Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TN0038

    Kawża T-38/23: Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Mejju 2023 – IB vs EUIPO

    ĠU C 223, 26.6.2023, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.6.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 223/30


    Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Mejju 2023 – IB vs EUIPO

    (Kawża T-38/23)

    (2023/C 223/42)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: IB (rappreżentant: N. de Montigny, avukata)

    Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    taqta’ u tiddeċiedi,

    l-annullament tad-deċiżjoni tal-11 ta’ April 2022 tad-Direttur tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tal-EUIPO intiża għall-eżekuzzjoni tas-sentenza T-22/20 tat-13 ta’ Ottubru 2021 bis-saħħa tal-Artikolu 266 TFUE u li tirrifjuta t-tkomplija tal-proċedura ta’ invalidità li tirrigwarda r-rikorrent;

    sa fejn meħtieġ, jekk jitqies li tipprovdi informazzjoni addizzjonali, l-annullament tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2022 li tiċħad l-ilment imressaq fit-8 ta’ Lulju 2022 fuq il-bażi tal-Atikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal;

    taħtar tielet tabib ex officio;

    mill-inqas, tordna lill-konvenut:

    ikompli bil-proċedura ta’ rtirar minħabba invalidità mill-istadju tal-ħatra tal-Kumitat tal-Invalidità;

    fil-frattemp u fl-istennija ta’ deċiżjoni finali dwar l-invalidità tar-rikorrent, iħallas lir-rikorrent l-ammont minimu ggarantit bis-saħħa tal-Artikolu 9(4) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal miżjud bl-allowance tal-familja u l-interessi kkalkolati bir-rata ffissata mill-BĊE miżjuda b’żewġ punti perċentwali;

    retroattivament jaffilja lir-rikorrent mar-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard (JSIS).

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-eżekuzzjoni żbaljata min-naħa tal-amministrazzjoni, tas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2021 bi ksur tal-Artikolu 266 TFUE, tal-projbizzjoni tas-sanzjoni doppja fis-sens tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u fuq żball ta’ liġi.

    2.

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura, il-ksur tad-dritt għad-dinjità umana, l-assenza ta’ motivazzjoni suffiċjenti biex jiġi inkluż l-interess tas-servizz ipprivileġġat, il-ksur tad-dmir tal-amministrazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-benessri tal-uffiċjali u eks uffiċjali.

    3.

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa fl-eżami tal-proċedura, fl-evalwazzjoni tar-rwol tal-Awtorità tal-Ħatra, tal-Kumitat tal-Invalidità u tat-tqassim tal-kompetenzi bejniethom, fuq kontradizzjonijiet li jidhru fl-elementi ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tad-dmir ta’ amministrazzjoni tajba.


    Top