This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CC0240
Opinion of Advocate General Richard de la Tour delivered on 18 June 2024.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-18 ta’ Ġunju 2024.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-18 ta’ Ġunju 2024.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:523
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑18 ta’ Ġunju 2024 (1)
Kawża C‑240/23
Herbaria Kräuterparadies GmbH
vs
Freistaat Bayern
(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura u sajd – Produzzjoni organika u ttikkettjar tal-prodotti organiċi – Regolament (UE) 2018/848 – Regoli dwar il-produzzjoni organika – Artikolu 16 – Artikolu 33 – Ittikkettjar – Logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea – Kundizzjonijiet għall-użu – Artikoli 45 u 48 – Importazzjoni ta’ prodotti organiċi ekwivalenti li joriġinaw minn pajjiż terz irrikonoxxut fis-suq tal-Unjoni – Indikazzjoni li tagħmel riferiment għall-produzzjoni organika – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 – Ugwaljanza fit-trattament”
I. Introduzzjoni
1. Herbaria Kräuterparadies GmbH (iktar ’il quddiem “Herbaria”) ilha sa mis-sena 2012 tikkontesta d-deċiżjoni tal-Freistaat Bayern (il-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja) li tipprojbixxiha milli tuża l-indikazzjoni marbuta mal-mod ta’ produzzjoni organika fl-ittikkettjar, fir-reklamar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ taħlita ta’ meraq tal-frott u ta’ estratti ta’ ħwawar li tinkludi fiha, minbarra prodotti organiċi, vitamini mhux veġetali u l-glukonat ferruż li ma joriġinawx minn agrikoltura organika.
2. L-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta ma’ dan il-każ ikkonfermat l-interpretazzjoni tal-Land ta’ Bayern dwar l-impossibbiltà li jintuża l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni kif ukoll kull indikazzjoni ta’ produzzjoni organika f’każ bħal dan (2). Herbaria laqgħet din id-deċiżjoni u invokat ksur tal-ugwaljanza bejn il-prodott tagħha u prodott Amerikan simili li fih huma miżjuda vitamini mhux veġetali u l-glukonat ferruż li ma humiex organiċi, iżda li huwa rrikonoxxut bħala li joriġina mill-produzzjoni organika fl-Istati Uniti tal-Amerika u li, fuq il-bażi ta’ dan, jista’ jiġi kkummerċjalizzat fit-territorju tal-Unjoni bil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni minħabba r-rikonoxximent tal-Istati Uniti bħala pajjiż terz li r-regoli dwar il-produzzjoni u dwar il-kontroll tiegħu huma ekwivalenti.
3. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 16(1), tal-Artikolu 30(1), tal-Artikolu 33(1), tal-Artikolu 45(1) u tal-Artikolu 48(1), kif ukoll tal-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (3), kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4).
4. Din it-talba sejra tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika liema użu għandu jsir mil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni f’każ ta’ importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-agrikoltura organika. Jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fis-sens li l-prodotti importati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat‑28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (5) u tar-Regolament 2018/848 jista’ jitwaħħal fuqhom dan il-logo, akkumpanjat, fl-istess kamp viżiv, minn indikazzjonijiet obbligatorji dwar l-oriġini tal-materji primi u dwar il-pajjiż ta’ oriġini tal-kontroll tal-konformità, mingħajr ma dan jippreġudika l-prinċipju ta’ ugwaljanza protett mill-Artikolu 20 tal-Karta.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Ir‑Regolament (KE) Nru 834/2007
5. Il-premessi 1 u 33 tar-Regolament Nru 834/2007 kienu jipprovdu:
“(1) Il-metodu tal-produzzjoni organika [...] għandu rwol soċjali doppju, fejn min-naħa l-waħda huwa jipprovdi għal suq speċifiku li jirrispondi għad-domanda tal-konsumatur għall-prodotti organiċi, u min-naħa l-oħra jwassal oġġetti pubbliċi li jikkontribwixxu għall-ħarsien ta’ l-ambjent u l-benesseri ta’ l-annimali, kif ukoll għall-iżvilupp rurali.
[...]
(33) Il-prodotti organiċi importati [fl-Unjoni] Ewropea għandhom jitħallew jitpoġġew fis-suq [tal-Unjoni] bħala organiċi, fejn ġew prodotti skond ir-regoli ta’ produzzjoni u soġġetti għal arranġamenti ta’ kontroll li huma f’konformità ma’ jew ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-leġislazzjoni [tal-Unjoni]. Barra minn hekk, il-prodotti importati taħt sistema ekwivalenti għandhom ikunu koperti b’ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti, jew minn awtorità ta’ kontroll rikonoxxuta jew korp tal-pajjiż terz ikkonċernat.”
6. L-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli ġenerali dwar il-produzzjoni ta’ l-ikel ipproċessat”, fil-paragrafu 2(b) tiegħu, kien jipprovdi:
“Il-kondizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kompożizzjoni ta’ ikel organiku pproċessat:
[...]
b) additivi, għajnuniet ta’ proċessar, aromatizzanti, ilma, melħ, preparati ta’ mikroorganiżmi u enżimi, minerali, elementi ta’ traċċa, vitamini, kif ukoll aminoaċidi u mikronutrienti oħrajn f’oġġetti ta’ l-ikel għal użu nutrizzjonali partikolari biss jistgħu jintużaw u biss safejn ġew awtorizzati għall-użu fi produzzjoni organika skond l-Artikolu 21.”
7. L-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, intitolat “Użu ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika”, fil-paragrafu 1 tiegħu, kien jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament prodott għandu jitqies li jinkludi termini li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika fejn, fit-tikkettar, fil-materjal tar-riklamar jew f’dokumenti kummerċjali, tali prodott, l-ingredjenti jew il-materjali ta’ l-għalf tiegħu huma mfissra f’termini li jissuġġerixxu lix-xerrej li l-prodott, l-ingredjenti jew il-materjali ta’ l-għalf tiegħu nkisbu skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, it-termini elenkati fl-Anness, id-derivati jew id-diminuttivi tagħhom, bħal ‘bijo’ u ‘eko’, weħidhom jew b’mod kombinat, jistgħu jintużaw [fl-Unjoni] kollha u fi kwalunkwe lingwa tal-[Unjoni] għat-tikkettar u r-reklamar ta’ prodott li jissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti fi jew skond dan ir-Regolament.
Fit-tikkettar u r-reklamar ta’ prodotti agrikoli ħajjin jew mhux ipproċessati jistgħu jintużaw termini li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika fil-każ biss fejn flimkien ma’ dan l-ingredjenti kollha ta’ dak il-prodott ikunu wkoll ġew prodotti skond il-ħtiġiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.”
8. L-Artikolu 24 tal-istess regolament, intitolat “Indikazzjonijiet obbligatorji”, kien redatt kif ġej:
“1. Fejn jintużaw termini kif imsemmija fl-Artikolu 23(1):
a) in-numru tal-kodiċi msemmi fl-Artikolu 27(10) ta’ l-awtorità jew korp ta’ kontroll li għalih hu soġġett l-operatur li wettaq il-produzzjoni jew l-iżjed operazzjoni ta’ preparazzjoni reċenti, għandu jidher ukoll fit-tikkettar;
b) il-logo Komunitarju msemmi fl-Artikolu 25(1) rigward l-ikell ippakkjat minn qabel għandu wkoll jidher fuq l-ippakkjar;
ċ) fejn il-logo Komunitarju hu użat, indikazzjoni tal-post fejn ġew imkabbra l-materjali primi agrikoli li minnhom hu kompost il-prodott, għandha tidher ukoll fl-istess żona viżwali bħal-logo u għandha tieħu waħda minn dawn il-forom li ġejjin, kif xieraq:
– ‘Agrikoltura UE’, fejn il-materjal prim agrikolu ġie mkabbar fl-UE,
– ‘Agrikoltura non-UE’, fejn il-materjal prim agrikolu ġie mkabbar f’pajjiżi terzi;
– ‘Agrikoltura ta’ l-UE/non-UE’, fejn parti mill-materjali primi agrikoli ġew imkabbra fil-Komunità u parti minnhom ġiet imkabbra f’pajjiż terz.
[...]
L-użu tal-logo Komunitarju kif imsemmi fl-Artikolu 25(1) u l-indikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu fakultattivi għall-prodotti importati minn pajjiżi terzi. Madankollu, fejn il-logo Komunitarju kif imsemmi fl-Artikolu 25(1) jidher fit-tikkettar, l-indikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tidher ukoll fit-tikkettar.
2. L-indikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu mmarkati f’post li jispikka b’tali mod li jkunu faċilment viżibbli, jistgħu jinqraw b’mod ċar u ma jitħassrux.
[...]”
9. L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 834/2007, intitolat “Logo ta’ produzzjoni organika”, kien jipprovdi:
“1. Il-logo Komunitarju ta’ produzzjoni organika jista’ jintuża fit-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti li jissodisfaw il-ħtiġiet imniżżla f’dan ir-Regolament.
[...]
2. Logos nazzjonali u privati jistgħu jintużaw fit-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti li jissodisfaw il-ħtiġiet imniżżla f’dan ir-Regolament
[...]”
10. L-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Importazzjoni ta’ prodotti konformi”, kien jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Prodott importat minn pajjiż terz jista’ jitqiegħed fuq is-suq [tal-Unjoni] bħala organiku bil-kondizzjoni li:
a) il-prodott jikkonforma mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-Titoli II, III u IV kif ukoll mar-regoli implimentattivi li jaffettwaw il-produzzjoni tiegħu adottati skond dan ir-Regolament;
b) l-operaturi kolha, inklużi l-esportaturi, ġew soġġetti għal kontroll mill-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti skond il-paragrafu 2;
ċ) l-operaturi kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jipprovdu fi kwalunkwe ħin, lill-importaturi jew lill-awtoritajiet nazzjonali, evidenza ta’ dokumentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 29, li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ l-operatur li wettaq l-aħħar operazzjoni u l-verifika ta’ konformità minn dak l-operatur mal-punti (a) u (b), maħruġa mill-awtorità ta’ kontroll jew mill-korp ta’ kontroll imsemmi fil-punt (b).”
11. L-Artikolu 33 tal-imsemmi regolament, intitolat “Importazzjoni ta’ prodotti li jipprovdu garanziji ekwivalenti”, kien redatt kif ġej:
“1. Prodott importat minn pajjiż terz jista’ wkoll jitqiegħed fis-suq [tal-Unjoni] bħala organiku bil-kondizzjoni li:
a) il-produzzjoni tal-prodott saret skond regoli ta’ produzzjoni ekwivalenti għal dawk imsemmija fit-Titoli III u IV;
b) l-operaturi ġew soġġetti għal miżuri ta’ kontroll ta’ effettività ekwivalenti għal dawk imsemmija fit-Titolu V u tali miżuri ta’ kontroll ġew applikati b’mod permanenti u effettiv;
ċ) l-operaturi fl-istadji kollha tal-produzzjoni, il-preparazzjoni u d-distribuzzjoni fil-pajjiż terz kienu ssottomettew l-attivitajiet tagħhom għal sistema ta’ kontroll rikonoxxuta skond il-paragrafu 2 jew awtorità ta’ kontroll jew korpi ta’ kontroll rikonoxxuti skond il-paragrafu 3;
d) il-prodott huwa kopert b’ċertfikat ta’ spezzjoni maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi ta’ kontroll tal-pajjiż terz rikonoxxut skond il-paragrafu 2, jew minn awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll rikonoxxuta skond il-paragrafu 3, li jikkonferma li l-prodott jissodisfa l-kondizzjonijiet imniżżla f’dan il-paragrafu.
[...]
2. Il-Kummissjoni [Ewropea] tista’ skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2) tirrikonoxxi l-pajjiżi terzi li s-sistema ta’ produzzjoni tagħhom hi konformi ma’ prinċipji u regoli ta’ produzzjoni ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titoli II, III u IV u li l-miżuri ta’ kontroll tagħhom huma ta’ effettività ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titolu V, u tistabbilixxi lista ta’ dawn il-pajjiżi. L-evalwazzjoni ta’ ekwivalenza għandha tqis il-linji gwida CAC/GL 32 tal-Codex Alimentarius.
[...]”
B. Ir‑Regolament (KE) Nru 889/2008
12. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal‑5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (6), kien jinkludi fih l-Artikolu 27, intitolat “L-użu ta’ ċerti prodotti u sustanzi fl-ipproċessar ta’ l-ikel”, li l-paragrafu 1 tiegħu kien jipprovdi:
“Għall-finijiet tal-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament [Nru 834/200], is-sustanzi li ġejjin biss jistgħu jintużaw fl-ipproċessar tal-ikel organiku, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid, li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu 3a:
[...]
f) minerali (oligo-elementi inklużi), vitamini, aminoaċidi u mikronutrijenti, awtorizzati biss sa fejn l-użu tagħhom huwa legalment meħtieġ fl-affarijiet ta’ l-ikel li fihom huma inkorporati.”
C. Ir‑Regolament (KE) Nru 1235/2008
13. L-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat‑8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (7), kien jipprovdi:
“Il-Kummissjoni se tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti skond l-Artikolu 33(2) tar-Regolament [Nru 834/2007]. Il-lista ta’ pajjiżi rikonoxxuti hija stabbilita fl-Anness III għal dan ir-regolament [...]”
D. Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 126/2012
14. L-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 126/2012 tal‑14 ta’ Frar 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 fir-rigward ta’ evidenza dokumentata u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 rigward l-arranġamenti għall-importazzjoni ta’ prodotti organiċi mill-Istati Uniti tal-Amerika (8), inkluda lill-Istati Uniti fil-lista tal-pajjiżi terzi li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 1235/2008.
E. Ir‑Regolament 2018/848
15. Il-premessi 1, 3, 6, 9, 15, 17, 73, 77 sa 79, 93, 96 u 123 tar-Regolament 2018/848 jistabbilixxu:
“(1) [I]l-produzzjoni organika għandha rwol soċjetali doppju, fejn min-naħa waħda tipprovdi għal suq speċifiku li jirreaġixxi għad-domanda tal-konsumaturi għal prodotti organiċi u min-naħa l-oħra, tforni prodotti disponibbli pubblikament li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-ambjent u l-benessri tal-annimali, kif ukoll għall-iżvilupp rurali.
[...]
(3) [L-]objettivi tal-politika tal-produzzjoni organika huma integrati fl-objettivi tal-PAK billi jiżguraw li l-bdiewa jirċievu redditu xieraq għall-konformità tagħhom mar-regoli dwar il-produzzjoni organika. Barra minn hekk, id-domanda li qed tikber tal-konsumaturi għall-prodotti organiċi toħloq kondizzjonijiet għal żvilupp ulterjuri u espansjoni tas-suq f’dawk il-prodotti u għaldaqstant għal żieda fir-redditu tal-bdiewa involuti fil-produzzjoni organika.
[...]
(6) Fid-dawl tal-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar il-produzzjoni organika, jenħtieġ li l-qafas legali stabbilit għall-implimentazzjoni ta’ dik il-politika jkollu l-għan li jiżgura kompetizzjoni ġusta u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fil-prodotti organiċi, li jżomm u jiġġustifika l-fiduċja tal-konsumatur fil-prodotti bit-tikketta organika, u li jipprovdi kondizzjonijiet li taħthom il-politika tista’ tagħmel progress f’konformità mal-iżviluppi tal-produzzjoni u tas-suq.
[...]
(9) Fid-dawl tal-evoluzzjoni dinamika tas-settur organiku, ir-Regolament tal-Kunsill [Nru 834/2007] identifika l-ħtieġa ta’ eżami futur tar-regoli tal-Unjoni dwar il-produzzjoni organika, b’kont meħud tal-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli. Ir-riżultati ta’ dak l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni juru li l-qafas legali tal-Unjoni li jirregola l-produzzjoni organika jenħtieġ li jiġi mtejjeb biex jiġu previsti r-regoli li jikkorrispondu għall-aspettattivi għoljin tal-konsumaturi u li jiggarantixxu ċarezza suffiċjenti għal dawk li huma indirizzati lejhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament [Nru 834/2007] jitħassar u jiġi sostitwit b’Regolament ġdid.
[...]
(15) Proġetti ta’ riċerka wrew li l-fiduċja tal-konsumatur hija kruċjali fis-suq tal-ikel organiku. Fuq perijodu ta’ żmien twil, ir-regoli li mhumiex affidabbli jistgħu jipperikolaw il-fiduċja pubblika u jwasslu għall-falliment tas-suq. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-iżvilupp sostenibbli tal-produzzjoni organika fl-Unjoni jkun ibbażat fuq regoli sodi dwar il-produzzjoni li huma armonizzati fil-livell tal-Unjoni u li jissodisfaw l-aspettattivi tal-operaturi u tal-konsumaturi rigward il-kwalità tal-prodotti organiċi u l-konformità mal-prinċipji u r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament.
[...]
(17) Jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-iżvilupp sostenibbli tal-produzzjoni organika u l-effetti pożittivi tagħha fuq l-ambjent, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern fil-prodotti organiċi kif ukoll il-kompetizzjoni ġusta, biex b’hekk il-bdiewa jiġu megħjuna jiksbu introjtu ġust, tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumatur, jiġu protetti l-interessi tal-konsumaturi u jiġu inkoraġġuti kanali ta’ distribuzzjoni qosra u produzzjonijiet lokali. Jenħtieġ li dawn l-objettivi jinkisbu permezz tal-konformità mal-prinċipji ġenerali u speċifiċi u mar-regoli dwar il-produzzjoni ġenerali u dettaljati applikabbli għall-produzzjoni organika.
[...]
(73) Jenħtieġ li t-tikkettar ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel ikun soġġett għar-regoli ġenerali stabbiliti fir-Regolament (UE) [Nru 1169/2011 (9)], u b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet bl-għan li jipprevjenu tikkettar li jista’ jfixkel lil jew iqarraq bil-konsumaturi. Barra minn hekk, jenħtieġ li f’dan ir-Regolament jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi marbuta mat-tikkettar ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni. Jenħtieġ li dawn jipproteġu kemm l-interessi tal-operaturi, biex ikollhom il-prodotti tagħhom fis-suq identifikati b’mod ċar u korrett u jgawdu minn kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusti, kif ukoll l-interessi tal-konsumaturi li jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati.
[...]
(77) Sabiex ikun hemm ċarezza għall-konsumaturi fis-suq kollu tal-Unjoni, jenħtieġ li l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jkun obbligatorju għall-ikel organiku kollu ppakkjat bil-lest prodott fl-Unjoni. Minbarra dan, jenħtieġ li jkun possibbli li jintuża dak il-logo fuq bażi volontarja fil-każ ta’ prodotti organiċi mhux ippakkjati bil-lest li jiġu prodotti fl-Unjoni u fil-każ ta’ kwalunkwe prodott organiku importat minn pajjiżi terzi, kif ukoll għal finijiet informattivi u edukattivi. Jenħtieġ li l-mudell tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jiġi stabbilit.
(78) Madankollu, sabiex il-konsumaturi ma jitqarrqux dwar l-għamla organika tal-prodott sħiħ, huwa xieraq li l-użu ta’ dak il-logo jiġi limitat għall-prodotti li jinkludu biss, jew kważi biss, ingredjenti organiċi. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-użu tiegħu ma jkunx permess fl-ittikkettar ta’ prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni, jew ta’ prodotti pproċessati li jkun fihom anqas minn 95 % skont il-piż tal-ingredjenti tagħhom ta’ oriġini agrikola li jkunu organiċi.
(79) Sabiex tiġi evitata kull konfużjoni possibbli fost il-konsumaturi dwar jekk il-prodotti joriġinawx mill-Unjoni jew le, kull meta jintuża l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar il-post fejn ġiet ikkultivata l-materja prima agrikola li minnha huwa magħmul il-prodott. [...]
[...]
(93) L-esperjenza fir-rigward tal-arranġamenti għall-importazzjoni ta’ prodotti organiċi fl-Unjoni skont ir-Regolament [Nru 834/2007] uriet li hemm bżonn li dawk l-arranġamenti jiġu riveduti sabiex tingħata risposta għall-aspettattivi tal-konsumaturi li l-prodotti organiċi importati jissodisfaw standards li jkunu stretti daqs tal-Unjoni, kif ukoll sabiex ikun żgurat aħjar l-aċċess tal-prodotti organiċi tal-Unjoni għas-suq internazzjonali. [...]
[...]
(96) Il-pajjiżi terzi rikonoxxuti għall-finijiet ta’ ekwivalenza skont ir-Regolament [Nru 834/2007] jenħtieġ li jibqgħu rikonoxxuti bħala tali skont dan ir-Regolament, għal perijodu limitat neċessarju biex tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel għall-iskema ta’ rikonoxximent permezz ta’ ftehim internazzjonali, dment li huma jkomplu jiżguraw li r-regoli tagħhom dwar il-produzzjoni organika u l-kontroll ikunu ekwivalenti għar-regoli tal-Unjoni rilevanti fis-seħħ u li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha marbutin mas-superviżjoni tar-rikonoxximent tagħhom mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dik is-superviżjoni tkun bbażata b’mod partikolari fuq ir-rapporti annwali li dawk il-pajjiżi terzi rikonoxxuti jibagħtu lill-Kummissjoni.
[...]
(123) Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-kompetizzjoni ġusta u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti organiċi, kif ukoll l-iżgurar tal-fiduċja tal-konsumatur f’dawk il-prodotti u fil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, fid-dawl tal-armonizzazzjoni tar-regoli meħtieġa dwar il-produzzjoni organika, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif imsemmi fl-Artikolu 5 [TUE]. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imsemmi f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi.”
16. L-Artikolu 16 tar-Regolament 2018/848, intitolat “Regoli tal-produzzjoni għall-ikel ipproċessat”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-operaturi li jipproduċu ikel ipproċessat għandhom jikkonformaw, b’mod partikolari, mar-regoli dettaljati dwar il-produzzjoni li jinsabu fil-Parti IV tal-Anness II u fi kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.”
17. Skont l-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Użu ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika”:
“1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, prodott għandu jitqies li jinkludi t-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika fejn, fuq it-tikketta, fil-materjal tar-reklamar jew f’dokumenti kummerċjali, tali prodott, l-ingredjenti tiegħu jew il-materjali tal-għalf użati fil-produzzjoni tiegħu jiġu deskritti f’termini li jissuġġerixxu lix-xerrej li l-prodott, l-ingredjenti jew il-materjali tal-għalf ikunu ġew prodotti f’konformità ma’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, it-termini elenkati fl-Anness IV u d-derivattivi u d-diminuttivi tagħhom, bħal ‘bio’, u ‘eko’, kemm jekk waħidhom kif ukoll jekk ikkombinati, jistgħu jintużaw fl-Unjoni kollha u bi kwalunkwe lingwa elenkata f’dak l-Anness għat-tikkettar u r-reklamar ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 2(1) li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.
[...]
5. Għal ikel ipproċessat, it-termini msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintużaw:
a) id-deskrizzjoni tal-bejgħ, u fil-lista ta’ ingredjenti fejn tali lista tkun obbligatorja skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni [...]
[...]
b) biss fil-lista ta’ ingredjenti [...]
[...]
c) fid-deskrizzjoni ta’ bejgħ u fil-lista ta’ ingredjenti [...]
[...]”
18. L-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament, intitolat “Indikazzjonijiet obbligatorji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Fejn prodotti jkollhom termini kif imsemmija fl-Artikolu 30(1), inkluż prodotti ttikkettati bħala prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni f’konformità mal-Artikolu 30(3):
[...]
b) fil-każ ta’ ikel ippakkjat bil-lest, il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea msemmi fl-Artikolu 33 għandu jidher ukoll fuq l-imballaġġ, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 30(3) u l-punti (b) u (c) tal-Artikolu 30(5).”
19. Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament 2018/848, intitolat “Logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea”:
“1. Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jista’ jintuża fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ prodotti li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.
Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jista’ jintuża wkoll għal skopijiet ta’ informazzjoni u edukattivi marbutin mal-eżistenza u r-reklamar tal-logo nnifsu, dment li tali użu ma jkunx jista’ jwassal biex iqarraq bil-konsumatur b’rabta mal-produzzjoni organika ta’ prodotti speċifiċi, u dment li l-logo jiġi riprodott skont ir-regoli stabbiliti fl-Anness V [...]
[...]
3. L-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea għandu jkun fakultattiv għall-prodotti importati minn pajjiżi terzi. Fejn dak il-logo jidher fuq it-tikketta ta’ tali prodotti, l-indikazzjoni msemmija fl-Artikolu 32(2) għandha tidher ukoll fuq it-tikketta.
[...]
5. Jistgħu jintużaw logos nazzjonali u logos privati fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ prodotti li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.
[...]”
20. L-Artikolu 42 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli addizzjonali dwar miżuri fil-każ ta’ nonkonformità”, huwa redatt kif ġej:
“1. F’każ ta’ nonkonformità li taffettwa l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni matul kwalunkwe stadju ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni, pereżempju b’riżultat tal-użu ta’ prodotti, sustanzi jew tekniki mhux awtorizzati, jew it-taħlit ma’ prodotti mhux organiċi, l-awtoritajiet kompetenti, u kif adatt, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll, għandhom jiżguraw, [...] li ma ssir ebda referenza għall-produzzjoni organika fit-tikkettar u r-reklamar tal-lott kollu kemm hu jew it-tiratura kkonċernata.
[...]”
21. L-Artikolu 44 tal-imsemmi regolament, intitolat “Esportazzjoni ta’ prodotti organiċi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Prodott jista’ jiġi esportat mill-Unjoni bħala prodott organiku u jista’ jkollu fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, jekk jikkonforma mar-regoli għall-produzzjoni organika skont dan ir-Regolament.”
22. L-Artikolu 45 tar-Regolament 2018/848, intitolat “Importazzjoni ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Prodott jista’ jiġi importat minn pajjiż terz għall-finijiet tat-tqegħid ta’ dak il-prodott fis-suq fl-Unjoni bħala prodott organiku jew bħala prodott fil-fażi ta’ konverżjoni, dment li t-tliet kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:
a) il-prodott huwa prodott kif imsemmi fl-Artikolu 2(1);
b) japplika wieħed minn dawn li ġejjin:
i) il-prodott jikkonforma mal-Kapitoli II, III u IV ta’ dan ir-Regolament u l-operaturi kollha u l-gruppi ta’ operaturi imsemmija fl-Artikolu 36, inkluż l-esportaturi fil-pajjiż terz ikkonċernat, kienu soġġetti għal kontrolli mill-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 46, u dawk l-awtoritajiet jew korpi jkunu fornew li dawn l-operaturi kollha ċertifikat li jikkonferma li huma f’konformità ma’ dan ir-Regolament;
ii) fil-każijiet kollha fejn il-prodott joriġina minn pajjiż terz li huwa rikonoxxut f’konformità mal-Artikolu 47, dak il-prodott jikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim kummerċjali rilevanti; jew;
iii) fil-każijiet kollha fejn il-prodott joriġina minn pajjiż terz li huwa rikonoxxut f’konformità mal-Artikolu 48, dak il-prodott jikkonforma mal-produzzjoni u r-regoli ta’ kontroll ekwivalenti ta’ dak il-pajjiż terz u huwa importat b’ċertifikat ta’ spezzjoni li jikkonferma din il-konformità li jkun inħareġ mill-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll ta’ dak il-pajjiż terz; u
c) l-operaturi f’pajjiżi terzi jkunu jistgħu fi kwalunkwe ħin, jipprovdu lill-importaturi u lill-awtoritajiet nazzjonali fl-Unjoni u f’dawk il-pajjiżi terzi informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-operaturi li huma l-fornituri tagħhom u l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll ta’ dawk il-fornituri, bil-ħsieb li tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-prodott organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni kkonċernat. Dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll tal-importaturi.”
23. L-Artikolu 48 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ekwivalenza skont ir-Regolament [Nru 834/2007]”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Pajjiż terz rikonoxxut kif imsemmi fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 45(1) huwa pajjiż terz li ġie rikonoxxut għall-fini tal-ekwivalenza skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament [Nru 834/2007], inkluż dawk rikonoxxuti skont il-miżuri transitorji previsti fl-Artikolu 58 ta’ dan ir-Regolament.
Dak ir-rikonoxximent għandu jiskadi fil‑31 ta’ Diċembru 2025.”
24. Skont l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-imsemmi regolament:
“Ir-Regolament [Nru 834/2007] huwa rrevokat.
Madankollu, dak ir-Regolament għandu jibqa’ japplika għall-finijiet tat-tlestija tal-analiżi tal-applikazzjonijiet pendenti minn pajjiżi terzi, kif stipulat fl-Artikolu 58 ta’ dan ir-Regolament.”
25. L-Artikolu 58(1) tar-Regolament 2018/848 jistabbilixxi:
“Il-Kummissjoni għandha tlesti l-analiżi tal-applikazzjonijiet minn pajjiżi terzi li jkunu ġew ippreżentati skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007 u li jkunu pendenti fis-17 ta’ Ġunju 2018. Dak ir-Regolament għandu japplika għall-analiżi ta’ dawn l-applikazzjonijiet.”
26. Il-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II tal-imsemmi regolament jipprovdi, fir-rigward tar-rekwiżiti ddettaljati applikabbli għall-produzzjoni ta’ ikel ipproċessat:
“Fl-ipproċessar tal-ikel, jistgħu jintużaw il-prodotti u sustanzi li ġejjin:
[...]
f) minerali (inkluż traċċi ta’ elementi), vitamini, aċidi amminiċi u mikronutrijenti, sakemm:
i) l-użu tagħhom f’ikel għal konsum normali jkun ‘rekwiżit legali dirett’ fis-sens li jkun meħtieġ direttament mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, bil-konsegwenza li l-ikel ma jkun jista’ b’ebda mod jitqiegħed fis-suq bħala ikel għal konsum normali jekk ma jiżdidux dawk il-minerali, il-vitamini, l-aċidi amminiċi jew il-mikronutrijent; jew
ii) fir-rigward tal-ikel imqiegħed fis-suq bħala li għandu karatteristiċi jew effetti partikolari fir-rigward tas-saħħa jew in-nutrizzjoni jew fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi ta’ konsumaturi:
– f’prodotti imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament [Nru 609/2013 (10)], l-użu tagħhom ikun awtorizzat minn dak ir-Regolament u l-atti adottati abbażi tal-Artikolu 11(1) ta’ dak ir-Regolament, [...] għall-prodotti kkonċernati, jew
– fi prodotti rregolati mid-Direttiva [2006/125/KE (11)], l-użu tagħhom ikun awtorizzat minn dik id-Direttiva.”
F. Ir‑Regolament (UE) 2020/1693
27. Il-premessa 7 tar-Regolament (UE) 2020/1693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Novembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu u ta’ ċerti dati oħrajn imsemmija f’dak ir-Regolament (12), tipprovdi:
“Il-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi relatata tas-saħħa pubblika jippreżentaw [...] sfida bla preċedent għall-pajjiżi terzi u għall-operaturi bbażati f’pajjiżi terzi. Konsegwentement, għal pajjiżi terzi li ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament [Nru 834/2007], huwa xieraq li d-data ta’ skadenza tar-rikonoxximent tagħhom tiġi estiża b’sena, jiġifieri sal‑31 ta’ Diċembru 2026, sabiex pajjiżi terzi bħal dawn ikollhom biżżejjed żmien biex jibdlu l-istatus tagħhom, billi jikkonkludu ftehim kummerċjali mal-Unjoni jew permezz ta’ konformità sħiħa mill-operaturi tagħhom mar-Regolament [2018/848], mingħajr ma jinħoloq xkiel żejjed fil-kummerċ tal-prodotti organiċi.”
28. Il-punt 2 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:
“Ir-Regolament [2018/848] huwa emendat kif ġej:
2) fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(1), id-data ‘31 ta’ Diċembru 2025’ hija sostitwita bi ‘31 ta’ Diċembru 2026’.”
G. Ir‑Regolament Delegat (UE) 2021/1342
29. Il-premessa 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1342 tas‑27 ta’ Mejju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-pajjiżi terzi u mill-awtoritajiet ta’ kontroll u mill-korpi ta’ kontroll għall-finijiet tas-superviżjoni tar-rikonoxximent tagħhom skont l-Artikolu 33(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 għall-prodotti organiċi importati u l-miżuri li għandhom jittieħdu fl-eżerċizzju ta’ dik is-superviżjoni (13), tipprovdi:
“Meta jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni sa tmiem dawk il-perjodi tranżitorji, il-prodotti organiċi importati fl-Unjoni skont dawk l-iskemi ta’ importazzjoni iridu jiġu prodotti f’konformità mar-regoli ta’ produzzjoni u soġġetti għall-arranġamenti ta’ kontroll li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament [Nru 834/2007] kif ukoll mar-regoli ta’ implimentazzjoni assoċjati miegħu stabbiliti fir-Regolamenti tal-Kummissjoni [Nru 889/2008] u [Nru 1235/2008].”
30. L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament delegat jistabbilixxi:
“1. Ir-rapport annwali li għandu jintbagħat lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artiklu 48(2) tar-Regolament [2018/848], sal‑31 ta’ Marzu ta’ kull sena, minn pajjiż terz imsemmi fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament u inkluż fil-lista stabbilita permezz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni li jrid jiġi adottat skont l-Artikolu 48(3) tar-Regolament [2018/848] [...] għandu jinkludi:
[...]
d) kwalunkwe aġġornament dwar l-istandards tal-produzzjoni applikati fil-pajjiż terz u vvalutati bħala ekwivalenti għar-regoli tal-produzzjoni imsemmija fit-Titoli III u IV tar-Regolament [Nru 834/2007];
e) kwalunkwe aġġornament dwar il-miżuri ta’ kontroll applikati fil-pajjiż terz, ivvalutati li għandhom effettività ekwivalenti għal dawk imsemmija fit-Titolu V tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, u l-konferma li tali miżuri ta’ kontroll ġew applikati b’mod permanenti u effettiv;
[...]
6. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz meta tirċievi notifika minn Stat Membru li jinfurmaha b’suspett sostanzjat ta’ irregolarità jew ksur, fir-rigward tal-konformità tal-prodotti organiċi importati, mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament [Nru 834/2007] u mal-istandards tal-produzzjoni u mal-miżuri ta’ kontroll aċċettati bħala ekwivalenti abbażi tal-valutazzjoni li saret. Dik l-awtorità kompetenti għandha tinvestiga l-oriġini tal-irregolarità jew tal-ksur suspettat u għandha, fi żmien 30 jum kalendarju min-notifika tal-Kummissjoni, tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat bir-riżultat tal-investigazzjoni u tal-azzjoni li tkun ittieħdet.”
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
31. Herbaria tipproduċi l-prodott “Blutquick”, li huwa taħlita ta’ meraq tal-frott u ta’ estratti ta’ ħwawar minn produzzjoni organika. Ma’ din ix-xarba li tiġi kkummerċjalizzata bħala suppliment tal-ikel jiġu miżjuda vitamini mhux veġetali u l-glukonat ferruż. Fuq l-imballaġġ hemm inkluż il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, l-ekotikketta nazzjonali kif ukoll riferiment għall-fatt li l-ingredjenti joriġinaw minn “agrikoltura organika kkontrollata”.
32. B’deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 2012, il-Bayerische Landesanstalt für Landwirtschaft (l-Istitut tal-Agrikoltura tal-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja), inter alia, ordna lil Herbaria tħassar, qabel l‑1 ta’ Diċembru 2012, ir-riferiment għall-produzzjoni organika, protetta skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 834/2007 preżenti fl-ittikkettjar, fir-reklamar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ “Blutquick”, għar-raġuni li, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008, ma kienx permess li jiġu miżjuda vitamini u minerali fil-prodotti pproċessati li fuqhom ikun hemm il-kelma “organiku” dment li l-użu tagħhom ma jkunx meħtieġ mil-liġi. Skont l-Istitut tal-Agrikoltura tal-Land ta’ Bayern, dan ma kienx il-każ fir-rigward ta’ “Blutquick”.
33. Herbaria ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht München (il-Qorti Amministrattiva ta’ München, il-Ġermanja), li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 27(1)(f).
34. Wara li kisbet ir-risposta għal dawn id-domandi permezz tas-sentenza Herbaria I, il-Verwaltungsgericht München (il-Qorti Amministrattiva ta’ München) ċaħdet ir-rikors ta’ Herbaria.
35. L-appell ippreżentat kontra dik id-deċiżjoni ġie miċħud bis-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2021, li kontriha Herbaria ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), attwalment il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tqis li r-Regolament Nru 834/2007 ma għadux applikabbli ratione temporis, ġaladarba ġie ssostitwit bir-Regolament 2018/848.
36. Herbaria ma għadhiex tikkontesta l-fatt li, minħabba ż-żieda ta’ vitamini u tal-glukonat ferruż, ir-Regolament 2018/848 jipprojbixxi r-riferiment għall-produzzjoni organika fil-mument tat-tqegħid fis-suq ta’ “Blutquick”. Madankollu, skont l-interpretazzjoni tagħha ta’ dan ir-regolament, l-istess projbizzjoni ma tapplikax għal prodott importat mill-Istati Uniti u li għandu l-istess karatteristiċi.
37. Fil-fatt, skont Herbaria, wara l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ ekwivalenza milħuq bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti, prodotti kompetituri ta’ “Blutquick” u li joriġinaw mill-Istati Uniti setgħu jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni bħala prodotti organiċi, bil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, ġaladarba dawn sempliċement josservaw ir-regoli dwar il-produzzjoni organika fis-seħħ fl-Istati Uniti u, għaldaqstant, anki meta dawn ma josservawx ir-regoli kollha dwar il-produzzjoni organika meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni. Dan jikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament bi ksur tal-Artikolu 20 tal-Karta.
38. Il-Land ta’ Bayern iqis li l-interpretazzjoni tar-Regolament 2018/848 segwit minn Herbaria hija żbaljata u li, fir-realtà, prodott li joriġina mill-Istati Uniti jista’ jkollu fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni biss jekk dan jissodisfa r-regoli dwar il-produzzjoni previsti minn dan ir-regolament. Għaldaqstant ma teżisti l-ebda differenza fit-trattament.
39. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji, qabelxejn, fuq il-kwistjoni dwar jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, prodott importat mill-Istati Uniti jistax ikollu fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, anki jekk dan ma jkunx totalment konformi mar-rekwiżiti stabbiliti bir-Regolament 2018/848.
40. Sussegwentement, jekk dan kellu jkun effettivament minnu, hija tistaqsi jekk dan il-fatt jikkostitwixxix inugwaljanza fit-trattament ipprojbita mill-Artikolu 20 tal-Karta u, jekk applikabbli, jekk tali inugwaljanza fit-trattament tistax tkun iġġustifikata fid-dawl tar-rikonoxximent tan-natura ekwivalenti tal-prodotti inkwistjoni jew tal-aġevolazzjoni tal-kummerċ.
41. Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tqis li tqum bl-istess mod il-kwistjoni fir-rigward tar-riferiment għall-produzzjoni organika previst fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament 2018/848, li Herbaria wkoll ġiet ipprojbita milli tużah.
42. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, meta żewġ impriżi jipproduċu l-istess prodott tal-ikel ipproċessat li jissodisfa regoli ekwivalenti fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kontroll ta’ pajjiż terz irrikonoxxut konformement mal-Artikolu 48(1) tar-Regolament 2018/848, iżda li ma jissodisfax, minħabba ż-żieda ta’ ċerti ingredjenti, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II tal-imsemmi regolament, u meta dawn iż-żewġ impriżi jkollhom ix-xewqa li jikkummerċjalizzaw fl-Unjoni l-prodotti rispettivi bl-indikazzjoni tal-produzzjoni organika, teżisti f’dan ir-rigward, jekk jitqies li s-sitwazzjonijiet huma fil-prinċipju paragunabbli, inugwaljanza fit-trattament fis-sens tal-Artikolu 20 tal-Karta. Filwaqt li l-impriża li tipproduċi fl-Unjoni ma tistax, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament 2018/848, twaħħal fuq il-prodott tagħha, fil-mument tal-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni, l-indikazzjoni tal-produzzjoni organika, l-impriża stabbilita f’pajjiż terz irrikonoxxut konformement mal-Artikolu 48 ta’ dan ir-regolament tista’ twaħħal din l-indikazzjoni fuq il-prodott tagħha. Dan kollu jirriżulta mill-fatt li, skont l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848, prodott previst minn dan ir-regolament jista’ jiġi importat minn pajjiż terz sabiex jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni bħala prodott organiku jekk, fost kundizzjonijiet oħrajn, ikun joriġina minn pajjiż terz irrikonoxxut konformement mal-Artikolu 48 tal-imsemmi regolament u jekk jissodisfa r-regoli ekwivalenti ta’ dan il-pajjiż terz fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kontroll, sitwazzjoni li jaqa’ taħtha prodott ekwivalenti għal “Blutquick” li jista’ jiġi kkummerċjalizzat fl-Istati Uniti taħt id-denominazzjoni “organic”, minkejja li jkunu ġew miżjuda miegħu vitamini u minerali nutrittivi.
43. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 33(1) tar-[Regolament 2018/848] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jista’ jintuża għal prodotti tal-ikel ipproċessati li, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament, ikunu qegħdin jiġu importati bil-għan li jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni Ewropea bħala prodotti organiċi, iżda li minħabba li jkun fihom, minbarra prodotti veġetali, minerali u vitamini ta’ oriġini mhux veġetali, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 16(1) moqri flimkien mal-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II ta’ dan ir-regolament?
2) Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: Mill-Artikolu 20 tal-[Karta] jirriżulta li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jista’ jintuża għal prodotti tal-ikel ipproċessati meta dawn joriġinaw mill-Unjoni [Ewropea] u jkunu konformi mar-rekwiżiti ekwivalenti f’termini ta’ produzzjoni u ta’ kontroll ta’ pajjiż terz irrikonoxxut taħt l-Artikolu 48(1) tar-Regolament 2018/848, iżda mhux ir-rekwiżiti tal-Artikolu 16(1) moqri flimkien mal-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II ta’ dan ir-regolament?
3) Mill-Artikolu 20 tal-[Karta] jirriżulta li tali prodotti tal-ikel ipproċessati li joriġinaw mill-Unjoni [Ewropea] jistgħu jiġu identifikati b’riferiment għal produzzjoni organika, konformement mal-Artikolu 30(1) tar-Regolament 2018/848, iżda mingħajr ma jintuża l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea?”
44. Herbaria, il-Land ta’ Bayern u l-Kummissjoni ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn tal-aħħar ipparteċipaw, flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mal-Parlament Ewropew fis-seduta li nżammet fit‑18 ta’ Marzu 2024, li matulha wieġbu għall-mistoqsijiet għal risposta orali li sarulhom mill-Qorti tal-Ġustizzja.
IV. Analiżi
45. Qabel ma nagħti risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, nixtieq infakkar li ma huwiex ikkontestat minn Herbaria li l-“Blutquick” ma jistax jitwaħħal fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
46. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Herbaria I, stabbilixxiet li “l-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sustanza msemmija f’din id-dispożizzjoni jkun legalment meħtieġ biss meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni timponi direttament iż-żieda tal-imsemmija sustanza f’oġġett tal-ikel sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jiġi kkummerċjalizzat b’mod ġenerali”. Hija żżid li “[l]-użu ta’ tali sustanza ma huwiex legalment meħtieġ, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta oġġett tal-ikel jiġi kkummerċjalizzat bħala suppliment tal-ikel, b’indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa, jew bħala oġġett tal-ikel għal użu nutrittiv partikolari, minkejja li dan jimplika li, sabiex jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ sustanzi fl-oġġetti tal-ikel, li jinsabu” f’ċerti testi tad-dritt tal-Unjoni, “dan l-oġġett tal-ikel għandu jinkludi kwantità speċifika tas-sustanza inkwistjoni” (14).
47. Minkejja li ngħatat meta kien għadu viġenti r-Regolament Nru 834/2007, is-sentenza Herbaria I tibqa’ xorta waħda rilevanti wara l-adozzjoni tar-Regolament 2018/848 sa fejn il-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II ta’ dan ir-regolament jipprojbixxi ż-żieda ta’ minerali, vitamini, aminoaċidi u mikronutrijenti ġaladarba l-użu tagħhom fi prodotti tal-ikel ma jkunx espressament meħtieġ bħala rekwiżit legali stabbilit mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, anki skont l-imsemmi regolament, Herbaria ma tistax, bħal qabel, twaħħal il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni fuq il-“Blutquick”, li jinkludi fih vitamini mhux veġetali u l-glukonat ferruż li ma joriġinawx minn agrikoltura organika.
48. Fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għas-sentenza Herbaria I, Herbaria, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, kienet diġà qajmet ir-riskju ta’ ksur tal-ugwaljanza bejn il-“Blutquick” u prodott kompetitur li joriġina mill-Istati Uniti li seta’, fl-opinjoni tagħha, jibbenefika mil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni. Fil-konklużjonijiet tagħha, l-Avukata Ġenerali Sharpston kienet ikkunsidrat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex tagħti risposta fir-rigward ta’ dan il-punt, peress ma kinitx saret domanda f’dan is-sens mill-qorti tar-rinviju (15). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet segwiet l-istess raġunament u ma kinitx tat risposta għal din il-problema li ma kinitx tqajmet mill-qorti tar-rinviju (16).
49. Sabiex tikseb id-dritt li tuża l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni filwaqt li ma tosservax il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni marbuta mal-produzzjoni organika, Herbaria allegat, mill-ġdid, quddiem il-qorti tar-rinviju, inugwaljanza fit-trattament bejn il-“Blutquick” u prodott importat minn pajjiż terz (l-Istati Uniti) irrikonoxxut, konformement mal-Artikolu 48 tar-Regolament 2018/848, għall-finijiet tal-ekwivalenza abbażi tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007, li jista’ jibbenefika mil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni.
50. Fi kliem ieħor, Herbaria tibbaża l-argument tagħha fuq iċ-ċertezza li dan il-logo jista’ jintuża għal tali prodott Amerikan u li “Blutquick” huwa suġġett għal inugwaljanza fit-trattament, peress li ma jistax jitwaħħal fuqu l-imsemmi logo, minkejja li josserva l-istandards Amerikani li jikkonċernaw il-produzzjoni organika.
A. Fuq l‑ewwel domanda preliminari
51. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-punt dwar jekk il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni jistax jitwaħħal fuq prodott importat skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament 2018/848, iżda li ma jissodisfax il-preskrizzjonijiet tal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II tal-imsemmi regolament.
52. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li jiġi ddeterminat, minn naħa, liema hija s-sistema ta’ importazzjoni applikabbli u, min-naħa l-oħra, liema huwa r-regolament applikabbli għal dan it-tip ta’ prodott importat.
53. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-sistema ta’ importazzjoni applikabbli, l-Artikolu 45(1) tar-Regolament 2018/848, li fuq il-bażi tiegħu qegħdin isiru d-domandi, jipprovdi għal tliet modalitajiet ta’ importazzjoni li huma ddettaljati fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-artikolu. L-ewwel waħda tikkonċerna l-prodotti konformi mal-kapitoli ta’ dan ir-regolament marbuta mal-għanijiet u mal-prinċipji tal-produzzjoni organika, mar-regoli dwar il-produzzjoni u mal-ittikkettjar (konformità tal-prodott) (17). It-tieni waħda tikkonċerna l-prodotti li joriġinaw minn pajjiż terz li fir-rigward tiegħu l-Unjoni rrikonoxxiet, abbażi ta’ ftehim kummerċjali, li s-sistema ta’ produzzjoni tiegħu tissodisfa l-istess għanijiet u prinċipji bl-applikazzjoni ta’ regoli li jiggarantixxu l-istess livell ta’ assigurazzjoni tal-konformità bħal dawk tal-Unjoni (ekwivalenza abbażi ta’ ftehim kummerċjali) (18). It-tielet waħda tikkonċerna l-prodotti li jissodisfaw ir-regoli ekwivalenti tal-pajjiż terz irrikonoxxut b’mod unilaterali mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 48 tal-imsemmi regolament, fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kontroll (19). Din l-aħħar modalità tikkorrispondi għal dik stabbilita bl-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007 (ekwivalenza unilaterali abbażi tar-Regolament Nru 834/2007).
54. Herbaria tiddikjara li l-importazzjoni tal-prodotti Amerikani hija rregolata minn ftehim kummerċjali u għaldaqstant taqa’ taħt l-Artikolu 45(1)(b)(ii) tar-Regolament 2018/848.
55. Għalkemm huwa minnu li jeżisti skambju ta’ ittri bejn il-United States Department of Agriculture (il-Ministeru għall-Agrikoltura tal-Istati Uniti) u l-Kummissjoni, dan l-iskambju sar fil-kuntest tal-pubblikazzjoni, fil‑15 ta’ Frar 2012, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 126/2012 li emenda r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1235/2008 sabiex jiżdied il-pajjiż tal-Istati Uniti fil-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament bħala pajjiż terz li s-sistema ta’ produzzjoni tiegħu tissodisfa prinċipji u regoli ekwivalenti għal dawk previsti fit-Titoli II, III u IV tar-Regolament Nru 834/2007 u li l-miżuri ta’ kontroll tiegħu huma effikaċi daqs dawk previsti fit-Titolu V ta’ dan ir-regolament. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 126/2012 daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2012.
56. Għaldaqstant, fir-realtà, l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni ta’ prodotti organiċi li joriġinaw mill-Istati Uniti bħala li joriġinaw minn pajjiż terz li r-regoli dwar il-produzzjoni u dwar il-kontroll tiegħu huma ekwivalenti ngħatat skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007, jiġifieri bis-saħħa ta’ ekwivalenza rrikonoxxuta b’mod unilaterali mill-Kummissjoni. Dan ġie kkonfermat mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha stabbilit skont l-Artikolu 49 tar-Regolament 2018/848 (20).
57. Fir-rigward, fit-tieni lok, tas-sistema legali applikabbli għall-prodott importat, minkejja li ma hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li r-Regolament 2018/848 japplika minn issa ’l quddiem għall-prodotti tal-Unjoni u li, sabiex jibbenefika mil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, il-“Blutquick” għandu jkun konformi mal-preskrizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, ir-risposta hija inqas ċara fir-rigward tal-prodotti importati li joriġinaw minn pajjiżi terzi li r-regoli dwar il-produzzjoni u dwar il-kontroll tagħhom huma rrikonoxxuti bħala ekwivalenti.
58. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 834/2007, minkejja li ġie mħassar bir-Regolament 2018/848, jibqa’ japplika għall-finijiet tat-tlestija tal-eżami tal-applikazzjonijiet pendenti li ġew ippreżentati minn pajjiżi terzi (21). L-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament jikkonferma li r-Regolament Nru 834/2007 li ġie mħassar għandu japplika għall-eżami tal-applikazzjonijiet ippreżentati minn pajjiżi terzi abbażi tal-Artikolu 33(2) ta’ dan ir-regolament u li jkunu għadhom pendenti fis‑17 ta’ Ġunju 2018.
59. Il-premessa 3 tar-Regolament Delegat 2021/1342 tagħmel riferiment espliċitu għan-neċessità fir-rigward tal-prodotti organiċi importati, fil-kuntest tas-sistema ta’ importazzjoni prevista fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament 2018/848, sat-tmiem tal-perijodu tranżitorju, li dawn jiġu prodotti konformement mar-regoli ta’ produzzjoni u jiġu suġġetti għal sistemi ta’ kontroll ekwivalenti għal dawk previsti fir-Regolament Nru 834/2007. Bl-istess mod, l-Artikolu 1(1)(d) u (e) ta’ dan ir-regolament delegat jagħmel riferiment għall-ekwivalenza mar-regoli dwar il-produzzjoni u dwar il-kontroll stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 834/2007.
60. In-nuqqas ta’ ċertezza jista’, fir-realtà, jirriżulta mid-differenza fit-tfassil bejn l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007, li joħloq dan il-mekkaniżmu ta’ ekwivalenza unilaterali għal pajjiżi terzi, u l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848, li jirriproduċi dan il-mekkaniżmu.
61. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007 jistabbilixxi li “l-Kummissjoni tista’ [...] tirrikonoxxi l-pajjiżi terzi li s-sistema ta’ produzzjoni tagħhom hi konformi ma’ prinċipji u regoli ta’ produzzjoni ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titoli II [(22)], III [(23)] u IV [(24)] u li l-miżuri ta’ kontroll tagħhom huma ta’ effettività ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titolu V [(25)] u tistabbilixxi lista ta’ dawn il-pajjiżi”, l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848 jindika li “l-prodott [...] jikkonforma mal-produzzjoni u r-regoli ta’ kontroll ekwivalenti ta’ dak il-pajjiż terz [mar-regoli ekwivalenti ta’ dak il-pajjiż terz fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kontroll]”.
62. Qabelxejn, il-kamp tal-ekwivalenza mfittxija ma jidhirx li jikkorrispondi bejn dawn iż-żewġ artikoli, peress li l-Artikolu 45 tar-Regolament 2018/848 ma jagħmel ebda riferiment espliċitu għar-regoli dwar l-ittikkettjar.
63. Madankollu, din id-differenza fit-tfassil, li tista’ tiġi spjegata mill-fatt li din il-parti tal-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848 tirriżulta minn emenda tal-Parlament (26), ma għandhiex twassal sabiex dawn iż-żewġ artikoli jiġu interpretati b’mod differenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-ekwivalenza. Fil-fatt, fl-ewwel tfassil, ir-regoli dwar l-ittikkettjar huma inklużi fil-prinċipji u fir-regoli dwar il-produzzjoni. Konsegwentement, sa fejn huma kkonċernati r-regoli fil-qasam tal-produzzjoni fl-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848, ir-regoli dwar l-ittikkettjar huma inklużi, għall-kuntrarju ta’ dak li tiddikjara l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
64. Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, jidhirli li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-ipoteżi ta’ konformità tal-prodott mal-preskrizzjonijiet tar-Regolament 2018/848 (27) u ż-żewġ ipoteżijiet l-oħrajn ta’ importazzjoni li jirrikjedu mekkaniżmu ta’ ekwivalenza fuq il-bażi ta’ ftehim kummerċjali (28) jew tar-Regolament Nru 834/2007 (29).
65. Fir-rigward tal-prodotti konformi mal-preskrizzjonijiet tar-Regolament 2018/848, ma hemm xejn li jipprekludi l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, sa fejn l-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament jindika li jista’ jintuża għall-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar li jikkonċernaw il-prodotti konformi mal-imsemmi regolament.
66. Fir-rigward tal-prodotti importati bis-saħħa tal-ekwivalenza abbażi ta’ ftehim kummerċjali jew abbażi tar-Regolament Nru 834/2007, minkejja li l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni jaqa’, għal dawk tal-ewwel kategorija, taħt l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/848 u, għal dawk tat-tieni waħda, taħt l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 834/2007 (30), billi t-tfassil ta’ dawn iż-żewġ artikoli jagħmel riferiment għall-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-regolament applikabbli, nipproponi li l-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-imsemmija żewġ artikoli għandha tiġi ttrattata b’mod konġunt. Dan huwa iktar u iktar iġġustifikat peress li, għalkemm is-sistema ta’ ekwivalenza unilaterali abbażi tar-Regolament Nru 834/2007 għandha tiġi fi tmiemha fil‑31 ta’ Diċembru 2026 (31), din hija maħsuba li tiġi ssostitwita bis-sistema ta’ ekwivalenza l-ġdida bbażata fuq ftehim kummerċjali peress li l-Kunsill ħareġ id-direttivi tiegħu lill-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġu konklużi dawn il-ftehimiet (32) u peress li l-interpretazzjoni mogħtija lill-ewwel artikolu tapplika wkoll għall-ieħor minħabba l-identiċità tat-termini użati.
67. Ġaladarba l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni jista’ jintuża biss għall-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar tal-prodotti konformi mar-regolament applikabbli, l-interpretazzjoni letterali tal-kliem tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/848 u tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 834/2007 twassal sabiex l-użu ta’ dan il-logo ikun rriżervat għall-prodotti konformi (u mhux possibbli fil-każ ta’ prodotti ekwivalenti).
68. Jekk tipprevalixxi din l-interpretazzjoni, l-imsemmi logo jitqies bħall-marka CE jew l-ekotikketta tal-Unjoni, pereżempju, li huma marki li juru li ġew osservati r-regoli ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, ibbażati fuq il-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-regoli.
69. Fil-fatt, il-marka CE hija l-unika marka li tikkonferma l-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti applikabbli tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni rilevanti tal-Unjoni li tipprovdi għall-użu tagħha (33). Billi jwaħħal jew billi jqabbad lil min iwaħħal il-marka CE, il-manifattur jindika li huwa qiegħed jassumi r-responsabbiltà tal-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti applikabbli kollha ddefiniti fil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni rilevanti tal-Unjoni li tipprovdi għat-twaħħil tagħha (34). Il-prodotti li joriġinaw minn pajjiż terz li jidħlu fis-suq tal-Unjoni għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti applikabbli kollha ta’ din tal-aħħar (35).
70. Fir-rigward tal-ekotikketta tal-Unjoni (36), minkejja li fakultattiva, din tista’ tintuża biss fir-rigward tal-prodotti li jissodisfaw il-kriterji tal-ekotikketta tal-Unjoni applikabbli għall-prodotti kkonċernati u li kienu rċevew l-ekotikketta tal-Unjoni (37). Meta prodott joriġina minn barra l-Unjoni, l-applikazzjoni għall-għoti ta’ din it-tikketta għandha tiġi ppreżentata quddiem wieħed mill-korpi kompetenti f’wieħed mill-Istati Membri li fih il-prodott għandu jitqiegħed jew ikun tqiegħed fis-suq (38). Ma jeżistux kriterji differenti għall-għoti tal-imsemmija tikketta għall-prodotti importati fl-Unjoni.
71. L-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/848 u tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 834/2007 li tirriżerva l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni biss għall-prodotti konformi mar-regolament applikabbli tista’ tkun iġġustifikata, anki jekk jeżistu prodotti importati mhux konformi, iżda li josservaw il-leġiżlazzjoni organika tal-pajjiż ta’ oriġini.
72. Fil-fatt, l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 834/2007 u l-Artikolu 33(5) tar-Regolament 2018/848 jipprovdu li logos nazzjonali u privati jistgħu jintużaw għall-ittikkettjar, għall-preżentazzjoni u għar-reklamar tal-prodotti konformi mar-regolament applikabbli, u li l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni huwa fakultattiv għall-prodotti importati minn pajjiż terz (39). Għaldaqstant jista’ jkun previst li, f’każ ta’ importazzjoni bis-saħħa ta’ ekwivalenza, dawn il-logos nazzjonali jew privati li jiċċertifikaw li r-regoli nazzjonali jew privati li l-prodotti importati għandhom ikunu konformi magħhom fil-pajjiż ta’ oriġini kienu ġew osservati jiġu aċċettati fi ħdan l-Unjoni fuq il-bażi ta’ rikonoxximent reċiproku, iżda li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni jkun irriżervat għall-prodotti konformi mal-preskrizzjonijiet tar-regolament applikabbli, għal għanijiet ta’ armonizzazzjoni u ta’ ċarezza għall-konsumatur li jinsab fit-territorju tal-Unjoni.
73. Barra minn hekk, dan ir-rikonoxximent reċiproku marbut mal-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni rriżervat għall-prodotti konformi ma jmurx kontra d-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ (40), peress li huma pprojbiti biss ir-regolamenti tekniċi (41), l-istandards (42) u l-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-konformità (43) li jiżguraw trattament inqas favorevoli għall-prodotti importati meta mqabbla mal-prodotti nazzjonali. Madankollu, f’dan il-każ, ma huwiex l-importatur li qiegħed jilmenta dwar trattament inqas favorevoli, iżda huwa l-produttur tal-Unjoni li qiegħed jilmenta dwar trattament iktar favorevoli mogħti lil prodott importat.
74. L-interpretazzjoni teleoloġika tista’ twassal ukoll sabiex l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni jiġi rriżervat biss għall-prodotti konformi mar-regolament applikabbli. Fil-fatt, kemm ir-Regolament Nru 834/2007 kif ukoll ir-Regolament 2018/848 jinvokaw in-neċessità tal-fiduċja tal-konsumatur fir-rigward tal-produzzjoni organika, fil-qasam ta’ ttikkettjar u ta’ trasparenza (44).
75. Minkejja li attraenti, dawn l-interpretazzjonijiet letterali u teleoloġiċi jmorru kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li hija rrilevata b’mod ċar f’diversi dokumenti u b’mod partikolari fix-xogħol preparatorju tar-Regolament 2018/848.
76. Fil-fatt, mis-sena 2004, ġie previst, fir-Regolament (KE) Nru 392/2004 (45), li l-logo li jindika li prodotti jaqgħu taħt is-sistema ta’ kontroll prevista mil-leġiżlazzjoni Komunitarja ta’ dak iż-żmien seta’ jitwaħħal fuq il-prodotti importati minn pajjiżi terzi (46). Fl-istess sena, fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ikel u l-Biedja Organiċi (47), il-Kummissjoni, fl-azzjoni 19, intiża li timmultiplika l-isforzi sabiex jiġu inklużi pajjiżi terzi fil-lista ta’ ekwivalenza, inkluż fir-rigward tal-evalwazzjonijiet fil-post, kienet ipprevediet li tagħti lill-prodotti kollha importati fuq il-bażi ta’ ekwivalenza l-aċċess għal-logo Komunitarju. Hija kkonfermat din il-pożizzjoni fl-anness ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni billi indikat li, l-azzjoni 19 kienet tipprovdi għal użu iktar wiesa’ tal-logo fuq il-prodotti importati (48).
77. Matul is-sena 2014, fl-istudju dwar l-impatt tal-abbozz għal regolament li sar ir-Regolament 2018/848, il-Kummissjoni ħabbret, wara li ddettaljat is-sistemi differenti ta’ importazzjoni fuq il-bażi tal-konformità jew tal-ekwivalenza, li l-prodotti importati kollha jista’ jitwaħħal fuqhom il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni (49).
78. Għaldaqstant, jidher b’mod ċar li jeżistu jew eżistew diversi sistemi ta’ importazzjoni, waħda bbażata fuq il-konformità, l-oħrajn fuq l-ekwivalenza, iżda li kollha huma jew kienu maħsuba li jippermettu l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni.
79. F’dan is-sens, il-konformità hija meqjusa mhux biss bħala l-konformità mar-regoli tal-Unjoni, iżda wkoll bħala l-konformità mar-regoli tal-ftehim kummerċjali, tal-pajjiż terz jew tal-organu tal-kontroll ikkonċernati li ġew ikkunsidrati bħala ekwivalenti. Konsegwentement, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 834/2007 u l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/848, meta jsemmu l-konformità mar-rekwiżiti tar-regolament applikabbli, għandhom jinftiehmu bħala li jirrikjedu konformità mar-regoli fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kontroll ikkunsidrati bħala ekwivalenti għal dawk tar-regolament applikabbli.
80. L-informazzjoni lill-konsumatur hija parti mir-raġuni għall-għażla li saret mil-leġiżlatur tal-Unjoni.
81. Fil-fatt, għalkemm il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni huwa l-istess għall-prodotti organiċi kollha importati jew le, l-indikazzjonijiet li jakkumpanjawh b’mod obbligatorju jvarjaw skont l-oriġini tal-materja prima u skont il-post tal-kontroll tal-osservanza tal-istandards organiċi.
82. Għaldaqstant, l-Artikolu 24(1)(c) tar-Regolament Nru 834/2007 u l-Artikolu 32(2) tar-Regolament 2018/848 jistabbilixxu li, meta jintuża l-logo, għandha tidher, fl-istess kamp viżiv, indikazzjoni tal-post li fih ġew prodotti l-materji primi, fejn xieraq, f’waħda mill-forom li ġejjin: “Agrikoltura tal-UE”, “Agrikoltura mhux tal-UE” jew “Agrikoltura tal-UE/mhux tal-UE”.
83. Bl-istess mod, kemm il-punt 1 tal-Parti B tal-Anness XI tar-Regolament Nru 889/2008 (kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 271/2010 tal‑24 ta’ Marzu 2010 (50)), regolament li jimplimenta r-Regolament Nru 834/2007, kif ukoll il-punt 2(a) tal-Anness V tar-Regolament 2018/848 jipprovdu li l-logo għandu jkun akkumpanjat minn numri tal-kodiċi li l-ewwel żewġ ittri tiegħu jikkorrispondu għall-kodiċi ISO tal-pajjiż li fih saru l-kontrolli tal-konformità.
84. Għaldaqstant, l-eżami tal-logo u tal-indikazzjonijiet obbligatorji jippermetti li jiġi mifhum, minn naħa, li l-materji primi tal-prodotti li fuqhom jitwaħħal il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni bl-indikazzjoni “Agrikoltura UE” ġew ikkultivati b’osservanza tal-istandards tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li r-regoli dwar il-produzzjoni organika tal-pajjiż indikat fil-kodiċi tal-pajjiż ġew ikkontrollati, billi jiġi speċifikat li l-awtorità jew l-organu ta’ kontroll kompetenti huma dawk li għalihom huwa suġġett l-operatur li wettaq l-aħħar produzzjoni jew preparazzjoni (51).
85. Għaldaqstant, il-prodott kompetitur ta’ “Blutquick” għandu fuqu l-indikazzjonijiet obbligatorji li ġejjin: “US” u “Agrikoltura mhux tal-UE”. Il-“Blutquick”, kieku kien awtorizzat li jkollu fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, kien ikollu fuqu l-logo bl-indikazzjonijiet “DE” u “Agrikoltura tal-UE”.
86. Waqt is-seduta, Herbaria invokat il-każ ta’ prodott ikkostitwit minn materji primi prodotti fl-Unjoni li jiġu ttrasportati lejn l-Istati Uniti sabiex jiġu pproċessati f’dak il-pajjiż. Tali prodott ipproċessat, jekk ikun josserva r-regoli Amerikani dwar il-produzzjoni organika, ikun jista’ jikseb il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni meta jiġi importat fl-Unjoni. Madankollu, dan tal-aħħar ikun akkumpanjat mill-indikazzjonijiet “US” u “Agrikoltura tal-UE”.
87. Jidhirli li huwa proprju f’dan l-istadju tar-raġunament li jeħtieġ li tiġi studjata l-kwistjoni dwar il-validità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Din il-kwistjoni tqajmet waqt is-seduta wara li saret mistoqsija għal risposta orali mill-Imħallef Relatur dwar l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848 u wasslet għall-intervent tal-Parlament u tal-Kunsill fil-kawża.
88. Jeħtieġ li jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu fil-qasam tal-PAK setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi mar-responsabbiltajiet politiċi attribwiti lilu mill-Artikolu 40 u mill-Artikolu 43 TFUE u li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, li hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, fid-dawl tal-għan segwit mill-istituzzjoni kompetenti, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (52).
89. Huwa stabbilit li l-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-qasam taqa’ taħt il-PAK. L-għan iddikjarat ta’ din il-leġiżlazzjoni favur il-produzzjoni organika huwa doppju, jiġifieri, li tipprovdi għal suq speċifiku li jirreaġixxi għad-domanda tal-konsumaturi għal prodotti organiċi u min-naħa l-oħra, tipprovdi prodotti disponibbli pubblikament li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-ambjent u tal-benesseri tal-annimali, kif ukoll għall-iżvilupp rurali (53). Għaldaqstant, l-importazzjoni ta’ prodotti organiċi taqdi dan l-għan doppju. L-importazzjoni skont sistema ta’ ekwivalenza tippermetti wkoll li jiġi żviluppat is-suq tal-prodotti organiċi u li tkun inkoraġġuta agrikoltura li tirrispetta iktar l-ambjent barra l-Unjoni.
90. Ir-Regolamenti Nru 834/2007 u 2018/848 jiddikjaraw ukoll bħala għanijiet il-fiduċja tal-konsumaturi (54) u l-kompetizzjoni leali (55). Anki jekk l-għan huwa li jintlaħqu dawn l-għanijiet, jiena tal-opinjoni, bl-istess mod bħall-Kunsill u bħall-Parlament, li l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tippermetti li l-prodotti organiċi, importati skont ċerti modalitajiet, ikollhom fuqhom il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, flimkien ma’ indikazzjonijiet obbligatorji dwar l-oriġini tal-materji primi u dwar il-pajjiż ta’ oriġini tal-kontroll ta’ konformità, tippermetti li tiġi żgurata informazzjoni korretta tal-konsumatur u livell ta’ kompetizzjoni suffiċjentement leali.
91. Fil-fatt, fir-rigward tal-kompetizzjoni leali, ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 834/2007 (56) juri b’mod partikolari li r-riskju ta’ kompetizzjoni żleali kien perfettament magħruf mil-leġiżlatur tal-Unjoni, peress li ċertu numru ta’ delegazzjonijiet kienu kkritikaw l-għażla favur is-sistema tal-ekwivalenza fil-limiti tad-direttivi tal-Codex Alimentarius (57) u esprimew tħassib rigward it-telf tal-fiduċja tal-konsumaturi u rigward it-tnaqqis tal-protezzjoni ta’ dawn tal-aħħar.
92. Madankollu, kif issemma preċedentement, l-informazzjoni tal-konsumatur hija żgurata bil-preżenza tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni akkumpanjat mill-indikazzjonijiet obbligatorji msemmija iktar ’il fuq.
93. Ċertament, għalkemm setgħu ġew magħżula metodi oħrajn, il-metodu magħżul ma huwiex ta’ natura manifestament mhux xierqa li waħedha tista’ taffettwa l-legalità tar-regola.
94. Barra minn hekk, ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza għal pajjiżi terzi ma jitħalliex għad-deċiżjoni arbitrarja tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija suġġetta għall-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007 (58) u għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-Direttivi CAC/GL 32 tal-Codex Alimentarius.
95. Fi kwalunkwe każ, ir-regola li l-legalità tagħha qiegħda tiġi kkontestata ma hijiex l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848, iżda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 126/2012 li żied l-Istati Uniti fil-lista tal-pajjiżi terzi li s-sistema tagħhom hija rrikonoxxuta bħala ekwivalenti, u unikament sa fejn dan ippermetta l-importazzjoni ta’ prodotti li magħhom jiġu miżjuda vitamini mhux veġetali u l-glukonat ferruż li ma joriġinawx minn agrikoltura organika.
96. Għaldaqstant nipproponi li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, li tirrigwarda l-prodotti importati bis-saħħa tal-ekwivalenza fuq il-bażi tar-Regolament Nru 834/2007, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848 kif ġej: l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 834/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, akkumpanjat mill-indikazzjonijiet obbligatorji previsti fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, jista’ jitwaħħal fuq prodotti importati minn pajjiż terz abbażi tal-Artikolu 45(1)(b)(iii), tal-Artikolu 48(1), kif ukoll tal-Artikolu 58 tar-Regolament 2018/848 meta dawn il-prodotti jkunu konformi mar-regoli dwar il-produzzjoni u dwar il-kontroll ta’ dan il-pajjiż li jkun inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 1235/2008.
B. Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda preliminari
97. Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li jeħtieġ li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-punt dwar jekk l-Artikolu 20 tal-Karta jimplikax li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni jew kliem li jagħmlu riferiment għall-produzzjoni organika konformement mal-Artikolu 30(1) tar-Regolament 2018/848 jistgħu jintużaw għal prodott tal-ikel ipproċessat meta dan joriġina mill-Unjoni u jissodisfa r-regoli ekwivalenti fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kontroll ta’ pajjiż terz irrikonoxxut konformement mal-Artikolu 48(1) ta’ dan ir-regolament, iżda ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II tal-istess regolament.
98. Infakkar li, fir-rigward ta’ “Blutquick”, dan għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, jiġifieri r-Regolament 2018/848, sabiex ikun jista’ jitwaħħal fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni.
99. Fir-rigward tal-użu ta’ kliem li jagħmel riferiment għall-produzzjoni organika, l-Artikolu 30(1) tar-Regolament 2018/848 jirriżervah għall-prodotti miksuba konformement ma’ dan ir-regolament. Il-konformità meħtieġa hija l-istess waħda meħtieġa mill-Artikolu 33(1) tal-imsemmi regolament għall-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-analiżi għandha tkun l-istess fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.
100. Barra minn hekk, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod differenti u sitwazzjonijiet differenti ma jistgħux jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (59).
101. F’dan il-każ, minkejja d-dikjarazzjonijiet ta’ Herbaria, is-sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli u ma jirċevux l-istess trattament jekk dawn jiġu analizzati mill-perspettiva tas-suq upstream. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġu analizzati mill-perspettiva tal-konsumatur, l-inugwaljanza fit-trattament tista’ tiġi ġġustifikata.
102. Fil-fatt, jekk tiġi analizzata l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet upstream tal-aċċess għas-suq, il-“Blutquick” għandu jkun konformi mar-regoli tal-Unjoni, filwaqt li l-prodott Amerikan għandu josserva r-regoli Amerikani. Barra minn hekk, din il-konformità għandha tiġi vverifikata minn organu ta’ kontroll kompetenti għall-pajjiż ikkonċernat. L-aċċess għas-suq tal-Unjoni huwa awtomatiku għall-prodotti tal-Unjoni, filwaqt li l-prodotti Amerikani għandhom jiġu importati skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 45 tar-Regolament 2018/848. It-twaħħil tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni huwa biss fakultattiv għall-prodott Amerikan. Għaldaqstant, is-sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli u jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti.
103. Madankollu, jekk il-paragunabbiltà tiġi analizzata mill-perspettiva tal-konsumatur, għall-kuntrarju, iż-żewġ prodotti huma paragunabbli, peress li t-tnejn li huma fihom vitamini mhux veġetali u l-glukonat ferruż li ma joriġinawx minn agrikoltura organika. Madankollu, dawn ma humiex ittrattati bl-istess mod mil-leġiżlazzjoni, sa fejn il-prodott Amerikan għandu fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni bl-indikazzjonijiet tal-pajjiż tal-kontroll tal-konformità “US” u “Agrikoltura mhux tal-UE”, filwaqt li l-“Blutquick” ma għandux fuqu dan il-logo, b’indikazzjonijiet differenti. Konsegwentement, mill-perspettiva tal-konsumatur, it-trattament huwa differenti.
104. Madankollu, l-eventwali inugwaljanza fit-trattament hija ġġustifikata mill-elementi li ġejjin.
105. Fl-ewwel lok, jekk tiġi allinjata l-kisba tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, għal prodotti tal-Unjoni, fuq leġiżlazzjoni rrikonoxxuta bħala ekwivalenti, minkejja li hija differenti f’ċerti aspetti, dan ikun iwassal sabiex il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-agrikoltura organika tiġi mċaħħda minn kull effettività fit-territorju tal-Unjoni.
106. Fit-tieni lok, din il-leġiżlazzjoni għandha effetti pożittivi mhux biss għall-konsumaturi li jistgħu jikkunsmaw ikel ta’ kwalità aħjar, iżda wkoll għall-uċuħ tar-raba’ u għall-ambjent tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom il-produzzjoni organika hija iktar rispettuża, fatt li minnu jibbenefikaw ir-residenti kollha tal-Unjoni, anki dawk li ma jikkunsmawx prodotti li joriġinaw minn agrikoltura organika. Għaldaqstant, hija tiggarantixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi u dik tal-ambjent, konformement mal-Artikoli 37 u 38 tal-Karta.
107. Fit-tielet lok, li tiġi permessa l-importazzjoni ta’ prodotti organiċi, inkluż fuq il-bażi tal-ekwivalenza, hija prassi ta’ natura, minn naħa, li żżid il-provvista ta’ prodotti organiċi għall-konsumaturi, u min-naħa l-oħra, li tippromwovi metodi ta’ produzzjoni li jirrispettaw l-ambjent f’żoni ġeografiċi oħrajn.
108. Konsegwentement, nipproponi li l-qorti tar-rinviju għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 20 tal-Karta ma jopponix il-fatt li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni previst fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/848 jew kliem li jagħmel riferiment għall-produzzjoni organika skont l-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-regolament ma jistgħux jintużaw għal prodott tal-ikel ipproċessat, meta dan ikun joriġina mill-Unjoni u jissodisfa r-regoli ekwivalenti fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kontroll ta’ pajjiż terz irrikonoxxut konformement mal-Artikolu 48(1) tar-Regolament 2018/848, iżda ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II tal-imsemmi regolament.
V. Konklużjoni
109. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) kif ġej:
1) L-Artikolu 25(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat‑28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, akkumpanjat mill-indikazzjonijiet obbligatorji previsti fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, jista’ jitwaħħal fuq prodotti importati minn pajjiż terz abbażi tal-Artikolu 45(1)(b)(iii), tal-Artikolu 48(1), kif ukoll tal-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, meta dawn il-prodotti jkunu konformi mar-regoli dwar il-produzzjoni u dwar il-kontroll ta’ dan il-pajjiż li jkun inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat‑8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi.
2) L-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jopponix il-fatt li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea previst fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/848 jew kliem li jagħmel riferiment għall-produzzjoni organika skont l-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-regolament ma jistgħux jintużaw għal prodott tal-ikel ipproċessat, meta dan ikun joriġina mill-Unjoni u jissodisfa r-regoli ekwivalenti fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kontroll ta’ pajjiż terz irrikonoxxut konformement mal-Artikolu 48(1) tar-Regolament 2018/848, iżda ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II tal-imsemmi regolament.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Herbaria Kräuterparadies (C‑137/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza Herbaria I”, EU:C:2014:2335).
3 ĠU 2018, L 150, p. 1 u rettifiki fil-ĠU 2018, L 260, p. 25; fil-ĠU 2018, L 262, p. 90; fil-ĠU 2018, L 270, p. 37; fil-ĠU 2019, L 305, p. 59; fil-ĠU 2021, L 7, p. 53; fil-ĠU 2021, L 204, p. 47; fil-ĠU 2021, L 318, p. 5; u fil-ĠU 2022, L 321, p. 74.
4 Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
5 ĠU 2007, L 189, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 68, p. 61 u fil-ĠU 2014, L 300, p. 72.
6 ĠU 2008, L 250, p. 1.
7 ĠU 2008, L 334, p. 25.
8 ĠU 2012, L 41, p. 5.
9 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2001, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014 L 331, p. 40, fil-ĠU 2016, L 266, p. 7, fil-ĠU 2022, L 35, p. 26, fil-ĠU 2023 L 142, p. 41 u fil-ĠU 2023, L 214, p. 229).
10 Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU 2013, L 181, p. 35, rettifika fil-ĠU 2017, L 320, p. 31).
11 Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE tal‑5 ta’ Diċembru 2006 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar (ĠU 2008 L 338M, p. 766, rettifika fl‑2009, L 76M, p. 422).
12 ĠU 2020, L 381, p. 1.
13 ĠU 2021, L 292, p. 20.
14 Ara s-sentenza Herbaria I (punt 51).
15 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Herbaria Kräuterparadies (C‑137/13, EU:C:2014:318, punti 57 sa 66).
16 Ara s-sentenza Herbaria I (punti 49 u 50).
17 Ara l-Artikolu 45(1)(b)(i) tar-Regolament 2018/848.
18 Ara l-Artikolu 45(1)(b)(ii) u l-Artikolu 47 tar-Regolament 2018/848.
19 Ara l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848.
20 Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet tal-ekwivalenza marbuta mal-prodotti organiċi (COM(2022) 728 final), punt 3.
21 Ara l-Artikoli 56 u 58 tar-Regolament 2018/848.
22 Titolu II, intitolat “Objettivi u Prinċipji għal Produzzjoni Organika”.
23 Titolu III, intitolat “Regoli ta’ Produzzjoni”.
24 Titolu IV, intitolat “Tikkettar”.
25 Titolu V, intitolat “Kontrolli”.
26 Ara n-Nota ta’ Informazzjoni tas‑27 ta’ April 2018 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lill-Kumitat Speċjali Agrikoltura/Kunsill dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi, li jemenda r-Regolament (UE) Nru XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali] u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 – Riżultat tal-ewwel qari tal-Parlament Ewropew (Strasbourg, 16 sa 19 ta’ April 2018) (dokument 8060/1/18), p. 168.
27 Ara l-Artikolu 45(1)(b)(i) tar-Regolament 2018/848.
28 Ara l-Artikolu 45(1)(b)(ii) tar-Regolament 2018/848.
29 Ara l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848.
30 Fir-rigward tal-“logo Komunitajru ta’ produzzjoni organika”, li ġie mogħti l-isem il-ġdid “Logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea” wara t-Trattat ta’ Lisbona, ara l-premessa 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 271/2010 tal‑24 ta’ Marzu 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, f’dak li għandu x’jaqsam mal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, L 84, p. 19).
31 Ara l-punt (2) tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2020/1693.
32 Ara n-nota tal‑24 ta’ Ġunju 2021 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lid-delegazzjonijiet dwar l-anness tar-rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati bil-ħsieb li jiġu konklużi l-ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Arġentina, l-Awstralja, il-Kanada, il-Kosta Rika, l-Indja, l-Iżrael, il-Ġappun, in-New Zealand, ir-Repubblika tal-Korea, it-Tuneżija u l-Istati Uniti tal-Amerika.
33 Ara l-Artikolu 30(4), tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU 2008, L 218, p. 30).
34 Ara l-Artikolu 30(3) tar-Regolament Nru 765/2008.
35 Ara l-premessa 22 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU 2008, L 218, p. 82).
36 Il-forma ta’ din it-tikketta tinsab fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (ĠU 2010, L 27, p. 1).
37 Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 66/2010.
38 Ara l-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 66/2010.
39 Ara l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 834/2007 u l-Artikolu 33(3) tar-Regolament 2018/848.
40 Ftehim inkluż fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar l-OTK”).
41 Ara l-Artikolu 2.1 tal-Ftehim dwar l-OTK.
42 Ara l-paragrafu D tal-Anness 3 tal-Ftehim dwar l-OTK, intitolat “Dispożizzjonijiet sustantivi”.
43 Ara l-Artikoli 5.1 u 5.1.1 tal-Ftehim dwar l-OTK.
44 Ara l-premessi 3, 5 u 22, kif ukoll fl-Artikolu 1(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 834/2007 u l-premessi 6, 15, 17, 67, 121 u 123, kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(2) u l-Artikolu 46(9) tar-Regolament 2018/848.
45 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 392/2004 tal‑24 ta’ Frar 2004 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u indikazzjonijiet li jirreferu għaliha fi prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 189).
46 Ara l-premessa 6 tar-Regolament Nru 392/2004.
47 Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, intitolata “Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ikel u għall-Biedja Organiċi” (COM(2004) 415 final).
48 Ara n-Nota ta’ Trażmissjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2004, għas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, minn Patricia Bugnot, Direttriċi, lil Javier Solana, Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli dwar id-dokument tax-xogħol tad-dipartimenti tal-Kummissjoni – Anness tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ikel u l-Biedja Organiċi” (id-dokument 10436/04), p. 13 u 31.
49 Ara n-Nota ta’ Trażmissjoni tas‑26 ta’ Marzu 2014, għas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, minn Jordi Ayet Puigarnau, Direttur, lil Uwe Corsepius, Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar ir-Rapport ta’ Analiżi tal-Impatt li Jakkumpanja l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Produzzjoni Organika u dwar l-Ittikkettjar tal-Prodotti Organiċi, li jemenda r-Regolament (UE) Nru XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali] u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 – parti 3/3, p. 52.
50 ĠU 2010, L 84, p. 19.
51 Ara l-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament Nru 834/2007 u l-Artikolu 32(1)(a) tar-Regolament 2018/848.
52 Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli (C‑59/11, EU:C:2012:447, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
53 Ara l-premessa 1 tar-Regolament Nru 834/2007 u tar-Regolament 2018/848.
54 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
55 Ara l-premessi 3 u 23, kif ukoll l-Artikolu 1(1), u l-Artikolu 41(2)(ċ) tar-Regolament Nru 834/2007 u l-premessi 6, 17, 73, 85, 99, 121 u 123, kif ukoll l-Artikolu 46(9) tar-Regolament 2018/848.
56 Ara d-dokument tal-Kunsill 8136/06 tas‑6 ta’ April 2006 dwar ir-riżultat tax-xogħol imwettaq mill-grupp “Kwalità tal-ikel” (Agrikoltura organika) waqt il-laqgħa tat‑30 u tal‑31 ta’ Marzu 2006, punt 17.
57 Direttivi CAC/GL 32 tal-Codex Alimentarius li jikkonċernaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, l-ittikkettjar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ikel li joriġina minn agrikoltura organika żviluppati taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u għall-Agrikoltura u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
58 Dan l-artikolu jipprovdi li “[il]-Kummissjoni tista’ [...] tirrikonoxxi l-pajjiżi terzi li s-sistema ta’ produzzjoni tagħhom hi konformi ma’ prinċipji u regoli dwar il-produzzjoni ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titoli II, III u IV u li l-miżuri ta’ kontroll tagħhom huma ta’ effettività ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titolu V, u tistabbilixxi lista ta’ dawn il-pajjiżi”.
59 Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, Ametic (C‑263/21, EU:C:2022:644, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).