This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0724
Judgment of the Court (Ninth Chamber) of 29 February 2024.#Investcapital Ltd v G.H.R.#Request for a preliminary ruling from the Juzgado de Primera Instancia de León.#Reference for a preliminary ruling – Unfair terms in consumer contracts – Directive 93/13/EEC – Principle of effectiveness of EU law – Revolving credit agreement – Order for payment procedure – Review of the court’s own motion of whether contractual terms are unfair in the course of that procedure – Enforcement of the procedural decision terminating that procedure – Loss, due to a time-bar, of the possibility of raising the unfairness of a contractual term at the stage of enforcement of the order for payment – Power of review of the national court.#Case C-724/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tad-29 ta’ Frar 2024.
Investcapital Ltd vs G.H.R.
Talba għal deċiżjoni preliminari ,imressqa minn Juzgado de Primera Instancia de León.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni – Kuntratt ta’ kreditu li jista’ jiġġedded – Proċedura għal ordni ta’ ħlas – Stħarriġ ex officio tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali mwettaq fil-kuntest ta’ din il-proċedura – Eżekuzzjoni tad-deċiżjoni proċedurali li tagħlaq l-imsemmija proċedura – Telf b’dekadenza tal-possibbiltà li tiġi invokata n-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas – Setgħa ta’ stħarriġ tal-qorti nazzjonali.
Kawża C-724/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tad-29 ta’ Frar 2024.
Investcapital Ltd vs G.H.R.
Talba għal deċiżjoni preliminari ,imressqa minn Juzgado de Primera Instancia de León.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni – Kuntratt ta’ kreditu li jista’ jiġġedded – Proċedura għal ordni ta’ ħlas – Stħarriġ ex officio tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali mwettaq fil-kuntest ta’ din il-proċedura – Eżekuzzjoni tad-deċiżjoni proċedurali li tagħlaq l-imsemmija proċedura – Telf b’dekadenza tal-possibbiltà li tiġi invokata n-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas – Setgħa ta’ stħarriġ tal-qorti nazzjonali.
Kawża C-724/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:182
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
29 ta’ Frar 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni – Kuntratt ta’ kreditu li jista’ jiġġedded – Proċedura għal ordni ta’ ħlas – Stħarriġ ex officio tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali mwettaq fil-kuntest ta’ din il-proċedura – Eżekuzzjoni tad-deċiżjoni proċedurali li tagħlaq l-imsemmija proċedura – Telf b’dekadenza tal-possibbiltà li tiġi invokata n-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas – Setgħa ta’ stħarriġ tal-qorti nazzjonali”
Fil-Kawża C‑724/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n. 2 de León (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 2 ta’ León, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura
Investcapital Ltd
vs
G.H.R.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn O. Spineanu‑Matei (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, J.‑C. Bonichot u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Pérez-Zurita Gutiérrez, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Cherubini, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u N. Ruiz García, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni bejn Investcapital Ltd u G.H.R., konsumatur, dwar l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas relatata ma’ kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tistabbilixxi li “l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”. |
|
4 |
L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
|
5 |
Skont kliem l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.” |
Id-dritt Spanjol
|
6 |
L-Artikolu 136 tal-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi Nru 1/2000 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575) (iktar ’il quddiem il-“LEC”), jipprevedi. “Kull parti li tħalli jiskadi t-terminu li fih għandu jitwettaq att proċedurali hija dekaduta u l-att inkwistjoni ma jistax iktar jitwettaq. Ir-[Reġistratur] għandu jieħu nota tal-iskadenza tat-terminu, għandu jordna l-miżuri xierqa jew javża lill-qorti sabiex din tiddeċiedi skont il-liġi.” |
|
7 |
Skont kliem l-Artikolu 551(1) tal-LEC: “Ladarba ssir it-talba ta’ eżekuzzjoni, u sakemm ir-regoli u r-rekwiżiti proċedurali huma ssodisfatti, sakemm it-titolu eżekuttiv ma huwiex ivvizzjat b’xi irregolarità formali u sakemm l-atti ta’ eżekuzzjoni mitluba huma konformi man-natura u mal-kontenut tat-titolu, il-qorti għandha toħroġ digriet li jinkludi l-ordni ġenerali ta’ eżekuzzjoni u timplimentah.” |
|
8 |
L-Artikolu 556 tal-LEC huwa intitolat “Oppożizzjoni kontra l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet proċedurali jew ta’ arbitraġġ jew tal-ftehimiet ta’ medjazzjoni” jipprovdi: “1. Jekk it-titolu eżekuttiv ikun deċiżjoni proċedurali jew ta’ arbitraġġ ta’ kundanna, jew ftehim ta’ medjazzjoni, il-parti li kontra tagħha l-eżekuzzjoni tkun qiegħdha tintalab tista’, fiż-żmien għaxart ijiem wara n-notifika tad-digriet ta’ eżekuzzjoni topponi għal dan bil-miktub billi tinvoka l-ħlas jew l-osservanza tad-dispożittiv tas-sentenza, tas-sentenza ta’ arbitraġġ jew tal-ftehim, li tiegħu għandha tipproduċi l-prova dokumentali. Din tista’ tinvoka wkoll id-dekadenza tal-azzjoni ta’eżekuzzjoni kif ukoll il-ftehimiet u t-tranżazzjonijiet li jkunu ġew konklużi sabiex tiġi evitata l-eżekuzzjoni, bil-kundizzjoni li dawn il-ftehimiet u dawn it-tranżazzjonijiet jkunu stipulati f’att notarili. 2. L-oppożizzjoni mressqa fil-każijiet previsti fil-paragrafu 1 ma tissospendix l-eżekuzzjoni. […]” |
|
9 |
Il-LEC ġiet emendata bil-Ley 42/2015 de reforma de la Ley 1/2000 (il-Liġi 42/2015 dwar ir-riforma tal-Liġi 1/2000), tal-5 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 239, tas-6 ta’ Ottubru 2015) (iktar’ il quddiem il-“LEC emendat”). L-Artikolu 815(4) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi: “Jekk il-kreditu mitlub huwa bbażat fuq kuntratt bejn kumpannija, jew bejjiegħ jew fornitur, u konsumatur jew utent, ir-[Reġistratur] għandu jinnotifika b’dan lill-qorti qabel [il-ħruġ] tal-ordni ta’ ħlas sabiex din tkun tista’ tikkonstata l-eventwali natura inġusta ta’ kwalunkwe klawżola li fuqha hija bbażata l-applikazzjoni jew li tiddetermina l-ammont eżiġibbli. Il-qorti teżamina ex officio jekk waħda mill-klawżoli li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni jew li jiddeterminaw l-ammont dovut tistax tiġi meqjusa bħala klawżola inġusta. Jekk hija tqis li waħda mill-klawżoli tista’ titqies bħala tali, hija tistieden lill-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet fi żmien ħamest ijiem. Wara li tkun semgħet lill-partijiet, hija għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet fi żmien ħamest ijiem. Din il-proċedura ma timponix l-intervent ta’ avukat jew ta’ rappreżentant legali. Jekk il-qorti tqis li waħda mill-klawżoli kuntrattwali hija inġusta, id-digriet maħruġ jiddetermina l-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni billi jiddikjara jew in-natura infondata tal-applikazzjoni jew it-tkomplija tal-proċedura iżda mingħajr l-applikazzjoni tal-klawżoli meqjusa inġusti. Jekk il-qorti tqis li ma hemmx klawżoli inġusti, hija tagħmel dikjarazzjoni f’dan is-sens u r-[Reġistratur] jibgħat ordni lid-debitur fit-termini previsti fil-paragrafu 1. Fi kwalunkwe każ, id-digriet mogħti jista’ jiġi appellat direttament.” |
|
10 |
L-Artikolu 816 tal-LEC emendat huwa fformulat kif ġej: “ 1. “1. Jekk id-debitur ma jonorax l-ordni ta’ ħlas jew ma jidhirx quddiem il-qorti, ir-[Reġistratur] jagħti deċiżjoni mmotivata li tagħlaq il-proċedura għal ordni ta’ ħlas u jinforma dwar dan lill-kreditur sabiex dan tal-aħħar jitlob l-implementazzjoni tal-eżekuzzjoni, u din issir b’sempliċi talba, mingħajr ma jkun neċessarju li jkun skorra t-terminu ta’ għoxrin jum previst fl-Artikolu 548 ta’ din il-liġi. 2. Ladarba l-eżekuzzjoni tiġi implimentata, din issir skont ir-regoli applikabbli għall-[eżekuzzjoni] tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, peress li l-oppożizzjoni prevista f’dawn il-każijiet tkun tista’ ssir, minkejja li la l-applikant tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas u lanqas id-debitur li huwa s-suġġett tal-ordni għal ħlas ma jistgħu jitolbu sussegwentement, fil-proċedura ordinarja, l-ammont mitlub fl-ordni ta’ ħlas u lanqas il-ħlas lura tal-ammont miksub permezz ta’ eżekuzzjoni. Il-kreditu jipproduċi l-interessi msemmija fl-Artikolu 576 b’effett mill-għoti tad-digriet ta’ eżekuzzjoni.” |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
11 |
Fit-23 ta’ Lulju 2018, Investcapital ressqet applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas kontra G.H.R., li permezz tagħha hija talbet mingħand dan tal-aħħar il-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 5774,84 abbażi ta’ kreditu li kien ġie ttrasferit lilha minn Servicios Financieros Carrefour EFC SA. Dan il-kreditu kien jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsum tat-tip li jiġġedded (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kreditu”). |
|
12 |
Insostenn tat-talba tagħha, Investcapital ippreżentat dan il-kuntratt ta’ kreditu u ċertifikat ta’ kreditu stabbilit minnha stess, mingħajr ebda dikjarazzjoni ta’ kontabbiltà dwar dan iċ-ċertifikat jew maħruġa minn Servicios Financieros Carrefour dwar l-imsemmi kreditu. Fl-imsemmi ċertifikat, l-ammont tal-kreditu mitlub kien maqsum f’“kapital mhux imħallas”, li jammonta għal EUR 5 517.27, u f’kummissjonijiet u spejjeż ta’ rkupru, li jammontaw għal EUR 257.53. Ma ġiet ipprovduta l-ebda dikostruzzjoni tal-“kapital mhux imħallas”. |
|
13 |
Fis-17 ta’ Diċembru 2018, Investcapital u G.H.R. ġew mistiedna mill-qorti sabiex jifformulaw osservazzjonijiet dwar l-eventwali natura inġusta tal-klawżoli dwar l-interessi, l-ispejjeż u l-kummissjonijiet li jinsabu fil-kuntratt ta’ kreditu. F’din l-okkażjoni, Investcapital iddikjarat li kienet qiegħdha tirrinunzja għall-ammont mitlub bħala kummissjonijiet u spejjeż ta’ rkupru, peress li t-talba għal ordni kienet tirrigwarda biss l-ammont tal-kapital mhux imħallas, jiġifieri EUR 5 517.27. G.H.R. ma ppreżentax osservazzjonijiet. Il-qorti ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti. |
|
14 |
Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tar-Reġistratur tad-9 ta’ Lulju 2019, il-proċedura għal ordni ta’ ħlas ingħalqet. |
|
15 |
Fis-16 ta’ Diċembru 2021, Investcapital ressqet quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n. 2 de León (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 2 ta’ León, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, talba għal eżekuzzjoni, billi bbażat ruħha fuq id-deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2019, ikkunsidrata bħala titolu eżekuttiv. |
|
16 |
Dik il-qorti tirrileva li l-“esperjenza tal-qrati” turi li l-assenza ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni jew dokument ta’ kontabbiltà dwar l-ammont mitlub bħala “kapital mhux imħallas” kif ukoll l-assenza ta’ dikostruzzjoni ta’ dan l-ammont tikkostitwixxi element li jista’ jiżvela prattika ta’ ħabi ta’ eventwali klawżoli inġusti li jinsabu fil-kuntratt ta’ kreditu, peress li dan l-ammont jista’ ma jkunx jikkorrispondi għas-somma dovuta bħala s-somma prinċipali tal-kreditu. Din hija r-raġuni għaliex l-imsemmija qorti qieset li l-istħarriġ tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt, li kien seħħ matul il-proċedura għal ordni ta’ ħlas, kien twettaq mingħajr ma kienet disponibbli l-informazzjoni kollha neċessarja għal dan l-għan. |
|
17 |
Din l-evalwazzjoni wasslet sabiex il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-partijiet fit-tilwima mressqa quddiemha dwar il-possibbiltà li jitwettaq stħarriġ ġdid tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu. Investcapital qieset li t-tieni stħarriġ ikun imur kontra l-prinċipju ta’ dekadenza tal-atti proċedurali minħabba l-iskadenza tat-terminu impost għal dan il-għan. G.H.R sostna li stħarriġ ġdid, matul il-fażi ta’ eżekuzzjoni, huwa dejjem possibbli fid-dawl tad-Direttiva 93/13. |
|
18 |
F’dan ir-rigward, dik il-qorti tippreċiża li, b’differenza mis-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98), u tas-17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco (C‑600/19, EU:C:2022:394), il-LEC emendata issa tipprevedi l-istħarriġ ex officio tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas. Min-naħa l-oħra, it-titolu ġudizzjarju li jirriżulta minn tali proċedura ma jista’ jkun is-suġġett ta’ ebda stħarriġ jew oppożizzjoni oħra abbażi tan-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli, peress li huwa preżunt li nħareġ wara li tali stħarriġ, previst b’mod imperattiv mil-LEC emendata, ikun twettaq. |
|
19 |
L-imsemmija qorti tirrileva wkoll li, billi ppreveda stħarriġ tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas, u mhux waqt l-eżekuzzjoni tat-titolu li jirriżulta minn tali proċedura, l-intenzjoni tal-leġiżlatur Spanjol kienet li dan l-istħarriġ jitwettaq, taħt piena tad-dekadenza prevista fl-Artikolu 136 tal-LEC, biss matul ċertu stadju tal-proċedura. Wara l-iżvolġiment ta’ dan l-istadju sseħħ id-dekadenza tat-terminu ta’ stħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali. Barra minn hekk, id-dritt Spanjol jipprojbixxi, fl-interess taċ-ċertezza legali, ir-reviżjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji finali, li huwa l-każ tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura għal ordni ta’ ħlas. |
|
20 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettilhiex, minħabba d-dekadenza tat-termini ta’ stħarriġ tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, li twettaq, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ ordni għal ħlas, stħarriġ ġdid f’dan is-sens, jekk hija tqis li jeżistu klawżoli inġusti li ma ġewx identifikati matul il-proċedura għal ordni ta’ ħlas li wasslet għall-ħruġ tat-titolu li l-eżekuzzjoni tiegħu hija mitluba mingħandha. |
|
21 |
Dik il-qorti għandha dubji wkoll dwar jekk, għat-twettiq ta’ tali stħarriġ, huwiex konformi mar-rekwiżiti imposti minn dan l-artikolu li jintalbu, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ ordni għal ħlas, dokumenti addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk mitluba fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia no2 de León (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 2 ta’ León) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l-ammissibbiltà
|
23 |
Il-Gvern Spanjol jeċċepixxi l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari minħabba, minn naħa, li ċ-ċirkustanza fattwali li fuqha huma bbażati dawn id-domandi, jiġifieri stħarriġ inkomplet tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu matul il-proċedura għal ordni ta’ ħlas, hija ipotetika, peress li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-qorti wettqet stħarriġ ex officio, konformi mal-Artikolu 815(4) tal-LEC emendata. Min-naħa l-oħra, skont dan il-gvern, l-eżami tal-kwantifikazzjoni korretta tal-ammont mitlub minn Investcapital ma jeħtieġx li jsir stħarriġ tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu, fis-sens tad-Direttiva 93/13. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li domanda preliminari li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali domanda huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2023, International Protection Appeals Tribunal et (Attentat fil-Pakistan) C‑756/21, EU:C:2023:523, punti 35 u 36). |
|
25 |
Issa, f’dan il-każ, minn naħa, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi deskrizzjoni suffiċjenti tal-kuntest ġuridiku u fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, u l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tad-domandi magħmula. |
|
26 |
Min-naħa l-oħra, hija esklużivament il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-istħarriġ tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu matul il-proċedura għal ordni ta’ ħlas jistax jitqies bħala komplet u jekk, sabiex tiżgura ruħha li l-ammont mitlub fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ġie kkwantifikat b’mod korrett, huwiex jew ma huwiex neċessarju li minn qabel twettaq verifika tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies bħala ammissibbli. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel partijiet tal-ewwel u t-tieni domanda
|
28 |
Permezz tal-ewwel partijiet tal-ewwel u tat-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, minħabba d-dekadenza, ma tippermettix li l-qorti adita bl-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas tistħarreġ, ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, meta tali stħarriġ ikun diġà twettaq minn qorti fl-istadju tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas, iżda jkunu jeżistu raġunijiet sabiex wieħed jaħseb li ma kienx komplet. |
|
29 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 93/13 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi sabiex jintemm l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA, C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 19, u tal-31 ta’ Marzu 2022, Lombard Lízing, C‑472/20, EU:C:2022:242, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet, diversi drabi, il-mod li bih il-qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, u li dawn jaqgħu, għaldaqstant, taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jagħmlux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco, C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, li huwa l-uniku wieħed li huwa suġġett tad-dubji tal-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-post ta’ din id-dispożizzjoni fit-totalità tal-proċedura, tal-iżvolġiment u tal-aspetti partikolari tagħha, quddiem id-diversi qrati nazzjonali (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat), C‑335/21, EU:C:2022:720, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fis-sistema proċedurali Spanjola, il-proċedura għal ordni ta’ ħlas, prevista fl-Artikolu 815 tal-LEC, ġiet emendata bil-Liġi 42/2015 sabiex tippermetti li l-qorti tistħarreġ ex officio n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali fid-dawl tad-Direttiva 93/13. |
|
33 |
Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, talba għal ordni ta’ ħlas, ibbażata fuq kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tiġi, konformement mal-Artikolu 815(4) tal-LEC emendata, innotifikata mir-Reġistratur lill-qorti għall-finijiet tal-istħarriġ ex officio tal-eventwali natura inġusta ta’ kull klawżola kuntrattwali li fuqha hija bbażata t-talba jew li tiddetermina l-ammont dovut. Jekk il-qorti tqis li waħda mill-klawżoli kkonċernati tista’ tkun inġusta, hija għandha tistieden lill-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet. Wara li tkun semgħet lill-partijiet, hija għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet billi tiddetermina, jekk ikun il-każ, il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli eżaminati. Id-digriet jista’ jiġi appellat. Jekk il-qorti tqis li ma hemmx klawżoli inġusti, hija tagħmel dikjarazzjoni f’dan is-sens u r-Reġistratur jibgħat ordni lid-debitur. |
|
34 |
Skont l-Artikolu 816(1) tal-LEC emendata, jekk id-debitur ma jonorax l-ordni ta’ ħlas jew ma jidhirx quddiem il-qorti, ir-Reġistratur għandu jagħti deċiżjoni motivata li tagħlaq il-proċedura għal ordni ta’ ħlas, li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv. Din id-deċiżjoni tikkostitwixxi, konformement mal-Artikolu 556 tal-LEC, deċiżjoni proċedurali li ma tistax tiġi kkontestata minħabba motivi bbażati fuq in-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali. |
|
35 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-fatt li l-leġiżlatur Spanjol ippreveda eżami tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas u mhux waqt l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tar-Reġistratur mogħtija fi tmiem tali proċedura huwa xhieda tar-rieda li jiġi impost li dan l-istħarriġ jitwettaq, taħt piena ta’ dekadenza, fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti għal dik ta’ eżekuzzjoni ta’ tali ordni. Il-konsumatur huwa għalhekk dekadut milli jitlob tali stħarriġ waqt l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas, peress li dan l-istħarriġ lanqas ma jista’ jitwettaq ex officio mill-qorti. |
|
36 |
F’dan il-każ, għalkemm ma huwiex ikkontestat li tali stħarriġ twettaq fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas, dik il-qorti għandha dubji, madankollu, dwar in-natura effettiva tiegħu, fid-dawl tad-dokumentazzjoni ppreżentata insostenn tat-talba għal ordni ta’ ħlas, li hija tqis li ma kinitx suffiċjenti sabiex tippermetti li l-qorti tistabbilixxi l-mod li bih ġie ddeterminat l-ammont tal-kreditu mitlub. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jeħtieġx li l-qorti ta’ eżekuzzjoni tistħarreġ in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali, minkejja r-regoli proċedurali nazzjonali li jipprevedu d-dekadenza tad-dritt li jitwettaq att proċedurali mal-iskadenza tat-terminu stabbilit f’dan is-sens. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi osservat li l-fatt li l-istħarriġ tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali huwa previst biss fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas u mhux fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-ordni maħruġa fi tmiem din il-proċedura ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ksur tal-prinċipju ta’ effettività. |
|
38 |
Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-osservanza ta’ dan il-prinċipju hija żgurata meta s-sistema proċedurali nazzjonali tipprevedi, fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas jew fil-kuntest tal-proċedura għal eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas, stħarriġ ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ikkonċernat minn dawn il-proċeduri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 46). |
|
39 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tippreċiża li, sabiex jiġu żgurati kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jiġu eżawriti r-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għall-preżentata ta’ dawn ir-rikorsi ma jkunux jistgħu jiġu iktar ikkontestati (sentenza tas-7 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco, C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
F’dak li jirrigwarda d-dekadenza dovuta għall-iskadenza ta’ ċerti termini proċedurali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li termini raġonevoli stabbiliti għall-preżentata ta’ azzjonijiet, taħt piena ta’ dekadenza, fl-interess taċ-ċertezza legali ma humiex ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jekk tali termini jkunu materjalment suffiċjenti sabiex jippermettu li l-konsumatur jipprepara u jippreżenta azzjoni effettiva (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank et BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
F’dan il-każ, ma huwiex it-tul tat-termini mogħtija lill-konsumatur sabiex jinvoka, fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas, id-drittijiet tiegħu bbażati fuq id-Direttiva 93/13 li jagħti lok għad-dubji tal-qorti tar-rinviju, iżda l-prinċipju ta’ dekadenza mal-iskadenza ta’ dawn it-termini, u għalhekk l-impossibbiltà li tirriżulta minn dan li din il-qorti teżamina, ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, matul il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ipotekarja li fiha l-qorti kienet obbligata teżamina ex officio n-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali waqt il-ftuħ ta’ din il-proċedura, mingħajr ma dan l-istħarriġ ikun jista’ jitwettaq fl-istadji sussegwenti tal-imsemmija proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-protezzjoni żgurata mid-Direttiva 93/13 tkun iggarantita biss jekk il-qorti nazzjonali tindika espliċitament, fid-deċiżjoni tagħha li tawtorizza l-eżekuzzjoni ipotekarja, li hija wettqet eżami ex officio tan-natura inġusta tal-klawżoli tat-titolu li wassal għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ ipoteka, li dan l-eżami, immotivat minn tal-inqas sommarjament, ma żvela l-eżistenza ta’ ebda klawżola inġusta u li, fl-assenza ta’ oppożizzjoni fit-terminu stabbilit mid-dritt nazzjonali, il-konsumatur ikun dekadut milli jinvoka n-natura eventwalment inġusta ta’ dawn il-klawżoli (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco, C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 51). |
|
43 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fil-każ fejn, waqt eżami preċedenti ta’ kuntratt kontenzjuż li wassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata, il-qorti nazzjonali llimitat ruħha għal eżami ex officio, fid-dawl tad-Direttiva 93/13, ta’ klawżola waħda jew ta’ wħud mill-klawżoli ta’ dan il-kuntratt, din id-direttiva timponi fuq qorti, regolarment adita fil-kuntest ta’ proċedura sussegwenti, l-obbligu li tevalwa, fuq it-talba tal-partijiet jew ex officio, meta jkollha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji għal dan il-għan, in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżoli oħra tal-imsemmi kuntratt. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali stħarriġ, il-protezzjoni tal-konsumatur tkun inkompleta u insuffiċjenti u la tkun tikkostitwixxi mezz adegwat u lanqas wieħed effettiv sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ dan it-tip ta’ klawżoli, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-motivazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-qorti li wettqet eżami tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-motivazzjoni għandha tippermetti li l-qorti adita b’rikors sussegwenti tkun tista’ tidentifika, minn naħa, il-klawżoli jew il-partijiet ta’ klawżoli li ġew eżaminati fid-dawl tad-Direttiva 93/13 fil-kuntest tal-ewwel proċedura u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet, anki jekk esposti b’mod sommarju, li għalihom il-qorti adita fil-kuntest ta’ din l-ewwel proċedura qieset li dawn il-klawżoli jew partijiet minn klawżoli ma kinux ta’ natura inġusta (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-18 ta’ Diċembru 2023, Eurobank Bulgaria, C‑231/23, EU:C:2023:1008, punt 34). |
|
45 |
Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-istħarriġ minn qorti tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jinsabu f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur huwa konformi mal-prinċipju ta’ effettività fid-dawl tad-Direttiva 93/13 jekk, minn naħa, il-konsumatur ikun informat bl-eżistenza ta’ dan l-istħarriġ u bil-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw mill-passività tiegħu fil-qasam tad-dekadenza tad-dritt li jinvoka n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, u jekk, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni meħuda wara l-imsemmi stħarriġ hija mmotivata b’mod suffiċjenti sabiex tippermetti li jiġu identifikati l-klawżoli eżaminati f’din l-okkażjoni u r-raġunijiet, anki sommarji, li għalihom il-qorti qieset li dawn il-klawżoli ma humiex ta’ natura inġusta. Deċiżjoni ġudizzjarja li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti jista’ jkollha l-effett li tipprekludi li jsir stħarriġ ġdid tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċedura sussegwenti. |
|
46 |
F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas, il-qorti eżaminat ex officio, abbażi tal-obbligu impost fuqha skont il-LEC emendata, il-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu u, peress li kellha dubji dwar in-natura eventwalment inġusta ta’ dawn il-klawżoli, stiednet lill-partijiet jifformulaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. Il-konsumatur la rrisponda għal din l-istedina u lanqas ma appella mid-digriet mogħti mill-qorti dwar l-assenza ta’ konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali klawżoli, li warajħ inħarġet ordni ta’ ħlas mir-Reġistratur. Jidher ukoll li l-konsumatur ma ppreżentax oppożizzjoni kontra din l-ordni, b’tali mod li d-deċiżjoni tar-Reġistratur tad-9 ta’ Lulju 2019 tikkostitwixxi d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura ta’ ordni. |
|
47 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li eventwali restrizzjonijiet proċedurali setgħu jiddisswadu lill-konsumatur milli jinvoka d-drittijiet tiegħu fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas. |
|
48 |
Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 42 u 44 ta’ din is-sentenza, bil-kundizzjoni, minn naħa, li l-konsumatur kien jaf bl-eżistenza tal-istħarriġ tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali mwettaq ex officio fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas u tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-passività tiegħu u, min-naħa l-oħra, li d-digriet mogħti mill-qorti fi tmiem dan l-istħarriġ ikun motivat b’mod suffiċjenti, l-istħarriġ imwettaq minnha fil-kuntest ta’ tal-imsemmija proċedura jidher li jissodisfa r-rekwiżit ta’ effettività fid-dawl tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
49 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-konsumatur seta’, jekk kien jaħseb li huwa fondat, jikkontesta, fit-termini mogħtija lilu sabiex jagħmel dan, l-assenza ta’ natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ġudizzjarja meħuda mill-qorti fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas. |
|
50 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tqis li d-deċiżjoni tar-Reġistratur li temmet il-proċedura għal ordni ta’ ħlas hija nieqsa minn kull motivazzjoni b’tali mod li ma tistax twassal għad-dekadenza tal-istħarriġ tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali. |
|
51 |
Madankollu, fid-dawl tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, imfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jorganizzaw is-sistema proċedurali tagħhom b’tali mod li stħarriġ skont id-Direttiva 93/13 ikun jista’ jitwettaq mhux biss fil-kuntest tad-deċiżjoni li ttemm proċedura għal ordni ta’ ħlas iżda wkoll f’kull mument ta’ din il-proċedura, dejjem sakemm dan isir minn qorti u sakemm ikun konformi mal-prinċipju ta’ effettività. Peress li, fis-sistema proċedurali Spanjola, tali stħarriġ iseħħ matul tali proċedura, il-fatt li dan ma jkunx iktar jista’ jitwettaq matul il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jippreġudika l-effettività ta’ din id-direttiva. |
|
52 |
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar’ il fuq, ir-risposta għall-ewwel partijiet tal-ewwel u tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, minħabba d-dekadenza, ma tippermettix li l-qorti adita bl-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas tistħarreġ, ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, meta tali stħarriġ ikun diġà twettaq minn qorti fl-istadju tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas, bil-kundizzjoni li dik il-qorti tkun identifikat, fid-deċiżjoni tagħha, il-klawżoli li kienu s-suġġett ta’ dan l-istħarriġ, li tkun esponiet, anki sommarjament, ir-raġunijiet li għalihom dawn il-klawżoli ma kinux ta’ natura inġusta u li tkun indikat li, fl-assenza ta’ eżerċizzju, fit-terminu stabbilit, tar-rimedji ġudizzjarji previsti mid-dritt nazzjonali kontra din id-deċiżjoni, il-konsumatur ikun dekadut milli jinvoka n-natura eventwalment inġusta tal-imsemmija klawżoli. |
Fuq it-tieni partijiet tal-ewwel u tat-tieni domanda
|
53 |
Permezz tat-tieni partijiet tal-ewwel u tat-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix li l-qorti adita bl-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas tadotta ex officio miżuri istruttorji sabiex tistabbilixxi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tistħarreġ in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur. |
|
54 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li dawn id-domandi huma ġġustifikati biss jekk, wara l-analiżi li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-ewwel partijiet tal-ewwel u tat-tieni domanda, din tasal għall-konklużjoni li l-istħarriġ imwettaq fl-istadju tal-proċedura għal ordni għal ħlas ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività fid-dawl tad-Direttiva 93/13 u li hija għandha, konsegwentement, twettaq stħarriġ ġdid. |
|
55 |
Sabiex tingħata risposta għat-tieni partijiet ta’ dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur kemm f’dak li jirrigwarda s-setgħa tiegħu ta’ negozjar kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ informazzjoni tiegħu (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2023, BRD Groupe Sociéité Générale u Next Capital Solutions, C‑200/21, EU:C:2023:380, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Għalhekk, is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur tista’ tiġi paċuta biss permezz ta’ intervent pożittiv li ma jkunx joriġina mil-partijiet għall-kuntratt (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2020, Lintner, C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li, fl-assenza ta’ stħarriġ effettiv imwettaq fl-istadju tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas, hija għandha twettaq hija stess l-istħarriġ tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ta’ kreditu, hija għandha tibbenefika mill-possibbiltà li tieħu ex officio l-miżuri istruttorji neċessarji għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat), C‑335/21, EU:C:2022:720, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni partijiet tal-ewwel u tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix li l-qorti adita bl-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas tadotta ex officio miżuri istruttorji sabiex tistabbilixxi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tistħarreġ in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, meta l-istħarriġ imwettaq mill-qorti kompetenti fl-istadju tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività fid-dawl ta’ din id-direttiva. |
Fuq l-ispejjeż
|
59 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.