Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TN0290

    Kawża T-290/23: Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2023 – Sber vs SRB

    ĠU C 271, 31.7.2023, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 271/32


    Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2023 – Sber vs SRB

    (Kawża T-290/23)

    (2023/C 271/46)

    Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Sber Vermögensverwaltungs AG (Vjenna, l-Awstrija) (rappreżentant: O. Behrends, avukat)

    Konvenut: Single Resolution Board (SRB)

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla, l-ewwel, id-deċiżjoni tas-SRB tat-28 ta’ Lulju 2022 fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti għal aċċess għal dokumenti;

    tannulla, it-tieni, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-SRB tat-8 ta’ Marzu 2023 fil-Każ 4/2022, sa fejn din id-deċiżjoni tinkludi konstatazzjonijiet magħmula kontra r-rikorrenti;

    tannulla, it-tielet, ir-risposta negattiva, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1), ħmistax-il ġurnata wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell;

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tas-SRB tat-28 ta’ Lulju 2022 fir-rigward tat-talba għal aċċess tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni oriġinali”) hija illegali.

    L-illegalità tad-deċiżjoni oriġinali ġiet iddeterminata mid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell b’mod vinkolanti għas-SRB. Hija illegali wkoll minħabba r-raġunijiet l-oħra indikati iktar ’il quddiem.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell hija illegali għar-raġunijiet li ġejjin.

    Il-Bord tal-Appell eċċeda l-kompetenza tiegħu u kiser l-Artikolu 85(8) tar-Regolament (UE) 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (2) peress li jallega li jista’ jikkonferma partijiet tad-deċiżjoni oriġinali tas-SRB b’mod vinkolanti u finali, minkejja d-deċiżjoni tiegħu li jibgħat lura l-kawża lis-SRB;

    Il-Bord tal-Appell naqas b’mod żbaljat milli jagħti aċċess għall-fajl u għall-iżvelar ta’ dokumenti permezz ta’ ordni proċedurali, minħabba l-konklużjoni żbaljata tiegħu li tali passi jimminaw ir-regoli ta’ aċċess pubbliku;

    Il-Bord tal-Appell tas-SRB żbalja meta naqas milli jesklużi b’mod kategoriku kwalunkwe invokazzjoni tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

    Il-Bord tal-Appell tas-SRB żbalja meta naqas milli jesklużi b’mod kategoriku kwalunkwe invokazzjoni tal-eċċezzjoni taħt l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegata illegalità tar-risposta negattiva impliċita.

    Is-SRB naqas milli jikkonforma ruħu mal-obbligu tiegħu li jieħu deċiżjoni fit-terminu indikat fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Dan jikkostitwixxi ċaħda ta’ aċċess skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Iċ-ċaħda hija illegali minħabba n-natura vinkolanti tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-SRB. Hija illegali, barra minn hekk, minħabba n-nuqqas ta’ għoti ta’ kwalunkwe motivazzjoni.

    Ir-rikorrenti tinvoka wkoll eċċezzjonijiet ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikoli 20 u 21(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bord tal-Appell u tal-Artikoli 85(8) u 86(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, kif interpretati mis-SRB.


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.

    (2)  ĠU 2014, L 225, p. 1.


    Top