Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0820

    Kawża T-820/22: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2022 – Coppo Gavazzi vs Il-Parlament

    ĠU C 94, 13.3.2023, p. 50–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 94/50


    Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2022 – Coppo Gavazzi vs Il-Parlament

    (Kawża T-820/22)

    (2023/C 94/60)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrent: Maria Teresa Coppo Gavazzi (Milano, l-Italja) (rappreżentant: M. Merola, avukat)

    Konvenut: Il-Parlament Ewropew

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara ineżistenti, jew sussidjarjament tannulla kompletament, il-miżura li r-rikorrenti ġiet informata biha permezz tal-Komunikazzjoni adottata mill-Kap tal-Unità tar-Remunerazzjoni u d-Drittijiet Soċjali tal-Membri tad-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament Ewropew dwar l-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar ikkomunikata b’ittra rreġistrata (Prot. Nru D311149), irċevuta fit-13 ta’ Ottubru 2022, li permezz tagħha l-Parlament Ewropew stabbilixxa mill-ġdid id-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar tagħha u ordna l-irkupru tal-ammont imħallas fuq il-bażi tad-determinazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni preċedenti;

    tordna lill-Parlament Ewropew iħallas lura l-ammonti kollha indebitament miżmuma, flimkien mal-interessi bir-rata legali mid-data taż-żamma sad-data tal-ħlas, u tikkundanna lill-Parlament Ewropew sabiex jeżegwixxi s-sentenza li għandha tingħata u jieħu l-inizjattivi, l-atti jew il-miżuri kollha meħtieġa, sabiex jiġi ggarantit l-istabbiliment mill-ġdid b’mod sħiħ u immedjat tal-ammont oriġinali tal-pensjoni tal-irtirar;

    tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att li jikkawża preġudizzju, ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u, għaldaqstant, ksur tal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 75 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur manifest tal-prinċipju ta’ ċertezza legali tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet miksuba, u, għaldaqstant, ksur tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem.


    Top