Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CC0417

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fit-13 ta’ Frar 2025.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:98

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fit‑13 ta’ Frar 2025 ( 1 )

Kawża C‑417/23

Slagelse Almennyttige Boligselskab,

Afdeling Schackenborgvænge

vs

MV,

EH,

LI,

AQ u LO,

partijiet magħquda:

BL – Danmarks Almene Boliger,

Institut for Menneskerettigheder

u

XM,

ZQ,

FZ,

DL,

WS,

JI,

PB,

VT,

YB,

TJ,

RK

vs

Social-, Bolig- og Ældreministeriet,

partijiet magħquda:

Institut for Menneskerettigheder,

FN særlige rapportør E. Tendayi Achiume,

FN særlige rapportør Blakrishnan Rajagopa

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2000/43/KE – Ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni irrispettivament mir-razza jew oriġini etnika – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ żvilupp f’ċerti żoni residenzjali ddeżinjati bħala ‘soċjetajiet paralleli’ – Kriterju ta’ ‘immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom’ – Kunċetti ta’ ‘oriġini etnika’, ‘diskriminazzjoni diretta’ u ‘diskriminazzjoni indiretta’”

I. Introduzzjoni

1.

Din il-kawża teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta ċerti aspetti tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika ( 2 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-opportunità li telabora iktar dak li jinftiehem bil-kunċett ta’ “oriġini etnika” f’din id-direttiva, u li tiddelimita l-kunċetti ta’ diskriminazzjoni diretta u indiretta.

2.

Din it-talba toħroġ minn numru ta’ tilwimiet quddiem il-qrati nazzjonali fid-Danimarka fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ żvilupp għal unitajiet ta’ akkomodazzjoni pubblika f’ċerti żoni residenzjali msejħa “soċjetajiet paralleli” (preċedentement “ghettos”), imsemmija hekk minħabba li l-maġġoranza tal-popolazzjoni f’dawn iż-żoni hija “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom”. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ ser tkun deċiżiva wkoll għal diversi kawżi oħra pendenti quddiem qrati Daniżi oħra ( 3 ).

II. Il-kuntest, id-domandi magħmula u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A.   Id-dritt Daniż rilevanti

3.

Fl‑2010, ir-Renju tad-Danimarka inkluda l-Artikolu 61a fil-Almenboligloven (il-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika) ( 4 ). Dik il-liġi ġiet sussegwentement emendata darbtejn oħra, l-ewwel fl‑2018, fejn l-iskema inkwistjoni f’dawn il-kawżi ġiet adottata u sussegwentement, fl‑2021, meta ġew introdotti ċerti emendi, l-iktar terminoloġiċi, (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika”). It-terminu “soċjetà parallela” ħa post it-terminu “ghetto”, filwaqt li t-terminu “żona ta’ trasformazzjoni” ħa post it-terminu preċedenti “żona ta’ hard ghetto”.

4.

Id-dispożizzjonijiet ewlenin rilevanti għat-tilwim fil-kawża prinċipali huma l-Artikoli 61a, 168a u 168b tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika.

5.

L-Artikolu 61a jidentifika tliet tipi ta’ żoni ta’ akkomodazzjoni pubblika.

6.

L-ewwel, “żona ta’ akkomodazzjoni vulnerabbli” hija żona li tissodisfa mill-inqas tnejn mill-erba’ kriterji li ġejjin (“il-kriterji soċjoekonomiċi”):

“1)

Il-proporzjon ta’ residenti li jkollhom bejn 18 u 64 sena mingħajr ebda rabta mas-suq tax-xogħol jew l-edukazzjoni huwa ta’ iktar minn 40 %, ikkalkolat bħala l-medja matul l-aħħar sentejn.

2)

Il-proporzjon ta’ residenti misjuba ħatja ta’ reati taħt il-Kodiċi Kriminali, l-Att dwar l-Armi jew l-Att dwar id-Drogi huwa mill-inqas tliet darbiet il-medja nazzjonali, ikkalkolata bħala l-medja matul l-aħħar sentejn.

3)

Il-proporzjon ta’ residenti li jkollhom bejn 30 u 59 sena b’edukazzjoni primarja biss jaqbeż 60 %.

4)

Id-dħul gross medju tal-kontribwenti li jkollhom bejn 15 u 64 sena fiż-żona, esklużi dawk li qiegħdin ifittxu l-edukazzjoni, huwa inqas minn 55 % tad-dħul gross medju għall-istess grupp fir-reġjun” ( 5 ).

7.

It-tieni, “soċjetà parallela” (li qabel kienet “ghetto”) hija żona li tissodisfa tnejn mill-erba’ kriterji soċjoekonomiċi, bħal żona ta’ akkomodazzjoni vulnerabbli, iżda fejn, addizzjonalment, iktar minn 50 % tar-residenti jkunu “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom” ( 6 ).

8.

It-tielet, “żona ta’ trasformazzjoni” (li qabel kienet “hard ghetto”) hija żona li ssodisfat il-kriterji tas-soċjetà parallela għall-aħħar ħames snin ( 7 ).

9.

Il-Ministeru kompetenti jippubblika lista ta’ dawn iż-żoni differenti ta’ akkomodazzjoni fl‑1 ta’ Diċembru ta’ kull sena ( 8 ).

10.

It-termini “tal-Punent” u “mhux tal-Punent” ma humiex iddefiniti fil-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika. Il-qorti tar-rinviju tindika, madankollu, li dawn ittieħdu mid-Danmarks Statistik (l-Istatistika tad-Danimarka), li fasslithom għal finijiet ta’ statistika. F’dan ir-rigward:

“Pajjiżi tal-Punent jinkludu l‑Unjoni Ewropea, Andorra, l‑Awstralja, il‑Kanada, l‑Islanda, il‑Liechtenstein, Monako, New Zealand, in‑Norveġja, San Marino, l‑Isvizzera, ir‑Renju Unit, l‑Istati Uniti tal-Amerika u l‑Istat tal-Belt tal-Vatikan.

Pajjiżi mhux tal-Punent jinkludu l-pajjiżi Ewropej l‑Albanija, il‑Bjelorussja, il‑Bosnja‑Ħerzegovina, il‑Kosovo, il‑Maċedonja, il‑Moldova, il‑Montenegro, ir‑Russja, is‑Serbja, l‑Unjoni Sovjetika, it‑Turkija, l‑Ukraina u l-Jugoslavja. Il-pajjiżi kollha fl-Afrika, l-Amerika ta’ Isfel u l-Amerika Ċentrali u l-Asja. Il-pajjiżi kollha fl-Oċeanja (minbarra l-Awstralja u New Zealand) u persuni apolidi.”

11.

Il-qorti tar-rinviju tispjega wkoll li “immigrant” huwa persuna mwielda barra mill-pajjiż u li ebda mill-ġenituri tagħha ma kien twieled fid-Danimarka jew huwa ċittadin Daniż. “Dixxendent” huwa persuna li twieldet fid-Danimarka, iżda ebda wieħed mill-ġenituri ma huwa ċittadin Daniż kif ukoll imwieled fid-Danimarka, jew fejn il-ġenituri tagħha, anki jekk imwielda fid-Danimarka u kisbu n-nazzjonalità Daniża, iżommu wkoll in-nazzjonalità barranija tagħhom.

12.

Għaż-żoni indikati bħala żoni ta’ trasformazzjoni, il-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika teħtieġ li jitwettqu ċerti miżuri. B’hekk, l-Artikolu 168a(1) ta’ dik il-liġi jipprovdi li l-assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni pubblika li jkunu proprjetarji ta’ dawk iż-żoni għandhom, flimkien mal-kunsill muniċipali, ifasslu pjan ta’ żvilupp. Is-Social-, Bolig- og Ældreministeriet (il-Ministru għall-Intern u għall-Akkomodazzjoni, id-Danimarka) għandu japprova dak il-pjan ta’ żvilupp.

13.

Skont l-Artikolu 168b(1) tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika, assoċjazzjoni tal-akkomodazzjoni pubblika u l-kunsill muniċipali għandhom jistabbilixxu fil-pjan ta’ żvilupp kif il-proporzjon ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni pubblika fiż-żoni ta’ trasformazzjoni għandu jitnaqqas għal 40 % sal‑1 ta’ Jannar 2030.

14.

Sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-pjan ta’ żvilupp jista’ jipprevedi, fost affarijiet oħra, il-bejgħ ta’ proprjetajiet lil żviluppaturi privati jew twaqqigħ, jew il-konverżjoni ta’ akkomodazzjoni tal-familji f’akkomodazzjoni għaż-żgħażagħ. F’każijiet bħal dawn, il-kirja tal-kerrejja preċedenti għandha tiġi tterminata. Il-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika tipprovdi li l-kunsill muniċipali huwa obbligat li jsib soluzzjoni ta’ akkomodazzjoni mill-ġdid għal dawn il-kerrejja u li jkopri l-ispejjeż tagħhom.

B.   It-tilwim fil-kawża prinċipali u d-domandi magħmula

15.

It-tilwim fil-kawża prinċipali jikkonċerna żewġ żoni ta’ trasformazzjoni differenti: Ringparken, żona li hija parti mill-Muniċipalità ta’ Slagelse, u Mjølnerparken li tinsab ġewwa Kopenħagen (id-Danimarka).

16.

Ringparken hija proprjetà tal-kumpannija tal-akkomodazzjoni Slagelse Almennyttige Boligselskab (iktar ’il quddiem “SAB”) ( 9 ). Din ġiet indikata bħala “żona ta’ hard ghetto” (issa “żona ta’ trasformazzjoni”) b’effett mill‑1 ta’ Diċembru 2018 minħabba li din iż-żona ta’ akkomodazzjoni kienet tissodisfa l-erba’ kriterji soċjoekonomiċi kollha u, addizzjonalment, 55.6 % tar-residenti tagħha kienu jappartjenu għall-kategorija ta’ “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom”.

17.

Fis‑17 ta’ Frar 2020, b’konformità mal-pjan ta’ żvilupp għal dik iż-żona, SAB temmet 17‑il kirja fi Schackenborgvænge ( 10 ). It-terminazzjonijiet saru skont il-kriterji approvati, u l-kerrejja li kellhom il-kirjiet mitmuma, skont l-informazzjoni mogħtija, ma ntgħażlux fuq il-bażi ta’ jekk kinux “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent jew id-dixxendenti tagħhom” ( 11 ). Il-kerrejja ġew offruti akkomodazzjoni mill-ġdid permanenti ( 12 ).

18.

L-ewwel erba’ kawżi jikkonċernaw ħames kerrejja li opponew it-terminazzjoni tal-kirjiet tagħhom. Għalhekk SAB fetħet kawżi quddiem il-qorti kompetenti għal dikjarazzjoni li dawk il-kerrejja għandhom jirrikonoxxu li t-terminazzjoni tal-kirjiet tagħhom hija legali ( 13 ).

19.

Il-ħames kawża tikkonċerna ż-żona ta’ trasformazzjoni ta’ Mjølnerparken f’Kopenħagen ġestita mill-assoċjazzjoni tal-akkomodazzjoni Bo-Vita ( 14 ).

20.

Fl‑1 ta’ Diċembru 2018, Mjølnerparken ġiet indikata bħala “żona ta’ hard ghetto” (illum “żona ta’ trasformazzjoni”) minħabba li kienet tissodisfa tlieta mill-erba’ kriterji soċjoekonomiċi u minħabba li madwar 80 % tar-residenti f’dik iż-żona kienu jappartjenu lill-kategorija ta’ “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom” ( 15 ).

21.

Fit‑8 ta’ Mejju 2019, Bo-Vita fasslet pjan ta’ żvilupp fuq dik il-bażi, li ġie approvat mill-Ministeru kompetenti fl‑10 ta’ Settembru 2019. Il-pjan kien jinvolvi l-bejgħ ta’ ċerti blokok ta’ appartamenti. Għaldaqstant, kien f’idejn dik l-assoċjazzjoni li ttemm il-kirjiet tal-kerrejja li ġew offruti akkomodazzjoni mill-ġdid.

22.

Fis‑27 ta’ Mejju 2020, 11‑il resident ta’ Mjølnerparken ressqu rikors kontra l-Ministeru kompetenti, fejn sostnew li l-approvazzjoni tiegħu tal-pjan ta’ żvilupp għal Mjølnerparken hija invalida minħabba li, inter alia, il-pjan huwa bbażat fuq l-Artikolu 61a(4) tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika, li jiddefinixxi żoni ta’ trasformazzjoni. Il-Ministeru sostna li r-rikors għandu jiġi miċħud.

23.

Dawn il-ħames kawżi ġew irreferuti lill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, sabiex jiġu eżaminati fl-ewwel istanza, peress li huwa kkunsidrat li l-kawżi jqajmu kwistjonijiet ta’ prinċipju.

24.

Dik il-qorti għandha dubji dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex kompatibbli mad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika.

25.

Meta tispjega l-isfond tal-kawża, il-qorti tar-rinviju tindika li, qabel l-emendi tal‑2018, il-Gvern Daniż kien fassal strateġija bit-titolu “Ét Danmark uden parallelsamfund – Ingen ghettoer i 2030” (“Id-Danimarka mingħajr soċjetajiet paralleli – mingħajr ghettos 2030”) ( 16 ), li enfasizzat ix-xewqa għal Danimarka koeżiva “mingħajr soċjetajiet paralleli” fost nies bi sfond mhux tal-Punent. Barra minn hekk jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li “l-isfida ċentrali f’soċjetajiet paralleli hija n-nuqqas ta’ integrazzjoni tal-immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom”.

26.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-kunċetti ta’ ‘etniċità’ jew ‘etniċità partikolari’ [oriġini etnika] li jinsabu fl-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-[Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi preżenti – li fihom il-liġi dwar l-akkomodazzjoni soċjali [il-Liġi Daniża dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika] tipprevedi tnaqqis fin-numru ta’ akkomodazzjonijiet soċjali għall-familji fiż-żoni msejjħa żoni ta’ trasformazzjoni, u fejn kundizzjoni sabiex żona tiġi kklassifikata bħala tali hija li żona ta’ abitazzjoni għandu jkollha iktar minn 50 % ta’ ‘immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom’ –, jinkludu grupp ta’ persuni ddefiniti bħala ‘immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom’?

2)

Jekk għall-ewwel domanda tingħata risposta, totali jew parzjali, fl-affermattiv, l-Artikolu 2(2)(a) u (b) […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iskema deskritta fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta jew indiretta?”

C.   L-iżvolġiment tal-proċedura f’din il-kawża

27.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn SAB, XM et, BL – Danmarks Almene Boliger (BL – L-Akkomodazzjoni Pubblika tad-Danimarka: “BL”), l-Institut for Menneskerettigheder (l-Istitut Daniż għad-Drittijiet tal-Bniedem), ir-Relaturi Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti E.T. Achiume u B. Rajagopa, il-Gvern Daniż, il-Gvern Spanjol, u l-Kummissjoni Ewropea.

28.

Saret seduta fit‑30 ta’ Settembru 2024 li fiha SAB, MV et, XM et, BL, l-Istitut Daniż għad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-Relaturi Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti E.T. Achiume u B. Rajgopa, il-Gvern Daniż, u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom.

III. Evalwazzjoni

A.   Struttura ta’ dawn il-konklużjonijiet

29.

Din il-kawża teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika f’ċirkustanzi speċifiċi li jirriżultaw mil-Liġi Daniża dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika.

30.

Din il-liġi timponi l-obbligu fuq l-assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni pubblika sabiex jadottaw, bi qbil mal-awtoritajiet lokali rispettivi, pjanijiet ta’ żvilupp li jkollhom l-għan li jbaxxu n-numru ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni pubblika għal 40 % f’viċinati indikati bħala żoni ta’ trasformazzjoni (jew “hard ghettos” fil-verżjoni preċedenti tal-istess liġi). Dak li jiddistingwi żoni bħal dawn minn viċinati oħra b’sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi komparabbilment żvantaġġati huwa li jkunu popolati b’iktar minn 50 % ta’ persuni deskritti bħala “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom”.

31.

Fiż-żewġ żoni ta’ trasformazzjoni rilevanti għat-tilwimiet pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju – Ringparken fi Slagelse u Mjølnerparken f’Kopenħagen – il-pjanijiet ta’ żvilupp irriżultaw fit-terminazzjoni unilaterali ta’ numru ta’ kirjiet f’unitajiet ta’ akkomodazzjoni pubblika.

32.

Dawn il-konsegwenzi, bħal dawk li rriżultaw mil-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika, jistgħu jiġu kkaratterizzati bħala diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ oriġini etnika, kuntrarjament għad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika?

33.

Id-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika għandha l-għan li telimina d-diskriminazzjoni għal dawn iż-żewġ raġunijiet biss: ir-razza u l-etniċità; raġunijiet ipprojbiti oħrajn huma koperti minn direttivi differenti tal-Unjoni Ewropea ( 17 ).

34.

Għalhekk, din id-direttiva tapplika biss jekk distinzjoni bejn immigranti minn pajjiżi tal-Punent u mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom tista’ tinftiehem bħala li hija bbażata fuq il-kriterju ta’ “oriġini etnika”. Għall-qosor, ser nirreferi għal dik id-distinzjoni bħala l-“kriterju tal-Punent/mhux tal-Punent”.

35.

Ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-kriterju tal-Punent/mhux tal-Punent tabilħaqq jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “oriġini etnika”. Fuq dik il-bażi, ser nipproponi wkoll li dan iwassal għall-konklużjoni li d-diskriminazzjoni li tirriżulta minn hekk hija diskriminazzjoni diretta. L-analiżi tiegħi hija strutturata kif ġej.

36.

Taħt l-intestatura C, u b’risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, ser nuri għaliex il-kriterju ta’ minn pajjiżi tal-Punent u dawk minn pajjiżi mhux tal-Punent għandu jinftiehem bħala bbażat fuq kriterju ta’ oriġini etnika.

37.

Taħt l-intestatura D, u b’risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, ser insostni li t-trattament negattiv li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni rilevanti bbażata fuq tali kriterju huwa wieħed ta’ diskriminazzjoni diretta. Dan huwa hekk, kif ser nispjega, minkejja l-fatt li l-għażla tal-persuni li l-kirjiet tagħhom ġew mitmuma taħt il-pjanijiet ta’ żvilupp ma kinitx ibbażata fuq il-kriterju tal-Punent/mhux tal-Punent. F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-opinjoni tiegħi, ser noffri argumenti alternattivi bbażati fuq diskriminazzjoni indiretta.

38.

Qabel ma nibda l-evalwazzjoni tal-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq, żewġ domandi preliminari dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika għaċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti ser jiġu indirizzati taħt l-intestatura B.

B.   Kwistjonijiet preliminari relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika

1. Taħt liema punt tal‑Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika tinsab din il-kawża: (e), (f) jew (h)?

39.

L-ewwel kwistjoni preliminari, li tqajmet mill-Kummissjoni, tirrigwarda jekk il-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (e) protezzjoni soċjali, inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa, punt (f) vantaġġi soċjali jew punt (h) l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provediment tagħhom, inklużi d-djar, tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika.

40.

Il-Kummissjoni tqis li l-akkomodazzjoni pubblika tirrappreżenta forma ta’ vantaġġ soċjali u li l-kawża preżenti taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika.

41.

Madankollu, wara l-ispjegazzjonijiet mogħtija fis-seduta minn BL u mill-kerrejja fiż-żewġ linji ta’ kawżi – li jirrappreżentaw żewġ żoni ta’ akkomodazzjoni pubblika differenti – u wara konsultazzjoni tar-regoli dwar is-sistema ta’ akkomodazzjoni pubblika fid-Danimarka ( 18 ), jiena tal-fehma li l-akkomodazzjoni pubblika Daniża hija servizz u għalhekk taqa’ taħt l‑Artikolu 3(1)(h) tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika.

42.

L-akkomodazzjoni pubblika tirrappreżenta 20 % tan-numru totali ta’ djar fid-Danimarka u tipprovdi akkomodazzjoni lil madwar miljun persuna. L-akkomodazzjoni pubblika għall-familji tinbena u tinkera mill-assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni pubblika. Hemm kważi 700 assoċjazzjoni ta’ daqs varjat mifruxa f’żoni urbani u distretti rurali. L-assoċjazzjonijiet ma humiex organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru li l-għan tagħhom huwa li joffru akkomodazzjoni affordabbli lill-abitanti tad-Danimarka. Ma hemm l-ebda limitu għad-dħul u kull min għandu iktar minn 15-il sena jista’ jirreġistra (bi ħlas) fuq listi ta’ stennija. Il-kera tal-akkomodazzjoni hija inqas mill-prezz tas-suq, peress li hija maħsuba biss sabiex tkopri l-ispejjeż tal-operat tal-unitajiet tal-akkomodazzjoni biż-żieda ta’ dispożizzjonijiet għall-manutenzjoni. Madankollu, il-kerrejja jħallsu kera pubblika sħiħa għall-użu tal-akkomodazzjoni.

43.

Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi tas-sistema ta’ akkomodazzjoni pubblika Daniża, jiena tal-fehma li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (h) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika, dwar il-provvista ta’ “servizzi disponibbli għall-pubbliku, inklużi d-djar [l-akkomodazzjoni]”.

44.

Tali opinjoni hija sostnuta wkoll mill-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika. Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni kien fiha riferiment għal “aċċess għal u provvista ta’ oġġetti u servizzi” mingħajr ma ssemmiet espressament l-akkomodazzjoni ( 19 ). Għadd ta’ Stati Membri kkontestaw l-inklużjoni ta’ oġġetti u servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Wieħed għandu jiftakar li d-Direttiva Qafas dwar l-ugwaljanza fit-trattament, li ġiet adottata b’mod parallel u li kopriet raġunijiet ipprojbiti oħra – reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età u orjentazzjoni sesswali – ma inkludietx il-provvista ta’ oġġetti u servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ( 20 ). Kompromess fil-kuntest tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika kienet li jiġu inklużi oġġetti u servizzi “disponibbli għall-pubbliku”. F’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda ta’ “inklużi d-djar [l-akkomodazzjoni]”, dak il-kliem ġie propost mill-Parlament Ewropew ( 21 ), u ġie inkluż fil-proposta emendata tal-Kummissjoni ( 22 ). Ladarba sar qbil dwar l-inklużjoni tal-“oġġetti u s-servizzi li huma disponibbli għall-pubbliku” fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika, “imbagħad ma kien hemm l-ebda diffikultà sabiex tiġi żgurata l-kjarifika li l-akkomodazzjoni kienet taqa’ wkoll taħt id-definizzjoni ta’ oġġetti u servizzi” ( 23 ).

2. It-tifsira tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika

45.

It-tieni kwistjoni preliminari li tqajmet waqt is-seduta tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-sentenza introduttorja tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika, li tibda bil-kliem li ġejjin: “Fil-limiti tal-poteri mogħtija lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-[…]” ( 24 ).

46.

B’mod iktar speċifiku, peress li din il-kawża tirrigwarda leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-akkomodazzjoni pubblika – qasam ta’ politika li t-Trattati ma jagħtux lill-kompetenza regolatorja tal-Unjoni – din id-domanda li saret tqajjem kwistjoni kostituzzjonali, iktar ġenerali, dwar jekk id-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika tistax tkun applikabbli għal politika bħal din mingħajr ma tidħol fuq il-kompetenzi nazzjonali.

47.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi osservat, l-ewwel, li s-sentenza introduttiva tal-Artikolu 3(1) ta’ dik id-direttiva tirrifletti l-kliem tal-Artikolu 19 TFUE, li huwa l-bażi legali li ppermetta l-adozzjoni ta’ dik id-direttiva ( 25 ).

48.

Din il-bażi legali tipprovdi lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea s-setgħa li jadotta atti li jiġġieldu, fost l-oħrajn, id-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika. Tali leġiżlazzjoni teħtieġ unanimità fil-Kunsill u l-kunsens tal-Parlament. Is-sentenza introduttorja tal-Artikolu 19 TFUE tgħid li tali att għandu jiġi adottat “mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Unjoni” ( 26 ).

49.

Din id-dispożizzjoni tista’ titqies bħala r-reazzjoni tal-Istati Membri, bħala kaptani tat-Trattati, għall-Opinjoni 2/94 ( 27 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Komunità Ewropea, kif kienet teżisti taħt it-Trattat KE, ma setgħetx tissieħeb mal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) minħabba li t-Trattati, kif kienu dak iż-żmien, ma tawhiex il-kompetenza fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem.

50.

Għalhekk, l-Artikolu 19 TFUE (li dak iż-żmien kien l-Artikolu 13 KE) ġie inkluż fit-Trattati sabiex jagħti kompetenza li tippermetti lill-Unjoni tiġġieled id-diskriminazzjoni attivament.

51.

Madankollu, dik il-kompetenza orizzontali ma kinitx intiża sabiex tespandi żoni li l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tirregola, iżda sabiex tintroduċi “kompetenza tad-drittijiet tal-bniedem” li tagħti s-setgħa lill-Unjoni Ewropea sabiex tiġġieled id-diskriminazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif iddefinit mit-Trattati.

52.

Peress li l-politika tal-akkomodazzjoni ma hijiex żona ta’ kompetenza mogħtija lill-Unjoni Ewropea mit-Trattati, dan ifisser li d-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika ma tistax tapplika għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-akkomodazzjoni pubblika?

53.

Interpretazzjoni bħal din tal-Artikolu 19 TFUE u tas-sentenza introduttorja tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika, tkun, fil-fehma tiegħi, ristretta wisq u teskludi l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ atti oħra tal-Unjoni li jinkludu kliem simili ( 28 ) għal bosta oqsma tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

54.

Kif spjegajt iktar ’il fuq (ara l-punti 43 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-akkomodazzjoni pubblika fid-Danimarka hija servizz offrut bi ħlas, fis-sens tat-Trattati. Bħala tali, l-akkomodazzjoni pubblika taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

55.

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li anki fiż-żoni li fihom l-Istati Membri jżommu setgħat regolatorji, l-għażliet regolatorji tagħhom ikunu limitati mill-qafas kostituzzjonali u leġiżlattiv tal-Unjoni. Pereżempju, fil-qasam tal-edukazzjoni, li huwa wkoll fil-kompetenza tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li filwaqt li d-dritt tal-Unjoni ma jnaqqasx mis-setgħa tal-Istati Membri fir-rigward tal-kontenut tal-edukazzjoni u tal-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi, jibqa’ l-fatt li, meta jeżerċitaw dik is-setgħa, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni ( 29 ).

56.

Bl-istess mod, Stat Membru jibqa’ liberu li jkollu sistema ta’ akkomodazzjoni pubblika – jew le – u li jagħżel il-forma ta’ akkomodazzjoni pubblika u l-persuni lil lilhom tista’ tiġi offruta. Madankollu, ir-regoli dwar l-akkomodazzjoni pubblika, jekk jiġu adottati, ma jistgħux jiddiskriminaw għar-raġunijiet ipprojbiti mid-dritt tal-Unjoni kontra d-diskriminazzjoni, li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza fuq l-adozzjoni tiegħu abbażi tal-Artikolu 19 TFUE. Id-dritt tal-Unjoni għalhekk tabilħaqq jillimita, sa ċertu punt, l-għażliet disponibbli għall-Istati Membri meta jiżviluppaw il-politiki tal-akkomodazzjoni pubblika tagħhom – b’mod partikolari, ma jistgħux jadottaw politiki tal-akkomodazzjoni pubblika li jiddiskriminaw fuq il-bażi tal-oriġini etnika. Meta timponi tali limitu, l-Unjoni Ewropea madankollu ma tiksibx kompetenza fuq l-akkomodazzjoni pubblika, jiġifieri, ma tistax tissostitwixxi jew timponi ċerti tipi ta’ politika tal-akkomodazzjoni fuq l-Istati Membri.

57.

Għalhekk, billi jagħtu s-setgħa lill-Unjoni Ewropea sabiex tiġġieled id-diskriminazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif iddefinit mit-Trattati, l-Istati Membri jaċċettaw li l-politika ta’ ugwaljanza miftiehma b’mod komuni ser timponi wkoll limiti fuq l-għażliet regolatorji tagħhom fiż-żona tal-politika tal-akkomodazzjoni. Fi kliem ieħor, billi adottat id-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika, li tapplika għall-akkomodazzjoni, l-Unjoni Ewropea taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha mill‑Artikolu 19 TFUE, u ma tat lilha nnifisha l-ebda setgħat regolatorji ġodda.

58.

Minn dan isegwi li d-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika hija applikabbli għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-akkomodazzjoni pubblika, minkejja li l-Istati Membri jżommu l-kompetenzi tagħhom li jirregolaw l-akkomodazzjoni pubblika fit-territorju taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

C.   “Oriġini etnika” bħala raġuni pprojbita

59.

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li d-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi ta’ oriġini etnika fil-qasam tal-akkomodazzjoni pubblika.

60.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-distinzjoni bejn immigranti “tal-Punent” u “mhux tal-Punent” u d-dixxendenti tagħhom hijiex distinzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika fis-sens ta’ din id-direttiva.

61.

SAB issostni li l-kunċett ta’ “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom” ma huwiex ibbażat fuq l-oriġini etnika, iżda fuq in-nazzjonalità, li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) tiegħu.

62.

Il-Gvern Daniż jikkontesta wkoll li dak il-kunċett huwa marbut mal-oriġini etnika fejn jargumenta li minflok huwa tant wiesa’ li ma jistax jaffettwa persuni ta’ etniċità partikolari.

63.

Min-naħa l-oħra, il-kerrejja fiż-żewġ żoni ta’ trasformazzjoni li huma partijiet fil-kawżi quddiem il-qorti nazzjonali, l-Institut for Menneskerettigheder (l-Istitut Daniż tad-Drittijiet tal-Bniedem), l-FN’s særlige rapportører (ir-Relaturi Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti), il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni kollha jsostnu, essenzjalment, li l-grupp ta’ “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom” huma distintivi fuq il-bażi tal-oriġini etnika tagħhom.

1. Il-formulazzjoni, il-kuntest u l-iskop tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika

64.

L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika ma fihiex definizzjoni jew kwalunkwe indikazzjoni oħra ta’ dak li għandu jinftiehem bħala “oriġini etnika”.

65.

Fl-assenza ta’ definizzjoni leġiżlattiva, wieħed jista’ jfittex is-sens normali fil-lingwaġġ kurrenti tal-kelma “etniku”, “etniċità” jew “oriġini etnika” ( 30 ). Tfittxija malajr fid-dizzjunarji disponibbli fuq l-internet turi li dawn it-termini jirreferu għal grupp ta’ nies konnessi b’ċerti karatteristiċi komuni. Madankollu, dawk il-karatteristiċi jvarjaw skont id-definizzjonijiet tad-dizzjunarji ( 31 ). Ħafna drabi jinkludu kultura, tradizzjoni, lingwa, storja, razza jew reliġjon kondiviżi. Barra minn hekk, id-definizzjonijiet tad-dizzjunarji spiss iżidu “eċċ.” jew simili, li jindika li karatteristiċi oħrajn jistgħu jkunu rilevanti wkoll ( 32 ).

66.

Fir-rigward tal-kuntest li fih tidher il-kelma “oriġini etnika”, wieħed jista’ jinnota li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq bażi bħal din hija ttrattata fl-att li fl-istess ħin jindirizza l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ oriġini ta’ razza. Dan jgħin sabiex jinftiehem x’inhi l-etniċità?

67.

L-użu tat-termini “etniku” u “razzjali” flimkien u b’mod interkambjabbli jidher li huwa riżultat tal-evoluzzjoni fil-fehim ta’ dan it-tip ta’ diskriminazzjoni. Skont l-istudjużi, l-oriġini tat-terminu “razziżmu” jidher li jinsab fi kritika tat-teoriji xjentifiċi preċedenti dwar ir-“razza”, li fittxew li jikkategorizzaw il-popolazzjoni umana f’numru ta’ “razez” bijoloġikament differenti ( 33 ).

68.

Fid-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika, il-leġiżlatur tal-Unjoni jesprimi b’mod ċar li l-Unjoni tiċħad tali teoriji li jipprevedu l-eżistenza ta’ razez umani differenti ( 34 ). Madankollu hija tkompli tuża t-terminu razza, iżda, b’differenza mill-istrumenti legali preċedenti ( 35 ), iżżid it-terminu “oriġini etnika”, possibbilment sabiex tenfasizza aħjar ir-rabta ta’ dawk il-kunċetti ma’ kostruzzjonijiet soċjali iktar milli kwalunkwe karatteristiċi partikolari li jintirtu.

69.

Għalhekk, l-użu tat-terminu “oriġini etnika” fid-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika għandu jinqara flimkien mat-terminu “razza”, bħala li jirreferi għal kostruzzjoni soċjali – perċezzjoni f’soċjetà partikolari tal-eżistenza ta’ grupp li jkun rikonoxxibbli bħala differenti fuq il-bażi ta’ ċerti karatteristiċi soċjokulturali, bħal lingwa, letteratura, mużika, drawwiet u simili.

70.

Finalment, l-għan tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika huwa li tistabbilixxi qafas għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni sabiex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ ugwaljanza. Skont l-Artikolu 2 TUE, l-ugwaljanza hija waħda mill-valuri fundamentali tal-Unjoni. Peress li din id-direttiva għalhekk tqiegħed fis-seħħ wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni, il-kunċett ta’ “oriġini etnika” għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa ( 36 ).

71.

Il-premessa 12 tispjega li d-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika għandha l-għan li “[tiżgura] l-iżvilupp ta’ soċjetajiet demokratiċi u tolleranti li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-persuni kollha irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità”.

72.

Barra minn hekk, bosta premessi tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika jirreferu għall-inizjattivi tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni sabiex jiġġieldu “ir-razziżmu u x-xenofobija [il-ksenofobija]” ( 37 ). Il-ġlieda kontra l-ksenofobija hija, għalhekk, element tal-iżvilupp ta’ soċjetajiet tolleranti ( 38 ), u l-kunċett ta’ “oriġini etnika” għandu jinftiehem bħala li jaqa’ taħt tali għan ta’ din id-direttiva.

73.

F’kuntest bħal dan, il-kunċett ta’ “oriġini etnika” jista’ jinftiehem bħala li jirreferi għal perċezzjoni ta’ persuna jew ta’ grupp ta’ persuni bħala stranġieri jew barranin. Bħala tali, diviżjoni fuq il-bażi ta’ “oriġini etnika” tista’ tinftiehem bħala diviżjoni bejn aħna” u “huma”; il-linja diviżorja tkun dipendenti fuq ċerti karatteristiċi fiżiċi u soċjokulturali jew, mill-inqas, fuq il-perċezzjoni li jeżistu differenzi f’dawk il-karatteristiċi.

74.

L-iżvilupp ta’ soċjetà li tkun tolleranti għad-differenzi etniċi jkun jinvolvi r-rikonoxximent ta’ drittijiet ugwali għal “huma”, minkejja t-twemmin jew perċezzjoni li “huma” għandhom karatteristiċi differenti minn “aħna”.

2. Il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja

a)  Is-sentenzi CHEZ u Jyske Finans – il-fatturi ta’ “etniċità”

75.

Teżisti ftit ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-kunċett ta’ “oriġini etnika”. Sakemm mhux sejra żball, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat direttament it-tifsira ta’ dan it-terminu f’żewġ kawżi biss: CHEZ u Jyske Finans ( 39 ).

76.

Il-kawża ewlenija fil-qasam tad-diskriminazzjoni etnika hija dik tas-sentenza CHEZ. Din ħarġet minn sitwazzjoni fejn fornitur tal-elettriku Bulgaru installa arloġġi tad-dawl f’għoli ta’ iktar minn sitt metri f’viċinat li kien ippopolat b’mod predominanti minn persuni ta’ oriġini Roma għalkemm kienet prattika komuni li jitqiegħdu f’għoli ta’ inqas minn żewġ metri. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, f’dawk iċ-ċirkustanzi, persuni ta’ oriġini Roma setgħu jinftiehmu bħala grupp etniku ( 40 ).

77.

Sabiex tasal għal tali konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet minn fehim iktar ġenerali tal-kunċett ta’ etniċità: “il-kunċett ta’ oriġini etnika [etniċità], li jirriżulta mill-idea li gruppi tas-soċjetà huma kkaratterizzati b’mod partikolari minn nazzjonalità, fidi reliġjuża, lingwa, oriġini kulturali u tradizzjonali u ambjent ta’ għajxien komuni, japplika għall-komunità Roma” ( 41 ).

78.

Mid-definizzjoni invokata f’dik is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li l-kunċett ta’ “etniċità” jiġbor il-persuni fuq il-bażi ta’ diversi karatteristiċi komuni, li wħud minnhom huma raġunijiet ta’ diskriminazzjoni pprojbiti fihom infushom (reliġjon, u f’ċerti ċirkustanzi, nazzjonalità) filwaqt li oħrajn ma humiex (lingwa, oriġini kulturali u tradizzjonali u ambjent ta’ għajxien).

79.

L-istess ħafna bħat-tifsira komuni jew ta’ dizzjunarju analizzata preċedenti tal-kelma “etniku”, il-karatteristiċi imsemmija fis-sentenza CHEZ ma humiex enumerati b’mod eżawrjenti (il-Qorti tal-Ġustizzja użat il-kliem “b’mod partikolari”), u lanqas huwa neċessarju li dawn il-kriterji kollha jiġu ssodisfatti sabiex jitqies li distinzjoni tkun ibbażata fuq l-etniċità.

80.

Madankollu hemm karatteristika waħda li taħtha n-nies spiss huma miġbura iżda li d-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika ma tkoprix: in-nazzjonalità ( 42 ). Madankollu, kif jirriżulta mid-definizzjoni kkwotata preċedentement meħuda mis-sentenza CHEZ ( 43 ), anki n-nazzjonalità tista’ titqies sabiex jiġi ddeterminat jekk ċerta diviżjoni hijiex ibbażata fuq il-kriterju ta’ “etniċità” – jekk tidher biss bħala fattur wieħed, u mhux bħala l-uniku wieħed, li fuqu jkun ibbażat trattament differenti.

81.

Fis-sentenza Jyske Finans, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-lista ta’ karatteristiċi ta’ etniċità li tidher fis-sentenza CHEZ ma hijiex eżawrjenti. Hija qieset li l-pajjiż tat-twelid ( 44 ) jista’ jkun ukoll wieħed mill-kriterji sabiex tiġi ddeterminata l-etniċità ta’ persuna, anki jekk din il-karatteristika ma ssemmietx fis-sentenza CHEZ ( 45 ). Madankollu, fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-etniċità ta’ persuna ma tistax tiġi ddeterminata abbażi ta’ kriterju wieħed, iżda hija bbażata fuq numru sħiħ ta’ fatturi, xi wħud suġġettivi u oħrajn oġġettivi ( 46 ). Għalhekk, il-post tat-twelid ta’ persuna jista’ jwassal għall-konklużjoni li dik il-persuna ġiet ittrattata b’mod differenti fuq il-bażi tal-oriġini etnika tagħha, iżda ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika dan.

82.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet fis-sentenza Jyske Finans li l-karatteristiċi tal-etniċità jistgħu jkunu kemm oġġettivi kif ukoll suġġettivi, hija ma elaboratx iktar dwar dan. Il-fatturi li l-Qorti tal-Ġustizzja semmiet fis-sentenzi CHEZ u Jyske Finans huma kollha fatturi oġġettivi. Jista’ jkun hemm ukoll fatturi suġġettivi, li jikkontribwixxu għall-kunċett ta’ etniċità, bħal perċezzjoni ta’ appartenenza għal grupp etniku, iżda dawn ma ssemmewx f’ebda waħda miż-żewġ sentenzi ( 47 ). Fatturi suġġettivi jimponu “konfini etniċi”, li jirriżultaw f’inklużjoni jew f’esklużjoni ta’ grupp ( 48 ). Għalhekk, il-perċezzjoni li grupp etniku wieħed ikollu, li ċerti persuni ma jappartjenux f’dak il-grupp, tista’ tikkontribwixxi għall-konklużjoni li dak it-trattament differenti jkun immotivat minn oriġini etnika.

b)  Feryn – l-omoġeneità ta’ grupp ittrattat b’mod inqas favorevoli

83.

Fis-sentenza CHEZ, il-grupp etniku li fuq il-bażi tiegħu seħħ trattament inqas favorevoli kien grupp etniku speċifiku, ipperċepit bħala grupp omoġenju ( 49 ).

84.

F’din il-kawża, il-grupp ta’ “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom” ma huwiex kompost minn persuni marbutin oġġettivament bl-istess storja, kultura, reliġjon, lingwa, post ta’ oriġini, jew mill-perċezzjoni suġġettiva ta’ appartenenza tagħhom fl-istess grupp etniku. Il-persuni “minn pajjiżi mhux tal-Punent” huma persuni li immigraw lejn id-Danimarka minn kwalunkwe pajjiż fid-dinja ħlief dawk il-pajjiżi li huma meqjusa bħala tal-Punent. Kif indikat mill-Gvern Daniż, il-pajjiżi li dak il-grupp ġej minnhom jirrappreżentaw id-dar ta’ 88 % tal-popolazzjoni dinjija.

85.

Tabilħaqq, għall-kuntrarju tal-komunità Roma fil-Bulgarija li kienet (mill-inqas ipperċepita bħala) grupp etniku wieħed fis-sentenza CHEZ, il-persuni li ġejjin “minn pajjiżi mhux tal-Punent” huma grupp li għandhom etniċità diversa.

86.

Dak li jgħaqqad dak il-grupp, madankollu, ma humiex fatturi komuni li jiffurmaw “etniċità” fi ħdan il-grupp, huwa pjuttost il-perċezzjoni mil-leġiżlatur Daniż li dan il-grupp ma jippossjedix il-karatteristiċi tal-grupp l-ieħor, jiġifieri, ta’ “li ġejjin minn pajjiżi tal-Punent”. Il-grupp għalhekk huwa ffurmat fuq il-bażi tal-esklużjoni ta’ dawk li ġejjin “minn pajjiżi mhux tal-Punent” mill-grupp ta’ dawk li ġejjin “minn pajjiżi tal-Punent”.

87.

Fil-fehma tiegħi, din id-distinzjoni magħmula mil-Liġi Daniża dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika hija bbażata fuq it-twemmin li “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom” jintegraw fis-soċjetà Daniża b’iktar diffikultà mill-immigranti minn pajjiżi tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom. Tali twemmin ġie kkonfermat – għalkemm mhux issostanzjat b’ebda fatt – mill-Gvern Daniż f’din il-kawża.

88.

Din il-pożizzjoni, kif indikata mill-Kummissjoni, tistrieħ fuq l-idea li l-immigranti mill-pajjiżi tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom kif ukoll ċittadini Daniżi jaqsmu kultura simili, tradizzjonijiet simili u twemmin reliġjuż simili. Għal din ir-raġuni jiffurmaw grupp etniku omoġenju, differenti minn dak tal-immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom, u din hija r-raġuni għaliex il-membri tal-grupp “minn pajjiżi tal-Punent” normalment ma jkollhomx diffikultà bl-integrazzjoni, b’differenza mill-membri tal-grupp “minn pajjiżi mhux tal-Punent”.

89.

Għalhekk, f’termini ta’ oriġini etnika, il-grupp “minn pajjiżi mhux tal-Punent” huwa ddefinit b’mod negattiv bħala grupp li ma jippossjedix ċerti karatteristiċi etniċi, iktar milli bħala grupp li jippossjedi ċerti karatteristiċi etniċi komuni. Din id-definizzjoni, fuq il-bażi ta’ esklużjoni, madankollu, ma tiċħadx il-fatt li d-distinzjoni bejn iż-żewġ gruppi ssir fuq il-bażi tal-kriterju ta’ “oriġini etnika”.

90.

Id-domanda magħmula f’din il-kawża, li hija ġdida fir-rigward tas-sentenza CHEZ hija jekk id-diskriminazzjoni kontra l-etniċitajiet l-oħra kollha, minbarra dik li hija dominanti fis-soċjetà inkwistjoni hijiex ukoll inkluża taħt id-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika.

91.

F’dan ir-rigward, jiena naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li kkunsidrat li din id-direttiva tkopri sitwazzjonijiet mhux biss li fihom grupp etniku speċifiku jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli, iżda wkoll fejn gruppi differenti jitqiegħdu f’pożizzjoni żvantaġġata, jekk il-kriterju li fuq il-bażi tiegħu dan iseħħ ikun l-“oriġini etnika” ta’ dak il-grupp. L-interpretazzjoni opposta tostakola l-ġlieda effiċjenti kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika.

92.

Jekk “etniċità” tinftiehem bħala diviżjoni f’“aħna” u “huma”, u jekk id-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika tiġi interpretata li tipprovdi “lilhom” drittijiet ugwali fis-soċjetajiet “tagħna”, allura, sabiex tilħaq l-għan tagħha, dik id-direttiva għandha tkun applikabbli kull meta persuni jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli sempliċement minħabba d-“diversità” etnika pperċepita tagħhom.

93.

Għalkemm mhux espressament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-grupp li jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli ma għandux għalfejn ikun grupp etnikament omoġenju. Fis-sentenza Feryn ( 50 ), it-tilwima qamet minn persuna li timpjega fil-Belġju li ddikjarat li hija ma kinitx ser timpjega “allochtonen”, għall-kuntrarju ta’ “autochtonen” (il-kelma Olandiża kienet tradotta bħala “immigrants” fil-verżjoni Ingliża tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja). Organizzazzjoni mhux governattiva ħarrket lill-persuna li timpjega, u talbet lill-qorti Belġjana sabiex tikkonstata diskriminazzjoni. Il-kwistjoni legali prinċipali li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet issolvi f’dik il-kawża kienet jekk, f’sitwazzjoni li fiha ma teżistix vittma konkreta, diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika tista’ xorta waħda teżisti.

94.

Fis-sentenza Feryn, la l-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas ebda waħda mill-partijiet ma qajmu l-kwistjoni dwar jekk il-grupp li kien ġie ttrattat b’mod inqas favorevoli – l-“allochtonen”– jistax jinftiehem bħala grupp ibbażat fuq oriġini etnika. Bħal fis-sitwazzjoni f’din il-kawża, l-“allochtonen” ma kinux grupp etnikament omoġenju. Pjuttost, id-dikjarazzjoni tal-persuna li timpjega ddiskriminat kontra l-“barranin” kollha, għall-kuntrarju ta’ autochtons jew għal grupp ta’ nies ipperċepiti li ma humiex barranin.

95.

Għalhekk, taċitament, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li d-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika tapplika wkoll meta l-grupp li ssir diskriminazzjoni kontrih ma jkunx grupp etniku omoġenju, iżda t-trattament inqas favorevoli madankollu jkun ibbażat fuq il-kriterju ta’ “oriġini etnika” ( 51 ).

96.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-għan tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkorroboraw il-konklużjoni li grupp ittrattat b’mod inqas favorevoli ma għandux neċessarjament ikun grupp omoġenju, dejjem jekk il-persuni kkonċernati jitqiesu bħala li jappartjenu għal dak il-grupp fuq il-bażi ta’ kriterji li jintużaw sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini etnika.

3. Il-kriterju ta’ “minn pajjiżi tal-Punent”/minn pajjiżi mhux tal-Punent” użat mil-leġiżlazzjoni Daniża huwa bbażat fuq oriġini etnika

97.

F’din il-kawża, “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom” huma mqiegħda fi grupp differenti minn immigranti li ġejjin minn pajjiżi tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom fuq il-bażi ta’ diversi fatturi li jindikaw il-fatt li l-oriġini etnika pperċepita kienet raġuni sabiex issir distinzjoni bejn it-tnejn: in-nazzjonalità, il-post tat-twelid u d-dixxendenza.

98.

Persuna tappartjeni lill-grupp tal-ewwel jekk in-nazzjonalità tagħha jew tal-ġenitur(i) tagħha ma tkunx Daniża, jew minn pajjiż tal-Punent, jekk il-post tat-twelid tagħha ma jkunx id-Danimarka jew pajjiż tal-Punent, u jekk id-dixxendenza tagħha, murija bil-post tat-twelid tal-ġenitur(i) tagħha, ma tkunx Daniża jew pajjiż tal-Punent. Kif indikat mill-Institut for Menneskerettigheder (l-Istitut Daniż tad-Drittijiet tal-Bniedem), it-tfal ta’ immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom imwielda fid-Danimarka jistgħu jibqgħu fil-grupp ta’ persuni li ġejjin “minn pajjiżi mhux tal-Punent” għal diversi ġenerazzjonijiet, jekk ebda mill-ġenituri tagħhom ma jkun ċittadin Daniż jew imwieled fid-Danimarka, anki jekk huma stess kisbu ċittadinanza Daniża.

99.

Għalhekk, peress li l-kriterju li abbażi tiegħu l-liġi Daniża tiddistingwi bejn persuni li ġejjin “minn pajjiżi tal-Punent” huwa dak ta’ “oriġini etnika”, id-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika hija applikabbli.

100.

Insib ukoll rilevanti li l-leġiżlatur Daniż deher li jifhem din id-diviżjoni bħala bħala waħda li hija stabbilita fuq il-linji ta’ etniċità. Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju indikat id-dokumenti preparatorji tal-emendi tal‑2018 tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika, li jissuġġerixxu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ġiet proposta fuq il-premessa li “ġejjin minn pajjiżi mhux tal-Punent” hija karatterizzazzjoni etnika ( 52 ).

101.

Il-fatt li l-“immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom” fihom infushom ma humiex grupp etniku omoġenju huwa irrilevanti jekk il-kriterju li skontu tqiegħdu f’dan il-grupp huwa dak ta’ oriġini etnika.

102.

Finalment, diversi organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti qiesu wkoll li l-istabbiliment ta’ kategorija ta’ migranti “minn pajjiżi mhux tal-Punent” mil-leġiżlazzjoni Daniża huwa diskriminazzjoni bbażata, fost affarijiet oħra, fuq l-oriġini etnika ( 53 ).

103.

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li d-distinzjoni bejn immigranti “minn pajjiżi tal-Punent” u “minn pajjiżi mhux tal-Punent” u d-dixxendenti tagħhom hija bbażata fuq l-oriġini etnika.

104.

Dan iwassalni għad-domanda li jmiss – jekk il-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika hijiex diskriminatorja, u, jekk iva, jekk tikkostitwix diskriminazzjoni diretta jew indiretta.

D.   Diskriminazzjoni diretta jew indiretta

105.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kriterju “minn pajjiż tal-Punent/pajjiż mhux tal-Punent” tirriżultax f’diskriminazzjoni diretta jew indiretta.

106.

L-ewwel, id-diskriminazzjoni timplika li persuna jew grupp ta’ persuni jiġu ttrattati b’mod li jikkawża preġudizzju.

107.

Diskriminazzjoni diretta sseħħ meta tali trattament li jikkawża preġudizzju jkun ibbażat direttament fuq l-oriġini etnika. Sabiex tiġi stabbilita diskriminazzjoni etnika diretta, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li persuna (jew grupp ta’ persuni) tiġi ttrattata inqas favorevolment minn persuna (jew grupp) minħabba l-bażi tal-kriterju ta’ oriġini etnika ( 54 ).

108.

Diskriminazzjoni indiretta sseħħ meta t-trattament li jikkawża preġudizzju ta’ grupp etniku jirriżulta minn miżura apparentement newtrali ( 55 ).

109.

Li wieħed jagħraf jekk sitwazzjoni tirrappreżentax diskriminazzjoni diretta jew indiretta mhux dejjem huwa faċli jew ċar ( 56 ).

110.

L-iktar konsegwenza importanti li tiġi kkonstatata li regola jew prattika tirriżulta f’diskriminazzjoni diretta hija li tali regola jew prattika ma tistax, bħala prinċipju, tkun iġġustifikata, u għalhekk hija awtomatikament ipprojbita. Trattament inqas favorevolment immotivat minn kwalunkwe waħda mir-raġunijiet ipprojbiti huwa, fil-prinċipju, possibbli biss f’sitwazzjonijiet espressament previsti mil-leġiżlazzjoni. Id-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika tipprovdi għal tali possibbiltà biss jekk it-trattament differenzjali bbażat direttament fuq ir-razza jew l-etniċità jkun rekwiżit ġenwin u determinanti tal-mestier ( 57 ). Is-sitwazzjoni f’din il-kawża ma tirriżultax minn tali sitwazzjoni.

111.

Għall-kuntrarju, diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi ġġustifikata jekk ir-regola apparentement newtrali li kienet ħolqot żvantaġġi partikolari għal grupp etniku meta mqabbel ma’ grupp ieħor tkun verament regola newtrali. Dan jista’ jiġi stabbilit jekk regola bħal din ikollha raġuni leġittima li ma tkunx konnessa mal-etniċità, li ssegwi b’mod proporzjonat.

112.

F’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat li l-persuni li l-kirjiet tagħhom ġew itterminati ma ntgħażlux fuq il-bażi tal-kriterju ta’ jekk humiex ġejjin “minn pajjiżi tal-Punent/mhux tal-Punent”. Anzi, il-pjanijiet ta’ żvilupp adottati għal kull żona ta’ trasformazzjoni stabbilixxew il-kriterji tagħhom stess – pereżempju, kerrejja li l-kirjiet tagħhom ġew itterminati f’Ringparken intgħażlu fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ skwalifika għal akkomodazzjoni pubblika f’żoni ta’ trasformazzjoni, jiġifieri l-kundanni kriminali tagħhom fl-aħħar sitt xhur jew il-livell tad-dħul tagħhom.

113.

Fil-fatt, xi wħud mill-persuni li l-kirjiet tagħhom ġew itterminati f’Mjølnerparken huma ċittadini Daniżi li ma jistgħux jitqiegħdu fil-grupp ta’ “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom” kif iddefinit mil-leġiżlazzjoni Daniża.

114.

Madankollu, il-fatt li l-vittmi ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta kienu wkoll persuni li ma humiex “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom” ma jaffettwax il-possibbiltà li jiġi kkonstatat li seħħet diskriminazzjoni etnika.

115.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat dan fis-sentenza CHEZ. Persuna li hija vittma ta’ diskriminazzjoni u li rrikorriet għal qorti għal protezzjoni legali ma għandhiex għalfejn tagħmel parti mill-grupp etniku ttrattat b’mod inqas favorevoli; dik il-persuna tista’ sempliċement tkun vittma kollaterali ta’ dipendenza fuq l-oriġini etnika fit-teħid tad-deċiżjonijiet jew fil-leġiżlazzjoni. Fis-sentenza CHEZ, il-vittma ta’ diskriminazzjoni kienet persuna li ma kinitx ta’ etniċità Roma iżda kienet tgħix fil-viċinat li fih tqiegħdu l-arloġġi tad-dawl f’għoli mhux normali minħabba li kien ippopolat b’mod predominanti minn persuni ta’ oriġini Roma. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament “ma japplikax għal kategorija speċifika ta’ persuni iżda abbażi tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 [tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika], b’tali mod li japplika wkoll għall-persuni li, minkejja li ma jappartjenux huma stess għar-razza jew għall-grupp etniku kkonċernati, iġarrbu madankollu trattament inqas favorevoli jew żvantaġġ partikolari għal waħda minn dawn ir-raġunijiet” ( 58 ).

116.

Bl-istess mod, ċittadini Daniżi jew immigranti minn pajjiżi tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom jistgħu wkoll jistrieħu fuq il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni etnika prevista fid-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika jekk ikunu ġew ittrattati ħażin minħabba l-applikazzjoni tal-kriterju etniku jew ta’ kriterju apparentement newtrali li, madankollu, jaffettwa b’mod predominanti persuni li jappartjenu għall-grupp “minn pajjiżi mhux tal-Punent”.

117.

Kwistjoni oħra ċċarata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tkun rilevanti għal din il-kawża hija li, sabiex tiġi stabbilita diskriminazzjoni, ma hemmx għalfejn tkun teżisti vittma per se ta’ diskriminazzjoni. Mis-sentenza Feryn jirriżulta li huwa biżżejjed li l-applikazzjoni tal-kriterju etniku tkun tista’ twassal għal trattament inqas favorevoli għal xi persuni ( 59 ).

118.

Dan ifisser li diskriminazzjoni tista’ wkoll tinstab fi proċeduri li jinvolvu stħarriġ ġudizzjarju astratt, bħal dik mibdija minn 11-il kerrej taż-żona ta’ akkomodazzjoni ta’ Mjølnerparken.

119.

Dak li fadal jiġi solvut huwa jekk it-trattament li jikkawża preġudizzju, jiġifieri, l-eżistenza ta’ riskju ta’ terminazzjoni unilaterali tal-kirjiet, huwiex riżultat tal-applikazzjoni tal-kriterju etniku “minn pajjiżi tal-Punent/mhux tal-Punent” jew ta’ regola etnikament newtrali li fuq il-bażi tagħha ġew identifikati l-persuni li l-kirjiet tagħhom ġew itterminati (b’referenza għall-kriminalità jew il-faqar tagħhom). Fl-ewwel sitwazzjoni, id-diskriminazzjoni inkwistjoni tkun diskriminazzjoni diretta. Fis-sitwazzjoni tal-aħħar, id-diskriminazzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala diskriminazzjoni indiretta jekk taffettwa iktar persuni mill-istess grupp etniku (f’dan il-każ, “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom”) u ma tkunx iġġustifikata.

120.

Fil-fehma tiegħi, hemm żewġ raġunijiet sabiex wieħed jikkunsidra li s-sitwazzjoni maħluqa mil-leġiżlazzjoni Daniża hija diskriminazzjoni diretta, kif ser nelabora iktar ’il quddiem. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-pożizzjoni tiegħi, madankollu, ser noffri soluzzjoni alternattiva li skontha s-sitwazzjoni tista’ tinftiehem bħala diskriminazzjoni indiretta.

1. Diskriminazzjoni diretta

121.

Sabiex tiġi kkonstatata diskriminazzjoni diretta, it-trattament inqas favorevoli għandu jkun ibbażat direttament fuq l-oriġini etnika.

122.

It-trattament inqas favorevoli jimplika element ta’ paragun – sabiex isseħħ diskriminazzjoni diretta, persuna trid tiġi ttrattata agħar milli persuna oħra tiġi ttrattata jew tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli.

123.

Fiex jikkonsisti t-trattament inqas favorevoli f’din il-kawża u min huwa l-element ta’ paragun?

124.

Fil-fehma tiegħi, it-trattament li jikkawża preġudizzju f’din il-kawża jeżisti f’żewġ livelli.

125.

L-ewwel manifestazzjoni ovvja ta’ trattament li jikkawża preġudizzju hija t-terminazzjoni unilaterali ta’ kirjiet f’unitajiet ta’ akkomodazzjoni pubblika jew possibbiltà ta’ dan.

126.

It-tieni manifestazzjoni inqas viżibbli ta’ trattament li jikkawża preġudizzju hija l-istigmatizzazzjoni ta’ grupp etniku.

127.

Ser nittratta ż-żewġ manifestazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni diretta wara xulxin.

a) Terminazzjoni unilaterali tal-kirjiet

128.

Il-pjanijiet ta’ żvilupp inkwistjoni wasslu, jew jistgħu jwasslu, għal terminazzjoni ta’ kirjiet f’unitajiet ta’ akkomodazzjoni pubblika, u b’hekk iċaħħdu lill-kerrejja mid-djar tagħhom.

129.

Skont l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), ir-rispett tad-dar huwa dritt fundamentali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li bbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ( 60 ) rrikonoxxiet l-importanza ta’ dan id-dritt fundamentali, billi kkunsidrat b’mod partikolari li t-telf minn persuna tad-dar tal-familja huwa interferenza importanti f’dan id-dritt, peress li jqiegħed lill-familja tal-persuna kkonċernata f’pożizzjoni partikolarment vulnerabbli ( 61 ), billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

130.

Matul il-kawża, ġie sostnut li l-kerrejja inkwistjoni ma tilfux, jew ma kinux ser jitilfu d-dar tagħhom, peress li l-assoċjazzjoni tal-akkomodazzjoni hija obbligata bil-liġi li toffri akkomodazzjoni mill-ġdid xierqa.

131.

Mingħajr ma jkun meħtieġ li nidħlu sa liema punt id-dritt ta’ akkomodazzjoni mill-ġdid ġie rrispettat fil-prattika li, fi kwalunkwe każ, ikollu jiġi stabbilit mill-qorti nazzjonali, huwa biżżejjed li jingħad li l-possibbiltà ta’ akkomodazzjoni mill-ġdid ma għandha l-ebda effett fuq il-kwistjoni tad-differenza fit-trattament.

132.

Jiġifieri, l-element ta’ paragun rilevanti sabiex jiġi konkluż jekk jeżistix trattament inqas favorevoli f’dan il-każ huma l-kerrejja f’unitajiet ta’ akkomodazzjoni pubblika f’żoni oħra vulnerabbli ta’ akkomodazzjoni soċjali, bħal dawk iddefiniti mill-Artikolu 61a(1) tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika. Dawn iż-żoni huma paragunabbli, peress li jissodisfaw ukoll żewġ kriterji soċjoekonomiċi jew iktar (relatati mal-kriminalità, il-qgħad, id-dħul baxx u l-assenza ta’ edukazzjoni), kif jagħmlu ż-żoni ta’ trasformazzjoni. Madankollu, il-kerrejja ta’ żoni vulnerabbli ma humiex esposti għal riskju li jitilfu d-dar tagħhom, kuntrarjament għal dawk li jgħixu f’żoni ta’ trasformazzjoni. L-unika differenza bejn iż-żewġ żoni hija li l-popolazzjoni taż-żoni vulnerabbli tikkonsisti f’inqas minn 50 % ta’ immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom.

133.

Għalhekk, anki jekk tiġi offruta akkomodazzjoni mill-ġdid adegwata lill-kerrejja f’żoni ta’ trasformazzjoni, dawn xorta jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli fir-rigward tal-kerrejja f’żoni paragunabbli, fejn il-maġġoranza tal-popolazzjoni tagħhom huma residenti “minn pajjiżi tal-Punent”. Dawk tal-ewwel jirriskjaw li l-kirjiet tagħhom jiġu tterminati, filwaqt li dawn imsemmija l-aħħar bl-ebda mod ma jiffaċċjaw dan ir-riskju.

134.

L-istruttura tal-leġiżlazzjoni Daniża – li tobbliga lill-assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni u lill-awtoritajiet lokali jadottaw pjanijiet ta’ żvilupp, iżda tħalli lilhom jiddeċiedu dwar il-miżuri partikolari li jwasslu għal tnaqqis fin-numru ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni pubblika – toħloq stampa li l-“ħati” għat-terminazzjoni tal-kirjiet huwa l-pjan ta’ żvilupp konkret u mhux il-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika.

135.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, dawn it-tnejn ma jistgħux jiġu sseparati. Kieku ma kienx hemm differenzazzjoni bejn żoni vulnerabbli u soċjetajiet paralleli abbażi tal-kriterju etniku, il-kerrejja tas-soċjetajiet paralleli – li ssodisfaw il-kriterji għal dawn l-aħħar ħames snin – ma jkunux esposti għar-riskju li jitilfu djarhom. B’mod alternattiv, kieku jkunu meħtieġa wkoll pjanijiet ta’ żvilupp għal żoni vulnerabbli, ma jkunx hemm trattament inqas favorevoli. Madankollu, kien preċiżament il-kriterju etniku użat mil-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika li ġab miegħu d-differenza fit-trattament.

136.

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza CHEZ, “sabiex ikun hemm diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-[Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika], huwa biżżejjed li din l-oriġini etnika [Roma] tkun iddeterminat id-deċiżjoni li jiġi stabbilit l-imsemmi trattament” ( 62 ).

137.

F’din il-kawża, l-oriġini etnika minn pajjiżi mhux tal-Punent tal-kerrejja kienet determinanti fl-obbligu li jiġu adottati pjanijiet ta’ żvilupp. L-obbligu li jiġi adottat pjan bħal dan joħloq ir-riskju li wieħed jitlef id-dar tiegħu, u għalhekk iqiegħed lill-kerrejja li jgħixu fiż-żoni ta’ trasformazzjoni f’pożizzjoni inqas favorevoli mill-kerrejja li jgħixu f’żoni vulnerabbli.

138.

B’mod iktar ċar milli fis-sentenza CHEZ, fejn il-kumpannija Bulgara ma bbażatx ruħha espressament fuq kriterju etniku, il-leġiżlazzjoni Daniża rilevanti tibbaża ruħha espressament fuq id-distinzjoni etnika bejn residenti minn pajjiżi tal-Punent u dawk mhux tal-Punent.

139.

Id-differenza fit-trattament, għalhekk, teżisti minħabba l-kriterju etniku, li huwa każ ċar ta’ diskriminazzjoni diretta.

140.

Barra minn hekk, għall-finijiet li tiġi stabbilita diskriminazzjoni diretta, ma naħsibx li huwa rilevanti li jiġi attribwit kwalunkwe intenzjoni ta’ diskriminazzjoni lil-leġiżlatur Daniż ( 63 ). Huwa biżżejjed li t-trattament inqas favorevoli huwa konsegwenza tal-invokazzjoni ta’ kriterju etniku.

141.

Tali pożizzjoni hija sostnuta għal darba oħra mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza CHEZ li pprovdiet li “jekk jidher li miżura li toħloq differenza fit-trattament ġiet stabbilita għal raġunijiet marbuta mar-razza jew mal-oriġini etnika, tali miżura għandha tiġi kklassifikata bħala ‘diskriminazzjoni diretta’ fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-[Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika]” ( 64 ).

142.

Il-Gvern Daniż spjega li l-intenzjoni wara l-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika hija sforz sabiex tiġi permessa u inkoraġġuta integrazzjoni aħjar tal-immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u tad-dixxendenti tagħhom fis-soċjetà Daniża. Wieħed ma jistax joġġezzjona għal tali intenzjoni.

143.

Wieħed lanqas ma jista’ joġġezzjona għall-konstatazzjoni, jekk issostanzjata xjentifikament, li l-immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom jintegraw fis-soċjetà Daniża b’iktar diffikultà milli l-immigranti minn pajjiżi tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom ( 65 ). Faċli li wieħed jaqbel f’dan ir-rigward mal-Kummissjoni li, f’soċjetà pluralista u demokratika, ma għandux ikun hemm kwalunkwe suġġetti tabù. Ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ żvantaġġ strutturali ta’ grupp etniku fi ħdan soċjetà partikolari huwa, fil-fatt, pass meħtieġ sabiex tinkiseb ugwaljanza vera ( 66 ).

144.

Jiena nifhem li d-dritt tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza jimmira li jistabbilixxi vera – għall-kuntrarju ta’ formali biss – ugwaljanza ( 67 ). Huwa għalhekk li d-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika, pereżempju, tiddikjara li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ifisser mhux biss li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta, iżda wkoll li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni indiretta. Id-diskriminazzjoni strutturali hija forma ta’ diskriminazzjoni indiretta li diffiċli tiġi eliminata.

145.

Madankollu, l-inugwaljanzi strutturali rrikonoxxuti ma jistgħux jiġu solvuti billi ssir diskriminazzjoni kontra l-grupp etniku li diġà jinsab f’pożizzjoni iktar diffiċli. Il-liġi tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza, inkluża d-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika, tippermetti miżuri ta’ azzjoni pożittiva sabiex jiġu indirizzati tali inugwaljanzi inkorporati ( 68 ). Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi marbutin mal-oriġini etnika. Billi miżuri bħal dawn jistgħu jibbenefikaw lill-grupp żvantaġġat mingħajr ma jagħtu benefiċċju lill-grupp(i) l-oħra fl-istess ħin, miżuri ta’ azzjoni pożittiva ma jistgħux jiddiskriminaw kontra gruppi żvantaġġati, anki jekk ikun maħsub li dan jista’ jkun ta’ benefiċċju għal dawk il-gruppi fuq perijodu twil ħafna.

146.

Hemm qawl li jgħid li “t-triq għall-infern hija mwittija b’intenzjonijiet tajbin”. L-isforz għad-diversifikazzjoni tal-viċinat jista’ tabilħaqq ikun intiż tajjeb. Madankollu, tali diversifikazzjoni ma tistax tinkiseb billi grupp etniku diġà żvantaġġat jitqiegħed f’pożizzjoni inqas favorevoli. Madankollu, fis-sitwazzjoni preżenti, il-leġiżlazzjoni Daniża tagħmel preċiżament dan.

b) Stigmatizzazzjoni

147.

Dan iwassalni għat-tieni raġuni għaliex il-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika tista’ tinftiehem bħala direttament diskriminatorja: l-istigmatizzazzjoni ( 69 ).

148.

Għall-finijiet ta’ din id-diskussjoni, nifhem li l-istigmatizzazzjoni tfisser li l-membri ta’ grupp etniku jiġu attribwiti karatteristiċi soċjalment ta’ kritika fuq il-bażi biss tas-sħubija tagħhom jew tas-sħubija pperċepita ta’ dan il-grupp.

149.

Fis-sentenza CHEZ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li n-natura offensiva u stigmatizzanti tal-prattika inkwistjoni f’dik il-kawża, li assumiet li l-membri kollha ta’ grupp etniku kienu awturi potenzjali ta’ aġir illegali, kienet raġuni waħda sabiex jiġi stabbilit trattament inqas favorevoli ( 70 ).

150.

B’mod simili, il-leġiżlazzjoni tista’ tinftiehem bħala diskriminatorja fuq raġunijiet ta’ oriġini etnika jekk tkun ibbażata fuq stereotipi ġeneralizzati u preġudizzji dwar grupp etniku ( 71 ).

151.

F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tar-rinviju tressaq ċerti siltiet mill-atti preparatorji għal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika ( 72 ). Fil-proposta tal‑2010 għad-definizzjoni legali tal-ghettoes, intqal li għandhom jintużaw tliet kriterji sabiex jiġu ddefiniti: (i) il-proporzjon tal-immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom, (ii) il-qgħad u (iii) l-kundanni kriminali. Barra minn hekk, ġie sostnut li kull wieħed minn dawn it-tliet kriterji, u għalhekk dak ta’ persuni “minn pajjiżi mhux tal-Punent” bħala kriterju fih innifsu, jindika li teżisti problema soċjali. L-istrateġija tal-Gvern Daniż, kif imsemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq, osservat li soċjetajiet paralleli – jiġifieri, enklavi ta’ persuni li ma jipparteċipawx b’mod attiv fis-soċjetà Daniża – kienu nħolqu fost residenti minn pajjiżi mhux tal-Punent. Skont dak id-dokument, dawn il-persuni ma jipparteċipawx u lanqas biss jippruvaw jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà Daniża u fis-suq tax-xogħol. Huma ma jaderixxux mal-valuri Daniżi: pereżempju n-nisa jitqiesu inferjuri għall-irġiel, u l-kontroll soċjali u n-nuqqas ta’ ugwaljanza jimponu limiti dojoq għal-libertà tal-espressjoni tal-individwi ( 73 ). Dak li huwa għalhekk inkwistjoni, skont kif din l-istrateġija ddikjarat, huwa “l-spirali negattiv tal-kontrokultura”

152.

Billi tiġġeneralizza dawk il-karatteristiċi meqjusa bħala negattivi u inaċċettabbli fid-Danimarka u tattribwixxihom lill-immigranti kollha minn pajjiżi mhux tal-Punent u lid-dixxendenti tagħhom, il-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika tidher li mhux biss hija bbażata fuq il-preġudizzju, iżda wkoll tikkontribwixxi għall-perpetwazzjoni ta’ dan l-istereotipar u stigmatizzazzjoni.

153.

Fl-istess ħin, ma jidhirx li teżisti l-ebda evidenza tal-eżistenza ta’ soċjetajiet paralleli jew tal-ħolqien tagħhom esklużivament fost immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent ( 74 ). Dan, ovvjament, għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali. Madankollu, meta mistoqsi fis-seduta sabiex jiddeskrivi l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom jiġi konkluż li persuna ma hijiex integrata fis-soċjetà Daniża, il-Gvern Daniż invoka l-kriterji soċjoekonomiċi li jiddefinixxu s-soċjetajiet vulnerabbli u n-nuqqas ta’ għarfien tal-lingwa Daniża. Dawn il-kriterji ma jindikawx, fihom infushom, li persuni f’tali pożizzjoni “ma jridux” jintegraw fis-soċjetà Daniża, jew li huma biss l-“immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom” li għandhom tali diffikultajiet ta’ integrazzjoni.

154.

Organizzazzjonijiet internazzjonali nnutaw ukoll il-potenzjal stigmatizzanti tal-Liġi Daniża dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika. Għalhekk, il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali esprima t-tħassib tiegħu li t-termini “minn pajjiżi tal-Punent” u “minn pajjiżi mhux tal-Punent” kif użati f’dik il-leġiżlazzjoni u fil-politiki [fid-Danimarka] jistgħu jwasslu għall-marġinalizzazzjoni u l-istigmatizzazzjoni ta’ dawk ikklassifikati bħala “minn pajjiżi mhux tal-Punent”, u li jista’ joħloq distinzjoni bejn dawk meqjusa bħala ‘Daniżi veri’ u l-‘oħrajn’” ( 75 ). Meta evalwa l-“pjan tas-soċjetà parallela”, dak il-kumitat ikkonkluda li ż-żieda ta’ element etniku u razzjali diskriminatorju mal-liġijiet tista’ tirriżulta fi stigmatizzazzjoni f’diversi oqsma tal-ħajja, bħall-impjieg, l-akkomodazzjoni u l-aċċess għas-servizzi ( 76 ).

155.

Bl-istess mod, il-Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali osserva li l-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika “mhux biss tirriżulta f’diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika u n-nazzjonalità, iżda wkoll temarġina iktar lil dawk ir-residenti [minn pajjiżi mhux tal-Punent]” ( 77 ).

156.

Għalhekk, paradossalment, il-leġiżlazzjoni Daniża li ġiet adottata sabiex tgħin lill-immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u lid-dixxendenti tagħhom sabiex jintegraw iktar faċilment fis-soċjetà Daniża tidher li għandha l-effett kuntrarju. Billi tipperpetwa l-istigmatizzazzjoni għal raġunijiet etniċi, tagħmilha iktar diffiċli għall-membri tal-grupp ta’ “immigranti mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom” sabiex isibu impjieg, jiksbu rispett u jipparteċipaw fuq bażi ugwali fis-soċjetà Daniża.

157.

Bħala konklużjoni, l-iskema leġiżlattiva Daniża, mifhuma bħala l-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika flimkien mal-pjanijiet ta’ żvilupp li għandhom jiġu adottati abbażi ta’ din il-liġi, tidher għalhekk li tiddiskrimina direttament fuq il-bażi ta’ kriterju etniku (“minn pajjiżi mhux tal-Punent”). L-ewwel, din l-iskema ġġib lill-persuni kollha relatati ma’ tali kriterju f’pożizzjoni prekarja fir-rigward tas-sigurtà tad-dritt tagħhom għal dar, u b’hekk tirriżulta fit-trattament inqas favorevoli tagħhom meta mqabbla ma’ kerrejja ta’ viċinati oħra paragunabbli. It-tieni, tistigmatizza l-grupp etniku li l-iżvantaġġ strutturali tagħhom fil-kapaċità tagħhom li jintegraw fis-soċjetà Daniża ġie rrikonoxxut, u b’hekk tnaqqas iktar milli ssaħħaħ il-possibbiltajiet tagħhom li jintegraw f’dik is-soċjetà.

158.

Abbażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda li l-iskema leġiżlattiva Daniża introdotta abbażi tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika tirrappreżenta diskriminazzjoni diretta.

2. Soluzzjoni alternattiva: Diskriminazzjoni indiretta

159.

Il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sitwazzjonijiet li minnhom ħarġu l-kawżi pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju għandhom jiġu kklassifikati bħala diskriminazzjoni indiretta.

160.

Skont il-Kummissjoni, dan huwa hekk peress li l-kerrejja li l-kirjiet tagħhom ġew itterminati ma ntgħażlux fuq il-bażi ta’ kriterju etniku. Fiż-żona ta’ Ringparken, il-kriterji kienu l-livell ta’ dħul u l-kundanni kriminali tal-kerrejja jew l-imsieħba tagħhom fl-aħħar sitt xhur. Fiż-żona ta’ Mjølnerparken, inbiegħu żewġ blokok sħaħ u, għalhekk, il-kirjiet kollha kellhom jintemmu. Madankollu, fost dawk il-kerrejja, ħafna kienu ċittadini Daniżi mwielda fid-Danimarka li ma jappartjenux għall-grupp ta’ “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom”.

161.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tinterpreta l-kawża b’dan il-mod, nissuġġerixxi li l-influwenza tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika fuq it-terminazzjoni tal-kirjiet għandha mill-inqas tiġi interpretata bħala diskriminazzjoni indiretta.

162.

Skont din il-liġi, pjanijiet ta’ żvilupp, li, f’ċerti każijiet wasslu għat-terminazzjoni unilaterali ta’ kirjiet, għandhom jiġu stabbiliti biss fiż-żoni li fihom iktar minn 50 % tal-abitanti huma “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom”. Matematika sempliċi applikata għal sitwazzjoni bħal din tissuġġerixxi li hemm ċans ikbar li tintemm il-kirja ta’ persuna li ġejja “minn pajjiżi mhux tal-Punent” milli kirja ta’ persuna li ġejja “minn pajjiż tal-Punent” għax ikun magħruf minn qabel li jkun hemm iktar persuni li ġejjin “minn pajjiżi mhux tal-Punent” li jgħixu fil-viċinat.

163.

Għalhekk, kif issuġġerit mill-Kummissjoni, l-immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom huma esposti għal riskju ogħla ta’ terminazzjoni tal-kirjiet tagħhom.

164.

Diskriminazzjoni indiretta sseħħ meta, statistikament, grupp etniku wieħed ikun affettwat minn regola newtrali iktar minn gruppi oħra.

165.

Madankollu, tali żvantaġġ partikolari li jsofri grupp etniku wieħed jista’ jiġi ġġustifikat jekk regola newtrali jkollha għan leġittimu li ssegwi b’mod proporzjonat. Din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali.

166.

L-argument hawnhekk huwa li f’viċinati fejn il-maġġoranza tal-popolazzjoni tkun persuni li ġejjin “minn pajjiżi mhux tal-Punent” jittieħdu miżuri sabiex jippermettu l-integrazzjoni aħjar tagħhom fis-soċjetà Daniża ( 78 ). Il-bidla fl-istruttura tal-viċinat hija mifhuma bħala li ssaħħaħ tali integrazzjoni.

167.

Sabiex tevalwa jekk id-diskriminazzjoni indiretta tistax tkun iġġustifikata, il-qorti tar-rinviju trid l-ewwel tistabbilixxi x’jifhem il-leġiżlatur Daniż bħala integrazzjoni b’suċċess fis-soċjetà Daniża. Fis-seduta, il-Gvern Daniż spjega li dan ikun jinvolvi parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, assenza ta’ kundanni kriminali u għarfien tal-lingwa Daniża.

168.

Li jinftiehem xi jfisser b’integrazzjoni b’suċċess huwa meħtieġ jekk il-Qorti tal-Ġustizzja trid tgħaddi għall-analiżi ta’ proporzjonalità. F’dan l-eżerċizzju, il-qorti tar-rinviju għandha l-ewwel tevalwa jekk it-tnaqqis fin-numru ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni pubblika permezz tat-terminazzjoni ta’ kirja f’ċerti viċinati jistax jikseb integrazzjoni (impjieg aħjar, litteriżmu fid-Daniż, tnaqqis fil-kriminalità eċċ.). Bl-istess mod, hija jkollha tevalwa l-konsistenza ta’ din il-miżura u jekk hemmx raġuni sabiex jittieħdu miżuri għall-integrazzjoni tal-immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom biss. Jekk deċiżjoni ta’ politika bħal din tkun ibbażata fuq preġudizzju soċjali prevalenti u mhux fuq evidenza xjentifika li dawk l-immigranti jintegraw b’iktar diffikultà, l-għan tal-politika jista’ jiġi kkontestat ( 79 ).

169.

Fil-pass li jmiss fl-analiżi ta’ proporzjonalità, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa jekk it-tnaqqis fin-numru ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni pubblika kienx meħtieġ sabiex tinkiseb l-integrazzjoni. Dan ikun hekk kieku l-istess għan ma setax jintlaħaq permezz ta’ miżuri li huma inqas restrittivi għad-drittijiet ta’ akkomodazzjoni tal-kerrejja inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti jista’ jkollha bżonn tidħol f’iktar dettall fl-argumenti tal-Gvern Daniż li diġà ppruvaw miżuri oħra iżda li fallew. Finalment, anki jekk li t-tnaqqis fl-akkomodazzjoni pubblika huwa miżura xierqa u neċessarja għall-kisba tal-għanijiet ta’ integrazzjoni kif kienu stabbiliti mil-leġiżlazzjoni, l-aħħar pass fl-analiżi tal-proporzjonalità jeħtieġ li l-qorti nazzjonali tibbilanċja l-valur ta’ tali għan kontra l-intensità tal-interferenza fid-drittijiet għall-akkomodazzjoni. Jekk jiġi evalwat li tali dritt ġie ppreġudikat b’mod eċċessiv, dik il-qorti tista’ ssib il-miżura sproporzjonata, u dan jista’ mbagħad jeħtieġ li l-leġiżlatur jikkonċettwalizza mill-ġdid l-għan leġittimu ta’ integrazzjoni.

170.

Fil-fehma tiegħi, u għar-raġunijiet li elaborajt fil-punti 130 sa 153 u 156 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena xettika li l-leġiżlazzjoni Daniża dwar l-akkomodazzjoni pubblika tista’ tiġi ġġustifikata bl-għan li tippermetti l-integrazzjoni tal-“immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom”. Fi kwalunkwe każ, kif diġà spjegajt, ma nsibx konvinċenti li l-influwenza tal-kriterju “minn pajjiżi tal-Punent/minn pajjiżi mhux tal-Punent” użat mil-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika dwar it-terminazzjoni tal-kirjiet tista’ tiġi interpretata bħala li tirrappreżenta regola newtrali.

171.

Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li s-sitwazzjoni bħal dik maħluqa mil-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika fid-Danimarka hija diskriminazzjoni diretta, iktar milli indiretta.

IV. Konklużjoni

172.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) kif ġej:

(1)

Il-kunċett ta’ “oriġini etnika” li jinsab fl-Artikolu 1 u 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad‑29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità [dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni mingħajr distinzjoni ta’ razza jew ta’ oriġini etnika],

għandu jiġi interpretati fis-sens li jkopri grupp ta’ persuni ddefiniti bħala “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom”.

(2)

L-iskema li tuża kunċetti bħal “immigranti minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom” għall-kategorizzazzjoni ta’ viċinat li fih għandhom jitnaqqsu numru ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni pubblika

għandha tiġi interpretata bħala direttament diskriminatorja fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l‑Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad‑29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità [dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni mingħajr distinzjoni ta’ razza jew ta’ oriġini etnika] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23: iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika”).

( 3 ) Il-punt 2 tat-talba għal deċiżjoni preliminari jindika li domandi simili qiegħdin jiġu eżaminati wkoll f’numru ta’ kawżi oħra quddiem il-qrati Daniżi, inklużi seba’ kawżi quddiem il-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka) u żewġ kawżi quddiem ir-retten i Aarhus (il-Qorti Distrettwali ta’ Aarhus, id-Danimarka). Il-Højesteret (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-kawżi quddiemha, pendenti sal-kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-domandi preliminari f’dawk il-kawżi.

( 4 ) Huwa importanti li wieħed jinnota mill-bidu li t-traduzzjoni oriġinali tat-titolu ta’ din il-liġi kienet Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali. Madankollu, fis-seduta, MV et, inkluża BL, spjegaw li din it-traduzzjoni hija qarrieqa, peress li l-akkomodazzjoni li l-liġi tirregola ma hijiex disponibbli biss għal persuni li jeħtieġu assistenza soċjali, iżda għar-residenti kollha tad-Danimarka. Għal dik ir-raġuni, iddeċidejt li nittraduċi t-titolu bħala l-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika, li jidher iktar xieraq.

( 5 ) Artikolu 61a(1) tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika.

( 6 ) Artikolu 61a(2) tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika.

( 7 ) Artikolu 61a(4) tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika.

( 8 ) Kif previst fil-Artikolu 61a(5) tal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika.

( 9 ) SAB hija kumpannija pubblika mingħajr skop ta’ lukru li tappartjeni lill-Muniċipalità ta’ Slagelse https://www.dabbolig.dk/slagelse-almennyttige-boligselskab/

( 10 ) Waqt is-seduta, SAB spjegat li l-pjan ta’ żvilupp kien jittrasforma l-blokk Schackenborgvænge, li jirriżulta fl-inqas numru possibbli ta’ kirjiet li kellhom jiġu tterminati. SAB sussegwentement biegħet Schackenborgvænge lil Estate Invest A/S. għalkemm madankollu tibqa’ r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

( 11 ) Il-kriterji użati kienu dawk previsti għall-eliġibbiltà għal akkomodazzjoni pubblika f’żoni ta’ trasformazzjoni, jiġifieri, ebda kundanna kriminali fil-familja fl-aħħar sitt xhur u ċertu livell ta’ dħul.

( 12 ) Il-kerrejja fil-kawża prinċipali jikkontestaw l-ekwivalenza fid-daqs u fil-prezz tal-offerta tal-akkomodazzjoni. Fi kwalunkwe każ, id-determinazzjoni ta’ tali ċirkustanzi fattwali tibqa’ fil-kompetenza unika tal-qorti nazzjonali.

( 13 ) Mill‑1 ta’ Diċembru 2021, Ringparken ma hijiex iktar ikklassifikata bħala żona ta’ trasformazzjoni, peress li ma tissodisfax iktar il-kriterji soċjoekonomiċi. Madankollu, SAB għadha obbligata timplimenta l-pjan ta’ żvilupp approvat għal dik iż-żona.

( 14 ) Bo-Vita hija wkoll assoċjazzjoni tal-akkomodazzjoni pubblika mwaqqfa fl‑1951.

( 15 ) Mill‑1 ta’ Diċembru 2023, Mjølnerparken ma għadhiex ikklassifikata bħala żona ta’ trasformazzjoni, peress li n-numru ta’ residenti naqas għal inqas minn 1000.

( 16 ) Il-Gvern Daniż, “Ét Danmark uden parallelsamfund – Ingen ghettoer i 2030”, 1 ta’ Marzu 2018: disponibbli fuq https://www.regeringen.dk/media/4937/publikation_%C3%A9t-danmark-uden-parallelsamfund.pdf

( 17 ) Ara, pereżempju, id-Direttiva 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (Ġurnal Uffiċjali Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas dwar l-ugwaljanza fit-trattament”) u d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23).

( 18 ) Ir-regoli madwar is-sistema tal-akkomodazzjoni pubblika fid-Danimarka jistgħu jinstabu fil-Bekendtgørelse om ændring af bekendtgørelse om drift af almene boliger m.v. (l-Ordni Eżekuttiva li temenda l-Ordni Eżekuttiva dwar l-Operat tal-Akkomodazzjoni Pubblika), BEK Nru 1368 tat‑28 ta’ Novembru 2018.

( 19 ) Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattat bejn persuni irrispettivament mir-razza jew l-oriġini etnika (COM(99) 566 final tal‑25 ta’ Novembru 1999).

( 20 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 3 ta’ dik id-direttiva.

( 21 ) Kumitat dwar il-Libertajiet u d-Drittijiet taċ-Ċittadini, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni. Rapport dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattat bejn persuni irrispettivament mir-razza jew l-oriġini etnika (COM(1999) 566 – C5‑0067/2000 – 1999/0253(CNS)) tas‑16 ta’ Mejju 2000.

( 22 ) Proposta emendata għal Direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattat bejn persuni irrispettivament mir-razza jew l-oriġini etnika (COM(2000) 328 final) (ĠU 2000, C 311E, p. 169).

( 23 ) F’dan ir-rigward, ara Tyson, A., “The Negotiation of the European Community Directive on Racial Discrimination”, (2001) European Journal of Migration and Law, 199 sa 229, p. 208.

( 24 ) Enfasi miżjuda minni.

( 25 ) Dik id-dispożizzjoni ġiet introdotta mit-Trattat ta’ Amsterdam u, fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika, kienet taħt l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

( 26 ) Enfasi miżjuda minni.

( 27 ) Opinjoni 2/94 (Adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali) tat‑28 ta’ Marzu 1996 (EU:C:1996:140, punt 27).

( 28 ) F’dan ir-rigward, id-Direttiva Qafas dwar l-ugwaljanza fit-trattament u l-Artikolu 3(1) tagħha, li l-formazzjoni tagħha hija identika. Dan jista’ jkun rilevanti wkoll fir-rigward tal-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2) li jipprovdi: “Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali: (a) matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”.

( 29 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz (C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 70), u tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tas-saħħa pubblika, ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2006, Watts (C‑372/04, EU:C:2006:325, punt 92).

( 30 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Maniero (C‑457/17, EU:C:2018:912, punt 30).

( 31 ) Pereżempju, Cambridge Dictionary jipproponi bħala waħda mit-tifsiriet ta’ “ethnic” (etniku): “li jirrelataw jew jappartjenu għal grupp ta’ nies li jistgħu jitqiesu bħala distinti (= differenti) għax jaqsmu l-kultura, tradizzjoni, lingwa, storja, eċċ.).” [traduzzjoni libera]. Id-dizzjunarju Merriam-Webster jipproponi, inter alia: “ta’ jew li għandhom x’jaqsmu ma’ gruppi kbar ta’ nies ikklassifikati skont oriġini jew sfond komuni razzjali, nazzjonali, tribali, reliġjuż, lingwistiku jew kulturali” [traduzzjoni libera]. Il-Hrvatski jezični portal (il-Portal Lingwistiku Kroat) jipproponi li “grupp etniku” jinkludi membri ta’ “etnos” wieħed li għandhom identità komuni fuq il-bażi tal-istess kultura, reliġjon, lingwa, drawwiet u fatturi oħrajn”. [traduzzjoni libera] Id-dizzjunarju Larousse jiddefinixxi “ethnie” bħala “Groupement humain qui possède une structure familiale, économique et sociale homogène, et dont l’unité repose sur une communauté de langue, de culture et de conscience de groupe”.

( 32 ) L-istudjużi jirrimarkaw li diffiċli tinstab definizzjoni aċċettata b’mod ġenerali tal-etniċità. Ara, pereżempju, Krivokapić, B., u Salkiewicz- Munnerlyn, E., “An attempt of defining Ethnic Minorities for their better protection”, Ukrainian Journal of International Law, 2020, p. 26‑40. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-sentenza Jyske Finans (C‑668/15, EU:C:2016:914, punt 33).

( 33 ) Bell, M., Racism and Equality in the European Union, Oxford, Oxford University Press, 2009, p. 8.

( 34 ) Il-premessa 6 tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika.

( 35 ) Għalhekk, pereżempju, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali (ICERD), li tmur lura għall‑1965, li l-Istati Membri kollha huma partijiet tagħha u li hija kkwotata fil-premessa 3 tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika tuża biss it-terminu “diskriminazzjoni razzjali”. Madankollu, l-Artikolu 1(1) tagħha jipprovdi li “‘diskriminazzjoni razzjali’ ser tfisser kwalunkwe distinzjoni, esklużjoni, restrizzjoni jew preferenza bbażata fuq ir-razza, il-kulur, id-dixxendenza, jew l-oriġini nazzjonali jew etnika li jkollha l-għan jew l-effett li tannulla jew tfixkel ir-rikonoxximent, it-tgawdija jew l-eżerċizzju, fuq bażi ugwali, tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-qasam politiku, ekonomiku, soċjali, kulturali jew kwalunkwe qasam ieħor tal-ħajja pubblika. Il-KEDB lanqas ma fiha l-espressjoni “oriġini etnika”. Madankollu l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) qieset li “diskriminazzjoni minħabba, inter alia, l-oriġini etnika ta’ persuna hija forma ta’ diskriminazzjoni razzjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Qorti EDB, 13 ta’ Novembru 2007, D.H. et vs Ir‑Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2007:1113JUD005732500, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata)).

( 36 ) F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv. Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 43); tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, “CHEZ); u s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Maniero (C‑457/17, EU:C:2018:912, punt 36).

( 37 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 7, 10 u 11 tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika.

( 38 ) It-tolleranza hija wkoll il-valur enumerat fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2 TUE. F’dan ir-rigward, id-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika tista’ tinftiehem bħala li telabora mhux biss il-prinċipju ta’ ugwaljanza, iżda wkoll il-valur tat-tolleranza.

( 39 ) Sentenza tas‑6 ta’ April 2017, Jyske Finans (C‑668/15, EU:C:2017:278, iktar ’il quddiem is-“sentenza Jyske Finans”)

( 40 ) Punt 60 tas-sentenza CHEZ. F’dik il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ispirata wkoll mis-sentenzi tal-Qorti EDB tas‑6 ta’ Lulju 2005, Nachova et vs Il‑Bulgarija,CE:ECHR:2005:0706JUD004357798 u tat‑22 ta’ Diċembru 2009, Sejdić u Finci vs Il‑Bosnja‑Ħerzegovina (CE:ECHR:2009:1222JUD002799606).

( 41 ) Punt 46 tas-sentenza CHEZ.

( 42 ) In-nazzjonalità hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva bl‑Artikolu 3(2) tagħha.

( 43 ) Ara l-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Fis-sentenza Jyske Finans, persuna sostniet li kumpannija ta’ kreditu ddiskriminat kontrih minħabba l-post tat-twelid tiegħu, jiġifieri l-Bosnja‑Ħerzegovina. Il-post tat-twelid indikat fuq il-liċenzja tas-sewwieq tiegħu kien, kif sostna, ir-raġuni għaliex din il-kumpannija talbitu jipprovdi dokumenti addizzjonali, bħal passaport jew permess ta’ residenza, sabiex tipproċessa t-talba għal kreditu għax-xiri ta’ karozza ġdida. Il-kumpannija ma kinitx teħtieġ id-dokumenti addizzjonali mingħand is-sieħba tiegħu, madankollu, li twieldet fid-Danimarka. F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma sabitx diskriminazzjoni minħabba l-oriġini etnika, billi sostniet, fost l-oħrajn, li tali diskriminazzjoni ma tistax tiġi dedotta fuq il-bażi ta’ fattur wieħed biss, bħall-post tat-twelid. Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx il-post tat-twelid bħala wieħed mill-fatturi rilevanti għad-determinazzjoni tal-oriġini etnika.

( 45 ) Sentenza Jyske Finans, punt 18.

( 46 ) Sentenza Jyske Finans, punt 19.

( 47 ) Krivokapić, B., u Salkiewicz-Munnerlyn, E., op. cit..

( 48 ) Isajiw, W. W., “Definition and dimensions of ethnicity: A Theoretical Framework”, dokument ippreżentat fl‑1992 Joint Canada-United States Conference on the Measurement of Ethnicity f’Ottawa (il-Kanada), ippubblikat f’Statistics Canada and U.S. Bureau of the Census” (eds), Challenges of Measuring an Ethnic World: Science, politics and reality – Proceedings of the Joint Canada-United States Conference on the Measurement of Ethnicity – April 1-3, 1992, U.S. Government Printing Office, Washington, 1993, p. 407 sa 427, at p. 6 offline disponibbli fuq https://utoronto.scholaris.ca/bitstreams/91e5f959-754b-4eea-bae0-1a3638bcd1e9/download.

( 49 ) Ara, madankollu, kritika ta’ tali approċċ lejn ir-Roma bħala grupp omoġenju f’McGarry A., “Ethnic Group Identity and the Roma Social Movement: Transnational Organizing Structures of Representation”, Nationalities Papers. Vol. 36(3), 2008; p. 449 sa 470, p. 463 u 464.

( 50 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397, iktar ’il quddiem is-“sentenza Feryn”)

( 51 ) Fil-kuntest tal-ICERD, ugwalment ma hemm l-ebda rekwiżit li t-trattament differenzjali jaffettwa biss grupp b’oriġini etnika waħda sabiex jikkwalifika bħala diskriminazzjoni razzjali pprojbita. Ara, f’dan ir-rigward, Sottomissjoni tar-Relatur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Forom Kontemporanji ta’ Razziżmu, Ksenofobija u Intolleranza Relatata u r-Relatur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Akkomodazzjoni Adegwata bħala Komponent tad-Dritt għal Standard ta’ Għajxien Adegwat, u dwar id-Dritt għal Nondiskriminazzjoni f’dan il-Kuntest, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fil-Kawża C‑417/23: aċċessata fuq: https://www.ohchr.org/sites/default/files/documents/issues/housing/AmicusBrieftoDenmark-CJEU-third-party-intervention.pdf.

( 52 ) Pereżempju, il-proposta tal-emendi tal‑2018 għal-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Pubblika ddikjarat, inter alia, li konċentrazzjoni qawwija ta’ ċittadini ta’ oriġini etnika differenti hija indikazzjoni li għandha tingħata attenzjoni liż-żona inkwistjoni. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 100 ta’ din id-deċiżjoni tar-rinviju.

( 53 ) Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, Osservazzjonijiet konklużivi dwar is-sitt rapport perjodiku tad-Danimarka, (E/C.12/DNK/CO/6), punt 52; Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali, Osservazzjonijiet konklużivi dwar ir-rapporti perjodiċi tad-Danimarka, 2022, CERD/C/DNK/CO/22-24, punt 12.

( 54 ) Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika.

( 55 ) Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika.

( 56 ) Pereżempju, Fredman, S., “Legal Concepts, Direct, Indirect Discrimination and Beyond”, Discrimination Law, it-tielet edizzjoni, Oxford, OUP, 2023, p. 247 sa 313; Maliszewska-Nienartowicz, J., “Direct and Indirect Discrimination in European Union Law – How to Draw a Dividing Line?”, International Journal of Social Sciences, 2014, p. 41 sa 55, fil-p. 41. Għal tali diskussjoni fil-kuntest tas-sentenzi dwar il-veli ara van den Brink, M., “The Protected Grounds of Religion and Belief: Lessons for EU Non-Discrimination Law”, German Law Journal, 2023, p. 855 sa 880.

( 57 ) L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika.

( 58 ) Sentenza CHEZ, punt 56.

( 59 ) Sentenza Feryn, punti 23 u 25.

( 60 ) Qorti EDB, 27 ta’ Settembru 1995, McCann et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1995:0927JUD001898491), u Qorti EDB, 25 ta’ Lulju 2013, Rousk vs L‑Isvezja (CE:ECHR:2013:0725JUD002718304).

( 61 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punti 6365 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata fis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Všeobecná úverová banka (C‑598/21, EU:C:2023:845, punt 85).

( 62 ) Sentenza CHEZ, punt 76.

( 63 ) Dwar il-problemi kkawżati mit-tentattiv ta’ definizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta permezz ta’ intenzjoni diskriminatorja ara, Campbell, C., u Smith, D., “Distinguishing Between Direct and Indidirect Discrimination”, Modern Law Review, 2023, p. 307 sa 330.

( 64 ) Sentenza CHEZ, punt 95.

( 65 ) Tali konklużjoni hija, madankollu, aċċettabbli biss jekk tkun ibbażata fuq fatti u riċerka xierqa, u mhux jekk tkun ibbażata fuq stereotipi u preġudizzji.

( 66 ) Ara, f’dan ir-rigward, Marion Young, I., li sostniet li “[f]ejn l-inugwaljanza strutturali razzjali tinfluwenza tant istituzzjonijiet u potenzjalment tistigmatizza u tfaqqar tant nies, soċjetà li jkollha l-għan li tirrimedja tali inġustizzja għandha tinnota l-proċessi ta’ differenzjazzjoni razzjali quddiemha qabel tkun tista’ tikkoreġihom.”, [traduzzjoni libera], Structural Injustice and the Politics of Difference, fi Kymlicka, W., Multicultural Citizenship, Princteon University Press, 1990 (2011), p. 79 sa 166, p. 91.

( 67 ) Fuq id-differenza ara, pereżempju, De Vos, M., “The European Court of Justice and the march towards substantive equality in European Union antidiscrimination law”, International Journal of Discrimination and the Law, 2020, Vol. 20(1) p. 62 sa 87. B’mod iktar ġenerali, dwar approċċi differenti lejn il-kunċett ta’ ugwaljanza, ara McCrudden, Ch., “The New Concept of Equality”, Academy of European Law, dokument mogħti fiċ-Ċentru ta’ Konvenzjonijiet ERA. Trier, 2 sa 3 ta’ Ġunju 2003.

( 68 ) L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar ir-razza jew l-oriġini etnika.

( 69 ) Xi studjużi żviluppaw il-proposta li l-għan tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni għandu jkun il-ġlieda kontra l-istigmatizzazzjoni. Ara, Solanke,.I., “Discrimination as Stigma: A Theory of Anti-discrimination Law”, Hart, Oxford, 2017.

( 70 ) Sentenza CHEZ, punt 87 fir-rigward tal-punt 84.

( 71 ) Bħala ispirazzjoni, hawnhekk huwa possibbli li wieħed jibbaża fuq is-sejbiet tal-Qorti EDB fis-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2016, Biao vs Id‑Danimarka CE:ECHR:2016:0524JUD003859010, li ġiet diskussa waqt is-seduta. Ara, b’mod speċjali, il-punt 126 ta’ dik is-sentenza.

( 72 ) Ara l-punti 99 sa 103 ta’ din id-deċiżjoni tar-rinviju.

( 73 ) Fi traduzzjoni diretta, il-kliem tal-Pjan kien jgħid: “Ksibna grupp ta’ ċittadini li ma jħaddnux bis-sħiħ in-normi u l-valuri Daniżi. Fejn in-nisa kultant jitqiesu ta’ valur inqas mill-irġiel. Fejn il-kontroll soċjali u l-inugwaljanza bejn is-sessi kultant ipoġġu restrizzjonijiet dojoq fuq il-libertajiet individwali”. Meħuda minn Üzeyir Tireli, “Shaping Strict Migrant Policies through Housing Strategies in Denmark”, Migration and Diversity, 2024, p. 151 sa 163, p. 160.

( 74 ) Ara, pereżempju Barse, M., “Parallelsamfund er noget, politikerne har opfundet”, 20 ta’ Frar 2018, (disponibbli fuq https://videnskab.dk/kultur-samfund/parallelsamfund-ernoget-politikerne-har-opfundet) (traduzzjoni awtomatika bl-Ingliż).

( 75 ) Ara l-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali, op cit., punt 10.

( 76 ) Ibid, punt 12.

( 77 ) Ara l-Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, op. cit, punt 51.

( 78 ) Anki jekk huwa ovvju li l-promozzjoni tal-l-integrazzjoni hija għan mixtieq u leġittimu, ma huwiex faċli li tinstab linja xierqa bejn il-multikulturaliżmu u l-aċċettazzjoni tad-differenzi u l-limiti tat-tolleranza. Għal diskussjoni ġenerali ara Joppke, C., “The retreat of multiculturalism in the liberal state: theory and policy”, The British Journal of Sociology, 2004, p. 237 sa 257.

( 79 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética (C‑500/06, EU:C:2008:421, punt 39); tal‑4 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑377/17, EU:C:2019:562, punt 92); u tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr (C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 70).

Top