EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0583

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Jannar 2023.
Proċeduri kriminali MV.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI – Artikolu 3(1) – Prinċipju tal-assimilazzjoni ta’ kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor – Obbligu li jiġu rrikonoxxuti lil dawn il-kundanni effetti ekwivalenti għal dawk marbuta mal-kundanni nazzjonali preċedenti – Regoli nazzjonali dwar il-kumulu tal-pieni a posteriori – Għadd ta’ istanzi ta’ ksur – Determinazzjoni ta’ piena globali – Limitu ta’ ħmistax-il sena għall-pieni ta’ priġunerija b’limitu massimu – Artikolu 3(5) – Eċċezzjoni – Reat imwettaq qabel l-għoti jew l-eżekuzzjoni tal-kundanni fl-Istat Membru l-ieħor.
Kawża C-583/22 PPU.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:5

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Jannar 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI – Artikolu 3(1) – Prinċipju tal-assimilazzjoni ta’ kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor – Obbligu li jiġu rrikonoxxuti lil dawn il-kundanni effetti ekwivalenti għal dawk marbuta mal-kundanni nazzjonali preċedenti – Regoli nazzjonali dwar il-kumulu tal-pieni a posteriori – Għadd ta’ istanzi ta’ ksur – Determinazzjoni ta’ piena globali – Limitu ta’ ħmistax-il sena għall-pieni ta’ priġunerija b’limitu massimu – Artikolu 3(5) – Eċċezzjoni – Reat imwettaq qabel l-għoti jew l-eżekuzzjoni tal-kundanni fl-Istat Membru l-ieħor”

Fil-Kawża C‑583/22 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Settembru 2022, fil-proċeduri kriminali kontra

MV

fil-preżenza ta’:

Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), President ta’ Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: S. Beer, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Novembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal MV, minn S. Akay, Rechtsanwalt,

għall-Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof, minn C. Maslow u L. Otte, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/675/ĠAI, tal‑24 ta’ Lulju 2008, dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda (ĠU 2008, L 220, p. 32).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ appell għal reviżjoni ppreżentat minn MV quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) minn sentenza tal-Landgericht Freiburg im Breisgau (il-Qorti Reġjonali ta’ Freiburg im Breisgau, il-Ġermanja) li kkundannatu għal piena ta’ sitt snin ta’ priġunerija għal fatti ta’ stupru aggravat.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 1, 5, 8, 9 u 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jipprovdu:

“(1)

L-Unjoni Ewropea stabbiliet għaliha nnifisha l-objettiv li żżomm u tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Dan l-objettiv jeħtieġ li jkun possibbli li informazzjoni dwar kundanni mogħtija fl-Istati Membri tittieħed in konsiderazzjoni barra mill-Istat Membru li jkun qed jagħti l-kundanna, kemm għall-prevenzjoni ta’ reati ġodda kif ukoll waqt proċedimenti kriminali ġodda.

(2)

Fid-29 ta’ Novembru 2000 il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], bi qbil mal-konkluzjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, adotta il-Programm ta’ miżuri biex jimplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali, li jipprovdi għall-“adozzjoni ta’ strument wieħed jew aktar li jistabbilixxu l-prinċipju li qorti fi Stat Membru wieħed għandha tkun tista’ tieħu konsiderazzjoni ta’ sentenzi kriminali finali mogħtija mill-qrati fi Stati Membri oħrajn għall-finijiet ta’ valutazzjoni tar-rekord kriminali tal-ħati u biex jiġi stabbilit jekk dan reġax ikkommetta reat, u sabiex jiġi determinat it-tip ta’ sentenza applikabbli u l-arranġamenti għall-infurzar tagħha”.

(3)

L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru hu li jkun stabbilit obbligu minimu għall-Istati Membri biex jieħdu in konsiderazzjoni kundanni mogħtija fi Stati Membri oħrajn. […]

(4)

Xi Stati Membri jattribwixxu effetti għal kundanni mogħtija fi Stati Membri oħrajn, waqt li oħrajn jieħdu in konsiderazzjoni biss kundanni mogħtija mill-qrati tagħhom stess.

(5)

Il-prinċipju li l-Istati Membri għandhom jattribwixxu għal kundanna mogħtija fi Stati Membri oħrajn effetti ekwivalenti għal dawk attribwiti għal kundanna mogħtija mill-qrati tagħhom stess skond id-dritt nazzjonali għandu jiġi affermat, kemm jekk dawk l-effetti huma kkunsidrati mid-dritt nazzjonali bħala kwistjonijiet ta’ fatt kif ukoll jekk ta’ dritt proċedurali jew sostantiv. Madankollu din id-Deċiżjoni Kwadru ma tfittix li tarmonizza l-konsegwenzi attribwiti mil-leġislazzjoni nazzjonali differenti għall-eżistenza ta’ kundanni preċedenti u l-obbligu li jittieħdu in konsiderazzjoni kundanni preċedenti li ngħataw fi Stati Membri oħrajn jeżisti biss sal-punt li l-kundanni nazzjonali preċedenti jittieħdu in konsiderazzjoni taħt id-dritt nazzjonali.

[…]

(8)

Meta, waqt proċedimenti kriminali fi Stat Membru, tkun disponibbli informazzjoni dwar kundanna preċedenti fi Stat Membru ieħor, għandu jiġi evitat kemm jista’ jkun li l-persuna kkonċernata tiġi ttrattata b’mod anqas favorevoli milli kieku l-kundanna preċedenti kienet kundanna nazzjonali.

(9)

L-Artikolu 3(5) għandu jiġi interpretat, fost l-oħrajn bi qbil mal-premessa 8, b’mod li jekk il-qorti nazzjonali fil-proċedimenti kriminali l-ġodda, meta tikkunsidra sentenza imposta preċedentement mogħtija fi Stat Membru ieħor, hija ta’ l-opinjoni li l-għoti ta’ ċertu livell ta’ sentenza fil-limiti tad-dritt nazzjonali jkun sproporzjonatament aħrax mal-ħati, meta tikkonsidra ċ-ċirkostanzi tiegħu jew tagħha, u jekk l-iskop tal-punizzjoni jista’ jinkiseb b’sentenza aktar baxxa, hija tista’ tnaqqas il-livell tas-sentenza għaldaqstant, jekk l-għemil ta’ dan seta’ kien possibbli f’każijiet purament interni.

[…]

(13)

Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta l-varjetà ta’ soluzzjonijiet u proċeduri interni meħtieġa biex tittieħed in konsiderazzjoni kundanna preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor. […]”

4

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprevedi:

“Il-fini ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru hi li tiddetermina l-kondizzjonijiet li taħthom, matul proċedimenti kriminali fi Stat Membru kontra persuna, kundanni preċedenti li ngħataw kontra l-istess persuna għal fatti differenti fi Stati Membri oħrajn, jittieħdu in konsiderazzjoni.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Teħid in konsiderazzjoni, matul proċedimenti kriminali ġodda, ta’ kundanna mogħtija fi Stat Membru ieħor”, jipprevedi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li matul proċedimenti kriminali kontra persuna, kundanni preċedenti li ngħataw kontra l-istess persuna għal fatti differenti fi Stati Membri oħrajn, li fir-rigward tagħhom inkisbet informazzjoni taħt strumenti applikabbli għal għajnuna legali reċiproka jew għall-iskambju ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali, jittieħdu in konsiderazzjoni sal-livell li jittieħdu in konsiderazzjoni kundanni nazzjonali preċedenti, u li jiġu attribwiti lilhom effetti legali ekwivalenti bħal kundanni nazzjonali preċedenti, bi qbil mad-dritt nazzjonali.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika fl-istadju ta’ qabel il-kawża, fl-istadju tal-kawża innifisha u fil-ħin ta’ l-eżekuzzjoni tal-kundanna, partikolarment fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura applikabbli, inklużi dawk relatati mad-detenzjoni proviżorja, id-definizzjoni tar-reat, it-tip u l-livell tas-sentenza, u r-regoli dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

[…]

5.   Jekk ir-reat li għalih il-proċedimenti ġodda jitwettqu ġie kommess qabel mal-kundanna preċedenti tkun ingħatat jew tkun ġiet eżegwita kompletament, il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx ikollhom l-effett li jobbligaw lill-Istati Membri biex japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar kif jiġu imposti s-sentenzi, fejn l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli għal kundanni barranin tillimita lill-imħallef fl-impożizzjoni ta’ sentenza fil-proċedimenti ġodda.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li f’tali każijiet il-qrati tagħhom jistgħu b’xi mod ieħor jieħdu in konsiderazzjoni kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħrajn.”

Id‑dritt Ġermaniż

6

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kumulu tal-pieni jinsabu fl-Artikoli 53 sa 55 tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali), tat‑13 ta’ Novembru 1998 (BGBl. 1998 I, p. 3322), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“iStGB”).

7

L-Artikolu 53 tal-iStGB, li jirrigwarda l-konkors reali ta’ reati, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-każ ta’ pluralità ta’ reati deċiżi fl-istess ħin, għandu jiġi ordnat il-kumulu tad-diversi pieni ta’ priġunerija jew multi imposti.”

8

L-Artikolu 54 tal-iStGB, li jirregola l-kumulu tal-pieni, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Meta waħda mill-pieni imposti tkun il-piena ta’ għomor il-ħabs, il-kumulu jiġi ordnat mal-piena ta’ għomor-il ħabs. Fil-każijiet l-oħra kollha, il-kumulu jiġi ordnat billi tiġi miżjuda l-piena massima imposta u meta dawn il-pieni jkunu ta’ natura differenti, billi tiġi miżjuda l-piena l-iktar ħarxa min-natura tagħha. Il-persuna tal-awtur u kull wieħed mir-reati huma kkunsidrati f’dan ir-rigward globalment.

2.   Il-piena globali ma tistax tilħaq it-totalità tal-pieni individwali imposti. Hija ma tistax taqbeż il-15-il sena għall-pieni ta’ priġunerija b’limitu massimu ta’ 720 multa kuljum għall-multi.”

9

L-Artikolu 55 tal-iStGB, li jirrigwarda l-kumulu tal-pieni a posteriori, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Artikoli 53 u 54 għandhom japplikaw ukoll meta persuna diġà kkundannata b’mod definittiv għal piena li la hija skontata, la preskritta u lanqas maħfura, tiġi kkundannata għal reat ieħor imwettaq qabel l-ewwel kundanna. Il-kundanna preċedenti tfisser is-sentenza mogħtija fil-proċedura preċedenti li fiha l-materjalità tal-fatti kkonstatati setgħet tiġi vverifikata fl-aħħar lok.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

10

Fl‑10 ta’ Ottubru 2003, MV, ċittadin Franċiż, ħataf studenta minn campus universitarju fil-Ġermanja u stupraha.

11

Qabel din id-data, MV qatt ma kien is-suġġett ta’ kundanna kriminali fil-Ġermanja. Min-naħa l-oħra, il-fedina penali tiegħu fi Franza tinkludi 25 entrata. MV kien, b’mod partikolari, is-suġġett ta’ ħames kundanni, kollha mogħtija mill-qrati Franċiżi wara l-imsemmija data u li kienu jirrigwardaw fatti mwettqa bejn ix-xahar ta’ Awwissu 2002 u x-xahar ta’ Settembru 2003.

12

Fit‑30 ta’ Settembru 2004, MV ġie kkundannat mit-tribunal de grande instance de Guéret (il-Qorti Reġjonali ta’ Guéret, Franza) għal piena ta’ priġunerija ta’ sentejn.

13

Fid‑29 ta’ Frar 2008, il-cour d’assises du Loir-et-Cher (il-Qorti tal-Assiżi ta’ Loir-et-Cher) f’Blois (Franza) imponiet fuq MV piena ta’ priġunerija ta’ 15-il sena. Din il-piena assorbiet il-kundanni ulterjuri tal-persuna kkonċernata, mogħtija fis‑16 ta’ Mejju 2008 mill-Cour d’assises de Loire-Atlantique (il-Qorti tal-Assiżi ta’ Loire-Atlantique) f’Nantes (Franza) għal piena ta’ priġunerija ta’ sitt snin, minn naħa, u fit‑23 ta’ April 2012 mill-cour d’appel de Grenoble (il-Qorti tal-Appell ta’ Grenoble, Franza) għal piena ta’ priġunerija ta’ sena u sitt xhur, min-naħa l-oħra.

14

Fl‑24 ta’ Jannar 2013, il-cour d’assises du Maine-et-Loire (il-Qorti tal-Assiżi ta’ Maine-et-Loire) f’Angers (Franza) ikkundannat lil MV għal piena ta’ priġunerija ġdida ta’ seba’ snin.

15

Fl‑20 ta’ Ottubru 2003, MV ġie arrestat fil-Pajjiżi l-Baxxi, bis-saħħa ta’ mandat ta’ arrest maħruġ mill-awtoritajiet Franċiżi, u tqiegħed taħt arrest pendenti l-estradizzjoni. Fis‑17 ta’ Mejju 2004, huwa ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Franċiżi. MV ġie inkarċerat fi Franza mingħajr interruzzjoni sat‑23 ta’ Lulju 2021, b’tali mod li, f’din l-aħħar data, il-pieni ta’ priġunerija kumulattivi ta’ 17-il sena u 9 xhur, elenkati fil-punti 12 sa 14 ta’ din is-sentenza, kienu ġew eżegwiti.

16

Fit‑23 ta’ Lulju 2021, l-awtoritajiet Franċiżi kkonsenjaw lil MV lill-awtoritajiet Ġermaniżi. MV tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja fil-Ġermanja bis-saħħa ta’ mandat ta’ arrest maħruġ mill-Amtsgericht Freiburg im Breisgau (il-Qorti Distrettwali ta’ Freiburg im Breisgau, il-Ġermanja).

17

Fil‑21 ta’ Frar 2022, il-Landgericht Freiburg im Breisgau (il-Qorti Reġjonali ta’ Freiburg im Breisgau) ipproċessat lil MV għall-fatti mwettqa fl‑10 ta’ Ottubru 2003 fil-Ġermanja, irrikonoxxiet lil MV ħati ta’ stupru aggravat u kkundannatu għal piena ta’ priġunerija ta’ sitt snin. Din il-qorti kkunsidrat li l-piena “verament proporzjonata” fir-rigward tal-fatti mwettqa minn MV fil-Ġermanja kienet priġunerija ta’ seba’ snin. Madankollu, fid-dawl tal-impossibbiltà li jsir kumulu a posteriori mal-pieni mogħtija fi Franza, l-imsemmija qorti naqqset din il-piena b’sena “bħala kumpens”.

18

MV ippreżenta appell għal reviżjoni minn dik is-sentenza quddiem il- Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

19

Għal żewġ tipi ta’ motivi distinti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà, mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, tas-sentenza mogħtija mil-Landgericht Freiburg im Breisgau (il-Qorti Reġjonali ta’ Freiburg im Breisgau).

20

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-possibbiltà li tiġi imposta piena ta’ priġunerija eżekutorja kontra MV, għar-reat ta’ stupru aggravat li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, tiddependi mill-interpretazzjoni tal-prinċipju tal-assimilazzjoni tal-kundanni kriminali mogħtija fi Stati Membri oħra, implimentat fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, u tal-eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

21

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-kundanni mogħtija fi Franza kontra MV jistgħu, bħala prinċipju, jiġu kkumulati, skont l-Artikolu 55(1) tal-iStGB, jekk jiġu assimilati ma’ kundanni mogħtija fil-Ġermanja.

22

L-għan imfittex mill-Artikolu 55(1) tal-iStGB, li jipprevedi l-kumulu tal-pieni a posteriori, huwa li l-awtur ta’ diversi ksur ma jiġix ittrattat b’mod differenti skont jekk dan il-ksur huwiex is-suġġett ta’ proċedura unika, f’liema każ tali persuna tibbenefika mill-kumulu tal-pieni skont l-Artikolu 53(1) tal-iStGB, jew ta’ diversi proċeduri distinti, li hija l-ipoteżi tal-kumulu tal-pieni a posteriori msemmija fl-Artikolu 55(1) tal-iStGB.

23

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li, fil-kuntest tal-kumulu tal-pieni a posteriori, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-limitu massimu ta’ ħmistax-il sena previst fl-Artikolu 54(2) tal-iStGB, għall-pieni ta’ priġunerija b’limitu massimu. Issa, fil-każ ta’ assimilazzjoni tal-kundanni mogħtija fi Franza kontra MV, dan il-limitu massimu kien diġà ntlaħaq mal-kundanna tal-persuna kkonċernata għal ħmistax-il sena ta’ priġunerija mogħtija fid‑29 ta’ Frar 2008 mill-Cour d’assises du Loir-et-Cher (il-Qorti ta’ Assiżi ta’ Loir-et-Cher) f’Blois (Franza).

24

Konsegwentement, f’każ ta’ assimilazzjoni tal-kundanni mogħtija fi Franza ma’ kundanni deċiżi fil-Ġermanja, piena individwali tista’, ċertament, tingħata kontra MV għar-reat ta’ stupru aggravat li huwa nstab ħati tiegħu. Madankollu, skont l-Artikolu 54(2) tal-iStGB, il-piena globali ma tistax taqbeż il-limitu ta’ ħmistax-il sena ta’ priġunerija, b’tali mod li l-piena mogħtija ma tistax, fil-prattika, tiġi eżegwita kontra MV.

25

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-kumulu a posteriori ma’ pieni mogħtija fi Stat ieħor ma tistax tiġi ordnata abbażi tal-Artikolu 55(1) tal-iStGB, u dan għal raġunijiet li jaqgħu taħt id-dritt internazzjonali pubbliku. Fil-fatt, il-kumulu tal-pieni, f’tali kuntest transkonfinali, tidħol kemm fuq is-saħħa ta’ res judicata tal-kundanna barranija kif ukoll fuq is-sovranità ta’ dan l-Istat f’dak li jikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ din il-kundanna.

26

Minħabba tali impossibbiltà li jiġi ordnat, abbażi tad-dritt Ġermaniż, il-kumulu tal-pieni a posteriori fir-rigward tal-kundanni mogħtija fi Stat Membru ieħor, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675.

27

Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-qorti tirrileva li l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor jingħataw effetti ekwivalenti għal dawk marbuta mal-kundanni nazzjonali preċedenti skont id-dritt nazzjonali.

28

L-imsemmija qorti tistaqsi madankollu dwar il-portata tal-eċċezzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Hija tqis li piena eżekuttiva kontra MV tista’ tiġi imposta biss, għall-fatti ta’ stupru aggravat li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali, fil-każ li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundanni mogħtija fi Stati Membri oħra, previst fl-Artikolu 3(1) tal-istess deċiżjoni qafas, meta dan it-teħid inkunsiderazzjoni jwassal għal qbiż tal-limitu ta’ ħmistax-il sena previst fl-Artikolu 54(2) tal-iStGB, għall-pieni ta’ priġunerija b’limitu massimu.

29

Fit-tieni lok, fil-każ fejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju tal-assimilazzjoni tal-kundanni kriminali mogħtija fi Stati Membri oħra, stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, ma huwiex applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

30

Hija tistaqsi, f’dan ir-rigward, jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tal-piena imposta fi Stat Membru ieħor, b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, jimplikax li l-iżvantaġġ li jirriżulta mill-impossibbiltà li jiġi ordnat il-kumulu tal-pieni a posteriori, prevista fl-Artikolu 55(1) tal-iStGB, ikun “muri konkretament u stabbilit” fid-determinazzjoni tal-piena imposta għar-reat imwettaq fit-territorju nazzjonali.

31

Din il-qorti tispjega li, fit-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 fid-dritt Ġermaniż, il-leġiżlatur Ġermaniż ma qiesx li kien neċessarju li tiġi adottata miżura ta’ traspożizzjoni għall-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas. L-idea li l-kundanni mogħtija fi Stat ieħor ma jistgħux, ċertament, ikunu formalment is-suġġett ta’ kumulu tal-pieni a posteriori, iżda li l-persuna kkundannata ma għandhiex, sa fejn huwa possibbli, tiġi affettwata minnhom, tikkorrispondi għat-tnaqqis li l-qrati Ġermaniżi japplikaw “bħala kumpens” meta l-kundanni preċedenti jkunu ngħataw barra mill-pajjiż.

32

Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-ġurisprudenza tagħha stess dwar dan il-punt, l-iżvantaġġ li jirriżulta mill-impossibbiltà li jiġi ordnat il-kumulu tal-pieni a posteriori, fir-rigward tal-kundanni mogħtija fi Stat Membru ieħor, normalment jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-piena, bl-għoti ta’ tnaqqis mhux numeriku, “bħala kumpens”, mogħti għall-evalwazzjoni tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li din il-qorti tieħu inkunsiderazzjoni l-impossibbiltà li tordna l-kumulu tal-pieni a posteriori bħala element favur il-persuna kkundannata.

33

Madankollu, din il-qorti tqis li huwa biss kumpens motivat u kkwantifikat b’mod ċar tal-iżvantaġġ li jirriżulta mill-impossibbiltà li jiġi ordnat il-kumulu tal-pieni a posteriori li huwa konformi mar-regoli tal-Artikolu 3(1) u (5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675.

34

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas jirriżulta li l-mod kif il-kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor jittieħdu inkunsiderazzjoni għandu joqrob kemm jista’ jkun mal-mod kif il-kundanni preċedenti nazzjonali jittieħdu inkunsiderazzjoni. Issa, sabiex toqrob kemm jista’ jkun is-sistema ta’ kumulu tal-pieni kif stabbilita fl-Artikoli 53 sa 55 tal-iStGB, li teżiġi l-kalkolu kkwantifikat ta’ piena globali, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju, għall-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, li tistabbilixxi b’mod konkret l-iżvantaġġ li jirriżulta mill-impossibbiltà li tordna kumulu tal-pieni u li tnaqqsu mill-piena globali l-ġdida li għandha tingħata.

35

Din il-qorti żżid li kumpens motivat u kkwantifikat tal-iżvantaġġ li jirriżulta mill-impossibbiltà li jiġi ordnat il-kumulu tal-pieni a posteriori huwa indispensabbli mhux biss għal raġunijiet ta’ trasparenza, iżda wkoll sabiex jippermetti lill-qorti tar-rinviju teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq id-determinazzjoni tal-piena mogħtija.

36

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-Landgericht Freiburg im Breisgau (il-Qorti Reġjonali ta’ Freiburg im Breisgau) iddeterminat il-piena mogħtija mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li piena ta’ priġunerija ta’ sitt snin kienet twassal għall-qbiż tal-limitu ta’ ħmistax-il sena previst fl-Artikolu 54(2) tal-iStGB, għall-pieni li jċaħħdu l-libertà għal żmien determinat. Barra minn hekk, din il-qorti ma rreferietx għal kriterju preċiż li wassalha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kundanni mogħtija fi Franza, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI tal-24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda, u fil-kuntest tal-Artikolu 3(5) ta’ din id-deċiżjoni qafas, fil-każ ta’ kumulu ta’ pieni relatati ma’ kundanni mogħtija fil-Ġermanja u fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, tista’ tiġi imposta piena għal reat imwettaq fit-territorju nazzjonali anki jekk l-inklużjoni teoretika tal-piena mogħtija fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni taqbeż il-limitu massimu awtorizzat fid-dritt Ġermaniż għal pieni ta’ priġunerija?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)

It-teħid inkunsiderazzjoni tal-piena imposta fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, kif previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI, għandu jsir b’mod li l-iżvantaġġ li jirriżulta mill-impossibbiltà li tiġi ddeterminata sussegwentement piena kumulattiva, skont il-prinċipji ta’ kumulu ta’ pieni stabbiliti fid-dritt Ġermaniż, għandu jiġi konkretament ippruvat u ġġustifikat, waqt id-determinazzjoni tal-piena għall-ksur imwettaq fit-territorju nazzjonali?”

Fuq it‑talba għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

38

Filwaqt li għamel użu mis-setgħa mogħtija lilu fl-Artikolu 107(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja stieden lit-Tieni Awla teżamina n-neċessità li din il-kawża tiġi suġġetta ex officio għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

39

Għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet previsti għat-tnedija ta’ din il-proċedura huma ssodisfatti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

40

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jistgħu biss ikunu suġġetti għall-proċedura b’urġenza r-rinviji għal deċiżjoni preliminari li jqajmu kwistjoni waħda jew iktar dwar wieħed mill-oqsma msemmija fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, peress li dan it-Titolu V huwa ddedikat għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

41

Fost l-oqsma msemmija fl-imsemmi Titolu V hemm, b’mod partikolari, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

42

F’dan il-każ, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, li tirregola t-teħid inkunsiderazzjoni, meta jkun hemm proċedura kriminali ġdida, tal-kundanni kriminali mogħtija fi Stati Membri oħra għal fatti differenti.

43

Barra minn hekk, din id-deċiżjoni qafas ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 31 TUE, li ġie ssostitwit bl-Artikoli 82, 83 u 85 TFUE. Issa, dawn l-artikoli tat-Trattat FUE jaqgħu formalment taħt il-kapitolu dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

44

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jqajjem diversi kwistjonijiet dwar wieħed mill-oqsma msemmija fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, jiġifieri l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, u, għaldaqstant, jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza.

45

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju relatat mal-urġenza, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan il-kriterju jkun issodisfatt meta l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali tkun, fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, fl-aħħar nett, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, C u CD (Ostakoli ġuridiċi għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ konsenja), C‑804/21 PPU, EU:C:2022:307, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li MV hija effettivament imċaħħda mil-libertà u li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tista’ tinfluwenza l-kwistjoni taż-żamma tagħha f’detenzjoni.

47

Il-qorti tar-rinviju spjegat li, fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 3(1) u (5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li jiġu rrikonoxxuti lill-kundanni preċedenti mogħtija fi Franza effetti ekwivalenti għal dawk marbuta mal-kundanni nazzjonali, ma jkunx iktar possibbli li tiġi imposta piena li tista’ tiġi eżegwita kontra MV, minħabba li jinqabeż il-limitu ta’ ħmistax-il sena previst fl-Artikolu 54(2) tal-iStGB, għall-pieni ta’ priġunerija b’limitu massimu.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fis‑27 ta’ Settembru 2022, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ ex officio għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

49

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) u (5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru huwa obbligat, meta jkun hemm proċeduri kriminali mibdija kontra persuna, jagħti lis-sentenzi preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor, kontra din il-persuna u għal fatti differenti, effetti ekwivalenti għal dawk marbuta mal-kundanni nazzjonali preċedenti konformement mar-regoli tad-dritt nazzjonali dwar il-kumulu tal-pieni meta, minn naħa, ir-reat li wassal għal din il-proċedura twettaq qabel ma ngħataw dawn il-kundanni preċedenti u, min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-kundanni preċedenti skont dawn ir-regoli tad-dritt nazzjonali jipprekludi lill-qorti nazzjonali adita bl-imsemmija proċedura milli tagħti sentenza li tista’ tiġi eżegwita kontra l-persuna kkonċernata.

50

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/675 hija intiża, kif jirriżulta mill-premessi 5 sa 8 tagħha, sabiex kull Stat Membru jfittex li jorbot mal-kundanni kriminali preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor effetti legali ekwivalenti għal dawk li huma marbuta ma’ kundanni nazzjonali preċedenti konformement mad-dritt nazzjonali tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, AV (Sentenza globali), C‑221/19, EU:C:2021:278, punt 49).

51

Konformement ma’ dan l-għan, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tagħha, jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li, fil-każ ta’ proċedura kriminali ġdida mibdija kontra persuna partikolari, il-kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor kontriha għal fatti differenti, li għalihom tkun inkisbet informazzjoni permezz ta’ strumenti applikabbli fil-qasam tal-assistenza ġudizzjarja jew tal-iskambju ta’ informazzjoni estratta minn fedini penali, minn naħa, jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn il-kundanni nazzjonali preċedenti jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, jiġu attribwiti lilhom effetti ekwivalenti għal dawk marbuta ma’ dawn il-kundanni tal-aħħar konformement ma’ dan id-dritt, u dan fis-sens ta’ effetti fattwali jew ta’ dritt proċedurali jew sostantiv.

52

L-Artikolu 3(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jispeċifika li dan l-obbligu għandu japplika fl-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali, fl-istadju tal-proċedura kriminali nnifisha u fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-kundanna, partikolarment fir-rigward tar-regoli bbażati fuq it-tip u l-livell tal-piena involuta, kif ukoll ir-regoli li jirregolaw l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

53

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 hija applikabbli għal proċedura nazzjonali li hija intiża sabiex timponi, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħha, piena ta’ priġunerija totali, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-piena imposta fuq persuna mill-qorti nazzjonali kif ukoll dik imposta fil-kuntest ta’ kundanna preċedenti mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor kontra l-istess persuna għal fatti differenti (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, AV (Sentenza globali), C‑221/19, EU:C:2021:278, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, miġbura fil-qosor fil-punti 21 sa 24 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-kundanni preċedenti mogħtija minn qrati Franċiżi kontra MV jiġu assimilati ma’ kundanni mogħtija minn qrati Ġermaniżi skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu tkun obbligata tipproċedi għal kumulu tal-pieni skont ir-regoli previsti fl-Artikoli 53 sa 55 tal-iStGB. F’dan il-każ, ma jkunx possibbli li tiġi imposta piena li tista’ tiġi eżegwita kontra MV, minħabba l-qbiż tal-limitu massimu ta’ ħmistax-il sena previst fl-Artikolu 54(2) tal-iStGB, għall-pieni ta’ priġunerija b’limitu massimu.

55

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, għalkemm ir-reat li wassal għall-proċedura l-ġdida jkun twettaq qabel ma l-kundanna preċedenti tkun ingħatat jew tiġi eżegwita kompletament, l-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni qafas ma jobbligax lill-Istati Membri japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar l-għoti ta’ pieni meta l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għal kundanni mogħtija barra mill-pajjiż ikollha l-konsegwenza li tillimita s-setgħa li għandha l-qorti li timponi piena fil-kuntest ta’ proċedura ġdida.

56

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali mibdija quddiem il-qrati Ġermaniżi, MV instab ħati ta’ reat ta’ stupru aggravat għal fatti mwettqa fl‑10 ta’ Ottubru 2003. Barra minn hekk, il-kundanni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura ngħataw mill-qrati Franċiżi wara din id-data. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ natura temporali li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 hija ssodisfatta fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

57

Konsegwentement, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jistgħu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni.

58

Fir-rigward tal-portata ta’ din l-eċċezzjoni, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) ta’ din id-deċiżjoni qafas jeżenta lill-Istati Membri mill-obbligu li japplikaw “ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar kif jiġu imposti [il-pieni]” għal kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor, meta l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jkollha l-konsegwenza li “tillimita lill-imħallef fl-impożizzjoni ta’ [piena] fil-proċedimenti ġodda”.

59

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-regoli tad-dritt Ġermaniż dwar il-kumulu tal-pieni previsti fl-Artikoli 53 sa 55 tal-iStGB, invokati fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu “r-regoli nazzjonali tagħhom dwar kif jiġu imposti [l-pieni]”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Fil-fatt, dawn ir-regoli tad-dritt Ġermaniż jirregolaw is-setgħa tal-qorti kriminali li tiddeċiedi piena fil-każ ta’ pluralità ta’ reati, kemm jekk dawn ikunu s-suġġett ta’ proċedura unika jew ta’ diversi proċeduri distinti.

60

Min-naħa l-oħra, kif hu rrilevat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli f’dak li jikkonċerna l-kundanni preċedenti mogħtija fi Franza tipprekludi lill-qorti nazzjonali milli timponi piena li tista’ tiġi eżegwita fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

61

Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-fatt li jiġu attribwiti lill-kundanni preċedenti mogħtija fi Franza effetti ekwivalenti għal dawk marbuta mal-kundanni nazzjonali preċedenti jkollu l-konsegwenza li “tillimita lill-imħallef fl-impożizzjoni ta’ [piena] fil-proċedimenti ġodda”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675.

62

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-eċċezzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni hija applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u għandha l-effett li teħles lill-qorti nazzjonali mill-obbligu li tagħti lill-kundanni preċedenti mogħtija fi Franza effetti ekwivalenti għal dawk marbuta mal-kundanni nazzjonali skont ir-regoli dwar il-kumulu tal-pieni previsti fl-Artikoli 53 sa 55 tal-iStGB.

63

Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata kemm mill-kuntest tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 kif ukoll mill-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 3(5) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

64

F’dak li jirrigwarda l-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 5 tagħha, din id-deċiżjoni qafas ma hijiex intiża li tarmonizza l-konsegwenzi attribwiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali differenti għall-eżistenza ta’ kundanni preċedenti. Mill-premessa 3 tagħha jirriżulta wkoll li l-imsemmija deċiżjoni qafas sempliċement tistabbilixxi obbligu minimu, għall-Istati Membri, li jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jkun hemm proċeduri kriminali ġodda, kundanni mogħtija fi Stati Membri oħra.

65

Barra minn hekk, skont il-premessa 13 tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2008/675 tirrispetta d-diversità tas-soluzzjonijiet u tal-proċeduri interni neċessarji sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni kundanna preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, din id-deċiżjoni qafas tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja fi ħdan l-Unjoni fl-osservanza tad-diversi sistemi u tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 67(1) TFUE.

66

Għaldaqstant, il-prinċipju tal-assimilazzjoni tal-kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor, stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, għandu jiġi kkonċiljat man-neċessità li tiġi osservata d-diversità tat-tradizzjonijiet u tas-sistemi kriminali tal-Istati Membri. Kif tippreċiża l-premessa 8 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, huwa biss “sa fejn possibbli” li għandu jiġi evitat li l-persuna kkonċernata tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kieku l-kundanna preċedenti kienet kundanna nazzjonali.

67

F’dak li jirrigwarda l-għan imfittex mill-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta b’mod espliċitu li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tippreserva “l-impożizzjoni ta’ [piena]” sabiex tissanzjona ksur imwettaq fit-territorju nazzjonali qabel ma l-kundanni fi Stat Membru ieħor ikunu ġew deċiżi jew eżegwiti.

68

Kif isostnu l-Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (il-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja) u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu, essenzjalment, f’kuntest ikkaratterizzat mid-diversità tat-tradizzjonijiet u tas-sistemi kriminali tal-Istati Membri, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-iskali ta’ pieni u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tagħhom, ma huwiex eskluż li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanni deċiżi fi Stat Membru ieħor jista’ jipprekludi l-impożizzjoni ta’ piena li tista’ tiġi eżegwita, sabiex jiġi ssanzjonat reat imwettaq fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat anki qabel ma dawn il-kundanni jkunu ġew mogħtija jew eżegwiti.

69

F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-fatt li jiġu rrikonoxxuti, għall-kundanni preċedenti mogħtija fi Franza, effetti ekwivalenti għal dawk marbuta mal-kundanni nazzjonali fil-kuntest tal-kumulu tal-pieni a posteriori prevista fl-Artikolu 55(1) tal-iStGB, jipprekludi l-impożizzjoni ta’ piena li tista’ tiġi eżegwita għal fatti ta’ stupru aggravat imwettaq fil-Ġermanja qabel ma ngħataw dawn il-kundanni.

70

Issa, l-għan segwit mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 huwa preċiżament li tiġi ppreżervata s-setgħa tal-qrati nazzjonali li jimponu piena f’każ bħal dan, fl-osservanza tad-diversità tat-tradizzjonijiet u tas-sistemi penali tal-Istati Membri, billi dawn tal-aħħar jiġu meħlusa mill-obbligu li jassimilaw il-kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor mal-kundanni nazzjonali preċedenti previsti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

71

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, madankollu, xejn ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jagħtu lill-kundanni mogħtija fi Stat Membru ieħor effetti ekwivalenti għal dawk marbuta mal-kundanni nazzjonali fil-każ imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675. Kif tippreċiża l-premessa 3 tagħha, din id-deċiżjoni qafas hija intiża sabiex tistabbilixxi obbligu minimu ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanni mogħtija fi Stat Membru ieħor, b’tali mod li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-kundanni fil-każijiet fejn ma humiex obbligati jagħmlu dan skont l-imsemmija deċiżjoni qafas.

72

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) u (5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma huwiex obbligat, meta jkun hemm proċeduri kriminali mibdija kontra persuna, li jirrevoka l-kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor, kontra din il-persuna u għal fatti differenti, effetti ekwivalenti għal dawk marbuta mal-kundanni nazzjonali preċedenti konformement mar-regoli tad-dritt nazzjonali kkonċernat dwar il-kumulu tal-pieni meta, minn naħa, ir-reat fl-oriġini ta’ din il-proċedura twettaq qabel ma dawn il-kundanni preċedenti kienu ġew mogħtija u, min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija kundanni preċedenti skont dawn ir-regoli tad-dritt nazzjonali jipprekludi lill-qorti nazzjonali adita bl-imsemmija proċedura milli tagħti sentenza li tista’ tiġi eżegwita kontra l-persuna kkonċernata.

Fuq it‑tieni domanda

73

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jeżiġix li l-qorti nazzjonali tistabbilixxi u timmotiva b’mod konkret l-iżvantaġġ li jirriżulta mill-impossibbiltà li jiġi ordnat l-kumulu tal-pieni a posteriori li hija prevista għall-kundanni nazzjonali preċedenti.

74

Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, fil-proċeduri kriminali kollha li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li “[…] l-qrati tagħhom jistgħu b’xi mod ieħor jieħdu in konsiderazzjoni kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħrajn”.

75

Sabiex jiġi ssodisfatt dan l-obbligu, huwa biżżejjed li l-Istati Membri jipprevedu, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija deċiżjoni qafas, possibbiltà għall-qrati nazzjonali tagħhom li jieħdu inkunsiderazzjoni, b’xi mod ieħor, kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħra.

76

Min-naħa l-oħra, ebda obbligu ma jista’ jiġi dedott minn din id-dispożizzjoni f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet konkreti, ta’ dritt sostantiv jew proċedurali, li għandhom jiġu osservati mill-qrati nazzjonali meta dawn effettivament jieħdu inkunsiderazzjoni kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħra.

77

Fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet iktar wiesgħa fid-dispożizzjonijiet stess tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, għandu jiġi kkonstatat li din tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-modalitajiet konkreti ta’ implimentazzjoni f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jieħdu inkunsiderazzjoni kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħra skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

78

Konsegwentement, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 ma jistax jiġi dedott obbligu għall-qorti tar-rinviju li tipproċedi, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għal kalkolu kkwantifikat tal-iżvantaġġ li jirriżulta mill-impossibbiltà li jiġu applikati r-regoli nazzjonali dwar il-kumulu tal-pieni previsti għall-kundanni nazzjonali u li tagħti sussegwentement tnaqqis tal-piena bbażat fuq dan il-kalkolu.

79

Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 85 u 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-uniku rekwiżit li jista’ jiġi dedott minn din id-dispożizzjoni jikkonċerna l-eżistenza ta’ possibbiltà, għall-qrati nazzjonali, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma l-modalitajiet konkreti ta’ dan it-teħid inkunsiderazzjoni jkunu ġew stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

80

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Landgericht Freiburg im Breisgau (il-Qorti Reġjonali ta’ Freiburg im Breisgau) effettivament ħadet inkunsiderazzjoni kundanni preċedenti mogħtija fi Franza. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Frar 2022, din il-qorti tat tnaqqis tal-piena ta’ sena “bħala kumpens”, fuq piena inizjali ta’ priġunerija ta’ seba’ snin, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-impossibbiltà li tipproċedi għal kumulu tal-pieni a posteriori mal-kundanni mogħtija fi Franza.

81

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jeżiġix li l-qorti nazzjonali tistabbilixxi u timmotiva b’mod konkret l-iżvantaġġ li jirriżulta mill-impossibbiltà li jiġi ordnat l-kumulu tal-pieni a posteriori li huwa previst għall-kundanni nazzjonali preċedenti.

Fuq l‑ispejjeż

82

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1) u (5) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI tal‑24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Stat Membru ma huwiex obbligat, meta jkun hemm proċeduri kriminali mibdija kontra persuna, li jirrevoka l-kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor, kontra din il-persuna u għal fatti differenti, effetti ekwivalenti għal dawk marbuta mal-kundanni nazzjonali preċedenti konformement mar-regoli tad-dritt nazzjonali kkonċernat dwar il-kumulu tal-pieni meta, minn naħa, ir-reat fl-oriġini ta’ din il-proċedura twettaq qabel ma dawn il-kundanni preċedenti kienu ġew mogħtija u, min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija kundanni preċedenti skont dawn ir-regoli tad-dritt nazzjonali jipprekludi lill-qorti nazzjonali adita bl-imsemmija proċedura milli tagħti sentenza li tista’ tiġi eżegwita kontra l-persuna kkonċernata.

 

2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jeżiġix li l-qorti nazzjonali tistabbilixxi u timmotiva b’mod konkret l-iżvantaġġ li jirriżulta mill-impossibbiltà li jiġi ordnat l-kumulu tal-pieni a posteriori li huwa previst għall-kundanni nazzjonali preċedenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top