EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0413

Kawża C-413/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall) fil-21 ta’ Ġunju 2022 – Vapo Atlantic SA vs Entidade Nacional Para o Setor Energético EPE, Fundo de Eficiência Energética, Fundo Ambiental

ĠU C 389, 10.10.2022, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 389/2


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall) fil-21 ta’ Ġunju 2022 – Vapo Atlantic SA vs Entidade Nacional Para o Setor Energético EPE, Fundo de Eficiência Energética, Fundo Ambiental

(Kawża C-413/22)

(2022/C 389/03)

Lingwa tal-kawża: il-Portuġiż

Qorti tar-rinviju

Supremo Tribunal Administrativo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Vapo Atlantic SA

Konvenuti: Entidade Nacional Para o Setor Energético EPE, Fundo de Eficiência Energética, Fundo Ambiental

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 3(4) u 18 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2099 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet ta’ konformità mal-għanijiet ta’ inkorporazzjoni tal-bijokarburanti, tistabbilixxi li l-operaturi ekonomiċi jistgħu, minflok, juru li jikkonformaw mal-istess kriterji permezz ta’ (i) l-inkorporazzjoni fiżika ta’ bijokarburanti fil-fjuwil fossili jew (ii) l-akkwist ta’ titotli ta’ bijokarburanti (TdB) mingħand aġenti oħra li kellhom eċċess ta’ tali titoli?

2)

L-Artikoli 3(4) u 18 tad-Direttiva 2009/28 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha l-possibbiltà ta’ inkorporazzjoni fiżika ta’ bijokarburanti tiġi limitata għal produtturi ta’ bijokarburanti li għandhom l-istatus ta’ maħżen tat-taxxa ta’ trasformazzjoni, billi ma tagħtix din il-possibbiltà lill-entitajiet li għandhom l-obbligu ta’ inkorporazzjoni u li jimportaw kombustibbli taħt l-istatus ta’ destinatarju rreġistrat, u dawn jistgħu jużaw il-possibbiltà li jakkwistaw TdB, fin-nuqqas ta’ liema jkollhom iħallsu kumpens (materjalment ekwivalenti għal multa)?

3)

Ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun differenti jekk, fi żmien il-fatti, ma kinux jeżistu TdB disponibbli għall-bejgħ fis-suq, b’tali mod li ma kienx, de facto, possibbli – jew inkella biss b’diffikultajiet kunsiderevoli – li operatur żgħir jakkwista TdB, u jekk id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija u l-Ġeoloġija (DGEG) ma kienx jorganizza l-irkanti neċessarji, u b’hekk kellu jħallas kumpens (materjalment ekwivalenti għal multa)?

4)

L-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2009/28 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi li awditi indipendenti (fil-każ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, verifiki indipendenti) ikunu kundizzjoni preliminari għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ sostenibbiltà?

5)

L-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2009/28 jipprekludi sistema nazzjonali ta’ verifika ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà li, minkejja li tipprevedi l-akkreditazzjoni ta’ entitajiet ta’ verifika sabiex iwettqu verifiki indipendenti ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà (skont l-Artikolu 18(3) tal-imsemmija direttiva), ma ppermettietx, fil-prattika, l-għażla tal-imsemmija entitajiet, minħabba l-assenza ta’ sejħa għal offerti, u fl-istess waqt teżiġi li l-operaturi ekonomiċi jipproduċu prova ta’ konformità ma’ dawn l-istess kriterji mingħajr ma jkunu akkumpanjati bi kwalunkwe awditu indipendenti?

6)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domandi preċedenti, l-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi interpretata bil-mod deskritt fid-domandi preċedenti?


(1)  ĠU 2009, L 140, p. 16


Top