This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CC0770
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 30 October 2025.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-30 ta’ Ottubru 2025.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-30 ta’ Ottubru 2025.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:851
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit‑30 ta’ Ottubru 2025 (1)
Kawża C‑770/23 P
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
HB
“Appell – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Irkupru mill-Kummissjoni ta’ kreditu kuntrattwali permezz ta’ tpaċija ma’ kreditu miżmum mill-parti kontraenti tagħha fil-konfront tagħha – Kuntratt li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali – Setgħa tal-Kummissjoni li tadotta d-deċiżjoni ta’ tpaċija – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ tpaċija”
Werrej
I. Introduzzjoni
II. Il-kuntest ġuridiku
III. Il-fatti li wasslu għall-appell
A. Il-fatti preċedenti għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali
B. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
C. Il-fatti li seħħew wara l-għoti tas-sentenza appellata u wara l-preżentata ta’ dan l-appell
IV. Il-proċedura tal-appell u t-talbiet tal-partijiet
V. Evalwazzjoni
A. Fuq l-appell
1. Fuq jekk l-appell għadx għandu skop
2. Fuq il-mertu
a) Fuq il-possibbiltà ta’ rkupru permezz ta’ tpaċija ta’ kreditu kkontestat (l-ewwel aggravju)
b) Fuq il-possibbiltà ta’ rkupru permezz ta’ tpaċija ta’ kreditu kuntrattwali li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali (it-tieni aggravju)
1) Id-deċiżjonijiet ta’ tpaċija ta’ krediti kuntrattwali huma atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE
2) L-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tpaċija sabiex jiġi rkuprat kreditu kuntrattwali li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali hija madankollu possibbli
3. Konklużjoni dwar l-appell
B. Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
C. Konklużjoni intermedjarja
VI. L-ispejjeż
A. Fuq l-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-appell
B. Fuq l-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza
VII. Konklużjoni
I. Introduzzjoni
1. Skont l-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha l-ġurisdizzjoni tagħti deċiżjoni bis-saħħa ta’ klawżola tal-arbitraġġ li tkun tinsab f’kuntratt konkluż, skont id-dritt pubbliku jew privat, mill-Unjoni Ewropea jew f’isimha. Skont l-Artikolu 274 TFUE, bla ħsara għall-ġurisdizzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-Trattati, it-tilwim li fih tkun parti l-Unjoni ma għandux, għal din ir-raġuni, jiġi eskluż mill-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.
2. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Unjoni, it-tilwim relatat mal-kuntratti konklużi mill-Kummissjoni Ewropea jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali (2).
3. Minkejja s-sempliċità qarrieqa ta’ dan it-tqassim tal-ġurisdizzjoni, il-kwistjoni jekk tilwima marbuta ma’ kuntratt konkluż mill-Kummissjoni għandhiex titressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni jew quddiem il-qorti nazzjonali diġà okkupat lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi (3).
4. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza ADR Center vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza ADR”) (4), li huwa biss biss jekk il-kuntratt ikkonċernat jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti tal-Unjoni li l-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħa tagħha li tagħti hija stess saħħa eżekuttiva fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE lid-deċiżjonijiet tagħha dwar l-irkupru ta’ krediti kuntrattwali.
5. Tali deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv hija fil-fatt att li jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, li fil-kuntest tiegħu l-qorti tal-Unjoni għandha teżamina l-fondatezza tal-kreditu hekk irkuprat. Għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ tali titolu għall-irkupru ta’ kreditu mnissel minn kuntratt li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali tneħħi t-tilwima minn quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni u tevadi t-tqassim tal-ġurisdizzjoni stabbilit mit-Trattat (5).
6. Issa, tali restrizzjoni teżisti wkoll meta l-Kummissjoni tipproċedi għall-irkupru ta’ kreditu kuntrattwali li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali permezz ta’ tpaċija u mhux bl-adozzjoni ta’ titolu eżekuttiv? Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni hija prekluża milli tirkupra, permezz ta’ tpaċija, kreditu li hija tinvoka abbażi ta’ kuntratt li ma jkunx fih klawżola ta’ arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti tal-Unjoni?
7. Fis-sentenza appellata (6), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan huwa l-każ. Skont il-Qorti Ġenerali, deċiżjoni ta’ tpaċija tikkostitwixxi, l-istess bħal deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE, att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE. Issa, kreditu li joriġina minn kuntratt li ma jinkludix klawżola ta’ arbitraġġ jaqa’, fir-rigward tal-eżami tal-fondatezza tiegħu, taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali. Għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tpaċija sabiex jiġi rkuprat tali kreditu tikkostitwixxi wkoll evażjoni tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni stabbilit mit-Trattat (7).
8. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tevalwa jekk din is-soluzzjoni hijiex fondata.
9. Qabel ma tkun tista’ teżamina din il-kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddetermina jekk dan l-appell għadx għandu skop. Din il-kwistjoni tqum peress li l-kreditu miżmum minn HB kontra l-Kummissjoni, li miegħu l-Kummissjoni wettqet it-tpaċija kontenzjuża, ma għadux jeżisti, u dan iċaħħad id-deċiżjoni ta’ tpaċija kkontestata fl-ewwel istanza mis-suġġett tagħha.
II. Il-kuntest ġuridiku
10. It-tilwima ineżami hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju tal‑2018”) (8).
11. L-Artikolu 98 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, intitolat “Stabbiliment tal-ammonti riċevibbli”, jipprovdi, b’mod partikolari:
“1. Sabiex jistabbilixxi ammont riċevibbli, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu:
(a) jivverifika li d-dejn jeżisti;
(b) jiddetermina jew jivverifika r-realtà u l-ammont tad-dejn; u
(c) jivverifika l-kundizzjonijiet li fihom ikun dovut id-dejn.
L-istabbiliment tal-ammont riċevibbli għandu jikkostitwixxi r-rikonoxximent tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ debitur u l-istabbiliment tal-intitolament li d-debitur jintalab iħallas id-dejn.
2. Kwalunkwe ammont riċevibbli li huwa identifikat bħala ammont fiss, ċert u dovut għandu jiġi stabbilit b’ordni ta’ rkupru li permezz tagħha l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jagħti struzzjonijiet lill-uffiċjal tal-kontabilità biex jirkupra l-ammont. Għandu jiġi segwit minn nota ta’ debitu mibgħuta lid-debitur, ħlief f’każijiet li fihom titwettaq proċedura ta’ rinunzja minnufih skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4. Kemm l-ordni ta’ rkupru kif ukoll in-nota ta’ debitu għandhom jitfasslu mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli.
L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għandu jibgħat in-nota ta’ debitu minnufih wara li jistabbilixxi l-ammont riċevibbli u mhux aktar tard minn fi żmien perijodu ta’ ħames snin minn meta l-istituzzjoni tal-Unjoni kienet, f’ċirkustanzi normali, f’pożizzjoni li tagħmel pretensjoni għad-dejn tagħha. [...]
3. Sabiex jistabbilixxi ammont riċevibbli, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jiżgura li:
(a) l-ammont riċevibbli jkun ċert, jiġifieri ma jkun soġġett għall-ebda kondizzjoni;
(b) l-ammont riċevibbli jkun fiss, espress preċiżament f’termini ta’ flus kontanti;
(c) l-ammont riċevibbli jkun dovut u ma jkun soġġett għall-ebda żmien ta’ pagament;
[...]
4. In-nota ta’ debitu tinforma lid-debitur li:
(a) l-Unjoni stabbilixxiet l-ammont riċevibbli;
[...]”
12. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 101(1) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 jipprovdi li l-“uffiċjal tal-kontabilità għandu jirkupra l-ammonti dovuti lill-baġit billi jpaċihom skont l-Artikolu 102”.
13. L-Artikolu 102 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, intitolat “Irkupru permezz ta’ tpaċija”, huwa fformulat kif ġej:
“1. Fejn id-debitur ikollu pretensjoni fuq l-Unjoni, jew fuq aġenzija eżekuttiva meta din timplimenta l-baġit, li tkun ċerta fis-sens tal-punt (a) tal-Artikolu 98(3), ta’ ammont fiss u dovuta, fir-rigward ta’ somma stabbilita permezz ta’ ordni ta’ pagament, l-uffiċjal tal-kontabilità, wara l-iskadenza tad-data tal-għeluq imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(4), huwa għandu jirkupra l-ammonti riċevibbli stabbiliti permezz ta’ tpaċija.
F’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn ikun meħtieġ li jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u meta l-uffiċjal tal-kontabilità jkollu raġunijiet ġustifikati biex jemmen li l-ammont dovut lill-Unjoni jkun r jintilef, l-uffiċjal tal-kontabilità jista’ jikseb l-irkupru permezz ta’ tpaċija qabel l-iskadenza tad-data tal-għeluq imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(4).
L-uffiċjal tal-kontabilità jista’ jikseb ukoll l-irkupru permezz ta’ tpaċija qabel l-iskadenza tad-data tal-għeluq imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(4) meta jaqbel id-debitur.
2. Qabel jipproċedi bi kwalunkwe rkupru skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jikkonsulta mal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli u jinforma lid-debituri kkonċernati, inkluż dwar il-mezzi ta’ rimedju taħt l-Artikolu 133.
[...]
3. It-tpaċija msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha l-istess effett daqs pagament u għandha teħles lill-Unjoni mill-ammont tad-dejn u, fejn xieraq, mill-imgħax dovut.”
14. L-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 huwa intitolat “Proċedura ta’ rkupru meta ma jsirx pagament volontarju” u jipprevedi dan li ġej:
“1. Bla ħsara għall-Artikolu 102, jekk l-ammont sħiħ ma jkunx ġie rkuprat sad-data tal-għeluq imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(4), l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jinforma lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli u mingħajr dewmien għandu jibda l-proċedura sabiex isir irkupru b’kull mod previst mil-liġi, inkluż, fejn ikun xieraq, bl-infurzar ta’ kwalunkwe garanzija ddepożitata bil-quddiem.
2. Bla ħsara għall-Artikolu 102, meta ma jkunx jista’ jintuża l-metodu ta’ rkupru msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u d-debitur ikun naqas milli jħallas b’reazzjoni għal ittra ta’ avviż formali mibgħuta mill-uffiċjal tal-kontabilità, l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jagħmel irkupru billi jinforza deċiżjoni miksuba jew skont l-Artikolu 100(2) jew b’azzjoni legali.”
III. Il-fatti li wasslu għall-appell
A. Il-fatti preċedenti għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali
15. Il-fatti li wasslu għat-tilwima jinsabu fil-punti 14 sa 37 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.
16. Fl‑24 ta’ Ottubru 2007, l-Unjoni, irrappreżentata mill-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (AER), nediet sejħa għal offerti bil-għan li tikkonkludi l-kuntratt CARDS, jiġifieri kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza teknika lill-Kunsill Ġudizzjarju Għoli, fis-Serbja.
17. Fl‑10 ta’ Ġunju 2008, il-kuntratt CARDS ingħata lill-konsorzju kkoordinat minn HB. Il-kuntratt korrispondenti mbagħad ġie ffirmat fit‑30 ta’ Lulju 2008, b’valur massimu ta’ EUR 1 999 125. Dan il-kuntratt kien jistipula b’mod partikolari li kull tilwima li tirriżulta minnu jew relatata miegħu kienet taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Brussell (il-Belġju) (9).
18. Wara l-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), il-Kummissjoni adottat, fil‑15 ta’ Ottubru 2019, id-Deċiżjoni C(2019) 7319 final. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija kkunsidrat li l-ħlasijiet magħmula abbażi tal-kuntratt CARDS, li kienu jammontaw għal EUR 1 197 055.86, kienu tħallsu indebitament u kellhom jiġu rkuprati mingħand HB (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rkupru CARDS”).
19. Fid‑19 ta’ Novembru 2019, HB adixxiet lill-Qorti Ġenerali b’żewġ rikorsi li permezz tagħhom ikkontestat, b’mod partikolari, il-legalità tad-deċiżjoni ta’ rkupru CARDS, u li ġew irreġistrati rispettivament bin-numri T‑795/19 u T‑796/19.
20. Fis‑7 ta’ Frar 2020, HB ħarrket lill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, quddiem it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju). Hija talbet, essenzjalment, b’mod partikolari, li jiġi deċiż li l-Unjoni ma kellhiex dritt ittemm il-kuntratt CARDS. Sussidjarjament, hija talbet li l-Unjoni tiġi ikkundannata għad-danni kuntrattwali ekwivalenti għall-ammont ta’ dan il-kuntratt.
21. Fid‑19 ta’ Frar 2021, it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) tat sentenza fejn iddikjarat li kellha l-ġurisdizzjoni meħtieġa sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża mressqa minn HB. Madankollu, hija ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni tagħha fuq il-mertu fl-istennija tad-deċiżjonijiet finali fil-Kawżi T‑795/19 u T‑796/19.
22. Permezz tas-sentenzi tagħha tal‑21 ta’ Diċembru 2021 f’dawn il-kawżi, HB vs Il‑Kummissjoni (10) u HB vs Il‑Kummissjoni (11) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, is-“sentenzi fil-Kawżi T‑795/19 u T‑796/19, HB vs Il‑Kummissjoni”), il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, ċaħdet ir-rikorsi bħala inammissibbli sa fejn kienu intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru CARDS. Barra minn hekk, hija kkundannat lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji li kienet infetħet minn HB.
23. Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni qablet mal-ammont tal-ispejjeż li ntalbu mingħandha skont is-sentenzi fil-Kawżi T‑795/19 u T‑796/19, jiġifieri somma ta’ ammont totali ta’ EUR 19 904.76. Madankollu, hija indikat l-intenzjoni tagħha li tipproċedi għall-ħlas ta’ din is-somma permezz tat-tpaċija, sa fejn, essenzjalment, b’mod partikolari, il-kreditu li kien jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rkupru CARDS kien għadu dovut.
24. Fit‑13 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li permezz tagħha hija pproċediet għat-tpaċija bejn, minn naħa, il-kreditu miżmum minn HB fil-konfront tagħha fir-rigward tal-ispejjeż fil-Kawżi T‑795/19 u T‑796/19, u, min-naħa l-oħra, il-kreditu ta’ ammont ta’ EUR 1 197 055.86 li hija ddikjarat li kellha fil-konfront ta’ HB skont id-deċiżjoni ta’ rkupru CARDS (iktar ’il quddiem id- “deċiżjoni kontenzjuża”).
B. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
25. Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Lulju 2022, HB ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-kumpens tad-dannu materjali tagħha.
26. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża (punt 1 tad-dispożittiv), ċaħdet il-kumplament tar-rikors (punt 2 tad-dispożittiv) u kkundannat lil HB u lill-Kummissjoni jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom (punt 3 tad-dispożittiv).
C. Il-fatti li seħħew wara l-għoti tas-sentenza appellata u wara l-preżentata ta’ dan l-appell
27. Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024 fil-Kawżi magħquda C‑160/22 P u C‑161/22 P, Il‑Kummissjoni vs HB, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenzi fil-Kawżi T‑795/19 u T‑796/19, bagħtet dawn il-kawżi lura quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-Kawżi magħquda C‑160/22 P u C‑161/22 P, Il‑Kummissjoni vs HB”) (12).
IV. Il-proċedura tal-appell u t-talbiet tal-partijiet
28. Permezz ta’ att tat‑13 ta’ Diċembru 2023, irregolarizzat fil‑15 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni ppreżentat appell mis-sentenza appellata.
29. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla l-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;
– tiddeċiedi definittivament t-tilwima, konformement mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, billi tiċħad it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża mressqa minn HB fl-ewwel istanza;
– tikkundanna lil HB tbati l-ispejjeż ta’ din il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.
30. HB titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiċħad l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni;
– tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha.
31. Permezz ta’ talba skont l-Artikolu 149 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, mibgħuta lill-partijiet fil‑21 ta’ Ottubru 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lil dawn tal-aħħar jieħdu pożizzjoni dwar jekk dan l-appell kienx sar mingħajr skop wara l-għoti tas-sentenza fil-Kawżi magħquda C‑160/22 P u C‑161/22 P, Il-Kummissjoni vs HB. Il-partijiet wieġbu għal din it-talba fit-terminu mogħti.
32. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma ssirx seduta għas-sottomissjonijiet orali, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.
V. Evalwazzjoni
33. Din it-tilwima teħtieġ li jiġu indirizzati, fl-ewwel lok, l-appell (A) u, fit-tieni lok, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali (B).
A. Fuq l-appell
34. Qabel ma nittratta l-mertu ta’ dan l-appell (2), ser neżamina jekk dan tal-aħħar għadx għandu skop minkejja t-telf tas-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża kkontestata fl-ewwel istanza (1).
1. Fuq jekk l-appell għadx għandu skop
35. Preliminarjament, għandu jitfakkar li, permezz ta’ operazzjoni ta’ tpaċija, debitur (f’dan il-każ, il-Kummissjoni) li kontrih kreditur (f’dan il-każ, HB) ikollu kreditu msejjaħ “prinċipali” jew “passiv”, jipproċedi għat-tpaċija ta’ dan il-kreditu ma’ kreditu msejjaħ “kontrokreditu” jew “attiv” li jkollu huwa stess kontra l-kreditur tal-kreditu prinċipali. Fi kliem ieħor, minflok ma jħallas lill-kreditur tiegħu l-ammont tal-kreditu prinċipali, huwa jnaqqas dan l-ammont minn dak tal-kontrokoreditu, sabiex jiġu evitati trasferimenti reċiproki ta’ żewġ pagamenti bejn l-istess persuni.
36. It-tpaċija hija għalhekk metodu speċifiku ta’ estinzjoni tal-obbligi ta’ debitur u, fl-istess ħin u bil-kontra, metodu ta’ rkupru tal-krediti li dan tal-aħħar jallega li għandu min-naħa tiegħu fil-konfront tal-kreditur tiegħu (13).
37. F’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punti 22 sa 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, minn naħa, il-kreditu prinċipali li l-Kummissjoni kellha tħallas lil HB kien jammonta għal EUR 19 904.76 u kien joħroġ mill-ispejjeż li għalihom il-Qorti Ġenerali kienet ikkundannat lill-Kummissjoni fil-Kawżi T‑795/19 u T‑796/19, HB vs Il‑Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, il-kontrokreditu li l-Kummissjoni kienet qiegħda tinvoka fil-konfront ta’ HB u li hija kienet parzjalment irkuprat permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża kien jammonta għal EUR 1 197 055.86 u kien ikkostitwit mill-ammont li l-Kummissjoni kienet qiegħda titlob mingħand HB abbażi tal-kuntratt CARDS.
38. Issa, kif imsemmi fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, permezz tas-sentenza fil-Kawżi magħquda C‑160/22 P u C‑161/22 P, Il‑Kummissjoni vs HB, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenzi fil-Kawżi T‑795/19 u T‑796/19, HB vs Il‑Kummissjoni, bagħtet dawn il-kawżi lura lill-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma għadhiex obbligata tħallas lil HB l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż, b’tali mod li l-kreditu prinċipali ma għadux jeżisti.
39. Għaldaqstant, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjoni kontenzjuża kkontestata fl-ewwel istanza tilfet is-suġġett tagħha u għandha tiġi rtirata.
40. Barra minn hekk, fis-sentenza fil-Kawżi magħquda C‑160/22 P u C‑161/22 P, Il‑Kummissjoni vs HB, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjoni ta’ rkupru CARDS kellha tiġi kklassifikata bħala att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE u li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljat meta kkunsidrat li din kienet taqa’ fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali. Għaldaqstant, il-kontrokreditu rkuprat mill-Kummissjoni fil-konfront ta’ HB fid-deċiżjoni kontenzjuża jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali. Minn dan isegwi li s-soluzzjoni tas-sentenza ADR, li tikkonċerna l-irkupru ta’ kreditu kuntrattwali li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali u li tikkostitwixxi l-bażi tas-soluzzjoni adottata fis-sentenza appellata, ma għadhiex rilevanti fil-kawża ineżami.
41. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li dan l-appell ma tilifx l-iskop tiegħu, b’mod partikolari għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċċara jekk is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata hijiex valida fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet futuri ta’ rkupru permezz ta’ tpaċija ta’ krediti li joriġinaw minn kuntratti li ma jkunx fihom klawżoli ta’ arbitraġġ li jagħtu ġurisdizzjoni lill-qorti tal-Unjoni.
42. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġett tat-tilwima għandu jippersisti, l-istess bħall-interess ġuridiku, sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, u jekk dan ma jkunx il-każ, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni (14).
43. Barra minn hekk, mit-tieni u mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li r-rikorrenti pprivileġġati, bħalma hija l-Kummissjoni, ma humiex meħtieġa juru interess ġuridiku sabiex jippreżentaw appell (15). Madankollu, tista’ tingħata deċiżjoni dwar tilwima pendenti fil-każ biss li l-punti ta’ liġi mqajma ma jkunux ta’ natura purament ipotetika minħabba l-għejbien tas-suġġett tat-tilwima (16). Dan ifisser li r-rikorrenti pprivileġġati ma għandhomx possibbiltà mingħajr limiti li jappellaw mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (17), u lanqas ma huma meħlusa minn kull obbligu fir-rigward tal-persistenza tas-suġġett tat-tilwima (18).
44. Għalhekk, fil-kuntest tal-appell, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina kwistjonijiet ġenerali jew astratti jew li tieħu pożizzjoni dwar “lezzjoni tal-liġi” (19). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar appell jekk id-deċiżjoni mogħtija minnha ma jkun ser ikollha ebda interess ħlief għal każijiet ipotetiċi analoġi futuri (20).
45. Madankollu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-interess ġuridiku ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li, f’ċerti ċirkustanzi, tali rikorrenti jista’ jibqgħalhom interess jitolbu l-annullament ta’ att imħassar fil-mori tal-kawża, sabiex l-awtur tal-att ikkontestat ikollu jagħmel, fil-futur, il-bidliet meħtieġa u, b’hekk, jiġi evitat ir-riskju ta’ repetizzjoni tal-illegalità li bih dan l-att ikun allegatament ivvizjat (21). Il-persistenza ta’ tali interess hija rrikonoxxuta, b’mod partikolari, meta jkun previdibbli li l-istituzzjoni kkonċernata tkun ser tadotta, f’perijodu qasir jew medju, atti ġodda li jkunu bbażata preċiżament fuq l-interpretazzjoni ġuridika kkontestata mir-rikorrent (22).
46. Tali raġunament għandu japplika iktar u iktar meta tiġi evalwata l-persistenza tas-suġġett ta’ tilwima, f’każ bħal dan l-appell, ippreżentat minn rikorrent ipprivileġġat li ma għandux għalfejn juri interess ġuridiku.
47. Kif indikat fil-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, f’każ bħal dak ineżami, fejn il-kontrokreditu rkuprat permezz ta’ tpaċija joriġina minn kuntratt li ma jkunx fih klawżola ta’ arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tirrikorri għal dan il-metodu ta’ rkupru.
48. Kif indikat il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, minn dan isegwi li, skont l-istat tad-dritt iddeterminat mill-motivi tas-sentenza appellata, li hija obbligata tosserva (23), hija ma tistax tibqa’ tirrikorri għat-tpaċija sabiex tirkupra l-krediti li hija tinvoka kontra partijiet kontraenti li magħhom tkun marbuta b’kuntratti li ma jkunx fihom klawżola ta’ arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti tal-Unjoni. Issa, il-Kummissjoni wriet, filwaqt li ppreżentat ċifri sabiex issostni dan, li dawn il-krediti huma numerużi ħafna u jirrappreżentaw linja baġitarja kunsiderevoli.
49. Minn dan isegwi li l-għejbien tas-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża annullata permezz tad-dispożittiv tas-sentenza appellata ma jeliminax il-konsegwenzi li s-soluzzjoni adottata fil-motivi ta’ din is-sentenza timplika għall-Kummissjoni (24) u, b’mod iktar wiesa’, għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fil-fatt, l-għejbien ta’ dan is-suġġett ma jeliminax l-evalwazzjoni ġuridika li fuqha huwa bbażat id-dispożittiv tas-sentenza appellata (25), li huwa s-suġġett ta’ din il-proċedura ta’ appell. Għaldaqstant, jekk din il-proċedura tintemm b’deċiżjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, din is-soluzzjoni li tinsab fil-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tad-dispożittiv tas-sentenza appellata tikseb is-saħħa ta’ res judicata (26).
50. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun kuntrarju mhux biss għall-prinċipji ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ protezzjoni u ta’ ġestjoni tajba tal-finanzi tal-Unjoni, iżda wkoll għall-prinċipji ta’ ekonomija proċedurali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jekk jitqies li dan l-appell tilef l-iskop tiegħu u jekk il-Kummissjoni tkun obbligata tfittex il-kjarifika tal-istat tad-dritt fir-rigward tat-tpaċija ta’ krediti kuntrattwali billi tipprovoka proċeduri ta’ appell ulterjuri.
51. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, lanqas ma jidher li l-għejbien tas-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża kellu l-konsegwenza li temm it-tilwima bejn il-partijiet u li, għaldaqstant, l-appell ma għadx għandu skop għal din ir-raġuni (27).
52. Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-għejbien tas-suġġett tal-proċedura fl-ewwel istanza (ara l-punti 105 u 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet), dan l-appell ma tilifx l-iskop tiegħu u għalhekk għandu jiġi ttrattat fil-mertu.
2. Fuq il-mertu
53. Skont il-Kummissjoni, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żbalji ta’ liġi għal żewġ raġunijiet.
54. Minn naħa, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet b’mod żbaljat li hija ma setgħetx tirkupra permezz ta’ tpaċija kreditu kuntrattwali kkontestat fil-mertu tiegħu quddiem il-qorti nazzjonali li kellha ġurisdizzjoni (a).
55. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta assimilat id-deċiżjonijiet ta’ tpaċija mad-deċiżjonijiet li jikkostitwixxu titolu eżekuttiv u meta ttrasponiet fir-rigward tagħhom il-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza ADR (b).
a) Fuq il-possibbiltà ta’ rkupru permezz ta’ tpaċija ta’ kreditu kkontestat (l-ewwel aggravju)
56. Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata. Skont il-Kummissjoni, f’dawn il-punti l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħmel distinzjoni bejn l-eżami tan-natura ċerta, likwida u eżiġibbli ta’ kreditu u l-eżami tal-fondatezza tiegħu u qieset b’mod żbaljat li l-kontestazzjoni hija element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura ċerta, likwida u eżiġibbli tal-kreditu.
57. Fl-imsemmija punti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li meta adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet injorat it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qorti tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-legalità ta’ tpaċija li tirrigwarda kreditu ta’ natura kuntrattwali li kien is-suġġett ta’ kontestazzjoni quddiem qorti nazzjonali li kellha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiddetermina jekk l-imsemmi kreditu kienx fondat u jekk, b’mod iktar ġenerali, dan kellux natura ċerta, likwida u eżiġibbli li tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ tpaċija (28).
58. Kif tinnota ġustament il-Kummissjoni, minn dan ir-raġunament jirriżulta effettivament li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, impliċitament iżda neċessarjament, li n-natura kkontestata jew le ta’ kreditu kienet element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tan-natura ċerta, likwida u eżiġibbli ta’ dan il-kreditu fis-sens tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018.
59. Issa, din l-interpretazzjoni ma treġix għall-eżami tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament fid-dawl tal-formulazzjoni, tal-istruttura u tal-għan tagħhom.
60. L-ewwel, il-konstatazzjoni ta’ kreditu tikkostitwixxi r-rikonoxximent tad-dritt tal-Unjoni fil-konfront ta’ debitur u l-istabbiliment tat-titolu li jeżiġi l-ħlas mingħand dan id-debitur tad-dejn tiegħu (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(1) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018). Sabiex jikkonstata kreditu, l-uffiċjal awtorizzanti kompetenti għandu jiżgura ruħu, b’mod partikolari, (a) min-natura ċerta tal-kreditu, fis-sens li dan ma għandux ikun suġġett għal xi kundizzjoni, (b) min-natura likwida tal-kreditu, li l-ammont tiegħu għandu jkun iddeterminat fi flus u bi preċiżjoni, u (c) min-natura eżiġibbli tal-kreditu, li ma għandux ikun suġġett għal terminu ta’ ħlas (Artikolu 98(3)(a) sa (c) ta’ dan ir-regolament).
61. It-tieni, l-uffiċjal awtorizzanti kompetenti għandu jikkonstata kull kreditu identifikat bħala ċert, likwidu u eżiġibbli permezz ta’ ordni ta’ rkupru li permezz tagħha jagħti istruzzjonijiet lill-uffiċjal tal-kontabbiltà sabiex jirkupra l-kreditu. Din l-ordni ta’ rkupru tiġi segwita minn nota ta’ debitu indirizzata lid-debitur, li tinformah bil-konstatazzjoni tal-kreditu u bit-terminu għall-ħlas (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(4), kif ukoll l-Artikolu 100(1) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018).
62. It-tielet, sakemm ma jiddeċidix li jannullah kompletament jew parzjalment, l-uffiċjal awtorizzanti kompetenti ma jistax jirrinunzja li jirkupra kreditu kkonstatat ħlief f’każijiet debitament iġġustifikati, meta l-irkupru jkun impossibbli jew sproporzjonat (Artikolu 101(2) sa (6) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018).
63. Ir-raba, fl-aħħar nett, meta d-debitur min-naħa tiegħu jkollu kreditu fil-konfront tal-Unjoni, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jipproċedi bl-irkupru permezz ta’ tpaċija tal-kreditu tal-Unjoni kkonstatat, wara li jkun ta lid-debitur l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu (it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 101(1), l-Artikolu 102(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 102(2), kif ukoll l-Artikolu 133 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018).
64. Il-qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet juri li n-natura ċerta tal-kreditu tirreferi biss għall-fatt li dan il-kreditu ma jkunx suġġett għal kundizzjoni (punt 60 iktar ’il fuq) u għandha tiġi distinta min-natura mhux ikkontestata tiegħu (29).
65. B’hekk, in-natura ċerta ta’ kreditu tiġi ddeterminata u l-ordni ta’ rkupru jiġi stabbilit saħansitra qabel ma d-debitur jiġi informat bil-konstatazzjoni ta’ dan il-kreditu permezz tan-nota ta’ debitu, li tista’ tagħti lok għall-kontestazzjoni tiegħu (punt 61 iktar ’il fuq). Huwa minnu li l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jqiegħed lid-debitur f’pożizzjoni li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma jipproċedi għall-irkupru permezz ta’ tpaċija tal-kreditu kkonstatat (punt 63 iktar ’il fuq). Madankollu, dan l-uffiċjal ma jistax jirrinunzja għall-irkupru ta’ kreditu ladarba jiġi kkonstatat, anki jekk dan jiġi kkontestat, sakemm ma jiddeċidix li jannullah (punt 62 iktar ’il fuq).
66. Għaldaqstant, in-natura mhux ikkontestata ta’ kreditu ma hijiex kundizzjoni meħtieġa sabiex jiġi kkonstatat dan il-kreditu u sabiex isir l-irkupru tiegħu permezz ta’ tpaċija. Għall-kuntrarju, ladarba jiġi kkonstatat kreditu, l-uffiċjal awtorizzanti u l-uffiċjal tal-kontabbiltà kompetenti ma jistgħux jirrinunzjaw għall-irkupru tiegħu permezz ta’ tpaċija.
67. Dan huwa konsistenti mal-għanijiet tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, li huma l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u l-ġestjoni tajba tal-baġit tal-Unjoni, għanijiet dawn li huma indispensabbli għall-funzjonament tagħha (30).
68. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet f’kawżi li ppreċedew din il-kawża li l-kontestazzjoni ta’ kreditu ma kinitx tipprekludi l-użu tat-tpaċija għall-irkurpu tiegħu (31).
69. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta bbażat ir-raġunament tagħha, fil-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata, impliċitament iżda neċessarjament, fuq il-kunsiderazzjoni li l-kontestazzjoni ta’ kreditu kkonstatat mill-Unjoni tostakola l-irkupru ta’ dan il-kreditu permezz ta’ tpaċija. Għaldaqstant, l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni huwa fondat u għandu jintlaqa’.
b) Fuq il-possibbiltà ta’ rkupru permezz ta’ tpaċija ta’ kreditu kuntrattwali li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali (it-tieni aggravju)
70. Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tpaċija sabiex jiġi rkuprat kreditu kuntrattwali li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali twassal għal evażjoni tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni stabbilit mid-dritt primarju. Anki jekk tali deċiżjoni ta’ tpaċija tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni, hija ma tistax, f’dan ir-rigward, tiġi assimilata ma’ deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE, bħalma kienet dik li kienet is-suġġett tas-sentenza ADR.
71. Sabiex jiġu evalwati dawn l-ilmenti, huwa neċessarju, fl-ewwel lok, li jiġi kkonfermat li l-Qorti Ġenerali ġustament ikklassifikat id-deċiżjonijiet ta’ tpaċija bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (punti 52 u 54 tas-sentenza appellata) (1).
72. Fit-tieni lok, ser nevalwa l-kwistjoni jekk il-Kummissjoni għandhiex, madankollu, il-kompetenza li tadotta tali deċiżjonijiet sabiex tirkupra krediti kuntrattwali li, fir-rigward tal-eżami tal-fondatezza tagħhom, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali (2).
1) Id-deċiżjonijiet ta’ tpaċija ta’ krediti kuntrattwali huma atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE
73. Skont il-ġurisprudenza, fil-każ ta’ kuntratt li jkun jorbot lir-rikorrent ma’ waħda mill-istituzzjonijiet, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jiġu aditi b’rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE fil-każ biss li l-att ikkontestat ikun intiż li jkollu effetti legali vinkolanti li jaqgħu lil hinn mir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet u li jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika mogħtija lill-istituzzjoni kontraenti fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva (32).
74. Huwa minnu li t-tpaċija hija mekkaniżmu użat b’mod abitwali fid-dritt ċivili bejn persuni privati li ma jkollhomx prerogattivi tas-setgħa pubblika (33). Madankollu, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tpaċija, bis-saħħa tas-sistema stabbilita permezz tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, sabiex jiġi rkuprat kreditu kuntrattwali, hija att li jaqa’ lil hinn mir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet u li jimplika l-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika mogħtija lill-istituzzjoni kontraenti fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva.
75. Minn naħa, meta l-Kummissjoni twettaq tpaċija ta’ kontrokreditu li hija tallega li għandha kontra l-parti kontraenti tagħha bis-saħħa ta’ kuntratt ma’ kreditu prinċipali li din tal-aħħar ikollha kontriha bis-saħħa ta’ relazzjoni kuntrattwali jew unilaterali oħra (34), din id-deċiżjoni ta’ tpaċija tipproduċi effetti legali vinkolanti li jmorru lil hinn mir-relazzjoni kuntrattwali li minnha joriġina l-kontrokreditu.
76. Min-naħa l-oħra, l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni timplika l-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika mogħtija lill-Kummissjoni fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva. F’dan ir-rigward, l-effetti legali vinkolanti ta’ tali deċiżjoni jmorru lil hinn minn kull relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-krediti prinċipali u l-kontrokrediti li jkunu s-suġġett tad-deċiżjoni ta’ tpaċija joriġinawx jew le mill-istess kuntratt.
77. Fil-fatt, kif spjegajt fil-kawża ADR, l-effetti legali vinkolanti ta’ deċiżjoni adottata abbażi ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika mogħtija lill-istituzzjoni kontraenti fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva qatt ma jkunu limitati għar-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet biss. Tali deċiżjoni dejjem tinvolvi wkoll effetti legali mhux kuntrattwali minħabba l-fatt stess li dawn l-effetti huma bbażati fuq prerogattiva ġenerali eżorbitanti u mhux kuntrattwali tal-istituzzjoni kontraenti (35).
78. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ tpaċija, dawn jaqgħu taħt l-implimentazzjoni ta’ tali prerogattivi tas-setgħa pubblika, essenzjalment, għal żewġ raġunijiet.
79. Minn naħa, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tpaċija taqa’ taħt l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika peress li l-Kummissjoni hija obbligata, kif ġie espost fil-punti 64 sa 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tadotta tali deċiżjoni anki jekk il-kreditu hekk irkuprat ikun is-suġġett ta’ kontestazzjoni.
80. Min-naħa l-oħra u fuq kollox, kuntrarjament għar-relazzjonijiet bejn partijiet privati fid-dritt ċivili, il-parti kontraenti tal-Kummissjoni ma tistax topponi tpaċija kontra din l-istituzzjoni jekk din tikkontesta l-kreditu mitlub mingħandha. Ir-Regolament Finanzjarju ma jipprevedi ebda mekkaniżmu ta’ tpaċija li jippermetti lill-parti kontraenti twettaq tpaċija f’tali ċirkustanzi.
81. Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 102(1) u tal-Artikolu 111(3) sa (5) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, jirriżulta li parti kontraenti tal-Kummissjoni jista’ jkollha kreditu ċert, likwidu u eżiġibbli fil-konfront tal-Unjoni fil-każ biss li s-somma ta’ flus korrispondenti tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ ordni ta’ ħlas. Tali ordni ta’ ħlas tinħareġ biss meta l-uffiċjal awtorizzanti kompetenti jkun aċċetta minn qabel li nefqa għandha titħallas mill-baġit, wara li jkun ivverifika, b’mod partikolari, li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-impenn legali li jipprevedi din in-nefqa jkunu ssodisfatti. Għaldaqstant, jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li nefqa li parti kontraenti titlobha ma hijiex iġġustifikata, tali ordni ta’ ħlas ma tinħariġx u l-parti kontraenti għalhekk ma jkollhiex kreditu ċert, likwidu u eżiġibbli li jkun jista’ jiġi invokat fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ tpaċija.
82. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-kuntest ta’ ġurisprudenza stabbilita, li d-deċiżjonijiet ta’ tpaċija adottati mill-Kummissjoni jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati tal-Unjoni permezz ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE (36).
2) L-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tpaċija sabiex jiġi rkuprat kreditu kuntrattwali li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali hija madankollu possibbli
83. Huwa minnu li, fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni taqbel mal-pożizzjoni espressa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata fis-sens li deċiżjoni ta’ tpaċija ta’ kreditu kuntrattwali li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali hija att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE quddiem il-qorti tal-Unjoni. Madankollu, hija tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeduċiet, minn din il-konstatazzjoni, li l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni tagħti lok għal evażjoni tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni stabbilit mit-Trattat. F’dan ir-rigward, ir-raġuni li fuqha hija bbażata s-sentenza ADR ma tistax tiġi trasposta għad-deċiżjonijiet ta’ tpaċija.
84. Fis-sentenza ADR, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenza li tadotta deċiżjonijiet li jikkostitwixxu titolu eżekuttiv fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE sabiex tirkupra krediti kuntrattwali li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tadotta tali deċiżjonijiet sabiex tirkupra krediti li joriġinaw minn kuntratti li ma jkunx fihom klawżola ta’ arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti tal-Unjoni (37).
85. Issa, ir-raġuni għal din ir-restrizzjoni ma tinsabx biss fil-fatt li deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE, iżda tinsab ukoll u fuq kollox fil-fatt li, fil-kuntest ta’ tali rikors, il-qorti tal-Unjoni jkollha teżamina l-fondatezza tal-kreditu.
86. Kif indikajt fil-kawża ADR, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE, l-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv tista’ tiġi sospiża biss b’deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-korpi ġudizzjarji nazzjonali għandhom biss ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu r-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni. Barra minn hekk, ir-Regoli tal-Proċedura kemm tal-Qorti Ġenerali kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedu li t-talbiet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ atti legali mressqa skont l-Artikolu 299 TFUE huma ammissibbli biss meta jkunu marbuta ma’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja (38).
87. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv jeżiġi li, meta tkun adita b’tali rikors, il-qorti tal-Unjoni teżamina wkoll il-fondatezza tal-kreditu invokat (39). Jekk dan ma jkunx il-każ, l-irkupru forzat ta’ kreditu jkun jista’ jseħħ mingħajr ebda stħarriġ ġudizzjarju.
88. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv għall-irkupru ta’ kreditu kuntrattwali li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali twassal għalhekk sabiex l-eżami tal-fondatezza ta’ dan il-kreditu jitneħħa minn idejn il-qorti nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni u, b’hekk, twassal għal evażjoni tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni stabbilit mit-Trattat.
89. Issa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, dan ir-raġunament ma japplikax għad-deċiżjonijiet ta’ tpaċija fis-sens tal-Artikolu 102 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, bħalma hija d-deċiżjoni kontenzjuża li hija s-suġġett tas-sentenza appellata.
90. Għalhekk, huwa minnu li l-Artikolu 102(3) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 jipprovdi li t-tpaċija msemmija fl-Artikolu 102(1) ta’ dan ir-regolament għandha l-istess effett bħal ħlas u teħles lill-Unjoni mill-ammont tad-dejn u, jekk ikun il-każ, mill-interessi dovuti.
91. Madankollu, fil-każ ta’ rkupru ta’ kreditu kuntrattwali suġġett għall-eżami tal-fondatezza tiegħu minn qorti nazzjonali minħabba l-assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ fil-kuntratt ikkonċernat, ikun hemm lok li jsir tnaqqis teleoloġiku ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri din id-dispożizzjoni jkollha tiġi interpretata b’mod restrittiv fis-sens li t-tpaċija ma teħlisx lill-Unjoni mill-ammont tad-dejn (il-kreditu prinċipali). Hija teħlisha biss mill-obbligu li tipproċedi għall-ħlas tal-kreditu prinċipali fl-istennija tal-eżitu tal-eżami ta’ kontestazzjoni li tista’ ssir fil-konfront tal-fondatezza tal-kontrokreditu rkuprat permezz ta’ tpaċija.
92. Kif indikajt fil-kawża ADR, f’dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjoni ta’ tpaċija jkollha biss effett prattiku u ebda effett legali fir-rigward tal-kontrokreditu rkuprat (40). Huwa minnu li tali deċiżjoni tista’ ssir definittiva, jew għaliex il-parti kontraenti ma tikkontestahiex quddiem il-qorti tal-Unjoni jew għaliex din tal-aħħar tikkonferma l-validità tagħha f’deċiżjoni li tikseb is-saħħa ta’ res judicata. Madankollu, dan ma jippreġudikax il-kwistjoni tal-fondatezza tal-kontrokreditu li jkun is-suġġett ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ma tistax tagħti saħħa ġuridika definittiva lill-konstatazzjoni ta’ dan il-kreditu. Il-kundizzjonijiet li fihom il-konstatazzjoni tal-imsemmi kreditu tikseb saħħa legali huma, għall-kuntrarju, iddeterminati mis-sistema legali u kuntrattwali li għaliha huwa suġġett dan il-kreditu u jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni.
93. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni adita b’rikors għal annullament kontra deċiżjoni ta’ tpaċija adottata skont l-Artikolu 102 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 ikun limitat għall-verifika tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-regolament għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni (ara l-punti 60 sa 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għall-kuntrarju, la dan l-istħarriġ u lanqas is-saħħa ta’ res judicata tas-sentenza mogħtija f’dan il-kuntest ma jistgħu jkopru l-fondatezza tal-kontrokreditu kuntrattwali rkuprat (41). Fil-fatt, din il-kwistjoni ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni minħabba l-assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ fil-kuntratt ikkonċernat (42).
94. Għaldaqstant, dan l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ tpaċija ma jwassalx għal evażjoni tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni stabbilit mid-dritt primarju. Kuntrarjament għal dak li japplika għad-deċiżjonijiet li jikkostitwixxu titolu eżekuttiv, li kienu s-suġġett tas-sentenza ADR, fil-qasam tad-deċiżjonijiet ta’ tpaċija huwa għalhekk konċepibbli li l-qorti li tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ tpaċija u l-qorti li tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-kreditu mitlub mill-Kummissjoni u rkuprat permezz ta’ din it-tpaċija ma jkunux l-istess.
95. Fl-istess ħin, ir-restrizzjoni tal-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni għall-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju tal‑2018 għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tpaċija, li ma jinkludux il-verifika tal-fondatezza tal-kontrokreditu kkonċernat, ma tikkostitwixxix ksur tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv. Dan jirriżulta mill-fatt, indikat fil-punti 91 u 92 iktar ’il fuq, li d-deċiżjoni ta’ tpaċija ma għandhiex l-effett li tagħti natura definittiva lill-konstatazzjoni tal-kontrokreditu mitlub. Din id-deċiżjoni għandha biss l-effett li tipposponi l-ħlas tal-kreditu prinċipali miżmum mill-parti kontraenti sal-eżitu tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-fondatezza tal-kontrokreditu quddiem il-qorti nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni.
96. Kif tirrikonoxxi ġustament il-Kummissjoni, fil-każ li l-qorti nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni tikkonstata li dan il-kreditu ma jeżistix, hija naturalment tkun meħtieġa tħallas lill-parti kontraenti tagħha l-ammont miżmum mill-kreditu prinċipali, jekk ikun il-każ flimkien mal-interessi (43). Kif il-Qorti Ġenerali diġà rrikonoxxiet f’ċirkustanzi simili, hija tkun tista’ wkoll, fil-limiti tal-possibbiltajiet mogħtija lilha f’dan ir-rigward mir-Regoli tal-Proċedura tagħha, tissospendi l-proċedura fir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ tpaċija fl-istennija tad-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali dwar il-fondatezza tal-kreditu kkonċernat (44).
97. Huwa minnu li l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tpaċija, sa fejn din tirkupra fil-prattika l-ammont tal-kontrokreditu mitlub mill-Kummissjoni (minħabba l-assenza ta’ ħlas tal-kreditu prinċipali tal-parti kontraenti), tagħmel inverżjoni tal-oneru li titressaq kawża quddiem il-qorti indikata fil-kuntratt bħala dik li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni tal-fondatezza tal-kontrokreditu. Għalhekk, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tadixxi lil din il-qorti sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza tal-allegat kreditu tagħha u sabiex jinkiseb titolu eżekuttiv sabiex jiġi rkuprat dan il-kreditu. Għall-kuntrarju, hija l-parti kontraenti li għandha tressaq il-każ quddiem l-imsemmija qorti sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza tal-kreditu mitlub mill-Kummissjoni u sabiex tinkiseb, jekk ikun il-każ, deċiżjoni li tobbliga lill-Kummissjoni tħallas l-ammont tal-kreditu prinċipali stabbilit skont id-deċiżjoni ta’ tpaċija.
98. Madankollu, il-fatt li l-parti kontraenti titqiegħed f’dan l-iżvantaġġ meta mqabbla mal-Kummissjoni, billi din tal-aħħar tingħata din il-possibbiltà fil-kuntest tal-irkupru tal-krediti tagħha, huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (45). Kif diġà indikajt fil-kawża ADR, ma jkunx kompatibbli ma’ dan il-prinċipju jekk il-Kummissjoni tkun obbligata tħallas fondi tal-Unjoni lil debitur inadempjenti, insolventi jew li sempliċement ma jixtieqx iħallas (46).
99. Barra minn hekk, huwa minħabba f’hekk li, skont ir-Regolament Finanzjarju tal‑2018, it-tpaċija tikkostitwixxi l-metodu prijoritarju u obbligatorju għall-irkupru tal-krediti tal-Unjoni, qabel kull metodu ieħor ta’ rkupru (47). B’hekk, kif ġustament osservat il-Qorti Ġenerali f’kawżi oħra, l-uffiċjal tal-kontabbiltà ma jistax jirrinunzja għat-tpaċija meta d-debitur ikollu kreditu fil-konfront tal-Unjoni u ma jkunx qiegħed iħallas dan id-dejn b’mod volontarju (48). Għall-kuntrarju, jekk il-kreditu ma setax jiġi rkuprat permezz tat-tpaċija jew tal-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe garanzija preliminari oħra, l-uffiċjal tal-kontabbiltà jista’ jipproċedi għall-irkupru ta’ dan il-kreditu, alternattivament, bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv jew permezz ta’ titolu miksub fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża (49).
100. Huwa għalhekk ukoll f’dan ir-rigward li d-deċiżjonijiet li jikkostitwixxu titolu eżekuttiv fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE, li huma s-suġġett tas-sentenza ADR, huma differenti mid-deċiżjonijiet ta’ tpaċija, li huma s-suġġett ta’ din il-kawża. Sa fejn tal-ewwel huma għażla għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni bl-istess mod bħall-kisba ta’ titolu permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji, huwa ġġustifikat li l-użu tagħhom jiġi ristrett abbażi tal-Artikoli 272 u 274 TFUE (ara l-punti 1 sa 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għall-kuntrarju, peress li l-użu tat-tieni huwa obbligatorju u mhux fakultattiv, l-effetti tagħhom ma jistgħux jagħtu saħħa ġuridika lill-konstatazzjoni ta’ kreditu li, skont dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-eżami tal-fondatezza tiegħu.
101. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, il-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa li tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża abbażi tas-soluzzjoni adottata fis-sentenza ADR. Għaldaqstant, it-tieni aggravju tal-Kummissjoni huwa fondat u għandu jintlaqa’.
3. Konklużjoni dwar l-appell
102. Mill-elementi preċedenti jirriżulta li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali li fuqu huwa bbażat il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi. Din is-sentenza għandha għalhekk tiġi annullata sa fejn annullat id-deċiżjoni kontenzjuża fil-punt 1 tad-dispożittiv tagħha.
B. Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
103. Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqta’ l-kawża definittivament hija stess jekk din tkun fi stat li tiġi deċiża.
104. Dan huwa l-każ f’din il-kawża.
105. Kif ġie indikat fil-punti 37 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sa fejn il-kreditu prinċipali miżmum minn HB kontra l-Kummissjoni li din tal-aħħar paċiet mal-allegat kontrokreditu tagħha fil-konfront ta’ HB abbażi tal-kuntratt CARDS ma għadux jeżisti, id-deċiżjoni kontenzjuża tilfet is-suġġett tagħha.
106. Għaldaqstant, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni mressqa minn HB quddiem il-Qorti Ġenerali.
C. Konklużjoni intermedjarja
107. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata sa fejn annullat id-deċiżjoni kontenzjuża fil-punt 1 tad-dispożittiv tagħha, li hemm lok li jingħad u li jiġi kkonstatat li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża mressqa minn HB quddiem il-Qorti Ġenerali.
VI. L-ispejjeż
A. Fuq l-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-appell
108. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun infondat jew meta dan ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
109. Peress li HB tilfet f’din il-proċedura ta’ appell, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura ta’ appell, kif mitlub mill-Kummissjoni.
B. Fuq l-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza
110. L-Artikolu 149 tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 142 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tuża d-diskrezzjoni tagħha fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.
111. F’dan il-każ, jirriżulta li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal annullament imressqa minn HB fl-ewwel istanza peress li d-deċiżjoni kontenzjuża tilfet is-suġġett tagħha.
112. Din l-analiżi żvelat li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, minkejja li l-Kummissjoni kellha s-setgħa li tadottaha, b’tali mod li t-talbiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward fl-ewwel istanza kellhom jintlaqgħu. Barra minn hekk, il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li jiċħad it-talba ta’ HB intiża għall-kumpens tad-dannu materjali tagħha, ma għandux jiġi annullat.
113. Madankollu, din l-analiżi wriet ukoll li r-rimedji kontra deċiżjoni ta’ tpaċija fir-rigward ta’ kreditu kuntrattwali li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali huma kumplessi. Barra minn hekk, HB aġixxiet bid-diliġenza kollha meħtieġa meta adixxiet, fir-rigward tat-tpaċija kontenzjuża, kemm lill-Qorti Ġenerali kif ukoll lill-qorti nazzjonali li kellha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-eżami tal-fondatezza tal-kreditu inkwistjoni.
114. F’dawn iċ-ċirkustanzi, issir evalwazzjoni ġusta tal-kawża jekk kull waħda mill-partijiet tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha marbuta mal-proċedura fl-ewwel istanza, kif għamlet is-sentenza appellata. It-talba tal-Kummissjoni intiża għall-annullament tal-punt 3 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza u għall-kundanna ta’ HB għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali għandha għalhekk tiġi miċħuda.
VII. Konklużjoni
115. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
1) Il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑4 ta’ Ottubru 2023, HB vs Il‑Kummissjoni (T‑444/22, EU:T:2023:604), huwa annullat.
2) Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal annullament fil-Kawża T‑444/22.
3) HB għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea relatati mal-proċedura tal-appell.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1985, Maag vs Il‑Kummissjoni (43/84, EU:C:1985:328, punt 26); tad‑9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni (C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 19); u tat‑28 ta’ Frar 2019, Alfamicro vs Il‑Kummissjoni (C‑14/18 P, EU:C:2019:159, punt 49).
3 Ara, biex insemmi biss l-iktar kawżi emblematiċi f’dan il-qasam, minn fost ħafna sentenzi oħra, is-sentenzi tat‑18 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg (C‑103/11 P, EU:C:2013:245); tad‑9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni (C‑506/13 P, EU:C:2015:562); tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2020:576); u tas‑26 ta’ Settembru 2024, Il‑Kummissjoni vs HB (C‑160/22 P u C‑161/22 P, EU:C:2024:799). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punti 95 et seq.), kif ukoll Il‑Kummissjoni vs HB (C‑160/22 P, C‑161/22 P u C‑597/22 P, EU:C:2024:84, punti 60 et seq.).
4 Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020 (C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 73).
5 Ara wkoll, dwar dan il-punt, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punti 48 sa 58 u 95 sa 105).
6 Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2023, HB vs Il‑Kummissjoni (T‑444/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2023:604).
7 Sentenza appellata, punti 56, 57, 60 u 61.
8 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36). Dan ir-regolament ġie ssostitwit bir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509).
9 Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, HB vs Il‑Kummissjoni (T‑795/19, EU:T:2021:917, punt 4).
10 T‑795/19, EU:T:2021:917.
11 T‑796/19, EU:T:2021:918.
12 EU:C:2024:799.
13 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il‑Kummissjoni vs CEMR (C‑87/01 P, EU:C:2002:501, punt 26), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Spielmann fil-kawża E. (Tpaċija ta’ krediti) (C‑481/24, EU:C:2025:632, punti 22 et seq.).
14 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament (C‑725/20 P, EU:C:2024:766, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
15 Sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 171); tat‑22 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs max.mobil (C‑141/02 P, EU:C:2005:98, punt 48); u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punti 69 u 70). Dawn ir-rikorrenti pprivileġġati lanqas ma huma meħtieġa jiġġustifikaw interess ġuridiku sabiex jippreżentaw rikors għal annullament: ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 36).
16 Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C‑337/09 P, EU:C:2012:22, punt 35).
17 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni (C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2013:578, punt 33).
18 Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Il‑Kummissjoni vs max.mobil (C‑141/02 P, EU:C:2004:646, punt 19).
19 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Il‑Kummissjoni vs max.mobil (C‑141/02 P, EU:C:2004:646, punt 21).
20 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 50).
21 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni (92/78, EU:C:1979:53, punt 32); tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punti 55 sa 62); tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 63); tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 48); u tad‑19 ta’ Settembru 2024, Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament (C‑725/20 P, EU:C:2024:766, punt 42).
22 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2024, Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament (C‑725/20 P, EU:C:2024:766, punti 43 sa 47); Santini et vs Il‑Parlament (C‑198/21 P, EU:C:2024:768, punti 38 sa 42); u tad‑19 ta’ Settembru 2024, Falqui vs Il‑Parlament (C‑391/21 P, EU:C:2024:769, punti 41 sa 44).
23 Sentenzi tas‑26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni (97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 27); tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill (C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punt 81); u tal‑20 ta’ Ġunju 2024, EUIPO vs Indo European Foods (C‑801/21 P, EU:C:2024:528, punt 92).
24 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran (C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 49), u tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 47).
25 Ara, għall-importanza tal-motivi tas-sentenza appellata waqt l-evalwazzjoni tas-suġġett tal-appell, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Il‑Kummissjoni vs max.mobil (C‑141/02 P, EU:C:2004:646, punt 22), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni (C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2013:578, punti 34 sa 38).
26 Sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et (C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 54); tal‑1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni (C‑442/03 P u C‑471/03 P, EU:C:2006:356, punt 44), u tad‑19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni (C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 87).
27 Ara, għall-kunsiderazzjoni ta’ dan l-aspett waqt l-evalwazzjoni tal-persistenza tal-iskop tal-appell, id-digriet tal‑1 ta’ Diċembru 2004, UASI vs Zapf Creation (C‑498/01 P, EU:C:2004:760, punt 12), kif ukoll is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran (C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 48), u tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 51).
28 Korsiv miżjud minni.
29 Ara, fir-rigward tad-definizzjoni ta’ kreditu meqjus li ma huwiex ikkontestat, l-Aritkolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38).
30 Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 317 u l-Artikolu 322(1) TFUE, kif ukoll is-sentenza ADR, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll, f’dan is-sens, anki qabel il-kodifikazzjoni tat-tpaċija bħala metodu ta’ rkupru tal-krediti tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 73 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il‑Kummissjoni vs CEMR (C‑87/01 P, EU:C:2002:501, punt 68).
31 Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Jannar 2007, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (T‑231/04, EU:T:2007:9, punt 118), u tal‑21 ta’ Settembru 2017, Eurofast vs Il‑Kummissjoni (T‑87/16, EU:T:2017:641, punt 65). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2011, Walton vs Il‑Kummissjoni (T‑37/08, EU:T:2011:640, punt 60).
32 Sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni (C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 20), u ADR (punt 65).
33 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawżi Danværn Production (C‑341/93, EU:C:1995:139, punti 27 sa 31), u Il‑Kummissjoni vs CEMR (C‑87/01 P, EU:C:2002:501, punti 44 u 45), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Spielmann fil-kawża E. (Tpaċija ta’ krediti) (C‑481/24, EU:C:2025:632, punti 22 et seq.).
34 F’dan il-każ, dawn kienu l-ispejjeż li għalihom il-Kummissjoni kienet ġiet ikkundannata f’kawża oħra; ara, għal eżempji oħra, il-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs CEMR (C‑87/01 P, EU:C:2003:400) (sussidju mogħti f’kuntest ieħor lill-parti kontraenti tal-Kummissjoni), jew ukoll il-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, IPPT PAN vs Il‑Kummissjoni u REA (T‑805/16, EU:T:2019:496) (kreditu dovut lill-parti kontraenti tal-Kummissjoni abbażi ta’ kuntratt ieħor).
35 Sentenza ADR, punti 69 u 70. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punti 100 sa 104). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Jannar 2019, Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis vs ERCEA (T‑348/16 OP, EU:T:2019:14, punt 165), u tal‑11 ta’ Lulju 2019, IPPT PAN vs Il‑Kummissjoni u REA (T‑805/16, EU:T:2019:496, punt 175).
36 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ottubru 2008, Helkon Media vs Il‑Kummissjoni (T‑122/06, EU:T:2008:418, punti 46 sa 52); tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il‑Kummissjoni (T‑216/12, EU:T:2015:746, punt 53); u tal‑14 ta’ Novembru 2017, Alfamicro vs Il‑Kummissjoni (T‑831/14, EU:T:2017:804, punti 191 sa 193). Il-Qorti Ġenerali bbażat din il-linja ta’ ġurisprudenza, b’mod partikolari, fuq is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs CEMR (C‑87/01 P, EU:C:2003:400, punti 42 u 45, kif ukoll id-dispożittiv).
37 Sentenza ADR, punt 73.
38 Ara d-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 161(1) u tal-Artikolu 156(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 165(1) u tal-Artikolu 160(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punt 49).
39 Sentenza ADR, punt 88. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punti 133 sa 136).
40 Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, nota ta’ qiegħ il-paġna bin-numru 41).
41 Ara, għal soluzzjoni simili, l-Artikolu 322(1) taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Ġermaniż), li jipprovdi li s-sentenzi jistgħu jiksbu s-saħħa ta’ res judicata biss sa fejn jiddeċiedu dwar it-talbiet imressqa.
42 Kwistjonijiet simili jqumu b’mod ġenerali fil-każ fejn l-eżami tal-fondatezza tal-kreditu rkuprat permezz ta’ tpaċija jaqa’ (potenzjalment) taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti differenti mill-Qorti Ġenerali; ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑5 ta’ Frar 2025, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (T‑830/22 u T‑156/23, EU:T:2025:131, punti 23 sa 31) (appell pendenti fil-Kawża C‑296/25 P), u Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (T‑1033/23, EU:T:2025:129, punti 18 sa 26) (appell pendenti fil-Kawża C‑297/25 P). L-affarijiet ikunu differenti fil-każ li l-Qorti Ġenerali stess ikollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-kontrokreditu rkuprat: ara, pereżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, IPPT PAN vs Il‑Kummissjoni u REA (T‑805/16, EU:T:2019:496, punti 33 et seq.); ara, f’dan ir-rigward, madankollu, is-sentenza ADR, punti 80 sa 89, kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punti 113 et seq.).
43 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2019, Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis vs ERCEA (T‑348/16 OP, EU:T:2019:14, punti 175 u 176). Bl-istess mod, jidher konċepibbli li l-parti kontraenti tikkontesta, jekk ikun il-każ, quddiem il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni l-ammont tal-kreditu prinċipali li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li għandha tħallasha, jekk ma taqbilx ma’ dan l-ammont. Id-deċiżjoni ta’ tpaċija, jekk ikun il-każ ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali, lanqas ma tista’ tagħti saħħa ġuridika definittiva lid-determinazzjoni ta’ dan l-ammont jekk l-eżami tiegħu jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti differenti mill-Qorti Ġenerali.
44 Ara, f’dan is-sens, mutatis mutandis, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Meta Group vs Il‑Kummissjoni (T‑744/14, EU:T:2017:304, punti 47, 49 u 258).
45 Ara, dwar dan il-punt, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punt 111).
46 Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, nota ta’ qiegħ il-paġna bin-numru 41). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il‑Kummissjoni vs CEMR (C‑87/01 P, EU:C:2002:501, punt 57).
47 Ara t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 101(1), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 102(1), kif ukoll l-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018.
48 Ara s-sentenzi tal‑15 ta’ April 2011, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (T‑465/08, EU:T:2011:186, punti 129 u 130), u tal‑21 ta’ Settembru 2017, Eurofast vs Il‑Kummissjoni (T‑87/16, EU:T:2017:641, punti 67 u 68).
49 Ara l-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018.