This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CC0428
Opinion of Advocate General Emiliou delivered on 15 May 2025.#ROGON GmbH & Co. KG and Others v Deutscher Fußballbund eV (DFB).#Request for a preliminary ruling from the Bundesgerichtshof.#Reference for a preliminary ruling – Internal market – Competition – Professional football – Article 101(1) TFEU – Prohibition of agreements, decisions and concerted practices – Regulations of a national football federation – Purchase of services from third parties outside that federation – Activity of the players’ agents – Restriction of competition by object or by effect – Exception to the prohibition in Article 101(1) TFEU – Scope – Objectives pursued by those regulations – Whether justified – Conditions – Pursuit of legitimate objectives in the public interest – Necessity – Proportionality.#Case C-428/23.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati l-15 ta’ Mejju 2025.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati l-15 ta’ Mejju 2025.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:363
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fil‑15 ta’ Mejju 2025 (1)
Kawża C‑428/23
ROGON GmbH & Co. KG,
MVI Management GmbH,
DC
vs
Deutscher Fußballbund e. V. (DFB)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressaq mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Il-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina – Regolamenti ta’ federazzjoni sportiva – Futbol professjonali – Attivitajiet tal-aġenti tal-plejers”
I. Introduzzjoni
1. F’numru ta’ kawżi reċenti – jiġifieri, il-kawżi ISU (2), Superleague (3), Royal Antwerp (4) u FIFA (5) – il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tistħarreġ il-kompatibbiltà mal-kompetizzjoni tal-Unjoni u ma’ dispożizzjonijiet tas-suq intern ta’ ċerti regolamenti addottati minn federazzjonijiet sportivi internazzjonali jew nazzjonali.
2. Il-kawża preżenti hija segwitu naturali għal dawn il-kawżi. Fil-fatt, it-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna r-regolamenti ta’ federazzjoni sportiva nazzjonali (iktar ’il quddiem ir-“regolamenti inkwistjoni”) li jirregolaw l-attivitajiet tal-aġenti tal-plejers (iktar ’il quddiem l-“aġenti”). Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi iktar gwida dwar il-portata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, b’oriġini mis-sentenza fil-kawża Wouters (6), imbagħad ġiet applikata għal attivitajiet relatati mal-isports l-ewwel fil-kawża Meca‑Medina (7) u mbagħad iktar reċentement kienet imsemmija fil-kawża ISU, fil-kawża Superleague u fil-kawża Royal Antwerp kif ukoll f’xi sentenzi sussegwenti (iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina”) (8).
3. Kwistjonijiet legali fil-biċċa l-kbira simili jew konnessi huma mqajma wkoll minn żewġ talbiet oħra għal deċiżjoni preliminari – dawk fil-Kawża C‑209/23, RRC Sports (9), u fil-Kawża C‑133/24, CD Tondela et (10) – li fihom ser nagħti l-konklużjonijiet tiegħi llum. Għalhekk, dawn il-konklużjonijiet għandhom jinqraw flimkien ma’ dawk il-konklużjonijiet l-oħra. Għal raġunijiet ta’ ekonomija ġudizzjarja, u sabiex ngħin lill-qarrejja, ser nipprova nevita repetizzjonijiet bla bżonn fit-tliet konklużjonijiet u, għal dan il-għan, ser nagħmel numru ta’ referenzi inkroċjati bejniethom.
II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula
4. It-tilwima fil-kawża prinċipali tirriżulta mit-talbiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni mressqa minn tliet rikorrenti (żewġ impriżi involuti fil-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza u ta’ rappreżentanza lil plejers tal-futbol, u d-direttur maniġerjali ta’ waħda minn dawn l-impriżi) kontra Deutscher Fußballbund e. V. (il-federazzjoni tal-futbol Ġermaniż, iktar ’il quddiem id-“DFB”). Id-DFB hija l-organizzazzjoni umbrella ta’ 27 federazzjoni tal-futbol Ġermaniżi b’madwar 25 000 klabb u iktar minn 7 miljun membru, li hija wkoll membru tal-Fédération internationale de football association (iktar ’il quddiem il-“FIFA”).
5. Skont l-Artikolu 16a tal-istatuti tad-DFB, logħbiet fl-aqwa żewġ diviżjonijiet professjonali (Bundesliga (il-lig tal-futbol federali, iktar ’il quddiem il-“Bundesliga”) u 2. Bundesliga (it-tieni lig tal-futbol federali, iktar ’il quddiem it-“tieni Bundesliga)) huma organizzati mid-Deutsche Fußball Liga e. V. (il-lig tal-futbol Ġermaniż, iktar ’il quddiem id-“DFL”). Id-DFL hija federazzjoni tal-klabbs fl-aqwa żewġ ligijiet professjonali Ġermaniżi. Bħala membri ordinarji tad-DFL, klabbs li jkunu jipparteċipaw fil-logħbiet tal-Bundesliga jew tat-tieni Bundesliga huma marbuta bl-istatuti tad-DFB u bir-regolamenti vinkolanti tagħha. Sabiex ikunu eliġibbli jilagħbu fil-Bundesliga jew fit-tieni Bundesliga, il-plejers għandhom jiffirmaw ftehim ta’ liċenzja mad-DFL, li tobbligahom ukoll jikkonformaw mar-regoli applikabbli tal-federazzjoni. Bħala membru tal-FIFA, id-DFB hija suġġetta għar-regolamenti tagħha u għandha l-obbligu timplimenta d-deċiżjonijiet tal-FIFA.
6. Fid-dawl tal-adozzjoni mill-FIFA tar-regolamenti dwar il-ħidma mal-aġenti tal-plejers, id-DFB adottat ir-Reglement für die Spielervermittlung (ir-Regolamenti li jirregolaw l-attivitajiet tal-aġenti tal-plejers, iktar ’il quddiem ir-“RfSV”), li daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ April 2015. Ir-RfSV huma intiżi għall-klabbs u għall-plejers, li huma obbligati josservawhom. Dawn jirregolaw l-użu minn plejers u minn klabbs tas-servizzi ta’ aġent għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ plejers professjonali u ta’ ftehimiet ta’ trasferiment. Fost affarijiet oħra, ir-RfSV:
– jimponu obbligu ta’ reġistrazzjoni fuq l-aġenti (Artikoli 2(3) u 3(2) u (3) tar-RfSV);
– jeħtieġu l-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ aġent, li tkun tipprovdi għas-sottomissjoni tal-aġent għal diversi statuti, regolamenti u regoli tal-FIFA, tad-DFB u tad-DFL, inkluża sottomissjoni għall-ġurisdizzjoni tal-federazzjoni (Artikolu 2(2) u Artikolu 3(2) u (3) tar-RfSV u Annessi 1 u 2 tagħhom);
– jimponu l-obbligu addizzjonali tar-reġistrazzjoni ta’ persuna fiżika meta tiġi rreġistrata persuna ġuridika (Anness 2 tar-RfSV);
– jipprojbixxu lill-aġent, fil-każ ta’ trasferiment ’il ġewwa, milli jkollu sehem mir-rikavat ta’ trasferiment futur tal-klabb (Artikolu 7(3) tar-RfSV);
– jipprojbixxu kummissjoni għal servizzi ta’ aġenti fir-rigward ta’ minuri, (Artikolu 7(7) tar-RfSV); u
– jimponu obbligu li jiġu żvelati tariffi mħallsa u ħlasijiet magħmula lill-aġenti (Artikolu 6(1) tar-RfSV).
7. Ksur tar-regolamenti jista’ jiġi ssanzjonat bħala mġieba bi spirtu li ma huwiex sportiv (Artikolu 9 tar-RfSV). Anness ta’ dawn ir-regolamenti jinkludi formoli standard għad-dikjarazzjoni tal-aġent meħtieġa. Dawn ir-regolamenti ġew integrati miċ-Ċirkulari Nru 62, mibgħuta minn DFL GmbH (sussidjarja proprjetà totali tad-DFL), mibgħuta fit‑12 ta’ Jannar 2018 lill-maniġers tal-klabbs u lill-kumpanniji tal-Bundesliga u tat-tieni Bundesliga, sabiex tinformahom, inter alia, dwar ftehimiet ta’ trasferiment ’il barra (11).
8. Permezz tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali oġġezzjonaw għal ċerti regoli stabbiliti fir-RfSV u talbu miżuri provviżorji.
9. Il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) laqgħet it-talbiet parzjalment. Fl-appell ippreżentat mir-rikorrenti, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) laqgħet talbiet oħra, filwaqt li ċaħdet l-appell tar-rikorrenti fir-rigward ta’ aspetti oħra u l-appell inċidentali tad-DFB.
10. Permezz tal-appelli tagħhom fuq punti ta’ liġi quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), ir-rikorrenti jkomplu jisħqu t-talbiet tagħhom għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni u d-DFB tkompli tisħaq it-talba tagħha għaċ-ċaħda tar-rikors. Dik il-qorti, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati mill-partijiet, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Il-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi [fil-kawża Wouters] u [fil-kawża Meca‑Medina], japplikaw għar-regoli ta’ federazzjoni sportiva li huma indirizzati lill-membri tal-federazzjoni u li jirregolaw l-użu ta’ servizzi pprovduti minn impriżi li ma humiex membri tal-federazzjoni f’suq upstream tal-attivitajiet tal-federazzjoni, liema prinċipji, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ akkordji,
– għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ġenerali li fih id-deċiżjoni inkwistjoni ttieħdet jew tipproduċi l-effetti tagħha, u b’mod partikolari l-għan tagħha,
– u għandu jiġu eżaminat ukoll jekk l-effetti antikompetittivi assoċjati mad-deċiżjoni humiex neċessarjament relatati mat-twettiq tal-għanijiet iddikjarati,
– u jekk humiex proporzjonati għal dawk l-għanijiet (iktar ’il quddiem it-‘test Meca‑Medina’)?
2) Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: F’dan il-każ, it-test Meca‑Medina għandu jiġi applikat għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dawn ir-regoli, jew jiddependi fuq kriterji sostantivi, bħall-prossimità jew id-distanza tad-dispożizzjonijiet individwali għall-attività sportiva tal-federazzjoni?”
11. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (ROGON GmbH & Co. KG), mid-DFB, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern Franċiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.
12. Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Marzu 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet kkonċernati, abbażi tal-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-effett tas-sentenzi fil-kawżi ISU, Superleague u Royal Antwerp fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula f’din il-kawża. Id-DFB, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Franċiż, ROGON u l-Kummissjoni, ikkonformaw ma’ din it-talba.
13. Dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Franċiż, ippreżentaw ukoll argumenti orali waqt is-seduta tat‑12 ta’ Frar 2024.
III. Evalwazzjoni
14. Permezz taż-żewġ domandi tagħhom, il-qorti tar-rinviju tfittex tiċċara l-portata tal-prinċipji żviluppati mill-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina, u l-mod konkret li bih dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati f’kawża li tinvolvi regolamenti maħruġa minn federazzjoni sportiva.
A. L-ewwel domanda: il-portata tal-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina
15. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina tapplikax għar-regolamenti ta’ federazzjoni sportiva, li jkunu intiżi għall-membri tal-federazzjoni u li jkunu jirregolaw l-użu ta’ servizzi pprovduti minn impriżi li ma jkunux membri tal-federazzjoni, f’suq upstream tal-attivitajiet tal-federazzjoni.
16. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel ser infakkar il-prinċipji prinċipali tal-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina (1); imbagħad ser nipprova nidentifika l-oriġini tagħha fi ħdan is-sistema tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (2); u fl-aħħar ser niċċara l-loġika ta’ bażi tagħha u l-kamp tal-applikazzjoni tagħha (3). Ser ikun fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ser nindirizza l-kwistjonijiet speċifiċi mqajma mill-qorti tar-rinviju (4).
17. Mill-bidu, għandi niċċara li, f’dawn il-konklużjonijiet, ser nindirizza l-kwistjonijiet legali mqajma mill-qorti tar-rinviju abbażi tal-fehim tiegħi tal-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina, fl-istat attwali tad-dritt wara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi msemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq.
1. Il-prinċipji ewlenin tal-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina
18. Il-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina ġiet miġbura fil-qosor fil-punti 183 sa 187 tas-sentenza fil-kawża Superleague. Il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita, mhux kull ftehim bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u prattiki miftiehma li jkunu jillimitaw il-libertà ta’ azzjoni tal-impriżi involuti neċessarjament ikunu jaqgħu taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt – żiedet il-Qorti tal-Ġustizzja– “l-eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jidħlu wħud minn dawn il-ftehimiet u wħud minn dawn id-deċiżjonijiet jista’ jwassal għall-konstatazzjoni, l-ewwel nett, li dawn ikunu ġġustifikati bit-tiftix ta’ għan jew numru ta’ għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali neqsin, fihom innifishom, minn natura antikompetittiva, it-tieni, li l-mezzi konkreti li għalihom wieħed irrikorra biex jintlaħqu dawn l-għanijiet huma verament neċessarji għal dan u, it-tielet nett, li, anki jekk jiġri li dawn il-mezzi għandhom bħala riżultat inerenti li joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni, minn tal-inqas potenzjali, tal-kompetizzjoni, dan ir-riżultat inerenti ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju, b’mod partikolari billi jelimina kull kompetizzjoni”.
19. Dawn il-prinċipji japplikaw – kompliet il-Qorti tal-Ġustizzja – “b’mod partikolari, fil-preżenza ta’ ftehimiet jew ta’ deċiżjonijiet li jieħdu l-forma ta’ regoli adottati minn assoċjazzjoni bħal assoċjazzjoni professjonali jew assoċjazzjoni sportiva, bil-għan li jfittxu li jilħqu ċerti għanijiet ta’ natura etika jew deontoloġika u, b’mod usa’, li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali, jekk l-assoċjazzjoni kkonċernata turi li l-kundizzjonijiet imsemmija ġew issodisfatti”.
20. B’kuntrast ma’ dan, din il-ġurisprudenza ma tapplikax – ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja – “fil-preżenza ta’ aġir li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk joriġinax jew le minn tali assoċjazzjoni u indipendentement mill-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi spjegat, jikser min-natura tiegħu stess [id-dispożizzjonijiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni]”. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina ma tapplikax għal akkordji li jkollhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.
2. L-oriġini tal-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina
21. Ġiet applikata ħafna materja griża minn oqsma ta’ studju legali dwar is-sinjifikat u r-ratio legis tal-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina. Pereżempju, xi awturi qisuha bħala li tintroduċi tip ta’ “regola tar-raġuni” (ispirata mid-dritt tal-antitrust tal-Istati Uniti) fi ħdan id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, oħrajn fasslu paralleli mal-loġika segwita fil-ġurisprudenza dwar il-moviment liberu (li tippermetti ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq diversi interessi ta’ politika pubblika), u oħrajn qiesu li hija varjazzjoni tat-teorija tar-“restrizzjoni anċillari” (u għalhekk irreferew għaliha bħala “anċillarità regolatorja”) (12).
22. Fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina tista’ tiġi spjegata billi jittieħed pass lura mill-ispeċifiċitajiet tagħha u billi din titqies fil-kuntest usa’ ta’ kif ġew interpretati u applikati d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, mill-inqas f’dawn l-aħħar ftit deċennji (13).
23. Tabilħaqq, numru ta’ sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-perijodu għamluha ċara ħafna li l-applikazzjoni korretta tal-Artikoli 101 u 102 TFUE teżiġi li l-awtoritajiet jżommu ’l bogħod minn formaliżmu żejjed u jeżaminaw b’mod xieraq l-aspetti legali u ekonomiċi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni. Irrispettivament minn jekk ċertu aġir ikunx multilaterali jew unilaterali, u ssuspettat li jikkostitwixxi restrizzjoni “minħabba l-għan” jew “minħabba l-effett”, il-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi evalwata f’termini purament astratti, iżda dejjem tiddependi fuq il-kuntest usa’ (14). Dan il-prinċipju ġie wkoll affermat espressament fil-punt 42 tas-sentenza fil-kawża Meca‑Medina.
24. Huwa għalhekk li ftehim bejn impriżi jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jistgħu jillimitaw – u, xi drabi, b’mod sinjifikattiv – il-libertà ta’ azzjoni tal-impriżi kkonċernati, mingħajr ma dan il-ftehim jew din id-deċiżjoni jkunu antikompetittivi. Fir-riskju li nistqarr l-ovvju, nixtieq nerġa’ nenfasizza li l-għan tar-regoli tal-antitrust tal-Unjoni ma huwiex li jipproteġu l-insegwiment bla xkiel tal-kummerċ mill-operaturi ekonomiċi, iżda li jiġi żgurat li s-swieq tal-Unjoni jkunu jiffunzjonaw b’mod xieraq u effiċjenti, u b’hekk ikunu jikkontribwixxu għal allokazzjoni ottimali tar-riżorsi u għall-benessri taċ-ċittadini tal-Unjoni (15).
25. F’sempliċità estrema, ftehim jew deċiżjoni ikunu antikompetittivi, u għalhekk ipprojbiti mill-Artikolu 101(1) TFUE, meta, fil-fatt jew potenzjalment (16), dawn ikunu jimpedixxu, ifixklu jew jiskoraġġixxu l-kompetizzjoni bejn kumpanniji differenti, kif kieku kienet isseħħ u, b’hekk, ikollhom effett negattiv fuq il-benessri tal-konsumaturi. Dan ikun il-każ, tipikament, meta l-aġir inkwistjoni jkun kapaċi, fuq medda qasira jew medja ta’ żmien, li jwassal direttament għal żieda fil-prezzijiet u/jew għal tnaqqis fil-produzzjoni, jew li joħnoq l-innovazzjoni. Dan jista’ jkun il-każ ukoll meta l-aġir ibiddel l-istruttura kompetittiva tas-suq – billi jżid l-ostakoli għad-dħul, iżid il-konċentrazzjoni tas-suq eċċ. – b’mod li x’aktarx ikun iwassal, fil-futur, għas-sitwazzjoni deskritta hawn fuq (17).
26. B’kuntrast ma’ dan, ftehim jew deċiżjoni li, meta kkunsidrati bħala b’mod sħiħ, ma jkollhom l-ebda effett antikompetittiv fuq is-suq, ma jkunux koperti mill-Artikolu 101(1) TFUE. Dan ikun hekk minkejja l-inklużjoni ta’ ċerti elementi li – jekk jittieħdu b’mod iżolat u in abstracto – ikollhom (jew jidher li jkollhom) xi effetti restrittivi (pereżempju klawżoli ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, klawżoli ta’ esklużività eċċ.). Ftehimiet ta’ konċessjonijiet u ftehimiet ta’ distribuzzjoni selettiva huma eżempji tajbin f’dan ir-rigward.
27. Barra minn hekk, xi każijiet iktar reċenti kkonfermaw dan l-approċċ għal darba oħra: is-sempliċi fatt li ftehim kien jinkludi klawżola li, meħuda waħedha, setgħet tiskoraġġixxi parteċipanti ġodda fis-suq (CB (18)), wasslet għal iktar uniformità fil-prezz bejn il-kompetituri eżistenti (Budapest Bank (19)), jew irriżultat f’arranġament ta’ qsim tas-suq (EDP (20)) ma kienx ikkunsidrat li kien biżżejjed mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi konkluża l-inkompatibbiltà bħala tali tal-ftehim mal-Artikolu 101 TFUE. Evalwazzjoni iktar iddettaljata tal-miżura inkwistjoni, fil-kuntest legali u ekonomiku xieraq tagħha, tqieset li kienet neċessarja għal dan il-għan.
28. Dawn il-prinċipji jifformaw ukoll il-bażi tal-ġurisprudenza dwar ir-restrizzjonijiet anċillari. Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha ta’ Settembru 2024 fil-kawża Booking.com, “jekk operazzjoni jew attività ddeterminata ma taqax taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni previst fl-Artikolu 101(1) TFUE, minħabba n-newtralità tagħha jew l-effett pożittiv tagħha fuq livell ta’ kompetizzjoni, restrizzjoni tal-awtonomija kummerċjali ta’ parteċipant wieħed jew iktar f’din l-operazzjoni jew attività ma tkunx koperta minn din il-projbizzjoni jekk din ir-restrizzjoni tkun oġġettivament neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ din l-operazzjoni jew attività u tkun proporzjonata mal-għanijiet imfittxija minn xi waħda minnhom” (21)
29. Minn dan isegwi li, “meta ma jkunx possibbli li tissepara tali restrizzjoni tal-operazzjoni jew tal-attività prinċipali mingħajr ma tikkomprometti l-eżistenza u l-għan ta’ din l-operazzjoni jew ta’ din l-attività, hemm lok li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà mal-Artikolu 101 TFUE ta’ din ir-restrizzjoni konġuntament mal-kompatibbiltà tal-operazzjoni jew tal-attività prinċipali li tagħha tkun anċillari, u dan minkejja li, meħuda waħidha, tali restrizzjoni tkun tista’ tidher, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, li taqa’ taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE” (22).
30. Għaldaqstant, għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet ewlenin sabiex restrizzjoni tkun ikklassifikata bħala “restrizzjoni anċillari”: (i) l-operazzjoni prinċipali ma tkunx ta’ natura antikompetittiva; (ii) ir-restrizzjoni trid tkun “neċessarja” għall-implimentazzjoni ta’ din l-operazzjoni (in-nuqqas tagħha għalhekk ikun jipprevjeni li l-operazzjoni prinċipali tiġi implimentata); u (iii) ir-restrizzjoni trid tkun “proporzjonata” għall-għanijiet li fuqhom tkun ibbażata l-operazzjoni inkwistjoni (jiġifieri, ma jkunx hemm alternattivi realistiċi li jkunu inqas restrittivi għall-kompetizzjoni).
31. Dawn it-tliet kundizzjonijiet għandhom xebh impressjonanti mat-tliet kundizzjonijiet li, kif imsemmi fil-punt 18 iktar ’il fuq, jikkostitwixxu t-test fil-kawża Meca‑Medina. Naturalment, dan ma huwiex kumbinazzjoni. Il-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina taqsam b’mod ċar id-DNA tagħha mal-ġurisprudenza dwar ir-restrizzjoni anċillari (23), peress li t-tnejn joħorġu mill-prinċipju bażiku tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni skont liema, sabiex jiġi ddeterminat jekk aġir partikolari jkun antikompetittiv, l-aġir għandu jkun evalwat fil-kuntest legali u ekonomiku xieraq tiegħu. Fid-dawl tal-loġika tagħha – li issa ser nindirizza – jidhirli li t-tikketta ta’ “anċillarità regolatorja” fir-rigward tal-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina hija pjuttost rilevanti.
3. Il-loġika u l-portata tal-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina
32. Kif iddikjarajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża RRC Sports (24), hemm oqsma li fihom l-awtoritajiet (tal-Unjoni u/jew nazzjonali) jistgħu jiddeċiedu li jastjenu milli jirregolaw xi aspetti ta’ attività ekonomika partikolari, u jħallu f’idejn l-operaturi ekonomiċi kkonċernati nfushom – li jaġixxu permezz ta’ entitajiet awtonomi, federazzjonijiet kummerċjali jew federazzjonijiet rappreżentattivi – sabiex jistabbilixxu r-regoli neċessarji u, fejn xieraq, jinfurzawhom u jsolvu tilwim possibbli. Hemm numru ta’ raġunijiet – li ma hemmx bżonn jiġu mfakkra hawnhekk (25) – dwar għaliex l-għażla tal-awtoritajiet li jħallu ċerti kwistjonijiet għall-awtoregolamentazzjoni tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-awtoritajiet pubbliċi, l-operaturi tas-suq involuti u, fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-klijenti tagħhom.
33. Dan jgħodd anki għal miżuri li jistgħu, kif spjegajt, jipproduċu xi effetti restrittivi. Miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni li, pereżempju, ikollhom l-għan li jiżguraw rekwiżiti ta’ kwalità minima, jew li jevitaw kunflitti ta’ interess, frodi jew abbużi, jistgħu fil-fatt iżidu l-fiduċja tal-konsumaturi fl-operaturi tas-suq u, bħala konsegwenza, itejbu l-effettività tas-suq. F’dawn is-sitwazzjonijiet, is-suq x’aktarx jikber u jsir b’mod ġenerali iktar kompetittiv.
34. Barra minn hekk, fil-ġurisprudenza dwar ir-restrizzjonijiet anċillari, l-impriżi jsegwu għan kummerċjali li, b’mod ġenerali, ma jkunx antikompetittiv (26). Dan ifisser li l-għan tat-tranżazzjoni huwa jew li ssaħħaħ il-kompetizzjoni jew, mill-inqas, tkun newtrali f’dan ir-rigward. Fi kwalunkwe każ, dan huwa għan li jsaħħaħ l-interessi ekonomiċi tal-impriżi involuti (27). B’kuntrast ma’ dan, f’kawżi tal-istess tip bħall-kawża Meca‑Medina, l-għan relatat mas-suq, jekk ikun preżenti, ikun segwit flimkien, jew ikun jikkoinċidi ma’, “għan jew numru ta’ għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali” (28), bħall-iżgurar ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (il-kawża Wouters (29)); il-protezzjoni tas-“saħħa [tal-atleti] [u] l-integrità u l-oġġettività tal-kompetizzjoni kif ukoll il-valuri etiċi fl-isport” (il-kawża Meca‑Medina (30)); is-salvagwardja ta’ “amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-kontabbiltà tal-impriżi u tal-fiskalità” (il-kawża OTOC (31)); il-protezzjoni tal-konsumatur (kawża Consiglio Nazionale dei Geoloġi (32)); u s-sigurtà fit-toroq (il-kawża API (33)).
35. Issa, tali aċċettazzjoni (kemm jekk formali kif ukoll jekk informali, espressa jew impliċita), mill-awtoritajiet pubbliċi, tas-setgħat awtoregolatorji eżerċitati, u r-responsabbiltà konsegwenti li tirriżulta minnhom, minn entitajiet privati (34) neċessarjament timplika r-rikonoxximent li tali entitajiet ikollhom ċertu marġni ta’ manuvra fl-iffissar tar-regoli u tal-istandards rilevanti. Fil-fatt, jista’ jkun hemm diversi modi ta’ azzjoni legali – li l-effett tagħhom fuq il-kompetizzjoni jkun ġeneralment ekwivalenti – li dawn l-entitajiet ikunu jistgħu jieħdu sabiex jilħqu l-għanijiet inkwistjoni.
36. Dan huwa rifless fis-sentenza fil-kawża Wouters, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-entità ta’ awtoregolamentazzjoni “setgħet raġonevolment tikkunsidra li [l-miżura inkwistjoni], minkejja l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni li huma inerenti fiha, hi neċessarja biex tiżgura li l-professjoni ta’ avukat, kif organizzata fil-pajjiż ikkonċernat, tiġi eżerċitata kif suppost” (35).
37. Jiena konxju li t-terminu “raġonevoli” ma jidhirx fis-sentenzi ISU, Superleague, Royal Antwerp u FIFA. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’uħud minn dawn is-sentenzi, esprimiet l-istess kunċett b’mod ieħor, billi ddikjarat li:
“[il-kundizzjoni tan-neċessità ta’ miżura] tinvolvi l-evalwazzjoni u l-paragun tal-effett rispettiv ta’ dan l-aġir u tal-miżuri alternattivi li realment jistgħu jiġu ppjanati, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk il-kisbiet ta’ effikaċja mistennija mill-imsemmi aġir jistgħux isiru permezz ta’ miżuri inqas restrittivi għall-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, din il-kundizzjoni ma tistax twassal biex tiġi applikata waħda mill-għażliet [ibbażata fuq kemm ikunu mixtiqin rispettivament] bejn tali aġir u tali miżuri alternattivi fl-ipoteżi fejn dawn tal-aħħar ma jidhrux inqas restrittivi għall-kompetizzjoni” (36).
38. Fl-istess ħin, madankollu, l-użu ta’ tali diskrezzjoni għandu jkun suġġett għal limiti u, fejn jinqalgħu dubji, ma jistax jibqa’ mingħajr verifika. Huwa ovvju li r-regoli u l-istandards stabbiliti minn dawn l-entitajiet jistgħu jikkonċernaw kwistjonijiet (tariffi, rekwiżiti ta’ dħul eċċ.) li, mill-inqas potenzjalment, jistgħu joħolqu problemi minn angolu ta’ kompetizzjoni. Anki meta dawn ir-regoli jiġu adottati sabiex jintlaħaq għan leġittimu fl-interess ġenerali, l-effetti reali fuq il-kompetizzjoni jistgħu madankollu jkunu problematiċi, u għalhekk jeħtieġu evalwazzjoni xierqa fil-qafas stabbilit fl-Artikolu 101 TFUE (37). Dan jispjega għaliex il-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina taċċetta li ċerti miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni jaqgħu barra mill-portata tal-Artikolu 101(1) TFUE, iżda biss fejn ikunu ssodisfatti għadd ta’ kundizzjonijiet.
39. Fejn dan ma jkunx il-każ, ma jfissirx li l-miżura inkwistjoni tkun neċessarjament inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 101(3) TFUE jipprevedi l-possibbiltà li miżuri li jkunu jirrestrinġu l-kompetizzjoni jkunu jistgħu jiġu eżentati mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE meta l-benefiċċji ekonomiċi li jipproduċu jkunu ikbar mill-effetti negattivi (38).
40. Madankollu, nixtieq inżid xi kunsiderazzjonijiet oħra, sabiex niċċara b’mod iktar sħiħ il-portata tal-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina.
41. L-ewwel, jekk il-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina bl-ebda mod ma tixbah il-karta “Oħroġ mill-Ħabs B’Xejn” fil-logħba tal-Monopoly mogħtija lill-entitajiet awtonomi, din madankollu tagħtihom spazju ta’ manuvra kemxejn usa’ minn dak li jistgħu jgawdu impriżi u federazzjonijiet ta’ impriżi oħra meta jsegwu għanijiet purament kummerċjali. Kif spjegat iktar ’il fuq, ir-raġuni għal dan it-trattament relattivament benevoli tinsab fl-għażla tal-awtoritajiet pubbliċi li jħallu r-regolamentazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ attività professjonali jew kummerċjali sabiex tkun irregolata minn regoli maħruġa mill-entitajiet li jkunu jirrappreżentaw lill-impriżi kkonċernati, jew mill-inqas grupp ta’ impriżi li jkunu jirrappreżentaw u li jkunu jaġixxu għall-kategorija kollha.
42. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li, għalkemm ma huwiex strettament neċessarju li l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti (sew jekk tal-Unjoni u/jew nazzjonali) ikunu taw formalment lill-entità inkwistjoni r-responsabbiltà li twettaq, fil-kamp tal-attivitajiet statutorji tagħha, għan leġittimu ta’ interess ġenerali, dawn l-awtoritajiet għandhom, mill-inqas, ikunu rrikonoxxew u aċċettaw l-attività ta’ awtoregolamentazzjoni tal-entità (39). Nara xi elementi li jippuntaw lejn din id-direzzjoni fid-deċiżjonijiet tal-Qrati tal-Unjoni fil-kawża Wouters (40), fil-kawża Meca‑Medina (41), fil-kawża API (42), fil-kawża ONP (43), u fil-kawża FIFA (44). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza reċenti kollha dwar din il-kwistjoni kienet tikkonċerna miżuri adottati minn federazzjonijiet professjonali jew sportivi (45). Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Superleague, il-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina “tista’ tkun applikabbli, b’mod partikolari, fil-preżenza ta’ ftehimiet jew ta’ deċiżjonijiet li jieħdu l-forma ta’ regoli adottati minn assoċjazzjoni bħal assoċjazzjoni professjonali jew assoċjazzjoni sportiva, bil-għan li jfittxu li jilħqu ċerti għanijiet ta’ natura etika jew deontoloġika u, b’mod usa’, li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali, jekk l-assoċjazzjoni kkonċernata turi li l-kundizzjonijiet imsemmija ġew issodisfatti” (46).
43. Fil-fehma tiegħi, kif inhi l-liġi, ma humiex l-impriżi nfushom li għandhom jiddeċiedu – fuq inizjattiva tagħhom stess, li jkunu qegħdin jaġixxu unilateralment u mingħajr ebda “barka” mill-awtoritajiet pubbliċi – jekk, u jekk iva sa liema punt, il-kompetizzjoni f’suq partikolari għandhiex tiġi kompromessa sabiex jiġi segwit xi interess ġenerali ta’ natura pubblika. Dan ikun speċjalment hekk jekk l-għan imfittex minn din l-entità ma jkunx marbut mill-qrib mal-attività prinċipali tagħha.
44. Il-federazzjonijiet sportivi jistgħu – sabiex nagħti eżempju biss – jingħataw ċertu latitudni meta jiddeċiedu kif jiġġieldu bl-aħjar mod id-doping (47) jew jipproteġu atleti żgħażagħ (48). Madankollu, ma jkun hemm l-ebda raġuni sabiex isir dan meta jiġu adottati miżuri maħsuba sabiex jipproteġu l-ambjent jew sabiex jiġġieldu kontra l-evitar tat-taxxa (49). Kwalunkwe miżura bħal din (ċertament, ta’ min ifaħħarha) li kellu jkollha effett ċar fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi fl-Unjoni Ewropea jkollha tiġi eżaminata fil-qafas tradizzjonali tad-dritt tal-kompetizzjoni.
45. Huwa minnu li, fi żminijiet fejn l-awtoritajiet pubbliċi jħeġġu dejjem iktar lill-impriżi privati jadottaw pjanijiet u strateġiji ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva, ftehimiet bejn impriżi privati jistgħu effettivament jikkontribwixxu għall-kisba ta’ għanijiet importanti ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, is-swieq moderni jaraw, iktar milli fil-passat, impriżi rivali jingħaqdu sabiex jikkooperaw fuq kwistjonijiet diskreti ta’ interess komuni, filwaqt li jibqgħu kompetituri ħarxa fis-suq. Xi akkademiċi ħolqu terminu ġdid għal dan il-fenomenu, “ko‑opetizzjoni”, li huma jqisu li spiss jistimula l-progress u jsaħħaħ l-effiċjenza fis-swieq (50). Madankollu, dan ma jnaqqasx mill-fatt li, fil-każ ta’ għanijiet konkorrenti fl-interess ġenerali – il-ħtieġa li jiġu żgurati swieq kompetittivi minn naħa, u xi interess ġenerali ieħor min-naħa l-oħra – huma, l-ewwel u qabel kollox, l-awtoritajiet pubbliċi li għandhom isibu l-aħjar mod sabiex jiksbu ekwilibriju (51).
46. It-tieni, jekk entitajiet privati jkollhom l-intenzjoni jirregolaw, bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, ċerti aspetti ta’ attività ekonomika partikolari, sabiex jintlaħaq ċertu interess ġenerali, jidhirli ovvju li huma għandhom jagħmlu dan b’mod trasparenti. Dan ikun jippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jeżerċitaw is-sorveljanza neċessarja u, jekk ikun hemm bżonn, jieħdu azzjoni korrettiva. Jien, għalhekk, tal-fehma soda li l-ġurisprudenza fil-kawża Meca-Medina ma tistax tiġi invokata sabiex tiġġustifika ftehimiet jew deċiżjonijiet bil-moħbi jew kunfidenzjali.
47. It-tielet, fil-fehma tiegħi, l-espressjoni “għan leġittimu fl-interess ġenerali” użata fil-ġurisprudenza timplika neċessarjament li l-interess inkwistjoni jkun identifikat bħala tali fil-leġiżlazzjoni jew fil-ġurisprudenza rilevanti tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(1)(b) TFUE, l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern huwa qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk, jekk miżura adottata minn federazzjoni privata tkun (attwalment jew potenzjalment) kapaċi tipproduċi xi effetti restrittivi fis-suq intern, din tista’ tkun iġġustifikata biss jekk l-interess ikun jitqies li jistħoqqlu protezzjoni fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
48. Ir-raba’, ma jistax jitqies bħala fatt ċert li miżura partikolari adottata minn entitajiet privati bħall-federazzjonijiet sportivi u professjonali, issegwi ġenwinament interess ġenerali ta’ natura pubblika. Kif irrileva ġustament l-Avukat Ġenerali Szpunar fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Royal Antwerp Football Club, federazzjonijiet privati bħall-federazzjonijiet sportivi huma mwaqqfa sabiex isegwu, primarjament, għanijiet li jkunu ta’ natura ekonomika u privata li jistgħu jkunu, jew ma jkunux, faċilment rikonċiljabbli ma’ interessi pubbliċi ta’ natura mhux ekonomika. Dawn il-federazzjonijiet, naturalment, “jaġixxu b’mod irrazzjonali jekk jippruvaw jissodisfaw għanijiet pubbliċi li jmorru direttament kontra l-interessi kummerċjali tagħhom” (52).
49. Barra minn hekk, kif irrimarkat ROGON waqt is-seduta, diversi avvenimenti fis-snin reċenti juru li xi federazzjonijiet sportivi għandhom strutturi ta’ governanza imperfetti, b’kontrolli u salvagwardji interni limitati sabiex jipprevjenu episodji ta’ ġestjoni ħażina (53).
50. Konsegwentement, kwalunkwe allegazzjoni li miżura jkollha l-għan li ssegwi ċerti għanijiet ta’ interess ġenerali għandha tkun verifikabbli, u tkun tista’ tiġi aċċettata biss meta din tkun sostnuta minn provi konkreti. Fil-fatt, nissuspetta li għal kważi kull miżura adottata minn federazzjoni sportiva jew entità professjonali, xi tip ta’ interess ta’ natura ġenerali li allegatament ikun qiegħed jiġi segwit jista’ jinġabar flimkien ex post, meta tkun tinħoloq il-ħtieġa li tiġi ġġustifikata l-miżura (54). Madankollu, dan ma huwiex biżżejjed. Fil-fehma tiegħi, għandu jkun ċar b’mod univokali mill-miżura nnifisha, jew mill-kuntest li fih tkun ġiet adottata, x’inhu l-interess speċifiku segwit, u l-miżura inkwistjoni għandha tkun ġenwinament imfassla sabiex tagħmel kontribut sinjifikattiv għat-tkomplija tagħha (55).
51. Għan ekonomiku purament privat ma jistax – kważi lanqas għandi għalfejn inżid – jikkostitwixxi “għan leġittimu ta’ interess ġenerali” fis-sens tal-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina (56). Madankollu, ma hemm xejn fil-ġurisprudenza li jindika li ftehim għandu jsegwi biss l-għan wieħed li jkun jaqa’ fil-portata tal-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina. Għall-kuntrarju, fis-sentenza fil-kawża Meca‑Medina, il-Qrati tal-Unjoni kkonfermaw li l-fatt li miżura tkun issegwi għan doppju (wieħed ta’ natura ekonomika u privata, u wieħed ta’ natura ġenerali u pubblika) ma jkunx jeskludi l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza (57). Dan huwa minnu, madankollu, sakemm l-għan ekonomiku privat ma jkunx fih innifsu antikompetittiv. Dan iwassalni għall-ħames u l-aħħar punt tiegħi.
52. Il-ħames, inħoss li huwa raġonevoli li ftehimiet jew deċiżjonijiet li jkunu jirrestrinġu l-kompetizzjoni “minħabba l-għan” ma jistgħux jaqgħu fil-portata tal-eċċezzjoni fil-kawża Meca‑Medina. Kif spjegat f’iktar dettall fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża CD Tondela, ftehim jew deċiżjoni jkunu restrittivi “minħabba l-għan” meta r-ratio legis ekonomiku tagħhom (jew wieħed mir-ratio legis ewlenin tagħhom) ikun intrinsikament antikompetittiv (58). F’każ bħal dan, l-effetti restrittivi ma jistgħux jitqiesu bħala “anċillari”. Fi kliem ieħor, dawn l-effetti ma humiex il-prodott sekondarju (sfortunatament iżda madankollu inevitabbli), ta’ sinjifikat limitat, ta’ operazzjoni kummerċjali leġittima li tkun favur il-kompetizzjoni jew, mill-inqas, newtrali għas-suq. Minflok, dawn ikunu r-riżultat ta’ operazzjoni li l-ġustifikazzjoni ekonomika sottostanti tagħha tkun fundamentalment kuntrarja għall-għanijiet segwiti mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħad li l-operazzjoni inkwistjoni tkun taqa’ għal kollox lil hinn mill-portata tal-Artikolu 101 TFUE iżda tkun teħtieġ evalwazzjoni xierqa, skont il-paragrafi (1) u (3) tiegħu.
53. Irrispettivament minn jekk dan ir-rekwiżit kienx, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Superleague, “diġà, impliċitament iżda neċessarjament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” (59) – kwistjoni li ġiet diskussa f’qasam ta’ studju legali reċenti (60) –, jidhirli li, fi kwalunkwe każ, dan ir-rekwiżit jirriżulta mil-loġika stess tas-sistema stabbilita fid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni (61).
54. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li issa ser neżamina l-kwistjonijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju.
4. Il-kwistjonijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju
55. Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tispjega għaliex hija inċerta dwar jekk, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina tistax tkun applikabbli.
56. Il-qorti tar-rinviju tinnota li, f’kawżi preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrevedi deċiżjonijiet ta’ federazzjonijiet professjonali u sportivi li, billi jillimitaw l-aġir ekonomiku tal-membri tagħhom stess, setgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni bejniethom. B’kuntrast ma’ dan, ir-regolamenti inkwistjoni f’dan il-każ għandhom effett restrittiv fuq suq upstream minn dak li fih il-membri tal-federazzjoni huma attivi (62): dak tas-servizzi tal-aġenti. Sabiex ikunu jistgħu joperaw f’dan is-suq, l-aġenti għandhom neċessarjament josservaw ir-regoli stabbiliti f’dawn ir-regolamenti. Inkella, huma jissograw li – taħt il-pressjoni li jiġu ssanzjonati mid-DFB – plejers u klabbs jieqfu jużaw is-servizzi tagħhom.
57. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju madankollu tfakkar ċerti konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main), li d-deċiżjoni tagħha hija suġġetta għal appell fuq punti ta’ liġi pendenti quddiemha. L-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main) ikkonstatat, inter alia, li l-attività tal-aġenti kienet marbuta direttament mal-kompetizzjonijiet sportivi organizzati mid-DFB. B’mod partikolari, din l-attività tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni tat-timijiet, il-kontinwità tagħhom u s-saħħa sportiva tagħhom, u b’hekk taffettwa l-ekwità tal-kompetizzjonijiet u l-prestazzjoni u s-saħħa tal-atleti. Ir-regolamenti inkwistjoni huma maħsuba sabiex jevitaw dipendenzi bejn aġenti, plejers u klabbs. Dipendenzi bħal dawn jistgħu jipperikolaw – fil-fehma ta’ din il-qorti – l-integrità u l-ekwità tal-kompetizzjonijiet sportivi. F’dan ir-rigward, hija nnotat li, fil-passat, plejers u klabbs f’ċerti każijiet ġew ippreġudikati finanzjarjament u professjonalment mill-prattiċi ta’ aġenti li kellhom ukoll konsegwenzi taħt id-dritt kriminali.
58. F’dan il-kuntest, ninnota li l-fehmiet tal-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main) jidhru li huma kondiviżi fil-biċċa l-kbira mill-Parlament Ewropew li, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat‑23 ta’ Novembru 2021 dwar il-politika tal-UE dwar l-isport: valutazzjoni u toroq possibbli ’l quddiem, inter alia, “[fakkar] fil-ħtieġa li jiġu rregolati l-attivitajiet tal-aġenti u [rrikonoxxa] li r-riformi reċenti fis-suq tat-trasferiment tal-futbol, inkluż [...] rekwiżiti ta’ liċenzjar għall-aġenti u limiti massimi fuq il-kummissjoni tal-aġenti [kienu] passi fid-direzzjoni t-tajba; [ħeġġeġ] lill-awtoritajiet rilevanti tal-isport jiżguraw l-implimentazzjoni rapida ta’ dawn ir-riformi u [stieden] lill-Kummissjoni timmonitorja l-progress” (63). Xi studji kkummissjonati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-passat jidhru li jikkonfermaw ir-rwol kruċjali li kellhom l-aġenti fl-industrija tal-isport u l-eżistenza ta’ prattiki kundannabbli li fihom kienu involuti xi aġenti (64).
59. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tinnota li, f’qasam ta’ studju legali, ġew espressi opinjonijiet differenti dwar jekk ir-regolamenti adottati minn federazzjoni li jkunu jirrestrinġu l-libertà ekonomika ta’ azzjoni ta’ impriżi li ma jkunux assoċjati jistgħux jiġu ġġustifikati taħt il-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina.
60. Skont opinjoni waħda, il-ġurisprudenza fil-kawża Meca-Medina tista’ tiġi applikata għal regolamenti maħruġa minn federazzjoni sportiva biss jekk dawn ikunu jsegwu għanijiet purament sportivi jew speċifiċi għall-isport. Għall-kuntrarju, il-ġurisprudenza tkun inapplikabbli fir-rigward ta’ regolamenti li s-suġġett tagħhom ma jkunx jikkonċerna direttament l-isport innifsu, peress li dawn ikunu jirregolaw l-attivitajiet ekonomiċi ta’ impriżi li ma jkunux membri tal-federazzjoni sportiva u li għalhekk ma jkunux jistgħu jinfluwenzaw il-kontenut tar-regolamenti sportivi.
61. Skont fehma oħra, l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina ma tkunx tiddependi minn jekk ir-regolamenti ta’ federazzjoni sportiva jkunux jikkonċernaw biss elementi purament relatati mal-isport tal-attivitajiet tagħha jew jekk ikollhomx effett dirett fuq swieq oħra. Minflok, dak li jkun kruċjali jkun jekk ikunx hemm xi rabta bejn ir-regolamenti tal-federazzjoni u l-organizzazzjoni u t-tmexxija tajba ta’ kompetizzjoni sportiva. L-uniku każ li fih il-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina ma tkunx tapplika jkun – skont din il-fehma – jekk ir-regolamenti li jkunu qegħdin jiġu kkontestati jkunu jsegwu għanijiet purament kummerċjali (tal-federazzjoni) u ma jkun jista’ jiġi identifikat ebda għan relatat mal-isport fir-rigward tal-kompetizzjoni sportiva speċifika.
62. Jiena tal-fehma li r-risposta korretta għall-ewwel domanda preliminari tinsab b’xi mod fin-nofs ta’ bejn iż-żewġ fehmiet miġbura fil-qosor hawn fuq. L-ewwel waħda tidher stretta wisq u t-tieni waħda wiesgħa wisq.
63. Spjegajt li r-ratio legis tal-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina huwa li jippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jħallu ċerti kwistjonijiet għall-awtoregolamentazzjoni mill-entitajiet li jkunu jeżerċitaw l-attivitajiet ekonomiċi kkonċernati (65). Għalhekk, għalija huwa evidenti fih innifsu li l-mandat tal-awtoritajiet mogħti lill-federazzjonijiet privati – espress permezz ta’ delega jew ta’ inkarigu formali, jew b’sempliċi tolleranza (66) – għandu, bħala prinċipju, ikun limitat għall-attivitajiet imwettqa mill-impriżi rrappreżentati fil-federazzjoni inkwistjoni. Ma jkun hemm ebda ġustifikazzjoni legali sabiex l-awtorità ta’ din l-entità tiġi estiża sabiex taġixxi f’oqsma ta’ attività ekonomika li jkunu jmorru lil hinn mill-missjoni tagħha, kif stipulat fl-istatut tal-federazzjoni.
64. Madankollu, għalija huwa ugwalment ċar li r-regolamenti magħmulin minn tali federazzjonijiet ikunu jistgħu jaffettwaw, sa diversi gradi, attivitajiet ekonomiċi li jkunu konnessi ma’ dawk li jkunu jaqgħu b’mod ċar fil-portata tal-missjoni ewlenija tal-federazzjoni. Dan jista’ jkun inevitabbli. Pereżempju, fis-sentenza fil-kawża Wouters, il-miżura inkwistjoni – projbizzjoni għall-avukati milli jidħlu fi sħubijiet multidixxiplinarji ma’ kontabbilisti – ġiet adottata mill-Kamra tal-Avukati tal-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, din il-miżura affettwat l-attività professjonali tal-kontabbilisti bl-istess mod daqs kemm affettwat l-attività professjonali tal-avukati.
65. Tali okkorrenza jidhirli li hija saħansitra iktar probabbli fi swieq li ma jkunux relatati b’mod sempliċi iżda li jkunu fil-fatt interdipendenti u li fihom il-kooperazzjoni f’diversi livelli tkun essenzjali sabiex tiġi żgurata l-eżistenza stess tal-prodott finali (67). B’mod partikolari, fl-“ekosistema” tal-futbol, diversi kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi (klabbs, federazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, plejers, aġenti, sponsors, xandara eċċ) ikunu jeħtieġu li jaġixxu flimkien, u sa ċertu punt jikkollaboraw, sabiex jiżguraw il-vijabbiltà tas-sistema u l-attraenza tagħha lill-konsumaturi finali: il-partitarji. Dawn huma, tabilħaqq, dawk li fl-aħħar mill-aħħar jiffinanzjaw, direttament u indirettament, l-industrija kollha tal-futbol. Kieku l-prodott finali (il-logħbiet tal-futbol u turnej) ma jkunx attraenti, ħafna mill-operaturi involuti f’din l-ekosistema “jfallu.”
66. Għalhekk, sa fejn – kif stabbilit mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main) – l-attività tal-aġenti jista’ jkollha influwenza diretta u sinjifikattiva fuq l-ekwità tal-kompetizzjonijiet u l-prestazzjoni u s-saħħa tal-atleti, ma nsib ebda diffikultà sabiex nikkonkludi li r-regolamenti dwar l-attivitajiet tal-aġenti jistgħu jolqtu l-isfera ta’ missjoni ta’ federazzjoni sportiva. Naturalment, dan ikun biss meta r-regolamenti inkwistjoni jkunu jirregolaw aspetti tal-attivitajiet tal-aġenti li fir-rigward tagħhom ikun issodisfatt tali kriterju ta’ “influwenza diretta u sinjifikattiva”.
67. A fortiori, ma nara ebda bażi għall-argumenti li jgħidu li tali regolamenti jistgħu jikkonċernaw biss id-deontoloġija tal-membri tagħha, jew ir-regoli tal-logħba u l-mod kif isiru l-kompetizzjonijiet. F’dan ir-rigward, naħseb li dawn l-argumenti jistgħu jirriżultaw minn konfużjoni kunċettwali. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ċerti “regoli purament sportivi” jaqgħu barra mill-portata tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, peress li – kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża RRC Sports (68) – dawn ir-regoli ma jikkonċernawx l-aspetti ekonomiċi ta’ sport u ma jipproduċu ebda effett restrittiv ta’ ċertu sinjifikat fuq l-attivitajiet ekonomiċi kkonċernati. Min-naħa l-oħra, miżuri bħal dawk eżaminati fil-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina jikkonċernaw direttament attivitajiet ekonomiċi u jistgħu fil-fatt ikollhom effett fuq l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet, b’riperkussjonijiet possibbli fuq il-kompetittività tas-swieq. Bħala tali, dawn il-miżuri jaqgħu, fil-prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ikkonstatat li, meta ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, dawn il-miżuri ma jkunux koperti mill-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(1) u l-Artikolu 102 TFUE.
68. Fil-fehma tiegħi, hemm tliet mistoqsijiet prinċipali għal qorti li tkun qiegħda tistabbilixxi jekk regolamenti maħruġa minn federazzjoni sportiva li l-effetti tagħhom jestendu lil hinn mill-attivitajiet ewlenin tal-federazzjoni nnifisha jkunux jistgħu jiġu eżaminati taħt il-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina. L-ewwel, jista’ l-interess protett minn tali regoli jkun irrikonoxxut, taħt id-dritt tal-Unjoni, bħala wieħed li attwalment ikun jikkostitwixxi kwistjoni ta’ interess ġenerali? It-tieni, jekk iva, it-tfittxija ta’ dan l-għan jaqa’, b’mod ġenerali, fi ħdan il-missjoni tal-federazzjoni, kif irrikonoxxuta jew aċċettata mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti? It-tielet, jekk iva, ir-regolamenti tal-federazzjoni jsegwu ġenwinament l-interess inkwistjoni?
69. Jekk it-tweġiba għal dawn it-tliet domandi tkun fil-pożittiv, allura naħseb li r-regolamenti inkwistjoni jkunu jistgħu, bħala prinċipju, jiġu rriveduti fid-dawl tat-test fil-kawża Meca‑Medina, anki jekk dawn ikunu jaffettwaw ukoll l-attività ekonomika ta’ impriżi li ma jkunux irrappreżentati mill-federazzjoni (u fil-federazzjoni).
70. Għal darba oħra, dan ma jistax jitqies bħala l-għoti ta’ libertà sħiħa mogħtija lill-federazzjonijiet sportivi. Il-grad ta’ konnessjoni bejn l-attivitajiet ewlenin tal-federazzjoni u l-attivitajiet tat-terzi (in casu, is-servizzi tal-aġenti) bl-ebda mod ma huwa irrilevanti. Għall-kuntrarju, dan għandu effett ċar fuq l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina, fir-rigward tan-natura neċessarja u proporzjonata tar-regolamenti inkwistjoni. Dan għandu rwol doppju u kumplimentari.
71. Minn naħa, iktar ma jkun baxx il-grad ta’ influwenza li jkunu jistgħu jeżerċitaw it-terzi fuq l-attivitajiet u fuq it-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-federazzjoni li tkun adottat ir-regolamenti inkwistjoni, inqas ikun probabbli li dawn ir-regolamenti jkunu jistgħu jitqiesu neċessarji u/jew proporzjonati sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.
72. Min-naħa l-oħra, iktar ma jkun kbir l-effett li r-regolamenti inkwistjoni jkollhom fuq l-attività ekonomika tal-partijiet terzi, iktar ikun probabbli li dawn ir-regolamenti jkunu jistgħu jitqiesu bħala li ma jkunux neċessarji u/jew ma jkunux proporzjonati sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.
73. F’dan il-kuntest, kważi lanqas hemm bżonn inżid li parteċipazzjoni ġenwina u sinjifikattiva mit-terzi interessati fil-proċedura li biha jiġu adottati r-regolamenti inkwistjoni ċertament tkun tikkontribwixxi sabiex tiżgura n-neċessità u n-natura proporzjonata tagħhom, minbarra li ttejjeb il-leġittimità tagħhom.
74. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina tapplika għar-regolamenti ta’ federazzjoni sportiva li jkunu jikkonċernaw l-użu ta’ servizzi ta’ impriżi attivi fi swieq upstream jew downstream tal-attivitajiet ta’ din il-federazzjoni (jew tal-membri tagħha), sakemm dawn is-servizzi jkunu kapaċi jkollhom influwenza diretta u sinjifikattiva fuq l-attivitajiet ewlenin tal-federazzjoni.
75. Wara li ssuġġerejt risposta għall-ewwel domanda preliminari, u qabel ma nipproċedi għall-eżami tat-tieni domanda preliminari, nixtieq inżid osservazzjoni finali oħra.
76. Nifhem li r-regolamenti kkontestati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma fil-biċċa l-kbira simili għal dawk ikkontestati mir-rikorrenti fil-proċeduri li wasslu lil-Landgericht Mainz (il-Qorti Reġjonali ta’ Mainz, il-Ġermanja) sabiex tressaq it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari fis-sentenza RRC Sports. Fil-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża, jiena ppruvajt nipprovdi assistenza billi nagħti lill-qorti tar-rinviju gwida dwar il-mod li bih il-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina għandha tiġi applikata fir-regoli inkwistjoni f’dawk il-proċeduri li huma, sa fejn nifhem jien, simili għal dawk inkwistjoni hawnhekk (69). It-tama tiegħi, għalhekk, hija li l-kunsiderazzjonijiet żviluppati f’dawk il-konklużjonijiet jistgħu wkoll ikunu ta’ xi għajnuna għall-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja).
B. It-tieni domanda
77. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-test fil-kawża Meca‑Medina għandux jiġi applikat fir-rigward tar-regoli kollha tar-regolamenti kkunsidrati flimkien, jew għal kull waħda minn dawn ir-regoli separatament fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom (bħall-prossimità tar-regola għall-attivitajiet tad-federazzjoni jew id-distanza tagħha mill-attivitajiet tal-federazzjoni).
78. F’dan ir-rigward, naqbel mal-Kummissjoni li, bħala prinċipju, kull regola inkluża f’regolament maħruġ minn entità professjonali jew minn federazzjoni sportiva għandha tiġi eżaminata separatament. Is-suġġett ta’ dawn ir-regoli jista’ jkun differenti u dawn jistgħu jikkonċernaw (jew ikollhom effett fuq) swieq differenti u kategoriji differenti ta’ impriżi. Dan l-approċċ ġie kkonfermat b’mod ċar fis-sentenza fil-kawża Superleague, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja evalwat individwalment il-kompatibbiltà tad-diversi regoli inkwistjoni.
79. Madankollu, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom ikun artifiċjali li jinqasam sett ta’ regoli (regolament sħiħ jew ċerti partijiet ta’ regolament) fid-diversi komponenti jew subkomponenti tiegħu peress li dawn ikunu jikkostitwixxu ħaġa sħiħa indiviżibbli, u l-effetti ta’ dan is-sett ta’ regoli ma jkunux jistgħu jiġu apprezzati b’mod sinjifikattiv sakemm ma jkunux ikkunsidrati fl-intier tagħhom. Huwa l-mekkaniżmu maħluq minn dawk ir-regoli li huwa importanti, u l-fatt li jkun jista’ jiġi introdott f’regola waħda jew f’iktar minn regola waħda huwa formalità.
80. B’mod simili, jista’ jkun hemm regoli li, kull waħda meħuda waħedha, ma jkunux jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni iżda li, meta meħuda flimkien, ikunu jistgħu jkollhom effett iktar sinjifikattiv fuq il-kompetittività tas-suq ikkonċernat.
81. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet deskritti iktar ’il fuq, jidhirli li evalwazzjoni xierqa skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tar-regolamenti ta’ federazzjoni teħtieġ li l-awtoritajiet rilevanti jwettqu analiżi li fiha r-regoli kollha jew uħud minnhom jiġu evalwati flimkien.
82. Għandi inżid ukoll li, meta jiġu eżaminati skont it-test fil-kawża Meca‑Medina, ir-regoli individwali jew il-grupp ta’ regoli kkonċernati, għandu jiġi kkunsidrat il-grad ta’ prossimità (jew ta’ distanza) bejn l-attività tal-federazzjoni u l-attività tal-impriżi li jkunu affettwati mir-regoli tal-federazzjoni, minkejja li jkunu attivi f’suq distint għalkemm konness. Kif spjegat fil-punti 70 sa 72 iktar ’il fuq, dan huwa element li huwa partikolarment rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk ir-regoli inkwistjoni humiex neċessarji u proporzjonati, fid-dawl tal-kontribut mogħti għall-promozzjoni tal-interess ġenerali mfittex mir-regolamenti.
83. Abbażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari fis-sens li t-test fil-kawża Meca‑Medina għandu bħala prinċipju, jiġi applikat fir-rigward ta’ kull regola li tkun tinsab f’regolament maħruġ minn federazzjoni professjonali jew sportiva sakemm, minħabba xi ċirkustanzi speċifiċi, evalwazzjoni sinjifikattiva ma tkunx teħtieġ li xi wħud minn dawn ir-regoli, jew kollha kemm huma, jiġu evalwati flimkien. F’dan il-kuntest, il-grad ta’ prossimità jew ta’ distanza bejn l-attività tal-federazzjoni u l-attività tal-impriżi terzi li jkunu affettwati mir-regoli huwa fattur rilevanti li għandu jitqies meta jiġi evalwat jekk ir-regoli inkwistjoni jkunux neċessarji u proporzjonati fid-dawl tal-għan leġittimu ta’ interess ġenerali mfittex.
IV. Konklużjoni
84. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) fis-sens li
l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:
(1) Il-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina tapplika għar-regolamenti ta’ federazzjoni sportiva li jkunu jikkonċernaw l-użu ta’ servizzi ta’ impriżi attivi fi swieq upstream jew downstream tal-attivitajiet ta’ din il-federazzjoni (jew tal-membri tagħha), sakemm dawn is-servizzi jkunu kapaċi jkollhom influwenza diretta u sinjifikattiva fuq l-attivitajiet ewlenin tal-federazzjoni;
(2) Il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza fil-kawża Meca‑Medina għandhom, bħala prinċipju, jiġu applikati fir-rigward ta’ kull regola li tkun tinsab f’regolamenti maħruġa minn federazzjoni professjonali jew sportiva sakemm, minħabba xi ċirkustanzi speċifiċi, evalwazzjoni sinjifikattiva ma tkunx teħtieġ li xi wħud minn dawn ir-regoli, jew ir-regoli kollha, jiġu evalwati flimkien. F’dan il-kuntest, il-grad ta’ prossimità jew ta’ distanza bejn l-attività tal-federazzjoni u l-attività tal-impriżi terzi li jkunu affettwati mir-regoli huwa fattur rilevanti li għandu jitqies meta jiġi evalwat jekk ir-regoli inkwistjoni jkunux neċessarji u proporzjonati fid-dawl tal-għan leġittimu ta’ interess ġenerali mfittex.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il‑Kummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2023:1012) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża ISU”).
3 Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2023:1011) (iktar ’il quddiem il-“kawża Superleague”).
4 Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club (C‑680/21, EU:C:2023:1010) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Royal Antwerp”).
5 Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA (C‑650/22, EU:C:2024:824) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża FIFA”).
6 Sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Wouters”).
7 Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni (C‑519/04 P, EU:C:2006:492) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Meca-Medina”).
8 Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2024, Lietuvos notarų rūmai et (C‑128/21, EU:C:2024:49, punti 97 sa 105), u tal‑25 ta’ Jannar 2024, Em akaunt BG (C‑438/22, EU:C:2024:71, punti 21 sa 35, u 42 sa 54).
9 C‑209/23 (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża RRC Sports”).
10 C‑133/24 (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża CD Tondela”).
11 Iċ-ċirkulari ddikjarat li jista’ jiġi miftiehem ħlas ta’ somma f’daqqa jew ħlas bin-nifs fir-rigward tat-tariffa ta’ trasferiment miksuba għas-servizz ta’ trasferiment ’il barra bil-kundizzjoni, madankollu, li dan ma għandux jammonta għal sehem perċentwali.
12 Ara, inter alia, u b’riferimenti ulterjuri, Monti, G., “Article 81 EC and public policy”, Common Market Law Review, Vol. 39, Ħarġa 5, 2002, p. 1068, u 1087 sa 1090; Komninos, A.P., “Non-competition concerns: Resolution of conflicts in the Integrated Article 81 EC”, Working Paper (L) 08/05, The University of Oxford Centre for Competition Law and Policy, p. 10 et seq.; Nazzini, R., “Article 81 EC between time present and time past: A normative critique of ‘restriction of competition’ in EU law”, Common Market Law Review, Vol. 43, Ħarġa2, 2006, p. 521 et seq.; u Whish, R., “Competition Law”, is-Sitt Edizzjoni, Oxford University Press, 2006, p. 126 sa 131.
13 Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2001, M6 et vs Il‑Kummissjoni (T‑112/99, EU:T:2001:215, punti 75 sa 77).
14 Sabiex insemmu ftit minnhom biss: is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204); tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632); tat‑2 ta’ April 2020, Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2020:265); tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52); u tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726).
15 Ara, f’iktar dettall, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża RCC Sports, punt 26.
16 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2024, Tallinna Kaubamaja Grupp u KIA Auto (C‑606/23, EU:C:2024:1004, punti 22 et seq.).
17 F’dan is-sens, ara pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 36 sa 39).
18 Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 48 sa 87).
19 Sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2020:265, punti 51 sa 86).
20 Sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, EDP – Energias de Portugal et (C‑331/21, EU:C:2023:812, punti 87 sa 94).
21 Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Booking.com u Booking.com (Deutschland) (C‑264/23, EU:C:2024:764, punt 51).
22 Ibid., punt 52.
23 Wara kollox, kemm fil-kawża Wouters (punt 109 tas-sentenza) u fil-kawża Meca‑Medina (punti 42 u 47 tas-sentenza), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala preċedent rilevanti s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1994, DLG (C‑250/92, EU:C:1994:413), li fiha t-teorija tar-restrizzjoni anċillari nstabet li kienet applikabbli. Fuq din il-kwistjoni, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2022:993, punti 87 sa 92).
24 Ara l-punt 30 ta’ dawk il-konklużjonijiet.
25 F’dan ir-rigward, nirreferi biss għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawżi magħquda Pavlov et (C‑180/98 sa C‑184/98, EU:C:2000:151, punt 92): “Sostnejt li l-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq għas-servizzi professjonali jeħtieġu xi tip ta’ regolamentazzjoni. L-opponenti għall-awtoregolamentazzjoni professjonali jinsistu li l-Istat jew mill-inqas entitajiet regolatorji kkontrollati mill-Istat għandhom jirregolaw il-professjonijiet, peress li hemm perikoli ta’ abbużi tas-setgħat regolatorji. Madankollu, f’termini ekonomiċi għal darba oħra tqum problema ta’ informazzjoni. In-natura kumplessa ta’ dawn is-servizzi u l-evoluzzjoni permanenti tagħhom permezz ta’ għarfien u żviluppi tekniċi li jinbidlu malajr jagħmluha diffiċli għall-parlamenti u għall-gvernijiet sabiex jadottaw ir-regoli ddettaljati u aġġornati meħtieġa. L-awtoregolazzjoni minn membri informati tal-professjonijiet ħafna drabi tkun iktar xierqa peress li tkun tista’ tirreaġixxi bil-flessibbiltà neċessarja. L-isfida ewlenija għal kull sistema tad-dritt tal-kompetizzjoni hija għalhekk li jiġu evitati abbużi tas-setgħat regolatorji mingħajr ma titneħħa l-awtonomija regolatorja tal-professjonijiet”.
26 Sabiex tiġi distinta mill-“anċillarità regolatorja” tal-kawża Meca‑Medina, din il-ġurisprudenza xi drabi tissejjaħ bħala relatata ma’ “anċillarità kummerċjali”. Ara, per eżempju, Whish, R., nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ’il fuq, p. 128.
27 Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il‑Kummissjoni (26/76, EU:C:1977:167, punt 22), u tat‑28 ta’ Jannar 1986, Pronuptia de Paris (161/84, EU:C:1986:41, punti 15 sa 27).
28 Ara s-sentenza fil-kawża Superleague, punt 183 u l-ġurisprudenza ċċitata (enfasi miżjuda minni).
29 Punt 97 tas-sentenza.
30 Punti 43 u 45 tas-sentenza. Ara wkoll l-Artikolu 165(2) TFUE.
31 Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas (C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 95) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża OTOC”).
32 Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013 (C‑136/12, EU:C:2013:489, punti 55 u 56).
33 Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, API et (C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punti 50 u 51).
34 Naturalment, din is-sitwazzjoni ma tistax testendi għall-għoti formali ta’ setgħat regolatorji, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, lil federazzjoni professjonali, filwaqt li tinżamm is-setgħa li jiddefinixxu l-kriterji ta’ interess ġenerali u l-prinċipji essenzjali li r-regoli tal-federazzjoni għandhom ikunu konformi magħhom, kif ukoll is-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet fl-aħħar għażla. Tabilħaqq, f’dawn il-każijiet ir-regoli adottati mill-federazzjoni professjonali jibqgħu miżuri tal-Istat u ma humiex koperti mir-regoli tat-Trattat applikabbli għall-impriżi. Ara, għal dan il-għan, is-sentenza fil-kawża OTOC, punt 54.
35 Punt 110 ta’ din is-sentenza (enfasi miżjuda minni). Ara wkoll il-punti 105 u 107 tagħha.
36 Enfasi miżjuda minni. Ara s-sentenzi fil-kawża Superleague (punt 197), fil-kawża Royal Antwerp (punt 124) u fil-kawża FIFA (punt 156).
37 Kif innota l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet fil-kawża Wouters et (C‑309/99, EU:C:2001:390), il-kunċett innifsu ta’ “assoċjazzjoni ta’ impriżi” għandu rwol partikolari f’(dak li issa huwa) l-Artikolu 101(1) TFUE, peress li “jfittex li jipprevjeni lill-impriżi milli jkunu jistgħu jevadu r-regoli dwar il-kompetizzjoni sempliċement minħabba l-mod li bih jikkoordinaw l-aġir tagħhom fis-suq. Sabiex jiġi żgurat li dan il-prinċipju jkun effettiv, [l-Artikolu 101(1) TFUE] ikopri mhux biss metodi diretti ta’ koordinazzjoni ta’ aġir bejn l-impriżi (ftehimiet u prattiki miftiehma) iżda wkoll forom istituzzjonalizzati ta’ kooperazzjoni, jiġifieri, sitwazzjonijiet li fihom l-operaturi ekonomiċi jaġixxu permezz ta’ struttura kollettiva jew entità komuni”. Ara l-punt 62 ta’ dawk il-konklużjonijiet (C‑309/99, EU:C:2001:390).
38 Għal dan il-għan, ara inter alia s-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB‑Großmärkte vs Il‑Kummissjoni (26/76, EU:C:1977:167, punt 21); tas‑26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il‑Kummissjoni (T‑193/02, EU:T:2005:22, punti 100 sa 106); tat‑23 ta’ Novembru 2006, Asnef‑Equifax u Administración del Estado (C‑238/05, EU:C:2006:734, punt 67); u tal‑25 ta’ Jannar 2024, Em akaunt BG (C‑438/22, EU:C:2024:71, punt 33). Stabbilixxejt xi kunsiderazzjonijiet dwar l-Artikolu 101(3) TFUE fil-punti 75 sa 95 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża RRC Sports.
39 Ara, dwar din il-kwistjoni, Mavroidis, P.C. u Neven, D., “Legitimate objectives in antitrust analysis: The FIFA regulation of agents and the right to regulate football in Europe”, Concurrences Nru 1‑2024, Art. Nru 117111.
40 Punt 100 ta’ din is-sentenza.
41 Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2004, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni (T‑313/02, EU:T:2004:282, punti 38 u 46).
42 Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, API et (C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punti 46 u 47).
43 Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2014, ONP et vs Il‑Kummissjoni (T‑90/11, EU:T:2014:1049, punt 347).
44 Punt 99 ta’ din is-sentenza.
45 Ara, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza msemmija fin-noti f’qiegħ il-paġna 2 sa 5 u 7 iktar ’il fuq.
46 Punt 183 ta’ din is-sentenza.
47 Ara s-sentenza fil-kawża Meca‑Medina punti 43 sa 45.
48 Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 106), u tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 39).
49 Ara, għal dan il-għan, is-sentenza fil-kawża FIFA, punt 99.
50 Brandenburger, A.M. u Nalebuff., B.J., “Co-opetition: A Revolution Mindset that Combines Competition and Cooperation”, Crown Business, 1996.
51 Ara wkoll, għal dan il-għan, ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża RRC Sports, punt 91.
52 C‑680/21, EU:C:2023:188, punti 56 sa 60.
53 Ara, pereżempju, United Nations Office on Drugs and Crime, “Global report on corruption in sport”, 2022 (disponibbli online), p. 3. Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport”, tat‑18 ta’ Jannar 2011, COM(2011) 12 finali, Taqsima 41.1. Dwar din il-kwistjoni, ara wkoll il-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża RRC Sports.
54 B’mod simili, Van Rompuy, B., “EU Court of Justice delineates the scope of the Wouters exception”, Kluwer Competition Law Blog, il‑15 ta’ Jannar 2024.
55 Ara, f’dan il-kuntest, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2022:993, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 134 sa 146), u s-sentenza fil-kawża Superleague, punti 210 sa 241. Fiż-żewġ kawżi, l-applikazzjoni possibbli tal-ġurisprudenza fil-kawża Meca-Medina għall-miżuri eżaminati lanqas ġiet ikkunsidrata.
57 Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2004, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni (T‑313/02, EU:T:2004:282, punt 57). Fuq appell, ara l-punti 46 et seq. tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Meca‑Medina.
58 Ara l-punti 23 sa 45 ta’ dawk il-konklużjonijiet.
59 Punt 185 tas-sentenza. Fil-fatt, il-ġurisprudenza ma kinitx ċara ħafna fuq dan il-punt: ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria and FrontEx International (C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890, punt 53), bil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 183 tas-sentenza fil-kawża Superleague. Madankollu, kif spjegajt hawn fuq, dak ir-rekwiżit issemma’ b’mod konsistenti fil-ġurisprudenza li tikkonċerna l-anċillarità kummerċjali.
60 Ara, pereżempju, Weatherill, S., “The impact of the rulings of 21 December 2023 on the structure of EU sports law”, The International Sports Law Journal, Vol 23, 2023, p. 409 sa 415.
61 B’mod interessanti, reċentement ġie argumentat (Gryllos, G., “Anticompetitive object/effet: An overview of EU and national case law”, il‑21 ta’ Marzu 2025, Kompetizzjonijiet elettroniċi, Art. Nru 123946, p. 9) li r-rekwiżiti, fil-ġurisprudenza tal-Unjoni, li l-għanijiet leġittimi fl-interess pubbliku ma għandhomx ikunu ta’ natura antikompetittiva u li l-miżura inkwistjoni ma tkunx telimina kull kompetizzjoni jfakkru l-pożizzjoni adottata mis-Supreme Court of the United States (il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti) f’xi kawżi relatati mal-isport. F’dawk il-kawżi, dik il-qorti rrifjutat li tagħti eżenzjoni speċjali mill-Att Sherman favur restrizzjonijiet għall-kummerċ, imposti minn federazzjonijiet sportivi, minħabba li dawn ir-restrizzjonijiet kienu intiżi għal għanijiet soċjali iktar importanti mill-kompetizzjoni. Ara, reċentement, il-konklużjonijiet tas-Supreme Court of the United States (il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti) tal‑21 ta’ Ġunju 2021 (141 S. Ct.2141 (2021)).
62 F’dan is-suq, il-klabbs u l-plejers huma involuti biss bħala riċevituri ta’ servizz.
63 2021/2058 (INI) (ĠU 2022 C 224, p. 2). Enfasi miżjuda minni. It-terminu “riformi reċenti”, sa fejn nifhem jien, irrefera għal dawk li wasslu għall-adozzjoni tal-FIFA Football Agent Regulations.
64 Ara, pereżempju, “Study on sports agents in the European Union”, studju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea, Novembru 2009, p. 3, 4, 168 u 169 u Parrish, R. et al, Promoting and Supporting Good Governance in the European Football Agents Industry – Final Report, ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea, 2019, p. 3, 4, 95, 96 u 127 sa 129.
65 Ara iktar ’il fuq, il-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
66 Ara iktar ’il fuq, il-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
67 Ara, mutatis mutandis, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punti 56 u 57).
68 Ara l-punti 17 sa 28 ta’ dawk il-konklużjonijiet.
69 Ara l-punti 53 sa 113 ta’ dawk il-konklużjonijiet.