Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0292

    Kawża C-292/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Bulgarija) fl-4 ta’ Mejju 2022 – Teritorialna direktsia Mitnitsa Varna vs “NOVA TARGOVSKA KOMPANIA 2004” AD

    ĠU C 266, 11.7.2022, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.7.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 266/17


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Bulgarija) fl-4 ta’ Mejju 2022 – Teritorialna direktsia Mitnitsa Varna vs “NOVA TARGOVSKA KOMPANIA 2004” AD

    (Kawża C-292/22)

    (2022/C 266/21)

    Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

    Qorti tar-rinviju

    Administrativen sad – Varna

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Teritorialna direktsia Mitnitsa Varna

    Konvenut:“NOVA TARGOVSKA KOMPANIA 2004” AD

    Domandi preliminari

    1)

    Abbażi ta’ liema kriterji prodott, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri żejt tal-palm raffinat, ibbliċjat u deodorizzat bl-isem kummerċjali PALM FAT MP 36-39, li fil-kuntest tal-produzzjoni tiegħu kien “imħawwad, iffiltrat, imkessaħ, ittemprat u ppakkjat” permezz ta’ proċessi fiżiċi biss li ma jibdluhx kimikament, għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 1511 jew taħt l-intestatura 1517 tal-Kapitolu 15 tan-[Nomenklatura Magħquda]?

    2)

    X’tifsira għandu l-kunċett “testuriżazzjoni” li jintuża fid-deskrizzjoni tal-proċess li permezz tiegħu jinkisbu l-prodotti identifikati bħala “shortenings” fin-Noti ta’ Spjega tas-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u għall-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija fir-rigward tal-intestatura 1517?

    3)

    Fil-każ li ż-“Żejt tal-palm u l-frazzjonijiet tiegħu, raffinat jew le, iżda mhux modifikat kimikament” ikun għadda minn proċess ta’ “testuriżazzjoni”, dan jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex jiġi eskluż mill-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 1511?

    4)

    Fl-assenza, [fin-Nomenklatura Magħquda, fin-Noti ta’ Spjega tan-Nomenklatura Magħquda u fin-Noti ta’ Spjega tas-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u għall-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija], ta’ standards, metodi, kriterji u indikaturi li jippermettu li tiġi eżaminata l-konsistenza taż-żejt tal-palm u li jiġi stabbilit li kien ġie pproċessat permezz ta’ “testuriżazzjoni”, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija taħt l-intestatura 1511 jew taħt l-intestatura 1517, il-korpi doganali kompetenti jistgħu huma stess ifasslu u japplikaw proċeduri analitiċi ta’ ħidma, bħalma hija l-proċedura applikata f’dan il-każ, RAP 66 verżjoni 02/17.11.2020, li hija intiża li tistabbilixxi t-testuriżazzjoni ta’ xaħam permezz ta’ penetrazzjoni u li hija bbażata fuq il-metodu ppubblikat uffiċjalment AOCS Cc-16-60?

    Fil-każ li dan ma jkunx permess, skont liema standards, metodi, kriterji u indikaturi jista’ jitwettaq l-eżami tal-prodott sabiex jiġi stabbilit li għadda minn proċess ta’ “testuriżazzjoni” jew li jikkostitwixxi “shortening tal-palm”?

    5)

    In-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (1), kif emendat bir- Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1602 tal-11 ta’ Ottubru 2018 li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (2), għandha tiġi interpretata fis-sens li l-prodotti kklassifikati bħala “shortenings” miksuba minn żejt tal-palm ir-raffinat permezz ta’ testuriżazzjoni għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 1517 ta’ din in-nomenklatura, u b’mod partikolari taħt is-subintestatura 1517 90 99 tagħha?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382.

    (2)  ĠU 2018, L 273, p. 1.


    Top