Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TN0115

    Kawża T-115/23: Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2023 – Debreceni Egyetem vs Il-Kunsill

    ĠU C 173, 15.5.2023, p. 31–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 173/31


    Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2023 – Debreceni Egyetem vs Il-Kunsill

    (Kawża T-115/23)

    (2023/C 173/43)

    Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

    Partijiet

    Rikorrenti: Debreceni Egyetem (Debrecen, l-Ungerija) (rappreżentanti: J. Rausch u Á. Papp, avukati)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, tannulla, b’effetti ex tunc, jiġifieri, retroattivament sa mid-data tal-adozzjoni tiegħu, l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2506 (1) tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija, u

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka dsatax-il motiv.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2 TUE

    Ksur tal-Istat tad-dritt u tal-ġustizzja: l-istabbilimenti tal-edukazzjoni miżmuma minn trust ta’ interess pubbliku ma pparteċipawx fil-proċedura preċedenti għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni u huma ssanzjonati b’konsegwenza ta’ atti leġiżlattivi adottati mil-leġiżlatur Ungeriż.

    Ksur taċ-ċertezza legali u taċ-ċarezza tar-regoli: sa fejn il-kategorija ta’ persuni li qegħdin jiġu akkużati b’kunflitt ta’ interessi, jiġifieri, l-“eżekuttivi politiċi għolja”, ma hijiex kunċett preċiż, din tiġġenera interpretazzjonijiet arbitrarji u applikazzjoni tad-dritt li tista’ tagħti lok għal abbużi.

    Ksur tal-ugwaljanza u nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni: id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiddiskrimina kontra l-istabbilimenti tal-edukazzjoni Ungeriżi miżmuma minn trust ta’ interess pubbliku meta mqabbla ma stabbilimenti oħra li joperaw skont mudell ieħor ta’ sostenn.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4 TUE

    Nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjoni ta’ ċaħda ta’ kompetenzi: l-edukazzjoni u r-riċerka xjentifika – u, għaldaqstant, il-garanzija ta’ funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u d-definizzjoni tal-kuntest li fih joperaw – jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, kompetenza li minnha qiegħdha tiġi mċaħħda l-Ungerija permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni peress li hemm interferenza diretta fil-funzjonament tal-istabbilimenti tal-edukazzjoni Ungeriżi.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4 TUE

    Ksur tas-sussidjarjetà: id-Deċiżjoni tippermetti li sanzjonijiet pekunjarji jiġu imposti direttament fuq entitajiet ġuridiċi li huma differenti mid-destinatarju tagħha, mingħajr ebda eżami minn qabel dwar jekk l-Ungerija tinsabx f’pożizzjoni li tipproteġi b’mod suffiċjenti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

    Ksur tal-proporzjonalità: is-sospensjoni tal-pagamenti hija ritaljazzjoni finanzjarja li tant hija serja li l-applikazzjoni tagħha hija ġġustifikata biss fil-każ ta’ ksur manifest u immedjat ta’ drittijiet; barra minn hekk, din għandha effetti li jtulu fiż-żmien.

    4.

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7 TUE

    Nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti: ma ttieħdux inkunsiderazzjoni l-eventwali konsegwenzi fuq id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi.

    5.

    Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 TUE

    Ksur tal-ugwaljanza taċ-ċittadini tal-Unjoni: il-persuni leżi mill-miżura huma dawk l-għalliema, ir-riċerkaturi u l-istudenti li ppreżentaw it-talbiet korrispondenti, sa fejn is-sospensjoni tal-pagamenti fil-konfront tagħhom tagħmilha impossibbli li dawn iwettqu l-attivitajiet ta’ studju jew ta’ tagħlim u riċerka rispettivi tagħhom.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 TUE

    La kien hemm konsultazzjonijiet mal-istabbilimenti tal-edukazzjoni għolja miżmuma minn trust ta’ interess pubbliku u lanqas mal-istudenti, mal-għalliema, mar-riċerkaturi u mas-soċji ta’ dawn l-istabbilimenti.

    7.

    Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2 TFUE

    It-TFUE ma ttrasferixxiex lill-Unjoni l-kompetenzi fil-kuntest tal-politika fil-qasam tal-edukazzjoni u tar-riċerka xjentifika li ġew eżerċitati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

    8.

    It-tmien motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 TFUE

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ma twassalx għal livell għoli ta’ edukazzjoni u taħriġ; barra minn hekk, fit-tul, tikkawża effetti sfavorevoli fil-qasam akkademiku, xjentifiku u ta’ taħriġ għall-istudenti, għall-għalliem u għar-riċerkaturi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja Ungeriżi miżmuma minn fondazzjonijiet.

    9.

    Id-disa’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 56 TFUE

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tillimita d-drittijiet ta’ dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ċittadini Ungeriżi (studenti, għalliema, riċerkaturi) li jiżvolġu l-attività tagħhom fiċ-ċentri tal-edukazzjoni Ungeriżi miżmuma minn trust ta’ interess pubbliku.

    10.

    L-għaxar motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 67 TFUE

    Permezz tal-irtirar tal-fondi, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tirrendi impossibbli l-funzjonament taċ-ċentri miżmuma minn trust ta’ interess pubbliku u tirrappreżenta attakk fuq il-kuntest ġuridiku li fih joperaw l-imsemmija ċentri, jiġifieri, indirettament, fuq is-sistema legali awtonoma (differenti) Ungeriża u fuq it-tradizzjonijiet legali tal-Ungerija.

    11.

    Il-ħdax-il motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 120 TFUE

    L-effetti diskriminatorji u sproporzjonati tal-miżura huma manifesti u joħolqu wkoll żvantaġġ kompetittiv mhux iġġustifikat għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li joperaw fil-forma ta’ trust ta’ interess pubbliku.

    12.

    It-tnax-il motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 124 TFUE

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ssospendiet il-fondi fir-rigward ta’ diversi destinatarji u fil-frattemp allokathom lil entitajiet oħra.

    13.

    It-tletax-il motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 165 TFUE

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ma tikkontribwixxix għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità, iżda fil-verità tikkawżalha danni gravi u tqiegħdha f’diffikultà.

    14.

    L-erbatax-il motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 179 TFUE

    L-irtirar tal-fondi tal-programm ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju edukattiv Erasmus+ u tal-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni Horizon Europe jippreżupponi ostaklu ċar kemm għall-moviment liberu tar-riċerkaturi, tal-għarfien xjentifiku u tat-teknoloġiji kif ukoll għall-iżvilupp tal-kompetittività tagħhom.

    15.

    Il-ħmistax-il motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamenti tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)

    Effett evidenti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni hija l-bidla fil-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja Ungeriżi li joperaw skont il-mudell il-ġdid.

    16.

    Is-sittax-il motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2 TUE

    Fl-opinjoni tar-rikorrenti, il-kunflitt ta’ interessi li jservi ta’ bażi u ta’ motivazzjoni għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ma jeżistix.

    17.

    Is-sbatax-il motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 48 tal-Karta

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tissanzjona direttament lir-rikorrenti meta, fil-każ tagħha, ma jeżistix il-kunflitt ta’ interessi politiċi invokat bħala ġustifikazzjoni tas-sanzjoni, u dan jippreżupponi ksur gravi u manifest tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

    18.

    It-tmintax-il motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52 tal-Karta

    Peress li, fil-każ tar-rikorrenti, de facto ma jeżistix kunflitt ta’ interessi politiċi, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tikser ir-rekwiżiti ta’ neċessità partikolari u ta’ proporzjonalità.

    19.

    Id-dsatax-il motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni (2)

    Il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni mingħajr ma eżamina, fuq il-mertu u speċifikament, l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi politiċi li jikkostitwixxi l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni.


    (1)  ĠU 2022, L 325, p. 94.

    (2)  Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU 2020, L 433, p. 1).


    Top