Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62022CJ0437

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Frar 2024.
R.M. u E.M. vs Eesti Vabariik (Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Riigikohus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Għajnuna għall-iżvilupp rurali għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Artikolu 7 – Miżuri u sanzjonijiet amministrattivi – Regolament Nru 1306/2013 – Artikoli 54 u 56 – Regolament ta’ Delega Nru 640/2014 – Artikolu 35 – Irkupru tas-somom imħallsa indebitament mingħand il-persuni li pparteċipaw fit-twettiq tal-irregolarità – Kunċett ta’ ‘benefiċjarju’.
Kawża C-437/22.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2024:176

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

29 ta’ Frar 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Għajnuna għall-iżvilupp rurali għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Artikolu 7 – Miżuri u sanzjonijiet amministrattivi – Regolament Nru 1306/2013 – Artikoli 54 u 56 – Regolament ta’ Delega Nru 640/2014 – Artikolu 35 – Irkupru tas-somom imħallsa indebitament mingħand il-persuni li pparteċipaw fit-twettiq tal-irregolarità – Kunċett ta’ ‘benefiċjarju’”

Fil-Kawża C‑437/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Lulju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2022, fil-proċedura kriminali kontra

R.M.,

E.M.,

fil-preżenza ta’:

Eesti Vabariik (Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Estonjan,, minn M. Kriisa, bħala aġent,

għall-Gvern Daniż, minn C. Maertens, bħala aġent, assistita minn P. Biering, advokat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc, E. Randvere u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), tal-Artikolu 54(1) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 13 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83) kif ukoll tal-Artikolu 35(6) tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija fl-Estonja kontra R.M. u E.M., akkużati, rispettivament, li kienu l-awtur ta’ tliet frodi ta’ sussidji għall-benefiċċju tal-kumpannija X OÜ (iktar ’il quddiem il-“kumpannija X”), u l-koawtriċi ta’ tnejn minn dawn il-frodi.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 2988/95

3

Ir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 2988/95 tipprovdi li:

“Billi l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Komunità titlob li jiġu promulgati sett ta’ regoli legali komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politika tal-Komunità”.

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2.   ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

5

L-Artikolu 2 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Il-verifiki amministrattivi, il-miżuri u l-penali għandhom jiġu introdotti sakemm ikunu neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Komunità. Dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jipprovdu protezzjoni adekwata għall-interessi finanzjarji tal-Komunità.

[…]

3.   Il-liġi tal-Komunità għandha tistabbilixxi n-natura u l-iskop tal-miżuri amministrattivi u l-penali meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tar-regoli in kwestjoni, wara li jiġu kkunsidrati n-natura u s-serjetà ta’ l-irregolarità, il-vantaġġ mogħti jew miksub u l-grad tar-responsabbiltà.

4.   Bla ħsara għal-liġi applikabbli tal-Komunità, il-proċeduri għall-applikazzjoni tal-verifiki Komunitarji, il-miżuri u l-penali għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri.”

6

L-Artikolu 4 tal-istess regolament, li jippreċiża l-portata tal-kunċett ta’ “miżuri amministrattivi”, imsemmi fl-Artikolu 2 tiegħu, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett;

bit-telf sħiħ jew parzjali tal-garanzija provduta in sostenn tat-talba għall-vantaġġ li jkun ingħata jew fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni ta’ ħlas antiċipat.

[…]

4.   Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

7

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95, li jippreċiża l-portata tal-kunċett ta’ “penali [sanzonijiet] amministrattivi”, imsemmi fl-Artikolu 2 tiegħu, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-irregolaritajiet intenzjonali jew ikkawżati b’negliġenza jistgħu jwasslu għas-sanzjonijiet amministrattivi previsti f’din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari għall-ħlas ta’ multa amministrattiva.

8

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“Il-miżuri amministrattivi tal-Komunità u l-penali jistgħu jiġu applikati għall-operaturi ekonomiċi li għalihom issir riferenza f’Artikolu 1, jiġifieri l-persuni naturali jew legali jew l-entitajiet l-oħra li l-liġi nazzjonali tagħtihom kapaċità legali u li jkunu kkommettew l-irregolarità. Jistgħu japplikaw ukoll għal persuni li jkunu ħadu sehem fl-irregolarità jew li huma fid-dover li jieħdu r-responsabbiltà għall-irregolarità jew li jiżguraw li din ma ssirx.”

Ir‑Regolament Nru 1306/2013

9

Il-premessa 39 tar-Regolament Nru 1306/2013 kienet tistipula:

“Biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-baġit tal-Unjoni [Ewropea], għandhom jittieħdu miżuri mill-Istati Membri biex huma stess ikunu sodisfatti li transazzjonijiet iffinanzjati mill-[Fond Agrikolu Ewropew dwar Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)] jitwettqu verament u jiġu esegwiti korrettament. L-Istati Membri għandhom wkoll jipprevjenu, jikxfu u jitrattaw b’mod effettiv u mingħajr irregolaritajiet jew nuqqas ta’ konformità mal-obbligi mwettqin minn benefiċjarji. Għal dan il-għan, għandu japplika r-[Regolament Nru 2988/95]. F’każijiet ta’ ksur tal-leġislazzjoni agrikola settorjali, fejn regoli dettaljati dwar il-pieni amministrattivi għadhom ma ġewx stabbiliti minn atti legali tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jimponu pieni nazzjonali li għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati.”

10

L-Artikolu 2(1)(g) ta’ dan ir-regolament kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “irregolarità”, fis-sens tiegħu, bħala irregolarità fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95.

11

L-Artikolu 54 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni”, jipprevedi:

“1.   Għal kwalunkwe pagament mhux dovut wara li sseħħ xi irregolarità jew negliġenza, l-Istati Membri għandhom jitolbu rkupru mingħand il-benefiċjarju fi żmien 18-il xahar wara l-approvazzjoni minn u, fejn ikun applikabbli, il-wasla għand l-aġenzija tal-pagamenti jew il-korp responsabbli għall-irkupru, ta’ rapport ta’ kontroll jew dokument simili, b’dikjarazzjoni li tkun seħħet irregolarità. L-ammonti korrispondenti għandhom jiġu reġistrati, fil-mument tat-talba għal irkupru, fil-ktieb tad-debituri tal-aġenzija tal-pagamenti.

[…]

3.   Għal raġunijiet ġustifikati kif xieraq, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jsegwux irkupru. Deċiżjoni b’dan l-effett tista’ tittieħed biss fil-każijiet li ġejjin:

[…]

b)

jekk l-irkupru jirriżulta impossibbli minħabba l-insolvenza, irreġistrata u rikonoxxuta skont il-liġi nazzjonali, tad-debitur jew il-persuni legalment responsabbli mill-irregolarità.

[…]”

12

L-Artikolu 56 tal-istess regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-FAEŻR”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jagħmlu aġġustamenti finanzjarji fejn jinkixfu irregolaritajiet jew negliġenza f’operazzjonijiet jew fi programmi ta’ żvilupp rurali billi jikkanċellaw għal kollox jew parzjalment il-finanzjament mill-Unjoni konċernat. L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet skoperti u l-livell tat-telf finanzjarju għall-FAEŻR.”

13

L-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, jispeċifika, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw, fil-qafas tal-[Politika Agrikola Komuni (PAK)], id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji u amministrattivi kollha u jieħdu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa biex jiżguraw protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, partikolarment biex:

[…]

e)

jirkupraw pagamenti mhux dovuti flimkien mal-imgħaxijiet, u jressqu proċediment legali għal dak il-għan, kif meħtieġ.”

14

L-Artikolu 92 tal-istess regolament, intitolat “Benefiċjarji kkonċernati”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Artikolu 91 għandu japplika għall-benefiċjarji li jirċievu pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608)], pagamenti skont l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671) u l-primjums annwali skont l-Artikolu 21(1)(a) u (b), l-Artikoli 28 sa 31, u l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487)].”

Ir‑Regolament ta’ Delega Nru 640/2014

15

Il-punt 1 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014 kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “benefiċjarju” bħala “bidwi kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li hemm referenza għalih fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament, il-benefiċjarju soġġett għall-kundizzjonalità skont it-tifsira tal-Artikolu 92 tar-[Regolament Nru 1306/2013] u/jew il-benefiċjarju li jirċievi appoġġ għal żvilupp rurali kif imsemmi fl-Artikolu 2(10) tar-[Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320))”.

16

L-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament ta’ delega, intitolat “Nuqqas ta’ konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà minbarra d-daqs tal-erja jew l-għadd ta’ annimali, l-impenji jew obbligi oħrajn”, jipprovdi fil-paragrafu 6:

“Fejn ikun stabbilit li l-benefiċjarju pprovda evidenza falza bil-għan li jirċievi l-appoġġ jew jonqos li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa minħabba negliġenza, l-appoġġ għandu jiġi rrifjutat jew irtirat kollu. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż mill-istess miżura jew tip ta’ operazzjoni għas-sena kalendarja tas-sejba u għas-sena kalendarja ta’ wara.”

Ir‑Regolament Nru 1303/2013

17

Skont l-Artikolu 2 intitolat “Definizzjonijiet” tar-Regolament Nru 1303/13, kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 (ĠU 2018, L 193, p. 1):

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

10)

‘benefiċjarju’ tfisser korp pubbliku jew privat jew persuna fiżika responsabbli għall-bidu jew inkella għall-bidu kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet u:

(a)

fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat, il-korp li jirċievi l-għajnuna, ħlief fejn l-għajnuna għal kull impriża hija anqas minn EUR 200000, f’liema każ l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li l-benefiċjarju jkun il-korp li jagħti l-għajnuna, mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 [tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] għall-għajnuna de minimis (ĠU 2013, L 352, p. 1)], (UE) Nru 1408/2013 [tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Diċembru 2013, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU 2013, L, p. 9)] u (UE) Nru 717/2014 [, tas-27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU 2014, L 190, p. 45)]; u

b)

fil-kuntest tal-istrumenti finanzjarji taħt it-Titlu IV tat-Tieni Parti ta’ dan ir-Regolament, il-korp li jimplimenta l-istrument finanzjarju jew il-fond tal-fondi kif adatt;

[…]”

Ir‑Regolament Nru 1307/13

18

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1307/13, intitolat “Definizzjonijiet u dispożizzjonijiet relatati”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘bidwi’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, ikun x’ikun l-istatus legali mogħti lil tali grupp u l-membri tiegħu bil-liġi nazzjonali, li l-impriża tiegħu/tagħhom tkun fl-ambitu territorjali tat-Trattati, kif iddefinit fl-Artikolu 52 tat-TUE, flimkien mal-Artikoli 349 u 355 TFUE, u li jeżerċita attività agrikola;

[…]”

Id‑dritt Estonjan

19

Skont l-Artikolu 381(2) tal-kriminaalmenetluse seadustik (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), awtorità pubblika tista’, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, tressaq azzjoni għar-rikonoxximent ta’ kreditu ta’ dritt pubbliku jekk il-fatt li jagħti lok għal dan il-kreditu jistrieħ fil-parti l-kbira fuq l-istess elementi materjali bħal dawk li jikkostitwixxu s-suġġett tat-talba għal irkupru.

20

L-Artikolu 111 tal-Euroopa Liidu ühise põllumajanduspoliitika rakendamise seadus (il-Liġi dwar l-Implimentazzjoni tal-PAK, RT I 2014, 3, intitolat “Irkupru tas-sussidju”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk, wara l-ħlas tas-sussidju, ikun jidher li s-sussidju, minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi, ikun tħallas indebitament u, b’mod partikolari, jekk dan ma jkunx intuża għall-finijiet previsti, is-sussidju kollu jew parti minnu jiġi rkuprat, għar-raġunijiet u fit-termini previsti mir-[Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u Nru 1306/2013] u regolamenti oħra tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, mingħand il-benefiċjarju tas-sussidju u b’mod partikolari mingħand il-benefiċjarju tas-sussidju li jkun intgħażel wara proċedura ta’ għażla.

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

21

Il-kumpannija X ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ fl-Estonja fis-7 ta’ Novembru 2005 u tħassret minnu fl-20 ta’ Ġunju 2019, wara l-fużjoni tagħha ma’ Y OÜ (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Y”). R.M. kien amministratur tal-kumpannija X sat-18 ta’ Diċembru 2015 u wara sar il-mandatarju tagħha. E.M., il-konjuġi tiegħu, kienet amministratriċi tal-imsemmija kumpannija mit-18 ta’ Diċembru 2015 sat-tħassir ta’ din tal-aħħar mir-reġistru tal-kummerċ.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Viru Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Viru, l-Estonja) tal-15 ta’ Marzu 2021, R.M. instab ħati, fost l-oħrajn, għal tliet frodi tas-sussidji. Skont dik il-qorti, R.M. kien, bħala rappreżentant tal-kumpannija X, deliberatament ipprovda informazzjoni falza lill-Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (l-Uffiċċju tal-Informazzjoni u tar-Reġistri Agrikoli, l-Estonja, iktar ’il quddiem il-“PRIA”) sabiex jikseb għajnuna abbażi tal-programmi ta’ żvilupp rurali tal-Estonja għas-snin 2007 sa 2013 u għas-snin 2014 sa 2020 (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkwistjoni”). Konsegwentement, il-PRIA ħallas indebitament lill-kumpannija X ammont totali ta’ EUR 143 737.38 bħala għajnuna inkwistjoni. Mal-kundanna ta’ R.M. żdiedet ukoll dik ta’ E.M., bħala koawtriċi ta’ tnejn minn dawn il-frodi fil-qasam tas-sussidji.

23

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti kkundannat lil R.M. u lil E.M., fuq l-azzjoni għal rikonoxximent ta’ dejn irregolat mid-dritt pubbliku ppreżentat mir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata mill-PRIA, sabiex iħallsu lil dan l-Istat Membru l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni, indebitament irċevut mill-kumpannija X. F’dan ir-rigward, R.M. ġiet ikkundannata tħallas EUR 87340 u E. M., in solidum ma’ R. M., tħallas l-EUR 56 397.38 li kien fadal.

24

R.M. u E.M. appellaw minn din id-deċiżjoni, kemm sa fejn hija ddikjarathom ħatja ta’ frodi fil-qasam tas-sussidji kif ukoll sa fejn din laqgħet l-azzjoni għal rikonoxximent ta’ dejn irregolat mid-dritt pubbliku.

25

Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 2021, it-Tartu Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tartu, l-Estonja) ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Viru Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Viru).

26

R.M. u E.M. ippreżentaw appelli fil-kassazzjoni minn din id-deċiżjoni quddiem ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), il-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dawn l-appelli, huma jsostnu b’mod partikolari li l-azzjoni għal rikonoxximent ta’ dejn irregolat mid-dritt pubbliku ppreżentata mir-Repubblika tal-Estonja kellha tiġi ddikjarata inammissibbli, minħabba li l-irkupru ta’ għajnuna rċevuta indebitament jista’ jsir b’mod validu biss fil-konfront tal-benefiċjarju tagħha. Issa, għalkemm il-kumpannija X tħassret mir-reġistru tal-kummerċ, il-kumpannija Y assumiet id-drittijiet u l-obbligi tagħha wara l-fużjoni ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji. Ir-Repubblika tal-Estonja madankollu ma talbitx ir-rimbors tal-għajnuna inkwistjoni mingħand il-kumpannija Y.

27

Fl-20 ta’ Mejju 2022, il-qorti tar-rinviju tat sentenza parzjali, li permezz tagħha hija kkonfermat b’mod definittiv id-deċiżjoni tat-Tartu Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tartu) u dik tal-Viru Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Viru), b’mod partikolari sa fejn, permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, R.M. u E.M. kienu ġew iddikjarati ħatja ta’ frodi fil-qasam tas-sussidji.

28

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li R.M. u E.M. jintalbu r-rimbors tal-għajnuna inkwistjoni, indebitament irċevuta mill-kumpannija X, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar żewġ aspetti.

29

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk teżistix bażi legali li tippermetti li jintalab ir-rimbors ta’ din l-għajnuna mingħand R.M. u E.M., fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli tal-kumpannija Y li tidher li tostakola li din tirrimborsa l-għajnuna indebitament riċevuta mill-kumpannija X.

30

F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, il-FAEŻR ikkontribwixxa għall-finanzjament tal-programmi għall-iżvilupp rurali tar-Repubblika tal-Estonja għas-snin 2007 sa 2013 kif ukoll għas-snin 2014 sa 2020, li fil-kuntest tagħhom l-għajnuna inkwistjoni kienet ingħatat. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Regolament Nru 1306/2013 jikkostitwixxi l-bażi li fuqha huwa bbażat l-irkupru ta’ tali sussidji, u dan anki jekk l-għajnuna tkun ingħatat u tħallset qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

31

B’mod iktar preċiż, l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, irċevuta indebitament mill-kumpannija X, għandu l-bażi legali tiegħu fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 54(1) ta’ dan ir-regolament u mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 35(6) tar-Regolament Nru 640/2014. Għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux espliċitament il-possibbiltà li jintalab ir-rimbors tal-għajnuna mingħand persuni oħra minbarra l-benefiċjarju, tali possibbiltà hija prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95.

32

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tqis li r-risposta għad-domanda dwar il-possibbiltà jew le li R.M. u E.M. jintalab ir-rimbors tal-għajnuna inkwistjoni tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 u l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, kif ukoll l-ewwel sentenza tal-Artikolu 35(6) tar-Regolament Nru 640/2014, jistgħux jinqraw flimkien mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95, fis-sens li l-obbligu ta’ rimbors ta’ din l-għajnuna jista’, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, japplika wkoll għall-persuni li, minkejja li ma kinux benefiċjarji tal-imsemmija għajnuna, ipparteċipaw fl-irregolarità li wasslet għall-ħlas indebitu tagħhom. Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi, min-naħa tagħha, minn jekk l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95 għandux, f’dan ir-rigward, effett dirett.

33

Issa, la l-formulazzjoni tar-Regolament Nru 2988/95 u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament ma jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet ċari f’dan ir-rigward.

34

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et (C‑367/09, EU:C:2010:648), ċaħdet kull effett dirett tar-Regolament Nru 2988/95 f’dak li jikkonċerna s-sanzjonijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 5 tiegħu, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, mill-punti 44 sa 62 ta’ din is-sentenza jirriżulta li s-sanzjonijiet għal preġudizzju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni jistgħu jiġu imposti fuq il-persuni msemmija fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament biss jekk ikunu bbażati fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa adottata fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri. Madankollu, l-obbligu ta’ rimbors tal-ammont indebitament riċevut ta’ għajnuna ma jikkostitwixxix “sanzjoni amministrattiva”, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95, iżda “miżura amministrattiva”, fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, dan l-obbligu huwa s-sempliċi konsegwenza tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-vantaġġ li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma ġewx osservati, ħaġa li trendi l-għajnuna indebita. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Diċembru 2014, Somvao (C‑599/13, EU:C:2014:2462), li, peress li r-Regolament Nru 2988/95 sempliċement jistabbilixxi regoli ġenerali ta’ kontrolli u ta’ sanzjonijiet bl-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, huwa abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra, jiġifieri, jekk ikun il-każ, tad-dispożizzjonijiet settorjali, li għandu jsir l-irkupru ta’ għajnuna rċevuta indebitament.

35

Skont il-qorti tar-rinviju, jeżistu diversi elementi li jimmilitaw favur l-interpretazzjoni li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95, moqri flimkien mal-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti li tirregola l-irkupru ta’ għajnuna mħallsa indebitament, jipprovdi, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, bażi legali rilevanti sabiex jintalab ir-rimbors tal-għajnuna inkwistjoni mingħand R.M. u E.M. Minn naħa, din il-kawża tirrigwarda sitwazzjoni li fiha l-irregolarità li wasslet għall-għoti tal-għajnuna tirriżulta mill-fatt li l-persuni li mingħandhom jintalab l-irkupru jkunu deliberatament ipprovdew informazzjoni mhux korretta lill-awtoritajiet nazzjonali. Min-naħa l-oħra, ma huwiex possibbli li l-għajnuna tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarju minħabba l-għajbien tagħha, peress li l-kumpannija X ġiet xolta, filwaqt li l-perspettiva ta’ rkupru tal-għajnuna mingħand is-suċċessur tal-imsemmi benefiċjarju hija, prima facie, inċerta. Il-qorti tar-rinviju żżid li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, R.M. u E.M. jistgħu jitqiesu bħala persuni li pparteċipaw fit-twettiq tal-irregolarità mwettqa mill-kumpannija X, fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95.

36

Il-leġiżlatur tal-Unjoni jidher li jqis huwa stess li huwa possibbli, f’ċerti każijiet, li jintalab ir-rimbors tal-għajnuna mħallsa wara irregolaritajiet fil-programmi kofinanzjati mill-FAEŻR ukoll mingħand persuni li ma humiex huma stess il-benefiċjarji ddikjarati, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 54(3)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013.

37

Il-qorti tar-rinviju żżid li li tiġi aċċettata sitwazzjoni li fiha x-xoljiment jew l-insolvenza ta’ persuna ġuridika benefiċjarja dejjem tagħmel impossibbli, essenzjalment, l-irkupru ta’ għajnuna mħallsa indebitament wara irregolarità mwettqa deliberatament tippreġudika serjament l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

38

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li R.M. u E.M. kienu mhux biss ir-rappreżentanti tal-kumpannija X, iżda kienu jaġixxu wkoll wara xulxin bħala uniku msieħeb ta’ din il-kumpannija fil-mument meta seħħew il-frodi fejn R.M. kien l-uniku msieħeb u l-uniku amministratur tagħha bejn l-10 ta’ Novembru 2005 u t-18 ta’ Diċembru 2015 u E.M. assumiet dawn iż-żewġ funzjonijiet minn din l-aħħar data sat-tħassir tal-kumpannija X mir-reġistru tal-kummerċ. Madankollu R.M. kompla jaġixxi f’isem din il-kumpannija abbażi ta’ mandat fdat minn E.M., anki wara li ċeda l-ishma u rriżenja mill-amministrazzjoni tal-imsemmija kumpannija. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li R.M. u E.M. kienu jifformaw koppja miżżewġa matul il-perijodu li fih il-kumpannija X kisbet l-għajnuna inkwistjoni, b’tali mod li għandu jitqies li R.M. u E.M. kienu l-benefiċjarji effettivi ta’ din il-kumpannija, li huma kienu jmexxu u jikkontrollaw l-attività tagħha.

39

Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi jistgħux jitqiesu bħala suffiċjenti għall-klassifikazzjoni mhux biss tal-kumpannija X, iżda wkoll ta’ R.M. u ta’ E.M. bħala benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni. F’dan il-każ, ma huwiex neċessarju li wieħed jibbaża ruħu, b’mod addizzjonali, fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95 sabiex dawn jiġu rkuprati.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 2988/95], moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 u l-Artikolu 54(1) tar-[Regolament Nru 1306/2013] kif ukoll mal-Artikolu 35(6) tar-[Regolament ta’ Delega Nru 640/2014], jikkostitwixxi bażi legali li għandha effett dirett u li tippermetti li wieħed jeżiġi r-rimbors ta’ għajnuna li tkun inkisbet permezz ta’ manuvri frawdolenti, u ffinanzjata mill-FAEŻR, mingħand rappreżentanti tal-persuna ġuridika benefiċjarja, li intenzjonalment ipprovdew informazzjoni falza sabiex jiksbu l-imsemmija għajnuna?

2)

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-għajnuna finanzjarja mill-FAEŻR ġiet allokata u mħallsa lil kumpannija b’responsabbiltà limitata (kumpannija Estonjana) minħabba manuvri frawdolenti, ir-rappreżentanti tal-kumpannija benefiċjarja, li aġixxew b’mod frawdolenti u li kienu wkoll il-benefiċjarji effettivi ta’ din il-kumpannija meta twettqu dawn il-manuvri frawdolenti, jistgħu jitqiesu wkoll bħala benefiċjarji fis-sens tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-Artikolu 35(6) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

41

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li titressaq quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk ikun il-każ, għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Il-fatt li, formalment, qorti nazzjonali tkun ifformulat domanda preliminari billi tirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li titressaq quddiemha, irrispettivament minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2023, Juan,C‑164/22, EU:C:2023:684, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95, kull irregolarità twassal, bħala regola ġenerali, u fil-każ fejn għajnuna tkun ingħatat indebitament, għall-obbligu ta’ rimbors ta’ din tal-aħħar. L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li tali miżura amministrattiva tista’ tapplika wkoll għall-persuni li jkunu pparteċipaw fit-twettiq tal-irregolarità inkwistjoni, kif ukoll għal dawk li huma responsabbli għall-irregolarità jew li jiżguraw li din ma ssirx.

43

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Regolament Nru 2988/95 sempliċement jistabbilixxi regoli ġenerali ta’ verifiki u ta’ sanzjonijiet b’għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Irkupru ta’ fondi li ntużaw ħażin għandu jsir fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet oħra, jiġifieri, jekk ikun il-każ, fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet settorjali (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț et Județul Bacău, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, meta l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament fil-kuntest ta’ programm ta’ għajnuna, approvat u kkofinanzjat mill-FAEŻR għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, iseħħ wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu ta’ programmazzjoni, jiġifieri wara l-1 ta’ Jannar 2014, dan l-irkupru għandu jkun ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1306/2013 (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2024, Askos PropertiesC‑656/22, EU:C:2024:56, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan il-każ, peress li l-għajnuna inkwistjoni bbenefikat minn finanzjament mill-FAEŻR, l-irkupru ta’ tali għajnuna għandu jkun ibbażat fuq l-Artikolu 56 ta’ dan ir-regolament, peress li din id-dispożizzjoni tipprevedi, kif jirriżulta mit-titolu tagħha, dispożizzjonijiet speċifiċi għall-FAEŻR.

46

L-imsemmija dispożizzjoni, li tipprevedi li, fir-rigward tal-FAEŻR, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-aġġustamenti finanzjarji li jirriżultaw mill-irregolaritajiet jew min-negliġenzi misjuba fl-operazzjonijiet jew fil-programmi ta’ żvilupp rurali permezz tat-tneħħija totali jew parzjali tal-finanzjament tal-Unjoni kkonċernat, għandha tinqara flimkien ma’, minn naħa, l-Artikolu 54(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi, b’mod ġenerali, li, għal kull pagament indebitu li jirriżulta minn irregolaritajiet jew minn negliġenza, l-Istati Membri għandhom jeżiġu rkupru mingħand il-benefiċjarju, u, min-naħa l-oħra, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 35(6) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014, li tippreċiża li l-għajnuna għandha tiġi rtirata kollha kemm hi meta jiġi stabbilit li l-benefiċjarju jkun ipproduċa provi foloz sabiex jirċievi din l-għajnuna.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri, minn naħa, flimkien mal-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 35(6) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014, u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-irkupru ta’ għajnuna ffinanzjata mill-FAEŻR u li ġiet riċevuta indebitament wara manuvri frawdolenti jista’ jintalab mhux biss mingħand il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna, iżda wkoll mingħand persuni li, mingħajr ma jistgħu jitqiesu bħala benefiċjarji tal-imsemmija għajnuna, deliberatament ipprovdew informazzjoni falza sabiex din tinkiseb.

48

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ, qabel kollox, li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-formulazzjoni tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2023, G GmbH,C‑134/22, EU:C:2023:567, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1306/2013 u tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014, għandu jiġi rrilevat li dan ma jippermettix, waħdu, li jiġi ddeterminat jekk ir-rimbors ta’ għajnuna indebita msemmi minn dawn id-dispożizzjonijiet jistax jintalab minn persuni oħra minbarra l-operaturi ekonomiċi li wettqu l-irregolarità inkwistjoni.

50

Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprovdi li l-irkupru ta’ kull ħlas indebitu għandu jintalab “mingħand il-benefiċjarju”, l-Artikolu 56 ta’ dan ir-regolament sempliċement jindika d-destinazzjoni tal-ammonti rkuprati mill-Istati Membri, mingħajr madankollu ma jippreċiża l-persuni responsabbli li mingħandhom għandu jsir dan l-irkupru. Fir-rigward tal-Artikolu 35(6) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014, filwaqt li jagħmel riferiment għall-“benefiċjarju” tal-għajnuna, dan lanqas ma jinkludi tali indikazzjoni.

51

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li jaqgħu fih l-imsemmija dispożizzjonijiet rilevanti, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-premessa 39 tar-Regolament Nru 1306/2013 tenfasizza l-bżonn għall-Istati Membri li jipprevjenu, jikxfu u jittrattaw b’mod effettiv kull irregolarità u li għandhom, għal dan il-għan, japplikaw ir-Regolament Nru 2988/95. Minn dan isegwi, kif irreleva l-Gvern Daniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li hemm lok li dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1306/2013 jiġu interpretati b’konformità mar-regoli ġenerali tar-Regolament Nru 2988/95.

52

Min-naħa l-oħra, sa fejn l-Artikolu 54(3)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013 jippermetti lill-Istati Membri li ma jitolbux l-irkupru ta’ għajnuna rċevuta indebitament minħabba irregolarità meta dan jirriżulta impossibbli minħabba l-insolvenza tad-debitur “jew tal-persuni legalment responsabbli għall-irregolarità”, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tkun imċaħħda minn effett utli, fir-rigward ta’ dawn il-persuni tal-aħħar, jekk ma jkunx possibbli li jintalab l-irkupru tal-għajnuna kkonċernata wkoll mingħand dawn il-persuni.

53

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, billi jipprevedu obbligu tal-Istati Membri li jipproċedu għall-irkupru ta’ għajnuna rċevuta indebitament minħabba irregolarità, ħlief jekk ikunu jeżistu raġunijiet leġittimi sabiex ma jintalabx tali rkupru, l-Artikoli 54 u 56 tar-Regolament Nru 1306/2013 kif ukoll l-Artikolu 35(6) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014 għandhom l-għan li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif ikkonfermat mill-Artikolu 58(1)(e) tar-Regolament Nru 1306/2013. Issa, il-possibbiltà li jintalab l-irkupru ta’ għajnuna indebitament riċevuta mhux biss mill-benefiċjarju tagħha, iżda wkoll, konformement mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95, mill-“persuni li jkunu ħadu sehem fl-irregolarità jew li huma fid-dover li jieħdu r-responsabbiltà għall-irregolarità jew li jiżguraw li din ma ssirx”, tista’, evidentement, tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan l-għan, b’mod partikolari meta l-benefiċjarju jkun persuna ġuridika li ma għadhiex teżisti jew ma għandhiex riżorsi suffiċjenti sabiex tirrimborsa din l-għajnuna. Din l-interpretazzjoni hija ġġustifikata, b’mod iktar partikolari, fid-dawl tal-għan ta’ effettività tal-ġlieda kontra l-frodi, imsemmi fir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 2988/95.

54

Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 54(1) ta’ dan ir-regolament, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 35(6) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014, u fid-dawl tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95, kif ukoll, fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha, twassal sabiex jitqies li l-imsemmi artikolu jippermetti li l-irkupru ta’ għajnuna ffinanzjata mill-FAEŻR u li jkun ġie rċevut indebitament wara manuvri frawdolenti jista’ jintalab mhux biss mingħand il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna, iżda wkoll mingħand persuni li, mingħajr ma jistgħu jitqiesu li huma benefiċjarji tal-imsemmija għajnuna, ikunu deliberatament ipprovdew informazzjoni falza sabiex din tinkiseb.

55

Madankollu għandu jiġi vverifikat jekk tali interpretazzjoni tosservax il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-irtirar tal-ammonti mħallsa indebitament jista’ jsir biss b’konformità ma’ dan il-prinċipju, li jeżiġi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li din timponi fuqhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Somvai,C‑599/13, EU:C:2014:2462, punti 5051 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-PAK, meta l‑leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għoti ta’ għajnuna, l-esklużjoni li twassal għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minn dawn il‑kundizzjonijiet ma tammontax għal sanzjoni, iżda għal sempliċi konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tal‑imsemmija kundizzjonijiet previsti mil-liġi (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, FranceAgriMer,C‑670/11, EU:C:2012:807, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Għalhekk, l-obbligu li jingħata lura vantaġġ indebitament riċevut permezz ta’ prattika irregolari ma jiksirx il-prinċipju ta’ legalità. Fil-fatt, il-konstatazzjoni li l‑kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-vantaġġ jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni kienu ġew maħluqa artifiċjalment trendi fi kwalunkwe każ indebitu l-vantaġġ riċevut u għaldaqstant tiġġustifika l‑obbligu li jingħata lura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, FranceAgriMer,C‑670/11, EU:C:2012:807, punti 63 sa 6567 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi espressament li l-miżuri previsti fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, inkluż b’mod partikolari l-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna rċevuta indebitament, ma għandhomx jitqiesu bħala sanzjonijiet.

59

Issa, fir-rigward tal-persuni li ma humiex il-benefiċjarju li huma msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95, l-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna inkwistjoni jikkostitwixxi obbligu apparti, li jiżdied mal-obbligu ta’ rimbors li għandu l-benefiċjarju.

60

F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni rilevanti f’dan il-każ hija suffiċjentement ċara f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna għall-persuni li, mingħajr ma jkunu l-benefiċjarji ta’ għajnuna li bbenefikaw minn finanzjament mill-FAEŻR, ikunu deliberatament ipprovdew informazzjoni falza bl-għan tal-kisba tagħha, b’mod partikolari fil-każ fejn il-benefiċjarju tal-għajnuna kkonċernata jew is-suċċessur legali eventwali tiegħu ma jkunx f’pożizzjoni li jirrimborsa l-ammont inkwistjoni.

61

Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013 ma jipprevedix espliċitament tali obbligu, dan għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 39 tiegħu li tindika b’mod ċar li l-Istati Membri għandhom jipprevjenu, jiskopru u jittrattaw b’mod effettiv kull irregolarità min-naħa tal-benefiċjarji u li għal dan l-għan japplika r-Regolament Nru 2988/95. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1)(g) ta’ dan ir-regolament jagħmel riferiment espliċitu għar-Regolament Nru 2988/95 fir-rigward tad-definizzjoni tat-terminu “irregolarità”. Issa, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95, kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, ir-rimbors tal-għajnuna jista’ wkoll jiġi impost fuq il-persuni li pparteċipaw fit-twettiq tal-irregolarità inkwistjoni.

62

Minn dan jirriżulta li persuni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, deliberatament ipprovdew informazzjoni falza għall-kisba ta’ għajnuna ffinanzjata mill-FAEŻR, għandhom għalhekk jistennew li r-rimbors tagħha jkun jista’ jintalab mingħandhom. Għaldaqstant, il-fatt li dawn il-persuni jintalbu jirrimborsaw tali għajnuna rċevuta indebitament ma jiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

63

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri, minn naħa, flimkien mal-Artikolu 54(1) ta’ dan ir-regolament kif ukoll mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 35(6) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014, u min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-irkupru ta’ għajnuna ffinanzjata mill-FAEŻR u li ġiet irċevuta indebitament wara manuvri frawdolenti jista’ jintalab mhux biss mingħand il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna, iżda wkoll mingħand persuni li, mingħajr ma jistgħu jitqiesu li huma benefiċjarji tal-imsemmija għajnuna, ikunu deliberatament ipprovdew informazzjoni falza sabiex din tinkiseb.

Fuq it‑tieni domanda

64

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 u l-Artikolu 35(6) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta persuna ġuridika tkun kisbet għajnuna agrikola wara manuvri frawdolenti imputabbli lir-rappreżentanti tagħha, dawn jistgħu, sa fejn, fil-fatt, huma dawn ir-rappreżentanti li jirċievu l-profitti li tiġġenera din il-persuna ġuridika, jitqiesu li huma “benefiċjarji” ta’ din l-għajnuna, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

65

Il-kunċett ta’ “benefiċjarju” huwa ddefinit fil-punt 1 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014, li jikkompleta r-Regolament Nru 1306/2013, bħala li jirreferi għall-bidwi kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1307/2013, il-benefiċjarju suġġett għall-kundizzjonalità fis-sens tal-Artikolu 92 tar-Regolament Nru 1306/2013 u/jew il-benefiċjarju ta’ għajnuna fil-kuntest tal-iżvilupp rurali kif imsemmi fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1303/2013.

66

Għandu jiġi kkonstatat, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li R.M. u E. M., bħala rappreżentanti tal-kumpannija X li kisbet l-għajnuna inkwistjoni, ma jaqgħu taħt ebda waħda minn dawn it-tliet kategoriji ta’ persuni.

67

Għalkemm, ċertament, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, l-irkupru ta’ għajnuna ffinanzjata mill-FAEŻR u li ġiet riċevuta indebitament minn persuna ġuridika wara manuvri frawdolenti attribwibbli lir-rappreżentanti tagħha jista’ wkoll jintalab mingħand dawn ir-rappreżentanti, xorta jibqa’ l-fatt li minn din ir-risposta ma jistax jiġi dedott li l-imsemmija rappreżentanti jistgħu jiġu kklassifikati bħala “benefiċjarji”, fis-sens tal-punt 1 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014, meta l-kundizzjonijiet previsti, għal dan l-għan, minn din id-dispożizzjoni ma jkunux issodisfatti. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, dawn l-istess rappreżentanti jistgħu jkunu obbligati jirrimborsaw tali għajnuna, anki meta jkunu aġixxew f’isem din il-persuna ġuridika mingħajr ma jkollhom din il-kwalità ta’ “benefiċjarju”.

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 35(6) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn persuna ġuridika tkun kisbet għajnuna agrikola permezz ta’ manuvri frawdolenti imputabbli lir-rappreżentanti tagħha, dawn madankollu ma jistgħux jitqiesu bħala “benefiċjarji” ta’ din l-għajnuna, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-punt 1 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament ta’ delega, jekk ma jaqgħu taħt ebda waħda mit-tliet kategoriji ta’ persuni msemmija minn din l-aħħar dispożizzjoni, u dan anki jekk, fil-fatt, huma dawn ir-rappreżentanti li jirċievu l-profitti li tiġġenera din il-persuna ġuridika.

Fuq l-ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, moqri, minn naħa, flimkien mal-Artikolu 54(1) ta’ dan ir-regolament kif ukoll mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 35(6) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità, u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-irkupru ta’ għajnuna ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u li ġiet irċevuta indebitament wara manuvri frawdolenti jista’ jintalab mhux biss mingħand il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna, iżda wkoll mingħand persuni li, mingħajr ma jistgħu jitqiesu li huma benefiċjarji tal-imsemmija għajnuna, ikunu deliberatament ipprovdew informazzjoni falza sabiex din tinkiseb.

 

2)

L-Artikolu 35(6) tar-Regolament Nru 640/2014

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ fejn persuna ġuridika tkun kisbet għajnuna agrikola permezz ta’ manuvri frawdolenti imputabbli lir-rappreżentanti tagħha, dawn madankollu ma jistgħux jitqiesu bħala “benefiċjarji” ta’ din l-għajnuna, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-punt 1 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament ta’ delega, jekk ma jaqgħu taħt ebda waħda mit-tliet kategoriji ta’ persuni msemmija minn din l-aħħar dispożizzjoni, u dan anki jekk, fil-fatt, huma dawn ir-rappreżentanti li jirċievu l-profitti li tiġġenera din il-persuna ġuridika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.

Fuq