This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022TO0628
Order of the General Court (Sixth Chamber) of 21 June 2023.#René Repasi v European Commission.#Action for annulment – Environment – Commission Delegated Regulation (EU) 2022/1214 – Taxonomy – Economic activities relating to fossil gas and nuclear energy – Inclusion in sustainable economic activities – Member of the European Parliament – Lack of direct concern – Inadmissibility.#Case T-628/22.
Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-21 ta’ Ġunju 2023.
René Repasi vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Ambjent – Regolament Delegat (UE) 2022/1214 – Tassonomija – Attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili u mal-enerġija nukleari – Inklużjoni mal-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli – Membru tal-Parlament – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà.
Kawża T-628/22.
Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-21 ta’ Ġunju 2023.
René Repasi vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Ambjent – Regolament Delegat (UE) 2022/1214 – Tassonomija – Attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili u mal-enerġija nukleari – Inklużjoni mal-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli – Membru tal-Parlament – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà.
Kawża T-628/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:353
DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
21 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )
“Rikors għal annullament – Ambjent – Regolament Delegat (UE) 2022/1214 – Tassonomija – Attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili u mal-enerġija nukleari – Inklużjoni mal-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli – Membru tal-Parlament – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà”
Fil-Kawża T‑628/22,
René Repasi, residenti f’Karlsruhe (il-Ġermanja), irrappreżentat minn H.‑G. Kamann, D. Fouquet, avukati, F. Kainer u M. Nettesheim, professuri,
rikorrent,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Erlbacher, A. Nijenhuis u G. von Rintelen, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),
komposta minn M. J. Costeira, Presidenta, P. Zilgalvis (Relatur) u E. Tichy-Fisslberger, Imħallfin,
Reġistratur: V. Di Bucci, Reġistratur,
tagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, René Repasi, jitlob l-annullament tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1214 tad‑9 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi f’ċerti setturi tal-enerġija u r-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 fir-rigward ta’ divulgazzjonijiet pubbliċi speċifiċi għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi (ĠU 2022, L 188, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”) |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
2 |
Fit‑18 ta’ Ġunju 2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament (UE) 2020/852, dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU 2020, L 198, p. 13, rettifika fil-ĠU 2022, L 156, p. 159), li jistabbilixxi l-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika għandhiex titqies li hija sostenibbli minn perspettiva ambjentali, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell ta’ sostenibbiltà ambjentali ta’ investiment. |
|
3 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament 2020/852 jiddefinixxi kriterji ta’ sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet ekonomiċi fid-dawl ta’ sitt għanijiet ambjentali ddefiniti fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament. |
|
4 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament 2020/852 jipprevedi li l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea għandhom japplikaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament sabiex jiddeterminaw jekk attività ekonomika għandhiex titqies li hija sostenibbli minn perspettiva ambjentali għall-finijiet ta’ kull miżura li tistabbilixxi rekwiżiti applikabbli għall-operaturi fis-swieq finanzjarji jew għall-emittenti fir-rigward ta’ prodotti finanzjarji jew bonds korporattivi li jiġu ppreżentati bħala li huma sostenibbli minn perspettiva ambjentali. |
|
5 |
Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament 2020/852, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar, it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis, kif ukoll il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi huma għanijiet ambjentali. |
|
6 |
Barra minn hekk, skont il-premessa 41 tar-Regolament 2020/852: “[…] Minbarra l-użu tal-enerġija newtrali għall-klima u aktar investimenti f’attivitajiet u setturi ekonomiċi li diġà għandhom livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, it-transizzjoni tirrikjedi tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’attivitajiet u setturi ekonomiċi oħra fejn m’hemmx alternattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju teknoloġikament u ekonomikament vijabbli. Dawk l-attivitajiet ekonomiċi ta’ transizzjoni jenħtieġ li jikkwalifikaw bħala li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jekk l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra jkunu sostanzjalment aktar baxxi mill-medja tas-settur jew tal-industrija, ma jfixklux l-iżvilupp u l-użu ta’ alternattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u ma jwasslux għal intrappolament ta’ assi inkompatibbli mal-objettiv tan-newtralità klimatika, b’qies tal-ħajja ekonomika ta’ dawk l-assi. Il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għal tali attivitajiet ekonomiċi ta’ transizzjoni jenħtieġ li jiżguraw li dawk l-attivitajiet ta’ transizzjoni jkollhom perkors kredibbli lejn in-newtralità klimatika, u jenħtieġ li jiġu aġġustati kif meħtieġ f’intervalli regolari.” |
|
7 |
Fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet ekonomiċi tranżitorji, l-Artikolu 10(3) tar-Regolament 2020/852 jipprevedi li l-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, minn naħa, sabiex tistabbilixxi kriterji ta’ eżami tekniku sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika partikolari għandha titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u, min-naħa l-oħra, sabiex tistabbilixxi, għal kull għan ambjentali rilevanti, kriterji ta’ eżami tekniku sabiex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika li għaliha ġew stabbiliti kriterji ta’ eżami tekniku tikkawżax dannu sinjifikattiv għal wieħed jew iktar minn dawn l-għanijiet. |
|
8 |
Fl‑4 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2021/2139, li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika tikkwalifika bħala attività li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dik l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinjifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra (ĠU 2021, L 442, p. 1). |
|
9 |
Ir-Regolament 2021/2139 jistabbilixxi kriterji ta’ eżami tekniku li jkopru diversi setturi u attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil tal-klima u ta’ adattament għal dan it-tibdil. Huwa jipprevedi, għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet, kriterji ta’ eżami tekniku, ta’ natura kwantitattiva jew kwalitattiva, li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk l-attività kklassifikata tikkontribwixxix b’mod sostanzjali għall-għanijiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil tal-klima u ta’ adattament għal dan it-tibdil u jekk tikkawżax dannu sinjifikattiv għall-għanijiet l-oħra previsti fir-Regolament 2020/852. |
|
10 |
Fid‑9 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat, li b’mod partikolari għandu l-għan li jistabbilixxi kriterji ta’ eżami tekniku sabiex ċerti attivitajiet tas-setturi tal-enerġija nukleari u tal-gass jiġu inklużi fil-qasam tal-attivitajiet tranżitorji fis-sens tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament 2020/852. |
|
11 |
Ir-rikorrent huwa Membru tal-Parlament Ewropew. |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
12 |
Ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
13 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
14 |
Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrent jitlob li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi miċħuda. |
Id‑dritt
|
15 |
Skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-konvenut iressaq talba f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali tista’ tagħti deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont l-Artikolu 130(6) tal-imsemmija Regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura dwar din it-talba. |
|
16 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha informazzjoni suffiċjenti mid-dokumenti tal-proċess u tiddeċiedi li ma hemmx lok li tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura. |
|
17 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent ma huwiex direttament ikkonċernat mir-Regolament ikkontestat. |
|
18 |
Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-rikonoxximent ta’ dritt għal azzjoni legali lir-rikorrent imur kontra l-ekwilibriju istituzzjonali, il-prinċipju demokratiku ta’ adozzjoni ta’ deċiżjonijiet b’maġġoranza u l-esklużjoni tal-actio popularis. |
|
19 |
Il-Kummissjoni żżid li l-prinċipju ta’ dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-osservanza tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri ma jistgħux jiġu invokati insostenn tar-rikonoxximent ta’ dritt għal azzjoni legali tar-rikorrent sabiex jiġi invokat ksur tal-prerogattivi tal-Parlament. |
|
20 |
Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-istatus legali ta’ Membru tal-Parlament jagħtih, skont id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva, drittijiet ta’ vot u ta’ inizjattiva, dritt li jipparteċipa fi proċedura leġiżlattiva regolari, drittijiet proċedurali għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kompetenza u tal-proċedura, kif ukoll dritt li jiddefendi s-setgħat demokratiċi tal-Parlament. |
|
21 |
Ir-rikorrent jenfasizza li r-rikonoxximent tal-locus standi tiegħu bħala membru parlamentari jwassal, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, sabiex jiġi protett l-ekwilibriju istituzzjonali billi jiġi żgurat dritt għal azzjoni legali sabiex jiġi mistħarreġ li l-għażla tal-proċedura għall-adozzjoni ta’ att ma tmurx kontra d-drittijiet tal-membri parlamentari, mingħajr madankollu ma tkun ammessa actio popularis. |
|
22 |
Ir-rikorrent għalhekk isostni, essenzjalment, li, bl-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħa li tadotta atti ddelegati li ngħatatilha bis-saħħa tal-Artikolu 290 TFUE, b’tali mod li r-Regolament ikkontestat ippreġudika l-kompetenza leġiżlattiva tal-Parlament u, għaldaqstant, id-drittijiet tar-rikorrent bħala Membru tal-Parlament. Minn dan huwa jiddeduċi li għandu jitqies li huwa direttament u individwalment affettwat mir-Regolament ikkontestat. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu hija ma tkunx id-destinatarja, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li tkun irrikonoxxuta l-locus standi tagħha, li tirriżulta f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jiġi ppreżentat jekk dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni jekk ikun jikkonċernaha direttament (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 19, u tat‑13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punt 39). |
|
24 |
Il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-att li jkun is-suġġett tar-rikors, kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li jkunu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, liema implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1998, Glencore Grain vs Il‑Kummissjoni, C‑404/96 P, EU:C:1998:196, punt 41, u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42). |
|
25 |
Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 289 TFUE, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tikkonsisti fl-adozzjoni ta’ regolament, ta’ direttiva jew ta’ deċiżjoni b’mod konġunt mill-Parlament u mill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 69). |
|
26 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 290(1) TFUE jirriżulta li att leġiżlattiv jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi b’portata ġenerali li jikkompletaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv. Skont it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, l-għanijiet, il-kontenut, il-portata kif ukoll it-tul tad-delega ta’ setgħa għandhom jiġu ddefiniti b’mod espliċitu fl-att leġiżlattiv li jagħti tali delega. Dan ir-rekwiżit jimplika li l-għoti ta’ setgħa ddelegata huwa intiż għall-adozzjoni ta’ regoli li jagħmlu parti mill-qafas regolatorju kif iddefinit permezz tal-att leġiżlattiv bażiku (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Il-Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑286/14, EU:C:2016:183, punt 30). |
|
27 |
Il-possibbiltà li jiġu ddelegati s-setgħat prevista fl-Artikolu 290 TFUE hija intiża li tippermetti lil-leġiżlatur jikkonċentra fuq l-elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni kif ukoll fuq l-elementi mhux essenzjali li dwarhom iqis li huwa opportun li jilleġiżla filwaqt li jagħti lill-Kummissjoni l-kompitu li “tikkompleta” ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv adottat jew ukoll li “temenda” tali elementi fil-qafas ta’ delega mogħtija lilha (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑286/14, EU:C:2016:183, punt 54). |
|
28 |
Minn dan isegwi li r-regoli essenzjali fil-qasam ikkonċernat għandhom jiġu deċiżi fil-leġiżlazzjoni bażika u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ delega (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 64, u tal‑10 ta’ Settembru 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑363/14, EU:C:2015:579, punt 46). |
|
29 |
Barra minn hekk, setgħa ddelegata għandha tosserva, fi kwalunkwe każ, l-elementi essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni u għandha tagħmel parti mill-qafas regolatorju kif iddefinit permezz tal-att leġiżlattiv bażiku (sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 53). |
|
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa minnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li att tal-Parlament li jaffettwa l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet parlamentari tal-Membri tiegħu huwa att li jaffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il‑Parlament, C‑486/01 P, EU:C:2004:394, punt 35, u tat‑2 ta’ Ottubru 2001, Martinez et vs Il‑Parlament, T‑222/99, T‑327/99 u T‑329/99, EU:T:2001:242, punti 60 sa 65). |
|
31 |
Madankollu, din il-ġurisprudenza tikkonċerna l-miżuri ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament li jaffettwaw direttament lill-Membri tiegħu u ma tistax tiġi trasposta għal dan il-każ, fejn id-drittijiet invokati mir-rikorrent, bħala Membru tal-Parlament, jistgħu jiġu affettwati biss b’mod indirett mill-allegat preġudizzju għall-kompetenza leġiżlattiva tal-Parlament. |
|
32 |
Anki jekk jitqies li, bl-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħa li tadotta atti ddelegati li ngħatatilha bis-saħħa tal-Artikolu 290 TFUE, id-drittijiet tar-rikorrent imsemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq huma affettwati biss b’mod indirett minn tali preġudizzju għall-kompetenza leġiżlattiva tal-Parlament. Fil-fatt, id-drittijiet kollha tar-rikorrent marbuta mal-eżerċizzju tal-kompetenza leġiżlattiva tal-Parlament huma intiżi li jiġu eżerċitati biss fil-kuntest tal-proċeduri interni tal-Parlament. |
|
33 |
Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, ma jistax għalhekk jitqies li preġudizzju għall-prerogattivi tal-Parlament jaffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tal-Membri tiegħu fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq. |
|
34 |
Id-dritt għal parteċipazzjoni fi proċedura leġiżlattiva regolari, għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kompetenza u tal-proċedura, għad-difiża tas-setgħat demokratiċi tal-Parlament kif ukoll id-drittijiet ta’ vot, ta’ inizjattiva u ta’ parteċipazzjoni bil-għan li tiġi eżerċitata influwenza politika, invokati mir-rikorrent, ma jistgħux, għalhekk, jitqiesu li huma affettwati direttament mill-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat. |
|
35 |
Il-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva u l-prinċipju ta’ Stat tad-dritt, invokati mir-rikorrent, ma humiex ta’ natura li jdaħħlu inkwistjoni din il-konklużjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Parlament għandu dritt għal azzjoni legali kontra l-atti tad-dritt tal-Unjoni b’tali mod li l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji hija żgurata mis-sistema ta’ rimedji prevista fit-Trattati. |
|
36 |
Għall-istess raġuni, l-interpretazzjoni tar-rikorrent fis-sens li l-Membri tal-Parlament għandhom jitqiesu li huma direttament ikkonċernati mill-atti li jaffettwaw ir-regoli ta’ kompetenzi, mid-dispożizzjonijiet fundamentali tal-proċedura leġiżlattiva jew mill-atti li jikkostitwixxu użu ħażin ta’ poter ma tistax tiġi segwita. |
|
37 |
Fl-aħħar nett, peress li l-argumenti tar-rikorrent dwar l-ekwilibriju istituzzjonali jew id-dritt għall-protezzjoni legali tal-minoranza ma humiex ta’ natura li juru li s-sitwazzjoni legali tiegħu hija direttament affettwata mir-Regolament ikkontestat, dawn għandhom jiġu miċħuda wkoll. |
|
38 |
Sa fejn l-argument tar-rikorrent għandu jinftiehem bħala li jistieden lill-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi lill-Membri tal-Parlament dritt għal rikors speċifiku, indipendentement mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE, intiż li jiġu difiżi s-setgħat demokratiċi tal-Parlament u li jikkostitwixxi strument ta’ oppożizzjoni fuq il-mertu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-Trattat FUE ma jipprevedix tali rikors u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li toħloq modalitajiet ta’ rikors li ma humiex previsti fit-Trattati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 45). |
|
39 |
Għaldaqstant, ir-rikors huwa inammissibbli. |
|
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal intervent imressqa mir-Repubblika Franċiża, konformement mal-Artikolu 142(2) tar-Regoli tal-Proċedura. |
Fuq l‑ispejjeż
|
41 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
42 |
Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
|
43 |
Skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla), tordna: |
|
|
|
|
|
Magħmul fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Ġunju 2023. V. Di Bucci Reġistratur M. J. Costeira Presidenta |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.