Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0767

    Kawża C-767/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Satversmes tiesa (il-Latvja) fit-12 ta’ Diċembru 2022 – 1Dream OÜ, DS, DL, VS, JG vs Latvijas Republikas Saeima

    ĠU C 94, 13.3.2023, p. 23–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 94/23


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Satversmes tiesa (il-Latvja) fit-12 ta’ Diċembru 2022 – 1Dream OÜ, DS, DL, VS, JG vs Latvijas Republikas Saeima

    (Kawża C-767/22)

    (2023/C 94/25)

    Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

    Qorti tar-rinviju

    Satversmes tiesa

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali: 1Dream OÜ, DS, DL, VS, JG

    Konvenut: Latvijas Republikas Saeima.

    Domandi preliminari

    1)

    Leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha qorti nazzjonali tiddeċiedi dwar il-konfiska ta’ oġġetti miksuba illegalment fi proċedura separata relatata ma’ tali oġġetti miksuba illegalment, li tiġi sseparata mill-proċedura kriminali prinċipali qabel ma jiġi aċċertat li twettaq reat u qabel ma persuna tiġi ddikjarata ħatja ta’ dan ir-reat, u li tipprevedi anki l-konfiska abbażi ta’ dokumentazzjoni separata mill-fajl tal-investigazzjoni tal-proċedura kriminali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (1), b’mod partikolari tal-Artikolu 4 tagħha, u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (2), b’mod partikolari tal-Artikolu 2 tagħha?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għad-dokumentazzjoni dwar l-investigazzjoni fil-proċedura dwar l-oġġetti miksuba illegalment għandha titqies konformi mad-dritt għal proċess ekwu sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/42?

    3)

    Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, adita b’rikors kostituzzjonali mibdi kontra leġiżlazzjoni nazzjonali ddikjarata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, milli tiddikjara li huwa applikabbli l-prinċipju ta’ ċertezza legali u li l-effetti ġuridiċi ta’ tali leġiżlazzjoni għandhom jinżammu għall-perijodu ta’ validità ta’ din tal-aħħar?


    (1)  ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU 2014, L 138, p. 114.

    (2)  ĠU 2005, L 68, p. 49.


    Top