Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CC0088

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-6 ta’ Ġunju 2024.


    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:473

    KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fis‑6 ta’ Ġunju 2024 (1)

    Kawża C88/23

    Parfümerie Akzente GmbH

    vs

    KTF Organisation AB

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Svea Hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala l-Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kummerċ elettroniku – Projbizzjoni tar-restrizzjoni tal-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-inapplikabbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għal fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor u li jipprovdi servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni”






    I.      Daħla

    1.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha diversi okkażjonijiet li teżamina l-prinċipju msejjaħ “tal-pajjiż ta’ oriġini”, stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE (2). Skont dan il-prinċipju, is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jaqgħu, fil-prinċipju u fir-rigward tar-rekwiżiti li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat fis-sens tal-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva, taħt is-sistema legali tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-fornitur ta’ dawn is-servizzi (l-Istat Membru ta’ oriġini). Konformement mal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, bla ħsara għad-derogi previsti fl-Artikolu 3(4) tagħha, Stat Membru ieħor fejn tinsab il-klijentela fil-mira tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (l-Istat Membru ta’ destinazzjoni) ma jistax jillimita l-moviment liberu ta’ dawn is-servizzi.

    2.        Għalhekk, il-kunċett fil-qalba tal-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 huwa dak tal-qasam ikkoordinat. Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tistabbilixxi l-limiti ta’ dan il-kunċett fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni online, permezz ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li joriġina minn Stat Membru ieħor, ta’ prodotti li ma humiex konformi mar-rekwiżiti imposti minn Stat Membru ta’ destinazzjoni. F’dan ir-rigward, il-partikolarità ta’ din il-kawża tinsab fil-fatt li dawn ir-rekwiżiti jimplimentaw l-għażla li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni, fit-territorju tagħhom, tal-prodotti kkonċernati.

    II.    Ilkuntest ġuridiku

    A.      Iddritt talUnjoni

    1.      IdDirettiva 2000/31

    3.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/31, intitolat “Għan u qasam ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

    “1.      Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.

    2.      Din id-Direttiva tressaq, sal-limiti meħtieġa għall-akkwist tal-għanijiet stipulati fil-paragrafu 1, ċerti disposizzjonijiet nazzjonali dwar servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni li jirrigwardaw is-suq intern, l-istabbiliment ta’ dawk li jipprovdu servizzi, komunikazzjonijiet kummerċjali, kuntratti elettroniċi, ir-responsabbilità ta’ intermedjarji, kodiċi ta’ kondotta, ftehim fuq kwistjonijiet barra mill-qorti, azzjonijiet ġudizzjarji u koperazzjoni bejn Stati Membri.

    3.      Din id-Direttiva tikkumplementa l-liġi tal-Komunità applikabbli għal servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-livell ta’ protezzjoni ta’, partikolarment, interessi tas-saħħa pubblika u tal-konsumatur, kif stabbiliti b’atti tal-Komunità u leġislazzjoni nazzjonali li timplimentahom sal-limit[u] li ma jirrestrinġix il-libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.

    4.      Din id-Direttiva ma tistabbilixxix regoli addizzjonali ta’ liġi privata internazzjonali u lanqas ma titratta l-ġurisdizzjoni tal-Qrati.

    […]”

    4.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

    […]

    (h)      ‘qasam ikkordinat’: ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom.

    (i)      Il-qasam ikkordinat jikkonċerna ħtiġijiet li magħhom dak li jipprovdi s-servizz għandu jkun konformi fir-rigward ta’:

    –        il-bidu ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma l-ħtiġijiet li jikkonċernaw kwalifiki, awtorizzazzjoni jew notifikazzjoni,

    –        il-prattika ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma ħtiġijiet li jikkonċernaw l-imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il-kwalità jew kontenut tas-servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti, jew ħtiġijiet li jikkonċernaw ir-responsabbilità ta’ min jipprovdi s-servizz;

    (ii)      Il-qasam ikkordinat ma jkoprix ħtiġijiet bħal ma huma:

    –        ħtiġijiet applikabbli għal merkanzija bħala tali,

    –        ħtiġijiet applikabbli għal kunsinna ta’ merkanzija,

    –        ħtiġijiet applikabbli għal servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezzi elettroniċi.”

    5.        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Suq intern”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.      Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.

    2.      L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

    […]”

    6.        Skont l-Artikolu 6 tal-istess direttiva, li jinsab fit-taqsima dwar il-komunikazzjonijiet kummerċjali, intitolat “Informazzjoni li għandha tkun provduta”:

    “Minbarra l-ħtiġijiet oħra għall-informazzjoni stabbiliti b’liġi tal-Komunità, [l-Is]tati Membri għandhom jassiguraw li komunikazzjonijiet kummerċjali li huma parti minn, jew jikkostitwixxu, servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, [i]kunu konformi mill-anqas ma’ dawn il-kundizzjonijiet:

    (a)      il-komunikazzjoni kummerċjali għandha tkun identifikabbli b’mod ċar bħala tali;

    […]”

    2.      IdDirettiva 2005/29

    7.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/29/KE (3), intitolat “Ambitu ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

    “Fil-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u regoli Komunitarji oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.”

    8.        L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “Infurzar”, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jikkumbattu l-prattiċi kummerċjali żleali sabiex tiġi nfurzata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fl-interess tal-konsumaturi.”

    3.      IdDirettiva 75/324/KEE

    9.        L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 75/324/KEE (4) jipprovdi li “kull aerosol dispenser jew, fejn ma jkunux jistgħu jitqiegħdu partikolaritajiet fuq l-aerosol dispenser minħabba d-dimensjonijiet żgħar tiegħu (kapaċità massima ta’ 150 ml jew inqas) tikketta mwaħħla miegħu għandu jkun fiha l-partikolaritajiet [speċifikati f’din id-direttiva] b’karattri viżibbli, li jinqraw u li ma jistgħux jitħassru”.

    10.      Skont l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, “[l]-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw it-tqegħid fis-suq ta’ aerosol dispensers fit-territorju tagħhom għall-użu ta’ l-ilsien jew l-ilsna nazzjonali tagħhom għall-kliem fuq it-tikketta”.

    4.      IrRegolament Nru 1223/2009

    11.      L-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 (5), intitolat “Tikketti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “prodotti kożmetiċi jitqiegħdu fis-suq biss jekk il-kontenitur u l-imballaġġ tal-prodotti kożmetiċi jkunu juru t-tagħrif [speċifikat f’dan ir-regolament] f’karattri li ma jitħassrux, li jinqraw faċilment u li jidhru sewwa”. B’mod partikolari, tali indikazzjoni għandu jkollha “[l]-prekawzjonijiet partikulari li għandhom jiġu osservati waqt l-użu, u għallinqas dawk elenkati fl-Annessi III sa VI u kull informazzjoni speċjali prekawzjonarja fuq il-prodotti kożmetiċi għal użu professjonali”.

    12.      L-Artikolu 19(5) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li “[l]-lingwa tal-informazzjoni [meħtieġa minn dan ir-regolament] għandha tiġi ddeterminata mil-liġi tal-Istati Membri fejn il-prodott ikun sar disponibbli għall-utent aħħari”.

    B.      Iddritt Svediż

    1.      IlLiġi dwar ilKummerċ Elettroniku

    13.      Il-Lagen (2002:562) om elektronisk handel och andra informationssamhällets tjänster [il-Liġi (2002:562) dwar il-Kummerċ Elettroniku u s-Servizzi l-Oħra tas-Soċjetà tal-Informazzjoni, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kummerċ Elettroniku”], li tittrasponi d-Direttiva 2000/31, tipprevedi, fl-Artikolu 3 tagħha:

    “Fornitur li l-Istat ta’ stabbiliment tiegħu huwa Stat taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] għajr l-Isvezja għandu d-dritt li jipprovdi servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni lil riċevituri fl-Isvezja minkejja r-regoli Svediżi fil-qasam ikkoordinat.

    Madankollu, qorti jew awtorità oħra tista’, skont il-liġi, [taħt kundizzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31,] tieħu miżura li tillimita l-moviment liberu għal tali servizz […]”.

    14.      Skont l-Artikolu 5 ta’ din il-liġi, fil-kuntest tal-qasam ikkoordinat, id-dritt Svediż japplika għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni pprovduti minn fornituri li l-Isvezja hija l-Istat ta’ stabbiliment tagħhom, anki jekk dawn is-servizzi huma intiżi, totalment jew parzjalment, għal riċevituri stabbiliti fi Stat ieħor taż-ŻEE.

    2.      IlLiġi dwar ilPrattiki Kummerċjali

    15.      Il-Marknadsföringslagen (2008:486) (il-Liġi (2008:486) dwar il-Prattiki Kummerċjali, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Prattiki Kummerċjali”], li tittrasponi d-Direttiva 2005/29, tapplika, konformement mal-Artikolu 2 tagħha, b’mod partikolari meta professjonist jippromwovi l-bejgħ ta’ prodotti fil-kuntest tal-attività ekonomika tiegħu.

    16.      Skont l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali” jinkludi r-reklamar u kull miżura oħra intiża, fil-kuntest tal-attività ekonomika tal-professjonist, sabiex tippromwovi l-bejgħ ta’ prodotti u l-aċċess għalihom, inkluż kwalunkwe att jew ommissjoni, jew kwalunkwe miżura jew aġir ieħor tal-professjonist qabel, waqt jew wara l-bejgħ jew il-kunsinna ta’ prodotti lill-konsumaturi jew lill-professjonisti.

    17.      Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija liġi, “[k]ull prattika kummerċjali għandha tkun konformi mal-prattiki kummerċjali leali.”

    18.      L-Artikolu 6 tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej:

    “Kull prattika kummerċjali li tmur kontra l-prattika kummerċjali leali fis-sens tal-Artikolu 5 għandha titqies bħala żleali jekk tbiddel jew tista’ tbiddel il-kapaċità tar-riċevitur li jieħu deċiżjoni kummerċjali informata.”

    19.      L-Artikolu 8 tal-Liġi dwar il-prattiki kummerċjali jipprevedi:

    “Kull prattika kummerċjali li tqarraq fis-sens tad-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 9, 10 jew 12 sa 17 għandha titqies bħala żleali jekk tbiddel jew tista’ tbiddel il-kapaċità tar-riċevitur li jieħu deċiżjoni kummerċjali informata. Il-prattiki kummerċjali qarrieqa msemmija fil-punti 1 sa 23 tal-Anness I tad-[Direttiva 2005/29] għadhom jitqiesu bħala żleali.”

    20.      L-Artikolu 10 ta’ din il-liġi jipprovdi:

    “Il-prattiki kummerċjali ta’ professjonist ma jistgħux jimplikaw l-użu ta’ allegazzjonijiet mhux eżatti jew rappreżentazzjonijiet qarrieqa fuq l-attivitajiet tiegħu jew dawk ta’ professjonist ieħor.

    L-ewwel paragrafu iktar ’il fuq jirrigwarda b’mod partikolari r-rappreżentazzjonijiet li jikkonċernaw:

    […]

    2.      l-oriġini, l-użu u r-riskji tal-prodott, bħall-effetti fuq is-saħħa u l-ambjent,

    […]

    4.      il-prezz tal-prodott, l-elementi tal-kalkolu tal-prezz, l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku fir-rigward tal-prezz u l-modalitajiet tal-ħlas,

    5.      il-kwalifiki, il-pożizzjoni fis-suq, l-impenji, it-trade marks, l-ismijiet kummerċjali, is-sinjali distintivi u drittijiet oħra tal-professjonist jew ta’ professjonisti oħra,

    6.      għotjiet u distinzjonijiet mogħtija lill-professjonist,

    […]

    Professjonist lanqas ma jista’ jħalli barra informazzjoni essenzjali meta jippromwovi l-attività kummerċjali tiegħu jew dik ta’ ħaddieħor. Ommissjoni qarrieqa tfisser ukoll il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni essenzjali b’mod mhux ċar, mhux intelliġibbli, ambigwu jew mhux f’waqtu.”

    21.      L-Artikolu 23 tal-imsemmija liġi jipprevedi li professjonist li l-prattiki kummerċjali jkunu żleali jista’ jiġi pprojbit milli jkompli b’din il-promozzjoni jew bi kwalunkwe miżura oħra simili.

    3.      IdDigriet dwar ilProdotti Kożmetiċi

    22.      Il-Förordning (2013:413) om kosmetiska produkter (id-Digriet (2013:413) dwar il-Prodotti Kożmetiċi, iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar il-Prodotti Kożmetiċi”), jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tiegħu, li, meta prodott kożmetiku jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utent finali fis-suq Svediż, l-indikazzjonijiet meħtieġa, b’mod partikolari, fl-Artikolu 19(1)(d) tar-Regolament Nru 1223/2009, għandhom jiġu indikati bil-lingwa Svediża.

    4.      Irrekwiżiti talAwtorità talProtezzjoni Ċivili għaddispensers talaerosol

    23.      Skont l-Artikolu 3 tal-myndigheten för samhällsskydd och beredskaps föreskrifter om aerosolbehållare (MSBFS 2018:1) (ir-rekwiżiti tal-Awtorità tal-Protezzjoni Ċivili dwar id-dispensers tal-aerosol (MSBFS 2018:1)), id-dispensers tal-aerosol ikkummerċjalizzati għandhom ikunu konformi mal-ħtiġijiet li jirriżultaw minn dawn ir-rekwiżiti u mill-anness tagħhom.

    24.      L-Artikolu 4 ta’ dawn ir-rekwiżiti jipprevedi li, bla ħsara għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (6), kull dispenser tal-aerosol għandu jindika, b’mod li jinqara faċilment u li ma jitħassarx bil-lingwa Svediża, l-isem u l-indirizz jew it-trade mark irreġistrata tal-persuna li tikkummerċjalizza d-dispenser tal-aerosol, is-sinjal “3” (epsilon bil-kontra), indikazzjonijiet li jippermettu l-identifikazzjoni tal-lott tal-produzzjoni, l-indikazzjonijiet elenkati fil-punt 2.2 tal-anness, u l-volum nominali tal-kontenut.

    III. Ilfatti talkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

    25.      Parfümerie Akzente hija kumpannija Ġermaniża li, permezz tas-sit tal-Internet tagħha parfumdreams.se, tippromwovi u tbigħ prodotti għall-kura tax-xagħar u prodotti kożmetiċi oħra fis-suq Svediż u għal klijentela Svediża.

    26.      Il-kumpannija KTF tipprovdi servizzi għal assoċjazzjoni professjonali ta’ impriżi li jimportaw, jimmanifatturaw u jikkummerċjalizzaw prodotti kożmetiċi u iġjeniċi.

    27.      Fi Frar 2020, KFT ressqet azzjoni kontra Parfümerie Akzente quddiem il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u Kummerċjali, l-Isvezja) bil-għan li din tal-aħħar tiġi pprojbita, taħt piena ta’ ħlas ta’ penali, milli twettaq prattiki żleali li jikkonsistu, l-ewwel nett, fl-użu ta’ ċerti indikazzjonijiet promozzjonali speċifiċi fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti kożmetiċi u tal-kura tax-xagħar, it-tieni, fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti kożmetiċi li jinsabu f’dispensers tal-aerosol mhux ittikkettjati bil-lingwa Svediża, bi ksur tal-leġiżlazzjoni Svediża li tittrasponi d-Direttiva 75/324, u, it-tielet, fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti kożmetiċi mhux ittikkettjati bil-lingwa Svediża bi ksur, b’mod partikolari, tal-Artikolu 19(1)(d) u tal-Anness III tar-Regolament Nru 1223/2009.

    28.      Quddiem din il-qorti, KTF sostniet li l-promozzjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi prattika żleali u għalhekk kellha tiġi pprojbita.

    29.      KTF indikat li l-promozzjoni u l-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni kienu jikkonċernaw is-suq Svediż, u li l-promozzjoni kellha effett fl-Isvezja. Skont KTF, id-dispożizzjonijiet Svediżi li jittrasponu d-Direttiva 2000/31, li hija bbażata fuq il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini, huma sussidjarji għad-dispożizzjonijiet Svediżi li jittrasponu d-Direttiva 2005/29, b’tali mod li l-“prinċipju tal-pajjiż milqut”, li huwa impost b’mod ġenerali fid-dritt tal-prattiki kummerċjali, jipprevali fuq il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini.

    30.      Fi kwalunkwe każ, id-Direttiva 2005/29 tinvolvi armonizzazzjoni sħiħa, b’tali mod li r-regoli Svediżi li jirregolaw il-prattiki kummerċjali ma jistgħux jitqiesu li huma iktar stretti mir-regoli simili Ġermaniżi.

    31.      Mingħajr ma ammettiet li kisret id-dispożizzjonijiet Svediżi dwar il-prattiki kummerċjali, Parfümerie Akzente ammettiet li l-promozzjoni u l-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni kienu tabilħaqq jirrigwardaw lill-Isvezja u li hija ma kinitx ittikkettjat il-prodotti tagħha bil-lingwa Svediża minkejja li dawn kellhom jiġu ttikkettjati bil-mod allegat minn KTF. Madankollu, Parfümerie Akzente tqis li d-Direttiva 2000/31 tipprekludi li fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jkun suġġett għal regoli iktar stretti minn dawk tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tiegħu. Il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini jimplika, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tad-dritt Ġermaniż dwar il-prattiki kummerċjali, anki jekk dan id-dritt huwa inqas strett mid-dritt Svediż.

    32.      Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2021, il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talbiet ta’ KTF. Hija kkunsidrat li l-promozzjoni inkwistjoni kienet tikkostitwixxi prattika żleali u, konsegwentement, abbażi tar-regoli Svediżi li jirregolaw il-prattiki kummerċjali, ipprojbixxiet lil Parfümerie Akzente milli tużaha.

    33.      Fl-ewwel lok, il-qorti tal-ewwel istanza eżaminat l-applikabbiltà tad-dritt Svediż dwar il-prattiki kummerċjali għall-indikazzjonijiet promozzjonali inkwistjoni ppubblikati fuq is-sit tal-Internet ta’ Parfümerie Akzente. Hija rrilevat li Parfümerie Akzente kienet fornitur ta’ servizzi stabbilit fil-Ġermanja u li l-bejgħ online tal-prodotti kkonċernati kien jikkostitwixxi servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni. Din il-qorti ddeċidiet ukoll li l-indikazzjonijiet promozzjonali inkwistjoni huma relatati ma’ dan is-servizz u li r-rekwiżiti li għalihom kienu suġġetti jaqgħu fil-qasam ikkoordinat, fis-sens tad-Direttiva 2000/31. Għalhekk, dik il-qorti ddeċidiet li Parfümerie Akzente kellha d-dritt li tipprovdi s-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni tagħha lil riċevituri fl-Isvezja, mingħajr ma tiġi mfixkla milli tagħmel dan mir-regoli Svediżi fil-qasam ikkoordinat.

    34.      It-tieni, il-qorti tal-ewwel istanza ffokat fuq id-Direttiva 2005/29. Hija rrilevat li din id-direttiva hija armonizzata bis-sħiħ, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tagħha kellhom jingħataw l-istess tifsira u kamp ta’ applikazzjoni fl-Unjoni kollha. Barra minn hekk, sa fejn Parfümerie Akzente ma indikatx li d-dritt Svediż dwar il-prattiki kummerċjali kien iktar restrittiv mid-dritt Ġermaniż u sa fejn l-indikazzjonijiet promozzjonali kkontestati kellhom effett fl-Isvezja, xejn ma jipprekludi l-applikazzjoni tar-regoli Svediżi li jirregolaw il-prattiki kummerċjali.

    35.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ttikkettjati ħażin, il-qorti tal-ewwel istanza ma wettqitx eżami simili tal-applikabbiltà tar-regoli Svediżi.

    36.      Parfümerie Akzente appellat minn din is-sentenza quddiem is-Svea Hovrätt Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala l-Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja), il-qorti tar-rinviju.

    37.      Quddiem din il-qorti, KTF ippreċiżat li Parfümerie Akzente kienet ħadet diversi miżuri sabiex tikkummerċjalizza prodotti ttikkettjati ħażin, jiġifieri billi ppromwoviethom fuq is-sit tal-Internet tagħha kif ukoll bil-bejgħ u l-kunsinna tagħhom. F’dan il-każ, ir-rikors ta’ KTF għandu l-għan li jopponi l-metodi kummerċjali kkontestati billi jinvoka d-dritt tal-prattiki kummerċjali.

    38.      Matul il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, saru domandi dwar, minn naħa, l-implimentazzjoni fl-Isvezja tad-Direttiva 2000/31 u l-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, dwar il-portata tal-qasam ikkoordinat.

    39.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Svea Hovrätt Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala l-Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2023, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Frar 2023, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      L-Artikolu (3)2 tad-Direttiva [2000/31/KE] għandu, fid-dawl tar-regoli l-oħra tad-dritt tal-Unjoni u tal-effett utli tiegħu, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha r-regoli nazzjonali li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva [2005/29], ma għandhomx jiġu applikati meta l-fornitur huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor, minn fejn huwa jipprovdi servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, u meta ma jkunux issodisfatti r-rekwiżiti għall-applikazzjoni ta’ deroga li tirriżulta mir-regoli nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31?

    2)      Il-qasam ikkoordinat, fis-sens tad-Direttiva 2000/31, jinkludi l-kummerċjalizzazzjoni fis-sit internet tal-bejjiegħ u l-bejgħ online ta’ prodott li huwa allegatament ittikkettjat bi ksur tar-rekwiżiti applikabbli għall-prodott bħala tali fl-Istat Membru tal-konsumatur li jixtrih?

    3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, ir-rekwiżiti imposti għall-kunsinna u għal prodott bħala tali huma madankollu, skont l-Artikolu 2(h)(ii) tad-Direttiva 2000/31, esklużi mill-qasam ikkordinat fis-sitwazzjoni fejn il-kunsinna tal-prodott bħala tali tikkostitwixxi parti neċessarja tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-bejgħ online, jew inkella għandu jitqies li l-kunsinna tal-prodott bħala tali hija element anċillari u inseparabbli mill-kummerċjalizzazzjoni u mill-bejgħ online?

    4)      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tieni u tat-tielet domanda, x’importanza għandu, jekk ikun il-każ, il-fatt li r-rekwiżiti relatati mal-prodott bħala tali jirriżultaw minn dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw u jikkompletaw regoli tal-Unjoni speċifiċi għal settur, fosthom l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [75/324] u l-Artikolu 19(5) tar-Regolament [Nru 1223/2009], u li jipprovdu li r-rekwiżiti relatati mal-prodott għandhom ikunu ssodisfatti sabiex dan ikun jista’ jitqiegħed fis-suq jew jiġi pprovdut lill-utenti finali fl-Istat Membru?”

    40.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Taljan u dak Svediż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. KTF, il-Gvern Svediż u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni kienu rrappreżentati waqt is-seduta li saret fit‑13 ta’ Marzu 2024.

    IV.    Analiżi

    A.      Fuq ilportata taddomandi preliminari

    41.      Qabelxejn, nosserva li d-domandi preliminari jippreżupponu li l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni minn Parfümerie Akzente fuq is-sit tal-Internet tagħha tikkostitwixxi “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 2000/31, u li din il-kumpannija għandha għalhekk titqies bħala fornitur ta’ tali servizzi. Peress li din il-klassifikazzjoni tidher iġġustifikata fid-dawl ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u ma hijiex ikkontestata mill-partijiet interessati, nibda mill-premessa li s-servizz fornut minn Parfümerie Akzente jaqa’, b’mod ġenerali, taħt il-kunċett ta’ “servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni”.

    42.      Dejjem b’mod preliminari, nikkonstata li l-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari li jikkonċernaw żewġ aspetti intrinsikament marbuta mar-regolamentazzjoni tal-promozzjoni u tal-bejgħ ta’ prodotti online fl-Unjoni.

    43.      Fil-fatt, l-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-marġni ta’ manuvra li għandu Stat Membru ta’ destinazzjoni sabiex japplika, għal fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, id-dispożizzjonijiet tiegħu stess fil-qasam ikkoordinat fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, filwaqt li t-tieni sar-raba’ domanda jirrigwardaw il-limiti ta’ dan il-qasam. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li huwa xieraq li nibda l-analiżi tiegħi tad-domandi preliminari billi neżamina dawk ibbażati fuq il-kunċett tal-qasam ikkoordinat, jiġifieri t-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda.

    B.      Fuq ittieni, ittielet u rraba’ domanda preliminari

    1.      Ilportata tattieni, ittielet u rraba’ domanda preliminari

    44.      Fil-kawża prinċipali, KTF tikkritika lil Parfümerie Akzente, minn naħa, talli użat ċerti indikazzjonijiet promozzjonali fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, talli kkummerċjalizzat ċerti prodotti li ma kinux ittikkettjati b’mod konformi mar-regoli Svediżi. Għalkemm ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jipprovdix dettalji dwar dawn l-indikazzjonijiet promozzjonali, jidher li kienu dikjarazzjonijiet ta’ natura ġenerali (7). It-tieni sar-raba’ domandi għal deċiżjoni preliminari ma humiex magħmula mill-perspettiva tal-indikazzjonijiet promozzjonali inkwistjoni. Għall-kuntrarju, dawn huma marbuta mad-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li allegatament kienu ttikkettjati b’mod ħażin.

    45.      B’mod iktar preċiż, permezz tat-tieni sar-raba’ domandi tagħha, li nipproponi li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qasam ikkoordinat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri l-projbizzjoni tal-promozzjoni u tal-bejgħ online ta’ prodott li huwa allegatament ittikkettjat bi ksur tar-rekwiżiti applikabbli għall-prodott bħala tali fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-konsumaturi fil-mira ta’ dawn il-miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni online u stabbiliti minn dan l-Istat Membru, konformement mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 75/324 u mal-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 1223/2009.

    46.      Ċertament, il-formulazzjoni tat-tieni domanda preliminari tista’ tissuġġerixxi li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk il-promozzjoni u l-bejgħ online jaqgħux taħt il-qasam ikkoordinat anki meta dawn jirrigwardaw prodott li allegatament huwa ttikkettjat b’mod li jikser ir-rekwiżiti applikabbli għall-prodott bħala tali.

    47.      F’dan ir-rigward, nosserva li, teknikament, il-qasam ikkoordinat ma jkoprix l-attivitajiet imwettqa online iżda r-rekwiżiti applikabbli għal tali attivitajiet. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, dan il-qasam ikopri r-rekwiżiti applikabbli għall-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u għal tali servizzi.

    48.      F’dawn iċ-ċirkustanzi u sabiex infakkar dak li huwa ċar, il-“qasam ikkoordinat”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, jinkludi b’mod partikolari r-rekwiżiti dwar “il-prattika ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma ħtiġijiet li jikkonċernaw l-imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il-kwalità jew kontenut tas-servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti, jew ħtiġijiet li jikkonċernaw ir-responsabbilità ta’ min jipprovdi s-servizz”. Din id-dispożizzjoni teskludi, min-naħa l-oħra, minn dan il-qasam ikkoordinat, b’mod partikolari, il-“ħtiġijiet applikabbli għal merkanzija bħala tali [u dawk] applikabbli għal kunsinna ta’ merkanzija [kif ukoll dawk] applikabbli għal servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezzi elettroniċi”.

    49.      Għalhekk, eżami superfiċjali tad-domandi preliminari jwassal sabiex tingħata risposta li r-rekwiżiti dwar il-promozzjoni u l-bejgħ online tal-prodotti kkonċernati jaqgħu fil-qasam ikkoordinat, filwaqt li r-rekwiżiti relatati ma’ dawn il-prodotti bħala tali u mal-kunsinna tagħhom jkunu esklużi minnu. Billi taf li din il-konklużjoni tapplika b’mod intuwittiv, il-qorti tar-rinviju tistieden madankollu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-imsemmija konklużjoni fid-dawl tal-ispeċifiċità ta’ din il-kawża.

    50.      Fil-fatt, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tispjega li t-tieni domanda tirrigwarda l-punt dwar jekk il-“qasam ikkordinat, fis-sens tad-Direttiva 2000/31, jinkludix rekwiżiti dwar il-promozzjoni u l-bejgħ online ta’ prodott li allegatament ma jikkonformax mar-rekwiżiti applikabbli għall-prodott bħala tali”. Issa, kif jirriżulta mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, it-tielet domanda preliminari hija magħmula fil-każ fejn, skont ir-risposta għat-tieni domanda, “il-qasam ikkoordinat [ikopri] ir-rekwiżiti applikabbli għall-promozzjoni u l-bejgħ online”, b’tali mod li jkun “legali li l-prodott jiġi promoss u mibjugħ online lill-konsumatur”.

    51.      Madankollu, ir-“rekwiżiti dwar il-promozzjoni u l-bejgħ online”, li l-applikabbiltà tagħhom għall-fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni hija kkontestata f’din il-kawża, ma humiex iddefiniti b’mod ċar fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat kif il-qorti tar-rinviju tifhem dawn ir-rekwiżiti.

    52.      Ma hemm xejn fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li jindika li l-kritika magħmula lil Parfümerie Akzente tkun limitata għall-fatt li din il-kumpannija ma inkludietx fis-sit tal-Internet tagħha l-indikazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet kollha li, skont id-Direttiva 75/324 u r-Regolament Nru 1223/2009, normalment għandhom jidhru fuq it-tikketta tal-prodott.

    53.      Madankollu, sabiex nipprovdi kull element utli ta’ interpretazzjoni, ser neżamina l-punt dwar jekk id-Direttiva 75/324 u r-Regolament Nru 1223/2009 jeżiġux li l-indikazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet li jipprevedu jintużaw ukoll fil-kuntest tal-promozzjoni u tal-bejgħ online tal-prodotti inkwistjoni. Fil-fatt, għalkemm din il-kwistjoni ma tqumx fil-każ ta’ bejgħ tradizzjonali, peress li l-konsumatur ġeneralment ikollu aċċess għall-prodott li huwa jixtri, dan ma huwiex il-każ fil-kuntest tal-attività online.

    2.      Irrekwiżiti talittikkettjar previsti middritt talUnjoni

    54.      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 75/324 jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jissuġġettaw “it-tqegħid fis-suq ta’ aerosol dispensers fit-territorju tagħhom” għall-użu, għall-kliem fuq it-tikketta, tal-ilsien nazzjonali.

    55.      F’dan ir-rigward, mill-qari tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 75/324 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-indikazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet li għandhom jidhru fuq il-prodott jew, possibbilment, fuq tikketta mwaħħla miegħu. Barra minn hekk, l-għan ta’ din id-direttiva huwa l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti dwar il-karatteristiċi tekniċi tad-dispensers tal-aerosol sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni (8) u, kif jista’ jiġi dedott mill-kontenut tal-indikazzjonijiet meħtieġa fl-Artikolu 8, moqri fid-dawl tal-punt 2.2 tal-anness tal-imsemmija direttiva (9), li tiġi żgurata s-sigurtà tal-utenti tal-prodotti kkonċernati. Min-naħa l-oħra, xejn ma jissuġġerixxi li dawn l-indikazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet huma meħtieġa sabiex jippermettu lill-konsumatur jagħmel għażla informata, peress li l-aspett promozzjonali tal-kummerċjalizzazzjoni tad-dispensers tal-aerosol ma huwiex irregolat mill-istess direttiva.

    56.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, id-Direttiva 75/324 ma teżiġix li l-indikazzjonijiet meħtieġa jintużaw ukoll fil-prattiki kummerċjali relatati mal-promozzjoni u l-bejgħ ta’ dispensers tal-aerosol online.

    57.      Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 19(1) u (5) tar-Regolament Nru 1223/2009, “[i]l-lingwa [ta’ ċerta] informazzjoni [meħtieġa minn dan ir-regolament sabiex prodott kożmetiku jkun jista’ jsir disponibbli fis-suq] għandha tiġi determinata mil-liġi tal-Istati Membri fejn il-prodott ikun sar disponibbli għall-utent aħħari”.

    58.      F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “jsir disponibbli fis-suq” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1223/2009 bħala “kull provvista ta’ prodott kożmetiku għat-tqassim, il-konsum jew l-użu fis-suq Komunitarju matul attività kummerċjali, sew għall-ħlas jew b’xejn” (10).

    59.      Ċertament, dan il-kunċett huwa wiesa’ biżżejjed biex ikopri wkoll prattiki kummerċjali relatati mal-bejgħ ta’ prodotti bħal dawn (11). Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jipprovdi qafas iddettaljat u komplut, fir-Regolament Nru 1223/2009, għall-formulazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kożmetiċi online.

    60.      Tabilħaqq, ir-Regolament Nru 1223/2009 għandu l-għan li jarmonizza b’mod komprensiv ir-regoli fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea sabiex jinkiseb suq intern għall-prodotti kożmetiċi filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem (12). F’dan ir-rigward, l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 19(5) ta’ dan ir-regolament għandha tinkiteb b’lingwa ddeterminata mill-Istat Membru li fih il-prodott jiġi fornut lill-utent aħħari, jiġifieri lil konsumatur jew professjonist li juża l-prodott kożmetiku (13). Għalhekk, l-indikazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet huma maħsuba biss biex jiżguraw is-sigurtà tal-prodotti kożmetiċi matul l-użu tagħhom. Min-naħa l-oħra, dawn ma humiex meħtieġa sabiex il-konsumatur ikun jista’ jagħmel għażla informata bejn il-prodotti. Fil-fatt, il-konsumatur finali ma jkunx neċessarjament dak li xtara l-prodotti kożmetiċi (14).

    61.      F’dan ir-rigward, ir-rekwiżiti tal-ittikkettjar, previsti, fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1223/2009, ma jistgħux jiġu konfużi ma’ dawk dwar l-indikazzjonijiet dwar il-prodotti kożmetiċi, imsemmija fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament (15), peress li dawn tal-aħħar japplikaw għal kull komunikazzjoni testwali marbuta ma’ dawn il-prodotti (16), inkluża dik li tippermetti lill-konsumatur jagħmel għażla informata bejn il-prodotti (17).

    62.      Għalhekk, ir-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar previsti mid-Direttiva 75/324 u mir-Regolament Nru 1223/2009 għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-utenti tal-prodotti kkonċernati u, bħala tali, jissodisfaw il-funzjoni tagħhom fil-kuntest tal-użu ta’ tali prodotti. Dawn ir-rekwiżiti għalhekk jikkonċernaw pereċċellenza s-sigurtà tal-prodotti inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, l-indikazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet meħtieġa minn dawn iż-żewġ atti tad-dritt tal-Unjoni ma jikkonċernawx il-promozzjoni ta’ dawn il-prodotti u ma għandhomx l-għan li jippermettu lil konsumatur jieħu deċiżjoni informata li jixtri prodott speċifiku. Għaldaqstant, dawn ma għandhomx neċessarjament jintużaw fil-kuntest tal-promozzjoni u tal-bejgħ online tal-prodotti kkonċernati.

    3.      Ilprojbizzjoni talkummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li ma jikkonformawx marrekwiżiti tassigurtà

    63.      Peress li warrabt l-interpretazzjoni li l-indikazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet meħtieġa mid-Direttiva 75/324 u mir-Regolament Nru 1223/2009 għandhom jintużaw ukoll fil-kuntest tal-promozzjoni u tal-bejgħ online, ir-riferiment tal-qorti tar-rinviju għar-“rekwiżiti dwar il-promozzjoni u l-bejgħ online ta’ prodott li allegatament ma jikkonformax mar-rekwiżiti applikabbli għall-prodott bħala tali” għandu jinftiehem fis-sens li din il-qorti għandha dubji dwar il-possibbiltà li Parfümerie Akzente tiġi pprojbita milli tippromwovi u tbigħ online prodotti li ma humiex ittikkettjati bil-lingwa Svediża.

    64.      Fil-fatt, minn naħa, il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talbiet ta’ KTF intiżi li jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti allegatament ittikkettjati ħażin li, skont din il-kumpannija, ma jistgħux legalment jiġu promossi jew jinbiegħu lill-utenti aħħarin fl-Isvezja. Min-naħa l-oħra, Parfümerie Akzente rrikonoxxiet li hija kienet wettqet il-promozzjoni u l-bejgħ tal-prodotti kkonċernati, li dawn il-prodotti kellhom jiġu ttikkettjati bil-mod allegat minn KTF u li t-tikketta tagħhom ma kinitx miktuba bil-lingwa Svediża. Permezz tal-appell tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, Parfümerie Akzente tidher li tikkontesta l-applikabbiltà tar-regoli Svediżi, b’mod partikolari għall-promozzjoni u għall-bejgħ online tal-imsemmija prodotti f’dan l-Istat Membru.

    65.      Għalhekk, ir-rekwiżiti applikabbli għall-promozzjoni u għall-bejgħ online, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, huma limitati għall-projbizzjoni li jiġu promossi u mibjugħa prodotti ttikkettjati bi ksur tar-regoli tas-sigurtà applikabbli għall-prodotti kkummerċjalizzati fit-territorju Svediż jew fornuti lill-konsumaturi finali fl-Isvezja.

    4.      Ilprojbizzjoni inkwistjoni u lqasam ikkoordinat

    66.      L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 75/324 jippermetti lill-Istat Membru ta’ kummerċjalizzazzjoni jeżiġi li t-tikketta sħiħa ta’ dispenser tal-aerosol tkun miktuba bil-lingwa jew lingwi nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru. Bl-istess mod, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 1223/2009 għandha tkun aċċessibbli bil-lingwa ddeterminata mill-Istat Membru li fih il-prodott kożmetiku jsir disponibbli għall-utent aħħari.

    67.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/324 u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1223/2009 jipprevedu, f’termini kważi identiċi, li l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jikkonċernaw ir-rekwiżiti li jinsabu f’dawn l-atti tad-dritt tal-Unjoni, jirrifjutaw, jipprojbixxu jew jillimitaw il-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju tagħhom ta’ prodott li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dawn l-atti. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, dawn huma prodotti li ma jirrispettawx is-sistema lingwistika ddeterminata mir-Renju tal-Isvezja, konformement mal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 19(5) ta’ dan ir-regolament. Il-kwistjoni li tqum hija jekk dan l-Istat Membru jistax jipprojbixxi l-promozzjoni u l-bejgħ online ta’ tali prodotti lil konsumaturi fl-imsemmi Stat Membru.

    68.      A priori, tali projbizzjoni, minn Stat Membru ta’ destinazzjoni, tal-promozzjoni u l-bejgħ online tmur kontra l-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva, din tapplika għal servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bla ħsara għal-livell ta’ protezzjoni ta’, b’mod partikolari, interessi tas-saħħa pubblika u tal-konsumatur, kif stabbiliti b’atti tad-dritt tal-Unjoni u leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimentahom sal-limitu li ma jillimitawx il-moviment liberu ta’ tali servizzi. Għalhekk, il-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva għandu prijorità fuq ir-regoli protettivi li jillimitaw il-moviment tas-servizzi online.

    69.      Madankollu, il-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni huwa rregolat mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat, jillimitaw il-moviment liberu ta’ tali servizzi minn Stat Membru ieħor. Il-projbizzjoni inkwistjoni tikkonċerna l-promozzjoni u l-bejgħ online ta’ prodotti li ma humiex konformi mar-rekwiżiti relatati mal-oġġetti bħala tali. Din il-projbizzjoni hija bbażata, pereċċellenza, fuq raġunijiet li ma jaqgħux fil-qasam ikkoordinat u hija intiża sabiex tiżgura l-effettività ta’ dawn ir-rekwiżiti.

    70.      Bħala estensjoni ta’ dan ir-raġunament, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(h)(i) tad-Direttiva 2000/31, il-qasam ikkoordinat jinkludi rekwiżiti li l-fornituri ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni għandhom josservaw sabiex, mill-perspettiva ta’ Stat Membru kkonċernat, l-eżerċizzju ta’ attività ta’ dan is-servizz ikun regolari. L-irregolarità tal-kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni ma tirrigwardax metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni jew aspett speċifiku ta’ dik il-kummerċjalizzazzjoni, iżda tirriżulta direttament u esklużivament min-nuqqas ta’ osservanza, mill-prodotti kkummerċjalizzati, tar-regoli dwar is-sigurtà applikabbli għall-prodotti skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

    71.      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni online ta’ prodotti li ma humiex konformi mar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti ma taqax f’dan il-qasam hija kkorroborata wkoll mil-lezzjonijiet li jistgħu jinsiltu mis-sentenza Ker-Optika (18), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kummerċjalizzazzjoni permezz tal-Internet tal-lentijiet tal-kuntatt fid-dawl tad-Direttiva 2000/31.

    72.      Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fil-kuntest ta’ tali kummerċjalizzazzjoni, tista’ ssir distinzjoni bejn diversi elementi, jiġifieri, fost oħrajn, l-ewwel nett, l-att tal-bejgħ fil-veru sens tal-kelma li huwa kkaratterizzat mill-offerta ta’ kuntratt online u l-konklużjoni ta’ kuntratt b’mezz elettroniku, it-tieni, il-kunsinna tal-prodott mibjugħ u, it-tielet u b’mod fakultattiv, element li jseħħ qabel il-bejgħ jew il-kunsinna, bħal li l-klijent jikkonsulta tabib (19).

    73.      Wara li għamlet din id-distinzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, minn naħa, li l-qasam ikkoordinat ikopri d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu, b’mod partikolari, l-offerta online u l-konklużjoni tal-kuntratt b’mezzi elettroniċi (20). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet bħala kwistjoni ta’ liġi u mingħajr ebda riżerva li “skont it‑termini stess tal‑Artikolu 2(h)(ii) tad‑Direttiva 2000/31, il‑qasam ikkoordinat ma jkoprix ir‑rekwiżiti applikabbli għall‑kunsinna ta’ oġġetti fir‑rigward ta’ liema ġie konkluż kuntratt b’mezzi elettroniċi” u li, għalhekk, ir-regoli nazzjonali li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet li skonthom l-oġġetti mibjugħa permezz tal-Internet jistgħu jiġu kkunsinnati fit-territorju ta’ Stat Membru ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (21). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi “l-kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal-kuntatt permezz tal-internet [kienet] tirrigwarda modalità ta’ bejgħ ikkaratterizzata mill-kunsinna ta’ tali lentijiet fid-domiċilju tal-konsumatur”, din il-leġiżlazzjoni kellha tiġi eżaminata mhux fid-dawl tal-imsemmija direttiva iżda fid-dawl tat-Trattat (22).

    74.      Għalhekk, minn naħa, il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni online ta’ prodotti li ma humiex konformi mar-rekwiżiti applikabbli għall-oġġetti bħala tali ma tistax titqies li taqa’ taħt il-qasam ikkoordinat. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 ma jipprekludix lil Stat Membru ta’ destinazzjoni milli jipprojbixxi l-promozzjoni u l-bejgħ online ta’ tali prodotti.

    75.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jifdal li jiġi eżaminat jekk, kif tippreżupponi t-tielet domanda preliminari kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, din il-konklużjoni hijiex ikkontestata mil-lezzjonijiet li jinsiltu mis-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (23) sa fejn minn din is-sentenza jirriżulta li ċerti attivitajiet inseparabbli u anċillari għall-attivitajiet online jaqgħu fil-qasam ikkoordinat.

    5.      Littikkettjar bħala element inseparabbli u anċillari talpromozzjoni u lbejgħ online

    76.      Il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-każ ta’ bejgħ online fejn il-bejgħ mill-fornitur huwa kompletament intiż għal konsumaturi fi Stat Membru ieħor, li fih dan il-fornitur ma huwiex stabbilit, il-kunsinna tal-prodott neċessarjament tagħmel parti mis-servizz u għalhekk tista’ tikkostitwixxi element inseparabbli u anċillari. F’dan il-każ, fil-fatt, il-kunsinna tal-prodott bħala tali hija kundizzjoni essenzjali tal-bejgħ online. Din il-linja ta’ ħsieb, ispirata mis-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online), twassal sabiex jitqies li r-rekwiżiti relatati mal-kunsinna jew mal-prodott bħala tali jaqgħu, bħar-rekwiżiti relatati mal-attività online, fil-qasam ikkoordinat. Fil-prattika, Parfümerie Akzente hija għalhekk awtorizzata tipprovdi, lill-konsumaturi fl-Isvezja, prodotti kożmetiċi ttikkettjati konformement mal-liġi tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha.

    77.      Dan ir-raġunament ma huwiex konvinċenti fil-fehma tiegħi. Fil-fatt, jekk tiġi segwita l-loġika li fuqha hija bbażata t-tielet domanda, din twassal sabiex jitqies li, mill-perspettiva tad-Direttiva 2000/31, il-kunsinna ta’ kull prodott mibjugħ online tikkostitwixxi, minnha nnifisha, element neċessarju u inseparabbli mis-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.

    78.      Il-lezzjonijiet misluta mis-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) ma jinvokawx lanqas favur l-imsemmi raġonament. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddetermina jekk kampanja ta’ reklamar fuq bosta mezzi, imwettqa kemm permezz ta’ mezzi elettroniċi kif ukoll permezz ta’ mezzi fiżiċi, kinitx taqa’ kollha kemm hi fil-qasam ikkoordinat.

    79.      F’dan ir-rigward, il-Qorti qieset, l-ewwel nett, li “tali reklamar huwa intiż, fl-intier tiegħu, u indipendentement mill-proċedura li permezz tagħha huwa jsir effettivament, sabiex jiġbed lejn is-sit internet [tal-fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni inkwistjoni] konsumaturi potenzjali u sabiex jippromwovi l-bejgħ tal-prodotti tagħha online” (24) li bis-saħħa tiegħu jikseb is-sens ekonomiku kollu tiegħu (25). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li jkun artifiċjali li jitqies li l-parti tar-reklamar magħmula online taqa’ taħt il-qasam ikkoordinat u li tiġi eskluża minn dan il-qasam il-parti tar-reklamar magħmula permezz ta’ mezzi fiżiċi (26). Fl-aħħar nett, hija għamlet riferiment għall-kliem tal-Artikolu 2(h)(i) tad-Direttiva 2000/31, li jipprevedi li, fost l-oħrajn, ir-rekwiżiti tar-reklamar jaqgħu fil-qasam ikkoordinat (27).

    80.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-reklamar inkwistjoni kien jikkostitwixxi element anċillari u inseparabbli tas-servizz ta’ bejgħ online u jaqa’, għal din ir-raġuni, fl-intier tiegħu, taħt il-“qasam ikkoordinat”, fis-sens tad-Direttiva 2000/31 (28).

    81.      Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għal dan il-każ.

    82.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-ittikkettjar tal-prodotti ma huwiex anċillari, fis-sens tas-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online), għall-promozzjoni u għall-bejgħ online tagħhom, peress li ma jservix sabiex jippromwovi dawn il-prodotti lill-konsumaturi, iżda sabiex jippermettilhom li jkollhom informazzjoni dwar l-użu tal-prodott u dwar il-mod kif jintuża, sabiex jiġi żgurat l-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem (29).

    83.      Fit-tieni lok, filwaqt li l-Artikolu 2(h)(i) tad-Direttiva 2000/31 iħalli ċertu marġni ta’ manuvra sabiex jitqies li r-rekwiżiti dwar l-attività ta’ reklamar jaqgħu fil-qasam ikkoordinat, l-Artikolu 2(h)(ii) ta’ din id-direttiva jeskludi minn dan il-qasam, b’mod definittiv, ir-rekwiżiti applikabbli għall-oġġetti bħala tali. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 21 tal-imsemmija direttiva, li tistabbilixxi li l-qasam ikkoordinat ma jikkonċernax ir-rekwiżiti legali tal-Istati Membri dwar oġġetti bħal, fost oħrajn, ir-regoli dwar is-sigurtà jew l-obbligi dwar l-ittikkettjar.

    84.      It-tielet, kif osservajt (30), l-interpretazzjoni li l-obbligi dwar l-ittikkettjar huma esklużi mill-qasam ikkoordinat minkejja r-rabta tagħhom mal-attività online hija kkorroborata mil-lezzjonijiet misluta mis-sentenza Ker-Optika (31). Ċertament, f’din is-sentenza, il-Qorti ffokat fuq ir-rekwiżiti applikabbli għall-kunsinna ta’ oġġetti mibjugħin online, filwaqt li dan il-każ jikkonċerna r-rekwiżiti applikabbli għall-oġġetti bħala tali. Madankollu, id-Direttiva 2000/31 tittratta dawn iż-żewġ tipi ta’ rekwiżiti bl-istess mod

    85.      F’dan ir-rigward, tista’ madankollu tiġi identifikata karatteristika tar-rekwiżiti applikabbli għall-oġġetti bħala tali li, mill-perspettiva tar-rabta tagħhom mal-promozzjoni u l-bejgħ online, tiddistingwihom minn dawk applikabbli għall-kunsinna. Fil-fatt, l-ebda element tal-kunsinna ma jidher direttament fil-kuntest tal-promozzjoni u tal-bejgħ online, filwaqt li ċerti elementi ta’ tikketta jistgħu jiġu riprodotti fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni online tal-prodotti kkonċernati. L-argumenti tal-Gvern Taljan u tal-Gvern Franċiż jirriflettu tali karatteristika tar-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar.

    86.      Madankollu, kif diġà osservajt, ma hemm xejn fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li jindika li l-kritika magħmula lil Parfümerie Akzente hija limitata għall-fatt li din il-kumpannija ma inkludietx fis-sit tal-Internet tagħha l-indikazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet kollha li, skont id-Direttiva 75/324 u r-Regolament Nru 1223/2009, normalment għandhom jidhru fuq it-tikketta tal-prodott (32). Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni meħtieġa minn dawn iż-żewġ atti tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex neċessarjament tintuża fil-kuntest tal-promozzjoni u tal-bejgħ online tal-prodotti kkonċernati (33).

    87.      Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, l-interpretazzjoni li r-rekwiżiti relatati mal-oġġetti bħala tali huma esklużi mill-qasam ikkoordinat minkejja r-rabta tagħhom mal-attività online (li timplika li l-fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni ma jistax jinvoka l-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini sabiex ma jkunx marbut minn dawn ir-rekwiżiti) ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li konsumatur Svediż jista’, billi jinjora tali rekwiżiti fis-seħħ fl-Istat Membru tiegħu, imur fi Stat Membru ieħor u jixtri hemmhekk il-prodotti ttikkettjati b’lingwa li huwa ma jifhimx. Tali każ speċifiku ħafna ma jikkorrispondix għall-ipoteżi tal-bejgħ ta’ prodotti fl-Isvezja minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor (34). Għalhekk, il-fatt li, fl-Unjoni, konsumatur jista’ jivvjaġġa biex jakkwista prodott li jikkonforma mar-rekwiżiti lokali ma jikkontesta bl-ebda mod l-applikazzjoni distributtiva fi ħdan l-Unjoni tar-rekwiżiti previsti mill-Istati Membri kkonċernati u applikabbli għall-prodotti bħala tali, billi b’hekk joħolqu tip ta’ mużajk regolatorju. Fil-fatt, skont il-loġika tal-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31, kull Stat Membru jista’ jimponi tali rekwiżiti fit-territorju tiegħu.

    88.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għat-tieni, għat-tielet u għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qasam ikkoordinat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jkoprix il-projbizzjoni tal-promozzjoni u tal-bejgħ online ta’ prodott ittikkettjat bi ksur tar-rekwiżiti applikabbli għall-prodott bħala tali fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-konsumaturi fil-mira ta’ dawn il-miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni online u stabbiliti minn dan l-Istat Membru, konformement mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 75/324 u mal-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 1223/2009.

    89.      Għal raġunijiet ta’ kompletezza, nosserva li għalkemm din il-projbizzjoni ma taqax fil-qasam ikkoordinat fis-sens tad-Direttiva 2000/31, hija għandha madankollu tikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, id-domandi tal-qorti tar-rinviju huma limitati għall-fatt dwar jekk l-imsemmija projbizzjoni taqax fil-qasam ikkoordinat. Għalhekk ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni.

    C.      Fuq lewwel domanda preliminari

    90.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 jipprekludix lil Stat Membru milli, fit-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, jistabbilixxi prinċipju li, bla ħsara għad-derogi previsti fl-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, ir-regoli nazzjonali li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tal-imsemmija direttiva, la japplikaw għal fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor u lanqas għas-servizz fornut minnu.

    91.      Din id-domanda tidher li saret fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari fis-sens li l-projbizzjoni tal-promozzjoni u tal-bejgħ online tal-prodotti li allegatament kienu ttikkettjati ħażin taqa’ fil-qasam ikkoordinat.

    92.      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-analiżi tiegħi ta’ dawn it-tliet domandi, la r-rekwiżiti kkontestati fil-qasam tal-ittikkettjar tal-prodotti fil-kawża prinċipali u lanqas il-projbizzjoni tal-promozzjoni u tal-bejgħ online ta’ prodott li jkun ittikkettjat b’mod li jikser dawn ir-rekwiżiti ma jaqgħu fil-qasam ikkoordinat fis-sens tad-Direttiva 2000/31. Għalhekk, ir-risposta tiegħi għall-imsemmija domandi għandha tkun suffiċjenti sabiex jitneħħew id-dubji tal-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari.

    93.      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li din id-domanda tista’ tinftiehem fis-sens li toriġina mhux mit-talbiet ta’ KTF dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li allegatament kienu ttikkettjati ħażin, iżda talbiet tagħha li Parfümerie Akzente użat ċerti indikazzjonijiet promozzjonali ta’ natura ġenerali fuq is-sit tal-Internet tagħha (35).

    94.      F’dan ir-rigward, nirrileva li l-qorti tal-ewwel istanza ma eżaminatx fid-dettall il-kwistjoni dwar jekk ir-regoli Svediżi fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali japplikawx għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li allegatament kienu ttikkettjati ħażin. Madankollu, din il-qorti staqsiet jekk dawn ir-regoli japplikawx għall-indikazzjonijiet promozzjonali ta’ natura ġenerali u kkunsidrat, essenzjalment, li dan huwa l-każ (36).

    95.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li l-qorti tar-rinviju tqis li d-dispożizzjoni Svediża li tittrasponi l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 tipprekludi l-applikazzjoni tar-regoli Svediżi fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali għal dawn il-pretensjonijiet promozzjonali u, għal din ir-raġuni, li tiddubita l-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni ta’ traspożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni.

    96.      Madankollu, anki jekk jiġi preżuppost li l-qari tal-ewwel domanda li għadni kif esponejt jikkorrispondi għad-dubji tal-qorti tar-rinviju, tali domanda ma tirriżultax b’mod ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari u, fi kwalunkwe każ, tibqa’ fil-biċċa l-kbira ipotetika u astratta.

    97.      Fil-fatt, għalkemm id-domanda preliminari tirrigwarda l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31, il-qorti tar-rinviju ma tidentifika l-ebda restrizzjoni potenzjali għall-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha l-għan li tiggarantixxi.

    98.      Dejjem f’dan il-kuntest, skont din l-interpretazzjoni tal-ewwel domanda, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-punt dwar jekk, sabiex il-fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor ikun jista’ jiġi ssanzjonat, ir-regoli fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali, previsti mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni, għandhomx japplikaw għal dan is-servizz. Issa, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 pjuttost jiddetermina l-każijiet li fihom ir-regoli ta’ dan l-ewwel Stat Membru ma jistgħux japplikaw għal tali servizz.

    99.      Finalment, il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li, jekk ir-regoli Svediżi ma humiex applikabbli, l-aġir li jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali ma jistax jiġi ssanzjonat fi proċedura quddiem il-qrati Svediżi. Fil-fatt, dawn il-qrati lanqas ma jkunu jistgħu japplikaw ir-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-Istat Membru ta’ oriġini (37). Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tagħmilx domanda dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 2005/29 u tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-direttiva u, konsegwentement, ma tagħtix lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li teżamina l-premessa li tista’ tkun is-sors tad-dubji li għandhom jitneħħew sabiex din il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi dwar it-tilwima li għandha quddiemha.

    V.      Konklużjoni

    100. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Svea Hovrätt Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala l-Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja) kif ġej:

    L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    il-qasam ikkoordinat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jkoprix il-projbizzjoni tal-promozzjoni u tal-bejgħ online ta’ prodott ittikkettjat bi ksur tar-rekwiżiti applikabbli għall-prodott bħala tali fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-konsumaturi fil-mira ta’ dawn il-miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni online u stabbiliti minn dan l-Istat Membru, konformement mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/324/KEE tal‑20 ta’ Mejju 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati ma’ l-aerosol dispensers u mal-Artikolu 19(5) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi.


    1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


    2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


    3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22 u Korriġendum fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).


    4      Direttiva tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati ma’ l-aerosol dispensers (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 2, p. 192).


    5      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU 2009, L 342, p. 59, rettifiki fil-ĠU 2017, L 191, p. 12, fil-ĠU 2021, L 129, p. 162, u fil-ĠU 2021, L 224, p. 43).


    6      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, ĠU 2016, L 349, p. 1, ĠU 2019, L 117, p. 8).


    7      L-indikazzjonijiet promozzjonali koperti mill-azzjoni ta’ KTF huma riprodotti fl-osservazzjonijiet ta’ Parfümerie Akzente u tal-Kummissjoni. Minn dan jirriżulta li dawn ma jikkonċernawx prodotti speċifiċi iżda l-fatt, pereżempju, li Parfümerie Akzente hija “kummerċjant online awtorizzat” li jbigħ “prodotti oriġinali mingħajr difetti u siguri” jew anki “prodotti mmanifatturati minn membri tal-assoċjazzjoni professjonali Ġermaniża tad-distributuri tal-kożmetiċi”.


    8      Ara l-ewwel premessa tad-Direttiva 75/324.


    9      Skont il-punt 2.2 ta’ dan l-anness, kull dispenser tal-aerosol jew l-imballaġġ tiegħu għandu jkun immarkat b’mod ċar u li jista’ jinqara bl-indikazzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi ta’ dispenser tal-aerosol relatati mal-fjammabbiltà tiegħu.


    10      Il-korsiv miżjud minni.


    11      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, CIHEF et (C‑147/21, EU:C:2023:31), li tikkonċerna leġiżlazzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni li tiddefinixxi, f’termini kważi identiċi għal dawk tar-Regolament Nru 1223/2009, it-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq bħala kwalunkwe forniment matul attività kummerċjali jew l-użu ta’ prodott bijoċidali jew ta’ oġġett ittrattat għad-distribuzzjoni, sew jekk bi ħlas kif ukoll jekk b’xejn. Din is-sentenza kienet tikkonċerna dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu ċerti prattiki kummerċjali, bħal skontijiet, riduzzjoni tal-prezz, tnaqqis, differenzi bejn kundizzjonijiet ġenerali u dawk speċifiċi tal-bejgħ, kif ukoll l-għoti ta’ unitajiet b’xejn jew kwalunkwe prattika ekwivalenti.


    12      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, Fédération des entreprises de la beauté (C‑4/21, EU:C:2022:681, punt 33).


    13      Ara l-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009.


    14      Ara, f’dan is-sens, fil-kuntest tal-oġġetti tal-ikel, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 1995, Piageme et (C‑85/94, EU:C:1995:312, punti 23 sa 25).


    15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, A.M. (Tikkettjar tal-prodotti kożmetiċi) (C‑667/19, EU:C:2020:1039, punt 33).


    16      L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 huwa fformulat kif ġej: “Fl-ittikkettjar, meta jsir disponibbli fis-suq u jsir reklamar tal-prodotti kożmetiċi, it-testi, l-ismijiet, it-trejdmarks, l-istampi u s-sinjali figurattivi jew sinjali oħrajn ma għandhomx jintużaw biex jimplikaw li dawn il-prodotti għandhom karatteristiċi jew funzjonijiet li ma għandhomx.”


    17      Ara l-punt 6 tal-anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 655/2013 tal‑10 ta’ Lulju 2013 li jistabbilixxi kriterji komuni għall-ġustifikazzjoni ta’ pretensjonijiet użati fir-rigward tal-prodotti kożmetiċi (ĠU 2013, L 190, p. 31). Tabilħaqq, fis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, A.M. (Tikkettjar tal-prodotti kożmetiċi) (C‑667/19, EU:C:2020:1039, punt 32), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009 għandhom jippermettu lill-konsumatur li jkollu informazzjoni iktar kompleta dwar l-użu tal-prodott u dwar il-metodu ta’ użu tiegħu u, għaldaqstant, “li jagħżel il-prodott b’konjizzjoni sħiħa”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement rabtet din l-informazzjoni dwar l-użu tal-prodott mal-fatt li jiġi evitat li l-konsumatur jiġi żgwidat u mal-użu xieraq ta’ dan il-prodott sabiex jiġi żgurat l-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.


    18      Sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika (C‑108/09, EU:C:2010:725).


    19      Sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika (C‑108/09, EU:C:2010:725, punt 22).


    20      Sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika (C‑108/09, EU:C:2010:725, punt 28).


    21      Sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika (C‑108/09, EU:C:2010:725, punti 29 sa 31).


    22      Sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika (C‑108/09, EU:C:2010:725, punti 45 u 46).


    23      Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020 (C‑649/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online)”, EU:C:2020:764).


    24      Sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (punt 55).


    25      Sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (punt 56).


    26      Sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (punt 57).


    27      Sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (punt 58).


    28      Sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (punt 59).


    29      Ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    30      Ara l-punti 71 sa 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    31      Sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika (C‑108/09, EU:C:2010:725).


    32      Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    33      Ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    34      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Pharma Expressz (C‑178/20, EU:C:2021:551, punt 49).


    35      Ara, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ gruppi ta’ indikazzjonijiet ikkontestati fil-kawża prinċipali, il-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    36      Ara l-punti 33 sa 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    37      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tindika li d-dispożizzjoni ta’ traspożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali timplika li l-persuni li jikkunsidraw ruħhom li ġarrbu dannu minn ċerti prattiki kummerċjali online jkunu mġiegħla jirrikorru għall-qrati u għall-awtoritajiet l-oħra tal-Istat Membru ta’ oriġini.

    Top