This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CC0159
Opinion of Advocate General Szpunar delivered on 25 April 2024.#Sony Computer Entertainment Europe Ltd v Datel Design and Development Ltd and Others.#Request for a preliminary ruling from the Bundesgerichtshof.#Reference for a preliminary ruling – Intellectual property – Copyright and related rights – Legal protection of computer programs – Directive 2009/24/EC – Article 1 – Scope – Forms of expression of a computer program – Concept – Article 4(1)(b) – Alteration of a computer program – Change of the content of the variables stored in the computer’s RAM and used during the running of the program.#Case C-159/23.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati l-25 ta’ April 2024.
Sony Computer Entertainment Europe Ltd vs Datel Design and Development Ltd et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter – Direttiva 2009/24/KE – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Forom ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter – Kunċett – Artikolu 4(1)(b) – Alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter – Modifika tal-kontenut tal-varjabbli maħżuna fil-memorja prinċipali tal-kompjuter u użati matul l-operazzjoni ta’ eżekuzzjoni tal-programm.
Kawża C-159/23.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati l-25 ta’ April 2024.
Sony Computer Entertainment Europe Ltd vs Datel Design and Development Ltd et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter – Direttiva 2009/24/KE – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Forom ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter – Kunċett – Artikolu 4(1)(b) – Alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter – Modifika tal-kontenut tal-varjabbli maħżuna fil-memorja prinċipali tal-kompjuter u użati matul l-operazzjoni ta’ eżekuzzjoni tal-programm.
Kawża C-159/23.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:363
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fil‑25 ta’ April 2024 ( 1 )
Kawża C‑159/23
Sony Computer Entertainment Europe Ltd
vs
Datel Design and Development Ltd,
Datel Direct Ltd,
JS
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il‑Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Protezzjoni ġuridika tal-programmi tal‑kompjuter – Direttiva 2009/24/CE – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Atti suġġetti għal restrizzjonijiet – Artikolu 4(1) –Alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter – Bdil tal-kontenut tal‑varjabbli maħżuna fil-memorja lokali u użati matul l-eżekuzzjoni tal‑programm”
Introduzzjoni
|
1. |
Bis-saħħa kemm tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt internazzjonali li japplika għall-Unjoni ( 2 ), il-programmi tal-kompjuter għandhom jiġu protetti bħala xogħlijiet letterarji fis-sens tal‑Konvenzjoni ta’ Berne ( 3 ). Din il-klassifikazzjoni tista’ tqajjem xi dubji. Jekk, effettivament, programm tal-kompjuter jista’ jippreżenta ruħu fil‑forma ta’ “test”, jiġifieri lista ta’ istruzzjonijiet li għandhom jiġu eżegwiti mill-kompjuter, huwa test speċifiku f’ħafna modi, li ma jixbah lil ebda kategorija oħra ta’ xogħlijiet letterarji. |
|
2. |
L-għan aħħari ta’ tali programm ma huwiex li jiġi moqri jew użat b’xi mod ieħor direttament mill-utent, iżda li jordna l-funzjonament ta’ magna li kapaċi tipproċessa l-informazzjoni, jiġifieri kompjuter. Il-forma utli ta’ programm tal-kompjuter, li fiha dawn il-programmi normalment jiġu mqassma lill-utenti, lanqas ma tista’ tinqara mill-bniedem, għaliex hija intiża li tiġi eżegwita mill-magna. Barra minn hekk, anki il-forma li tista’ tinqara mill-bniedem ta’ programm tal-kompjuter tinftiehem biss mill-persuni kkwalifikati, għaliex hija fformulata f’lingwa artifiċjali (il‑lingwa tal-ipprogrammar), li ħafna drabi ma hijiex aċċessibbli għall‑utenti medji ta’ dawn il-programmi. Minn dan tirriżulta karatteristika partikolarment importanti mill-perspettiva tad-drittijiet tal‑awtur tal-programmi tal-kompjuter bħala xogħlijiet protetti, jiġifieri li, minħabba l-mod kif jiffunzjonaw il-kompjuters, normalment kull użu ta’ programm jeħtieġ att ta’ riproduzzjoni wieħed jew iktar tiegħu, atti li huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet tal‑awtur fuq dan il-programm. |
|
3. |
Għalhekk ma huwiex sorprendenti li l-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter, kif ikkonċepita fid-dritt tal-Unjoni, hija differenti ferm mir-regoli tad-drittijiet tal-awtur “komuni” u teqreb iktar lejn sistema ta’ protezzjoni speċjali ( 4 ). Fil-fatt, din is-sistema ta’ protezzjoni toffri lill‑proprjetarji kontroll ikbar, minn naħa waħda, fuq l-aġir tal-utenti fl‑isfera privata tagħhom, sfera li normalment hija barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, u, min-naħa l-oħra, fuq atti li normalment ma jaqgħux taħt il-monopolju tal-awtur, bħall-alterazzjoni tax-xogħol mill-utent għall-bżonnijiet speċifiċi tiegħu. Dan il-kontroll huwa tant estiż li anki s-sempliċi teħid ta’ konjizzjoni tax-xogħol, li huwa fundamentali fil-każ normali ta’ xogħol letterarju, huwa permissibbli biss bis-saħħa ta’ eċċezzjoni, b’mod limitat u taħt kundizzjonijiet. Barra minn hekk, l-eċċezzjonijiet normalment previsti fid-drittijiet tal-awtur, ibda mill-eċċezzjoni magħrufa bħala “kopja privata”, huma esklużi mis‑sistema ta’ protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter. |
|
4. |
Il-fatt jibqa’ li l-protezzjoni ta’ xogħlijiet letterarji għandha limitazzjoni intrinsika importanti jiġifieri li hija, fil-prinċipju, limitata għall-forma ta’ espressjoni tax-xogħol, fi kliem ieħor tat-test. |
|
5. |
F’din il-kawża, il-kwistjoni hija jekk, u, jekk ikun il-każ, sa fejn, il-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni għall-programmi tal‑kompjuter tista’ tapplika lil hinn mit-test tiegħu stess. Fi kliem ieħor, sa fejn tista’ testendi l-kunċett ta’ “test” fil-każ ta’ tali programmi? |
|
6. |
B’mod konkret, hija kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest ta’ logħob vidjo, huwiex permess għal terzi li joħolqu u għall-utenti li jużaw, mingħajr awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur ta’ dawn il-logħob, programmi li jippermettu li tiġi ffaċilitata logħba filwaqt li jiġu evitati ċerti diffikultajiet ikkonċepiti mill-awtur tagħha, normalment magħrufa bħala “cheat software”. Il-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur ta’ dawn il-logħob vidjo jridu, fl-opinjoni tiegħi, ikollhom “l-aħjar miż-żewġ oqsma”, jiġifieri jissottomettu għall-protezzjoni l-iktar wiesgħa tal‑programmi tal-kompjuter elementi li, l-iktar l-iktar, jistgħu jkunu intitolati għal protezzjoni ħafna iktar limitata tad-drittijiet tal-awtur “komuni”. |
|
7. |
Il-kwistjonijiet f’din il-kawża madankollu jmorru lil hinn mill‑qasam ristrett tal-logħob vidjo, għaliex softwares li jippermettu li programmi tal-kompjuter jintużaw b’mod differenti minn kif oriġinarjament ikkonċepiti jeżistu f’setturi oħra. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt internazzjonali
|
8. |
Skont l-Artikolu 4 tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal‑Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-drittijiet tal-awtur, adottat f’Genève fl‑20 ta’ Diċembru 1996 ( 5 ): “Programmi għall-kompjuter huma protetti bħala xogħlijiet letterarji fis‑sens ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berne. Din il-protezzjoni tapplika għall-programmi għall-kompjuter, jkunu xi jkunu l-mod u l‑għamla ta’ l-espressjoni tagħhom.” |
|
9. |
Dispożizzjoni analogu tinsab fl-Artikolu 10(1) tal-Ftehim dwar l‑Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal‑Kummerċ ( 6 ), li jistipula: “Programmi tal-kompjuter, jekk huma fil-kodiċi tas-sors jew ta’ l-oġġett, għandhom ikunu protetti bħal li kieku kienu xogħolijiet letterarji taħt il‑[Konvenzjoni ta’ Berne].” |
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
10. |
L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2001/29/KE ( 7 ) jistipula: “Ħlief għall-każi msemmija fl-Artikolu 11, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar:
|
|
11. |
Skont l-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:
|
|
12. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/24/KE ( 8 ) jistipula: “1. Skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji skont it-tifsira tal-[Konvenzjoni ta’ Berne]. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu “programmi tal-kompjuter” għandu jinkludi l-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom. 2. Protezzjoni skont din id-Direttiva għandha tapplika għall‑espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter. Ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, m’humiex protetti bid-drittijiet tal-awtur skont din id-Direttiva. 3. Programm tal-kompjuter għandu jkun protett jekk ikun oriġinali fis‑sens li jkun il-ħolqien intellettwali tal-awtur stess. L-ebda kriterji oħra ma għandhom jiġu applikati biex tiġi stabbilita l-eliġibilità tiegħu għall‑protezzjoni. […]” |
|
13. |
Skont l-Artikolu 4(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva: “Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2 għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:
|
|
14. |
Skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva: “Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skont il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball.” |
Id‑dritt Ġermaniż
|
15. |
Id-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija tad-Direttiva 2009/24 ġew trasposti fid-dritt Ġermaniż, b’mod partikolari, fl-Artikoli 69a u 69c tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tad‑9 ta’ Settembru 1965 ( 9 ), kif emendata permezz tal-Liġi tat‑23 ta’ Ġunju 2021 ( 10 ). |
Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari
|
16. |
Sony Computer Entertainment Europe Ltd (iktar ’il quddiem “Sony”), kumpannija stabbilita fir-Renju Unit, tikkummerċjalizza, bħala detentur ta’ liċenzja esklużiva għall-Ewropa, consoles ta’ logħob PlayStation u logħob maħsub għal dawn il-consoles. Sal-2014, Sony kienet tikkummerċjalizza b’dan il-mod, b’mod partikolari, il‑PlayStation Portable (PSP) u l-logħba “MotorStorm: Arctic Edge”, maħsuba għal din il-console. |
|
17. |
Il-kumpanniji Datel Design and Development Ltd u Datel Direct Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, “Datel”), stabbiliti wkoll fir-Renju Unit, jiżviluppaw, jipproduċu u jiddistribwixxu softwares, b’mod partikolari prodotti kumplimentari mal-consoles ta’ logħob ta’ Sony, fosthom is‑software “Action Replay PSP”, kif ukoll tagħmir, it-Tilt FX, li jippermetti l-kontroll tal-PSP permezz ta’ moviment fl-ispazju. |
|
18. |
Is-software ta’ Datel jiffunzjona esklużivament mal-logħob oriġinali ta’ Sony. L-eżekuzzjoni ta’ dan is-software ssir billi tqabbad il‑PSP ma’ kompjuter u billi ddaħħal fil-PSP USB stick li tiċċarġja l‑imsemmi software. Wara r-reboot tal-PSP, l-utent jista’ jagħżel tab addizzjonali fuq din il-console li tippermetti li jsir tibdil għal-logħob ta’ Sony. Dawn il-bidliet jinkludu, pereżempju, fir-rigward tal-logħba “MotorStorm: Arctic Edge”, għażliet li jippermettu kwalunkwe restrizzjoni fl-użu tat-“turbo”(booster) jew fl-għażla tal-kondutturi, peress li parti minnhom normalment ma tiġix attivata ħlief meta jkunu nkisbu numru ta’ punti. |
|
19. |
Fl-ewwel istanza fil-kawża prinċipali, Sony talbet, essenzjalment, li Datel jiġu pprojbiti milli jikkummerċjalizzaw is-softwares tagħha maħsuba sabiex jiffunzjonaw mal-logħob u l-consoles ta’ Sony. Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) laqgħet parzjalment it-talbiet ta’ Sony. Madankollu, din is-sentenza inbidlet fl-appell mill‑Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja), li ċaħdet ir-rikors ta’ Sony kollu kemm hu. |
|
20. |
Il-qorti tar-rinviju, li hija adita minn appell għal Reviżjoni kontra s-sentenza tal-Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg), tirrileva li s-suċċess ta’ dan l-appell jiddependi mill-punt dwar jekk l-użu tas-software inkwistjoni ta’ Datel jiksirx id-dritt esklużiv ta’ alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter. Dan il-punt iqajjem dubji dwar l-interpetazzjoni tal-Artikolu 1(1) sa (3) u tal‑Artikolu 4(1)(b) tad‑Direttiva 2009/24. |
|
21. |
Skont din il-qorti, fil-kawża prinċipali, Sony ssostni b’mod partikolari li, permezz tas-softwares ta’ Datel, l-utenti jibdlu, b’mod illegali fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur, il-programmi tal-kompjuter li fuqhom huma bbażati l-logħob tagħha u li Datel hija responsabbli għal dan. Madankollu, hemm qbil bejn il-partijiet li la s-software inkwistjoni ta’ Datel, u lanqas l-utenti tagħha, ma għandhom aċċess jew b’xi mod jibdlu l-kodiċi ta’ dawn il-programmi. Fil-fatt, dan is-software, li jaħdem fl-istess ħin mal-programm tal-kompjuter ta’ Sony, jibdel biss il‑kontenut tal-varjabbli li l-programm tal-kompjuter protett ħoloq fil‑memorja prinċipali u li juża fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-programm. |
|
22. |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
23. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Marzu 2023. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fil‑25 ta’ Jannar 2024. |
Analiżi
|
24. |
Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-allegat ksur tad-dritt esklużiv ta’ Sony, ibbażat fuq l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2009/24, li jawtorizza kwalunkwe alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter li tiegħu din il‑kumpannija għandha d-drittijiet tal-awtur. Il-qorti tar-rinviju tagħmel żewġ domandi preliminari, skont hi, indipendenti. Madankollu, ir‑risposta għall‑ewwel domanda preliminari hija meħtieġa sabiex tiddetermina r-risposta għat-tieni waħda. Huwa għalhekk li ser nittratta din it-tieni domanda fil-qosor ħafna. |
|
25. |
Bħala rimarka preliminari, nosserva li l-proċedura fil-kawża prinċipali u, għalhekk, id-domandi preliminari, jirrigwardaw biss l‑allegat ksur minn Datel tad-drittijiet esklużivi ta’ Sony fuq il‑programmi tal-kompjuter tagħha li jirriżulta mill-użu mill-utenti ta’ dawn il-programmi tas-software ta’ Datel. Dawn id-domandi għalhekk ma jirrigwardawx l-eventwali ksur tad-drittijiet ta’ Sony kommessi minn Datel waqt l-iżvilupp tas-software tagħha, lanqas ir-responsabbiltà ta’ Datel minħabba eventwali ksur ta’ drittijiet oħra ta’ Sony għajr id‑drittijiet tal-awtur, bħall-ksur tat-trade mark jew il-kompetizzjoni żleali, u lanqas ir-responsabbiltà tal-utenti tas-software ikkontestati. Għalhekk m’iniex ser nittratta dawn is-suġġetti f’dawn il-konklużjonijiet. |
|
26. |
Min-naħa l-oħra, minkejja li l-kawża prinċipali lanqas ma tirrigwarda, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, eventwali ksur tad‑drittijiet tal-awtur ta’ Sony fuq elementi oħra tal-logħob vidjo tagħha apparti l-programmi tal-kompjuter li huma l-bażi ta’ dawn il-logħob, ser neżamina din il-kwistjoni fil-qosor inkwantu tqajmet mill-Kummissjoni u ġiet diskussa bejn il-partijiet waqt is-seduta. |
Fuq l‑ewwel domanda preliminari
|
27. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) sa (3) tad‑Direttiva 2009/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni testendix għall-kontenut tal-varjabbli li l-programm tal-kompjuter protett ħoloq fil‑memorja prinċipali tal-kompjuter u li juża fl-eżekuzzjoni tal‑programm, fis-sitwazzjoni fejn programm ieħor li jaħdem fl-istess ħin mal-programm tal-kompjuter protett ibiddel dan il-kontenut, mingħajr ma jinbidel il-kodiċi oġġett jew il-kodiċi sors ta’ dan l-aħħar programm. |
|
28. |
Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega s-suġġett tal-protezzjoni mogħtija lill-programmi tal-kompjuters mid-Direttiva 2009/24. |
Fuq is‑suġġett tal‑protezzjoni mogħtija mid‑Direttiva 2009/24
|
29. |
Id-Direttiva 2009/24 ma tiddefinixxix il-“programm tal‑kompjuter”. Skont l-espożizzjoni tal-motivi tad‑Direttiva 91/250/KEE ( 11 ), direttiva li ġiet ikkodifikata permezz tad‑Direttiva 2009/24, din l-assenza ta’ definizzjoni kienet maħsuba sabiex tevita li eventwalment jgħaddi żmienha ( 12 ). Din il-prudenza tidher superfluwa, għaliex xorta jista’ jsir riferiment għad-definizzjoni li tinsab f’din l-espożizzjoni tal-motivi, li tipprevedi li dan il-kunċett jiddefinixxi “kumpless ta’ struzzjonijiet li għandhom bħala għan li jitwettqu funzjonijiet minn sistema li tipproċessa l-informazzjoni, imsejħa kompjuter”[traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 13 ). Din id-definizzjoni, li r‑rilevanza tagħha ma kienet affettwata bl-ebda mod mill-progress tekniku, hija punt ta’ tluq perfett tal-analiżi tas-suġġett tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2009/24. |
|
30. |
Minkejja l-assenza ta’ definizzjoni legali tal-kunċett ta’ “programm tal-kompjuter”, id-Direttiva 2009/24 tinkludi numru ta’ spjegazzjonijiet dwar is-suġġett u n-natura tal-protezzjoni li hija tagħti. |
|
31. |
B’hekk, fl-ewwel lok, l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jistipula li l‑programmi tal-kompjuters huma protetti mid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji. Din id-dikjarazzjoni tinkludi konsegwenzi f’dak li jirrigwarda kemm il-portata kif ukoll in-natura tal-protezzjoni inkwistjoni. |
|
32. |
Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, il‑protezzjoni għandha tapplika għall-espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter, bl-esklużjoni tal-ideat u l-prinċipji kollha li jservu ta’ bażi għal kull element ta’ tali programm. Peress li dan huwa prinċipju ġenerali tad-drittijiet tal-awtur, huwa sinjifikattiv li l-leġiżlatur qies li huwa neċessarju li jiddikjara dan espressament fil-parti leġiżlattiva tad-direttiva 2009/24. |
|
33. |
Finalment, fit-tielet lok, l-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-livell ta’ ħtieġa meħtieġ li jintlaħaq sabiex programm ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni, billi jistipula li huwa protett kull programm tal-kompjuter li jkun oriġinali, jiġifieri li jkun ħolqien intellettwali tal-awtur stess, u li l-ebda kriterji oħra ma għandhom jiġu applikati. Minkejja li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix livell ta’ ħtieġa partikolarment għoli sabiex programm tal-kompjuter ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni inkwistjoni, billi jelimina, b’mod partikolari, b’konformità mal-premessa 8 tad-Direttiva 2009/24, kwalunkwe evalwazzjoni tal-kwalità tiegħu jew tal-valur estetiku tiegħu, hija tidher madankollu li teskludi l-protezzjoni tal-elementi, meħuda waħidhom, li ma jikkostitwixxux il-ħolqien intellettwali tal-awtur tal-programm. |
|
34. |
Dawn l-elementi tad-definizzjoni tas-suġġett tal-protezzjoni li jinsabu fid-Direttiva 2009/24 stess ġew żviluppati u spjegati fil‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
35. |
B’hekk, filwaqt li rreferiet għall-Artikolu 10(1) tal-Ftehim TRIPs, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza Bezpečnostní softwarová asociace ( 14 ), li l-protezzjoni mogħtija bid-Direttiva 91/250, li d‑dispożizzjonijiet rilevanti tagħha kienu identiċi għal dawk tad‑Direttiva 2009/24, tkopri l-programm tal-kompjuter fil-forom kollha li jippermettu li jiġi riprodott f’diversi lingwi tal-informatika, jiġifieri, b’mod partikolari, il-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett ( 15 ). F’dik is-sentenza, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li interface tal-utent ma jikkostitwixxix tali forma ta’ espressjoni tal-programm tal-kompjuter, iżda sempliċement element ta’ dan il-programm li permezz tiegħu l-utenti jużaw il‑funzjonalitajiet ta’ dan il-programm, u ma jibbenefikax għalhekk mill‑protezzjoni prevista mid-Direttiva 91/250 ( 16 ). |
|
36. |
Billi bbażat ruħha fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal‑Ġustizzja sussegwentament eskludiet mill-protezzjoni mogħtija mid‑Direttiva 91/250 l-elementi bħall-funzjonalitajiet ta’ programm tal‑kompjuter, il-lingwa tal-ipprogrammar u l-format tal-fajls tad-data użati minn tali programm ( 17 ). L-unika eċċezzjoni tikkonċerna s‑sitwazzjoni li fiha jiġu kkoppjati mill-ġdid il-partijiet tal-kodiċi sors jew tal-kodiċi oġġett relatati mal-lingwa tal-ipprogrammar jew mal-format tal-fajls tad-data, f’liema każ ikun hemm riproduzzjoni parzjali tal‑programm tal-kompjuter ( 18 ). Din l-ispjegazzjoni madankollu ma tikkonċernax il-funzjonalitajiet ta’ programm, għaliex id-distinzjoni bejn il-kodiċi (sors u oġġett) ta’ programm u l-funzjonalitajiet tiegħu hija ċara u netta. |
|
37. |
Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-prattika, il-forom ta’ espressjoni tal-programmi tal-kompjuter protetti skont id‑Direttiva 2009/24 huma l-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett ( 19 ), għaliex jippermettu li jiġi riprodott, kollu kemm hu jew parzjalment, il-programm partikolari. Min-naħa l-oħra, elementi oħra ta’ programm tal-kompjuter fis-sens wiesa’, bħal, b’mod partikolari, il-funzjonalitajiet tiegħu, ma humiex protetti minn din id-direttiva. |
|
38. |
Tali qari tad-Direttiva 2009/24, jew ta’ dik li ppreċedietha, bħala li jillimita l-protezzjoni għall-kodiċi sors u għall-kodiċi oġġett ta’ programm tal-kompjuter huwa konformi man-natura tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji, sistema ta’ protezzjoni magħżula mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Tali protezzjoni tkopri neċessarjament it-test tax-xogħol, sa fejn, fir-rigward ta’ xogħol letterarju, l-espressjoni tal-ħolqien intellettwali tal-awtur tirrifletti ruħha fit-test. Issa, fil-każ ta’ programm tal-kompjuter, it-test huwa l-kodiċi, jiġifieri sensiela strutturata ta’ istruzzjonijiet li permezz tagħhom il‑magna għandha teżegwixxi l-funzjonijiet previsti mill-awtur tal‑programm. |
|
39. |
Huwa bla dubju veru li programm tal-kompjuter fis-sens wiesa’ tiegħu ma jistax sempliċement jiġi ristrett għall-kodiċi tiegħu. Fil-fatt, dak li jinteressa lill-utent, u dak li jinċentivah iħallas il-prezz tal-akkwist ta’ programm tal-kompjuter, ma hijiex il-possibbiltà li jikseb konoxxenza tal-kodiċi ta’ dan il-programm, possibbiltà li normalment ma jkollux xorta waħda, peress li l-programm li jingħata lilu jkun biss fil-forma ta’ kodiċi oġġett, iżda l-funzjonalitajiet tal-imsemmi programm li jippermettu li jinkiseb, bl-għajnuna tal-kompjuter, ċertu riżultat. |
|
40. |
Madankollu, din hija preċiżament l-ispeċifiċità tal-protezzjoni tal‑programmi tal-kompjuter mid-drittijiet tal-awtur li deliberatament ġiet limitata għall-espressjoni “letterali” tal-programm fil-forma ta’ kodiċi. Fil-każ tad-Direttiva 2009/24, din il-volontà tal-leġiżlatur tal‑Unjoni kienet tidher b’mod ċar ħafna mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, li jipprevedi li l-programmi tal-kompjuter huma protetti bħala xogħlijiet letterarji u din il-protezzjoni tapplika biss għall-espressjoni tagħhom, bl‑esklużjoni tal-ideat u tal-prinċipji li fuqhom huma mibnija. Dawn l‑ispjegazzjonijiet ftit iħallu marġni ta’ evalwazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva f’dak li jirrigwarda s-suġġett tal‑protezzjoni u l-limitazzjonijiet tagħha. |
|
41. |
Il-limitazzjoni tal-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter għall‑espressjoni tagħhom fil-forma ta’ kodiċi hija konformi wkoll mal‑għan ta’ din il-protezzjoni. Dan huwa li jipproteġi lill-awturi tal‑programmi mir-riproduzzjoni mhux awtorizzata u l-ikkoppjar ta’ dawn il-programmi, li fl-ambjent diġitali huwa ferm faċli u b’nefqa minima, kif ukoll mid-distribuzzjoni tal-kopji “pirati” tagħhom. Min‑naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter ma għandhiex tostakola la l-iżvilupp tas-softwares kompetittivi jew kompatibbli, jekk ma jikkostitwixxux sempliċi kopji tal-programmi eżistenti, u lanqas l-użu tal-programmi mill-utenti leġittimi fl-isfera privata tagħhom ( 20 ). Huwa għalhekk loġiku li l-Qorti tal-Ġustizzja llimitat il-protezzjoni għall-forom ta’ espressjoni li jippermettu r‑riproduzzjoni totali jew parzjali tal-programm tal-kompjuter ( 21 ). |
|
42. |
Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li hemm lok li tiġi analizzata l-problematika mqajma mill-ewwel domanda preliminari. |
Fuq l‑applikazzjoni f’din il‑kawża
|
43. |
Infakkar li l-ewwel domanda preliminari tkopri l-punt dwar jekk il-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter mogħtija mid‑Direttiva 2009/24 testendix għall-“kontenut tal-varjabbli” li tali programm joħloq fil-memorja tal-kompjuter u juża sussegwentament waqt l-eżekuzzjoni tiegħu. Għalhekk hemm lok li, preliminarjament, jiġi mistoqsi x’ifisser it-terminu “kontenut tal-varjabbli” użat mill-qorti tar‑rinviju. |
|
44. |
Kif tispjega Sony fl-osservazzjonijiet tagħha, fil-qasam tal‑informatika, “varjabbli” ifisser post fil-memorja tal-kompjuter li fih informazzjoni, fi kliem ieħor data, hija introdotta matul l-eżekuzzjoni ta’ programm tal-kompjuter u li għalih dan il-programm jista’ jkollu aċċess sabiex juża din l-informazzjoni fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu. Il‑kodiċi tal-programm normalment jiddefinixxi l-parametri tal-varjabbli, bħal postu fil-memorja, ismu, it-tip ta’ data li tista’ tinħoloq fih, eċċ. ( 22 ) L‑informazzjoni konkreta maħluqa f’tali post tissejjaħ “valur” tal‑varjabbli. Minkejja li l-parametri tal-varjabbli ma jinbidlux matul l‑eżekuzzjoni tal-programm, il-valur tiegħu jista’, minn naħa tiegħu, jinbidel, skont l-informazzjoni li l-programm jikseb minn barra, pereżempju mingħand l-utent. |
|
45. |
Kif indikajt, il-parametri tal-varjabbli jikkostitwixxu elementi integrali tal-kodiċi tal-programm u, suġġett għall-oriġinalità tagħhom, jibbenefikaw mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2009/24. |
|
46. |
Madankollu, mill-espożizzjoni tal-fatti jirriżulta li dawn il‑parametri ma humiex mibdula mis-software inkwistjoni ta’ Datel. Dak li jinbidel huwa l-valur tal-varjabbli, jiġifieri d-data li tinħoloq f’dawn il‑postijiet tal-memorja tal-kompjuter u li l-programm ta’ Sony jieħu inkunsiderazzjoni sussegwentament sabiex jeżegwixxi, skont l‑istruzzjonijiet imniżżla fil-kodiċi tiegħu, funzjonijiet differenti. Bit‑terminu “kontenut tal-varjabbli”, il-qorti tar-rinviju tirreferi għalhekk neċessarjament għall-valur tal-varjabbli. Għalhekk, l-ewwel domanda tkopri l-punt dwar jekk id-Direttiva 2009/24 tippermettix lill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter jopponi li l-valur tal‑varjabbli li jinħoloq fil-memorja tal-kompjuter waqt l-eżekuzzjoni ta’ dan il-programm jiġi mibdul, minħabba l-funzjonament ta’ programm ieħor, meta mqabbel mal-valur li jkun inħoloq mis-sempliċi fatt tal‑funzjonament tal-ewwel programm. |
|
47. |
Din id-domanda titlob, fl-opinjoni tiegħi, risposta negattiva, u dan għal diversi raġunijiet. |
|
48. |
Fl-ewwel lok, il-valur tal-varjabbli ma jikkostitwixxix element tal‑kodiċi ta’ programm tal-kompjuter. Hija biss data, esterna għall‑kodiċi, li l-kompjuter jipproduċi u jerġa’ juża waqt l-eżekuzzjoni tiegħu. Bl-istess mod, il-kontenut ta’ dawn il-konklużjonijiet jikkostitwixxu data esterna mill-perspettiva tas-software tat-trattament ta’ test li bl-għajnuna tiegħu ġew redatti. Din id-data ma teżistix fil‑mument tal-ħolqien tal-programm mill-awtur tiegħu, u lanqas waqt li tkun qed titniżżel fil-memorja tal-kompjuter, għaliex hija ġġenerata biss waqt l-eżekuzzjoni tal-programm. Hija għalhekk ma tistax tippermetti li jiġi riprodott il-programm, u lanqas parti minnu. Issa, kif semmejt ( 23 ), il‑protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2009/24 hija, skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, limitata għall-kodiċi tal‑programmi tal-kompjuter, għaliex huwa l-kodiċi, kemm il-kodiċi sors kif ukoll il-kodiċi oġġett, li jippermetti li jiġi riprodott il-programm. |
|
49. |
Fit-tieni lok, il-valur tal-varjabbli ma jissodisfax il-kriterju ta’ oriġinalità previst fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2009/24, għaliex ma jikkostitwixxix ħolqien intellettwali proprju tal-awtur tal-programm. Fil‑fatt, fil-każ ta’ programmi bħal logħob vidjo ta’ Sony, il-valur tal‑varjabbli inkwistjoni huwa r-riżultat tal-perkors tal-logħba u, għalhekk, finalment, ir-riżultat tal-aġir ta’ min jilgħab. Huwa veru li l‑awtur ikkonċepixxa l-kategoriji tal-varjabbli li huma rreġistrati kif ukoll ir-regoli li bihom il-valur tagħhom huwa stabbilit matul il-logħba. Madankollu, dan il-valur innifsu huwa lil hinn mill-kontroll kreattiv tal‑awtur, għaliex jiddependi neċessarjament minn fatturi imprevedibbli minn qabel, bħall-aġir ta’ min jilgħab. L-imsemmi valur għalhekk ma għandux jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. |
|
50. |
Fit-tielet lok, kif tosserva wkoll il-Kummissjoni, il-valur tal-varjabbli ġġenerat mill-programm huwa ta’ natura instantanja, temporanja u provviżorja, inkwantu jista’ jinbidel matul l-eżekuzzjoni tal‑programm u ħafna drabi jerġa’ jiġi żero waqt l-eżekuzzjoni sussegwenti ta’ dan il-programm. Issa, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l‑espressjoni tal-ħolqien tal-awtur ma għandhiex neċessarjament tkun permanenti sabiex tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mid‑Direttiva 2009/24, hija xorta ħtieġet li s-suġġett tal-protezzjoni ikun identifikabbli bi preċiżjoni u oġġettività suffiċjenti ( 24 ). Fl-opinjoni tiegħi, u kuntrarjament għal dak li ssostni Sony, dan ir-rekwiżit ma huwiex issodisfatt b’element, bħall-valur tal-varjabbli ġġenerat minn programm tal‑kompjuter waqt l-eżekuzzjoni tiegħu, li mhux biss huwa temporanju, iżda wkoll jinbidel b’mod kostanti, kemm waqt din l-eżekuzzjoni kif ukoll waqt kull eżekuzzjoni sussegwenti, iktar u iktar jekk dawn il-bidliet ma jiddependux mill-ħolqien tal-awtur, iżda minn fatturi esterni, bħall-aġir tal-utenti tax-xogħol. |
|
51. |
Għandi nirrimarka li, f’din il-kawża, din il-problema ma għandhiex tiġi riżolta billi jiġi kkunsidrat li l-protezzjoni mid-drittijiet tal-awtur testendi għall-valuri kollha possibbli tal-varjabbli li jinsabu fi programm tal-kompjuter, għaliex, f’dan il-każ, ma jkunx hemm ksur. Software bħal dak ta’ Datel ma jibdilx il-parametri tal-varjabbli, iżda biss il-valur tagħhom. Konsegwentament, jekk il-valuri kollha possibbli jkunu parti mill-programm protett, ma jkun hemm ebda alterazzjoni. |
|
52. |
Madankollu, mill-qari tal-osservazzjonijiet ta’ Sony, jidher li ma humiex tant il-valuri tal-varjabbli meħuda waħidhom li din il-kumpannija tixtieq tipproteġi, iżda pjuttost l-effetti li dawn il-valuri differenti għandhom fuq il-perkors tal-logħba jew, kif tiddeskrivih Sony, “l-esperjenza tal‑logħba maħluqa mill-programmatur”. |
|
53. |
Skont Sony, il-kreattività tal-inventur tidher fil-perkors tal‑programm kollu kemm hu. Issa, huwa l-valur tal-varjabbli li jindika, fost il-perkorsi differenti possibbli tal-programm, dak li ser jiġi effettivament magħżul. Dawn l-istadji tal-perkors tal-programm huma neċessarji għat-twettiq tal-forma ta’ espressjoni ta’ dan il‑programm, li l-eżekuzzjoni tiegħu ssegwi b’hekk ċerti regoli tal-logħob li huma maħżuna fil-kodiċi sors bħala riżultat essenzjali tax-xogħol li sar mill-iżviluppatur tal-logħba. |
|
54. |
Madankollu, jidhirli li, bit-termini “esperjenza tal-logħob”, “perkors tal-programm”, “ħolqien tal-forma ta’ espressjoni” tal‑programm jew inkella “regoli tal-logħob”, Sony tkopri effettivament l-funzjonament tal-programm jew l-ideat u l-prinċipji abbażi ta’ dan il‑programm. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha, Sony tammetti li, f’dan il-każ, il-bidla tal-varjabbli tirrigwarda l-funzjonament tal-programm u li bidla ta’ varjabbli hija ekwivalenti għal intervent fl‑eżekuzzjoni tal-programm. |
|
55. |
Kuntrarjament għal dak li ssostni Sony, il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 35 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma tirrigwardax “speċifikatament il-protezzjoni indipendenti tal-funzjonalitajiet […] u tal‑interfaces tal-utent […]”, b’tali mod li ċerti bidliet tal-funzjonament tal-programm huma suġġetti għall-monopolju tal-awtur. Din il‑ġurisprudenza tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2009/24 billi teskludi, b’mod partikolari, il‑funzjonalitajiet tal-programmi tal-kompjuter, jiġifieri l-funzjonijiet li dawn il-programmi jistgħu jwettqu permezz ta’ kompjuter u l-mod li bih dawn jitwettqu. |
|
56. |
Min-naħa l-oħra, huwa veru li l-ġurisprudenza inkwistjoni ma tirrigwardax l-alterazzjoni, bħal f’dan il-każ, iżda r-riproduzzjoni jew l‑imitazzjoni ta’ elementi li l-protezzjoni tagħhom kienet mitluba. Għalhekk ma nara l-ebda raġuni għal xiex din il-ġurisprudenza ma għandhiex tiġi trasposta għal din il-kawża. Fil-fatt, fl-ewwel lok, fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni espressa f’dan is-sens fit-test tad-Direttiva 2009/24, is‑suġġett tal-protezzjoni ma għandux ikun differenti skont id-dritt esklużiv ikkonċernat. Fit-tieni lok, mill-perspettiva tal-għan tal‑protezzjoni, l-alterazzjoni tal-mod li bih jiffunzjona programm tal‑kompjuter mill-utent leġittimu tiegħu hija ferm inqas ta’ preġudizzju għall-interessi tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il‑programm mir-riproduzzjoni tal-funzjonalitajiet ta’ dan il-programm mill-produttur tal-programm kompetitur. Għalhekk ma hemmx raġuni għal xiex il-protezzjoni kontra tali alterazzjoni għandha tkun iktar wiesgħa minn dik prevista kontra r-riproduzzjoni. |
|
57. |
Għalhekk jiena tal-opinjoni li, fid-dawl kemm tal-kliem tad‑dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2009/24 kif ukoll tal‑ġurisprudenza rilevanti ( 25 ), il-fatt li utent leġittimu ta’ dan il-programm jibdel, waqt l-użu tal-programm u mingħajr ma jibdel il-kodiċi, il-mod li bih l-imsemmi programm jiffunzjona, b’mod mhux konformi mal‑intenzjonijiet ta’ min ħolqu, irrispettivament minn jekk dan ikunx permezz ta’ software terz jew le, ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tal‑awtur fuq programm tal-kompjuter. Bl-istess mod, l-awtur ta’ novella polizjeska ma jistax jipprojbixxi lil min jaqraha milli jmur fi tmiemha sabiex jivverifika min huwa l-qattiel, anki jekk dan itellef il-gost tal-qari u jħassar l-isforzi tal-awtur biex iżomm it-tensjoni għolja. Barra minn hekk, il-protezzjoni mitluba minn Sony hija irrealistika: persuna li tilgħab tista’ sempliċement ma tkunx trid jew ma tkunx kapaċi tipprogressa fil-logħba bil-mod maħsub mill-awtur tagħha u l-logħba ma timxix kif ippjanata. Hawnhekk tkun ukoll kwistjoni ta’ interferenza fid-drittijiet tal-proprjetarju? |
|
58. |
Fl-aħħar lok, Sony tallega, u, fl-opinjoni tiegħi, hawnhekk huwa l‑punt debboli tal-argument, li l-programm inkwistjoni ta’ Datel “jirkeb fuq dak [ta’ Sony] b’mod parassitiku”. Madankollu, hemm lok li jiġi osservat li dan l-argument ikopri iktar kwistjoni ta’ dritt tal‑kompetizzjoni żleali. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tal‑awtur, minkejja li dan jagħti protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni u l‑piraterija, bl-ebda mod ma jagħti protezzjoni kontra l-użu ta’ xogħol ta’ ħaddieħor bħala bażi tal-ħolqien tiegħu stess, tant li ma hemmx riproduzzjoni illegali tax-xogħol protett. |
Proposta ta’ risposta
|
59. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 2009/24 għandu jiġi interpretat fis‑sens li l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva skont din id‑dispożizzjoni ma tkoprix il-kontenut tal-varjabbli li l-programm tal‑kompjuter protett ħoloq fil-memorja prinċipali tal-kompjuter u li juża matul l-eżekuzzjoni ta’ dan il-programm, fis-sitwazzjoni fejn programm ieħor li jiffunzjona fl-istess ħin mal-programm tal-kompjuter protett jibdel dan il-kontenut, mingħajr madankollu ma jibdel il-kodiċi oġġett jew il-kodiċi sors ta’ dan l-aħħar programm. |
Fuq it-tieni domanda preliminari
|
60. |
Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, is-sitwazzjoni deskritta fl-ewwel domanda preliminari, tirrigwardax att suġġett għad-dritt esklużiv tal-awtur skont l‑Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2009/24, jiġifieri att ta’ alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter. Skont l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, din it-tieni domanda hija indipendenti mir-risposta li ser tingħata għall-ewwel waħda. Għalhekk hija kwistjoni dwar jekk jistax ikun hemm alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter minkejja l-fatt li l-kontenut tal-varjabbli ma huwiex is-suġġett tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2009/24. |
|
61. |
Ir-risposta għat-tieni domanda hekk ifformulata ma tistax ma tkunx negattiva. Il-portata tad-drittijiet esklużivi taħt id‑Direttiva 2009/24 ma tistax tkun iktar wiesgħa mis-suġġett tal‑protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva. Fi kliem ieħor, filwaqt li l‑Artikolu 4(1)(b) ta’ din id-direttiva jirreferi għal “alterazzjoni ta’ programm tal-kompjuter”, l-espressjoni “programmi tal-kompjuter” għandha tinftiehem bħala l-elementi protetti skont l-Artikolu 1 tal‑imsemmija direttiva. Ir-risposta għat-tieni domanda preliminari tirriżulta għalhekk direttament minn dik li ser tingħata għall-ewwel waħda, b’tali mod li ma hemmx bżonn li tingħata risposta separata għat‑tieni domanda. |
Osservazzjonijiet addizzjonali
|
62. |
Għal finijiet ta’ kompletezza tal-analiżi tiegħi ta’ din il-kawża nixtieq nagħmel xi rimarki li jirrigwardaw, minn naħa waħda, iċ‑ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, il-mistoqsijiet imqajma fl-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. |
Fuq il-persuna responsabbli mill-alterazzjoni
|
63. |
Jekk, minkejja r-risposta li nipproponi li għandha tingħata għall‑ewwel domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l‑protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2009/24 tkopri wkoll il-kontenut tal-varjabbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija għandha, fl-opinjoni tiegħi, sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta kompleta u utli għar‑riżoluzzjoni ta’ din il-kawża, tibbaża ruħha fuq il-kwistjoni dwar min huwa responsabbli ta’ eventwali ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ dawn il‑varjabbli minħabba l-użu ta’ software bħal dak ta’ Datel. |
|
64. |
Fil-fatt, il-kawża prinċipali hija bejn Sony u Datel u tirrigwarda r‑responsabbiltà ta’ Datel. Madankollu, din ir-responsabbiltà ma tirriżultax minn ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ Sony waqt l-iżvilupp tas‑software minn Datel, iżda mill-alterazzjoni mhux awtorizzata tal‑programm tal-kompjuter ta’ Sony permezz, ċertament, ta’ dan is‑software, iżda mill-utenti tal-imsemmi programm tal-kompjuter, li l‑maġġoranza tagħhom huma, mingħajr dubju, persuni li xtrawh b’mod legali, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24. Huma, għalhekk, bħala regola, dawn l-utenti li għandhom jinżammu responsabbli, għaliex huma jkunu qed iwettqu l-att suġġett għall-awtorizzazzjoni, jiġifieri l‑alterazzjoni tal-programm tal-kompjuter. Kull ma tagħmel Datel huwa li tagħtihom l-għodda neċessarja, fil-forma tas-software tagħha. |
|
65. |
Il-partijiet ġew mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta. Sony u l-Kummissjoni huma tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkabbar il-grupp tal-persuni responsabbli sabiex tinkludi l-produtturi tas‑softwares, bħal Datel, b’analoġija mal-ġurisprudenza tagħha stabbilita fid-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, stabbilit fl-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2001/29. |
|
66. |
Huwa veru li, f’din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet bħala direttament responsabbli tal-ksur tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill‑pubbliku ċerti kategoriji ta’ intermedjarji fil-proċess ta’ komunikazzjoni, li jista’ jingħad li kienu, l-iktar, biss indirettament responsabbli ( 26 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dawn il-persuni, “jintervjen[u], b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir t[agħhom], sabiex jagħt[u] lill-klijenti t[agħhom] aċċess għal xogħol protett, u dan b’mod partikolari meta, fl-assenza ta’ dan l-intervent, dawn il-klijenti ma jkunux jistgħu, jew diffiċilment ikunu jistgħu, igawdu mix-xogħol imxandar”, u dan jikkaratterizza, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “att ta’ komunikazzjoni” ( 27 ). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiddeċiedi li qed iwettqu att ta’ komunikazzjoni d-diretturi ta’ stabbilimenti differenti mgħammra b’settijiet tat-televiżjoni aċċessibbli għall‑pubbliku ( 28 ), il-persuni li jqiegħdu fuq l-internet hyperlinks li jirreferu għal kontenut li ma huwiex aċċessibbli b’mod liberu, saħansitra jqassmu apparat b’tali hyperlinks installati minn qabel ( 29 ), jew inkella persuni li jiġġestixxu siti internet li jqassmu kontenut li jikkontribwixxu għall-atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku illegali ( 30 ). |
|
67. |
Madankollu, hemm lok li tiġi kkunsidrata n-natura speċifika tad‑dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u tal-atti li jaqgħu taħtu. Fil‑fatt, komunikazzjoni lill-pubbliku titlob il-preżenza ta’ żewġ partijiet, l-awtur tal-komunikazzjoni u l-pubbliku. Intermedjarju ( 31 ) li jew jiffaċilita komunikazzjoni, li tkun impossibbli jew estramament diffiċli mingħajru, jew li jkabbar il-grupp tal-membri tal-pubbliku li għandhom aċċess għax‑xogħol, biex b’hekk iwettaq komunikazzjoni sekondarja intiża għal pubbliku ġdid, jagħti b’hekk aċċess għas-suġġetti protetti lil ċertu pubbliku. Hemm għalhekk konfużjoni dwar ir-rwoli rispettivi ta’ atturi differenti u riskju ikbar għall-interessi sostanzjali tal-proprjetarji tad‑drittijiet tal-awtur. Huwa f’dan il-kuntest, u sabiex il-proprjetarji jiġu żgurati livell għoli ta’ protezzjoni mitlub mid-Direttiva 2001/29, li l‑Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ir-responsabbiltà diretta ta’ tali persuni f’ċerti sitwazzjonijiet. |
|
68. |
F’din il-kawża, ma hijiex kwistjoni ta’ dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, iżda tad-dritt li tiġi awtorizzata “kull alterazzjoni” ta’ programm tal-kompjuter, dritt speċifiku tad-Direttiva 2009/24 li ma għandux ekwivalenti fid-Direttiva 2001/29. Issa, atti ta’ alterazzjoni, tal-inqas atti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jipprovdux lill-utenti l-aċċess għax-xogħol protett, għaliex dawn tal-aħħar diġà għandhom dan l-aċċess, fil-maġġoranza tal-każi b’mod legali. Dawn l‑atti lanqas jirrikjedu l-preżenza ta’ żewġ partijiet, għaliex l-utenti jwettquhom fil-forum intern tagħhom, fil-qafas tal-użu tal-programmi tal-kompjuter ta’ Sony. Għalhekk ma jistax ikun hemm intermedjarju u Datel ma huwiex wieħed minnhom. Il-fatt li s-software inkwistjoni ta’ Datel huwa kkonċepit b’mod speċjali sabiex jiffunzjona mal-programmi tal-kompjuter ta’ Sony u li jippermetti lill-utenti li jagħmlu alterazzjoni ( 32 ) ma jibdilx din il-konstatazzjoni. Ir-rwoli huma mqassma b’mod ċar u l‑interessi tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal‑kompjuter huma suffiċjentament protetti, b’mod partikolari minħabba l-mod ta’ distribuzzjoni tagħhom li llum twessa’ ħafna, jiġifieri l-liċenzji ta’ użu u d-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jorbtu lill-utenti. Barra minn hekk, kif diġà semmejt, id-Direttiva 2009/24 għandha l-għan li tipproteġi dawn il-proprjetarji mhux kontra l-fabbrikazzjoni u l-użu ta’ softwares kompatibbli ma’ tagħhom iżda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija. |
|
69. |
Għalhekk ma hemmx sempliċi analoġija bejn is-sitwazzjoni f’din il-kawża u dawk analizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li jirrigwardaw id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Jiena lanqas nemmen li huwa mixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprova tistabbilixxi tali analoġija, peress li l-kwistjonijiet li jirrigwardaw iż-żewġ drittijiet esklużivi inkwistjoni huma differenti ferm. B’hekk, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi li l-protezzjoni mogħtija mid‑Direttiva 2009/24 testendi għall-kontenut tal-varjabbli inkwistjoni fil-kawża, hija jkollha wkoll, fl-opinjoni tiegħi, tiġbed l-attenzjoni tal‑qorti tar-rinviju fuq il-fatt li huma biss l-utenti tas-softwares li jippermettu li dan il-kontenut jiġi mibdul li huma direttament responsabbli ta’ eventwali ksur tad-drittijiet tal-awtur u li l-fabbrikanti tas-softwares bħal Datel jista’ jkollhom biss responsabbiltà sekondarja li madankollu ma hijiex armonizzata fid-dritt tal-Unjoni u għalhekk tista’ tirriżulta biss mid-dritt nazzjonali. |
Fuq il-protezzjoni skont id-Direttiva 2001/29
|
70. |
Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tqis neċessarju li tanalizza aspett li ma tqajjimx fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri l-eventwali protezzjoni ta’ elementi oħra minbarra l-programm tal‑kompjuter stess tal-logħob vidjo ta’ Sony, bħall-elementi grafiċi, akustiċi, viżwali u testwali, jiġifieri l-“istruttura narrattiva” tagħhom ( 33 ). Il‑Kummissjoni tistrieħ fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l‑logħob vidjo jikkostitwixxu materjal kumpless, li l-elementi l-oħra tagħhom apparti l-programm tal-kompjuter stess jistgħu jkunu protetti skont id-Direttiva 2001/29 ( 34 ) u li jistgħu jibbenefikaw minn tali protezzjoni, b’mod partikolari l-interfaces tal-utenti tal-programmi tal‑kompjuter ( 35 ). |
|
71. |
Dan huwa ċertament eżerċizzju intellettwali interessanti li l-Kummissjoni qiegħda tistedinna nagħmlu. Madankollu, nipproponi li dan l-aspett ma għandux jiġi analizzat, u dan għar-raġunijiet segwenti. |
|
72. |
L-ewwel nett, is-suġġett tal-kawża prinċipali huwa limitat għal allegat ksur tad-drittijiet li Sony għandha skont id-Direttiva 2009/24, l‑uniku att tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba mill-qorti tar-rinviju. Huwa veru li l-kwistjoni dwar jekk dan is-suġġett jistax jiġi estiż sabiex jinkludi d-Direttiva 2001/29 ġiet diskussa bejn il‑partijiet waqt is-seduta. Xorta jibqa’ l-fatt li l-kwistjonijiet kollha relatati ma’ din id-direttiva jibqgħu ipotetiċi u mingħajr utilità ċerta għad‑deċiżjoni tal-kawża. |
|
73. |
It-tieni nett, sa fejn il-ksur tad-drittijiet ibbażati fuq id‑Direttiva 2001/29 ma ġiex invokat fil-kawża prinċipali, lanqas nafu liema elementi tal-logħob vidjo ta’ Sony ser ikunu eventwalment ikkonċernati, u lanqas f’hiex ser jikkonsisti l-eventwali ksur. L-ipoteżi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward huma għalhekk purament teoretiċi u ma għandhom l-ebda bażi fil-pretensjonijiet u l-argumenti invokati f’din il-kawża. |
|
74. |
It-tielet nett, huwa fil-fehma tiegħi probabbli ħafna li, bħal kull eventwali ksur tad‑drittijiet ibbażati fuq id-Direttiva 2009/24, il-ksur ta’ dawk ibbażati fuq id-Direttiva 2001/29, f’arranġament bħal dak inkwistjoni f’dan il‑każ, huwa attribwibbli b’mod dirett għall-utenti tal-logħob vidjo u huwa biss b’mod indirett attribwibbli għall-fabbrikant ta’ software bħal Datel. L-osservazzjonijiet kollha li ppreżentajt fil-punti 63 sa 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet jibqgħu validi. |
|
75. |
Fl-aħħar u r-raba’ nett, ma naqbilx mal-konvinzjoni tal‑Kummissjoni li ksur tad-dritt ta’ riproduzzjoni, protett bis-saħħa tal‑Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, jitwettaq bl-użu tas‑software ta’ Datel minn min jixtri b’mod legali logħob vidjo ta’ Sony. |
|
76. |
Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-elementi grafiċi ta’ dawn il-logħob, huwa veru li huma riprodotti fuq l-iskrins ta’ kompjuter ta’ utenti waqt l‑eżekuzzjoni tal-programm. Madankollu, b’mod partikolari fil-każ tal-allokazzjoni ta’ din ir-riproduzzjoni lill-utenti ( 36 ), ma narax raġuni għaliex għandha tiġi eskluża, kif tagħmel il-Kummissjoni, l-applikazzjoni għal din ir-riproduzzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li riproduzzjoni ta’ xogħol fuq l-iskrin waqt ir-riċezzjoni ta’ trażmissjonijiet tat-televiżjoni fis-settur privat taqa’ taħt din id-dispożizzjoni ( 37 ). Issa, l‑istess bħar-riproduzzjoni fuq l-iskrin ta’ trażmissjoni tat-televiżjoni, ir‑riproduzzjoni ta’ elementi grafiċi ta’ logħba vidjo fuq l-iskrin ta’ kompjuter tissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29. Hija effettivament għandha natura provviżorja u tranżitorja, li hija parti integrali u essenzjali ta’ proċess tekniku, u għandha bħala għan li tippermetti użu legali tax-xogħol ( 38 ) u ma għandhiex sinjifikat ekonomiku indipendenti, peress li min xtara b’mod legali l-logħba vidjo diġà ħallas il-prezz tal-akkwist tiegħu. |
|
77. |
Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-“istruttura narrattiva” tal‑logħob vidjo, jidher diffiċli anki għalija li nitkellem, f’dawn iċ‑ċirkustanzi, dwar “riproduzzjoni”. Jekk din l-istruttura tista’ forsi tkun mibdula mix-xerrej leġittimu tal-logħob waqt l-użu tiegħu, madankollu dan ma jagħtix drittijiet esklużivi lill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur taħt id-Direttiva 2001/29. |
|
78. |
Nipproponi għalhekk li l-analiżi f’din il-kawża tiġi limitata għall‑interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/24 biss. |
Konklużjoni
|
79. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li tingħata r-risposta segwenti għad-domandi preliminari tal‑Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja): L-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (verżjoni kkodifikata), għandu jiġi interpretat fis-sens li: il-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva skont din id-dispożizzjoni ma tkoprix il-kontenut tal-varjabbli li l-programm tal-kompjuter protett ħoloq fil-memorja prinċipali tal-kompjuter u li juża matul l-eżekuzzjoni ta’ dan il-programm, fis-sitwazzjoni fejn programm ieħor li jiffunzjona fl-istess ħin mal-programm tal-kompjuter protett jibdel dan il-kontenut, mingħajr madankollu ma jibdel il-kodiċi oġġett jew il-kodiċi sors ta’ dan il-programm tal-aħħar. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Ara l-punti 8, 9 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 3 ) Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iffirmata f’Berne fid‑9 ta’ Settembru 1886, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”).
( 4 ) Barra minn hekk, tali sistema kienet ippjanata fuq il-livell internazzjonali, qabel ma ntgħażlet il-protezzjoni mid-drittijiet tal-awtur, ara “Dispositions types sur la protection du logiciel”, Le Droit d’auteur, Revue mensuelle de l’Organisation Mondiale de la Propriété Intellectuelle (WIPO), 1978, Nru 1, p. 7.
( 5 ) Trattat approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas‑16 ta’ Marzu 2000 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat tal‑WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur u tat-Trattat tal-WIPO dwar il‑Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).
( 6 ) Ftehim li jinsab fl-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80, iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”).
( 7 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l‑armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).
( 8 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il‑protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 2009, L 111, p. 16).
( 9 ) BGBl. 1965 I, p. 1273.
( 10 ) BGBl. 2021 I, p. 1858.
( 11 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114).
( 12 ) COM(88) 816, punt 1.1 (ĠU 1989, C 91, p. 4).
( 13 ) COM(88) 816, punt 1.1 (ĠU 1989, C 91, p. 4). Definizzjoni simili kienet diġà tinsab fid-dispożizzjonijiet standard għall-protezzjoni tas-software tal-WIPO tal-1978 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 14 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010 (C‑393/09, EU:C:2010:816, punti 33 sa 35 u 38).
( 15 ) F’termini sempliċi, il-kodiċi sors ta’ programm tal-kompjuter huwa l-forma ta’ dan il-programm miktuba f’lingwa tal-ipprogrammar u li tinqara mill-bniedem. Il-kodiċi oġġett, prodott mill-kodiċi sors permezz tal-proċess imsejjaħ “compilation”, huwa il-forma tal-programm li jista’ jinqara u li jista’ jiġi eżegwit mill-kompjuter. Fil‑kummerċ, il-programmi huma normalment imqassma taħt il-forma ta’ kodiċi oġġett, li għalhekk ma jistax jinqara mill-bniedem.
( 16 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace (C‑393/09, EU:C:2010:816, punti 41 u 42).
( 17 ) Sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2012, SAS Institute (C‑406/10, EU:C:2012:259, punti 35 sa 39 u l-punt 1 tad-dispożittiv).
( 18 ) Sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2012, SAS Institute (C‑406/10, EU:C:2012:259, punt 43).
( 19 ) Kif ukoll, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, xi materjal preparatorju, li ma huwiex rilevanti f’din il-kawża.
( 20 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 1.3 u 3.6 sa 3.13 tal-espożizzjoni tal-motivi tal‑proposta tad-Direttiva 91/250. L-istess idea hija espressa, b’mod iktar fil-qosor, fil-premessa 2 tad-Direttiva 2009/24.
( 21 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 22 ) Id-dettalji jiddependu, b’mod partikolari, mil-lingwa tal-programm użat.
( 23 ) Ara l-punti 35 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 24 ) Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo (C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 40).
( 25 ) Ara l-punti 35 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 26 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2020:586, punti 66 sa 93).
( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 68).
( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764); tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379); u tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631).
( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644), u tas‑26 ta’ April 2017, Stichting Brein (C‑527/15, EU:C:2017:300).
( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456), u tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503).
( 31 ) F’din l-analiżi ma inix nieħu inkunsiderazzjoni l-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat atti diretti ta’ komunikazzjoni, peress li huwa paċifiku f’din il-kawża li Datel ma twettaqx hija stess l-atti kontenzjużi.
( 32 ) Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li hemm alterazzjoni ta’ programm tal‑kompjuter fis-sens tad-Direttiva 2009/24.
( 33 ) Dan l-aħħar punt jirrifletti l-pretensjonijiet ta’ Sony li tipproteġi l-“esperjenza tal‑logħob”, il-“perkors tal-programm”, il-“ħolqien tal-forma ta’ espressjoni” tal‑programm jew inkella r-“regoli tal-logħob” (ara l-punti 52 u 53 ta’ dawn il‑konklużjonijiet).
( 34 ) Sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2014, Nintendo et (C‑355/12, EU:C:2014:25, punt 23).
( 35 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace (C‑393/09, EU:C:2010:816, punt 46).
( 36 ) Ara l-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 37 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 6 tad-dispożittiv).
( 38 ) Dan il-punt jista’ jidher kontroversjali, sa fejn, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, il‑kuntratti ta’ liċenzja bejn Sony u min jixtri l-programmi tal-kompjuter tagħha jinkludu klawżola li tipprojbixxi l-użu ta’ softwares bħal dak ta’ Datel. Madankollu, id-Direttiva 2001/29, kuntrarjament għall-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24, ma tinkludix dispożizzjoni li tippermetti lill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur li jillimita permezz ta’ kuntratt l-użu personali jew fl-isfera privata tiegħu tax-xogħol mix‑xerrej leġittimu tiegħu. Ir-riproduzzjoni fuq l-iskrin tal-kompjuter ta’ elementi grafiċi ta’ logħba vidjo minn tali xerrej hija għalhekk, fil-prinċipju, legali, sakemm lil tali elementi ma tingħatax il-protezzjoni riżervata biss, permezz tad‑Direttiva 2009/24, għall-programmi tal-kompjuter fis-sens ristrett.