This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023TO1126
Order of the General Court (Third Chamber) of 3 February 2025.#Asociația Inițiativa pentru Justiție v European Commission.#Action for annulment – Decision 2006/928/EC – Mechanism for cooperation and verification of progress in Romania to address specific benchmarks in the areas of judicial reform and the fight against corruption – Decision (EU) 2023/1786 repealing Decision 2006/928 – No direct concern – Inadmissibility.#Case T-1126/23.
Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-3 ta’ Frar 2025.
Asociația Inițiativa pentru Justiție vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Deċiżjoni 2006/928/KE – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Deċiżjoni (UE) 2023/1786 li tħassar id-Deċiżjoni 2006/928 – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà.
Kawża T-1126/23.
Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-3 ta’ Frar 2025.
Asociația Inițiativa pentru Justiție vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Deċiżjoni 2006/928/KE – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Deċiżjoni (UE) 2023/1786 li tħassar id-Deċiżjoni 2006/928 – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà.
Kawża T-1126/23.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2025:138
DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla)
3 ta’ Frar 2025 ( *1 )
“Rikors għal annullament – Deċiżjoni 2006/928/KE – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Deċiżjoni (UE) 2023/1786 li tħassar id-Deċiżjoni 2006/928 – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà”
Fil-Kawża T‑1126/23,
Asociația Inițiativa pentru Justiție, stabbilita f’Constanţa (ir-Rumanija), irrappreżentata minn V.-D. Oanea, avukat, u C. Zatschler, SC,
rikorrenti,
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann, T. Maxian Rusche, P. Van Nuffel u I. Rogalski, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),
komposta minn P. Škvařilová-Pelzl, li taġixxi bħala Presidenta, I. Nõmm u D. Kukovec (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:
|
– |
l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Frar 2024, |
|
– |
l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ April 2024, |
|
– |
it-talba għal intervent tar-Rumanija li tressqet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Frar 2024, |
tagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Asociația Inițiativa pentru Justiție, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1786 tal‑15 ta’ Settembru 2023 li tħassar id-Deċiżjoni 2006/928/KE dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2023, L 229, p. 94, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata
|
2 |
Din il-kawża taqa’ fil-kuntest ta’ riforma kbira fil-qasam tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-Rumanija, riforma li kienet is-suġġett ta’ monitoraġġ fil-livell tal-Unjoni Ewropea mis-sena 2007 bis-saħħa tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825) fl-okkażjoni tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“MKV”). |
|
3 |
Ir-rikorrenti hija assoċjazzjoni professjonali ta’ prosekuturi stabbilita fl‑14 ta’ Novembru 2018, li għandha l-għan li tiżgura l-osservanza tal-valur tal-istat tad-dritt fir-Rumanija billi tiggarantixxi, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet tal-prosekuturi kif ukoll l-indipendenza tagħhom. |
|
4 |
Fit‑13 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat id-Deċiżjoni 2006/928 abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikoli 37 u 38 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”). Dawn l-Artikoli jawtorizzaw lill-Kummissjoni tadotta miżuri xierqa fil-każ, rispettivament, ta’ riskju imminenti ta’ ksur serju kontra l-funzjonament tas-suq intern marbut man-nuqqas ta’ osservanza, mir-Rumanija, ta’ impenji meħuda fil-kuntest tan-negozjati ta’ adeżjoni u ta’ riskju imminenti ta’ nuqqasijiet gravi tar-Rumanija fir-rigward tal-osservanza tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. |
|
5 |
Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fis-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 157 u 158), id-Deċiżjoni 2006/928 tikkostitwixxi tali miżura, li ġiet adottata minħabba l-eżistenza ta’ riskji imminenti tan-natura ta’ dawk imsemmija fl-Artikoli 37 u 38 tal-Att ta’ Adeżjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mir-rapport ta’ segwitu tagħha tas‑26 ta’ Settembru 2006 dwar il-livell ta’ preparazzjoni għall-adeżjoni mal-Unjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija (COM(2006) 549 final), li għalih tirreferi l-premessa 4 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat il-persistenza fir-Rumanija ta’ nuqqasijiet, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u pproponiet lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex jirrimedja għal dan li jissuġġetta l-adeżjoni ta’ dan l-Istat għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika. |
|
6 |
L-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928 stabbilixxa erba’ punti ta’ riferiment li r-Rumanija kellha tilħaq fil-qasam, b’mod partikolari, tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni sabiex issolvi l-imsemmija nuqqasijiet u tiggarantixxi l-kapaċità tal-korpi inkarigati mill-infurzar tal-liġi li jimplimentaw u japplikaw il-miżuri adottati sabiex jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq intern u tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. B’mod iktar partikolari, l-ewwel wieħed minn dawn l-għanijiet kien jaqra kif ġej: “[Ir-Rumanija għandha] [t]assigura proċess ġudizzjarju aktar trasparenti u effiċjenti partikolarment billi jiġu mtejba l-kapaċità u l-kontabilità tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura. Tirraporta u tissorvelja l-impatt tal-kodiċi ġodda tal-proċeduri ċivili u penali.” |
|
7 |
L-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2006/928 kienu jipprevedu li r-Rumanija kellha tirrapporta lill-Kummissjoni, fuq bażi annwali, dwar il-progress li hija kienet għamlet sabiex tilħaq kull wieħed mill-punti ta’ riferiment imsemmija fl-anness ta’ din id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni kellha, min-naħa tagħha, tfassal mill-inqas kull sitt xhur rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jkun fihom il-kummenti u l-konklużjonijiet tagħha stess dwar ir-rapporti ppreżentati mir-Rumanija. |
|
8 |
Skont l-Artikolu 4 tagħha, id-Deċiżjoni 2006/928 kienet indirizzata lill-Istati Membri kollha, li kienu jinkludu r-Rumanija sa mill-adeżjoni tagħha. |
|
9 |
Skont il-premessa 9 tal-istess deċiżjoni, din kellha titħassar meta l-punti ta’ riferiment kollha kienu ntlaħqu. |
|
10 |
Fil‑15 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. |
|
11 |
Kif jirriżulta mill-premessi 7 sa 9 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li, fid-dawl tal-progress imwettaq mir-Rumanija skont il-MKV, kif kien ġie kkonstatat fir-rapport tagħha tat‑22 ta’ Novembru 2022 lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2022) 664 final), b’mod partikolari dak relatat mat-tisħiħ tal-indipendenza u tal-effettività tal-ġustizzja permezz ta’ riformulazzjoni kompleta tas-sistema ġudizzjarja, dan l-Istat Membru kien wettaq l-impenji meħuda fil-mument tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni u l-erba’ punti ta’ riferiment iddefiniti fid-Deċiżjoni 2006/928 kienu ntlaħqu b’mod sodisfaċenti. |
|
12 |
Barra minn hekk, kif indikat fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ser tkompli bl-implimentazzjoni tar-riformi kemm mir-Rumanija kif ukoll mill-Istati Membri l-oħra permezz taċ-ċiklu annwali tal-istat tad-dritt, imniedi permezz tal-komunikazzjoni tagħha tas‑17 ta’ Lulju 2019 lill-Parlament, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolata “Tisħiħ tal-istat tad-dritt fi ħdan l-Unjoni: Il-Pjan ta’ Azzjoni” (COM(2019)343 final). Bħala parti minn dan iċ-ċiklu, il-Kummissjoni se tkompli tħejji rapporti annwali dwar l-istat tad-dritt, inklużi, b’mod partikolari, rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istati Membri. |
|
13 |
Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, id-Deċiżjoni 2006/928 hija mħassra. |
It-talbiet tal-partijiet
|
14 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
15 |
Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, imqajma skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
16 |
Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
17 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Frar 2024, ir-Rumanija, skont l-Artikolu 143 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet li tintervjeni insostenn tal-Kummissjoni. |
Id-dritt
|
18 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-konvenuta titlobha, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà jew in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. F’dan il-każ, billi l-Kummissjoni kienet talbet li tingħata deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà, il-Qorti Ġenerali, billi qieset li kellha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess, iddeċidiet li tagħti deċiżjoni dwar din it-talba mingħajr ma tkompli l-proċedura. |
|
19 |
Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, billi tqajjem, prinċipalment, l-assenza ta’ interess dirett tar-rikorrenti jew ta’ wieħed mill-membri tagħha. Sussidjarjament, hija tqis li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att regolatorju, fis-sens tat-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u li la r-rikorrenti u lanqas wieħed mill-membri tagħha ma huma individwalment ikkonċernati minn din id-deċiżjoni. |
|
20 |
Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet. Barra minn hekk, hija ssostni, fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors tagħha kemm f’isimha stess kif ukoll f’isem il-prosekuturi li tagħhom hija tiddefendi l-interessi, li, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-każ inkwistjoni, għandhom isiru iktar flessibbli l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza attwali. |
|
21 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni. |
|
22 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma hijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens tal-ewwel każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
23 |
Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti jew wieħed mill-membri tagħha humiex direttament ikkonċernati minn din id-deċiżjoni. |
|
24 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn assoċjazzjonijiet huma meqjusa ammissibbli fi tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet: l-ewwel nett, meta dispożizzjoni legali tirrikonoxxi espressament lill-assoċjazzjonijiet professjonali serje ta’ fakultajiet ta’ natura proċedurali, it-tieni nett, meta l-assoċjazzjoni tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha li jkollhom huma stess locus standi u, it-tielet nett, meta l-assoċjazzjoni hija kkonċernata individwalment minħabba l-impatt fuq l-interessi tagħha stess bħala assoċjazzjoni, b’mod partikolari għaliex il-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatriċi tkun ġiet affettwata mill-att li tiegħu l-annullament huwa mitlub (ara d-digriet tat‑8 ta’ Mejju 2019, Carvalho et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑330/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:324, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors tar-rikorrenti li taġixxi f’isimha stess
|
25 |
L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li hija organizzazzjoni rappreżentattiva tal-prosekuturi, formalment irrikonoxxuta, li l-missjoni tagħha hija li tiddefendi l-indipendenza tal-ġudikatura u, b’mod iktar ġenerali, il-valur tal-istat tad-dritt. Permezz tar-rwol tagħha fl-osservanza tal-Artikoli 2 u 19 TUE, hija għandha interess istituzzjonali li tiddefendi dan il-valur, kif ukoll interess proċedurali fil-proċeduri ġudizzjarji dwar l-osservanza u t-tisħiħ tiegħu. Sussegwentement, ir-rikorrenti kienet interlokutriċi privileġġata tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-monitoraġġ u tar-redazzjoni tar-rapporti marbuta mal-MKV, b’tali mod li t-tħassir tad-Deċiżjoni 2006/928, mingħajr ma kkonsultatha minn qabel, ippreġudika l-aspettattivi leġittimi tagħha. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li hija direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn it-tħassir tad-Deċiżjoni 2006/928 jikkomprometti x-xogħol tagħha fil-qasam tal-protezzjoni tal-istat tad-dritt. |
|
26 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
27 |
Fir-rigward tal-ewwel tip ta’ sitwazzjoni msemmija mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tinvokax l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet legali li jirrikonoxxu espressament possibbiltajiet ta’ natura proċedurali u ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi konkluż li jeżistu tali dispożizzjonijiet. |
|
28 |
Barra minn hekk, sa fejn l-argument tar-rikorrenti rrilevat fil-punt 25 iktar ’il fuq għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-prosekuturi, b’mod partikolari fid-dawl tal-valur tal-istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, għandu jingħatawlha ċerti prerogattivi proċedurali, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni legali ma tat lir-rikorrenti prerogattivi sabiex tiżgura tali protezzjoni fil-kuntest tal-MKV. Għaldaqstant, l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha ma tistax tiġi stabbilita fir-rigward tal-ewwel tip ta’ sitwazzjoni msemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq. |
|
29 |
Fir-rigward tat-tielet tip ta’ sitwazzjoni msemmija mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq, dwar l-inċidenza fuq l-assoċjazzjonijiet fl-interessi tagħhom stess, b’mod partikolari bħala negozjaturi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma invokatx tali effett fil-każ tagħha, billi enfasizzat biss ir-rwol tagħha ta’ interlokutriċi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-MKV. |
|
30 |
Issa, il-fatt li hija kienet “interlokutriċi” tal-Kummissjoni f’dan il-kuntest ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi rrikonoxxuta lilha l-kwalità ta’ negozjatriċi, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq, fil-kuntest speċifiku tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha lanqas ma tista’ tiġi stabbilita fir-rigward tat-tielet tip ta’ sitwazzjoni msemmija f’dan il-punt. |
|
31 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet dwar l-ewwel u t-tielet tip ta’ sitwazzjoni mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq u għalhekk ma għandhiex locus standi f’isimha proprju. |
|
32 |
Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti dwar il-fatt li t-tħassir tad-Deċiżjoni 2006/928 permezz tad-deċiżjoni kkontestata ppreġudika l-aspettattivi leġittimi tagħha. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull persuna li fir-rigward tagħha l-istituzzjoni tal-Unjoni tkun nisslet aspettattivi bbażati fuq garanziji preċiżi li jkunu ġew ipprovduti lilha. Jikkostitwixxu assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li jiġu kkomunikati fiha, informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti, li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2024, VB vs BĊE, T‑124/23, mhux ippubblikata, EU:T:2024:294, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma indikatx kif il-Kummissjoni kienet ikkomunikatilha assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-assenza ta’ tħassir tad-Deċiżjoni 2006/928. Barra minn hekk, għandu jitqies li t-tħassir ta’ din id-deċiżjoni kellu jiġi previst peress li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 37 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 38 tal-Att ta’ Adeżjoni, il-MKV kien ġie stabbilit biss bħala miżura provviżorja. |
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors tar-rikorrenti li taġixxi f’isem il-membri tagħha li tagħhom hija tiddefendi l-interessi
|
35 |
Konformement mat-tieni tip ta’ sitwazzjoni msemmija mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq, assoċjazzjonijiet għandhom locus standi meta jirrappreżentaw l-interessi tal-membri tagħhom li huma stess għandhom locus standi. |
|
36 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-membri tagħha, fil-kwalità tagħhom ta’ prosekuturi, huma direttament affettwati mid-deċiżjoni kkontestata, peress li t-tneħħija tal-MKV minn din id-deċiżjoni tista’ tesponihom iktar għal proċeduri dixxiplinari. |
|
37 |
Barra minn hekk, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 249), li l-punti ta’ riferiment imsemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928 kellhom effett dirett, ir-rikorrenti tqis li dawn il-punti ta’ riferiment kienu jagħtu lill-prosekuturi drittijiet ta’ effett dirett, li dawn jistgħu jinvokaw, b’mod partikolari, sabiex jikkontestaw l-azzjonijiet dixxiplinari illeġittimi. |
|
38 |
Għalhekk, it-tħassir tad-Deċiżjoni 2006/928 ikollu l-effett li jirrestrinġi d-drittijiet li l-prosekuturi li huma s-suġġett ta’ tali azzjonijiet dixxiplinari jistgħu jinvokaw għad-difiża tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti żżid li, għalkemm il-membri tagħha jistgħu dejjem jinvokaw l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 325(1) TFUE sabiex jiddefendu ruħhom kontra l-azzjonijiet dixxiplinari illeġittimi, xorta jibqa’ l-fatt li d-drittijiet mogħtija minn dawn id-dispożizzjonijiet huma inqas effikaċi u inqas estensivi minn dawk li huma kellhom taħt il-MKV. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Deċiżjoni 2006/928 kien usa’ minn dak tal-Artikolu 325(1) TFUE, sa fejn l-obbligu għar-Rumanija, li jirriżulta mill-aħħar tliet punti ta’ riferiment, li tiġġieled b’mod effettiv kontra l-korruzzjoni, b’mod partikolari l-korruzzjoni ta’ livell għoli, ma kienx limitat għall-każijiet ta’ korruzzjoni li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2006/928 kienet iktar adattata sabiex tiskatta l-applikabbiltà tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), billi tiżgura li l-kundizzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, tkun issodisfatta. |
|
40 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
41 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex persuna fiżika jew ġuridika tkun direttament ikkonċernata mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors tagħha, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li din il-miżura, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna u jekk, għaldaqstant, jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati dawn l-effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, peress li d-deċiżjoni kkontestata ħassret id-Deċiżjoni 2006/928, hija għandha tiġi eżaminata fid-dawl tas-suġġett, tal-kontenut kif ukoll tal-kuntest legali u fattwali li fih ittieħdet id-Deċiżjoni 2006/928 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, EPSU u Goudriaan vs Il‑Kummissjoni, T‑310/18, EU:T:2019:757, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata tista’ tipproduċi direttament effetti legali fuq is-sitwazzjoni tal-prosekuturi Rumeni membri tar-rikorrenti biss sa fejn id-Deċiżjoni 2006/928 stess setgħet tipproduċi tali effetti. |
|
44 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-suġġett tad-Deċiżjoni 2006/928 u tal-kuntest li fih ġiet adottata, kif jirriżulta mill-premessi 4 u 6 ta’ din id-deċiżjoni, l-istabbiliment tal-MKV u l-iffissar tal-punti ta’ riferiment kellhom l-għan li jikkompletaw l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, sabiex jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni qabel din l-adeżjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. |
|
45 |
Barra minn hekk, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fis-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 170), dawn il-punti ta’ riferiment jikkonkretizzaw l-impenji speċifiċi assunti mir-Rumanija u r-rekwiżiti aċċettati minnha waqt l-għeluq tan-negozjati ta’ adeżjoni fl‑14 ta’ Diċembru 2004, li jinsabu fl-Anness IX tal-Att ta’ Adeżjoni u jikkonċernaw b’mod partikolari dawn l-oqsma. |
|
46 |
Fir-rigward tas-suġġett u tal-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, mill-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, kif moqri fid-dawl tal-premessi 7 sa 9 tagħha, jirriżulta li din hija intiża li tħassar id-Deċiżjoni 2006/928, sa fejn il-Kummissjoni qieset li r-Rumanija kienet onorat l-impenji meħuda fil-mument tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni u li l-erba’ punti ta’ riferiment iddefiniti fl-anness ta’ din l-aħħar deċiżjoni kienu ntlaħqu b’mod sodisfaċenti. |
|
47 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kontenut tad-Deċiżjoni 2006/928, kif enfasizzat fil-punti 6 u 7 iktar ’il fuq, din id-deċiżjoni kienet timponi, essenzjalment, fuq ir-Rumanija l-obbligu li tilħaq il-punti ta’ riferiment li jinsabu fl-anness tagħha u li tirrapporta kull sena, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha, lill-Kummissjoni dwar il-progress imwettaq f’dan ir-rigward. Hija kienet timponi wkoll fuq il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 2 tagħha, l-obbligu li tfassal rapporti intiżi sabiex janalizzaw u jevalwaw il-progress imwettaq mir-Rumanija fid-dawl tal-punti ta’ riferiment. |
|
48 |
Fir-rigward tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, il-premessi 4 sa 8 tagħha jenfasizzaw l-istadji relatati mal-progress imwettaq mir-Rumanija skont il-MKV, li fuqhom hija bbażata l-konklużjoni adottata fil-premessa 9, li l-punti ta’ riferiment iddefiniti fid-Deċiżjoni 2006/928 intlaħqu b’mod sodisfaċenti. Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat fil-punt 12 iktar ’il fuq, il-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi, essenzjalment, li l-Kummissjoni ser tkompli ssegwi r-riformi meħtieġa fid-diversi Stati Membri, inkluż fir-Rumanija, permezz taċ-ċiklu annwali tal-istat tad-dritt. |
|
49 |
Għandu jingħad ukoll li, fis-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C-195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393), wara li rrilevat fil-punti 166 u 167 ta’ din is-sentenza li d-Deċiżjoni 2006/928, bħala deċiżjoni adottata skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, “[kellha] torbot fl-intier tagħha” għar-Rumanija, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat l-effetti legali kemm tal-punti ta’ riferiment kif ukoll tar-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni. |
|
50 |
Fir-rigward tal-effetti legali tal-punti ta’ riferiment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 172 tas-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393), li dawn l-għanijiet kienu ta’ natura vinkolanti għar-Rumanija, b’tali mod li dan l-Istat Membru kien suġġett għall-obbligu speċifiku li jilħaqhom u li jieħu l-miżuri xierqa sabiex dawn jintlaħqu fl-iqsar żmien possibbli. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Rumanija kienet obbligata tastjeni milli timplimenta kwalunkwe miżura li setgħet tikkomprometti t-twettiq tal-imsemmija għanijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, barra minn hekk, fil-punt 249 ta’ din is-sentenza, li dawn l-għanijiet kienu fformulati f’termini ċari u preċiżi u ma kienu suġġetti għal ebda kundizzjoni, b’tali mod li kellhom effett dirett. |
|
51 |
Fir-rigward tal-effetti legali tar-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2006/928, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dawn ir-rapporti kienu jifformulaw rekwiżiti fir-rigward tar-Rumanija u kienu jibagħtulha rakkomandazzjonijiet bl-għan li jintlaħqu l-punti ta’ riferiment. Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, ir-Rumanija kellha tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-imsemmija rekwiżiti u rakkomandazzjonijiet u kellha tastjeni milli tadotta jew iżżomm fis-seħħ miżuri fl-oqsma koperti mill-punti ta’ riferiment li kienu jirriskjaw li jikkompromettu r-riżultat li kienu jippreskrivu dawn l-istess rekwiżiti u rakkomandazzjonijiet. |
|
52 |
Mill-elementi rrilevati fil-punti 44, 47 u 49 sa 51 iktar ’il fuq jirriżulta mingħajr ekwivoku li d-Deċiżjoni 2006/928 kienet tillimita ruħha li timponi fuq ir-Rumanija obbligi li jikkonsistu, l-ewwel, fit-teħid tal-miżuri neċessarji sabiex jintlaħqu l-punti ta’ riferiment iddefiniti fl-anness ta’ din id-deċiżjoni, it-tieni, fil-preżentazzjoni lill-Kummissjoni, fuq bażi annwali, tar-rapporti dwar il-progress imwettaq f’dan ir-rigward u, it-tielet, fit-teħid debitament inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti u tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni fir-rapporti tagħha stess. |
|
53 |
Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-Deċiżjoni 2006/928 ma tat ebda dritt lill-membri tagħha, b’tali mod li hija ma tistax titqies li tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-punti ta’ riferiment imsemmija fl-anness ta’ din id-deċiżjoni kellhom effett dirett ma jistax ikollu effett f’dan ir-rigward. |
|
54 |
Insostenn ta’ din il-konklużjoni, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-effett dirett tal-punti ta’ riferiment ma jistax jimplika, fih innifsu, li dawn il-punti jinkludu neċessarjament drittijiet korrispondenti għall-prosekuturi, li dawn jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qorti nazzjonali. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat b’mod kostanti li, “fil-każijiet kollha fejn dispożizzjonijiet [ta’ att tal-Unjoni] jidhru li huma, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati […] kontra kull dispożizzjoni nazzjonali li ma tkunx konformi ma’ [dan l-att tal-Unjoni], jew ukoll sa fejn huma ta’ natura li jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw fil-konfront tal-Istat”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1982, Becker, 8/81, EU:C:1982:7, punt 25, u tat‑28 ta’ Novembru 2013, MDDP, C‑319/12, EU:C:2013:778, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
L-użu tal-konġunzjoni “jew” jimplika li l-prinċipju tal-effett dirett ma huwiex esklużivament interpretat fis-sens li jirriżulta mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos (26/62, EU:C:1963:1), iżda wkoll bħala li jikkundizzjona s-setgħa tal-qrati nazzjonali li ma japplikawx kull leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Issa, minn qari tal-punt 249 tas-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393), fid-dawl tal-formulazzjoni tat-tielet domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑195/19 u tal-analiżi mwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-imsemmija domanda, jirriżulta li huwa f’din it-tieni perspettiva li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni tirrikonoxxi l-effett dirett tal-punti ta’ riferiment. |
|
57 |
Minn dan isegwi li ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li l-punti ta’ riferiment, minħabba l-effett dirett tagħhom, jagħtu drittijiet lill-prosekuturi, li dawn jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali sabiex jikkontestaw, b’mod partikolari, l-azzjonijiet dixxiplinari illeġittimi. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma identifikat ebda dritt speċifiku li allegatament ingħata lill-prosekuturi jew, b’mod iktar speċifiku, lill-membri tagħha. |
|
58 |
Fit-tieni lok, il-fatt li l-punti ta’ riferiment ġew ikkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li għandhom effett dirett ma jistax jimplika, kif issostni r-rikorrenti, li dawn kienu jipproduċu direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri tagħha u, konsegwentement, li l-istess japplika għat-tħassir tagħhom. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-effett dirett tal-punti ta’ riferiment ma jistax jimplika li individwi jistgħu jikkontestaw it-tneħħija ta’ dawn il-punti ta’ riferiment, mingħajr ma juru li din it-tneħħija tinvolvi fiha nnifisha preġudizzju dirett u individwali għall-pożizzjoni legali tagħhom, prova li hija nieqsa f’dan il-każ. |
|
60 |
Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni diġà ddeċidiet li l-kwistjoni dwar jekk individwu kienx direttament ikkonċernat minn att tal-Unjoni li tiegħu ma kienx destinatarju kellha tiġi evalwata fid-dawl kemm tas-suġġett ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs Il‑Kummissjoni, T‑119/02, EU:T:2003:101, punt 276) kif ukoll tal-kuntest legali li jirriżulta minnu. Jekk mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-imsemmi att jirriżulta li l-effetti tiegħu huma limitati għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istat Membru destinatarju, l-istess att ma jistax jitqies li jipproduċi effetti legali fuq l-individwi. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Green Source Poland vs Il‑Kummissjoni, T‑512/14, EU:T:2017:299, punti 35, 37 u 45 sa 64). |
|
61 |
Issa, f’dan il-każ, mill-elementi rrilevati fil-punti 44, 45 u 47 iktar ’il fuq jirriżulta mingħajr ekwivoku li l-għan tad-Deċiżjoni 2006/928 kien li jiġi żgurat li r-Rumanija tirrimedja n-nuqqasijiet ikkonstatati qabel l-adeżjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fid-dawl tat-tlestija tal-proċess ta’ adeżjoni. Mid-dispożizzjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll b’mod ċar li l-effetti tagħha kienu limitati għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Rumanija, mingħajr ma l-individwi, inklużi l-prosekuturi, ikunu koperti direttament jew indirettament mill-imsemmija deċiżjoni. |
|
62 |
Barra minn hekk, il-formulazzjoni stess tal-punti ta’ riferiment tagħti x’tifhem li, għalkemm dawn il-punti ta’ riferiment jirregolaw, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fir-Rumanija, dawn madankollu ma humiex intiżi li jipproduċu direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-prosekuturi Rumeni, minkejja li, fid-dawl tal-effett dirett ta’ dawn l-għanijiet, il-qorti nazzjonali, ex officio jew fuq talba ta’ partijiet fil-kawża, inklużi prosekuturi, setgħet, qabel it-tħassir tad-Deċiżjoni 2006/928, tqajjem il-kuntrarjetà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tagħhom. Barra minn hekk, soluzzjoni kuntrarja twassal sabiex it-tħassir ta’ kull regola tal-Unjoni, irrikonoxxuta bħala li għandha effett dirett, taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tal-individwi kollha li kienu f’pożizzjoni, qabel dan it-tħassir, li jinvokaw l-imsemmija regola kontra regola nazzjonali. Issa, tali estensjoni tal-ewwel kundizzjoni tal-inċidenza diretta ma tistax tiġi aċċettata. |
|
63 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-marġni ta’ diskrezzjoni li kellhom l-Istati Membri fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ att tal-Unjoni ma setax, bħala tali, ikun suffiċjenti sabiex jitqies li din id-dispożizzjoni ma kellhiex effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, Salzburger Flughafen, C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑14 ta’ Jannar 2021, RTS infra u Aannemingsbedrijf Norré-Behaegel, C‑387/19, EU:C:2021:13, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punti 16 sa 25 u l-ġurisprudenza ċċitata), min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tagħha jirriżulta li l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tipprekludi li l-ewwel kundizzjoni tal-inċidenza diretta tiġi ssodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punti 74 u 76). |
|
64 |
Issa, f’dan il-każ, min-natura stess tal-miżuri li r-Rumanija kienet mitluba tadotta għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928, sa fejn dawn kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, aspetti relatati mal-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tagħha, jirriżulta li dan l-Istat Membru kellu marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat b’mod kostanti li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri kienet taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dawn tal-aħħar, filwaqt li ppreċiżat li, fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, l-Istati Membri kienu obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw għalihom mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
Fid-dawl tal-elementi preċedenti, għandu jiġi konkluż li d-Deċiżjoni 2006/928 ma kinitx tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri tar-rikorrenti. |
|
66 |
Issa, peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 43 iktar ’il fuq, il-portata tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ dik tad-Deċiżjoni 2006/928 li hija tħassar, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri tar-rikorrenti. |
|
67 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, minkejja t-tħassir tad-Deċiżjoni 2006/928, il-prosekuturi li huma s-suġġett tal-proċeduri dixxiplinari jistgħu dejjem jinvokaw il-protezzjoni ġudizzjarja li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 19 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2024, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România (Assoċjazzjonijiet ta’ Maġistrati), C‑53/23, EU:C:2024:388, punti 34 u 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
68 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li t-tħassir, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, tad-Deċiżjoni 2006/928 ikollu direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri tagħha sa fejn din l-aħħar deċiżjoni kellha portata iktar wiesgħa mill-Artikolu 325(1) TFUE u fuq il-fatt li, għaldaqstant, hija setgħet iktar tagħti lok għall-applikabbiltà tal-Karta fil-kawżi li jirrigwardaw il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, dan għandu jiġi miċħud. |
|
69 |
Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, kif issostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, lil hinn mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta sensiela sħiħa ta’ atti tad-dritt sekondarju li jirregolaw id-diversi aspetti tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni b’mod ġenerali, bħal, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni mfassla abbażi ta’ l-Artikolu K.3(2)(ċ) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi l-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p.136) u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat‑22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 182 u rettifika fil-ĠU 2019, L 255, p. 7). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Parchetul de pe lângă Curtea de Apel Craiova (C‑58/22, EU:C:2024:70, punt 42), li kienet tikkonċerna kawża ta’ korruzzjoni fejn il-qorti tar-rinviju kienet staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl, b’mod partikolari, tal-punti ta’ riferiment imsemmija fl-anness tad-Deċiżjoni 2006/928, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kundizzjoni ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, kienet issodisfatta permezz tad-Deċiżjoni Qafas imsemmija iktar ’il fuq, mingħajr lanqas ma kien hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-eventwali rilevanza tal-punti ta’ riferiment imsemmija fl-anness ta’ din id-deċiżjoni. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Karta hija intiża li tapplika għall-kawżi relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, indipendentement mit-tħassir tad-Deċiżjoni 2006/928. |
|
70 |
Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma tipproduċix direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri tar-rikorrenti. Għaldaqstant, din ma tistax titqies li hija direttament affettwata minn din id-deċiżjoni. |
|
71 |
Issa, peress li l-kundizzjonijiet previsti fit-tieni parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif imfakkra fil-punt 41 iktar ’il fuq, huma kumulattivi, għandu jitqies li r-rikorrenti ma jistax ikollha locus standi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr lanqas ma jkun neċessarju li tittieħed pożizzjoni dwar it-tieni kundizzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni. |
|
72 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tibbaża ruħha fuq it-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dwar l-atti regolatorji, minħabba li l-prosekuturi li tagħhom hija tiddefendi l-interessi għandhom locus standi abbażi ta’ din it-tielet parti tas-sentenza. Fil-fatt, il-kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun ikkonċernat direttament mill-att ikkontestat għandha l-istess tifsira kemm għat-tieni parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kif ukoll għat-tielet parti tas-sentenza ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 73). F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ interess dirett mid-deċiżjoni kkontestata, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk din tikkostitwixxix att regolatorju fis-sens tat-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
73 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u peress li l-prosekuturi li r-rikorrenti tiddefendi l-interessi tagħhom ma għandhomx huma stess locus standi, ir-rikorrenti lanqas ma tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex ir-rikors tagħha jkun ammissibbli taħt it-tieni tip ta’ sitwazzjoni, imsemmija mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq. |
Fuq ir-rilassament tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà
|
74 |
Skont ir-rikorrenti, f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors għandhom isiru iktar flessibbli. Fil-fatt, hija tqis li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà għandhom jiġu applikati b’ċerta flessibbiltà, b’mod partikolari minħabba r-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u mal-istat tad-dritt, valur fundamentali tal-Unjoni li jagħmel parti mill-identità tagħha stess. Barra minn hekk, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tad‑9 ta’ April 2024, Verein Klimaseniorinnen Schweiz et vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2024:0409JUD005360020), li fiha hija ammettiet, abbażi tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), il-locus standi ta’ assoċjazzjoni maħluqa bl-għan li jiġu promossi u implimentati miżuri effettivi ta’ protezzjoni tal-klima, ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li, sa fejn il-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-valur tal-istat tad-dritt huma ta’ importanza ekwivalenti għal dawk marbuta mal-protezzjoni tal-klima, l-approċċ li jirriżulta minn din is-sentenza għandu japplika mutatis mutandis f’dan il-każ. Barra minn hekk, l-allinjament tar-rekwiżiti meħtieġa f’termini ta’ locus standi tal-assoċjazzjonijiet ikun preferibbli fil-perspettiva tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB. |
|
75 |
Għandu jiġi rrilevat li għalkemm, ċertament, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tali interpretazzjoni ma għandhiex twassal sabiex jitwarrbu l-kundizzjonijiet espressament previsti mill-imsemmi trattat (ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
76 |
B’mod partikolari, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 47 tal-Karta ma għandhiex l-għan li tbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
77 |
Barra minn hekk, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 47 tal-Karta ma teżiġix li parti fil-kawża għandha tkun tista’ b’mod inkundizzjonali tippreżenta rikors għal annullament, direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, kontra atti tal-Unjoni (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Associazione GranoSalus vs Il‑Kummissjoni, C‑313/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:869, punt 62). |
|
78 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 31 u 73 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax issostni li hija direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata la f’isimha stess u lanqas f’isem il-membri tagħha li hija tiddefendi l-interessi tagħhom. |
|
79 |
Barra minn hekk, fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-approċċ segwit mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, fis-sentenza msemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jitfakkar li għalkemm, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fil-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li d-drittijiet li jinsabu fiha li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma tkunx aderixxiet magħha, strument legali formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 52 tal-Karta, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu huwa intiż sabiex jiżgura l-koerenza meħtieġa bejn il-Karta u l-KEDB, “mingħajr ma dan jaffetwa b’mod negattiv l-awtonomija tal-liġi tal-Unjoni u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, LG u MH (Autoblanchiment), C‑790/19, EU:C:2021:661, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rilassament tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà, kif mitlub mir-rikorrenti, jimplika, fil-fatt, li titwarrab il-kundizzjoni tal-inċidenza diretta li hija espressament stabbilita fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li tmur kontra l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 75 iktar ’il fuq. |
|
81 |
Għandu jingħad ukoll li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa, fi kwalunkwe każ, żgurat, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE, mhux biss mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll mill-qrati tal-Istati Membri. Fil-fatt, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea stabbilixxa, minn naħa, permezz tal-Artikoli 263 u 277 tiegħu u, min-naħa l-oħra, bl-Artikolu 267, sistema sħiħa ta’ rimedji u proċeduri legali maħsuba sabiex jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-Unjoni Ewropea, billi jafdaha lill-qrati tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
82 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-partijiet fil-kawża għandhom, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, id-dritt li jikkontestaw quddiem qorti l-legalità ta’ kull deċiżjoni jew ta’ kull att nazzjonali ieħor dwar l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali billi jeċċepixxu l-invalidità ta’ dan tal-aħħar (ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
83 |
Minn dan isegwi li r-rinviju għall-evalwazzjoni tal-validità jikkostitwixxi, l-istess bħar-rikors għal annullament, modalità tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
84 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta qorti nazzjonali tqis li motiv wieħed jew iktar ta’ invalidità ta’ att tal-Unjoni mressqa mill-partijiet jew, jekk ikun il-każ, imqajma ex officio jkunu fondati, hija għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha u tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja bi proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità, peress li hija biss din tal-aħħar li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
85 |
Fir-rigward tal-persuni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jippreżentaw rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
86 |
Dan l-obbligu tal-Istati Membri ġie kkonfermat mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jipprovdi li dawn “għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”. Tali obbligu jirriżulta wkoll mill-Artikolu 47 tal-Karta f’dak li jirrigwarda l-miżuri meħuda mill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
87 |
Għaldaqstant, hemm lok li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni tintlaqa’ u li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Fuq it-talba għal intervent imressqa mir-Rumanija
|
88 |
Skont l-Artikolu 144(3) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-konvenut iressaq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 130(1) ta’ dawn ir-regoli, id-deċiżjoni dwar it-talba għal intervent ma għandhiex tittieħed qabel ma din l-eċċezzjoni tiġi miċħuda jew titħalla għad-deċiżjoni fil-mertu. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 142(2) tal-istess regoli, l-intervent jitlef l-għan tiegħu b’mod partikolari meta r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli. |
|
89 |
Issa, peress li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ntlaqgħet f’dan il-każ u peress li dan id-digriet, konsegwentement, itemm l-istanza, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal intervent imressqa mir-Rumanija. |
Fuq l-ispejjeż
|
90 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
|
91 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Rumanija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha marbuta mat-talba għal intervent. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla) tordna: |
|
|
|
|
|
Magħmul fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Frar 2025. Ir-Reġistratur V. Di Bucci Li qiegħda taġixxi bħala Presidenta P. Škvařilová-Pelzl |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.