Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CC0656

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali R. Norkus, ippreżentati fis-6 ta’ Marzu 2025.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:158

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

NORKUS

ippreżentati fis‑6 ta’ Marzu 2025 (1)

Kawża C‑656/23 [Karaman] (i)

B

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Direttiva 2011/95/UE – Standards għall-kwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut ta’ protezzjoni mogħtija – Natura dikjaratorja tal-istatus ta’ refuġjat — Artikolu 13 — Premessa 21 — Permess ta’ residenza — Artikolu 24(1) — Determinazzjoni tad-data li fiha jidħol fis-seħħ permess ta’ residenza maħruġ lil refuġjat — Direttiva 2013/32/UE — Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali — Artikolu 6 — Data meta l-applikazzjoni ssir ‘magħmula’, ‘irreġistrata’ jew ‘ippreżentata’ — Standards nazzjonali iktar favorevoli”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari (2) tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja b’opportunità sabiex tiċċara iktar il-kunċett ta’ status ta’ refuġjat u d-drittijiet marbuta miegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk in-natura dikjaratorja tar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat għandhiex konsegwenzi legali għad-determinazzjoni tad-data li fiha jidħol fis-seħħ permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru lil refuġjat. Minħabba li l-Istati Membri għandhom joħorġu permess ta’ residenza lill-benefiċjarji ta’ status ta’ refuġjat malajr kemm jista’ jkun wara l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali (3), tqum il-mistoqsija dwar jekk dak il-permess jidħolx fis-seħħ retroattivament mill-mument li l-persuna inkwistjoni jkollha dritt suġġettiv għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat tagħha jew f’xi żmien ieħor.

2.        Ir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi) tixtieq tkun taf, b’mod partikolari, jekk il-mument ta’ dħul fis-seħħ ta’ permess ta’ residenza maħruġ lil refuġjat huwiex iddeterminat mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32/UE (4) u, jekk iva, jekk id-data rilevanti hijiex dik li fiha tkun magħmula, rreġistrata jew ippreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont dik id-dispożizzjoni. Fil-każ li permess ta’ residenza maħruġ lil refuġjat ma jidħolx fis-seħħ “meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif dan jista’ jiġi rrikonċiljat mal-Artikolu 13 u mal-premessa 21 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, li jirreferu għall-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu status ta’ refuġjat lil persuni li jissodisfaw il-kriterji ta’ kwalifika rilevanti u n-natura dikjaratorja ta’ dak l-att.

3.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqum fil-kuntest ta’ dewmien allegat (fit-tul) fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u l-posponiment li jirriżulta, f’ċerti każijiet, tal-vestiment jew it-tgawdija ta’ drittijiet, bħad-dritt għal permess ta’ residenza, mogħti mid-dritt tal-Unjoni lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva dwar il-Kwalifika

4.        Il-premessa 21 ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“L-għarfien ta’ status ta’ refuġjat huwa att dikjaratorju.”

5.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(d)      ‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, […]

(e)      ‘status ta’ refuġjat’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat,

[...]”

6.        Skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-għoti ta’ status ta’ refuġjat”:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.”

7.        L-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Permessi ta’ residenza” jipprovdi:

“Kemm jista’ jkun malajr wara li jkun ingħata protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat permess ta’ residenza li jrid ikun validu għal mill-inqas tliet snin u jiġġedded, sakemm raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku jeħtieġu mod ieħor […]”

 Id-Direttiva dwar il-Proċeduri

8.        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat ‘Aċċess għall-proċedura’, jipprovdi:

“1.      Meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

[…]

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun. […]

3.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati fiżikament u/jew f’post magħżul.

4.      Minkejja l-paragrafu 3, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ġiet riċevuta ladarba formola ppreżentata mill-applikant jew, fejn dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, rapport uffiċjali, ikunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

[…]”

9.        L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt li wieħed jibqa’ fl-Istat Membru matul l-eżami tal-applikazzjoni”, jgħid:

“L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet deċiżjoni fl-ewwel istanza skont il-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III. Dak id-dritt li jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru m’għandux jikkostitwixxi intitolament għall-permess ta’ residenza.”

10.      L-Artikolu 31, intitolat “Proċedura ta’ eżami”, jipprovdi:

“[…]

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni.

[…]

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur stabbilit f’dan il-paragrafu għal perjodu li ma jaqbiżx disa’ xhur oħra [...]

[…]

Permezz ta’ eċċezzjoni, l-Istati Membri jistgħu, f’ċirkostanzi ġustifikati kif xieraq, jaqbżu l-limiti taż-żmien stabbiliti li jinsabu f’dan il-paragrafu b’massimu ta’ tliet xhur meta dan ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat eżami adegwat u sħiħ tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

[…]”

 Direttiva 2013/3/UE (5)

11.      L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dokumentazzjoni”, jiddeskrivi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi żmien tlett ijiem minn meta l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata, l-applikant jingħata dokument maħruġ f’ismu jew isimha stess li jiċċertifika l-istatus tiegħu jew tagħha bħala applikant jew li jiddikjara li huwa jew hiia jista’/tista’ toqgħod fit-territorju tal-Istat Membru waqt li l-applikazzjoni tiegħu jew tagħha tkun pendenti jew tkun qiegħda tiġi eżaminata.

Jekk id-detentur mhux liberu li jiċċaqlaq ġewwa t-territorju kollu tal-Istat Membru jew parti minnu, id-dokument għandu wkoll jiċċertifika dak il-fatt.

[…]

4.      L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jipprovdu lill-applikanti d-dokument li jirreferi għalih il-paragrafu 1, li għandu jkun validu sakemm ikunu awtorizzati jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

[…]”

12.      L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Residenza u libertà ta’ moviment”, jipprovdi:

“1.      L-applikanti jistgħu jiċċaqilqu b’mod liberu fit-territorju tal-Istat Membru li jilqagħhom jew f’żona assenjata lilhom minn dak l-Istat Membru. Iż-żona assenjata m’għandhiex taffettwa l-isfera inaljenabbli tal-ħajja privata u għandha tippermetti ambitu suffiċjenti biex tiggarantixxi aċċess għall-benefiċċji kollha skont din id-Direttiva.

[…]”

B.      Id-dritt Olandiż

 Il-Liġi dwar il-Barranin

13.      Il-Vreemdelingenwet (il-Liġi dwar il-Barranin) tat-23 ta’ Novembru 2000 (6) tipprovdi, fl-Artikolu 28 tagħha:

“1.      [Il-konvenut] għandu s-setgħa:

(a)      li jilqa’ t-talba għal permess ta’ residenza għal żmien determinat, li jirrifjutaha, li ma jeżaminahiex, li jiddikjaraha inammissibbli jew li jirrifjuta li jikkunsidraha; […]”

14.      L-Artikolu 29 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.      Permess ta’ residenza għal żmien fiss, kif imsemmi fl-[Artikolu 28], jista’ jinħareġ lil ċittadin barrani:

(a)      li għandu status ta’ refuġjat; jew

[…]”

15.      Skont l-Artikolu 44 ta’ din il-liġi:

“[…]

2.      Jekk l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal żmien fiss kif imsemmi fl-Artikolu 28(1)(a) tkun aċċettata, dak il-permess ta’ residenza għandu jingħata mid-data tal-wasla tal-applikazzjoni.”

III. It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16.      Fl‑10 ta’ Ottubru 2021, B (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), ċittadin ta’ pajjiż terz, mar fiċ-Ċentru ta’ Applikazzjoni Ter Apel tal-Immigratie- en Naturalisatiedienst (Servizz ta’ l-Immigrazzjoni u tan-Naturalizzazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi; iktar ’il quddiem l-“IND”) sabiex japplika għall-ażil. L-applikazzjoni tiegħu ġiet irreġistrata f’dik id-data. Minn dik id-data, ir-rikorrent irrisjeda legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi, ibbenefika minn kundizzjonijiet ta’ akkoljenza fil-qasam tal-ażil, u ma kienx f’riskju ta’ tkeċċija (riskju ta’ refoulement).

17.      Fl‑20 ta’ Ottubru 2021, l-IND, li jopera taħt l-awtorità tal-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u s-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi; iktar ’il quddiem il-“konvenut”), ipprovda lir-rikorrent il-formola ta’ applikazzjoni nazzjonali standard għal protezzjoni internazzjonali, jiġifieri l-formola M35-H, li huwa ffirma u ppreżenta fl-istess data.

18.      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Awwissu 2022, il-konvenut ta lir-rikorrent protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 29(1)(a) tal-Liġi dwar il-Barranin (7). Skont l-Artikolu 44(2) ta’ dak id-digriet, dik id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fl‑20 ta’ Ottubru 2021, jiġifieri d-data li fiha r-rikorrent ppreżenta l-formola ta’ applikazzjoni M35-H. Ir-rikorrent ingħata permess ta’ residenza mill-20 ta’ Ottubru 2021 sal-20 ta’ Ottubru 2026.

19.      Ir-rikorrent ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fejn ikkontesta d-data li fiha daħal fis-seħħ il-permess ta’ residenza tiegħu. Huwa jqis li permess ta’ residenza jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-persuna li qiegħda tfittex ażil tinnotifika x-xewqa tagħha li tikseb l-ażil. Dan huwa meta applikant għall-ażil jagħmel applikazzjoni skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri – f’dan il-każ fl-10 ta’ Ottubru 2021.

20.      Skont ir-rikorrent, il-fatt li permess ta’ residenza jipproduċi effetti biss mill-mument meta r-rekwiżiti proċedurali għall-preżentata ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jiġu ssodisfatti mill-konvenut jippreġudika n-natura dikjaratorja tal-istatus ta’ refuġjat kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja (8) u jmur kontra l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Huwa wkoll kuntrarju għall-effettività u l-għan tad-Direttiva dwar il-Proċeduri peress li l-applikant ikun indebitament dipendenti fuq l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tad-dritt għall-ażil, il-possibbiltà li jintużaw id-drittijiet iggarantiti skont l-Artikolu 18 (id-Dritt għall-Ażil) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u l-akkwist ta’ status ta’ resident fit-tul skont id-Direttiva 2003/109/KE (9). L-eżerċizzju tad-dritt għall-ażil ma jistax jiddependi fuq l-ammont ta’ xogħol tal-awtoritajiet kompetenti jew fuq l-għażliet politiċi magħmula mill-Istati Membri fir-rigward tal-persunal ta’ dawk l-awtoritajiet, u l-applikanti għall-ażil ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod differenti sempliċement abbażi ta’ meta jkunu f’pożizzjoni li jippreżentaw applikazzjoni formali għal protezzjoni internazzjonali.

21.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 31(2) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tiġi konkluża kemm jista’ jkun malajr. L-Artikolu 31(3) ta’ din id-direttiva jippreċiża li t-terminu li fih għandha tittieħed id-deċiżjoni jibda jiddekorri mill-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għalhekk issir eċċezzjoni espressa għall-premessa li d-drittijiet imsemmija fid-Direttiva dwar il-Proċeduri jistgħu jiġu invokati minn meta tiġi “magħmula” l-applikazzjoni. Minn dan jista’ jiġi dedott li d-drittijiet kollha japplikaw minn meta tiġi “magħmula” l-applikazzjoni, sakemm ma tkunx prevista data oħra fid-Direttiva dwar il-Proċeduri.

22.      Il-konvenut iqis li l-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-Barranin huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni. Applikazzjoni għall-ażil titqies li waslet taħtha biss wara li tkun ġiet ippreżentata bil-mod preskritt. Ir-rikorrent indika li xtaq japplika għall-ażil fl-10 ta’ Ottubru 2021. Dik ix-xewqa ġiet irreġistrata fl-istess ġurnata. Fl-20 ta’ Ottubru 2021, ir-rekwiżiti formali tlestew bl-iffirmar tal-formola tal-applikazzjoni u bdiet il-proċedura tal-ażil. Inħareġ permess ta’ residenza lir-rikorrent b’effett mid-data tal-applikazzjoni, jiġifieri l-20 ta’ Ottubru 2021. Il-konvenut iqis li dan huwa konformi mal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika u mar-rekwiżit inkluż fiha li jinħareġ permess ta’ residenza rinnovabbli “kemm jista’ jkun malajr wara li tkun ingħatat protezzjoni internazzjonali”. Minn din id-dispożizzjoni jidher li teżisti differenza bejn l-istatus ta’ refuġjat, li huwa dikjaratorju, u permess ta’ residenza, li ma huwiex. Id-Direttiva 2003/86/KE (10) u s-sentenzi A u S u XC li fihom ġiet interpretata din id-direttiva, ma jistgħux jiġu applikati b’analoġija peress li l-Artikolu 24 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jirregola espliċitament id-data li fiha għandu jinħareġ permess ta’ residenza.

23.      Billi indika x-xewqa tiegħu li jikseb ażil, ir-rikorrent għamel talba għal protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri u talba għall-ażil skont l-Artikolu 28 tal-Liġi dwar il-Barranin. Dan ma jfissirx li l-permess ta’ residenza maħruġ lir-rikorrent għandu jidħol fis-seħħ minn dik id-data. L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiddistingwu bejn li tiġi magħmula (li jagħmel) applikazzjoni u li tiġi ppreżentata (biex jippreżenta) dik l-applikazzjoni. Mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri jirriżulta b’mod ċar li l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jistabbilixxu regoli dettaljati għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni.

24.      Barra minn hekk, fid-dawl tal-pressjoni fuq l-IND fil-mument tal-applikazzjoni tar-rikorrent, il-perijodu ta’ għaxart ijiem bejn il-mument li huwa indika x-xewqa tiegħu li jikseb protezzjoni internazzjonali u l-mument meta seta’ jippreżenta applikazzjoni għall-ażil ma huwiex twil b’mod mhux raġonevoli. Ir-rikorrent seta’ jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali “malajr kemm jista’ jkun” u l-konvenut għalhekk aġixxa skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri.

25.      Fil-kalkolu tat-tul ta’ żmien tar-residenza legali, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu ttrattati b’mod iktar favorevoli fil-Pajjiżi l-Baxxi minn dak meħtieġ skont id-dritt tal-Unjoni (11). Meta tintlaqa’ applikazzjoni għall-ażil, permess ta’ residenza mogħti jidħol fis-seħħ mid-data ta’ meta tkun ġiet ippreżentata dik l-applikazzjoni. Dan ifisser li t-tul kollu tal-proċedura tal-ażil jitqies li jikkostitwixxi perijodu ta’ residenza legali meta jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet għal status ta’ resident għal żmien twil.

26.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-regoli nazzjonali li jipprevedu li permess ta’ residenza ma jistax jidħol fis-seħħ qabel l-osservanza tar-rekwiżiti proċedurali nazzjonali (12) orrux kontra n-natura dikjaratorja tal-istatus ta’ refuġjat u/jew l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika (13). Mill-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri jirriżulta b’mod ċar li teżisti differenza bejn li tiġi magħmula u li tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil. It-tilwima f’dan il-każ essenzjalment tirrigwarda jekk id-dritt tal-Unjoni jirregolax id-data li fiha jidħol fis-seħħ permess ta’ residenza mogħti lir-refuġjati u, jekk iva, jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, dawn l-effetti humiex marbuta mad-data li fiha applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija “magħmula” jew “ippreżentata”, jew ma’ data oħra.

27.      Ir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali ta’ Noord-Holland) għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 6 tad-[Direttiva dwar il-proċeduri] huwa rilevanti sabiex tingħata tweġiba għall-mistoqsija dwar f’liema data effettiva għandu jitqies li ngħata permess ta’ residenza?

(2)      Fl-affermattiv, l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-proċeduri għandu jiġi interpretat fis-sens li dak li jiddetermina d-data effettiva tal-permess ta’ residenza huwa d-data li fiha l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali:

–        kienet ġiet [magħmula] (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri); jew

–        kienet ġiet irreġistrata (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva dwar il-proċeduri); jew

–        kienet ġiet [ippreżentata] (formalment) (l-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva dwar il-proċeduri)?

(3)      Meta fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni ma tiġix stabbilita d-data effettiva tal-permess ta’ residenza, kif jista’ dan jiġi kkonċiljat mal-Artikolu 13 tad-[Direttiva dwar il-Kwalifika] moqri flimkien mal-premessa 21, meta tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura dikjaratorja tal-istatus ta’ refuġjat li huwa previst fihom?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.      Ir-rikorrenti, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet ippreżentaw argument orali u wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta tal‑5 ta’ Diċembru 2024.

V.      Evalwazzjoni

A.      L-argumenti

29.      Ir-rikorrent iqis li għandha tingħata l-ewwel risposta għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju peress li n-natura dikjaratorja tal-istatus ta’ refuġjat għandha tieħu preċedenza fuq ir-risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju. Huwa jqis li permess ta’ residenza maħruġ skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jidħol fis-seħħ mid-data li fiha “tiġi magħmula” applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri. Kwalunkwe data ulterjuri timmina n-natura dikjaratorja tal-istatus ta’ refuġjat kif ikkonfermat mill-Artikolu 13 u l-premessa 21 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika u l-applikanti jkunu dipendenti bla bżonn fuq l-awtoritajiet kompetenti sabiex jimplimentaw id-dritt tagħhom għall-ażil iggarantit mill-Artikolu 18 tal-Karta. Alternattivament, ir-rikorrent jissottometti li permess ta’ residenza għandu jidħol fis-seħħ fid-data tar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

30.      Il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jqisu li l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri ma jiddeterminax meta jidħol fis-seħħ permess ta’ residenza. Il-Kummissjoni tosserva li, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/33 u l-Artikolu 24 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, l-Istati Membri jistgħu joħorġu permess ta’ residenza li jidħol fis-seħħ mid-data tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali. Il-Kummissjoni tqis li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li permess ta’ residenza jidħol fis-seħħ retroattivament mid-data li fiha tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali “tmur lil hinn” mir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Kwalifika u tad-Direttiva dwar il-Proċeduri. Il-Gvern Olandiż josserva li l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika ma jiddeterminax meta jidħol fis-seħħ permess ta’ residenza maħruġ lil refuġjat. Id-dritt tal-Unjoni, madankollu, ma jipprekludix regoli nazzjonali li skonthom tali permess ta’ residenza jidħol fis-seħħ mill-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Kemm il-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li l-fatt li permess ta’ residenza jidħol fis-seħħ mid-data li fiha tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma jippreġudikax in-natura dikjaratorja tal-istatus ta’ refuġjat.

B.      Analiżi

31.      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri jirregolax id-data li fiha permess ta’ residenza (14) maħruġ lil refuġjat jidħol fis-seħħ. Fil-każ li din id-dispożizzjoni ma tirregolax din il-kwistjoni u permess ta’ residenza ma jidħolx fis-seħħ fid-data li refuġjat jagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif dan jista’ jiġi rrikonċiljat man-natura dikjaratorja tal-istatus ta’ refuġjat.

32.      Qabel ma neżamina r-rilevanza tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ser neżamina l-kunċett ta’ status ta’ refuġjat u d-distinzjoni fid-dritt tal-Unjoni bejn dan l-istatus u “kwalifika ta’ refuġjat”. Barra minn hekk, ser neżamina d-drittijiet differenti marbuta ma’ dawk il-kunċetti legali. B’mod partikolari, ir-rabta bejn l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat (15) u d-dritt għal permess ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni huwa spjegat, flimkien mar-rilevanza tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri f’dak il-kuntest. Fl-aħħar lok, il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva dwar il-Kwalifika u d-Direttiva dwar il-Proċeduri jipprekludux l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li permess ta’ residenza jidħol fis-seħħ retroattivament mid-data li fiha tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

 L-istatus ta’ refuġjat u d-dritt għal permess ta’ residenza skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika

33.      L-għan tad-Direttiva dwar il-Kwalifika huwa li jiġu stabbiliti kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u li jiġi żgurat li jkun hemm livell minimu ta’ benefiċċji għal dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha (16). L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III ta’ dik id-direttiva. L-Istati Membri ma għandhom l-ebda diskrezzjoni f’dak ir-rigward (17).

34.      Filwaqt li tafferma mill-ġdid li r-rikonoxximent jew l-għoti ta’ status ta’ refuġjat huwa dikjaratorju u mhux kostituttiv tal-kwalifika ta’ refuġjat (18), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li teżisti distinzjoni bejn il-fatt li wieħed ikun “refuġjat”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, u l-għoti formali jew ir-rikonoxximent ta’ “status ta’ refuġjat”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva (19). Huwa biss fir-rikonoxximent formali bħala refuġjat li l-persuna kkonċernata hija, skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, il-“benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali” għall-finijiet ta’ din id-direttiva u hija intitolata għad-drittijiet u l-benefiċċji kollha stabbiliti fil-Kapitolu VII tad-Direttiva dwar il-Kwalifika (20).

35.      Id-distinzjoni bejn il-kwalifika ta’ refuġjat u l-istatus ta’ refuġjat u d-drittijiet differenti marbuta ma’ dawn il-kunċetti hija partikolarment ċara mill-Artikolu 14(4) sa (6) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika dwar ir-revoka ta’, it-tmiem jew ir-rifjut ta’ tiġdid tal-istatus ta’ refuġjat u l-ġurisprudenza relatata ma’ dan. Stat Membru jista’ jirrevoka jew ma jagħtix status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 14(4) jew (5) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika anki meta l-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet materjali li fuqhom tiddependi l-kwalifika ta’ refuġjat. Ir-refuġjati jkomplu jibbenefikaw minn ċerti drittijiet garantiti taħt il-Konvenzjoni ta’ Genève minkejja t-telf tal-istatus ta’ refuġjat iżda ma jobqgħux intitolati għall-benefiċċji kollha fil-Kapitolu VII tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Skont l-Artikolu 14(6) ta’ din id-direttiva, il-livell minimu ta’ protezzjoni previst mill-Konvenzjoni ta’ Genève għandu jiġi osservat, kif jeżiġi l-Artikolu 78(1) TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta (21).

36.      Minn dan isegwi li ċerti drittijiet fil-Kapitolu VII tad-Direttiva dwar il-Kwalifika bħall-protezzjoni mir-refoulement (Artikolu 21) huma, bħala prinċipju, mogħtija lir-refuġjati kollha, oħrajn, inkluż id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi relatati, b’mod partikolari, mal-istatus ta’ refuġjat (Artikolu 22), id-dritt għal permess ta’ residenza (Artikolu 24), id-dritt għal dokumenti tal-ivvjaġġar (Artikolu 25) u l-aċċess għall-impjieg (Artikolu 26) jiddependu fuq l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali (22). Barra minn hekk, il-Kapitolu VII tad-Direttiva dwar il-Kwalifika fih drittijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Genève u drittijiet li jipprovdu protezzjoni ikbar, li ma għandhom l-ebda ekwivalenti f’dik il-konvenzjoni. Id-dritt għal permess ta’ residenza skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jaqa’ taħt din l-aħħar kategorija.

37.      Id-dritt għal permess ta’ residenza huwa ta’ importanza partikolari peress li jista’ de facto jiffaċilita l-aċċess għal drittijiet oħra skont il-Kapitolu VII tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. F’dan ir-rigward, il-premessa 40 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika tindika li “[f]il-limiti dikjarati minn obbligi internazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jippreskrivu li l-għoti ta’ benefiċċji rigward aċċess għal impjieg, għajnuna soċjali, kura tas-saħħa u aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni jeħtieġ il-ħruġ minn qabel ta’ permess ta’ residenza”. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-kundizzjoni f’din il-premessa “tirreferi għal proċessi ta’ natura purament amministrattiva” peress li l-għan tal-Kapitolu VII tad-Direttiva dwar il-Kwalifika huwa li jiggarantixxi lir-refuġjati livell minimu ta’ benefiċċji fl-Istati Membri kollha (23), l-importanza ta’ permess ta’ residenza u ta’ aċċess effettiv għad-drittijiet hija enfasizzata mill-adozzjoni leġiżlattiva reċenti tal-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE) 2024/1347 (24). Din id-dispożizzjoni tgħid li “[m]eta permess ta’ residenza ma jinħariġx lil benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali fi żmien 15-il jum tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu miżuri proviżorji, bħar-reġistrazzjoni jew il-ħruġ ta’ dokument, biex jiżgura li l-benefiċjarju jkollu aċċess effettiv għad-drittijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk stabbiliti fl-Artikoli 25 u 27, sa meta jinħareġ il-permess ta’ residenza f’konformità mal-Artikolu 24” (25).

38.      Fis-sentenza M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-istatus ta’ refuġjat tagħha ma huwiex rikonoxxut formalment ma hijiex intitolata għal permess ta’ residenza skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika (26). Dan minkejja li l-persuna tkun ressqet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont il-Kapitolu II tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, tissodisfa l-kundizzjonijiet materjali stabbiliti mill-Kapitolu III ta’ dik id-direttiva u għandha dritt suġġettiv li tiġi rikonoxxuta bħala li għandha status ta’ refuġjat (27).

39.      Minn dan isegwi li d-dritt għal permess ta’ residenza skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika huwa “assoċjat ma’” jew “jehmeż ma’” status ta’ refuġjat (28) ’ din id-direttiva (29). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jeżiġi li l-Istati Membri joħorġu permess ta’ residenza lir-refuġjati kemm jista’ jkun malajr wara li jkunu ngħataw protezzjoni internazzjonali. Ma hemm l-ebda rekwiżit fid-Direttiva dwar il-Kwalifika li jinħareġ permess ta’ residenza qabel dik id-data. Barra minn hekk, għalkemm din id-dispożizzjoni ma tiddeterminax b’mod espliċitu l-mument li fih il-permess ta’ residenza jidħol fis-seħħ skont id-dritt tal-Unjoni, ma hemm xejn fit-test tad-Direttiva dwar il-Kwalifika li jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li l-permessi ta’ residenza maħruġa lir-refuġjati jidħlu fis-seħħ retroattivament u għalhekk qabel l-għoti formali ta’ protezzjoni internazzjonali. Mit-test tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jirriżulta li l-Istati Membri għandhom iħaffu l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza wara li refuġjat jingħata protezzjoni internazzjonali (30). Sabiex ma jiġix ippreġudikat jew imfixkel l-għan ta’ din id-dispożizzjoni u sabiex jiġi żgurat li persuna bi status ta’ refuġjat tibbenefika effettivament mid-drittijiet kollha tal-Kapitolu VII ta’ dik id-direttiva, inqis li l-permess ta’ residenza għandu jidħol fis-seħħ mid-data tal-ħruġ tiegħu.

40.      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika ma tistax tiġi kkontestata mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/109 (31). L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109 jeżiġi li Stat Membru jagħti status ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedu legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni relevanti. L-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2003/109 jistabbilixxi regoli preċiżi għall-kalkolu tal-perijodu ta’ residenza ta’ “ħames snin” previst fl-Artikolu 4(1) ta’ dik id-direttiva. F’dan ir-rigward, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/109 dwar l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jipprovdi li “nofs biss tal-perjodi bejn id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li abbażi tagħha ngħatat din il-protezzjoni internazzjonali u d-data tal-għoti tal-permess ta’ residenza msemmi fl-Artikolu 24 tad-[Direttiva dwar il-Kwalifika] jew dak il-perijodu kollu jekk jaqbeż it-18‑il xahar, jista’ jingħata kont tiegħu fil-kalkolu tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1”. Għandu jiġi enfasizzat li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/109 ma jirregolax meta jidħol fis-seħħ permess ta’ residenza maħruġ skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, iżda jipprevedi perijodi ta’ residenza ta’ persuni mogħtija protezzjoni internazzjonali li jiġu kkalkolati, f’ċerti ċirkustanzi, mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali għall-finijiet biss tal-kalkolu tar-rekwiżit ta’ residenza ta’ “ħames snin” inkwistjoni. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/109 ma jistax jiġi applikat barra mill-kuntest u ma jagħti l-ebda sostenn għall-affermazzjoni tar-rikorrent li permess ta’ residenza maħruġ skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jidħol fis-seħħ mid-data li fiha ssir applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

 L-Artikolu 6 u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri

41.      Inqis li l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri u l-ġurisprudenza dwarha ma jbiddlux jew ma jnaqqsux minn din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 u tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Id-Direttiva dwar il-Proċeduri tfittex li tiżgura aċċess effettiv, faċli u rapidu għall-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali (32). L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali u jagħmel distinzjoni bejn li tiġi magħmula, rreġistrata jew ippreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

42.      Ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida “tagħmel” applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi tesprimi x-xewqa li tapplika għal dik il-protezzjoni lil awtorità kompetenti skont il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni (33). Skont l-Artikolu 6(1) ta’ dik id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mhux iktar tard minn tlett ijiem jew sitt ijiem ta’ xogħol wara li tali applikazzjoni tkun “magħmula” (34).

43.      L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li tkun “għamlet” applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkollha opportunità effettiva li “tippreżentaha” malajr kemm jista’ jkun (35). Dan l-att tal-aħħar, bħala prinċipju, jeżiġi li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jimla formola prevista għal dan il-għan skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri. L-att fejn “tiġi magħmula” applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma jinvolvi l-ebda formalitajiet amministrattivi. Dawn il-formalitajiet għandhom, madankollu, jiġu osservati meta l-applikazzjoni tiġi “ppreżentata” (36). It-tfassil u l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali huma għalhekk żewġ passi separati u suċċessivi. Madankollu, teżisti rabta mill-qrib bejn dawn l-atti, sa fejn dawn huma intiżi li jiżguraw aċċess effettiv għall-proċedura li fiha jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u li tiġi żgurata l-effettività tal-Artikolu 18 tal-Karta (37).

44.      Skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax, mingħajr ma jippreġudika l-effettività tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, idewwem mingħajr ġustifikazzjoni ż-żmien li fih il-persuna kkonċernata tingħata l-opportunità li tagħmel l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali (38). Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ japplika mutatis mutandis għall-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva u għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fid-dawl tal-użu f’din id-dispożizzjoni tat-termini “opportunità effettiva” u “malajr kemm jista’ jkun” (39). Il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali twassal sabiex jibda jiddekorri l-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur (40) li fiha, skont l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, l-awtorità determinanti, bħala prinċipju, għandha tieħu deċiżjoni dwar dik l-applikazzjoni (41).

45.      Filwaqt li ċittadin ta’ pajjiż terz jikseb l-istatus ta’ “applikant għal protezzjoni internazzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri (42), mill-mument li huwa “jagħmel” tali applikazzjoni, din id-direttiva ma tipprevedix il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil tali applikant u a fortiori ma tispeċifikax id-data li fiha tali permess ta’ residenza jidħol fis-seħħ (43).

46.      L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, madankollu, jagħti lil applikant għal protezzjoni internazzjonali d-dritt li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru sakemm tiġi eżaminata l-applikazzjoni tiegħu. Id-dritt li wieħed jibqa’ huwa għall-iskop uniku tal-proċedura u jdum sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont il-Kapitolu III tad-Direttiva dwar il-Proċeduri. Din id-dispożizzjoni tindika wkoll espressament li d-dritt li wieħed jibqa’ ma jikkostitwixxix dritt għal permess ta’ residenza (44); dan jipprekludi li applikant għal protezzjoni internazzjonali jitqies li “jibqa’ illegalment”, fis-sens tad-Direttiva 2008/115/KE (45), matul il-perijodu minn meta ssir l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar dik l-applikazzjoni (46).

47.      Id-dritt ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali li jibqa’ fi Stat Membru (jew parti minnu) sakemm l-applikazzjoni tiegħu tkun pendenti huwa kkonfermat, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6(1) u mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2013/33. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali dokument li jiċċertifika l-istatus tiegħu ta’ applikant jew li jixhed li huwa jista’ jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru sakemm l-applikazzjoni tiegħu tkun pendenti jew tkun qiegħda tiġi eżaminata.

48.      Peress li l-fażi ta’ eżami tal-proċedura ma tibdiex qabel l-istadju ta’ aċċess tal-proċedura (47) ’dewmien fil-bidu tal-proċedura tal-eżami (48). Dan fl-aħħar mill-aħħar idewwem l-għoti eventwali tal-istatus ta’ refuġjat (49)u l-possibbiltà għar-refuġjati li jibbenefikaw minn drittijiet marbuta ma’ dak l-istatus – inkluż id-dritt għal permess ta’ residenza skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika – tiġi posposta. Madankollu, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva bħat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/109, ma nqisx li quddiem tali dewmien refuġjat għandu dritt għal permess ta’ residenza meta jingħata l-istatus ta’ refuġjat li jidħol fis-seħħ retroattivament. Jekk jiġi konkluż mod ieħor, ikun hemm żnaturament tad-distinzjoni ċara bejn “il-kwalifika ta’ refuġjat” u l-istatus ta’ refuġjat u d-drittijiet differenti li jorbtu ma’ dawk il-kunċetti legali (50).

49.      F’dan il-każ, ir-rikorrent josserva li, għalkemm seta’ “jippreżenta” l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali għaxart ijiem wara li għamilha (51), il-perijodu ta’ żmien inkwistjoni ma huwiex rappreżentattiv u ċerti applikanti kellhom jistennew xhur qabel ma jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom. Fil-fehma tiegħi, peress li jidher li ma hemm l-ebda dewmien irraġonevoli jew mhux ġustifikabbli li jippreġudika l-effettività tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri u l-aċċess għall-proċedura ta’ applikazzjoni fil-kawża prinċipali, l-osservazzjonijiet tar-rikorrent dwar eventwalitajiet oħra relatati ma’ terzi huma kompletament irrelevanti.

50.      Fi kwalunkwe każ, huma l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jippreżentaw applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, għalkemm Stat Membru għandu jipprovdilhom, b’mod partikolari, il-forma meħtieġa skont l-Artikolu 6(4) tagħha (52). Ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-konvenut naqas milli jipprovdi lill-applikanti bil-formoli meħtieġa, li naqas milli jaċċettahom ladarba mtlew jew xekkel jew dewwem b’mod mhux raġonevoli l-aċċettazzjoni tagħhom.

51.      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, kuntrarjament għall-fatti tas-sentenza A u S (53), fejn minuri mhux akkompanjat jiġi miċħud irrevokabbilment id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 minħabba li ma kinux għadhom minuri, skont id-data tal-evalwazzjoni ta’ dan il-fatt, ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li d-drittijiet mogħtija lir-rikorrent skont, inter alia, id-Direttiva dwar il-Kwalifika se jitnaqqru bil-mogħdija taż-żmien b’mod simili f’dan il-każ.

 Konklużjoni intermedjarja

52.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri ma jiddeterminax id-data li fiha jidħol fis-seħħ permess ta’ residenza maħruġ lil persuna bi status ta’ refuġjat. Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, moqri flimkien mal-premessa 21, u l-Artikolu 24(1) tagħha, permess ta’ residenza għandu jinħareġ lil refuġjat malajr kemm jista’ jkun wara li jkun ingħata l-istatus ta’ refuġjat u, bħala prinċipju, jidħol fis-seħħ mid-data tal-ħruġ minkejja n-natura dikjaratorja tal-istatus ta’ refuġjat. Ma hemm l-ebda rekwiżit skont dawk id-dispożizzjonijiet li jingħata permess ta’ residenza jew li jidħol fis-seħħ qabel l-għoti formali jew ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat.

 Id-dritt tal-Istati Membri li jintroduċu standards iktar favorevoli

53.      Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu standards iktar favorevoli fir-rigward ta’ proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, sakemm dawk l-istandards ikunu kompatibbli ma’ dik id-direttiva. L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jipprovdi wkoll li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu standards iktar favorevoli għad-determinazzjoni tal-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali sakemm ikunu kompatibbli ma’ dik id-direttiva (54). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet, essenzjalment, li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifika ma jistax jiġi estiż ratione personae sabiex jinkludi persuni li, a priori, ma għandhom l-ebda rabta mal-loġika tal-protezzjoni internazzjonali (55).

54.      Madankollu, inqis li Stat Membru jista’, wara li jagħti status ta’ refuġjat lil persuna, iqis li permess ta’ residenza maħruġ skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika lil dik il-persuna jidħol fis-seħħ retroattivament mid-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri (56). F’dan ir-rigward, dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 44(2) tal-Liġi dwar il-Barranin ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifika ratione personae sabiex tinkludi persuni li, a priori, ma għandhom l-ebda rabta mar-raġunament tal-protezzjoni internazzjonali. Hija sempliċement ittejjeb dritt mogħti skont il-Kapitolu VII tad-Direttiva dwar il-Kwalifika lil benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali. Filwaqt li dan jista’ jċajpar il-linji bejn l-istatus u d-drittijiet korrispondenti tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, dik id-dispożizzjoni ma tidhirx li timmina l-għanijiet tad-Direttiva dwar il-Proċeduri jew tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fil-punt 57 tas-sentenza A u S il-fatt li t-tul ta’ proċedura ta’ ażil jista’ jkun sinjifikattiv. B’mod partikolari, f’perijodi ta’ żidiet sostanzjali fl-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, il-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dak ir-rigward mid-dritt tal-Unjoni spiss jinqabżu. Peress li dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 44(2) tal-Liġi dwar il-Barranin jistgħu jtaffu sa ċertu punt dewmien fil-proċedura, ma jidhirx, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li jippreġudikaw l-għanijiet tad-direttivi inkwistjoni.

VI.    Konklużjoni

55.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali

għandu jiġi interpretat fis-sens

li ma jiddeterminax id-data li fiha jidħol fis-seħħ permess ta’ residenza maħruġ lil persuna bi status ta’ refuġjat.

(2)      L-Artikolu 13, moqri flimkien mal-premessa 21, u l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

għandu jiġi interpretat fis-sens

li permess ta’ residenza għandu jinħareġ lil refuġjat kemm jista’ jkun malajr wara li jkun ingħata l-istatus ta’ refuġjat. Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ Stat Membru li jintroduċi jew iżomm, f’ċerti ċirkustanzi, standards iktar favorevoli, tali permess ta’ residenza għandu jidħol fis-seħħ mid-data tal-ħruġ minkejja n-natura dikjaratorja tal-istatus ta’ refuġjat.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


i      L-isem mogħti lil dan il-każ huwa fittizju u ma jikkorrispondix mal-isem ta’ kwalunkwe parti fil-proċedimenti.


2      It-talba tressqet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Novembru 2023.


3      Ara l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni) (ĠU 2011, L 337, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Kwalifika”).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (ĠU 2013, L 180, p. 60), (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Proċeduri”).


5      Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (ĠU 2013, L 180, p. 96).


6      Stb. 2000, Nru  495.


7      Din id-dispożizzjoni tirreferi għall-istatus ta’ refuġjat.


8      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, UE:C:2018:248, punti 53 u 54; iktar ’il quddiem is-“sentenza A u S”), u tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild li laħaq l-età ta’ maġġoranza) (C‑279/20, UE:C:2022:618, punt 46; iktar ’il quddiem is-“sentenza XC”).


9      Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul (ĠU 2004, L 16, p. 44), kif emendata bl-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2011 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE sabiex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali (ĠU 2011, L 132, p. 1).


10      Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja (ĠU 2003, L 251, p. 12).


11      Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/109.


12      F’dan il-każ, l-20 ta’ Ottubru 2021.


13      Ara wkoll il-premessa 21 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika u s-sentenza A u S.


14      Skont l-Artikolu 2(m) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, “‘permess ta’ residenza’ ifisser kull permess jew awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, fil-forma provduta skont dik il-liġi tal-Istat, li tippermetti ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li tgħix fit-territorju tiegħu”.


15      Il-premessa 21 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika tirreferi għal “recognition of refugee status” (verżjoni bil-lingwa Ingliża), “la reconnaissance du statut de réfugié” (verżjoni bil-lingwa Franċiża), “pabėgėlio statuso pripažinimas” (verżjoni bil-lingwa Litwana), “el reconocimiento del estatuto de refugiado” (verżjoni bil-lingwa Spanjola), “o reconhecimento do estatuto de refugiado”, (verżjoni bil-lingwa Portugiża), u “recunoașterea ulustatuti de refugiat” (verżjoni bil-lingwa Rumena). Fil-fehma tiegħi, dawn it-termini jalludu, għar-rikonoxximent formali ta’ sitwazzjoni preeżistenti. L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jirreferi għall-“granting refugee status” (verżjoni bil-lingwa Ingliża), “l’octroi du statut de réfugié” (verżjoni bil-lingwa Franċiża), “pabėgėlio statuso suteikimas” (verżjoni bil-lingwa Litwana), “concesión del estatuto de refugiado” (verżjoni bil-lingwa Spanjola), “concessão do estatuto de refugiado” (verżjoni bil-lingwa Portugiża), u “acordarea statutului de refugiat” (verżjoni bil-lingwa Rumena). Fil-fehma tiegħi, dawn it-termini jalludu, għall-għoti ta’ status, li mhux neċessarjament kien jeżisti qabel. Madankollu, inqis li dawn it-termini fil-premessa 21 u fl-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika huma interkambjabbli u ser nużahom kif xieraq f’dawn il-konklużjonijiet. Ara, pereżempju, il-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dan l-approċċ huwa kkorroborat, pereżempju, mill-verżjonijiet bil-lingwa Taljana u dik Ġermaniża tad-Direttiva dwar il-Kwalifika li jużaw rispettivament l-istess terminu “riconoscimento” u “zuerkennen” kemm fil-premessa 21 kif ukoll fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva. Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, UE:C:2019:403, punt 91; iktar ’il quddiem is-“sentenza M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat)”). Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol.189, 1954, p. 150, Nru 2545), kif issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”) tirreferi, essenzjalment, għar-rikonoxximent “bħala refuġjat” (Artikolu 1(C)(6)) u skont id-drittijiet taħt din il-konvenzjoni (Artikoli 4, 13, 14 u 15).


16      Ara l-premessa 12 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.


17      Ara s-sentenza M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) u s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2024, Bundesrepublik Deutschland (Effett ta’ deċiżjoni li tagħti status ta’ refuġjat) (C‑753/22, UE:C:2024:524, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, madankollu, l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika dwar ir-revoka ta’, it-tmiem jew ir-rifjut ta’ tiġdid tal-istatus ta’ refuġjat. Ara wkoll l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika dwar id-deċiżjoni li ma jingħatax status ta’ refuġjat għas-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 14(4) ta’ din id-direttiva.


18      Ara wkoll il-premessa 21 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), punti 90 sa 92 u 98, 99, 106, 110 u 111. Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, UE:C:2018:486, punt 78), l-Avukat Ġenerali Wathelet indika li “mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-kundizzjonijiet sabiex tingħata l-kwalità ta’ refuġjat, minn naħa, u l-għoti jew l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu żewġ kunċetti distinti.”


20      L-għoti immedjat tad-drittijiet fil-Kapitolu VII tad-Direttiva dwar il-Kwalifika lil benefiċjarji tal-liġi tal-protezzjoni internazzjonali jista’ jiġi kkuntrastat mal-akkwist progressiv jew pass wara pass tad-drittijiet skont il-Konvenzjoni ta’ Genève. “B’kuntrast mal-approċċ abitwali fid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, ma huwiex il-każ li d-drittijiet kollha stabbiliti fil-Konvenzjoni jkunu immedjatament dovuti lil kull refuġjat preżunt li jasal fit-territorju ta’ Stat. Ir-refuġjati huma minflok intitolati għal firxa dejjem tikber ta’ drittijiet hekk kif ir-relazzjoni tagħhom mal-Istat tal-ażil tissaħħaħ”; ara Hathaway, J.C., “The Architecture of the UN Refugee Convention and Protocol”, f’Costello, C., Foster, M., u Mc Adam, J., (eds), The Oxford Handbook of International Refugee Law, Oxford University Press, 2021, pp. 180-182.


21      Sentenza f’M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), punti 91, 98, 99, 110 u 111. Ara wkoll, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Refuġjat li wettaq reat serju) (C‑8/22, UE:C:2023:542, punti 66 sa 70).


22      Sentenza f’M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), punt 91. Ara wkoll, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Generalstaatsanwaltschaft Hamm (Talba għall-estradizzjoni ta’ refuġjat lejn it-Turkija) (C‑352/22, UE:C:2024:521, punti 39 sa 41).


23      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, UE:C:2015:413), punt 96).


24      Regolament (UE) 2024/1347 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u li jħassar id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 2024/1347).


25      Ara wkoll il-premessa 57 tar-Regolament 2024/1347. Dan ir-regolament ma huwiex applikabbli ratione temporis għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Ara l-Artikolu 42 ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li għandu japplika mill‑1 ta’ Lulju 2026.


26      Sentenza f’M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), punti 91, 99 u 103.


27      Ara, b’analoġija, is-sentenza A u S, punt 54.


28      Ara wkoll l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika dwar id-drittijiet tal-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja għal permess ta’ residenza.


29      Sentenza f’M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), punti 91, 99 u 103. Id-dritt ta’ refuġjat għal permess ta’ residenza jista’ jiġi rrevokat skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika għal raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-refuġjat iżomm l-istatus ta’ refuġjat tiegħu sakemm dak l-istatus ikun fil-fatt mitmum. Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, UE:C:2015:413, punti 45 sa 55 u 95). Ara wkoll l-Artikolu 24(1) u (5) tar-Regolament 2024/1347. L-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “[i]l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għandu jkollhom id-dritt għal permess ta’ residenza għaż-żmien kollu li matulu jkollhom status ta’ rifuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja”. L-Artikolu 24(5) tiegħu jipprovdi li “[l]-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrevokaw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza biss meta huma jkunu rtiraw l-istatus ta’ rifuġjat [...]”


30      Ara wkoll l-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2024/1347 li jipprovdi li “permess ta’ residenza għandu jinħareġ kemm jista’ jkun malajr wara li tkun ingħatat status ta’ rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja, u mhux aktar tard minn 90 jum minn notifika tad-deċiżjoni tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali...” (enfasi miżjuda).


31      Ara l-punti 20 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, UE:C:2020:1029, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Jew quddiem “awtoritajiet oħra”, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali) (C‑36/20 PPU, UE:C:2020:495, punti 94 u 98).


34      Il-limitu ta’ żmien jiddependi fuq jekk l-applikazzjoni hijiex “magħmula” lill-awtorità kompetenti skont il-liġi nazzjonali sabiex tirreġistra dik l-applikazzjoni jew lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu tali applikazzjoni iżda li mhumiex kompetenti skont il-liġi nazzjonali sabiex jirreġistrawha. Il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż meta jkun hemm applikazzjonijiet simultanji minn numru kbir ta’ applikanti. Ara l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri.


35      Filwaqt li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri jistabbilixxi perijodi ta’ żmien speċifiċi għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva ma jagħmilx dan sabiex tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. L-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L 2024/1348) jipprevedi, madankollu, li, bħala prinċipju, applikant għal protezzjoni internazzjonali “għandu jippreżenta l-applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru [...] mill-aktar fiss possibbli u mhux aktar tard minn 21 jum minn meta l-applikazzjoni tiġi rreġistrata [...]”. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż għal xahrejn skont l-Artikolu 28(5) ta’ dan ir-regolament. Ir-Regolament 2024/1348 ma japplikax ratione temporis għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Ara l-Artikolu 79(1) tiegħu, li jipprovdi li dan ir-regolament japplika mit‑12 ta’ Ġunju 2026.


36      Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali) (C‑36/20 PPU, UE:C:2020:495, punt 93).


37      Sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Valstybės sienos apsaugos tarnyba et (C‑72/22 PPU, UE:C:2022:505, punt 62).


38      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni qabel applikazzjoni għall-ażil) (C‑823/21, UE:C:2023:504, punti 46 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Id-drittijiet mogħtija lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jvarjaw skont l-istadju tal-proċedura inkwistjoni. Għalhekk skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, l-applikanti għandhom id-dritt li jikkonsultaw konsulent fl-istadji kollha tal-proċedura. Min-naħa l-oħra, il-garanziji għall-applikanti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-proċeduri japplikaw biss għall-proċeduri previsti fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva.


39      Ara wkoll, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet “tkun ipprovduta b’mezzi xierqa, inkluż biżżejjed persunal kompetenti, biex iwettaq il-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva”.


40      Il-perijodu ta’ żmien ta’ sitt xhur huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li dak il-perjodu jiġi estiż għar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 31(3) u (4) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri.


41      Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Riċeviment ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, UE:C:2020:1029, punt 101). It-termini fl-Artikoli 6 u 31 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri ġew mibdula reċentement mill-Artikoli 27, 28 u 35 tar-Regolament 2024/1348.


42      Definizzjonijiet identiċi jinsabu fl-Artikolu 2(i) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika u fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/33.


43      Kif josserva l-Gvern Olandiż, l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, intitolat “Aċċess għall-proċedura”, jirreferi biss għall-fażi ta’ applikazzjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali. Hu ma jirreferix għall-permess ta’ residenza maħruġ skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika wara li tkun tlestiet il-proċedura kollha.


44      Il-Gvern Olandiż jenfasizza li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri huwa l-unika dispożizzjoni ta’ din id-direttiva li tirreferi għal permess ta’ residenza, sabiex imbagħad teskludi b’mod espliċitu dritt għalih.


45      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).


46      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2023, Odbor azylové a migrační politiky MV (Portata tad-Direttiva dwar ir-Ritorn) (C‑257/22, UE:C:2023:852, punti 37 sa 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni qabel applikazzjoni għall-ażil) (C‑823/21, UE:C:2023:504, punt 45).


47      Skont it-tifsira tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri.


48      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Kriminalizzazzjoni tal-assistenza lill-applikanti għall-ażil) (C‑821/19, UE:C:2021:930, punt 81).


49      Għal persuni li ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont il-Kapitolu II tad-Direttiva dwar il-Kwalifika u jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali stabbiliti mill-Kapitolu III ta’ dik id-direttiva.


50      Fil-fehma tiegħi, fid-dawl tan-natura inekwivoka tal-obbligu fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, applikant jista’ madankollu jkollu d-dritt li jressaq azzjoni sabiex iġiegħel lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tippermettilu jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew azzjoni għad-danni għal dewmien mhux raġonevoli.


51      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li għaddew għaxar xhur u nofs bejn id-data li fiha r-rikorrent għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (10 ta’ Ottubru 2021) u ngħata din il-protezzjoni (26 ta’ Awwissu 2022).


52      L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-applikazzjonijiet jiġu ppreżentati personalment u/jew f’post magħżul. Ara l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri.


53      Ara l-punt 57 ta’ dik is-sentenza.


54      Ara l-premessa 12 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, li tirreferi għall-ħtieġa li jiġi żgurat livell minimu ta’ benefiċċji. Ara wkoll il-premessa 41 ta’ dik id-direttiva, li tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu standards iktar favorevoli għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali minn dawk mogħtija liċ-ċittadini tagħhom stess.


55      Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C-652/16, UE:C:2018:801, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).


56      Kif diġà ġie indikat fil-punt 40 ta’ dawn il-Konklużjonijiet, tali perijodu ta’ residenza jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/109. Għandu jiġi enfasizzat li jekk it-termini u l-kundizzjonijiet previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/109 ma jiġux issodisfatti, japplika l-Artikolu 13 ta’ dik id-direttiva u d-dritt ta’ residenza fi Stati Membri oħra kif previst fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva huwa eskluż.

Top