Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CC0197

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali D. Spielmann, ippreżentati fit-30 ta’ April 2025.
AK vs RU.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Mestský súd Bratislava IV.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Kamp ta’ applikazzjoni – Punti 1 u 3 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘intrapriża’ – Kunċett ta’ ‘transazzjoni kummerċjali’ – Kuntratt għall-provvista ta’ servizzi legali fil-kuntest li titwaqqaf kumpannija kummerċjali – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 2(b) – Kunċett ta’ konsumatur – Persuna fiżika li użat is-servizzi ta’ avukat bl-għan li titwaqqaf kumpannija kummerċjali.
Kawża C-197/24.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:308

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SPIELMANN

ippreżentati fit‑30 ta’ April 2025 ( 1 )

Kawża C‑197/24 (Šiľarský) ( i )

AK

vs

RU

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Mestský súd Bratislava IV (il-Qorti Muniċipali ta’ Bratislava IV, is-Slovakkja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit‑tranżazzjonijiet kummerċjali – Kunċett ta’ ‘impriża’ – Kunċett ta’ ‘tranżazzjoni kummerċjali’ – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi legali sabiex tiġi stabbilita kumpannija kummerċjali – Artikolu 267 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja – Ammissibbiltà – Kunċett ta’ ‘konsumatur’ – Persuna fiżika li użat is-servizzi ta’ avukat sabiex tiġi stabbilita kumpannija kummerċjali”

Introduzzjoni

1.

Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi legali, konkluż minn klijent mal-avukat tiegħu, sabiex titwaqqaf kumpannija kummerċjali li tagħha dan il-klijent kellu jsir l-amministratur u wieħed miż-żewġ fundaturi u soċji, l-imsemmi klijent persuna fiżika huwa diġà impriża jew għadu konsumatur? Din hija d-domanda li tqajjem, essenzjalment, din it‑talba għal deċiżjoni preliminari. Fit-tilwima fil-kawża prinċipali relatata mal-ħlas tal-onorarji tal-avukat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, effettivament, dwar il‑corpus ta’ regoli, ċivili jew kummerċjali, li għandhom jiġu applikati.

2.

Din il-kawża għalhekk tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità tikkjarifika, f’tali kuntest, il-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tad-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali ( 2 ) (l-ewwel domanda preliminari) u dak ta’ “konsumatur”, fis-sens tad-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal‑konsumatur ( 3 ) (it-tieni domanda preliminari). Hija tagħti l-opportunità wkoll li jiġi mistoqsi dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għal din it-tieni domanda meta t-tilwima fil-kawża prinċipali ma tkunx tirrigwarda, bħala tali, klawżola kuntrattwali, kif ukoll dwar l‑ammissibbiltà tal-imsemmija domanda.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3.

Il-premessa 8 tad-Direttiva 2011/7 tipprevedi b’mod partikolari li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandu jkun limitat għall‑ħlasijiet magħmula b’remunerazzjoni għal tranżazzjonijiet kummerċjali u li l-imsemmija direttiva ma għandhiex tirregola tranżazzjonijiet mal-konsumaturi u lanqas l-interessi b’konnessjoni ma’ tipi oħra ta’ ħlasijiet.

4.

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/7, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal‑intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-[impriżi żgħar u medji].

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.

[…]”

5.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘transazzjonijiet kummerċjali’ tfisser transazzjonijiet bejn l‑intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar‑remunerazzjoni;

[…]

3)

‘intrapriża’ tfisser kull organizzazzjoni, għajr awtorità pubblika, li taġixxi fil-kors tal-attività ekonomika jew professjonali indipendenti tagħha, anke meta dik l-attività titwettaq minn persuna waħda;

[…]”

6.

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-interessi għal ħlas tardiv isiru dovuti fi tranżazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew mal-Artikolu 4 tal-istess direttiva, il-kreditur ikun intitolat jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, il-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 40.

7.

Fit-tnax‑il premessa tagħha, id-Direttiva 93/13 tipprevedi li “[b]illi, iżda, kif inhuma bħalissa, il-liġijiet nazzjonali jippermettu li tiġi kkunsidrata biss armonizzazzjoni parzjali; billi b’mod partikolari, din id‑Direttiva tkopri biss klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment; billi l-Istati Membri għandu jkollhom l‑għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat-Trattat, li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva”.

8.

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jistipula:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur”.

9.

L-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)

‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

[…]”

10.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jistipula li klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment għandha titqies li tkun inġusta jekk, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, tkun tikkawża żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

11.

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal‑merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il‑kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ‑ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas mal-adegwatezza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, meta mqabbla mas-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

12.

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

Id-dritt Slovakk

Il-Kodiċi Kummerċjali

13.

Skont l-Artikolu 2(2)(a) taż-zákon č. 513/1991 Zb. Obchodný zákonník (il-Liġi Nru 513/1991 Ġabra li tistabbilixxi l-Kodiċi Kummerċjali, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kummerċjali”) tal‑5 ta’ Novembru 1991 (Nru 98/1991 Zb.), imprenditur huwa persuna rreġistrata fir-Reġistru tal‑Kummerċ.

14.

L-Artikolu 57(1) tal-Kodiċi Kummerċjali jipprevedi li, bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja ta’ dan il-kodiċi, kumpannija għandha tiġi stabbilita permezz ta’ kuntratt iffirmat mill-fundaturi kollha. L-awtentiċità tal‑firem tal-fundaturi għandha tiġi uffiċjalment iċċertifikata.

15.

L-Artikolu 62(1) tal-Kodiċi Kummerċjali jistipula li d-data tat-twaqqif ta’ din il-kumpannija għandha tkun dik li fiha din tiġi rreġistrata fir-Reġistru tal-Kummerċ.

16.

L-Artikolu 369c(1) ta’ dan il-kodiċi, li jittrasponi fid-dritt Slovakk l‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, jipprevedi li “[i]d-dewmien tad-debitur jagħti lill-kreditur, minbarra d-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 369, 369a u 369b, ukoll id-dritt għar-rimbors ta’ somma f’daqqa tal-ispejjeż relatati mal-eżekuzzjoni tad-dejn, mingħajr ma tkun meħtieġa twissija speċifika. […]”.

Il-Kodiċi Ċivili

17.

L-Artikolu 52 taż-zákon č. 40/1964 Zb. Občiansky zákonník (il‑Liġi Nru 40/1964 Ġabra li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-“tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jistipula:

“(1) ‘Kuntratt konkluż ma’ konsumatur’ ifisser kull kuntratt, tkun xi tkun il-forma legali tiegħu, li jiġi konkluż bejn kummerċjant u konsumatur.

(2) Id-dispożizzjonijiet dwar il-kuntratti konklużi ma’ konsumatur, kif ukoll kull dispożizzjoni oħra li tkun tirregola relazzjoni legali li fiha konsumatur ikun parti, għandhom japplikaw fil-każijiet kollha fejn dan ikun favorevoli għall-konsumatur. Il-konvenzjonijiet jew il-ftehimiet diverġenti, li l‑kontenut jew l-għan tagħhom ikunu intiżi li jevitaw l‑imsemmija dispożizzjonijiet, għandhom ikunu invalidi. Ir-relazzjonijiet legali kollha li l-konsumatur ikun parti fihom għandhom bħala regola ġenerali dejjem ikunu suġġetti għad‑dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili, anki jekk, normalment, ikun hemm lok li jiġu applikati id‑dispożizzjonijiet tad-dritt Kummerċjali.

(3) Il-kummerċjant huwa persuna […] li, waqt il-konklużjoni u l‑eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur, taġixxi fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħha jew ta’ attività professjonali oħra.

(4) Il-konsumatur huwa persuna fiżika li, waqt il-konklużjoni u l‑eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur ma jaġixxix fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu jew ta’ attività professjonali oħra”.

Il-Liġi dwar il-Professjoni ta’ Avukat

18.

L-Artikolu 18(4) taż-zákon č. 586/2003 Z. z. o advokácii a o zmene a doplnení zákona č. 455/1991 Zb. o živnostenskom podnikaní (živnostenský zákon) v znení neskorších predpisov, tal‑4 ta’ Diċembru 2003 (Nru 239/2003 Z. z.) (il-Liġi Nru 586/2003 Z. z. relatata mal-Professjoni ta’ Avukat u Li Temenda u Tissupplimenta l-Liġi Nru 455/1991 Zb. relatata mal-Eżerċizzju ta’ Professjoni Indipendenti (il-Liġi dwar il-Professjonijiet Indipendenti) kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Professjoni ta’ Avukat”)) jipprevedi li, “[m]eta jipprovdi servizz legali, l-avukat huwa obbligat jinforma lill-klijent, li jkun konsumatur tas-servizz legali, bl-ammont tar‑remunerazzjoni dovuta bħala korrispettiv għall-att ta’ servizz legali qabel il-bidu stess ta’ dan tal-att, u fin-nuqqas ta’ dan ma huwa ma jkollu dritt għal remunerazzjoni. […]”.

Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.

It-tilwima fil-kawża prinċipali oriġinat minn azzjoni mressqa minn AK, kumpannija ta’ avukati ( 4 ), rikorrenti fil-kawża prinċipali, kontra RU, persuna fiżika konvenuta fil-kawża prinċipali. It-tilwima tirrigwarda l‑ħlas ta’ onorarji tal-kumpannija ta’ avukati għall-provvista ta’ servizzi legali sa EUR 3250, miżjuda bl-interessi moratorji mit‑18 ta’ Jannar 2023, kif ukoll il-ħlas tal-ispejjeż marbuta mal-irkupru tad-kreditu tagħha.

20.

AK issostni li ġiet ikkuntattjata “bejn l-aħħar ta’ Marzu u l-bidu ta’ April 2022” minn RU li xtaqet tistabbilixxi kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Slovakk. RU kellha teżerċita l-funzjoni ta’ amministratriċi ta’ din il-kumpannija u ssir waħda miż-żewġ fundaturi u soċji tagħha. AK u RU għalhekk ikkonkludew kuntratt ta’ mandat verbali, li permezz tiegħu AK ġiet ingaġġata tipprovdi servizzi legali permezz ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa miftehma.

21.

AK bagħtet lil RU abbozz ta’ memorandum u ta’ statut ta’ assoċjazzjoni u dokumenti oħra, kif ukoll il-fattura relatata mas-servizzi tagħha, li kienet għadha ma tħallsitx fid-data ta’ skadenza tagħha, jiġifieri fis‑17 ta’ Jannar 2023. Skont AK, din hija tilwima rregolata mid-dispożizzjonijiet tad-dritt kummerċjali u hija titlob għalhekk il-ħlas tal-ammont f’daqqa ta’ EUR 40 bħala rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-irkupru tal-kreditu tagħha, skont l‑Artikolu 369c(1) tal-Kodiċi Kummerċjali, li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7.

22.

Min-naħa tagħha, RU tikkontesta li kkonkludiet kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi legali ma’ AK. Skont RU, ma ġie konkluż l-ebda ftehim dwar ir-remunerazzjoni u AK bagħtitilha l-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni u d-dokumenti l-oħra mingħajr ma kienet mitluba tagħmel dan. RU tqis li hija konsumatur u ssostni li t-tilwima hija għalhekk irregolata mid-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili.

23.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Mestský súd Bratislava IV (il-Qorti Muniċipali ta’ Bratislava IV, is-Slovakkja) kellha dubju dwar jekk il-konvenuta fil‑kawża prinċipali għandhiex tiġi kkunsidrata bħala impriża, fis-sens tad‑Direttiva 2011/7, jew bħala konsumatur, fis-sens tad-Direttiva 93/13, hija iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [2011/7], kif emendata, moqri flimkien mal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 2 u mal-Artikolu 6(1) ta[’ din id-]direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li (i) il‑persuna fiżika li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tuża s-servizzi legali ta’ avukat bl-għan li titwaqqaf kumpannija li tagħha hija għandha ssir l-amministratriċi u waħda miż-żewġ fundaturi u soċji għandha titqies bħala ‘intrapriża’, u (ii) it‑tranżazzjoni li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, twassal għall-provvista ta’ servizzi ta’ avukat lil tali persuna fiżika bl-għan li titwaqqaf kumpannija għandha titqies bħala ‘tranżazzjoni kummerċjali’?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ ‘konsumatur’ fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2 tad‑Direttiva [93/13]), kif emendata, moqri flimkien mal‑Artikolu 8 ta[’ din id-direttiva], għandu jiġi interpretat fis‑sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jinkludi wkoll il-persuna fiżika li kontriha titressaq talba għall-irkupru ta’ dejn li jirriżulta minn kuntratt għall-provvista ta’ servizzi legali, fejn is-suġġett ta[’ dan il-]kuntratt kien il-provvista ta’ servizzi legali bl-għan li titwaqqaf kumpannija u li [din il-persuna fiżika] kellha ssir l-amministratriċi u waħda miż-żewġ fundaturi u soċji tagħha?”

24.

Il-Kummissjoni u l-Gvern Slovakk ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

Analiżi

Fuq l-ewwel domanda

25.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/7, moqri flimkien mal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 2 u mal-Artikolu 6(1) ta’ din id‑direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika, li ma hijiex “imprenditur” skont id-dritt Slovakk peress li għadha ma ġiet stabbilita ebda kumpannija, u li użat is-servizzi ta’ avukat sabiex tiġi stabbilita kumpannija kummerċjali li tagħha hija kellha ssir l-amministratriċi u waħda miż-żewġ fundaturi u soċji tagħha, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala “intrapriża” fis-sens tal-imsemmija direttiva. Il-kwistjoni hija għalhekk dwar jekk il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni tikkostitwixxix “tranżazzjoni kummerċjali” minħabba li din il-persuna talbet servizzi legali għall‑finijiet ta’ attività professjonali futura. Skont il-qorti tar-rinviju, ir‑risposta għal din id-domanda hija neċessarja sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti għandhiex dritt għar-rimbors ta’ ammont f’daqqa skont l‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, kif traspost permezz tal-Artikolu 369c(1) tal-Kodiċi Kummerċjali Slovakk.

26.

F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/7, din għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula b’remunerazzjoni għal “transazzjonijiet kummerċjali”. Dan il-kunċett huwa ddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bħala li jistipula żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Hija għandha, l-ewwel nett, issir jew bejn impriżi, jew bejn impriżi u l‑awtoritajiet pubbliċi; u t-tieni nett, twassal għall-provvista ta’ prodotti jew għall-provvista ta’ servizzi kontra remunerazzjoni ( 5 ).

27.

F’dan il-każ, hija biss l-ewwel kundizzjoni, dwar il-possibbiltà li RU tiġi kkunsidrata bħala “impriża”, li hija s-suġġett tad-domandi tal‑qorti tar-rinviju.

28.

Infakkar li mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ riferiment għall-punti 1 u 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35 ( 6 ) għad-dritt nazzjonali, il-kunċetti ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” u ta’ “impriża” għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi ( 7 ). Skont il-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, “intrapriża” tfisser kull organizzazzjoni, għajr l-awtoritajiet pubbliċi, li tkun taġixxi fl-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew professjonali indipendenti, anki meta dik l‑attività tkun titwettaq biss minn persuna waħda.

29.

F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2011/7, intiża li tiġġieled kontra l-ħlas tardiv fi tranżazzjonijiet kummerċjali, sabiex tiżgura l‑funzjonament tajjeb tas-suq intern, filwaqt li ttejjeb b’hekk il‑kompetittività tal-impriżi u b’mod partikolari tal-impriżi żgħar u medji, ma hijiex intiża li tapplika għal kull tranżazzjoni li tkun twassal għall‑provvista ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi kontra remunerazzjoni, b’mod partikolari għal dawk kollha konklużi individwalment mill-individwi fil-ħajja ta’ kuljum ( 8 ). B’hekk, ma huwiex biżżejjed li persuna tkun tikkonkludi tranżazzjoni relatata ma’ attività ekonomika sabiex din tkun taqa’ taħt il-kunċett ta’ “impriża” u sabiex din it‑tranżazzjoni tkun ikkwalifikata bħala “kummerċjali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Hemm bżonn ukoll li din il-persuna tkun taġixxi bħala organizzazzjoni fil-kuntest ta’ tali attività jew ta’ attività professjonali indipendenti ( 9 ).

30.

Dan ir-rekwiżit jimplika, minn naħa, li l-imsemmija persuna, ikunu xi jkunu l-forma u l-istat legali tagħha fid-dritt nazzjonali, teżerċita din l-attività b’mod strutturat u stabbli, liema attività b’hekk ma tistax tillimita ruħha għal provvista individwali u iżolata, u, min-naħa l‑oħra, li t-tranżazzjoni kkonċernata tkun taqa’ taħt il-kuntest tal-attività msemmija. Għall-kuntrarju, l-attività inkwistjoni mhux neċessarjament għandha tkun l-attività ekonomika jew professjonali prinċipali tal-persuna kkonċernata jew tkun marbuta ma’ din l-aħħar attività ( 10 ).

31.

Madankollu, nippreċiża li, fir-rigward tal-kunċett ta’ “organizzazzjoni”, dan ir-rekwiżit ta’ eżerċizzju tal-attività b’mod strutturat u stabbli mhux neċessarjament jinvolvi struttura organizzata ta’ mezzi bħal faċilitajiet proprji, persunal u għodda jew tagħmir użati għal din l-attività ( 11 ).

32.

B’hekk, sabiex jiġi stabbilit jekk persuna taġixxix bħala “intrapriża” fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 u jekk, għalhekk, it-tranżazzjonijiet li hija tikkonkludi għandhomx natura kummerċjali fis‑sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

33.

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, RU, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, hija persuna fiżika u l-qorti tar-rinviju ma semmiet l-ebda ċirkustanza oħra relatata mal-istatus tagħha jew mal-attività tagħha, li tkun timmilita lejn il‑klassifikazzjoni tagħha bħala “organizzazzjoni li taġixxi fl-eżerċizzju tal-attività ekonomika jew professjonali indipendenti tagħha”. Fil-fatt, ma jirriżulta mill-ebda prova prodotta mill-qorti tar-rinviju li RU kienet teżerċita attività ekonomika jew professjonali indipendenti b’mod strutturat u stabbli u xejn ma jindika li t-tranżazzjoni kkonċernata kienet taqa’ taħt il-kuntest ta’ tali attività. Għalhekk l-ebda waħda miż-żewġ kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ impriża, imsemmija fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma hija ssodisfatta f’dan il-każ.

34.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura futura ta’ attività professjonali li tkun is-suġġett ta’ kuntratt. Il-Gvern Slovakk isostni, min-naħa tiegħu, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura, is-suġġett u l-għan tat‑tranżazzjoni inkwistjoni. Fl-opinjoni tiegħu, il-persuni fiżiċi li jintervjenu fil-proċess ta’ twaqqif ta’ kumpannija kummerċjali u li jaġixxu b’rabta mal-attività ekonomika maħsuba minn din il-kumpannija jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “impriża” u r-rekwiżiti f’dan ir-rigward għandhom jiġu eżaminati fir-rigward tal-kumpannija kummerċjali li t-twaqqif tagħha kien maħsub, b’mod konformi mal-għan tad-Direttiva 2011/7 li tiġġieled kontra l‑ħlasijiet tardivi. Minn dan huwa jikkonkludi li RU aġixxiet b’intenzjoni li teżerċita b’mod sistematiku attività ekonomika jew professjonali u għandha tiġi kkunsidrata bħala impriża li kkonkludiet tranżazzjoni kummerċjali.

35.

Dan l-argument ma jikkonvinċinix.

36.

Fil-fatt, għalkemm huwa korrett li l-għan tat-tranżazzjoni kkonċernata jista’, jekk ikun il-każ, jikkostitwixxi element fost oħrajn li għandu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi evalwat jekk id-Direttiva 2011/7 hijiex applikabbli ( 12 ), huwa ma għandux, bħall-intenzjoni tal-persuna kkonċernata, ikun suffiċjenti sabiex waħdu jikklassifikaha bħala “impriża” fil-kuntest tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni inkwistjoni.

37.

Infakkar li, sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kliem tagħha, kif ukoll il-kuntest u l-għanijiet tagħha ( 13 ).

38.

L-ewwel nett, mill-kliem tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 jirriżulta li l‑“intrapriża” hija ddefinita bħala organizzazzjoni “li taġixxi fil-kors ta’ attività ekonomika”, fatt li jmur fid-direzzjoni tal-eżistenza ta’ tali impriża waqt il-konklużjoni tat-tranżazzjoni kkonċernata. Kieku l‑intenzjoni futura li tiġi eżerċitata tali attività ekonomika kienet maħsuba mil-leġiżlatur bħala element tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “impriża”, dan kien, fl-opinjoni tiegħi, jirriżulta espliċitament mit-test ( 14 ), peress li dan jikkostitwixxi tkabbir sinjifikattiv tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑direttiva.

39.

It-tieni nett, jidhirli li l-interpretazzjoni kuntestwali tikkorrobora din l-interpretazzjoni testwali. Fil-fatt, id-Direttiva 2011/7 għandha tapplika, ratione materiae, għall-ħlasijiet kollha magħmula b’remunerazzjoni għal “transazzjonijiet kummerċjali”, sakemm dawn iwasslu għall-provvista ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi kontra remunerazzjoni. In-natura wiesgħa ta’ dan il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” hija madankollu limitata bil-fatt li hija ddefinita, ratione personae, bħala kull tranżazzjoni bejn “intrapriżi”, li jfisser li għandu jiġi eżaminat jekk it-tranżazzjoni kinitx ġiet konkluża bħala“impriża” jew le ( 15 ). Għalhekk, il-konstatazzjoni li l-persuna kkonċernata ma kinitx “intrapriża” fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 waqt il‑konklużjoni tat-tranżazzjoni ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, mibdula mill‑possibbiltà li din il-persuna setgħet, jekk ikun il-każ, takkwista din il-kwalità sussegwentement. Il-possibbiltà ta’ bidla futura tal-istatus tagħha f’dan ir-rigward ma jidhirlix li hija element rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura tat-tranżazzjoni kkonċernata, anki jekk din il-bidla kienet konsegwenza ta’ din it-tranżazzjoni ( 16 ). Inżid li, sabiex tkun “kummerċjali”, it-tranżazzjoni inkwistjoni għandha tkun taqa’ “fil-kuntest ta”l-attività kkonċernata tal-persuna inkwistjoni ( 17 ). Għalhekk, meta tevalwa l-applikabbiltà tad-Direttiva 2011/7 fid-dawl tal-kwalità tal‑partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tpoġġi lilha nnifisha fil-mument tal‑konklużjoni tat-tranżazzjoni kkonċernata ( 18 ).

40.

It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-għan tad-Direttiva 2011/7, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, hija intiża li tiġġieled kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, sabiex b’hekk titjieb il‑kompetittività tal-impriżi, b’mod partikolari ta’ impriżi żgħar u medji. Madankollu, jiena tal-opinjoni li l-għan ta’ protezzjoni effikaċi tal‑kreditur kontra l-ħlasijiet tardivi ma jistax iwassal sabiex ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva sal-punt li jinkludi fih persuna fiżika li ma tkunx tissodisfa l-kwalità ta’ impriża waqt il-konklużjoni tat-tranżazzjoni.

41.

Issa, f’dan il-każ, fil-mument tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni kkonċernata, ma jirriżulta mill-ebda element prodott mill-qorti tar-rinviju li RU kienet teżerċita attività ekonomika jew professjonali indipendenti, jew li ppreżentat ruħha lil AK bħala li qegħda taġixxi fl-eżerċizzju ta’ tali attività. Barra minn hekk, huwa stabbilit li RU kienet għadha ma hijiex amministratriċi jew soċju tal-kumpannija, li kienet għadha ma hijiex stabbilita taħt id-dritt Slovakk u li mill-proċess ma jirriżultax li finalment kienet twaqqfet. Barra minn hekk, it-tranżazzjoni inkwistjoni bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali kellha bħala għan il-provvista ta’ servizzi legali u, għalkemm il-kontenut ta’ din il-konsultazzjoni legali kienet tirrigwarda t‑twaqqif ta’ kumpannija kummerċjali (abbozzar ta’ abbozz ta’ memorandum u ta’ statut ta’ assoċjazzjoni, preparazzjoni ta’ dokumenti oħra u eżami ta’ kwistjonijiet relatati mat-twaqqif tal-kumpannija u mal-parteċipazzjoni personali tal-fundaturi futuri), xejn ma jindika li l-intenzjoni li titwaqqaf din il-kumpannija kienet reali, speċjalment peress li l-qorti tar-rinviju semmiet il-fatt li RU kienet ikkontestat li talbet lil AK tabbozza din il‑konsultazzjoni legali.

42.

Barra minn hekk, id-dubji mqajma mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tas-sentenzi Benincasa ( 19 ) u Česká spořitelna ( 20 ) jidhirli li għandhom jitwarrbu. Fil-fatt, ir-rinviji għal deċiżjonijiet preliminari f’dawk il-kawżi kienu intiżi li jistabbilixxu liema kienu l-qrati li kellhom ġurisdizzjoni. Fis-sistemi tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament 44/2001, il-kunċett ta’ “konsumatur” jirregola d-determinazzjoni ta’ regoli ta’ kompetenza ġudizzjarja u jippermetti b’mod partikolari lir-rikorrent “konsumatur” iressaq lill-konvenut quddiem qrati oħra minbarra dawk tal-Istat li fit-territorju tiegħu l-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu. Issa, kif enfasizzat il-Qorti tal‑Ġustizzja, peress li tippermetti derogi mir-regoli ta’ prinċipju fil‑qasam tal-ġurisdizzjoni tal-qrati, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ta’ “konsumatur” għandha, f’dan il-kuntest partikolari, tkun stretta. Kien għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fil-kuntest tad‑dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ( 21 ), il‑protezzjoni partikolari relatata mal-kwalità ta’ “konsumatur”, mixtieqa mill-imsemmija dispożizzjonijiet, ma tkunx iġġustifikata fil-każ ta’ kuntratti li għandhom bħala għan attività professjonali, anki jekk din tkun ippjanata għall‑futur ( 22 ). Għalhekk, f’dawk il-kawżi, l-eżerċizzju ta’ attività professjonali mhux attwali iżda futura kienet meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi konkluż li l-persuna fiżika kkonċernata ma kinitx “konsumatur” fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Nru 44/2001 ( 23 ).

43.

Madankollu, jekk tali raġunament jinftiehem fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-qorti li kellha għandha ġurisdizzjoni fil-mument li fih din tkun ġiet adita, ma jidhirlix li dan jista’ jiġi traspost fil-kuntest ta’ din it-tilwima.

44.

Fil-fatt, din l-interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “konsumatur”, li fiha l-għan professjonali tal-kuntratt, l-attività professjonali futura jew l-iżvilupp tar-relazzjoni kuntrattwali jikkostitwixxu elementi rilevanti sabiex persuna tiġi miċħuda l-kwalità ta’ “konsumatur”, hija ġġustifikata fil-kuntest partikolari tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni. Barra minn hekk, nirrileva li kemm l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kif ukoll l‑Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 jiddefinixxu l-konsumatur billi jirreferu għal persuna li tikkonkludi kuntratt “għal skop” li jista’ jkun meqjus li ma għandux rabta mal-attività professjonali tiegħu, kunċett ta’ “użu” li huwa assenti mid-definizzjoni tal-impriża kif tirriżulta mill-punt 3 tal‑Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7.

45.

Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti relatati mal-kliem, mal-kuntest u mal-għan tad-Direttiva 2011/7 ( 24 ), ma jidhirlix li huwa ġġustifikat li jkun hemm aċċettazzjoni partikolarment wiesgħa tal-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” sal-punt li s-suġġett u l-għan tat-tranżazzjoni jitqiesu bħala kriterji deċiżivi għall‑applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva ( 25 ). B’hekk, f’dan il-każ, huwa fil-mument tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni li għandha bħala għan il-provvista ta’ servizzi legali li għandha tiġi evalwata l-kwalità ta’ “impriża” tad-debitur RU, irrispettivament mill-fatt jekk il-kumpannija koperta mill-konsultazzjoni legali tkunx finalment twaqqfet jew le.

46.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/7, moqri flimkien mal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 2 u mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall‑eżistenza ta’ ċirkustanzi oħra li jippermettu li jiġi konkluż li persuna fiżika aġixxiet fl-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew professjonali indipendenti strutturata u stabbli, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-fatt li din il-persuna għamlet użu mis‑servizzi ta’ avukat sabiex tiġi stabbilita kumpannija kummerċjali, li tagħha hija kellha ssir l-amministratriċi u waħda miż-żewġ fundaturi u soċji, ma jistax ikun biżżejjed waħdu sabiex jikklassifika lil din il-persuna bħala “impriża” u, għalhekk, sabiex jikklassifika t-tranżazzjoni konkluża mal‑avukat bħala “kummerċjali”.

Fuq it-tieni domanda

47.

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar‑rinviju tagħmel it-tieni domanda preliminari sabiex tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li għamlet użu mis-servizzi ta’ avukat sabiex tiġi stabbilita kumpannija kummerċjali, li tagħha hija kellha ssir l-amministratriċi u waħda miż‑żewġ fundaturi u soċji, għandha tiġi kkunsidrata bħala konsumatur fis‑sens ta’ din id-dispożizzjoni.

48.

Inqis neċessarju neżamina, qabelxejn, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tirrispondi għal din it-tieni domanda, imbagħad l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda, qabel, finalment, nagħti tweġiba fuq il-mertu.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

49.

Għandu jitfakkar li d-Direttiva 93/13 tkopri biss, minn naħa, il-klawżoli li ma kinux ġew innegozjati individwalment (Artikolu 3 ta’ din id-direttiva) u, min-naħa l-oħra, il-klawżoli minbarra dawk li jirrigwardaw id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal‑kuntratt jew l-adegwatezza tal-prezz u tal-provvista (Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva).

50.

Issa, f’dan il-każ, kif indikat il-qorti tar-rinviju u kif enfasizza l‑Gvern Slovakk, il-kawża prinċipali ma tirrigwardax klawżola, inġusta jew le, li tinsab fil-kuntratt inkwistjoni (verbali f’dan il-każ) iżda d‑definizzjoni ta’ “konsumatur” li tinsab fl-Artikolu 2(b) tad‑Direttiva 93/13. Barra minn hekk, nirrileva li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali impenjat ruħha tipprovdi servizzi legali kontra remunerazzjoni f’daqqa “miftehma”, fatt li jagħti x’jinftiehem li kien hemm innegozjar individwali dwar l-onorarji.

51.

Għalhekk, id-Direttiva 93/13, li tirrigwarda “il-klawżoli abbużivi fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi”, ma għandhiex tapplika bħala tali għall-mertu tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

52.

Konsegwentement, tqum il-kwistjoni tar-rabta tat-tilwima fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk, tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-tieni domanda preliminari: il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta kunċett (dak ta’ “konsumatur”) li jinsab f’att tad-dritt sekondarju (id-Direttiva 93/13), minkejja li dan l‑att ma huwiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali?

53.

Il-ġurisprudenza li tirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja f’dan il-qasam kienet is-suġġett ta’ żviluppi li ġew analizzati, sistematizzati u sintetizzati b’mod brillanti u rilevanti, minn diversi Avukati Ġenerali ( 26 ) kif ukoll mid-duttrina ( 27 ). Il-Qorti tal‑Ġustizzja stess ikkjarifikat il-metodu ta’ analiżi tagħha b’mod partikolari fis-sentenza Ullens de Schooten ( 28 ). F’din is-sentenza, wara li ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Istat, peress li kien jikkostitwixxi prinċipju inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, fil-mertu, jekk is-sistema tar‑responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru setgħetx tapplika f’kawża li fiha l-elementi kollha kienu limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss, minkejja li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati relatati mal-libertajiet fundamentali inkwistjoni (ta’ stabbiliment, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ moviment liberu tal-kapital), bħala regola, ma japplikacx f’tali sitwazzjoni “purament interna”. Il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, fil-punti 50 sa 53 tal-imsemmija sentenza, l-erba’ xenarji li fihom dawn id‑dispożizzjonijiet kellhom, anki f’din is-sitwazzjoni, jiġu interpretati u b’hekk issistematizzat il-każijiet li fihom id-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi invokat (jew interpretat), fis-sens li huwa ġġustifikat għal rikorrent li jinvokah quddiem il-qorti nazzjonali tiegħu u li din tistaqsi lill-Qorti tal‑Ġustizzja dwar il-portata tiegħu, minkejja li s-sitwazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola invokata.

54.

F’dan il-każ, ir-raba’ xenarju msemmi fis-sentenza Ullens de Schooten jidher b’mod iktar partikolari rilevanti, peress li jkopri l-każijiet fejn, anki jekk il-fatti fil-kawża prinċipali ma jkunux jaqgħu direttament fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt jkunu saru applikabbli mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward tas‑soluzzjonijiet li jkunu ngħataw għal sitwazzjonijiet li l-elementi kollha tagħhom jkunu limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss, tkun konformi mal-approċċ ipprovdut mid-dritt tal-Unjoni ( 29 ).

55.

F’dawn il-każijiet, fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja żżomm il‑ġurisdizzjoni tagħha billi tagħti preċedenza lill-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiżgura trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. B’hekk, interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet purament interni tkun iġġustifikata minħabba li dawn ikunu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, sabiex jiġi żgurat trattament identiku għas-sitwazzjonijiet interni u għas‑sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni ( 30 ).

56.

F’tali kuntest, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tindika b’liema mod it-tilwima pendenti quddiemha għandha, mad-dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-Unjoni inkwistjoni, element ta’ rabta li jirrendi l‑interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, skont kif jitlob l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti tal-Ġustizzja ( 31 ).

57.

F’dan il-każ, l-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju titlob l‑interpretazzjoni ta’ “kunċett”, f’dan il-każ il-kunċett ta’ “konsumatur”, kif iddefinit fil-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13. F’dan ir‑rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod wiesa’ l-għan tal‑kompetenza tagħha li tagħti interpretazzjoni preliminari prevista fl‑Artikolu 267(1)(a) u (b) TFUE, kompetenza li testendi wkoll għall‑“kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni”. Fil-fatt, jeżisti interess ċert, sabiex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri, li l-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jingħataw interpretazzjoni uniformi, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet li fihom dawn għandhom japplikaw ( 32 ).

58.

It-tieni nett, nistaqsi dwar il-kwistjoni dwar f’liema punt il‑kunċett ta’ “konsumatur”, preżenti fid-Direttiva 93/13, sar applikabbli b’mod “dirett u inkundizzjonat”, permezz tad-dispożizzjonijiet Slovakki msemmija, għal sitwazzjonijiet interni bħal dik inkwistjoni u jekk, minkejja l-assenza ta’ klawżola – inġusta jew le – invokata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba tal‑kunċett ta’ “konsumatur”.

59.

Infakkar li, essenzjalment, ir-riferiment ikun “dirett” meta jkun speċifiku u mhux ġenerali u ikun “inkundizzjonat” meta d‑dispożizzjonijiet tal-Unjoni li għalihom isir riferiment ikunu “applikabbli mingħajr limitazzjoni għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali” ( 33 ), fatt li jimplika li l-qorti tar-rinviju ma tistax titbiegħed mill-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ( 34 ), inkella jkun hemm ir-riskju li r‑risposta għad-domanda preliminari ma tkunx relatata mat-tilwima fil-kawża prinċipali u din tkun, għalhekk, purament ipotetika ( 35 ).

60.

F’dak il-każ, il-qorti tar-rinviju spjegat li l-kunċett ta’ “konsumatur” imsemmi fl-Artikolu 52(4) tal-Kodiċi Ċivili Slovakk jittrasponi l-kunċett iddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 u li, permezz tal-Artikolu 18(4) tal-Liġi dwar il-Professjoni ta’ Avukat, ir-Repubblika Slovakka “introduċiet applikazzjoni tal-kunċett ta’ konsumatur fil-qasam tal-onorarji dovuti lill-avukati għal servizzi legali”. Minn dan, din il-qorti tiddeduċi, essenzjalment, li risposta fl‑affermattiv għat-tieni domanda preliminari tagħha tkun tippermettilha b’hekk, billi tapplika dawn id-dispożizzjonijiet flimkien, tiddeċiedi t-tilwima fil-kawża prinċipali.

61.

Huwa veru li, ir-riferiment għad-dritt tal-Unjoni ma jidhirx b’mod espliċitu fid-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkwistjoni u l-qorti ma tagħti ebda element konkret (pereżempju xogħlijiet preparatorji) f’dan ir-rigward. Madankollu, il-qorti tar-rinviju biss għandha ġurisdizzjoni tinterpreta d-dritt nazzjonali fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE. Barra minn hekk, il-Gvern Slovakk ma jikkontestax li l-kunċett ta’ “konsumatur” li tiegħu ntalbet l-interpretazzjoni, ser ikun applikabbli f’dan il-każ, anki jekk jissuġġerixxi li l-kunċett ta’ “konsumatur” għandu jiġi interpretat iktar fid-dawl tal-obbligu ta’ informazzjoni u għalhekk fid-dawl tal‑Artikolu 5(1)(c) u (4) tad-Direttiva 2011/83 dwar drittijiet tal‑konsumatur.

62.

Barra minn hekk, l-Artikolu 52 tal-Kodiċi Ċivili, iċċitat mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, jirrigwarda, fit-tieni paragrafu tiegħu, id-dispożizzjonijiet dwar kuntratti konklużi ma’ konsumatur, filwaqt li jistipula b’mod partikolari li dawn għandhom japplikaw, essenzjalment, fil-każijiet kollha fejn dan ikun favorevoli għall-konsumatur, filwaqt li l-konvenzjonijiet jew il-ftehimiet diverġenti, li l‑kontenut jew l-għan tagħhom ikunu intiżi li jevitaw l‑imsemmija dispożizzjonijiet, għandhom ikunu invalidi, fatt li jirreferini għad-Direttiva 93/13 dwar klawżoli inġusti u jsaħħaħ l‑indikazzjoni tal-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 52 tal-Kodiċi Ċivili Slovakk jittrasponi l-kunċett ta’ “konsumatur” li jinsab Direttiva 93/13. Fl-aħħar nett, ma nara l-ebda raġuni sabiex niddubita li l-qorti tar‑rinviju tqis lilha nnifisha marbuta bl-interpretazzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja peress li tenfasizza li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima fil-kawża prinċipali.

63.

Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur Slovakk ried jagħmel riferiment dirett u inkundizzjonat għall-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tad-Direttiva 93/13, sabiex ikun applikat l-istess kunċett ta’ “konsumatur” f’sitwazzjonijiet interni rregolati minn din id-dispożizzjoni tal-Kodiċi Ċivili Slovakk u f’sitwazzjonijiet irregolati mid-Direttiva 93/13.

64.

Minn dan jirriżulta li l-fatt li s-sitwazzjoni inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli taċċetta l-ġurisdizzjoni tagħha, peress li l-leġiżlatur Slovakk jista’ jiġi kkunsidrat bħala li ddeċieda li japplika dan il-kunċett ta’ “konsumatur” ( 36 ).

65.

It-tielet nett, inqis li hemm interess tal-Unjoni li tiżgura uniformità kunċettwali tal-kunċett ta’ “konsumatur” fil-kuntest ta’ kuntesti nazzjonali u Ewropej “ġuridikament u funzjonalment komparabbli” ( 37 ), li huwa l-każ meta dawn ikollhom l-istess għan li għandu jintlaħaq u jkunu jikkonċernaw l-istess suġġett, bħal f’dan il-każ.

66.

Huwa veru li, ma teżistix definizzjoni unika tal-“konsumatur” fid‑dritt tal-Unjoni ( 38 ) u kull direttiva tinkludi d-definizzjoni proprja tagħha tal-“konsumatur” li tkun rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-att ( 39 ). Barra minn hekk, dan il-kunċett ta’ “konsumatur” huwa interpretat ftit jew wisq b’mod wiesa’ skont l-atti ta’ dritt sekondarju inkwistjoni ( 40 ).

67.

Għalhekk, il-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens ta’ direttiva jista’ jiġi “estratt” biss b’kawtela mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni li għalih dan huwa ddefinit.

68.

Madankollu, id-Direttiva 93/13 tirrigwarda kważi li jkunu jirrigwardaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tarmonizza, fl-Istati Membri, qasam tad-dritt speċifiku. Għaldaqstant, ir-regoli li jinsabu fl-imsemmija leġiżlazzjoni japplikaw irrispettivament min-natura purament interna tas‑sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tapplika wkoll għas-sitwazzjonijiet li ma jkunux jinvolvu element transkonfinali ( 41 ).

69.

Barra minn hekk, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata bid‑Direttiva 93/13 tistrieħ fuq il-fatt li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fir-rigward tal-kummerċjant. Issa, dan huwa l-istess f’direttivi Ewropej differenti dwar il-konsumatur ( 42 ). B’hekk, fil-preżenza ta’ formulazzjonijiet li ma jkollhomx differenzi sostanzjali, il-Qorti tal‑Ġustizzja tinterpreta l-kunċett b’mod konverġenti u diġà kellha l‑okkażjoni tenfasizza r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti portata orizzontali lid-definizzjoni ta’ “konsumatur” ( 43 ).

70.

Għalhekk, jiena tal-opinjoni li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, li jippermettu li jiġi kkonstatat li l-kuntesti, nazzjonali u Ewropej, invokati mill-qorti tar-rinviju, huma “ġuridikament u funzjonalment komparabbli”, jeżisti interess tal-Unjoni sabiex il-kunċett ta’ “konsumatur” li jinsab fid-Direttiva 93/13 jingħata interpretazzjoni uniformi mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ interpretazzjonijiet diverġenti ta’ dan is-suġġett fil-kuntest tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli.

71.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi fuq it-tieni domanda magħmula mill‑qorti tar-rinviju.

Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni domanda preliminari

72.

Peress li jista’ jiġi dedott, mir-riferiment tal-Gvern Slovakk għad‑digriet Rozhlas a televízia Slovenska tat‑28 ta’ April 2022 ( 44 ), li huwa jinvoka l-inammissibbiltà tat-tieni domanda preliminari, infakkar fil-qosor li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil‑kawża prinċipali, fejn il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha. Minn ġurisprudenza stabbilita, li hija issa riflessa wkoll fl-Artikolu 94 tar‑Regoli tal-Proċedura, jirriżulta wkoll n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u regolatorju tad‑domandi magħmula minnha, jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ‑ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id‑deċiżjoni tar-rinviju għandha, barra minn dan, tindika r-raġunijiet preċiżi li jkunu wasslu lill-qorti nazzjonali biex ikollha dubji dwar l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u biex tikkunsidra neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 45 ). Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l‑ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima ( 46 ).

73.

Issa, f’dan il-każ, jidhirli li l-qorti tar-rinviju ssodisfatt dawn ir‑rekwiżiti b’mod suffiċjenti fid-dawl tal-elementi pprovduti, imqassra b’mod partikolari fil-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

74.

L-ewwel nett, fil-fatt, il-qorti tar-rinviju spjegat ir-raġunijiet li għalihom din l-interpretazzjoni hija mitluba u l-importanza li hija għandha għat-tilwima fil-kawża prinċipali ( 47 ). B’hekk, minkejja li, kif indikat preċedentement, it-tilwima fil-kawża prinċipali ma jidhirx li tirrigwarda klawżola ta’ kuntratt u ma taqax, għalhekk, fir-rigward tal-mertu, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal‑Unjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tat-tilwima fil‑kawża prinċipali u ma tidhirx għalhekk li hija mingħajr rabta ċara mar-realtà tat-tilwima jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

75.

It-tieni nett, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-kwistjoni ma hijiex ta’ natura ipotetika. Ninnota li dawn l-ispjegazzjonijiet, barra minn hekk, ippermettew lill-Gvern Slovakk kif ukoll lill-Kummissjoni jeżerċitaw id-dritt mogħti lilhom permezz tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jippreżentaw osservazzjonijiet.

76.

It-tielet nett, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll il-punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li qegħdin isirulha.

77.

Għalhekk, jiena tal-opinjoni li l-qorti tar-rinviju ssodisfatt ir‑rekwiżiti previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, b’tali mod li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tagħha

78.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li tkun għamlet użu mis-servizzi ta’ avukat sabiex tiġi stabbilita kumpannija kummerċjali, li tagħha hija kellha ssir l-amministratriċi u waħda miż-żewġ fundaturi u soċji, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala “konsumatur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

79.

Infakkar li l-kwalità ta’ “konsumatur” tal-persuna kkonċernata għandha tiġi stabbilita skont kriterju funzjonali, li jevalwa jekk ir‑relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni tagħmilx parti mill-ambitu ta’ attivitajiet li ma għandhom ebda rabta mal-eżerċizzju ta’ professjoni ( 48 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikkonoxxiet li interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “konsumatur” hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-persuni fiżiċi kollha li, imqabbla mal‑kummerċjant, jinsabu f’pożizzjoni iktar dgħajfa ( 49 ).

80.

F’dan il-każ, jiena tal-opinjoni li, kemm il-kliem tad-definizzjoni ta’ “konsumatur”, kif indikat fiha ( 50 ), kif ukoll il-kuntest u l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 93/13, jimmilitaw sabiex jiġi kkunsidrat li l-konvenuta fil-kawża prinċipali, bħala persuna fiżika li għadha ma bdietx l-attività li fir-rigward tagħha hija kienet iddikjarat lill-avukat li hija interessata mis-servizzi legali tiegħu, għandha tiġi kkunsidrata bħala “konsumatur”. Fil-fatt, xejn ma juri li l‑konvenuta fil-kawża prinċipali kienet diġà teżerċita attività professjonali li fil-kuntest tagħha kien jaqa’ dan il-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi legali. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni, li għandha ssir mill‑qorti tar-rinviju, għandha ssir fil-mument tal-konklużjoni tal‑kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi legali skont l-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 93/13 u skont l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur meta huwa jiftiehem ma’ kummerċjant ( 51 ). F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali għandha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, tqis iċ-ċirkustanzi kollha tal‑każ sabiex tistabbilixxi jekk il-persuna fiżika kkonċernata aġixxietx fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha jew għal skopijiet li jmorru lil hinn minn din l-attività ( 52 ).

81.

B’hekk, il-kwalità ta’ “konsumatur” tal-persuna kkonċernata ma hijiex evalwata skont l-għan tagħha li ssir, jekk ikun il-każ, operatur ekonomiku, iżda skont it-tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk, waqt il‑konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni, kinitx qiegħda taġixxi fil-kuntest tal‑attività professjonali tagħha.

82.

Fid-dawl tal-elementi li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari u bla ħsara għal verifiki f’dan ir-rigward mill-qorti tar‑rinviju, il-kwalità ta’ “konsumatur” għandha, fl-opinjoni tiegħi, tiġi aċċettata f’dan il-każ. Barra minn hekk, l-istess jgħodd, jidhirli, għall‑kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tad-Direttiva 2011/83.

83.

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju, fid-dawl tas-sentenza Gruber ( 53 ), jidhirli li għandhom jitwarrbu, għall-istess raġunijiet, mutatis mutandis, bħal dawk esposti fil-punti 42 sa 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet fir‑rigward tas-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 1997, Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337), u tal‑14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165). Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, l-interpretazzjoni ristretta tal-kunċett ta’ “konsumatur” adottata f’ din is-sentenza Gruber, għall-finijiet tad‑determinazzjoni tal-portata tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni derogatorji previsti fl-Artikoli 13 sa 15 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fil-każ ta’ kuntratt b’żewġ għanijiet, ma għandhiex tiġi estiża, b’analoġija, għall-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 ( 54 ).

84.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari fis-sens li l-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkollha l-kwalità ta’ “konsumatur” il-persuna fiżika li tkun ikkonkludiet kuntratt li jkollu bħala suġġett servizzi legali sabiex tiġi stabbilita kumpannija li tagħha din il-persuna fiżika kellha ssir l-amministratriċi u waħda miż-żewġ fundaturi u soċji, bla ħsara għall‑verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju dwar iċ-ċirkustanzi tal-każ u intiżi b’mod partikolari li jiġi evalwat jekk il-persuna fiżika kkonċernata aġixxietx fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha jew le.

Konklużjoni

85.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Mestský súd Bratislava IV (il-Qorti Muniċipali ta’ Bratislava IV, Slovakkja), bil-mod segwenti:

1)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali kif irrettifikata, moqri flimkien mal‑punti 1 u 3 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

bla ħsara għall-eżistenza ta’ ċirkustanzi oħra li jippermettu li jiġi konkluż li persuna fiżika aġixxiet fl-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew professjonali indipendenti strutturata u stabbli, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-fatt li din il-persuna għamlet użu mis-servizzi ta’ avukat sabiex tiġi stabbilita kumpannija kummerċjali, li tagħha hija kellha ssir l-amministratriċi u waħda miż-żewġ fundaturi u soċji, ma jistax ikun biżżejjed waħdu sabiex jikklassifika lil din il-persuna bħala “impriża” u, għalhekk, sabiex jikklassifika t-tranżazzjoni konkluża mal-avukat bħala “kummerċjali”.

2)

Il-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad‑Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, kif emendata bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tagħha

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

dan jinkludi persuna fiżika li tkun ikkonkludiet kuntratt li jkollu bħala suġġett servizzi legali sabiex tiġi stabbilita kumpannija li tagħha din il-persuna fiżika kellha ssir l-amministratriċi u waħda miż-żewġ fundaturi u soċji, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar‑rinviju dwar iċ-ċirkustanzi tal-każ u intiżi b’mod partikolari li jiġi evalwat jekk il-persuna fiżika kkonċernata aġixxietx fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha jew le.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil‑proċedura.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 (ĠU 2011, L 48, p. 1). Din id-direttiva ħassret, b’effett mis‑16 ta’ Marzu 2013, u ssostitwixxiet id‑Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 226).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100) kif emendata bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur (ĠU 2011, L 304, p. 64, rettifika fil-ĠU 2024, L, 2024/90093) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/13”).

( 4 ) Il-kreditriċi oriġinali hija avukata, li saret direttur tal-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali, kumpannija li lilha hija ċediet il-kreditu tagħha.

( 5 ) Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” huwa wiesa’ u mhux neċessarjament jikkoinċidi mal-kunċett ta’ “kuntratt” (ara, fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew ta’ provvisti ta’ servizzi suċċessivi fil-kuntest tal-istess kuntratt, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2022, X (Provvisti ta’ materjal mediku) (C‑419/21, EU:C:2022:948, punti 22 u 25)). Fil-fatt, l-Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 2011/7 jistipula li din “għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali”, irrispettivament minn jekk dawn it-tranżazzjonijiet ikunux jikkorrispondu, jew le, għal kuntratt speċifiku. Bl-istess mod, huwa suffiċjenti li t-tranżazzjoni “twassal” għall‑provvista ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi (ara, b’analoġija, is‑sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Techbau (C‑299/19, EU:C:2020:937, punt 44)). Il-kwistjoni tal-eżistenza stess tat-tranżazzjoni (f’dan il-każ kuntratt verbali bejn AK u RU) taqa’, min-naħa tagħha, taħt l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju.

( 6 ) Direttiva mħassra bid-Direttiva 2011/7.

( 7 ) Ara, b’analoġija fir-rigward tad-Direttiva 2000/35, issostitwita bid-Direttiva 2011/7 inkwistjoni f’din il-kawża, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Nemec (C‑256/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Nemec, EU:C:2016:954, punt 38).

( 8 ) Ara s-sentenza Nemec (punt 32).

( 9 ) Ara s-sentenza Nemec (punt 33).

( 10 ) Ara s-sentenza Nemec (punti 34 u 35). F’din is-sentenza, D. Nemec kien ikkonkluda kuntratt ta’ kiri mal-assoċjazzjoni tal-pompiera voluntieri ta’ Murska Sobota, (is-Slovenja) li permezz tiegħu kien qiegħed jikri lil din l-assoċjazzjoni bawżer sabiex jittrasporta l-ilma f’perijodi ta’ nixfa. Ġie kkunsidrat li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien relatat ma’ attività ekonomika u kien ta lok għall-ħruġ ta’ fattura u li, anki jekk ma kienx jaqa’ taħt l-attivitajiet ta’ D. Nemec (artiġjan indipendenti fil-kostruzzjoni ta’ oġġetti mekkaniċi u ta’ wweldjar), huwa seta’ jiġi kkunsidrat bħala li aġixxa bħala “impriża” li tikkonkludi “tranżazzjoni kummerċjali”, jekk din it-tranżazzjoni, minkejja li ma tkunx relatata mal-attività koperta mill-awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju tiegħu, kienet taqa’ taħt l‑eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew professjonali indipendenti strutturata u stabbli, fatt li kellu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

( 11 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2024, Agenciart – Management Artístico (C‑643/23, EU:C:2024:959, punt 33).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv) (C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 26), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma kienx jirriżulta b’mod ċar jekk J.M., meta kkonkluda l-kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà kummerċjali ma’ RL, kienx aġixxa bħala organizzazzjoni fl-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew professjonali indipendenti u, għalhekk kellux ukoll il-kwalità ta’ “impriża”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l‑fatt li l-proprjetà, li kienet is-suġġett tal-kuntratt ta’ kiri, kienet għal użu kummerċjali kien jipprovdi indikazzjoni f’dan is-sens, iżda li, madankollu, kienet il-qorti tar‑rinviju li kellha twettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

( 13 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Tusnia (C‑725/23, EU:C:2024:1015, punt 20).

( 14 ) Nirrileva pereżempju li, sabiex tiddefinixxi l-konsumatur, id-Direttiva 93/13 tindika li dan huwa kull persuna fiżika li, f’kuntratti koperti minn din id-direttiva “tkun qiegħda taġixxi” għal skopijiet li jaqgħu barra l-attività professjonali tagħha. L-istess japplika għad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86), li tiddefinixxi lill‑konsumatur u lill-kummerċjant billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod espliċitu l-għanijiet tal-azzjonijiet rispettivi tagħhom. Dan ma huwiex il-każ tal‑kunċett ta’ “impriża” fid-Direttiva 2011/7 inkwistjoni f’dan il-każ.

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nemec (punt 43): “[…] il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk f’dan il-każ, D. Nemec ikkonkludiex il-kuntratt inkwistjoni fil‑kawża prinċipali bħala ‘intrapriża’ fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad‑Direttiva 2000/35”. Korsiv miżjud minni.

( 16 ) Ara, b’analoġija, fil-kuntest differenti tad-Direttiva 93/13, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2025, Arce (C‑365/23, EU:C:2025:192, punti 47 sa 51), li fiha il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fejn fuq dan il-punt hija segwiet il-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Rantos fl-istess kawża (C‑365/23, EU:C:2024:865, punti 55 sa 57), li l-kwalità ta’ “konsumatur” ta’ persuna għandha tiġi evalwata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni. Għalhekk, minuri li, fid-data tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizzi ta’ sostenn għall-iżvilupp sportiv u għall-karriera, ma kienx jipprattika, b’mod professjonali, l-attività sportiva kkonċernata ma jitlifx il-kwalità ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, minħabba li huwa jkun sar sportiv professjonali matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

( 17 ) Ara l-punti 28 u 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2024, Agenciart – Management Artístico (C‑643/23, EU:C:2024:959, punt 35): “[…] il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ aġenzija minn persuna li teżerċita l-professjoni ta’ attriċi tagħmel parti mill-attività professjonali ta’ din il-persuna u hija strettament marbuta ma’ din l-attività, peress li, jekk l-imsemmija persuna ma teżerċitax din il-professjoni, il-konklużjoni ta’ tali kuntratt ta’ aġenzija, li jikkonsisti preċiżament fil-promozzjoni u fil-ġestjoni tal‑imsemmija attività, tkun, neċessarjament, mingħajr skop”. Korsiv miżjud minni.

( 19 ) Il-kawża prinċipali fis-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1997, Benincasa vs Dentalkit (C‑269/95, EU:C:1997:337) kienet tirrigwarda kuntratt ta’ franchise li kien fih klawżola ta’ ġurisdizzjoni, li l-validità tagħha kienet tiddependi minn jekk F. Benincasa, rikorrent li ressaq lill-kumpannija ko-kuntrattriċi quddiem il-qorti tal‑post tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, kienx jew le “konsumatur” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni iffirmata f’Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).

( 20 ) It-tilwima fil-kawża prinċipali fis-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165), kienet tirrigwarda obbligu kambjarju tal-amministratur ta’ kumpannija li kien awtorizza ċedola inbjank, iffirmata minn din il-kumpannija favur bank, bħala garanzija għal kuntratt ta’ kreditu u l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni sabiex tisma’ din it-tilwima, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), li jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell fir‑relazzjonijiet bejn l-Istati Membri.

( 21 ) Ara, ukoll, is-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2018, Schrems (C‑498/16, EU:C:2018:37, punti 29 sa 32) u tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Personal Exchange International (C‑774/19, EU:C:2020:1015, punti 29 u 31).

( 22 ) Mill-punti 41 u 42 tas-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Personal Exchange International (C‑774/19, EU:C:2020:1015) jirriżulta wkoll li huwa possibbli li jiġi kkunsidrat l-iżvilupp tar‑relazzjoni kuntrattwali, waqt provvisti ta’ servizzi fit-tul, sabiex tiġi stabbilita l‑kwalità ta’ “konsumatur” u ta’ “kummerċjan”t. Il-punt 46 ta’ din is-sentenza semmi wkoll r-regolarità ta’ attività bħala element fost oħrajn li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

( 23 ) Inżid li, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, fil-kawża Česká spořitelna (C‑419/11), meta ffirma ċ-ċedola kkontestata, min ta l-aval sar il-garanti għall-obbligi tal‑kumpannija li kienet diġà teżisti, li tagħha huwa kien l-amministratur u li fiha kellu sehem maġġoritarju.

( 24 ) Ara l-punti 36 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ “konsumatur”) (C‑570/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza YYY., EU:C:2023:456, punti 49 sa 51).

( 26 ) Fuq ir-rwol ewlieni tal-Avukat Ġenerali, ara Domenicucci, D. P., “Le renvoi préjudiciel et les contours mouvants des situations purement internes”, f’Ferraro, F. u Lannone, C. (dir), Le Renvoi préjudiciel, Bruylant, Brussell, 2023, b’mod partikolari. p. 127 et seq.

( 27 ) Ara, fost awturi ta’ duttrina oħra, Dubout, E., “Voyage en eaux troubles: vers une épuration des situations “purement” internes?”, R.A.E., 2016, Nru 4, p. 679; Wildemeersch, J., Contentieux de la légalité des actes de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2019, p. 352 sa 357; Berlin, D., “Incompétence de la cour de justice et irrecevabilité de la question préjudicielle: comment sortir de l’imbroglio jurisprudentiel?”, R.A.E., 2019, Nru 4, p.801; Varga, Z., “Les conditions de recevabilité des renvois préjudiciels”, fil-Guide pratique du contentieux européen devant les juridictions nationales, Bruylant, Brussell, 2021.

( 28 ) Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016 (C‑268/15, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Ullens de Schooten, EU:C:2016:874).

( 29 ) Ara l-punt 53 tas-sentenza Ullens de Schooten u l-ġurisprudenza ċċitata (jiġifieri s‑sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 36, 37 u 41); tas‑17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C‑28/95, EU:C:1997:369, punti 27 u 32); u tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, (C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 20)).

( 30 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2017, ERGO Poist’ovňa (C‑48/16, EU:C:2017:377, punti 29 sa 31); tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et (C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 206); u tad‑29 ta’ Lulju 2024, LivaNova (C‑713/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza LivaNova, EU:C:2024:642, punt 43, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et (C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 207), u LivaNova (punt 46).

( 32 ) Fis-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Baltijas Starptautiskā Akadēmija u Stockholm School of Economics in Riga (C‑164/21 u C‑318/21, EU:C:2022:785, punti 36 u 41), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li tirrispondi lill-qrati tar-rinviju dwar l‑interpretazzjoni li kien hemm lok li tingħata tal-kunċett ta’ “organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien”, kif kien iddefinit fl-Artikolu 2(83) tar‑Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU 2014, L 187, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 137, p. 71), applikabbli bis-saħħa tad-dritt nazzjonali iżda mhux bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet kuntrarji tal‑Avukat Ġenerali Ćapeta fil-kawżi magħquda Baltijas Starptautiskā Akadēmija u Stockholm School of Economics in Riga, (C‑164/21 u C‑318/21, EU:C:2022:333, b’mod partikolari, il-punt 66)). Ara, ukoll, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Rigall Arteria Management (C‑64/21, EU:C:2022:783, punt 25), li tagħti risposta għad-domanda preliminari minkejja li l-kuntratt inkwistjoni ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177) li tagħha ntalbet l-interpretazzjoni. Ara wkoll is-sentenza LivaNova (punt 43), li fiha t‑tranżazzjoni ta’ diviżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx taqa’ direttament fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpanniji b`responsabbilta pubblika limitata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 50), iżda li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ “parti mill-passiv [mhux] allokata bl-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni”, imsemmi fl‑Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva 82/891, b’mod partikolari għaliex il‑qorti tar‑rinviju spjegat li d-dispożizzjoni nazzjonali tal-Kodiċi Ċivili inkwistjoni fit-tilwima fil‑kawża prinċipali, kienet tittrasponi, fid-dritt nazzjonali, dan l-Artikolu 3(3)(b) ta’ din id-direttiva u li l-leġiżlatur Taljan kien għalhekk iddeċieda li japplikaha għat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-każ.

( 33 ) Għal kjarifiki ta’ dawn il-kunċetti, ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Allianz Hungária Biztosító et C‑32/11, EU:C:2012:663, punt 29); tal-Avukat Ġenerali Pikamae fil-kawżi magħquda Deutsche Post et (C‑203/18 u C‑374/18, EU:C:2019:502, punti 46 u 49); kif ukoll tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:649, punti 55 u 56).

( 34 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-digriet tad‑9 ta’ Settembru 2014, Parva Investitsionna Banka et (C‑488/13, EU:C:2014:2191, punt 29).

( 35 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda Venturini et (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:529, punt 50), li jistipulaw li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni f’dawk il-każijiet biss “fejn ikun ċar li l-interpretazzjoni mogħtija mill‑Qorti tal-Ġustizzja ser tkun vinkolanti fuq il-qorti nazzjonali; inkella l-każ ikun ipotetiku, li jirriżulta f’użu ħażin tal-proċedura stipulata fl‑Artikolu 267 TFUE”.

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering (C‑3/04, EU:C:2006:176, punt 17). Ara, ukoll, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Europamur Alimentación (C‑295/16, EU:C:2017:782, punti 30 sa 33), li fiha l-Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni, peress li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 dwar il-prattiki kummerċjali żleali kienu saru applikabbli bid-dritt nazzjonali għal sitwazzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, minkejja li dawn is-sitwazzjonijiet ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Ara, ukoll, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Skarb Państwa (Dewmien ta’ ħlas mhux sinjifikattiv jew ta’ dejn żgħir) (C‑279/23, EU:C:2024:605, punti 19 u 20). Ara fl-aħħar nett is-sentenzi ċċitati preċedentement fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 li tinsab fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-Kawża J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:649, punti 43 sa 45, 54 sa 61 u 71 sa 73).

( 38 ) Ara b’mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Medina fil-Kawża Banco de Santander (Rappreżentanza ta’ konsumaturi individwali) (C‑346/23, EU:C:2024:690, punt 63) fir-rigward tal-kunċett ta’ konsumatur fid‑Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263), magħrufa bħala id-“Direttiva MiFID I”. Ara wkoll, Stuyck, J., “La notion de consommateur en droit de l’Union européenne”, f’Combet, M., Le Droit européen de la consommation au XXI e siècle, État des lieux et perspectives, Bruylant, Brussell, 2022, p. 25.

( 39 ) Id-Direttiva 93/13 tispjega b’hekk li hija tiddefinixxi l-kunċett ta’ “konsumatur”“f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva”.

( 40 ) L-imsemmi kunċett huwa interpretat b’mod wiesa’ fil-kuntest ta’ atti li jipproteġu lill‑konsumatur bħad-Direttiva 93/13, iżda b’mod strett fil-kuntest ta’ atti li jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni (ara l-punti 42 sa 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 41 ) Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C‑483/16, EU:C:2018:367, punti 58 u 59).

( 42 ) Pereżempju, l-istess definizzjoni hija riprodotta fid-Direttivi 2011/83 (relatata mad‑drittijiet tal-konsumatur), 2005/29 (relatata mal-prattiki kummerċjali żleali tal‑impriżi fir-rigward tal-konsumaturi fis-suq intern), 2013/11 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU 2013, L 165, p. 63) u (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU 2019, L 136, p. 28, rettifiki fil-ĠU 2019, L 305, p. 61 u fil-ĠU 2020, L 86, p. 18) jiġifieri hija “konsumatur” kull persuna fiżika li tkun “taġixxi għal skopijiet li jkunu lil hinn mis‑sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha”, fatt li ma jvarjax b’mod sostanzjali mid-definizzjoni ta’ konsumatur fid-Direttiva 93/13 (“taġixxi għal skopijiet li jkunu barra s-sengħa, in‑negozju jew il-professjoni tagħha”).

( 43 ) Ara, pereżempju, is-sentenza YYY. (punti 40 u 45).

( 44 ) Dan id-digriet ta’ inammissibbiltà ċara (C‑638/21, EU:C:2022:339) kien jirrigwarda tilwima bejn il-korp nazzjonali tad-dritt pubbliku Slovakk RTVS u persuna responsabbli għall-ħlas tat-tariffa obbligatorja tax-xandir u għalhekk ma kinitx tirrigwarda kuntratt, iżda relazzjoni legali rregolata mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi. L-imsemmi digriet isemmi wkoll li l-qorti tar-rinviju ma kellha l-ebda dubju dwar il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx kummerċjant u li l-konvenuta ma kinitx konsumatur (punt 22).

Id-digriet ta’ inammissibbiltà manifesta tas‑6 ta’ Ġunju 2023, Rozhlas a televízia Slovenska (C‑669/22, EU:C:2023:473) kien jirrigwarda wkoll tilwima bejn l‑RTVS u persuna responsabbli għall-ħlas tat-tariffa tax-xandir u r-rabta stabbilita bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali u ġie deċiż li d-Direttiva 93/13 ma hijiex spjegata b’mod ċar u preċiż biżżejjed (punt 29).

( 45 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza LivaNova (punti 53 u 54).

( 46 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020 Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44).

( 47 ) F’dan ir-rigward, din il-kawża hija differenti mis-sitwazzjoni inkwistjoni fid-digriet tat‑28 ta’ April 2022, Rozhlas a televízia Slovenska (C‑638/21, EU:C:2022:339, punti 23 sa 25).

( 48 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza YYY. (punt 30).

( 49 ) Ara s-sentenza YYY. (punti 35 sa 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll fir‑rigward b’mod speċifiku tal-kuntratti bejn konsumaturi u avukati, is-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2015, Šiba (C‑537/13, EU:C:2015:14), u tat‑12 ta’ Jannar 2023, D.V. (Onorarji ta’ avukat – Prinċipju ta’ rata fis-siegħa) (C‑395/21, EU:C:2023:14).

( 50 ) Il-konsumatur huwa b’hekk kull persuna fiżika li “taġixxi” għal skopijiet li jkunu barra l-attività professjonali “tagħha”, fatt li jissuġġerixxi li l-eżistenza jew le ta’ din l‑attività professjonali għandha tiġi evalwata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt. Huwa f’dan il-mument li huwa għandu jkun protett.

( 51 ) Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, “il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il‑kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall‑klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu”.

( 52 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Zabitoń (C‑347/23, EU:C:2024:919, punt 31).

( 53 ) Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005 (C‑464/01, EU:C:2005:32).

( 54 ) Sentenza YYY. (punt 51).

Top