Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TO0578

Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tas-6 ta’ Settembru 2023.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Dritt istituzzjonali – L-ipproċessar tad-data personali mill-Europol – Regolament (UE) 2016/794 – Prerogattivi istituzzjonali tal-KEPD – Locus standi – Rikors parzjalment inammissibbli u parzjalment manifestament inammissibbli.
Kawża T-578/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:522

 DIGRIET TAL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla Estiża)

6 ta’ Settembru 2023 ( *1 ) ( i )

“Rikors għal annullament – Dritt istituzzjonali – Ipproċessar ta’data personali mill-Europol – Regolament (UE) 2016/794 – Prerogattivi istituzzjonali tal-KEPD – Locus standi – Rikors parzjalment inammissibbli u parzjalment manifestament inammissibbli”

Fil-Kawża T‑578/22,

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), irrappreżentat minn D. Nardi, T. Zerdick, A. Buchta u F. Coudert, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn P. López-Carceller, I. Liukkonen u R. van de Westelaken, bħala aġenti,

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Lotarski, K. Pleśniak u R. Meyer, bħala aġenti,

konvenuti,

IL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla Estiża),

komposta minn D. Spielmann, President, V. Valančius, R. Mastroianni, M. Brkan u T. Tóth (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

– l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali mill-Kunsill permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Diċembru 2022,

– ir-risposta ppreżentata mill-Parlament fit‑13 ta’ Diċembru 2022,

– it-talbiet għal intervent imressqa mir-Repubblika Franċiża fis‑7 ta’ Diċembru 2022, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fid‑9 ta’ Diċembru 2022, mill-Kummissjoni fl‑20 ta’ Diċembru 2022 kif ukoll mir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fit‑22 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) jitlob l-annullament tal-Artikoli 74a u 74b tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU 2016, L 135, p. 53, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Europol inizjali”), kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794 fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-Europol ma’ partijiet privati, tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol b’appoġġ għal investigazzjonijiet kriminali, u tar-rwol tal-Europol fir-riċerka u fl-innovazzjoni (ĠU 2022, L 169, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Europol emendat”) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”).

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

Fuq id‑deċiżjoni tal‑KEPD tat‑3 ta’ Jannar 2022

2

Wara investigazzjoni ex officio u deċiżjoni ta’ ċanfira tas‑17 ta’ Settembru 2020, il-KEPD adotta, fit‑3 ta’ Jannar 2022, deċiżjoni kontra l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), skont l-Artikolu 43(3)(e) tar-Regolament Europol inizjali, li tikkonstata li, “[b]illi tipprovdi għall-ħażna kontinwa ta’ settijiet ta’ data mingħajr kategorizzazzjoni, il-pjan ta’ azzjoni ppreżentat mill-Europol ma [kienx] jirrigwarda l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni ta’ ċanfira tas‑17 ta’ Settembru 2020” u li “[l]-ipproċessar mill-Europol ta’ settijiet ta’ data mingħajr kategorizzazzjoni […] bl-għan biss li tinkiseb informazzjoni rilevanti skont l-Artikolu 18(3) u (5) u fl-Anness II.B tar-Regolament Europol [inizjali], kif ukoll il-prinċipji ta’ minimizzazzjoni tad-data u ta’ limitazzjoni taż-żamma tad-data ([A]rtikolu 28 (1)(c) u (e) tar-Regolament Europol [inizjali]), ma [setax] jeċċedi perijodu massimu ta’ sitt xhur mid-data tal-wasla tal-kontribuzzjoni”.

3

Sabiex iwettaq dan ir-raġunament, il-KEPD ippreċiża b’mod partikolari li, “[f]l-assenza ta’ dispożizzjoni legali espliċita li tistabbilixxi l-perijodu taż-żamma tad-data personali pproċessata għal dan l-għan, […] [kellha] tingħata interpretazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament [Europol inizjali]”.

4

Għalhekk, mid-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022 jirriżulta li l-KEPD ordna lill-Europol, essenzjalment, li twettaq, għal kull kontribuzzjoni rċevuta mill‑4 ta’ Jannar 2022, il-kategorizzazzjoni tal-persuni kkonċernati fis-sens tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament Europol inizjali f’terminu ta’ sitt xhur mid-data tal-wasla tal-kontribuzzjoni u f’terminu ta’ tnax-il xahar għas-settijiet ta’ data eżistenti fit‑3 ta’ Jannar 2022, termini li warajhom il-Europol kienet obbligata tħassar din id-data.

Fuq l‑adozzjoni tar‑Regolament Europol emendat

5

Fid‑9 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea ssottomettiet il-proposta COM(2020) 796 final tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794, fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-Europol ma’ partijiet privati, tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol b’appoġġ għal investigazzjonijiet kriminali, u tar-rwol tal-Europol fir-riċerka u fl-innovazzjoni (iktar ’il quddiem il-“proposta għal regolament emendatorju”).

6

Fl-Opinjoni 4/2021, il-KEPD kien favur il-proposta għal regolament emendatorju, taħt ċerti riżervi.

7

Fl‑1 ta’ Frar 2022, wara l-aħħar negozjati tat-trilogu, żdiedu żewġ dispożizzjonijiet ġodda mal-proposta għal regolament emendatorju, jiġifieri l-Artikoli 74a u 74b, li huma dispożizzjonijiet tranżitorji li jikkonċernaw rispettivament l-ipproċessar ta’ data personali b’appoġġ għal investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja u l-ipproċessar ta’ data personali miżmuma mill-Europol.

8

Fit‑8 ta’ Ġunju 2022, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament Europol emendat. Il-formulazzjoni tal-Artikoli 74a u 74b ġiet ikkonfermata f’dan ir-regolament.

9

Dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu, essenzjalment, il-kundizzjonijiet li fihom il-Europol kellha tipproċedi, f’terminu determinat, għall-kategorizzazzjoni tas-settijiet ta’ data fil-pussess tagħha fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Europol emendat u jippreċiżaw il-kundizzjonijiet u l-proċeduri li bihom l-ipproċessar ta’ data personali mhux relatata mal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data elenkati fl-Anness II tar-Regolament Europol emendat u li kienet ġiet ittrasferita lil Europol qabel it-28 ta’ Ġunju 2022 kellu jiġi awtorizzat bħala appoġġ għal investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja.

Fuq l‑iskambji bejn il‑KEPD u l‑Europol wara l‑adozzjoni tar‑Regolament Europol emendat

10

Fil‑15 ta’ Ġunju 2022, il-KEPD, peress li qies li l-portata tad-deċiżjoni tiegħu tat‑3 ta’ Jannar 2022 u tal-Artikoli 74a u 74b tar-Regolament Europol emendat ma kinitx l-istess, talab lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipprovdulu dokumenti li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ rabta bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Europol emendat u l-eżerċizzju preċedenti tas-setgħat ta’ kontroll tiegħu. Il-Parlament u l-Kunsill wieġbu għal din it-talba permezz ta’ ittri tat‑12 ta’ Lulju u tal‑25 ta’ Lulju 2022 rispettivament.

11

Fid-dokument Nru 5370/22 tal-Kunsill tal‑24 ta’ Jannar 2022 dwar it-tħejjija għat-trilogu, huwa ppreċiżat li “[i]d-deċiżjoni reċenti tal-[KEPD,] li jista’ jkollha konsegwenzi operattivi għall-azzjoni tal-Europol, tikkonferma l-ħtieġa ta’ adozzjoni rapida tar-Regolament”, li “[i]l-Presidenza pproponiet lid-delegazzjonijiet biex jintroduċu Artikolu 74[a] ġdid bl-għan li tiġi ċċarata aktar is-sitwazzjoni tad-data attwalment fil-pussess tal-Europol, b’mod partikolari fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-KEPD tat‑3 ta’ Jannar 2022 imsemmija iktar ’il fuq” u li “[b]osta delegazzjonijiet laqgħu b’mod favorevoli l-prinċipji ta’ din il-proposta fil-laqgħa tad‑19 ta’ Jannar [2022,] iżda l-approvazzjoni mill-Kumitat hija neċessarja minħabba l-preżentazzjoni reċenti tiegħu u l-importanza li dan is-suġġett jirrappreżenta wara d-deċiżjoni tal-KEPD”.

12

Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Lulju 2022, il-KEPD staqsa lill-Europol jekk, fid-dawl tal-Artikoli 74a u 74b tar-Regolament Europol emendat, id-deċiżjoni tiegħu tat‑3 ta’ Jannar 2022 kinitx għadha tiġi implimentata jew jekk il-Europol kinitx tqis li l-imsemmija artikoli kienu ssostitwixxew jew emendaw il-portata ta’ din id-deċiżjoni.

13

Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Awwissu 2022, Europol irrispondiet lill-KEPD, essenzjalment, li hija kompliet timplimenta ċerti punti tad-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022, iżda li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkummenta f’dan l-istadju dwar is-sitwazzjoni fit‑3 ta’ Jannar 2023 u dwar is-sottomissjoni ta’ rapporti ta’ implimentazzjoni ġodda skont din id-deċiżjoni. Din l-ittra ssemmi wkoll il-fatt li l-Artikoli 74a u 74b tar-Regolament Europol emendat ma ġewx applikati għal ċerti kontribuzzjonijiet li kienu tħassru.

It‑talbiet tal‑partijiet

14

Fir-rikors, il-KEPD jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-dispożizzjonijiet ikkontestati;

–

tikkundanna lill-“konvenut” għall-ispejjeż.

15

Fir-risposta, il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lill-KEPD għall-ispejjeż;

–

kieku r-rikors kellu jintlaqa’, iżżomm l-effetti tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

16

Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–

tikkundanna lill-KEPD għall-ispejjeż.

17

Fl-osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-KEPD jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad l-imsemmija eċċezzjoni mqajma mill-Kunsill u tiddeċiedi fuq il-mertu.

Id‑dritt

18

Skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta, permezz ta’ att separat, il-konvenut jitlob lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà jew in-nuqqas ta’ kompetenza, mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, din tal-aħħar għandha tiddeċiedi dwar it-talba fl-iqsar żmien possibbli, jekk ikun il-każ wara li tkun fetħet il-fażi orali tal-proċedura. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 126 ta’ dawn ir-Regoli, meta l-Qorti Ġenerali manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors jew meta rikors ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, hija tista’, f’kull ħin u fuq proposta tal-Imħallef Relatur, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

19

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess u tiddeċiedi, b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tkompli bil-proċedura.

20

Insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, il-KEPD jinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-indipendenza u tas-setgħat tiegħu bħala awtorità superviżorja minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ atti legali. Skont il-KEPD, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jillegalizzaw retroattivament il-prattiki ta’ żamma tad-data kontenzjuża ta’ Europol u jannullaw de facto d-deċiżjoni tiegħu tat‑3 ta’ Jannar 2022. B’mod partikolari, huwa jinvoka l-ksur tal-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39), moqrija flimkien mal-Artikolu 43(1) u (3)(e) tar-Regolament Europol emendat.

21

Fir-rigward tal-inammissibbiltà tar-rikors tiegħu, minn naħa, il-KEPD jsostni, prinċipalment, li l-locus standi tiegħu għall-annullament skont l-Artikolu 263 TFUE huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li jkun jista’ jkollu azzjoni ġudizzjarja sabiex jiddefendi l-prerogattivi istituzzjonali tiegħu, b’mod partikolari l-indipendenza tiegħu bħala awtorità superviżorja skont l-Artikolu 8(3) tal-Karta, kif ukoll l-ekwilibriju istituzzjonali bejn ir-rwol ta’ awtoritajiet superviżorji u dak ta’ leġiżlatur. F’dan ir-rigward, huwa jippreċiża li għandu locus standi skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 1990, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑70/88, EU:C:1990:217), li għandha tiġi applikata f’dan il-każ b’analoġija, peress li dik is-sentenza turi li l-protezzjoni tal-prerogattivi istituzzjonali tippermetti, eċċezzjonalment, lil istituzzjoni tiddefendi dawn mingħajr ma jkun neċessarju li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà applikabbli għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

22

Min-naħa l-oħra, sussidjarjament, il-KEPD isostni li huwa kkonċernat direttament u individwalment mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, li huwa għandu interess ċar u attwali li jiġu annullati. Barra minn hekk, huwa jippreċiża li dan ir-rikors huwa ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali bħala qorti kompetenti, iżda ma jipprekludix l-eventwali trasferiment tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-Qorti Ġenerali tqis li dan huwa xieraq.

23

Il-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, għal żewġ motivi. Huwa jsostni, minn naħa, li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li l-KEPD ma jissemmiex fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jew ukoll abbażi tas-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 1990, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑70/88, EU:C:1990:217), u, min-naħa l-oħra, li l-KEPD ma huwiex direttament u individwalment ikkonċernat fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

24

Barra minn hekk, il-Kunsill jenfasizza li dan ir-rikors ġie ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u mhux quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija l-unika li għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi ppreżentati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-Kunsill ipoġġi f’dubju l-fatt li l-KEPD jista’, fil-kuntest tal-istess rikors, isostni li huwa kemm rikorrent “ipprivileġġat” kif ukoll rikorrent “mhux ipprivileġġat”.

Fuq il‑kompetenza tal‑Qorti Ġenerali

25

Preliminarjament, għalkemm il-KEPD ma jitlobx li jitqies li jinsab fost ir-rikorrenti “pprivileġġati” jew “semipprivileġġati” msemmija fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn huwa jinvoka locus standi partikolari intiż għas-salvagwardja tal-prerogattivi tiegħu, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali għandhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza, minn naħa, sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi għal nuqqas ta’ kompetenza, ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, ksur tat-Trattati jew ta’ kull dispożizzjoni legali dwar l-applikazzjoni tagħhom, jew użu ħażin ta’ poter, ippreżentati minn Stat Membru, mill-Parlament, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, taħt l-istess kundizzjonijiet, sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi ppreżentati mill-Qorti tal-Awdituri, mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u mill-Kumitat tar-Reġjuni intiżi għas-salvagwardja tal-prerogattivi tagħhom.

27

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-KEPD ma huwiex fost ir-rikorrenti msemmija fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Lanqas ma jinsab fil-lista tal-istituzzjonijiet tal-Artikolu 13(1) TUE, li jistabbilixxi seba’ istituzzjonijiet li huma l-Parlament, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Qorti tal-Awdituri.

28

Sussegwentement, il-KEPD huwa korp tal-Unjoni li ġie stabbilit mill-Artikolu 41(1) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102, rettifika fil-ĠU 2013, L 298, p. 50), abbażi tal-Artikolu 286(2) KE.

29

Dwar din il-kwistjoni, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 13(1) TUE, il-kunċett ta’ “istituzzjonijiet” jirreferi għal lista preċiża ta’ entitajiet li ma tinkludix il-korpi u l-organi tal-Unjoni, u d-distinzjoni bejn l-istituzzjonijiet, minn naħa, u l-korpi u l-organi tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, għandha tapplika b’mod trasversali u uniformi fiż-żewġ Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, L‑Italja u Comune di Milano vs Il‑Kunsill u Il‑Parlament (Sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini), C‑106/19 u C‑232/19, EU:C:2022:568, punti 113 u 116).

30

Fl-aħħar nett, bħalma għamel il-Kunsill, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jsemmi espressament il-korpi u l-organi tal-Unjoni fil-lista tal-awturi tal-atti li l-legalità tagħhom tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, l-istess ma japplikax fir-rigward tat-tieni u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

31

Fil-fatt, il-possibbiltà li jiġu kkontestati atti ta’ korpi jew ta’ organi tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ġiet introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-korpi u l-organi tal-Unjoni ma ssemmewx fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

32

F’dan ir-rigward, l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona żiedu lill-Kumitat tar-Reġjuni fost ir-rikorrenti msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Minn dan isegwi li, anki jekk ir-redatturi tat-Trattat ħadu inkunsiderazzjoni suġġetti oħra minbarra l-istituzzjonijiet fil-lista ta’ persuni awtorizzati sabiex jiddefendu l-prerogattivi tagħhom skont din id-dispożizzjoni, huma għażlu li ma jinkludux il-KEPD.

33

Ċertament, l-istatus tal-KEPD bħala awtorità indipendenti ta’ superviżjoni jissemma fl-Artikolu 16(2) TFUE, li jipprovdi li l-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni għandha tkun suġġetta għas-superviżjoni ta’ awtoritajiet indipendenti, u fl-Artikolu 8(3) tal-Karta, li jipprevedi li l-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali għandha tkun suġġetta għas-superviżjoni ta’ awtorità indipendenti.

34

Madankollu, il-KEPD ġie stabbilit permezz ta’ att tad-dritt sekondarju, jiġifieri l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 45/2001, u mhux tad-dritt primarju.

35

Għaldaqstant, il-KEPD, minkejja li huwa korp tal-Unjoni li għandu status partikolari, ma huwiex istituzzjoni tal-Unjoni u, fi kwalunkwe każ, ma jistax jitqies li jinsab fost ir-rikorrenti msemmija fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, sa fejn l-Artikolu 51(b) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jippreċiża li huma rriżervati għall-Qorti tal-Ġustizzja r-rikorsi msemmija fl-Artikolu 263 TFUE li huma ppreżentati b’mod partikolari minn istituzzjoni tal-Unjoni kontra att leġiżlattiv u li l-KEPD la huwa istituzzjoni, u lanqas rikorrent imsemmi fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors.

37

Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-motivi ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill.

Fuq l‑ewwel motiv ta’ inammissibbiltà

38

L-ewwel, il-Kunsill jirrileva, essenzjalment, li, matul ir-reviżjonijiet suċċessivi tat-Trattati li seħħew sa mill-1990, il-locus standi għal annullament ġie estiż b’mod kunsiderevoli għal istituzzjonijiet, korpi u organi oħra tal-Unjoni, iżda li l-KEPD madankollu ma tqiesx bħala organu li għandu jibbenefika minn aċċess ipprivileġġat għar-rikorsi għal annullament. It-tieni, huwa jippreċiża li r-rwol tal-KEPD skont l-Artikolu 52(3) tar-Regolament 2018/1725 huwa li jeżerċita superviżjoni tal-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u li jagħti pariri lil dawn l-istituzzjonijiet u korpi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. It-tielet, il-Kunsill isostni li s-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 1990, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑70/88, EU:C:1990:217), ma hijiex applikabbli għal dan il-każ, sa fejn il-KEPD ma huwiex imċaħħad minn protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti u effettiva, kuntrarjament għall-Parlament f’dik is-sentenza. Ir-raba’, il-Kunsill isostni li l-KEPD ma jistax jinvoka l-Artikolu 8(3) u l-Artikolu 47 tal-Karta sabiex jiġġustifika l-locus standi tiegħu.

39

Il-KEPD jikkontesta l-argumenti tal-Kunsill.

40

Il-KEPD isostni li huwa għandu locus standi sabiex jiddefendi l-prerogattivi istituzzjonali tiegħu, indipendentement mill-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. L-ewwel, huwa jindika li l-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali kif interpretat fis-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 1990, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑70/88, EU:C:1990:217), jipproteġi wkoll il-prerogattivi tiegħu bħala awtorità ta’ superviżjoni indipendenti mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, skont l-Artikolu 8(3) tal-Karta u l-Artikolu 16(2) TFUE. It-tieni, il-KEPD iqis li l-analiżi mwettqa mill-Kunsill tad-diversi rimedji ġudizzjarji tikkonferma li ebda waħda minn dawn il-proċeduri ma setgħet effettivament tintuża sabiex jiġi kkontestat, b’mod awtonomu, att tal-leġiżlatur li kien jikkomprometti direttament u speċifikament l-indipendenza tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni protetta mill-Karta u t-Trattat FUE. It-tielet, huwa jippreċiża li l-Artikolu 8(3) tal-Karta jistabbilixxi d-dritt fundamentali tal-persuni li jibbenefikaw minn superviżjoni indipendenti tal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali tagħhom u li l-Artikolu 16(2) TFUE saħħaħ dawn ir-regoli. Ir-raba’, huwa jfakkar li l-prerogattivi tiegħu ġew affettwati f’dan il-każ sa fejn id-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu applikazzjoni retroattiva illegali fir-rigward tal-attività repressiva tiegħu u li l-proċedura leġiżlattiva ntużat bħala miżura ad hoc sabiex tiġi miġġielda din l-attività.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 1990, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑70/88, EU:C:1990:217), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-test tal-Artikolu 173 tat-Trattat KEE ma kien joffri lill-Parlament ebda possibbiltà li jikkontesta, quddiem il-qrati tal-Unjoni, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet l-oħra li jistgħu jippreġudikaw il-prerogattivi tiegħu stess u hija għażlet li timla din il-lakuna billi tirrikorri għall-prinċipju ġenerali tal-ekwilibriju istituzzjonali.

42

Fl-ewwel lok, fis-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 1990, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑70/88, EU:C:1990:217), wara li ppreċiżat, fil-punt 13, li l-Parlament ma kienx imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 173 tat-Trattat KEE jew fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 146 tat-Trattat KEEA fost l-istituzzjonijiet li setgħu, flimkien mal-Istati Membri, jippreżentaw rikors għal annullament kontra kull att ta’ istituzzjoni oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 14 li l-Parlament ma kienx persuna ġuridika u li, għalhekk, huwa ma setax jadixxi l-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 173 KEE, li ġie ssostitwit bl-Artikolu 230 KE, u sussegwentement bl-Artikolu 263 TFUE u li jikkorrispondi essenzjalment għar-raba’ paragrafu ta’ dan l-aħħar artikolu.

43

Issa, f’dan il-każ, kif ser jiġi żviluppat fil-punti 59 sa 66 iktar ’il quddiem, korp jew organu maħluq minn att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jista’ jiġi assimilat ma’ persuna ġuridika u, għaldaqstant, jippreżenta rikors għal annullament abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

44

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll fil-punti 21 u 22 tas-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 1990, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑70/88, EU:C:1990:217), li l-prerogattivi tal-Parlament “[kienu] wieħed mill-elementi tal-bilanċ istituzzjonali maħluqa mit-Trattati” u li “[l]-osservanza tal-bilanċ istituzzjonali [kienet] tfisser li kull istituzzjoni għandha teżerċita l-poteri tagħha b’osservanza tal-poteri ta’ l-istituzzjonijiet l-oħra [u] [kienet] teżiġi […] li kull vjolazzjoni ta’ din ir-regola, jekk [kellha] tiġri, tkun tista’ tiġi ppenalizzata”.

45

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hija għandha tkun tista’ tiżgura ż-żamma tal-ekwilibriju istituzzjonali u, konsegwentement, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prerogattivi tal-Parlament, meta tintalab tagħmel hekk minn din tal-aħħar, permezz ta’ rimedju ġuridiku adattat għall-għan li l-Parlament irid jilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 1990, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑70/88, EU:C:1990:217, punt 23).

46

Madankollu, fil-punti 25 sa 36 iktar ’il fuq ġie stabbilit li l-KEPD ma setax jitqies bħala istituzzjoni, iżda li kien korp tal-Unjoni, mhux imsemmi fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

47

Ċertament, il-KEPD għandu status partikolari, sa fejn l-Artikolu 16(2) TFUE jindika li l-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni hija suġġetta għas-superviżjoni ta’ awtoritajiet indipendenti u l-Artikolu 8(3) tal-Karta jipprevedi li l-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali hija suġġetta għas-superviżjoni ta’ awtorità indipendenti.

48

Madankollu, għalkemm ma huwiex ikkontestat li l-ħolqien ta’ awtoritajiet ta’ superviżjoni indipendenti huwa element essenzjali tal-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, l-indipendenza li fiha l-KEPD għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fil-prattika ma hijiex intiża li tillimita s-setgħat tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

49

Dwar din il-kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li s-setgħa leġiżlattiva rriżervata lill-Parlament u lill-Kunsill, fl-Artikolu 14(1) u fl-Artikolu 16(1) TUE, li titniżżel fil-prinċipju ta’ għoti ta’ setgħat stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE u, b’mod iktar wiesa’, fil-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali, karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, timplika li huma esklużivament dawn l-istituzzjonijiet li għandhom jiddeterminaw il-kontenut ta’ att leġiżlattiv (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, L‑Italja u Comune di Milano vs Il‑Kunsill u Il‑Parlament (Sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini), C‑106/19 u C‑232/19, EU:C:2022:568, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 16(2) TFUE jipprevedi, fl-ewwel sentenza, li “[i] l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni”, imbagħad, fit-tieni sentenza, li “[i]l-ħarsien ta’ dawn ir-regoli għandu jkun suġġett għall-kontroll minn awtoritajiet indipendenti”.

51

Għaldaqstant, il-KEPD huwa obbligat jeżerċita l-funzjonijiet u s-setgħat tiegħu, b’indipendenza sħiħa, iżda fil-kuntest tal-atti leġiżlattivi adottati b’mod konġunt mill-Parlament u mill-Kunsill u konformement magħhom. Għalhekk, huwa fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-atti leġiżlattivi adottati minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet li l-KEPD, li huwa awtorità indipendenti, jeżerċita superviżjoni tal-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni.

52

Dwar din il-kwistjoni, għandu jiġi nnotat, kif għamel il-Kunsill, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreċiża, fl-Artikolu 58(4) tar-Regolament 2018/1725 li “l-[KEPD] għandu jkollu s-setgħa li jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kundizzjonijiet stipulati fit-Trattati u li jintervjeni f’kawżi miftuħin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”.

53

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-KEPD dwar il-fatt li l-indipendenza tiegħu, f’dan il-każ, ġiet affettwata mill-użu tas-setgħat leġiżlattivi sabiex tiġi emendata retroattivament sitwazzjoni definittivament irregolata minn deċiżjoni li huwa kien adotta skont ir-regoli applikabbli ratione temporis.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022, li l-effetti tagħha, skont il-KEPD, ġew annullati retroattivament mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, ġiet adottata fil-kuntest tal-funzjoni tal-KEPD li jeżerċita superviżjoni tal-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 16(2) TFUE.

55

Il-fatt li r-regoli msemmija iktar ’il fuq ġew emendati mil-leġiżlatur ma jaffettwax l-indipendenza tal-KEPD bħala tali, iżda jemenda l-qafas li fih huwa għandu jeżerċita s-superviżjoni tiegħu fuq l-imsemmija regoli, bħala awtorità indipendenti.

56

Għaldaqstant, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 1990, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑70/88, EU:C:1990:217), ma tistax tiġi applikata b’analoġija għal dan il-każ u l-KEPD ma jistax jiġi rrikonoxxut locus standi skont din is-sentenza.

57

Konsegwentement, il-KEPD għandu jitqies bħala rikorrent li għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Fuq it‑tieni motiv ta’ inammissibbiltà

58

Skont it-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra l-atti li jikkonċernawha direttament u individwalment.

59

Għaldaqstant, preliminarjament, għandu jiġi eżaminat jekk il-KEPD jistax, bħala korp tal-Unjoni, jiġi assimilat ma’ persuna ġuridika fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

60

F’dan ir-rigward, ġie kkunsidrat li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika” użat fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jistax jingħata interpretazzjoni restrittiva (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 44).

61

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta, b’mod iktar ġenerali, li ma humiex biss il-persuni ġuridiċi privati iżda wkoll l-entitajiet pubbliċi li għandhom locus standi konformement mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza fuq Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 46).

62

Ġie kkunsidrat ukoll li entità, sa fejn hija kienet tgawdi minn personalità ġuridika, setgħet, bħala prinċipju, tippreżenta rikors għal annullament skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza fuq Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 45, u d-digriet tal‑10 ta’ Settembru 2020, Il‑Kambodja u CRF vs Il‑Kummissjoni, T‑246/19, EU:T:2020:415, punt 48).

63

F’dan ir-rigward, ġew identifikati bħala elementi bażiċi tal-personalità ġuridika, b’mod partikolari, awtonomija u responsabbiltà, anki jekk limitati (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Novembru 1963, Lassalle vs Il‑Parlament, 15/63, EU:C:1963:47, p. 100).

64

F’dan il-każ, skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament 2018/1725, il-KEPD għandu jkollu r-riżorsi umani u finanzjarji neċessarji għat-twettiq tal-funzjoni tiegħu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 58(4) u (5) tal-istess regolament, huwa għandu l-kapaċità li jadixxi lill-qorti tal-Unjoni u l-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu jista’ jkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fid-dawl tal-prinċipji ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv u ta’ Stat tad-dritt, timmilita favur l-interpretazzjoni li skontha huwa xieraq li jitqies li korp tal-Unjoni, bħall-KEPD, għandu jkollu locus standi, bħala “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, meta l-kundizzjonijiet l-oħra previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti. Fil-fatt, l-istess bħal persuna jew entità oħra, tali persuna ġuridika tista’ tkun affettwata b’mod negattiv fid-drittijiet jew fl-interessi tagħha minn att tal-Unjoni u għandha għalhekk tkun f’pożizzjoni, b’osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, li tfittex l-annullament ta’ tali att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza fuq Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 50).

66

Minn dan isegwi li, konformement mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-KEPD għandu locus standi għall-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, bil-kundizzjoni li jkun ikkonċernat direttament u individwalment minnhom fis-sens ta’ dan l-artikolu.

67

Peress li l-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba n-nuqqas ta’ inċidenza diretta u individwali tal-KEPD, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikors huwiex ammissibbli fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

68

Fir-rigward tal-inċidenza diretta, il-Kunsill isostni, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jaffettwawx il-kompetenzi tal-KEPD u lanqas id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar tat‑3 ta’ Jannar 2022 u li jħallu setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħhom.

69

Il-KEPD jikkontesta l-argumenti tal-Kunsill u jsostni, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati joħolqu preċedent li permezz tiegħu l-leġiżlatur jeżerċita pressjoni mhux iġġustifikata fuq awtorità superviżorja, li d-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022 saret ineffettiva permezz tad-dispożizzjonijiet ikkontestati u li, indipendentement minn kull azzjoni tal-Europol jew tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jipproduċu effetti legali kuntrarji għal dawk li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni kif kienet teżisti u kif interpretata minn din id-deċiżjoni.

70

Fir-rigward tal-kundizzjoni li persuna ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata, din teħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita, li żewġ kriterji jiġu ssodisfatti kumulattivament, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra, ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji inkarigati mill-implimentazzjoni tagħha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Il‑Ġermanja – Ville de Paris et vs Il‑Kummissjoni, C‑177/19 P sa C‑179/19 P, EU:C:2022:10, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix effetti legali, għandu jsir riferiment b’mod partikolari għall-għan tiegħu, għall-kontenut tiegħu, għall-portata tiegħu, għas-sustanza tiegħu kif ukoll għall-kuntest ġuridiku u fattwali li fih ikun ġie adottat (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza fuq Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 66).

72

B’mod iktar partikolari, ġie ikkunsidrat li att tad-dritt tal-Unjoni li jipprekludi lil persuna ġuridika pubblika milli teżerċita, kif jidhrilha, l-kompetenzi tagħha stess jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna ġuridika, b’tali mod li din għandha titqies li hija direttament ikkonċernata minn dan l-att, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Il‑Ġermanja – Ville de Paris et vs Il‑Kummissjoni, C‑177/19 P sa C‑179/19 P, EU:C:2022:10, punt 73; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza fuq Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 69).

73

Fir-rigward, l-ewwel, tal-kundizzjoni dwar l-effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-KEPD, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 1(3) tar-Regolament 2018/1725 u mill-Artikolu 43(1) tar-Regolament Europol inizjali jirriżulta li l-KEPD huwa responsabbli għas-superviżjoni tal-applikazzjoni mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni tar-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data personali. F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jemendaw ir-Regolament Europol inizjali u jikkonċernaw prinċipalment lil dan tal-aħħar. Għalhekk, dawn tal-aħħar ma jaffettwawx in-natura jew il-portata tal-funzjonijiet mogħtija lill-KEPD mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

74

Filwaqt li huwa minnu li s-sistema legali li l-KEPD huwa inkarigat li jeżerċita superviżjoni tagħha ġiet emendata, il-kompetenzi tiegħu ma ġewx mibdula, peress li l-mod li bih huwa jista’ legalment jeżerċita dawn tal-aħħar ma nbidilx bħala tali.

75

Għalhekk, il-KEPD ma huwiex direttament ikkonċernat mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, sa fejn id-drittijiet, l-obbligi jew il-kompetenzi tiegħu ma ġewx affettwati minn dawn id-dispożizzjonijiet.

76

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-effetti tad-dispożizzjonijiet ikkontestati fuq id-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022, għandu jiġi rrilevat li teżisti sovrappożizzjoni bejn is-settijiet ta’ data koperti mid-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq u mid-dispożizzjonijiet ikkontestati. Madankollu, id-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022 hija deċiżjoni amministrattiva li ma jistax ikollha effett fuq atti leġiżlattivi bħar-Regolament Europol emendat u lanqas taffettwa l-kontenut tiegħu.

77

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-KEPD, skont liema, id-dispożizzjonijiet ikkontestati joħolqu preċedent li permezz tiegħu l-leġiżlatur jista’ jeżerċita pressjoni mhux iġġustifikata fuq awtorità superviżorja. Fil-fatt, minkejja li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jemendaw il-kuntest ġuridiku applikabbli, li l-KEPD huwa inkarigat li jeżerċita superviżjoni fir-rigward tal-osservanza tiegħu, u minkejja li dawn ma għandhomx kompletament l-istess portata bħal dik tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Jannar 2022, dawn madankollu ma jaffettwawx is-sitwazzjoni legali tiegħu.

78

It-tieni, u fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni tad-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, għandu jiġi rrilevat li dawn tal-aħħar iħallu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Europol.

79

Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati, il-Europol hija responsabbli sabiex tiddeċiedi kif tipproċessa s-settijiet ta’ data li ġew trażmessi lilha minn Stat Membru jew minn entitajiet oħra u li kienu fil-pussess tiegħu fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Europol emendat. Il-Europol hija msejħa tikkategorizza s-settijiet tad-data li kienu fil-pussess tagħha fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Europol emendat u tiddeċiedi jekk hemmx lok li tkompli tipproċessa s-settijiet ta’ data li jappartjenu lil kategoriji ta’ persuni li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness II tar-Regolament Europol emendat bħala appoġġ għal investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja u li tkun ġiet trażmessa lilha minn Stat Membru jew minn entitajiet oħra.

80

Għalhekk, huwa f’idejn il-Europol li tiddeċiedi jekk tipproċedix jew le bl-ipproċessar ta’ ċerta data. Għaldaqstant, ir-rwol ta’ superviżjoni tal-KEPD fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ikkontestati huwa suġġett għall-intervent ewlieni tal-Europol, ta’ Stati Membri jew ta’ entitajiet oħra.

81

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 74a tar-Regolament Europol emendat jipprevedi li l-Europol tittrażmetti lill-KEPD, għall-informazzjoni, l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 74a(1)(c) u (3)(d) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 74b tar-Regolament Europol emendat jipprevedi, essenzjalment, li l-Europol tista’ twettaq analiżi preliminari tad-data personali rċevuta qabel it‑28 ta’ Ġunju 2022 għal perijodu li ma jeċċedix 18-il xahar jew, f’każijiet iġġustifikati u bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-KEPD, għal perijodu itwal.

82

Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jħallu setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħhom. Għaldaqstant, dawn ma humiex ta’ natura purament awtomatika u jirriżultaw biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-konfront tal-KEPD, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra.

83

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-KEPD, skont liema, s-sempliċi fatt li l-Istati Membri jew l-aġenziji tal-Unjoni jitħallew jagħżlu li jawtorizzaw it-tkomplija tal-ipproċessar ta’ data mingħajr kategorizzazzjoni jippreġudika direttament id-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022. Fil-fatt, dwar din il-kwistjoni għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jipprekludux lill-KEPD milli jeżerċita, kif jidhirlu, il-kompetenzi tiegħu fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 72 iktar ’il fuq.

84

Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jaffettwawx direttament is-sitwazzjoni legali tal-KEPD.

85

Għalhekk, peress li l-kundizzjonijiet li r-rikorrent ikun ikkonċernat direttament u individwalment mill-att li jkun qiegħed jitlob l-annullament tiegħu huma kumulattivi, il-fatt li waħda minnhom ma tkunx issodisfatta minn rikorrent jimplika li r-rikors għal annullament ippreżentat minn dik il-parti kontra dan l-att ikollu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 76).

86

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill u li t-talbiet kontra dan tal-aħħar jiġu miċħuda bħala inammissibbli skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura.

87

Għal din ir-raġuni, it-talbiet imressqa kontra l-Parlament u li huma intiżi għall-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati li tagħhom dan tal-aħħar huwa wkoll l-awtur għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli fis-sens tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura.

88

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 144(3) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-konvenut ikun ressaq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew ta’ nuqqas ta’ kompetenza msemmija fl-Artikolu 130(1) tal-istess Regoli, id-deċiżjoni dwar it-talba għal intervent ma għandhiex tittieħed qabel ma din l-eċċezzjoni tiġi miċħuda jew titħalla għad-deċiżjoni fil-mertu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 142(2) tal-istess Regoli, l-intervent jitlef l-għan tiegħu, b’mod partikolari meta r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli. F’dan il-każ, peress li r-rikors ġie miċħud bħala inammissibbli fl-intier tiegħu, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal intervent tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-Kummissjoni, tar-Renju tal-Belġju u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Fuq l‑ispejjeż

89

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

90

Peress li l-KEPD tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill u mill-Parlament, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mat-talbiet għal intervent.

91

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-istanza fil-kawża prinċipali tingħalaq qabel ma tingħata deċiżjoni dwar talba għal intervent, min ressaq it-talba għal intervent u l-partijiet prinċipali għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talba għal intervent. Konsegwentement, il-KEPD, il-Kunsill u l-Parlament kif ukoll il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent.

 

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla Estiża)

tordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment manifestament inammissibbli.

 

2)

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet għal intervent imressqa mill-Kummissjoni Ewropea, mir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

 

3)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mat-talbiet għal intervent.

 

4)

Konsegwentement, il-KEPD, il-Kunsill u l-Parlament kif ukoll il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fis‑6 ta’ Settembru 2023.

Reġistratur

V. Di Bucci,

Il-President

D. Spielmann


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( i ) Fl-okkju u fil-punti 33, 38, 40, 51, 54, 55, 67, 68, 73, 74, 77 u 80 ta’ dan id-dokument, saru modifiki ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.

Top