Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CN0285

    Kawża C-285/23, Linte: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ekonomisko lietu tiesa (il-Latvja) fit-3 ta’ Mejju 2023 – Proċeduri kriminali kontra A, B, C, Z, F, AS Latgales Invest Holding, SIA METEOR HOLDING, METEOR Kettenfabrik GmbH, SIA Tool Industry u AS Ditton pievadķēžu rūpnīca

    ĠU C 271, 31.7.2023, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 271/15


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ekonomisko lietu tiesa (il-Latvja) fit-3 ta’ Mejju 2023 – Proċeduri kriminali kontra A, B, C, Z, F, AS Latgales Invest Holding, SIA METEOR HOLDING, METEOR Kettenfabrik GmbH, SIA Tool Industry u AS Ditton pievadķēžu rūpnīca

    (Kawża C-285/23, Linte (1))

    (2023/C 271/20)

    Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

    Qorti tar-rinviju

    Ekonomisko lietu tiesa

    Partijiet fil-proċeduri kriminali prinċipali

    A, B, C, Z, F, AS Latgales Invest Holding, SIA METEOR HOLDING, METEOR Kettenfabrik GmbH, SIA Tool Industry u AS Ditton pievadķēžu rūpnīca

    intervenjent: Latvijas Investīciju un attīstības aģentūra

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (2) għandu jiġi interpretat fis-sens li s-smigħ tal-persuna akkużata permezz ta’ vidjokonferenza tinkludi wkoll il-parteċipazzjoni ta’ din il-persuna akkużata għal proċedura kriminali fi Stat Membru ieħor permezz ta’ vidjokonferenza mill-Istat Membru ta’ residenza tiegħu?

    2)

    L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (3), għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt tal-persuna akkużata li tassisti għall-proċedura orali jista’ wkoll jiġi ggarantit bil-parteċipazzjoni ta’ din il-persuna akkużata għall-proċedura kriminali li tinżamm fi Stat Membru ieħor permezz ta’ vidjokonferenza mill-Istat Membru ta’ residenza tiegħu?

    3)

    Il-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata fi proċedura kriminali li tinżamm fi Stat Membru ieħor permezz ta’ vidjokonferenza mill-Istat Membru ta’ residenza tiegħu hija ekwivalenti għall-preżenza fiżika tagħha f’seduta quddiem il-qorti ta’ Stat Membru adita bil-kawża?

    4)

    F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel u/jew għat-tieni domanda, il-vidjokonferenza għandha tiġi organizzata unikament bl-intervent tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru?

    5)

    F’każ ta’ risposta fin-negattiv għar-raba’ domanda, il-qorti ta’ Stat Membru adita bil-kawża tista’ tikkuntattja direttament lill-persuna akkużata li tkun tinsab fi Stat Membru ieħor u tibgħatilha link ta’ konnessjoni għall-vidjokonferenza?

    6)

    L-organizzazzjoni ta’ vidjokonferenza mingħajr l-involviment tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru hija kompatibbli maż-żamma tal-ispazju uniku ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?


    (1)  L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

    (2)  ĠU 2014, L 130, p. 1.

    (3)  ĠU 2016, L 65, p. 1.


    Top