Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0013

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tad-29 ta’ Frar 2024.
cdVet Naturprodukte GmbH vs Niedersächsisches Landesamt für Verbraucherschutz und Lebensmittelsicherheit (LA-VES).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà tal-ikel – Additivi għall-għalf tal-annimali – Regolament (KE) Nru 1831/2003 – Proċedura għall-awtorizzazzjoni – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni – Statut tal-prodotti eżistenti – Validità fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà ta’ intrapriża – Dritt għall-proprjetà – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/758 – Irtirar mis-suq tal-estratt ta’ grejpfrut – Għalf tal-annimali li fih l-estratt taż-żerriegħa u l-qoxra tal-grejpfrut.
Kawża C-13/23.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:175

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

29 ta’ Frar 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà tal-ikel – Additivi għall-għalf tal-annimali – Regolament (KE) Nru 1831/2003 – Proċedura għall-awtorizzazzjoni – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni – Statut tal-prodotti eżistenti – Validità fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà ta’ intrapriża – Dritt għall-proprjetà – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/758 – Irtirar mis-suq tal-estratt ta’ grejpfrut – Għalf tal-annimali li fih l-estratt taż-żerriegħa u l-qoxra tal-grejpfrut”

Fil-Kawża C‑13/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Osnabrück (il-Qorti Amministrattiva ta’ Osnabrück, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2023, fil-proċedura

cdVet Naturprodukte GmbH

vs

Niedersächsisches Landesamt für Verbraucherschutz und Lebensmittelsicherheit (LA-VES),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Passer u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal cdVet Naturprodukte GmbH, minn M. Immel, Rechtsanwalt,

għan-Niedersächsisches Landesamt für Verbraucherschutz und Lebensmittelsicherheit (LA-VES), minn L. Berning, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn G. Bain u J.-L. Carré, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Parlament Ewropew, minn G. C. Bartram, G. Mendola u L. Stefani, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn N. Brzezinski, L. Hamtcheva u A. Jaume, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Hofstötter, B. Rechena u M. Zerwes, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, il-validità tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu fl-għalf ta’ l-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 238), kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 (ĠU 2019, L 231, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1831/2003”), fid-dawl tal-Artikoli 16, 17 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll, min-naħa l-oħra, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(3) moqri flimkien mal-Parti 1 tal-Kapitolu I.A tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/758 tas-7 ta’ Mejju 2021 dwar l-istatus ta’ ċerti prodotti bħala addittivi tal-għalf fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u dwar l-irtirar mis-suq ta’ ċerti addittivi tal-għalf (ĠU 2021, L 162, p. 5).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn cdVet Naturprodukte GmbH (iktar ’il quddiem “cdVet”) u n-Niedersächsisches Landesamt für Verbraucherschutz und Lebensmittelsicherheit (LA-VES) (l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tas-Sigurtà tal-Ikel tal-Land tas-Sassonja ta’ Isfel, il-Ġermanja), dwar il-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ għalf għall-annimali li fih, bħala addittiv, estratt ta’ żerriegħa u ta’ qoxra tal-grejpfrut.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 1831/2003

3

Skont il-premessi 4, 6 u 11 tar-Regolament Nru 1831/2003:

“(4)

Biex ikunu mħarsa s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta’ l-annimali u l-ambjent, l-additivi ta’ l-ikel għandhom jgħaddu minn eżami ta’ sigurtà permezz ta’ proċedura Komunitarja qabel ma dawn jitpoġġew fis-suq, kemm jekk ikunu użati jew ipproċessati fil-Komunità. […]

[…]

(6)

L-azzjoni min-naħa tal-Komunità dwar is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta’ l-annimali u l-ambjent għandha tkun imsejsa fuq il-prinċipju ta’ lqugħ minn qabel.

[…]

(11)

Il-prinċipju bażiku f’dan il-qasam għandu jkun li dawk l-additivi biss li huma approvati taħt il-proċedura msemmuja f’dan ir-Regolament għandhom jitpoġġew fis-suq, jintużaw u jiġu pproċessati f’għalf għall-annimali taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-awtorizzazzjoni.”

4

L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jwaqqaf proċedura Komunitarja biex ikunu awtorizzati t-tpoġġija fis-suq u l-użu ta’ l-additivi ta’ l-ikel u l-għalf, kif ukoll biex jitwaqqfu regoli għall-ħarsien u l-ittikkettjar ta’ l-additivi ta’ l-ikel u ta’ taħlitiet lesti minn qabel. Dan biex ikun hemm bażi ta’ livell għoli fil-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem, fis-saħħa ta’ l-annimali, fl-ambjent u fl-interessi ta’ l-utenti u l-konsumaturi fejn jidħlu l-additivi ta’ l-ikel, waqt li jkun żgurat it-tħaddim effettiv tas-suq intern.”

5

Skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament:

“L-ebda persuna m’għandha tqiegħed fis-suq, tipproċessa jew tuża additiv ta’ l-ikel kemm-il darba:

a)

din ma tkunx koperta b’awtorizzazzjoni li tkun ingħatat fi qbil ma’ dan ir-Regolament”.

6

L-Artikolu 4(1) u (2) tal-istess regolament jipprevedi:

“1.   Kull persuna li tkun qed tfittex li jkollha awtorizzazzjoni għal additiv ta’ l-ikel jew għall-użu ġdid ta’ additiv ta’ l-ikel għandu jippreżenta applikazzjoni fi qbil ma’ l-Artikolu 7.

2.   Awtorizzazzjoni m’għandhiex tingħata, tkun rifjutata, imġedda, mibdula, sospiża jew revokata ħlief minħabba r-raġunijiet u taħt il-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament [...]”

7

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1831/2003 jipprevedi li:

“Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kif prevista fl-Artikolu 4 ta’ dan l-Artikolu [ir-Regolament] għandha tintbagħat lill-Kummissjoni [Ewropea] […], Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tgħarraf lill-Istati Membri u tgħaddi l-applikazzjoni lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel [(EFSA)].”

8

L-Artikolu 8(1) u (3) ta’ dan ir-regolament jistipula:

“1.   L-[EFSA] għandha tagħti l-opinjoni tagħha fi żmien sitt xhur minn wara li din tkun irċeviet applikazzjoni valida. […]

[…]

3.   Biex tħejji l-opinjoni tagħha, l-[EFSA]:

a)

għandha tifli bir-reqqa li d-dettalji u d-dokumenti mogħtija mill-applikant jkunu fi qbil ma’ l-Artikolu 7 waqt li tagħmel valutazzjoni biex tara jekk l-additiv ta’ l-ikel ikunx konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5;

[…]”

9

Skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament:

“Fi żmien tliet xhur minn wara li tkun irċeviet l-opinjoni ta’ l-[EFSA], il-Kummissjoni għandha tħejji abbozz ta’ Regolament biex tagħti l-awtorizzazzjoni jew biex tiċħad l-awtorizzazzjoni. Dan l-abbozz għandu jqis l-Artikolu 5(2) u (3), il-liġi tal-Komunità u fatturi leġittmi oħra li għandhom x’jaqsmu mas-suġġett li qed ikun ittrattat, l-aktar il-benefiċċji għas-saħħa ta’ l-annimali u għall-kosumatur li juża l-prodotti ta’ l-annimali.

Fejn l-abbozz ma jkunx fi qbil ma’ l-opinjoni ta’ l-[EFSA], din għandha tagħti spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet għal dawn id-differenzi.

[…]”

10

L-Artikolu 10(1), (2) u (5) tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   B’deroga mill-Artikolu 3, additiv ta’ l-ikel li jkun tpoġġa fis-suq skond id-Direttiva [tal-Kunsill] 70/524/KEE [tat-23 ta’ Novembru 1970 li tirrigwarda adittivi f’għalf għall-bhejjem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 1, p. 190)] […] jista’ jitpoġġa fis-suq u użat fi qbil mal-kondizzjonijiet imfissra [f’din id-direttiva] u l-miżuri tat-tħaddim tagħh[a], inkluż l-aktar id-diżposizzjonijiet speċifiċi ta’ l-ittikkettjar li għandhom x’jaqsmu ma’ ikel kompost u materjali ta’ l-għalf, fejn jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-persuni li jpoġġu l-ewwel fis-suq l-additiv ta’ l-ikel, jew kull parti oħra interessata, għandhom javżaw dwar dan il-fatt lill-Kummissjoni […];

[…]

2.   Kull applikazzjoni għandha tintbagħat fi qbil ma l-Artikolu 7, sa mhux aktar tard minn sena qabel id-data ta’ l-għeluq ta’ l-awtorizzazzjoni mogħtija skond id-[Direttiva 70/524] għall-additivi li jkollhom perjodu ta’ awtorizzazzjoni limitat, u f’massimu ta’ seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għall-additivi awtorizzati mingħajr limitu ta’ żmien […]. Kalendarju dettaljat li jniżżel f’ordni ta’ prijorità il-klassijiet differenti ta’ additivi li għandhom jerġgħu jkunu vvalutati mill-ġdid jista’ jiġi addottat fi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2). […]

[…]

5.   Fejn l-avviż u d-dettalji li jakkumpanjawh li huma msemmija fil-paragrafu 1(a) ma jiġux murija fil-perjodu speċifikat jew jinstabu li mhumiex korretti, jew fejn applikazzjoni ma tintbagħatx kif meħtieġ fil-paragrafu 2 fil-perjodu speċifikat, għandu jiġi addottat Regolament, fi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2), li jkun jitlob biex l-additivi kkonċernati jiġu rtirati mis-suq. Din il-miżura tista’ twassal biex ikun hemm perjodu ta’ żmien limitat li fih il-ħażniet eżistenti tal-prodotti jkunu jistgħu jintużaw.”

11

L-Anness I, punt 2(b) tar-Regolament Nru 1831/2003 jipprovdi:

“Fil-kategorija ‘additivi sensorji’, għandhom jiddaħħlu dawn il-gruppi funzjonali li ġejjin:

[…]

b)

komposti tat-togħma: sustanzi li meta jiddaħħlu fil-prodotti ta’ l-ikel iżidu t-togħma jew il-palat fl-ikel.”

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 230/2013

12

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 230/2013 tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar l-irtirar mis-suq ta’ ċerti addittivi tal-għalf li jappartjenu għall-grupp ta’ sustanzi aromatizzanti u palatabbli (ĠU 2013, L 80, p. 1), ġie adottat, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 10(5) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, fil-verżjoni inizjali tiegħu.

13

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 230/2013 jipprovdi:

“L-addittivi tal-għalf speċifikati fil-Parti A tal-Anness, li jappartjenu għall-grupp ‘sustanzi aromatizzanti u palatabbli’, għandhom jiġu rtirati mis-suq.”

14

Fil-parti A tal-Anness ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, jinsabu b’mod partikolari, taħt it-titolu “Il-prodotti naturali u l-prodotti sintetiċi korrispondenti”, l-addittivi li ġejjin:

Citrus x paradis Macfad. Konċentrat tal-grejpfrut; CoE 140/Estratt tal-qxur taċ-ċitru; CAS 94266-47-4 FEMA 2318; EINECS 304-454-3; Żejt tal-grejpfrut bla terpene; CAS 90045-43-5 CoE 140/Żejt tal-essenza tal-grejpfrut CoE 140/Tintura tal-grejpfrut CoE 140/Terpeni tal-grejpfrut CoE 140”

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/758

15

Bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 230/2013, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/758 ġie adottat, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 1831/2003.

16

Skont il-premessa 7 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni 2021/758:

“L-irtirar mis-suq tal-prodotti elenkati fl-Anness I ma jżommhomx milli jiġu awtorizzati jew soġġetti għall-miżura li tikkonċerna l-istatus tagħhom f’konformità mar-[Regolament Nru 1831/2003].”

17

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jipprovdi:

“L-addittivi tal-għalf speċifikati fl-Anness I għandhom jiġu rtirati mis-suq fir-rigward tal-ispeċijiet jew il-kategoriji ta’ annimali kif speċifikat f’dak l-Anness.”

18

L-Artikolu 2(1) u (3) tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi:

“1.   Il-ħażniet eżistenti tal-addittivi tal-għalf imsemmija f’Kapitoli I.A u I.C tal-Anness I jistgħu jkompli jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sat-30 ta’ Mejju 2022.

[…]

3.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf prodotti bl-addittivi msemmija fil-paragrafu 1 jew bit-taħlitiet minn qabel imsemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jkomplu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sat-30 ta’ Mejju 2023.”

19

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/758 jelenka l-addittivi tal-għalf tal-annimali li għandhom jiġu rtirati mis-suq, kif imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni. Il-parti 1 tal-Kapitolu I.A. ta’ dan l-anness isemmi l-addittivi li għandhom jiġu rtirati mis-suq għall-ispeċi kollha tal-annimali u kategoriji ta’ annimali, li fosthom hemm, taħt it-titolu “Sustanzi aromatizzanti u palatabbli – Prodotti naturali – ddefiniti b’mod botaniku”, l-addittivi li ġejjin:

Citrus x paradisi Macfad.: Żejt tal-grejpfrut magħsur CAS 8016-20-4 FEMA 2530 CoE 140 EINECS 289-904-6/Estratt tal-grejpfrut CoE 140”.

Id‑dritt Ġermaniż

20

L-Artikolu 21(3) tal-Lebensmittel- und Futtermittelgesetzbuch (il-Kodiċi dwar il-Prodotti tal-Ikel u l-Għalf tal-Annimali) jipprevedi:

“Sakemm it-tieni sentenza ma tipprovdix mod ieħor, l-għalf tal-annimali li għalih,

1. waqt il-manifattura jew l-ipproċessar tiegħu,

[…]

b)

addittiv għall-għalf tal-annimali li jaqa’ taħt kategorija differenti minn dik imsemmija fl-Artikolu 6(1)(e) tar-Regolament [Nru 1831/2003]

intuża,

[…]

ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jew jintużaw fl-għalf tal-annimali. Il-punt 1 tal-ewwel sentenza, ma għandux japplika meta l-addittiv għall-għalf tal-annimali użat ikun awtorizzat minn att legali applikabbli direttament tal-Komunità Ewropea jew tal-Unjoni Ewropea u li l-addittiv għall-għalf tal-annimali użat jew l-għalf tal-annimali jkun konformi ma’ rekwiżit stabbilit fil-kuntest ta’ dak l-att legali direttament applikabbli jew fir-Regolament [Nru 1831/2003], sakemm tali rekwiżit ikun previst fih. […]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

21

cdVet tipproduċi u tikkummerċjalizza għalf għall-annimali, fosthom il-prodott “DarmRein Pulver/GutClean Powder”, għalf komplementari intiż għall-klieb, qtates u annimali oħra tad-dar (iktar ’il quddiem il-“prodott inkwistjoni”). Dan il-prodott fih addittiv sensorjali, li jidher fuq it-tikketta ta’ dan il-prodott taħt l-isem “estratt taż-żerriegħa tal-grejpfrut” (iktar ’il quddiem l-“addittiv inkwistjoni”).

22

Fl-24 ta’ Frar 2022, aġenti tal-LA-VES wettqu kontroll uffiċjali fil-fabbrika ta’ cdVet li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-prodott inkwistjoni. L-eżami li huma wettqu, f’din l-okkażjoni, tad-dokument tal-fornitur upstream li jispeċifika l-karatteristiċi tal-addittiv inkwistjoni (iktar ’il quddiem l-“iskeda ta’ speċifikazzjoni”) wera li dan kien indikat f’dan id-dokument taħt l-isem “estratt taż-żerriegħa tal-grejpfrut S” u li kien prinċipalment kompost minn estratt gliċerinat miksub permezz ta’ estrazzjoni minn żerriegħa u minn qoxra tal-grejpfrut bl-għajnuna ta’ gliċerina veġetali.

23

Wara li sema’ lil cdVet, il-LA-VES, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2022, ipprojbiha milli toffri għall-bejgħ u milli tqiegħed fuq is-suq il-prodott inkwistjoni u ordna l-eżekuzzjoni immedjata ta’ din id-deċiżjoni. Il-LA-VES immotiva l-imsemmija deċiżjoni billi qies, essenzjalment, li l-estratt ta’ żerriegħa tal-grejpfrut kien ġie rtirat mis-suq skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 230/2013, moqri flimkien mal-Parti A tal-Anness ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, peress li ma kienx is-suġġett tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni prevista mill-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1831/2003, fit-termini meħtieġa. Għalhekk, skont il-LA-VES, kien hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tqegħid fis-suq tal-addittiv inkwistjoni kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1831/2003 jew tal-Artikolu 21(3)(1)(b) tal-Kodiċi dwar il-Prodotti tal-Ikel u l-Għalf tal-Annimali

24

Fl-11 ta’ Ottubru 2022, cdVet ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni kif ukoll talba għal miżuri provviżorji quddiem il-Verwaltungsgericht Osnabrück (il-Qorti Amministrattiva ta’ Osnabrück, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, billi sostniet li, fid-dawl tal-kompożizzjoni tiegħu, l-addittiv inkwistjoni kellu jiġi kklassifikat mhux bħala estratt ta’ żerriegħa tal-grejpfrut, iżda bħala estratt ta’ grejpfrut, imsejjaħ ukoll “estratt tal-grejpfrut”.

25

Fil-fatt, mill-iskeda ta’ speċifikazzjoni jirriżulta b’mod ċar li dan l-addittiv inkwistjoni jinkiseb mhux biss minn żerriegħa tal-grejpfrut, li seta’ jiġġustifika li l-fornitur juża f’din l-iskeda l-isem ta’ “estratt miż-żerriegħa tal-grejpfrut”, iżda wkoll minn qoxra tal-grejpfrut.

26

Issa, skont cdVet, l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/758, moqri flimkien mal-Parti 1 tal-Kapitolu I.A tal-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, ċertament, bħala prinċipju, neħħa l-addittiv “estratt tal-grejpfrut; CoE 140” mis-suq. Madankollu, id-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fl-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni tippermettilha tkompli tikkummerċjalizza l-prodott inkwistjoni, immanifatturat b’dan l-addittiv, sat-30 ta’ Mejju 2023.

27

Barra minn hekk, cdVet tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1831/2003, li l-LA-VES applika, mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn dan ir-regolament jinkludi projbizzjoni globali ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ użu tal-addittivi kollha għall-għalf tal-annimali, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari.

28

Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-LA-VES jirribatti li l-estratt taż-żerriegħa tal-grejpfrut, miżjud bħala addittiv mal-prodott inkwistjoni, u l-estratt tal-grejpfrut ma humiex sustanzi identiċi, b’tali mod li cdVet ma tistax validament tinvoka s-sistema tranżitorja prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/758, li tikkonċerna biss l-“estratt tal-grapefruit”.

29

Fl-aħħar nett, ma hemmx, skont il-LA-VES, dubji sostanzjali dwar il-proporzjonalità tar-Regolament Nru 1831/2003 fil-konfront tad-dritt tal-Unjoni peress li l-għan ta’ dan ir-regolament, ippreċiżat fil-premessa 4 tiegħu, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent, jeħtieġ neċessarjament proċedura ta’ awtorizzazzjoni li tippermetti li tiġi evalwata s-sigurtà tal-addittivi għall-għalf tal-annimali, konformement mal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

30

Minħabba d-dubji li hija għandha dwar il-validità u dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju laqgħet it-talba għal miżuri provviżorji ta’ cdVet u stabbilixxiet mill-ġdid l-effett sospensiv tar-rikors tagħha.

31

Fil-fatt, fl-ewwel lok, din il-qorti ma hijiex ċerta li, f’dan il-każ, bilanċ ġust konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, huwa osservat bejn, minn naħa, il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà, imsemmija rispettivament fl-Artikolu 16 fl-Artikolu 17(1) tal-Karta, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi legali li jirrappreżentaw is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u l-ambjent, kif imsemmija fir-Regolament Nru 1831/2003. Hija tirrileva li dan ir-regolament jimponi projbizzjoni ġenerali tat-tqegħid fis-suq, tal-użu u tal-ipproċessar tal-addittivi għall-għalf tal-annimali li ma ġewx awtorizzati, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari bħall-kwistjoni dwar liema hija l-kwantità assoluta jew il-konċentrazzjoni tal-addittiv tal-ikel fl-għalf inkwistjoni jew dik dwar jekk dan l-addittiv huwiex sustanza veġetali li teżisti wkoll fin-natura jew inkella sustanza sintetika. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tenfasizza li l-komponenti tal-addittiv kontenzjuż, li barra minn hekk il-konċentrazzjoni tagħhom tinsab taħt il-livell ta’ detezzjoni, huma esklużivament ta’ oriġini naturali, b’tali mod li ma huwiex evidenti li jistgħu jirrappreżentaw perikolu għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali.

32

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-addittiv inkwistjoni jikkorrispondix għas-sustanza “estratt tal-grejpfrut; CoE 140” imsemmija fil-Parti 1 tal-Kapitolu I.A tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/758. Hija tqis li, kieku dan kien il-każ, cdVet ikollha l-possibbiltà, skont id-dispożizzjoni tranżitorja prevista fl-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, li tkompli tikkummerċjalizza l-prodott kontenzjuż sat-30 ta’ Mejju 2023. Fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu, fit-30 ta’ Marzu 2022, il-LA-VES ma setax jikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar l-għalf.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Osnabrück (il-Qorti Amministrattiva ta’ Osnabrück) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-[Regolament Nru 1831/2003], b’mod partikolari l-Artikolu 3(1)(a) tiegħu, l-Artikolu 4(1) tiegħu, l-Artikolu 7(1) tiegħu u l-Artikolu 10(1)(a), (2) u (5) tiegħu li jipprevedi li tiġi imposta projbizzjoni ġenerali, fil-każ ta’ nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, ta’ użu u ta’ pproċessar ta’ addittivi tal-għalf tal-annimali mingħajr teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ individwali, huwa kompatibbli, fir-rigward tal-libertà ta’ intrapriża protetta mill-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tad-dritt għall-proprjetà skont l-Artikolu 17(1) tagħha mal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 52(1) tal-imsemmija Karta?

2)

F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, li jkollu bħala konsegwenza li r-[Regolament Nru 1831/2003], b’mod partikolari l-Artikolu 3(1)(a) tiegħu, l-Artikolu 4(1) tiegħu, l-Artikolu 7(1) tiegħu u l-Artikolu 10(1)(a), (2) u (5) tiegħu jkunu applikabbli mingħajr restrizzjoni: l-estratt użat mir-rikorrenti bħala addittiv għall-għalf tal-annimali, li huwa prodott, skont [l-iskeda ta’ speċifikazzjoni] l-prodott, minn żerriegħa u minn qoxra ta’ grejpfrut u huwa deskritt bħala l-“estratt taż-żerriegħa tal-grejpfrut” (eżattament: Estratt – Grejpfrut S) jikkorrispondi (fi kwalunkwe każ ukoll) għas-sustanza “Estratt tal-grejpfrut CoE 140” imsemmija fil-[paragrafu] 3 tal-Artikolu 2 tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2021/758], moqri flimkien mal-parti 1 tal-Kapitolu I.A tal-Anness I ta’ dan l-istess regolament?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-validità tar-Regolament Nru 1831/2003, b’mod partikolari tal-Artikolu 3(1)(a), tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 10(1)(a) u (2) u (5) ta’ dan ir-regolament, sa fejn dan jippreskrivi projbizzjoni ġenerali fuq it-tqegħid fis-suq, l-ipproċessar jew l-użu ta’ addittivi għall-għalf tal-annimali li ma jkunux kisbu awtorizzazzjoni, u dan indipendentement miċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ. Din il-qorti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-libertà ta’ intrapriża u tad-dritt għall-proprjetà stabbiliti, rispettivament, fl-Artikolu 16 u fl-Artikolu 17(1) tal-Karta, kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 52(1) tagħha.

35

Preliminarjament, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-projbizzjoni li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha hija prevista fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 1831/2003. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-istatus tal-prodotti eżistenti, jiġifieri l-addittivi għall-għalf tal-annimali li tqiegħdu fis-suq, b’mod partikolari, skont id-Direttiva 70/524, li huwa l-każ tal-addittiv inkwistjoni.

36

L-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1831/2003, min-naħa tagħhom, jipprevedu biss, essenzjalment, li kull persuna li tixtieq tikseb awtorizzazzjoni konformement ma’ dan ir-regolament għandha tippreżenta applikazzjoni quddiem il-Kummissjoni. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet huma, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, irrilevanti għall-eżami tal-validità tar-Regolament Nru 1831/2003. Fil-fatt, din it-tilwima tikkonċerna l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ addittiv li għalih ma tressqet ebda applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont dan ir-regolament, b’tali mod li l-modalitajiet għat-tressiq ta’ tali applikazzjoni ma humiex rilevanti f’dan il-każ.

37

Konsegwentement, hija biss il-validità tal-Artikolu 3(1)(a) u tal-Artikolu 10(1)(a) u (2) u (5) tar-Regolament Nru 1831/2003, li teħtieġ eżami f’dan il-każ, fid-dawl tal-Artikolu 16, tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat, qabel xejn, li l-l-libertà tal-intrapriża u d-dritt għall-proprjetà previsti, rispettivament, fl-Artikolu 16 u fl-Artikolu 17(1) tal-Karta ma humiex prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Irish Ferries, C‑570/19, EU:C:2021:664, punt 170 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Sussegwentement, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jirrikonoxxi li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet u libertajiet stipulati minnha sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu meħtieġa u jissodisfaw b’mod effettiv l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor.

40

Fl-aħħar, fil-każ ta’ kunflitt bejn diversi drittijiet protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, din l-evalwazzjoni għandha ssir b’osservanza tal-konċiljazzjoni neċessarja tar-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn id-diversi drittijiet u ta’ bilanċ ġust bejniethom (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Irish Ferries, C‑570/19, EU:C:2021:664, punt 172 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 4 u mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1831/2003 jirriżulta li dan ir-regolament għandu l-għan li jistabbilixxi, b’mod partikolari, proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq u tal-użu tal-addittivi tal-għalf tal-annimali bl-għan li tinħoloq bażi għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tas-saħħa u tal-benesseri tal-annimali, tal-ambjent u tal-interessi tal-utenti u tal-konsumaturi fir-rigward ta’ dawn l-addittivi, filwaqt li jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern.

42

Għal dan l-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, kif jirriżulta mill-premessa 11 tar-Regolament Nru 1831/2003, li huma biss l-addittivi approvati skont il-proċedura deskritta f’dan ir-regolament li jistgħu jitqiegħdu fis-suq, jintużaw u jiġu pproċessati fl-għalf tal-annimali. Din il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni hija prevista fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, li fih jinsabu l-Artikoli 3 sa 15 tiegħu. L-Artikolu 3(1)(a) tal-istess regolament jistabbilixxi l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq, tal-ipproċessar u tal-użu ta’ addittivi għall-għalf tal-annimali li ma jkunux kisbu awtorizzazzjoni.

43

Mill-qari flimkien tal-Artikolu 4(1) u (2), tal-Artikolu 8(1) u (3) kif ukoll tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1831/2003 jirriżulta li, fl-ewwel lok, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni hija s-suġġett ta’ opinjoni tal-EFSA, li għall-finijiet tagħha din l-awtorità għandha twettaq evalwazzjoni tar-riskji sabiex tiddetermina jekk l-addittiv ikkonċernat josservax il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament. It-tieni nett, l-awtorizzazzjoni tingħata jew tiġi rrifjutata permezz ta’ regolament adottat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha. Waqt it-tfassil tal-abbozz ta’ regolament li jagħti jew jirrifjuta l-awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni kif ukoll fatturi leġittimament marbuta mal-qasam ikkunsidrat u, b’mod partikolari, il-benefiċċji għas-saħħa u l-benesseri tal-annimali u għall-konsumatur li juża l-prodotti li joriġinaw mill-annimali.

44

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1831/2003 jipprovdi li, b’deroga mill-Artikolu 3, l-addittivi li jkunu tqiegħdu fis-suq, b’mod partikolari, skont id-Direttiva 70/524 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tkun ġiet ippreżentata mhux iktar tard minn seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

45

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 1831/2003 hija prevista mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

46

It-tieni nett, din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni tosserva l-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ intrapriża u tad-dritt għall-proprjetà previsti, rispettivament, fl-Artikolu 16 fl-Artikolu 17(1) tal-Karta. Fil-fatt, minn naħa, ma tipprekludix l-eżerċizzju tal-attività ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ għalf tal-annimali, iżda tissuġġettaha għal ċerti kundizzjonijiet fl-interess tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution, C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 71). Min-naħa l-oħra, l-imsemmija sistema ta’ awtorizzazzjoni ma twassalx għal ċaħda ta’ proprjetà u għalhekk ma tikkostitwixxix intervent li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà (ara f’dan is‑sens, is‑sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et (C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 89).

47

It-tielet nett, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dan il-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lil-leġiżlatur tal-Unjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’oqsma li jimplikaw minn naħa tiegħu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa jintalab jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-intenzjoni li ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Irish Ferries, C‑570/19, EU:C:2021:664, punt 151 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan japplika wkoll, b’mod partikolari, fl-oqsma veterinarji u fitosanitarji (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, EU:C:2005:741, punt 69).

48

F’dan ir-rigward, u bħas-sistemi ta’ awtorizzazzjoni previsti, kif ifakkru l-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, permezz ta’ diversi atti tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni prevista mir-Regolament Nru 1831/2003, kif deskritta fil-punti 42 sa 44 ta’ din is-sentenza, ma hijiex manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-għan ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tas-saħħa u tal-benesseri tal-annimali, tal-ambjent u tal-interessi tal-utenti u tal-konsumaturi.

49

Fir-rigward ta’ dan l-għan, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 16 għall-Artikolu 17(1) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikoli 35, 37 u 38 tagħha, li huma intiżi li jiżguraw rispettivament livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-ambjent u tal-konsumaturi. Barra minn hekk, kemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Artikolu 13 TFUE jirriżulta li l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 63).

50

Barra minn hekk, sistema ta’ awtorizzazzjoni bħal dik stabbilita mir-Regolament Nru 1831/2003 tikkostitwixxi mezz adattat sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ prekawzjoni li, kif jirriżulta mill-premessa 6 ta’ dan ir-regolament, japplika fil-qasam ikkonċernat.

51

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1831/2003 jinkludi diversi dispożizzjonijiet li huma intiżi, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jsibu bilanċ ġust bejn l-għan ta’ dan ir-regolament u l-interessi tal-impriżi li jużaw addittivi tal-għalf tal-annimali. Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-proċedura ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tal-prodotti li tqiegħdu fis-suq skont id-Direttiva 70/524, bħall-addittiv inkwistjoni, l-istess japplika għall-perijodu tranżitorju ta’ tul massimu ta’ seba’ snin previst fl-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament, li matulu dawn il-prodotti jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq mingħajr ma tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, jew ukoll għall-possibbiltà għall-Kummissjoni, meta din teżiġi l-irtirar mis-suq ta’ addittivi skont l-Artikolu 10(5) tal-istess regolament, li tipprovdi għal perijodu ta’ żmien limitat għal-likwidazzjoni tal-ħażniet eżistenti tal-prodott ikkonċernat. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni pprevediet tali terminu fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/758 li jinvoka fil-kawża prinċipali cdVet.

52

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 1831/2003 ma tippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni “ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ” u tistaqsi, b’mod partikolari, dwar l-effett ta’ ċirkustanzi bħall-kwantità assoluta jew il-konċentrazzjoni tal-addittiv tal-ikel fl-għalf inkwistjoni jew il-fatt li dan l-addittiv huwa sustanza naturali jew sintetika. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nru 230/2013 u 2021/758 jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ numru kbir ta’ addittivi deskritti, fl-annessi tagħhom, bħala prodotti naturali. Barra minn hekk, l-iffissar ta’ limiti astratti ta’ kwantità assoluta jew ta’ konċentrazzjoni ta’ addittiv, mingħajr ma ssir evalwazzjoni tar-riskji tiegħu, diffiċilment jista’ jiġi rrikonċiljat mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

53

Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-premessa 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/758, l-irtirar mis-suq tal-addittivi elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament ma jipprekludix l-awtorizzazzjoni tagħhom skont ir-Regolament Nru 1831/2003. B’hekk, l-eventwali ċirkustanzi speċifiċi għall-kawża prinċipali jistgħu jiġu invokati minn cdVet fil-kuntest ta’ applikazzjoni eventwali għall-awtorizzazzjoni tal-addittiv inkwistjoni.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-ewwel domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 3(1)(a) u tal-Artikolu 10(1)(a) u (2) u (5) tar-Regolament Nru 1831/2003 fid-dawl tal-Artikolu 16, tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

Fuq it‑tieni domanda

55

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “estratt ta’ grejpfrut”, imsemmi fil-Parti 1 tal-Kapitolu I.A tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/758, għandux jiġi interpretat fis-sens li estratt immanifatturat minn żerriegħa u minn qoxra tal-grejpfrut jaqax taħt dan il-kunċett.

56

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 230/2013 u l-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/758 jużaw, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, żewġ ismijiet vernakulari differenti sabiex jirreferu għall-istess frotta, li l-isem xjentifiku tagħha huwa “Citrus × paradisi”. Huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet bil-lingwa Franċiża ta’ dawn iż-żewġ annessi, li jużaw, rispettivament “pamplemousse (grapefruit)” u “pomélo (grapefruit)”.

57

Min-naħa l-oħra, kif josserva l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-“estratt ta’ grejpfrut” huwa msemmi fil-Parti 1 tal-Kapitolu I.A tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/758 bħala “Sustanzi aromatizzanti u palatabbli”.

58

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-addittiv inkwistjoni huwa deskritt, fuq it-tikketta tal-prodott inkwistjoni, bħala “addittiv sensorjali”. Issa, il-punt 2 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1831/2003 jindika li s-sustanzi aromatiċi jappartjenu għall-kategorija ta’ addittivi sensorjali. B’hekk, jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-addittiv inkwistjoni huwa effettivament użat, fil-prodott inkwistjoni, bħala sustanza aromatika u palatabbli.

59

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “estratt ta’ grejpfrut”, imsemmi fil-Parti 1 tal-Kapitolu I.A tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/758, għandu jiġi rrilevat li dan ma huwiex iddefinit f’dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni u lanqas, barra minn hekk, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 230/2013.

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, konformement mat-tifsira normali tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti. Barra minn hekk, regolament ta’ implimentazzjoni għandu jkun is-suġġett, jekk possibbli, ta’ interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2023, Syngenta Agro, C‑830/21, EU:C:2023:959, punti 3132 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

B’hekk, skont is-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kunċett ta’ “estratt tal-grejpfrut” għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għal kull estratt miksub mill-grejpfrut, indipendentement minn jekk estratt partikolari nkisibx minn ċerti partijiet ta’ din il-frotta jew mill-frotta kollha kemm hi.

62

Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “estratt tal-grejpfrut” hija sostnuta mill-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha. Fil-fatt, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/758 huwa intiż li jimplementa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 1831/2003. Issa, dan l-aħħar regolament jistabbilixxi, kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq, tal-ipproċessar u tal-użu tal-addittiv għall-għalf tal-annimali li ma jkunux kisbu awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1831/2003 jimplementa dan il-prinċipju fir-rigward tal-addittivi li qabel kienu tqiegħdu fis-suq skont id-Direttiva 70/524 iżda li ma kinux is-suġġett ta’ applikazzjoni ġdida għal awtorizzazzjoni skont dan ir-regolament, billi jipprovdi, b’mod partikolari, għal perijodu tranżitorju ta’ mhux iktar minn seba’ snin li fl-iskadenza tiegħu dawn l-addittivi għandhom jiġu rtirati mis-suq.

63

Peress li din il-projbizzjoni hija r-regola ġenerali li fuqha huwa bbażat ir-Regolament Nru 1831/2003, għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa, li tgħid li kull addittiv li ma huwiex espressament awtorizzat huwa pprojbit, inkluż meta dan kien preċedentement tqiegħed fis-suq skont id-Direttiva 70/524.

64

Għalhekk, sa fejn ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/758 ma jagħmilx distinzjoni, meta jipprevedi l-irtirar mis-suq tal-addittiv “estratt tal-grejpfrut”, bejn il-partijiet differenti li jikkomponu l-grejpfrut, għandu jitqies li dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jirreferi għall-estratti miksuba minn kwalunkwe parti tal-frotta, jew saħansitra mill-frotta kollha kemm hi.

65

L-interpretazzjoni msemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza hija sostnuta wkoll mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 230/2013 li, fost l-addittivi abbażi ta’ “Citrus × paradisi” jinkludi, b’mod partikolari, l-estratt tal-qoxra taċ-ċitru, u b’hekk jirreferi, mingħajr ebda dubju, għall-estratt ta’ qoxra tal-grejpfrut. Għaldaqstant, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jiddistingwi l-estratti miksuba minn partijiet differenti ta’ dan il-frott, huwa kien jippreċiżah, bħalma għamel fir-rigward tal-estratt tal-qoxra tal-frott taċ-ċitru.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Parti 1 tal-Kapitolu I.A tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/758, għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “estratt tal-grejpfrut”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, estratt magħmul miż-żerriegħa u mill-qoxra tal-grejpfrut.

Fuq l‑ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-ewwel domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 3(1)(a) u tal-Artikolu 10(1)(a) u (2) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu fl-għalf ta’ l-annimali, kif emendat bir-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ġunju 2019, fid-dawl tal-Artikolu 16, tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

 

2)

Il-Parti 1 tal-Kapitolu I.A tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/758 tas-7 ta’ Mejju 2021 dwar l-istatus ta’ ċerti prodotti bħala addittivi tal-għalf fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u dwar l-irtirar mis-suq ta’ ċerti addittivi tal-għalf,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “estratt tal-grejpfrut”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, estratt magħmul miż-żerriegħa u mill-qoxra tal-grejpfrut.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top