This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62024CC0111
Opinion of Advocate General Medina delivered on 5 June 2025.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati l-5 ta’ Ġunju 2025.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati l-5 ta’ Ġunju 2025.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:413
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fil‑5 ta’ Ġunju 2025 (1)
Kawża C‑111/24 P
German Khan
vs
Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea
“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Inklużjoni tal-isem tal-appellant fuq il-listi ta’ persuni, entitajiet u korpi kkonċernati – Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK – Interpretazzjoni – Kunċett ta’ ‘negozjanti ewlenin’ – Kondotta personal speċifika fir-rigward ta’ influwenza fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa – Eżami mill-Qorti Ġenerali fuq il-merti tal-motivi li jikkontestaw il-kriterji ta’ inklużjoni kollha – Ekonomija ġudizzjarja – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għar-reputazzjoni – Ineffettività”
I. Introduzzjoni
1. Dawn il-konklużjonijiet jikkonċernaw appell ippreżentat minn German Khan (2) intiż għall-annullament tas-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2023, Khan vs Il‑Kunsill (T‑333/22, EU:T:2023:758) (3). Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellant, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, kontra:
– Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/429 tal‑15 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 87 I, p. 44 u rettifika fil-ĠU 2022, L 105, p. 67), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/427 tal‑15 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 87 I, p. 1 u rettifika fil‑ĠU 2022, L 105, p. 66) (4); u
– Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530, tal‑14 ta’ Settembru 2022, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 149), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 1) (5),
sa fejn dawn l-atti inkludew l-isem tal-appellant fil-listi annessi magħhom. Permezz ta’ dawn l-atti, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea waqqaf lill-appellant milli jidħol jew jgħaddi mit-territorju tal-Istati Membri u ffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha tiegħu f’dawn it-territorji.
2. Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-ewwel appelli ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fl‑2022 wara l-invażjoni tal-Ukraina mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa (6). Hija prinċipalment taffordja lill-Qorti tal-Ġustizzja, sedenti bħala l-Awla Manja, l-opportunità li tistabbilixxi l-interpretazzjoni tal-kriterju mniżżel fl-Artikolu 1(1)(e) u l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK (7), kif emendata mid-Deċiżjoni (PESK) 2022/329 (8), kif ukoll fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament (KE) Nru 269/2014 (9), kif emendat mir-Regolament (UE) 2022/330 (10). Dan il-kriterju, komunement imsejjaħ bħala l-“kriterju (g)”, jipprovdi għall-inklużjoni tan-negozjanti ewlenin involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa.
3. L-appellant isostni inter alia li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata (11), billi kkonkludiet, essenzjalment, li l-osservanza tal-kriterju li jinsab fih ma tirrikjedix li l-Kunsill juri xi aġir jew kontribuzzjoni speċifika tal-persuna inkluża fil-lista, b’mod partikolari f’termini ta’ influwenza fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa, u lanqas li jistabbilixxi rabta mar-reġim ta’ dan il-pajjiż. Huwa jsostni wkoll li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta rrifjutat li teżamina l-motivi invokati fl-ewwel istanza li jikkontestaw l-inklużjoni tiegħu fil-lista skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata.
4. Din il-kawża hija marbuta mal-Kawżi C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P u C‑35/24 P, li jirriżultaw mill-appelli ppreżentati, rispettivament, minn Dmitry Alexandrovich Pumpyanskiy, Tigran Khudaverdyan, Viktor Filippovich Rashnikov u Dmitry Arkadievich Mazepin kontra s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali li jikkonfermaw l-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi skont l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata. Il-konklużjonijiet f’dawn il-kawżi huma ppreżentati wkoll illum, li fihom ser niffoka fuq il-punti speċifiċi li l-Qorti tal-Ġustizzja talbitni neżamina f’dak li jirrigwarda inter alia l-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ inklużjoni li jinsab f’din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-argumenti komuni prinċipali mressqa mill-appellanti.
II. Il‑fatti u l‑proċedura
A. Il-fatti li wasslu għall-kawża
5. Il-fatti li wasslu għat-tilwima huma esposti fil-punti 2 sa 18 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan il-kuntest jista’ jinġabar fil-qosor b’riferiment għall-fatti li ġejjin mhux ikkontestati.
6. L-appellant huwa negozjant ta’ nazzjonalità Russa u Iżraeljana.
7. Fis‑17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/145. Fl-istess jum, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament Nru 269/2014. Dawn iż-żewġ atti kienu jikkonċernaw miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.
8. Fil‑25 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta kemm id-Deċiżjoni 2022/329 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145, u r-Regolament 2022/330 li jemenda r-Regolament Nru 269/2014, li inter alia emenda l-kriterji li skonthom persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi setgħu jkunu s-suġġett tal-miżuri restrittivi inkwistjoni.
9. L-Artikolu 1(1)(b) u (e) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329 (12), jipprevjeni d-dħul fit-territorju tal-Istati Membri jew it-transitu minnhom ta’ persuni fiżiċi li jissodisfaw ċerti kriterji essenzjalment identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(d) u (g) ta’ dik id-deċiżjoni. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi, min-naħa tagħha, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni fiżiċi li jissodisfaw dawn il-kriterji.
10. B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 2(1)(d) u (g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jinqara kif ġej:
“1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:
[…]
(d) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw, b’mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna;
[…]
(g) negozjanti ewlenin jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna,
[...] għandhom jiġu ffriżati.”
11. Ir-Regolament Nru 269/2014, fil-verżjoni tiegħu emendata permezz tar-Regolament 2022/330 (13), jimponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar ta’ fondi f’termini identiċi, essenzjalment, għal dawk użati fid-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata. L-Artikolu 3(1)(d) u (g) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, jirriproduċi, essenzjalment, l-Artikolu 2(1)(d) u (g) ta’ din id-deċiżjoni.
12. Fil‑15 ta’ Marzu 2022, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-Kunsill adotta l-atti inizjali. L-isem tal-appellant ġie miżjud mal-lista annessa mad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, u mal-lista li tinsab fl-Anness 1 tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendata, għar-raġunijiet segwenti:
“[L-appellant] huwa azzjonist ewlieni tal-konglomerat Alfa Group, li jinkludi Alfa Bank, wieħed mill-akbar kontribwenti fir-Russja. Huwa maħsub li huwa wieħed mill-aktar persuni influwenti fir-Russja. Bħal sidien oħra ta’ Alfa Bank (Mikhail Fridman u Petr Aven), huwa jżomm relazzjoni mill-qrib ma’ Vladimir Putin u jkompli jkollu favuri sinifikanti miegħu. Is-sidien ta’ Alfa Group jirċievu benefiċċji kummerċjali u legali minn din ir-relazzjoni. It-tifla l-kbira ta’ Vladimir Putin, Maria, mexxiet proġett tal-karità, Alfa-Endo, li kien iffinanzjat minn Alfa Bank. Vladimir Putin ippremja l-lealtà ta’ Alfa Group lejn l-awtoritajiet Russi billi pprovda għajnuna politika lill-pjanijiet ta’ investimenti barranin ta’ Alfa Group.
Għalhekk huwa appoġġa attivament materjalment jew finanzjarjament, u bbenefika minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Huwa wkoll wieħed min-negozjanti Russi ewlenin involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”
13. Fis‑16 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż għall-attenzjoni tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fl-atti inizjali (ĠU 2022, C 121 I, p. 1).
14. Fil‑21 ta’ Marzu 2022, l-appellant talab lill-Kunsill jagħtih aċċess għad-dokumenti li kienu servew ta’ bażi għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh. Il-Kunsill ikkonforma ma’ din it-talba fid‑29 ta’ Marzu 2022.
15. Fl‑1 ta’ Ġunju 2022, l-appellant ressaq talba għal eżami mill-ġdid quddiem il-Kunsill.
16. Fl‑14 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill adotta l-atti ta’ żamma, li estendew il-miżuri meħuda kontra l-appellant sal‑15 ta’ Marzu 2023, mingħajr ma emendaw ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni.
B. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
17. Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Ġunju 2022, l-appellant ippreżenta rikors għal annullament tal-atti inizjali. Sussegwentement, l-appellant ippreżenta nota ta’ adattament sabiex jadatta t-talbiet tar-rikors tiegħu b’mod li jinkludi fiha rikors għal annullament tal-atti ta’ żamma.
18. Insostenn tal-azzjoni tiegħu, l-appellant qajjem tliet motivi, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq nuqqas ta’ bażi legali għall-adozzjoni tal-kriterju li jinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Waqt is-seduta, l-appellant ippreċiża li, permezz tal-ewwel żewġ motivi msemmija iktar ’il fuq, huwa ried fir-realtà jqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE kontra l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata. Barra minn hekk, fin-nota ta’ adattament tiegħu, l-appellant qajjem ir-raba’ motiv dirett kontra l-atti ta’ żamma, ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u, b’mod partikolari, fuq il-ksur tal-obbligu li jsir eżami mill-ġdid perijodiku u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
19. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellant billi ċċitat, fost l-oħrajn, il-motivi li ġejjin.
20. L-ewwel, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv tal-appellant li l-kriterju previst fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, kien illegali minħabba nuqqas ta’ bażi legali. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-atti kontenzjużi kienu bbażati fuq it-Trattati u, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 29 TUE fir-rigward tad-Deċiżjonijiet 2022/429 u 2022/1530 kif ukoll fuq l-Artikolu 215 TFUE fir-rigward tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2022/427 u 2022/1529. Dawn l-atti għalhekk kellhom bażijiet legali rilevanti fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (14). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-Artikolu 215(2) TFUE jippermetti lill-Kunsill jadotta miżuri restrittivi bil-kundizzjoni biss li deċiżjoni adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE tipprovdi tali miżuri. Skont il-Qorti Ġenerali, jekk din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta, l-Artikolu 215(2) TFUE jservi bħala bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ atti li jimponu miżuri restrittivi, anki fir-rigward ta’ destinatarji li ma għandhom ebda rabta mar-reġim mexxej ta’ pajjiż terz (15).
21. It-tieni, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-legalità ta’ miżura adottata f’oqsma li jimplikaw għażliet politiċi tista’ tiġi affettwata biss jekk il-miżura tkun manifestament inadegwata, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq. Skont il-Qorti Ġenerali, teżisti relazzjoni razzjonali bejn, minn naħa, (i) il-fatt li jiġu mmirati n-negozjanti ewlenin li joperaw f’setturi ekonomiċi li jipprovdu dħul sostanzjali lill-Gvern, fid-dawl tal-importanza tagħhom għall-ekonomija Russa, u, (ii) min-naħa l-oħra, l-għan tal-miżuri restrittivi f’dan il-każ, li huwa li tiżdied il-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa kif ukoll l-ispiża tal-azzjonijiet tagħha intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-approċċ li jikkonsisti f’li jiġu mmirati dawn il-persuni għandu jitqies li huwa konformi ma’ dan l-għan u ma jistax jitqies li huwa manifestament mhux xieraq fid-dawl ta’ dan l-għan (16).
22. It-tielet, fir-rigward tal-allegat żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, għall-appellant, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kriterju li jinsab fih kien jimplika l-kunċett ta’ influwenza b’rabta mal-eżerċizzju ta’ attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, mingħajr kundizzjoni oħra dwar rabta mar-reġim ta’ dan il-gvern. Skont il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ dan il-kriterju, il-Kunsill ipprova juża l-influwenza li l-kategorija ta’ persuni msemmija tista’ teżerċita fuq ir-reġim Russu, billi jwassalhom sabiex jagħmlu pressjoni fuqu sabiex jibdel il-politika tiegħu. Il-kunċett ta’ “negozjant ewlieni” kellu għalhekk jinftiehem bħala li jirreferi għall-importanza ta’ dawn tal-aħħar fid-dawl, inter alia, tal-istatus okkupazzjonali tagħhom, tal-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, tal-portata tal-ishma kapitali tagħhom jew tal-funzjonijiet tagħhom fi ħdan waħda jew iktar mill-kumpanniji li fihom huma jeżerċitaw dawn l-attivitajiet (17). Fir-rigward ta’ din il-kawża, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kunsill kien ipproduċa sensiela ta’ indizji suffiċjentement speċifiċi, preċiżi u konkordanti li jistgħu juru li l-appellant kien jeżerċita attività f’settur ekonomiku, jiġifieri s-settur bankarju, li kien jikkostitwixxi sors sostanzjali ta’ dħul għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa (18).
23. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-inklużjoni tal-isem tal-appellant fl-atti inizjali skont il-kriterju li jinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, kienet issostanzjata b’mod suffiċjenti. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali żiedet li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat il-motiv tal-appellant ibbażat fuq l-insuffiċjenza tal-provi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-kriterju li jinsab fl-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata (19).
III. It‑talbiet imressqa u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
24. Permezz tal-appell tiegħu, ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Frar 2024, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata;
– tannulla l-atti kontenzjużi;
– sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
– tikkundanna l-Kunsill għall-ispejjeż.
25. Fir-risposta tiegħu ppreżentata fil‑15 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.
26. Inżammet seduta fil‑11 ta’ Frar 2025, li matulha l-appellant u l-Kunsill wieġbu għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-espressjoni “negozjanti ewlenin” li tinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, u fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex teżamina fil-mertu l-kriterji kollha ta’ inklużjoni applikati għall-appellant mill-Kunsill fl-atti kontenzjużi fid-dawl tas-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Bank Tejarat vs Il‑Kunsill (C‑248/17 P, EU:C:2018:967).
IV. Evalwazzjoni
27. Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka, essenzjalment, seba’ aggravji, li jallegaw:
– l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma eżaminatx il-fondatezza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, għall-appellant;
– it-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat l-espressjoni “negozjanti ewlenin” li tinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata;
– it-tielet nett, li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 215(2) TFUE;
– ir-raba’ nett, li l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-espressjoni “negozjanti ewlenin” li tinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-dritt għall-proprjetà u l-libertà ta’ intrapriża;
– il-ħames nett, li l-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens tal-provi meqjusa kontra l-appellant u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni;
– is-sitt nett, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li s-settur bankarju jikkostitwixxi settur li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-gvern, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata;
– is-seba’ nett, li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ xieraq u l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.
28. Il-Qorti tal-Ġustizzja talbet li jiġu eżaminati argumenti speċifiċi dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “negozjanti ewlenin” li tinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, li jikkonċernaw, essenzjalment, it-tieni u r-raba’ aggravji. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet analiżi tal-argumenti tal-appellanti dwar il-kwistjoni jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball meta ma eżaminatx il-fondatezza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, għall-appellant. Dawn l-argumenti jinsabu fil-kuntest tal-ewwel aggravju. L-analiżi tiegħi ser tiffoka fuq dawn il-kwistjonijiet prinċipali, li fuqhom il-partijiet ikkonċentraw is-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta, kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja.
A. Fuq it‑tieni u r-raba’ aggravji tal‑appell
29. Permezz tat-tieni u r-raba’ aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kriterju li jinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata. Essenzjalment, huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li l-espressjoni “negozjanti ewlenin” f’din id-dispożizzjoni ma teżiġix li l-Kunsill juri aġir speċifiku tal-persuna inkluża fil-lista, b’mod partikolari f’termini ta’ influwenza fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa, u lanqas li huwa jistabbilixxi xi rabta mar-reġim ta’ dan il-pajjiż. Huwa jsostni li minn ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata – bħal fil-verżjoni ta’ lingwa Franċiża, li tuża l-espressjoni “femmes et hommes d’affaires influents” – jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni teħtieġ l-eżistenza ta’ aġir influwenti fir-rigward ta’ dan il-gvern jew l-eżistenza ta’ rabta miegħu sabiex tiġi eżerċitata din l-influwenza.
30. Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.
31. Kif jirriżulta mill-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn “negozjanti ewlenin [...] involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna”.
32. Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ meta l-kliem tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni kkonċernata ma jinkludu ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħhom, li huwa l-każ hawnhekk f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata (20).
33. L-ewwel, fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali tal-espressjoni “negozjanti ewlenin”, huwa magħruf li l-kelma “negozjant” tirreferi għal persuna li taħdem f’negozju, ġeneralment fuq livell eżekuttiv ta’ impriża. Barra minn hekk, it-terminu “negozju” jirreferi għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew kummerċjali. It-terminu “negozjanti” li jinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jirreferi għalhekk għal persuni li jeżerċitaw attività ekonomika jew kummerċjali fi ħdan kumpannija li huma proprjetarji tagħha jew li fiha għandhom funzjoni importanti (21).
34. Min-naħa tiegħu, it-terminu “ewlieni” huwa aġġettiv iddefinit bl-Ingliż bħala li jfisser “importanti ħafna jew l-iktar importanti” [traduzzjoni libera] (22). Safejn l-espressjoni “negozjanti ewlenin” hija segwita, fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, mill-espressjoni “involuti fis-setturi ekonomiċi”, il-kunċett ta’ “ewlieni” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-importanza tan-negozjant ikkonċernat fis-settur li fih huwa jeżerċita l-attivitajiet tiegħu u għall-influwenza li din il-persuna tista’ teżerċita fi ħdan dan is-settur, li hija, essenzjalment, il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 91 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, kif intqal f’dan l-istess punt, in-natura “ewlenija” ta’ negozjant tista’ tiġi stabbilita fid-dawl, inter alia, tal-istatus okkupazzjonali tiegħu jew tagħha, tal-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu jew tagħha, tal-portata tal-parteċipazzjonijiet fil-kapital tiegħu jew tagħha jew tal-funzjonijiet tiegħu jew tagħha fi ħdan waħda jew iktar mill-kumpanniji li fihom huwa jeżerċita jew hija teżerċita dawn l-attivitajiet. Din il-konstatazzjoni ma ssemmietx speċifikament mill-appellant fl-appell tiegħu.
35. Minn dan isegwi li, minn perspettiva letterali, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball meta qieset, essenzjalment, fil-punti 88 sa 90 tas-sentenza appellata, li sabiex jiġi stabbilit li persuna hija “negozjant ewlieni” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, kull ma l-Kunsill huwa obbligat juri, huwa li l-persuna kkonċernata teżerċita attività ekonomika jew kummerċjali u li din il-persuna hija kkunsidrata, konformement mal-elementi deskritti fil-punt 91 tas-sentenza appellata, bħala negozjant importanti ħafna jew l-iktar importanti fis-settur ekonomiku li fih huwa jew hija topera, ta’ natura li tista’ teżerċita influwenza fi ħdan dan is-settur.
36. Huwa minnu li ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jikklassifikaw l-isem ta’ “negozjanti” b’kelma ekwivalenti għal “influential” bl-Ingliż, minflok “ewlieni”. L-appellant jibbaża ruħu fuq dan il-fatt sabiex isostni li n-negozjanti kkonċernati minn din id-dispożizzjoni għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza mhux biss fi ħdan is-settur ekonomiku li fih huma joperaw, iżda speċifikament fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa nnifsu.
37. Madankollu, f’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’verżjoni lingwistika waħda jew iktar ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-fatt, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni (23).
38. F’dan il-każ, nirrileva, bħall-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kunsill waqt is-seduta, li 12‑il verżjoni lingwistika tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, essenzjalment jikklassifikaw in-nom “negozjanti” b’terminu ekwivalenti għal “leading” bl-Ingliż (24). Minbarra dawn il-verżjonijiet, oħrajn jużaw kelma li tista’ tiġi tradotta bħala “prominent” jew “principal” bl-Ingliż, li, minn perspettiva semantika, tirrifletti l-kelma “leading” (25). Il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “leading businesspersons” bl-Ingliż, huma għalhekk applikabbli b’mod sħiħ għal dawn il-verżjonijiet kollha.
39. Għall-kuntrarju, huma biss il-verżjonijiet lingwistiċi Franċiżi, Latvjani u Litwani li jikkwalifikaw in-nom “negozjanti” li jinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, b’aġġettiv li, bl-Ingliż, huwa tradott bħala “influential”. Madankollu, anki f’dawn il-lingwi, waħda mit-tifsiriet prinċipali ta’ “influential” hija l-kwalità li wieħed ikun “importanti” (26). Konsegwentement, sabiex jiġu żgurati l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu (2)(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, kif teżiġi l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq, il-verżjonijiet bil-lingwa Franċiża, Latvjana u Litwana tal-espressjoni “negozjanti ewlenin” għandhom jiġu interpretati bl-istess mod bħall-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri bħala li jirreferu għall-importanza tan-negozjant ikkonċernat fis-settur ekonomiku li fih huwa jew hija involuta u li fih huwa jew hija tista’ teżerċita influwenza. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball fil-punt 92 tas-sentenza appellata, fejn waslet għall-istess konklużjoni.
40. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn perspettiva letterali, l-argument tal-appellant li l-espressjoni “negozjanti ewlenin”, kif tinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, teżiġi li l-Kunsill juri aġir speċifiku tal-persuna inkluża fil-lista, b’mod partikolari f’termini ta’ influwenza fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa, jew li jistabbilixxi rabta mar-reġim ta’ dan il-pajjiż, ma huwiex fondat.
41. It-tieni, fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali, irrid infakkar, qabelxejn, li l-kriterju ta’ inklużjoni li jirrigwarda n-“negozjanti ewlenin”, kif previst fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, ġie introdott għall-ewwel darba bid-Deċiżjoni 2022/329. Din l-aħħar deċiżjoni ġiet adottata fil‑25 ta’ Frar 2022, jiġifieri l-għada tat-tħabbir mill-President tal-Federazzjoni Russa ta’ operazzjoni militari fl-Ukraina u li l-forzi armati Russi bdew attakk kontra dan il-pajjiż (27).
42. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, qabel ma ġie emendat bid-Deċiżjoni 2022/329, l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/145 kien diġà jinkludi kriterju ta’ inklużjoni li jippermetti, essenzjalment, li jiġu mmirati l-persuni li jistgħu jeżerċitaw influwenza individwali fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Dan kien b’mod partikolari l-każ tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145, li kien jirrigwarda essenzjalment il-persuni fiżiċi li jipprovdu appoġġ attiv materjali jew finanzjarju lil, jew li jibbenefikaw minn, persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. Kif diġà ġie indikat f’dawn il-konklużjonijiet (28), dan il-kriterju baqa’ fid-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, li jissuġġerixxi lili li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(g) tagħha fis-sens li teżiġi l-prova ta’ aġir influwenti fir-rigward tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa u ta’ rabta mar-reġim li jirregola dan il-pajjiż, kif isostni l-appellant, tkun sempliċement superfluwa u, għaldaqstant, mhux koerenti minn perspettiva kuntestwali.
43. Għalhekk ma nikkunsidrax li l-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, issostni l-argument tal-appellant.
44. It-tielet, fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika, l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jagħmel parti minn kuntest ġuridiku li adotta sensiela ġdida ta’ miżuri restrittivi intiżi, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 52 u 88 tas-sentenza appellata (29), sabiex jeżerċitaw pressjoni massima fuq il-Federazzjoni Russa billi jżidu l-ispejjeż tal-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar biex tikkomprometti l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.
45. Dawn huma tabilħaqq l-għanijiet tal-miżuri restrittivi adottati kontra r-Russja kif ifformulati, essenzjalment, fis-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, VTB Bank vs Il‑Kunsill (C‑729/18 P, EU:C:2020:499, punt 59) (30), li tiċċita wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 123) (31). Iż-żewġ sentenzi kienu jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ miżuri restrittivi settorjali adottati fid-dawl tal-azzjonijiet li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, li ppreċedew l-attakk fuq dak il-pajjiż mill-forzi armati Russi fl‑24 ta’ Frar 2022 (32). Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, l-għanijiet identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-sentenzi jibqgħu validi għall-interpretazzjoni tal-miżuri restrittivi individwali inkwistjoni f’dan il-każ, filwaqt li jitfakkar li miżuri restrittivi kemm settorjali kif ukoll individwali ġew adottati fil-kuntest ta’ risposta komuni għal sitwazzjoni li kompliet tiddeterjora wara l-attakk Russu, kif jindikaw b’mod espliċitu l-premessi 10 u 11 tad-Deċiżjoni 2022/329, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (33).
46. F’dan il-kuntest, jiena tal-fehma, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata, li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra negozjanti ewlenin imsemmija fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, tista’ raġonevolment tkun mistennija timmassimizza l-pressjoni eżerċitata fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa sabiex jirrinunzja għall-aggressjoni militari tiegħu fit-territorju Ukrain. Wara kollox, dawn in-negozjanti ewlenin għandhom rwol ċentrali fiż-żamma tal-profittabbiltà tas-setturi ekonomiċi li fihom huma involuti u li, fl-aħħar mill-aħħar, isaħħu r-riżorsi finanzjarji li għandu l-Gvern tal-Federazzjoni Russa sabiex iwettaq l-azzjonijiet u l-politiki tiegħu. Konsegwentement, billi jkollhom effett fuq l-attività tan-negozjanti ewlenin ikkonċernati, il-miżuri restrittivi inkwistjoni f’dan il-każ jistgħu jnaqqsu d-dħul li l-Gvern tal-Federazzjoni Russa jikseb mis-setturi rilevanti tal-ekonomija tiegħu, u b’hekk iżidu l-ispiża tal-azzjonijiet militari tiegħu u jillimitaw il-kapaċità tiegħu li jikkomprometti l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.
47. Minn dan isegwi li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 54 u 89 tas-sentenza appellata, teżisti relazzjoni razzjonali bejn, minn naħa, il-fatt li jiġu mmirati negozjanti ewlenin li għandhom attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u, min-naħa l-oħra, l-għan tal-miżuri restrittivi f’dan il-każ. Kuntrarjament għall-argumenti tal-appellant, din ir-relazzjoni tibqa’ teżisti anki fl-assenza ta’ aġir konkret tal-persuna inkluża fil-lista, b’mod partikolari f’termini ta’ influwenza fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa, jew fl-assenza ta’ rabta bejn din il-persuna u r-reġim li jirregola dan il-pajjiż.
48. L-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu (2)(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, għalhekk ma teħtieġx eżami mill-ġdid tal-interpretazzjoni testwali u kuntestwali ta’ din id-dispożizzjoni, kif esposta fil-punti 40 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, hija tikkorrobora t-teżi li l-espressjoni tagħha “negozjanti ewlenin” li tinsab f’din id-dispożizzjoni teżiġi li l-Kunsill juri biss li l-persuna kkonċernata teżerċita attività ekonomika jew kummerċjali u li din il-persuna hija kkunsidrata bħala, tal-inqas, negozjant importanti ħafna fis-settur li fih huwa jew hija involuta, u għalhekk jista’ jeżerċita influwenza fi ħdanha.
49. Fir-rigward tal-bqija, peress li l-appellant jgħid li huwa diffiċli li wieħed jaċċerta kif għandhom jaġixxu l-persuni fuq il-lista sabiex ma jibqgħux fuq il-lista jew jitneħħew mil-lista, huwa importanti li wieħed jindika li negozjanti prominenti jistgħu jitneħħew mil-lista jekk jistgħu juru li ħallew il-pożizzjoni li kienet tikkostitwixxi l-bażi tagħhom biex jitqiegħdu fil-lista. Għal darb’oħra, għalkemm din il-pożizzjoni tista’ tiġġustifika li jitqiegħdu fil-lista inizjalment, ma tistax tirriżulta fejn is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata tiġi ffissata fiż-żmien u f’li l-eżerċizzju ta’ eżami mill-ġdid perjodiku jkun imċaħħad minn kwalunkwe effett utli, sakemm il‑Kunsill ikun jista’ għadu juri riskju ta’ ċirkonvenzjoni, li hija kwistjoni li ma qamitx speċifikament f’dan il-każ.
50. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ebda wieħed mill-metodi ta’ interpretazzjoni ddefiniti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi ddeterminat is-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jeżiġi, kif isostni l-appellant, l-eżistenza ta’ aġir influwenti tal-persuna kkonċernata fil-konfront tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa jew l-eżistenza ta’ rabta miegħu sabiex persuna tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “negozjant ewlieni”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata.
51. Konsegwentement, f’moħħi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball ta’ liġi jew li kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali fl-interpretazzjoni tal-espressjoni “negozjanti ewlenin” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata.
52. It-tieni u r-raba’ aggravju għandhom għalhekk jiġu miċħuda.
B. Fuq l‑ewwel aggravju tal‑appell
53. Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli rrifjutat li teżamina l-motivi invokati fl-ewwel istanza kontra l-inklużjoni tiegħu fil-lista skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata. Huwa jsostni li, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet ġustament li din l-inklużjoni kienet fondata skont l-Artikolu 2(1)(g) ta’ din id-deċiżjoni, kif emendata, il-fatt li ma eżaminatx l-argumenti tiegħu dwar l-Artikolu 2(1)(d) tal-imsemmija deċiżjoni kiser id-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-dritt tiegħu għar-reputazzjoni. B’mod iktar preċiż, l-appellant isostni li, meta l-att li jista’ jiġi kkontestat ikun ibbażat fuq bażijiet legali differenti, il-Qorti Ġenerali ma tistax tillimita ruħha li teżamina l-validità ta’ waħda biss minn dawn il-bażijiet legali. Dan japplika iktar u iktar f’dan il-każ, fejn il-kriterji li jinsabu, rispettivament, fl-Artikolu 2(1)(d) u (g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jirrigwardaw sitwazzjonijiet totalment differenti.
54. Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti. Huwa jiddikjara li l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata kien debitament sostnut minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-Kunsill jikkontesta d-distinzjoni magħmula mill-appellant fir-rigward tal-kriterji li jinsabu, rispettivament, fl-Artikolu 2(1)(d) u (g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata. Huwa jsostni li dawn iż-żewġ kriterji huma newtrali peress li ebda wieħed minnhom ma jagħti ġudizzju ta’ valur fuq l-aġir tal-persuna kkonċernata u lanqas ma jimplika kundanna mill-Kunsill tal-aġir ta’ din il-persuna.
55. Preliminarjament, infakkar li, fl-atti inkwistjoni f’din il-kawża (34), il-Kunsill ibbaża l-inklużjoni tal-appellant mhux biss fuq il-kriterju li jinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, iżda wkoll fuq il-kriterju li jinsab fl-Artikolu 2(1)(d) tagħha. Essenzjalment, il-Kunsill qies li l-appellant kien ipprovda sostenn materjali jew finanzjarju attiv lil persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli dwar l-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, u li huwa kien ukoll ħa vantaġġ minnhom. Kif jirriżulta mill-motivazzjoni pprovduta mill-Kunsill (35), fost il-motivi li jsostnu din l-inklużjoni kien hemm ir-relazzjoni stretta tal-appellant mal-President tal-Federazzjoni Russa, Vladimir Putin, kif ukoll il-favuri importanti skambjati bejniethom. Il-Kunsill ibbaża ruħu wkoll, għal dan l-għan, fuq l-assistenza politika pprovduta minn Vladimir Putin lil Alfa Group, li l-appellant kien azzjonista importanti tiegħu, sabiex jiżviluppa l-pjanijiet ta’ investiment barranin tiegħu bħala kumpens għall-fedeltà ta’ dan il-grupp.
56. Għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 133 sa 135 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-raġuni għall-inklużjoni tal-isem tal-appellant fil-listi inkwistjoni, ibbażata fuq il-kwalità tiegħu ta’ negozjant ewlieni li għandu attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li jikkorrispondi għall-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, kienet suffiċjentement sostnuta. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-merti tal-ilmenti l-oħra mqajma mill-appellant intiżi li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar l-inklużjoni tal-appellant skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata.
57. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 134 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni li tadotta miżuri restrittivi, u meta wieħed jikkunsidra n-natura preventiva tagħhom, jekk il-qrati tal-Unjoni Ewropea jqisu li, tal-inqas, waħda mir-raġunijiet imsemmija hija suffiċjentement preċiża u konkreta, li hija sostnuta u li tikkostitwixxi fiha nfisha bażi suffiċjenti sabiex issostni din id-deċiżjoni, il-fatt li l-istess ma jistax jingħad għal raġunijiet oħra bħal dawn ma jistax jiġġustifika l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.
58. Din il-motivazzjoni ġiet inizjalment ifformulata fis-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), (36) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet speċifikament għar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ inklużjoni għall-persuna kkonċernata. Jekk mill-inqas wieħed minn dawn ir-raġunijiet ikun sostnut u suffiċjenti, allura l-fatt li raġunijiet oħra ma jkunux sostnuti ma jimplikax applikazzjoni żbaljata ta’ dan il-kriterju u, għaldaqstant, l-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kunsill (37). Fil-ġurisprudenza sussegwenti tagħha, jiġifieri fis-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Bank Tejarat vs Il‑Kunsill (C‑248/17 P, EU:C:2018:967), (38) il-Qorti tal-Ġustizzja applikat l-istess raġunament b’analoġija għas-sitwazzjoni li fiha wieħed mill-kriterji ta’ inklużjoni — u mhux sempliċement ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju — huwa kkunsidrat bħala fondat fil-kuntest ta’ appell. Essenzjalment, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-aggravju relatat ma’ kull kriterju ta’ inklużjoni addizzjonali jsir, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ineffettiv, peress li d-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jitqies bħala fondat (39).
59. Fir-rigward ta’ dan il-każ, nixtieq nirrileva, qabelxejn, li l-prattika tal-Qorti Ġenerali fil-qasam tal-miżuri restrittivi ma tidhirx koerenti, kif juru l-kawżi pendenti li fihom reċentement ippreżentajt konklużjonijiet (Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑702/23 P, EU:C:2025:273) u Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑703/23 P, EU:C:2025:274)). Fis-sentenzi appellati f’dawn il-kawżi, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta, pereżempju, mis-sentenza Bank Tejarat. Hija eżaminat il-legalità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi tal-Kunsill fid-dawl, minn naħa, tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(1)(d) tagħha. Dan ifisser li l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża jista’ jkollu konsegwenzi sinjifikattivi fuq il-prattika deċiżjonali tal-Qorti Ġenerali.
60. Madankollu, huwa importanti li jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, in-natura ineffettiva ta’ motiv imqajjem tirreferi għan-nuqqas ta’ kapaċità tiegħu, fil-każ li jkun fondat, li jwassal għall-annullament mitlub minn rikorrent. (40) Tipikament, motiv ineffettiv huwa dak li jikkritika aspett ta’ miżura f’każijiet fejn il-miżura tista’ legalment tkun ibbażata esklużivament fuq motivi jew kunsiderazzjonijiet oħra. (41) F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju jippermetti lill-Qorti Ġenerali li ma teżaminax tali motiv, peress li, fi kwalunkwe każ, dan ma jaffettwax il-legalità tal-att inkwistjoni. (42)
61. F’dan il-każ, anki jekk il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kunsill kien applika b’mod żbaljat l-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, lir-rikorrent, id-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Kunsill – li sostanzjalment jipprojbixxih milli jidħol fit-territorji tal-Istati Membri u jiffriżalu l-fondi kollha tiegħu f’dawk it-territorji – ma kinux jiġu affettwati u l-atti kontenzjużi kienu xorta waħda jkollhom jiġu ddikjarati legali. Dan huwa eżattament it-tip ta’ sitwazzjoni msemmija fis-sentenza f’Bank Tejarat, li hija bbażata fuq il-premessa stabbilita sew li l-annullament ta’ att jaffettwa biss id-dispożittiv tal-att li huwa suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju, mhux il-kriterji li fuqhom l-istituzzjoni kkonċernata bbażat id-deċiżjoni tagħha.
62. Barra minn hekk, għalkemm l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ legalità, kif isostni l-appellant, dik il-preżunzjoni testendi biss għad-dispożittiv tal-att inkwistjoni, mhux għall-motivi li fuqhom huwa bbażat dan id-dispożittiv. Dan jimplika li, meta l-Qorti Ġenerali, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, tirrifjuta li teżamina l-merti ta’ wieħed mill-kriterji ta’ inklużjoni applikati għal persuna suġġetta għal miżuri restrittivi, bħalma huwa l-każ hawnhekk, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill fir-rigward ta’ kriterju alternattiv ma tistax tiġi preżunta li hija approvata mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, inqis li l-appellant huwa żbaljat li jargumenta li n-nuqqas ta’ eżami mill-Qorti Ġenerali li l-appellant jitqiegħed fil-lista skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, tista’ taffettwa d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
63. Huwa minnu li, kuntrarjament għas-sentenza f’Bank Tejarat, iż-żewġ kriterji ta’ inklużjoni applikati f’dan il-każ ma jirrigwardawx biss sitwazzjonijiet differenti, iżda huma wkoll ta’ natura sostanzjalment differenti. Kif jirriżulta mill-ewwel parti ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jippermetti, fl-aħħar mill-aħħar, li persuna tiġi inkluża fil-lista minħabba l-involviment tagħha, bħala negozjant ewlieni, f’settur ekonomiku profittabbli għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jattribwixxi lill-persuna fil-lista l-aġir li tappoġġa materjalment jew finanzjarjament lil, jew li tibbenefika minn, persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina.
64. Madankollu, in-natura differenti tal-kriterji għat-tqegħid fil-lista applikati għall-appellant fl-atti kontenzjużi ma hijiex kapaċi li titfa’ dubju fuq il-kunsiderazzjonijiet kunċettwali indikati fil-punti 61 u 62 iktar ’il fuq. Barra minn dan, din in-natura differenti wkoll ma tikkonvertix dawk il-kriterji għat-tqegħid fil-lista f’elementi separati li jistgħu jinqatgħu mill-bqija tad-deċiżjoni tal-Kunsill, biex b’hekk tippermetti, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, (43) annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni.
65. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li persuna li isimha jkun ġie inkluż fil-lista ta’ persuni li l-assi tagħhom huma ffriżati żżomm interess tal-inqas morali li din l-inklużjoni tiġi annullata sabiex il-qrati tal-Unjoni jirrikonoxxu li hija qatt ma kellha tiġi inkluża f’tali lista, fid-dawl tal-konsegwenzi fuq ir-reputazzjoni tagħha, anki wara li isimha jitneħħa minn din il-lista (44). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li persuna żżomm interess ibbażat fuq id-dritt tagħha għar-reputazzjoni, billi tfittex l-annullament ta’ deċiżjoni għat-tqegħid fil-lista mill-Kunsill anki meta, wara eżami mill-ġdid perjodiku, din l-istituzzjoni tiddeċiedi li hija titneħħa mil-lista. Madankollu, is-sitwazzjoni f’dan il-każ huwa differenti billi, għal darb’oħra, l-eżami mill-Qorti Ġenerali ta’ kriterju għat-tqegħid fil-lista alternattiv ma setax, fi kwalunkwe każ, iwassal għall-annullament tal-atti kontenzjużi. Għal din ir-raġuni, u konformi mad-diskussjonijiet li seħħu waqt is-seduta, ir-rimedju disponibbli għall-appellant, sabiex tiġi protetta r-reputazzjoni tiegħu, huwa rikors għad-danni, skont l-Artikolu 340 TFUE. (45)Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali hija intitolata tikkonkludi li, fejn wieħed mill-kriterji li jiġġustifika t-tqegħid fil-lista ta’ persuna jiġi kkonstatat bħala ġġustifikat, ma hemmx bżonn għaliha li tipproċedi biex teżamina r-raġunijiet li huma l-bażi ta’ kriterju ta’ tqegħid fil-lista alternattiv li jistrieħ fuqu l-Kunsill bħala l-bażi tal-istess deċiżjoni.
66. Konsegwentement, u peress li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex teżamina l-merti tal-inklużjoni skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, l-appellant huwa żbaljat isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.
67. L-ewwel aggravju għandu għalhekk jiġi miċħud.
V. Konklużjoni
68. Fid-dawl tal-analiżi esposta f’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell fir-rigward tat-tieni u r-raba’ aggravji tal-appell, safejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata. Barra minn hekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-appell fir-rigward tal-ewwel aggravju.
69. Ma lħaqtx konklużjoni fir-rigward tal-kumplament tal-aggravji invokati mill-appellant, u lanqas il-kwistjoni dwar liema parti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 “L-appellant”.
3 “Is-sentenza appellata”.
4 Ikkunsidrati flimkien, l-“atti inizjali”.
5 Ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ żamma” u, ikkunsidrati flimkien mal-atti inizjali, l-“atti kontenzjużi”.
6 Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, Shuvalov vs Il‑Kunsill (C‑271/24 P, EU:C:2025:180), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑702/23 P, EU:C:2025:273) u Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑703/23 P, EU:C:2025:274).
7 Deċiżjoni tal-Kunsill tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16).
8 Deċiżjoni tal-Kunsill tal‑25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2022, L 50, p. 1).
9 Regolament tal-Kunsill tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6 u rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).
10 Regolament tal-Kunsill tal‑25 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 51, p. 1).
11 Għall-finijiet ta’ konċiżjoni, ir-riferimenti għall-kriterju previst fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu wkoll għall-kriterju previst fl-Artikolu 1(1)(e) ta’ din id-deċiżjoni u fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat. Ara l-punti 9 u 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
12 Iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2014/145, kif emendata”.
13 Iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 269/2014, kif emendat”.
14 Is-sentenza appellata, punti 31 u 32.
15 Is-sentenza appellata, punti 37 sa 39.
16 Is-sentenza appellata, punti 51 sa 56.
17 Is-sentenza appellata, punti 88 sa 91.
18 Is-sentenza appellata, punt 111.
19 Is-sentenza appellata, punti 133 u 134.
20 Sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2025, DL (C‑61/24, EU:C:2025:197, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Ara, f’dan ir-rigward, id-definizzjoni mogħtija mill-Cambridge Dictionary, disponibbli fuq: https:// dictionary.cambridge.org/dictionary/english/businessperson.
22 Ara, inter alia, id-definizzjoni mogħtija mill-Cambridge Dictionary, disponibbli fuq: https://dictionary.cambridge.org/dictionary/learner-english/leading.
23 Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, Másdi (C‑169/23, EU:C:2024:988, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24 Ara l-verżjoni lingwistika Bulgara, Ċeka, Ġermaniża, Estonjana, Kroata, Taljana, Ungeriża, Pollakka, Slovakka, Slovena, Finlandiża u Svediża tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata.
25 Ara l-verżjoni lingwistika Olandiża, Portugiża, Spanjola, Irlandiża u Rumena tal-Artikolu 2 (1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata.
26 Ara, inter alia, id-definizzjoni mogħtija mil-Le Robert, disponibbli fuq: https://dictionnaire.lerobert.com/definition/influent.
27 Ara l-premessa 9 tad-Deċiżjoni 2022/329.
28 Ara l-punt 10 iktar ’il fuq.
29 Nirrileva fil-qosor li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 52 sa 54 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi inkwistjoni f’din il-kawża, jaqgħu fil-kuntest tal-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-appellant fl-ewwel istanza skont l-Artikolu 277 TFUE fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Madankollu, dawn huma konformi mal-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 88 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, li tippermetti li jiġu kkunsidrati dawn il-konstatazzjonijiet kollha.
30 Ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il‑Kunsill (C‑732/18 P, EU:C:2020:727, punt 85).
31 Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑703/23 P, EU:C:2025:274, punt 52).
32 Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13 u rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35), kif emendata, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1 u rettifiki fil-ĠU 2014, L 246, p. 59 u fil-ĠU 2022, L 114, p. 214).
33 Irrid niġbed ukoll l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-premessi 2 u 4 tad-Deċiżjoni 2022/329, li jiddikjaraw li l-Unjoni tibqa’ “soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna” u jsemmu l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri restrittivi ġodda li jimponu konsegwenzi kbar u serji fuq ir-Russja minħabba l-aggressjoni militari tagħha. Barra minn hekk, il-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2022/329 tgħid li r-rispons tal-Unjoni Ewropea “[kien] jinkludi miżuri restrittivi kemm settorjali kif ukoll individwali” bħala rispons għall-“invażjoni mhux provokata tal-Ukrajna mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa”. Huwa evidenti minn din id-dikjarazzjoni li dawn iż-żewġ tipi ta’ miżuri huma elementi marbutin flimkien li jsegwu l-istess għan.
34 Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
35 Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
36 Iktar ’il quddiem is-“sentenza f’Kadi II”.
37 Is-sentenza f’Kadi II, punt 130.
38 Iktar ’il quddiem is-“sentenza f’Bank Tejarat”.
39 Is-sentenza b’Bank Tejarat, punti 60 u 61. Il-kliem użat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-punti jidher ambigwu, peress li jirreferi għal “raġunijiet” iktar milli għal “kriterji”. Madankollu, huwa ċar mill-punt 57 li l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-kriterji ta’ inklużjoni inkwistjoni f’din il-kawża u mhux għar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji.
40 Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2000, EFMA vs Il‑Kunsill (C‑46/98 P, EU:C:2000:474, punt 38).
41 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Evropaïki Dynamiki vs BĊE (C‑401/09 P, EU:C:2011:31, punt 88).
42 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola fil-kawża EFMA vs Il‑Kunsill (C‑46/98 P, EU:C:1999:547, punt 10).
43 Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑425/13, EU:C:2015:483, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (C‑225/17 P, EU:C:2019:82, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 49).