This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62024CC0376
Opinion of Advocate General Campos Sánchez-Bordona delivered on 11 September 2025.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati l-11 ta’ Settembru 2025.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati l-11 ta’ Settembru 2025.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:701
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fil‑11 ta’ Settembru 2025 ( 1 )
Kawża C‑376/24
MT
vs
Comité de direction de l’Autorité des Services et des Marchés Financiers (FSMA)
(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Servizzi finanzjarji — Regolament (UE) Nru 596/2014 — Komunikazzjoni ta’ informazzjoni pprivileġġata u abbuż tas-suq — Natura illeċita tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni pprivileġġata — Eċċezzjonijiet — Artikolu 10 —Żvelar ta’ informazzjoni pprivileġġata fl-eżerċizzju normali ta’ professjoni jew dmirijiet — Artikolu 21 — Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni pprivileġġata fil-qasam ta’ attivitajiet ġurnalistiċi — Libertà tal-istampa u libertà ta’ espressjoni — Xandir ta’ informazzjoni pprivileġġata minn mexxej politiku dwar il-privatizzazzjoni ta’ impriża pubblika”
|
1. |
Il-kawża li wasslet għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tas-sanzjoni imposta fuq mexxej politiku li, f’intervisti mal-midja, kixef informazzjoni li allegatament kienet ikklassifikata bħala pprivileġġata, fis-sens tad-Direttiva 2003/6/KE ( 2 ) u tar‑Regolament (UE) Nru 596/2014. ( 3 ) |
|
2. |
L-informazzjoni inkwistjoni kienet tirreferi għall-privatizzazzjoni imminenti ta’ kumpannija pubblika Belġjana importanti. Min kixef din l-informazzjoni ddikjara li aġixxa sabiex iqajjem diskussjoni dwar din il‑kwistjoni ta’ interess ġenerali u fl-eżerċizzju tal-funzjoni tiegħu ta’ politiku responsabbli. |
|
3. |
Fl-isfond tat-talba għal deċiżjoni preliminari hemm, minn naħa, id-dritt fundamentali għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni (ta’ mexxej politiku, f’dan il-każ) u, min-naħa l-oħra, l-interess li tiġi protetta l-integrità tas-swieq finanzjarji, ikkonkretizzat fil-projbizzjoni ta’ żvelar ta’ informazzjoni pprivileġġata. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2003/6
|
4. |
Skont il-premessa 44 tagħha: “Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem, il-“Karta”)], u b’mod partikolari mill-Artikolu 11 tagħha u mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Drittijiet Umani [(iktar ’il quddiem, il-“KEDB”)]. F’dan ir-rigward, din id-Direttiva ma tipprevjeni b’ebda mod lil Stati Membri milli japplikaw ir-regoli kostituzzjonali tagħhom li jirrelataw għal-libertà ta’ pubblikazzjoni u l-libertà ta’ espressjoni fil-medja”. |
|
5. |
L-Artikolu 2 jistipula: “1. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil kull persuna msemmija fit-tieni subparagrafu li għandha informazzjoni minn ġewwa milli tuża dik l-informazzjoni billi takkwista jew tiddisponi minn, jew billi tipprova takkwista jew tiddisponi minn, għall-kont proprju jew għall-kont ta’ parti terza, jew direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li tirrelata għalihom l-informazzjoni. L-ewwel subparagrafu għandu japplika għal kwalunkwe persuna li tippossjedi dik l-informazzjoni: […]
[…]”. |
|
6. |
L-Artikolu 3 jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil kull persuna soġġetta għall‑projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 milli:
|
2. Ir-Regolament Nru 596/2014
|
7. |
Il-premessa 77 tiddikjara: “Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l‑prinċipji rikonoxxuti fil-Karta […]. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jkun interpretat u applikat bi qbil ma’ dawk id-drittijiet u prinċipji. B’mod partikolari, meta dan ir-Regolament jirreferi għal regoli li jirregolaw il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni f’midja oħra u r-regoli jew il-kodiċi li jirregolaw il-professjoni ġurnalistika, għandhom jitqiesu dawk il-libertajiet kif ggarantiti fl-Unjoni u fl-Istati membri u kif rikonoxxuti skont l-Artikolu 11 tal-Karta u skont dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn”. |
|
8. |
L-Artikolu 7 (“L-informazzjoni privileġġata”) essenzjalment jirriproduċi d-definizzjonijiet li jinsabu fid-Direttivi 2003/6 u 2003/124/KE ( 4 ). |
|
9. |
L-Artikolu 8 (“L-abbuż minn informazzjoni privileġġata”) jindika: “1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-abbuż minn informazzjoni privileġġata ssir meta persuna tippossjedi informazzjoni privileġġata u tuża dik l-informazzjoni billi takkwista jew tagħmel ċessjoni, għall-kont tagħha jew għall-kont ta’ parti terza, direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li dik l-informazzjoni tkun relatata magħhom. L-użu ta’ informazzjoni privileġġata billi tiġi kkanċellata jew emendata ordni rigward strument finanzjarju li l-informazzjoni tkun relatata miegħu meta dik l-ordni tkun saret qabel ma l-persuna kkonċernata kellha l‑informazzjoni privileġġata, għandhom jitqiesu wkoll bħala abbuż minn informazzjoni privileġġata. […] […] 4. Dan l-Artikolu japplika għal kwalunkwe persuna li tippossjedi informazzjoni privileġġata minħabba li: […]
[…]. Dan l-Artikolu japplika wkoll għal kwalunkwe persuna li tippossjedi informazzjoni f’ċirkustanzi differenti minn dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu meta dik il-persuna tkun taf, jew imissha taf, li dik hi informazzjoni privileġġata. […]”. |
|
10. |
L-Artikolu 10 (“L-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata”) jistabbilixxi: “1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata jirriżulta meta persuna tippossjedi informazzjoni privileġġata u tiżvela dik l-informazzjoni lil kwalunkwe persuna oħra, ħlief meta l-iżvelar isir waqt it-twettiq normali ta’ impjieg, professjoni jew dmirijiet. Dan il-paragrafu japplika għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fis-sitwazzjonijiet jew iċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 8(4). […]”. |
|
11. |
L-Artikolu 21 (“Żvelar u tixrid ta’ informazzjoni fil-midja”) jistabbilixxi: “Għall-finijiet tal-Artikolu 10 […], meta tkun żvelata jew imxerrda informazzjoni u meta jkunu prodotti u mxerrda rakkomandazzjonijiet għall-fini ( 5 ) ta’ ġurnaliżmu jew forma oħra ta’ espressjoni fil-midja, tali żvelar jew tixrid ta’ informazzjoni għandu jiġi vvalutat billi jitqiesu r‑regoli li jirregolaw il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni f’midja oħra u r-regoli jew il-kodiċi li jirregolaw il-professjoni tal‑ġurnalist, sakemm:
|
B. Id-dritt nazzjonali. Loi du 2 août 2002 relative à la surveillance du secteur financier et aux services financiers ( 6 )
|
12. |
L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “informazzjoni privileġġata” bl-istess termini bħad-Direttivi 2003/6 u 2003/124, kif ukoll bħar-Regolament Nru 596/2014. |
|
13. |
Skont l-Artikolu 25: “§ 1. Kull min:
[…]
|
II. Il-fatti, il-kawża u d-domandi preliminari
|
14. |
Fl‑2016, Bpost, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, li l-Istat kellu iktar minn 50 % tal-azzjonijiet tagħha, kienet l-operatur prinċipali tas-settur postali fil-Belġju u l-azzjonijiet tagħha kienu kkwotati fil-Borża ta’ Brussell (il-Belġju) (Euronext). |
|
15. |
MT kien uffiċjal politiku soċjalista. Kien serva bħala Ministru għall-Impriżi Pubbliċi fil-Gvern federali minn Jannar 2013 sa Ottubru 2014. Wara l-elezzjonijiet leġiżlattivi tal-2014, il-Partit Soċjalista mar fl-oppożizzjoni u, fl‑2016, MT kellu karigi ta’ tmexxija f’dan il-partit u fl-Union nationale des mutualités socialistes – Solidaris. |
|
16. |
Fl‑2015, il-Gvern il-ġdid Belġjan wera l-intenzjoni li jnaqqas is‑sehem tal-Istat fl-impriżi pubbliċi għal inqas minn 50 %, li wassal għal dibattitu fil-Parlament Belġjan. L-approvazzjoni ta’ liġi ġdida dwar l-impriżi pubbliċi, f’Diċembru 2015 ( 7 ) kienet ikkritikata minn mexxej sindakali f’dawn it-termini, ippubblikati f’gazzetta Belġjana: “l-adozzjoni, ilbieraħ il‑Ħamis, fil-Parlament tal-abbozz ta’ liġi li tippermetti l-privatizzazzjoni, mingħajr il‑bżonn ta’ minoranza li timblokka, ta’ impriżi pubbliċi kkwotati fil‑Borża ta’ Brussell, jiġifieri Bpost u Proximus, tfisser it-tmiem tal‑impriża pubblika” ( 8 ). |
|
17. |
L-istatuti ta’ Bpost ġew emendati waqt il-laqgħat ġenerali, ordinarja u straordinarja, tal‑11 ta’ Mejju 2016, bil-għan li jippermettu l‑privatizzazzjoni ta’ Bpost ( 9 ). Fit‑12 ta’ Mejju 2016, gazzetta Belġjana, meta kkummenta dwar ir-riżultati ta’ dawn il-laqgħat, irrefera għall‑“privatizzazzjoni ta’ Bpost” ( 10 ). |
|
18. |
Fis‑27 ta’ Mejju 2016, fi tweġiba għal mistoqsija waqt il‑programm tar-radju Matin Première fuq l-RTBF, MT indika li Bpost kienet ser titlef in-natura pubblika tagħha fi żmien qasir u ddikjara li “l‑Istat qiegħed jipprepara biex ibigħ parti mill-azzjonijiet tiegħu […] tassew fi kwistjoni ta’ sigħat”. Huwa żied jgħid li t-telf tal-istatus ta’ impriża pubblika kien ser iseħħ fil-qafas ta’ operazzjoni ta’ avviċinament lejn operatur postali Ewropew ieħor, peress li kienu għaddejjin negozjati biex jinbiegħu 10 % tal‑azzjonijiet ta’ Bpost lill-operatur postali Olandiż PostNL. |
|
19. |
MT ikkonferma u kkompleta din l-informazzjoni dakinhar stess ma’ ġurnalist tal-portal elettroniku www.lavenir.net u f’intervista mal‑gazzetta Le Soir. |
|
20. |
Fis‑27 ta’ Mejju 2016, Bpost talbet lill-Autorité belge des services et des marchés financiers (FSMA) (l-Awtorità tas-Servizzi u s‑Swieq Finanzjarji, il-Belġju, iktar ’il quddiem il-“FSMA”) biex tissospendi l-kwotazzjoni tat-titoli tagħha fil‑Borża. In-negozjati għall-merger bejn Bpost u PostNL ġew sospiżi u l-merger ma seħħitx ( 11 ). |
|
21. |
Fit‑28 ta’ Lulju 2016, il-FSMA fetħet każ dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ MT, li ġie mistieden jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, l-istess bħal SL, is-Segretarju Ġenerali tas-settur postali taċ-Centrale Générale des Services Publics (CGSP) ( 12 ). |
|
22. |
Skont id-digriet tar-rinviju ( 13 ), il-FSMA akkużat lil MT li kien żvela, fl-għodwa tas‑27 ta’ Mejju 2016:
|
|
23. |
Wara diversi riżoluzzjonijiet preliminari, li ġew ikkontestati minn MT mingħajr suċċess, il-Kummissjoni ta’ Sanzjonijiet tal-FSMA ddeċidiet finalment fil‑11 ta’ Mejju 2023: “[…]
|
|
24. |
MT ippreżenta appell kontra d-deċiżjoni tal‑11 ta’ Mejju 2023 quddiem il-Cour d’appel de Bruxelles, section Cour des marchés (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, Sezzjoni tas-Swieq, il-Belġju). Il-FSMA oġġezzjonat għal dan l-appell. |
|
25. |
Skont MT:
|
|
26. |
Skont il-FSMA:
|
|
27. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’appel de Bruxelles, section Cour des marchés (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, Sezzjoni tas-Swieq) għamlet is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal‑Ġustizzja:
|
III. Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
28. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal‑Ġustizzja fit‑28 ta’ Mejju 2024. |
|
29. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn MT, il-FSMA u l-Kummissjoni Ewropea, li intervjenew fis-seduta li saret fit‑22 ta’ Mejju 2025. |
IV. Evalwazzjoni
|
30. |
Iż-żewġ domandi preliminari jistgħu jingħataw risposta waħda. Jeħtieġ l-ewwel li jiġi ddeterminat liema dispożizzjoni tad-dritt tal‑Unjoni tapplika ratione temporis għal dan il-każ. |
A. Il-leġiżlazzjoni applikabbli
|
31. |
Il-qorti tar-rinviju ma tagħmilx distinzjoni bejn id‑Direttiva 2003/6 u r-Regolament Nru 596/2014. |
|
32. |
L-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament Nru 596/2014 huma applikabbli mit-3 ta’ Lulju 2016 ( 14 ). Meta seħħ l-allegat żvelar ta’ informazzjoni pprivileġġata (fis‑27 ta’ Mejju 2016), kienet għadha fis‑seħħ id-Direttiva 2003/6, li l-Artikolu 3 tagħha għandu jkun, għaldaqstant, id-dispożizzjoni deċiżiva biex tiġi deċiża l-kawża. |
|
33. |
Il-qorti tar-rinviju tidher li tissuġġerixxi l-possibbiltà li jiġu applikati l-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament Nru 596/2014 minħabba li dawn jipprovdu sistema legali “inqas riġida” minn dik preċedenti ( 15 ). |
|
34. |
Ir-retroattività tal-liġi sussegwenti iktar favorevoli tkun vijabbli jekk id-dritt Belġjan jipprovdi dan fir-rigward tal-aġir illegali li r‑ripressjoni tiegħu titwettaq permezz tad-dritt amministrattiv li jissanzjona. Din hija kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qorti tar‑rinviju. |
|
35. |
Jekk id-dritt intern jippermetti din is-soluzzjoni, l-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament Nru 596/2014 jistgħu japplikaw, b’mod retroattiv, għal fatti li seħħew qabel ma dawn id-dispożizzjonijiet daħlu fis-seħħ, sakemm il-kontenut tagħhom ikun aktar favorevoli minn dak tal‑Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/6. |
|
36. |
L-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2003/6 għandu formulazzjoni simili għal dik tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 596/2014. It-tnejn jissanzjonaw il-komunikazzjoni illegali ta’ informazzjoni pprivileġġata lil terzi, ħlief jekk issir fl-eżerċizzju normali tal‑impjieg, professjoni jew dmirijiet tagħhom. Għaldaqstant, fuq dan l‑aspett, iż-żewġ testi jinkludu eċċezzjoni simili ( 16 ). |
|
37. |
Madankollu, l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014 żied partikolarità li tipproteġi b’iktar intensità l-pubblikazzjoni jew ix‑xandir ta’ informazzjoni fil-midja. Meta jiġi evalwat jekk persuna kinitx involuta f’aġir kundannabbli skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir‑regolament (komunikazzjoni illegali ta’ informazzjoni pprivileġġata), għandhom jiġu kkunsidrati l-liġijiet li jirregolaw il-libertà tal-istampa u l-libertà ta’ espressjoni. |
|
38. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/6 ma għandhomx “l‑istess sens u l-istess portata fir-rigward tal-iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa min-naħa ta’ ġurnalist” ( 17 ). Iddikjarat ukoll, li, skont l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014, jista’ jiġi evalwat jekk “id-dispożizzjonijiet [tiegħu] humiex inqas severi […] minn dawk previsti fid-Direttiva 2003/6” ( 18 ). |
|
39. |
Fl-opinjoni tiegħi, is-sistema stabbilita għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni pprivileġġata fl-eżerċizzju tal-attività ġurnalistika (Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014) hija iktar favorevoli minn dik applikabbli, b’mod ġenerali, għal professjonisti oħra fil-kors tal‑impjiegi, professjonijiet jew dmirijiet tagħhom ( 19 ). |
|
40. |
Għalhekk, ser niffoka fuq jekk, meta mexxej politiku jagħmel dikjarazzjonijiet li, possibbilment, jiżvelaw lill-pubbliku informazzjoni pprivileġġata fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 596/2014, hu jistax jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21. |
B. Risposta għad-domandi preliminari
|
41. |
L-argumentazzjoni tiegħi ser issegwi din l-iskema: a) fl-ewwel lok, ser nanalizza l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014 fih innifsu u b’rabta maċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ; u b) fit‑tieni lok, ser nindirizza l-implikazzjonijiet li jista’ jkollu l‑Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 596/2014, inklużi r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tal-libertajiet ta’ espressjoni u tal‑informazzjoni ( 20 ). |
1. Interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014
a) Kunsiderazzjonijiet ġenerali
|
42. |
L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014 jintroduċi regola speċifika għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata” meta l-informazzjoni tiġi żvelata jew imxerrda għal skopijiet ġurnalistiċi jew ta’ espressjoni ta’ tipi oħra fil-midja. |
|
43. |
F’dawn il-każijiet, l-iżvelar jew it-tixrid ta’ informazzjoni għandu jiġi evalwat:
|
|
44. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat l-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament Nru 596/2014 fir-rigward tal-iżvelar ta’ informazzjoni bi skopijiet ġurnalistiċi ( 21 ). Fil-qosor, hija ddikjarat li l-eċċezzjoni tal-Artikolu 21 tar‑Regolament Nru 596/2014 tkopri t-tixrid ta’ informazzjoni pprivileġġata li jsir fil-kuntest ta’ attività ġurnalistika, f’sens wiesa’ ( 22 ). |
|
45. |
Sakemm mhux qiegħed niżbalja, għadha ma ngħatat l-ebda sentenza dwar il‑komunikazzjoni ta’ informazzjoni pprivileġġata għal skopijiet ta’ “[…] espressjoni oħra fil-midja”, fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014. Peress li dan ma jagħmilx riferiment għad-dritt nazzjonali, teħtieġ interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, billi jiġi kkunsidrat “mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-finalità mfittxija mill-att li tagħmel parti minnu” ( 23 ). |
|
46. |
Il-partijiet li ressqu osservazzjonijiet jiddefendu pożizzjonijiet opposti dwar l-interpretazzjoni tal-frażi suġġetta għal din l-evalwazzjoni:
|
|
47. |
L-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni u MT jidhirli li hija l-iktar xierqa, għar-raġunijiet li ser nispjega hawn taħt. |
|
48. |
Mill-perspettiva litterali, ir-riferiment għall-iskopijiet ta’ “forma oħra ta’ espressjoni fil-midja”, bħala alternattiva għal “skopijiet ġurnalistiċi”, jirreferi għat-tixrid ta’ informazzjoni li: a) isir fil-mezzi tax‑xandir, fis-sens wiesa’; b) ma huwiex limitat għal attivitajiet tal‑ġurnalisti; u c) jista’ jkopri skopijiet ta’ espressjoni li ma humiex direttament ġurnalistiċi, jiġifieri jkunu ta’ “tip ieħor”. |
|
49. |
Din ir-regola hija maħsuba sabiex tinkludi t-tixrid ta’ informazzjoni li, anki jekk mhux ippubblikata mill-ġurnalisti, tiġi żvelata fil-mezzi tax-xandir minn persuni li għandhom kwalitajiet oħra (pereżempju, politiċi, esperti jew opinjonisti). |
|
50. |
Fl-opinjoni tiegħi, din ir-regola tapplika għal mexxej politiku li jagħmel dikjarazzjonijiet b’kontenut informattiv, ta’ interess għall‑pubbliku ġenerali, permezz tar-radju, l-istampa bil-miktub jew il-mezzi diġitali, dikjarazzjonijiet li jinġabru u jixxandru minn kwalunkwe wieħed minn dawn il-mezzi tax-xandir. |
|
51. |
Ċertament, l-attività ġurnalistika bħala regola ssir mill-ġurnalisti stess. Iżda l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014 ma riedx jillimita l-protezzjoni li jagħti għall-ġurnalisti biss, iżda estendiha għal dawk li jiżvelaw ċerta informazzjoni fil-mezzi tax-xandir. |
|
52. |
Huwa, ġustament, l-“[iż]velar u tixrid ta’ informazzjoni fil-midja” li huwa protett, f’termini oġġettivi u mhux suġġettivi. Għal dan il-għan, huwa importanti li dan isir direttament mill-ġurnalisti u minn persuni oħra li jużaw dan il-mezzi tax-xandir biex jikkomunikaw l-informazzjoni. |
|
53. |
Ir-riferiment għar-“regoli jew il-kodiċi li jirregolaw il-professjoni tal-ġurnalist” ma jimplikax, fl-opinjoni tiegħi, li l-applikazzjoni tal‑Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014 għandha tkun limitata għall-ġurnalisti. Din id-dispożizzjoni tirreferi, fil-verità, għal regoli u kodiċi relatati mal-professjoni ġurnalistika, iżda wkoll għal dawk li “jirregolaw il-libertà tal-istampa u l-libertà tal‑espressjoni f’midja oħra”. Dawn ir-regoli l-oħra ma humiex biss dawk ta’ etika professjonali li japplikaw għall-ġurnalisti bħala tali, iżda dawk li, b’mod ġenerali, jirregolaw l-attività ta’ kwalunkwe mezz tax-xandir. |
|
54. |
L-interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tal-espressjoni inkwistjoni twassal għall-istess riżultat. |
|
55. |
L-għan tar-Regolament Nru 596/2014 huwa li tiġi żgurata l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni u li jsaħħaħ il-fiduċja tal-investituri. Din il-fiduċja hija, fost l-oħrajn, ibbażata fuq il-fatt li l-investituri għandu jkollhom kundizzjonijiet ugwali u jkunu protetti kontra l-użu illegali ta’ informazzjoni pprivileġġata ( 24 ). |
|
56. |
Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, dan l-għan ikun iktar issalvagwardjat jekk il-protezzjoni (skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014) kontra s-sanzjonijiet għall-iżvelar ta’ informazzjoni pprivileġġata tkun limitata għall-ġurnalisti, u ma tkunx applikabbli għal dawk li ma humiex. B’dan il-mod, ma jkunx hemm il-possibbiltà li persuni li ma humiex ġurnalisti, bħal mexxejja politiċi jew esperti, jibbenefikaw mill-privileġġ li jagħti l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014. |
|
57. |
Madankollu, din l-interpretazzjoni tinjora l-fatt li l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni u tal-fiduċja tal‑investituri għandhom jintlaħqu b’osservanza tal-“libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni f’midja oħra […] kif ggarantiti fl-Unjoni u fl-Istati membri u kif rikonoxxuti skont l-Artikolu 11 tal-Karta […]” ( 25 ). |
|
58. |
L-importanza tal-libertajiet fundamentali f’soċjetà demokratika teħtieġ interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċetti li jsir riferiment għalihom. L‑Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014, filwaqt li jintroduċi eċċezzjoni speċifika (għall-projbizzjoni tax-tixrid ta’ informazzjoni pprivileġġata) permezz tal-iżvelar għal skopijiet ġurnalistiċi, jew forma oħra ta’ espressjoni fil-midja, jorbotha mal-libertà tal-istampa u mal‑libertà ta’ espressjoni ( 26 ). |
|
59. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-espressjoni “ipproċessar ta’ data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi” li tinsab fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 billi użat kriterji wisgħin ħafna: ( 27 )
|
|
60. |
Issa, jekk din id-duttrina ġiet stabbilita f’kuntest ta’ regola li kienet tillimita l-applikazzjoni tagħha għal skopijiet esklużivament ġurnalistiċi, iktar u iktar għandha tapplika għal regola oħra (bħall-Artikolu 21 tar‑Regolament Nru 596/2014) li ma tużax dan l-avverb u tirreferi, b’termini ħafna iktar wisgħin, għat-tixrid ta’ informazzjoni “għall-fini esklużivi ta’ ġurnaliżmu a” ( 32 ). |
|
61. |
Minn din il-perspettiva, l-applikazzjoni tal-Artikolu 21 tar‑Regolament Nru 596/2014 għall-mexxejja politiċi li jintervjenu fil‑mezzi tax-xandir (jew permezz ta’ intervisti, konferenzi stampa jew avvenimenti simili) u, f’dan il-kuntest, jiżvelaw informazzjoni allegatament pprivileġġata ta’ interess ġenerali hija wkoll sostnuta mill‑ġurisprudenza tal-QEDB dwar l-Artikolu 10 tal-KEDB. |
|
62. |
It-tifsira u l-portata tal-Artikolu 10 tal-KEDB, inkwantu jikkorrispondi għall-Artikolu 11 tal-Karta ( 33 ), għandhom jiggwidaw l‑interpretazzjoni ta’ din ir-regola tal-Karta, skont l-Artikolu 52(3) tagħha, bħala livell minimu ta’ protezzjoni ( 34 ). |
|
63. |
Il-QEDB irrikonoxxiet repetutament ir-rwol essenzjali tal-mezzi tax-xandir biex jiffaċilitaw u jsaħħu d-dritt tal-pubbliku li jirċievi u jikkomunika informazzjoni u ideat ( 35 ). Iddikjarat ukoll li l-funzjoni li toħloq diversi “pjattaformi għal dibattitu pubbliku ma hijiex limitata għall-istampa [konvenzjonali] […]” ( 36 ). |
|
64. |
Ser nirreferi għal din il-ġurisprudenza iktar tard sabiex nikkonferma li ma tkunx kompatibbli mal-Artikolu 11 tal-Karta interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014 li jipprojbixxi lil mexxejja politiċi milli jiżvelaw informazzjoni ta’ interess pubbliku permezz tal-mezzi tax-xandir, f’ċirkustanzi simili għal dawk tal-każ inkwistjoni. |
|
65. |
Meta mexxej politiku jxandar informazzjoni ta’ interess pubbliku waqt intervista fi programm tar-radju jew f’dikjarazzjonijiet lil gazzetta, kemm jekk miktuba jew diġitali, ikun qiegħed iwettaq jew attività għal skopijiet ġurnalistiċi (fis-sens deskritt iktar ’il fuq), jew inkella, fl-aħħar mill‑aħħar, attività bi skopijiet oħra ta’ espressjoni fil-mezzi tax-xandir. |
b) Kunsiderazzjonijiet ad casum
|
66. |
MT kellu l-intenzjoni li jinforma lill-pubbliku dwar il‑privatizzazzjoni imminenti tal-kumpannija Bpost (li l-kapital tagħha kien fil-parti l-kbira tal-Istat) permezz tal-integrazzjoni parzjali tagħha mal-kumpannija PostNL. B’hekk kien qiegħed jipprova jqajjem diskussjoni fl‑opinjoni pubblika dwar il-vantaġġ ta’ dawn l-azzjonijiet tal‑Gvern Belġjan. |
|
67. |
Il-qorti tar-rinviju tqis li tali informazzjoni, fiha nnifisha, tista’ titqies bħala informazzjoni pprivileġġata, skont ir-Regolament Nru 596/2014. B’mod speċifiku, tiċħad l-argumenti ta’ MT relatati mal‑fatt li l-privatizzazzjoni ta’ Bpost kienet diġà informazzjoni pubblika. |
|
68. |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-emendi fil-Liġi dwar il-Kumpanniji Pubbliċi (Diċembru 2015) u fl-Istatuti Soċjali (11 ta’ Mejju 2016) kienu jippermettu l-privatizzazzjoni ta’ Bpost, iżda “dan ma kienx ifisser li kien hemm proġett konkret sabiex tiġi implimentata l-privatizzazzjoni tal-kumpanija” ( 37 ). |
|
69. |
Kif indikat il-FSMA fis-seduta, id-dikjarazzjonijiet ta’ MT żvelaw elementi preċiżi dwar il-privatizzazzjoni ta’ Bpost, inkluża l-imminenza tagħha, ir-rabta tagħha ma’ operatur ieħor postali Ewropew u l-bejgħ ta’ 1/10 tal-azzjonijiet tal-Istat Belġjan f’din il-kumpannija pubblika. Dawn il-preċiżazzjonijiet jistgħu, bħala regola, jikkonfermaw il-pożizzjoni tal-qorti tar‑rinviju dwar in-natura pprivileġġata tal-informazzjoni żvelata minn MT. |
|
70. |
Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi l-ebda domanda dwar in-natura tal-informazzjoni żvelata, il-Qorti ta’ Ġustizzja għandha tirrispetta l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju dwar dan il-punt ( 38 ). |
|
71. |
Għalhekk, jekk jiġi preżunt li din hija informazzjoni pprivileġġata, l-iżvelar jew ix-xandir tagħha fil-mezzi tax-xandir tkun leġittima jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet (pożittivi u negattivi) stipulati fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014. |
|
72. |
Dwar il-kundizzjonijiet pożittivi diġà tkellimt fil-punti preċedenti: dawn ikunu ssodisfatti meta min jiżvela jew ixandar informazzjoni jagħmel dan bi skopijiet ġurnalistiċi jew forma oħra ta’ espressjoni fil-midja. Hekk ġara f’dan il-każ. |
|
73. |
Fir-rigward tal-kundizzjonijiet negattivi, l-applikazzjoni tal‑Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014 tirrikjedi li: a) il-persuni kkonċernati jew il-persuni assoċjati mill-qrib magħhom ma jisiltux, direttament jew indirettament, vantaġġ jew qligħ mill‑iżvelar jew it-tixrid tal-informazzjoni kkonċernata; jew b) li l-iżvelar jew it-tixrid ma jsirx bl‑intenzjoni li joħloq konfużjoni jew jisgwida lis-suq rigward il-provvista, id-domanda, jew il-prezz tal-istrumenti finanzjarji. |
|
74. |
Il-qorti tar-rinviju tiddikjara, b’mod espliċitu li dawn il‑kundizzjonijiet negattivi kienu preżenti f’dan il-każ: “ma hemmx dubju li [MT] ma rċieva l-ebda vantaġġ jew qligħ mill-iżvelar li bih huwa akkużat, u lanqas ma wettqu bil-għan li jisgwida lis-suq” ( 39 ). |
|
75. |
Il-qorti tar-rinviju tidher li teskludi wkoll (għalkemm b’mod impliċitu) li l-iżvelar tal-informazzjoni pprivileġġata ġab lil MT, lill-partit politiku tiegħu u l-organizzazzjoni mutwali li minnha kien jagħmel parti, xi vantaġġ jew qligħ indirett, li kien jikkonsisti fl-abbandun tat‑tranżazzjoni ta’ privatizzazzjoni ta’ Bpost. |
|
76. |
Inqis li l-“vantaġġ jew qligħ” li għalihom jirreferi l-Artikolu 21 tar‑Regolament Nru 596/2014 għandhom natura prinċipalment ekonomika, jiġifieri, għandhom effett fuq is-sitwazzjoni patrimonjali ta’ minn ixerred l-aħbar u l-persuni assoċjati mill-qrib magħhom. Il-vantaġġ politiku eventwalment miksub minn MT bix-xandir tal-aħbar ma huwiex klassifikabbli, għaldaqstant, bħala benefiċċju fis-sens tal-Artikolu 21 tar‑Regolament Nru 596/2014. L-interpretazzjoni kuntrarja tillimita b’mod sinjifikattiv il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni, għaliex kważi kull żvelar ta’ informazzjoni jista’ jkollu xi tip ta’ benefiċċju indirett, mhux neċessarjament ekonomiku, għal min jiżvela. |
|
77. |
Il-qorti tar-rinviju tenniet l-argument propost minn MT billi staqsiet:
|
|
78. |
Ir-risposta għal dawn iż-żewġ domandi għandha tkun fl-affermattiv, jekk l-iżvelar tal-informazzjoni kien jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014. |
|
79. |
Billi żvela l-informazzjoni dwar azzjoni futura tal-Gvern bħala sid tal-maġġoranza tal-kapital ta’ Bpost, MT kien qiegħed jaġixxi bħala mexxej ta’ partit politiku tal-oppożizzjoni ( 41 ) kontra l-privatizzazzjoni ta’ din l‑impriża pubblika. Ma kienx qiegħed jiżvela informazzjoni sempliċement korporattiva adottata mill-awtoritajiet li jirrappreżentaw impriża privata, iżda deċiżjoni politika imminenti tal-Gvern u għamel dan bil-għan li jqajjem “dibattitu politiku” dwarha waqt li kien għad hemm ċans li tiġi evitata. |
|
80. |
Din is-sitwazzjoni tgħaddi l-kontroversja lejn il-kamp politiku, fejn ma għandhomx jiġu ristretti, ħlief għal raġunijiet imperattivi, il‑pożizzjonijiet tal-partiti differenti dwar kwistjonijiet rilevanti għall‑ħajja pubblika. |
2. L-impatt tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 596/2014
|
81. |
L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014 huwa regola speċjali (lex specialis) li jittratta b’mod iktar favorevoli waħda mis‑sitwazzjonijiet koperti bl-eċċezzjoni ġenerali tal-Artikolu 10 tiegħu. |
|
82. |
L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 596/2014 jiddefinixxi l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni pprivileġġata (“meta persuna tippossjedi informazzjoni privileġġata u tiżvela dik l-informazzjoni lil kwalunkwe persuna oħra”) u jintroduċi eċċezzjoni wiesgħa ħafna: “ħlief meta l‑iżvelar isir waqt it-twettiq normali ta’ impjieg, professjoni jew dmirijiet” ( 42 ). |
|
83. |
Din l-eċċezzjoni tieħu forma speċjali fl-Artikolu 21 tar‑Regolament Nru 596/2014 permezz tal-iżvelar u tixrid ta’ informazzjoni għal skopijiet ġurnalistiċi jew forma oħra ta’ espressjoni fil-midja. Minħabba l-importanza speċjali tagħha, l-Artikolu 21 jagħżel attività, (il-ġurnalist, fis-sens wiesa’), li għandu jibbenefika mill‑eċċezzjoni, sabiex tiġi protetta l-libertà tal-istampa u l-libertà ta’ espressjoni. |
|
84. |
Il-kunsiderazzjonijiet li għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza Autorité des marchés financiers dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament Nru 596/2014 huma ssupplimentati fil-punti 78 u 81 tagħha fejn ġie ddikjarat li r-rekwiżiti ġenerali ta’ neċessità u proporzjonalità (tal-iżvelar ta’ informazzjoni pprivileġġata) ( 43 ) għandhom jiġu osservati u li għandhom jiġu evalwati fid‑dawl tal-Artikolu 11 tal-Karta ( 44 ). |
|
85. |
Ser neżamina ż-żewġ rekwiżiti minn din il-perspettiva. |
a) Neċessità
|
86. |
In-neċessità li tinxtered informazzjoni pprivileġġata, meta min jiżvelaha huwa mexxej politiku li jipparteċipa f’attività ġurnalistika, tiddependi minn jekk dan ix-xandir huwiex l-iktar mezz adattat sabiex jagħti lill-pubbliku informazzjoni importanti tal-ħajja politika tiegħu. |
|
87. |
Għalhekk, in-neċessità ma għandhiex tiġi evalwata b’mod astratt, iżda skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. B’hekk, fis-sentenza Autorité des marchés financiers, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferriet għall‑ħtieġa li l-ġurnalist jivverifika l-informazzjoni li jkun sar jaf biha ( 45 ). |
|
88. |
L-informazzjoni żvelata minn MT setgħet taffettwa l-kwotazzjoni fil-Borża tal-impriża pubblika Bpost, għalkemm, apparentament, l‑impatt effettiv tagħha ma kienx sinjifikattiv. L-alternattiva għall-aħbar li din l‑impriża kienet ser tiġi privatizzata immedjatament kienet li wieħed jistenna lil Bpost tikkomunika dan lill-awtorità finanzjarja u lill-pubbliku. |
|
89. |
Issa, MT kien mexxej politiku, appartenenti għal partit tal‑oppożizzjoni, u ħass li r-responsabbiltajiet tiegħu f’dan ir-rwol kienu jġiegħluh jiżvela minn qabel l-imminenza tal-privatizzazzjoni ta’ Bpost, li kienet ser issir b’deċiżjoni tal-Gvern. Huwa għalhekk ried iqajjem diskussjoni pubblika dwar dan u, skont it-twemmin politiku tiegħu, jipprova jevita din il-privatizzazzjoni. |
|
90. |
Fl-eżerċizzju normali tar-responsabbiltajiet politiċi tiegħu kien neċessarju l-iżvelar tal-informazzjoni pprivileġġata li MT kellu dwar Bpost? |
|
91. |
Il-FSMA tissottometti li l-iżvelar tal-informazzjoni pprivileġġata minn MT ma kienx neċessarju, għaliex id-diskussjoni dwar il‑privatizzazzjoni tal-impriżi pubbliċi kienet diġà seħħet fil-Belġju, waqt id-dibattiti qabel l-approvazzjoni tal-Liġi tas‑16 ta’ Diċembru 2015 dwar ir-Riforma tal-Impriżi Pubbliċi. Hija żiedet li MT seta’ reġa’ “qajjem” mill-ġdid dan id-dibattitu fl-2016 mingħajr il-bżonn li jxandar, fil-mezzi tax-xandir, informazzjoni daqshekk speċifika bħal dik li żvela. |
|
92. |
MT jiddefendi l-pożizzjoni kuntrarja u jikkunsidra li l-mezz l-iktar adattat sabiex jilħaq l-għan li jqajjem dibattitu pubbliku dwar il‑privatizzazzjoni u l-merger (parzjali) ta’ Bpost ma’ PostNL kien li joħroġ fil-beraħ u jxandar in-negozjati sigrieti li kienu għaddejjin. |
|
93. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar in-neċessità tal‑iżvelar tal-aħbar. Mingħajr l-intenzjoni li nissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha, nemmen li dan l-iżvelar jista’ jitqies bħala neċessarju, jekk jiġi kkunsidrat l-għan li MT ipprova jilħaq bl-iżvelar tal-privatizzazzjoni imminenti ta’ Bpost. |
|
94. |
Il-privatizzazzjoni ta’ impriża pubblika tal-importanza ta’ Bpost, operatur postali prinċipali tal-Belġju, flimkien ma’ tnaqqis fil-kapital azzjonarju f’idejn l-Istat, kienet kwistjoni politikament sensittiva li kienet taffettwa l-interess ġenerali. L-eżerċizzju normali tal-funzjoni ta’ jinvolvi, fost l-oħrajn, li jqajjem dibattiti dwar dan it-tip ta’ problemi. |
|
95. |
Hija wkoll parti mir-responsabbiltajiet ta’ politiku fl-oppożizzjoni li jiżvela deċiżjonijiet imminenti tal-Gvern ta’ interess ġenerali li huma moħbija mill-pubbliku bil-għan li jiġu ppreżentati iktar tard bħala fatti stabbiliti. Jekk sabiex jiġi evitat li dan iseħħ, l-iktar mod effiċjenti kien li l-aħbar tiġi żvelata fil-midja, l-iżvelar jista’ jitqies neċessarju. |
|
96. |
Minħabba din is-sitwazzjoni, li terġa’ tiġi diskussa b’mod ġenerali l-opportunità tal-privatizzazzjoni ta’ Bpost ma kienx ser ikollha l-istess impatt bħall-iżvelar, kif għamel MT, li l-Gvern kien qiegħed jipproponi, b’mod imminenti, li japprovaha. |
b) Proporzjonalità
|
97. |
Fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità, ser nuża l-istess approċċ li ħadet is-sentenza Autorité des marchés financiers. |
|
98. |
Sabiex jiġi stabbilit meta t-tixrid tal-informazzjoni allegatament pprivileġġata josserva r-regola ta’ proporzjonalità, għandu “jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni għal-libertà tal-istampa kkawżata mill‑projbizzjoni ta’ tali żvelar hijiex eċċessiva meta mqabbla mal-ħsara li tali żvelar jista’ jikkawża lill-integrità tas-swieq finanzjarji” ( 46 ). |
|
99. |
Fir-rigward tal-ħsara (għall-integrità tas-swieq finanzjarji), il‑qorti tar-rinviju tagħmel dikjarazzjoni li, tal-inqas, tippermetti li jkun hemm dubji dwar jekk din verament seħħitx. Għalkemm b’ċertu riservi, tirreferi għall-possibbiltà li, fil-fatt, dik li kienet ser tkun fil-perikolu meta xxandret l-aħbar ma kinitx l-integrità tas-suq iżda l-interess ta’ Bpost li żżomm moħbija, sa dak il-ħin, it-tranżazzjoni li kienet qiegħda tippjana ( 47 ). |
|
100. |
Jekk il-qorti tar-rinviju tevalwa l-possibbiltà ta’ ħsara għall‑integrità tas-swieq, ikollha tesplora mill-ġdid sa liema punt il‑projbizzjoni tax-xandir tal-aħbar kienet restrizzjoni eċċessiva tal‑libertà tal-istampa, fir-rigward ta’ tali ħsara. Kif diġà ddikjarajt, ma nemminx li, quddiem il-privatizzazzjoni imminenti ta’ Bpost, jista’ jkun mitlub li mexxej politiku jibqa’ silenzjuż, jekk iħoss li din it-tranżazzjoni hija iktar ta’ ħsara mill-iżvelar tagħha lill-pubbliku. |
|
101. |
Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi, fi tmiem l-analiżi tagħha dwar il-kriterji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, li hemm raġunijiet għall-projbizzjoni tat-tixrid tal-informazzjoni pprivileġġata, għandu jiġi stabbilit jekk l-aġir inkwistjoni huwiex iġġustifikat mill-eżerċizzju tal‑libertà ta’ espressjoni. |
c) Prevalenza tal-libertà ta’ espressjoni
|
102. |
L-impożizzjoni ta’ multa minħabba l-iżvelar tal-aħbar fil-mezzi tax-xandir tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni. Dan jillimita d-dritt ta’ MT li jeżerċita dawn il‑libertajiet fil-kuntest ta’ “ġurnaliżmu politiku”. |
|
103. |
Għalhekk, għandu jiġi stabbilit jekk, skont l-Artikolu 11 tal-Karta u l-Artikolu 10 tal-KEDB, din ir-restrizzjoni hijiex iġġustifikata. Il‑ġustifikazzjoni tista’ tkun koperta, bħala regola, kemm bl‑Artikolu 10(2) tal-KEDB kif ukoll bl-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
|
104. |
Ma nħossx li hemm bżonn ninsisti li l-libertà ta’ espressjoni hija waħda mill-prinċipji fundamentali ta’ soċjetà demokratika u pluralistika u tifforma parti mill-valuri li hija bbażata fuqhom l-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 2 TUE ( 48 ), li l-Karta (Artikolu 11) stabbilixxiet bħala dritt fundamentali. L-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu tal-Karta għandha ssir, kif diġà indikajt, billi jiġu kkunsidrati l-Artikolu 10 tal-KEDB li huwa simili ħafna u l-ġurisprudenza tal-QEDB relatata miegħu ( 49 ). |
|
105. |
Il-QEDB uriet li kienet eżiġenti b’mod partikolari sabiex tiddefendi dan id-dritt: “il-libertà ta’ espressjoni hija wieħed mill‑prinċipji fundamentali essenzjali ta’ [soċjetà demokratika], kif ukoll waħda mill-kundizzjonijiet ewlenija għall-progress tagħha u għall‑iżvilupp ta’ kull individwu. Suġġetta għall-Artikolu 10(2) [tal‑KEDB], tapplika mhux biss għal ‘informazzjoni’ jew ‘ideat’ li huma aċċettati jew ikkunsidrati bħala inoffensivi jew indifferenti, iżda wkoll għal dawk li joffendu, jqanqlu konfużjoni jew jikkawżaw inkonvenjent. Dawn huma, fil-fatt, ir-rekwiżiti tal-pluraliżmu, tat-tolleranza u tal‑attitudni miftuħa li mingħajrhom ma jistax ikun hemm “soċjetà demokratika” ( 50 ). |
|
106. |
Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja meta rreferiet għal diversi deċiżjonijiet tal-QEDB, din tal-aħħar “tenfasizza r-rwol fundamentali li għandha l-istampa f’soċjetà demokratika, fejn għalhekk il-garanziji li għandhom jingħatawlha fihom importanza partikolari. Għalkemm l‑istampa ma għandhiex teċċedi ċerti limiti, normalment relatati mal‑ħarsien tar-reputazzjoni jew tad-drittijiet ta’ ħaddieħor, hija madankollu għandha tikkomunika, b’osservanza tad-dmirijiet u tar‑responsabbiltajiet tagħha, informazzjoni u ideat dwar il-kwistjonijiet kollha ta’ interess ġenerali. Li kieku kien mod ieħor, l-istampa ma tkunx tista’ tesprimi r‑rwol indispensabbli tagħha bħala public watchdog. B’hekk, jeħtieġ li tingħata importanza kbira lill-interess tas-soċjetà demokratika li tiżgura u żżomm il-libertà tal-istampa meta jkollu jiġi ddeterminat, kif jirrikjedi l-Artikolu 10(2) tal-KEDB, jekk l-indħil inkwistjoni huwiex proporzjonat mal-għan leġittimu li għandu jintlaħaq” ( 51 ). |
|
107. |
Huwa veru li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet ( 52 ), iżda l-interferenzi ammissibbli għandhom jgħaddu mill-filtru triplu li jkollhom bażi legali, ikunu intiżi għall-protezzjoni ta’ interess leġittimu minn dawk imsemmija fl-Artikolu 10(2) tal-KEDB u jkunu meħtieġa f’soċjetà demokratika. |
|
108. |
Fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, il-libertà ta’ espressjoni u tal‑informazzjoni li hija rrikonoxxuta fl-Artikolu 11 tal-Karta tista’ tiġi limitata skont l-Artikolu 52(1) tagħha. Il-Karta “[…] tippermetti limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il‑kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor” ( 53 ). |
|
109. |
F’dan il-każ, ir-restrizzjoni imposta fuq il-libertà ta’ espressjoni ta’ MT: a) kienet prevista mil-liġi, jiġifieri, mir-Regolament Nru 596/2014 u mil-Liġi tat‑2 ta’ Awwissu 2002; b) tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt, peress li l-projbizzjoni li tiġi żvelata informazzjoni pprivileġġata ma hijiex imposta b’mod assolut ( 54 ); u c) tilħaq, bħala regola, l-għan ta’ interess ġenerali li tipproteġi l-integrità tas-swieq finanzjarji. |
|
110. |
Id-dubji jqumu dwar kif din ir-restrizzjoni tista’ tiġi bbilanċjata mal‑protezzjoni tad-dritt fundamentali għal-libertà ta’ espressjoni, li jinkludi d-dritt ta’ mexxej politiku li jikkomunika lill-pubbliku informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali. |
|
111. |
Ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ espressjoni ta’ mexxej politiku għandhom jiġu deċiżi bi kriterji partikolarment eżiġenti, skont il‑ġurisprudenza tal-QEDB. L-Artikolu 10(2) tal-KEDB “kważi ma jħalli l-ebda post għar-restrizzjonijiet tal-libertà ta’ espressjoni fil-qasam tad‑diskors politiku jew tal-kwistjonijiet ta’ interess ġenerali” ( 55 ). |
|
112. |
Fid-dawl ta’ din il-premessa, nemmen li għandu jipprevali d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni ta’ mexxej politiku tal-oppożizzjoni li, meta jiżvela li l-Gvern ser iwettaq il-privatizzazzjoni ta’ impriża pubblika importanti, l-ewwel operatur postali tal-Belġju, jipprova joħloq diskussjoni fil-pubbliku fuq din il-kwistjoni ( 56 ). |
V. Konklużjoni
|
113. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Cour d’appel de Bruxelles, section Cour des marchés (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, Sezzjoni tas-Swieq, il-Belġju) sabiex tagħti risposta bil-mod segwenti: “L-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal‑Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE, fid-dawl tal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq)) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367).
( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU 2014, L 173, p. 1).
( 4 ) Direttiva tal-Kummissjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2003 li timplimenta d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-definizzjoni u l-iżvelar pubbliku tat-tagħrif minn ġewwa u d-definizzjoni tal-manipulazzjoni tas-swieq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 348).
( 5 ) Il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi li kkonsultajt ipoġġu l-enfasi fuq “fines” (finijiet), iktar milli fuq “motivos” (raġunijiet), terminu użat fil-verżjoni Spanjola: fl-Ingliż, “for the purpose of journalism or other form of expression in the media”; fil-Franċiż “à des fins journalistiques ou aux fins d’autres formes d’expression dans les médias”; fil-Ġermaniż, “für journalistische Zwecke oder andere Ausdrucksformen in den Medien”; fit-Taljan, “ai fini dell’attività giornalistica o di altre forme di espressione nei mezzi d’informazione”; fil-Portugiż, “para fins jornalísticos ou outra forma de expressão nos meios de comunicação social”; fir-Rumen, “în scopuri jurnalistice sau sub altă formă de exprimare în presă”. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nuża t-terminu “finijiet”, minflok “raġunijiet”, ħlief fil-każ ta’ kwotazzjonijiet litterali tal‑leġiżlazzjoni. Il-verżjoni Spanjola ta’ dispożizzjonijiet oħra simili, bħall‑Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol.15, p. 355), hija konformi mal-kumplament tal‑verżjonijiet billi tinkludi l-espressjoni “fines periodísticos” (skopijiet ta’ ġurnaliżmu) u mhux “motivos periodísticos” (raġunijiet ta’ ġurnaliżmu).
( 6 ) Liġi tat‑2 ta’ Awwissu 2002 dwar is‑sorveljanza tas-settur finanzjarju u s-servizzi finanzjarji (iktar ’il quddiem, il-“Liġi tat‑2 ta’ Awwissu 2002”).
( 7 ) Id-digriet tar-rinviju (punt 64) tosserva li “bidla leġiżlattiva li seħħet f’Diċembru tal‑2015 għamlet il-privatizzazzjoni possibbli”.
( 8 ) Anness 6 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ MT.
( 9 ) Digriet tar-rinviju, punt 64.
( 10 ) Anness 8 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ MT.
( 11 ) Fis‑6 ta’ Ġunju 2016 kienet ippjanata stqarrija għall-istampa sabiex titħabbar il‑merger pubblikament.
( 12 ) SL kien wieħed mill-ħames rappreżentanti sindakali nazzjonali permanenti impjegat minn Bpost fiż-żmien meta seħħew il-fatti. F’din il-kariga, huwa kien ġie infurmat mit‑tmexxija tal-impriża bl-eżistenza ta’ proġett ta’ merger bejn Bpost u PostNL.
( 13 ) Punt 60, li jirrifletti il-punt 53 tar-rapport tal-auditeur.
( 14 ) Kif jispjega l-Artikolu 39 (“Dħul fis-seħħ u applikazzjoni”) tar-Regolament Nru 596/2014.
( 15 ) Fit-tieni paragrafu tal-punt 72 tad-digriet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tiċċita, għal dan il-għan, il-punti 59, 66 u 78 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Marzu 2022, Autorité des marchés financiers (C‑302/20, EU:C:2022:190; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Autorité des marchés financiers”). Fit-tielet paragrafu tal‑punt 72 tal-istess deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 21 tar‑Regolament Nru 596/2014 bħala “dispożizzjoni legali iktar favorevoli”.
( 16 ) Kif ikkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Autorité des marchés financiers, punt 76.
( 17 ) Sentenza Autorité des marchés financiers, punt 59.
( 18 ) Sentenza Autorité des marchés financiers, punt 59.
( 19 ) Din is-sistema legali hija, barra minn hekk, differenti minn dik stabbilita permezz tad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal‑Unjoni (ĠU 2019, L 305, p. 17). Id-Direttiva 2019/1937 tapplika għal persuni li jaħdmu ma’ organizzazzjoni pubblika jew privata u li jafu dwar ksur tad-dritt tal‑Unjoni li jippreġudika l-interess pubbliku. Il-figura ta’ dawk li jressqu l-ilment (“whistleblowers”, “lanceurs d’alerte”) ġiet ukoll diskussa mill-ġurisprudenza tal‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem, “QEDB”) abbażi tal‑Artikolu 10 tal-KEDB. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2023, Halet vs Il‑Lussemburgu (CE:ECHR:2023:0214JUD002188418).
( 20 ) Għalkemm il-libertà ta’ espressjoni u l-libertà ta’ informazzjoni ma jikkoinċidux b’mod totali, l-Artikolu 11 tal-Karta jinkludi, fid-“dritt għal-libertà ta’ espressjoni” il-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat, mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.
( 21 ) Sentenza Autorité des marchés financiers, punti 64 u 68: “l-espressjoni ‘għall-fini ta’ ġurnaliżmu’ tirreferi għall-iżvelar ta’ informazzjoni li jkoll[ha] bħala finalità l‑attività ta’ ġurnaliżmu u, għaldaqstant, ma tirreferix neċessarjament għal dak l‑iżvelar ta’ informazzjoni biss li jikkonsisti fil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni bħala tali iżda wkoll għall-iżvelar li jagħmel parti mill-proċess li jwassal għal tali pubblikazzjoni” (punt 64); u “[…] ma humiex biss il-pubblikazzjonijiet iżda huma wkoll l-atti preparatorji għal pubblikazzjoni, bħalma huma l-ġbir ta’ informazzjoni kif ukoll l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ investigazzjoni ta’ ġurnalist, li huma inerenti għal-libertà tal-istampa” (punt 68).
( 22 ) Għal viżjoni globali tal-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni tal-ġurnalisti fid-dritt tal-Unjoni, ara l-analiżi ta’ Tinière, R., “La protection de la liberté d’expression des journalistes par l’Union européenne”, f’Maubernard, C., Platon, S., u Tinière R. (diretturi), Les mutations de la liberté d’expression dans l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2025, pp. 174 sa 188.
( 23 ) Sentenza Autorité des marchés financiers, punt 63.
( 24 ) Sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2015, Lafonta (C‑628/13, EU:C:2015:162), punt 21; u tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group y Van Raemdonck (C‑45/08, EU:C:2009:806), punt 48.
( 25 ) Il-premessa 77 tar-Regolament Nru 596/2014.
( 26 ) Ara Martucci, F., “L’équilibre bancal entre liberté de la presse et régulation financière dans la mise en œuvre du règlement MAR”, Maubernard, C., Platon, S., u Tinière, R. (diretturi.), Les mutations de la liberté d’expression dans l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2025, pp. 275 sa 298.
( 27 ) Sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Buivids (C‑345/17, EU:C:2019:122; iktar ’il quddiem is-“sentenza Buivids”). F’din il-kawża, id-Direttiva 95/46 ġiet interpretata fir-rigward ta’ attività ta’ persuna li ppubblikat fuq is-sit Internet www.youtube.com vidjo meħud f’għassa tal-Pulizija.
( 28 ) Sentencia Buivids, punt 53, li tiċċita s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia”), punt 61. Fir‑rigward tas-sentenza Buivids u s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C-516/17, EU:C:2019:625), ara Smartt, U., “Are bloggers and YouToubers journalists?”, European Intellectual Property Review, 2020, pp. 728 sa 737.
( 29 ) Sentenza Buivids, punt 52, u Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, punt 58.
( 30 ) Sentenza Buivids, punt 55.
( 31 ) Sentenza Buivids, punt 57; u Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, punt 60.
( 32 ) Sentenza Buivids, punti 51 u 57; u Autorité des marchés financiers, punti 66 u 67.
( 33 ) Il-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni u l-pluraliżmu tagħhom huma speċifikament protetti bl-Artikolu 11(2) tal-Karta.
( 34 ) Sentenzi Autorité des marchés financiers, punt 67; u tat‑12 ta’ Jannar 2023, Migracijos departamentas (Raġunijiet ta’ persekuzzjoni abbażi ta’ opinjonijiet politiċi) (C‑280/21, EU:C:2023:13), punt 29.
( 35 ) QEDB, sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Magyar Helsinki Bizottság vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2016:1108JUD001803011), § 165.
( 36 ) QEDB, sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Magyar Helsinki Bizottság vs L‑Ungerija, (CE:ECHR:2016:1108JUD001803011), §§ 166 u 168, li ssemmi fost il-persuni u entitajiet simili għall-ġurnalisti l-organizzazzjonijiet non-governattivi, lir-riċerkaturi tal-Università u l-awturi ta’ xogħlijiet fuq temi ta’ interess ġenerali, peress li jikkontribwixxu għat-tixrid lill‑pubbliku ta’ opinjonijiet, informazzjoni u ideat.
( 37 ) Digriet tar-rinviju, punt 64.
( 38 ) Jista’ jiġi diskuss jekk, fil-fatt, l-iżvelar tal-aħbar permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni introduċix xi tip ta’ inugwaljanza bejn l-investituri potenzjali, li jimplika vantaġġi għal xi wħud għad-detriment tal-kumplament.
( 39 ) Digriet tar-rinviju, punt 72. Ċertament l-iżvelar tal-informazzjoni pprivileġġata pprovoka s-sospensjoni tal-kwotazzjoni tal-azzjonijiet ta’ Bpost, iżda dan ma huwiex ekwivalenti għall-ħolqien ta’ konfużjoni jew qerq tal-investituri. Waqt is-seduta, MT spjega l-effett tal-iżvelar tal-informazzjoni tiegħu fuq il-kwotazzjonijiet fil-Borża tal-azzjonijiet ta’ Bpost u ta’ PostNL, fejn wera li l-azzjonijiet tal-operatur Olandiż żdiedu fil-prezz u li l-azzjonijiet ta’ Bpost sofrew tnaqqis żgħir fil-kwotazzjoni tagħhom, li rkupraw minnu b’ritmu mgħaġġel.
( 40 ) Digriet tar-rinviju, it-tielet punt elenkat fin-numru 72.
( 41 ) Fis-seduta kien ikkonfermat li MT kien politiku prominenti b’responsabbiltajiet sinjifikattivi fil-Partit Soċjalista Belġjan, kif ukoll fl-organizzazzjoni mutwali u s‑sindakat relatati ma’ dan il-partit.
( 42 ) L-eċċezzjoni ġenerali hija neċessarja, fost l-oħrajn, sabiex ma tfixxkilx l-attivitajiet tal-impriżi. Id-direttur ġenerali ta’ impriża, pereżempju, għandu jkun jista’ jaqsam informazzjoni sensittiva mal-kumitat eżekuttiv tagħha, mal-bank tagħha, mal‑uffiċċju tal-avukati tagħha, mal-awditur tagħha jew mal-assessur fiskali tagħha, mingħajr ma jkun espost għal sanzjoni minħabba żvelar ta’ informazzjoni privileġġata. Peress li huwa impossibbli li jissemmew is-sitwazzjonijiet kollha li jistgħu jaqgħu taħt din l-eċċezzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jmur għal klawżola ġenerali.
( 43 ) Sabiex jitwettaq fl-eżerċizzju normali tal-impjieg, professjoni jew dmirijiet, l-iżvelar ta’ informazzjoni pprivileġġata għandu jkollu għan leġittimu, ikun xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq u josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità (Klöhn, L., “Financial journalism, unlawful disclosure of inside information and freedom of press: Mr A vs Autorité des marches financiers”, Common Market Law Review, 2023, nru 2, p. 566).
( 44 ) Il-punt 80 tas-sentenza Autorité des marchés financiers jenfasizza li għandu jiġi protett l-effett utli tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014, billi jiġi kkunsidrat l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri, l-osservanza tal-libertà tal-istampa u tal‑libertà ta’ espressjoni f’mezzi ta’ komunikazzjoni oħra, protetti, b’mod partikolari, mill-Artikolu 11 tal-Karta (b’riferiment għas-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C‑516/17, EU:C:2019:625), punt 55).
( 45 ) Sentenza Autorité des marchés financiers, punt 82.
( 46 ) Sentenza Autorité des marchés financiers, punt 84.
( 47 ) Digriet tar-rinviju, punt 72: “fir-rigward tal-kriterju ta’ proporzjonalità […] forsi għandu jiġi kkunsidrat li l-għan ta’ din il-projbizzjoni [tal-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata minn MT] ma huwiex daqstant li tiġi żgurata l-projbizzjoni tal-integrità tas-suq, iżda, pjuttost, il-[protezzjoni] tal-interessi tal-emittent ikkonċernat (f’dan il‑każ, Bpost), li […] xtaqet tipposponi l-għoti tal-informazzjoni lis-suq sabiex tiżgura n-negozjar tal-proġett mas-soċju tagħha mingħajr ebda interferenza”.
( 48 ) Sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2022 SpaceNet u Telekom Deutschland (C‑793/19 u C‑794/19, EU:C:2022:702), punt 59; tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258), punti 42 u 43; u tas‑6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543), punt 31.
( 49 ) Sentenzi Autorité des marchés financiers, punt 67; u tat‑12 ta’ Jannar 2023, Migracijos departamentas (Raġunijiet ta’ persekuzzjoni abbażi ta’ opinjonijiet politiċi) (C‑280/21, EU:C:2023:13), punt 29.
( 50 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 1976, Handyside vs Ir‑Renju Unit, (CE:ECHR:1976:1207JUD000549372), § 49; u tal‑20 ta’ Ottubru 2015, Pentikäinen vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2015:1020JUD001188210), § 87. Fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni (C‑274/99 P, EU:C:2001:127), punt 39, qegħdin jiġu ċċitati xi sentenzi tal-QEDB dwar din il-kwistjoni.
( 51 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Real Madrid Club de Fútbol (C‑633/22, EU:C:2024:843), punt 55, li fiha jiġu ċċitati s-sentenzi tal-QEDB tat‑23 ta’ Settembru 1994, Jersild vs Id‑Danimarka (CE:ECHR:1994:0923JUD001589089), § 31; tal‑21 ta’ Jannar 1999, Fressoz u Roire vs Franza (CE:ECHR:1999:0121JUD002918395), § 45; u tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Delfi AS vs L‑Estonja (CE:ECHR:2015:0616JUD006456909), § 132.
( 52 ) Skont l-Artikolu 10(2) tal-KEDB, l-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni, “billi jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista’ jkun suġġett għal dawk il-formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali kif preskritti b’liġi u li jkunu meħtieġa f’soċjetà demokratika, fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, integrità territorjali jew sigurtà pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew drittijiet ta’ ħaddieħor, biex jiġi evitat il-kxif ta’ informazzjoni riċevuta b’sigriet, jew biex tiġi miżmuma l-awtorità u l-imparzjalità tal-ġudikatura”.
( 53 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Real Madrid Club de Fútbol (C‑633/22, EU:C:2024:843), punt 48.
( 54 ) Meta t-tixrid isir fl-eżerċizzju normali ta’ impjieg, dmir jew professjoni, jew għal skopijiet ġurnalistiċi jew forma oħra ta’ espressjoni fil-midja, l-Artikoli 10 u 21 tar‑Regolament Nru 596/2014 ikollhom prevalenza fuq il-libertà ta’ espressjoni, kif spjegajt diġà.
( 55 ) Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2008, Desjardin vs Franza (CE:ECHR:2007:1122JUD002256703), § 47: “[…] Issa, il-libertà ta’ espressjoni, li hija ta’ importanza għal kulħadd, hija speċjalment importanti għall-partiti politiċi u l-membri attivi tagħhom. […]. Fil-fatt, l-interferenza fil-libertà ta’ espressjoni ta’ membru tal-oppożizzjoni, li jirrappreżenta lill-elettorat tiegħu, jesprimi l‑preokkupazzjonijiet tiegħu u jiddefendi l-interessi tiegħu, tirrikjedi li l-qorti twettaq kontroll strett ferm”. Ara, ukoll, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2004, Pedersen u Baadsgaard vs Id‑Danimarka (CE:ECHR:2004:1217JUD004901799), § 71; tat‑23 ta’ April 2015, Morice vs Franza (CE:ECHR:2015:0423JUD002936910), §§ 124 u 125; u tas‑17 ta’ Jannar 2017, Tavares de Almeida Fernandes y Almeida Fernandes vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2017:0117JUD003156613), § 55.
( 56 ) Sabiex tibbilanċja bejn drittijiet oħra u d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, il-QEDB tqis jekk it-tip ta’ “diskors” jew ta’ informazzjoni inkwistjoni hux ta’ importanza speċjali, b’mod partikolari, fil-kuntest tad-diskussjoni politika jew dibattitu li jaffettwa l-interess ġenerali. Sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2013, Ashby Donald et vs Franza (CE:ECHR:2013:0110JUD003676908), § 39.