EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0311

Kawża C-311/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret (id-Danimarka) fl-10 ta’ Mejju 2022 – Anklagemyndigheden vs PO u Moesgaard Meat 2012 A/S

ĠU C 276, 18.7.2022, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 276/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret (id-Danimarka) fl-10 ta’ Mejju 2022 – Anklagemyndigheden vs PO u Moesgaard Meat 2012 A/S

(Kawża C-311/22)

(2022/C 276/11)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Højesteret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Anklagemyndigheden

Konvenuti: PO u Moesgaard Meat 2012 A/S.

Domandi preliminari

1)

Il-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li “produzzjoni ta’ karkassi” tkopri l-proċess ta’ tbiċċir, li jibda meta l-annimal jitneħħa mill-kenn tiegħu, jiġu stordut u jinqatel, u jispiċċa meta jiġu prodotti l-qatgħat kbar standard, sabiex il-piż tal-annimal imbiċċer jiġi kkalkolat qabel ma jitneħħew l-għonq, ir-ras, kif ukoll l-organi u l-intestini, jew “produzzjoni ta’ karkassi” tfisser il-produzzjoni ta’ karkassi ta’ ħnieżer wara li jitneħħew l-għonq, ir-ras, kif ukoll l-organi u l-intestini, u wara żvinar u tkessiħ sabiex il-piż tal-annimal imbiċċer jiġi kkalkolat biss f’dan il-waqt?

2)

Il-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) għandu jiġi interpretat fis-sens li meta jiġu ddeterminati n-numru ta’ ġranet ta’ produzzjoni inklużi fil-kapaċità “kull jum”, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-ġranet li fihom jitwettqu l-isturdament, il-qtil u t-tqattigħ immedjat tal-ħanżir imbiċċer, jew għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-ġranet li fihom jitwettqu l-operazzjonijiet ta’ sliħ, li jinkludu l-preparazzjoni tal-annimal għat-tbiċċir, it-tkessiħ tal-annimal imbiċċer u t-tneħħija tar-ras u tal-għonq tal-annimal?

3)

Il-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“kapaċità” ta’ biċċerija għandha tiġi kkalkolata bħala l-produzzjoni massima għal kull jum f’24 siegħa, bla ħsara għal-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew legali li l-biċċerija effettivament tikkonforma ruħha magħhom, iżda mhux inqas mill-produzzjoni milħuqa tagħha, jew il-“kapaċità” tal-biċċerija tista’ tkun inqas mill-produzzjoni milħuqa, pereżempju, fejn il-produzzjoni milħuqa minn biċċerija tkun twettqet b’nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew legali tal-produzzjoni li jiġu preżunti meta tiġi kkalkolata l-“kapaċità” tal-biċċerija?


(1)  ĠU 2010, L 334, p. 17, rettifika fil-ĠU 2012, L 158, p. 25


Top