Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CN0200

    Kawża C-200/23, Agentsia po vpisvaniyata: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fit-28 ta’ Marzu 2023 – Agentsia po vpisvaniyata vs OL

    ĠU C 223, 26.6.2023, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.6.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 223/15


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fit-28 ta’ Marzu 2023 – Agentsia po vpisvaniyata vs OL

    (Kawża C-200/23, Agentsia po vpisvaniyata)

    (2023/C 223/20)

    Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

    Qorti tar-rinviju

    Varhoven administrativen sad

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Agentsia po vpisvaniyata

    Konvenut: OL

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (1) jista’ jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil Stat Membru jawtorizza l-iżvelar ta’ kuntratt ta’ kumpannija li r-reġistrazzjoni tiegħu hija meħtieġa skont l-Artikolu 119 tat-Targovski zakon (il-Liġi Kummerċjali) u li, minbarra l-ismijiet tal-membri li għandhom ikunu obbligatorjament disponibbli għall-pubbliku skont l-Artikolu 2(2) taż-Zakon za targovskia registar i registara na yuriditcheskite litsa s nestopanska tsel (il-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Kummerċ u r-Reġistru tal-Persuni Ġuridiċi Mingħajr Skop ta’ Lukru), jinkludi wkoll data personali oħra ta’ dawn il-membri? Fl-għoti ta’ risposta għal din id-domanda, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Agentsia po vpisvaniyata (l-Aġenzija Responsabbli għar-Reġistri, il-Bulgarija) hija organu pubbliku li fir-rigward tiegħu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jkollhom effett dirett (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo, C-180/04, EU:C:2006:528, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, jista’ jitqies li, fiċ-ċirkustanzi li taw lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-ipproċessar tad-data personali mill-Aġenzija Responsabbli għar-Reġistri huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar fis-sens tal-Artikolu 6(1)(e) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(2)?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domandi preċedenti, jista’ jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 13(9) tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Kummerċ u r-Reġistru tal-Persuni Ġuridiċi Mingħajr Skop ta’ Lukru, li tipprevedi li meta l-applikazzjoni jew id-dokumenti annessi magħha jsemmu data personali li ma hijiex meħtieġa mil-liġi, il-persuni li jkunu pprovdew din id-data għandhom jitqiesu li taw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tagħha mill-Aġenzija Responsabbli għar-Reġistri u għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħha għall-pubbliku, hija permessa minkejja l-premessi 32, 40, 42, 43 u 50 tar-Regolament 2016/679, sa fejn telabora l-possibbiltà ta’ “żvelar volontarju” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/101, anki ta’ data personali?

    4)

    Għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligu li għandhom l-Istati Membri taħt l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2009/101 li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jevitaw kull diskrepanza bejn il-kontenut ta’ dak li jkun ġie żvelat skont il-paragrafu 5 u l-kontenut tar-reġistru jew tal-fajl u li jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ terzi li jkollhom għarfien tal-atti essenzjali tal-kumpannija u ta’ ċerti partikolaritajiet li jikkonċernawha, imsemmija fil-premessa 3 ta’ din id-direttiva, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi modalitajiet proċedurali (formoli għall-applikazzjoni, preżentazzjoni ta’ kopja ta’ dokumenti bid-data personali moħbija) għall-eżerċizzju tad-dritt tal-persuna fiżika taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament 2016/679 li titlob lill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar it-tħassir tad-data personali li tikkonċernaha mingħajr dewmien żejjed hija permessa, meta d-data personali li jintalab it-tħassir tagħha tkun tagħmel parti minn dokumenti żvelati uffiċjalment (imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku) u mgħoddija lill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar skont modalitajiet proċedurali simili minn terz li bl-istess mod ikun iddetermina l-finalità tal-ipproċessar mibdi minnu?

    5)

    Fiċ-ċirkustanzi li taw lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-Aġenzija Responsabbli għar-Reġistri tkun qiegħda taġixxi biss bħala kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali jew tkun ukoll id-destinatarja ta’ din id-data, f’sitwazzjoni fejn il-finalità tal-ipproċessar ta’ din id-data bħala parti minn dokumenti ppreżentati bil-għan li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tkun ġiet iddeterminata minn kontrollur ieħor li jkun responsabbli għall-ipproċessar?

    6)

    Il-firma bl-idejn tal-persuna fiżika tikkostitwixxi informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata u, għalhekk, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “data personali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679?

    7)

    Il-kunċett ta’ “dannu morali”, fis-sens tal-Artikolu 82(1) tar-Regolament 2016/679, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ l-eżistenza ta’ konsegwenzi negattivi identifikabbli u preġudizzju għall-interessi personali li jista’ jintwera oġġettivament, jew huwa biżżejjed li s-suġġett tad-data jitlef, anki għal żmien qasir, id-dritt sovran tiegħu li jżomm kontroll fuq id-data personali tiegħu minħabba t-tqegħid ta’ din id-data għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-reġistru tal-kummerċ, fl-assenza ta’ konsegwenzi identifikabbli jew sfavorevoli għas-suġġett tad-data?

    8)

    L-Avviż Nru 01-116(20)/01.02.2021 maħruġ mill-awtorità superviżorja nazzjonali, il-Komisia za zashtita na lichnite danni (il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data Personali), abbażi tal-Artikolu 58(3)(b) tar-Regolament 2016/679, li jipprovdi li l-Aġenzija Responsabbli għar-Reġistri la għandha l-possibbiltà legali u lanqas is-setgħa li tillimita, ex officio jew fuq talba tas-suġġett tad-data, l-ipproċessar tad-data li tkun diġà tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, jista’ jitqies li huwa prova, fis-sens tal-Artikolu 82(3) tar-Regolament 2016/679, li l-fatt li allegatament ikkawża d-dannu għall-persuna fiżika bl-ebda mod ma huwa imputabbli lill-Aġenzija Responsabbli għar-Reġistri?


    (1)  ĠU 2009, L 258, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 283, p. 52.

    (2)  ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.


    Top