This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62024CC0225
Opinion of Advocate General Ćapeta delivered on 12 February 2026.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fit-12 ta’ Frar 2026.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fit-12 ta’ Frar 2026.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2026:88
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fit‑12 ta’ Frar 2026 (1)
Kawża C‑225/24
Il‑Parlament Ewropew
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
“Rikors għal annullament — Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 9014 tat‑13 ta’ Diċembru 2023 — Regolament (UE) 2021/1060 — Artikolu 9(1) u 15 — Anness III — Kundizzjoni abilitanti orizzontali ‘Applikazzjoni u implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali’ — Riformi leġiżlattivi dwar in-nuqqasijiet fl-indipendenza ġudizzjarja fl-Ungerija”
I. Introduzzjoni
1. Mill-qafas finanzjarju pluriennali (“QFP”) għas-snin 2021 sal‑2027, il-kondizzjonalità tal-istat tad-dritt saret parti mill-istrumenti finanzjarji kollha li permezz tagħhom il-baġit tal-Unjoni jiġi ġestit u mqassam.
2. Il-każ preżenti jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ tali kondizzjonalità, sa fejn tirrelata mal-indipendenza tal-ġudikatura, fil-qafas tar-regoli finanzjarji rregolati mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (iktar ’il quddiem ir-“RDK”) (2).
3. Il-Qorti tal-Ġustizzja tinsab iffaċċjata b’rikors għal annullament ippreżentat mill-Parlament Ewropew li jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 9014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata” (3)), li permezz tagħha din l-aħħar istituzzjoni neħħiet fit‑13 ta’ Diċembru 2023, is-sospensjoni fuq it-tqassim ta’ fondi rregolati mir-RDK għal numru ta’ programmi approvati għall-finanzjament fl-Ungerija.
4. Il-każ iqajjem kwistjonijiet ġodda relatati mad-diskrezzjoni u mal-obbligi tal-Kummissjoni fil-valutazzjoni dwar jekk Stat Membru individwali ssodisfax il-kundizzjonijiet speċifiċi miftiehma għad-distribuzzjoni ta’ fondi – kwistjonijiet li jistgħu jkunu rilevanti wkoll għal oqfsa finanzjarji oħra.
II. Sfond
A. Kondizzjonalità taħt strumenti finanzjarji differenti tal-Unjoni
5. Qabel ma nispjega u niddiskuti l-motivi mqajma mill-Parlament Ewropew f’dan ir-rikors, sabiex jinftiehem aħjar il-kuntest tal-każ, jeħtieġ li nippreżenta fil-qosor ir-relazzjoni bejn l-istrumenti finanzjarji differenti li jistabbilixxu l-indipendenza ġudizzjarja bħala kundizzjoni baġitarja tal-Unjoni għall-Ungerija (4).
6. Kif semmejt fl-introduzzjoni, il-pagamenti mill-baġit tal-Unjoni, miftiehma taħt il-QFP għas-snin 2021 sal‑2027, kienu suġġetti għall-osservanza tal-istat tad-dritt mill-Istat Membru riċevitur. Dan huwa stabbilit bħala regola ġenerali mir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità (5), li “jistabbilixxi r-regoli meħtieġa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri” (6).
7. Parti mill-kondizzjonalità tal-istat tad-dritt hija l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw ġudikatura indipendenti u li tiffunzjona, bħala mezz biex jiġi ggarantit li l-fondi tal-Unjoni jintużaw għall-għan maħsub tagħhom, u b’hekk jiġu ssalvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (7).
8. Dan l-obbligu li tiġi żgurata ġudikatura indipendenti kien inkluż, f’forma jew oħra, f’oqfsa finanzjarji iktar speċifiċi. Fir-RDK, li huwa inkwistjoni f’dan il-każ, din il-kundizzjoni hija inkluża bħala waħda mill-kundizzjonijiet abilitanti orizzontali (iktar ’il quddiem “KAO”), imsejħa “Applikazzjoni u implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali” (iktar il quddiem il-“KAO tal-Karta”) (8).
9. Taħt qafas finanzjarju differenti, ir-Regolament tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (iktar ’il quddiem ir-“Regolament RRF” (9)), il-kundizzjonijiet għat-tqassim tal-pagamenti taħt dik il-faċilità jissejħu “miri” u “stadji importanti” (10). Il-kundizzjonijiet orizzontali, li mingħajr it-twettiq tagħhom ma jista’ jinbeda l-ebda pagament taħt dak il-qafas finanzjarju, huma magħrufa komunement bħala “stadji importanti kbar”.
10. L-RDK u r-Regolament RRF fihom regoli finanzjarji li jirregolaw il-fondi differenti użati biex jiġi allokat il-baġit tal-Unjoni. L-RDK jiġbor flimkien ir-regoli relatati mal-maġġoranza tal-fondi “tradizzjonali” tal-Unjoni użati biex jiffinanzjaw politiki differenti tal-Unjoni, inkluża l-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni. Ir-Regolament RRF inħoloq taħt it-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 TFUE, li jippermetti l-finanzjament ta’ azzjonijiet barra l-fondi, u huwa l-programm ewlieni ta’ nfiq tal-istrument NewGenerationEU (iktar ’il quddiem l-“NGEU”) (11).
11. Fir-rigward tal-Ungerija, intlaħaq qbil dwar għadd ta’ kundizzjonijiet u miżuri speċifiċi fi ħdan il-qafas tar-Regolament RRF sabiex tinkiseb ġudikatura indipendenti (12). Mis‑27 stadju importanti kbar stabbiliti fih, li mingħajr it-twettiq tagħhom l-Ungerija ma tista’ tirċievi ebda pagament taħt ir-Regolament RRF, 4 jikkonċernaw l-indipendenza ġudizzjarja (13). Dawn l-istadji importanti huma identiċi (ħlief għar-rekwiżit ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati) għar-rekwiżiti adottati taħt l-RDK bħala parti mill-KAO tal-Karta għall-Ungerija (14).
12. Sal-lum, għadu ma sar l-ebda pagament lill-Ungerija taħt ir-Regolament RRF peress li l-Kummissjoni kkonkludiet li r-riformi meħtieġa mill-istadji importanti kbar ma kinux ġew implimentati (15). Din is-sospensjoni għadha ma tneħħietx (16).
13. Fl-aħħar, il-kondizzjonalità tal-istat tad-dritt ġiet applikata wkoll fir-rigward tal-Ungerija skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità. Is-sospensjoni tal-pagament jew miżuri oħra skont dak ir-regolament huma sussidjarji għall-miżuri li jistgħu jittieħdu għall-protezzjoni tal-baġit skont leġiżlazzjoni differenti, inklużi l-RDK u r-Regolament RRF (17).
14. Skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità, fit‑12 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill adotta deċiżjoni (18) li tistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija. Il-Kummissjoni pproponiet (19) dawk il-miżuri bħala riżultat ta’ irregolaritajiet, nuqqasijiet u dgħufijiet serji, sistemiċi, mifruxa u interkonnessi fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku fl-Ungerija u limitazzjonijiet rigward il-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni f’dan l-Istat Membru (20). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill issospenda 55 % tal-impenji baġitarji (21) għal tliet programmi ta’ politika ta’ koeżjoni (22) għall-perijodu mill‑2021 sal‑2027 (23).
15. Filwaqt li din is-sospensjoni skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità għadha ma tneħħietx, is-sospensjoni tal-pagamenti għall-istess tliet programmi taħt l-RDK tneħħiet permezz tad-deċiżjoni kkontestata fit‑13 ta’ Diċembru 2023.
16. Fl-istess jum, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità, u mingħajr notifika bil-miktub mill-Ungerija b’talba għat-tneħħija tal-miżuri, il-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess, adottat deċiżjoni li tevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni fl-Ungerija (24). Hija sabet li l-Ungerija ma kinitx irrimedjat is-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri baġitarji skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni ma pproponietx lill-Kunsill li jitneħħew jew li jiġu adattati l-miżuri skont dan ir-regolament (25).
B. Passi li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata
1. Il-proċedura skont l-RDK u d-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni
17. Skont l-RDK, il-programmi proposti mill-Istati Membri għall-finanzjament huma approvati mill-Kummissjoni (26).
18. Il-baġit tal-Unjoni, taħt dak il-qafas finanzjarju, huwa allokat abbażi tal-prinċipju ta’ ġestjoni kondiviża skont ir-regoli dettaljati stabbiliti fl-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju (27). Fl-implimentazzjoni tal-baġit, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji orizzontali, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-konformità mal-Karta, kif meħtieġ mill-Artikolu 9(1) tal‑RDK.
19. Skont l-Artikolu 10 tal‑RDK, kull Stat Membru għandu jħejji Ftehim ta’ Sħubija li jistabbilixxi l-orjentazzjoni strateġika għall-ipprogrammar u l-arranġamenti għall-użu tal-fondi tal-RDK b’mod effettiv u effiċjenti. Abbażi tal-Artikolu 12 tal‑RDK, dawn il-Ftehimiet ta’ Sħubija mbagħad għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-konformità tagħhom mal-RDK u mar-regoli speċifiċi għall-fondi.
20. Skont l-Artikolu 15(2) tal-RDK, meta jkunu qegħdin iħejju l-Ftehimiet ta’ Sħubija, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw huma stess jekk il-kundizzjonijiet abilitanti marbuta mal-għan speċifiku magħżul humiex issodisfatti. Meta Stat Membru jqis li kundizzjoni abilitanti tkun ġiet is-sodisfatta, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni, li, skont l-Artikolu 15(4) tal-RDK, għandha twettaq valutazzjoni mill-iktar fis possibbli u sa mhux iktar tard minn 3 xhur wara li tirċievi dik l-informazzjoni, u għandha tinforma lill-Istat Membru jekk taqbilx mal-valutazzjoni tiegħu. Kondizzjoni abilitanti tkun issodisfata meta “jkunu ssodisfati l-kriterji kollha relatati” (28), li huwa standard li jorbot kemm lill-Istat Membru kif ukoll lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tas-sodisfazzjoni tal-kundizzjonijiet abilitanti.
21. L-Anness III tal-RDK fih kundizzjonijiet abilitanti orizzontali, li, skont l-Artikolu 15(1) ta’ dak ir-regolament, huma applikabbli għall-objettivi speċifiċi kollha. Dawn il-kundizzjonijiet iridu jiġu ssodisfati qabel ma jsir kwalunkwe pagament mill-fondi. Waħda mill-kundizzjonijiet abilitanti orizzontali stabbiliti fl-Anness III tal-RDK hija l-KAO tal-Karta, li skontha l-Istati Membri riċevituri huma, fost affarijiet oħra, meħtieġa li jkollhom fis-seħħ “arranġamenti biex tiġi żgurata l-konformità tal-programmi appoġġati mill-Fondi u l-implimentazzjoni tagħhom mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta”.
22. Fit‑22 ta’ Lulju 2022, meta applikat għal finanzjament taħt il-fondi rregolati mill-RDK, l-Ungerija qieset li l-kundizzjonijiet abilitanti orizzontali kollha, inkluż il-KAO tal-Karta, kienu ġew issodisfatti (29).
23. Fit‑22 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni għal 10 programmi operattivi ffinanzjati taħt il-fondi tal-RDK fl-Ungerija għall-perjodu mill‑2021 sal‑2027 (30).
24. Madankollu, waqt li kienet qed tevalwa dawn il-programmi, il-Kummissjoni identifikat erba’ nuqqasijiet ewlenin taħt il-KAO tal-Karta fl-Ungerija, li kienu jikkonċernaw (i) l-indipendenza ġudizzjarja, (ii) il-libertà akkademika, (iii) l-hekk imsejħa “liġi dwar il-protezzjoni tat-tfal”, u (iv) d-dritt għall-ażil.
25. Fir-rigward tal-KAO tal-Karta dwar in-nuqqasijiet relatati mal-indipendenza ġudizzjarja fl-Ungerija, il-premessi tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni jirrikonoxxu li “tqajjem tħassib ripetut fil-qafas tas-Semestru Ewropew u l-Mekkaniżmu tal-Istat tad-Dritt fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja fl-Ungerija” (31). Dawn il-premessi mbagħad jiddeskrivu tali tħassib f’iktar dettall u jagħmlu riferiment għall-proċeduri miftiehma taħt ir-Regolament RRF li fihom l-Ungerija qablet li twettaq ċerti riformi biex tikseb l-indipendenza ġudizzjarja.
26. Għalhekk, il-Kummissjoni approvat l‑10 programmi kollha u stabbilixxiet l-ammont ta’ appoġġ finanzjarju u r-rati ta’ kofinanzjament (32), iżda ssospendiet il-ħlas ta’ dawn il-pagamenti sakemm l-Ungerija tkun issodisfat il-KAO tal-Karta.
27. Il-KAO huma indirizzati bl-istess mod fl-Artikolu 3 ta’ kull deċiżjoni ta’ approvazzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 3(2) tagħhom jiddeskrivi l-kundizzjonijiet dettaljati li għandhom jiġu ssodisfatti mill-Ungerija sabiex tindirizza n-nuqqas ta’ twettiq tal-KAO tal-Karta fir-rigward tan-nuqqasijiet fl-indipendenza ġudizzjarja. Tali dispożizzjoni tistipula:
“Fir-rigward tal-kundizzjoni abilitanti orizzontali ‘3. Applikazzjoni u implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali’, għandu japplika dan li ġej:
Fir-rigward tan-nuqqasijiet fl-indipendenza ġudizzjarja, il-kundizzjoni abilitanti hija ssodisfatta ladarba l-Ungerija tkun daħħlet fis-seħħ l-emendi li ġejjin u dawn l-emendi jkunu qed jiġu applikati:
(a) emendi leġiżlattivi li jsaħħu r-rwol u s-setgħat tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura (il‑KNĠ) biex jibbilanċja b’mod effettiv is-setgħat tal-President tal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Ġudikatura (l‑UNĠ), kif stipulat fil-paragrafu 3;
(b) emendi leġiżlattivi li jemendaw ir-regoli dwar l-elezzjoni tal-President tal-Kúria, emendi leġiżlattivi u emendi oħra għar-regoli dwar l-iskema ta’ allokazzjoni tal-każijiet tal-Kúria, u regoli leġiżlattivi li jemendaw ir-regoli dwar il-funzjonament tal-Kúria, kif stipulat fil-paragrafu 4;
(ċ) emendi leġiżlattivi li jemendaw:
(i) L-Artikoli 666 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Ungeriż, sabiex titneħħa l-possibbiltà għall-Kúria li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni ta’ mħallef li jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
(ii) L-Artikolu 490 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Ungeriż dwar is-sospensjoni tal-proċeduri, sabiex jitneħħa kwalunkwe ostaklu għal qorti milli tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE;
(d) emendi leġiżlattivi li jneħħu l-possibbiltà, introdotta fl‑2019 bl-emenda tat-Taqsima 27 tal-Att CLI tal‑2011, tal-awtoritajiet pubbliċi li jikkontestaw deċiżjonijiet ġudizzjarji finali quddiem il-Qorti Kostituzzjonali” (33).
28. L-Artikolu 3(3) u (4) tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni imbagħad jispjega x’inhu eżattament mistenni mill-Ungerija fir-rigward tar-riformi elenkati fl-Artikolu 3(2)(a) u (b) tagħhom (34).
29. Finalment, l-Artikolu 3(5) tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni jiddikjara li “ladarba l-Ungerija tkun infurmat lill-Kummissjoni li l-miżuri li jirrimedjaw in-nuqqasijiet fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja msemmija fil-paragrafi 2, 3, u 4 huma fis-seħħ u qed jiġu applikati, issir valutazzjoni ġdida” (35).
2. Avvenimenti li jippreċedu d-deċiżjoni kkontestata
30. Fit‑18 ta’ Lulju 2023, l-Ungerija informat lill-Kummissjoni li, fil-fehma tagħha, ir-riformi li wettqet jissodisfaw il-KAO tal-Karta.
31. B’mod partikolari, fit‑3 ta’ Mejju 2023, l-Országgyűlés (l-Assemblea Nazzjonali, l-Ungerija) adottat l-Att dwar ir-riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal-2023) (36), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2023. Dak l-att emenda numru ta’ atti leġiżlattivi oħra relatati mal-organizzazzjoni u mal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja Ungeriża, inkluż l-Att dwar il-persunal ġudizzjarju (l-Att LXVIII tal-1997) (37), l-Att dwar il-Qorti Kostituzzjonali (l-Att CLI tal‑2011) (38), l-Att dwar l-organizzazzjoni tal-qrati (l-Att CLXI tal-2011) (39), l-Att dwar l-istatus tal-imħallfin (l-Att CLXII tal‑2011) (40), u l-Att dwar il-proċedura kriminali (l-Att XC tal-2017) (41).
32. Il-Kummissjoni qieset li l-informazzjoni li rċeviet ma ppermettilhiex tevalwa bis-sħiħ jekk il-KAO tal-Karta fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja kinitx ġiet issodisfatta u għalhekk talbet iktar informazzjoni mill-Ungerija fis‑26 ta’ Settembru 2023 u għal darba oħra fl‑1 ta’ Novembru 2023. L-Ungerija wieġbet għal dawk it-talbiet f’Diċembru ta’ dik is-sena.
33. Bi tweġiba għal ċerti problemi li fadal fis-sistema Ungeriża li torganizza l-ġudikatura, li ġew indikati mill-Kummissjoni, l-Ungerija adottat leġiżlazzjoni addizzjonali. Fis‑7 ta’ Diċembru 2023, hija adottat id-Digriet 18/2023 (42), li introduċa bidliet fir-regoli tal-amministrazzjoni tal-qorti relatati mas-sistema tal-allokazzjoni tal-kawżi. Dak id-digriet daħal fis-seħħ fil‑wieħed u sittin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu, jiġifieri fis‑6 ta’ Frar 2024.
34. Fit‑13 ta’ Diċembru 2023, l-Ungerija adottat it-Taqsima 35 tal-Att li jemenda l-liġijiet universitarji (l-Att LXXXV tal‑2003) (43) li emenda l-Punt 490(1) tal-Att dwar il-Proċedura Kriminali (Att XC tal‑2017) sabiex tneħħi limitazzjoni għar-regoli applikabbli fi proċeduri kriminali dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari. It-Taqsima 35 tiegħu daħlet fis-seħħ fil‑wieħed u sittin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha; jiġifieri fit‑13 ta’ Frar 2024.
35. Fir-rikors tiegħu, il-Parlament jirreferi għal żewġ emendi leġiżlattivi oħra, li ppreċedew id-deċiżjoni kkontestata u li jqis rilevanti għal dan il-każ.
36. Għalhekk, it-Taqsima 3 tal-Att li jemenda l-liġijiet universitarji (Act LXXXV tal‑2023) daħħlet Taqsima 16/A ġdida fl-Att dwar il-Qorti Kostituzzjonali (l-Att CLI tal‑2011) li tintroduċi setgħa ġdida għall- Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija) biex tipprovdi opinjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qafas ta’ proċedura ta’ deċiżjoni preliminari, dwar kwistjonijiet ta’ sovranità nazzjonali.
37. Finalment, fit‑12 ta’ Diċembru 2023, l-Ungerija adottat il-liġi dwar il-Protezzjoni tas-Sovranità Nazzjonali (il-Liġi LXXXVIII tal‑2023) (44).
3. Id-deċiżjoni kkontestata (45)
38. Fit‑13 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li biha kkonkludiet li l-Ungerija ssodisfat il-KAO tal-Karta fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja. Għalhekk neħħiet is-sospensjoni fuq it-tqassim ta’ fondi għall-programmi li kienu relatati biss ma’ dik il-parti tal-KAO tal-Karta. Fuq dik il-bażi, l-Ungerija saret eliġibbli biex tirċievi madwar EUR 10.2 biljun minn diversi fondi tal-Unjoni rregolati mill-RDK.
39. L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jiddikjara li l-Kummissjoni approvat l-ittra annessa ma’ dik id-deċiżjoni li fiha l-(valutazzjoni mill-ġdid) tagħha tal-KAO tal-Karta bbażata fuq l-Artikolu 15(4) tal-RDK fir-rigward tan-nuqqasijiet fl-indipendenza ġudizzjarja fl-Ungerija.
40. Dik l-ittra ta’ valutazzjoni, wara li ssemmi l‑10 programmi kkonċernati, tirriproduċi l-lista ta’ emendi elenkati fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni li kellhom jiġu implimentati mill-Ungerija u li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tikkunsidra l-KAO tal-Karta fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja.
41. L-ittra ta’ valutazzjoni tipprovdi wkoll l-iskeda ta’ żmien tal-iskambji formali li saru bejn il-Kummissjoni u l-Ungerija (46).
42. L-ittra ta’ valutazzjoni mbagħad tiddikjara, mingħajr ma tagħti iktar dettalji, li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 15(4) tal-RDK, wettqet valutazzjoni tal-informazzjoni ppreżentata lilha li abbażi tagħha qieset li l-KAO tal-Karta fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja kienet ġiet issodisfatta fl-Ungerija. Għal dik ir-raġuni, in-nefqa tal-Ungerija fir-rigward ta’ ċerti programmi – li għalihom il-KAO tal-Karta oriġinarjament kienet meqjusa li ma kinitx ġiet issodisfatta minħabba nuqqasijiet fl-indipendenza ġudizzjarja – setgħet tiġi rrimborżata lill-Ungerija (47).
43. Barra minn hekk, din l-ittra ta’ valutazzjoni ttenni li l-Kummissjoni ma approvatx it-tqassim ta’ fondi għal diversi programmi taħt l-RDK minħabba nuqqasijiet persistenti fl-Ungerija fir-rigward tal-libertajiet akkademiċi, il-liġi Ungeriża dwar il-protezzjoni tat-tfal u d-dritt għall-ażil (48).
44. Id-deċiżjoni kkontestata, indirizzata lill-Ungerija, ma ġietx ippubblikata.
45. Permezz ta’ stqarrija għall-istampa maħruġa fit‑13 ta’ Diċembru 2023, l-istess jum tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni informat lill-pubbliku bid-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha rrilaxxat il-fondi f’għadd ta’ programmi taħt l-RDK. Fl-istess stqarrija għall-istampa, din informat ukoll lill-pubbliku bid-deċiżjoni ulterjuri tagħha, ukoll tal-istess jum, li żżomm is-sospensjoni tal-impenji baġitarji taħt ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità (49).
III. It-Talbiet
46. Permezz ta’ rikors datat 25 ta’ Marzu 2024, il-Parlament talab li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż.
47. Il-Kummissjoni talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors, u tordna lill-Parlament Ewropew iħallas l-ispejjeż.
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
48. Fis‑26 ta’ Lulju 2024, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lill-Ungerija biex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.
49. Fl‑14 ta’ Ottubru 2025 saret seduta fejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Gvern Ungeriż ippreżentaw l-argumenti orali tagħhom.
V. Analiżi
50. Insostenn tar-rikors tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament jibbaża ruħu fuq tliet motivi, li l-ewwel wieħed minnhom huwa maqsum f’sitt partijiet. Permezz ta’ dawn il-motivi, il-Parlament jallega li l-Kummissjoni (i) kisret l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 15 tal-RDK u l-Anness III tiegħu, u wettqet żball manifest ta’ valutazzjoni; (ii) kisret id-dmir tagħha ta’ motivazzjoni; u (iii) użat il-poteri tagħha b’mod ħażin.
51. Qabel ma nibda l-analiżi tiegħi ta’ kull wieħed minn dawn il-motivi, l-ewwel se nindirizza diversi kwistjonijiet preliminari, li huma rilevanti għad-determinazzjoni ta’ kif għandha tipproċedi l-Qorti tal-Ġustizzja bl-istħarriġ ġudizzjarju fil-każ preżenti.
A. Kwistjonijiet preliminari
52. Il-Parlament u l-Kummissjoni ma qablux fuq l-istandard xieraq ta’ stħarriġ li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tapplika meta tevalwa d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-twettiq tal-kundizzjoni abilitanti relatata mal-indipendenza tal-ġudikatura skont l-RDK.
53. Il-Parlament iqis li tali evalwazzjoni teħtieġ stħarriġ sħiħ mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jivverifika biss jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ valutazzjoni (50).
54. Fil-prinċipju, l-intensità tal-istħarriġ imwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja tiddependi fuq il-grad ta’ deferenza li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-istituzzjoni tal-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni li qiegħda tiġi mistħarrġa. Dan, imbagħad, jiddependi fuq jekk il-liġi applikabbli tħallix diskrezzjoni lill-istituzzjoni fl-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, u sa liema punt. Fil-prinċipju, iktar ma tkun wiesgħa d-diskrezzjoni mogħtija lil istituzzjoni, inqas għandu jkun intrużiv l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, għaliex ikollha teżamina biss il-limiti ta’ dik id-diskrezzjoni.
55. F’dan ir-rigward, jidher li jistgħu jiġu identifikati żewġ passi differenti fir-rigward tal-kriterju tal-istat tad-dritt bħala parti mill-kondizzjonalità baġitarja.
56. Fl-ewwel pass, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (il-Kummissjoni waħedha skont l-RDK, u l-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni skont ir-Regolament RRF u r-Regolamenti dwar il-Kondizzjonalità) jistabbilixxu r-rekwiżiti speċifiċi li Stat Membru partikolari għandu jissodisfa – sabiex jiżgura ħlas mill-baġit – sabiex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.
57. F’dak l-istadju, kif qablu l-partijiet f’dawn il-proċeduri, il-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni li tevalwa s-sitwazzjoni fi Stat Membru u tiddeċiedi liema kundizzjonijiet huma meħtieġa u suffiċjenti biex jissalvagwardjaw l-interessi baġitarji tal-Unjoni Ewropea. Din id-diskrezzjoni, fl-ewwel lok, hija limitata mill-għan tal-kondizzjonalità tal-istat tad-dritt fil-kuntest baġitarju, li huwa li jiġi żgurat l-użu xieraq tal-fondi tal-Unjoni (51). Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-RDK, din id-diskrezzjoni hija ggwidata mill-Artikolu 9(1) tal-RDK, li jirrikjedi kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-Kummissjoni li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-konformità mal-Karta fl-implimentazzjoni tal-fondi, kif ukoll mill-Artikolu 15 u mill-Anness III tal-RDK, li jelenka l-kundizzjonijiet abilitanti orizzontali, inkluż il-KAO tal-Karta. Dawn id-dispożizzjonijiet jirrikjedu li l-Kummissjoni tiżgura l-osservanza tal-Karta, iżda ma jgħidu xejn dwar il-mezzi preċiżi biex tagħmel dan.
58. Għalhekk, il-Kummissjoni tgawdi minn ċertu diskrezzjoni fid-determinazzjoni ta’ dak li huwa meħtieġ biex tiżgura l-osservanza tal-KAO tal-Karta fi Stat Membru individwali u tista’ timponi, fil-limiti tad-diskrezzjoni tagħha, ir-rekwiżiti speċifiċi li dak l-Istat għandu jissodisfa qabel ma jkun permess il-ħlas mill-baġit.
59. Fir-rigward tal‑10 programmi proposti mill-Ungerija, il-Kummissjoni eżerċitat tali diskrezzjoni meta adottat id-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni. Kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, dawn id-deċiżjonijiet ma ġewx ikkontestati. Għalhekk, il-mod kif il-Kummissjoni eżerċitat id-diskrezzjoni tagħha meta adottat dawk id-deċiżjonijiet u stabbilixxiet rekwiżiti konkreti lill-Ungerija taħt il-KAO tal-Karta, ma huwiex inkwistjoni f’dan il-każ.
60. Din il-kawża teħtieġ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fit-tieni pass.
61. It-tieni pass, wara li l-Istat Membru li kien meħtieġ jieħu miżuri biex jikkonforma mal-KAO tal-Karta jinforma lill-Kummissjoni li ttieħdu tali miżuri, il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 15(4) tal-RDK, tevalwa jekk il-kundizzjonijiet miftiehma ġewx issodisfatti.
62. F’dan il-pass, il-Kummissjoni, fil-prinċipju, ma tgawdix minn diskrezzjoni. L-Artikolu 15(2) tal-RDK jipprevedi li kundizzjoni abilitanti tiġi ssodisfatta fejn jiġu ssodisfatti l-kriterji kollha relatati, li, fil-fehma tiegħi, jinkludu r-rekwiżiti speċifiċi tal-KAO tal-Karta stabbiliti fir-rigward ta’ Stat Membru partikolari f’deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni.
63. Fi kliem ieħor, ladarba l-Kummissjoni tkun stabbiliet ir-rekwiżiti speċifiċi fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni, din tista’ tiddeċiedi li tippermetti l-ħlas biss jekk dawk ir-rekwiżiti kollha jiġu ssodisfatti.
64. Dan ifisser li l-istħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiffoka fuq il-korrettezza tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sodisfazzjoni ta’ kull rekwiżit mill-Istat Membru. Dik hija evalwazzjoni fattwali li teħtieġ, f’dan il-każ, analiżi tar-riformi Ungeriżi. Parti mill-motivi tal-Parlament (pereżempju l-motiv tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar is-sistema tal-punti għall-elezzjoni tal-imħallfin jew il-motiv tiegħu dwar ir-regoli l-ġodda dwar l-elezzjoni tal-President tal-Kúria (il-Qorti Suprema)) jeħtieġu tali stħarriġ dwar in-natura xierqa tar-riformi Ungeriżi. Peress li l-Kummissjoni ma għandha ebda diskrezzjoni f’dak ir-rigward, is-sempliċi sejba ta’ żball fil-valutazzjoni jkollha twassal għall-annullament ta’ deċiżjoni. Fi kliem ieħor, biex jiġu żgurati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun issodisfatta li ma jkun hemm l-ebda żbalji fil-valutazzjoni, u mhux sempliċiment li ma jkun hemm l-ebda żbalji manifesti fil-valutazzjoni tal-emendi implimentati mill-Ungerija.
65. Madankollu, ħafna mill-ilmenti tal-Parlament f’din il-kawża ma humiex ta’ dik in-natura. Dik l-istituzzjoni ma hijiex qiegħda tikkontesta, jew għall-inqas mhux fil-maġġoranza tal-argumenti tagħha, il-valutazzjoni fattwali tal-Kummissjoni, minkejja li din tiddeskrivi l-motivi tagħha f’termini ta’ “valutazzjoni difettuża” (52). Ma hemm ebda kwistjoni dwar, pereżempju, jekk ċerti partijiet mil-leġiżlazzjoni Ungeriża kinux fis-seħħ fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Pjuttost, il-kwistjoni li wasslet għall-motivi tal-Parlament, essenzjalment, tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex ċertu diskrezzjoni biex tqassam il-fondi anki jekk ir-rekwiżiti imposti ma kinux ġew issodisfatti sal-aħħar dettall.
66. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal dik id-domanda tista’ tinsab biss meta titqies fid-dawl tal-għan tal-impożizzjoni tal-KAO tal-Karta, li hija dik li tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea jiġu protetti. F’dak ir-rigward, meta tadotta deċiżjoni li tneħħi s-sospensjoni tal-ħlasijiet, il-Kummissjoni għandu jkollha ċerta diskrezzjoni meta tiddeċiedi jekk għadux jeżisti riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, anki jekk xi wħud mir-rekwiżiti konkreti (għadhom) ma humiex – jew tal-inqas mhux kompletament – issodisfatti. Bl-istess mod, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll kwalunkwe żviluppi rilevanti oħra – kemm jekk ikunu żviluppi leġiżlattivi jew prattiċi fl-Istat Membru valutat – u għandu jkollha s-setgħa li tirrifjuta milli teħles il-fondi fuq il-bażi li dawk l-iżviluppi jnaqqsu jew jippreġudikaw ir-riformi konkreti li saru taħt il-KAO tal-Karta. Tali diskrezzjoni għandha tkun disponibbli għall-Kummissjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet partikolari li ma jistgħux jiġu mbassra minn qabel.
67. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tista’ twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha billi tieħu inkunsiderazzjoni l-“aġġustament għar-realtà” tal-Kummissjoni. Għal dak il-għan, jekk il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha li tneħħi s-sospensjoni tal-ħlas, tibda minn waħda mill-kundizzjonijiet konkreti stabbiliti fil-KAO tal-Karta, hija għandha tipprovdi raġunijiet għalfejn hija qieset madankollu li kull rekwiżit ġie essenzjalment issodisfatt biex b’hekk l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea ma jinsabux taħt riskju.
68. Tali spjegazzjoni mill-Kummissjoni hija dovuta fil-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni, għaliex, mingħajrha, ikun diffiċli li jiġi evalwat jekk ikunx meħtieġ stħarriġ ġudizzjarju fl-ewwel lok. Anki jekk tali deċiżjoni tkun formalment indirizzata biss lill-Istat Membru kkonċernat, hemm interessi pubbliċi ikbar wara dik id-deċiżjoni, fosthom it-tqassim ta’ flus pubbliċi. Għal dik ir-raġuni, u speċjalment f’sitwazzjonijiet fejn il-ħelsien tal-fondi kien preċedentement ġie sospiż, il-Kummissjoni għandha tagħti spjegazzjoni mhux biss lill-Ungerija, iżda liċ-ċittadini Ewropej kollha. Dak huwa wkoll argument favur ir-rekwiżit ta’ pubblikazzjoni ta’ tali deċiżjoni (53).
69. Dan premess, fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa jekk il-Kummissjoni, fil-fatt, iddeċidietx li teħles il-fondi minkejja li r-rekwiżiti konkreti taħt il-KAO tal-Karta għall-Ungerija ma kinux ġew issodisfatti, u jekk il-ġustifikazzjoni tagħha għalfejn żvijat minn ftit minn dawk ir-rekwiżiti hijiex biżżejjed biex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li ma fadalx iktar riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.
70. L-argumenti prinċipali mqajma mill-Parlament fl-ewwel motiv tiegħu huma (i) li l-Kummissjoni ma wettqitx bir-reqqa l-valutazzjoni tar-riformi leġiżlattivi fl-Ungerija li hija stess talbet fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni; (ii) li mhux ir-riformi kollha kienu għadhom ma daħħlu fis-seħħ fiż-żmien meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata; u (iii) li l-Kummissjoni ma kkunsidratx żviluppi rilevanti oħra li ma ġewx indirizzati fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni. L-argument prinċipali tal-Parlament fit-tieni motiv tiegħu huwa li r-raġunament meħtieġ fid-deċiżjoni kkontestata kien nieqes.
71. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għanda tkun iggwidata mis-segwenti fl-evalwazzjoni tagħha ta’ tali argumenti.
72. L-ewwel, fil-fehma tiegħi huwa ċar li l-Kummissjoni hija marbuta bir-rekwiżiti li hija stess stabbiliet għall-Ungerija fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni. Kif iddikjarat mill-Kummissjoni, kull wieħed mir-rekwiżiti speċifiċi, imfassla biex jirrispondu għal wieħed jew iktar min-nuqqasijiet identifikati, għandu jkollu rabta diretta mal-ġestjoni u mal-implimentazzjoni tal-fondi. Għalhekk, għandu jiġi preżunt li mingħajr it-twettiq ta’ dawn ir-rekwiżiti, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea jibqgħu f’riskju. F’dan ir-rigward, l-Ungerija għandha timplimenta r-riformi kollha indikati f’dawn id-deċiżjonijiet, u l-Kummissjoni ma tistax, fil-prinċipju, tirrilaxxa l-pagamenti qabel ma jseħħ dan.
73. It-tieni, kif ġie nnotat iktar ’il fuq, jista’ jkun riġidu wisq li wieħed jirrikjedi li r-riformi jiġu implimentati sal-aħħar dettall, peress li l-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li taġġusta l-valutazzjoni tagħha għal kull sitwazzjoni individwali. Madankollu, jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Ungerija, b’mod ġenerali, issodisfat ir-rekwiżiti tal-indipendenza ġudizzjarja sabiex il-fondi jkunu jistgħu jiġu rrilaxxati, hija għandha tispjega kif in-nuqqas ta’ twettiq ta’ ċerti kundizzjonijiet ma jirrappreżentax riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.
74. It-tielet, fejn il-Kummissjoni tkun talbet li Stat Membru jadotta emendi leġiżlattivi konkreti, kif għamlet fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni (54), din ma għandhiex, fil-prinċipju, tadotta deċiżjoni li tneħħi s-sospensjoni qabel ma l-leġiżlazzjoni meħtieġa tkun daħlet fis-seħħ. Bl-istess mod, jekk ir-rekwiżit jirrelata mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-prattika, il-Kummissjoni għandha tevalwa u tkun issodisfatta bl-implimentazzjoni fattwali tal-leġiżlazzjoni qabel ma tadotta deċiżjoni li tneħħi s-sospensjoni tal-ħlas. Jekk, għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li s-sempliċi proposta jew adozzjoni ta’ biċċa leġiżlazzjoni diġà tissodisfa r-rekwiżiti imposti qabel id-dħul fis-seħħ u/jew l-implimentazzjoni tagħha, hija għandha tispjega kif dan huwa l-każ.
75. Ir-raba’, fil-prinċipju, il-Kummissjoni ma tistax timponi rekwiżiti addizzjonali li ma kinux inklużi fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni bħala kundizzjonijiet ulterjuri għall-ħruġ ta’ fondi. Madankollu, jekk iseħħu żviluppi legali ġodda (bħal leġiżlazzjoni, każistika jew simili) fil-perijodu bejn l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tneħħi s-sospensjoni tal-ħlas, il-Kummissjoni għandha tikkunsidrahom, sakemm in-natura ta’ dawn l-iżviluppi tkun tali li tinfluwenza l-għan tar-riformi li kienu meħtieġa skont id-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni. Li wieħed jagħlaq għajnejh għal żviluppi bħal dawn ikun kuntrarju għall-għan tal-kondizzjonalità tal-istat tad-dritt. Dan imur ukoll kontra l-Artikolu 15(6) tal-RDK, li jobbliga lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-kundizzjonijiet abilitanti jibqgħu jkunu ssodisfatti u rispettati tul il-perijodu ta’ programmazzjoni.
76. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, issa ser neżamina kull waħda mill-allegazzjonijiet tal-Parlament fl-ordni li ressqithom fiha dik l-istituzzjoni fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
B. L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 15 tal-RDK u tal‑Anness III tiegħu, u żbalji manifesti ta’ valutazzjoni
77. L-ewwel motiv tal-Parlament huwa maqsum f’sitt partijiet, li jallegaw li (i) mhux l-emendi kollha kienu fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni kkontestata; (ii) il-valutazzjoni tar-riformi relatati mal-KNĠ kienet difettuża; (iii) il-valutazzjoni tar-riformi relatati mal-indipendenza tal-Kúria (il-Qorti Suprema) kienet difettuża; (iv) il-valutazzjoni tar-riformi relatati mal-ħatriet ġudizzjarji kienet difettuża; (v) il-valutazzjoni tar-riformi li jikkonċernaw ir-rinviji għal deċiżjonijiet preliminari kienet difettuża; u (vi) il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti għall-valutazzjoni.
1. L-ewwel parti tal-ewwel motiv: mhux l-emendi kollha kienu fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni kkontestata
a) Kwistjonijiet u argumenti ewlenin tal-partijiet
78. L-Artikolu 3(2) tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni jipprevedi li l-KAO tal-Karta titqies bħala ssodisfatta ladarba l-Ungerija tkun “daħħlet fis-seħħ l-emendi elenkati fihom u dawk l-emendi jkunu qed jiġu applikati”.
79. Il-Parlament isostni li l-Kummissjoni żbaljat meta adottat id-deċiżjoni kkontestata qabel ma d-Digriet 18/2023 dwar is-sistema ta’ allokazzjoni tal-kawżi tal-Kúria (il-Qorti Suprema) – li jistabbilixxi regoli dettaljati ta’ reġistrazzjoni u jiddeskrivi l-obbligu tal-qorti li tippubblika aġġornamenti kull ġimgħa fuq is-sit elettroniku tagħha – u t-Taqsima 35 tal-Att li jemenda l-liġijiet universitarji (l-Att LXXXV tal‑2023) – li neħħiet il-kliem “applikabbli fil-proċedura kriminali” mill-Punt 490(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali li l-Kummissjoni qieset bħala impediment biex jiġu ppreżentati rinviji għal domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja – saru applikabbli. Iż-żewġ atti daħlu fis-seħħ 61 jum wara l-pubblikazzjoni, jiġifieri, fis‑6 u fit‑13 ta’ Frar 2024, rispettivament.
80. Il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Att dwar ir-riformi ġudizzjarji (l-Att X tal‑2023), “kważi l-emendi kollha” meħtieġa mid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni kienu fis-seħħ u kienu qed jiġu applikati mill‑1 ta’ Ġunju 2023. Iż-żewġ emendi li kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huma, fil-fehma tal-Kummissjoni, sempliċiment kjarifiki addizzjonali ta’ miżuri diġà fis-seħħ. Il-Gvern Ungeriż, li intervjena insostenn tal-Kummissjoni, isostni li ż-żewġ emendi li jagħmel riferiment għalihom il-Parlament saru biex jiżguraw l-adozzjoni tar-regoli ddettaljati addizzjonali li ġew abbozzati u proposti abbażi ta’ valutazzjoni eżawrjenti mill-Kummissjoni.
81. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li ma setgħetx titlob kjarifiki addizzjonali, kif previst fl-Artikolu 15(4) tal-RDK, peress li dan huwa possibbli biss fil-każ ta’ valutazzjoni negattiva. Hija żżid li kienet talbet kjarifiki f’żewġ okkażjonijiet preċedenti, li diġà kienu pposponew id-deċiżjoni tagħha għal żmien ferm itwal mill-perijodu ta’ tliet xhur meħtieġa skont dik id-dispożizzjoni.
b) Analiżi
82. L-Artikolu 15(4) tal-RDK jirrikjedi li, “mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 3 xhur” minn meta tirċievi l-informazzjoni rilevanti, il-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni u tinforma lill-Istat Membru inkwistjoni jekk taqbilx mal-awtovalutazzjoni ta’ dan tal-aħħar dwar l-issodisfar minnu tal-KAO. Madankollu, meta l-Kummissjoni ma jkollhiex biżżejjed informazzjoni biex tieħu deċiżjoni pożittiva jew negattiva, ma hemm xejn li jżommha milli titlob informazzjoni addizzjonali, kif il-Kummissjoni fil-fatt għamlet f’żewġ okkażjonijiet preċedenti fil-proċedimenti preżenti (ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
83. It-tieni, it-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 15(4) tal-RDK jirregolaw biss il-proċedura fil-każ ta’ valutazzjoni negattiva mill-Kummissjoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni, u l-RDK b’mod iktar ġenerali, ma jgħidu xejn dwar il-possibbiltà li l-Kummissjoni titlob kjarifiki addizzjonali.
84. Fil-fehma tiegħi, huwa fl-interess tal-Istat Membru inkwistjoni daqs kemm huwa fl-interess tat-twettiq effettiv u rapidu tal-proċedura, li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li titlob iktar kjarifiki qabel ma tasal għal deċiżjoni pożittiva jew negattiva. Jekk il-Kummissjoni ma jkollhiex biżżejjed informazzjoni, hija ma tistax tasal għal deċiżjoni pożittiva u, għalhekk, fl-interess tal-implimentazzjoni xierqa tal-baġit tal-Unjoni, tista’ biss tadotta waħda negattiva. F’xenarju bħal dan, il-proċedura kollha jkollha tibda mill-ġdid, u b’hekk il-Kummissjoni jkollha tliet xhur oħra biex tasal għal deċiżjoni wara li l-Istat Membru inkwistjoni jkun informaha bl-implimentazzjoni tiegħu tar-riformi meħtieġa.
85. F’dan is-sens, ir-rekwiżit għal kjarifika, għalhekk, mhux neċessarjament itawwal il-perijodu għad-detriment tal-Istat Membru, iżda pjuttost jippermetti li l-Kummissjoni tasal għal deċiżjoni pożittiva iktar malajr. Għal din ir-raġuni, u bil-kontra ta’ dak li sostniet il-Kummissjoni, is-sospensjoni tal-proċedura waqt li tkun qed tistenna l-kjarifika, jew id-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni ġdida, ma tikkostitwixxix ksur tad-dritt ta’ Stat Membru li jirċievi valutazzjoni motivata mill-iktar fis possibbli.
86. Dan ifisser li, skont l-RDK, il-Kummissjoni la kienet imwaqqfa milli titlob kjarifiki addizzjonali, u lanqas ma kienet imwaqqfa milli tistenna d-dħul fis-seħħ tar-riformi inkwistjoni qabel ma adottat id-deċiżjoni pożittiva.
87. Fid-dawl ta’ dan, għandu jitfakkar li d-Digriet 18/2023 u l-Artikolu 35 tal-Att li jemenda l-liġijiet universitarji (l-Att LXXXV tal‑2023) it-tnejn saru applikabbli fi Frar 2024. Il-fatt li l-Kummissjoni kienet insistiet fuq iż-żieda ta’ dawk l-emendi fil-leġiżlazzjoni jirrifletti li l-Kummissjoni kienet tara lil tali emendi bħala mhux sempliċiment “addizzjonali” iżda pjuttost bħala “neċessarji” – u b’hekk, bħala li jifformaw parti mill-aspetti “li għandhom jiġu applikati” qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe valutazzjoni pożittiva.
88. Peress li kienu għadhom mhux qed jiġu applikati, li kien parti mill-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni, il-Kummissjoni kisret l-obbligi tagħha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata qabel iż-żmien, mingħajr ma pprovdiet ebda ġustifikazzjoni għal tali deċiżjoni.
89. Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel submotiv bħala fondat.
2. It-tieni parti tal-ewwel motiv: valutazzjoni żbaljata tar-riformi li jikkonċernaw il-KNĠ
a) Kwistjonijiet u argumenti ewlenin tal-partijiet
90. Fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni, il-Kummissjoni sabet li l-ħolqien tal-UNĠ – li jamministra l-qrati u huwa mmexxi minn president b’setgħat amministrattivi wesgħin – joħloq riskju ċar ta’ deċiżjonijiet arbitrarji rigward il-karrieri tal-imħallfin, inklużi t-trasferimenti u t-tneħħija tagħhom mill-grupp ta’ mħallfin li jisimgħu każijiet amministrattivi (55). Minħabba dan ir-riskju, l-Artikolu 3(3) tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni jirrikjedi emendi leġiżlattivi li jistabbilixxu setgħat iktar b’saħħithom għall-KNĠ sabiex ikun jista’ jeżerċita b’mod effettiv ir-rwol kostituzzjonali tiegħu fis-superviżjoni tal-UNĠ. B’mod partikolari, il-punt (b) tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni jirrikjedi li l-KNĠ jingħata kapaċità legali sħiħa u awtonomija baġitarja. Il-punt (d) tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tagħhom jirrikjedi li l-Ungerija tagħmel bidliet fir-regoli li jirregolaw l-elezzjoni tal-imħallfin għall-KNĠ, u l-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) jirrikjedi li l-KNĠ jingħata s-setgħa li jagħti opinjonijiet vinkolanti dwar regolamenti relatati mas-sistema ta’ punti għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal pożizzjonijiet ġudizzjarji.
91. Sabiex tissodisfa dawn ir-rekwiżiti, l-Ungerija adottat it-Taqsima 45 tal-Att dwar ir-riformi ġudizzjarji (l-Att X tal-2023), li bih saħħet l-indipendenza amministrattiva u finanzjarja tal-KNĠ (56). Madankollu, din l-emenda pprovdiet li, għal perijodu ta’ disa’ xhur mid-dħul fis-seħħ tagħha, il-kompiti baġitarji tal-KNĠ jitwettqu proviżorjament mill-UNĠ (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ inkubazzjoni”). Dan il-perijodu ntemm fl‑1 ta’ Marzu 2024, wara li ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.
92. Il-Parlament iqis li l-valutazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dawk it-tliet riformi kienet difettuża. Fir-rigward tal-kapaċità legali u tal-awtonomija finanzjarja tal-KNĠ, dan iqis li d-deċiżjoni kkontestata kienet prematura. Fir-rigward tar-regoli elettorali l-ġodda għall-membri tal-KNĠ, li kienu skedati li jidħlu fis-seħħ biss f’Jannar 2024, il-Parlament bl-istess mod iqis li l-Kummissjoni ma setgħetx tadotta d-deċiżjoni kkontestata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli. Fir-rigward tal-opinjoni vinkolanti dwar is-sistema ta’ punti, il-Parlament iqis li l-att ma jfissirx s-sistema ta’ punti eżistenti għandhom jiġu ssostitwiti f’terminu speċifiku, li jfisser li s-sistema attwali tista’ tinżamm b’mod indefinit.
93. Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Ungerija, targumenta li l-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal-2023), li daħal fis-seħħ qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, introduċa r-riformi meħtieġa, li ffokaw fuq l-għoti ta’ setgħat estiżi lill-KNĠ fuq l-UNĠ. Il-perijodu ta’ inkubazzjoni ta’ disa’ xhur kien jikkonċerna biss kwistjonijiet ta’ ġestjoni u ta’ organizzazzjoni, li ma jipprevjenux lill-KNĠ milli teżerċita s-setgħat ġodda tagħha fuq l-UNĠ. Ir-rekwiżiti relatati mal-elezzjoni tal-membri tal-KNĠ kienu biss marġinali, u fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda raġuni għalfejn tqis li l-kapaċità u l-indipendenza tal-KNĠ żammewha milli teżerċita l-funzjonijiet meħtieġa ta’ kontroll fuq l-UNĠ. Fl-aħħar, il-Kummissjoni ma tqisx li l-fatt li ma talbitx li s-sistema ta’ punti tinbidel f’terminu speċifiku jikkostitwixxi difett fir-rigward tal-KAO tal-Karta, u huwa għalhekk li ma stabbilixxietx dan bħala rekwiżit fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni.
b) Analiżi
94. L-ewwel żewġ ilmenti mill-Parlament jirrelataw man-natura prematura tad-deċiżjoni kkontestata. F’konformità mal-proposta tiegħi mogħtija fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, u fl-assenza ta’ kwalunkwe motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata li jispjega għalfejn il-Kummissjoni ma stennietx li dawn ir-riformi jidħlu fis-seħħ jew jiġu implimentati, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li l-Kummissjoni applikat il-liġi b’mod żbaljat.
95. Fir-rigward tal-opinjoni vinkolanti dwar ir-regolamentazzjoni tas-sistema tal-punti, naqbel mal-Kummissjoni li d-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni ma kinux jeħtieġu riforma immedjata ta’ din is-sistema, iżda sempliċement kienu jipprovdu li l-KNĠ għandu jingħata s-setgħa li jagħti opinjonijiet vinkolanti fir-rigward ta’ kwalunkwe riforma ta’ dik is-sistema. Peress li dan l-aspett tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni ma ġiex ikkontestat wara l-adozzjoni tagħhom, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-aspett tat-tieni parti tal-ewwel motiv tal-Parlament.
96. Abbażi ta’ dak li ntqal, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ parzjalment it-tieni parti tal-ewwel motiv bħala fondat.
3. It-tielet parti tal-ewwel motiv: valutazzjoni żbaljata tar-riformi dwar l-indipendenza tal-Kúria (il-Qorti Suprema)
a) Kwistjonijiet u argumenti ewlenin tal-partijiet
97. Fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni, il-Kummissjoni sabet li l-indipendenza ġudizzjarja kienet ġiet partikolarment imminata bħala riżultat tas-setgħat diskrezzjonali estensivi attribwiti lill-President tal-Kúria (il-Qorti Suprema) fir-rigward kemm tal-ħatra ta’ mħallfin għal funzjonijiet maniġerjali kif ukoll tal-allokazzjoni tal-kawżi (57). Abbażi ta’ dan, l-Artikolu 3(4) tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni talab sensiela ta’ emendi dwar ir-regoli relatati mal-elezzjoni tal-President tal-Kúria (il-Qorti Suprema) (58) u s-sistema ta’ allokazzjoni tal-kawżi ta’ dik il-qorti (59).
98. Fir-rigward tal-elezzjoni tal-President tal-Kúria (il-Qorti Suprema), il-Parlament isostni li l-Kummissjoni ma vvalutatx b’mod adegwat, qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-potenzjal li l-President attwali tal-Kúria (il-Qorti Suprema) jinżamm fil-kariga b’mod indefinit permezz ta’ deċiżjoni ta’ minoranza ta’ terz tal-Országgyűlés (l-Assemblea Nazzjonali) (60).
99. Fir-rigward tas-sistema ta’ allokazzjoni tal-kawżi, il-Parlament iqajjem erba’ lmenti. L-ewwel, l-allokazzjoni tal-kawżi lill-awli mingħajr intervent uman ma kinitx għal kollox awtomatika skont it-Taqsima 18 tal-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal‑2023) (61), proċedura li ma kinitx ġiet implimentata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, f’Ottubru 2023, il-Kummissjoni talbet lill-Ungerija tipprovdi konferma bil-miktub minn espert forensiku indipendenti jew minn professjonist ekwivalenti ieħor li l-kawżi ppreżentati b’mod elettroniku jingħataw numru tal-kawża mingħajr intervent uman. Dan ir-rapport tal-espert ma kienx ġie pprovdut fiż-żmien tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni, il-Parlament isostni li s-sistema hija nieqsa mit-trasparenza għaliex ir-rapporti ppubblikati kull ġimgħa mill-Kúria (il-Qorti Suprema) fuq is-sit elettroniku tagħha fihom data mhux kompluta u dik il-qorti ma għandhiex pjanijiet li tippubblika r-raġunijiet għall-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi lil awla oħra. Fejn ġiet applikata eċċezzjoni, l-unika dikjarazzjoni tar-raġunijiet ippubblikata kienet indikazzjoni tad-dispożizzjoni legali applikata fil-kawża. Il-Parlament isostni wkoll li meta l-kawżi jiġu assenjati mill-ġdid minħabba l-ammont ta’ xogħol, ma jkun hemm l-ebda mod kif jiġi vverifikat jekk l-awla oriġinali kinitx verament mgħobbija żżejjed. Barra minn hekk, is-sistema ta’ allokazzjoni tal-kawżi għandha, f’każijiet ta’ deroga, tirreġistra d-deċiżjoni fil-fajl tal-kawża u tagħmilha disponibbli għall-partijiet. Madankollu, il-Parlament jinnota li mhux ċar jekk tali rekords jinħolqux, jew, jekk jinħolqu, jekk fihomx biżżejjed dettall sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jevalwaw jekk id-deroga hijiex konformi mar-regoli ġenerali. It-tielet, mill‑1 ta’ Jannar 2024, ir-regoli tal-allokazzjoni tal-kawżi ppermettew it-twaqqif ta’ awli ġodda kompetenti biex jisimgħu kawżi relatati mal-elezzjonijiet fil-kuntest tal-elezzjonijiet Parlamentari u muniċipali tal‑2024 (62). Il-Parlament jallega li ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli dwar il-kompożizzjoni ta’ dawn l-awli. Ir-raba’, il-Parlament jallega li, fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni, il-Kummissjoni injorat il-fatt li jista’ jkun hemm kwistjonijiet bis-sistema ta’ ġestjoni tal-kawżi fil-qrati ta’ livell inferjuri, kif ġie indikat fir-rapport tal‑2023 dwar l-istat tad-dritt (63).
100. Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Ungerija, issostni li d-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni ma fihomx rekwiżit ta’ tneħħija iktar bikrija tal-President tal-Kúria (il-Qorti Suprema), u fi kwalunkwe każ, il-mandat tiegħu ser jiskadi fl‑2028. Rigward is-sistema ta’ allokazzjoni tal-kawżi, il-Kummissjoni ssostni li l-Ungerija implimentat ir-rekwiżiti kollha stabbiliti fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni, u l-assenza ta’ kwalunkwe intervent uman ma kinitx rekwiżit għall-allokazzjoni tal-kawżi. Pjuttost, dawk id-deċiżjonijiet kienu jeħtieġu biss li l-kawżi ppreżentati b’mod elettroniku jiġu nnumerati mingħajr intervent uman. Barra minn hekk, il-log fajls ta’ kull ġimgħa ppubblikati fuq is-sit elettroniku ta’ dik il-qorti jikkonfermaw li l-kawżi ppreżentati b’mod elettroniku jingħataw numru tal-kawża sekwenzjali fl-ordni li jaslu fih u li jiġu allokati lill-awli abbażi tal-istess ordni. Barra minn hekk, meta ssir deroga speċifika, il-partijiet jingħataw informazzjoni dwar ir-raġunijiet applikabbli għad-deroga. Fir-rigward tad-deroga dwar l-ammont ta’ xogħol, il-Kummissjoni tiddikjara li d-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni kienu jeħtieġu li tkun disponibbli data oġġettiva, rekwiżit li ġie ssodisfatt minn mindu l-KNĠ ingħata s-setgħa li joħroġ opinjonijiet vinkolanti dwar l-iskedi tad-data u l-metodi għall-evalwazzjoni tal-ammont ta’ xogħol tal-imħallfin. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li ma setgħetx tkun konxja, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, bil-possibbiltà li jitwaqqfu awli ġodda fis-sistema ta’ allokazzjoni tal-kawżi li saret possibbli biss mill‑1 ta’ Jannar 2024. Finalment, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ċertu titjib huwa meħtieġ fil-qrati ta’ livell inferjuri, iżda ma inkludietx dak ir-rekwiżit fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni peress li qieset li kien biżżejjed li tikkonċentra fuq il-funzjonament tajjeb tal-Kuria (il-Qorti Suprema), li huwa l-iktar element importanti għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-programmi inkwistjoni.
b) Analiżi
101. Skont l-Artikolu 36(1) tal-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal-2023) (64), l-Ungerija adottat l-emendi li l-Kummissjoni esiġiet fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tagħha. Dawn l-emendi ma talbux għat-tneħħija tal-President attwali tal-Kúria (il-Qorti Suprema), li l-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, ma tistax titlob peress li dan imur kontra l-prinċipju ta’ irremovabbiltà taħt il-liġi tal-Unjoni (65). Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-President eżistenti seta’ jibqa’ fil-kariga b’mod indefinit sakemm ma tinkisibx il-maġġoranza meħtieġa fl-Országgyűlés (l-Assemblea Nazzjonali) sabiex jinħatar President ġdid huwa wisq ipotetiku u ma jiġġustifikax il-konklużjoni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ valutazzjoni – billi qieset li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tissodisfa r-rekwiżiti tal-KAO tal-Karta – li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Dan huwa iktar u iktar il-każ, peress li d-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni ma kinux jeħtieġu li s-sistema tal-elezzjoni tal-President tal-Kúria (il-Qorti Suprema) mill-fl-Országgyűlés (l-Assemblea Nazzjonali) tinbidel.
102. Għalhekk, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad dan l-argument tal-Parlament.
103. Fir-rigward tal-awtomazzjoni tal-allokazzjoni tal-kawżi, bl-introduzzjoni tat-Taqsima 18 tal-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal‑2023) (66), l-Ungerija adottat ir-rekwiżit tal-Kummissjoni stabbilit mid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni. Madankollu, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-Ungerija ma pprovdietx rapport ta’ espert indipendenti li jiċċertifika li l-kawżi ppreżentati elettronikament fil-fatt jirċievu numru tal-kawża mingħajr intervent uman, kundizzjoni li fuqha kienet insistiet il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar ir-raġuni għalfejn ma infurzatx dan ir-rekwiżit (67).
104. Għalhekk, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tilqa’ t-talba tal-Parlament bħala fondata.
105. Fir-rigward tat-trasparenza tas-sistema ta’ allokazzjoni tal-kawżi, l-Ungerija wettqet ir-riformi tal-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal‑2023) billi adottat id-Digriet 18/2023, li kien għadu ma ġiex applikat fiż-żmien meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata (kif diġà nnotat b’rabta mal-ewwel parti tal-ewwel motiv). Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx raġonevolment tikkonkludi li r-rekwiżiti stabbiliti fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni kienu ġew issodisfatti.
106. Barra minn hekk, il-Parlament jallega li r-regoli l-ġodda dwar l-iskema ta’ allokazzjoni tal-kawżi saru applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2024, li ssostitwew ir-regoli minn Diċembru 2023, u jinkludu t-twaqqif ta’ awli ġodda biex jisimgħu kawżi relatati mal-elezzjonijiet fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament u dawk muniċipali. Il-Kummissjoni ssostni li ma kinitx konxja tal-bidliet, iżda l-ittri tagħha skambjati mal-Ungerija juru li l-Kummissjoni kienet ġiet informata bihom. Kienet taf ukoll li s-sistema l-ġdida ta’ allokazzjoni tal-kawżi kienet se tidħol fis-seħħ biss bl-emenda li jmiss għas-sistema ta’ allokazzjoni tal-kawżi tal-Kúria (il-Qorti Suprema), li kienet maħsuba biex tidħol fis-seħħ wara li tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, hemm indikazzjonijiet oġġettivi li l-Kummissjoni kienet taf li l-iskema ta’ allokazzjoni kienet se tkun differenti minn dik li kienet talbet, iżda xorta waħda għaġġlet biex tagħti valutazzjoni pożittiva mingħajr ma kkonfermat li l-iskema xierqa kienet qed tiġi applikata jew, tal-inqas, mingħajr ma ddikjarat għalfejn tali deroga kienet aċċettabbli.
107. Għal din ir-raġuni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ dawn iż-żewġ talbiet imressqa mill-Parlament.
108. Finalment, peress li l-Kummissjoni ma inkludiet l-ebda rekwiżit rigward il-ġestjoni tal-kawżi fil-qrati ta’ livell inferjuri, l-Ungerija ma kinitx obbligata li tintroduċi riformi bħal dawn skont l-RDK.
109. Għalhekk, dik it-talba tal-Parlament għandha tiġi miċħuda.
110. Abbażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ parzjalment it-tielet parti tal-ewwel motiv bħala fondat.
4. Ir-raba’ parti tal-ewwel motiv: valutazzjoni żbaljata tar-riformi relatati mal-ħatriet ġudizzjarji
a) Kwistjonijiet u argumenti ewlenin tal-partijiet
111. L-Artikolu 3(4) tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni jirrikjedi, fost affarijiet oħra, li l-Ungerija tneħħi l-possibbiltà li l-membri tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) jinħatru fil-Kúria (il-Qorti Suprema) mingħajr ma tiġi segwita l-proċedura normali ta’ applikazzjoni.
112. Il-Parlament jikkritika lill-Kummissjoni talli ma talbitx lill-Ungerija tneħħi l-possibbiltà għall-membri tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali), li kienu jippresjedu f’dik il-qorti qabel ir-riformi ġudizzjarji introdotti bit-Taqsima 59 tal-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal‑2023), li jkomplu l-karrieri tagħhom bħala mħallfin ordinarji fil-qrati tal-appell tal-għażla tagħhom. Fl-istess waqt, il-membri tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) maħtura wara d-dħul fis-seħħ tal-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal‑2023) ma jistgħux jiġu ttrasferiti għall-qrati tal-appell, filwaqt li dawk li kienu diġà qed iservu f’dik il-qorti qabel l-adozzjoni tal-att jistgħu jiġu ttrasferiti.
113. Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Ungerija, issostni li l-valutazzjoni tagħha kienet iffokata fuq il-proċess tal-ħatra għall-imħallfin tal-Kúria (il-Qorti Suprema), u mhux fuq il-membri tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali). Hija ssostni wkoll li l-possibbiltà għall-membri tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) mingħajr esperjenza ġudizzjarja preċedenti li jkomplu l-karriera tagħhom fil-qrati tal-appell, mingħajr ma jkollhom jgħaddu mill-proċedura ordinarja tal-ħatra ġudizzjarja, ma hijiex ta’ natura tali li tista’ ddgħajjef l-indipendenza ġudizzjarja fl-Ungerija.
b) Analiżi
114. Jiena inqis li l-Ungerija implimentat biss parzjalment ir-riforma meħtieġa mill-Kummissjoni, peress li r-regoli l-ġodda japplikaw biss għall-membri futuri tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali), iżda ma jaffettwawx lil dawk li diġà qed iservu f’dik il-qorti. Għalhekk, il-Kummissjoni messha żgurat li l-Ungerija implimentat bis-sħiħ ir-rekwiżiti li kienet stabbiliet għal dak l-Istat Membru fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni, li fil-fehma tiegħi kienu maħsuba biex japplikaw bl-istess mod għall-membri kollha tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali)li jservu f’dik il-Qorti qabel u wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni rilevanti tal-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal‑2023).
115. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Kummissjoni naqset milli tapplika dak ir-rekwiżit impost fuq l-Ungerija, u għal din ir-raġuni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ r-raba’ parti tal-ewwel motiv bħala fondat.
5. Il-ħames parti tal-ewwel motiv: valutazzjoni żbaljata tar-riformi li jikkonċernaw ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari
a) Kwistjonijiet u argumenti prinċipali tal‑partijiet
116. L-Artikolu 3(2)(c) tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni jirrikjedi li l-Ungerija (skont l-Artikolu 3(2)(c)(i)) li temenda t-Taqsimiet 666 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali sabiex titneħħa l-possibbiltà għall-Kúria (il-Qorti Suprema) li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni ta’ mħallef ta’ qorti inferjuri li jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, u li (skont l-Artikolu 3(2)(c)(ii)) li temenda t-Taqsima 490 ta’ dak il-kodiċi dwar is-sospensjoni tal-proċeduri, sabiex jitneħħa kwalunkwe ostaklu li jimpedixxi lil qorti milli tagħmel rinviju preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.
117. Il-Parlament isostni li r-riformi introdotti mit-Taqsimiet 63 (68) u 64 (69) tal-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal-2023) ma jinvalidawx espressament id-Deċiżjoni ta’ preċedent Bt.III.838/2019/11 tal-Kúria (il-Qorti Suprema), li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienet tikser id-dritt tal-Unjoni (70), u li jista’ jkollha effett dissważiv fuq l-imħallfin li jikkunsidraw li jagħmlu rinviji għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ dan l-argument, il-Parlament jinvoka t-Taqsima 3 tal-Att li jemenda l-liġijiet universitarji (l-Att LXXXV tal-2023), li introduċiet il-possibbiltà għall-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) li tipprovdi opinjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qafas ta’ proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, dwar kwistjonijiet bħall-identità nazzjonali, is-sigurtà u s-sovranità. Fil-fehma tal-Parlament, jekk tinqara flimkien mal-liġi dwar il-protezzjoni tas-sovranità nazzjonali (il-Liġi LXXXVIII tal‑2023), li ġiet adottata matul l-istess sessjoni tal-Országgyűlés (l-Assemblea Nazzjonali), dik l-emenda tista’ tinftiehem bħala sinjal lill-imħallfin ordinarji li l-kwistjonijiet dwar din il-materja għandha tiddeċidihom il-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali), u b’hekk jista’ jkollha effett dissważiv fuq l-imħallfin li jikkunsidraw li jagħmlu rinviji għal deċiżjoni preliminari dwar kwistjonijiet relatati. Barra minn hekk, il-Parlament isostni li l-partijiet tar-riforma li kienu maħsuba biex ineħħu l-ostakli għas-sottomissjoni ta’ rinviji għal deċiżjonijiet preliminari – b’mod partikolari, il-parti li tikkonċerna t-tneħħija tad-dikjarazzjoni “applikabbli fil-proċeduri kriminali” mill-Paragrafu 490(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali – ma kinux għadhom applikabbli fil-jum li ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, peress li ġew introdotti biss permezz tat-Taqsima 35 tal-Att li jemenda l-liġijiet universitarji (l-Att LXXXV tal‑2023), li daħal fis-seħħ fl‑2024.
118. Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Ungerija, hija tal-fehma li l-emendi leġiżlattivi, li daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2023 meta ġew adottati t-Taqsimiet 63 u 64 tal-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal‑2023), kienu diġà neħħew kwalunkwe dubju dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari li jagħmel riferiment għalihom ir-rikorrent. Il-Kummissjoni tqis ukoll li, abbażi kemm ta’ dawk ir-riformi leġiżlattivi kif ukoll tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża IS (Illegalità tad-deċiżjoni tar-rinviju), ma jistax jiġi argumentat li d-Deċiżjoni Bt.III.838/2019/11 tal-Kúria (il-Qorti Suprema) xorta għandha effett dissważiv fuq l-imħallfin. Għal dak il-għan, sabiex tiżgura li ma jibqa’ l-ebda dubju raġonevoli, l-Ungerija adottat l-Artikolu 35 tal- Att li jemenda l-liġijiet universitarji (l-Att LXXXV tal‑2023), li bih neħħiet il-kliem “applikabbli fil-proċedura kriminali” mill-Paragrafu 490(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. Għalkemm din l-emenda speċifika daħlet fis-seħħ wara d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni temmen li l-ostakli ewlenin għar-rinviji għal deċiżjoni preliminari introdotti mid-Deċiżjoni ta’ preċedent tal-Kúria (il-Qorti Suprema) kienu diġà tneħħew permezz tat-Taqsimiet 63 u 64 tal-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal‑2023), li l-Parlament ma kkontestax. Fir-rigward tat-tneħħija tardiva mill-Artikolu 35 tal-Att li jemenda l-liġijiet universitarji (l-Att LXXXV tal‑2023) tal-kliem possibbilment qarrieqi fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-Kummissjoni tispjega li kien diġà ċar mill-memorandum ta’ spjegazzjoni għal dak il-kodiċi li kwalunkwe kwistjoni tista’ tiġi riferuta lill-Qorti tal-Ġustizzja (71). Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li l-Parlament naqas milli juri kif l-imħallfin nazzjonali huma preklużi milli jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-emenda leġiżlattiva li tippermetti lill-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) tipprovdi opinjoni interpretattiva lill-Qorti tal-Ġustizzja.
b) Analiżi
119. Nifhem li l-Artikolu 63 tal-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal-2023) ma neħħiex għal kollox l-ostakli li jikkonċernaw ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, u huwa għalhekk li l-Ungerija sussegwentement adottat l-Artikolu 35 tal-Att li jemenda l-liġijiet universitarji (l-Att LXXXV tal-2023), li bih ħassret il-kliem “applikabbli fil-proċeduri kriminali”. B’hekk, il-Parlament huwa korrett meta jiddikjara li r-riforma leġiżlattiva meħtieġa ma kinitx għadha fis-seħħ fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni li t-tħassib ewlieni tagħha rigward ir-rinviji għal deċiżjonijiet preliminari kien diġà ġie indirizzat permezz ta’ riformi oħra mwettqa mill-Ungerija, u li l-promulgazzjoni tat-Taqsima 35 – li kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ fiż-żmien li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata – kienet sempliċement korrezzjoni addizzjonali tal-kliem potenzjalment qarrieqi mill-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali setgħet, fil-prinċipju, tiġi aċċettata. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda ġustifikazzjoni dwar għalfejn ma stennietx id-dħul fis-seħħ tal-Att li jemenda l-liġijiet universitarji (l-Att LXXXV tal-2023) qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata.
120. Minħabba f’hekk, insib li t-talba tal-Parlament hija fondata.
121. Barra minn hekk, bl-adozzjoni tat-Taqsima 3 tal-Att li jemenda l-liġijiet universitarji (l-Att LXXXV tal-2023), l-Ungerija stabbilixxiet il-possibbiltà għall-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) li tipprovdi opinjoni dwar kwistjonijiet ta’ sovranità nazzjonali meta tqum kwistjoni bħal din fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni kienet konxja ta’ din l-emenda, li daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Diċembru 2023, senjatament jum wara li ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. L-intenzjoni u l-mod kif se tiġi applikata din il-kompetenza ġdida pprovduta lill-Qorti Kostituzzjonali biex tipprovdi opinjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mas-sovranità nazzjonali ma kinux oġġettivament ċari meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, u lanqas ma huma ċari llum. Fid-dawl ta’ dan, kif iddikjara l-Parlament, dispożizzjoni bħal din jista’ tabilħaqq ikollha effett dissważiv fuq l-imħallfin nazzjonali, u tista’ tiskoraġġihom milli jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja meta jidhrilhom li tali rinviju jkun neċessarju sabiex jirrisolvu tilwim li jinvolvi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
122. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx toħroġ valutazzjoni pożittiva tar-riforma leġiżlattiva tal-Ungerija mingħajr ma tistabbilixxi l-effett reali ta’ din ir-regola l-ġdida.
123. Abbażi ta’ dan, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ħames parti tal-ewwel motiv bħala fondat.
6. Is-sitt parti tal-ewwel motiv: l-elementi rilevanti ma ġewx ikkunsidrati fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni
a) Kwistjonijiet u argumenti ewlenin tal-partijiet
124. Il-Parlament isostni li l-Kummissjoni llimitat il-valutazzjoni tagħha biss għal-lista ta’ kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni mingħajr ma kkunsidrat żviluppi sinifikanti oħra li seħħew bejn l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni u d-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, il-Parlament isostni li ma hemm l-ebda evidenza li l-Kummissjoni kkunsidrat il-Liġi dwar il-Protezzjoni tas-Sovranità (il-Liġi LXXXVIII tal‑2023) tal-Ungerija (72), li fil-fehma tiegħu tidħol fil-kompetenzi kostituzzjonali tal-istituzzjonijiet tal-istat, inklużi l-qrati, billi toħloq Uffiċċju għall-protezzjoni tas-sovranità nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) (73) b’setgħat wesgħin biex jinvestiga kwalunkwe attività li jqis kuntrarja għas-sovranità nazzjonali. It-Taqsima 8(2) ta’ dik il-liġi tikklassifika l-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju bħala mhux amministrattivi, bir-riżultat li ma jistgħux jiġu kkontestati quddiem qorti amministrattiva. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet jew ir-rapporti tiegħu ma humiex suġġetti għal xi stħarriġ ġudizzjarju. Konsegwentement, il-Parlament jargumenta li l-Kummissjoni kellha tikseb assigurazzjonijiet qabel ma toħroġ il-valutazzjoni pożittiva tagħha. Barra minn hekk, il-Parlament jallega li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni ma kkunsidratx it-tħassib imqajjem fil-qafas tas-Semestru Ewropew u l-Mekkaniżmu tal-Istat tad-Dritt tal‑2023, li ġew wara d-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni. Finalment, il-Parlament jallega wkoll li din il-valutazzjoni injorat ukoll il-fatt li r-riformi ġudizzjarji twettqu mingħajr konsultazzjonijiet adegwati mal-partijiet interessati.
125. Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Ungerija, issostni li l-kwistjonijiet imqajma mill-Parlament ma humiex rilevanti peress li ma jwasslux għall-konklużjoni li l-emendi adottati ma jipprovdux il-garanziji meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mal-Karta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Parlament ma weriex li l-Liġi dwar il-Protezzjoni tas-Sovranità (il-Liġi LXXXVIII tal-2023) għandha xi konnessjoni mal-indipendenza ġudizzjarja fl-Ungerija. B’mod addizzjonali, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-Parlament naqas milli jidentifika n-nuqqasijiet ġodda mqajma fil-qafas tas-Semestru Ewropew u l-Mekkaniżmu tal-Istat tad-Dritt tal‑2023, u ma spjegax kif dawn setgħu jitqiesu bħala sistemiċi u serji biżżejjed biex jiġi konkluż li l-KAO tal-Karta ma ġietx issodisfatta. Fl-aħħar, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-fatt li r-riformi ġudizzjarji twettqu mingħajr konsultazzjonijiet adegwati mal-partijiet interessati ma setax legalment jiġġustifika valutazzjoni li l-KAO tal-Karta ma hijiex issodisfatta.
126. Il-Gvern Ungeriż isostni fl-intervent tiegħu li d-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni ma kinux jeħtieġu konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, u huwa għalhekk li l-Ungerija ma pprovdiet l-ebda prova ta’ tali konsultazzjonijiet fl-awtovalutazzjoni tagħha. Madankollu, l-abbozz tal-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal-2023) ġie ppreżentat għal konsultazzjoni soċjali bejn it‑18 ta’ Jannar u t‑3 ta’ Frar 2023 u l-Ungerija kienet innotifikat lill-Kummissjoni dwar l-opinjonijiet bil-miktub li rċeviet, u wettqet konsultazzjonijiet orali mar-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet inklużi soċjetajiet ċivili.
b) Analiżi
127. Kif ikkonfermat waqt is-seduta, fl‑2023, il-Kummissjoni kienet konxja mill-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tas-Sovranità (il-Liġi LXXXVIII tal-2023) (74). Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li ma kellha l-ebda prova, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, biex tqis li din il-liġi kienet kapaċi ddgħajjef l-effettività tal-mekkaniżmi mfassla biex jiżguraw il-konformità mal-Karta fl-Ungerija. Id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdi l-ebda prova li l-Kummissjoni ħadet din il-liġi inkunsiderazzjoni, u lanqas ma tispjega kif ikkonkludiet li dawn l-iżviluppi leġiżlattivi ma jdgħajfux u ma jinnewtralizzawx l-għanijiet tar-riformi li l-Ungerija wettqet wara d-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni.
128. Fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni kienet meħtieġa, tal-inqas, titlob spjegazzjonijiet mingħand l-Ungerija sabiex tassigura ruħha mill-konsegwenzi potenzjali ta’ din il-liġi. Kif diġà ntqal iktar ’il fuq (ara l-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-Kummissjoni ma tistax tinjora żviluppi li jistgħu jinfluwenzaw l-għanijiet tar-riformi li hija imponiet fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni. Għalhekk, anki jekk ma jistgħux jiġu imposti kundizzjonijiet ġodda, il-Kummissjoni kellha tiżgura li l-Ungerija ma tintroduċix leġiżlazzjoni oħra li tista’ tnaqqas l-effetti tar-riformi mwettqa sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni.
129. Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ din it-talba magħmula mill-Parlament.
130. Rigward l-allegazzjoni tal-Parlament li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni injorat kwistjonijiet imqajma fis-Semestru Ewropew u fil-Mekkaniżmu tal-Istat tad-Dritt tal‑2023, naqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-Parlament ma identifikax b’mod preċiż liema punti allegatament ġew injorati (tħassib imqajjem fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ allokazzjoni ta’ kawżi fil-qrati ta’ livell inferjuri diġà ġie diskuss fil-punt 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
131. Rigward il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, huwa minnu li l-Kummissjoni ma inkludietx dan ir-rekwiżit fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni (75). Fl-istess waqt, fl-intervent tagħha, l-Ungerija tiddikjara li, fir-rigward tal-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal‑2023), hija wettqet il-konsultazzjoni meħtieġa mal-partijiet interessati skont l-RRP. La l-Kummissjoni u lanqas il-Parlament ma kkontestaw dik l-affermazzjoni.
132. Abbażi ta’ dak li ntqal, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ parzjalment is-sitt parti tal-ewwel motiv, limitatament fir-rigward tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tas-Sovranità (il-Liġi LXXXVIII tal‑2023).
C. It-tieni motiv: ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni
1. Kwistjonijiet u argumenti ewlenin tal-partijiet
133. Permezz tat-tieni motiv tiegħu, il-Parlament jallega li l-Kummissjoni kisret id-dmir ta’ motivazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, għar-raġuni li d-deċiżjoni kkontestata sempliċiment telenka l-emendi li adottat l-Ungerija u ma tipprovdi l-ebda spjegazzjoni sostantiva li tippermetti lill-qarrej jifhem ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-valutazzjoni pożittiva tagħha. Barra minn hekk, il-Parlament isostni li l-użu responsabbli tal-baġit tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li jiġi mminat meta l-Kummissjoni tirrilaxxa fondi mingħajr ma tipprovdi raġunament adegwat biex isserraħ moħħ l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, l-Istati Membri u ċ-ċittadini tal-Unjoni.
134. Il-Kummissjoni, appoġġjata mill-Ungerija, issostni li l-Parlament naqas milli japplika l-istandard legali xieraq u ma kkunsidrax kif suppost il-ġurisprudenza dwar id-dmir ta’ motivazzjoni. Skont dik il-ġurisprudenza, id-dmir ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat b’riferiment għaċ-ċirkustanzi ta’ kull każ peress li r-raġunament għandu jiżvela b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni jew tal-miżura kkontestata (76). Madankollu, fejn il-parti kkonċernata tkun ġiet involuta mill-qrib fil-proċess li bih ittieħdet dik id-deċiżjoni kkontestata, u għalhekk tkun konxja mir-raġunijiet għalfejn l-istituzzjoni adottatha, il-portata tad-dmir ta’ motivazzjoni titnaqqas b’mod sinifikanti (77). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispjega li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi t-tweġiba tagħha lill-Ungerija dwar ġustifikazzjonijiet fir-rigward tar-riformi leġiżlattivi introdotti abbażi tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni. Għalhekk, meta deċiżjoni tkun preċeduta minn djalogu estensiv mal-persuna li hija legalment ikkonċernata minnha, huwa biżżejjed li tali deċiżjoni tistabbilixxi l-punti ewlenin ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti għat-twettiq ta’ valutazzjoni pożittiva. Barra minn hekk, huwa biss meta ma taqbilx mal-valutazzjoni tal-Istat Membru tal-konformità tal-miżuri adottati minnu mal-kundizzjonijiet abilitanti li l-Kummissjoni hija obbligata li tagħmel il-valutazzjoni tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tal-RDK.
2. Analiżi
135. X’tip ta’ motivazzjoni għandha obbligu li tipprovdi l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ deċiżjoni li biha tneħħi s-sospensjoni tal-ħlas mill-baġit li għalih kienet imponiet ċerti kundizzjonijiet, u lil min għandha tiġi indirizzata dik id-deċiżjoni?
136. Waħda mill-funzjonijiet tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE hija li tippermetti stħarriġ ġudizzjarju. Fil-ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li “[…] il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha” (78).
137. Minn dan isegwi li, minbarra li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ, il-motivazzjoni għandha tippermetti wkoll lir-rikorrenti potenzjali jiddeċiedu jekk iressqux il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel lok.
138. Il-Kummissjoni tibbaża d-difiża tagħha biss fuq il-fatt li l-Ungerija għandha motivazzjoni suffiċjenti biex tifhem id-deċiżjoni. Madankollu, il-motivazzjoni għandha, anki jekk mhux neċessarjament tkun iddettaljata, tissodisfa wkoll l-interessi li suġġetti oħra jista’ jkollhom f’dik id-deċiżjoni, anki jekk ma jkunux destinatarji tagħha. Fil-każ preżenti, dan huwa speċjalment applikabbli fir-rigward tal-ġustifikazzjoni dwar għalfejn ir-rekwiżiti li għadhom ma ntlaħqux ma żammewx lill-Kummissjoni milli tiddeċiedi li tirrilaxxa l-fondi mill-baġit tal-Unjoni.
139. Id-deċiżjoni kkontestata sempliċement elenkat ir-rekwiżiti imposti mid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni u elenkat ir-riformi Ungeriżi adottati biex jissodisfaw tali rekwiżiti, iżda ma semmiet la r-rekwiżiti li ma kinux issodisfatti fiż-żmien meta ġiet adottata d-deċiżjoni, u lanqas xi żviluppi li seħħew wara. Għalhekk, il-Kummissjoni b’ebda mod ma spjegat għalfejn ir-rekwiżiti li ma ġewx issodisfatti ma baqgħux jitqiesu bħala ostaklu għar-rilaxx tal-fondi mill-baġit tal-Unjoni. Għalhekk, din il-parti tal-motivazzjoni mhux biss ma kinitx biżżejjed biex tippermetti kwalunkwe kontestazzjoni dwar jekk kinitx aċċettabbli b’mod sostantiv, iżda tabilħaqq kienet ineżistenti u b’hekk kisret l-Artikolu 296 TFUE.
140. Fid-dawl ta’ dan, jiena tal-fehma li parti mill-motivazzjoni meħtieġa tal-Kummissjoni ma ngħatatx fid-deċiżjoni kkontestata, u nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tieni motiv tal-Parlament.
D. It-tielet motiv: il-Kummissjoni użat il-poteri tagħha b’mod ħażin
1. Kwistjonijiet u argumenti ewlenin tal-partijiet
141. Il-Parlament jallega li, għalkemm ma setax jeżamina l-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-Ungerija mill‑11 sat‑13 ta’ Diċembru 2023, l-indizji disponibbli juru li l-Kummissjoni użat il-poteri tagħha b’mod ħażin meta tat valutazzjoni pożittiva tal-KAO tal-Karta. Il-Parlament isostni li tali valutazzjoni favorevoli ngħatat bi skambju għad-deċiżjoni tal-Prim Ministru Ungeriż li jitlaq mill-kamra, u b’hekk ippermettiet lill-membri l-oħra tal-Kunsill Ewropew jiddeċiedu dwar il-ftuħ ta’ negozjati ta’ adeżjoni mal-Ukrajna fl‑14 u fil‑15 ta’ Diċembru 2023. L-evidenza insostenn ta’ dan tinkludi r-rabta ripetuta mill-Prim Ministru bejn il-finanzjament Ukren u l-imblukkar tal-fondi tal-Unjoni għall-Ungerija, posts fuq il-midja soċjali li juruh joħroġ waqt il-votazzjoni, dikjarazzjonijiet minn membru tal-Kummissjoni, id-deċiżjoni abbozzata biss bl-Ingliż, u l-ħlas lill-Ungerija fis‑27 ta’ Diċembru 2023 - li huwa jum li fih il-Kummissjoni ma taħdimx. Finalment, il-Parlament jargumenta li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda obbligu li tagħti l-valutazzjoni tagħha sa dik id-data u li d-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax għalfejn ma stennietx li r-riformi meħtieġa jsiru applikabbli.
142. Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Ungerija, targumenta li l-Parlament ma weriex li d-deċiżjoni kkontestata tiddevja mill-objettivi li jiġġustifikaw il-poteri tal-Kummissjoni. Hija ssostni wkoll li kellha tirrispetta perijodu ta’ skadenza ta’ tliet xhur li beda jiddekorri fit‑18 ta’ Lulju 2023, li ġie sospiż darbtejn, u reġa’ beda biss wara li l-Ungerija ssottomettiet kjarifiki; konsegwentement, il-perijodu ta’ skadenza għalaq qabel tmiem is-sena. Il-fatt li d-deċiżjoni ġiet adottata 10 ijiem ta’ xogħol qabel dik l-iskadenza, fil-fehma tal-Kummissjoni, ma jindikax proċedura mgħaġġla, għaliex il-fajl kien ġie eżaminat għal kważi 5 xhur, li huwa ferm iżjed mil-perijodu ta’ 3 xhur u jmur lil hinn mill-ambitu tal-Artikolu 15(4) tal-RDK, li jirrikjedi li tittieħed pożizzjoni “mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 3 xhur” wara li tasal l-awtovalutazzjoni tal-Istat Membru. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li hija kkonformat mal-Artikolu 15(4) tal-RDK. Finalment, id-deċiżjoni interna li tagħti s-setgħa lil direttur ġenerali biex jibgħat l-ittra ttieħdet fi proċedura bil-miktub, abbozzata biss bl-Ingliż skont l-awtorizzazzjoni tal-President tal-Kummissjoni abbażi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, u l-ittra annessa ġiet sussegwentement tradotta għall-Ungeriż.
2. Analiżi
143. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement sostniet li “[…] att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil-għan esklużiv, jew minn tal-inqas bil-għan determinanti, li jilħaq għanijiet differenti minn dawk eċċepiti jew li jevita proċedura speċjalment prevista mit-Trattat bħala forma ta’ difiża miċ-ċirkustanzi tal-każ” (79).
144. Il-fatt li l-fondi ġew rilaxxati meta r-rekwiżiti konkreti kollha kienu għadhom ma ġewx issodisfati – u b’hekk prematurament – u li dan ġara mingħajr ebda spjegazzjoni jista’ jwassal lil persuna raġonevoli biex tistaqsi l-motivazzjoni reali wara d-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, suppożizzjonijiet jew “indizji”, kif isejħilhom il-Parlament, li l-fondi tal-Unjoni, tabilħaqq, ġew rilaxxati lill-Ungerija bi skambju għal favuri politiċi, huma prinċipalment ibbażati fuq posts fuq il-midja soċjali, intervisti u rapporti fil-gazzetti. Dawn, fil-fehma tiegħi, ma humiex biżżejjed biex jippruvaw li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata bl-għan esklużiv jew determinanti li tilħaq għan differenti minn dak li tistabbilixxi li l-Ungerija kienet implimentat ir-riformi leġiżlattivi meħtieġa dwar l-indipendenza ġudizzjarja – il-kundizzjoni nnifisha li tikkwalifikaha biex tirċievi l-ħlas tal-fondi tal-RDK.
145. Għalhekk, meta wieħed iqis li l-ilmenti li jallegaw użu ħażin ta’ poter huma suġġetti għal rekwiżiti stretti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-provi (80), nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet motiv bħala infondat.
VI. Spejjeż
146. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
147. Peress li l-Parlament Ewropew talab li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż, u din tal-aħħar tilfet, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż sostnuti mill-Parlament.
148. Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Ungerija, bħala intervenjent, għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.
VII. Konklużjoni
149. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
– tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 9014 tat‑13 ta’ Diċembru 2023 dwar l-approvazzjoni u l-firma tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2021/1060, tal-issodisfar tal-kundizzjoni abilitanti orizzontali “3. Applikazzjoni u implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”, f’dak li jirrigwarda n-nuqqasijiet fl-indipendenza ġudizzjarja fl-Ungerija;
– tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas l-ispejjeż tagħha stess u dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew;
– tikkundanna li l-Ungerija tbati l-ispejjeż tagħha stess.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU 2021, L 231, p. 159, rettifiki fil-ĠU 2021, L 261, p. 58; ĠU 2021, L 450, p. 15; ĠU 2022, L 43, p. 93; ĠU 2022, L 241, p. 16; ĠU L 2024/90654 u fil-ĠU L 2025/90873).
3 Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 9014 tat‑13 ta’ Diċembru 2023 dwar l-approvazzjoni u l-firma tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2021/1060, tal-issodisfar tal-kundizzjoni abilitanti orizzontali “3. Applikazzjoni u implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”, f’dak li jirrigwarda n-nuqqasijiet fl-indipendenza ġudizzjarja fl-Ungerija, Brussell, 13 ta’ Diċembru 2023 (mhux ippubblikata).
4 Għal ħarsa ġenerali u spjegazzjoni ċara tad-diversi strumenti ta’ finanzjament tal-Unjoni, ara de Witte, B., “Integration through Funding? The Union’s finances as policy instrument”, f’Weber, R., (editur), The Financial Constitution of European Integration: Follow the Money?, Hart Publishing, Oxford, 2023, p. 221 sa 236.
5 Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU 2020, L 433I, p. 1, rettifika fil-ĠU 2021, L 373, p. 94 u fil-ĠU L 2023/90149) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-Kondizzjonalità”).
6 Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità.
7 Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(2)(d) u l-premessi 8, 9 u 10 tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità. Ara wkoll is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97), u tas‑16 ta’ Frar 2022, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑157/21, EU:C:2022:98).
8 Ara l-Artikolu 15 u l-Anness III tal‑RDK. Il-parti rilevanti tal-KAO tal-Karta espressa fl-Anness III tgħid: “Hemm stabbiliti mekkaniżmi effettivi biex tiġi żgurata l-konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jinkludu: 1. Arranġamenti biex tiġi żgurata l-konformità tal-programmi appoġġati mill-Fondi u l-implimentazzjoni tagħhom mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta.[…]”
9 Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU 2021, L 57, p. 17, rettifiki fil-ĠU 2021, L 410, p. 197, u fil-ĠU 2023, L 137, p. 70).
10 Ara l-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament RRF.
11 L-NGEU huwa programm finanzjarju temporanju – imniedi bħala reazzjoni għall-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID‑19 – b’valur ta’ EUR 750 biljun, li l-Unjoni Ewropea ġabret flus mis-swieq finanzjarji għall-finanzjament tiegħu. Madankollu, għalkemm ippreżentat bħala rispons ta’ emerġenza għall-pandemija tal-COVID‑19, l-NGEU huwa, tabilħaqq, pjan li jrawwem trasformazzjoni strutturali għall-ekonomiji tal-Istati Membri, b’enfasi speċjali fuq it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Ara, van Middelaar, L., “Investment politics, A new capacity to project Union action into the future?”, f’Weber, R., (editur), The Financial Constitution of European Integration – Follow the Money?, Hart Publishing, Oxford, 2023, p. 237 sa 257, ara, b’mod partikolari, p. 251.
12 Il-proċedura skont ir-Regolament RRF tirrikjedi li Stat Membru l-ewwel iħejji pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (“RRP”), li jkun “konsistenti mal-isfidi u l-prijoritajiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż” identifikat fil-qafas tas-Semestru Ewropew u mekkaniżmi oħra (ara l-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament RRF). Il-Kummissjoni mbagħad teżamina l-pjan, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru kkonċernat u tipproponi l-RRP flimkien mal-miri u mal-istadji importanti għall-approvazzjoni mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (ara l-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament RRF). Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta relatata mal-Ungerija fit‑30 ta’ Novembru 2022, u l-Kunsill approva l-RRP Ungeriż, li kien fih 111-il stadju importanti u mira, fil‑5 ta’ Diċembru 2022. Ara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru r-reżiljenza għall-Ungerija, 15447/22, adottata fil‑5 ta’ Diċembru 2022 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-RRP tal-Ungerija”), disponibbli fuq https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15447-2022-INIT/mt/pdf. Fis‑7 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, adotta emendi għal din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni sabiex jinkludi talba għal finanzjament addizzjonali taħt ir-REPowerEU, li sadanittant ġie stabbilit (disponibbli fuq: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15964-2023-REV-1/mt/pdf).
13 Ara l-istadji importanti kbar 213 sa 216 fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-RRP tal-Ungerija.
14 Kif se nispjega f’iżjed dettall hawn taħt (ara l-punti 16 sa 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet), skont l-RDK, dawn ir-rekwiżiti saru parti mid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet), li permezz tagħhom il-Kummissjoni, fit‑22 ta’ Diċembru 2022, approvat 10 programmi proposti mill-Ungerija u fl-istess ħin issospendiet il-pagament sakemm ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet abilitanti.
15 Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_7273.
16 Fis-seduta, il-Kummissjoni spjegat li l-Ungerija ma talbet l-ebda pagament mir-Regolament RRF, minkejja l-fatt li talba għal pagament hija prerekwiżit għal kwalunkwe tqassim taħt dik il-faċilità.
17 Il-Kummissjoni tispjega li hija tutilizza l-miżuri skont dak ir-regolament biss meta tali miżuri jkunu iktar effettivi. Ara, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, EURATOM) 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni ((2022)/C 132/02 finali, p. 12), disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52022XC0318(02).
18 Ara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2506 tal‑15 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija (ĠU 2022, L 325, p. 94).
19 Ara l-proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija (COM/2022/485 finali), disponibbli minn: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52022PC0485. L-ewwel notifika mill-Kummissjoni skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità ntbagħtet lill-Ungerija fis‑27 ta’ April 2022, li rrappreżentat il-bidu tal-proċess ta’ evalwazzjoni mal-Ungerija.
20 Ara l-premessi 11 u 12 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2506.
21 Din is-sospensjoni ammontat għal madwar EUR 6.3 biljun.
22 Dawn il-programmi huma l-Programm Operazzjonali tal-Effiċjenza Ambjentali u Enerġetika Plus, il-Programm Operazzjonali tat-Trasport Integrat Plus, u l-Programm Operazzjonali għall-Iżvilupp Territorjali u tal-Insedjament Plus. Huma ffinanzjati permezz tal-fondi koperti mill-RDK.
23 Bl-istess deċiżjoni, il-Kunsill ipprojbixxa lill-Kummissjoni milli tidħol f’impenji legali ġodda mat-trusts ta’ interess pubbliku u mal-entitajiet miżmuma minnhom għal finanzjament tal-Unjoni implimentat taħt ġestjoni diretta jew indiretta. Fl-Ungerija, dawn it-trusts ta’ interess pubbliku jikkontrollaw 21 istituzzjoni pubblika Ungeriża. Il-bordijiet tagħhom għandhom is-setgħa li jiddefinixxu l-istrateġija, il-baġit, il-politika tar-riżorsi umani, l-istruttura organizzattiva u l-istituzzjonijiet, u jistgħu jagħżlu uffiċjali eżekuttivi, bħal dawk f’pożizzjonijiet għolja ta’ tmexxija fil-qasam akkademiku u amministrattiv.
24 Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2023 dwar ir-rivalutazzjoni, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 wara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2506 tal‑15 ta’ Diċembru 2022 dwar l-Ungerija, (C(2023) 8999 final), disponibbli minn: https://commission.europa.eu/system/files/2023-12/C_2023_8999_1_EN_ACT.pdf.
25 Ta’ min jinnota li sadanittant, l-Ungerija nnotifikat lill-Kummissjoni dwar l-emendi li wettqet fir-rigward tal-assi ta’ interess pubbliku li jwettqu dmir pubbliku, u talbet li l-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill li l-miżuri skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità jiġu adattati jew jitneħħew, iżda biss fir-rigward tat-trusts ta’ interess pubbliku. Wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ċaħdet is-suffiċjenza tar-riformi inkwistjoni, fis‑26 ta’ Frar 2025 l-Ungerija ppreżentat rikors għal annullament kontra dik id-deċiżjoni, li bħalissa jinsab pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑138/25, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni.
26 Ara l-Artikoli 21 sa 23 tal-RDK.
27 Applikabbli fiż-żmien tad-deċiżjoni kkontestata kien ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”).
28 Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 15(2) tal-RDK (enfasi miżjuda).
29 Tali awtovalutazzjoni ġiet irrappurtata fir-rigward tal‑10 programmi kollha li ġew applikati għalihom. Ara, pereżempju, il-premessa 5 tal-“Programm Operazzjonali tal-Effiċjenza Ambjentali u Enerġetika Plus” għal sostenn mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta taħt l-għan ta’ Investiment għall-impjiegi u għat-tkabbir fl-Ungerija.
30 Dawn id-deċiżjonijiet huma: id-Deċiżjoni C(2022) 10004 li tapprova l-“Programm Operazzjonali tal-Effiċjenza Ambjentali u Enerġetika Plus” għal sostenn mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta taħt l-għan ta’ Investiment għall-impjiegi u għat-tkabbir fl-Ungerija, id-Deċiżjoni C(2022) 10007 li tapprova l-“Programm Operazzjonali għat-Tiġdid Diġitali Plus” għal sostenn mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta taħt l-għan ta’ Investiment għall-impjiegi u għat-tkabbir fl-Ungerija, id-Deċiżjoni C(2022) 10008 li tapprova l-“Programm Operazzjonali għall-Iżvilupp Territorjali u tal-Insedjament Plus” għal sostenn mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta taħt l-għan ta’ Investiment għall-impjiegi u għat-tkabbir fl-Ungerija, id-Deċiżjoni C(2022) 10009 li tapprova l-“Programm Operazzjonali għall-Iżvilupp Ekonomiku u l-Innovazzjoni Plus” għal sostenn mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta taħt l-għan ta’ Investiment għall-impjiegi u għat-tkabbir fl-Ungerija, id-Deċiżjoni C(2022) 10010 li tapprova l-“Programm Operazzjonali għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani Plus” għal sostenn mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta taħt l-għan ta’ Investiment għall-impjiegi u għat-tkabbir fl-Ungerija, id-Deċiżjoni C(2022) 10011 li tapprovva l-“Programm Operazzjonali għall-Iżvilupp Integrat tat-Trasport Plus” għal sostenn mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta taħt l-għan ta’ Investiment għall-impjiegi u għat-tkabbir fl-Ungerija, id-Deċiżjoni C(2022) 10018 li tapprova l-“Programm tas-Sajd Ungeriż Plus (PSU Plus)” għal sostenn mill-Fond Marittimu, tas-Sajd u tal-Akwakultura Ewropew fl-Ungerija, id-Deċiżjoni C(2022) 10019 li tapprova l-“Programm Ungeriż għal appoġġ mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perijodu mill‑2021 sal‑2027”, id-Deċiżjoni C(2022) 10020 li tapprova l-“Programm Ungeriż għal appoġġ mill-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi għall-perijodu mill‑2021 sal‑2027”, u d-Deċiżjoni C(2022) 10022 li tapprova l-Programm Ungeriż għal appoġġ mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-perijodu mill‑2021 sal‑2027 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni”).
31 Ara, pereżempju, il-premessa 8 tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tapprova l-programm “Programm Operazzjonali tal-Effiċjenza Ambjentali u Enerġetika Plus”.
32 Ara l-Artikoli 1 u 2 ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni.
33 L-Artikolu 3(2) huwa identiku fl‑10 deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni kollha. Enfasi miżjud.
34 Se nerġa’ lura għal dawn ir-rekwiżiti partikolari, li allegatament ma ġewx issodisfatti, meta nevalwa partijiet speċifiċi tal-ewwel motiv tal-Parlament (ara t-Taqsima V, Sottotaqsima B ta’ dawn il-konklużjonijiet).
35 Enfasi miżjud.
36 Egyes igazságügyi tárgyú törvényeknek a magyar helyreállítási és ellenállóképességi tervhez kapcsolódó módosításáról szóló 2023. évi X. törvény (l-Att X tal‑2023 li jemenda ċerti liġijiet dwar materji ġudizzjarji b’konnessjoni mal-pjan ta’ rkupru u ta’ reżiljenza għall-Ungerija; iktar ’il quddiem l-“Att dwar ir-riformi ġudizzjarji (l-Att X tal‑2023)”).
37 Az igazságügyi alkalmazottak szolgálati jogviszonyáról szóló 1997. évi LXVIII. Törvény (l-Att LXVIII tal-1997 dwar ir-relazzjoni ta’ servizz tal-persuna ġudizzjarju; iktar ’il quddiem l-“Att dwar il-persunal ġudizzjarju (l-Att LXVIII tal‑1997)”).
38 Az Alkotmánybíróságról szóló 2011. évi CLI. Törvény (l-Att CLI tal-2011 dwar il-Qorti Kostituzzjonali; iktar ’il quddiem l-“Att dwar il-Qorti Kostituzzjonali (l-Att CLI tal‑2011)”).
39 A bíróságok szervezetésről és igazgatásáról szóló 2011. évi CLXI. törvény (l-Att CLXI tal‑2011 dwar l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tal-qrati; iktar ’il quddiem l-“Att dwar l-organizzazzjoni tal-qrati (l-Att CLXI tal‑2011)”).
40 A bírák jogállásáról és javadalmazásáról szóló 2011. évi CLXII. törvény (l-Att CLXII tal‑2011 dwar l-istatus u r-remunerazzjoni tal-Imħallfin; iktar ’il quddiem l-“Att dwar l-istatus tal-imħallfin (l-Att CLXII tal‑2011)”).
41 A büntetőeljárásról szóló 2017. évi XC. törvény (l-Att XC tal‑2017 dwar il-proċedura kriminali; iktar ’il quddiem l-“Att dwar il-proċedura kriminali (l-Att XC tal‑2017)”).
42 18/2023. (XII. 7.) IM rendelet a bírósági ügyvitel szabályairól szóló 14/2002. (VIII. 1) (id-Digriet 18/2023 tal-Ministru tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Diċembru 2023 dwar l-emenda tad-digriet dwar il-ġestjoni tal-kawżi ġudizzjarji; iktar ’il quddiem id-“Digriet 18/2023’).
43 Az egyetemek és a kutatóintézetek, valamint a gazdaság összekapcsoltságának erősítéséhez szükséges egyes törvények, továbbá egyes felnőttképzési és kulturális tárgyú törvények módosításáról szóló 2023. évi LXXXV. törvény (l-Att LXXXV tal‑2023 li jemenda ċerti liġijiet neċessarji biex tissaħħaħ l-interkonnessjoni tal-universitajit u ta’ istituti ta’ riċerka u tal-ekonomija, kif ukoll ċerti liġijiet dwar l-edukazzjoni adulta u l-kultura; iktar ’il quddiem l-“Att li jemenda l-liġijiet universitarji (Act LXXXV tal-2023)”).
44 A nemzeti szuverenitás védelméről szóló 2023. évi LXXXVIII. törvény (il-Liġi LXXXVIII tal-2023 dwar il-Protezzjoni tas-Sovranità Nazzjonali; iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tas-Sovranità Nazzjonali (Law LXXXVIII of 2023)”).
45 F’dawn il-konklużjonijiet, nuża t-terminu “deċiżjoni kkontestata” biex nindika kemm id-deċiżjoni nnifisha kif ukoll l-ittra ta’ valutazzjoni li takkumpanja dik id-deċiżjoni.
46 Għalhekk, fit‑18 ta’ Lulju 2023, l-Ungerija l-ewwel infurmat lill-Kummissjoni dwar l-awtovalutazzjoni pożittiva tagħha fir-rigward tat-twettiq tal-KAO tal-Karta fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja. Peress li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi jekk l-emendi leġiżlattivi implimentati mill-Ungerija indirizzawx il-kundizzjonijiet kollha speċifikati fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni, fis‑26 ta’ Settembru 2023 il-Kummissjoni talbet kjarifiki mingħand l-Ungerija. Fid‑19 ta’ Ottubru 2023, l-Ungerija wieġbet u pprovdiet spjegazzjonijiet addizzjonali. Fl‑1 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni talbet iktar kjarifiki li l-Ungerija wieġbet għalihom permezz ta’ ittri datati mill‑11, mit‑12, u mit‑13 ta’ Diċembru 2023.
47 Dawn jinkludu l-programm għal appoġġ mill-Fond tas-Sigurtà Interna, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022) 10019; il-programm għal appoġġ mill-Istrument għal Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022) 10020; il-“Programm Operattiv għall-Iżvilupp Territorjali u tal-Insedjament Plus”, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022) 10008; il-“Programm Operattiv għall-Iżvilupp tat-Trasport Integrat Plus”, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022) 10011; il-“Programm Operattiv għall-Ambjent u l-Effiċjenza Enerġetika Plus”, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022) 10004; u l-“Programm tas-Sajd Ungeriż Plus”, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2022) 10018.
48 Dawn huma: il-Programm għal Appoġġ mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022) 10022; il-“Programm Operattiv għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani Plus”, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022) 10010, kif ikkoreġuta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (2023) 1483 tat‑8 ta’ Marzu 2023; il-“Programm Operattiv għat-Tiġdid Diġitali Plus”, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022) 10007; u l-“Programm Operattiv għall-Iżvilupp Ekonomiku u l-Innovazzjoni Plus”, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022) 10009.
49 Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni, Commission considers that Hungary's judicial reform addressed deficiencies in judicial independence, but maintains measures on budget conditionality, 13 ta’ Diċembru 2023, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/api/files/document/print/en/ip_23_6465/IP_23_6465_EN.pdf.
50 Għalkemm il-Parlament ikkaratterizza l-iżbalji tal-Kummissjoni bħala manifesti, waqt is-seduta dan spjega li xtaq sempliċement jimplika li l-iżbalji kienu ovvji, iktar milli jissuġġerixxi li dan huwa l-istandard li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tuża meta tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni.
51 Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja f’żewġ “Sentenzi dwar il-Kondizzjonalità”, ir-rekwiżiti tal-istat tad-dritt bħala parti mill-kondizzjonalità baġitarja jippermettu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jeżaminaw sitwazzjonijiet fl-Istati Membri biss sakemm dawn is-sitwazzjonijiet ikunu rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punti 144 u 145), u tas‑16 ta’ Frar 2022, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑157/21, EU:C:2022:98, punti 162 u 163).
52 Għalkemm dak il-kliem jista’ ma jirriflettix tajjeb is-sustanza tal-motivi kollha tal-Parlament, se nżomm dik it-terminoloġija sabiex inżomm il-konnessjoni ma’ kull parti tal-ewwel motiv tal-Parlament. Madankollu, il-motiv relatat mal-“valutazzjoni difettuża” fit-tieni, fit-tielet, fir-raba’ u fil-ħames parti tal-ewwel motiv tal-Parlament għandhom, b’relazzjoni ma wħud mill-ilmenti, jinqraw fis-sens li ma humiex relatati mal-istabbiliment żbaljat ta’ fatti, iżda pjuttost bħala applikazzjoni żbaljata tal-liġi.
53 Ma nistax ħlief nosserva li l-kawża preżenti żvelat li ħafna passi relatati mal-użu ta’ fondi tal-UE u mal-implimentazzjoni ta’ forom differenti ta’ kundizzjonalità f’dak ir-rigward ma humiex trasparenti biżżejjed. Dan jinsab f’kunflitt mal-prinċipju ta’ demokrazija għaliex jagħmilha diffiċli għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jifhmu kif u għalfejn jittieħdu ħafna deċiżjonijiet baġitarji.
54 Ara, pereżempju, l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022) 10004 dwar il-Programm Operazzjonali tal-Effiċjenza Ambjentali u Enerġetika Plus.
55 Ara l-premessi 9 tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni.
56 Emenda tas-Sottotitlu 63 tal-Att dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati (l-Att CLXI tal‑2011).
57 Ara l-premessi 10 u 11 tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni.
58 B’mod partikolari, il-kandidati għal dik il-pożizzjoni għandu jkollhom mill-inqas ħames snin esperjenza bħala mħallef, ma jistgħux jiġu eletti mill-ġdid, u l-KNĠ għandu jagħti opinjoni vinkolanti dwar l-idoneità tal-kandidat għal dik il-pożizzjoni.
59 B’mod partikolari, in-numri tal-kawżi għandhom jiġu attribwiti mingħajr intervent uman, il-kawżi għandhom jiġu allokati lill-awli skont kriterji oġġettivi u stabbiliti minn qabel, l-awla adita bil-kawża għandha tkun komposta skont algoritmu stabbilit minn qabel, il-partijiet fil-proċeduri għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw abbażi tal-fajl tal-kawża jekk ir-regoli dwar l-allokazzjoni tal-kawżi ġewx applikati kif suppost, u l-kunsill ġudizzjarju tal-Kúria (il-Qorti Suprema) u l-Kollegium (dipartimenti tal-Imħallfin) għandhom ikunu jistgħu jagħtu opinjoni vinkolanti dwar l-iskema ta’ allokazzjoni tal-kawżi.
60 Kif indikat fir-Rapport tal-Kummissjoni tal‑2023 dwar l-istat tad-dritt, – Kapitlu tal-Pajjiż dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Ungerija, 2023, p. 7 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal‑2023 dwar l-istat tad-dritt”): “A blocking minority in Parliament can prevent the election of a new president, thereby keeping the incumbent in office for an undetermined period of time”.
61 Emenda tat-Taqsima 10(4)(c) tal-Att dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati (l-Att CLXI tal‑2011).
62 Id-dispożizzjoni VI.4 tal-Iskema ta’ Allokazzjoni tal-Kawżi tipprovdi li l-kap tad-dipartiment amministrattiv jista’, b’ordni speċjali, jassenja kawżi relatati mal-elezzjoni lil awli bi 3 membri VIII, IX, X, u XI,, jekk iktar minn 15-il kawża elettorali jiġu ppreżentati quddiem il-Kúria fi żmien tlett ijiem kalendarji. L-awli b’4 membri VIII, IX, X u XI, huma awli ġodda, introdotti speċjalment għal tilwimiet elettorali biss, u minbarra dan ma joperawx, li huwa għalfejn dawk l-awli speċifiċi huma magħrufa bħala awli “fantażma”. Mingħajr dawk l-emendi, it-tilwimiet elettorali jiġu deċiżi mill-awli bi 3 membri eżistenti.
63 Ara r-rapport tal‑2023 dwar l-istat tad-dritt, p. 6.
64 Emenda tat-Taqsima 114(1) tal-Att dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati (Att CLXI tal‑2011).
65 Ara, is-sentenzi tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 115) u tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et (C‑115/22, EU:C:2024:384, punti 43 u 44).
66 Emenda tat-Taqsima 10(4) tal-Att dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati (l-Att CLXI tal‑2011). Din tipprevedi li “n-numri tal-kawżi li jiġu ppreżentati permezz ta’ mezzi elettroniċi għandhom jiġu assenjati permezz ta’ proċess awtomatizzat, mingħajr intervent uman”.
67 Fl-ittra tagħha lill-Kummissjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2023, l-Ungerija speċifikat li, abbażi ta’ suġġeriment magħmul mill-Kummissjoni waqt laqgħat bilaterali li saru fit‑2 ta’ Novembru 2023, l-Ungerija impenjat ruħha li tipprovdi lill-Kummissjoni b’rapport ta’ awditjar indipendenti sat‑30 ta’ Ġunju 2024.
68 L-Artikolu 63(1) tal-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal-2023) jipprovdi li “qorti tista’ tibda, ex officio jew fuq mozzjoni, proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja […] skont ir-regoli tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea fejn tqis li dan ikun meħtieġ fir-rigward ta’ kwalunkwe att legali jew leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-proċeduri kriminali”.
69 L-Artikolu 64 tal-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji jipprovdi (l-Att X tal-2023) jipprovdi li “l-ebda appell ma jista’ jiġi ppreżentat minn kwalunkwe ordni maħruġa skont l-Artikolu 490”.
70 Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju) (C‑564/19, EU:C:2021:949), iktar ’il quddiem “IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju)”.
71 Il-memorandum ta’ spjegazzjoni għat-Taqsima 63 tal-Att dwar ir-Riformi Ġudizzjarji (l-Att X tal-2023) jipprovdi li: “[…] l-ebda deċiżjoni ma tista’ tittieħed biex tiġi mistħarrġa l-legalità ta’ deċiżjoni li jsir rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal deċiżjoni preliminari” u “li d-dritt tal-imħallfin Ungeriżi li jagħmlu rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja […] għal deċiżjoni preliminari skont it-Trattati tal-Unjoni ma huwiex limitat minn strumenti nazzjonali”.
72 Dik il-liġi ġiet adottata fit‑12 ta’ Diċembru 2023 matul l-istess sessjoni tal-Országgyűlés (l-Assemblea Nazzjonali) li fiha ġiet adottata t-Taqsima 35 tal-Att li jemenda l-liġijiet universitarji (l-Att LXXXV tal-2023).
73 Szuverenitásvédelmi Hivatal (l-Uffiċċju għall-protezzjoni tas-sovranità nazzjonali).
74 Għandu jitqies ukoll li l-Kummissjoni ressqet proċeduri ta’ ksur fir-rigward tal-liġi dwar is-Sovranità quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Ara l-kawża pendenti C‑829/24, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża C‑829/24, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, maħruġa fl-istess jum bħall-konklużjonijiet preżenti.
75 Madankollu, konsultazzjonijiet bħal dawn kienu meħtieġa taħt erba’ stadji importanti fformulati bl-istess mod taħt ir-Regolament RRF.
76 Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punti 146 sa 148 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punti 114 u 115).
77 Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 1980, Acciaierie e Ferriere Lucchini vs Il-Kummissjoni (1252/79, EU:C:1980:288, punt 14); tal‑14 ta’ Jannar 1981, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (819/79, EU:C:1981:2, punti 19 sa 21); tal‑14 ta’ Novembru 1989, L-Italja vs Il-Kummissjoni (14/88, EU:C:1989:421, punt 11); tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63); tat‑22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 35); tal‑10 ta’ Settembru 2015, Fliesen-Zentrum Deutschland GmbH (C‑687/13, EU:C:2015:573, punti 75 u 76); u tas‑27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il-Kummissjoni, T‑387/09, EU:T:2012:501, punt 67).
78 Ara, ex multis, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata) jew is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2025, Neos vs Ryanair u Il-Kummissjoni (C‑490/23 P, EU:C:2025:32, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata) (enfasi miżjuda).
79 Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L-Ungerija vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑620/18 P, EU:C:2020:1001, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).
80 Ara Lenaerts, K., Gutman, K., u Nowak, J., T., EU Procedural Law, Oxford University Press, 2023, punti 7.191 sa 7.194.