Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0611

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-3 ta’ Settembru 2024.
Illumina, Inc. u Grail LLC vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq tal-industrija farmaċewtika – Sistemi ta’ sekwenzjar ġenetiku – Akkwist minn Illumina Inc. tal-kontroll esklużiv ta’ Grail LLC – Regolament (KE) Nru 139/2004 – Artikolu 22 – Talba għal riferiment minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li ma hijiex kompetenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex teżamina l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li teżamina din l-operazzjoni – Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jilqgħu t-talbiet ta’ awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni oħra sabiex jingħaqdu mat-talba għal riferiment – Kompetenza tal-Kummissjoni – Ċertezza legali.
Kawżi magħquda C-611/22 P u C-625/22 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:677

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

3 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

Werrej

 

Il‑kuntest ġuridiku

 

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

 

Fuq l‑impriżi kkonċernati u l‑konċentrazzjoni inkwistjoni

 

Fuq l‑assenza ta’ notifika

 

Fuq it‑talba għal riferiment lill‑Kummissjoni

 

Fuq id‑deċiżjonijiet kontenzjużi

 

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali

 

Is‑sentenza appellata

 

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell

 

Fuq it‑tgħaqqid tal‑kawżi

 

Fuq it‑talbiet għal intervent

 

Fuq it‑talbiet għal proċedura mħaffa

 

Fuq it‑talbiet tal‑partijiet fl‑appelli

 

Fuq l‑appelli

 

L‑argumenti tal‑partijiet

 

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

Fuq l-interpretazzjoni letterali

 

Fuq l-interpretazzjoni storika

 

– Fuq l-ammissibbiltà tal-elementi ppreżentati minn Grail

 

– Fuq il-mertu

 

Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali

 

– Fuq l-elementi tal-kuntest meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali

 

– Fuq l-elementi l-oħra ta’ kuntest possibbilment rilevanti

 

– Konklużjoni fuq l-interpretazzjoni kuntestwali

 

Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika

 

Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

 

Fuq l‑ispejjeż

“Appell – Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq tal-industrija farmaċewtika – Sistemi ta’ sekwenzjar ġenetiku – Akkwist minn Illumina Inc. tal-kontroll esklużiv ta’ Grail LLC – Regolament (KE) Nru 139/2004 – Artikolu 22 – Talba għal riferiment minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li ma hijiex kompetenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex teżamina l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li teżamina din l-operazzjoni – Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jilqgħu t-talbiet ta’ awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni oħra sabiex jingħaqdu mat-talba għal riferiment – Kompetenza tal-Kummissjoni – Ċertezza legali”

Fil-Kawżi magħquda C‑611/22 P u C‑625/22 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ppreżentati, rispettivament, fit‑22 u fit‑30 ta’ Settembru 2022,

Illumina Inc., stabbilita f’Wilmington (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn D. Beard, BL, u J. Holmes, barrister, assistiti minn P. Chappatte, advocaat, F. E. González Díaz, abogado, G. C. Rizza u M. Siragusa, avvocati, T. Verheyden, avocat, u L. Wright, advocate,

appellanti fil-Kawża C‑611/22 P,

sostnuta minn:

Biocom California, stabbilita f’San Diego (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn B. Amory, É. Barbier de La Serre, A. S. Perraut u L. Van Mullem, avocats,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Conte, N. Khan u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn K. Boskovits, bħala aġent,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn T. Stéhelin u N. Vincent, bħala aġenti, sussegwentement minn R. Bénard, T. Lechevallier u T. Stéhelin, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn E. M. Besselink, K. Bulterman, A. Hanje u P. P. Huurnink, bħala aġenti,

L-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, irrappreżentata minn C. Simpson, M. Sánchez Rydelski u M.-M. Joséphidès, bħala aġenti,

Grail LLC, stabbilita f’Menlo Park (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn A. Giraud, avocat, J. M. Jiménez‑Laiglesia Oñate, abogado, D. Little, solicitor, J. Ruiz Calzado, abogado, u S. Troch, advocaat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

u

Grail LLC, stabbilita f’Menlo Park, irrappreżentata minn A. Giraud, avocat, J. M. Jiménez‑Laiglesia Oñate, abogado, D. Little, solicitor, J. Ruiz Calzado, abogado, u S. Troch, advocaat,

appellanti fil-Kawża C‑625/22 P,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn N. Grünberg, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Illumina Inc., stabbilita f’Wilmington, irrappreżentata inizjalment minn D. Beard, BL, u J. Holmes, barrister, assistiti minn B. Cullen, BL, F. E. González Díaz, abogado, G. C. Rizza u M. Siragusa, avvocati, sussegwentement minn D. Beard, BL, u J. Holmes, barrister, assistiti minn J. Blanco Carol u F. E. González Díaz, abogados, A. Magraner Oliver, avocate, G. C. Rizza u M. Siragusa, avvocati, kif ukoll T. Verheyden, avocat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Conte, N. Khan u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn K. Boskovits, bħala aġent,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn T. Stéhelin u N. Vincent, bħala aġenti, sussegwentement minn R. Bénard, T. Lechevallier u T. Stéhelin, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn E. M. Besselink, K. Bulterman, A. Hanje u P. P. Huurnink, bħala aġenti,

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn C. Simpson, M. Sánchez Rydelski u M.-M. Joséphidès, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos u F. Biltgen, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, N. Jääskinen, N. Wahl (Relatur), I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Lamote, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Diċembru 2023,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal‑21 ta’ Marzu 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, Illumina Inc. (Kawża C‑611/22 P) u Grail LLC (Kawża C‑625/22 P) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Lulju 2022, Illumina vs Il‑Kummissjoni (T‑227/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:447), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors ta’ Illumina intiż għall-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2021) 2847 final tad‑19 ta’ April 2021 li tilqa’ t-talba tal-Autorité de la concurrence française (l-Awtorità Franċiża tal-Kompetizzjoni) li teżamina l-konċentrazzjoni relatat mal-akkwist minn Illumina, Inc. tal-kontroll esklużiv ta’ Grail, Inc. (Il-Każ COMP/M.10188 – Illumina/Grail) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), it-tieni nett, tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2021) 2848 final, C(2021) 2849 final, C(2021) 2851 final u C(2021) 2855 final tad‑19 ta’ April 2021, li jilqgħu t-talbiet tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni tal-Greċja, tal-Belġju, tan-Norveġja, tal-Islanda u tal-Pajjiżi l-Baxxi li jingħaqdu ma’ din it-talba għal riferiment (iktar ’il quddiem, indikati flimkien mad-deċiżjoni kontenzjuża, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”), u, it-tielet nett, tal-ittra tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Marzu 2021 li tinforma lil Illumina u lil Grail bl-imsemmija talba għal riferiment (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ informazzjoni”).

Il‑kuntest ġuridiku

2

Il-premessi 5 sa 8, 11, 14 sa 16, 24 u 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), jipprovdu:

“(5)

Madankollu, għandu jkun assigurat li l-proċess ta’ riorganizzazzjoni ma jwassalx għal ħsara fil-kompetizzjoni li ddum tinħass; il-liġi Komunitarja għandha, għaldaqstant, tinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw dawk il-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu.

(6)

Għaldaqstant, hemm il-bżonn ta’ strument legali speċifiku li jippermetti li jsir kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skont l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fil-Komunità. Dan l-istrument għandu jkun l-uniku strument li japplika għal dawn il-konċentrazzjonijiet. Ir-Regolament (KEE) Nru 4064/89 [tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31)] ippermetta li tiżvilupp politika Komunitarja f’dan il-qasam. Madankollu, fid-dawl ta’ l-esperjenza, dan ir-Regolament għandu issa jinkiteb mill-ġdid fl-leġislazzjoni miktuba apposta sabiex tilqa’ l-isfidi ta’ suq aktar integrat u tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea fil-futur. Skond il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat [KE], dan ir-Regolament ma jaqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li jkun assigurat li l-kompetizzjoni fis-suq komuni ma tkunx imfixkla, dejjem skond il-prinċipju ta’ l-ekonomija ta’ suq miftuħ b’kompetizzjoni ħielsa.

(7)

Għalkemm l-Artikoli 81 u 82 [KE], skond id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, japplikaw għal ċerti tipi ta’ konċentrazzjonijiet, dawn l-Artikoli m’humiex biżżejjed sabiex jikkontrollaw l-operazzjonijiet kollha li jistgħu ma jkunux kompatibbli mas-sistemà ta’ kompetizzjoni mingħajr tfixkil kif kontemplata fit-Trattat [KE]. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jkun ibbażat mhux biss fuq l-Artikolu 83 [KE] iżda wkoll, prinċiparjament, fuq l-Artikolu 308 tat-Trattat [KE]. Skond dan l-Artikolu l-Komunità tista’ tagħti lilha nnifisha setgħat addizzjonali sabiex tieħu dik l-azzjoni li tkun meħtieġa sabiex tilħaq l-objettivi tagħha, kif ukoll setgħat biex tieħu azzjoni fir-rigward ta’ konċentrazzjonijiet fis-suq tal-prodotti agrikoli mniżżla fl-Anness I tat-Trattat [KE].

(8)

Id-dispożizzjonijiet li ħa jkunu adottati b’dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal bidliet strutturali sinifikanti li l-impatt tagħhom fuq is-suq jinħass ukoll lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri. Bħala regola ġenerali, dawn it-tip ta’ konċentrazzjonijiet għandhom ikunu eżaminati mill-ġdid esklużivament fuq livell Komunitarju u dan bħala applikazzjoni tas-sistema ta’ ‘one-stop shop’ u b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. [...]

[...]

(11)

Ir-regoli li jirregolaw ir-referenza ta’ konċentrazzjonijiet mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għandhom joperaw b’mod li joħolqu mekkaniżmu korrettiv u effettiv u dan fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà; dawn ir-regoli jipproteġu l-interessi ta’ l-Istati Membri fil-kompetizzjoni b’mod adegwat u jirrispettaw iċ-ċertezza legali u l-prinċipju tal-‘one-stop shop’.

[...]

(14)

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom joħolqu network ta’ awtoritajiet pubbliċi li japplikaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’koperazzjoni fil-qrib. Huma għandhom jagħmlu użu minn arranġamenti effiċjenti dwar it-tqassim ta’ informazzjoni u konsultazzjoni bil-għan li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, ikun assigurat li każ ikun trattat mill-awtorità li tkun l-aktar xierqa li tagħmel dan u bil-għan li jkun assigurat li kemm jista’ jkun tkun evitata sitwazzjoni fejn isiru diversi notfiki ta’ l-istess konċentrazzjoni. Referenzi ta’ konċentrazzjonijiet mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għandhom isiru b’mod effiċjenti sabiex kemm jista’ jkun ikunu evitati sitwazzjonijiet fejn konċentrazzjoni tkun is-suġġett ta’ referenza kemm qabel kif ukoll wara li tkun notifikata.

(15)

Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tirreferi lil Stat Membru konċentrazzjonijiet li jkunu notifikati, li jkollhom dimensjoni Komunitarja u li jheddu b’mod sostanzjali li jolqtu l-kompetizzjoni f’suq f’dak l-Istat Membru liema suq għandu l-karatteristiċi kollha ta’ suq distint. F’każ fejn il-konċentrazzjoni tolqot il-kompetizzjoni f’dan it-tip ta’ suq li ma jammontax għal parti sostanzjali tas-suq komuni, l-Kummissjoni għandu jkollha l-obbligu li, jekk issirilha talba, tirreferi l-każ kollu jew parti minnu lill-Istat Membru konċernat. Stat Membru għandu jkun jista’ jirreferi lill-Kummissjoni konċentrazzjoni li għalkemm ma għandhiex dimensjoni Komunitarja xorta tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li taffettwa b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju tiegħu. Stati Membri oħra li huma wkoll kompetenti sabiex jeżaminaw il-konċentrazzjoni għandhom ikunu jistgħu jingħaqdu mat-talba. Sabiex ikun assigurat li, f’sitwazzjoni bħal din, is-sistemà tkun waħda effiċjenti u li tippermetti li wieħed ikun jista’ jobsor minn qabel x’ħa jiġri, il-perjodi perentorji nazzjonali għandhom ikunu sospiżi sakemm tittieħed deċiżjoni dwar ir-referenza tal-każ. Il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li teżamina u tittratta ma’ konċentrazzjoni f’isem Stat Membru li jkun għamel talba jew f’isem Stati Membri li jkunu għamlu talba.

(16)

L-impriżi konċernati għandhom jingħataw il-possibbiltà li jitolbu referenzi jew mingħand il-Kummissjoni qabel konċentrazzjoni tkun notifikata u dan sabiex tkun imtejba dejjem aktar l-effiċjenza tas-sistemà ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet fil-Komunità. [...] Fuq talba mingħand l-impriżi konċernati, l-Kummissjoni għandha tkun tista’ tirreferi lil Stat Membru konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja li tista’ tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni f’suq f’dak l-Istat Membru liema suq għandu l-karatteristiċi kollha ta’ suq distint; Il-Kummissjoni ma għandhiex tirreferi lil Stat Membru konċentrazzjoni jekk dak l-Istat Membru jkun wera li ma jaqbilx ma din ir-referenza. Qabel ma ssir notifika lill-awtoritajiet nazzjonali, l-impriżi konċernati għandhom ikunu jistgħu anki jitolbu li konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja iżda li tista’ tkun eżaminata taħt il-liġijiet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni ta’ mill-anqas tlett Stati Membri, tkun referuta lill-Kummissjoni. [...]

[...]

(24)

Dan ir-Regolament għandu jippermetti kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha mill-aspett ta’ l-effett tagħhom fuq il-kompetizzjoni fil-Komunità sabiex jassigura sistemà ta’ kompetizzjoni mingħajr tfixkil fis-suq komuni u dan bħala avvanz ta’ politika mħaddna skond il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħa f’kompetizzjoni ħielsa. Għalhekk, ir-[Regolament Nru 4064/89] stabbilixxa l-prinċipju li konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti, liema pożizzjoni twassal għal tfixkil sostanzjali fil-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali tiegħu, għandha tkun dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

(25)

Fid-dawl tal-konsegwenzi li jista’ jkollhom konċentrazzjonijiet fi strutturi ta’ suq oligopolistiku, huwa meħtieġ aktar minn f’sitwazzjonijiet oħra li tinżamm kompetizzjoni effettiva f’suq ta’ dan it-tip. Ħafna mis-swieq oligopolistiċi għandhom livell tajjeb ta’ kompetizzjoni. Madankollu, konċentrazzjonijiet li jinvolvu t-tneħħija ta’ kontrolli kompetittivi importanti li l-partijiet li jingħaqdu kienu jeżerċitaw fuq xulxin u li jinvolvu wkoll tnaqqis fil-pressjoni maħluqa mill-kompetizzjoni fuq il-kompetituri li jifdal, jistgħu, f’ċerti ċirkostanzi, joħolqu tfixkil sostanzjali għal kompetizzjoni effettiva. Dan jista’ jiġri anki meta ma jkunx hemm riskju ta’ kordinazzjoni bejn il-membri ta’ l-oligopolija. Madankollu, sal-ġurnata tal-lum, il-qrati tal-Komunità għadhom ma interpretawx b’mod espress ir-[Regolament Nru 4064/89] bħala li jitlob li konċentrazzjonijiet li joħolqu dawn l-effetti mingħajr kordinazzjoni jkunu dikjarati bħala inkompatibbli mas-suq komuni. Għalhekk, fl-interess taċ-ċertezza legali, għandu jkun ċar li dan ir-Regolament jippermetti kontroll effettiv ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet kollha billi jistabbilixxi li kull konċentrazzjoni li ħa tfixkel b’mod sinifikanti kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, għandha tkun dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni. L-espressjoni ‘tfixkil sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva’ fl-Artikolu 2(2) u (3) għandha tkun interpretata bħala li tapplika lil hinn mill-kunċett ta’ dominanza, iżda biss fir-rigward ta’ effetti ta’ konċentrazzjoni li jmorru kontra l-kompetizzjoni u li jirriżultaw minn imġieba mingħajr kordinazzjoni ta’ impriżi li ma jkollhomx pożizzjoni dominanti fis-suq konċernat.”

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004, intitolat “Ambitu”, jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 22, dan ir-Regolament għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha li għandhom dimensjoni Komunitarja, kif definiti f’dan l-Artikolu.

2.   Konċentrazzjoni jkollha dimensjoni Komunitarja meta:

(a)

il-valur tal-bejgħ dinji totali ta’ l-impriżi kollha konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 5,000 miljun, u

(b)

il-valur tal-bejgħ totali mill-Komunità kollha ta’ mill-anqas tnejn mill-impriżi konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 250 miljun kull waħda,

sakemm kull waħda mill-impriżi konċernati ma tilħaqx aktar minn żewġ terzi tal-valur tal-bejgħ totali tagħha mill-Komunità fl-istess Stat Membru.

3.   Konċentrazzjoni li ma tilħaqx il-livelli stabbiliti fil-paragrafu 2 għandha dimensjoni Komunitarja meta:

(a)

il-valur tal-bejgħ dinji totali ta’ l-impriżi kollha konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 2500 miljun;

(b)

il-valur tal-bejgħ totali ta’ l-impriżi kollha konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 100 miljun f’kull wieħed minn ta’ l-anqas tlett Stati Membri;

(ċ)

f’kull wieħed minn ta’ l-anqas tlett Stati Membri kunsidrati taħt punt (b), il-valur tal-bejgħ totali ta’ kull waħda minn ta’ l-anqas tnejn mill-impriżi konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 25 miljun; u

(d)

il-valur tal-bejgħ totali fil-Komunità kollha ta’ kull waħda minn ta’ l-anqas tnejn mill-impriżi konċernati huwa ta’ aktar minn EUR 100 miljun,

sakemm kull waħda mill-impriżi konċernati ma tilħaqx aktar minn żewġ terzi tal-valur tal-bejgħ totali tagħha mill-Komunità fl-istess Stat Membru.

4.   Skond il-bazi ta’ data statistikali li tista’ tkun provduta regolarment mill-Istati Membri, l-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Kunsill dwar kif qed jaħdmu l-limiti u l-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 sa’ l‑1 ta’ Lulju 2009. Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta wkoll proposti skond il-paragrafu 5.

5.   Wara li jirċievi r-rapport msemi fil-paragrafu 4 u fuq proposta mill-Kummissjoni, l-Kunsill jista’ jirrevedi l-limiti u l-kriterji msemmija fil-paragrafu 3. Il-Kunsill għandu jagħmel dan b’maġġoranza kwalifikata.”

4

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament:

“Għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’:

(a)

l-għaqda ta’ tnejn jew aktar impriżi, jew ta’ partijiet minn impriżi, li qabel kienu indipendenti, jew

(b)

l-akkwist, minn persuna jew minn aktar minn persuna waħda li diġa tikkontrolla jew jikkontrollaw mill-anqas impriża waħda, jew minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda, ta’ kontroll dirett jew indirett ta’ impriża jew ta’ aktar minn impriża waħda, jew ta’ partijiet minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda. Dan l-akkwist jista’ jsir kemm permezz tax-xiri ta’ titoli jew ta’ assi, permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ kull mezz ieħor.”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjonijiet u riferenza qabel in-notifika fuq talba tal-partijiet li jagħmlu n-notifika”, jipprovdi:

“1.   Konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja definiti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu implimentati u wara l-konklużjoni tal-ftehim, id-dikjarazzjoni ta’ l-offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess li għandu kontroll.

[...]

2.   Konċentrazzjoni magħmula minn għaqda fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) jew magħmula permezz tal-akkwist ta’ kontroll konġunt fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) għandha tkun notifikata mill-partijiet kollha li huma involuti fl-għaqda jew mill-partijiet kollha li akkwistaw kontroll konġunt, skont il-każ. Fil-każijiet l-oħra kollha, n-notifika għandha tingħata mill-persuna jew mill-impriża li takkwista l-kontroll ta’ l-impriża jew ta’ aktar minn impriża waħda, jew ta’ parti minn impriża jew ta’ parti minn aktar minn impriża waħda.

[...]

4.   Qabel ma ssir in-notifika ta’ konċentrazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1, il-persuni jew impriżi msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jinformaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ sottomissjoni bl-argumenti u bir-raġunijiet tagħhom, illi l-konċentrazzjoni jista’ jkollha effett sinifikattiv fuq il-kompetizzjoni f’suq fi Stat Membru, liema suq għandha l-karatteristiċi kollha ta’ suq distint u għalhekk għandha tkun eżaminata, jew kollha kemm hi jew parti minnha, minn dak l-Istat Membru.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat din is-sottomissjoni lill-Istati Membri mingħajr dewmien. L-Istat Membru msemmi fis-sottomissjoni għandu, fi żmien 15-il jum utli minn meta jirċievi s-sottomissjoni, jiddikjara jekk jaqbilx jew le dwar it-talba li l-każ ikun riferut lilu. Jekk l-Istat Membru ma jieħux deċiżjoni fil-perjodu stipulat, huwa jitqies bħal li kieku jaqbel mat-talba.

Sakemm l-Istat Membru ma jaqbilx, il-Kummissjoni, fejn jidhrilha li fil-fatt jeżisti suq distint, u li l-kompetizzjoni f’dak is-suq tista’ tkun milquta mill-konċentrazzjoni, tista’ tiddeċiedi li tirreferi l-każ kollu jew parti minnu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru bil-għan li tkun applikata l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni ta’ dak l-Istat.

Id-deċiżjoni dwar jekk il-każ għandux ikun riferut jew le fis-sens tat-tielet subparagrafu għandha tittieħed fi żmien 25 jum utli, liema perjodu jibda mid-data ta’ meta tkun riċevuta s-sottomissjoni mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra u l-persuni jew impriżi konċernati dwar id-deċiżjoni tagħha. Jekk il-Kummissjoni ma tieħux deċiżjoni f’dan il-perjodu, hija titqies bħallikieku adottat deċiżjoni biex tirreferi l-każ skond is-sottomissjoni magħmula mill-persuni jew mill-impriżi konċernati.

Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, jew titqies bħallikieku iddeċidiet, skond it-tielet u r-raba’ subparagrafu, li tirreferi l-każ kollu, ma għandhiex issir notifika skont il-paragrafu 1 iżda għandha tapplika l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. L-Artikolu 9(6) sa (9) għandu japplika mutatis mutandis.

5.   Fil-każ ta’ konċentrazzjoni kif definit fl-Artikolu 3 li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja fis-sens ta’ l-Artikolu 1 u li tista’ tkun eżaminata taħt il-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali ta’ mill-anqas tlett Stati Membri, il-persuni jew l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 2 jistgħu, qabel ma ssir notifika lill-awtoritajiet kompetenti, jinfurmaw lill-Kummissjoni permezz ta’ sottomissjoni bir-raġunijiet u bl-argumenti tagħhom li l-konċentrazzjoni għandha tkun eżaminata mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat din is-sottomissjoni lill-Istati Membri mingħajr dewmien.

Kull Stat Membru li taħt il-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali tiegħu huwa kompetenti biex jeżamina l-konċentrazzjoni jista’, fi żmien 15-il jum utli minn meta jirċievi s-sottomissjoni, jiddikjara li ma jaqbilx mat-talba li l-każ ikun riferut.

F’każ li anki Stat Membru wieħed jiddikjara li ma jaqbilx skont it-tielet subparagrafu fi żmien 15-il jum utli, il-każ ma għandux ikun riferut. Il-Kummissjoni għandha tinforma, mingħajr dewmien, lill-Istati Membri kollha u l-persuni jew impriżi konċernati dwar xi dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil.

F’każ l-ebda Stat Membru ma jiddikjara li ma jaqbilx fis-sens tat-tielet subparagrafu fi żmien 15-il jum utli, l-konċentrazzjoni għandha titqies bħala konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja u għandha tkun notifikata lill-Kummissjoni skont il-paragrafi 1 u 2. F’dawn il-każijiet l-ebda Stat Membru ma’ għandu japplika l-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali tiegħu fir-rigward tal-konċentrazzjoni.

[...]”

6

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 139/2004, intitolat “Referenza lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-Kummissjoni tista’, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin, tirreferi konċentrazzjoni notifikata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat permezz ta’ deċiżjoni notifikata mingħajr dewmien lill-impriżi konċernati u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra.

2.   Fi żmien ta’ 15-il jum utli mid-data ta’ meta tkun riċevuta kopja tan-notifika, Stat Membru jista’, b’inizjattiva tiegħu jew wara stedina mill-Kummissjoni, jinforma lill-Kummissjoni (u li imbagħad għandha tinforma lill-impriżi konċernati), li:

(a)

konċentrazzjoni thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni f’suq f’dak l-Istat Membru liema suq għandu l-karatteristiċi kollha ta’ suq distint, jew

(b)

konċentrazzjoni tolqot il-kompetizzjoni f’suq f’dak l-Istat Membru, liema suq għandha l-karatteristiċi kollha ta’ suq distint u li mhux parti sostanzjali mis-suq komuni.

3.   Jekk il-Kummissjoni, wara li tkun ikkunsidrat is-suq għall-prodotti u s-servizzi konċernati kif ukoll is-suq ta’ referenza ġeografika fis-sens tal-paragrafu 7, tqis li jeżistu suq distint u wkoll theddida għal dan is-suq, tista’ jew:

(a)

tieħu ħsieb tal-każ hija stess skond dan ir-Regolament; jew

(b)

tirreferi l-każ kollu jew parti minnu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat bil-għan li tkun applikata l-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat.

Madankollu, jekk il-Kummissjoni tqis li ma jeżistix suq distint jew li ma teżistix theddida, hija għandha tadotta deċiżjoni fejn tindika dan. Din id-deċiżjoni għandha tkun indirizzata lill-Istati Membri. F’dan il-każ il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb tal-każ hija stess skond dan ir-Regolament.

F’każijiet fejn l-Istat Membru jinforma lill-Kummissjoni skond il-paragrafu 2(b) li konċentrazzjoni tolqot il-kompetizzjoni f’suq distint fit-territorju tiegħu liema suq mhux parti sostanzjali mis-suq komuni, l-Kummissjoni għandha tirreferi l-każ kollu jew il-parti li għandha x’taqsam mas-suq distint konċernat, jekk jidhrilha li dan is-suq distint jintlaqat mill-konċentrazzjoni.

[...]”

7

L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Referenza lill-Kummissjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Stat Membru, jew aktar minn Stat Membru wieħed, jista’ jitlob jew jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex teżamina xi konċentrazzjoni kif definita fl-Artikolu 3 li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja fis-sens ta’ l-Artikolu 1 iżda taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew li għamlu t-talba.

Talba bħal din għandha ssir mhux aktar tard minn 15-il jum utli mill-jum li fih l-konċentrazzjoni kienet notifikata, jew f’każ li notifika mhix meħtieġa, mill-jum li fih il-konċentrazzjoni kienet mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat.

2.   Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-impriżi konċernati dwar kull talba li tirċievi skont il-paragrafu 1.

Kull Stat Membru ieħor għandu jkollu d-dritt li jingħaqad mat-talba oriġinali fi żmien 15-il jum utli minn meta l-Kummissjoni tinfurmah dwar it-talba.

It-termini perentorji nazzjonali kollha relatati mal-konċentrazzjoni għandhom ikunu sospiżi sakemm, skond il-proċedura stabbilita f’dan l‑Artikolu, ikun deċiż fejn ħa tkun eżaminata l-konċentrazzjoni. Is‑sospensjoni tat-termini perentorji nazzjonali tieqaf malli l-Istat Membru jinforma lill-Kummissjoni u lill-impriżi konċernati li ma jixtieqx jingħaqad mat-talba.

3.   Il-Kummissjoni tista’, mhux aktar tard minn għaxart ijiem utli minn tmiem il-perjodu stabbilit fil-paragrafu 2, tiddeċiedi li teżamina l-konċentrazzjoni meta jidhrilha li din tolqot il-kummerċ bejn Stati Membru u thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew għamlu t-talba. Jekk il-Kummissjoni ma tieħux deċiżjoni f’dan il-perjodu, hija għandha titqies bħallikieku adottat deċiżjoni biex teżamina l-konċentrazzjoni skond it-talba.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kollha u lill-impriżi konċernati dwar id-deċiżjoni tagħha. Hija tista’ titlob is-sottomissjoni ta’ notifika skond l-Artikou 4.

L-Istat Membru jew Stati Membri li għamel jew għamlu t-talba ma għandhomx jibqgħu japplikaw l-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni.

4.   L-Artikolu 2, l-Artikolu 4(2) sa (3), l-Artikolli 5, 6, u 8 sa 21 għandhom japplikaw meta l-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni skond il-paragrafu 3. L-Artikolu 7 għandu japplika sakemm il-konċentrazzjoni ma kinetx implimentata sal-ġurnata li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-impriżi konċernati li saret talba.

Meta ma tkunx meħtieġa notifika skond l-Artikolu 4, il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 10(1) li fih jistgħu jinbdew proċeduri għandu jibda fil-jum utli ta’ wara dak li fih il-Kummissjoni tinforma lill-impriżi konċernati li hi iddeċidiet li teżamina l-konċentrazzjoni skond il-paragrafu 3.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tinforma lil Stat Membru jew lil diversi Stati Membri li hija tqis konċentrazzjoni bħala li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1. F’dawn il-każijiet il-Kummissjoni tista’ tistieden lil dak l-Istat Membru jew lil dawk l-Istati Membri biex jagħmel jew jagħmlu talba skond il-paragrafu 1.”

8

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), jinkludi Protokoll 24 dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) ta’ dan il-protokoll jipprovdi li Stat wieħed jew iktar tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) jistgħu jingħaqdu ma’ talba indirizzata lill-Kummissjoni minn Stat Membru skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 meta l-konċentrazzjoni taffettwa l-kummerċ bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat tal-EFTA wieħed jew iktar u thedded li tostakola b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fit-territorju tal-Istat jew Stati tal-EFTA li jingħaqdu mat-talba.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

9

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 6 sa 35 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

Fuq l‑impriżi kkonċernati u l‑konċentrazzjoni inkwistjoni

10

Illumina hija kumpannija stabbilita fl-Istati Uniti li toffri soluzzjonijiet fil-qasam tal-analiżi ġenetika u ġenomika permezz ta’ sekwenzjar u permezz ta’ ċipep.

11

Fl‑20 ta’ Settembru 2020, Illumina kkonkludiet ftehim u pjan ta’ fużjoni intiż sabiex tikseb kontroll esklużiv ta’ Grail (li qabel kienet Grail Inc.), li hija wkoll kumpannija stabbilita fl-Istati Uniti u li tiżviluppa testijiet tad-demm għall-iscreening bikri tal-kanċer, u li tagħha hija diġà kellha sehem ta’ 14.5 % tal-kapital (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni inkwistjoni”).

12

Fil‑21 ta’ Settembru 2020, Illumina u Grail ippubblikaw stqarrija għall-istampa fejn ħabbru din il-konċentrazzjoni.

Fuq l‑assenza ta’ notifika

13

Billi d-dħul mill-bejgħ ta’ Illumina u ta’ Grail ma kienx jaqbeż il-livelli rilevanti, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li Grail ma kienet tiġġenera l-ebda dħul la fl-Unjoni Ewropea u lanqas fi kwalunkwe post ieħor fid-dinja, il-konċentrazzjoni inkwistjoni ma kellhiex dimensjoni Ewropea, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004, u għalhekk ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament.

14

Il-konċentrazzjoni inkwistjoni lanqas ma ġiet innotifikata fl-Istati Membri tal-Unjoni jew fi Stati oħra li huma partijiet għall-Ftehim ŻEE, peress li ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

Fuq it‑talba għal riferiment lill‑Kummissjoni

15

Fis‑7 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni.

16

Fid‑19 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Istati Membri u lill-Istati l-oħra partijiet għall-Ftehim ŻEE, skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004, fejn informathom bil-konċentrazzjoni inkwistjoni, filwaqt li spjegatilhom ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li din il-konċentrazzjoni kienet tidher li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament u stednithom jippreżentawlha talba għal riferiment skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar sabiex teżamina l-imsemmija konċentrazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ stedina”).

17

Fl‑4 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni informat lil Illumina u lil Grail bl-ittra ta’ stedina lill-Istati Membri u lill-Istati l-oħra partijiet għall-Ftehim ŻEE u li dawn kellhom il-possibbiltà li jibagħtulha talba għal riferiment skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

18

Fid‑9 ta’ Marzu 2021, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni Franċiża talbet lill-Kummissjoni, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, teżamina l-konċentrazzjoni inkwistjoni (iktar ’il quddiem it-“talba għal riferiment”).

19

Fl‑10 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, informat lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri l-oħra u tal-Istati l-oħra partijiet għall-Ftehim ŻEE kif ukoll lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA bit-talba għal riferiment. Fil‑11 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni bagħtet lil Illumina u lil Grail l-ittra ta’ informazzjoni, li permezz tagħha informathom dwar din it-talba filwaqt li fakkrithom li, skont l-Artikolu 7 u t-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament, huma ma setgħux jimplimentaw il-konċentrazzjoni inkwistjoni qabel ma din tkun ċaħdet l-imsemmija talba jew qabel ma tkun iddikjarat din il-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern.

20

Fis‑16 u d‑29 ta’ Marzu 2021, Illumina u Grail ippreżentaw lill-Kummissjoni osservazzjonijiet li jikkontestaw it-talba għal riferiment. Fit‑2, fis‑7 u fit‑12 ta’ April 2021, Illumina wieġbet għat-talbiet ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni kienet bagħtitilha fis‑26 ta’ Marzu u fit‑8 ta’ April 2021.

21

Permezz ta’ ittri tal‑24, tas‑26 u tal‑31 ta’ Marzu 2021, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni Islandiża, Norveġiża, Belġjana, Olandiża u Griega talbu li jingħaqdu mat-talba għal riferiment, abbażi tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 u, fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni Islandiża u Norveġiża, abbażi tal-Artikolu 6(3) tal-Protokoll 24 tal-Ftehim ŻEE (iktar ’il quddiem it-“talbiet għal tgħaqqid”).

22

Fil‑31 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ppubblikat il-Gwida dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet għal ċerti kategoriji ta’ każijiet (ĠU 2021, C 113, p. 1).

Fuq id‑deċiżjonijiet kontenzjużi

23

Permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Kummissjoni aċċettat it-talba għal riferiment u t-talbiet għal tgħaqqid.

24

Il-Kummissjoni kkunsidrat, l-ewwel nett, li t-talba għal riferiment kienet ġiet ippreżentata fit-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, dekorribbli mid-data li fiha hija kienet, permezz tal-ittra ta’ stedina, informat b’mod partikolari lir-Repubblika Franċiża bil-konċentrazzjoni inkwistjoni.

25

It-tieni nett, il-Kummissjoni qieset ukoll li t-talbiet għal tgħaqqid kienu tressqu mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni Islandiża, Norveġiża, Belġjana, Olandiża u Griega fit-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-regolament, dekorribbli mid-data li fiha hija kienet, permezz tal-ittra tagħha tal‑10 ta’ Marzu 2021, informat lil dawn l-awtoritajiet bit-talba għal riferiment.

26

It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 b’tali mod li l-Istati Membri setgħu jitolbuha teżamina din il-konċentrazzjoni, minkejja li din ma kinitx ta’ dimensjoni Ewropea.

27

Hija qieset, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri setgħu jitolbuha teżamina kull konċentrazzjoni “li għaliha ma kellhomx kompetenza”, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament ikunu ssodisfatti.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali

28

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2021, Illumina ressqet ir-rikors bin-numru Kawża Nru T‑227/21.

29

Permezz ta’ digriet tat‑2 ta’ Lulju 2021, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali aċċetta lil Grail sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Illumina.

30

Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑12 u tat‑22 ta’ Lulju kif ukoll tas‑6 ta’ Awwissu 2021 u b’digriet tal‑25 ta’ Awwissu 2021, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali awtorizza rispettivament lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Ellenika u lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA sabiex jintervjenu fil-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

31

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Awwissu 2021, Illumina informat lill-Qorti Ġenerali li hija kienet akkwistat, fl-istess jum, l-ishma kollha ta’ Grail, iżda li hija kienet stabbilixxiet separazzjoni tal-assi b’mod li tiggarantixxi li ma teżerċitax kontroll fuq din il-kumpannija.

32

Fis‑7 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex, fid-dawl ta’ dan l-akkwist, hija tirtira lil Grail il-kwalità ta’ intervenjenti.

33

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas‑16 ta’ Diċembru 2021.

Is‑sentenza appellata

34

Fis-sentenza appellata, wara li ċaħdet it-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex Grail titneħħielha l-kwalità ta’ intervenjenti (punti 53 sa 59) u wara li qieset li r-rikors kellu jiġi ddikjarat, minn naħa, inammissibbli sa fejn kien dirett kontra l-ittra ta’ informazzjoni u, min-naħa l-oħra, ammissibbli sa fejn kien intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi (punti 60 sa 82), il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tliet motivi invokati minn Illumina insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel wieħed minn dawn il-motivi kien ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex teżamina konċentrazzjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Istat Membru li talabha twettaq dan l-eżami. It-tieni motiv kien ibbażat fuq in-natura tardiva tat-talba għal riferiment, li ma ġietx ippreżentata fit-terminu stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, fid-dawl tad-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tibgħat l-ittra ta’ stedina. It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, minħabba li, fid-data li fiha Illumina u Grail kienu ftiehmu dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni kienet tikkonsisti fir-rifjut li jiġu eżaminati l-konċentrazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

35

Peress li qieset li ebda wieħed minn dawn il-motivi ma kien fondat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors kollu kemm hu.

36

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, wara interpretazzjoni letterali, storika, kuntestwali u teleoloġika tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li l-Istati Membri setgħu, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, jitolbu r-riferiment ta’ konċentrazzjoni li ma hijiex ta’ dimensjoni Ewropea, indipendentement mill-eżistenza jew mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-kontroll ex ante tal-konċentrazzjonijiet. Minn dan hija ddeduċiet li l-Kummissjoni setgħet ġustament, permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, tilqa’ t-talba għal riferiment u t-talbiet għal tgħaqqid (sentenza appellata, punti 183 u 184).

37

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset li l-argumenti ta’ Illumina u ta’ Grail ma kinux tali li jqiegħdu f’dubju din l-interpretazzjoni.

38

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-affermazzjoni ta’ Illumina li Stat Membru, li adotta leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet li ma humiex ta’ dimensjoni Ewropea, ma għandux il-possibbiltà li jirreferi tali konċentrazzjonijiet lill-Kummissjoni meta dawn ma jkunux jaqgħu taħt din il-leġiżlazzjoni. Il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari li, konformement mal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi previst fl-Artikolu 4(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 5 TUE, konċentrazzjoni li, fl-assenza ta’ qbiż tal-livelli tad-dħul mill-bejgħ previsti mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament taqa’, b’mod awtomatiku, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Għaldaqstant, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jistgħu dejjem iressqu talba skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament (sentenza appellata, punti 153 sa 156).

39

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, kif mogħtija fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, li skontha Stat Membru jista’ jitlob ir-riferiment ta’ konċentrazzjoni skont din id-dispożizzjoni indipendentement mill-eżistenza jew mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fil-qasam tal-kontroll ex ante tal-konċentrazzjonijiet, tosserva l-prinċipju ta’ sussidjarjetà. B’mod partikolari, din l-interpretazzjoni tiżgura li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi “mekkaniżmu korrettiv effettiv” fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, fis-sens tal-premessa 11 ta’ dan ir-regolament, billi tipproteġi l-interessi tal-Istati Membri. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tiggarantixxi, konformement mal-premessa 14 tal-imsemmi regolament, li kawża tiġi ttrattata mill-awtorità l-iktar xierqa, fid-dawl tal-imsemmi prinċipju (sentenza appellata, punti 157 sa 166).

40

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-imsemmija interpretazzjoni tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u, kif indika l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 139/2004, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Il-Qorti Ġenerali indikat b’mod partikolari li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament adottata fid-deċiżjonijiet kontenzjużi tippermetti lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni skont dan l-artikolu biss f’ċerti każijiet speċifiċi meta l-erba’ kriterji kumulattivi previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament ikunu ssodisfatti (sentenza appellata, punti 167 sa 172).

41

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 irrakkomandata minn Illumina u minn Grail, li tissuġġetta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet filwaqt li tipprevedi eċċezzjoni għall-Istati Membri li ma għandhomx tali leġiżlazzjoni, twassal għal inċertezza fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt l-imsemmija dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni adottata fid-deċiżjonijiet kontenzjużi tagħmel l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu dipendenti biss fuq li jkunu ssodisfatti l-erba’ kriterji kumulattivi previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament, li jiggarantixxu l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu 22 fl-Unjoni, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza appellata, punti 173 sa 178).

42

Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali qieset li n-natura eċċezzjonali tar-riferimenti skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, invokata minn Illumina, hija ppreżervata mill-interpretazzjoni adottata fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, sa fejn il-kompetenza ta’ eżami tal-Kummissjoni tibqa’ tiddependi prinċipalment fuq il-qbiż tal-livelli tad-dħul mill-bejgħ stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament u sa fejn il-mekkaniżmu ta’ riferiment skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxi biss kompetenza sussidjarja li tippermetti, f’ċerti każijiet speċifiċi u taħt kundizzjonijiet preċiżi ħafna, li konċentrazzjoni li taqa’ barra minn dawn il-livelli minkejja l-effetti transkonfinali tagħha tista’ wkoll tiġi eżaminata mill-Kummissjoni fuq talba ta’ Stat Membru jew ta’ diversi Stati Membri, u dan fid-dawl tal-funzjoni ta’ dan l-Artikolu 22 bħala “mekkaniżmu korrettiv” (sentenza appellata, punt 182).

43

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq in-natura tardiva tat-talba għal riferiment u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, li din it-talba kienet tressqet fit-terminu ta’ ħmistax-il jum wara li ntbagħtet l-ittra ta’ stedina, li kienet tikkostitwixxi l-“komunikazzjoni” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (sentenza appellata, punt 214). Hija kkunsidrat, min-naħa l-oħra, li għalkemm din l-ittra kienet intbagħtet mill-Kummissjoni f’terminu mhux raġonevoli, dan il-fatt waħdu ma kienx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur tad-drittijiet tad-difiża (sentenza appellata, punti 239 u 242).

44

Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali ċaħditu għar-raġuni, b’mod partikolari, li Illumina ma kinitx uriet li kienu ngħatawlha assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti mill-Kummissjoni dwar it-trattament tal-konċentrazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (sentenza appellata, punt 263).

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell

Fuq it‑tgħaqqid tal‑kawżi

45

Permezz ta’ atti ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 u fit‑30 ta’ Settembru 2022, Illumina u Grail ressqu dawn l-appelli.

46

Konformement mal-Artikolu 54(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fil‑21 ta’ Diċembru 2022, li jgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza.

Fuq it‑talbiet għal intervent

47

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Frar 2023, ir-Repubblika tal-Estonja ġiet ammessa tintervjeni fil-Kawża C‑625/22 P insostenn tat-talbiet ta’ Grail.

48

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Marzu 2023, Illumina vs Il-Kummissjoni (C‑611/22 P, EU:C:2023:205), Biocom California ġiet ammessa tintervjeni fil-Kawża C‑611/22 P insostenn tat-talbiet ta’ Illumina.

49

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Marzu 2023, Grail vs Il-Kummissjoni (C‑625/22 P, EU:C:2023:227), it-talbiet għal intervent imressqa mill-association française des juristes d’entreprise (AFJE) (l-Assoċjazzjoni Franċiża tal-Avukati tal-Kumpanniji) u mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Avukati tal-Kumpanniji (AEAK) ġew, min-naħa l-oħra, miċħuda.

Fuq it‑talbiet għal proċedura mħaffa

50

Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 u fl‑20 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni talbet li dawn il-kawżi jiġu suġġetti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikoli 133 sa 136 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-appelli skont l-Artikolu 190(1) ta’ dawn ir-regoli.

51

Insostenn tat-talbiet tagħha, il-Kummissjoni sostniet, essenzjalment, li d-deċiżjonijiet dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 6454 final tas‑6 ta’ Settembru 2022 li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, adottata skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 139/2004, id-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 8(5)(a) u (ċ) ta’ dan ir-regolament u kull deċiżjoni futura li teżiġi x-xoljiment ta’ din il-konċentrazzjoni skont l-Artikolu 8(4) tal-imsemmi regolament u li timponi multi għal ksur tal-Artikolu 7(1) tal-istess regolament, huma jew jiġu bbażati fuq il-premessa li l-Kummissjoni hija kompetenti sabiex teżamina l-imsemmija konċentrazzjoni. Huwa għalhekk fl-interess kemm tal-Kummissjoni kif ukoll ta’ Illumina u ta’ Grail, u b’mod iktar ġenerali tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li l-kwistjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni, li għandha tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi riżolta mill-iktar fis possibbli.

52

L-Artikolu 133(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tar-rikorrent jew tal-konvenut, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-parti l-oħra, l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa meta n-natura ta’ din il-kawża teżiġi li tiġi ttrattata fi żmien qasir.

53

Fl‑10 ta’ Jannar 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-partijiet l-oħra, l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma jilqax it-talbiet tal-Kummissjoni.

54

Fil-fatt, fid-dawl tan-natura sensittiva u kumplessa tagħhom, kien diffiċli li għal dawn il-kawżi tiġi applikata proċedura mħaffa, peress li, b’mod partikolari, ma kienx jidher xieraq li l-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja titqassar (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet, (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Daqstant ieħor ma kienx opportun li l-kawżi jiġu ttrattati skont il-proċedura mħaffa peress li, minbarra l-importanza sistemika u d-diffikultà tad-domandi magħmula, saru oġġezzjonijiet serji minn Illumina u minn Grail, li ma kellhomx, f’dak l-istadju, l-opportunità li jieħdu konjizzjoni tar-risposta tal-Kummissjoni u ma kellhomx a priori jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jippreżentaw replika.

56

F’dan ir-rigward, l-interess tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ċertament leġittimu, li jiddeterminaw kemm jista’ jkun malajr il-portata tad-drittijiet u tal-prerogattivi li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma huwiex f’kull każ ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ tiġġustifika li kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Protokoll Nru 36), (C‑207/21 P, EU:C:2022:560, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Madankollu, fid-dawl tal-importanza ta’ dawn il-kawżi, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li dawn il-kawżi kellhom jiġu ttrattati bi prijorità, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Ottubru 2017, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2017:792, punti 1314, kif ukoll is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u Il-Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 41).

Fuq it‑talbiet tal‑partijiet fl‑appelli

58

Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, Illumina (Kawża C‑611/22 P) u Grail (Kawża C‑625/22 P) jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjonijiet kontenzjużi, it-talba għal riferiment u l-ittra ta’ informazzjoni, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

59

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli u

tikkundanna lil Illumina u lil Grail għall-ispejjeż.

60

Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appelli.

61

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli u

tikkundanna lil Illumina u lil Grail għall-ispejjeż.

62

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli u

tikkundanna lil Illumina u lil Grail għall-ispejjeż.

63

Biocom California, li intervjeniet insostenn ta’ Illumina (Kawża C‑611/22 P), titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjonijiet kontenzjużi, it-talba għal riferimenti u l-ittra ta’ informazzjoni, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura tal-appell, inklużi l-ispejjeż tagħha stess.

64

Ir-Repubblika tal-Estonja, li intervjeniet insostenn ta’ Grail (Kawża C‑625/22 P), ma ppreżentatx nota ta’ intervent.

Fuq l‑appelli

65

Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑611/22 P, Illumina tqajjem tliet aggravji.

66

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Illumina ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 fis-sens li dan jippermetti lil Stat Membru, li għandu leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li jitlob lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi eżaminata abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Illumina ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet il-motiv ibbażat fuq in-natura tardiva tat-talba għal riferiment u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba. It-tielet aggravju invokat minn Illumina huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-argument tagħha bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, fid-dawl tal-assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti allegatament mogħtija mill-Viċi Presidenta Eżekuttiva tal-Kummissjoni.

67

Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑625/22 P, Grail tqajjem ukoll tliet aggravji, ibbażati rispettivament fuq l-iżball ta’ liġi mwettaq fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, fuq l-iżball ta’ liġi dwar id-dewmien irraġonevoli tal-Kummissjoni u fuq l-iżball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-motiv ibbażat fuq l-aspettattivi leġittimi u ċ-ċertezza legali, li jikkoinċidu fil-parti l-kbira ma’ dawk imressqa minn Illumina.

68

Qabelxejn, hemm lok li jiġu eżaminati flimkien l-ewwel aggravju tal-appelli, ibbażat fuq żbalji fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, u b’mod partikolari tal-paragrafu 1 tiegħu.

L‑argumenti tal‑partijiet

69

Illumina ssostni li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li skontha l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti lil Stat Membru jitlob ir-riferiment lill-Kummissjoni ta’ konċentrazzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ma tippermettilux li jikkontrolla, hija żbaljata.

70

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod korrett il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà.

71

L-ewwel nett, Illumina ssostni li s-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 139/2004 tikkonkretizza l-prinċipju ta’ ċertezza legali, billi tirrikorri għal livelli ta’ dħul mill-bejgħ oġġettivi sabiex tiddefinixxi l-konċentrazzjonijiet ta’ dimensjoni Ewropea li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni u għal termini stretti sabiex isir l-eżami tal-konċentrazzjonijiet. Issa, l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 174 u 175 tas-sentenza appellata, twassal għal inċertezza legali evidenti, peress li tagħmel possibbli l-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet li la jilħqu l-livelli tad-dħul mill-bejgħ sabiex ikollhom dimensjoni Ewropea u lanqas il-livelli ta’ kontroll iddefiniti fil-livell nazzjonali. Dan il-kontroll potenzjali addizzjonali, lil hinn mis-sistemi stabbiliti minn dan ir-regolament u mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, iżid l-inċertezza li jiffaċċjaw il-partijiet f’konċentrazzjoni sabiex ikunu jafu jekk din tistax tkun suġġetta għal kontroll u, għaldaqstant, li tiġi pprojbita, mibdula jew imdewma.

72

L-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali toħloq ukoll inċertezza legali sa fejn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li hija tiddefinixxi huma bbażati esklużivament fuq il-kriterji kwalitattivi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, bi ksur tal-approċċ adottat f’dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament u fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet adottati mill-Istati Membri.

73

Din l-interpretazzjoni, li ma timponi ebda terminu fuq l-Istati Membri sabiex jitolbu r-riferiment ta’ konċentrazzjonijiet lill-Kummissjoni, toħloq, barra minn hekk, inċertezza ratione temporis u riskji ta’ dewmien fl-eżami ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet.

74

Sussegwentement, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 167 sa 172 tas-sentenza appellata huma wkoll ivvizzjati bi żbalji ta’ liġi. Illumina ssostni b’mod partikolari li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali ġġiegħel lill-partijiet f’konċentrazzjonijiet li la jilħqu l-livelli tad-dħul mill-bejgħ stabbiliti fir-Regolament Nru 139/2004 u lanqas il-livelli ta’ kontroll iddefiniti fil-livell nazzjonali, jinnotifikaw dawn il-konċentrazzjonijiet, fl-interess taċ-ċertezza legali, lil kull wieħed mill-Istati Membri, li, min-naħa tagħhom, ikunu obbligati li jipproċessaw dawn in-notifiki.

75

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod żbaljat, fil-punti 160 sa 166 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u s-setgħa tal-Kummissjoni, billi ppermettitilha tevita l-proċedura leġiżlattiva u temenda de facto l-livelli minimi ta’ kompetenza stabbiliti mir-Regolament Nru 139/2004. Il-Kummissjoni tipprova, bl-approvazzjoni tal-Qorti Ġenerali, timla l-allegati lakuni tal-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri billi tippermetti l-kontroll tal-konċentrazzjonijiet li la jilħqu l-livelli tad-dħul mill-bejgħ sabiex ikollhom dimensjoni Ewropea u lanqas il-livelli ta’ kontroll iddefiniti fil-livell nazzjonali u b’hekk tevita r-rekwiżiti leġiżlattivi fundamentali sabiex id-dritt tal-Unjoni u r-regoli nazzjonali rilevanti jiġu emendati.

76

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali identifikat u eżaminat b’mod żbaljat l-għan tar-Regolament Nru 139/2004 u tal-Artikolu 22 tiegħu.

77

Skont Illumina, il-punti 140 u 142 tas-sentenza appellata jirriflettu interpretazzjoni żbaljata tal-premessi ta’ dan ir-regolament u jiżnaturaw l-approċċ interpretattiv li l-Qorti Ġenerali għandha ssegwi. L-ewwel nett, huwa żbaljat li jiġi affermat li l-konċentrazzjonijiet li għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni huma esklużivament eżaminati fil-livell tal-Unjoni. It-tieni nett, l-imsemmi regolament ma jipprevedix sistema globali sabiex jiġi żgurat li l-konċentrazzjonijiet kollha li jaffettwaw l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni jkunu kkontrollati. Minflok, il-lakuni li jista’ jkun hemm għandhom jiġu indirizzati biss permezz ta’ leġiżlazzjoni. It-tielet nett, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 142 tas-sentenza appellata, li r-Regolament Nru 139/2004 jinkludi mekkaniżmi sabiex jiġu rrimedjati l-lakuni inerenti fl-użu tal-livelli tad-dħul mill-bejgħ, tħalli barra l-fatt li dawn il-livelli kienu s-suġġett ta’ dibattiti twal tul l-abbozzar tar-Regolament Nru 4064/89, u sussegwentement tar-Regolament Nru 139/2004. Bl-użu ta’ livelli ta’ dħul mill-bejgħ oġġettivi, pjuttost milli kriterji ta’ evalwazzjoni kwalitattivi, il-leġiżlatur tal-Unjoni joffri ċertezza legali lill-partijiet f’konċentrazzjoni u lill-Istati Membri, li tirrifletti l-kompromess li waslu għalih dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni.

78

Id-deskrizzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-għan tar-Regolament Nru 139/2004 wasslitha sabiex tadotta interpretazzjoni eċċessivament wiesgħa tal-“mekkaniżmi korrettivi” previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, ta’ natura li tbiddel it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni, favur din tal-aħħar. Barra minn hekk, fl-evalwazzjoni teleoloġika tagħha, il-Qorti Ġenerali injorat il-kwistjoni dwar kif, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament sabiex tiġi identifikata l-awtorità “l-iktar xierqa” sabiex tittratta l-każ, fis-sens tal-premessa 14 tal-istess regolament, meta la l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u lanqas l-awtoritajiet tal-Unjoni ma jkunu kompetenti sabiex jeżaminaw konċentrazzjoni.

79

Fit-tielet lok, Illumina, filwaqt li tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq is-sentenza tat‑3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni (T‑119/02, EU:T:2003:101, punt 354), issostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 182 tas-sentenza appellata, ma evalwatx korrettament in-natura derogatorja tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 u lanqas ma osservat ir-regola li dispożizzjoni derogatorja għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta.

80

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali ma applikatx b’mod korrett il-prinċipji ta’ interpretazzjoni letterali, storika, kuntestwali u teleoloġika fl-analiżi tagħha tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

81

Grail issostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni meta qieset li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 kien jagħti kompetenza lill-Kummissjoni sabiex teżamina konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni Ewropea mibgħuta lilha minn Stat Membru li huwa stess ma huwiex kompetenti, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, sabiex jeżamina din il-konċentrazzjoni. Ebda wieħed mill-metodi ta’ interpretazzjoni, applikati b’mod korrett, ma jsostni din l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

82

Fl-ewwel lok, Grail issostni li l-interpretazzjoni letterali tal-Qorti Ġenerali tagħti b’mod żbaljat valur kbir lill-kelma “any” (kwalunkwe) li tippreċedi l-kelma “konċentrazzjoni” fil-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 (sentenza appellata, punti 91 u 94) u li hija tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ dan ir-regolament.

83

Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni storika tal-Qorti Ġenerali tinkludi diversi lakuni. Qabelxejn, din l-interpretazzjoni hija bbażata biss fuq tliet dokumenti, kollha redatti mill-Kummissjoni, u tinjora elementi oħra ta’ interpretazzjoni, fosthom ix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Nru 4064/89, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97 tat‑30 ta’ Ġunju 1997 li jemenda r-Regolament Nru 4064/89 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), u tar-Regolament Nru 139/2004. Sussegwentement, id-dokumenti kollha li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali sabiex tinterpreta l-għan inizjali tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89 (sentenza appellata, punt 96) kienu ġew ippubblikati wara l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, minkejja li kellu jsir riferiment għal informazzjoni dwar l-intenzjoni tal-leġiżlatur fil-mument meta adotta l-imsemmi regolament. Barra minn hekk, diversi punti prinċipali tar-raġunament storiku segwit mill-Qorti Ġenerali ma humiex konklużivi sa fejn dawn ma jagħtux tweġiba għall-mistoqsija ċentrali dwar jekk, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni hijiex kompetenti sabiex teżamina konċentrazzjoni mibgħuta minn Stat Membru li għandu leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, iżda li ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, l-ebda wieħed mis-sorsi limitati ċċitati fis-sentenza appellata ma jikkorrobora l-interpretazzjoni storika adottata mill-Qorti Ġenerali, li hija bbażata fuq l-idea li din id-dispożizzjoni ssegwi għan differenti minn dak li tippermetti lill-Istati Membri li ma għandhomx leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet jirreferu konċentrazzjonijiet lill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni tinkludi affermazzjonijiet manifestament żbaljati, b’mod partikolari fil-punti 107 sa 109 tas-sentenza appellata.

84

Grail tqis li analiżi korretta tax-xogħlijiet preparatorji tippermetti li jiġi konkluż li, fil-mument tal-adozzjoni tiegħu, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89 ma kienx japplika għall-Istati Membri li għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, iżda għall-Istati Membri li ma għandhomx tali leġiżlazzjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni teżamina u, jekk ikun il-każ, tipprojbixxi l-konċentrazzjonijiet li ma jilħqux il-livelli tad-dħul mill-bejgħ ta’ dan ir-regolament. L-emendi suċċessivi ta’ din id-dispożizzjoni, fl‑1997 u fl‑2004, żiedu biss ma’ dan l-għan dak li jitnaqqas ir-riskju ta’ eżami parallel tal-istess konċentrazzjoni mill-Istati Membri billi ppermettew lill-Istati Membri kompetenti sabiex jeżaminaw konċentrazzjoni li jirriferuha lill-Kummissjoni jekk huma jqisu li din tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex taġixxi.

85

Għaldaqstant, ix-xogħlijiet preparatorji ma jsostnux il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, iżda jikkontradixxuhom.

86

Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni kuntestwali tal-Qorti Ġenerali tinkludi wkoll lakuni sinjifikattivi. L-argumenti mressqa, b’mod partikolari, fil-punti 126 sa 130 u 132 tas-sentenza appellata huma ftit li xejn konklużivi. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ dokumenti, fosthom il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-riferiment ta’ każijiet fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet (ĠU 2005, C 56, p. 2), li madankollu huma rilevanti għall-interpretazzjoni kuntestwali.

87

Barra minn hekk, skont Grail, diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 139/2004 fil-parti l-kbira tagħhom ġew injorati mill-Qorti Ġenerali u huma inkompatibbli mal-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament. Hija tirreferi b’mod iktar partikolari għall-Artikolu 1(4) u (5), kif ukoll għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(2) u għat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-istess-artikolu tal-imsemmi regolament. Grail isostni wkoll li l-formulazzjoni tal-premessa 15 tal-istess regolament, li tuża l-espressjoni “wkoll kompetenti”, tikkontradixxi l-interpretazzjoni adottata mill-Kummissjoni u vvalidata mill-Qorti Ġenerali.

88

Fir-raba’ lok, l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Qorti Ġenerali hija wkoll lakunarja. L-ewwel nett, l-indikazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-għan tar-Regolament Nru 139/2004 huwa li jippermetti l-kontroll tal-“operazzjonijiet kollha ta’ konċentrazzjoni” li jaffettwaw il‑kompetizzjoni fl-Unjoni, indipendentement mil-livelli tad-dħul mill-bejgħ (sentenza appellata, punti 140 sa 143), ma hijiex issostanzjata. It-tieni nett, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-mekkaniżmi ta’ riferiment jikkostitwixxu “mekkaniżmu korrettiv effikaċi” sabiex jiġu rrimedjati l-lakuni inerenti għal-livelli tad-dħul mill-bejgħ ma hija bbażata fuq ebda preċedent u hija infondata (sentenza appellata, punt 142).

89

Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali adottat fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika jipproduċi, skont Grail, riżultati inkompatibbli mar-Regolament Nru 139/2004. L-ewwel nett, din l-interpretazzjoni tippermetti lill-Kummissjoni twettaq eżami ex post tal-konċentrazzjonijiet, kif hija ammettiet espliċitament fil-punt 21 tal-linji gwida tagħha dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ riferiment stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet għal ċerti kategoriji ta’ każijiet. B’hekk hija tmur kontra l-għan ta’ implimentazzjoni ta’ sistema ta’ eżami ex ante, li teżiġi li l-konċentrazzjonijiet jiġu eżaminati f’termini stretti, u tirrappreżenta “bidla kopernikana” fis-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni. It-tieni nett, jekk ma tiġix irrettifikata, l-imsemmija interpretazzjoni jkollha konsegwenzi prattiċi sinjifikattivi fuq l-impriżi u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, billi timmina l-prinċipji ta’ effikaċja u ta’ ċertezza legali li fuqhom huwa bbażat il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet fl-Unjoni għal iktar minn 30 sena. It-tielet nett, l-istess interpretazzjoni tippermetti li jiġu evitati l-livelli tad-dħul mill-bejgħ previsti mir-Regolament Nru 139/2004 u għalhekk tippreġudika l-prevedibbiltà tas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet li dan ir-regolament jistabbilixxi, u dan ikollu konsegwenzi serji għaċ-ċertezza legali. Ir-raba’ nett, Grail tindika li jekk l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li l-Kummissjoni tkun tista’ teżamina l-konċentrazzjonijiet kollha, li bl-ebda mod ma tirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji tal-imsemmi regolament, allura wieħed ikun jista’ jistaqsi dwar ir-raġuni għall-eżistenza ta’ sistema bbażata fuq riferimenti inċerti min-naħa tal-Istati Membri pjuttost milli dwar dritt dirett tal-Kummissjoni li teżamina kull konċentrazzjoni potenzjalment problematika, indipendentement mil-livelli tad-dħul mill-bejgħ Ewropej u nazzjonali.

90

Biocom California, li tintervjeni insostenn ta’ Illumina fil-Kawża C‑611/22 P, tqis ukoll li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li skontha talba skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ tiġi ppreżentata, u tiġi aċċettata, indipendentement mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, ma hijiex konformi mal-prinċipji fundamentali ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità.

91

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa minn Illumina u Grail insostenn tal-ewwel aggravju tal-appelli tagħhom.

92

Fir-rigward tal-ewwel aggravju ta’ Illumina, il-Kummissjoni tindika, preliminarjament, li dan huwa bbażat fuq żewġ żbalji fundamentali fir-rigward tan-natura tar-Regolament Nru 139/2004. L-ewwel żball jirrigwarda l-fatt li Illumina tinvoka b’mod żbaljat is-sistema tal-“one-stop shop”, stabbilita minn dan ir-regolament, li tirreferi biss għall-konċentrazzjonijiet ta’ dimensjoni Ewropea, peress li huwa paċifiku li s-sentenza appellata ma tirrigwardax tali konċentrazzjoni. It-tieni żball fundamentali jinsab fil-fatt li Illumina tikkunsidra b’mod żbaljat li d-drittijiet mogħtija lill-Istati Membri skont l-imsemmi regolament jiddependu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Fil-fatt huwa possibbli li wieħed jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 308 KE (li sar l-Artikolu 352 TFUE), li abbażi tiegħu r-Regolament Nru 139/2004 ġie adottat, “sabiex jinħolqu titoli ġodda li jkunu sovrapposti fuq it-titoli nazzjonali”. Illumina tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza stess tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, li jikkostitwixxi “eżempju ta’ dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni sovrappost fuq il-liġijiet nazzjonali” kif ukoll tad-dritt li, skont l-Artikolu 352 TFUE, huwa jagħti lill-Istati Membri sabiex jadixxu lill-Kummissjoni b’konċentrazzjoni, minkejja l-fatt li ma jkunux kompetenti sabiex jeżaminawha.

93

Skont il-Kummissjoni, l-ewwel aggravju ta’ Illumina huwa ineffettiv. Fil-fatt, Illumina bl-ebda mod ma tikkontesta l-punti 90 sa 94 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, wara interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, li l-formulazzjoni ċara ta’ din id-dispożizzjoni hija biżżejjed sabiex it-teżi tal-Kummissjoni tiġi sostnuta. Il-Kummissjoni tqis, f’dan ir-rigward, li sa fejn il-punt 95 tas-sentenza appellata għandu jiġi interpretat fis-sens li kien madankollu neċessarju li wieħed jibbaża ruħu fuq metodi oħra ta’ interpretazzjoni sabiex issir il-konklużjoni esposta fil-punt 183 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Hija għalhekk tikkunsidra li hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi b’sostituzzjoni tal-motivi tas-sentenza appellata fuq dan il-punt u tiddeċiedi li interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 hija biżżejjed sabiex jiġi miċħud l-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-argumenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel aggravju ta’ Illumina huma kollha bbażati fuq metodi ta’ interpretazzjoni differenti mill-interpretazzjoni letterali, dan l-aggravju huwa ineffettiv u ma għandux jiġi eżaminat.

94

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li dan l-ewwel aggravju huwa infondat. Anki jekk wieħed jassumi li l-metodi ta’ interpretazzjoni invokati fir-rikors tal-appell għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, Illumina ma tispjegax f’dan ir-rikors kif l-allegazzjonijiet tagħha bbażati fuq dawn il-metodi l-oħra huma suffiċjenti sabiex jeskludu s-sens ċar tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

95

Skont il-Kummissjoni, l-affermazzjoni ġenerali li s-sentenza appellata twassal għal inċertezza legali hija bbażata fuq żbalji fundamentali, peress li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri dritt li jagħmlu riferiment, li huwa sovrappost fuq il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. F’dak li jirrigwarda l-argument li l-kompetenza skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 ma hija ddelimitata minn ebda forma ta’ livelli ta’ dħul mill-bejgħ oġġettivi, il-Kummissjoni ssostni li dan huwa inammissibbli minħabba li dan huwa argument ġdid. Barra minn hekk, dan l-argument huwa żbaljat fid-dritt u fil-fatt, b’mod partikolari sa fejn bl-ebda mod ma huwa stabbilit li kull livell minimu ta’ kompetenza fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ. Fir-rigward tal-kritika dwar l-assenza ta’ terminu li fih Stat Membru jista’ jagħti lok għal riferiment skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, din hija bbażata fuq qari ppreġudikat tal-punt 181 tas-sentenza appellata.

96

Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni ssostni li Illumina ma invokat quddiem il-Qorti Ġenerali ebda motiv li skontu, fiż-żmien tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-konċentrazzjoni inkwistjoni ma kinitx konċentrazzjoni li tista’ tfixkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern. Għalhekk ma teżisti l-ebda bażi li fuqha Illumina, fir-rikors tal-appell, tista’ tikkontesta l-proporzjonalità tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fi kwalunkwe każ, jekk wieħed jassumi li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis neċessarju li teżamina r-rikors tal-appell dwar dan il-punt, il-Kummissjoni ssostni li l-allegazzjonijiet ta’ Illumina huma irrilevanti u mhux sostanzjati.

97

Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li kellha ġurisdizzjoni sabiex twieġeb għall-argumenti ta’ Illumina dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju. Hija ssostni, minn naħa, li Illumina ma invokatx l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 minħabba l-inkompatibbiltà tiegħu mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Hija tqis, min-naħa l-oħra, li Illumina ma setgħetx tikkontesta l-kompatibbiltà tad-deċiżjoni kontenzjuża ma’ dan il-prinċipju, peress li dan ma jintervjenix fl-istħarriġ tal-legalità tal-atti adottati skont dan l-artikolu. Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni prinċipalment li ma kienx hemm lok li l-Qorti Ġenerali teżamina l-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twettaq sostituzzjoni tal-motivi fuq dan il-punt billi tiċħad l-argumenti ta’ Illumina bħala irrilevanti.

98

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis neċessarju li teżamina dawn l-argumenti, il-Kummissjoni tenfasizza li dawn jikkontradixxu l-argumenti invokati fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, li huma infondati fir-rigward ta’ talba għal riferiment indirizzata minn Stat Membru u li jiksru n-natura stess tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004.

99

Fir-rigward tal-għan tar-Regolament Nru 139/2004 u tal-Artikolu 22 tiegħu, il-Kummissjoni tqis li Illumina tiżnatura l-portata tal-punti 140 u 142 tas-sentenza appellata u tinjora l-fatt li, mhux talli ma għandhiex għan differenti minn dak ta’ dan ir-regolament, iżda l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tippermetti “kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skont l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni [fl-Unjoni]”, konformement mal-għan stabbilit fil-premessa 6 tal-imsemmi regolament.

100

Fir-rigward tan-natura derogatorja tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni tenfasizza li, anki jekk jitqies li l-argument ta’ Illumina ma huwiex ineffettiv, dan huwa infondat. B’mod partikolari, Illumina tiżbalja meta tipprova tassimila l-kawżi ineżami ma’ dik li wasslet għas-sentenza tat‑3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni (T‑119/02, EU:T:2003:101, punt 354).

101

Fir-rigward tal-argumenti speċifikament imressqa fl-ewwel aggravju ta’ Grail, il-Kummissjoni ssostni li dawn għandhom ukoll jiġu miċħuda.

102

Bħala introduzzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 142 tas-sentenza appellata, li skontha l-għan tar-Regolament Nru 139/2004 huwa li “jippermetti kontroll tal-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern” huwa konformi mal-premessi 6 u 7 tar-Regolament Nru 4064/89, li jipprovdu li l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 81 u 82 KE, li huma stess saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE) ma kinux suffiċjenti “sabiex jiġu kkunsidrati l-operazzjonijiet kollha li jirriskjaw li jkunu inkompatibbli mas-sistema ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni prevista mit-Trattat” u li, għalhekk, kien neċessarju li tinħoloq leġiżlazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 235 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 308 KE, li huwa stess sar l-Artikolu 352 TFUE), li “tippermetti kontroll effettiv fuq l-operazzjonijiet kollha tal-konċentrazzjonijiet skont l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fil-Komunità”. Il-Kummissjoni tqis li Grail bl-ebda mod ma tindirizza l-implikazzjonijiet ta’ dan l-użu tal-Artikolu 352 TFUE. Issa, il-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 lill-Istati Membri li jitolbu riferiment ta’ konċentrazzjoni hija eżempju tal-eżerċizzju ta’ dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni li huwa sovrappost fuq id-drittijiet nazzjonali.

103

Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju ta’ Grail huwa ineffettiv għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, Grail ma tikkontestax b’mod ċert il-punti 183 u 184 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu jitolbu r-riferiment ta’ konċentrazzjoni indipendentement mill-eżistenza jew mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-kontroll ex ante tal-konċentrazzjonijiet u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma kinitx wettqet żball meta aċċettat it-talba għal riferiment imressqa quddiemha. Issa, huwa essenzjali li l-aggravji u l-argumenti ta’ liġi invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qegħdin jiġu kkontestati. Fid-dawl tal-assenza ta’ kontestazzjoni tal-punti 183 u 184 tas-sentenza appellata, l-argumenti diretti kontra l-istadji intermedjarji tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali huma ineffettivi. It-tieni nett, sa fejn Grail, bħal Illumina, ma tikkontestax b’mod ammissibbli l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 adottata fis-sentenza appellata, l-ewwel aggravju ta’ Grail, li huwa bbażat kompletament fuq l-allegazzjoni li l-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni hija insuffiċjenti sabiex issostni l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, huwa nieqes mill-effett utli tiegħu.

104

Sussidjarjament, il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju ta’ Grail huwa infondat, sa fejn Grail ma tispjegax fl-appell tagħha kif il-metodi ta’ interpretazzjoni storika, kuntestwali u teleoloġika li hija tinvoka huma ta’ natura li jiġġustifikaw interpretazzjoni li tmur lil hinn mis-sens ċar tal-kliem tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

105

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-interpretazzjoni storika, il-Kummissjoni tqis li l-kritika ta’ Grail li l-eżami tax-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Nru 139/2004 imwettaq mill-Qorti Ġenerali huwa lakunarju hija ineffettiva u, fi kwalunkwe każ, fil-parti l-kbira tagħha inammissibbli. Il-Kummissjoni tirrileva li Grail ma tikkontestax biss l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tad-dokumenti, bħall-Green Papers, li kienu ġew sottomessi lilha, iżda tipproduċi wkoll diversi provi ġodda li ma ġewx ippreżentati lill-Qorti Ġenerali.

106

Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-ewwel aggravju ta’ Grail, sa fejn huwa bbażat fuq xogħlijiet preparatorji prodotti fil-kuntest tal-appell jew sussegwentement, huwa inammissibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2019, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE (C‑152/18 P u C‑153/18 P, EU:C:2019:810, punt 39), issostni li d-dokumenti interpretattivi, annessi mar-rikors tal-appell, li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, huma ammissibbli biss sa fejn dawn jinsabu wkoll fit-test stess ta’ dan ir-rikors jew huma, tal-inqas, spjegati b’mod suffiċjenti fih.

107

Skont il-Kummissjoni, l-argument li skontu l-Qorti Ġenerali kienet negliġenti fl-interpretazzjoni storika tagħha ma jistax jintlaqa’, ħlief jekk jiġi rikjest minnha li din titlob sistematikament lill-istituzzjonijiet jipprovdulha x-xogħlijiet preparatorji kollha ta’ kull att inkwistjoni quddiemha. Barra minn hekk, Grail evitat il-fatt li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wieġbet għall-argumenti invokati fl-ewwel istanza, li permezz tagħhom Illumina interpretat ir-Regolament Nru 4064/89 billi rreferiet għal dokument sussegwenti għalih. Il-Kummissjoni tqis li, għall-kuntrarju ta’ dak li ġie affermat fir-rikors tal-appell ta’ Grail, l-interpretazzjoni storika esposta fis-sentenza appellata ma tiżvela ebda “dikjarazzjoni manifestament żbaljata”. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina ulterjorment dan ir-rikors. Fi kwalunkwe każ, Grail, li tillimita ruħha għal riferiment ġenerali u lakoniku għad-dokumenti annessi mar-rikors tal-appell tagħha, ma wrietx kif eżami fid-dettall tax-xogħlijiet preparatorji juri li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni storika tagħha.

108

It-tieni nett, fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-argumenti ta’ Grail ma humiex tali li jsostnu t-teżi tagħha. Għalhekk, din il-kumpannija ma rnexxilhiex turi għal liema raġunijiet preċiżi l-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tal-kuntest tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 kienu, kif hija ssostni, inkonklużivi.

109

It-tielet nett, fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li l-għan tar-Regolament Nru 139/2004 huwa li jippermetti l-kontroll tal-konċentrazzjonijiet kollha li jaffettwaw il-kompetizzjoni fl-Unjoni indipendentement mil-livelli tad-dħul mill-bejgħ imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, peress li l-imsemmi regolament huwa bla ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li jżommu leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u li jiddeterminaw il-livelli li minnhom huma kompetenti sabiex jeżerċitaw il-kontroll tagħhom skont dawn is-sistemi. Il-fatt li l-Kummissjoni hija prinċipalment kompetenti biss għall-konċentrazzjonijiet ta’ dimensjoni Ewropea ma jaffettwax il-kompetenza tagħha li taċċetta r-riferiment ta’ konċentrazzjonijiet skont il-mekkaniżmi ta’ riferiment previsti mir-Regolament Nru 139/2004. L‑Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament jipprovdi, kif indikat fil-premessa 11 tiegħu, “mekkaniżmu korrettiv effettiv fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà” sa fejn jippermetti li jintlaħaq l-għan tal-imsemmi regolament, filwaqt li jillimita l-kompetenza prinċipali tal-Kummissjoni għall-konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt il-livelli ffissati mill-Artikolu 1 tal-istess regolament.

110

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tqis li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Grail, is-sentenza appellata ma twassalx għal riżultati inkompatibbli mar-Regolament Nru 139/2004. L-argumenti ta’ Grail jikkostitwixxu, essenzjalment, “manifest interessat” fuq il-mod li bih hija tqis li sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni għandha tiffunzjona, li ma hijiex kwistjoni li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

111

Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jikkontestaw ukoll l-allegazzjonijiet ta’ Illumina u ta’ Grail. Dawn tal-aħħar jinjoraw b’mod partikolari l-prevalenza tal-interpretazzjoni letterali u jinjoraw il-formulazzjoni ċara u preċiża tal-ewwel parti tas-sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li ma tagħmel ebda distinzjoni skont jekk l-Istat Membru għandux jew le leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Il-mekkaniżmi ta’ riferiment jaħdmu bħala “mekkaniżmi korrettivi” sabiex jippermettu kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skont l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

112

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, Illumina u Grail isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, u b’mod partikolari tal-paragrafu 1 tiegħu, li kien speċifikament imsemmi fl-ewwel motiv imqajjem fl-ewwel istanza, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni.

113

Fl-eżami ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-ewwel lok, li mill-interpretazzjonijiet letterali, storiċi, kuntestwali u teleoloġiċi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet, kif hija qieset fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, taċċetta r-riferiment ta’ konċentrazzjoni skont dan l-Artikolu 22 f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru li jitlob dan ir-riferiment ma jkunx awtorizzat, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, jeżamina din il-konċentrazzjoni.

114

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset li din l-evalwazzjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mill-argumenti ta’ Illumina u ta’ Grail li kienu bbażati, rispettivament, fuq l-assenza ta’ possibbiltà li l-konċentrazzjonijiet jintbagħtu lill-Kummissjoni fil-każ fejn Stat Membru jkun iddefinixxa l-kundizzjonijiet li fihom huwa jikkontrolla konċentrazzjonijiet mingħajr dimensjoni Ewropea, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali u kif ukoll fuq in-natura eċċezzjonali tar-riferimenti skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament.

115

F’dan il-kuntest, hija qieset, b’mod partikolari fil-punt 177 tas-sentenza appellata, li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi “mekkaniżmu korrettiv” maħsub sabiex jippermetti kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha li jistgħu jostakolaw b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern u li ma jaqgħux, minħabba l-assenza ta’ qbiż tal-livelli tad-dħul mill-bejgħ, taħt il-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

116

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita u kif il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 88 tas-sentenza appellata, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih tinsab kif ukoll l-għanijiet u l-iskop tal-att li tifforma parti minnu. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47, kif ukoll tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele), C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117

Madankollu, Illumina u Grail iqisu li l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ dawn il-metodi ta’ interpretazzjoni hija vvizzjata b’diversi żbalji u li applikazzjoni korretta tagħhom kellha twassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi li l-Kummissjoni, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, ma għandhiex kompetenza sabiex teżamina konċentrazzjoni meta din tal-aħħar tintbagħat lilha minn Stat Membru li għandu leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u meta din il-konċentrazzjoni ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni.

118

Qabelxejn, għandha tiġi miċħuda l-oġġezzjoni magħmula mill-Kummissjoni li l-ewwel aggravju tal-appelli huwa ineffettiv sa fejn l-appellanti rreferew għal ċerti kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali dwar is-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet u naqsu milli jikkontestaw il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali f’ċerti partijiet tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li l-kliem tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-interpretazzjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni.

119

Sabiex aggravju jiġi ddikjarat ineffettiv, għandu jiġi pprovat li, anki jekk jiġi ddikjarat fondat, dan ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il-Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments, C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, jidher li, permezz tal-ewwel aggravju tal-appelli tagħhom, l-appellanti indikaw, bil-preċiżjoni meħtieġa, għal liema raġunijiet huma jilmentaw li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat in-natura u l-portata tal-mekkaniżmu ta’ riferiment previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, b’tali mod li l-Kummissjoni ma setgħetx teżamina l-konċentrazzjoni inkwistjoni. Jekk tali aggravju huwa fondat, dan jista’ jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, jew ukoll, jekk ikun il-każ, tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

120

Konsegwentement, hemm lok li tiġi evalwata l-fondatezza tal-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet, billi jiġu segwiti, għal dan il-għan, id-diversi stadji tar-raġunament tagħha.

Fuq l-interpretazzjoni letterali

121

Fil-punt 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li fakkret il-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, osservat li din id-dispożizzjoni kienet tistabbilixxi erba’ kundizzjonijiet kumulattivi għall-awtorizzazzjoni tar-riferiment ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni. L-ewwel nett, it-talba indirizzata lill-Kummissjoni sabiex teżamina konċentrazzjoni għandha toriġina minn Stat Membru wieħed jew iktar. It-tieni nett, l-operazzjoni li hija s-suġġett ta’ din it-talba għandha tissodisfa d-definizzjoni tal-konċentrazzjoni li tinsab fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament mingħajr ma tilħaq il-livelli ta’ dimensjoni Ewropea stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament. It-tielet nett, din il-konċentrazzjoni għandha taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Ir-raba’ nett, l-imsemmija konċentrazzjoni għandha thedded li taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fit-territorju tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri li jkunu għamlu l-imsemmija talba.

122

Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li “[g]ħaldaqstant, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li, sabiex ikun possibbli r-riferiment ta’ konċentrazzjoni minn Stat Membru lill-Kummissjoni, din il-konċentrazzjoni trid taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-imsemmi Stat Membru, u lanqas li dan tal-aħħar irid ikollu sistema ta’ kontroll bħal din”. L-espressjoni “xi konċentrazzjoni”, kif użata fl-ewwel parti tas-sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, tindika, għall-kuntrarju, li konċentrazzjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ riferiment indipendentement mill-eżistenza jew mill-portata ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll ex ante tal-konċentrazzjonijiet, sakemm il-kriterji kumulattivi mfakkra fil-punt 89 tas-sentenza appellata jkunu ssodisfatti.

123

Għaldaqstant, il-Qorti ġenerali qieset, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li “mingħajr ma tippermetti konklużjoni definittiva, l-interpretazzjoni letterali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 tindika li Stat Membru għandu d-dritt li jirrinvija lill-Kummissjoni kwalunkwe konċentrazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fih, u dan indipendentement mill-eżistenza jew mill-portata ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet”.

124

Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punt 95 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li kien xieraq li tingħata interpretazzjoni storika, peress li din setgħet tiċċara x’kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni meta fformula l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjonijiet kuntestwali u teleoloġiċi ta’ din id-dispożizzjoni.

125

Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ivvizzjati minn xi żball.

126

Ċertament, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li tneħħi kull effett utli mill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND, C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 39, u tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Gmina Wieliszew, C‑698/20, EU:C:2022:787, punt 83).

127

Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex imċaħħda mill-possibbiltà li tuża f’ċerti sitwazzjonijiet il-metodi ta’ interpretazzjoni li hija tqis xierqa sabiex tiċċara l-portata eżatta ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni apparentement ċara, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha titqiegħed fil-kuntest tagħha u għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan id-dritt, tal-għanijiet tiegħu, u tal-istat tal-evoluzzjoni tiegħu fid-data li fiha għandha ssir l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 20, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 46).

128

Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, fejn jidher li l-Qorti Ġenerali ġiet informata b’diversi elementi sabiex tiċċara l-portata tal-formulazzjoni allegatament ċara tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, hija ġustament qieset li ma setgħetx tillimita ruħha għal qari iżolat tal-formulazzjoni, li hija kemm konċiża kif ukoll ġenerali, ta’ din id-dispożizzjoni u tastjeni minn interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika, iċċarata mill-oriġini tal-imsemmija dispożizzjoni.

Fuq l-interpretazzjoni storika

129

L-interpretazzjoni storika, esposta fil-punti 96 sa 117 tas-sentenza appellata, ġiet mifhuma, kif jirriżulta mill-kliem użat mill-Qorti Ġenerali, bħala li “tista’ tiċċara x’kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni meta fformula l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjonijiet teleoloġiċi u kuntestwali ta’ din id-dispożizzjoni” (sentenza appellata, punt 95). Għalhekk mill-istruttura ta’ din is-sentenza jirriżulta li din l-interpretazzjoni storika għandha importanza partikolari fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, peress li hija tikkostitwixxi l-punt ta’ sostenn tal-kunsiderazzjonijiet magħmula minnha fil-kuntest tal-interpretazzjonijiet teleoloġiċi u kuntestwali.

130

Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali qieset li l-interpretazzjoni storika għandha t-tendenza li tindika li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti lil Stat Membru, indipendentement mill-eżistenza jew mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fil-qasam tal-kontroll ex ante tal-konċentrazzjonijiet, jirreferi lill-Kummissjoni konċentrazzjonijiet li ma jilħqux il-livelli tad-dħul mill-bejgħ stabbiliti mill-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament iżda jista’ jkollhom effetti transkonfinali sinjifikattivi.

131

Qabel ma tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti tal-appellanti kontra d-diversi partijiet tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, għandha tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-elementi ppreżentati minn Grail f’dan il-kuntest.

– Fuq l-ammissibbiltà tal-elementi ppreżentati minn Grail

132

Fir-risposta tagħha fil-Kawża C‑625/22 P, il-Kummissjoni tqiegħed f’dubju l-ammissibbiltà tal-elementi mressqa minn Grail insostenn tal-ilmenti tagħha dwar l-interpretazzjoni storika. Il-Kummissjoni ssostni fil-fatt li, filwaqt li kienet iddedikat biss żewġ punti għal din l-interpretazzjoni fin-nota ta’ intervent tagħha fl-ewwel istanza, Grail tirreferi fir-rikors tal-appell tagħha għal diversi dokumenti redatti fil-kuntest tax-xogħlijiet preparatorji għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 4064/89, tar-Regolament Nru 1310/97 u tar-Regolament Nru 139/2004 li hija annettiet ma’ dan ir-rikors. Hija tirrileva li dawn id-dokumenti, li l-maġġoranza tagħhom ma ġewx ippubblikati, ma ġewx ikkomunikati lill-Qorti Ġenerali u ma ġewx għalhekk diskussi quddiemha.

133

F’dan ir-rigward, huwa stabbilit sewwa li l-fatt li parti tiġi awtorizzata tqajjem motiv jew argumenti, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, ikun ifisser li din il-parti tkun qiegħda tiġi awtorizzata tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha kompetenza limitata fil-qasam tal-appell, tilwima iktar estiża minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat lill-motivi u lill-argumenti li jkunu ġew iddibattuti quddiem l-ewwel qrati (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 126 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

134

Madankollu, meta tkun inkwistjoni l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ix-xogħlijiet preparatorji, li huma marbuta direttament mal-portata tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli, ma jistgħux jiġu analizzati bħala elementi purament fattwali li kellhom jiġu invokati fl-ewwel istanza. Fil-fatt, id-determinazzjoni tas-sens tal-imsemmija leġiżlazzjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-ipoteżi fejn, bħal f’dawn il-kawżi, titqiegħed inkwistjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt sekondarju, il-qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tikkunsidra, kemm ex officio kif ukoll minħabba elementi li ġew validament sottomessi għall-evalwazzjoni tagħha, id-dokumenti redatti fil-kuntest tax-xogħlijiet preparatorji li jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet dwar l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

– Fuq il-mertu

135

Il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-interpretazzjoni storika jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-fatt li ma kienx ġie eskluż oriġinarjament li l-mekkaniżmu ta’ riferiment ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni, inizjalment previst fl-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89, għalkemm oriġinarjament maħsub għall-Istati Membri li għad ma għandhomx sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, jista’ jintuża wkoll minn Stati Membri li għandhom tali sistema (sentenza appellata, punti 96 sa 99), it-tieni nett, il-fatt li l-għanijiet ta’ dan il-mekkaniżmu ġew “suċċessivament estiżi matul iż-żmien” sabiex tissaħħaħ l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni għall-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi li għandhom effetti transkonfinali (sentenza appellata, punti 100 sa 104), it-tielet nett, is-segwitu li ngħata għall-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”) (ĠU 2003, C 20, p. 4, iktar ’il quddiem il-“proposta tal‑2003”) fil-kuntest tar-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 u tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 (sentenza appellata, punti 105 sa 114) u, ir-raba’ nett, in-nuqqas ta’ rilevanza tad-dokumenti ppubblikati mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament tal-aħħar (sentenza appellata, punt 115).

136

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li ma kienx eskluż oriġinarjament li l-mekkaniżmu ta’ riferiment ta’ każ ta’ konċentrazzjoni lill-Kummissjoni, previst inizjalment fl-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89, jista’ jintuża mhux biss mill-Istati Membri li ma għandhomx leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, iżda wkoll minn dawk li għandhom tali leġiżlazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq diversi dokumenti redatti mill-Kummissjoni, jiġifieri l-Green Paper tal-Kummissjoni tal‑31 ta’ Jannar 1996 dwar ir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, COM(96) 19 final, il-Green Paper tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2001 dwar ir-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, COM(2001) 745 final, u l-proposta tal‑2003.

137

Ċertament, dokumenti redatti mill-Kummissjoni stess jistgħu jkunu ta’ natura li jipprovdu indikazzjonijiet preċiżi dwar l-intenzjoni tal-leġiżlatur waqt it-tfassil tar-regolamenti suċċessivi fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u, għaldaqstant, għandhom ċertu valur interpretattiv fir-rigward tas-sens u tal-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. F’dan il-każ, madankollu, id-dokumenti ċċitati fil-punt preċedenti ma fihomx element preċiż ta’ natura li jsolvi l-kwistjoni ta’ interpretazzjoni li hija fil-qalba tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi.

138

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, li mill-punt 97 tal-Green Paper tal-Kummissjoni tal‑31 ta’ Jannar 1996 dwar ir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, COM(96) 19 final, kien jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ riferiment kien ġeneralment ikkunsidrat bħala strument utli, b’mod partikolari għall-Istati Membri li ma kellhomx leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, iżda li l-użu tiegħu ma kien fl-ebda każ irriżervat għalihom.

139

Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tippermettix li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 jippermettix lill-Istati Membri li għandhom tali leġiżlazzjoni li jirreferu lill-Kummissjoni operazzjonijiet li ma jaqgħux taħt din il-leġiżlazzjoni u li għalhekk ma għandhomx ikunu s-suġġett ta’ notifika fil-livell nazzjonali.

140

L-istess japplika għar-riferiment magħmul, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, għall-fatt li, diġà fid-data tal-adozzjoni tal-Green Paper tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2001 dwar ir-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, COM(2001) 745 final, kien biss il-Gran Dukat tal-Lussemburgu li ma kellux tali leġiżlazzjoni, li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata, fil-punt 85 ta’ din il-Green Paper, li, “fil-prattika, [...] il-potenzjal tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22(3) [tar-Regolament Nru 4064/89] fil-forma oriġinali tiegħu [kien] limitat ħafna” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet, din is-silta mill-punt 85 tal-imsemmija Green Paper ċertament tagħti x’tifhem li l-adozzjoni mill-parti l-kbira tal-Istati Membri ta’ sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet kienet timplika li huma kellhom interess iktar limitat li jirreferu lill-Kummissjoni l-eżami ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni. Min-naħa l-oħra, tali silta ma tinkludi ebda indikazzjoni, lanqas impliċita, li l-Kummissjoni hija kompetenti sabiex teżamina operazzjonijiet li jintbagħtu lilha minn Stat Membru li jkun adotta tali sistema nazzjonali indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk tali operazzjonijiet jaqgħux taħt l-imsemmija sistema.

141

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fatt li l-għanijiet ta’ dan il-mekkaniżmu kienu “suċċessivament estiżi matul iż-żmien” sabiex tissaħħaħ l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni għall-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi li għandhom effetti transkonfinali, il-kunsiderazzjonijiet esposti f’dan ir-rigward fil-punti 100 sa 104 tas-sentenza appellata huma bbażati ċertament fuq konstatazzjonijiet korretti. Madankollu, dawn lanqas ma jsostnu l-approċċ issuġġerit mill-Kummissjoni f’dawn il-kawżi fir-rigward tal-portata tal-mekkaniżmu ta’ riferiment previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004.

142

B’mod partikolari, għalkemm, ċertament, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 102 tas-sentenza appellata, dan il-mekkaniżmu kien maħsub sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni meta l-livelli previsti fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament ma jintlaħqux, din il-kjarifika madankollu ma hijiex konklużiva sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament jippermettix lill-Istati Membri, li għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, jirreferu operazzjonijiet li ma jaqgħux taħt din il-leġiżlazzjoni.

143

Fit-tielet lok, fir-rigward tar-riferiment magħmul, fil-punti 105 sa 114 tas-sentenza appellata, għas-segwitu li ngħata għall-proposta tal‑2003 fil-kuntest tar-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 u tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, dan lanqas ma jsostni l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni. Fil-fatt, għalkemm l-emendi tal-mekkaniżmu ta’ riferiment li jirriżultaw minn din il-proposta juru li l-Kummissjoni ppreferiet użu ikbar ta’ dan il-mekkaniżmu u xtaqet li l-għanijiet tiegħu jitwessgħu progressivament, huma ma jipprovdu ebda indikazzjoni dwar it-tip ta’ konċentrazzjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ riferiment.

144

Fir-raba’ lok, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 115 tas-sentenza appellata, dokumenti tal-Kummissjoni ppubblikati wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni u għalhekk huma irrilevanti għall-interpretazzjoni storika tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament.

145

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-elementi msemmija fil-punti 96 sa 116 tas-sentenza appellata ma humiex ta’ natura li jsostnu l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-oriġini tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004.

146

Eżami tax-xogħlijiet preparatorji tar-regolamenti suċċessivi dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, b’mod partikolari d-dokumenti storiċi relatati mal-adozzjoni tar-Regolamenti Nri 4064/89 u 139/2004, għall-kuntrarju jikkontradixxi din l-evalwazzjoni sa fejn, kif irrileva l-Avukat Ġenerali b’mod partikolari fil-punti 102 u 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma juri r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirrikorri għall-mekkaniżmi ta’ riferiment previsti rispettivament fl-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89 u fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 sabiex jirrimedja għall-allegati lakuni li jirriżultaw mir-riġidità tal-livelli previsti fl-Artikolu 1 ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti.

147

F’dan ir-rigward, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali stess fil-punt 97 tas-sentenza appellata u kif il-partijiet kollha jaqblu li jirrikonoxxu, il-mekkaniżmu ta’ riferiment, stabbilit oriġinarjament fl-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89, kien isegwi x-xewqa tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li dak iż-żmien ma kellux leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li l-Kummissjoni teżamina konċentrazzjonijiet li għandhom effetti negattivi fit-territorju tiegħu, bil-kundizzjoni li dawn il-konċentrazzjonijiet jaffettwaw ukoll il-kummerċ bejn Stati Membri, raġuni li għaliha dan il-mekkaniżmu ġie msejjaħ “klawżola Olandiża” (punt 133 tad-dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill – Rapport dwar il-funzjonament tar-Regolament Nru 139/2004 tat‑30 ta’ Ġunju 2009, SEC(2009) 808 final/2). Fi kliem ieħor, l-imsemmi mekkaniżmu kien qabelxejn impost għaliex ċerti Stati Membri ma kellhomx sistema ta’ kontroll preventiv (ex ante) tal-konċentrazzjonijiet.

148

B’hekk, mid-dokumenti u mix-xogħlijiet preparatorji, li wħud minnhom joriġinaw mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, dwar il-verżjoni inizjali tar-Regolament Nru 4064/89 li għalihom jirreferu l-partijiet, jirriżulta li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali b’mod partikolari fil-punt 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li, indipendentement mit-tip u mill-ammont tal-livelli magħżula, ċerti konċentrazzjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-suq intern ma jaqgħux, fi kwalunkwe każ, taħt kontroll ex ante tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan ir-regolament. Ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jipprevedi l-mekkaniżmu ta’ riferiment previst fl-Artikolu 22(3) tal-imsemmi regolament bħala “mekkaniżmu korrettiv” li jippermetti riferiment lill-Kummissjoni ta’ kull konċentrazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din tkunx taqa’ taħt is-sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Istat Membru li jagħmel talba għal tali riferiment.

149

Id-dokumenti storiċi li jirrigwardaw l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1310/97 u dik tar-Regolament Nru 139/2004 lanqas ma jikkorroboraw il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonċernaw ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li juża l-mekkaniżmu ta’ riferiment previst fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar sabiex jirrimedja l-allegati lakuni li joħorġu mir-riġidità tal-livelli previsti fl-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament.

150

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali qieset fil-punt 116 tas-sentenza appellata, l-interpretazzjoni storika ma tippermettix li jiġi konkluż li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jagħti lill-Kummissjoni l-kompetenza li teżamina konċentrazzjoni li ma tilħaqx il-livelli tad-dħul mill-bejgħ previsti fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li jkun għamel talba għal riferiment fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali

151

Insostenn tal-interpretazzjoni kuntestwali tagħha li Stat Membru jista’ jitlob ir-riferiment ta’ konċentrazzjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fil-qasam tal-kontroll ex ante tal-konċentrazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali adottat, fil-punti 118 sa 138 tas-sentenza appellata, numru partikolari ta’ kunsiderazzjonijiet. Dawn jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-bażi legali ta’ dan ir-regolament, it-tieni nett, il-fatt li l-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jagħmel riferiment espliċitu għall-Artikolu 22 tal-istess regolament, it-tielet nett, il-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar huma fundamentalment differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004 – dispożizzjoni li tippermetti wkoll, fuq talba tal-partijiet u qabel in-notifika tagħha, li konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni Ewropea tintbagħat minn Stat Membru lill-Kummissjoni – ir-raba’ nett, il-fatt li l-mekkaniżmu ta’ riferiment previst fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament huwa differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament – dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-riferiment ta’ konċentrazzjoni b’dimensjoni Ewropea lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru – u, il-ħames nett, ir-rabta bejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-istess regolament u d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-artikolu.

152

Hemm lok, minn naħa, li jiġu eżaminati dawn id-diversi elementi speċifikament eżaminati mill-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, li jiġi eżaminat jekk, kif isostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali naqsitx milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra ta’ kuntest ta’ natura li jiċċaraw il-portata tal-mekkaniżmu ta’ riferiment previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004.

– Fuq l-elementi tal-kuntest meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali

153

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-fatt li r-Regolament Nru 139/2004 għandu bħala bażi legali mhux biss l-Artikolu 83 KE (li sar l-Artikolu 103 TFUE), iżda wkoll l-Artikolu 308 KE (li sar l-Artikolu 352 TFUE), il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li r-riferiment magħmul għal dan l-artikolu tal-aħħar, li abbażi tiegħu l-Unjoni jista’ jkollha setgħat ta’ azzjoni addizzjonali neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet tagħha, ma kien jipprovdi ebda indikazzjoni dwar is-sens u l-portata korretti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-teżi ta’ Illumina li l-bażijiet legali magħżula suċċessivament waqt l-adozzjoni tar-regolamenti dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet kienu jsostnu l-interpretazzjoni li hija pproponiet ta’ din id-dispożizzjoni.

154

Hija qieset b’mod partikolari, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li l-fatt li r-Regolament Nru 139/2004 kien ibbażat ukoll fuq l-Artikolu 308 KE juri biss li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirrikorri għal bażi legali suffiċjentement wiesgħa għas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni, u dan huwa konformi mal-Protokoll (Nru 27) dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni (ĠU 2016, C 202, p. 308), li jipprovdi li s-suq intern jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta u, għal dan il-għan, l-Unjoni għandha, jekk meħtieġ, tieħu miżuri skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, inkluż l-Artikolu 352 TFUE.

155

Din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi. Mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 4064/89 u mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll mix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Nru 4064/89 jirriżulta fil-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li l-Artikolu 103 TFUE – li jippermetti l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni intiża “għall-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 [TFUE]” – kien, meħud waħdu, insuffiċjenti sabiex jistabbilixxi sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet maħsuba sabiex tipprevjeni s-sempliċi ħolqien ta’ pożizzjonijiet dominanti kif ukoll sabiex taqbad konċentrazzjonijiet fis-suq ta’ prodotti agrikoli li, taħt l-Artikolu 38(3) TFUE u l-Anness I tat-Trattat FUE, jistgħu jkunu suġġetti għal sistema legali speċifika li tipprevedi eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni sħiħa tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

156

Madankollu, għall-kuntrarju, ma ġiex stabbilit li l-Artikolu 352 TFUE jippermetti li tiġi stabbilita kompetenza tal-Kummissjoni li tikkontrolla konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni Ewropea, anki meta l-Istat Membru li jkun ressaq talba għal dan l-għan abbażi tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 ikollu leġiżlazzjoni nazzjonali li timplika li huwa stess ma huwiex kompetenti sabiex jikkontrolla din il-konċentrazzjoni.

157

Fit-tieni lok, ir-riferiment li sar, fil-punti 121 sa 124 tas-sentenza appellata, għall-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004 – li jiddefinixxi l-livelli li ’l fuq minnhom konċentrazzjoni titqies bħala li għandha “dimensjoni Komunitarja” u għaldaqstant għandha tkun suġġetta għas-sistema ta’ notifika mandatorja lill-Kummissjoni u li jagħmilha ċara li dawn il-livelli huma “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 22” – ma jistax jitqies li huwa determinanti.

158

Fil-fatt, minkejja li l-Qorti Ġenerali ddeduċiet korrettement minn dan l-Artikolu 1 li “l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 u, konsegwentement, il-kompetenza tal-eżami mill-Kummissjoni fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet jiddependu, prinċipalment, fuq il-qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ li jiddefinixxu d-dimensjoni Ewropea u, sussidjarjament, fuq il-mekkaniżmi ta’ rinviju previsti mill-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament, li jikkompletaw l-imsemmija limiti billi jawtorizzaw l-eżami, mill-Kummissjoni, ta’ ċerti konċentrazzjonijiet li ma għandhomx dimensjoni Ewropea” (sentenza appellata, punt 123), din il-kunsiderazzjoni ma tagħtix indikazzjoni preċiża fuq it-tip ta’ konċentrazzjonijiet li ma jilħqux il-livelli tal-imsemmi regolament li jistgħu jiġu kkontrollati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tal-istess regolament.

159

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti lill-Kummissjoni tikkontrolla ċerti konċentrazzjonijiet li ma jilħqux il-livelli stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tippermettix li jiġi ddeterminat, kif jeżiġu dawn il-kawżi, liema huma preċiżament il-konċentrazzjonijiet li ma jilħqux il-livelli ddefiniti mill-imsemmi regolament li jistgħu jiġu kkontrollati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tiegħu.

160

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kienet ukoll korretta meta qieset, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, li ma jeżiġix espressament la li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li titlob ir-riferiment tal-eżami tal-konċentrazzjoni lill-Kummissjoni tkun kompetenti sabiex teżamina l-konċentrazzjoni li hija s-suġġett tar-riferiment u lanqas li din il-konċentrazzjoni tiġi nnotifikata, ma jistax jiġi interpretat fid-dawl tal-mekkaniżmi ta’ riferiment previsti fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament. Dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma huma ta’ natura li jsostnu l-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni f’dawn il-kawżi.

161

Fir-raba’ lok, fir-rigward tar-rabta bejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 u d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-artikolu, li ġiet eżaminata fil-punti 130 sa 137 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni seba’ elementi.

162

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, li mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament ma jistax jiġi dedott li dan l-artikolu japplika għall-Istati Membri li għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet biss meta l-konċentrazzjonijiet ikkonċernati jkunu jaqgħu taħt din il-leġiżlazzjoni.

163

Issa, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 124 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li tipprovdi li r-riferiment għandu jintalab mhux aktar tard minn 15‑il jum utli mill-jum li fih l-konċentrazzjoni kienet “notifikata”, jew f’każ li notifika ma tkunx meħtieġa, mill-jum li fih il-konċentrazzjoni kienet “mgħarrfa” lill-Istat Membru kkonċernat, ma tfissirx li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament jirregola is-sitwazzjonijiet li fihom il-konċentrazzjonijiet ma jiġux innotifikati, iżda sempliċement ikkomunikati lill-Istat Membru kkonċernat, jew għaliex dawn ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni, jew għaliex tali leġiżlazzjoni ma teżistix.

164

Fil-fatt, l-użu tal-kelma “mgħarrfa” f’din id-dispożizzjoni kien neċessarju preċiżament sabiex jippermetti lill-Istati Membri li ma għandhomx leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet li jitolbu lill-Kummissjoni tikkontrolla l-konċentrazzjonijiet li jista’ jkollhom effetti negattivi fit-territorju tagħhom, meta dawn il-konċentrazzjonijiet jaffettwaw ukoll il-kummerċ bejn Stati Membri.

165

Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali mfakkra fil-punt 162 ta’ din is-sentenza tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni, li fiha t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ikun applikabbli, fejn Stat Membru jkollu leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, iżda ma jissuġġettax il-konċentrazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ din il-leġiżlazzjoni għal obbligu ta’ notifika, li kien preċiżament il-każ fir-rigward tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

166

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, li Illumina u Grail ma setgħux jibbażaw l-argument tagħhom fuq il-fatt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi li “[l]-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u lill-impriżi konċernati dwar kull talba [għal riferiment] li tirċievi skond il-paragrafu 1 [ta’ dan l-artikolu]”, billi r-riferiment għall-“awtoritajiet kompetenti” huwa maħsub biss sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jiġu informati mill-Kummissjoni b’tali talba.

167

Din l-evalwazzjoni għandha tiġi approvata, sa fejn dan ir-riferiment ġenerali, meħud waħdu, ma jidhirx konklużiv sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

168

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 – li jipprovdi li “[k]ull Stat Membru ieħor għandu jkollu d-dritt li jingħaqad mat-talba [għal riferiment] oriġinali” – kien konsistenti mal-paragrafu 1 tiegħu u jikkonferma li kull Stat Membru jista’ jippreżenta talba għal rinviju jew biex jingħaqad skont dan l-artikolu, indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet”. Issa, għandu jiġi kkonstatat li din l-evalwazzjoni ma ssib ebda sostenn fil-formulazzjoni tal-imsemmi artikolu.

169

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, li l-fatt li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, “[i]t-termini perentorji nazzjonali kollha relatati mal-konċentrazzjoni għandhom ikunu sospiżi” ifisser biss li, jekk beda jiddekorri tali terminu nazzjonali, dan jiġi sospiż. Issa, din id-dispożizzjoni ma tagħti ebda indikazzjoni, la insostenn tar-rikorrenti u lanqas tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-identifikazzjoni eżatta tal-konċentrazzjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ riferiment lill-Kummissjoni skont dan l-artikolu.

170

Il-ħames nett, fir-rigward tar-riferiment għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 139/2004, li jipprevedi li “[l]-Istat Membru jew Stati Membri li għamel jew għamlu t-talba ma għandhomx jibqgħu japplikaw il-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni”, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta kkonstatat, fil-punt 134 tas-sentenza appellata, li din id-dispożizzjoni ma ssostnix l-argumenti tal-appellanti, peress li, billi għamlet riferiment għal-“liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni”, din id-dispożizzjoni tirreferi mhux biss għal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, iżda wkoll għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ftehimiet antikompetittivi u l-abbużi minn pożizzjoni dominanti. Madankollu, tali konstatazzjoni lanqas ma ssostni t-teżi difiża mill-Kummissjoni.

171

Is-sitt nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 135 u 136 tas-sentenza appellata, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 139/2004 li skontu l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikoli 5, 6 u 8 sa 21 ta’ dan ir-regolament għandhom japplikaw fejn il-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni li tkun ġiet mibgħuta lilha, u li skontu l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament għandu japplika “sakemm il-konċentrazzjoni ma kinitx implimentata sal-ġurnata li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-impriżi konċernati li saret talba”. Mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 7, il-Kummissjoni ddeduċiet li l-obbligu ta’ sospensjoni li huwa jipprevedi kien impost kemm fuq is-sitwazzjonijiet li fihom il-konċentrazzjoni li qed tintalab ir-riferiment tagħha ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet kif ukoll fuq dawk li fihom tali leġiżlazzjoni tkun applikabbli, iżda ma tkunx tipprevedi s-sospensjoni ta’ din il-konċentrazzjoni.

172

Issa, għalkemm il-Qorti Ġenerali, ġustament, irrilevat li l-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha li r-riferiment tagħhom lill-Kummissjoni ġie mitlub, u dan sabiex tiġi ggarantita l-effettività tas-sistema ta’ kontroll stabbilita minn dan ir-regolament u sabiex jiġi evitat li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jseħħu qabel ma jiġi deċiż jekk il-Kummissjoni għandhiex teżamina l-każ, il-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tal-imsemmi regolament ma ssostnix għaldaqstant l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni f’dawn il-kawżi.

173

Is-seba’ nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li, skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004, “[i]l-Kummissjoni tista’ tinforma lil Stat Membru jew lil diversi Stati Membri li hija tqis konċentrazzjoni bħala li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 [ta’ dan l-artikolu]”. Peress li din il-formulazzjoni tagħmel riferiment biss għal dawn il-kriterji, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix li l-konċentrazzjoni li r-riferiment tagħha jkun ġie mitlub tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

174

Issa, din id-dispożizzjoni sempliċement tipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tinforma lill-Istati Membri b’konċentrazzjoni u tistedinhom jippreżentaw talba abbażi tal-Artikolu 22(5) ta’ dan ir-regolament. Sa fejn din id-dispożizzjoni tirreferi għall-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament u sa fejn ġie kkonstatat fil-punt 128 ta’ din is-sentenza li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar la ssostni l-interpretazzjoni difiża mill-Kummissjoni u lanqas dik difiża minn Illumina u Grail, għandha ssir konstatazzjoni analoga fir-rigward ta’ dan l-Artikolu 22(5).

175

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li għalkemm l-elementi speċifikament eżaminati mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni kuntestwali tagħha ma humiex neċessarjament ta’ sostenn għall-pożizzjoni difiża mill-appellanti, dawn lanqas ma huma konklużivi sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi.

176

Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali injoratx elementi oħra tal-kuntest ta’ natura li jikkontradixxu l-interpretazzjoni tagħha.

– Fuq l-elementi l-oħra ta’ kuntest possibbilment rilevanti

177

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004, li jipprevedi mekkaniżmu ta’ riferiment ieħor, li jippermetti lill-partijiet f’konċentrazzjoni, li ma tkunx ta’ dimensjoni Ewropea u li tista’ tiġi kkontrollata skont id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ mill-inqas tliet Stati Membri, jitolbu li din il-konċentrazzjoni tiġi eżaminata mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, ċertament, ġustament ikkonstatat, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 22 tal-istess regolament ivarjaw b’mod sinjifikattiv f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u l-għanijiet rispettivi tagħhom.

178

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-konċentrazzjonijiet li, inizjalment, ma jkollhomx dimensjoni Ewropea, iżda jistgħu jiksbu tali dimensjoni taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004, il-konċentrazzjonijiet eżaminati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament ma humiex meqjusa li għandhom dimensjoni Ewropea. B’koerenza ma’ din il-konstatazzjoni, huma biss l-Istat Membru jew l-Istati Membri li fformulaw talba skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament li huma, konformement mat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, imċaħħda mill-possibbiltà li japplikaw id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni tagħhom għall-konċentrazzjoni kkonċernata.

179

Fil-kuntest ta’ dan il-mekkaniżmu, fir-rigward ta’ talba li toriġina minn Stat Membru li għandu leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll ex ante tal-konċentrazzjonijiet, jew ta’ diversi fosthom, l-eżami tal-operazzjoni inkwistjoni mill-Kummissjoni jissostitwixxi għalhekk lil dak li, jekk ikun il-każ, kien isir f’dan l-Istat Membru jew f’dawn l-Istati Membri, b’din is-sostituzzjoni tkun bla ħsara għal eżami eventwali ta’ din l-operazzjoni fi Stati Membri oħra. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ riferiment previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004, il-fatt li l-konċentrazzjoni inkwistjoni titqies li għandha dimensjoni Ewropea u li din għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jimplika li ebda Stat Membru ma japplika d-dritt nazzjonali tiegħu tal-kompetizzjoni għal din il-konċentrazzjoni.

180

Issa, din id-differenza timmilita favur l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament difiża minn Illumina u Grail. Fil-fatt, fir-rigward ta’ talba għal riferiment li toriġina minn Stat Membru li għandu leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll ex ante tal-konċentrazzjonijiet, il-kompetenza li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-operazzjoni inkwistjoni hija bbażata fuq il-possibbiltà li din tissostitwixxi awtorità nazzjonali waħda jew iktar minkejja l-fatt li din l-operazzjoni ma tkunx meqjusa li għandha dimensjoni Ewropea. Tali sostituzzjoni tippreżupponi madankollu li, meta l-Istat Membru applikant ikollu tali leġiżlazzjoni, il-kompetenza tal-awtorità inkarigata mill-kontroll ex ante tal-konċentrazzjonijiet fi ħdanu ma tkunx eskluża minn din il-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari għaliex l-operazzjoni inkwistjoni tkun taħt il-livelli ta’ kontroll li hija tiddefinixxi.

181

Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li dawn ma jinkludu l-ebda element rilevanti li jista’ jikkontribwixxi sabiex jiġi ċċarat iktar il-kontenut tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament.

182

Madankollu, din il-kunsiderazzjoni tinjora waħda mill-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li tipprovdi li l-konċentrazzjoni inkwistjoni għandha thedded li taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni “fit-territorju tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri” li jitolbu r-riferiment ta’ din il-konċentrazzjoni. Din il-kundizzjoni tindika, fil-fatt, li l-mekkaniżmu ta’ riferiment imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 huwa maħsub sabiex jippermetti l-kontroll tal-konċentrazzjonijiet li jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fi Stat Membru li jew ma għandux leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, jew iqis li dan il-kontroll għandu jitwettaq mill-Kummissjoni fid-dawl tan-neċessità, imsemmija b’mod ċar fl-emenda tar-Regolament Nru 4064/89 permezz tar-Regolament Nru 1310/97, u sussegwentement imsaħħa bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, li l-prinċipju ta’ “one-stop shop” jiġi estiż sabiex jippermetti l-eżami mill-Kummissjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata jew notifikabbli f’diversi Stati Membri, sabiex jiġu evitati diversi notifiki fil-livell nazzjonali.

183

Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Nru 139/2004, il-Qorti Ġenerali naqset, b’mod żbaljat, milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi, bħar-Regolament Nru 4064/89, proċedura ssemplifikata bl-għan li jiġu rriveduti l-livelli li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti. B’hekk, l-Artikolu 1(4) u (5) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti lill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jirrevedi l-livelli u l-kriterji li, skont dan l-artikolu, jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament fuq “il-bażi ta’ data statistikali li tista’ tkun provduta regolarment mill-Istati Membri” u wara rapport magħmul lill-Kunsill qabel l‑1 ta’ Lulju 2009.

184

Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda espressament, fir-Regolament Nru 139/2004, possibbiltà ta’ aġġustament rapidu tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, fil-każ li, minħabba l-iżviluppi fis-suq, il-kriterji ta’ kompetenza użati ma jibqgħux adatti sabiex jinqabdu konċentrazzjonijiet li għandhom effetti potenzjalment dannużi.

– Konklużjoni fuq l-interpretazzjoni kuntestwali

185

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għalhekk żbaljat meta qieset, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li mill-interpretazzjoni kuntestwali jirriżulta li talba għal riferiment skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 setgħet titressaq indipendentement mill-eżistenza jew mill-portata ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll ex ante tal-konċentrazzjonijiet.

Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika

186

Kemm Illumina kif ukoll Grail jikkritikaw l-argumenti tal-Qorti Ġenerali dwar l-għan tar-Regolament Nru 139/2004 u tal-Artikolu 22 tiegħu. B’hekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li dan ir-regolament jipprevedi “mekkaniżmi korrettivi” sabiex jiġu rrimedjati l-lakuni fil-kontroll, li huma inerenti għal sistema li tuża livelli ta’ dħul mill-bejgħ, sabiex tagħti kompetenza lill-Kummissjoni, u adottat interpretazzjoni eċċessivament wiesgħa ta’ dawn il-mekkaniżmi. Fir-realtà, l-imsemmi regolament kien maħsub sabiex jiggarantixxi livell għoli ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali kif ukoll sabiex jiżgura, kif tiddikjara l-premessa 14 tal-istess regolament, li l-każijiet ta’ konċentrazzjoni jiġu ttrattati mill-awtorità l-iktar adatta.

187

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 140 sa 151 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni teleoloġika tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, billi rreferiet essenzjalment għat-test tal-premessi ta’ dan ir-regolament.

188

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 140 sa 144 tas-sentenza appellata, li l-premessi 5, 6, 8, 24 u 25 tal-imsemmi regolament jindikaw li l-għan tiegħu huwa “li jippermetti l-kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha li għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni”. Il-Qorti Ġenerali qieset, f’dan ir-rigward, li mill-premessa 11 tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li l-proċeduri ta’ riferiment joħolqu “mekkaniżmu korrettiv”, u dan jindika li dawn joħolqu “kompetenza sussidjarja tal-Kummissjoni li tagħtiha l-flessibbiltà neċessarja sabiex tilħaq l-għan ta’ dak ir-regolament”.

189

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 145 sa 147 tas-sentenza appellata, li l-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 139/2004 jikkorroboraw il-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ riferiment previst fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament huma fundamentalment distinti minn dawk tal-mekkaniżmi l-oħra ta’ riferiment, u b’mod partikolari dak previst fl-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament, li jeżiġi espliċitament li l-konċentrazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni “tista’ tkun eżaminata taħt il-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali ta’ mill-anqas tlett Stati Membri”.

190

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 148 tas-sentenza appellata, li l-interpretazzjoni teleoloġika tikkonferma li talba skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ tiġi ppreżentata indipendentement mill-eżistenza jew mill-portata ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll ex ante tal-konċentrazzjonijiet.

191

Din il-konklużjoni hija żbaljata għal diversi raġunijiet.

192

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li dan l-artikolu kellu, kif jirriżulta mill-premessa 11 ta’ dan ir-regolament, jitqies bħala “mekkaniżmu korrettiv” maħsub sabiex jirrimedja l-lakuni tas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, billi jippermetti kontroll ta’ operazzjonijiet li la jilħqu l-livelli tal-Unjoni u lanqas il-livelli nazzjonali. Kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament Nru 139/2004 u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 179 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-premessa 11 tirreferi għal mekkaniżmu li għandu funzjoni korrettiva f’termini ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, filwaqt li jirrispetta l-ħtieġa ta’ ċertezza legali għall-impriżi kkonċernati u l-prinċipju ta’ “one-stop shop”.

193

Fuq dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija premessa 11 ma tidhirx fir-Regolament Nru 4064/89, iżda ddaħħlet fl-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament Nru 139/2004 biss sabiex tindirizza t-tħassib li nħoloq mill-possibbiltà, irrikonoxxuta sa mis-sena 1997, ta’ notifiki multipliċi. Għaldaqstant, din ma tippermettix li jiġi dedott li l-mekkaniżmu ta’ riferiment imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 huwa maħsub sabiex jimla lakuna fis-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li hija bbażata fuq prinċipju ta’ tqassim preċiż tal-kompetenzi tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, billi jippermetti lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt il-livelli ddefiniti kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali.

194

Barra minn hekk, il-fatt li ċerti premessi ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari l-premessi 6 u 24 tiegħu, jirreferu għal kontroll effettiv tal-“konċentrazzjonijiet kollha” lanqas ma jsaħħaħ il-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni, sa fejn din il-formulazzjoni tirrigwarda biss il-konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni, C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata), li ma humiex inkwistjoni f’dawn il-kawżi.

195

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-riferiment magħmul f’dawn il-premessi għall-konċentrazzjonijiet “kollha”, li kien diġà jinsab fil-premessi 6 u 7 tar-Regolament Nru 4064/89, jirrigwarda x-xewqa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jippreċiża li r-Regolament Nru 139/2004 jikkostitwixxi l-uniku strument proċedurali applikabbli għall-eżami minn qabel u ċċentralizzat tal-konċentrazzjonijiet, li, kif tiddikjara l-premessa 6 tiegħu, għandu jippermetti kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skont l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni. Skont is-sistema ta’ “one stop shop” stabbilita permezz ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar jikkostitwixxi fil-fatt strument proċedurali speċifiku maħsub sabiex japplika b’mod esklużiv għall-konċentrazzjonijiet ta’ impriżi li, kif jirriżulta mill-premessa 8 tal-imsemmi regolament, jimplikaw bidliet strutturali sinjifikattivi li l-effett tagħhom fuq is-suq imur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta’ Stat Membru (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Towercast, C‑449/21, EU:C:2023:207, punti 3637 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

196

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punti 147 u 148 tas-sentenza appellata, li l-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 139/2004 jikkorroboraw l-interpretazzjoni li talba skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament tista’ titressaq indipendentement mill-portata ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll ex ante tal-konċentrazzjonijiet.

197

Il-premessa 15 tal-imsemmi regolament, li tirrigwarda l-mekkaniżmi ta’ riferiment kollha, tindika fil-fatt li l-Kummissjoni tikseb is-setgħa li teżamina u li tittratta operazzjoni ta’ konċentrazzjoni “f’isem” Stat Membru wieħed jew iktar li jkunu għamlu talba. Il-formulazzjoni ta’ din il-premessa hija diffiċilment rikonċiljabbli mal-interpretazzjoni, difiża mill-Kummissjoni u adottata mill-Qorti Ġenerali, li dan l-artikolu jagħti kompetenza lill-Kummissjoni sabiex tikkontrolla ċerti konċentrazzjonijiet li jaffettwaw il-kompetizzjoni fis-“suq intern” fis-sens ġenerali, mingħajr ma titqies il-kundizzjoni mfakkra fil-punt 182 ta’ din is-sentenza li l-konċentrazzjoni li r-riferiment tagħha huwa mitlub għandha thedded li taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni “fit-territorju tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri” li jifformulaw din it-talba.

198

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija premessa 15 tirreferi għal “Stati Membri oħra li huma wkoll kompetenti sabiex jeżaminaw il-konċentrazzjoni”. Issa, tali riferiment għandu sens biss jekk il-kompetenza ta’ Stat Membru sabiex jikkontrolla konċentrazzjoni hija kundizzjoni preliminari sabiex dan l-Istat Membru jkun jista’ jitlob ir-riferiment ta’ din il-konċentrazzjoni lill-Kummissjoni jew sabiex dan ikun jista’ jingħaqad ma’ tali talba.

199

Fit-tielet lok, kemm l-interpretazzjoni storika kif ukoll dik kuntestwali tar-Regolament Nru 139/2004 juru li huma biss żewġ għanijiet li huma mfittxija mill-mekkaniżmu ta’ riferiment previst issa mill-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolment. L-ewwel għan li xpruna l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta’ riferiment fir-Regolament Nru 4064/89, magħruf dak iż-żmien bħala l-“klawżola Olandiża”, kien li jippermetti l-kontroll tal-konċentrazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-livell lokali, meta l-Istat Membru inkwistjoni ma jkollux leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. It-tieni għan, introdott meta r-Regolament Nru 4064/89 ġie emendat bir-Regolament Nru 1310/97, imbagħad imsaħħaħ bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 huwa, kif ġie rrilevat fil-punti 192 u 193 ta’ din is-sentenza, dak ta’ twessiegħ tal-prinċipju ta’ “one-stop shop” sabiex jippermetti l-eżami mill-Kummissjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata jew li tista’ tiġi nnotifikata f’diversi Stati Membri, sabiex jiġu evitati notifiki multipliċi fil-livell nazzjonali u b’hekk tissaħħaħ iċ-ċertezza legali għall-impriżi.

200

Min-naħa l-oħra, ma ġiex stabbilit li dan il-mekkaniżmu kien maħsub sabiex jirrimedja l-lakuni fis-sistema ta’ kontroll inerenti għal sistema bbażata prinċipalment fuq livelli ta’ dħul mill-bejgħ, li, mid-definizzjoni tagħha stess, ma tistax tkopri l-operazzjonijiet kollha ta’ konċentrazzjoni potenzjalment problematiċi.

201

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, iddeduċiet mill-premessi tar-Regolament Nru 139/2004 li l-Artikolu 22 tiegħu kien jikkostitwixxi “mekkaniżmu korrettiv” li huwa intiż għal kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha li għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni.

202

Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk inkompatibbli ma’ numru partikolari ta’ għanijiet li r-Regolament Nru 139/2004, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, huwa intiż li jilħaq.

203

Interpretati minn perspettiva sistematika, jista’ jiġi dedott mill-premessi tar-Regolament Nru 139/2004 li jekk dan huwa intiż li jistabbilixxi “strument legali speċifiku li jippermetti li jsir kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skond l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni” (premessa 6), dan jipprevedi wkoll li jistabbilixxi sistema effikaċi u prevedibbli ta’ kontroll, li tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u bbażata fuq il-prinċipju ta’ “one-stop shop” (premessi 8 u 11). Din is-sistema hija bbażata, fl-istess ħin, fuq tqassim ċar tal-kompiti mogħtija lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri rispettivament u fuq definizzjoni preċiża tal-kundizzjonijiet ta’ notifika u ta’ sospensjoni li huma imposti fuq il-partijiet f’operazzjoni ta’ konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, C‑202/06 P, EU:C:2007:814, punti 35 sa 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

204

Għal dan il-għan, bħar-Regolament inizjali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet Nru 4064/89, ir-Regolament Nru 139/2004 jinkludi dispożizzjonijiet bl-għan li jillimitaw, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u fl-interess tal-impriżi kkonċernati, id-dewmien tal-proċeduri ta’ verifika ta’ konċentrazzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jiżgura kontroll tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni f’termini kompatibbli kemm mal-ħtiġijiet ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll mal-ħtiġijiet tad-dinja kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, EU:C:2004:379, punti 5153 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

205

Issa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 irrakkomandata mill-Kummissjoni, kif ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali, tista’ tikser il-bilanċ bejn id-diversi għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament.

206

B’mod partikolari, din l-interpretazzjoni tikkomprometti l-effikaċja, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali li għandhom jiġu ggarantiti lill-partijiet f’konċentrazzjoni.

207

Fil-fatt, għalkemm ir-Regolament Nru 139/2004 huwa intiż effettivament sabiex jistabbilixxi sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet ta’ impriżi potenzjalment dannużi għall-kompetizzjoni, fl-istess ħin huwa intiż sabiex jistabbilixxi, minn naħa, tqassim ċar tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, sistema effikaċi u prevedibbli ta’ kontroll minn qabel għall-impriżi kkonċernati. Huwa billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-għanijiet kollha u l-ibbilanċjar tagħhom li għandhom jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-regolament u, b’mod partikolari, il-mekkaniżmu ta’ riferiment previst fl-Artikolu 22 tiegħu.

208

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fl-istruttura tas-sistemi ta’ kontroll minn qabel ta’ konċentrazzjonijiet ta’ impriżi previsti suċċessivament fil-livell tal-Unjoni, il-livelli ffissati sabiex jiġi ddefinit jekk operazzjoni għandhiex tiġi nnotifikata jew le għandhom importanza sinjifikattiva. L-impriżi potenzjalment suġġetti għal obbligi ta’ notifika u ta’ sospensjoni għandhom fil-fatt ikunu jistgħu faċilment jiddeterminaw jekk il-proġett ta’ operazzjoni tagħhom għandux ikun is-suġġett ta’ eżami minn qabel u, fil-każ affermattiv, minn liema awtorità u f’liema data tista’ tkun mistennija deċiżjoni ta’ din l-awtorità dwar din l-operazzjoni.

209

Id-determinazzjoni tal-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni b’riferiment għal kriterji marbuta mad-dħul mill-bejgħ hija garanzija importanti ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali għall-impriżi kkonċernati li għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw faċilment u rapidament lil liema awtorità huma għandhom jindirizzaw u f’liema terminu u taħt liema forma, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-lingwa u l-kontenut tal-informazzjoni mitluba, huma għandhom jadixxu lil din l-awtorità meta jimpenjaw ruħhom f’operazzjoni ta’ konċentrazzjoni.

210

Issa, kif jenfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 206 sa 213 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, notifika informali ta’ konċentrazzjoni lil kull waħda mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri u fl-Istati l-oħra partijiet għall-Ftehim ŻEE, kif ġie ssuġġerit mill-Kummissjoni, hija inkompatibbli mal-għan ta’ effikaċja mfittex mir-Regolament Nru 139/2004. Min-naħa l-oħra, li kieku l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament prevista mill-Kummissjoni kellha tiġi kkonfermata, ir-rekwiżiti proċedurali li għalihom ikunu suġġetti l-impriżi jkunu partikolarment diffiċli sabiex jiġu ddefiniti, u dan ma jkunx konformi mal-għan tal-imsemmi regolament li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa ta’ ċertezza legali tal-impriżi.

211

Fir-raba’ lok, in-neċessità li jiġi permess kontroll effettiv tal-operazzjonijiet kollha li għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, twassal sabiex tiġi estiża l-portata tar-Regolament Nru 139/2004.

212

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, sa mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 4064/89, li warajh ġie r-Regolament Nru 139/2004, l-Unjoni għandha regoli speċifiċi applikabbli għall-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu.

213

Dawn ir-regolamenti, ibbażati fuq l-Artikoli 103 u 352 TFUE (li qabel kienu, l-Artikoli 83 u 308 KE), jorganizzaw speċifikament kontroll minn qabel, ibbażat fuq sistema ta’ notifika obbligatorja, tal-operazzjonijiet kollha ta’ konċentrazzjoni li jaqbżu l-livelli previsti. L-imsemmija regolamenti jagħmlu għalhekk parti minn grupp leġiżlattiv intiż li jimplimenta l-Artikoli 101 u 102 TFUE kif ukoll li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni ma tkunx distorta fis-suq intern tal-Unjoni (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt,C‑248/16, EU:C:2017:643, punt 31).

214

Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ma jipprekludix li operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ impriżi, nieqsa minn dimensjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament u li tkun tinsab taħt il-livelli ta’ kontroll ex ante obbligatorju previsti mid-dritt nazzjonali, tkun analizzata minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru bħala li tikkostitwixxi, pereżempju, abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE fid-dawl tal-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq ta’ dimensjoni nazzjonali. Ir-Regolament Nru 139/2004 ma jistax jipprekludi li operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ dimensjoni mhux Ewropea, bħall-konċentrazzjoni inkwistjoni, tista’, bis-saħħa tal-effett dirett tal-Artikolu 102 TFUE, tkun suġġetta għal kontroll mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u mill-qrati nazzjonali bl-applikazzjoni tar-regoli proċedurali tagħhom stess (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Towercast, C‑449/21, EU:C:2023:207, punti 5053).

215

Fil-ħames u fl-aħħar lok, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 216 u 218 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher li l-interpretazzjoni wiesgħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 adottata mill-Qorti Ġenerali, li potenzjalment twassal għal estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u tal-kompetenza ta’ kontroll tal-Kummissjoni fuq l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni, tmur kontra l-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, li tirriżulta mill-Artikolu 13(2) TUE, li jeħtieġ li kull waħda mill-istituzzjonijiet teżerċita l-kompetenzi tagħha filwaqt li tosserva dawk tal-oħrajn (sentenza tad‑9 ta’ April 2024, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Firma ta’ ftehimiet internazzjonali), C‑551/21, EU:C:2024:281, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

216

Kif ġie rrilevat fil-punt 183 ta’ din is-sentenza, proċedura leġiżlattiva speċifika ġiet prevista bl-għan li jiġu rriveduti l-livelli li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-effikaċja tal-livelli minimi ta’ kompetenza bbażati fuq id-dħul mill-bejgħ previsti mir-Regolament Nru 139/2004 għandha tirriżulta insuffiċjenti sabiex tikkontrolla ċerti tranżazzjonijiet li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni, huwa biss il-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jirrevedi dawn it-tranżazzjonijiet jew li għandu jipprevedi mekkaniżmu ta’ salvagwardja li jippermetti lill-Kummissjoni tikkontrolla tali operazzjoni.

217

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-iżviluppi osservati f’ċerti swieq, li jinvolvu b’mod partikolari impriżi innovattivi li għandhom jew jista’ jkollhom rwol kompetittiv importanti minkejja l-fatt li jiġġeneraw ftit jew xejn dħul mill-bejgħ fil-mument tal-konċentrazzjoni, jiġġustifikaw li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-operazzjonijiet li jistħoqqilhom eżami minn qabel, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-livelli minimi ta’ kompetenza tagħhom ibbażati fuq id-dħul mill-bejgħ previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

218

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 meta qieset li l-Istati Membri setgħu, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fih, iressqu talba skont din id-dispożizzjoni indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-kontroll ex ante tal-konċentrazzjonijiet. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet korretta meta aċċettat, permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, it-talba għal riferiment u t-talbiet sabiex jingħaqdu skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004.

219

Fid-dawl tal-fondatezza tal-ewwel aggravju tal-appelli, hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra tal-appelli.

Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

220

Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża b’mod definittiv hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

221

Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li l-motivi tar-rikors intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u l-ittra ta’ informazzjoni li kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u l-eżami tagħhom ma jeħtieġu li tiġi adottata ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ istruttorja tal-proċess.

222

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 121 sa 218 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjonijiet kontenzjużi għandhom jiġu annullati sa fejn il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 sabiex tieħu konjizzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat ir-Regolament Nru 139/2004 billi qieset, f’dawn id-deċiżjonijiet, li tista’ taċċetta talba għal riferiment skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament f’sitwazzjoni fejn l-Istati Membri li jressqu din it-talba ma jkollhomx is-setgħa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li jeżaminaw il-konċentrazzjoni li tkun is-suġġett tal-imsemmija talba.

223

Fir-rigward tat-talbiet għall-annullament tat-talba għal riferiment u tal-ittra ta’ informazzjoni, dawn għandhom, min-naħa l-oħra, jiġu miċħuda.

224

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ittra ta’ informazzjoni, din, li ma tistabbilixxix il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni fuq l-eżami tal-konċentrazzjoni inkwistjoni u li ma tissuġġettahiex b’mod definittiv għall-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, għandha titqies li hija att intermedjarju u preparatorju tad-deċiżjonijiet kontenzjużi li ma jistgħux jiġu kkontestati.

225

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba għal riferiment, din għandha wkoll, fl-assenza ta’ kap ta’ talbiet li jipprevediha fir-rikors fl-ewwel istanza, tiġi ddikjarata inammissibbli.

Fuq l‑ispejjeż

226

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fejn l-appell huwa fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

227

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, li huwa applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

228

Peress li l-Kummissjoni tilfet fir-rigward tal-parti essenzjali tat-talbiet tiegħu, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti minn Illumina u Grail, marbuta, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar, kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell. Hemm ukoll lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn Biocom California fil-kuntest tal-intervent tagħha fil-Kawża C‑611/22 P, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

229

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Skont din id-dispożizzjoni, hemm lok li jiġi deċiż li r-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

230

Skont l-Artikolu 140(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli wkoll għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess meta hija tkun intervjeniet fil-kawża.

231

Konsegwentement, bħala intervenjenti fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Lulju 2022, Illumina vs Il-Kummissjoni (T‑227/21, EU:T:2022:447), hija annullata.

 

2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2021) 2847 final tad‑19 ta’ April 2021 li tilqa’ t-talba tal-awtorità nazzjonali Franċiża tal-kompetizzjoni sabiex il-Kummissjoni teżamina l‑operazzjoni ta’ konċentrazzjoni li tipprevedi l-akkwist minn Illumina, Inc. tal-kontroll esklużiv ta’ Grail, Inc. (Il-Każ COMP/M.10188 – Illumina/Grail), hija annullata.

 

3)

Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2021) 2848 final, C(2021) 2849 final, C(2021) 2851 final, C(2021) 2854 final u C(2021) 2855 final tad‑19 ta’ April 2021 li jilqgħu t-talbiet tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni Griega, Belġjana, Norveġiża, Iżlandiża u Olandiża sabiex jingħaqdu ma’ din it-talba għal riferiment, huma annullati.

 

4)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 

5)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti, minn naħa, minn Illumina Inc. u Grail LLC fl-ewwel istanza u kif ukoll fil-proċedura tal-appell u, min-naħa l-oħra, minn Biocom California fil-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑611/22 P.

 

6)

Ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u kif ukoll l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top