Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0767

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2024.
1Dream OÜ et vs Latvijas Republikas Saeima.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Satversmes tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Konfiska ta’ rikavat, ta’ mezzi strumentali u ta’ proprjetà marbuta mal-kriminalità – Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI – Direttiva 2014/42/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Proċeduri kriminali nazzjonali li jistgħu jwasslu għal konfiska ta’ proprjetà akkwistata illegalment – Assenza ta’ konstatazzjoni ta’ reat kriminali – Konfiska mingħajr kundanna – Raġunijiet minbarra l-mard jew il-ħarba.
Kawżi magħquda C-767/22, C-49/23 u C-161/23.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:823

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Konfiska ta’ rikavat, ta’ mezzi strumentali u ta’ proprjetà marbuta mal-kriminalità – Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI – Direttiva 2014/42/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Proċeduri kriminali nazzjonali li jistgħu jwasslu għal konfiska ta’ proprjetà akkwistata illegalment – Assenza ta’ konstatazzjoni ta’ reat kriminali – Konfiska mingħajr kundanna – Raġunijiet minbarra l-mard jew il-ħarba”

Fil-Kawżi magħquda C‑767/22, C‑49/23 u C‑161/23,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑8 ta’ Diċembru 2022, tal‑31 ta’ Jannar u tal‑14 ta’ Marzu 2023, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fit‑12 ta’ Diċembru 2022, l‑1 ta’ Frar u fis‑16 ta’ Marzu 2023, fil-proċeduri

1Dream OÜ,

DS,

DL,

VS,

JG (C‑767/22)

AZ,

1Dream OÜ,

Produktech Engineering AG,

BBP,

Polaris Consulting Ltd (C‑49/23)

VL,

ZS,

Lireva Investments LTD,

VI,

FORTRESS FINANCE Inc. (C‑161/23),

fil-preżenza ta’:

Latvijas Republikas Saeima

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, T. von Danwitz, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: I. Illéssy u S. Spyropoulos, Amministraturi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ April 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal 1Dream OÜ, minn S. Bērtaitis, advokāts,

għal VS, DL, DS, minn A. Jaunzars, advokāts,

għal JG, minn I. Nikuļceva u A Voroņko, advokāti,

għal AZ, minn R. Valdemārs, advokāts,

għal Produktech Engineering AG, minn T. Krūmiņš u L. Liepa, advokāti,

għal BBP, minn A. Rasa, advokāts,

għal Polaris Consulting Ltd, minn A. Liepiņš, advokāts,

għal VL, minn L. Lielbriede, advokāta palīdze, S. Oborenko u E. Rusanovs, advokāti,

għal ZS, minn A. Ņikiforovs, jurists,

għal Lireva Investments LTD, minn A. Rasa, advokāts,

għal VI, minn D. Siliņa, advokāte,

għal FORTRESS FINANCE Inc., minn L. Baltiņa, advokāta palīdze,

għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča, K. Pommere u S. Zābele, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, T. Suchá u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Naglis, I. Rubene, M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Lulju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar’ il quddiem il-“Karta”), tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU 2006, L 159M, p. 223), tad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU 2014, L 138, p. 114), u tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ rikorsi kostituzzjonali ppreżentati minn 1Dream OÜ, DS, DL, VS, JG (C‑767/22), AZ, 1Dream, Produktech Engineering AG, BBP, Polaris Consulting Ltd (C‑49/23), VL, ZS, Lireva Investments LTD, VI u FORTRESS FINANCE Inc. (C‑161/23), dwar il-kostituzzjonalità ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar proċedura ta’ konfiska tal-proprjetà.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Deċiżjoni Qafas 2005/212

3

L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 jipprevedi:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew bil-privazzjoni ta’ proprjetà ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati.”

Id‑Direttiva 2014/42

4

Il-premessi 5, 15, 16, 34 u 22 tad-Direttiva 2014/42 jistabbilixxu:

“(5)

L-adozzjoni ta’ regoli minimi ser tqarreb iktar is-sistemi ta’ ffriżar u ta’ konfiska tal-Istati Membri, u b’hekk tiffaċilita l-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni transkonfinali effettiva.

[…]

(15)

Għandu jkun possibbli li jiġu kkonfiskati l-mezzi strumentali u r-rikavat ta’ kriminalità, jew il-proprjetà li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għal tali mezzi strumentali jew rikavat mill-kriminalità, soġġett għal kundanna definittiva għal reat kriminali. Tali kundanna definittiva tista’ tirriżulta wkoll minn proċedimenti in absentia. Meta ma jkunx possibbli li ssir konfiska abbażi ta’ kundanna definittiva, madankollu f’ċerti ċirkostanzi għandu jibqa’ jkun possibbli li jiġu kkonfiskati l-mezzi strumentali u r-rikavat, tal-inqas f’każijiet ta’ mard jew ħarba tal-persuna suspettata jew akkużata. Madankollu, f’tali każijiet ta’ mard jew ħarba, l-eżistenza ta’ proċedimenti in absentia fi Stati Membri tkun biżżejjed biex ikun hemm konformità ma’ dan l-obbligu. Meta l-persuna suspettata jew akkużata tkun ħarbet, lIstati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha raġonevoli u jistgħu jirrikjedu li l-persuna kkonċernata titħarrek jew tiġi infurmata bil-proċedimenti ta’ konfiska.

(16)

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, mard għandu jinftiehem bħala l-inkapaċità tal-persuna suspettata jew akkużata li tattendi l-proċedimenti kriminali għal perijodu ta’ żmien itwal, u li minħabba f’hekk il-proċedimenti ma jkunux jistgħu jitkomplew f’ċirkostanzi normali. Il-persuni suspettati jew akkużati jistgħu jintalbu jagħtu prova tal-mard, pereżempju permezz ta’ ċertifikat mediku, li l-qorti għandha tkun tista’ tinjora jekk hija tqis li ma jkunx sodisfaċenti. Ma għandux ikun affettwat id-dritt ta’ dik il-persuna li tkun rappreżentata minn avukat fil-proċedimenti.

[…]

(21)

Il-konfiska estiża għandha tkun possibbli meta l-qorti tkun sodisfatta li l-proprjetà inkwistjoni tkun irriżultat minn imġiba kriminali. Dan ma jfissirx li għandu jiġi stabbilit li l-proprjetà inkwistjoni tkun irriżultat minn imġiba kriminali. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li, pereżempju, ikun biżżejjed li l-qorti tikkunsidra fuq il-bilanċ talprobabbiltajiet jew tippreżumi b’mod raġonevoli li jkun sostanzjalment aktar probabbli li l-proprjetà inkwistjoni tkun inkisbet minn imġiba kriminali milli minn attivitajiet oħra. F’dan il-kuntest, il-qorti għandha tqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, inklużi l-fatti u l-evidenza disponibbli li abbażi tagħhom tkun tista’ tittieħed deċiżjoni dwar ilkonfiska estiża. Il-fatt li l-proprjetà tal-persuna tkun sproporzjonata mad-dħul legali tagħha jista’ jkun fost dawk ilfatti li jwasslu għal konklużjoni mill-qorti li l-proprjetà tkun ġejja minn imġiba kriminali. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wkoll rekwiżit għal ċertu perijodu ta’ żmien li fih il-proprjetà tista’ titqies li tkun oriġinat minn imġiba kriminali.

(22)

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. Ma żżommx lill-Istati Membri milli jipprevedu setgħat aktar estensivi fil-liġi nazzjonali tagħhom, inkluż, pereżempju, fir-rigward tar-regoli tagħhom dwar l-evidenza.”

5

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar l-iffriżar tal-proprjetà fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement u dwar il-konfiska tal-proprjetà f’materji kriminali.

2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jikkonfiskaw il-proprjetà inkwistjoni.”

6

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jippreċiża:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘rikavat’ tfisser kwalunkwe vantaġġ ekonomiku li jirriżulta, direttament jew indirettament minn reat kriminali; dan jista’ jikkonsisti minn kwalunkwe forma ta’ proprjetà u jinkludi kwalunkwe investiment mill-ġdid jew kwalunkwe trasformazzjoni li jsiru sussegwentement ta’ rikavat dirett u kwalunkwe benefiċċju ta’ valur;

2)

‘proprjetà’ tfisser proprjetà ta’ kwalunkwe deskrizzjoni, kemm jekk materjali kif ukoll jekk immaterjali, mobbli jew immobbli u d-dokumenti jew l-istrumenti legali li jixhdu dritt jew interess fi proprjetà bħal din;

3)

‘mezzi strumentali’ tfisser kwalunkwe proprjetà użata jew maħsuba biex tintuża, bi kwalunkwe mod, kompletament jew parzjalment, biex jitwettaq reat kriminali jew biex jitwettqu reati kriminali;

4)

‘konfiska’ tfisser ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali;

[…]

6)

‘reat kriminali’ tfisser reat kopert minn kwalunkwe strument elenkat fl-Artikolu 3.”

7

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Konfiska”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jikkonfiskaw, kompletament jew parzjalment, il-mezzi strumentali u r-rikavat jew il-proprjetà li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għal tali mezzi strumentali jew rikavat, soġġett għal kundanna definittiva għal reat kriminali, li tista’ wkoll tirriżulta minn proċedimenti in absentia.

2.   Meta l-konfiska abbażi tal-paragrafu 1 ma tkunx possibbli, tal-inqas fejn din l-impossibbiltà tkun ir-riżultat ta’ mard jew ħarba tal-persuna suspettata jew akkużata, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jikkonfiskaw il-mezzi strumentali u r-rikavat f’każijiet fejn ikunu nbdew il-proċedimenti kriminali fir-rigward ta’ reat kriminali li jista’ jwassal, direttament jew indirettament, għal benefiċċju ekonomiku, u tali proċedimenti setgħu wasslu għal kundanna kriminali jekk il-persuna suspettata jew akkużata setgħet titressaq quddiem il-qorti.”

8

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/42, intitolat “Konfiska estiża” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jikkonfiskaw, kompletament jew parzjalment, il-proprjetà li tappartjeni lil persuna li tkun instabet ħatja ta’ reat kriminali li jista’ joħloq, direttament jew indirettament, benefiċċju ekonomiku, fejn qorti abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ, inklużi l-fatti speċifiċi u l-evidenza disponibbli, bħal li l-valur tal-proprjetà jkun sproporzjonat meta mqabbel mad-dħul legali tal-persuna li tinstab ħatja, tkun sodisfatta li l-proprjetà inkwistjoni nkisbet minn imġiba kriminali.”

9

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Konfiska fir-rigward ta’ parti terza”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jikkonfiskaw ir-rikavat, jew proprjetà oħra li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għar-rikavat, li, direttament jew indirettament, tkun ġiet ittrasferita minn persuna suspettata jew akkużata lil partijiet terzi, jew li tkun ġiet akkwistata minn partijiet terzi mingħand il-persuna suspettata jew akkużata, tal-inqas jekk dawk il-partijiet terzi kienu jafu jew suppost li kienu jafu li l-għan tat-trasferiment jew tal-akkwist kien biex tiġi evitata l-konfiska, abbażi ta’ fatti u ċirkostanzi konkreti, inkluż li t-trasferiment jew l-akkwist sar mingħajr ħlas jew għal ammont ferm aktar baxx mill-valur fis-suq.”

10

L-Artikolu 8(1) u (8) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni affettwati mill-miżuri previsti skont din id-Direttiva jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust sabiex jitħarsu d-drittijiet tagħhom.

[…]

8.   Fil-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 5, il-persuna affettwata għandu jkollha l-possibbiltà effettiva li tikkontesta ċċirkostanzi tal-każ, inklużi fatti speċifiċi u l-evidenza disponibbli li abbażi tagħhom il-proprjetà kkonċernata titqies bħala proprjetà li tkun rikavata minn imġiba kriminali.”

11

L-Artikolu 14(1) tal-istess direttiva jippreċiża:

“[L]-ewwel erba’ inċiżi tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni [Qafas] [2005/212], huma sostitwiti b’din id-Direttiva għall-Istati Membri marbuta minn din id-Direttiva […]”

Ir‑Regolament (UE) 2018/1805

12

Il-premessa 13 tar-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ordnijiet ta’ konfiska (ĠU 2018, L 303, p. 1) tipprovdi:

“Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-ordnijiet ta’ ffriżar kollha u l-ordnijiet ta’ konfiska kollha maħruġa fil-qafas ta’ proċedimenti f’materji kriminali. ‘Proċedimenti f’materji kriminali’ huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minkejja l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. It-terminu b’hekk ikopri t-tipi kollha ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ordnijiet ta’ konfiska maħruġa wara proċedimenti b’rabta ma’ reat kriminali, mhux biss l-ordnijiet koperti mid-Direttiva 2014/42/UE. Ikopri wkoll tipi oħra ta’ ordnijiet maħruġa mingħajr kundanna finali. […]”

Id‑dritt Latvjan

13

L-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 92 tal-Latvijas Republikas Satversme (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni Latvjana”) jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt li tinvoka d-drittijiet tagħha u l-interessi leġittimi tagħha quddiem qorti imparzjali. Kull persuna għandha titqies innoċenti sakemm il-ħtija tagħha tiġi stabbilita konformement mal-liġi.”

14

L-Artikolu 124(6) tal-Kriminālprocesa likums (il-Liġi dwar il-Proċeduri Kriminali), tal‑21 ta’ April 2005 (Latvijas Vēstnesis, 2005, Nru 74), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Proċeduri Kriminali”), jistabbilixxi li, fil-proċeduri kriminali u fil-proċeduri fil-qasam tal-proprjetà akkwistata illegalment, il-provi dwar l-oriġini illegali tal-proprjetà jitqiesu li huma stabbiliti jekk, matul il-produzzjoni tal-provi, ikun hemm raġunijiet sabiex jitqies li l-proprjetà probabbilment għandha oriġini kriminali u mhux oriġini legali.

15

L-Artikolu 125(3) ta’ din il-liġi jipprevedi li l-proprjetà li kienet is-suġġett ta’ ħasil tal-flus għandha titqies bħala li ġiet akkwistata illegalment jekk il-persuna involuta fi proċeduri kriminali ma tkunx f’pożizzjoni li tipprovdi spjegazzjoni kredibbli dwar l-oriġini legali tal-proprjetà u jekk il-provi kollha jippermettu lill-persuna responsabbli mill-proċeduri tippreżumi li probabbilment din il-proprjetà għandha oriġini illegali.

16

L-Artikolu 126(31) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Jekk il-persuna involuta fi proċeduri kriminali tallega li l-proprjetà ma tistax titqies li ġiet akkwistata illegalment, hija għandha turi l-legalità tal-oriġini tal-proprjetà. Fin-nuqqas li tipprovdi informazzjoni affidabbli dwar il-legalità tal-oriġini tal-proprjetà fit-terminu mogħti, hija tiġi rrifjutata l-possibbiltà li tikseb kumpens għad-dannu kkawżat mir-restrizzjonijiet imposti fuq l-użu ta’ din il-proprjetà fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.”

17

L-Artikolu 626(1) tal-istess liġi jipprevedi:

“L-investigatur, bi qbil mal-prosekutur responsabbli mit-tmexxija tal-investigazzjoni, jew il-prosekutur jista’, fl-interess tas-soluzzjoni rapida tal-kwistjonijiet patrimonjali mqajma matul il-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali u fl-interess tal-ekonomija tal-ġudizzju, jissepara mill-proċess kriminali l-elementi relatati mal-proprjetà akkwistata illegalment u jressaq l-akkużi jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)

il-provi kollha jissuġġerixxu li l-proprjetà rtirata jew maqbuda ġiet akkwistata illegalment jew hija relatata ma’ reat kriminali;

2)

li l-każ kriminali jitressaq quddiem il-qrati fil-futur prevedibbli (f’terminu raġonevoli) huwa, għal raġunijiet oġġettivi, impossibbli jew jista’ jinvolvi spejjeż kbar [u] mhux iġġustifikati.”

18

L-Artikolu 627(1) sa (5) tal-Liġi dwar il-Proċeduri Kriminali jistabbilixxi:

“(1)   Fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 626 ta’ din il-liġi, il-persuna responsabbli mill-proċedura għandha tieħu d-deċiżjoni li jsiru l-akkużi għall-akkwist illegali ta’ proprjetà u li tibgħat lill-qorti l-elementi li jikkonċernaw il-proprjetà akkwistata illegalment.

(2)   Fid-deċiżjoni tagħha, il-persuna responsabbli mill-proċedura għandha tindika:

1)

l-informazzjoni dwar il-fatti ta’ natura li jistgħu jistabbilixxu r-rabta bejn il-proprjetà u r-reat kriminali jew l-oriġini illegali tal-proprjetà, kif ukoll l-elementi li jkunu ġew isseparati mill-proċess f’kawża kriminali li tkun għaddejja b’rabta mal-akkwist illegali tal-proprjetà;

2)

il-persuni li għandhom rabta mal-proprjetà;

3)

il-miżuri li tipproponi fir-rigward tal-proprjetà akkwistata illegalment;

4)

il-vittma, fejn applikabbli.

(3)   Id-deċiżjoni u l-atti mehmuża għandhom jintbagħtu lir-rajona (pilsētas) tiesa (il-Qorti Distrettwali).

(4)   L-elementi tal-proċess fil-qasam tal-proprjetà akkwistata illegalment huma koperti mis-sigriet istruttorju u jistgħu jiġu kkonsultati mill-persuna responsabbli mill-proċedura, mill-prosekutur u mill-qorti adita bil-kawża. Il-persuni msemmija fl-Artikolu 628 ta’ din il-liġi jistgħu jikkonsultaw l-elementi tal-proċess bl-awtorizzazzjoni tal-persuna responsabbli mill-proċedura u sa fejn din tiddetermina dan.

(5)   Id-deċiżjoni tal-persuna responsabbli mill-proċedura li tiċħad it-talba għal aċċess għall-elementi tal-proċess tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem ir-rajona (pilsētas) tiesa (il-Qorti Distrettwali) li hija mitluba tiddeċiedi f’kawża dwar proprjetà akkwistata illegalment. Il-qorti għandha tiddeċiedi jekk tilqax jew tiċħadx ir-rikors kollu jew parti minnu. Id-deċiżjoni ma tistax tiġi appellata. Sabiex il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi jekk l-aċċess għall-elementi tal-proċess jippreġudikax id-drittijiet fundamentali tal-individwi, l-interess pubbliku jew it-twettiq tal-għan tal-proċeduri kriminali, hija tista’ titlob u tikkonsulta l-proċess kriminali.”

19

Skont l-Artikolu 628 ta’ din il-liġi:

“Il-persuna responsabbli mill-proċedura għandha tibgħat immedjatament kopja tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 627 ta’ din il-liġi lill-persuna ssuspettata jew akkużata u lill-persuna li l-proprjetà tagħha tkun ġiet irtirata jew maqbuda, jekk dawn il-persuni jkunu s-suġġett tal-proċeduri kriminali kkonċernati, jew lil persuna oħra li jkollha d-dritt għall-proprjetà fuq il-proprjetà inkwistjoni […]”

20

Il-Liġi tas‑7 ta’ Ottubru 2021 (Latvijas Vēstnesis, 2021, Nru 202) ħassret, mit‑2 ta’ Novembru 2021, il-kliem “persuna ssuspettata jew akkużata u” mill-Artikolu 628 tal-Liġi dwar il-Proċeduri Kriminali.

21

Skont l-Artikolu 630 tal-Liġi dwar il-Proċeduri Kriminali:

“(1)   Waqt l-eżami tal-elementi li jikkonċernaw il-proprjetà akkwistata illegalment, l-imħallef għandu jiddeċiedi:

1)

jekk il-proprjetà tkunx ġiet akkwistata b’mod illegali jew jekk tkunx marbuta ma’ reat kriminali;

2)

jekk teżistix informazzjoni dwar il-proprjetarju jew id-detentur leġittimu tal-proprjetà;

3)

jekk persuna għandhiex dritt leġittimu fuq il-proprjetà;

4)

miżuri relatati mal-proprjetà akkwistata illegalment.

(2)   Jekk il-qorti tikkonstata li r-rabta bejn il-proprjetà u r-reat kriminali ma kinitx ġiet stabbilita jew li l-proprjetà ma għandhiex oriġini illegali, hija għandha tieħu deċiżjoni li ttemm il-proċedura dwar l-akkwist illegali tal-proprjetà.”

22

L-Artikolu 631 tal-Liġi dwar il-Proċeduri Kriminali jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]d-deċiżjoni tal-qorti tista’ tkun is-suġġett ta’ appell fi żmien 10 t’ijiem quddiem l-apgabaltiesa (il-Qorti Reġjonali)” u jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li, “[w]ara eżami tal-appell, il-qorti tista’ tannulla d-deċiżjoni tar-rajona (pilsētas) tiesa (il-Qorti Distrettwali) u tadotta deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 630 ta’ din il-liġi”, fejn din l-aħħar deċiżjoni “ma tistax tiġi appellata”.

Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

Il‑Kawża C‑767/22

23

Fondi, strumenti finanzjarji u proprjetajiet immobbli li jappartjenu lil 1Dream, lil DS, lil DL, lil VS u lil JG kienu ġew maqbuda fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali miftuħa matul is-snin 2019 u 2020, prinċipalment minħabba ħasil tal-flus fuq skala kbira tar-rikavat minn attività kriminali.

24

Dawn il-proċeduri kriminali kienu għadhom fl-istadju tal-investigazzjoni, fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

25

Bejn it‑12 ta’ Marzu 2021 u l‑21 ta’ Frar 2022, il-persuna responsabbli għall-imsemmija proċeduri bdiet proċeduri fil-qasam ta’ proprjetà akkwistata illegalment fir-rigward ta’ dawn il-fondi, strumenti finanzjarji u proprjetajiet immobbli. Għal dan l-għan, hija bagħtet il-proċessi ta’ dawn l-istess proċeduri quddiem il qrati li kellhom ġurisdizzjoni.

26

Fir-rigward b’mod partikolari tal-fondi li jappartjenu lil 1Dream, ir-Rīgas apgabaltiesas Krimināllietu tiesas kolēģija (il-Qorti Reġjonali ta’ Riga, Kulleġġ Kriminali, il-Latvja) iddeċidiet fl-appell, fis‑7 ta’ Ottubru 2021, li l-fondi ta’ 1Dream kienu ġew akkwistati illegalment. B’konsegwenza, din il-qorti ddeċidiet li tikkonfiskahom u li tittrasferixxihom lill-baġit tal-Istat. Il-proċeduri relatati mal-assi ta’ DS, ta’ DL, ta’ VS u ta’ JG ġew sospiżi.

27

Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri fil-qasam tal-proprjetà akkwistata illegalment, 1Dream, DS, DL, VS u JG kienu talbu lill-persuna responsabbli mill-proċedura, abbażi tal-Artikolu 627(4) tal-Liġi dwar il-Proċeduri Kriminali, sabiex ikollhom aċċess għall-elementi tal-proċess. Peress li din il-persuna responsabbli laqgħet biss parzjalment it-talbiet tagħhom, dawn il-persuni ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjonijiet tagħha.

28

Peress li qiesu li s-sistema prevista fl-Artikolu 627(4) u (5) tal-Liġi dwar il-Proċeduri Kriminali tqegħedhom f’pożizzjoni żvantaġġuża meta mqabbla mal-persuna responsabbli mill-proċedura, 1Dream, DS, DL, VS u JG ippreżentaw quddiem il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja), li hija l-qorti tar-rinviju, rikorsi kostituzzjonali kontra dawn id-dispożizzjonijiet, billi invokaw in-nuqqas ta’ konformità tal-imsemmija dispożizzjonijiet mad-dritt għal smigħ xieraq, kif stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 92 tal-Kostituzzjoni Latvjana, moqri fid-dawl tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 u tad-Direttiva 2014/42.

29

Sabiex tiddeċiedi dwar dawn ir-rikorsi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar l-applikabbiltà tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 u tad-Direttiva 2014/42 għall-proċedura fil-qasam ta’ proprjetà akkwistata illegalment prevista fl-Artikolu 626(1) tal-Liġi dwar il-Proċeduri Kriminali.

30

Din il-qorti tippreċiża, f’dan ir-rigward, li r-reati akkużati fil-kuntest tal-proċeduri kriminali pendenti, li huma proċeduri distinti mill-proċedura fil-qasam ta’ proprjetà akkwistata illegalment, jinsabu fost dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 u fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/42.

31

L-imsemmija qorti tirrileva wkoll li, b’differenza mill-kawżi li taw lok għas-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001 (C‑234/18, EU:C:2020:221), u tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo (C‑319/19, EU:C:2021:883), il-proċedura fil-qasam tal-proprjetà akkwistata illegalment hija rregolata mir-regoli dwar il-proċeduri kriminali.

32

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/42 ikoprix il-konfiska ta’ proprjetà f’ipoteżi fejn il-kundanna ma tistax issir għal raġunijiet oħra minbarra l-mard u l-ħarba tal-persuna ssuspettata jew akkużata.

33

Din il-qorti tippreċiża li l-proċedura fil-qasam ta’ proprjetà akkwistata illegalment hija intiża sabiex tiżgura riżoluzzjoni malajr, effikaċi u ekonomika tal-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-oriġini legali tal-proprjetà jew ir-rabta tagħha ma’ reat kriminali mqajma matul il-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali. Il-konstatazzjoni li proprjetà kienet ġiet akkwistata illegalment issir mill-qorti qabel ma tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ reat kriminali jew qabel ma tingħata kundanna. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma tikkorrispondix għall-konstatazzjoni ta’ reat kriminali wieħed jew iktar.

34

Għalhekk, il-proċedura fil-qasam tal-proprjetà akkwistata illegalment tinbeda permezz ta’ deċiżjoni tal-persuna responsabbli mill-proċedura billi jiġu sseparati mill-proċess tal-proċeduri kriminali l-elementi relatati mal-proprjetà suġġetta għall-proċedura fil-qasam tal-proprjetà akkwistata illegalment meta din il-persuna responsabbli tqis, minn naħa, li l-provi kollha jwasslu sabiex wieħed jemmen li din il-proprjetà kienet ġiet akkwistata illegalment jew hija marbuta ma’ reat kriminali u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li l-kawża titressaq quddiem il-qrati fil-futur prevedibbli jew f’terminu raġonevoli huwa, għal raġunijiet oġġettivi, impossibbli jew jista’ jwassal għal spejjeż kbar u mhux iġġustifikati.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-persuna responsabbli mill-proċedura tista’ tiddeċiedi li tadixxi qorti, li tiddetermina għalhekk biss jekk il-proprjetà kinitx ġiet akkwistata b’mod illegali jew jekk hijiex marbuta ma’ reat kriminali. Ladarba l-qorti adita tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni, din titqies li ġiet deċiża b’mod definittiv u ma tkunx iktar ittrattata fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li matulhom ikunu nbdew il-proċedura fil-qasam tal-proprjetà akkwistata illegalment.

36

Kieku d-Deċiżjoni Qafas 2005/212 jew id-Direttiva 2014/42 kellhom jitqiesu bħala li huma applikabbli f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, dwar il-portata tad-dritt ta’ aċċess ta’ persuna li l-proprjetà tagħha hija suġġetta għall-proċedura fil-qasam tal-proprjetà akkwistata illegalment għall-proċess tagħha u, jekk ikun il-każ, dwar il-possibbiltà li jinżammu ratione temporis l-effetti tad-dispożizzjonijiet li hija tqis inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha qorti nazzjonali tiddeċiedi dwar il-konfiska ta’ oġġetti miksuba illegalment fi proċedura separata relatata ma’ tali oġġetti miksuba illegalment, li tiġi sseparata mill-proċedura kriminali prinċipali qabel ma jiġi aċċertat li twettaq reat u qabel ma persuna tiġi ddikjarata ħatja ta’ dan ir-reat, u li tipprevedi anki l-konfiska abbażi ta’ dokumentazzjoni separata mill-fajl tal-investigazzjoni tal-proċedura kriminali [elementi separati tal-proċess kriminali] taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2014/42], b’mod partikolari tal-Artikolu 4 tagħha, u tad-Deċiżjoni Qafas [2005/212], b’mod partikolari tal-Artikolu 2 tagħha?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għad-dokumentazzjoni dwar l-investigazzjoni [proċess] fil-proċedura dwar l-oġġetti miksuba illegalment għandha titqies konformi mad-dritt għal proċess ekwu [dritt għal smigħ xieraq] sanċit fl-Artikolu 47 tal-[Karta] u fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/42?

3)

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, adita b’rikors kostituzzjonali mibdi kontra leġiżlazzjoni nazzjonali ddikjarata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, milli tiddikjara li huwa applikabbli l-prinċipju ta’ ċertezza legali u li l-effetti ġuridiċi ta’ tali leġiżlazzjoni għandhom jinżammu għall-perijodu ta’ validità ta’ din tal-aħħar?”

Il‑Kawża C‑49/23

38

Proprjetajiet immobbli li jappartjenu lil AZ kif ukoll fondi li jappartjenu lil 1Dream, lil Produktech Engineering, lil BBP u lil Polaris Consulting ġew maqbuda fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali miftuħa matul is-snin 2012 sa 2020, minħabba ħasil tal-flus fuq skala kbira tar-rikavat minn attività kriminali.

39

Dawn il-proċeduri kriminali kienu għadhom fl-istadju tal-investigazzjoni, fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

40

Bejn id‑9 ta’ April u t‑8 ta’ Ġunju 2021, il-persuna responsabbli mill-imsemmija proċeduri bdiet proċeduri fil-qasam ta’ proprjetà akkwistata illegalment fir-rigward ta’ dawn il-proprjetajiet immobbli u ta’ dawn il-fondi. Għal dan l-għan, hija bagħtet il-proċessi ta’ dawn l-istess proċeduri lill-qrati li kellhom ġurisdizzjoni.

41

Fir-rigward tal-proprjetajiet immobbli li jappartjenu lil AZ kif ukoll tal-fondi li jappartjenu lil 1Dream, lil Produktech Engineering u lil BBP, dawn il-qrati qiesu li dawn ma kinux ġew akkwistati illegalment u għalqet il-proċeduri. Fir-rigward tal-fondi li jappartjenu lil Polaris Consulting, il-qorti fil-ġurisdizzjoni tagħha ddeċidiet li parti minnhom kienet ġiet akkwistata illegalment. Din il-qorti ddikjarat dwarhom il-konfiska favur l-Istat u għalqet il-proċedura għall-kumplament tal-proprjetajiet.

42

Adita b’rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet, ir-Rīgas apgabaltiesas Krimināllietu tiesas kolēģija (il-Qorti Reġjonali ta’ Riga, Kulleġġ Kriminali), bejn it‑22 ta’ Lulju u d‑19 ta’ Ottubru 2021, qieset li l-proprjetajiet immobbli kollha u l-fondi kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inklużi dawk ta’ Polaris Consulting li ma kinux għadhom ġew ikkonfiskati, kienu ġew akkwistati illegalment. Għalhekk, dawn l-assi ġew ikkonfiskati u ttrasferiti lill-baġit tal-Istat.

43

Peress li d-deċiżjonijiet tar-Rīgas apgabaltiesas Krimināllietu tiesas kolēģija (il-Qorti Reġjonali ta’ Riga, Kulleġġ Kriminali) ma jistgħux jiġu appellati konformement mal-Artikolu 631(3) tal-Liġi dwar il-Proċeduri Kriminali, AZ, 1Dream, Produktech Engineering, BBP u Polaris Consulting ippreżentaw quddiem il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali), li hija l-qorti tar-rinviju, rikorsi kostituzzjonali billi invokaw in-nuqqas ta’ konformità tad-dispożizzjonijiet li jipprekludu tali applikazzjoni tad-dritt għal smigħ xieraq, kif stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 92 tal-Kostituzzjoni Latvjana, moqrija fid-dawl tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 u tad-Direttiva 2014/42.

44

Sabiex tiddeċiedi dwar dawn ir-rikorsi, il-qorti tar-rinviju tagħmel, fl-ewwel lok, mistoqsijiet dwar l-applikabbiltà tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 u tad-Direttiva 2014/42 fl-istess termini bħal dawk miġbura fil-qosor fil-punti 29 sa 35 ta’ din is-sentenza.

45

Jekk din id-deċiżjoni qafas jew din id-direttiva kellhom jitqiesu bħala li huma applikabbli f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li, fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 8(6) tal-imsemmija direttiva jeżiġux li jiġi ggarantit dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni ta’ konfiska adottata għall-ewwel darba fl-appell u, jekk ikun il-każ, li tiġi mistħarrġa l-possibbiltà li jinżammu ratione temporis l-effetti tad-dispożizzjonijiet li hija tqis inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha qorti nazzjonali tiddeċiedi fuq il-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali fi proċeduri separati dwar l-oġġetti miksuba illegalment, li jkunu separati mill-proċeduri kriminali prinċipali qabel ma jiġi kkonstatat it-twettiq ta’ reat kriminali u qabel ma persuna tkun instabet ħatja tar-reat, u li tipprevedi wkoll il-konfiska abbażi ta’ elementi meħuda mill-proċess kriminali, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 2014/42], b’mod partikolari tal-Artikolu 4 tagħha, u taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas [2005/212], b’mod partikolari tal-Artikolu 2 tagħha?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ ‘ordni ta’ konfiska’ fis-sens tad-Direttiva 2014/42, b’mod partikolari tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(6) tagħha, jinkludi mhux biss dawk id-deċiżjonijiet ġuridiċi li permezz tagħhom jiġi ddikjarat li l-oġġetti nkisbu illegalment u tiġi ordnata l-konfiska tagħhom iżda wkoll dawk li permezz tagħhom jintemmu l-proċeduri dwar l-oġġetti miksuba illegalment?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, leġiżlazzjoni li ma tipprevedix id-dritt tal-persuni li jkollhom rabta mal-oġġetti li jippreżentaw rikors kontra l-ordnijiet ta’ konfiska hija kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-[Karta] u mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2014/42?

4)

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, adita b’rikors għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità ppreżentat kontra leġiżlazzjoni nazzjonali ddikjarata bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tiddikjara li l-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa applikabbli u li l-effetti ġuridiċi tal-imsemmija leġiżlazzjoni għandhom jinżammu b’mod temporanju sal-mument stabbilit fid-deċiżjoni tal-imsemmija qorti bħala l-mument li fih d-dispożizzjoni kkontestata għandha tieqaf tipproduċi effetti?”

Il‑Kawża C‑161/23

47

Fondi u proprjetajiet immobbli li jappartjenu lil VL, lil ZS, lil Lireva Investments, lil VI u lil FORTRESS FINANCE ġew maqbuda fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali miftuħa minħabba ħasil tal-flus fuq skala kbira tar-rikavat minn attività kriminali.

48

Dawn il-proċeduri kriminali kienu għadhom fl-istadju tal-investigazzjoni, fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

49

Sussegwentement, il-persuna responsabbli mill-imsemmija proċeduri bdiet proċeduri fil-qasam ta’ proprjetà akkwistata illegalment fir-rigward ta’ dawn il-fondi u ta’ dawn il-proprjetajiet immobbli. Għal dan l-għan, hija bagħtet il-proċessi ta’ dawn l-istess proċeduri lill-qrati li kellhom ġurisdizzjoni.

50

Fil-kuntest tal-imsemmija proċeduri, VL, ZS, Lireva Investments, VI u FORTRESS FINANCE pprovdew kemm lil din il-persuna responsabbli kif ukoll lill-qrati aditi informazzjoni dwar il-legalità tal-oriġini tal-assi tagħhom. Permezz ta’ deċiżjonijiet definittivi mogħtija fil-proċeduri kollha fil-qasam tal-proprjetà akkwistata illegalment, l-imsemmija qrati kkonstataw li l-fondi u l-proprjetajiet immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ġew akkwistati illegalment. Dawn il-fondi u dawn il-proprjetajiet immobbli għalhekk ġew ikkonfiskati u ttrasferiti lill-baġit tal-Istat.

51

Peress li qiesu li r-regoli dwar il-prova previsti fl-Artikolu 124(6), fl-Artikolu 125(3) u fl-Artikolu 126(31) tal-Liġi dwar il-Proċeduri Kriminali ma jiggarantixxux opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri u jippreġudikaw il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, VL, ZS, Lireva Investments, VI u FORTRESS FINANCE ppreżentaw quddiem il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali), li hija l-qorti tar-rinviju, rikorsi Kostituzzjonali kontra dawn ir-regoli, billi invokaw in-nuqqas ta’ konformità tagħhom mad-dritt għal smigħ xieraq u mal-preżunzjoni tal-innoċenza, kif stabbilit fl-ewwel u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 92 tal-Kostituzzjoni Latvjana, moqrija fid-dawl tad-Direttiva Qafas 2005/212 u tad-Direttiva 2014/42.

52

Sabiex tiddeċiedi dwar dawn ir-rikorsi, il-qorti tar-rinviju tagħmel, fl-ewwel lok, mistoqsijiet dwar l-applikabbiltà tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 u tad-Direttiva 2014/42 fl-istess termini bħal dawk miġbura fil-qosor fil-punti 29 sa 35 ta’ din is-sentenza.

53

Jekk din id-deċiżjoni qafas jew din id-direttiva kellhom jitqiesu bħala li huma applikabbli f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li, fit-tieni lok, għandu jiġi stabbilit jekk ir-regoli dwar il-provi li japplikaw għall-proċedura fil-qasam tal-proprjetà akkwistata illegalment humiex kompatibbli mad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta kif ukoll ma’ dawk previsti fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva u, jekk ikun il-każ, li tistaqsi dwar il-possibbiltà li jinżammu ratione temporis l-effetti tad-dispożizzjonijiet li hija tqis inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha qorti nazzjonali tiddeċiedi dwar il-konfiska ta’ beni miksuba illegalment fil-kuntest ta’ proċeduri separati relatati ma’ tali beni, li huma separati mill-proċeduri kriminali prinċipali, qabel ma tkun ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ reat kriminali u qabel ma xi persuna tkun instabet ħatja ta’ dan ir-reat, u li tipprovdi wkoll għall-konfiska abbażi ta’ elementi misluta mill-proċess kriminali, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 2014/42], b’mod partikolari tal-Artikolu 4 tagħha, u tad-[Deċiżjoni Qafas 2005/212], b’mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-prova tal-oriġini illegali ta’ beni fil-kuntest ta’ proċeduri dwar beni miksuba illegalment, bħal dik stabbilita mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, għandha titqies li hija kompatibbli mad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikoli 47 u 48 tal-[Karta] u fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/42?

3)

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, adita b’rikors kostituzzjonali kontra leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tiddeċiedi li tapplika l-prinċipju ta’ ċertezza legali u li żżomm l-effetti legali ta’ din il-leġiżlazzjoni matul il-perijodu ta’ validità tagħha?”

55

Minħabba r-rabta bejn il-Kawżi C‑767/22, C‑49/23 u C‑161/23, dawn għandhom jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza.

Il‑fatti li seħħew wara t‑talbiet għal deċiżjoni preliminari

56

Sussegwentement għall-introduzzjoni ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, VL ressaq talba quddiem il-qorti tar-rinviju intiża sabiex tippreċiża jew tikkompleta d-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-fatt li l-proċeduri kriminali, li minnhom il-proċedura li kienet wasslet għall-konfiska tal-proprjetajiet tiegħu kienet ġiet isseparata, kienu ngħalqu mingħajr ma l-ħtija tiegħu kienet ġiet irrikonoxxuta.

57

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Awwissu 2024, ikkomunikata lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Settembru 2024, il-qorti tar-rinviju ċaħdet din it-talba. Fil-fatt hija fakkret li kienet diġà indikat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-proċedura fil-qasam ta’ proprjetà akkwistata illegalment hija awtonomi u distinta mill-proċeduri kriminali fis-sens li l-ewwel proċedura ma tiddependix mir-riżultat tat-tieni proċeduri. Għalhekk, skont din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet informata li l-proċedura fil-qasam ta’ proprjetà akkwistata illegalment jistgħu jwasslu għal konfiska filwaqt li l-proċeduri kriminali jistgħu sussegwentement jingħalqu minħabba l-assenza ta’ provi. Fl-aħħar nett, fl-imsemmija deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju żiedet li ċ-ċirkustanzi invokati minn VL ma kinux jikkostitwixxu element ġdid.

Fuq it‑talbiet għal ftuħ mill‑ġdid tal‑fażi orali tal‑proċedura

58

B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fis‑26 ta’ Awwissu u fl‑4 ta’ Settembru 2024, JG u VL talbu l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

59

Insostenn ta’ dawn it-talbiet, JG u VL isostnu li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali jirrigwardaw elementi li ma ġewx ittrattati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq id-deċiżjoni li hija għandha tagħti f’dawn il-kawżi.

60

JG jirreferi, minn naħa, għal ċerti elementi, imressqa f’dawn il-konklużjonijiet sabiex tiġi interpretata t-tieni sentenza tal-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2014/42, li ma ġewx ittrattati bejn il-partijiet ikkonċernati. Min-naħa l-oħra, JG jirrileva li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tista’ taffettwa wkoll l-interpretazzjoni tad-Direttiva (UE) 2024/1260 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ April 2024 dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi (ĠU L, 2024/1260). Issa, l-adozzjoni ta’ din id-direttiva, li saret sussegwentement għas-seduta, tikkostitwixxi element ġdid.

61

Fir-rigward ta’ VL, dan jindika li l-proċeduri kriminali miftuħa kontrih ngħalqu mingħajr ma r-responsabbiltà tiegħu ġiet irrikonoxxuta. Skont VL, għandhom jiġu diskussi konsegwenzi legali li għandhom jinsiltu mill-fatt li l-proċeduri kriminali kontra l-awtur ta’ reat kriminali jistgħu jingħalqu minkejja li konfiska ta’ proprjetà tkun diġà ġiet ordnata fil-kuntest tal-proċedura fil-qasam ta’ proprjetà akkwistata illegalment miftuħa matul l-imsemmija proċeduri kriminali.

62

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid tali li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li jkunx għadu ġie ttrattat.

63

Għandu jitfakkar ukoll li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-elementi invokati minn JG insostenn tat-talba tiegħu għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma jikkostitwixxux argumenti li ma kinux ġew ittrattati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li abbażi tagħhom dawn il-kawżi għandhom jiġu deċiżi. B’mod partikolari, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, komuni għal dawn il-kawżi, li fiha pparteċipa JG, il-partijiet ikkonċernati setgħu jesponu l-punti ta’ liġi li huma qiesu rilevanti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, inkluż id-domanda li tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2014/42. B’mod iktar preċiż, din id-dispożizzjoni kienet is-suġġett ta’ mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja li għaliha dawn il-persuni kkonċernati kienu ġew mistiedna jwieġbu matul din is-seduta. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument ta’ JG ibbażat fuq id-Direttiva 2024/1260, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li din id-direttiva bl-ebda mod ma ssemmiet fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Minbarra dan, skont l-Artikolu 33 tagħha, it-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva kien ġie stabbilit għat‑23 ta’ Novembru 2026, b’mod li jekk ikun il-każ hija l-qorti tar-rinviju li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba li tirreferi speċifikament għall-istess direttiva u r-rilevanza possibbli tad-dispożizzjonijiet tagħha.

66

Fir-rigward tal-elementi mressqa minn VL, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-qorti tar-rinviju, li l-informazzjoni pprovduta minn din tal-aħħar kienet tinkludi, sa mit-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑161/23, iċ-ċirkustanza li l-proċeduri kriminali miftuħa kontra l-awturi preżunti ta’ reat kriminali jistgħu jkomplu matul l-iżvolġiment tal-proċedura fil-qasam tal-proprjetà akkwistata illegalment u jwasslu għal għeluq mingħajr kundanna ta’ dan l-awtur minkejja li l-proċedura relatati ma’ din il-proprjetà tista’ fil-frattemp twassal għal konfiska. Minn dan isegwi li l-persuni kkonċernati kellhom l-okkażjoni li jagħtu l-opinjoni tagħhom f’dan ir-rigward.

67

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha l-elementi neċessarji kollha sabiex tieħu deċiżjoni.

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domandi fil-Kawżi C‑767/22, C‑49/23 u C‑161/23

69

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li tkun adita biha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tirriformula d-domandi li jkunu sarulha, billi tislet mill-elementi kollha pprovduta mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, CU u ND (Assistenza soċjali – Diskriminazzjoni indiretta), C‑112/22 u C‑223/22, EU:C:2024:636, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70

F’dan ir-rigward, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt ir-regoli nazzjonali tal-proċeduri kriminali u tipprevedi, fil-każ fejn proċeduri kriminali jitressqu kontra persuna għal reat kriminali iżda f’sitwazzjoni fejn il-fatt li titressaq kawża quddiem il-qrati fil-futur prevedibbli jirriżulta, għal raġunijiet oġġettivi, impossibbli jew jinvolvi spejjeż kbar u mhux iġġustifikati, il-possibbiltà li jinbdew proċeduri għall-akkwist illegali ta’ proprjetà, li jistgħu jwasslu għall-konfiska ta’ proprjetà. Skont din l-istess leġiżlazzjoni, il-konfiska tal-proprjetà tista’ tiġi ddikjarata mill-qorti kompetenti meta jkun jidher li din il-proprjetà kienet ġiet akkwistata illegalment jew hija marbuta ma’ reat kriminali. Madankollu, dawn il-proċedura ma għandhiex bħala għan il-konstatazzjoni tar-reat kriminali li permezz tiegħu il-proċeduri kriminali kienu ġew introdotti u hija indipendenti mill-konstatazzjoni ta’ dan ir-reat kriminali mwettqa mill-qorti adita bl-imsemmija proċeduri kriminali.

71

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu għalhekk jitqies li, permezz tal-ewwel domandi tagħha fil-Kawżi C‑767/22, C‑49/23 u C‑161/23, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni Qafas 2005/212 u d-Direttiva 2014/42 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-atti leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà, matul proċeduri kriminali intiżi sabiex jiġi vverifikat jekk persuna wettqitx reat kriminali, li tinbeda proċedura intiża, abbażi ta’ elementi li jinsabu fil-proċess tal-proċeduri kriminali, għall-konfiska ta’ proprjetà akkwistata illegalment, fil-każ fejn din il-proċedura ta’ konfiska ma tirrigwardax il-konstatazzjoni ta’ tali reat kriminali, u minkejja li ebda raġuni marbuta mal-mard jew mal-ħarba ta’ din il-persuna ma tostakola d-dehra quddiem qorti tagħha.

72

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2005/212 u d-Direttiva 2014/42, li, konformement mal-Artikolu 14(1) tagħha, issostitwixxiet parzjalment id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas, huma atti adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001, C‑234/18, EU:C:2020:221, punti 5253, kif ukoll tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo, C‑319/19, EU:C:2021:883, punti 3233).

73

Dawn l-atti jobbligaw lill-Istati Membri jistabbilixxu regoli minimi komuni għall-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavati b’rabta ma’ reati kriminali, bl-għan, b’mod partikolari, li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ konfiska adottati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001 (C‑234/18, EU:C:2020:221, punt 56), u tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo, C‑319/19, EU:C:2021:883, punt 36).

74

Għal dan l-għan, l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 u l-Artikoli 4 sa 6 tad-Direttiva 2014/42 jirrikjedu lill-Istati Membri jipprevedu tali konfiska f’ċerti ipoteżi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Okrazhna prokuratura Varna, C‑845/19 u C‑863/19, EU:C:2021:864, punt 48).

75

Għandu jiġi rrilevat li din l-ipoteżi, kif tippreċiża l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, tippreżumi l-eżistenza ta’ rabta bejn il-konfiska u reat kriminali. F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “konfiska” huwa ddefinit fil-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bħala “ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali”.

76

Għalhekk, huwa biss fl-imsemmija ipoteżi li d-Deċiżjoni Qafas 2005/212 u d-Direttiva 2014/42 japplikaw. Tali delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-premessa 13 tar-Regolament 2018/1805, li minnha jirriżulta li, b’differenza minn dan ir-regolament, id-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva 2014/42 ma humiex intiżi li jkopru d-deċiżjonijiet ta’ konfiska kollha maħruġa fi tmiem proċedura b’rabta ma’ reat kriminali.

77

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, moqri flimkien mal-premessi 5 u 22 tagħha, id-Direttiva 2014/42 tistabbilixxi regoli minimi dwar, b’mod partikolari, il-konfiska ta’ proprjetà f’materji kriminali.

78

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma taqax taħt regoli minimi stipulati mid-Deċiżjoni Qafas 2005/212 u mid-Direttiva 2014/42 leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-konfiska ta’ mezzi strumentali u ta’ rikavati provenjenti minn attivitajiet illegali li hija ordnata minn qorti ta’ Stat Membru fil-kuntest jew wara proċedura li ma tirrigwardax il-konstatazzjoni ta’ reat kriminali wieħed jew iktar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001, C‑234/18, EU:C:2020:221, punti 57 u 62; tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo, C‑319/19, EU:C:2021:883, punti 37, 3941, kif ukoll tad‑9 ta’ Marzu 2023, Otdel Mitnichesko razsledvane i razuznavane, C‑752/21, EU:C:2023:179, punt 40).

79

B’mod partikolari, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn it-testi proċedura nazzjonali li, filwaqt li hija mibdija abbażi tal-informazzjoni li persuna hija akkużata li wettqet ċerti reati kriminali, hija intiża esklużivament sabiex tistabbilixxi jekk proprjetà kinitx ġiet akkwistata illegalment u titmexxa b’mod indipendenti minn eventwali proċeduri kriminali mibdija kontra l-awtur preżunt tar-reati kif ukoll mill-eżitu ta’ tali proċeduri, b’mod partikolari l-eventwali kundanna tal-imsemmi awtur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001, C‑234/18, EU:C:2020:221, punt 60, u tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo, C‑319/19, EU:C:2021:883, punt 38).

80

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma jistgħux jitqiesu titqies bħala li hija huma rregolati mid-Deċiżjoni Qafas 2005/212 jew mid-Direttiva 2014/42 proċedura li, għalkemm prevista mir-regoli nazzjonali ta’ proċeduri kriminali, hija intiża esklużivament sabiex tiddetermina jekk proprjetà nkisbitx illegalment abbażi tal-elementi tal-proċess estratti mill-proċeduri dwar il-konstatazzjoni ta’ reat kriminali wieħed jew iktar imsemmija f’dawn l-atti, mingħajr ma l-qorti adita bil-proċedura ta’ konfiska tkun awtorizzata, fil-kuntest tagħha, tikkonstata l-eżistenza ta’ tali reat kriminali u mingħajr ma din il-konstatazzjoni sseħħ matul il-proċeduri li jirrigwardaw il-konstatazzjoni ta’ reat kriminali wieħed jew iktar.

81

Fil-fatt, minn naħa, għalkemm il-fatt li proċedura ta’ konfiska hija mfassla mir-regoli nazzjonali tal-proċeduri kriminali jista’ jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ rabta neċessarja bejn il-proċedura ta’ konfiska u l-konstatazzjoni ta’ reat kriminali, dan ma huwiex determinanti waħdu sabiex jitqies li tali proċedura ta’ konfiska taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 jew tad-Direttiva 2014/42.

82

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva ma jikkontestax l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 u tad-Direttiva 2014/42 ta’ proċedura ta’ konfiska intiża esklużivament sabiex jiġi ddeterminat jekk proprjetà kinitx ġiet akkwistata illegalment, mingħajr ma l-qorti adita tkun awtorizzata tikkonstata l-eżistenza ta’ reat kriminali u fl-assenza ta’ konstatazzjoni minn qabel ta’ tali reat kriminali.

83

F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tipprevedi li, meta ma jkunx possibbli li ssir il-konfiska abbażi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/42, jew tal-inqas meta din l-impossibbiltà tirriżulta minn marda jew mill-ħarba tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata, l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tkun tista’ ssir il-konfiska tal-mezzi strumentali jew tar-rikavati fil-każ fejn proċeduri kriminali jkunu nbdew rigward reat kriminali li jista’ jagħti lok, direttament jew indirettament, għal vantaġġ ekonomiku u fejn l-imsemmija proċeduri setgħu jwasslu għal kundanna kriminali jekk il-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata kienet fil-pożizzjoni li titressaq quddiem qorti.

84

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ipoteżijiet li fihom l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/42 jimponi fuq l-Istati Membri li jadottaw miżuri li jippermettu l-konfiska huma ddefiniti bil-kontra ta’ dawk previsti fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

85

Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni tirrigwarda l-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavati li jappartjenu lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata jew tal-proprjetà li l-valur tagħha jikkorrispondi għal dak ta’ dawn il-mezzi strumentali jew ta’ dawn ir-rikavati, li jintużaw għal jew jirriżultaw mir-reat kriminali li għalih ingħatat il-kundanna definittiva tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Okrazhna prokuratura – Varna (C‑845/19 u C‑863/19, EU:C:2021:864, punt 55, kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2022, RR u JG (Iffriżar tal-beni ta’ terzi) (C‑505/20, EU:C:2022:376, punt 50).

86

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/42 jirrigwarda, hekk kif jirriżulta mill-premessa 15 tagħha, il-każ fejn tali kundanna ma tkunx possibbli minħabba n-nuqqas ta’ dehra tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata f’ċerti ċirkustanzi, tal-inqas fil-każ ta’ mard jew ta’ ħarba ta’ din il-persuna ssuspettata jew ta’ din il-persuna, iżda fejn ikunu nbdew proċeduri kriminali fir-rigward ta’ reat kriminali li jista’ jagħti lok, direttament jew indirettament, għal vantaġġ ekonomiku u fejn l-imsemmija proċeduri setgħu jagħtu lok għal kundanna kriminali jekk l-imsemmija persuna ssuspettata jew l-imsemmija persuna kienet f’pożizzjoni li titressaq quddiem qorti.

87

Minn dan isegwi li l-konfiska prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/42, filwaqt li tirreferi għal “mezzi strumentali” kif ukoll għal “rikavat”, fis-sens tal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, teħtieġ, indipendentement minn kull kundanna tal-awtur tar-reat kriminali, li l-materjalità ta’ dan ir-reat kriminali tkun tista’ tiġi evalwata mill-qorti li tordna l-konfiska.

88

Għaldaqstant, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/42 ma jirrigwardax proċedura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li tinkiseb malajr konfiska iżda li ma għandhiex bħala għan il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ reat kriminali.

89

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel domandi fil-Kawżi C‑767/22, C‑49/23 u C‑161/23 għandhom jiġu risposti li d-Deċiżjoni Qafas 2005/212 u d-Direttiva 2014/42 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-atti leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà, matul proċeduri kriminali intiżi sabiex jiġi vverifikat jekk persuna wettqitx reat kriminali, li tinbeda proċedura intiża, abbażi ta’ elementi li jinsabu fil-proċess tal-proċeduri kriminali, għall-konfiska ta’ proprjetà akkwistata illegalment, fil-każ fejn din il-proċedura ta’ konfiska ma tirrigwardax il-konstatazzjoni ta’ tali reat kriminali, u minkejja li ebda raġuni marbuta mal-mard jew mal-ħarba ta’ din il-persuna ma tostakola d-dehra quddiem qorti tagħha.

Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda fil‑Kawżi C‑767/22, C‑49/23 u C‑161/23 kif ukoll fuq ir‑raba’ domanda fil‑Kawża C‑49/23

90

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domandi fil-Kawżi C‑767/22, C‑49/23 u C‑161/23, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra f’dawn il-kawżi, li saru lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ risposta pożittiva għal dawn l-ewwel domandi, bla ħsara għall-konstatazzjoni min-naħa tal-qorti tar-rinviju tal-eventwali applikabbiltà għall-proċeduri fil-kawża prinċipali tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1), jew tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

Fuq l‑ispejjeż

91

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-Kawżi C‑767/22, C‑49/23 u C‑161/23 jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza.

 

2)

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità u d-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-atti leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà, matul proċeduri kriminali intiżi sabiex jiġi vverifikat jekk persuna wettqitx reat kriminali, li tinbeda proċedura intiża, abbażi ta’ elementi li jinsabu fil-proċess tal-proċeduri kriminali, għall-konfiska ta’ proprjetà akkwistata illegalment, fil-każ fejn din il-proċedura ta’ konfiska ma tirrigwardax il-konstatazzjoni ta’ tali reat kriminali, u minkejja li ebda raġuni marbuta mal-mard jew mal-ħarba ta’ din il-persuna ma tostakola d-dehra quddiem qorti tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

Top