37. Anki r-rapporti tekniċi ppubblikati mid-“WHO” jikkonfermaw l-effetti negattivi tas-sigaretti elettroniċi fuq is-saħħa tal-bniedem. Għalhekk, id-WHO appellat lill-partijiet għall-Konvenzjoni biex jadottaw politiki għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tad-dipendenza min-nikotina, li għandhom ikunu parti minn programm usa’ dwar il-kontroll tat-tabakk (17).
38. F’dan il-kuntest speċifiku fejn l-għarfien xjentifiku attwali huwa ċar, l-eżistenza ta’ riskju għas-saħħa pubblika hija reali u murija b’mod suffiċjenti (18).
39. Barra minn hekk, jista’ jkun opportun li jitfakkar li l-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-parametru użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-evalwazzjoni tad-data xjentifika u tar-riskji potenzjali għas-saħħa, jinvolvi fir-realtà żewġ stadji, jiġifieri: a) l-identifikazzjoni tal-konsegwenzi potenzjalment negattivi għas-saħħa tas-sustanzi jew tal-prodotti tal-ikel ikkonċernati u evalwazzjoni globali tar-riskju għas-saħħa bbażata fuq l-iktar data xjentifika affidabbli disponibbli u fuq l-iktar riżultati reċenti tar-riċerka internazzjonali; u (b) huwa biss meta d-determinazzjoni b’ċertezza tal-eżistenza jew tal-portata tar-riskju allegat tirriżulta impossibbli minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati tal-istudji mwettqa, iżda l-probabbiltà ta’ ħsara reali għas-saħħa pubblika tippersisti fil-każ li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, sakemm dawn ikunu nondiskriminatorji u oġġettivi (19).
40. Fil-każ tad-direttiva inkwistjoni, sabiex tiġi segwita l-linja ta’ interpretazzjoni proposta mill-perspettiva tal-protezzjoni tas-saħħa , ma jidhirx li hemm (iktar) raġunijiet ta’ prekawzjoni, iżda sempliċement raġunijiet ta’ regolamentazzjoni.
41. Għaldaqstant, jista’ jiġi kkunsidrat li, abbażi tal-għarfien xjentifiku attwali u minn perspettiva neċessarja ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, is-sigaretti elettroniċi, ma jistgħux jitqiesu li ma humiex ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem; l-assorbiment tan-nikotina li huma jikkawżaw ma huwiex sinjifikattivament differenti minn dak tas-sigaretti tradizzjonali.
42. Apparti l-loġika tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, huwa neċessarju li wieħed jiffoka fuq l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għażliet magħmula mil-leġiżlatur – peress li dan huwa fil-qofol. Skont l-Artikolu 114 TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni jgawdi minn ċertu marġni ta’ evalwazzjoni fl-implimentazzjoni tal-armonizzazzjoni u jista’ jintervjeni permezz ta’ miżuri li huwa jqis xierqa fl-osservanza tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu (20) kif ukoll fl-osservanza tal-prinċipji stabbiliti fit-TFUE u fil-ġurisprudenza (21).
43. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li s-sigaretti elettroniċi ma jistgħux jiġu suġġetti għal sistema identika għal dik tal-prodotti tat-tabakk, peress li s-sigaretti elettroniċi ma jiġġenerawx kombustjoni jew duħħan. Huma jsostnu li huwa preċiżament f’dawn it-termini li l-armonizzazzjoni għandha tiġi interpretata, jiġifieri li, fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi differenti taż-żewġ prodotti, is-sigaretti elettroniċi għandhom jiġu rregolati separatament mill-prodotti tat-tabakk. Dan l-argument ma huwiex konvinċenti: huwa minnu li, f’sentenzi preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament li “[is-sigaretti elettroniċi] huma distinti minn [prodotti tat-tabakk] permezz tal-karatteristiċi oġġettivi tagħhom kif ukoll min-natura innovattiva tagħhom fis-suq ikkonċernat, u dan jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni speċifika fil-konfront tagħhom” (22).
44. Madankollu, il-fatt li s-sigaretti elettroniċi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni speċifika ma jiġġustifikax, fl-istess ħin, li din il-leġiżlazzjoni tista’ tmur lil hinn mill-għan fundamentali ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem li d-Direttiva tfittex li tilħaq (23).
45. Għall-istess raġuni, li jiġi sostnut li l-armonizzazzjoni għandha titkompla billi jinżamm trattament differenti ta’ leġiżlazzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ prodotti kkonċernati – is-sigaretti elettroniċi u l-prodotti tat-tabakk – iwassal, fil-fehma tiegħi, sabiex jiġi kkunsidrat biss wieħed mill-għanijiet, dak li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u b’hekk jiġi injorat l-għan l-ieħor, jiġifieri dak tal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Għan li, pjuttost, fir-rigward ta’ dak li ġie espost fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, iservi ta’ gwida għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni.
46. F’dan ir-rigward, nibża’ li jekk jiġi kkunsidrat li l-projbizzjoni tal-addittivi li jiffaċilitaw l-inalazzjoni jew l-assorbiment tan-nikotina ma tapplikax għas-sigaretti elettroniċi, dan iżid ir-riskju ta’ effetti negattivi fuq is-saħħa tal-konsumaturi u, b’mod partikolari, fuq iż-żgħażagħ li jirrappreżentaw l-ikbar grupp ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti (24).
47. Barra minn hekk, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda espressament li l-projbizzjoni tal-addittivi inkwistjoni ma tapplikax għas-sigaretti elettroniċi, dan kien ikollu l-konsegwenza li, b’kuntrast qawwi mal-loġika li fuqha hija bbażata l-premessa 43 tad-Direttiva, is-sigaretti elettroniċi kienu jsiru l-ewwel pass lejn l-effett ta’ dipendenza min-nikotina (25).
48. Għalhekk, dan huwa riskju li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax jassumi, minħabba l-prinċipji ta’ prekawzjoni (qabel) u ta’ proporzjonalità (illum), u iktar minn hekk abbażi tal-għarfien xjentifiku attwali. Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà għandu s-setgħa sħiħa li jieħu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollu għalfejn jistenna li r-realtà u l-gravità tar-riskji jintwerew, meta jeżistu inċertezzi dwar l-eżistenza jew il-portata tar-riskji għas-saħħa tal-persuni (26).
49. Dan huwa kkonfermat b’mod ċar mill-premessa 41 tad-Direttiva li, meta tiddikjara li n-nikotina “hija sustanza tossika” li tippreżenta “riskji potenzjali għas-saħħa [...] inkluż għal persuni li l-prodott mhux intenzjonat għalihom”, tistabbilixxi li l-likwidu li fih in-nikotina – jiġifieri l-likwidu użat mis-sigaretti elettroniċi – “għandu jitqiegħed fis-suq biss f’sigaretti elettroniċi jew f’kontenituri ta’ rikarika li jissodisfaw ċerti rekwiżiti ta’ sikurezza u ta’ kwalità”.
50. Barra minn hekk, l-argument li l-projbizzjoni inkwistjoni ma tapplikax ukoll għas-sigaretti elettroniċi jfisser li t-twissija tad-WHO ma tinstemax f’dan ir-rigward. Fil-fatt, fis-sitt sessjoni tal-konferenza tal-partijiet tal-konvenzjoni qafas miżmuma fit‑18 ta’ Ottubru 2014, il-partijiet kienu rrakkomandati biex jipprojbixxu jew jirregolaw anki l-użu tas-sigaretti elettroniċi, “fid-dawl tal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa umana” (27) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, reċentement, fin-nota teknika tal‑2023, wara li wriet li skont l-istudji xjentifiċi s-sigaretti elettroniċi ma humiex effikaċi fit-twaqqif tad-duħħan, id-WHO ħeġġet lill-partijiet biex jaġixxu sabiex inaqqsu r-riskji riżultanti mill-użu tas-sigaretti elettroniċi, b’attenzjoni partikolari fuq iż-żgħażagħ (28).
51. Għalhekk jista’ jiġi konkluż li, fid-dawl tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ proporzjonalità, ma jistax jitqies li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, restrizzjoni, bħal dik introdotta mill-Belgische Staat (l-Istat Belġjan), hija żieda ma’ dak li diġà huwa previst mid-Direttiva 2014/40, b’tali mod li ma tmurx kontra l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Moviment liberu”.
52. Għalhekk jiena tal-fehma li l-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali tas‑7 ta’ Novembru 2022 tal-Belgische Staat (l-Istat Belġjan), billi jipprevedi li l-likwidu li fih in-nikotina ma għandux ikun fih l-addittivi li jiffaċilitaw l-inalazzjoni jew l-assorbiment tagħha, ma jmurx kontra d-Direttiva 2014/40 fl-intier tagħha.
53. Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-addittivi li jiffaċilitaw l-inalazzjoni jew l-assorbiment tan-nikotina wkoll għas-sigaretti elettroniċi għandha, fil-fehma tiegħi, tinftiehem bħala miżura li ssegwi l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-TFUE u tal-Karta (29).
V. Konklużjoni
54. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) kif ġej:
L-Artikolu 20(3)(c), moqri flimkien mal-Artikolu 7(6) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-likwidu li fih in-nikotina ma jkunx fih addittivi li jiffaċilitaw l-inalazzjoni jew l-assorbiment tagħha, fis-sens tal-Artikolu 7(6)(d), anki jekk is-sigarett elettroniku ma jiġġenerax kombustjoni jew duħħan.
1 Lingwa oriġinali: it-Taljan.
2 Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 150, p. 24)
3 Belgisch Staatsblad, tal‑11 ta’ Jannar 2023, p. 5873.
4 Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (kodifikazzjoni) (ĠU 2015, L 241, p. 1). Skont din id-direttiva, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Istati Membri huma obbligati jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-proposti leġiżlattivi tagħhom fil-qasam tar-regolamenti tekniċi, qabel l-adozzjoni tagħhom.
5 Il-qorti tar-rinviju, peress li qieset li l-ewwel motiv jista’ jiġi deċiż b’mod sussidjarju għat-tieni motiv, ipproċediet għas-sospensjoni tal-eżami tal-ewwel motiv, mingħajr ma fformulat ebda talba għal deċiżjoni preliminari f’dan ir-rigward. Għall-finijiet ta’ kompletezza, bl-ewwel motiv invokat fil-kawża prinċipali, il-partijiet isostnu li l-Belġju ma kkomunikax b’mod korrett l-abbozz tad-Digriet Irjali lill-Kummissjoni, bil-konsegwenza li kien hemm ksur tar-rekwiżiti proċedurali tad-Direttiva 2015/1535.
6 Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, IlĠermanja vs IlParlament u IlKunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 88).
7 Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, IlĠermanja vs IlParlament u IlKunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, punti 77 u 78). Ara, dan l-aħħar, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2025, PJ Carroll u Nicoventures Trading (C‑759/23, EU:C:2025:477, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
8 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 124) u tal‑4 ta’ Mejju 2016, IlPolonja vs IlParlament u IlKunsill (C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 80).
9 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 64 u 179) u tal‑4 ta’ Mejju 2016, IlPolonja vs IlParlament u IlKunsill (C‑358/14, EU:C:2016:323, punti 117 u 118).
10 Konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll mal-Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE u 168(1) TFUE, għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni – inkluża għalhekk, l-implimentazzjoni tal-armonizzazzjoni – ara, reċentement, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, IlKummissjoni vs LUngerija (C‑823/21, EU:C:2023:504, punt 55).
11 Ara, inter alia, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Swedish Match (C‑151/17, EU:C:2018:938, punt 54).
12 Ara reċentement is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Holding Communal (C‑627/23, EU:C:2025:9, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
13 Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 4, 5, 9 u 13 tal-Artikolu 2 kif ukoll l-Artikolu 19(4) tad-Direttiva 2014/40.
14 Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, IlPolonja vs IlParlament u IlKunsill (C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 80), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja affermat espressament l-“għan doppju [tad-Direttiva], li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u ta’ prodotti relatati, billi tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, partikolarment għaż-żgħażagħ”. Ara wkoll is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 220), tat‑22 ta’ Frar 2022, Stichting Rookpreventie Jeugd et (C‑160/20, EU:C:2022:101, punt 32) u tal‑15 ta’ Mejju 2025, Bundesminister für Gesundheit (C‑717/23, EU:C:2025:351, punt 49). Ara, dan l-aħħar, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2025, PJ Carroll u Nicoventures Trading (C‑759/23, EU:C:2025:477, punti 54 u 55).
15 Scientific Committee on Health, Environmental and Emerging Risks, European Commission, Opinion on electronic cigarettes, tas‑16 ta’ April 2021, p. 6.
16 Ibid, p. 8. Barra minn hekk, fid-dawl tal-evidenzi xjentifiċi dwar l-effetti negattivi kkawżati mill-prodotti hekk imsejħa “emerġenti” bħas-sigaretti elettroniċi (ara l-paragrafu 2 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat‑3 ta’ Diċembru 2024 dwar l-ambjenti mingħajr duħħan u aerosol li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/C 296/02 (bażi legali proposta mill-Kummissjoni: Artikolu 168(6) TFUE) – Adozzjoni (Nota ST 15059 2024 INIT) tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (14 ta’ Novembru 2024,)), il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni, intitolata “Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat‑3 ta’ Diċembru 2024 dwar l-ambjenti mingħajr duħħan u aerosol li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/C 296/02” (ĠU C, C/2024/7425). B’differenza mir-rakkomandazzjoni mħassra preċedenti, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni, li ġiet adottata fit‑3 ta’ Diċembru 2024, ġie estiż għas-sigaretti elettroniċi wkoll.
17 WHO, Technical Note on Call to action on electronic cigarettes, Diċembru 2023, p. 5. Fost oħrajn, fis-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 51), il-Qorti tal-Ġustizzja, meta eżaminat il-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40, ħadet inkunsiderazzjoni wkoll rapport tad-WHO tal‑1 ta’ Settembru 2014, intitolat “Inalaturi elettroniċi tan-nikotina”. Electronic nicotine delivery systems: Report by WHO (FCTC/COP/6/10 Rev.1), viżibbli fuq: https://iris.who.int/handle/10665/147110). Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et (C‑236/01, EU:C:2003:431, punt 79).
18 Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2004, IlKummissjoni vs IlPajjiżi lBaxxi (C‑41/02, EU:C:2004:762, punt 49), tad‑9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et (C‑236/01, EU:C:2003:431, punt 109) u tat‑28 ta’ Jannar 2010, IlKummissjoni vs Franza (C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 87).
19 Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Queisser Pharma (C‑282/15, EU:C:2017:26, punti 56 u 57).
20 Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 114 TFUE jipprovdi kif ġej: “[i]l-Kummissjoni, fil-proposti tagħha kif maħsuba fil-paragrafu 1 li jikkonċerna s-saħħa, s-sigurtà, il-ħarsien ta’ l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala bażi protezzjoni fl-għola livell, waqt li tieħu kont partikolarment ta’ kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Fil-limiti tal-poteri rispettivi tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ukoll ifittxu li jilħqu dan l-objettiv”. Ara, wkoll, dan l-aħħar, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2025, PJ Carroll u Nicoventures Trading (C‑759/23, EU:C:2025:477, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punti 62 u 63) u tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 49).
22 Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 62). Fil-punt 63, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet sussegwentement ikkunsidrat bħala irrilevanti l-paragun bejn ir-regoli applikabbli għall-prodotti tat-tabakk u dawk għas-sigaretti elettroniċi kif ukoll għall-kontenituri ta’ likwidu ta’ rikarika, fid-dawl tad-differenzi bejn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti.
23 F’dan ir-rigward, naqbel mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq dan il-punt. Il-Kummissjoni ssostni li jkun inkompatibbli mal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem li jiġi kkunsidrat li, peress li s-sigaretti elettroniċi jarmu l-fwar, l-addittivi li jiffaċilitaw l-inalazzjoni jew l-assorbiment tan-nikotina jistgħu jiġu esklużi mill-addittivi pprojbiti u elenkati fid-Direttiva, skont l-Artikolu 20(3)(c) moqri flimkien mal-Artikolu 7(6).
24 Skont l-opinjoni tal-kumitat xjentifiku SCHEER għall-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 supra, in-numru ta’ żgħażagħ li jużaw sigaretti elettroniċi fi ħdan l-Unjoni żdied b’mod kunsiderevoli minn 7.2 % fl‑2012 għal 14.6 % fl‑2017 (p. 17). Barra minn hekk, skont studju reċenti mwettaq b’mod konġunt mill-Organizzazzjoni għall-kooperazzjoni u għall-iżvilupp ekonomiku (OECD) u l-Kummissjoni, bit-titolu “Health at a Glance: Europe 2024: State of Health in the EU Cycle” (OECD Publishing, 2024, Pariġi), l-użu tas-sigaretti elettroniċi fil-pajjiżi Ewropej “huwa ferm ogħla fost iż-żgħażagħ” [traduzzjoni libera] (p. 118).
25 Fil-premessa 43 tad-Direttiva 2014/40, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddikjara li “[i]s-sigaretti elettroniċi jistgħu jiżviluppaw f’portal għall-effett ta’ dipendenza min-nikotina u finalment għall-konsum tat-tabakk tradizzjonali, billi huma jimitaw u jinnormalizzaw l-azzjoni tat-tipjip”.
26 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Acino vs IlKummissjoni (C‑269/13 P, EU:C:2014:255, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Ara d-deċiżjoni “Electronic nicotine delivery systems and electronic non-nicotine delivery systems” tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, adottata fis-sitt sessjoni f’Moska, fit‑18 ta’ Ottubru 2014, FCTC/COP/6(9) (punt 3 tad-Deċiżjoni), viżibbli fuq: https://iris.who.int/handle/10665/145116.
28 Ara d-WHO, Technical Note on Call to action on electronic cigarettes, Diċembru 2023, b’mod partikolari fil-paġna 3, fejn jingħad li “[y]oung people in many countries are increasingly taking up the use of e-cigarettes and this trend has been reported to be of great public health concern by several countries” (f’ħafna pajjiżi, l-użu ta’ sigaretti elettroniċi qed iżid fost iż-żgħażagħ, u din it-tendenza ġiet irrapportata minn diversi pajjiżi bħala ta’ preokkupazzjoni kbira għas-saħħa pubblika, [traduzzjoni libera]).
29 Iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 supra.