Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TN0325

    Kawża T-325/23: Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ġunju 2023 – Meta Platforms Ireland vs Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

    ĠU C 271, 31.7.2023, p. 34–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 271/34


    Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ġunju 2023 – Meta Platforms Ireland vs Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

    (Kawża T-325/23)

    (2023/C 271/47)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Meta Platforms Ireland (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: H. G. Kamann, F. Louis, M. Braun u A. Vallery, avukati, P. Nolan, B. Johnston, C. Monaghan, L. Joyce u D. Breatnach, Solicitors, D. McGrath, SC, u E. Egan McGrath, Barrister)

    Konvenut: Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-“deċiżjoni vinkolanti 1/2003 dwar it-tilwima mibdija mill-awtorità ta’ kontroll Irlandiża dwar it-trasferiment ta’ data mwettaq minn Meta Platforms Ireland Limited għas-servizz tagħha Facebook (Artikolu 65 tal-GDPR)” adottata mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem il-“BEPD”) fit-13 ta’ April 2023 fl-intier tagħha jew, sussidjarjament, fil-partijiet rilevanti tagħha; u

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Artikolu 65(1)(a) tal-GDPR jikser l-Istat ta’ dritt, l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u, f’dan ir-rigward, huwa illegali u invalidu.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq li l-BEPD mar lil hinn mis-setgħat tiegħu taħt l-Artikolu 65 tal-GDPR.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq li l-BEPD kiser id-dritt għal amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-BEPD ma aġixxiex bħala korp imparzjali, bi ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq li l-ordni mogħtija mill-BEPD lill-awtorità ta’ kontroll Irlandiża li tordna lil Meta Ireland tqiegħed it-tranżazzjonijiet tagħha ta’ proċessar f’konformità mal-Kapitolu V tal-GDPR i) tikser il-prinċipji “impossibilium nulla obligatio est” u “ultra posse nemo obligatur”; ii) tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali; iii) hija nieqsa minn bażi legali; iv) tikser l-Artikolu 45(4) tal-GDPR u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; u v) tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur mill-BEPD tal-libertà ta’ intrapriża ta’ Meta Ireland sanċit fl-Artikolu 16 tal-Karta.

    7.

    Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur mill-BEPD tad-dritt għall-proprjetà ta’ Meta Ireland sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta.

    8.

    It-tmien motiv ibbażat fuq il-ksur mill-BEPD tal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi ta’ Meta Ireland sanċit fl-Artikolu 56 TFUE.

    9.

    Id-disa’ motiv ibbażat fuq il-ksur mill-BEPD tal-Artikolu 83 tal-GDPR u diversi prinċipji relatati li jirregolaw l-iffissar tal-multi abbażi ta’ dan ir-regolament.


    Top