Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CC0341

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-3 ta’ April 2025.
Duca di Salaparuta SpA vs Ministero dell’Agricoltura, della Sovranità Alimentare e delle Foreste et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid – Sistema Komunitarja ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ nbejjed – Regolament (KE) Nru 1493/1999 – Artikolu 54 – Inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi (‘inbejjed ta’ kwalità psr’) – Regolament (KE) Nru 479/2008 – Artikolu 43(2) u Artikolu 51 – Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Artikolu 118k(2) u Artikolu 118s – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Artikolu 101(2) u Artikolu 107 – Protezzjoni, taħt id-dritt tal-Unjoni, tal-inbejjed ta’ kwalità psr irrikonoxxuti fid-dritt nazzjonali – Kunflitt bejn denominazzjoni ta’ nbejjed protetta u trade mark preċedenti magħrufa li tinkludi kelma identika għal din id-denominazzjoni – Denominazzjoni allegatament qarrieqa – Sistema tranżitorja – Estensjoni awtomatika tal-protezzjoni – Natura kompleta tas-sistema ta’ protezzjoni – Ċertezza legali.
Kawża C-341/24.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:247

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑3 ta’ April 2025 (1)

Kawża C341/24

Duca di Salaparuta SpA

vs

Ministero dell’Agricoltura, della Sovranità Alimentare e delle Foreste,

Consorzio volontario di tutela dei vini DOC Salaparuta,

Baglio Gibellina Srl,

Madonna del Piraino Soc. coop. agricola,

Cantina Giacco Soc. coop. agricola,

b’intervent ta’:

Botte di Vino di VH & C. Snc,

Baglio San Vito Srl, fi stralċ,

Romeo Vini di CZ & C. Sas

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))

“Proċedura għal deċiżjoni preliminari — Organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid — Inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi (“inbejjed ta’ kwalità psr”) — Regolament (KE) Nru 1493/1999 — Anness VII, parti F — Trade mark preċedenti magħrufa u rikonoxxuta — Koeżistenza bejn is-sinjali — Regolament (KE) Nru 1234/2007 — Applikabbiltà — Artikolu 118s — Sistema tranżizzjonali applikabbli għall-inbejjed ta’ kwalità psr — Protezzjoni awtomatika — Valutazzjoni fl-applikazzjoni tal-Anness VII, parti F, tar-Regolament Nru 1493/1999 ta’ ċerti prinċipji ġenerali — Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1493/1999 — Dmir li d-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni tal-inbid ma jkunux qarrieqa, ma joħolqux konfużjoni jew misgwid lill-persuni li jkunu indirizzati lilhom”






1.        Fil-kawża li wasslet għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, Duca di Salaparuta SpA, proprjetarja ta’ diversi trade marks ta’ inbejjed li fihom it-terminu “Salaparuta”, titlob l-annullament jew l-invalidità tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Salaparuta”, li tipproteġi l-inbejjed li ġejjin minn dwieli li jinsabu f’din il-lokalità ta’ Sqallija.

2.        Ir-rikonoxximent mill-awtoritajiet Taljani tad-denominazzjoni “Salaparuta”, taħt il-formula “denominazione di origine controllata” (DOC) (“denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata – DOK”), seħħ fl‑2006, meta dawn l-awtoritajiet iddeċidew li jassenjaw l-isem tal-muniċipalità ta’ Salaparuta (l-Italja) lill-inbejjed ta’ kwalità mkabbra fit-territorju tagħha.

3.        Fl‑2009, wara dan ir-rikonoxximent nazzjonali, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat id-denominazzjoni ta’ oriġini “Salaparuta” fil-lista tal-inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi, skont ir-Regolament (KE) Nru 1493/1999 (2). Id-denominazzjoni ġiet inkorporata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetta (DOP) previst fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (3) u fir-Regolament (KE) Nru 479/2008 (4).

4.        Duca di Salaparuta SpA tqis li d-denominazzjoni ta’ oriġini “Salaparuta” tikser id-drittijiet tal-proprjetà industrijali li jikkorrispondu għat-trade marks tagħha stess.

5.        Il-qrati Taljani tal-ewwel istanza u tal-appell ċaħdu r-rikors ta’ Duca di Salaparuta SpA. Din tal-aħħar ikkontestat is-sentenza tal-appell quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), li, min-naħa tagħha, tagħmel żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, fil-qosor:

–        Jiġi ċċarat liema regoli tad-dritt tal-Unjoni huma applikabbli għall-każ. B’mod partikolari, hija tixtieq tkun taf jekk ir-Regolament Nru 1493/1999 huwiex applikabbli, u taħt liema termini.

–        Jiġi ddeterminat, jekk japplika r-Regolament Nru 1493/1999, jekk il-kunflitt bejn trade mark tal-inbid magħrufa u diġà rreġistrata u d-denominazzjoni ta’ oriġini sussegwenti li tinkludi t-terminu omonimu (“Salaparuta”) jistax jiġi solvut abbażi tal-prinċipju ġenerali li s-sinjali distintivi ma għandhomx ikunu qarrieqa.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

1.      Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali (5)

6.        Skont l-Artikolu 10a:

“1)      Il-pajjiżi tal-Unjoni huma obbligati li jiżguraw liċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Unjoni protezzjoni effettiva kontra l-kompetizzjoni inġusta.

2)      Kwalunkwe att ta’ kompetizzjoni li jmur kontra l-prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali jikkostitwixxi att ta’ kompetizzjoni inġusta.

3)      B’mod partikolari, għandu jkun ipprojbit dan li ġej:

i)      kull att li jista’ joħloq konfużjoni, bi kwalunkwe mezz, dwar l-istabbiliment, il-prodotti jew l-attività industrijali jew kummerċjali ta’ kompetitur;

ii)      id-dikjarazzjonijiet foloz, fl-eżerċizzju tal-kummerċ, li kapaċi jiskreditaw l-istabbiliment, il-prodotti jew l-attività industrijali jew kummerċjali ta’ kompetitur;

iii)      l-indikazzjonijiet jew dikjarazzjonijiet li l-użu tagħhom, fl-eżerċizzju tal-kummerċ, jista’ jkun ta’ misgwid lill-pubbliku dwar in-natura, il-metodu tal-manifattura, il-karatteristiċi, l-adattabbiltà għall-użu jew il-kwantità tal-prodotti”.

2.      Il-Ftehim ta’ Madrid tal-14 ta’ April 1891 dwar ir-repressjoni tal-indikazzjonijiet ta’ oriġini foloz jew qarrieqa fuq il-prodotti (6)

7.        Skont l-Artikolu 3a (“Limitazzjoni territorjali”):

“Il-pajjiżi li għalihom japplika dan il-Ftehim jimpenjaw ruħhom ukoll li jipprojbixxu l-użu, il-wiri jew l-offerta għall-bejgħ ta’ kwalunkwe prodotti, tal-indikazzjonijiet kollha li jkollhom natura ta’ reklamar u li kapaċi jqarrqu bil-pubbliku dwar l-oriġini tal-prodotti, u li jidhru fuq sinjali, reklami, fatturi, listi tal-inbid, ittri jew dokumenti kummerċjali, jew fuq kwalunkwe tip ta’ komunikazzjoni kummerċjali oħra”.

3.      Ftehim dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (7)

8.        L-Artikolu 22 (“Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi”) jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, indikazzjonijiet ġeografiċi huma l-indikazzjonijiet li jidentifikaw prodott bħala li joriġina fit-territorju ta’ Membru, jew reġjun jew lokalità f’dak it-territorju, fejn ċerta kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott tkun essenzjalment attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu.

2.      Fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-Membri għandhom jipprovdu l-mezzi legali għall-partijiet interessati sabiex jipprevjenu:

a)      l-użu ta’ kwalunkwe mezz li, fid-deskrizzjoni jew il-preżentazzjoni tal-prodott, jindika jew jissuġġerixxi li l-prodott inkwistjoni jkun ġej minn reġjun ġeografiku għajr il-post veru tal-oriġini, u b’hekk ikun ta’ misgwid għall-pubbliku dwar l-oriġini ġeografika tal-prodott;

[…]”.

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 1493/1999

9.        L-Artikolu 48 isostni:

“Id-deskrizzjoni u l-presentazjoni tal-prodotti li hemm referenza dwarhom f’dan ir-Regolament, u kull forma ta’ riklamar ta’ dawn il-prodotti, ma tistax tkun inkorretta jew li aktarx li toħloq konfużjoni jew timmisgwida lill-persuni li lejhom ikunu indirizzati, partikolarment fir-rigward ta’:

–        l-informazzjoni li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 47. Dan għandu japplika anki jekk l-informazzjoni tintuża fi traduzzjoni jew b'referenza għall-provenjenza attwali jew b’żidiet bħal ‘xorta’, ‘tip’, ‘stil’, ‘imitazzjoni’, ‘marka’ jew oħrajn bħal dawn,

–        il-karatteristiċi tal-prodotti, u b’mod partikolari, ix-xorta, il-kompożizzjoni, il-qawwa alkoħolika bil-volum, il-kulur, l-oriġini jew il-provenjenza, il-kwalità, il-varjetà tad-dielja, is-sena tal-ħsad u t-tagħsir jew il-volum nominali tal-kontenituri,

[…]”.

10.      F’konformità mal-Artikolu 52:

“1.      Jekk Stat Membru juża l-isem ta’ reġjun speċifikat sabiex jiddisinja nbid ta’ kwalità psr jew, fejn ikun xieraq, inbid intenzjonat għall-ipproċessar f’inbid ta’ kwalità psr, dak l-isem ma jistax jintuża biex jiddisinja prodotti fis-settur ta’ l-inbid mhux magħmula f’dak ir-reġjun u/jew prodotti mhux iddisinjati mill-isem bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-regoli relevanti Komunitarji u nazzjonali. Dan għandu japplika wkoll jekk l-Istat Membru jkun uża l-isem ta’ żona lokali amministrattiva jew parti minnha jew lokalità żgħira esklussivament biex jiddisinja nbid ta’ kwalità psr jew, fejn ikun xieraq inbid intenzjonat għall-ipproċessar f’inbid ta’ kwalità psr ta’ din ix-xorta.

[…]”.

11.      Skont l-Artikolu 54:

“1.      Inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi (“inbejjed ta’ kwalità psr”) għandha tfisser inbejjed li huma konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu u mad-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali adottati f’dan ir-rigward.

[…]

4.      L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-lista ta’ l-inbejjed ta’ kwalità psr li huma jkunu irrikonoxxew, għal kull wieħed minn dawn l-inbejjed ta’ kwalità psr, dettalji dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni u l-manifattura ta’ dawk l-inbejjed ta’ kwalità psr.

5.      Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista fis-Serje ‘C’ tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej”.

12.      It-tieni u t-tielet paragrafu tal-punt 2, parti F tal-Anness VII, jipprovdi:

“Inoltre, id-detentur ta’ l-isem ta’ ditta magħruf sewwa reġistrat għall-inbid jew il-most ta’ l-għeneb li fih kliem identiku għall-isem ta’ reġjun speċifiku jew għall-isem ta’ l-unità ġeografika iżgħar minn reġjun speċifiku jista’, anki jekk m’huwiex intitolat li juża dan l-isem permezz tal-punt 1, ikompli juża l-isem tad-ditta meta dan ikun jaqbel ma’ l-identità tad-detentur oriġinali jew ta’ min jipprovdi l-isem oriġinali, basta li l-isem tad-ditta ikun ġie reġistrat ta’ mill-anqas 25 sena qabel ir-rikonoxximent uffiċjali ta’ l-isem ġeografiku f’dak il-każ mill-Istat Membru produttur bi qbil mad-disposizzjonijiet Komunitarji relevanti fir-rigward ta’ l-inbejjed ta’ kwalità psr u basta li l-isem tad-ditta attwalment ikun ġie użat mingħajr interruzzjoni.

L-ismijiet ta’ ditti li huma konformi mal-kondizzjonijiet ta’ l-ewwel u tat-tieni subparagrafi ma jistgħux jiġu invokati kontra l-użu ta’ l-ismijiet ta’ l-unitajiet ġeografiċi użati biex jiddeskrivu inbid ta’ kwalità psr jew l-inbid tal-mejda”.

2.      Ir-Regolament Nru 1234/2007

13.      L-Artikolu 118k (“Raġunijiet għal ċaħda tal-protezzjoni”) jesponi:

“[…]

2.      Isem m’għandux ikollu protezzjoni ta’ denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika fejn, fid-dawl tar-reputazzjoni u r-rikonoxximent ta’ trademark, il-protezzjoni x’aktarx li tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-inbid”.

14.      L-Artikolu 118n (“Reġistru”) jipprovdi:

“Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornat reġistru elettroniku ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għall-inbid. Dan għandu jkun aċċessibbli pubblikament”.

15.      L-Artikolu 118r (“Kanċellazzjoni”) jindika:

“Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(4), fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba debitament sostanzjata ta’ Stat Membru, ta’ pajjiż terz jew ta’ persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, li tikkanċella l-protezzjoni ta’ denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika jekk ma tkunx għadha żgurata l-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti.

[…]”.

16.      L-Artikolu 118s (“Ismijiet ta’ nbejjed protetti eżistenti”) jgħid:

“1.      L-ismijiet ta’ nbejjed li jkunu protetti skont l-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 u l-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 tad‑29 ta’ April 2002 li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni tal-origini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid għandhom ikunu protetti awtomatikament taħt dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha telenkahom fir-reġistru previst fl‑Artikolu 118n ta’ dan ir-Regolament.

2.      L-Istati Membri għandhom, fir-rigward tal-ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmija fil-paragrafu 1, jibagħtu lill-Kummissjoni:

a)      il-fajls tekniċi kif previst fl-Artikolu 118c(1);

b)      id-deċiżjoni nazzjonali ta’ approvazzjoni.

3.      L-ismijiet ta’ nbejjed imsemmijin fil-paragrafu 1, li għalihom l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tiġix ippreżentata sal‑31 ta’ Diċembru 2011, m’għandhomx jibqgħu protetti taħt dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-pass formali korrispondenti sabiex tneħħi dawn l-ismijiet mir-reġistru previst fl-Artikolu 118n.

4.      L-Artikolu 118r m’għandux japplika fir-rigward tal-ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmijin fil-paragrafu 1.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi sal‑31 ta’ Diċembru 2014, fuq l-inizjattiva tagħha stess u skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(4), li tikkanċella l-protezzjoni tal-ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmija fil-paragrafu 1 jekk huma ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 118b”.

3.      Ir-Regolament Nru 479/2008

17.      L-Artikolu 43 (“Raġunijiet għaċ-ċaħda tal-protezzjoni”) jistabbilixxi:

“[…]

2.      Isem ma għandux ikollu protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika fejn, fid-dawl tar-reputazzjoni u r-rikonoxximent ta’ trademark, il-protezzjoni aktarx li tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-identità vera ta’ l-inbid”.

18.      L-Artikolu 46 (“Reġistru”) jindika:

“Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornat reġistru elettroniku ta’ denominazzjonijiet ta’ l-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għall-inbid. Dan għandu jkun aċċessibbli pubblikament” (8).

19.      L-Artikolu 50 (“Kanċellazzjoni”) jipprevedi:

“Konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 113(2), jista’ jiġi deċiż fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew minn talba debitament sostanzjata ta’ Stat Membru, ta’ pajjiż terz jew ta’ persuna fiżika jew ġuridika li għandha interess leġittimu, li l-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika tiġi kkanċellata jekk ma tkunx għadha żgurata l-konformità ta’ l-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti.

[…]”.

20.      L-Artikolu 51 (“Ismijiet ta’ nbejjed protetti diġà eżistenti”) jipprovdi:

“1.      Ismijiet ta’ nbejjed li jkunu protetti skond l-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 u l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 753/2002, għandhom ikunu protetti awtomatikament skond dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha telenkahom fir-reġistru li hemm provvediment dwaru fl-Artikolu 46 ta’ dan ir-Regolament.

2.      L-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ l-ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmija fil-paragrafu 1, jibagħtu lill-Kummissjoni:

a)      il-fajls tekniċi kif regolat fl-Artikolu 35(1);

b)      id-deċiżjoni nazzjonali ta’ approvazzjoni.

3.      L-ismijiet ta’ nbejjed imsemmijin fil-paragrafu 1, li għalihom l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tintbagħatx sal‑31 ta’ Diċembru 2011, ma għandhomx jibqgħu protetti taħt dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-pass formali korrispondenti sabiex tneħħi ismijiet bħal dawn mir-reġistru pprovdut fl-Artikolu 46.

4.      L-Artikolu 50 m’għandux japplika fir-rigward ta’ l-ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmijin fil-paragrafu 1.

Jista’ jkun deċiż, sal‑31 ta’ Diċembru 2014, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 113(2), li tiġi kkanċellata l-protezzjoni ta’ l-ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmija fil-paragrafu 1 jekk huma ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34”.

21.      Fid-dawl tal-Artikolu 129 (“Dħul fis-seħħ u applikabbiltà”):

“1.      Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.      Huwa għandu japplika mill‑1 ta’ Awwissu 2008, ħlief kif ġej:

[…]

e)      il-Kapitoli II, III, IV, V u VI tat-Titolu III, l-Artikoli 108, 111 u 112 u d-dispożizzjonijiet korrispondenti b’mod partikolari fl-Annessi rilevanti għandhom japplikaw mill‑1 ta’ Awwissu 2009 ħlief jekk ikun previst xort’oħra bħala regolament li għandu jiġi adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 113(1).

[…]”.

4.      Ir-Regolament Nru 491/2009

22.      L-Artikolu 1 jintroduċi ċerti emendi għar-Regolament Nru 1234/2007 (traskritti, għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, fil-paragrafi preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet) (9).

23.      L-Artikolu 3 (“Tħassir u applikabbiltà tranżizzjonali kontinwata”) jistipula:

“1.      […] ir-Regolament (KE) Nru 479/2008 għandu jitħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u għandhom jinqraw skont it-tabelli ta’ korrelazzjoni rispettivi stabbiliti fl-Anness XXII għal dak ir-Regolament.

[…]”.

24.      L-Artikolu 4 (“Dħul fis-seħħ”) jordna:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-publikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill‑1 ta’ Awwissu 2009”.

II.    Il-fatti, it-tilwima u d-domandi preliminari

25.      Fit‑13 ta’ Lulju 1989, it-trade mark “Salaparuta” (Nru 511337) ġiet irreġistrata bħala trade mark nazzjonali. Fil‑25 ta’ Ottubru 2000, “Salaparuta” ġiet irreġistrata wkoll bħala trade mark tal-Unjoni (nominattiva) għal prodotti fil-klassi 33 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice (xorb alkoħoliku) (10).

26.      Sabiex jiġu indikati l-inbejjed prodotti minn għeneb minn dwieli li jinsabu fuq artijiet fil-muniċipju ta’ Salaparuta fi Sqallija, id-Digriet tat‑8 ta’ Frar 2006 (11) irrikonoxxa, fuq livell nazzjonali, id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata (DOK) “Salaparuta”.

27.      Id-DOK Salaparuta ġiet innotifikata lill-Kummissjoni li, b’effett mill‑31 ta’ Lulju 2009, ippubblikatha fil-lista ta’ nbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi, inkluża fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Awwissu 2009 (12).

28.      F’din il-lista, ippubblikata skont l-Artikolu 54(4) u (5) tar-Regolament Nru 1493/1999, id-data tal-att legali tal-Istat Membru (l-Italja) hija t‑8 ta’ Frar 2006.

29.      Din il-pubblikazzjoni serviet bħala bażi għad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) “Salaparuta PDO‑IT‑A0795” taħt is-sistema unitarja Ewropea introdotta bir-Regolament Nru 1234/2007 (13).

30.      Fit‑8 ta’ Frar 2016, Duca di Salaparuta SpA ressqet talba quddiem it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja) li fiha, b’mod partikolari, talbet l-annullament jew l-invalidità tar-reġistrazzjoni tad-DOP “Salaparuta PDO‑IT‑A0795” kif ukoll, jekk ikun il-każ, tad-denominazzjoni tal-oriġini nazzjonali, rikonoxxuta bħala DOK mbid-Digriet tat‑8 ta’ Frar 2006.

31.      Fl-opinjoni tar-rikorrenti, id-denominazzjoni kienet qarrieqa jew mitluba b’mala fide jew, fi kwalunkwe każ, kienet tinterferixxi mat-trade mark preċedenti “Salaparuta”.

32.      Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Frar 2021, il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet it-talba għar-raġuni li d-dritt tal-Unjoni (ir-Regolament Nru 1493/1999) fis-seħħ fiż-żmien tar-rikonoxximent nazzjonali tad-DOK “Salaparuta” ma pprovdiex il-possibbiltà li tiġi ddikjarata l-invalidità tad-“DOP Salaparuta PDO‑IT‑A0795”, f’każ li trade mark preċedenti kienet diġà tgawdi rikonoxximent.

33.      Duca di Salaparuta SpA appellat is-sentenza tal-ewwel istanza quddiem il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano, l-Italja), li, permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2023, ikkonfermat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza.

34.      Il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano):

–        Hija kkonfermat l-applikabbiltà tar-regoli stabbiliti fl-Anness VII, Parti F, tar-Regolament Nru 1493/1999, li skonthom id-denominazzjoni tal-oriġini tieħu preċedenza fuq it-trade mark preċedenti.

–        Hija ppreċiżat li kienet tapplika d-dispożizzjoni tranżitorja prevista fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 479/2008, skont liema d-denominazzjonijiet tal-oriġini diġà protetti taħt l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1493/1999 kienu awtomatikament protetti fil-livell tal-Unjoni.

35.      Duca di Salaparuta SpA ippreżentat appell fil-kassazzjoni mis-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2023 quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      […] Ir-reġistrazzjonijiet bħala DPO jew IĠP [(indikazzjoni ġeografika protetta)], fis-settur tal-inbid, ta’ denominazzjonijiet li kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 [...], sussegwentement issostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 [...], bħall-PDO “Salaparuta” PDO‑IT‑A0795 tat‑8 ta’ Awwissu 2009, huma, fir-rigward tar-raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq trade mark preċedenti li, fid-dawl tar-reputazzjoni u r-rikonoxximent tagħha, tista’ tirrendi d-DPO jew l-IĠP inkwistjoni ta’ natura li tiżgwida lill-konsumatur (‘il-protezzjoni tista’ tiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-identità vera tal-inbid’), suġġetti għall-Artikolu 43[(2)], tar-Regolament (KE) Nru 479/2008, recte [l-Artikolu] 118k tar-Regolament Nru 1234/2007 (sussegwentement l-Artikolu 101[(2)], tar-Regolament [1308]/2013), li jeskludi l-protezzjoni tad-DPO jew tal-IĠP meta d-denominazzjoni inkwistjoni tista’ tiżgwida lill-konsumatur, ‘fid-dawl tar-reputazzjoni u r-rikonoxximent ta’ trade mark’, jew din ir-regola ma hijiex applikabbli għad-denominazzjonijiet li jkunu diġà jibbenefikaw minn protezzjoni nazzjonali qabel ir-reġistrazzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Bavaria, C‑120/08, EU:C:2010:798), li jipprovdi li sitwazzjoni ta’ fatt għandha, bħala regola ġenerali u fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li espressament tipprovdi mod ieħor, tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt fis-seħħ fil-mument li fih din tinħoloq, bil-konsegwenza li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet preċedenti, previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 [...], u l-kunflitt bejn id-denominazzjoni tal-oriġini u t-trade mark preċedenti għandu jiġi riżolt abbażi tal-punt 2(b) tat-Taqsima F tal-Anness VII ta’ dan ir-regolament tal-aħħar?

2)      Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta fis-sens li huwa r-Regolament (KE) Nru 1493/1999 li huwa maħsub sabiex japplika għas-sitwazzjoni fattwali inkwistjoni f’din il-kawża, il-kwistjonijiet kollha relatati mal-koeżistenza bejn id-diversi sinjali u l-possibbiltà jew le ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-inbejjed għandhom jiġu riżolti skont id-dispożizzjonijiet [tal-parti F tal-Anness] tar-Regolament Nru 1493/1999, maħsuba sabiex jirregolaw l-kunflitt bejn, minn naħa, trade mark, irreġistrata għal inbid jew most tal-għeneb, u, min-naħa l-oħra, denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti applikabbli għal inbid, li għalihom din it-trade mark hija identika, jew tibqa’ fi kwalunkwe każ possibbiltà li DPO jew IĠP sussegwenti jkunu jistgħu jiġu invalidati jew ma jkunux jistgħu jiġu protetti meta l-indikazzjoni ġeografika tkun tista’ tiżgwida lill-pubbliku f’dak li jirrigwarda l-identità vera tal-inbid, fid-dawl tar-reputazzjoni ta’ trade mark kummerċjali preċedenti, skont il-prinċipju ġenerali li s-sinjali distintivi ma jistgħux ikunu ta’ natura li jiżgwidaw lill-pubbliku?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Mejju 2024.

37.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Duca di Salaparuta SpA, il-Consorzio volontario di tutela dei vini DOC Salaparuta, flimkien ma’ Madonna del Piraino Soc. coop. agricola u Baglio Gibellina Srl, il-Gvern Taljan u l-Gvern Portugiż, kif ukoll il-Kummissjoni.

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx li kien essenzjali li tinżamm seduta.

IV.    Analiżi

A.      L-ewwel domanda preliminari

39.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fil-qosor, jekk ir-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Salaparuta”, li seħħet fil-livell nazzjonali (bħala DOK) fl‑2006 u fil-livell tal-UE (bħala DOP) fl‑2009, hijiex irregolata mir-Regolament Nru 1493/1999 jew mir-regoli tal-Unjoni applikabbli mill‑1 ta’ Awwissu 2009 (bil-konsegwenzi li jirriżultaw miż-żewġ alternattivi).

1.      Eċċezzjonijiet preliminari

40.      Il-Gvern Taljan iqajjem żewġ “eċċezzjonijiet preliminari” għal din id-domanda: a) il-qorti nazzjonali ma hijiex kompetenti sabiex “tivverifika l-validità tar-reġistrazzjoni Ewropea tad-DOP”; u b) ir-rikonoxximent tal-isem “Salaparuta”, mogħti fuq livell nazzjonali fl‑2006, ma kienx ikkontestat dak iż-żmien minn Duca di Salaparuta SpA (14).

41.      L-ebda waħda minn dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet ma tagħmel ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari inammissibbli. Fir-rigward tal-ewwel waħda, nixtieq infakkar li, fi proċedura għal deċiżjoni preliminari, hija l-qorti tar-rinviju, u mhux il-partijiet fil-kawża, li tiddetermina t-tiswir tad-domandi tagħha (15). F’din il-kawża, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja biss tista’ tiddikjara n-nullità ta’ att li joriġina mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju ma tistenniex li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel tali dikjarazzjoni, iżda, sempliċement, li tistabbilixxi l-kuntest legali applikabbli ratione temporis għat-tilwima sabiex minnu tiddeduċi l-konsegwenzi tagħha.

42.      Fir-rigward tat-tieni “oġġezzjoni preliminari” tal-Gvern Taljan, hija l-qorti tar-rinviju li tista’ tevalwa l-impatt fuq il-kawża prinċipali tan-nuqqas ta’ Duca di Salaparuta SpA li tikkontesta (mill‑2006 sal‑2016) ir-rikonoxximent tal-isem “Salaparuta”, kemm jekk bħala DOK jew bħala DOP. Se nirreferi għal dan il-punt iktar ’il quddiem.

2.      Leġiżlazzjoni applikabbli

43.      Duca di Salaparuta SpA ssostni li r-regolament sussegwenti għar-Regolament Nru 1493/1999 huwa rilevanti f’din il-kawża. Fl-opinjoni tagħha, peress li l-kunflitt bejn it-trade mark “Salaparuta” u d-denominazzjoni omonima seħħ fil-perijodu bejn it‑13 ta’ Ġunju 2008 (id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 479/2008) u t‑8 ta’ Awwissu 2009 (id-data tar-reġistrazzjoni tad-DOP “Salaparuta” fil-livell tal-Unjoni), għandu japplika r-Regolament Nru 479/2008, sostitwit mill‑1 ta’ Awwissu 2009 bid-dispożizzjonijiet inkorporati fir-Regolament Nru 1234/2007 (kif emendat bir-Regolament Nru 491/2009) (16).

44.      Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn id-dħul fis-seħħ u l-applikabbiltà tar-regoli:

–        Skont l-Artikolu 129 tiegħu, ir-Regolament Nru 479/2008 daħal fis-seħħ sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan l-istess artikolu, madankollu, jiddikjara li r-regoli li jinsabu fil-Kapitoli III u IV tat-Titolu III ser ikunu applikabbli mill‑1 ta’ Awwissu 2009. Huma preċiżament dawn li jservu bħala riferiment ewlieni fil-kawża.

–        Ir-Regolament Nru 491/2009, li l-Artikolu 4 tiegħu stabbilixxa d-dħul fis-seħħ tiegħu sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iżda jkun applikabbli mill‑1 ta’ Awwissu 2009, jagħti l-istess sens.

45.      Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni evita deliberatament sovrapożizzjoni ta’ regolamenti u stabbilixxa l‑1 ta’ Awwissu 2009 bħala d-data stabbilita sabiex il-bidla regolatorja ssir effettiva.

46.      Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, il-preżentazzjoni tiegħi ser tiġi żviluppata f’żewġ stadji, sabiex tiġi analizzata:

–        Ir-relazzjoni bejn it-trade mark “Salaparuta” u d-denominazzjoni omonomima, taħt is-sistema tar-Regolament Nru 1493/1999.

–        L-impatt fuq ir-rikonoxximent tad-denominazzjoni “Salaparuta” tar-regolamenti stabbiliti bir-Regolament Nru 479/2008 u li tispiċċa inkluża fir-Regolament Nru 1234/2007, kif emendat bir-Regolament Nru 491/2009.

3.      Inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi fis-sistema tar-Regolament Nru 1493/1999

47.      “Inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi” jew “inbejjed ta’ kwalità psr” tfisser “inbejjed li huma konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu u mad-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali adottati f’dan ir-rigward” (Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1493/1999).

48.      L-Artikolu 54(4) tar-Regolament Nru 1493/1999 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-lista ta’ nbejjed ta’ kwalità psr li huma jkunu rrikonoxxew u għandhom jipprovdu dettalji dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni u l-manifattura ta’ dawk l-inbejjed ta’ kwalità psr (17). L-istess artikolu, fil-paragrafu 5 tiegħu, jordna lill-Kummissjoni tippubblika din il-lista fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

49.      Konsegwentement, din il-leġiżlazzjoni: (a) kienet tassenja lill-Istati Membri, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament Nru 1493/1999, ir-responsabbiltà li japprovaw id-dispożizzjonijiet dwar il-produzzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità psr, kif ukoll is-setgħa ta’ rikonoxximent tal-inbejjed tagħhom bħala nbejjed ta’ kwalità psr; u b) kienet tassenja lill-Kummissjoni l-funzjoni li tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej il-lista ta’ nbejjed ta’ kwalità psr, ladarba jkunu ġew rikonoxxuti fuq livell nazzjonali.

4.      Is-sitwazzjoni tat-trademarks preeżistenti

50.      Jekk Stat Membru jagħti isem ta’ reġjun speċifiku lil inbid ta’ kwalità psr, l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1493/1999 jistabbilixxi regola ġenerali li tipproteġi b’mod deċiżiv id-denominazzjoni ġeografika minn kull sinjal ieħor, anki jekk ikun sinjal preċedenti.

51.      Fil-fatt, skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1493/1999, l-isem tar-reġjun li fih jiġi prodott l-inbid ta’ kwalità psr “ma jistax jintuża biex jiddisinja prodotti fis-settur ta’ l-inbid mhux magħmula f’dak ir-reġjun u/jew prodotti mhux iddisinjati mill-isem bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-regoli relevanti Komunitarji u nazzjonali” (18).

52.      L-istrettezza ta’ din ir-regola tiġi aġġustata biss, għal trade marks preeżistenti, mill-kjarifika li tinsab fit-tieni paragrafu tal-punt 2, tal-Parti F, tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1493/1999: “id-detentur ta’ l-isem ta’ ditta magħruf sewwa reġistrat għall-inbid […] li fih kliem identiku għall-isem ta’ reġjun speċifiku jew għall-isem ta’ l-unità ġeografika iżgħar minn reġjun speċifiku” jista’ “ikompli juża l-isem tad-ditta” jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet (b’mod partikolari, taż-żmien u tal-użu) (19) indikati fid-dispożizzjoni.

53.      It-tieni paragrafu tal-punt 2, tal-Parti F, tal-Anness VII tar-Regolament 1493/1999 jipprovdi, għalhekk, eċċezzjoni limitata, billi jawtorizza l-koeżistenza tad-deskrizzjoni ta’ inbid ta’ kwalità psr ma’ trade marks preċedenti li jissodisfaw ċerti kwalitajiet, minkejja li jkun fihom kliem identiku għall-isem tal-unità ġeografika.

54.      Il-portata ta’ din il-koeżistenza, nirrepeti, hija limitata. Barra minn hekk, skont l-aħħar paragrafu tal-punt 2, tal-Parti F, tal-Anness VII, “l-ismijiet ta’ ditti li huma konformi mal-kondizzjonijiet ta’ l-ewwel u tat-tieni subparagrafi ma jistgħux jiġu invokati kontra l-użu ta’ l-ismijiet ta’ l-unitajiet ġeografiċi użati biex jiddeskrivu inbid ta’ kwalità psr […]”.

5.      Applikabbiltà għall-kawża tar-Regolament Nru 1493/1999

55.      Il-proċedura ta’ rikonoxximent tad-DOK “Salaparuta”, li ġiet konkluża fuq livell nazzjonali bid-Digriet tat‑8 ta’ Frar 2006, twettqet kompletament matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1493/1999.

56.      Il-leġiżlazzjoni sussegwenti, li hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 479/2008, saret applikabbli fl‑1 ta’ Awwissu 2009, kif diġà semmejt.

57.      Il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tad-denominazzjoni “Salaparuta” bħala inbid ta’ kwalità psr “skont l-Artikolu 54(4) tar-Regolament […] Nru 1493/1999”, “tirrifletti s-sitwazzjoni fil‑31 ta’ Lulju 2009”, jum qabel l-applikazzjoni tar-Regolamenti l-ġodda (20). Id-DOP “Salaparuta PDO-IT-A0795” hija retroattiva għal din l-istess data.

58.      Minn din l-informazzjoni jirriżulta li (sakemm il-leġiżlazzjoni sussegwenti ma kellhiex effett retroattiv (21), li ser nitkellem dwar dan iktar tard) kemm il-proċedura ta’ rikonoxximent nazzjonali tad-DOK “Salaparuta” kif ukoll il-komunikazzjoni tagħha mill-awtoritajiet Taljani lill-Kummissjoni u l-pubblikazzjoni sussegwenti minn din tal-imsemmija lista kienu rregolati kompletament mir-Regolament Nru 1493/1999. Din il-proċedura tlestiet qabel ma r-regolament il-ġdid sar applikabbli.

59.      Miż-żewġ għażliet li ssemmi l-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari tagħha, għandha għalhekk tiġi aċċettata t-tieni waħda, jiġifieri dik favur “[…] li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet preċedenti, previsti fir-Regolament Nru 1493/1999 […], u l-kunflitt bejn id-denominazzjoni tal-oriġini u t-trade mark preċedenti għandu jiġi riżolt abbażi tal-punt 2(b) tat-Taqsima F tal-Anness VII ta’ dan ir-regolament tal-aħħar”. Din l-evalwazzjoni jaqblu magħha l-partijiet kollha (bl-eċċezzjoni ta’ Duca di Salaparuta SpA) u l-Gvernijiet li intervjenew fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll il-Kummissjoni.

6.      Impatt tar-regolamentazzjoni sussegwenti

60.      Dak li intqal sa issa huwa biżżejjed sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju. Inqis li huwa xieraq, madankollu, li nżid xi kunsiderazzjonijiet dwar l-impatt tas-sistema stabbilita minn meta l-qafas regolatorju l-ġdid sar applikabbli.

61.      F’dan il-qafas regolatorju l-ġdid, is-sistema li tirregola r-relazzjoni bejn id-denominazzjonijiet tal-oriġini u t-trade marks preċedenti ssirilha bidla sinjifikattiva, li, b’mod loġiku, tappella Duca di Salaparuta SpA.

62.      Fil-fatt, skont l-Artikolu 118k(2) tar-Regolament Nru 1234/2007, denominazzjoni ta’ oriġini ma tistax tiġi aċċettata jekk il-protezzjoni tagħha tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-inbid, fid-dawl tar-reputazzjoni u r-rikonoxximent ta’ trade mark preċedentement irreġistrata (22).

63.      Kieku din id-dispożizzjoni (l-ġdida) kienet applikabbli ratione temporis għat-tilwima u Duca di Salaparuta SpA kienet invokatha fiż-żmien opportun sabiex tikkontesta d-DOK “Salaparuta” u d-DOP “Salaparuta PDO‑IT‑A0795”, il-qorti mitluba sabiex tiddeċiedi fuq din il-kontestazzjoni kien ikollha tiddetermina: a) jekk it-trade mark “Salaparuta” gawdietx minn reputazzjoni u fama; u b) jekk il-koeżistenza ta’ tali trade mark u d-denominazzjoni omonima żgwidatx lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-inbid.

64.      Madankollu, huwa l-każ li din is-“sistema” ġdida tirrispetta espressament id-denominazzjonijiet tal-inbid protetti sa dak iż-żmien skont l-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament Nru 1493/1999. Il-leġiżlatur Ewropew ipprovda li l-inbejjed ta’ kwalità nazzjonali psr kienu “protetti awtomatikament” taħt ir-regolament il-ġdid (23).

65.      Tali protezzjoni awtomatika hija msemmija fil-premessa 36 tar-Regolament Nru 479/2008 u fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ismijiet tal-inbejjed fis-seħħ qabel l‑1 ta’ Awwissu 2009 (kif kien il-każ tad-denominazzjoni “Salaparuta”) (24).

66.      Fil-qosor, ir-regola stabbilita fl‑Artikolu 118k(2) tar-Regolament Nru 1234/2007 ma tistax tiġi invokata sabiex wieħed jopponi l-ismijiet ta’ nbejjed diġà protetti qabel l‑1 ta’ Awwissu 2009 mid-dritt intern u fil-livell tal-Unjoni taħt ir-Regolament Nru 1493/1999.

B.      It-tieni domanda preliminari

67.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel it-tieni domanda preliminari tagħha f’każ li (kif nirrakkomanda jien) ir-risposta għall-ewwel domanda tkun favur l-ammissjoni li r-Regolament Nru 1493/1999 “huwa maħsub sabiex japplika” għas-sitwazzjoni fattwali inkwistjoni fil-kawża.

68.      F’din l-ipoteżi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-“dixxiplina” li tinsab fit-tieni paragrafu tal-punt 2, tal-Parti F, tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1493/1999, “[…] teżawrixxix is-suppożizzjonijiet kollha ta’ koeżistenza bejn id-diversi sinjali u l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-inbid jew jistax ikun hemm ukoll suppożizzjonijiet oħra ta’ invalidità jew nuqqas ta’ protezzjoni ta’ DOP jew IĠP sussegwenti, f’każ li l-indikazzjoni ġeografika tista’ tqarraq bil-pubbliku dwar l-identità vera tal-inbid minħabba r-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti, bis-saħħa tal-prinċipju ġenerali li s-sinjali distintivi ma jkunux ta’ natura li jiżgwidaw lill-pubbliku”.

69.      Il-“prinċipju ġenerali” li “s-sinjali distintivi ta’ jkunux ta’ natura qarrieqa” huwa dedott mill-qorti tar-rinviju mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni differenti mir-Regolament Nru 1493/1999 (25), jew ftehimiet internazzjonali li rreferiet għalihom Duca di Salaparuta SpA fl-appell (26).

70.      Madankollu, ma huwiex meħtieġ li jsir appell għal prinċipju ġenerali meta l-integrazzjoni (jew il-“pożittivizzazzjoni”) tiegħu tkun ġiet inkorporata fir-regola li l-applikazzjoni tagħha ser tiddetermina r-riżultat tat-tilwima.

71.      Dan huwa dak li jiġri fir-Regolament Nru 1493/1999. L-Artikolu 48 tiegħu, invokat ripetutament minn Duca di Salaparuta SpA (27), jiddikjara li “[d]-deskrizzjoni u l-presentazjoni tal-prodotti li hemm referenza dwarhom f’dan ir-Regolament, u kull forma ta’ riklamar ta’ dawn il-prodotti, ma tistax tkun inkorretta jew li aktarx li toħloq konfużjoni jew timmisgwida lill-persuni li lejhom ikunu indirizzati […]”.

72.      Għalhekk inqis li ma huwiex meħtieġ li wieħed jirrikorri għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jew għal strumenti internazzjonali sabiex jiġi infurzat il-“prinċipju ġenerali”, meta r-Regolament Nru 1493/1999 innifsu (dispożizzjoni speċifika applikabbli għall-każ) ikun diġà inkorporah (28).

73.      Minkejja dan, nifhem li l-appell għal dan il-prinċipju ġenerali ma jistax jirnexxi għall-finijiet ta’ din il-kawża.

74.      Fl-ewwel lok, l-istess leġiżlatur li jistabbilixxi dan il-prinċipju fl-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1493/1999 jimmodulah fl-Artikolu 52 tiegħu u fit-tieni u t-tielet paragrafu tal-punt 2, il-Parti F, l-Anness VII. Din il-modulazzjoni tippermettilu, minn naħa waħda, jirrikonoxxi l-preeminenza tal-interessi pubbliċi sottostanti għall-approvazzjoni tad-denominazzjonijiet ġeografiċi li jidentifikaw inbid bħala li ġej minn territorju partikolari u, min-naħa l-oħra, jirrispetta l-interessi privati tad-detenturi ta’ ċerti trade marks preeżistenti li jkun fihom kliem identiku għall-isem ta’ dan it-territorju. Il-bilanċ hekk milħuq mir-Regolament Nru 1493/1999 jidhirli li huwa raġonevoli.

75.      Fit-tieni lok, jekk l-għan huwa li jiġi evitat li jsir misgwid tal-persuni li jkunu indirizzati lilhom it-trademarks u d-denominazzjonijiet ta’ oriġini, l-argument tar-riskju ta’ konfużjoni jista’ jintuża kontra d-detenturi tat-trade mark meta, bħal f’dan il-każ, dan tal-aħħar jidentifika l-inbejjed tiegħu bit-toponimu tat-territorju (“Salaparuta”) li fih id-detentur innifsu jirrikonoxxi li ma jikkultivahomx (29).

76.      Fil-fatt, jistgħu jqumu dubji f’moħħ il-persuna li jkun indirizzat lilha dwar l-oriġini vera ta’ nbid identifikat, permezz tat-trade mark tiegħu, bit-terminu ġeografiku Salaparuta. Din il-persuna tista’ raġonevolment temmen li l-oriġini ta’ tali nbid hija l-muniċipalità ta’ Salaparuta, meta fir-realtà “ma jkollha x’taqsam xejn” magħha. Għall-kuntrarju, ma jkun hemm ebda dubju li l-inbejjed koperti mid-DOP “Salaparuta” ikunu nkisbu minn dwieli mkabbra f’din il-muniċipalità (30).

77.      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1493/1999, li jagħmel riferiment speċifika għall-Artikoli 23 u 24 tal-Ftehim TRIPS, jiddikjara li għandu jiġi pprevenut “[…] l-użu fil-Komunità ta’ l-indikazzjoni ġeografika marbuta mal-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 1 (2) (b) għall-prodotti li ma joriġinawx mill-post indikat mill-indikazzjoni ġeografika f’dak il-każ […]” (enfasi miżjuda minni).

78.      Finalment, f’każ li jista’ jkun utli għall-qorti tar-rinviju (li fl-aħħar mill-aħħar hija responsabbli sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni), nistqarr li nsibha diffiċli li naċċetta li, fl‑2016, ġiet ikkontestata l-validità ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet Taljani —u t-trasformazzjoni konsegwenti tagħha f’DOP tal-Unjoni— definittiva għal għaxar snin, mingħajr ma Duca di Salaparuta SpA rreaġixxiet dak iż-żmien f’dan ir-rigward.

79.      Kif diġà spjegajt, il-Gvern Taljan irrefera għal din iċ-ċirkustanza fl-“eċċezzjoni preliminari” tiegħu (31). Dan għamluh ukoll il-Gvern Portugiż (32) u t-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano), li tenfasizza li “d-digriet ministerjali li jirrikonoxxi d-DOC Salaparuta qatt ma ġie kkontestat mir-rikorrent [Duca di Salaparuta SpA] quddiem it-TAR [Qorti Amministrattiva Reġjonali]”, minkejja li din tal-ewwel kienet esprimiet oppożizzjoni għal tali rikonoxximent fid-deċiżjoni tagħha li l-fajl amministrattiv tagħha (33).

80.      Fil-fatt, ir-rikonoxximent nazzjonali tad-DOK “Salaparuta” (li minnu tirriżulta l-inklużjoni ta’ “Salaparuta”, min-naħa tal-Kummissjoni, fil-lista ppubblikata ta’ nbejjed ta’ kwalità psr u t-trasformazzjoni tagħha f’DOP) twettaq permezz tad-Digriet tat‑8 ta’ Frar 2006. Dan id-digriet, nirrepeti, ma ġiex ikkontestat u, għalhekk, sar definittiv. Fl-istabbiliment tiegħu, kif tirrikonoxxi Duca di Salaparuta SpA, diġà tqajmet il-kompatibbiltà tad-denominazzjoni l-ġdida mat-trade mark preeżistenti (34), mingħajr ma dan jirriżulta f’ebda kontestazzjoni tad-deċiżjoni meħuda.

81.      Duca di Salaparuta SpA tfittex li tissepara r-rikonoxximent tad-DOK fil-livell nazzjonali u dak tad-DOP fil-livell tal-Unjoni, billi targumenta li fil-proċedimenti quddiem il-qrati Taljani ma tikkontestax l-ewwel waħda, iżda l-aħħar waħda (35). Il-qari tad-digriet tar-rinviju u tas-sentenzi mogħtija fl-ewwel istanza u fl-appell juri, madankollu, li t-talba tagħha kienet diretta kontra t-tnejn li huma.

82.      Meta sostniet quddiem il-Corte Suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) li l-qorti nazzjonali ordinarja, iktar milli l-qorti tal-Unjoni, kellha l-ġurisdizzjoni, Duca di Salaparuta SpA kienet ipprovdiet li, iktar milli deċiżjoni (tal-Kummissjoni) li tagħti d-DOP, dak li kien jeżisti kien “rikonoxximent sostanzjalment awtomatiku” tad-denominazzjoni rreġistrata fil-livell nazzjonali (36). Dik il-qorti ddeċidiet f’termini simili, fejn iddikjarat li d-DOK rikonoxxuta fil-livell nazzjonali tqieset awtomatikament protetta, ladarba l-Istat Membru jkun għadda lill-Kummissjoni d-deċiżjoni nazzjonali ta’ approvazzjoni relatata mad-denominazzjoni preeżistenti (37).

83.      Li tiġi ammessa, għaxar snin wara li sar finali, il-kontestazzjoni tar-rikonoxximent mogħti bid-Digriet tat‑8 ta’ Frar 2006 lid-DOK “Salaparuta” u t-trasformazzjoni sussegwenti, suċċessiva u awtomatika f’DOP ma setax ikun kompatibbli mar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali, għad-detriment tal-produtturi tal-inbid bid-denominazzjoni “Salaparuta”, li ħadu vantaġġ mir-rikonoxximent tad-DOK nazzjonali u l-estensjoni tagħha bħala DOP tal-Unjoni.

84.      Għandu jiżdied ma’ dak li ntqal sa issa li ħadd ma jsostni li d-denominazzjoni “Salaparuta” ġiet ikkanċellata a posteriori. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 118v(4) tar-Regolament Nru 1234/2007 ta s-setgħa lill-Kummissjoni, sal‑31 ta’ Diċembru 2014, fuq inizjattiva tagħha stess, li tikkanċella l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-inbejjed protetti eżistenti, imsemmija fil-paragrafu 1, jekk dawn ma kinux jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 118b. Ma hemm l-ebda rekord li seħħet tali kanċellazzjoni jew li Duca di Salaparuta SpA kkuntattjat lill-Kummissjoni u ħeġġitha tieħu azzjoni f’dan ir-rigward.

85.      Bħala konklużjoni, nikkunsidra li l-kunflitt imsemmi fit-tieni domanda preliminari għandu jiġi riżolt skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 2 tat-Taqsima F tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1493/1999.

V.      Konklużjoni

86.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li r-risposta għall-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) tkun fit-termini li ġejjin:

“L-Artikoli 48, 52 u 54 u t-tieni u t-tielet paragrafi tal-punt 2 tal-Parti F tal-Anness VII tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas‑17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        Dawn japplikaw għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini għall-inbejjed li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkunu approvaw u kkomunikaw lill-Kummissjoni Ewropea għall-pubblikazzjoni fil-lista ta’ nbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi, skont l-Artikolu 54(4) tar-Regolament Nru 1493/1999.

–        Id-denominazzjonijiet ta’ nbejjed protetti skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1493/1999 awtomatikament iżommu din il-protezzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat‑22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS);

–        Id-detentur ta’ trade mark tal-inbid magħrufa sewwa u rreġistrata li jkun fiha kliem identiku għall-isem ta’ reġjun partikolari, jew ta’ unità ġeografika iżgħar minn reġjun partikolari, jista’ jkompli juża din it-trade mark biss jekk jikkonforma mal-kundizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-punt 2 tal-Parti F tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1493/1999. Dan id-detentur ma jistax jopponi l-użu tal-ismijiet tal-unitajiet ġeografiċi użati fid-denominazzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Regolament tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 25).


3      Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2007, L 299, p. 1, rettifika fil‑ĠU 2013, L 97, p. 4). Dan ir-Regolament ġie emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 491/2009 tal‑25 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2009, L 154, p. 1, rettifika fil-ĠU 2011, L 313, p. 47).


4      Regolament tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU 2008, L 148, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 220, p. 35).


5      Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, iffirmata f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1883, riveduta l-aħħar fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit‑28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305; iktar ’il quddiem imsejħa l-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”).


6      Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 828, nru 11848, p. 163 (iktar ’il quddiem “il-Ftehim ta’ Madrid”).


7      Iktar ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim TRIPs”. Dan jikkostitwixxi l-Anness 1C għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994 u approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).


8      Dan l-artikolu għandu jkun relatat mal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 tal‑14 ta’ Lulju  2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU 2009, L 193, p. 60), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2009, bażi legali għall-istabbiliment tar-reġistru “E-Bacchus” (ara l-premessa 8 tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 314/2012 tat‑12 ta’ April 2012 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 555/2008 u (KE) Nru 436/2009 f’dak li jirrigwarda d-dokumenti li jakkumpanjaw it-trasport tal-prodotti u r-reġistri li għandhom jinżammu fis-settur tal-inbid (ĠU 2012, L 103, p. 21, rettifika fil‑ĠU 2012, L 319, p. 10)).


9      Fis-sustanza, ir-regolamentazzjoni inkorporata fir-Regolament Nru 1234/2007 ġiet adottata fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifika fil‑ĠU 2022, L 195, p. 106 u fil‑ĠU 2023, L 200, p. 51), li ma huwiex rilevanti ratione temporis għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima).


10      Skont Duca di Salaparuta SpA, it-trade mark nazzjonali kienet valida sal‑2009, u t-trade mark Ewropea ser tkun valida, għalissa, sas‑7 ta’ Settembru 2029 (il-punt 4 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha).


11      Digriet — “Riconoscimento della denominazione di origine controllata dei vini ‘Salaparuta’ e approvazione del relativo disciplinare di produzione” (Rikonoxximent tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata tal-inbejjed “Salaparuta” u approvazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti), tat‑8 ta’ Frar 2006 (GURI Nru 42, tal‑20 ta’ Frar 2006, p. 34; iktar ’il quddiem imsejjaħ id-“Digriet tat‑8 ta’ Frar 2006”).


12      ĠU 2009, C 187, p. 1.


13      Id-DOP Salaparuta PDO‑IT‑A0795 ġiet irreġistrata fid-database elettronika “E-Bacchus” u tidher bħala tali fid-database elettronika “eAmbrosia”, bid-data ta’ reġistrazzjoni tat‑8 ta’ Awwissu 2009 (https://ec.europa.eu/agriculture/eambrosia/geographical-indications-register/).


14      Il-punti 27 u 28 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan.


15      Sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 59); u tat‑12 ta’ Frar 2008, Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78, punt 42).


16      Għalhekk, l-aħħar paragrafu tal-punt 18, l-ewwel u t-tieni paragrafi tat-tielet inċiż tal-punt 20, u l-punt 22 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.


17      L-Artikoli 55 u 57 tar-Regolament Nru 1493/1999 jindikaw rispettivament l-elementi neċessarji u komplementari li fuqhom għandhom ikunu bbażati d-dispożizzjonijiet (nazzjonali) dwar il-produzzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità psr.


18      L-istess japplika jekk Stat Membru jkun assenja l-isem ta’ muniċipalità jew parti minn muniċipalità.


19      “[b]asta li l-isem tad-ditta ikun ġie reġistrat ta’ mill-anqas 25 sena qabel ir-rikonoxximent uffiċjali ta’ l-isem ġeografiku f’dak il-każ mill-Istat Membru produttur bi qbil mad-disposizzjonijiet Komunitarji relevanti fir-rigward ta’ l-inbejjed ta’ kwalità psr u basta li l-isem tad-ditta attwalment ikun ġie użat mingħajr interruzzjoni”.


20      Ara ĠU 2009, C 187, p. 1.


21      Il-qorti tar-rinviju tiċċita, f’dan ir-rigward, bħala eżempju ta’ konformità mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Bavaria (C‑120/08, EU:C:2010:798), li kienet tikkonċerna wkoll kunflitt bejn isem ġeografiku u trade mark preċedenti. Fil-punt 40 tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat: “il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-punt ta’ tluq tal-applikazzjoni ratione temporis ta’ att tal-Unjoni jkun stabbilit għal data qabel dik tal-pubblikazzjoni tiegħu, ħlief meta, bħala eċċezzjoni, l-għan mixtieq jeżiġi dan u l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament osservati. F’dan ir-rigward, ir-regoli tad-dritt materjali tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sabiex jiżguraw ir-rispett tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fis-sens li jkopru biss sitwazzjonijiet li jkunu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għanijiet u mill-istruttura ġenerali tagħhom li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom”.


22      Intużat formola simili fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4), li l-Artikolu 14(3) tiegħu pprovda li “Deskrizzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika m’għandhomx jiġu rregistrati meta, fid-dawl tar-reputazzjoni u l-fama tat- trade mark u t-tul ta’ żmien li ilha tintuża, ir-reġistrazzjoni tista’ tqarraq lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott”. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(1) tiegħu, madankollu, “dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-inbejjed jew xorb alkoħoliku”.


23      L-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 479/2008 (li jikkorrispondi, sostanzjalment, għall-Artikolu 118s tar-Regolament Nru 1234/2007): “Ismijiet ta’ nbejjed li jkunu protetti skond l-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 […] għandhom ikunu protetti awtomatikament skond dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha telenkahom fir-reġistru li hemm provvediment dwaru fl-Artikolu 46 ta’ dan ir-Regolament”.


24      Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni (C‑31/13 P, EU:C:2014:70), punt 58: “[…] s-sistema tranżitorja prevista fl-Artikolu 118s tar-Regolament Nru 1234/2007 ġiet stabbilita sabiex tinżamm, għall-motivi ta’ ċertezza legali, il-protezzjoni ta’ ismijiet tal-inbejjed diġà protetti qabel l-1 ta’ Awwissu 2009 fid-dritt intern u, għaldaqstant, fil-livell tal-Unjoni abbażi tar-Regolament Nru 1493/1999. Il-kliem tal-Artikolu 118s(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 jikkonferma dan l-għan billi jipprovdi li dawn l-ismijiet ta’ nbejjed huma ‘protetti awtomatikament taħt dan ir-Regolament’ […]”.


25      B’mod partikolari, mill-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2081/92, mill-Artikoli 43 u 44 tar-Regolament Nru 479/2008 u mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75). Din l-aħħar Direttiva tħassret, mit‑13 ta’ Diċembru 2014, bis-saħħa tal-Artikolu 53 tar- Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifika fil-ĠU 2014, L 304, p. 40, fil‑ĠU 2016, L 266, p. 7, fil‑ĠU 2022, L 35, p. 26, fil‑ĠU 2023, L 142, p. 41 u fil‑ĠU 2023, L 214, p. 229).


26      Il-punt 13 tad-digriet tar-rinviju. Isiru riferimenti għall-Artikolu 22 tal-Ftehim TRIPs, l-Artikolu 10a tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u l-Artikolu 3a tal-Ftehim ta’ Madrid. Ara t-traskrizzjoni tagħhom fil-punti 6, 7 u 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      Il-punt 29 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Duca di Salaparuta SpA invokat din id-dispożizzjoni fl-istadji proċedurali ta’ qabel l-appell u f’dan. L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Portugiż (il-punti 28 u 30) jirrepetu dan. Il-Gvern Taljan iqis dan ukoll u jeskludi li, bħala definizzjoni, jista’ jkun hemm misgwid f’dan il-każ, fis-sens ta’ dan l-artikolu (il-punt 46 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu).


28      L-eżami tar-regoli invokati tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, il-Ftehim ta’ Madrid u l-Ftehim TRIPs jiżvela x-xebh tagħhom, essenzjalment u mutatis mutandis, mal-projbizzjoni ta’ informazzjoni inkorretta jew il-ħolqien ta’ konfużjoni minquxa fl-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1493/1999.


29      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-punt 8, Duca di Salaparuta SpA tindika li l-isem tat-trade mark “Salaparuta” “ma għandu x’jaqsam xejn mal-muniċipju ta’ Salaparuta, provinċja ta’ Trapani, peress li l-għeneb użat qatt ma ġie minn dan it-territorju u l-kumpannija hija bbażata x’imkien ieħor fi Sqallija”.


30      F’dan l-istess sens, skont il-Gvern Taljan, il-problema li, paradossalment, tista’ tqum hija dik ta’ jekk il-validità tat-trade mark (anki jekk kienet preeżistenti) li fiha denominazzjoni ġeografika, kif jiġri f’dan il-każ. Huwa jindika, madankollu, li din il-problema ma tqajmitx fil-kawża oriġinali, li jikkonferma li l-pożizzjoni tar-rikorrenti (Duca di Salaparuta SpA) hija indefendibbli (il-punt 46 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha). Il-Gvern Portugiż, min-naħa tiegħu, iwissi dwar ir-riskju li trade mark tista’ “timmopolizza” indebitament l-użu ta’ ismijiet ġeografiċi (il-punt 35 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu).


31      Il-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Il-punti 43 u 44 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.


33      Il-paġna 25 tas-sentenza Nru 1384/2021 tat-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano).


34      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (il-punt 6), Duca di Salaparuta SpA tippreċiża li din il-kwistjoni ġiet diskussa fil-proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent tad-DOK “Salaparuta”. Hija żżid li, wara l-kritika tagħha, kien hemm nuqqas ta’ qbil fil-kumitat xjentifiku nazzjonali, fir-rigward tar-riskju ta’ konfużjoni mat-trade mark omonima.


35      Il-punti 20 u 35 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.


36      Digriet tal-Corte suprema di cassazione, Sezioni Unite Civili (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, Sessjoni Plenarja tas-Sezzjonijiet Ċivili) tat‑13 ta’ Settembru 2017, Nru 21191, punt 2.


37      Ibidem, punt 8.1.

Top