Válassza ki azokat a kísérleti funkciókat, amelyeket ki szeretne próbálni

Ez a dokumentum az EUR-Lex webhelyről származik.

Dokumentum 62023CC0233

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati l-5 ta’ Settembru 2024.
Alphabet Inc. et vs Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (AGCM).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Artikolu 102 TFUE – Swieq diġitali – Pjattaforma diġitali – Rifjut minn impriża f’pożizzjoni dominanti li tkun żviluppat pjattaforma diġitali li tirrifjuta li tagħti aċċess għal din il-pjattaforma lil impriża terza li tkun żviluppat applikazzjoni billi tiżgura l-interoperabbiltà tal-imsemmija pjattaforma u ta’ din l-applikazzjoni – Evalwazzjoni tan-natura indispensabbli tal-aċċess għal pjattaforma diġitali – Effetti tal-aġir ikkritikat – Ġustifikazzjoni oġġettiva – Ħtieġa għall-impriża f’pożizzjoni dominanti li tiżviluppa mudell għal kategorija ta’ applikazzjonijiet sabiex ikun jista’ jingħata aċċess – Definizzjoni tas-suq downstream rilevanti.
Kawża C-233/23.

Határozatok Tára – Általános EBHT – „A közzé nem tett határozatokra vonatkozó információk” rész

Európai esetjogi azonosító: ECLI:EU:C:2024:694

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ppreżentati fil‑5 ta’ Settembru 2024 ( 1 )

Kawża C‑233/23

Alphabet Inc.,

Google LLC,

Google Italy Srl

vs

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,

interventjenti fil-kawża:

Enel X Italia Srl,

Enel X Way Srl

(Talba għal deċiżjoni preliminari mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal‑Istat, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni –Artikolu 102 TFUE – Abbuż ta’ pożizzjoni dominanti – Swieq diġitali – Rifjut ta’ impriża dominanti li tagħti aċċess lil impriża oħra għal pjattaforma jew infrastruttura diġitali – Kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner – Applikabbiltà – Ġustifikazzjoni oġġettiva – Neċessità li l‑impriża dominanti tiżviluppa mudell ta’ software – Limitazzjonijiet ta’ żmien u riżorsi – Kundizzjonijiet – Definizzjoni tas-suq downstream jew tas-suq viċin”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

2.

It-talba saret mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) fi proċeduri bejn Alphabet Inc., Google LLC u Google Italy Srl, minn naħa ( 2 ), u l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato, min-naħa l-oħra ( 3 ). Is-suġġett ta’ dawn il-proċeduri jikkonċerna l-validità tad‑digriet li permezz tiegħu l-AGCM ikkonstatat li Google kien wettaq abbuż tal-pożizzjoni dominanti tiegħu fis-suq, b’mod partikolari billi ma għamilx l-app tiegħu Android Auto kompatibbli ma’ app oħra żviluppata minn Enel X Italia Srl ( 4 ) għal servizzi relatati mal-iċċarġjar ta’ karozzi elettriċi.

3.

Bħal fil-maġġoranza tal-kawżi li jikkonċernaw l‑Artikolu 102 TFUE, din il-kawża ser tirrikjedi li l-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, taqta’ l-linja delikata – u spiss kontroversjali – bejn mezzi leġittimi u illeġittimi ta’ kompetizzjoni minn impriżi dominanti. Għal dan il-għan, u peress li dan il-każ tqajjem fil-kuntest tal-iżvilupp attwali tas-swieq diġitali, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tikkunsidra bir-reqqa l-ħtieġa li dawn is-swieq jinżammu miftuħa filwaqt li, fl-istess ħin, tissalvagwardja l-inċentivi xierqa għall‑promozzjoni tal-innovazzjoni.

4.

Dan l-eżerċizzju huwa partikolarment delikat fid-dawl tal-fatt li, f’dan il-każ, it-talba għal aċċess tirrigwarda pjattaforma ideata u maħsuba biex tiġi ssupplimentata minn apps żviluppati minn terzi li huma intiżi li jipprovdu servizzi fil-karozza għal sewqan komdu u sigur. L-ewwel kwistjoni li għandha tiġi indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja hija, għalhekk, jekk din il-kawża taqax taħt il‑ġurisprudenza tradizzjonali applikabbli għar-rifjut minn impriża dominanti li jingħata aċċess – jiġifieri s-sentenza fil-kawża Bronner ( 5 ) – li tfittex, skont il-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha, li tilħaq bilanċ ġust bejn kunsiderazzjonijiet relatati mal-kompetizzjoni u l-inċentivi.

5.

Barra minn hekk, f’dan il-każ, sabiex tiġi żgurata l‑interoperabbiltà tal-apps ta’ terzi ma’ Android Auto, jeħtieġ li l-ewwel jiġi żviluppat minn Google mudell ta’ software magħruf bħala template jew mudell, li, min-naħa tiegħu, jeħtieġ li l-fondi finanzjarji u riżorsi umani jiġu allokati għal dan il-għan. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ser ikollha tadotta pożizzjoni dwar jekk l-obbligi ta’ aċċess, f’termini ta’ interoperabbiltà, jeżiġux li l-impriżi dominanti jimpenjaw ruħhom f’imġiba attiva bħall-iżvilupp tas-software meħtieġ. Jekk tikkonkludi fl-affermattiv, hija ser ikollha wkoll tiddefinixxi l-limiti ta’ dawn l-obbligi u l-kundizzjonijiet applikabbli f’sitwazzjoni ta’ dan it‑tip.

6.

Fl-aħħar nett, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li dan il-każ se jiġi deċiż wara d-dħul fis-seħħ tal-Att dwar is-Swieq Diġitali (iktar ’il quddiem id-“DMA”) ( 6 ), li inevitabbilment iwassal għall‑mistoqsija, pjuttost komuni f’dan il-qasam legali, dwar jekk l‑interoperabbiltà tkunx indirizzata b’mod iktar leġittimu b’mezzi leġiżlattivi minflok permezz ta’ sanzjonijiet ibbażati fuq id‑dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tat-Trattat, kif isostni Google ripetutament.

II. Fatti u proċedura

7.

Google huwa l-awtur u l-iżviluppatur ta’ Android OS, sistema operattiva open-source għal apparat mobbli Android. Din is-sistema tista’ tinkiseb mingħajr ħlas u tiġi modifikata minn kulħadd mingħajr il‑ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni.

8.

Fl‑2015, Google nediet Android Auto, app għal apparat mobbli b’sistema operattiva Android. Din tippermetti lill-utenti jaċċedu għal ċerti apps fuq is-smartphone tagħhom permezz tas-sistema tal-wiri integrat ta’ karozza. Sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta’ kull app ma’ Android Auto, biex jiġu evitati testijiet individwali twal u għaljin, Google toffri soluzzjonijiet għal kategoriji sħaħ ta’ apps fil-forma ta’ mudelli. Dawn il-mudelli jippermettu lill-iżviluppaturi terzi joħolqu verżjonijiet tal-apps tagħhom stess li jkunu kompatibbli ma’ Android Auto. Fl-aħħar tal‑2018, il-mudelli kienu disponibbli biss għall-apps tal‑media u tal-messaġġi. Google żviluppa wkoll verżjonijiet kompatibbli tal-apps tal-mapep u tan-navigazzjoni tiegħu stess – jiġifieri, Google Maps u Waze – u ppermetta, f’ċerti każijiet, li apps personalizzati jiġu żviluppati mingħajr ma jkun hemm mudell iddefinit minn qabel.

9.

Enel X tipprovdi servizzi ta’ ċċarġjar tal-karozzi elettriċi. Hija tifforma wkoll parti mill-grupp Enel, li jamministra iktar minn 60 % tal‑istazzjonijiet ta’ ċċarġjar disponibbli fl-Italja. F’Mejju 2018, hija nediet JuicePass, app li toffri sett ta’ karatteristiċi għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi. B’mod partikolari, din l-app tippermetti lill-utenti (i) ifittxu stazzjonijiet ta’ ċċarġjar fuq mappa, u jirriżervawhom; (ii) jittrasferixxu t-tfittxija lejn Google Maps sabiex isuqu lejn l-istazzjon ta’ ċċarġjar magħżul; u (iii) jibdew, iwaqqfu u jimmonitoraw is-sessjoni ta’ ċċarġjar u l-ħlas relattiv. JuicePass hija disponibbli għall-utenti bi smartphone Android u tista’ titniżżel minn Google Play.

10.

F’Settembru 2018, Enel X talbet lil Google tagħmel JuicePass kompatibbli ma’ Android Auto. Madankollu, Google rrifjuta li jagħmel dan, u ddikjara li, fin-nuqqas ta’ mudell speċifiku, l-apps tal-media u tal-messaġġi kienu l-uniċi apps ta’ partijiet terzi kompatibbli ma’ Android Auto. Wara t-tieni talba minn Enel X f’Diċembru 2018, Google ġġustifika r-rifjut tiegħu minħabba tħassib dwar is-sigurtà u l‑ħtieġa li jiġu allokati, b’mod razzjonali, ir-riżorsi meħtieġa għall‑ħolqien ta’ mudell ġdid.

11.

Fit‑12 ta’ Frar 2019, Enel X ressqet rapport lill-AGCM, fejn sostniet li l-aġir ta’ Google kien jikkostitwixxi ksur tal‑Artikolu 102 TFUE. Sadanittant, wara li l-AGCM bdiet il-proċedura, Google ħarġet mudell għat-tfassil ta’ apps ta’ ċċarġjar beta (sperimentali) kompatibbli ma’ Android Auto. L-AGCM kienet tal‑fehma, madankollu, li ma kienx ċert jekk din il-verżjoni kinitx biżżejjed biex tippermetti l-integrazzjoni tal-funzjonalitajiet essenzjali kollha ta’ JuicePass f’Android Auto.

12.

B’deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2021, l-AGCM ikkonkludiet li l-aġir ta’ Google, li kien jikkonsisti, skont din l-awtorità, fix-xkiel u d‑dewmien tal-pubblikazzjoni ta’ JuicePass fuq Android Auto, kien jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tal‑Artikolu 102 TFUE.

13.

B’mod iktar speċifiku, l-AGCM qieset li Android Auto huwa prodott indispensabbli għall-iżviluppaturi ta’ apps immirati għas‑sewwieqa. Huwa jippermetti esperjenza tal-utent, f’termini ta’ użu faċli u sikurezza tat-triq, li ma għandha l-ebda ekwivalenti bħala soluzzjoni teknoloġika għall-interoperabbiltà tal-apps mobbli mas‑sistemi tal-infotainment tal-karozzi. Barra minn hekk, l‑AGCM kienet tal-fehma li, bl-aġir tiegħu, Google kellu l-intenzjoni li jiffavorixxi l-app proprjetarja tiegħu Google Maps għad-detriment ta’ apps oħra li jistgħu jikkompetu magħha, pereżempju fir-rigward tas‑servizzi ta’ ċċarġjar bl-elettriku, kif ġara fil-każ ta’ JuicePass. Fl‑aħħar nett, l-AGCM qieset li l-aġir ta’ Google kien ipproduċa, għal iktar minn sentejn, effetti dannużi fuq is-suq, li kienu jikkonsistu fil‑limitazzjoni tal-għażliet tal-konsumaturi, li, fil-fehma ta’ din l‑awtorità, ma kienet sostnuta minn ebda ġustifikazzjoni oġġettiva.

14.

Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, l-AGCM ordnat lil Google jirrilaxxa verżjoni definittiva tal-mudell għall-iżvilupp ta’ apps għall-iċċarġjar bl-elettriku u jinkorpora kwalunkwe funzjonalità essenzjali identifikata minn Enel X biex tirrendi lil JuicePass kompletament kompatibbli ma’ Android Auto. Hija imponiet ukoll fuq Google penali ta’ EUR 102084 433.91.

15.

Google kkontesta l-ordni tal-AGCM, l-ewwel, quddiem it‑Tribunale amministrativo regionale del Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Lazio, l-Italja), li ċaħdet ir-rikors fit-totalità tiegħu. Sussegwentement appella quddiem il-Consiglio di Stato (il‑Kunsill tal-Istat, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

16.

Quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), Google isostni li l-AGCM ma wettqitx eżami xieraq tal-kundizzjonijiet biex tevalwa jekk rifjut ta’ għoti ta’ aċċess huwiex abbużiv, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni. Huwa jirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza fil-kawża Microsoft ( 7 ), iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija mill-Qorti Ġenerali. Google jikkritika wkoll lill-AGCM talli, fid-deċiżjoni kkontestata, ma identifikatx is-suq rilevanti downstream u l-pożizzjoni dominanti tiegħu fih. Min-naħa tagħhom, l-AGCM u Enel X jikkontestaw dawn l-argumenti u jinvokaw fundamentalment ir‑raġunament tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

17.

Sabiex jagħti deċiżjoni fil-kawża prinċipali, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iqis li jeħtieġ jirċievi gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, prinċipalment dwar il-kundizzjonijiet tas‑sentenza Bronner, li huma applikabbli għar-rifjut li jingħata aċċess għall‑infrastruttura ta’ impriża dominanti. Skont dawk il‑kundizzjonijiet, rifjut ta’ dan it-tip jitqies li jkun imġiba abbużiva jekk: (i) it-talba għall-aċċess tikkonċerna prodott jew servizz indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika f’suq viċin; (ii) ir‑rifjut x’aktarx ikun ser jelimina l‑kompetizzjoni kollha f’dak is-suq; u (iii) ir-rifjut ma jkunx jista’ jiġi oġġettivament iġġustifikat. Essenzjalment, il-Consiglio di Stato (il‑Kunsill tal-Istat) ma huwiex ċert li l-karatteristiċi speċifiċi tal‑funzjonament tas-swieq diġitali jiġġustifikaw li wieħed jitbiegħed minn dawn il-kundizzjonijiet bħal dawk tal-kawża prinċipali jew, tal‑inqas, li dawn jiġu interpretati b’mod flessibbli. Huwa jesprimi dubji wkoll dwar il-mod li bih l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom jiddefinixxu s-swieq rilevanti f’każ bħal dan.

18.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill‑Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Skont l-Artikolu 102 TFUE, ir-rekwiżit tan-natura indispensabbli tal-prodott suġġett għal rifjut ta’ provvista għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aċċess għandu jkun indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ attività partikolari f’suq viċin, jew huwa biżżejjed li l-aċċess ikun indispensabbli għal użu iktar konvenjenti tal-prodotti jew tas‑servizzi offruti mill-impriża li titlob l-aċċess, bħal fil-każ fejn il-prodott suġġett għar-rifjut ikollu essenzjalment il-funzjoni li jrendi iktar sempliċi u konvenjenti t-tgawdija ta’ prodotti jew servizzi diġà eżistenti?

(2)

Fil-kuntest ta’ aġir ikklassifikat bħala rifjut ta’ provvista, huwa possibbli li aġir jitqies bħala abbużiv, fis-sens tal‑Artikolu 102 TFUE, f’kuntest fejn, minkejja n-nuqqas ta’ aċċess għall-prodott mitlub, (i) l-impriża li titlob il-prodott kienet diġà attiva fis-suq u kompliet tikber fl-istess suq għall-perijodu kollu tal-abbuż preżunt u (ii) operaturi oħra f’kompetizzjoni mal‑impriża li titlob l-aċċess għall-prodott komplew joperaw fis‑suq?

(3)

Fil-kuntest ta’ abbuż li jikkonsisti fir-rifjut li jingħata l-aċċess għal prodott jew għal servizz assolutament indispensabbli, l‑Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l‑ineżistenza tal-prodott jew tas-servizz fil-mument tat-talba ta’ provvista għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ġustifikazzjoni oġġettiva għar-rifjut stess, jew għall-inqas awtorità tal-kompetizzjoni hija marbuta li twettaq evalwazzjoni, abbażi ta’ elementi oġġettivi, taż-żmien neċessarju għal impriża dominanti sabiex tiżviluppa l-prodott jew is-servizz li għalih jintalab l‑aċċess, jew huwa me[ħ]tieġ li l-impriża dominanti, minħabba r‑responsabbiltà li għandha fis-suq, għandha l-obbligu li tikkomunika lil min jitlob l-aċċess iż-żmien neċessarju sabiex jiġi żviluppat il-prodott?

(4)

L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża dominanti, li tikkontrolla pjattaforma diġitali, tista’ tintrabat sabiex timmodifika l-prodotti tagħha stess, jew sabiex tiżviluppa oħrajn ġodda, bil-għan li tippermetti lil dawk li jitolbu dan, l‑aċċess għal tali prodotti? F’tali każ, impriża dominanti hija marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ġenerali tas-suq jew il-ħtiġijet tal-impriża biss li titlob l-aċċess għall-input assolutament indispensabbli, jew għall-inqas, minħabba r‑responsabbiltà speċjali li tassumi fis-suq, għandha tistabbilixxi bil-quddiem kriterji oġġettivi għall-evalwazzjoni tat-talbiet li jsirulha u għall-gradazzjoni tal-ordni ta’ prijorità?

(5)

Fil-kuntest ta’ abbuż li jikkonsisti fir-rifjut ta’ għoti ta’ aċċess għal prodott jew għal servizz assolutament indispensabbli, l‑Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità tal-kompetizzjoni hija marbuta li tiddefinixxi u li tidentifika minn qabel is-suq rilevanti downstream ikkonċernat mill-abbuż, u dan jista’ jkun ukoll potenzjali biss?”

19.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ April 2023. Il-Gvern Taljan, il-Gvern Grieg, il‑Kummissjoni Ewropea u l-partijiet fil-kawża prinċipali ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fit‑23 ta’ April 2024 inżammet seduta, li fiha pparteċipat ukoll l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal‑EFTA (l‑Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles).

III. Evalwazzjoni

20.

Permezz tad-domandi tiegħu, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal‑Istat) qiegħed jitlob kjarifika dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 102 TFUE, u b’mod partikolari dwar il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja applikabbli għal każijiet fejn impriża dominanti tirrifjuta li tagħti aċċess għall-infrastruttura tagħha stess favur impriża oħra li topera f’suq viċin. Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jagħmel dawn id-domandi fir-rigward tal-karatteristiċi speċifiċi li, skont din il-qorti, jikkaratterizzaw il-funzjonament tas-swieq diġitali.

21.

B’mod iktar speċifiku, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi, l-ewwel, jekk, fid-dawl tal-funzjoni ta’ Android Auto, kif ukoll tal-evoluzzjoni attwali tas-swieq diġitali, il-kundizzjoni dwar l‑indispensabbiltà tal-infrastruttura li għalih l-aċċess tagħha jkun qiegħed jintalab għandux jitqies issodisfatt meta tali aċċess ma jkunx strettament essenzjali għas-suq viċin, iżda xorta jagħmel l-użu ta’ prodotti jew servizzi f’dak is-suq iktar konvenjenti f’termini ta’ sikurezza tat-triq u użu komdu.

22.

It-tieni, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi jekk rifjut minn impriża dominanti li tagħti aċċess jistax jitqies li jkun abbużiv taħt il-kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner fejn l-impriża li tagħmel it-talba, kif ukoll operaturi oħra, ikomplu jkunu attivi u jikbru fis-suq viċin minkejja l-assenza ta’ aċċess.

23.

It-tielet, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iqajjem il‑kwistjoni, essenzjalment, dwar jekk l-assenza ta’ element meħtieġ biex jippermetti l-aċċess mitlub – pereżempju, l-ineżistenza ta’ mudell ta’ software – jikkostitwixxix ġustifikazzjoni oġġettiva għal rifjut min‑naħa tal-impriża dominanti. Sussidjarjament, din il-qorti tistaqsi jekk awtorità tal-kompetizzjoni hijiex obbligata tanalizza, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, iż-żmien meħtieġ biex jiġi żviluppat dan l-element jew jekk hijiex l-impriża dominanti, fid-dawl tar-responsabbiltà speċjali tagħha fis-suq, li għandha tinforma lill-entità rikjedenti ta’ dak iż‑żmien.

24.

Ir-raba’, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi jekk l‑Artikolu 102 TFUE jagħtix mandat lil impriża dominanti b’kontroll fuq pjattaforma diġitali biex taġġusta l-prodott tagħha stess meta tirċievi talbiet għal aċċess sabiex tagħti dan l-aċċess. F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi jekk l-impriża dominanti, meta titqies il-pożizzjoni tagħha fis‑suq, għandhiex tagħti prijorità lit-talbiet ġenerali tas-suq jew dawk ta’ entità li tagħmel it-talba u jekk din l-impriża għandhiex tistabbilixxi kriterji oġġettivi predefiniti għall-evalwazzjoni u għall-għoti ta’ prijorità lit-talbiet għal aċċess.

25.

Il-ħames, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) ifittex li jivverifika jekk, fil-kuntest ta’ mġiba abbużiva li tikkonsisti fir-rifjut ta’ aċċess għal prodott allegatament indispensabbli, l-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata tiddefinixxi b’mod konkret bil-quddiem is-suq rilevanti downstream li għalih tapplika l‑imġiba abbużiva.

26.

Fil-punti li ġejjin ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser neżamina, l‑ewwel u qabel kollox, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza Bronner għandhomx jitqiesu li jkunu applikabbli għal każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Anki jekk din il-kwistjoni ma taqax taħt l-għan speċifiku ta’ xi waħda mid-domandi preliminari, din tikkostitwixxi d-dubju prinċipali espress mill‑qorti tar-rinviju fid‑digriet tar-rinviju. Hija wkoll il-premessa fundamentali li fuqha jistrieħu l-ewwel żewġ domandi preliminari, li hija r-raġuni għaliex il‑partijiet kellhom dibattitu profond f’dan ir‑rigward quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-dawl ta’ dan l-eżami, imbagħad ser nindirizza d‑domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, billi nanalizza l-ewwel u t-tieni domanda flimkien, minn naħa, u t-tielet u r‑raba’ domanda flimkien, min-naħa l-oħra. Il-ħames domanda ser tiġi evalwata waħedha.

A.   Applikabbiltà tal‑kundizzjonijiet tas‑sentenza Bronner. L‑ewwel u t‑tieni domanda

27.

L-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi kull abbuż minn impriża waħda jew iktar ta’ pożizzjoni dominanti fis‑suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, u jiddikjara tali abbuż inkompatibbli mas-suq intern sa fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi affettwat ( 8 ). Dan jista’ jinkludi, f’ċerti ċirkustanzi, każijiet fejn impriża dominanti tirrifjuta li tittratta ma’ ditta oħra jew, b’mod iktar speċifiku, fejn l-impriża dominanti tirrifjuta li tagħti aċċess għal prodott, servizz jew infrastruttura tagħha stess favur impriża oħra li topera f’suq viċin ( 9 ).

28.

Kif diġà ntqal, kawżi li jikkonċernaw ir-rifjut minn impriża dominanti li tinnegozja ma’ ditta oħra jew li tagħti aċċess jiġu tradizzjonalment eżaminati fid-dawl tad-duttrina ġurisprudenzjali stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bronner ( 10 ). Skont din is-sentenza, għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita mġiba abbużiva skont l‑Artikolu 102 TFUE. Dawn il-kundizzjonijiet jirrikjedu, l-ewwel, li l-aċċess mitlub jikkonċerna prodott jew servizz li jkun indispensabbli għall‑eżerċizzju ta’ attività ekonomika f’suq viċin; it-tieni, il‑probabbiltà li r‑rifjut mill-impriża dominanti jelimina kull kompetizzjoni f’dan is-suq; u, it-tielet, ir-rifjut ma jkunx jista’ jiġi oġġettivament iġġustifikat ( 11 ).

29.

Ir-raġuni wara l-klassifikazzjoni ta’ rifjut ta’ aċċess bħala mġiba abbużiva ġiet l-ewwel indirizzata mill-Avukat Ġenerali Jacobs, preċiżament fil-konklużjonijiet tiegħu għas-sentenza Bronner, iċċitata iktar ’il fuq ( 12 ). Wara iktar minn għoxrin sena wara l-pubblikazzjoni tagħha, l-analiżi legali tiegħu għadha ċċitata mill-kittieba legali awtorevoli dwar il-kwistjoni, b’mod partikolari biex isostnu li l‑impożizzjoni taħt l-Artikolu 102 TFUE ta’ obbligi ta’ aċċess fuq impriżi dominanti għandha tibqa’ strettament limitata ( 13 ).

30.

F’dawk il-konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali Jacobs iddikjara li d-dritt li wieħed jagħżel is-sieħba kuntrattwali tiegħu u li jiddisponi liberament mill-proprjetà tiegħu huma prinċipji stabbiliti universalment fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri, u xi drabi għandhom natura kostituzzjonali. Għalhekk, il-ksur ta’ dawn id-drittijiet jeħtieġ li jiġi ġġustifikat bir-reqqa ( 14 ). Barra minn hekk, fil-fehma tiegħu, f’perijodu fit-tul ikun ġeneralment favorevoli għall-kompetizzjoni u fl-interess tal‑konsumaturi li impriża dominanti tkun tista’ żżomm għaliha l-frott tal-investimenti sostanzjali tagħha. Inkella, tali impriża ma jkollhiex biżżejjed inċentivi biex tkompli tiżviluppa prodotti jew servizzi effiċjenti ( 15 ). Min-naħa l-oħra, l-Avukat Ġenerali Jacobs irrimarka wkoll li ċ-ċaħda ta’ aċċess tista’, f’ċerti każijiet, tinvolvi l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis sostanzjali tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-konsumaturi kemm f’perijodu qasir kif ukoll fit-tul ( 16 ).

31.

Jiena nosserva li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja espressament ħaddnet ir-raġunament espost mill-Avukat Ġenerali Jacobs, l-iktar reċentement fis-sentenza li ngħatat fil-kawża Slovak Telecom, fejn ġie ddikjarat li jekk impriża dominanti tiġi sfurzata tagħti aċċess, dan ikun partikolarment ta’ preġudizzju għal-libertà li jiġi konkluż kuntratt u għad-dritt ta’ proprjetà ta’ dik l-impriża. Għalhekk, l-impriżi dominanti għandhom, bħala prinċipju, jibqgħu liberi li jirrifjutaw li jagħtu aċċess għal prodott, servizz jew infrastruttura li jkunu żviluppaw għall‑bżonnijiet tagħhom stess ( 17 ). Wara kollox, dawn l-impriżi dominanti jkunu inqas imħajra jinvestu fi prodotti jew faċilitajiet effiċjenti jekk ikunu jistgħu jsibu ruħhom kostretti, fuq sempliċi talba tal-kompetituri tagħhom, li jaqsmu magħhom il-profitti li jirriżultaw mill-investimenti tagħhom stess ( 18 ).

32.

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-evalwazzjoni, skont l‑Artikolu 102 TFUE, ta’ kawża dwar ir-rifjut minn impriża dominanti li jingħata aċċess fl-aħħar mill-aħħar hija bbażata fuq bilanċ delikat bejn, minn naħa, l-interess tal-kompetituri u tal-konsumaturi fl-iżvilupp xieraq tas-suq viċin u kompetizzjoni fertili fih u, min-naħa l-oħra, ir‑rispett għal-libertà li jiġi konkluż kuntratt u għad-dritt għall‑proprjetà tal‑impriża dominanti bħala mezz ta’ promozzjoni ta’ inċentivi suffiċjenti biex twettaq l-attivitajiet tagħha b’mod effiċjenti ( 19 ). Skont il‑Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza fil-kawża Bronner trid tilħaq dan il‑bilanċ delikat billi timponi t-tliet kundizzjonijiet diġà msemmija hawn fuq ( 20 ).

33.

Madankollu, analiżi tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal‑Ġustizzja, f’kawżi fejn intalbet tinterpreta l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bronner, iċċitata iktar ’il fuq, juri li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet huwa pjuttost limitat. Kif spjegat l-Avukata Ġenerali Kokott fil‑konklużjonijiet reċenti tagħha fil-kawża Google Shopping ( 21 ), dawn il-kundizzjonijiet huma ta’ natura eċċezzjonali u ma humiex ġeneralment adatti sabiex tiġi stabbilita l-preżenza ta’ abbuż f’kull każ li jikkonċerna kwistjonijiet ta’ aċċess ( 22 ).

34.

Tabilħaqq, huwa importanti li jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-impożizzjoni tal-kundizzjonijiet fis-sentenza Bronner kienet iġġustifikata miċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dik il-kawża, li kienet tikkonsisti f’rifjut minn impriża dominanti li tagħti aċċess lil kompetitur għall-infrastruttura li kienet żviluppat għall-bżonnijiet tan-negozju tagħha stess. Dan ġie enfasizzat b’mod partikolari mill-Qorti tal‑Ġustizzja mhux biss fil-kawża Slovakka Telekom ( 23 ), iċċitata iktar ’il fuq, iżda wkoll fis-sentenza pjuttost reċenti mogħtija fil-kawża Baltic Rail ( 24 ). Minn din tal-aħħar jirriżulta, inekwivokabbilment, li l‑kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner japplikaw biss għal każijiet fejn l‑infrastruttura inkwistjoni tkun ġiet żviluppata għall-bżonnijiet tan‑negozju tal-impriża dominanti stess u fejn din l-infrastruttura tkun iddedikata għall-użu tagħha stess, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe kompetitur ieħor ( 25 ).

35.

Minn dan isegwi li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner japplikawx għal kawża li tikkonċerna rifjut ta’ għoti ta’ aċċess, għandu jiġi identifikat jekk l-infrastruttura li l-aċċess għaliha jkun qiegħed jintalab timmirax li tkun iddedikata għan-negozju u l-użu tal-impriża dominanti stess u li għandha titgawda esklużivament minnha, bħala mod kif jiġu ppreżervati l-profitti li jirriżultaw mill-investimenti magħmula għall-iżvilupp ta’ dik l-infrastruttura. Min-naħa l-oħra, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex intiżi li japplikaw meta l-infrastruttura kkonċernata tkun miftuħa għal operaturi oħra fis-suq, li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tista’ tkun riżultat tal-applikazzjoni ta’ obbligi regolatorji, kif kien il-każ fis-sentenza Slovak Telekom ( 26 ). Wieħed jista’ jgħid li dan għandu, a fortiori, ikun il-każ fir-rigward ta’ infrastruttura li tkun intiża li tiġi żviluppata biex tintuża minn operaturi terzi.

36.

F’dan ir-rigward, jidher ċar mid-deskrizzjoni mogħtija mill-qorti tar‑rinviju fid-digriet tar-rinviju li din il-kawża tirrigwarda talba indirizzata lil Google minn terz li ried li app żviluppata minnu tkun kompatibbli ma’ Android Auto. Barra minn hekk, skont din id‑deskrizzjoni, Android Auto hija għodda ta’ “projjezzjoni ta’ smartphone” li tippermetti lill-utenti ta’ apparat mobbli b’sistema operattiva Android jaċċedu għal ċerti apps fuq is‑smartphone tagħhom permezz tal-wiri integrat ta’ karozza. Minn din il-perspettiva, hija tissodisfa l-funzjoni ta’ pjattaforma, karatterizzazzjoni li, huwa minnu, għandha tiġi evalwata mill-qorti tar‑rinviju meta taqta’ l-mertu tal‑kawża prinċipali, iżda li, skont il‑kliem tad-domandi preliminari, jidher li huwa l-każ f’għajnejn dik il‑qorti ( 27 ).

37.

Barra minn hekk, huwa importanti li wieħed jinnota li Android Auto, bħal ħafna pjattaformi jew infrastrutturi diġitali oħra, joħloq valur billi jiżgura li l-utenti tiegħu jkollhom aċċess għal varjetà wiesgħa ta’ prodotti u servizzi interoperabbli u komplementari ( 28 ). Fil-fatt huwa intiż mhux biss li jippermetti iżda li jinkoraġġixxi lill-iżviluppaturi terzi biex joħolqu verżjonijiet tal-apps tagħhom stess li jkunu kompatibbli miegħu ( 29 ). F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega, filwaqt li tevoka d-deċiżjoni tal-AGCM, li Android Auto huwa intiż li jkun fil-qalba ta’ “ekosistema”, ( 30 ) li, fl-informatika, talludi għal mudell operattiv li fih id‑data u s-servizzi jiġu kondiviżi minn sid ta’ pjattaforma diġitali bi żviluppaturi esterni b’servizz għal komunità ta’ utenti ( 31 ).

38.

Minn dan isegwi li, kif josservaw il-gvern Taljan u l‑Kummissjoni, il‑pjattaforma li l-aċċess għaliha jkun qiegħed jintalab f’dan il-każ, kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, ma tistax titqies li ġiet żviluppata għall‑bżonnijiet tan-negozju proprju ta’ impriża dominanti, fis-sens tal‑ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, u lanqas li kienet irriżervata għall-użu esklużiv tagħha. Għall-kuntrarju, Android Auto hija deliberatament miftuħa u ġiet maħsuba sabiex tiġi kondiviża liberament u biex tibqa’ għad-dispożizzjoni ta’ terzi, konformement mal-iskop ta’ Google li jattira kemm jista’ jkun “in-car-apps” sabiex is‑sewwieqa tal-karozzi jibbenefikaw minn assistenza kemm jista’ jkun waqt li jiffokaw fuq is-sewqan tagħhom ( 32 ).

39.

Dan ifisser, bħala konsegwenza primarja, li l-bilanċ ta’ interessi u inċentivi li japplika għal xenarju fattwali bħal dak fis‑sentenza Bronner, iċċitata iktar ’il fuq, ma jikkorrelatax mal‑karatteristiċi prinċipali ta’ din il-kawża. Fi kliem ieħor, ma huwiex bl-isfurzar ta’ għoti ta’ aċċess favur app żviluppata minn terz li l‑iżviluppatur u s-sid tal-pjattaforma jista’ jiġi skoraġġut milli jwettaq l‑attivitajiet tiegħu jew li jagħmel iktar investimenti. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, dan ir-riskju ta’ skoraġġament jista’ jirriżulta biss bħala konsegwenza ta’ bilanċ mhux xieraq tal-ġustifikazzjoni oġġettiva mressqa minn din l-impriża biex tispjega r-rifjut li jingħata dan l-aċċess, li nemmen li jsir il-mira reali tal-analiżi li għandha titmexxa f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

40.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, it-test applikat fis-sentenza Bronner, iċċitata iktar ’il fuq, artikolat permezz tal-kundizzjonijiet stabbiliti fiha, ma għandux jiġi applikat f’din il-kawża, li tidher li hija wkoll il-fehma tal-qorti tar-rinviju u li ġie propost wkoll mill-gvern Taljan u Grieg u mill-Kummissjoni.

41.

Kuntrarjament għal dan l-approċċ, Google jinvoka s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-kawża Microsoft. Kif inhu magħruf sew, din il-kawża kienet tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dak li qabel kien l-Artikolu 82 KE (li sar l-Artikolu 102 TFUE) għal rifjuti ta’ żvelar ta’ standards teknoloġiċi koperti minn drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ( 33 ). Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonfermat l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li kienet ikkonstatat li Microsoft kienet naqqset l‑interoperabbiltà tal-prodotti tal-kompetituri mas-sistema operattiva dominanti tagħha Windows. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali elaborat fuq il-kundizzjonijiet iddefiniti preċedentement mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi kkonstatata mġiba abbużiva f’kawżi li jikkonċernaw ir-rifjut li jingħata aċċess ( 34 ).

42.

Madankollu, is-sentenza fil-kawża Microsoft kienet tikkonċerna kawża dwar il-liċenzjar obbligatorju tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, li, l-istess bħall-proprjetà fiżika, tippreżenta tensjonijiet li huma relattivament ekwivalenti, f’termini ta’ interessi u inċentivi, għal dawk deskritti b’relazzjoni mas-sentenza Bronner ( 35 ). Għalhekk, anki jekk wieħed jassumi li l-kawża li wasslet għas-sentenza Microsoft setgħet titqies, minn perspettiva ġenerali, bħala illustrazzjoni dwar rifjut li jingħata aċċess għal infrastruttura diġitali, jibqa’ l-fatt li s-sistema operattiva inkwistjoni f’dik il-kawża ma kellhiex bħala għan ewlieni tagħha li tkun disponibbli liberament għal żviluppaturi oħra ta’ software, li hija d‑differenza ewlenija fir-rigward ta’ pjattaforma bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti.

43.

Huwa għalhekk li, minbarra ċ-ċirkustanza li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-opportunità tadotta pożizzjoni fuq l-approċċ adottat mill‑Qorti Ġenerali fil-kawża Microsoft, minħabba li ma ġiex ippreżentat appell, ma naħsibx li hija għandha tibbaża ruħha fuq dik is‑sentenza bħala preċedent validu għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal‑kawża preżenti.

44.

Naturalment, jista’ jiġi argumentat li n-nuqqas ta’ mudell speċifiku li jiżgura l-interoperabbiltà ta’ Android Auto ma’ apps għall‑iċċarġjar tal-karozzi elettriċi, kif inhu l-każ hawnhekk, juri x‑xewqa ta’ Google li jirriżerva dawn is-servizzi għalih innifsu. Madankollu, dan l-argument sempliċement ma huwiex konvinċenti fid‑dawl tal-karatteristiċi ta’ Android Auto, kif deskritti fil-punti 36 u 37 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, kont sempliċement ninnota li Google ma jidhirx li ressaq tali argument la quddiem il-qorti tar-rinviju, skont it‑termini tad-digriet tar-rinviju, u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-raġunijiet ippreżentati minn Google fir-rigward tar-rifjut tiegħu li jagħti aċċess fil-fatt jirreferu għad-diffikultajiet, f’termini ta’ sigurtà u restrizzjonijiet ta’ ħin u riżorsi, tal-iżvilupp ta’ mudell ta’ software li jiżgura l-interoperabbiltà bejn Android Auto u l-app tal-iżviluppatur terz.

45.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal‑Ġustizzja tqis li, sa fejn impriża dominanti tqiegħed għad‑dispożizzjoni ta’ operaturi terzi pjattaforma li tkun intiża u mfassla li tiġi ssupplimentata minn apps żviluppati minn dawn l-operaturi, ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat, għall-finijiet li tiġi stabbilita mġiba abbużiva skont l‑Artikolu 102 TFUE, jekk id-duttrina elaborata mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza Bronner ma hijiex issodisfatta. Dan huwa b’mod partikolari l‑każ tal-kundizzjonijiet relatati, minn naħa, mal‑indispensabbiltà tal‑aċċess mitlub għas-suq viċin u, min-naħa l‑oħra, mal-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni kollha f’dan is-suq.

46.

Minflok, l-eżami għandu jkun iffokat, għal dan l-istess għan, fuq jekk l-impriża dominanti proprjetarja ta’ dik il-pjattaforma teskludix, ixxekkilx jew iddewwimx l-aċċess mitlub ta’ app żviluppata minn terz, sa fejn din l-imġiba tagħti lok għal effetti antikompetittivi għad-detriment tal-konsumaturi u ma tkunx tista’ tiġi oġġettivament iġġustifikata ( 36 ). Kif jinnotaw il-gvern Grieg u l‑Kummissjoni, dawn l-effetti antikompetittivi jistgħu jikkonsistu, pereżempju, fid-dewmien fl‑introduzzjoni fis-suq viċin ta’ prodott jew servizz li jkun tal-inqas potenzjalment f’kompetizzjoni ma’ prodott jew servizz li jkun jista’ jiġi pprovdut mill-impriża dominanti, li b’hekk jillimitaw l-inċentivi għall‑innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku u l‑għażliet tal-konsumaturi.

47.

Fir-rigward tal-kawża preżenti, peress li l-ewwel żewġ domandi magħmula f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari jitolbu gwida dwar l‑interpretazzjoni tal-ewwel żewġ kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner, ebda waħda minnhom ma teħtieġ, fil-fehma tiegħi, risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-termini li huma magħmula. Wara kollox, fl-analiżi tal‑mertu tal-kawża prinċipali, ma huwiex meħtieġ li l-qorti tar-rinviju tindirizza: (i) jekk il-kundizzjoni dwar l-indispensabbiltà tal-aċċess mitlub tistax titqies li tiġi ssodisfatta meta dan l-aċċess jirrendi l-użu ta’ prodotti jew servizzi f’suq viċin iktar konvenjenti f’termini ta’ sikurezza tat-triq u użu komdu, u lanqas (ii) jekk, essenzjalment, rifjut minn impriża dominanti li tagħti aċċess jistax jitqies li jkun abbużiv taħt l‑Artikolu 102 TFUE fejn il-kompetizzjoni ma tiġix eliminata fis‑suq viċin.

48.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara, għar-raġunijiet diġà spjegati fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, li d-duttrina ġurisprudenzjali stabbilita fis-sentenza Bronner ma hijiex rilevanti għall-finijiet ta’ każ bħal dak fil-kawża prinċipali. L-evalwazzjoni mill‑qorti tar-rinviju għandha tkun iffokata fuq it-termini esposti fil‑punt 46 iktar ’il fuq, li essenzjalment iwasslu biex jiġi ddeterminat jekk ir-rifjut ta’ Google li jagħti aċċess għal Android Auto kienx jikkostitwixxi xkiel jew dewmien fir-rigward ta’ prodott jew servizz f’kompetizzjoni, tal-inqas potenzjalment, ma’ servizzi oħra pprovduti minn Google permezz ta’ dik il-pjattaforma – b’mod partikolari, servizzi relatati mal-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi – sakemm tali mġiba tkun tista’ tipproduċi effetti dannużi fuq il-konsumaturi u sakemm ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata b’raġunijiet oġġettivi.

49.

Fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tindirizzaha minn angolu differenti. Tabilħaqq, xorta waħda tista’ tingħata risposta dwar jekk rifjut li jingħata aċċess jistax iwassal għal effetti antikompetittivi fejn tapplika l-istess premessa – jiġifieri li l-impriża li tagħmel it-talba u operaturi oħra jkunu baqgħu attivi fis-suq viċin u jkunu żviluppaw il-pożizzjoni tagħhom fis-suq minkejja li ma kinux igawdu mill-aċċess mitlub ( 37 ).

50.

Fil-fatt, din id-domanda tista’ tingħata risposta fid-dawl tal‑ġurisprudenza attwali, primarjament is-sentenza fil-kawża Servizio Elettrico Nazionale, iċċitata iktar ’il fuq ( 38 ).

51.

Minn din is-sentenza u mill-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fiha jirriżulta li l-għan tal-Artikolu 102 TFUE huwa li jiġi evitat li l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jkollu l-effett li jostakola, permezz tal‑użu ta’ mezzi mhux ibbażati fuq il-mertu, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni ( 39 ).

52.

Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni ta’ prattika ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti bħala abbużiva ma jfissirx li huwa neċessarju li jintwera li r-riżultat ta’ prattika ta’ tali impriża, li tkun intiża li teskludi lill-kompetituri tagħha mis-suq ikkonċernat, ikun intlaħaq u, sussegwentement, jiġi pprovat l-effett ta’ esklużjoni konkreta fis-suq. L‑Artikolu 102 TFUE huwa intiż li jissanzjona abbuż minn waħda jew iktar impriżi minn pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu, irrispettivament minn jekk tali użu jkunx suċċess jew le ( 40 ).

53.

Konsegwentement, kuntrarjament għall-preżunzjoni ta’ Google, iċ-ċirkustanza li jinżamm l-istess grad ta’ kompetizzjoni f’suq partikolari, minkejja l-imġiba abbużiva minn impriża dominanti, jew saħansitra ż-żieda tal-kompetizzjoni f’dan is-suq ma jfissirx neċessarjament li din l-imġiba ma tkunx kapaċi tagħti lok għal effetti antikompetittivi. L-ewwel, in-natura illegali tal-aġir ta’ impriża dominanti tista’ fl-aħħar mill-aħħar tiddependi fuq il-kapaċità ta’ operaturi oħra fis-suq biex jittaffew l-effetti dannużi ta’ dak l-aġir. It-tieni, biżżejjed li jiġi rrilevat li, fin‑nuqqas ta’ mġieba abbużiva, il-kompetizzjoni setgħet kibret iktar u, pereżempju, li l-ishma tas-suq ta’ operaturi oħra setgħu wkoll żdiedu iktar.

54.

Barra minn hekk, l-argument ippreżentat minn impriża f’pożizzjoni dominanti, li jgħid li jkun hemm assenza ta’ effetti ta’ esklużjoni reali, ma jistax jitqies suffiċjenti sabiex jeskludi l‑applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. Anki jekk dan il-fatt jista’ jikkostitwixxi prova li l-aġir inkwistjoni ma kienx kapaċi jipproduċi l‑effetti allegati, għandu jiġi ssupplimentat bi provi oħra intiżi li juru li tali assenza ta’ effetti reali kien tabilħaqq il‑konsegwenza tal-fatt li dan l-aġir ma setax jipproduċi tali effetti. ( 41 )

55.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li, anki jekk, minkejja r-rifjut li jingħata aċċess għal Android Auto, operaturi oħra baqgħu joperaw jew saħansitra jikbru fis-suq viċin, din iċ-ċirkustanza fiha nnifisha ma tfissirx li dan ir-rifjut ma kienx kapaċi jipproduċi effetti antikompetittivi. Il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk l-imġiba tal‑impriża dominanti kinitx ta’ natura li tfixkel iż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża u irrispettivament minn jekk dawn l-effetti restrittivi effettivament seħħewx. ( 42 )

56.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nikkonkludi, fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, li l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis‑sens li l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bronner ma japplikawx meta l-pjattaforma li l-aċċess għaliha jkun qiegħed jintalab ma tkunx ġiet żviluppata mill-impriża dominanti għall-użu esklużiv tagħha, iżda tkun intiża u mfassla li tiġi ssupplimentata minn apps ta’ żviluppaturi terzi. F’sitwazzjoni bħal din, ma huwiex meħtieġ li tintwera l-indispensabbiltà ta’ din il-pjattaforma għas-suq viċin. Min-naħa l-oħra, impriża tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha jekk twettaq aġir li jikkonsisti fl-esklużjoni, fix-xkiel jew fid-dewmien li jingħata aċċess għall-pjattaforma mill-app żviluppata minn operatur terz, sa fejn dan l‑aġir jagħti lok għal effetti antikompetittivi għad-detriment tal‑konsumaturi u ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Dawn l-effetti antikompetittivi jistgħu jikkonsistu fid-dewmien fl-introduzzjoni fis-suq viċin ta’ prodott jew servizz li jkun tal-inqas potenzjalment f’kompetizzjoni ma’ prodott jew servizz li jkun jista’ jiġi pprovdut mill‑impriża dominanti.

57.

Fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza li l-impriża li tagħmel it‑talba u operaturi oħra jkunu baqgħu attivi fis-suq viċin u żviluppaw il‑pożizzjoni tagħhom fis-suq minkejja li ma jkunux gawdew mill‑aċċess mitlub għal pjattaforma diġitali, fih innifsu, ma jfissirx li r‑rifjut mill-impriża dominanti li tagħti aċċess ma kienx kapaċi jipproduċi effetti antikompetittivi u li għalhekk ma jistax jitqies li jkun abbużiv. Il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk l-imġiba tal-impriża dominanti setax jostakola ż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ u irrispettivament minn jekk dawk l-effetti restrittivi jkunux seħħew verament.

B.   It‑tielet u r‑raba’ domanda

58.

Wara li esponejt il-pożizzjoni li, fil-fehma tiegħi, għandha tadotta l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ewwel u t-tieni domanda preliminari, issa ser neżamina t-tielet u r-raba’ domanda flimkien. Huma jirreferu essenzjalment għall-ġustifikazzjoni oġġettiva li impriża dominanti tista’ tressaq meta tirrifjuta l-aċċess għal pjattaforma żviluppata minnha, li tirriżulta f’imġiba bħal dik deskritta fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Iż-żewġ domandi jirrigwardaw ukoll l-oneru tal-prova li din l-impriża dominanti jew l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni rilevanti għandhom isostnu f’każ bħal dan.

59.

Mill-bidu nett, huwa importanti li jiġi osservat li t-tielet u r-raba’ domanda huma bbażati fuq l-allegazzjonijiet ta’ Google li, sabiex jiġi pprovdut l-aċċess mitlub għal Android Auto, l-ewwel kien meħtieġ li jiġi żviluppat mudell għal applikazzjonijiet relatati ma’ servizzi għall‑iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi. Dan il-mudell ma kienx jeżisti fiż‑żmien tat‑talba għal aċċess u, skont Google, kien indispensabbli biex jitħaddem Android Auto b’mod sigur. Google jsostni wkoll li dan il‑mudell ma setax jiġi implimentat fit-termini inizjalment mitluba, minħabba, inter alia, il-ħtieġa ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi xierqa u l‑okkorrenza tal-pandemija COVID‑19.

60.

Anki jekk l-Artikolu 102 TFUE ma għandux ekwivalenti għall‑Artikolu 101(3) TFUE, li jtaffi l-projbizzjoni stabbilita f’dan it‑Trattat fir-rigward ta’ akkordji antikompetittivi ( 43 ), il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-impriżi dominanti l‑possibbiltà li jressqu ġustifikazzjoni oġġettiva għall-aġir tagħhom, anki jekk dan l‑aġir jikkostitwixxi, prima facie, abbuż ( 44 ).

61.

Dan ifisser li impriżi dominanti li jiġu akkużati b’imġiba abbużiva jistgħu jinvokaw ġustifikazzjoni oġġettiva għall-aġir tagħhom ( 45 ). Jekk jirnexxu, il-projbizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 102 TFUE ma tapplikax. Impriża dominanti tista’ tagħmel dan billi turi, inter alia, li l-aġir tagħha jkun oġġettivament meħtieġ ( 46 ), rekwiżit li jmur id f’id mal-kundizzjoni li l-aġir inkwistjoni għandu jkun proporzjonat ( 47 ).

62.

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ mudell fil-mument tat-talba għall-aċċess għandux jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ġustifikazzjoni oġġettiva għal rifjut ta’ aċċess jew, sussidjarjament, jekk l-impriża dominanti tistax tiġi mġiegħla tiżviluppa tali mudell sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall‑pjattaforma diġitali tagħha. Essenzjalment, din id-domanda teħtieġ id-determinazzjoni tal-portata tal-obbligi li għandhom jiġu ssodisfatti minn impriża dominanti meta ffaċċjata b’talba għall-aċċess ta’ pjattaforma tagħha minn żviluppatur terz.

63.

Kif indikajt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 48 ), waħda mill-iktar kwistjonijiet delikati li għandhom jiġu deċiżi mill-Qorti tal‑Ġustizzja f’din il-kawża hija jekk, f’termini ta’ interoperabbiltà, l‑obbligi ta’ aċċess jirrikjedux li l-impriżi dominanti jimpenjaw ruħhom f’imġiba attiva bħal ma huwa l-iżvilupp ta’ software neċessarju, jiġifieri mudell. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fl-affermattiv, allura l‑impriża dominanti kkonċernata mhux biss ikollha tagħti l‑kunsens għall-aċċess għall-pjattaforma tagħha sabiex twettaq id-dmirijiet tagħha taħt l-Artikolu 102 TFUE, iżda jkollha wkoll tiddedika l-ħin u r-riżorsi tagħha stess biex tiżgura tali aċċess.

64.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull eċċezzjoni għal regola partikolari tad-dritt tal-Unjoni għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni restrittiva ( 49 ), regola li tapplika mutatis mutandis meta tiġi kkunsidrata ġustifikazzjoni oġġettiva fi ħdan l-isfera tal-Artikolu 102 TFUE ( 50 ). Fil-kuntest ta’ rifjut li jingħata aċċess għal pjattaforma bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, u sa fejn tali rifjut jagħti lok għal effetti antikompetittivi, kif diskuss fl-ewwel parti ta’ dawn il-konklużjonijiet, huma biss ċirkustanzi li jikkompromettu l‑funzjonament u l-għan ta’ din il-pjattaforma li jistgħu jiġu aċċettati.

65.

Fil-kawża preżenti, dan jimplika, l-ewwel u qabel kollox, li, fejn l-iżvilupp tal-mudell mill-impriża dominanti kkonċernata jkun teknikament impossibbli, l-assenza ta’ tali mudell tista’, fiha nnifisha, tikkostitwixxi ġustifikazzjoni oġġettiva. Dan ikun ukoll il-każ, kif tenfasizza l-Kummissjoni, fejn l-għoti ta’ aċċess permezz ta’ dan il‑mudell jista’ jaffettwa, minn perspettiva teknika, il-prestazzjoni tal‑pjattaforma jew fejn l-aċċess jista’ jmur kontra l-mudell jew l-għan ekonomiku tagħha. Min-naħa l-oħra, jekk l-iżvilupp ta’ mudell bħal dan ma jkunx impossibbli u l-prestazzjoni tal-pjattaforma ma tiġix affettwata jew l-aċċess ma jmurx kontra l-mudell ekonomiku jew l-għan tagħha, ir-rifjut strett u dirett mill-impriża dominanti, minħabba l‑ineżistenza ta’ mudell, ikun jikkostitwixxi abbuż skont l‑Artikolu 102 TFUE.

66.

Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li s-sempliċi diffikultà biex jiġi żviluppat mudell, kif essenzjalment isostni Google, lanqas ma tiġġustifika rifjut kategoriku li jingħata aċċess. Kif indikat fil-punt 61 iktar ’il fuq, f’każ bħal dak, ikollha ssir evalwazzjoni tan-neċessità u tal‑proporzjonalità, filwaqt li jitqiesu, għal dan il-għan, iċ-ċirkustanzi jew il-fatturi esterni kollha rilevanti għar-rifjut. Huwa fl-iskop ta’ din l‑evalwazzjoni u, b’mod partikolari, meta tiġi kkunsidrata l‑proporzjonalità tar-rifjut, li għandu jitkejjel il-kuntest (diffiċli) li taffaċċja impriża dominanti fir-rigward tal-iżvilupp ta’ dan il-mudell.

67.

Jidher li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-iżvilupp ta’ mudell ta’ software huwa ġenwinament meħtieġ sabiex tiġi żgurata l‑interoperabbiltà ta’ app żviluppata minn terz ma’ pjattaforma bħal ma’ hija Android Auto. Fil‑fatt, id-digriet tar-rinviju jistabbilixxi li l‑iżvilupp ta’ dawn il‑mudelli, intiżi li jkopru kategoriji sħaħ ta’ apps, huwa meħtieġ sabiex jiġu evitati testijiet twal u għaljin li kieku jkunu meħtieġa biex tiġi ggarantita l-kompatibbiltà ta’ kull app individwali ma’ Android Auto. Barra minn hekk, dan huwa xogħol li jista’ jitwettaq biss minn Google, bħala s-sid ta’ din il-pjattaforma ( 51 ). Għalhekk, bla ħsara għall-evalwazzjoni konkreta tal-qorti tar-rinviju, dan ifisser li, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, il-kriterju ta’ neċessità fl-eżami tal‑ġustifikazzjoni oġġettiva jidher li jiġi faċilment issodisfatt, sa fejn ma jkunx hemm dubju li l-iżvilupp ta’ mudell ma jkunx jista’ jiġi evitat sabiex jiġi ggarantit aċċess sigur ta’ app bħal dik ta’ Enel X għal Android Auto.

68.

Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, il-proporzjonalità tar-rifjut jistħoqqilha iktar elaborazzjoni. Huwa f’dan l-istadju li l-ġustifikazzjoni mressqa minn impriża dominanti, f’termini ta’ restrizzjonijiet ta’ ħin u riżorsi għall-iżvilupp ta’ mudell ta’ software, hija rilevanti sabiex jiġi żgurat li s-swieq jinżammu miftuħa filwaqt li jiġu ssalvagwardati inċentivi xierqa għall-impriża dominanti.

69.

Fir-rigward tar-restrizzjonijiet ta’ ħin, il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta jekk hijiex l-awtorità tal-kompetizzjoni li għandha twettaq investigazzjoni, abbażi ta’ fatturi oġġettivi, taż-żmien meħtieġ minn impriża f’pożizzjoni dominanti biex tiżviluppa l-mudell tas-software sabiex tiżgura aċċess għall-pjattaforma mitluba jew jekk, għall‑kuntrarju, l-impriża f’pożizzjoni dominanti, fid-dawl tar‑responsabbiltà tagħha fis-suq, hijiex meħtieġa tinforma lill-applikant biż-żmien meħtieġ biex jiġi żviluppat dan il-mudell.

70.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, għalkemm l-oneru tal-prova tal-eżistenza taċ‑ċirkustanzi li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 102 TFUE jaqa’ fuq l‑awtoritajiet tal‑kompetizzjoni, kemm fil-livell Ewropew u kemm f’dak nazzjonali, hija l‑impriża dominanti kkonċernata li għandha tqajjem kwalunkwe eċċezzjoni ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva u li ssostniha b’argumenti u provi ( 52 ). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali stabbiliet li l‑impriża dominanti kkonċernata, li għandha l-oneru inizjali tal-prova, għandha tressaq provi konkreti u ma tistax sempliċement tressaq argumenti vagi, ġenerali jew teoriċi ( 53 ).

71.

Loġikament, il-fatturi invokati mill-impriża dominanti bħala l‑bażi biex issostni li l-aġir tagħha kien oġġettivament iġġustifikat għandhom ikunu dawk li l-impriża ħadet inkunsiderazzjoni fil-mument ta’ dan l-aġir ( 54 ). Konsegwentement, eżami tat-termini konkreti tar-rifjut isir element importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ġustifikazzjoni mressqa mill-impriża dominanti kinitx fil-fatt iffurmat il-bażi għall-aġir tagħha. Ladarba jiġi ssodisfat dan ir-rekwiżit, huwa mbagħad kompitu tal-awtorità tal-kompetizzjoni, meta tipproponi li tikkonstata abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, li turi li l-argumenti u l-provi invokati mill‑impriża ma jkunux jistgħu jipprevalu u, għaldaqstant, li l‑ġustifikazzjoni mressqa ma tkunx tista’ tiġi aċċettata ( 55 ).

72.

Fir-rigward ta’ din il-kawża, huwa importanti li jiġi osservat li, meta jiġu invokati restrizzjonijiet ta’ ħin quddiem awtorità tal‑kompetizzjoni bħala ġustifikazzjoni oġġettiva, l-ewwel prova taqa’ fuq l-impriża dominanti, li ma tistax sempliċement tibbaża ruħha fuq dawn ir-restrizzjonijiet biex tiġġustifika r-rifjut tagħha li tagħti aċċess. Għall-kuntrarju, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, din l-impriża għandha turi li kienet informat lill-operatur li talab aċċess biż-żmien meħtieġ biex jiġi żviluppat dan il-mudell. Dan l-iżvilupp jista’ jieħu ż-żmien kollu li huwa oġġettivament meħtieġ u mhux neċessarjament ikun immedjat. Barra minn hekk, sitwazzjoni diffiċli bħall‑pandemija COVID‑19, li Google jinvoka, tista’ tkun element li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni. Bħala l-pass li jmiss, jekk l‑awtorità tal-kompetizzjoni rilevanti turi li l-evalwazzjoni magħmula mill-impriża dominanti ma tkunx suffiċjenti fir-rigward tal-perijodu ta’ żmien invokat għall-iżvilupp tal-mudell, il-ġustifikazzjoni oġġettiva ma tikkostitwixxix difiża għall-imġiba taħt skrutinju ( 56 ). Fl-aħħar nett, huwa ovvju li dawn l-elementi kollha jistgħu sussegwentement jiġu vverifikati mill-qorti rilevanti.

73.

Jista’ jiġi adottat approċċ simili fir-rigward tar-riżorsi li impriża dominanti jista’ jkollha bżonn talloka għall-iżvilupp tal-mudell, sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta’ app ta’ parti terza ma’ pjattaforma. Fir‑realtà, diskussjoni dwar il-limitazzjonijiet tar-riżorsi umani u finanzjarji għall-iżvilupp ta’ mudell, kif isostni Google, hija diskussjoni dwar l-ispejjeż involuti f’tali żvilupp u dwar min għandu jbati dawn l‑ispejjeż.

74.

Mill-bidu nett, nirrileva li ċ-ċirkustanza li impriża dominanti għandha tkun suġġetta għal obbligu li tiżgura aċċess għal pjattaforma u li tiżviluppa mudell għal dan il-għan, kif diġà spjegat f’dawn il‑konklużjonijiet, ma tfissirx li tali impriża għandha neċessarjament tassumi l-ispejjeż ta’ dan l-iżvilupp. Dan huwa essenzjali biex jiġi ggarantit, fuq kollox, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u l‑obbligi ta’ interoperabbiltà li jirriżultaw minnu ma jikkawżaw ebda diżinċentiv għall-impriża dominanti bħala l-iżviluppatur inizjali u l‑proprjetarju tal-pjattaforma kkonċernata.

75.

Il-kunsiderazzjoni preċedenti tfisser li impriża dominanti għandha tkun tista’ tibbaża ruħha fuq restrizzjonijiet ta’ riżorsi bħala ġustifikazzjoni oġġettiva biex ma tiżviluppax mudell għal app ta’ terza persuna. Madankollu, sabiex din il-ġustifikazzjoni tiġi aċċettata, huwa importanti li jiġi żgurat, abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq, li l-impriża li titlob aċċess tiġi offruta l-possibbiltà li tħallas remunerazzjoni xierqa, essenzjalment wara l-evalwazzjoni tal‑ispejjeż tal-iżvilupp tal-mudell meħtieġ ikunu ġew ikkalkolati. Is‑sempliċi invokazzjoni ta’ restrizzjonijiet ta’ riżorsi minn impriża dominanti, mingħajr ma tagħmel disponibbli din il-possibbiltà, fil‑fehma tiegħi ma tkunx qiegħda tissodisfa r‑rekwiżiti li jippermettu li tiġi rrikonoxxuta ġustifikazzjoni oġġettiva ( 57 ). Jekk l-impriża li tagħmel it-talba tqis l-ispiża mhux xierqa jew sproporzjonata, allura l-awtorità tal-kompetizzjoni rilevanti, jekk ikollha l-ħsieb li tikkonkludi li jkun hemm abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, ikollha turi li l-argumenti u l‑provi mressqa mill-impriża dominanti għall-kalkolu ta’ din l-ispiża ma jkunux konvinċenti u, konsegwentement, li l-ġustifikazzjoni invokata ma tkunx tista’ tiġi aċċettata.

76.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ġustifikazzjoni oġġettiva mressqa minn impriża dominanti f’termini ta’ restrizzjonijiet ta’ żmien u ta’ riżorsi tistax tiġi aċċettata, din il-ġustifikazzjoni jeħtieġ li tkun suġġetta għal skrutinju f’termini ta’ neċessità u proporzjonalità, konformement mal‑kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti preċedenti ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

77.

Il-kwistjoni tibqa’ jekk iċ-ċirkustanza li numru ta’ talbiet ta’ aċċess jaslu fl-istess ħin minn impriża dominanti tistax ukoll tikkostitwixxi ġustifikazzjoni oġġettiva taħt l-Artikolu 102 TFUE. Dan jifforma wkoll parti mid-dubju espress mill-qorti tar-rinviju, li ma hijiex ċerta jekk, f’dan il-kuntest, l-impriża dominanti għandhiex, abbażi tar‑responsabbiltà speċjali tagħha fis-suq, tistabbilixxi minn qabel kriterji oġġettivi sabiex teżamina l-applikazzjonijiet li jiġu ppreżentati lilha u tikklassifikahom f’ordni ta’ prijorità.

78.

Nixtieq ngħid li r-riferiment għar-responsabbiltà speċjali li għandhom l-impriżi dominanti, kif ripetutament stabbilit mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ( 58 ) ma għandhiex tiġi konfuża fl-analiżi tal-eċċezzjoni mressqa minn din l-impriża sabiex tiġġustifika r-rifjut li tagħti aċċess għal pjattaforma żviluppata minnha. Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis, kif diġà ġie argumentat f’dawn il‑konklużjonijiet, li din ir-responsabbiltà tiġġustifika obbligu ta’ aċċess, sakemm japplikaw il-kundizzjonijiet indikati fil-punt 46 iktar ’il fuq. Madankollu, fil-fehma tiegħi, fl-assenza ta’ obbligu regolatorju f’dan ir‑rigward, hija ma tistax minnha nfisha tikkostitwixxi bażi biex jiġi stabbilit obbligu li jiġu previsti u ddefiniti, minn perspettiva ex ante, il‑kriterji oġġettivi għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għal talbiet konkorrenti għal aċċess.

79.

Dan huwa partikolarment rilevanti f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, fejn, fil-fehma tiegħi, l-aċċettazzjoni tal-ġustifikazzjoni mressqa mill-impriża dominanti ma tistax tiddependi mill-eżistenza ta’ definizzjoni preliminari ta’ kriterji oġġettivi, jew mill-assenza tagħha. Ċertament, fil-kuntest ta’ diversi talbiet magħmula fl-istess żmien, l‑assenza ta’ dawn il-kriterji jista’ jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat l-abbuż tal-aġir allegat kontra l-impriża dominanti meta dan iwassal għal sitwazzjoni ta’ dewmien eċċessiv fl-għoti tal-aċċess jew għal trattament diskriminatorju fost l-applikanti konkorrenti. Madankollu, mid-digriet tar-rinviju ma jsegwix li dan huwa l-każ hawnhekk, li jfisser li din l-assenza ma tistax fiha nnifisha tkun il-bażi li fuqha tiġi stabbilita l-imġiba abbużiva kkonċernata.

80.

Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, nikkonkludi, fir-rigward tat-tielet domanda preliminari, li l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis‑sens li aġir ta’ impriża dominanti li jikkonsisti fir-rifjut ta’ aċċess minn operatur terz għal pjattaforma bħalma hija dik fil-kawża prinċipali jista’ jkun oġġettivament iġġustifikat meta l-aċċess mitlub ikun teknikament impossibbli jew fejn ikun jista’ jaffettwa, minn perspettiva teknika, il-prestazzjoni tal‑pjattaforma jew imur kontra l-mudell ekonomiku jew l-għan tagħha. Is-sempliċi fatt li, sabiex tagħti aċċess għal din il-pjattaforma, l-impriża dominanti teħtieġ, minbarra li tagħti l-kunsens tagħha, tiżviluppa mudell ta’ software li jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi tal-operatur li jitlob l-aċċess ma jistax fih innifsu jiġġustifika rifjut ta’ aċċess, sakemm jiġi konċess perijodu ta’ żmien xieraq għal dan l-iżvilupp u dan l‑iżvilupp ikun suġġett għal kunsiderazzjoni xierqa favur l-impriża dominanti. Iż-żewġ elementi għandhom jiġu kkomunikati mill-impriża dominanti lill-operatur li jitlob aċċess meta dan jagħmel it-talba.

81.

Fir-rigward tar-raba’ domanda magħmula, l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li minnu nnifsu ma jistax jikkostitwixxi l-bażi ta’ obbligu li jiġu ddefiniti, minn perspettiva ex ante, kriterji oġġettivi għall‑eżami ta’ applikazzjonijiet ta’ talba għal aċċess għal pjattaforma. Huwa biss fil-kuntest ta’ diversi talbiet magħmula fl-istess żmien, li l‑assenza ta’ dawn il-kriterji jista’ jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat l-abbuż tal‑aġir tal-impriża dominanti meta dan iwassal għal sitwazzjoni ta’ dewmien eċċessiv fl-għoti tal-aċċess jew għal trattament diskriminatorju fost l‑applikanti konkorrenti.

C.   Il‑ħames domanda

82.

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-kuntest ta’ abbuż li jikkonsisti fir-rifjut ta’ aċċess għal pjattaforma ta’ mirroring diġitali, l-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata tiddefinixxi s-suq rilevanti downstream affettwat mill‑abbuż u jekk dan is-suq jistax ikun saħansitra potenzjali biss.

83.

Kif inhu magħruf sew, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, il-konstatazzjoni ta’ dominanza teħtieġ neċessarjament id-definizzjoni minn qabel tal-prodott jew tas-suq ġeografiku rilevanti li fih l-impriża inkwistjoni żżomm din il-pożizzjoni. Fil-każ ta’ aġir li jikkonsisti fir-rifjut ta’ aċċess għal infrastruttura, dan normalment jikkonċerna s-suq upstream li fih tinsab l-infrastruttura. Dik il-kategorija ta’ każ ukoll titlob l-identifikazzjoni tas-suq viċin (downstream) li fih l-impriża applikanti trid topera u li fiha l-effetti antikompetittivi tal-aġir tal-impriża dominanti jistgħu jseħħu. Min-naħa l-oħra, ma hemm l-ebda obbligu li jiġi definit, b’mod sistematiku, is-suq rilevanti meta jiġi evalwat jekk l-aġir tal-impriża dominanti kienx kapaċi jirrestrinġi l-kompetizzjoni, b’mod partikolari fil-każ ta’ aġir li jikkonsisti fir-rifjut tal-aċċess għall-infrastruttura – jew, b’mod iktar preċiż, bħal f’dan il-każ, fl-esklużjoni, xkiel, jew dewmien f’dan l-aċċess ( 59 ).

84.

B’dan, fir-rigward tas-suq viċin, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jgħid li huwa biżżejjed li suq potenzjali jew saħansitra suq ipotetiku jista’ jiġi identifikat ( 60 ). Tabilħaqq, jista’ jkun biżżejjed li jiġu identifikati biss “żewġ fażijiet differenti ta’ produzzjoni” u l‑interkonnessjoni attwali tagħhom ( 61 ).

85.

Għaldaqstant, kif jgħidu ġustament il-gvern Taljan u l‑Kummissjoni, ma hemm l-ebda obbligu li jiġi ddefinit, b’mod eżawrjenti, is-suq rilevanti downstream meta jiġi evalwat jekk l-aġir tal‑impriża dominanti kienx kapaċi jirrestrinġi l-kompetizzjoni, b’mod partikolari fil-każ ta’ aġir li jikkonsisti fir-rifjut ta’ aċċess. Huwa minnu li, f’dawn il-każijiet, il-kapaċità ta’ wieħed jirrestrinġi l-kompetizzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi evalwata fir-rigward tas-suq li fuqu jkunu jistgħu jseħħu l-effetti antikompetittivi, jiġifieri s-suq downstream jew viċin fir-rigward tas-suq upstream li għalih jiġi rrifjutat l-aċċess mill-impriża dominanti. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma jeħtieġx neċessarjament definizzjoni tal-prodott rilevanti u s-suq ġeografiku fis‑sens tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti ( 62 ) u biex jiġi definit il-portata tiegħu, kif essenzjalment isostni Google. Huwa biżżejjed li l-awtorità tal-kompetizzjoni turi li l-aġir inkwistjoni jista’ jipproduċi effetti antikompetittivi fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin, anki jekk hija biss kompetizzjoni potenzjali.

86.

Dan jidher li jkun iktar il-każ meta s-suq inkwistjoni jkun għadu qed jiġi żviluppat jew ikun suġġett għal żvilupp mgħaġġel u, konsegwentement, il-portata tiegħu ma tkunx iddefinita b’mod sħiħ fiż‑żmien meta jseħħ l-aġir allegatament abbużiv. F’dawn il‑każijiet, id-definizzjoni tas-suq rilevanti tista’ tkun ferm diffiċli u tista’ tagħti lok għal kunsiderazzjonijiet spekulattivi. Għalhekk jidher biżżejjed li l-awtorità tal-kompetizzjoni teżamina bir-reqqa l‑karatteristiċi u l-portata tas-suq rilevanti u tqishom kif jixraq fl-analiżi tagħha tal-effetti potenzjali tal-aġir inkwistjoni.

87.

Fir-rigward ta’ din il-kawża, għandi ngħid, skont id‑deskrizzjoni mogħtija fid-digriet tar-rinviju, li l-aġir ta’ Google jidher li jikkonċerna suq li qiegħed jevolvi. Bil-premessa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa din il-kwistjoni, ninnota li, fid‑deċiżjoni tagħha, l-AGCM l‑ewwel eżaminat is-settur tal‑applikazzjonijiet tas-servizzi ta’ ċċarġjar bl-elettriku. Sussegwentement hija ddefinixxiet l-“ispazju kompetittiv għas-servizzi ta’ mili mill-ġdid tal-elettriku pprovduti permezz ta’ applikazzjonijiet” li fih, fil-fehma tagħha, is-servizzi ta’ mili mill-ġdid tal-elettriku u l‑applikazzjonijiet ta’ navigazzjoni huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin, u pprovdiet numru ta’ elementi li jindikaw sitwazzjoni kompetittiva bejn iż-żewġ kategoriji ta’ applikazzjonijiet, li huma tal-inqas ta’ natura potenzjali. Dawn il-fatturi mbagħad ittieħdu inkunsiderazzjoni fl-analiżi sussegwenti tal-kapaċità tal-aġir ta’ Google li jipproduċi l-effetti antikompetittivi inkwistjoni.

88.

Fir-rigward tal-ħames domanda magħmula, jiena għaldaqstant nikkonkludi li l‑Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta impriża dominanti tirrifjuta l-aċċess għal pjattaforma bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, awtorità tal‑kompetizzjoni ma hijiex obbligata tiddefinixxi b’mod eżawrjenti, skont l-Avviż dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti, is-suq li fuqu r‑rifjut ta’ aċċess x’aktarx li jkollu effetti antikompetittivi. Huwa biżżejjed li l-awtorità tal‑kompetizzjoni turi li l-aġir inkwistjoni kien kapaċi jipproduċi effetti antikompetittivi fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li jkunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin.

IV. Konklużjoni

89.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) kif ġej:

(1)

Fir-rigward tal-ewwel domanda magħmula, l-Artikolu 102 TFUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet stabbiliti fis‑sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569, punt 41) ma japplikawx meta l-pjattaforma li l‑aċċess għaliha jkun qiegħed jintalab ma tkunx ġiet żviluppata mill-impriża dominanti għall-użu esklużiv tagħha, iżda tkun intiża u mfassla li tiġi ssupplimentata minn apps ta’ żviluppaturi terzi. F’sitwazzjoni bħal din, ma huwiex meħtieġ li tintwera l‑indispensabbiltà ta’ din il-pjattaforma għas-suq viċin. Min-naħa l-oħra, impriża tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha jekk twettaq aġir li jikkonsisti fl-esklużjoni, fix-xkiel jew fid-dewmien li jingħata aċċess għall-app żviluppata minn operatur terz f’dik il-pjattaforma, sa fejn dan l‑aġir jagħti lok għal effetti antikompetittivi għad-detriment tal-konsumaturi u ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

(2)

Fir-rigward tat-tieni domanda magħmula, l-Artikolu 102 TFUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza li l-impriża li tagħmel it‑talba u operaturi oħra jkunu baqgħu attivi fis-suq viċin u żviluppaw il‑pożizzjoni tagħhom fis-suq minkejja li ma jkunux gawdew mill‑aċċess mitlub għal pjattaforma diġitali, fih innifsu, ma jfissirx li r‑rifjut mill-impriża dominanti li tagħti aċċess ma kienx kapaċi jipproduċi effetti antikompetittivi u li għalhekk ma jistax jitqies li jkun abbużiv. Il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk l-imġiba tal-impriża dominanti setax jostakola ż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ u irrispettivament minn jekk dawk l-effetti restrittivi jkunux seħħew verament.

(3)

Fir-rigward tat-tielet domanda magħmula, l-Artikolu 102 TFUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li aġir ta’ impriża dominanti li jikkonsisti fir-rifjut ta’ aċċess minn operatur terz għal pjattaforma bħalma hija dik fil-kawża prinċipali jista’ jkun oġġettivament iġġustifikat meta l-aċċess mitlub ikun teknikament impossibbli jew fejn ikun jista’ jaffettwa, minn perspettiva teknika, il-prestazzjoni tal‑pjattaforma jew imur kontra l-mudell ekonomiku jew l-għan tagħha. Is-sempliċi fatt li, sabiex tagħti aċċess għal din il-pjattaforma, l-impriża dominanti teħtieġ, minbarra li tagħti l-kunsens tagħha, tiżviluppa mudell ta’ software li jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi tal-operatur li jitlob l‑aċċess ma jistax fih innifsu jiġġustifika rifjut ta’ aċċess, sakemm jiġi konċess perijodu ta’ żmien xieraq għal dan l-iżvilupp u dan l‑iżvilupp ikun suġġett għal kunsiderazzjoni xierqa favur l-impriża dominanti. Iż-żewġ elementi għandhom jiġu kkomunikati mill‑impriża dominanti lill-operatur li jitlob aċċess meta dan jagħmel it-talba.

(4)

Fir-rigward tar-raba’ domanda magħmula, l-Artikolu 102 TFUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li minnu nnifsu ma jistax jikkostitwixxi l-bażi ta’ obbligu li jiġu ddefiniti, minn perspettiva ex ante, kriterji oġġettivi għall-eżami ta’ talbiet għal aċċess għal pjattaforma. Huwa biss fil-kuntest ta’ diversi talbiet magħmula fl‑istess żmien, li l-assenza ta’ dawn il-kriterji tista’ jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat l‑abbuż tal-aġir tal-impriża dominanti meta dan iwassal għal sitwazzjoni ta’ dewmien eċċessiv fl-għoti tal-aċċess jew għal trattament diskriminatorju fost l‑applikanti konkorrenti.

(5)

Fir-rigward tal-ħames domanda magħmula, l-Artikolu 102 TFUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta impriża dominanti tirrifjuta l-aċċess għal pjattaforma bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, awtorità tal-kompetizzjoni ma hijiex obbligata tiddefinixxi b’mod eżawrjenti, skont l-Avviż tal‑Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall‑finijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (C/2024/1645), is-suq li fuqu r-rifjut ta’ aċċess x’aktarx li jkollu effetti antikompetittivi. Huwa biżżejjed li l-awtorità tal‑kompetizzjoni turi li l-aġir inkwistjoni kien kapaċi jipproduċi effetti antikompetittivi fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li jkunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Google Italy Srl hija s-sussidjarja Taljana ta’ Google LLC, li min-naħa tagħha hija proprjetà ta’ Alphabet Inc. Għal finijiet ta’ semplifikazzjoni, ser nirreferi għal dawn it-tliet impriżi, li huma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħala “Google”.

( 3 ) L-Awtorità Taljana li Tiżgura l-Osservanza tal-Kompetizzjoni u tar-Regoli tas-Suq (iktar ’il quddiem l-“AGCM”).

( 4 ) Iktar ’il quddiem “Enel X”.

( 5 ) Sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Bronner” jew il-“kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner”).

( 6 ) Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU 2022 L 265, p. 1).

( 7 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Microsoft”).

( 8 ) Sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑165/19 P, EU:C:2021:239, punt 40) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Slovak Telekom”).

( 9 ) Għal spjegazzjoni komprensiva tar-raġunijiet legali u ekonomiċi ta’ rifjut ta’ negozjar, ara R. O’Donoghue, KC u J. Padilla, “The Law and Economics of Article 102 TFUE”, Bloomsbury, 2020, pp. 509 et seq.

( 10 ) Sentenza fil-kawża Bronner, punt 41. Ara wkoll is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, IMS Health (C‑418/01, EU:C:2004:257); tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83); tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062); is-sentenza fil-kawża Slovak Telekom; tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑152/19 P, EU:C:2021:238); tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379) u tat‑12 ta’ Jannar 2023, Lietuvos geležinkeliai vs Il-Kummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2023:12) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil‑kawża Baltic Rail”).

( 11 ) L-ewwel u t-tieni kundizzjonijiet iċċitati xi drabi jiġu ppreżentati f’ordni inversa.

( 12 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:264).

( 13 ) Ara, inter alia, R. Whish u D. Bailey, Competition Law, l-għaxar edizzjoni, Oxford University Press, 2021, p. 772 u 773.

( 14 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawża Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:264, punt 56).

( 15 ) Ibid. (punti 57 u 62).

( 16 ) Ibid. (punt 61).

( 17 ) Sentenza fil-kawża Slovak Telekom (punt 46).

( 18 ) Ibid. (punt 47).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza fil-kawża Baltic Rail (punt 86). Ara wkoll is‑sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2021, Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni (Google Shopping) (T‑612/17, EU:T:2021:763, punt 217).

( 20 ) Ibid.

( 21 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni (C‑48/22 P, EU:C:2024:14). Fil-mument tal-kitba ta’ dawn il‑konklużjonijiet, is-sentenza f’dik il-kawża għadha ma ngħatatx.

( 22 ) Ibid. (punti 83 et seq).

( 23 ) Sentenza Slovak Telekom, punt 45.

( 24 ) Sentenza Baltic Rail, punt 80.

( 25 ) Ibid. (punti 80 u 82).

( 26 ) Għal analiżi kritika ta’ dan l-approċċ, ara inter alia R. O’Donoghue KC u J. Padilla, op. cit., pp. 585, u A. Muscat, “Testing for abusive refusals to supply in EU competition law: Past, present and future”, European Competition Law Review, 42(5), 2021, p. 256 sa 268.

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, ir-raba’ domanda preliminari, li tuża l-frażi “impriża dominanti, li tikkontrolla pjattaforma diġitali”. Ara wkoll id-definizzjoni ta’ “Android Auto” ipprovduta minn Google fis-sit https://source.android.com/docs/automotive/start/what_automotive, fejn hija kkaratterizzata bħala “pjattaforma”.

( 28 ) G. Shier u T. Byrne, “Economic Principles”, f’M. Wiggers, R. A. Struijlaart, et (edituri), Digital Competition Law in Europe, Kluwer Law International, 2023, p. 17

( 29 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-linji gwida dwar il-kwalità ta’ Android Auto, li jridu jiġu segwiti mill-iżviluppaturi tal-apps li jiżviluppaw għal dan il-prodott, disponibbli fuq https://transparency.google/our-policies/product-terms/android-auto/.

( 30 ) Ara wkoll ‘Building an ecosystem’, disponibbli fi https://developer.android.com/cars.

( 31 ) Ara T. Mens., C. De Roover u A. Cleve (edituri), Software Ecosystems. Tooling and Analytics, Springer, 2023, p. 6.

( 32 ) Ara l-għan ta’ Google li jtejjeb l-esperjenza tal-utent u jassisti lill-iżviluppaturi biex jilħqu iktar sewwieqa b’apps fil-karozza permezz ta’ Android Auto, disponibbli fuq https://android-developers.googleblog.com/2020/08/android-for-cars.html#:~:text=We%20launched%20Android%20Auto%20for,cars%20in%20the%20coming%20months.

( 33 ) Ara A. Andreangeli, “Case note on T‑201/04, Microsoft v Commission, Judgment of 17 September 2007”, Common Market Law Review, 2008, Vol. 45, Nru 3, p. 863, u R. O’Donoghue KC u J. Padilla, op. cit., p. 534 u 535.

( 34 ) Sentenza fil-kawża Microsoft, punti 647 u 648.

( 35 ) Ara punti 30 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni (C‑48/22 P, EU:C:2024:14, punt 89).

( 37 ) Wieħed mill-argumenti prinċipali mressqa minn Google quddiem il-qorti tar‑rinviju, kif deskritt fid-digriet tar-rinviju, huwa li Android Auto u applikazzjoni bħal JuicePass ma jippreżentawx relazzjoni ta’ kompetizzjoni, li jfisser li r-rifjut li jingħata aċċess ma jista’, bl-ebda mod, iwassal għas-sejba ta’ effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi. Madankollu, it-tieni domanda preliminari ma tirrigwardax din il-kwistjoni, iżda pjuttost dwar jekk l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi tistax tiġi eskluża meta jseħħu ċ-ċirkustanzi deskritti f’din id‑domanda. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-argumenti ta’ Google ma għandhomx għalfejn jiġu indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja iżda minflok jiġu deċiżi fuq il‑mertu tagħhom mill-qorti tar-rinviju.

( 38 ) Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379).

( 39 ) Ibid. (punt 44).

( 40 ) Ibid. (punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata) u s-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 41).

( 41 ) Ibid. (punti 56 u 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 64).

( 43 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Syfait et (C‑53/03, EU:C:2004:673, punti 7172).

( 44 ) Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni — Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti (ĠU 2009, C 45, p. 7, “Il-Gwida tal-Kummissjoni”, punti 28 sa 31).

( 45 ) Ara, għal analiżi kritika, F. Castillo de la Torre, u E. Gippini‑Fournier, Evidence, Proof and Judicial Review in EU Competition Law, Edward Elgar Publishing, 2024, pg. 243 sa 247.

( 46 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 41). Wara din is-sentenza, ġustifikazzjoni oġġettiva tista’ tkun ukoll li l-aġir tal-impriża dominanti jipproduċi effiċjenzi sostanzjali li jegħlbu kwalunkwe effetti antikompetittivi fuq il-konsumaturi. Madankollu, fid-dawl tad‑deskrizzjoni tal‑kawża prinċipali tal-qorti tar-rinviju, din it-tip ta’ ġustifikazzjoni ma hijiex rilevanti hawnhekk.

( 47 ) Ara R. Whish u D. Bailey, op. cit., p. 220, u T. Van der Vijver, “Article 102 TFEU: How to Claim the Application of Objective Justifications in the Case of prima facie Dominance Abuses?”Journal of European Competition Law & Practice, vol. 4, it‑tieni edizzjoni, Oxford University Press, 2013, p. 121-133. Ara wkoll il-Gwida tal‑Kummissjoni, punt 28.

( 48 ) Ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Regards Photographiques (C‑145/18, EU:C:2019:668, punt 43) u tad‑9 ta’ Novembru 2017, AZ (C‑499/16, EU:C:2017:846, punt 24).

( 50 ) L-istudjużi josservaw li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja ħadu approċċ strett għall-ġustifikazzjonijiet oġġettivi. Ara O’Donoghue KC u J. Padilla, op. cit., p. 658.

( 51 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (T‑83/91, EU:T:1994:246, punt 138), ikkonfermata fl-appell fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (C 333/94 P, EU:C:1996:436, punt 37).

( 52 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 42). Ara wkoll is-sentenza fil-kawża Microsoft (punt 688).

( 53 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar, 2020, Generics (UK) et, (C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 166). Ara wkoll is-sentenza Microsoft (punt 698) u s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2022, Google and Alphabet vs Il-Kummissjoni (Google Android) (T‑604/18, EU:T:2022:541, punt 616).

( 54 ) Ara, f’dan is-sens, R. Whish u D Bailey, op. cit., p. 223.

( 55 ) Sentenza fil-kawża Microsoft (punt 688).

( 56 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il‑Kummissjoni (T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 106), fejn il-Qorti Ġenerali qieset li s-sempliċi fatt li bidliet sinjifikattivi fis-sistemi informatiċi, preparazzjonijiet fid‑dettall u diversi serje ta’ testijiet kienu meħtieġa sabiex impriża dominanti tagħti aċċess ma jiġġustifikax fih innifsu stennija ta’ sentejn sabiex jingħata tali aċċess.

( 57 ) Għalkemm id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju ma jikkonċernawx speċifikament il-mod li bih għandha tiġi kkalkolata l-ispiża biex jiġi żviluppat mudell, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li l-ispejjeż għandhom ikunu strettament relatati mar-raġunijiet li jiġġustifikaw il-ħtieġa ta’ mudell u maż-żmien meħtieġ għal dan il-għan. Fatturi oħra, bħall-iżvilupp ta’ mudell wara talba personalizzata, minflok mudell li jkopri kategorija ġenerali ta’ apps, jistgħu wkoll jinfluwenzaw ir‑remunerazzjoni li għandha titħallas mill-impriża li tagħmel it-talba. Fl-aħħar nett, ikun importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-benefiċċju potenzjali li l-impriża dominanti tista’ tikseb mill-introduzzjoni tal-mudell il-ġdid, u, għaldaqstant, l-apps il-ġodda kompatibbli fil-pjattaforma tagħha.

( 58 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 59 ) Sentenza Microsoft (punt 335).

( 60 ) Sentenza tad‑29 ta’ April 2004, IMS Health (C‑418/01, EU:C:2004:257, punt 44).

( 61 ) Ara, għal dan l-għan, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, IMS Health (C‑418/01, EU:C:2004:257, punt 45).

( 62 ) Ara, attwalment, l-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-iskopijet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (C/2024/1645) (l-“Avviż tal‑Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti”).

Az oldal tetejére