This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CC0759
Opinion of Advocate General Emiliou delivered on 30 January 2025.#PJ Carroll & Company Ltd and Nicoventures Trading Ltd v The Minister for Health and Others.#Request for a preliminary ruling from the High Court (Irlande).#Reference for a preliminary ruling – Public health – Directive 2014/40/EU – Article 7(12) – Article 11(6) – Delegated Directive (EU) 2022/2100 – Validity – Manufacture, presentation and sale of tobacco products – Delegation of power to the European Commission – Novel tobacco products – Heated tobacco products – Power to withdraw exemptions from prohibitions of flavourings and labelling requirements – Substantial change of circumstances.#Case C-759/23.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati fit-30 ta’ Jannar 2025.
PJ Carroll & Company Ltd u Nicoventures Trading Ltd vs The Minister for Health et.
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-High Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Saħħa pubblika – Direttiva 2014/40/UE – Artikolu 7(12) – Artikolu 11(6) – Direttiva Delegata (UE) 2022/2100 – Validità – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabakk – Delega ta’ setgħa lill-Kummissjoni Ewropea – Prodotti tat-tabakk ġodda – Prodotti tat-tabakk imsaħħan – Setgħa li jiġu rtirati l-eżenzjonijiet relatati mal-projbizzjonijiet tat-togħmiet u r-rekwiżiti ta’ ttikkettjar – Bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi.
Kawża C-759/23.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati fit-30 ta’ Jannar 2025.
PJ Carroll & Company Ltd u Nicoventures Trading Ltd vs The Minister for Health et.
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-High Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Saħħa pubblika – Direttiva 2014/40/UE – Artikolu 7(12) – Artikolu 11(6) – Direttiva Delegata (UE) 2022/2100 – Validità – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabakk – Delega ta’ setgħa lill-Kummissjoni Ewropea – Prodotti tat-tabakk ġodda – Prodotti tat-tabakk imsaħħan – Setgħa li jiġu rtirati l-eżenzjonijiet relatati mal-projbizzjonijiet tat-togħmiet u r-rekwiżiti ta’ ttikkettjar – Bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi.
Kawża C-759/23.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:44
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
mogħtija fit-30 ta’ Jannar 2025 ( 1 )
Kawża C‑759/23
PJ Carroll & Company Ltd,
Nicoventures Trading Ltd
vs
Il-Ministru tas-Saħħa,
L-Irlanda,
L-Avukat Ġenerali,
Partijiet magħquda:
Philip Morris Ltd,
Philip Morris Products SA,
Philip Morris Manufacturing & Technology Bologna SpA
(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti Għolja (l-Irlanda))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern – Saħħa pubblika – Direttiva 2014/40/UE – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati – Artikoli 7 u 12 – Validità tad-Direttiva Delegata (UE) 2022/2100 – Artikolu 290(1) TFUE – Setgħat iddelegati lill‑Kummissjoni Ewropea – Elementi essenzjali – Prodotti tat-tabakk ġodda – Prodotti tat-tabakk imsaħħan – Ingredjenti – Tikkettar”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/40/EU tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir‑regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE ( 2 ). |
|
2. |
Id-Direttiva 2014/40 għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tas‑suq intern għal dawn il-prodotti, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, b’mod speċjali għaż-żgħażagħ. Għal dan il-għan, hija tipprevedi, inter alia, li (i) Stati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti (“il-projbizzjoni tal-aromi”) u (ii) kull pakkett individwali u kull ippakkjar estern ta’ prodotti tat-tabakk għandu jkollu twissijiet tas‑saħħa u messaġġi ta’ informazzjoni (“l-obbligu ta’ tikkettar”) (flimkien, “l-obbligi inkwistjoni”). |
|
3. |
Fl-istess ħin, hija tipprevedi ċerti eżenzjonijiet mill-obbligi inkwistjoni, b’mod partikolari, għal prodotti tat-tabakk li huma ġeneralment ikkunsmati minn konsumaturi iktar anzjani u gruppi iżgħar tal-popolazzjoni. Madankollu, id-direttiva tawtorizza wkoll lill‑Kummissjoni Ewropea tadotta atti delegati sabiex tirtira l-eżenzjonijiet inkwistjoni għal kategorija ta’ prodott partikolari (“l-irtirar ta’ eżenzjonijiet”), jekk ikun hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi, jiġifieri żieda sinjifikattiva jew f’volumi ta’ bejgħ ta’ dik il-kategorija ta’ prodott jew tal-livell ta’ prevalenza tal-użu minn konsumaturi żgħażagħ. |
|
4. |
Din il-kawża tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx, permezz tad-Direttiva Delegata (UE) 2022/2100 ( 3 ), tirtira b’mod validu l-eżenzjonijiet fir-rigward ta’ kategorija ta’ prodott maħluqa mill-ġdid, jiġifieri prodotti tat-tabakk imsaħħan. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi aċċertat jekk, meta għamlet dan, il‑Kummissjoni eċċedietx is-setgħat iddelegati lilha mil-leġiżlatur tal‑Unjoni permezz tad-Direttiva 2014/40. |
|
5. |
Din hija, naturalment, kwistjoni li għandha sinjifikat kostituzzjonali peress li l-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali, li huwa element karatteristiku tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, jirrikjedi li kull istituzzjoni għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza ta’ dawk tal-oħrajn ( 4 ). Huwa għalhekk importanti li, meta jirriżultaw dubji bħal dawk imqajma mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal‑Ġustizzja tkun tista’ tivverifika jekk, meta eżerċitat is-setgħat iddelegati lilha taħt l-Artikolu 290 TFUE, il-Kummissjoni osservatx il‑limitazzjonijiet tad-delega tas-setgħat kif “espliċitament iddefiniti” fl‑att prinċipali ( 5 ). |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
1. Id-Direttiva 2014/40
|
6. |
Il-premessi 8, 15, 19, 22 sa 24, 26, 34, 35, 51 u 52 tad‑Direttiva 2014/40 jistipulaw:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
7. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40 jinkludi d-definizzjonijiet segwenti:
[…]
[…]
[…]
|
|
8. |
L-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2014/40, li jirrigwarda r-rapportar tal-ingredjenti u l-emissjonijiet, jistipula: “6. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-manifatturi u l-importaturi biex jippreżentaw studji interni u esterni li jkollhom disponibbli dwar ir‑riċerka tas-suq u l-preferenzi ta’ diversi gruppi ta’ konsumaturi, inklużi ż-żgħażagħ u dawk li attwalment ipejpu, fir-rigward tal-ingredjenti u l‑emissjonijiet, kif ukoll sommarji eżekuttivi ta’ kwalunkwe stħarriġ tas‑suq li huma jwettqu meta jillanċjaw prodotti ġodda. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu ukoll li l-manifatturi u l-importaturi jirrappurtaw il‑volumi tal-bejgħ tagħhom għal kull ditta u tip, irrappurtat f’unitajiet jew kilogrammi, u għal kull Stat Membru fuq bażi annwali li tibda mill‑1 ta’ Jannar 2015. L-Istati Membri għandhom jipprovdu kwalunkwe data oħra dwar il-volum tal-bejgħ li hija disponibbli għalihom.” |
|
9. |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40 intitolat “Regolamentazzjoni ta’ ingredjenti”, qabel ma ġie emendat bid-Direttiva Delegata 2022/2100, kien jistipula: “1. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti. […] 7. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom aromi fi kwalunkwe wieħed mill-komponenti tagħhom bħal filtri, karti, pakketti, kapsuli jew kwalunkwe karatteristika teknika li tippermetti l-modifika tar-riħa jew tat-togħma tal-prodotti tat‑tabakk ikkonċernati jew l-intensità ta’ duħħan tagħhom. […] […] 12. Il-prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti u t-tabakk tal-brim għandhom ikunu eżentati mill-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 7. Il‑Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal‑Artikolu 27, sabiex tirtira dik l-eżenzjoni għal kategorija partikolari ta’ prodott jekk ikun hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi kif stabbilit f’rapport tal-Kummissjoni. […]” |
|
10. |
L-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2014/40 jistipulaw, rispettivament, it-“twissijiet ġenerali u messaġġi ta’ informazzjoni fuq il-prodotti tat‑tabakk għat-tipjip” u t-“twissijiet tas-saħħa kkombinati flimkien għal prodotti tat-tabakk għat-tipjip” li pakketti individwali u ppakkjar estern ta’ prodotti tat-tabakk għandhom juru. |
|
11. |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/40 (intitolat “It-tikkettar tal‑prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr sigaretti, it-tabakk tal-brim u t‑tabakk tal-pipi tal-ilma”), qabel ma ġie emendat bid-Direttiva Delegata 2022/2100, kien jistipula: “1. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr is-sigaretti, it-tabakk tal-brim u t-tabakk tal-pipi tal-ilma mill‑obbligi li jintwera l-messaġġ tal-informazzjoni stabbilit skont l‑Artikolu 9(2) u t-twissijiet tas-saħħa kkombinati stipulati fl-Artikolu 10. […] […] 6. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal‑Artikolu 27, sabiex tirtira l-possibbiltà li jingħataw eżenzjonijiet għal kwalunkwe kategorija partikolari tal-prodotti msemmija fil‑paragrafu 1 jekk ikun hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi kif stabbilit f’rapport tal-Kummissjoni għall-kategorija ta’ prodotti kkonċernata.” |
|
12. |
L-Artikolu 19 (intitolat “Notifika dwar prodotti tat-tabakk ġodda”) tad-Direttiva 2014/40, jaqra bil-mod segwenti: “1. L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-manifatturi u l-importaturi tal‑prodotti tat-tabakk ġodda jippreżentaw notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bi kwalunkwe tali li beħsiebhom iqiegħdu fis-swieq nazzjonali kkonċernati. […] […] 2. […] L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li jirċievu skont dan l-Artikolu. 3. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu sistema għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk ġodda. […] 4. Prodotti tat-tabakk ġodda imqiegħda fis-suq għandhom jirrispettaw ir‑rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. Liema mid-dispożizzjonijiet ta’ din id‑Direttiva japplikaw għall-prodotti tat-tabakk ġodda tiddependi fuq jekk dawn il-prodotti ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ prodott tat‑tabakk li ma jdaħħanx jew ta’ prodott tat-tabakk għat-tipjip.” |
|
13. |
L-Artikolu 28 (intitolat “Rapport”) tad-Direttiva 2014/40, jistipula: “1. Mhux aktar tard minn ħames snin mill-20 ta’ Mejju 2016, u kull meta jkun meħtieġ wara dan, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill‑Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. […] 2. Fir-rapport, il-Kummissjoni għandha tindika, b’mod partikolari, l‑elementi tad-Direttiva li għandhom jiġu riveduti jew adattati fid-dawl tal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi, inkluż l-iżvilupp ta’ regoli miftehma internazzjonalment u standards dwar it-tabakk u prodotti relatati. Il‑Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali lil: […] (c) l-iżviluppi tas-suq li jikkostitwixxu bidla sostanzjali taċ-ċirkostanzi; […] 3. Ir-rapport għandu jiġi segwit minn proposti li jemendaw din id‑Direttiva, li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tadattah — sal-punt meħtieġ għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern — għall-iżviluppi fil-qasam tat-tabakk u l-prodotti konnessi, u biex jingħata kont ta’ żviluppi ġodda bbażati fuq fatti xjentifiċi u żviluppi dwar standards għat‑tabakk u għall-prodotti relatati miftiehma internazzjonalment.” |
2. Id-Direttiva Delegata 2022/2100
|
14. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva Delegata 2022/2100 jemenda l‑Artikolu 7(12) u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/40 kif ġej. |
|
15. |
Fir-rigward tal-Artikolu 7(12) tad-Direttiva 2014/40, “prodotti tat‑tabakk imsaħħan” ġew miżjuda mal-lista ta’ kategoriji (jiġifieri, sigaretti u tabakk tal-brim) li, taħt l-ewwel subparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni ma humiex eżentati mill-projbizzjonijiet stabbiliti fil‑paragrafi 1 u 7 tal-Artikolu 7. Barra minn hekk, f’din id‑dispożizzjoni żdied it-tieni subparagrafu li jistipula: “Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, ‘prodott tat-tabakk imsaħħan’ tfisser prodott tat-tabakk ġdid li jissaħħan biex jipproduċi emissjoni li jkun fiha n-nikotina u sustanzi kimiċi oħra, li mbagħad tinġibed man-nifs mill-utent(i), u li, skont il-karatteristiċi tiegħu, huwa prodott tat-tabakk li ma jdaħħanx jew prodott tat-tabakk għat-tipjip”. |
|
16. |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11 ġie emendat b’żewġ modi. L‑ewwel nett, it-titolu tad-dispożizzjoni ġie ssostitwit bis-segwenti: “It‑tikkettar tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr sigaretti, it-tabakk tal-brim, it-tabakk tal-pipi tal-ilma u l-prodotti tat-tabakk imsaħħan”. It‑tieni nett, fl-ewwel subparagrafu paragrafu 1 tiegħu, “prodotti tat‑tabakk imsaħħan kif definit fl-Artikolu 7(12), it-tieni subparagrafu” ġew miżjuda mal-lista ta’ kategoriji (jiġifieri, sigaretti, tabakk tal-brim u tabakk tal-pipi tal-ilma) li ma jistgħux jiġu eżentati mill-obbligi li juru l‑messaġġ ta’ informazzjoni u twissijiet stipulati fl-Artikolu 9(2) u fl‑Artikolu 10 tad-direttiva. |
B. Id-dritt Irlandiż
|
17. |
L-Irlanda ttrasponiet id-Direttiva Delegata 2022/2100 permezz tar‑Regolamenti tal-Unjoni Ewropea 2023 (Manifattura, Preżentazzjoni u Bejgħ tat-Tabakk u Prodotti Relatati) (Emenda) (“ir-Regolamenti tal‑2023”). |
III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari magħmula
|
18. |
F’Jannar 2023, PJ Carroll & Company Limited u Nicoventures Trading Limited, u Philip Morris Limited, Philip Morris Products SA u Philip Morris Manufacturing & Technology Bologna SpA (flimkien, “ir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali”), fetħu proċeduri quddiem il-Qorti Għolja (l-Irlanda) fejn talbu, inter alia, dikjarazzjoni li r-Regolamenti tal‑2023 li jittrasponu d-Direttiva Delegata 2022/2100 fid-dritt Irlandiż huma invalidi. Ir-rikorrenti sostnew li d-Direttiva Delegata 2022/2100 kienet invalida peress li l-Kummissjoni eċċediet is-setgħat iddelegati lilha bis‑saħħa tad-Direttiva 2014/40. B’mod partikolari, huma jargumentaw li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa li toħloq kategorija ġdida ta’ prodotti minn fost dawk li jaqgħu fid-definizzjoni ta’ “prodotti tat-tabakk ġodda”, u li ma setgħetx tirtira l-eżenzjonijiet fir-rigward ta’ dik il‑kategorija ġdida ta’ prodotti. Fl-opinjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2014/40 li jawtorizzaw lill-Kummissjoni jagħmlu dan ma japplikawx għal prodotti tat-tabakk ġodda. |
|
19. |
Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tad‑dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti Għolja ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
20. |
F’din il-kawża ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Irlanda, mill-Gvern Franċiż u dak Taljan u mill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet ippreżentaw ukoll argumenti orali fis-seduta tat‑28 ta’ Novembru 2024. |
IV. Analiżi
|
21. |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill‑Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-validità tad-Direttiva Delegata 2022/2100, li tirtira l-eżenzjonijiet fir-rigward tal‑projbizzjoni tal-aromi u l-obbligu tat-tikkettar (“l-eżenzjonijiet”) għal prodotti tat‑tabakk imsaħħan, kategorija ġdida ta’ prodotti maħluqa mill‑Kummissjoni. |
|
22. |
Il-qorti tar-rinviju tqajjem żewġ kwistjonijiet f’dan ir-rigward. L‑ewwel kwistjoni hija ta’ natura istituzzjonali u sostantiva: bid-Direttiva Delegata, il-Kummissjoni eċċediet is-setgħat iddelegati lilha taħt l-att prinċipali? It-tieni waħda hija iktar proċedurali u ċirkustanzjali fin-natura tagħha: il-kundizzjoni relatata ma’ “bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi” kienet issodisfatta? |
|
23. |
Għal raġunijiet ta’ ċarezza, ser nenfasizza, mill-bidu, li ma huwiex ikkontestat li prodotti tat-tabakk imsaħħan jikkostitwixxu “prodotti tat‑tabakk ġodda” għall-finijiet tad-Direttiva 2014/40. Fil-fatt, dawn ma jaqgħux f’xi waħda mill-kategoriji speċifiċi ddefiniti fl-Artikolu 2 tagħha u tpoġġew fis-suq l-ewwel darba wara d‑19 ta’ Mejju 2014. |
|
24. |
Huwa wkoll pjuttost ovvju li, bħala regola, id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-direttiva li jirrigwardaw l-obbligi inkwistjoni japplikaw għal prodotti tat-tabakk ġodda. Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(1) tad‑Direttiva 2014/40, il-projbizzjoni tal-aromi tapplika għal “prodotti tat-tabakk”, li ovvjament tinkludi prodotti tat-tabakk ġodda. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/40, l‑obbligi tat-tikkettar japplikaw għal “prodotti tat-tabakk għat-tipjip”, li jinkludu wkoll prodotti tat-tabakk ġodda, jekk huma prodotti għat-tipjip. |
|
25. |
Bl-istess mod, prodotti tat-tabakk ġodda kienu (jew setgħu jkunu) eżentati mill-obbligi inkwistjoni peress li huma “prodotti tat-tabakk għajr sigaretti u tabakk tal-brim” (taħt l-Artikolu 7(12) tad-Direttiva 2014/40) u, jekk għat-tipjip, anki “prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr sigaretti, tabakk tal-brim u tabakk tal-pipi tal-ilma” (taħt l-Artikolu 11(1) tad‑Direttiva 2014/40). |
|
26. |
Dak li huwa kkontestat hija, essenzjalment, l-awtorità tal‑Kummissjoni li tirtira, permezz ta’ att delegat, l-eżenzjonijiet fir‑rigward tal-prodotti tat-tabakk ġodda. |
A. L-ewwel domanda
|
27. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, bil-ħolqien ta’ kategorija ġdida ta’ prodotti (prodotti tat-tabakk imsaħħan) u l-irtirar tal-eżenzjonijiet għal dik il‑kategorija, il-Kummissjoni eċċedietx is-setgħat iddelegati lilha mill‑leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 7(12) u fl-Artikolu 11(6) tad‑Direttiva 2014/40. |
|
28. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Taljan jargumentaw li, bid-Direttiva Delegata 2022/2100, il-Kummissjoni eċċediet id-delega tas-setgħa kif stipulata fid-Direttiva 2014/40 u emendat xi elementi essenzjali tagħha. Min-naħa l-oħra, l-Irlanda, il-Gvern Franċiż u l‑Kummissjoni jieħdu l-pożizzjoni opposta, billi jargumentaw li d‑dispożizzjonijiet dwar l-irtirar ta’ eżenzjonijiet ukoll japplikaw għal prodotti tat-tabakk ġodda. |
|
29. |
Fit-taqsimiet segwenti ser nispjega għaliex, minkejja li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Taljan għandhom ftit saħħa, jiena xorta ser nikkonkludi li, meta adottat id‑Direttiva Delegata 2022/2100, il-Kummissjoni ma eċċedietx is‑setgħat iddelegati lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
1. L‑Artikolu 290(1) TFUE u l‑“elementi essenzjali” tal‑att prinċipali
|
30. |
Qabelxejn, għandi ngħid li, f’dawn il-proċeduri, il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet iddiskutew fit-tul dwar jekk id-Direttiva Delegata 2022/2100 emendatx xi “elementi essenzjali” tal-att prinċipali (id-Direttiva 2014/40) fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE. Din id‑dispożizzjoni tistipula: “Att leġislattiv jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġislattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jissumplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ l-att leġislattiv. L-objettivi, il-kontenut, il-kamp ta’ l-applikazzjoni u d-durata tad-delega ta’ setgħa għandhom jiġu definiti espressament fl-atti leġislattivi. L‑elementi essenzjali ta’ qasam għandhom ikunu riservati għall-att leġislattiv u għaldaqstant ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ delega ta’ setgħa.” |
|
31. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-“elementi essenzjali” ta’ att leġiżlattiv, skont l-Artikolu 290(1) TFUE, huma dawk li l-adozzjoni tagħhom “teħtieġ li jsiru għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir‑responsabbiltajiet infushom tal-leġiżlatur tal-Unjoni” ( 7 ). Dan il-kunċett ma jistax jingħata kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ żżejjed, peress li għandu jkun rriżervat għal“dispożizzjonijiet li permezz tagħhom għandhom jitwettqu l-orjentamenti fundamentali tal-politika [rilevanti tal‑Unjoni]” ( 8 ). Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-element inkwistjoni “[j]implika ponderazzjoni tal-interessi diverġenti inkwistjoni abbażi ta’ evalwazzjonijiet multipli, jew [meta j]ippermetti interferenzi fi drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati ta’ tali importanza li l‑intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni jkun neċessarju” ( 9 ). |
|
32. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li d‑Direttiva Delegata 2022/2100 ma temendax xi element essenzjali tad‑Direttiva 2014/40. |
|
33. |
F’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet li huma rilevanti f’dawn il‑proċeduri, fl-opinjoni tiegħi, hemm essenzjalment tliet għażliet politiċi ewlenin magħmula mil-leġiżlatur tal‑Unjoni huma ( 10 ). L-ewwel nett, bħala regola, ingredjenti li jżidu l-palat għandhom jitneħħew mill‑prodotti ( 11 ), u pakketti individwali u ppakkjar estern ta’ prodotti għandu jkollhom twissijiet tas-saħħa u messaġġi ta’ informazzjoni ( 12 ). It-tieni nett, xi eżenzjonijiet fir-rigward ta’ dawk l‑obbligi għandhom (jew jistgħu) jingħataw għal prodotti li “prinċipalment jiġu kkunsmati minn konsumaturi ta’ età akbar u gruppi żgħar tal-popolazzjoni” ( 13 ). It-tielet nett, dawk l-eżenzjonijiet għandhom jiġu rtirati meta jkun hemm “bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi” f’termini ta’ volumi ta’ bejgħ jew xejriet tal-konsum taż-żgħażagħ ( 14 ). |
|
34. |
Jidhirli li l-ebda waħda minn dawn l-għażliet ewlenin ma hija affettwata bid-Direttiva Delegata 2022/2100, li hija sempliċement implimentazzjoni ta’ dawk l-għażliet fir-rigward ta’ tip ta’ prodott ġdid. Id-deċiżjoni li jiġu rtirati l-eżenzjonijiet hija, fil-fatt, eżerċizzju pjuttost tekniku li fih il-Kummissjoni tgawdi diskrezzjoni teknika limitata sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-irtirar (previsti fl-Artikolu 2(28) tad-Direttiva 2014/40) humiex issodisfatti, u ma għandha l-ebda diskrezzjoni politika (taħt l-Artikolu 7(12) u l-Artikolu 11(6) tad‑Direttiva 2014/40 ( 15 ) dwar jekk l-eżenzjonijiet għandhomx jiġu irtirati ( 16 ). |
|
35. |
Minbarra dan, l-argument li l-mod kif prodotti tat-tabakk ġodda għandhom jiġu rregolati taħt id‑Direttiva 2014/40 għandu bżonn xi għażliet politiċi maġġuri lanqas ma huwa wisq iktar konvinċenti ( 17 ). Fil‑fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà (i) stipula li “[i]l-prodotti kollha tat‑tabakk għandhom il-potenzjal li jikkawżaw mortalità, morbożità u diżabilità [u g]ħalhekk il-manifattura, id-distribuzzjoni u l-konsum tagħhom għandhom jiġu rregolati” (premessa 34 tad-Direttiva 2014/40); (ii) għamilha ċara li “prodotti tat-tabakk ġodda […] huma prodotti tat-tabakk kif definit fid-[Direttiva 2014/40]” (premessa 35 tagħha); u (iii) iddeċieda li prodotti tat-tabakk ġodda “għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta[d-Direttiva 2014/40]” (premessa 35 ukoll tagħha). |
|
36. |
Għalhekk, huwa ċar li l-Kummissjoni ma eċċedietx is-setgħa ddelegata tagħha billi ddeċidiet fuq element essenzjali tal-att prinċipali, bi ksur tal-Artikolu 290(1) TFUE. Issa ser indur għall-kwistjoni dwar jekk, meta adottat id-Direttiva Delegata 2022/2100, il-Kummissjoni ssodisfatx l-“objettivi, il-kontenut, il-kamp ta’ l-applikazzjoni u d‑durata tad-delega ta’ setgħa” inklużi fl-Artikolu 7(12) u fl‑Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40. Apparti mill-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva Delegata tosservax il-limitazzjonijiet stipulati fl‑Artikolu 290(1) TFUE (li japplika għall-atti ddelegati kollha), hemm ukoll il-kwistjoni dwar jekk tosservax il-limitazzjonijiet rikjesti mil‑leġiżlatur tal-Unjoni fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad‑Direttiva 2014/40. |
|
37. |
Għal dan il-għan, issa ser niddiskuti t-tifsira u l-għan tal‑Artikolu 7(12) u tal-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40. Għandi ngħid, li dan ma huwiex faċli. Fil-fatt, il-kliem ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/40 huwa pjuttost ambigwu u, irrispettivament mill‑approċċ interpretattiv li jintuża fir-rigward ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet, l-interazzjoni ta’ bejniethom ma hijiex dejjem ċara. |
|
38. |
Fit-taqsimiet li ġejjin ser nispjega għaliex jiena tal-opinjoni li, meta jiġi bbilanċjat kollox, l-argumenti li jikkonfermaw l-awtorità tal‑Kummissjoni li tirtira l-eżenzjonijiet inkwistjoni ta’ prodotti tat‑tabakk ġodda huma iktar persważivi minn dawk li jikkontestawha. |
2. Interpretazzjoni litterali tal‑Artikolu 7(12) u tal‑Artikolu 11(6)
|
39. |
Fl-opinjoni tiegħi huwa loġiku li nibda l-analiżi tiegħi billi neżamina l-kliem użat fl-Artikolu 7(12) u fl-Artikolu 11(6) tad‑Direttiva 2014/40. |
|
40. |
Infakkar li l-Artikolu 7(12) tad-Direttiva 2014/40 jistipula li “[i]l-prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti u t-tabakk tal-brim għandhom ikunu eżentati mill-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 7” u li “il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati […] sabiex tirtira dik l-eżenzjoni għal kategorija partikolari ta’ prodott jekk ikun hemm bidla sostanzjali taċ‑ċirkustanzi […]”. Bl-istess mod, l-Artikolu 11(6) tad‑Direttiva 2014/40 jistipula li “[i]l-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati […] sabiex tirtira l-possibbiltà li jingħataw eżenzjonijiet għal kwalunkwe kategorija partikolari tal-prodotti msemmija fil‑paragrafu 1 jekk ikun hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi […]”. |
|
41. |
Jidhirli li f’dan il-kuntest hemm żewġ elementi testwali li għandhom importanza partikolari. |
|
42. |
L-ewwel nett, iż-żewġ dispożizzjonijiet jistabbilixxu rabta ċara bejn il-kategoriji ta’ prodotti li jibbenefikaw (jew jistgħu jibbenefikaw) minn eżenzjonijiet u dawk li għalihom l-eżenzjonijiet jistgħu jiġu rtirati. Ir-rabta fl-Artikolu 7(12) tad-Direttiva 2014/40 hija strutturali: l-istess paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni (i) jistipula eżenzjoni u (ii) jintroduċi l-possibbiltà li tiġi rtirata dik l-eżenzjoni. Ir-rabta fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40 hija saħansitra iktar espliċita, peress li ssir permezz ta’ riferiment għall-kategoriji ta’ prodotti kkonċernati (l-istess kategoriji għal eżenzjoni u l-irtirar tal-eżenzjoni). Fl‑opinjoni tiegħi, l-eżistenza ta’ din ir-rabta hija element li, ovvjament, jappoġġja l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kif proposta mill-Irlanda, mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni. |
|
43. |
It-tieni nett, iż-żewġ dispożizzjonijiet jirreferu għal “kategorija partikolari ta’ prodott” ( 18 ). Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Taljan jargumentaw li din l-espressjoni għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-prodotti tat-tabakk li jappartjenu għad-diversi kategoriji ddefiniti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40. Huma jargumentaw li konsegwentement, il-Kummissjoni ma għandhiex setgħa toħloq kategoriji ġodda ta’ prodotti tat-tabakk billi tiżola grupp ta’ prodotti (in casu, prodotti tat-tabakk imsaħħan) minn dawk li jaqgħu fid-definizzjoni ta’ “prodotti tat-tabakk ġodda”. |
|
44. |
M’inix konvint minn dawn l-argumenti. |
|
45. |
It-terminu “partikolari” ma huwiex iddefinit fid‑Direttiva 2014/40. Madankollu, fid-dawl tal-istruttura kollha tad‑direttiva, jidhirli li huwa raġonevoli li jinftiehem bħala sinonimu tal‑kliem “indikat”, “speċifiku” jew “ċertu” ( 19 ). Essenzjalment, dak li ż‑żewġ dispożizzjonijiet ifissru huwa, fl-opinjoni tiegħi, li kwalunkwe rtirar ta’ eżenzjonijiet għandu jirrigwarda biss il-kategorija ta’ prodotti li fir‑rigward tagħhom kien hemm bidla sinjifikattiva ta’ ċirkustanzi. L‑irtirar ma jistax jestendi għal prodotti oħra - simili jew relatati. L-irtirar ta’ eżenzjonijiet huwa, kif spjegat, eżerċizzju pjuttost mekkaniku li fih il‑Kummissjoni tgawdi marġni ta’ diskrezzjoni limitata. |
|
46. |
Fid-Direttiva 2014/40 ma nara l-ebda element testwali jew kuntestwali li jissuġġerixxi li t-terminu “partikolari” għandu jinftiehem bħala “pre-eżistenti” jew “diġà ddefinit”. Dan lanqas jirriżulta mit-tifsira normali tat-terminu. |
|
47. |
Bl-istess mod, imkien fid-direttiva ma hemm indikazzjoni li t‑terminu “kategoriji ta’ prodotti” fl-Artikolu 7(12) u fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40 jirreferi għal dawk iddefiniti fl-Artikolu 2 tagħha. |
|
48. |
F’dan ir-rigward, ma għandux jintesa li, sabiex l-ewwel jiġu ddefiniti l-prodotti li jaqgħu fil-portata tagħha, kif ukoll sabiex jiġi stabbilit liema settijiet ta’ regoli japplikaw għal liema prodotti, id‑Direttiva 2014/40 tuża varjetà ta’ definizzjonijiet sabiex tikkategorizza l-prodotti rilevanti. Il-prodotti kkonċernati huma, fil-fatt, miġbura f’diversi gruppi, sottogruppi u kategoriji. B’mod sempliċi, dawn huma kif ġej: (i) id-direttiva tapplika għal “prodotti tat-tabakk” u għal ċerti prodotti relatati mat-tabakk (jiġifieri prodotti mhux tat‑tabakk) ( 20 ); (ii) prodotti tat-tabakk jistgħu jinqasmu bejn “prodotti tat‑tabakk li ma jdaħħanx” u “prodotti tat-tabakk għat-tipjip”; (iii) prodotti tat-tabakk li jaqgħu f’dawn iż-żewġ gruppi mbagħad jinqasmu f’kategoriji speċifiċi; u (iv) prodotti li ma jaqgħux fil-kategoriji speċifiċi eżistenti u li jidħlu fis-suq wara d-data tat-traspożizzjoni tad-direttiva huma kkunsidrati “prodotti tat-tabakk ġodda” ( 21 ). |
|
49. |
Il-kumplessità ta’ din l-iskema hija kkumplikata b’żewġ elementi addizzjonali. L-ewwel nett, id-Direttiva 2014/40 taċċetta li hemm prodotti li, minħabba l-karatteristiċi jew l-użu intenzjonat tagħhom, jaqgħu f’żewġ jew iktar kategoriji speċifiċi ( 22 ). It-tieni nett, id-direttiva tindika li “prodotti tat-tabakk ġodda” jistgħu jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ prodotti tat-tabakk li ma jdaħħanx jew ta’ prodotti tat-tabakk għat‑tipjip ( 23 ). |
|
50. |
F’dan l-isfond, naqbel mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l‑Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tibdel il-gruppi u l-kategoriji stipulati fid-Direttiva 2014/40, jew tibdel id-dispożizzjonijiet sostantivi applikabbli għalihom. Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jirriżultax li l-lista ta’ kategoriji “partikolari” hija magħluqa u eżawrjenti. Li kieku dak kien hekk, l-Artikolu 2(14)(a) tad-Direttiva 2014/40 – li jistipula li prodotti tat-tabakk ġodda huma dawk li, inter alia, “ma jaq[għu] taħt l-ebda waħda mill-kategoriji li ġejjin: sigaretti, tabakk tal-brim, tabakk tal-pipa, tabakk tal-pipi tal-ilma, sigarri, sigarri żgħar, tabakk tal-magħda, tabakk tal-imnieħer jew tabakk għall-użu orali;” ( 24 ) – ikun ġie fformulat b’mod stramb peress li dawk il-kategoriji essenzjalment jeżawrixxu dawk elenkati fl-Artikolu 2. Fil-fatt, il-kliem jissuġġerixxi li, tal-inqas potenzjalment, jista’ jkun hemm kategoriji oħra ta’ prodotti tat-tabakk. Barra minn hekk, jekk il-kategoriji jikkorrispondu ma’ dawk li – skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Taljan – jiffurmaw il-“kategoriji partikolari” imsemmija fl-Artikolu 7(12) u fl‑Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40, għaliex dik l-espressjoni ma ntużatx ukoll fl-Artikolu 2(14)(a) tagħha? |
|
51. |
Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fi Planta Tabak ( 25 ) – li għaliha sar riferiment mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali – ma tikkontestax dan. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ikkonfermat li (i) ċerti kategoriji ta’ prodotti ddefiniti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40 huma verament “kategoriji ta’ prodotti” fis-sens tal-Artikolu 7 tagħha; u (ii) il-kunċett ta’ “kategoriji ta’ prodotti” għandu jiġi interpretat b’mod konsistenti matul id-direttiva. Ma narax kif xi silta minn din is-sentenza tappoġġja l-perspettiva li kategoriji ta’ prodotti jistgħu jkunu biss dawk iddefiniti fl-Artikolu 2 tad-direttiva. |
|
52. |
Fil-fatt, huwa veru – kif enfasizzat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali – li ebda dispożizzjoni ma tippermetti b’mod espress lill‑Kummissjoni toħloq kategoriji ta’ prodott ġodda. Madankollu, huwa daqstant ieħor veru li l-ebda dispożizzjoni ma tipprojbixxiha b’mod espress milli tagħmel dan. Għalhekk, jekk il-Kummissjoni tistax tagħmel dan b’mod validu jiddependi minn, fl-opinjoni tiegħi, jekk dan jistax jitqies bħala neċessarju sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni korretta tas‑setgħat iddelegati lilha bl-Artikolu 7(12) u l-Artikolu 11(6) tad‑Direttiva 2014/40. |
|
53. |
Jekk dawk id-dispożizzjonijiet huma applikabbli wkoll għal prodotti tat‑tabakk ġodda, allura l-Kummissjoni għandha tkun tista’ toħloq kategorija ta’ prodotti ġdida. Fil-fatt, kif spjegat, dawk id‑dispożizzjonijiet jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biss fir-rigward ta’ kategoriji partikolari ta’ prodotti u jkun assurd li “prodotti tat-tabakk ġodda” jitqiesu bħala waħda minn dawk il-kategoriji. Inkella, ikun ifisser li żieda sinjifikattiva fil-bejgħ ta’ prodott ġdid tkun tirrikjedi lill‑Kummissjoni tirtira l-eżenzjonijiet fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk ġodda kollha, inkluż dawk li (f’termini ta’ kompożizzjoni, metodu ta’ konsum, karatteristiċi organolettiċi u l-bqija) ftit li xejn jaqblu ma’ tal-ewwel u li, barra minn hekk, jista’ wkoll ikollhom bejgħ limitat ħafna. Dan ikun qari assurd tad-direttiva. |
|
54. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kwistjoni kruċjali, fl-opinjoni tiegħi, hija dwar jekk hemmx elementi oħra fid‑Direttiva 2014/40, minbarra dak li jiena nnotajt fil-punt 42 hawn fuq, li jindikaw li d-delega tas-setgħat lill-Kummissjoni li tirtira l-eżenzjonijiet tkopri wkoll prodotti tat-tabakk ġodda. |
|
55. |
Jiena naħseb li hemm tali elementi. |
3. Interpretazzjoni kuntestwali tal‑Artikolu 7(12) u tal‑Artikolu 11(6) – l‑ewwel parti
|
56. |
L-ewwel nett, jiena tal-opinjoni li, b’mod ġenerali, interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 7(12) u tal-Artikolu 11(6) tad‑Direttiva 2014/40 tissuġġerixxi li l-Kummissjoni tista’ wkoll tirtira l‑eżenzjonijiet fir-rigward ta’ ċerti prodotti tat-tabakk ġodda. Fil‑fatt, għalkemm hemm elementi li jistgħu jissuġġerixxu interpretazzjoni oħra ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, dawk li jimmilitaw lejn marġni ta’ diskrezzjoni ikbar għall-Kummissjoni sabiex timplimenta l‑obbligi inkwistjoni huma iktar persważivi mill-oħrajn li jagħmlu l-oppost. |
|
57. |
Qabelxejn, ma huwiex ikkontestat li r-regoli stipulati fid‑Direttiva 2014/40 ġeneralment japplikaw għal prodotti tat-tabakk ġodda. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 19(4) tad-Direttiva jistipula li “[p]rodotti tat-tabakk ġodda imqiegħda fis-suq għandhom jirrispettaw ir‑rekwiżiti ta’ din id-Direttiva”, u li d-dispożizzjonijiet speċifiċi tad‑direttiva li japplikaw għal prodotti tat-tabakk ġodda “[j]iddepend[u] fuq jekk dawn il-prodotti […] jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ prodott tat-tabakk li ma jdaħħanx jew ta’ prodott tat-tabakk għat-tipjip”. Din ir‑regola tirrifletti l-premessa 35 tad-direttiva, li tistipula li “[s]abiex jiġu żgurati kondizzjonijiet indaqs, il-prodotti tat-tabakk ġodda, li huma prodotti tat-tabakk kif definit f’din id-Direttiva, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva”. |
|
58. |
Fid-dawl ta’ dan, u peress li (i) ir-regoli dwar l-obbligi inkwistjoni u dwar l-eżenzjonijiet inkwistjoni huma applikabbli b’mod ċar għal prodotti tat-tabakk ġodda ( 26 ); u (ii) ir-regoli dwar l-irtirar ma jeskludux b’mod espress “prodotti tat-tabakk ġodda” ( 27 ), jidher raġonevoli li jiġi preżunt li prodotti tat-tabakk ġodda għandhom jaqgħu ukoll fil-portata tar-regoli dwar l-irtirar tal-eżenzjonijiet. |
|
59. |
Fuq kollox, li kieku l‑leġiżlatur tal-Unjoni ried li jagħmel l-obbligi inkwistjoni inapplikabbli fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk ġodda, kienx ikun iktar sempliċi li jiġu esklużi b’mod dirett dawk il-prodotti mill-portata tad-dispożizzjonijiet rilevanti, minflok ma jiġi stipulat, fl-istess ħin, obbligu fil-prinċipju u eżenzjoni li ma tistax tiġi rtirata minn dak l-obbligu. |
|
60. |
Din il-pożizzjoni tidher li hija ikkorroborata mill-fatt li, fir-rigward tal‑obbligi inkwistjoni, id-Direttiva 2014/40 tinkludi xi regoli speċjali għal ċerti gruppi jew kategoriji ta’ prodotti bħal, pereżempju, “prodotti b’togħma karatterizzanti b’volum ogħla ta’ bejgħ” ( 28 ), jew “sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika” ( 29 ). B’mod iktar ġenerali, fejn ċerti prodotti huma suġġetti għal regoli speċifiċi, u b’hekk ikollhom deroga mill-iskema ġenerali jew settorjali, id-dispożizzjonijiet tad‑direttiva jagħmlu dan b’mod espliċitu ( 30 ). |
|
61. |
Barra minn hekk, il-konstatazzjonijiet tiegħi wkoll jidhru li huma iktar konsistenti mal-qafas legali stipulat fl-FCTC u fil-Linji Gwida tiegħu. Il‑Konvenzjoni Qafas, kif stipulat fil-premessa 7 tad-Direttiva 2014/40, torbot lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha u għalhekk, għandha tiġi implimentata meta jiġu stipulati r-regoli fuq kwistjonijiet bħal dawk irregolati mid-Direttiva 2014/40. Fir-rigward tal-linji gwida FCTC, għalkemm ma għandhomx saħħa vinkolanti, huma xorta intiżi, skont l-Artikoli 7 u 9 tal-FCTC, sabiex jassistu l-partijiet kontraenti fl-implimentazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ( 31 ). Għal din ir-raġuni, il-leġiżlatur tal‑Unjoni ddeċieda li jeħodhom inkunsiderazzjoni fid‑Direttiva 2014/40 ( 32 ). |
|
62. |
Għalkemm il-linji gwida FCTC jirreferu, f’diversi punti, għal prodotti tat-tabakk ġodda ( 33 ), ma jissuġġerixxux trattament inqas rigoruż ta’ dawk il-prodotti meta mqabbel mal-prodotti eżistenti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miżuri li jirrigwardaw ingredjenti u tikkettar ( 34 ). L-istess japplika għall-FCTC: l-ebda dispożizzjoni f’dik il-Konvenzjoni ma tissuġġerixxi li dawk il-prodotti jistgħu jkunu eżentati b’mod temporanju mir-regoli ġenerali waqt li qiegħed jiġi evalwat l-impatt tagħhom fuq is-suq u s-saħħa pubblika ( 35 ). |
|
63. |
B’dan il-mod, ma nsib xejn fl-elementi rilevanti tal-kuntest li jikkontradixxi l-konstatazzjoni li l‑Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirtira l-eżenzjonijiet fir-rigward ta’ uħud mill-prodotti tat-tabakk ġodda. Minkejja dan, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Taljan jirreferu għal elementi oħra kuntestwali li, fl‑opinjoni tagħhom, jappoġġjaw il-pożizzjoni tagħhom. Jiena ser nevalwa dawk l-argumenti hawn taħt. |
4. Interpretazzjoni kuntestwali (u storika) tal‑Artikolu 7(12) u tal‑Artikolu 11(6) – it‑tieni parti
|
64. |
Qabelxejn, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jargumentaw li interpretazzjoni “wiesgħa” tal-Artikolu 7(12) u tal-Artikolu 11(6) tad‑Direttiva 2014/40, li tagħmilhom applikabbli għal prodotti tat‑tabakk ġodda wkoll, ma tistax tiġi rrikonċiljata mar-regoli stipulati fl‑Artikolu 19(1) u fl-Artikolu 28 tagħha. Dawn id-dispożizzjonijiet juru – skont il-partijiet – li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried skema speċjali għal prodotti tat-tabakk ġodda. |
|
65. |
L-Artikolu 19(1) jistabbilixxi sistema ta’ notifika lill-awtoritajiet nazzjonali qabel mal-prodotti tat-tabakk ġodda jitqiegħdu fis-suq. L‑informazzjoni mogħtija għandha tinkludi, inter alia, “deskrizzjoni dettaljata tal-prodott tat-tabakk ġdid ikkonċernat kif ukoll struzzjonijiet dwar l-użu tiegħu u informazzjoni dwar l-ingredjenti u l-emissjonijiet”. L-Artikolu 28 tal-istess direttiva jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi, “kull meta jkun meħtieġ”, rapport dwar l-applikazzjoni tad-direttiva. F’dak ir‑rapport, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali għal, inter alia, “l-iżviluppi tas-suq li jikkonċernaw prodotti tat-tabakk ġodda” u “l‑iżviluppi tas-suq li jikkostitwixxu bidla sostanzjali taċ-ċirkostanzi”. Dak ir-rapport għandu jkun segwit minn “proposti li jemendaw […] id‑Direttiva, li l-Kummissjoni tqis meħtieġa […]”. |
|
66. |
Ċertament, dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jinqraw bħala li jissuġġerixxu li, fir-rigward ta’ prodotti tat-tabakk ġodda, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel approċċ ta’ “nistennew u naraw”, billi rriżerva d-deċiżjoni tiegħu dwar kif għandhom jiġu rregolati għall-futur fiż-żmien ( 36 ). |
|
67. |
Madankollu, fil-fehma tiegħi, ħarsa iktar mill-viċin turi li dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jinqraw b’mod differenti. |
|
68. |
L-ewwel nett, approċċ ta’ “nistennew u naraw” jidher li ma huwiex kompatibbli mal-kliem ċar tal-premessa 35 u tal-Artikolu 19(4) tad-Direttiva 2014/40 – imfakkra fil-punt 57 hawn fuq – li jirrikjedi li dawk il-prodotti josservaw ir-rekwiżiti tad-direttiva. Barra minn hekk, jekk l-uniċi rekwiżiti rilevanti kienu dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 19 tad-direttiva, kif argumentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, it-tieni sentenza tal-Artikolu 19(4) (“liema mid-dispożizzjonijiet ta’ din id‑Direttiva japplikaw għall-prodotti tat-tabakk ġodda tiddependi fuq jekk dawn il-prodotti ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ prodott tat-tabakk li ma jdaħħanx jew ta’ prodott tat-tabakk għat-tipjip”) ma tagħmilx sens. Fil-fatt, huwa ċar li l-obbligi ta’ notifika stipulati fl‑Artikolu 19(1) u (2) jikkonċernaw iż-żewġ gruppi ta’ prodotti. L‑espressjonijiet “[l]iema mid‑dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw” inklużi fl-Artikolu 19(4) jistgħu jirreferu biss għad‑dispożizzjonijiet sostantivi tad-direttiva, inkluż dawk dwar ingredjenti u tikkettar. |
|
69. |
It-tieni nett, ix-xogħol preparatorju ma jindikax li l-għażla tal‑leġiżlatur kienet li jagħti lill-prodotti tat-tabakk ġodda l-benefiċċju tad-dubju, iżda bil-kontra: prodotti tat-tabakk ġodda għandhom jibqgħu suġġetti b’mod sħiħ għar-regoli ġenerali tad-direttiva waqt li l-effetti tagħhom fuq is-saħħa u l-prattiċi ta’ konsum qegħdin jiġu studjati. Regoli iktar stretti mbagħad jistgħu jiġu adottati fil-futur, jekk ikun xieraq. |
|
70. |
Dan huwa sostnut mill-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni ppubblikat fl‑2012. L-għażla regolatorja ppreferuta tal-Kummissjoni għal prodotti tat-tabakk ġodda kienet is-segwenti: “Huwa introdott obbligu ta’ notifika għal prodotti tat-tabakk ġodda […] u rapport dwar l‑iżvilupp tas-suq f’dawn il-prodotti jinħareġ mill-Kummissjoni ħames snin wara t-traspożizzjoni tad-[Direttiva tat-tabakk il-ġdida]. Prodotti tat‑tabakk ġodda mqiegħda fis-suq għandhom josservaw ir-regoli dwar it-tikkettar (twissijiet dwar is-saħħa fuq iż-żewġ naħat) u r-regoli dwar l‑ingredjenti (projbizzjoni fuq prodotti b’togħmiet karatterizzanti).” [traduzzjoni mhux uffiċjali] Interessanti li ebda waħda mill-għażliet regolatorji evalwati fil-valutazzjoni tal-impatt ma tappoġġja l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ( 37 ). |
|
71. |
Dan l-approċċ (ko-eżistenza ta’ proċedura ta’ notifika u applikazzjoni awtomatika tar-regoli ġenerali) huwa rifless b’mod sħiħ fil‑Memorandum ta’ Spjegazzjoni, li jakkumpanja l-proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni, imressqa fl‑2012. Fil-fatt, fit-Taqsima 3.6 tiegħu (intitolata “Prodotti tat-tabakk innovattivi”, il-Kummissjoni kitbet: “Il-prodotti tat-tabakk innovattivi […] se jkollhom jirrispettaw ir‑rekwiżiti tad-Direttiva (eż. f’termini tal-ittikkettar u tal-ingredjenti) biex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs, u r-regoli applikabbli se jiddependu fuq jekk il-prodott jinvolvix proċess ta’ kombustjoni jew le. Il-proposta tipprevedi wkoll obbligazzjoni ta’ notifika għal prodotti tat‑tabakk innovattivi u l-Kummissjoni se toħroġ rapport dwar l-iżvilupp tas-suq f’dawn il-prodotti ħames snin wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni tad-Direttiva. […]” ( 38 ) |
|
72. |
It-tielet nett, il-konstatazzjonijiet preċedenti jidhru li huma kkonfermati minn ġurisprudenza eżistenti. Fis-sentenza tagħha f’Philip Morris Brands et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, bid‑Direttiva 2014/40, il-leġiżlatur tal-Unjoni “iddeċieda li jadotta regoli uniformi għall-prodotti tat-tabakk kollha li fihom togħma karatterizzanti” ( 39 ). Dan ma huwiex ikkontestat bil-punt 32 tas-sentenza Swedish Match ( 40 ). Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jargumentaw li, f’dik is-silta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li prodotti tat-tabakk ġodda, peress li l-effetti tagħhom fuq is-saħħa u l-prattiċi ta’ konsum kienu għadhom ma jistgħux jiġu aċċertati, tpoġġew fil-portata tad‑Direttiva 2014/40 sabiex jiġu suġġetti għall-proċedura ta’ notifika. |
|
73. |
Jiena ma naqbilx. F’dik is-silta, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tenfasizza li, differenti mit-tabakk għal użu orali, il-bejgħ ta’ prodotti tat‑tabakk ġodda ma kienx ipprojbit għaliex l-impatt tagħhom fuq is‑saħħa pubblika u d-dinamiċi tas-suq ma kienx magħruf. Dan huwa ċar meta dik is-silta tas-sentenza tinqara fil-kuntest proprju tagħha. Dak li l‑Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tikkunsidra kien jekk id‑Direttiva 2014/40 kinitx tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament, inkwantu tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat‑tabakk għall-użu orali filwaqt li tippermetti l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk oħra, inkluż prodotti tat-tabakk ġodda. F’dan ir‑rigward, ma għandux jintesa li waħda mill-għażliet regolatorji kkunsidrata matul il-proċess li eventwalment wassal għall-adozzjoni tad‑Direttiva 2014/40 kienet li tiġi introdotta projbizzjoni assoluta fuq il‑bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk ġodda, kif kien diġà l-każ għat-tabakk għall-użu orali ( 41 ). |
|
74. |
Ir-raba’ nett, il-qari tal-Artikoli 19 u 28 tad-Direttiva 2014/40 kif propost mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma huwiex sostnut mit-test u mill-għan ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, li għandhom għan wiesa’ u ma jikkonċernawx b’mod speċifiku l-obbligi inkwistjoni. |
|
75. |
Is-sistema ta’ notifika stipulata fl-Artikolu 19 u fl-Artikolu 28(2)(b) tad‑Direttiva 2014/40 isservi diversi għanijiet b’mod partikolari: (i) sabiex tippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ dawk il‑prodotti (jekk ikollhom sistema bħal din fis-seħħ) ( 42 ); (ii) sabiex tistabbilixxi liema settijiet ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/40 japplikaw ( 43 ); u (iii) sabiex iżommu l-awtoritajiet tal-UE u dawk nazzjonali aġġornati bi żviluppi tas-suq u xjentifiċi rilevanti għal eventwali emendi tad‑direttiva ( 44 ). L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2014/40 ma jorbotx, b’mod espliċitu jew impliċitu, in-notifika inkwistjoni mal-bżonn tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi jekk l-obbligi inkwistjoni għandhomx jsiru applikabbli, bl-irtirar tal-eżenzjonijiet. |
|
76. |
Fir-rigward tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/40, jidhirli li huwa pjuttost ovvju li leġiżlazzjoni li tapprossimizza l-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati jista’ jkollha bżonn reviżjonijiet regolari matul iż-żmien, peress li s-suq qiegħed jevolvi b’mod kostanti (prodotti eżistenti jistgħu jinbidlu, prodotti ġodda jitqiegħdu fis-suq u l-preferenzi tal-konsumaturi jinbidlu) u studji xjentifiċi ġodda jsiru disponibbli. Huwa daqstant ovvju li l‑leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jkun irid jemenda l-qafas legali – kemm fir‑rigward tal-prinċipji ġenerali u definizzjonijiet, u r-regoli iktar speċifiċi fuq obbligi, eżenzjonijiet u irtirar ta’ eżenzjonijiet – sabiex ikun jista’ jadatta dawk ir-regoli għal, inter alia, il-karatteristiċi speċifiċi ta’ prodotti tat-tabakk li daħlu fis-suq wara l-adozzjoni tad‑Direttiva 2014/40. |
|
77. |
Naturalment, b’konformità mal-prinċipju a maiori ad minus (min jista’ jagħmel iktar jista’ wkoll jagħmel inqas) ( 45 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’, billi jagħmel dan, jiddeċiedi wkoll fuq kwistjonijiet li fil-konfront tagħhom ikun iddelega setgħat lill-Kummissjoni. Għalhekk, ma narax li r-riferimenti għal prodotti tat-tabakk ġodda u l-eventwali bidla taċ‑ċirkustanzi nklużi fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/40 bħala li jipprekludu l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(12) u tal-Artikolu 11(6) tagħha kif difiża mill-Irlanda, mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni. |
|
78. |
Il-ħames nett, approċċ ta’ “nistennew u naraw” ma jkunx konformi mal-prinċipju ta’ prekawzjoni – stabbilit, b’mod partikolari, fl‑Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fl-Artikolu 9 TFUE, fl-Artikolu 114(3) TFUE u fl‑Artikolu 168(1) TFUE ( 46 ) – li, skont ġurisprudenza konsistenti, huwa applikabbli fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jadottaw, taħt il-politika dwar is-suq intern, miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem ( 47 ). Il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li, meta jkun hemm inċertezzi dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem, il‑leġiżlatur tal-Unjoni jista’, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, jieħu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu pprovati kompletament ir-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji ( 48 ). |
|
79. |
Fuq kollox, is-sistema bbażata fuq tliet kriterji stabbilita bid‑Direttiva 2014/40 fir-rigward tal-obbligi inkwistjoni (regola ġenerali/eżenzjoni/irtirar tal-eżenzjoni) tidher kemxejn żbilanċjata jekk it-tielet kriterju tagħha jitneħħa fil-konfront ta’ ċerti prodotti. Nerġa’ niġi lura għal dan il-punt fit-Taqsima 6 hawn taħt. |
5. Interpretazzjoni kuntestwali tal‑Artikolu 7(12) u tal‑Artikolu 11(6) – it‑tielet parti
|
80. |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirreferu għall‑Artikolu 2(28) tad-Direttiva 2014/40, li jistipula li “bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi” tirrikjedi żieda tal-volumi tal-bejgħ jew tal‑livell ta’ prevalenza tal-użu fil-grupp tal-konsumaturi li għandhom inqas minn 25 sena b’ċerti perċentwali (10 % u 5 %, rispettivament). Dawn il-livelli mhux faċilment jintlaħqu minn prodotti tat-tabakk ġodda – dawn il-partijiet jistaqsu – peress li dawn il-prodotti probabbilment jilħqu, meta jidħlu fis-suq, biss bejgħ minimu? Essenzjalment, huma jindikaw il-fatt li kwalunkwe espansjoni sinjifikattiva fis-suq faċilment tilħaq il‑limitu ta’ żieda ta’ 10 % fil-bejgħ u b’hekk tiskatta l-irtirar tal‑eżenzjonijiet. |
|
81. |
Id-dubji tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sa ċertu punt, jinftiehmu. Madankollu, ma naħsibx li l-kundizzjonijiet stipulati fl‑Artikolu 2(28) tad-Direttiva 2014/40 jippenalizzaw b’mod inġust il‑prodotti tat-tabakk ġodda. |
|
82. |
L-ewwel nett, hemm rekwiżit relattivament għoli li għandu jiġi ssodisfatt minn kategorija ta’ prodott (eżistenti jew ġdida) sabiex tali bidla taċ-ċirkustanzi sseħħ: il-volum ta’ bejgħ tal-kategorija inkwistjoni għandu, fil-livell bl-imnut, jeċċedi t-2.5 % tal-bejgħ totali tal-prodotti tat‑tabakk fil-livell tal-Unjoni. Jekk dan il-limitu ta’ 2.5 % ma jintlaħaqx, ma jistax ikun hemm irtirar ta’ eżenzjonijiet, irrispettivament mill‑ammont ta’ żieda tal-bejgħ jew żieda f’użu miż-żgħażagħ. F’suq li, fl-2020, kien stmat li jilħaq madwar 600 miljun unità ( 49 ), il-limitu ta’ 2.5 % jiżgura – fl-opinjoni tiegħi – li huma biss prodotti li għandhom preżenza sinjifikattiva fl-Unjoni li jistgħu jkunu suġġetti għall-irtirar ta’ eżenzjonijiet. |
|
83. |
Barra minn hekk, żieda fil-bejgħ jew fil-livell ta’ prevalenza tal‑użu minn żgħażagħ tal-prodotti inkwistjoni għandha sseħħ f’tal-inqas ħames Stati Membri. Dan ir-rekwiżit għandu, inevitabbilment, l-effett li jeskludi prodotti li l-preżenza tagħhom fis-suq tal-Unjoni huwa ġeneralment lokali jew sempliċement marġinali. |
|
84. |
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, id-data tal-bejgħ użata sabiex tiġi evalwata bidla taċ-ċirkustanzi hija dik mibgħuta mill-manifatturi u l‑importaturi stess kull sena. Dan mhux biss jiżgura l-kwalità tad-data, iżda wkoll li żidiet sporadiċi jew tranżitorji f’bejgħ ma jistgħux jiskattaw l-irtirar ta’eżenzjonijiet, peress li żidiet fil-bejgħ jistgħu jiġu stabbiliti biss billi jsir paragun ta’ data annwali. Bl-istess mod, fir‑rigward tal-prevalenza tal-użu fiż-żgħażagħ, id-direttiva tirrikjedi lill‑Kummissjoni tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq “ir-rapport Speċjali tal-Ewrobarometru nru 385 ta’ Mejju 2012 jew studji ta’ prevalenza ekwivalenti”. Fl-opinjoni tiegħi, studji “ekwivalenti” ifissru studji li huma paragunabbli, f’termini ta’ eżattezza u dettall, mar-rapport Speċjali tal-Ewrobarometru nru 385 ta’ Mejju 2012: studju pjuttost iddettaljat tas‑sitwazzjoni fis-swieq nazzjonali ( 50 ). |
|
85. |
Għalhekk, ma nsibx li l-argumenti bbażati fuq l-Artikolu 2(28) tad-Direttiva 2014/40 imressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma konvinċenti. |
6. Interpretazzjoni teleoloġika tal‑Artikolu 7(12) u tal‑Artikolu 11(6)
|
86. |
It-tieni nett, li jiġi aċċettat il-fatt li s-sistema bbażata fuq tliet kriterji “regola ġenerali/eżenzjoni/irtirar tal-eżenzjoni” tapplika b’mod sħiħ għal prodotti tat-tabakk ġodda huwa konsistenti maż-żewġ għanijiet ġenerali tad-Direttiva 2014/40 ( 51 ). |
|
87. |
Minn naħa waħda, hija ssaħħaħ is-suq intern, peress li twassal għal iktar regoli uniformi għal prodotti tat-tabakk ġodda ( 52 ). Huwa veru li r‑regolamentazzjoni ta’ dawk il-prodotti hija ġeneralment kwistjoni tal‑Istati Membri. Madankollu, l-impatt ta’ deċiżjoni ta’ rtirar f’dan ir‑rigward huwa pjuttost limitat: huwa sempliċement jirrikjedi li ċerti prodotti tat-tabakk ġodda jsegwu r-regoli ġenerali dwar l-ingredjenti u t‑tikkettar. Dan bl-ebda mod ma jfisser li l-kompetenza tal-Istati Membri dwar l-awtorizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti ssir ineffettiva, kif argumentat minn PJ Carroll. |
|
88. |
Fil-fatt, deċiżjoni li jiżdied il-livell ta’ armonizzazzjoni f’dan ir‑rigward tkun konsistenti mal-perspettiva tal-leġiżlatur li n-nuqqas ta’ approċċ armonizzat dwar l-ingredjenti u t-tikkettar kien qiegħed jaffettwa l‑funzjonament bla xkiel tas-suq intern ( 53 ), u d-diverġenzi bejn il-liġijiet nazzjonali kienu mistennija jiżdiedu fil-futur ( 54 ). |
|
89. |
Dan l-approċċ huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja li jistabbilixxi li, “għalkemm l-użu tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali huwa possibbli għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ostakoli futuri għall-kummerċ minħabba l-iżvilupp eteroġenu tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, il-possibbiltà ta’ tali ostakoli għandha tkun verosimili u l‑miżura inkwistjoni għandu jkollha bħala għan il-prevenzjoni tagħhom” ( 55 ). Il-ġurisprudenza hija ċara wkoll li, sakemm il‑kundizzjonijiet għall-użu tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali huma ssodisfatti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi mċaħħad milli juża dik il-bażi legali minħabba l-fatt li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija fattur deċiżiv fl-għażliet li għandhom isiru ( 56 ). |
|
90. |
Dan jgħodd kemm għall-att inizjali u kwalunkwe emenda sussegwenti tiegħu. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il‑leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jadotta Att li japprossimizza l-liġijiet tal-Istati Membri għal kull bidla taċ‑ċirkustanzi jew żvilupp tal-konoxxenzi, fid-dawl tal-kompitu li huwa għandu li jiżgura l-protezzjoni tal-interessi ġenerali rrikonoxxuti mit‑Trattat. F’tali sitwazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jissodisfa b’mod korrett il-kompitu li huwa għandu li jiżgura l-protezzjoni tal‑interessi ġenerali rrikonoxxuti mit-Trattat biss jekk ikun possibbli għalih li jadatta l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni għal tali bidliet ( 57 ). Għalhekk, l-argument ta’ PJ Carroll dwar kwistjoni potenzjali taħt l‑Artikolu 168(5) TFUE – li jeskludi kwalunkwe armonizzazzjoni fil‑qasam tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem – huwa manifestament infondat. |
|
91. |
Min-naħa l-oħra, il-qari ssuġġerit minni tal-Artikolu 7(12) u tal‑Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40 ukoll jagħmel l-istrument iktar effettiv fil-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, peress li konsumaturi jkunu protetti b’mod iktar effettiv kontra r-riskji minn prodotti tat-tabakk ġodda ( 58 ). Ma għandux jintesa li, jekk l-irtirar ta’ eżenzjonijiet fir-rigward ta’ dawk il-prodotti kellu jiġi rriżervat għal‑leġiżlatur tal-Unjoni, jiskadi neċessarjament perijodu sinjifikattiv ta’ żmien qabel ma dan ikun jista’ jiġi implimentat. Fil-fatt, l-emenda tad-direttiva tkun trid tgħaddi mill-proċedura normali tal-leġiżlazzjoni, u d-direttiva tkun trid tistabbilixxi data raġonevoli għat-traspożizzjoni tagħha. Min-naħa l‑oħra, il-proċedura sabiex il-Kummissjoni tadotta att delegat hija, normalment, ħafna iktar mgħaġġla. |
|
92. |
Il-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq jidhru li huma saħansitra iktar konvinċenti fid-dawl tal-enfasi tad-direttiva fuq iż-żgħażagħ ( 59 ). Pereżempju, ir-raġuni tal-projbizzjoni tal-aromi hija sabiex tipprevjeni l‑kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li jistgħu jkunu partikolarment attraenti għaż-żgħażagħ u tista’, għalhekk, tiffaċilita l-bidu tal-konsum tat-tabakk ( 60 ). F’dak il-kuntest, jidher li huwa pjuttost loġiku li l-eżenzjoni minn dik il-projbizzjoni li tingħata lil prodotti tat-tabakk ġodda tista’ tiġi rtirata malajr, jekk prodott ġdid tat-tabakk jieħu spinta f’perijodu relattivament qasir ta’ żmien. Ma huwiex assurd li wieħed jaħseb li prodotti tat-tabakk ġodda jistgħu ħafna drabi jiġu kkonċepiti u kkummerċjalizzati sabiex jespandu l-bażi ta’ konsumaturi ta’ prodotti tat‑tabakk, iktar milli sabiex iħajru klijenti eżistenti jibdlu l-prodott ta’ preferenza tagħhom. |
|
93. |
Huwa veru, kif ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jenfasizzaw, li l‑kategorija ta’ “prodotti tat-tabakk ġodda” hija waħda wiesgħa u eteroġenja li tinkludi, inter alia, prodotti li fihom kwantitajiet limitati ta’ tabakk. Fl-opinjoni tagħhom, inkwantu li dawn il-prodotti jistgħu jkunu inqas ta’ perikolu għas-saħħa tal-bniedem, u l-impatt reali tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem jista’ jvarja minn tip ta’ prodott għall-ieħor, huwa raġonevoli li d-deċiżjoni dwar jekk l-eżenzjonijiet inkwistjoni għandhomx jiġu rtirati għandha titħalla f’idejn il-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
94. |
Madankollu, jidher li, f’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà ħa pożizzjoni ċara. Fil-fatt, kif imfakkar iktar ’il fuq, il-premessa 34 tistipula li “[i]l-prodotti kollha tat-tabakk għandhom il-potenzjal li jikkawżaw mortalità, morbożità u diżabilità. Għalhekk il-manifattura, id-distribuzzjoni u l-konsum tagħhom għandhom jiġu rregolati.” B’mod sinjifikattiv, din il-premessa hija segwita mill-premessa 35, li tistipula li “[s]abiex jiġu żgurati kondizzjonijiet indaqs, il-prodotti tat-tabakk ġodda, li huma prodotti tat-tabakk kif definit f’din id-Direttiva, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva”. |
|
95. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk ikkunsidra li (i) il-prodotti kollha tat-tabakk huma perikolużi għas-saħħa tal-bniedem; u (ii) sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs, prodotti tat-tabakk ġodda għandhom ġeneralment isegwu l-istess regoli bħal dawk ta’prodotti tat-tabakk eżistenti. |
7. Kunsiderazzjonijiet finali
|
96. |
Fl-aħħar nett, uħud mill-partijiet li ppreżentaw sottomissjonijiet irreferew għal ċerti siltiet ta’ dokumenti differenti maħruġa mill‑istituzzjonijiet tal-UE jew minn xi Stati Membri bħala li allegatament jappoġġjaw l-argumenti tagħhom. |
|
97. |
Jiena ma sibt l-ebda waħda minn dawn ir-riferimenti partikolarment persważiva, għalkemm, meta bbilanċjati, jidhru pjuttost jikkorroboraw il-pożizzjoni tiegħi. |
|
98. |
L-ewwel nett, ninnota li l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni li jakkumpanja l-proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni ( 61 ), li diġà sar riferiment għalih fil-punt 71 hawn fuq, jinkludi kunsiderazzjonijiet oħra li, speċjalment jekk jittieħdu flimkien, jidhru li jikkonfermaw l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 7(12) u tal-Artikolu 11(6) issuġġerita mill‑Irlanda, mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, dak id-dokument (i) fir-rigward tal-obbligi inkwistjoni, jidher li jagħti l‑istess skop lill-eżenzjonijiet u l-irtirar tagħhom ( 62 ); (ii) jindika li prodotti tat-tabakk ġodda għandhom josservaw ir-rekwiżiti tad-direttivi u li, f’termini ta’ tikkettar u ingredjenti, ir-regoli applikabbli jiddependu (biss) fuq jekk il-prodott jinvolvix proċess ta’ kombustjoni jew le ( 63 ); u (iii) josserva li, fir-rigward tat-tikkettar u ingredjenti, “is-sitwazzjonijiet eteroġeni fl-Istati Membri wasslu għal sitwazzjoni fejn l-industrija jkollha tipproduċi linji differenti tal-prodott għal swieq differenti” u, b’hekk, li “[h]uwa biss permezz ta’strateġija armonizzata fil-livell tal‑UE f’dawn l-oqsma li jistgħu jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ transkonfinali u tiġi evitata l-frammentazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli u komparabbli ta’ ħarsien tas-saħħa” ( 64 ). |
|
99. |
Madankollu, sa fejn il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni jirrifletti l‑istruttura u l-lingwa tal-proposta, il-valur miżjud ermenewtiku tiegħu ma għandux jiġi esaġerat. |
|
100. |
Min-naħa tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirreferu għar-rapport tal-Kummissjoni tat-2021 dwar l-applikazzjoni tad‑Direttiva 2014/40 rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l‑bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati ( 65 ). F’dak ir-rapport, il-Kummissjoni ddikjarat li “mingħajr il-flessibbiltà li jiġu definiti kategoriji ta’ prodotti ġodda, huwa diffiċli li wieħed japplika regoli żviluppati għall-kategoriji eżistenti għal prodotti tat-tabakk ġodda, peress li mhux neċessarjament ikunu adattati għall-karatteristiċi distinti tal-prodotti l-ġodda” ( 66 ). Fid‑dawl ta’ din id-dikjarazzjoni, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni espressament irrikonoxxiet in-nuqqas ta’ awtorità tagħha li toħloq kategoriji ta’ prodotti ġodda. |
|
101. |
Din is-silta tar-rapport tal-2021 hija ċertament ambigwa. Madankollu, niddubita li l-qari tagħha mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa korrett. Fl-opinjoni tiegħi, in-nuqqas ta’ flessibbiltà li dwarha tilmenta l-Kummissjoni tirrigwarda l-inabbiltà tagħha li toħloq kategoriji (jew sotto-kategoriji) ġodda li fir-rigward tagħhom l‑applikazzjoni tar-regoli sostantivi tad-direttiva jistgħu jkunu varjati jew modulati. Kif naqraha jien, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni ma tirrigwardax il-kwistjoni (ħafna iktar ristretta fil-portata) dwar jekk kategoriji ġodda jistgħux jiġu stabbiliti għall-iskop tal-Artikolu 7(12) u tal-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40. Fil-fatt, siltiet oħra tar-rapport jissuġġerixxu li l-Kummissjoni kkunsidrat possibbli l-irtirar ta’ eżenzjonijiet fir-rigward ta’ prodotti tat-tabakk ġodda, u tirreferi espressament għall-prodotti tat-tabakk imsaħħan ( 67 ). |
|
102. |
Fi kwalunkwe każ, ma naħsibx li l-qari tad-direttiva mill‑Kummissjoni, espress wara l-adozzjoni ta’ dak l-istrument legali, għandu jingħata piż żejjed meta titqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 68 ). L-istess jgħodd, mutatis mutandis, għad-dikjarazzjonijiet magħmula mit-tliet Stati Membri li, matul il-proċedura tal-komitoloġija, esprimew l-opinjoni li, bl-adozzjoni tad-Direttiva Delegata 2022/2100, il-Kummissjoni kienet qiegħda teċċedi d-delega tas-setgħat tal-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
103. |
Fil-fatt, meta mistoqsija waqt is-seduta jekk kinux jafu b’xi dokument preparatorju, b’mod partikolari mill-Parlament jew mill-Kunsill, li jappoġġja l-argumenti tagħhom (pereżempju, li jesprimi l-pożizzjoni, differenti minn dak propost mill-Kummissjoni, li prodotti tat-tabakk ġodda kellhom ikunu suġġetti għal sistema speċjali jew, fi kwalunkwe każ, iktar moderata), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali essenzjalment irrispondew fin-negattiv. |
|
104. |
Barra minn hekk, m’iniex konvint mill-argument tal-Gvern Taljan li, bil‑ħolqien ta’ kategorija ta’ prodotti ġdida li tista’ tinkludi kemm prodotti tat-tabakk għat-tipjip u prodotti tat-tabakk li ma jdaħħanx, il‑Kummissjoni ħolqot “tertium genus” li ma tidħolx fl-iskema tad‑Direttiva 2014/40 peress li prodott tat-tabakk bilfors irid ikun jew ma jdaħħanx jew għat-tipjip. |
|
105. |
Kif indikat fil-punt 49 hawn fuq, id-direttiva stess tirreferi għall‑possibbiltà li ċerti prodotti jistgħu jaqgħu fid-definizzjonijiet ta’ żewġ kategoriji jew iktar u, f’dak il-każ, għandhom japplikaw ir-regoli iktar stretti. L-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2014/40 ma tistipula regola ġenerali u mingħajr kundizzjoni li kull prodott f’kategorija partikolari għandu jsegwi l-istess regoli. Lanqas ma nara xi raġuni ta’ prinċipju, kategorija ta’ prodotti ġdida (in casu, prodotti tat-tabakk imsaħħan), stabbilita biss għall-finijiet tal-obbligi inkwistjoni, ma tistax tinkludi kemm prodotti tat-tabakk għat-tipjip u prodotti tat-tabakk li ma jdaħħanx. |
|
106. |
Fl-aħħar nett, ma hemm l-ebda evażjoni tar-regoli ġenerali stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-att prinċipali peress li – u dan huwa pjuttost ċar għalija – l-obbligi tat-tikkettar li, skont l-Artikoli 9 u 10 tad‑Direttiva 2014/40, japplikaw biss għal prodotti tat-tabakk għat-tipjip, u ma japplikawx għal prodotti tat-tabakk imsaħħan li ma jinvolvux proċess ta’ kombustjoni. |
|
107. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li, bil‑ħolqien ta’ kategorija ta’ prodott ġdid (prodotti tat-tabakk imsaħħan) u l-irtirar tal-eżenzjonijiet għal dik il-kategorija, il-Kummissjoni ma eċċedietx is-setgħat iddelegati lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl‑Artikolu 7(12) u fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40. B’hekk, l‑eżami tal-ewwel domanda magħmula ma wera xejn li jista’ jaffettwa l‑validità tad-Direttiva Delegata 2022/2100. |
B. It-tieni domanda
|
108. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-Direttiva Delegata 2022/2100 hijiex invalida għaliex il-Kummissjoni ma kinitx intitolata tikkonkludi li kien hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi, fis-sens tal-Artikolu 2(28), tal‑Artikolu 7(12) u tal-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40, fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk imsaħħan, abbażi tal-bejgħ tal-unitajiet tal-prodott (“skont l-unità”). Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jargumentaw li l‑Kummissjoni messha minflok użat volum ta’ bejgħ “skont il-piż” li kien jieħu inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ tabakk involut. |
|
109. |
Jiena ma naqbilx mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
|
110. |
Meta jiddefinixxi f’hiex tikkonsisti “bidla sostanzjali taċ‑ċirkustanzi”, l-Artikolu 2(28) tad-Direttiva 2014/40 jirreferi għal “żieda tal-volumi tal-bejgħ skont il-kategorija tal-prodotti […] abbażi tad-data tal-bejgħ trażmessa f’konformità mal-Artikolu 5(6) […]” ( 69 ). Din id-dispożizzjoni, għalhekk, ma tipprevedix il-mod li bih għandhom jiġu stabbiliti l-volumi tal-bejgħ, iżda tirreferi biss għal data tal-bejgħ li l-manifatturi u l-importaturi għandhom jirrapportaw lill-Istati Membri. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2014/40 jistipula li “manifatturi u l-importaturi [għandhom] jirrapportaw il-volumi tal-bejgħ tagħhom għal kull ditta u tip, irrapportat f’unitajiet jew kilogrammi, u għal kull Stat Membru fuq bażi annwali […]” ( 70 ). |
|
111. |
Iż-żewġ għażliet (skont il-piż u skont l-unità) huma previsti wkoll fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2186 li tistabbilixxi l-format għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il‑prodotti tat-tabakk u sabiex din issir disponibbli ( 71 ). B’mod partikolari, l‑Artikolu 2(1) ta’ dik id-deċiżjoni jirrikjedi lill-manifatturi u lill‑importaturi jissottomettu informazzjoni, inter alia, dwar volumi ta’ bejgħ skont il-format ipprovdut fl-anness tagħha. It-Taqsima 3 tal-anness (“Il‑preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-prodott u deskrizzjoni tiegħu — Parti B”), tinkludi l-element “Volum_Bejgħ_Prodott”, li jaqra kif ġej: “Informazzjoni dwar il-volum tal-bejgħ annwali tal-prodott f’kull Stat Membru, li għandu jiġi rrapportat kull sena f’għadd ta’ unitajiet tal‑prodott jew f’kilogrammi għat-tabakk sfuż” ( 72 ). |
|
112. |
Fil-fatt, nifhem li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali stess kienu, fis‑snin mgħoddija, irrapportaw il-bejgħ tagħhom ta’ prodotti tat-tabakk imsaħħan skont l-unità – kif inhu l-każ għall-maġġoranza kbira tal‑prodotti tat-tabakk ikkummerċjalizzati fl-Unjoni Ewropea ( 73 ). |
|
113. |
Imkien ma huwa previst, fid-dispożizzjonijiet applikabbli, li l‑Kummissjoni għandha tikkonverti data skont l-unità f’data skont il-piż. F’dan ir-rigward, jidher ukoll rilevanti – kif tirrimarka l-Irlanda – li l‑Artikolu 2(28) tad-Direttiva 2014/40 jirrikjedi lill-Kummissjoni tivverifika “jekk il-volum tal-bejgħ tal-kategorija ta’ prodott fil-livell bl‑imnut [jeċċedix] 2.5 % tal-bejgħ totali tal-prodotti tat-tabakk fil-livell tal-Unjoni”. Għalhekk jidher li d-data prinċipali eżaminata mill‑Kummissjoni f’dan il-kuntest hija, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, dik li tirrigwarda l-unitajiet ta’ prodotti mibjugħa, u mhux il-kwantità ta’ tabakk użat f’dawk il-prodotti. |
|
114. |
Fl-opinjoni tiegħi, dan l-approċċ huwa konsistenti ma’ wieħed mill-għanijiet prinċipali segwiti mid-direttiva: it-tnaqqis tal-użu ta’ prodotti tat-tabakk miż-żgħażagħ, b’mod partikolari billi jiġu skoraġġiti milli jibdew il-konsum. Ma għandux jintesa li, kif stabbilit hawn fuq, il‑leġiżlatur tal-Unjoni ħa l-pożizzjoni li prodotti tat-tabakk għall-finijiet tad-Direttiva 2014/40 huma l-prodotti kollha li jikkonsistu “anki parzjalment, mit-tabakk,” u li “[i]l-prodotti kollha tat-tabakk għandhom il-potenzjal li jikkawżaw mortalità, morbożità u diżabilità” ( 74 ). |
|
115. |
Għalhekk, nikkonkludi li l-Kummissjoni ma żbaljatx meta evalwat l-possibbiltà ta’ bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi fir-rigward ta’ prodotti tat-tabakk imsaħħan abbażi ta’ unitajiet ta’ prodotti mibjugħa. Għalhekk, l-eżami tat-tieni domanda preliminari magħmula wkoll ma żvela xejn li jista’ jaffettwa l-validità tad-Direttiva Delegata 2022/2100. |
V. Konklużjoni
|
116. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eżami tad-domandi magħmula mill-Qorti Għolja (l-Irlanda) ma żvela xejn li jista’ jaffettwa l-validità tad-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/2100 tad‑29 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-irtirar ta’ ċerti eżenzjonijiet fir‑rigward tal-prodotti tat-tabakk imsaħħan. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) ĠU 2014, L 127, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 150, p. 24.
( 3 ) Direttiva Delegata tad‑29 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Direttiva 2014/40 fir-rigward tal-irtirar ta’ ċerti eżenzjonijiet fir‑rigward tal-prodotti tat-tabakk imsaħħan (ĠU 2022, L 283, p. 4, rettifika fil‑ĠU 2023, L 188, p. 62).
( 4 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Adeżjoni mal-Att ta’ Genève) (C‑24/20, EU:C:2022:911, punt 83).
( 5 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑696/15 P, EU:C:2017:595, punti 49 u 51).
( 6 ) Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk, Gwida għal implimentazzjoni, Artikolu 5.3, Artikolu 8, Artikoli 9 u 10, Artikolu 11, Artikolu 12, Artikolu 13, Artikolu 14.
( 7 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il-Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.
( 8 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 1992, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑240/90, EU:C:1992:408, punt 37).
( 9 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑696/15 P, EU:C:2017:595, punt 78).
( 10 ) Fuq din il-kwistjoni, b’mod simili, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2015:853, punti 253 u 254).
( 11 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 15 tad-Direttiva 2014/40.
( 12 ) Premessi 22 sa 25 tad-Direttiva 2014/40.
( 13 ) Premessi 19 u 26 tad-Direttiva 2014/40.
( 14 ) Ibid. Ara wkoll il-premessi 51 u 52 tad-Direttiva 2014/40.
( 15 ) B’mod partikolari, iż-żewġ dispożizzjonijiet jistipulaw li l-Kummissjoni “għandha tadotta atti delegati […] jekk ikun hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi” (Enfasi miżjuda minni).
( 16 ) Għad-distinzjoni bejn diskrezzjoni teknika u diskrezzjoni politika, ara l‑konklużjonijiet tiegħi f’BĊE vs Crédit lyonnais (C‑389/21 P, EU:C:2022:844, punti 47 sa 53).
( 17 ) F’dan il-kuntest, nixtieq niġbed l-attenzjoni li, iktar ’il fuq, użajt it-termini għażliet politiċi “ewlenin” jew “maġġuri” peress li mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 31 hawn fuq jirriżulta li l-Artikolu 290(1) TFUE ma jipprekludix lil-leġiżlatur tal‑Unjoni milli jiddelega setgħat li, għall-eżerċizzju tagħhom, jirrikjedu lill‑Kummissjoni tagħmel għażliet diskrezzjonali (iddefiniti b’mod ristrett). Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑696/15 P, EU:C:2017:595, punt 52).
( 18 ) Enfasi miżjuda minni.
( 19 ) Fil-fatt, it-terminu “ċertu kategoriji” jidher fl-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2014/40. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri “jipprojbixx[u] ċerti kategoriji ta’ prodotti tat-tabakk jew relatati miegħu [li huma konformi mad-direttivi], abbażi tas‑sitwazzjoni speċifika f’dak l-Istat Membru u dment li d-dispożizzjonijiet huma ġustifikati mill-bżonn li tiġi protetta s-saħħa pubblika”. Mistoqsija waqt is-seduta jekk dik id-dispożizzjoni hijiex applikabbli għal prodotti tat-tabakk ġodda, ir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ħadux pożizzjoni soda (l-ewwel, wieġbu fin‑negattiv u sussegwentement ammettew li forsi setgħet kienet applikabbli), filwaqt li l-Gvern Taljan ħa l-pożizzjoni li tapplika. Min-naħa tiegħi, ma nara l-ebda raġuni li abbażi tagħha l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2014/40 jista’ jitqies bħala mhux applikabbli għal prodotti tat-tabakk ġodda.
( 20 ) Prodotti bħal “prodotti erbali għat-tipjip”, “sigaretti elettroniċi” u “kontenituri ta’ rikarika”.
( 21 ) Artikolu 2(14) tad-Direttiva 2014/40.
( 22 ) Ara l-premessa 9 u l-Artikolu 2(13) tad-Direttiva 2014/40.
( 23 ) Artikolu 19(4) tad-Direttiva 2014/40.
( 24 ) Enfasi miżjuda minni.
( 25 ) Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2019 (C‑220/17, EU:C:2019:76, punti 60 sa 67).
( 26 ) Ara l-punti 24 u 25 hawn fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 27 ) Ara l-punti 40 u 42 hawn fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 28 ) Ara l-premessa 16 tad-Direttiva 2014/40.
( 29 ) Ara l-premessa 47 tad-Direttiva 2014/40.
( 30 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 6, l-Artikolu 16(3) u l-Artikolu 30 tad‑Direttiva 2014/40.
( 31 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 111).
( 32 ) Ara l-premessi 15 u 24 tad-Direttiva 2014/40.
( 33 ) Ara l-paġni 70, 78 u 85 tal-linji gwida FCTC.
( 34 ) Ara, b’mod partikolari, il-paġni 33 sa 41, 61 u 62 tal-linji gwida FCTC.
( 35 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 9 u 11 tal-Konvenzjoni.
( 36 ) Ara wkoll il-premessa 34 (“[…] huwa importanti li jiġu mmonitorjati l-iżviluppi rigward prodotti tat-tabakk ġodda”) u l-premessa 52 (“ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar […] l-iżviluppi tas-suq li jikkonċernaw prodotti tat-tabakk ġodda [u] l-iżviluppi tas-suq li jammontaw għal bidla sostanzjali ta’ ċirkostanza”) tad‑Direttiva 2014/40.
( 37 ) Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Valutazzjoni tal-impatt - Jakkumpanja d-dokument “Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati”, SWD (2012) 452 finali, p. 50 sa 52, 74 sa 76 u 117.
( 38 ) Enfasi miżjuda minni.
( 39 ) Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016 (C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 108). Enfasi miżjuda minni.
( 40 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018 (C‑151/17, EU:C:2018:938).
( 41 ) Ara l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, p. 50 sa 52.
( 42 ) Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2014/40.
( 43 ) Artikolu 19(4) tad-Direttiva 2014/40.
( 44 ) Artikolu 28(2)(b) tad-Direttiva 2014/40.
( 45 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑463/00, EU:C:2003:272, punt 41).
( 46 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 116).
( 47 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 48 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Swedish Match (C‑151/17, EU:C:2018:938, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 49 ) Rapport mill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta’ bidla sostanzjali taċ‑ċirkustanzi għall-prodotti tat-tabakk imsaħħan f’konformità mad-Direttiva 2014/40 (COM(2022) 279 final, p. 4.
( 50 ) Disponibbli online fuq il-websajt tal-Kummissjoni.
( 51 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 21 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/40.
( 52 ) Ara wkoll il-premessi 4 sa 6, 22 u 23 tad-Direttiva 2014/40.
( 53 ) Ara l-premessa 15 tad-Direttiva 2014/40.
( 54 ) Ara l-premessa 16 tad-Direttiva 2014/40.
( 55 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 56 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 57 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punti 38 u 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 58 ) Ara l-premessi 18, 21, 36, 43, 54, u 59, u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/40.
( 59 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 8, 19, 21, 26, 27 u 47, u l-Artikolu 1 tad‑Direttiva 2014/40.
( 60 ) Ara l-premessa 16, l-Artikolu 19(1)(c) u l-Artikolu 28(2)(g) tad-Direttiva 2014/40. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punti 114 u 173).
( 61 ) COM(2012) 788 final.
( 62 ) Ara t-Taqsimiet 3.1 u 3.2 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni.
( 63 ) Taqsima 3.6 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni.
( 64 ) Taqsima 3.9.2 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni. Enfasi miżjuda minni.
( 65 ) COM(2021) 249 finali.
( 66 ) Taqsima 7 (Enfasi miżjuda minni).
( 67 ) Ara, b’mod partikolari, il-paġni 11 u 16 tar-rapport.
( 68 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda Illumina u Grail vs Il-Kummissjoni (C‑611/22 P u C‑625/22 P, EU:C:2024:264, punti 74, 77 u 78).
( 69 ) Enfasi miżjuda minni.
( 70 ) Enfasi miżjuda minni.
( 71 ) Deċiżjoni tal‑25 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015, L 312, p. 5).
( 72 ) Enfasi miżjuda minni.
( 73 ) Jiena nifhem li, essenzjalment, hija biss data ta’ bejgħ relatata mat-tabakk tal-brim, tabakk tal-pipa u tabakk tal-magħda li huma rrapportati skont il-piż.
( 74 ) Artikolu 2(4) u premessa 34 tad-Direttiva 2014/40.