EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0348

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-20 ta’ April 2023.
Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato vs Comune di Ginosa.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Puglia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Evalwazzjoni tal-validità – Bażi legali – Artikolu 47, Artikolu 55 u Artikolu 94 KE – Interpretazzjoni – Artikolu 12(1) u (2) ta’ din id-direttiva – Effett dirett – Natura inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża tal-obbligu, għall-Istati Membri, li japplikaw proċedura ta’ selezzjoni imparzjali u trasparenti bejn il-kandidati potenzjali, kif ukoll il-projbizzjoni tat-tiġdid awtomatiku ta’ awtorizzazzjoni mogħtija għal attività partikolari – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-estensjoni awtomatika ta’ konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni tal-proprjetà pubblika marittima.
Kawża C-348/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:301

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

20 ta’ April 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Evalwazzjoni tal-validità – Bażi legali – Artikolu 47, Artikolu 55 u Artikolu 94 KE – Interpretazzjoni – Artikolu 12(1) u (2) ta’ din id-direttiva – Effett dirett – Natura inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża tal-obbligu, għall-Istati Membri, li japplikaw proċedura ta’ selezzjoni imparzjali u trasparenti bejn il-kandidati potenzjali, kif ukoll il-projbizzjoni tat-tiġdid awtomatiku ta’ awtorizzazzjoni mogħtija għal attività partikolari – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-estensjoni awtomatika ta’ konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni tal-proprjetà pubblika marittima”

Fil-Kawża C‑348/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Puglia, L-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

vs

Comune di Ginosa,

fil-preżenza ta’:

L’Angolino Soc. coop.,

Lido Orsa Minore di AB,

La Capannina Srl,

Sud Platinum Srl,

Lido Zanzibar Srl,

Poseidone Srl,

LG Srls,

Lido Franco di GH & C. Snc,

Lido Centrale Piccola Soc. Coop. arl,

Bagno Cesena Srls,

E.T. Edilizia e Turismo Srl,

Bluserena SpA,

Associazione Pro loco “Luigi Strada”,

M2g Raw Materials SpA,

JF,

D.M.D. Snc di CD & C. Snc,

Ro.Mat., di MN & Co Snc,

Perla dello Jonio Srl,

Ditta Individuale EF,

Associazione Dopolavoro Ferroviario Sez. Marina di Ginosa,

Al Capricio Bis di RS,

LB,

Sib Sindacato Italiano Balneari,

Federazione Imprese Demaniali,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato u għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Palmieri, avvocato dello Stato,

għall-Comune di Ginosa, minn G. Misserini, avvocato,

għal Sud Platinum Srl, Lido Zanzibar Srl, Poseidone Srl, Lg Srls u E.T. Edilizia e Turismo Srl, minn I. Loiodice, N. Maellaro u F. Mazzella, avvocati,

għal Sib Sindacato Italiano Balneari, minn A. Capacchione, S. Frandi u B. Ravenna, avvocati,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn A. Laine u H. Leppo, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn M. Menegatti u L. Stefani, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn A.‑L. Meyer u S. Scarpa Ferraglio, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, V. Di Bucci, L. Malferrari u M. Mataija, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw il-validità tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva u tal-Artikolu 49 u l-Artikolu 115 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità li Tiggarantixxi l-Kompetizzjoni u s-Suq, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGKS”) u l-comune di Ginosa (il-Komun ta’ Ginosa, l-Italja) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jestendi, fit-territorju tiegħu, il-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni tal-proprjetà pubblika marittima sal‑31 ta’ Diċembru 2033.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑dritt primarju

3

L-Artikolu 47 KE kien jinsab fil-Kapitolu 2 tat-Titolu III tat-Trattat KE, intitolat “d-dritt ta’ stabbiliment”, u kien ifformulat kif ġej, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“[Sabiex jiġi ffaċilitat il-bidu u t-twettiq tal-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha], il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], għandu, billi jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251, joħroġ direttivi għall-koordinazzjoni tad-disposizzjonijiet kif stabbiliti bil-liġi, bir-regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri għar-rigward ta’ kif wieħed jibda’ jew jeżerċita attivitajiet bħala persuna impjegata għal rasha. Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament matul il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251, għandu jiddeċiedi dwar direttivi li l-implementazzjoni tagħhom f’ mill-anqas Stat Membru wieħed, twassal għal emenda tal-prinċipji eżistenti kif stabbiliti mil-liġi li tiggverna l-professjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam ma taħriġ u kondizzjonijiet ta’ aċċess għal persuni naturali. Fil-każi l-oħra l-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.”

4

L-Artikolu 55 KE kien jinsab fil-Kapitolu 3 tat-Titolu III tat-Trattat KE, intitolat “Is-servizzi”, u kien ifformulat kif ġej:

“Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 45 sa 48, inklużi, għandhom japplikaw għal ħwejjeġ regolati b’ dan il-Kapitolu.”

5

L-Artikolu 94 KE, li għalih jikkorrispondi, essenzjalment, l-Artikolu 115 TFUE, kien jipprovdi:

“Il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi unanimament, fuq proposta tal-Kummissjoni [Ewropea], u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, joħroġ direttivi għall-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li direttament jaffettwaw l-istabbiliment jew l-operazzjoni tas-suq komuni.”

Id-Direttiva 2006/123

6

Il-premessi 1, 5, 12, 64 u 116 tad-Direttiva 2006/123 jipprovdu:

“(1)

[…] L-eliminazzjoni ta’ barrieri għall-iżvilupp ta’ l-attivitajiet tas-servizzi bejn l-Istati Membri huwa essenzjali sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-popli Ewropej u biex ikun promoss progress ekonomiku u soċjali bbilanċjati u sostenibbli. […]

[…]

(5)

Huwa għalhekk meħtieġ li jitneħħew l-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment għal fornituri fl-Istati Membri u ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri u biex ir-riċevituri u l-fornituri jkollhom garanzija taċ-ċertezza legali meħtieġa għall-eżerċizzju fil-prattika ta’ dawk iż-żewġ libertajiet fundamentali tat-Trattat [KE]. […]

[…]

(12)

Din id-Direttiva għandha l-għan li toħloq qafas legali biex tiżgura l-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri […]

[…]

(64)

Sabiex jiġi stabbilit suq intern ġenwin għas-servizzi, huwa meħtieġ li jitneħħew kwalunkwe restrizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi li għadhom stabbiliti fil-liġijiet ta’ ċerti Stati Membri u li huma inkompatibbli ma’ l-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat [KE] rispettivament. […]

[…]

(116)

Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-eliminazzjoni ta’ l-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ fornituri fl-Istati Membri u għal provvista libera tas-servizzi bejn l-Istati Membri, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala ta’ l-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar f’livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat [KE]. […]”

7

Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.”

8

L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għażla minn fost diversi kandidati”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fejn in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività partikolari hu limitat minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi naturali disponibbli jew kapaċità teknika, l-Istati Membri għandhom japplikaw proċedura ta’ għażla għal kandidati potenzjali li tipprovdi garanziji sħaħ ta’ imparzjalità u trasparenza, inkluż, b’mod partikolari, reklamar adegwat dwar it-tnedija, il-kondotta u t-tlestija tal-proċedura.

2.   Fil-każijiet msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal perjodu limitat xieraq u ma tistax tkun miftuħa għal tiġdid awtomatiku, lanqas tipprovdi kwalunkwe vantaġġ ieħor lill-fornitur li l-awtorizzazzjoni tiegħu għada kemm skadiet jew kwalunkwe persuna oħra li għandha rabtiet partikolari ma’ dak il-fornitur.

3.   Soġġett għall-paragrafu 1 u għall-Artikoli 9 u 10, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont, fl-istabbiliment tar-regoli għall-proċedura ta’ l-għażla, konsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika, objettivi ta’ politika soċjali, is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, il-ħarsien ta’ l-ambjent, il-protezzjoni tal-wirt kulturali u raġunijiet aktar importanti oħrajn li għandhom x’jaqsmu ma’ l-interess pubbliku, skond il-liġi Komunitarja.”

9

L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza, tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it‑28 ta’ Diċembru 2009.”

Id‑dritt Taljan

Il‑Kodiċi tan‑Navigazzjoni

10

L-Artikolu 37 tal-Codice della Navigazione (il-Kodiċi tan-Navigazzjoni), approvat bir-regio decreto n. 327 (id-Digriet Irjali Nru 327), tat‑30 ta’ Marzu 1942 (GURI Nru 93, tat‑18 ta’ April 1942), kien jipprevedi proċedura ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-kandidati biss fil-każ li jiġu ppreżentati diversi applikazzjonijiet għall-għoti ta’ konċessjoni għall-istess proprjetà pubblika. Madankollu, mit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 37 kien jirriżulta li kellha tingħata preferenza lid-detentur tal-konċessjoni, li għalhekk kien jibbenefika minn dritt “ta’ kontinwazzjoni” jew “għat-tiġdid”.

Id‑Digriet-Liġi Nru 194/2009

11

L-Artikolu 1(18) tad-decreto-legge n. 194 – Proroga di termini previsti da disposizioni legislative (id-Digriet-Liġi Nru 194, li Jestendi t-Termini Previsti minn Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi), tat‑30 ta’ Diċembru 2009 (GURI Nru 302, tat‑30 ta’ Diċembru 2009), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-legge n. 25 (il-Liġi Nru 25), tas‑26 ta’ Frar 2010, (suppliment ordinarju Nru 39 għall-GURI Nru 48, tas‑27 ta’ Frar 2010) (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 194/2009”), kien jipprevedi estensjoni tat-tul tal-konċessjonijiet ta’ proprjetà pubblika marittima għal finijiet turistiċi u rikreattivi eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet-Liġi sal‑31 ta’ Diċembru 2015. Din l-estensjoni ġiet sussegwentement estiża sal‑31 ta’ Diċembru 2020 mill-Artikolu 34 duodecies tad-decreto-legge n. 179 – Ulteriori misure urgenti per la crescita del Paese (id-Digriet-Liġi Nru 179, li Jistabbilixxi Miżuri Oħra Urġenti għat-Tkabbir tal-Pajjiż) tat‑18 ta’ Ottubru 2012 (suppliment ordinarju Nru 194 għall-GURI Nru 245 tad‑19 ta’ Ottubru 2012) ikkonvertit f’liġi, permezz tal-legge n. 221 (il-Liġi Nru 221), tas‑17 ta’ Diċembru 2012 (suppliment ordinarju Nru 208 għall-GURI Nru 294 tat‑18 ta’ Diċembru 2012). Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, l-Artikolu 1(18) tad-Digriet-Liġi Nru 194/2009 jipprevedi b’mod partikolari:

“[…] matul il-proċedura ta’ reviżjoni tal-kuntest ġuridiku fil-qasam tal-għoti tal-konċessjonijiet ta’ proprjetà pubblika marittima, tal-lagi u tax-xmajjar għal finijiet turistiċi-rikreattivi, […] kif ukoll bl-intenzjoni li tiġi abbandunata l-iskema tad-dritt ta’ preferenza prevista fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 37 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni, it-tul tal-konċessjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet […] u li ser jiskadu mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2018, huwa estiż sal‑31 ta’ Diċembru 2020 […]”

Id‑Digriet Leġiżlattiv Nru 59 tas‑26 ta’ Marzu 2010

12

Id-decreto legislativo n. 59 – Attuazione della direttiva 2006/123/CE relativa ai servizi nel mercato interno (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 59, li jimplimenta d-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern), tas‑26 ta’ Marzu 2010 (suppliment ordinarju Nru 75 għall-GURI Nru 94, tat‑23 ta’ April 2010), li jimplimenta d-Direttiva 2006/123 fl-ordinament ġuridiku Taljan jipprovdi, fl-Artikolu 16 tiegħu:

“1.   Fil-każijiet li fihom in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività ta’ servizzi partikolari huwa limitat minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi naturali jew tal-kapaċitajiet tekniċi disponibbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw proċedura ta’ selezzjoni bejn il-kandidati potenzjali u jiżguraw li l-kriterji u l-modalitajiet intiżi li tiġi żgurata l-imparzjalità tal-proċedura, li magħhom l-awtoritajiet għandhom jikkonformaw ruħhom, huma stabbiliti minn qabel u ppubblikati skont il-forom meħtieġa mil-leġiżlazzjoni applikabbli għalihom.

[…]

4   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal perijodu limitat u ma tistax tkun miftuħa għal tiġdid awtomatiku, u lanqas ma għandha tipprovdi kwalunkwe vantaġġ ieħor lill-fornitur li l-awtorizzazzjoni tiegħu għada kemm skadiet jew għal kwalunkwe persuna oħra, minkejja li dan ikun iġġustifikat minn rabtiet partikolari mal-imsemmi fornitur.

[…]”

Il‑Liġi Nru 145/2018

13

L-Artikolu 1(675) sa (680) tal-Liġi Nru 145 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2019 e bilancio pluriennale per il triennio 2019‑2021 (il-Liġi Nru 145, dwar l-Estimi tal-Baġit tal-Istat għas-Sena Finanzjarja 2019 u l-Baġit Multiannwali għall-Perijodu 2019–2021), tat‑30 ta’ Diċembru 2018 (suppliment ordinarju Nru 62 għall-GURI Nru 302, tal‑31 ta’ Diċembru 2018, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 145/2018”), impona fuq l-amministrazzjonijiet kompetenti l-obbligu li jwettqu, f’terminu ta’ sentejn, sensiela ta’ kompiti preliminari, neċessarji għat-tfassil tar-riforma tal-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni tal-proprjetà pubblika marittima, bħall-kartografija tal-kosta, l-identifikazzjoni tal-konċessjonijiet fis-seħħ u tad-differenti ta’ strutturi pubbliċi eżistenti kif ukoll l-identifikazzjoni tal-investimenti mwettqa, it-termini għall-irkupru tal-ispejjeż, royalties u t-tul tal-konċessjonijiet.

14

Dan l-Artikolu 1(682) u (683) jipprevedi:

“682.   Il-konċessjonijiet […] li jkunu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, għandhom tul ta’ ħmistax-il sena li jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi […]

683.   Sabiex jiġu ggarantiti l-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-kosti Taljani mogħtija b’konċessjoni, bħala riżorsi turistiċi fundamentali tal-pajjiż, u sabiex jiġu protetti l-impjieg u d-dħul tal-impriżi li għaddejjin minn kriżi minħabba danni kkawżati mit-tibdil fil-klima u mid-diżastri straordinarji li rriżultaw minn dan, il-konċessjonijiet imsemmija fil-paragrafu 682, li kienu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-[Digriet-Liġi Nru 194/2009], kif ukoll il-konċessjonijiet mogħtija wara din id-data […] għandhom terminu ta’ ħmistax-il sena li jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi […]”

Id‑Digriet-Liġi Nru 34 tad‑19 ta’ Mejju 2020

15

L-Artikolu 182(2) tad-decreto-legge n. 34 – Misure urgenti in materia di salute, sostegno al lavoro e all’economia, nonche’ di politiche sociali connesse all’emergenza epidemiologica da COVID‑19 (id-Digriet-Liġi Nru 34, li Jistabbilixxi Miżuri Urġenti fil-Qasam tas-Saħħa, Insostenn tax-Xogħol u tal-Ekonomija kif ukoll Politiki Soċjali Sussegwenti għas-Sitwazzjoni Epidemjoloġika Marbuta mal-COVID‑19), tad‑19 ta’ Mejju 2020 (suppliment ordinarju Nru 21 għall-GURI Nru 128 tad‑19 ta’ Mejju 2020) ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-legge n. 77 (il-Liġi Nru 77) tas‑17 ta’ Lulju 2020 (suppliment ordinarju Nru 25 għall-GURI Nru 180 tat‑18 ta’ Lulju 2020) jipprovdi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(682) et seq. tal-[Liġi Nru 145/2018] fir-rigward tal-konċessjonarji, għall-bżonnijiet ta’ rkupru tas-settur turistiku u sabiex jiġu limitati d-danni, diretti u indiretti, ikkawżati mill-urġenza epidemjoloġika marbuta mal-COVID‑19, l-amministrazzjonijiet kompetenti ma jistgħux jimplimentaw jew ikomplu japplikaw, fir-rigward tal-konċessjonarji li jixtiequ jkomplu bl-attività tagħhom bl-użu tal-proprjetà marittima, tal-lagi u tax-xmajjar, il-proċeduri amministrattivi għat-trasferiment ta’ xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew, imsemmija fl-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni, għall-għoti jew għall-konċessjoni, permezz ta’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti pubbliċi, taż-żoni li huma s-suġġett ta’ konċessjonijiet fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi ta’ konverżjoni ta’ dan id-digriet. […]”

Il‑Liġi Nru 118/2022

16

Il-legge n. 118 – Legge annuale per il mercato e la concorrenza (il-Liġi Annwali Nru 118, għas-Suq u l-Kompetizzjoni), tal‑5 ta’ Awwissu 2022 (GURI Nru 188, tat‑12 ta’ Awwissu 2022) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 118/2022”), tipprovdi fl-Artikolu 3 tagħha:

“1.   Ikomplu jipproduċu l-effetti tagħhom sal‑31 ta’ Diċembru 2023 jew sat-terminu indikat fil-paragrafu 3, jekk dan ikun sussegwenti, jekk huma jkunu jeżistu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi fuq il-bażi ta’ estensjonijiet jew ta’ tiġdid previsti wkoll skont il-[Liġi Nru 145/2018] u d-decreto-legge n. 104 [(Digriet-Liġi Nru 104)], tal‑14 ta’ Awwissu 2020, [(suppliment ordinarju Nru 30 għall-GURI Nru 203 tal‑14 ta’ Awwissu 2020)], ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-legge n. 126 [(il-Liġi Nru 126)], tat‑13 ta’ Ottubru 2020 [(suppliment ordinarju Nru 37 għall-GURI Nru 253, tat‑13 ta’ Ottubru 2020)]:

a)

il-konċessjonijiet pubbliċi marittimi, tal-lagi u tax-xmajjar għall-eżerċizzju tal-attivitajiet turistiċi-rikreattivi u sportivi […]

[…]

3.   Jekk ikunu jeżistu raġunijiet oġġettivi li jipprekludu l-għeluq tal-proċedura ta’ selezzjoni qabel il‑31 ta’ Diċembru 2023, b’rabta, pereżempju, mal-eżistenza ta’ tilwima pendenti jew ma’ diffikultajiet oġġettivi marbuta mat-twettiq tal-proċedura nnifisha, l-awtorità kompetenti tista’, permezz ta’ att motivat, tipposponi t-terminu tal-iskadenza tal-konċessjonijiet eżistenti matul il-perijodu strettament neċessarju għall-għeluq tal-proċedura u, fi kwalunkwe każ, mhux lil hinn mill‑31 ta’ Diċembru 2024. Sa din id-data, l-okkupazzjoni taż-żona pubblika mill-konċessjonarju li l-awtorizzazzjoni tiegħu għada kemm skadiet hija, fi kwalunkwe każ, leġittima wkoll fid-dawl tal-Artikolu 1161 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni.

[…]

5.   Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, għandhom jiġu rrevokati:

a)

il-paragrafi 675, 676, 677, 678, 679, 680, 681, 682 u 683 tal-Artikolu 1 tal-[Liġi Nru 145/2018];

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

17

Il-Komun ta’ Ginosa, permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Diċembru 2020, irrettifikata b’deċiżjoni sussegwenti tas‑17 ta’ Frar 2021 (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjoni kontenzjuża”), b’mod partikolari adotta komunikazzjoni preliminari ta’ rikonoxximent li kienet intiża sabiex tinforma lid-detenturi kollha ta’ konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dan il-Komun li dawn il-konċessjonijiet kienu ser jiġu estiżi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(682) u (683) tal-Liġi Nru 145/2018 u tal-Artikolu 182 tad-Digriet-Liġi Nru 34 tad‑19 ta’ Mejju 2020, ikkonvertit f’liġi, b’emendi, bil-Liġi Nru 77, tas‑17 ta’ Lulju 2020 (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“dispożizzjonijiet nazzjonali li jestendu l-konċessjonijiet b’mod awtomatiku ”).

18

Peress li qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tmur kontra l-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123, l-AGKS ikkomunikat lill-imsemmi Komun opinjoni motivata, li permezz tagħha hija fakkritu bir-rekwiżit ta’ proċedura preliminari ta’ kuntratt pubbliku sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni u ta’ libertà ta’ stabbiliment. Din l-awtorità rrilevat b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jestendu awtomatikament il-konċessjonijiet kienu jmorru kontra din id-direttiva, b’tali mod li l-organi kollha tal-Istat kellhom iħalluhom mhux applikati.

19

Peress li l-Komun ta’ Ginosa rrifjuta li jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni, l-AGKS adixxiet lit-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Puglia, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u tad-dikjarazzjonijiet jew ċertifikati ta’ estensjoni kollha maħruġa sussegwentement.

20

Peress li l-Komun ta’ Ginosa u l-partijiet l-oħra fil-kawża prinċipali jallegaw li billi d-Direttiva 2006/123 ma hijiex “awtoeżekutorja”, għandha tiġi applikata l-Liġi Nru 145/2018 sabiex jiġi ppreżervat il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet essenzjali għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li jirrigwardaw l-iskarsezza tar-riżorsi naturali inkwistjoni u, konsegwentement, in-numru limitat ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli, ma humiex issodisfatti fit-territorju kostali ta’ dan il-komun, peress li diversi żoni oħra huma disponibbli minbarra dawk diġà konċessi. L-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert lanqas ma ġiet ipprovata.

21

Barra minn hekk, ir-rifjut iġġeneralizzat li jiġu estiżi l-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni tal-proprjetà pubblika marittima li jimplika s-sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi jikser manifestament id-dritt ta’ proprjetà tal-avvjament kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ kumpens għall-investimenti mwettqa u tal-avvjament. Dan ir-rifjut lanqas ma jippermetti li jiġu evalwati każ b’każ il-perijodi ta’ rkupru tal-investimenti mwettqa jew ukoll is-sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom xogħlijiet ta’ bini bil-ġebel debitament awtorizzati twettqu fuq il-proprjetà pubblika.

22

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, fir-rigward ta’ dawn id-diversi aspetti, li, oriġinarjament, huwa biss fil-każ fejn diversi talbiet għall-għoti ta’ konċessjoni kienu jirrigwardaw l-istess proprjetà pubblika li l-Artikolu 37 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni kien jimponi li tiġi organizzata proċedura ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-kandidati għall-għoti ta’ din il-konċessjoni. Madankollu, f’każ bħal dan, skont it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, id-detentur tal-imsemmija konċessjoni kien jibbenefika minn dritt ta’ kontinwazzjoni jew ta’ tiġdid. Matul is-sena 1993, it-tiġdid awtomatiku tal-konċessjonijiet eżistenti kull sitt snin ġie stabbilit u, matul is-sena 2006, it-tul massimu ta’ konċessjoni pubblika ġie stabbilit għal għoxrin sena.

23

Wara l-ftuħ, mill-Kummissjoni, tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu Nru 2008/4908, ir-Repubblika Taljana adottat id-Digriet-Liġi Nru 194/2009, li l-Artikolu 1(18) tiegħu ħassar it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 37 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni u estenda l-konċessjonijiet eżistenti sal‑31 ta’ Diċembru 2012. Sussegwentement, dan it-terminu ġie pospost sal‑31 ta’ Diċembru 2015 permezz ta’ liġi tas‑26 ta’ Frar 2010.

24

Fid-dawl ta’ dawn l-emendi u tal-impenn tal-awtoritajiet Taljani li jikkonformaw ruħhom mad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet, fis‑27 ta’ Frar 2012, li tagħlaq din il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

25

Minkejja dan, fi tmiem is-sena 2012, il-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima ġew estiżi b’ħames snin, jiġifieri sal‑31 ta’ Diċembru 2020. Barra minn hekk, mal-approċċ ta’ din l-iskadenza u minħabba li d-dritt Taljan ma kienx konformi mad-Direttiva 2006/123, l-Artikolu 1(682) u (683) tal-Liġi Nru 145/2018 estenda, għal darb’ oħra, il-konċessjonijiet fis-seħħ sal‑31 ta’ Diċembru 2033.

26

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, din l-aħħar estensjoni tal-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima tikkostitwixxi ksur manifest tad-Direttiva 2006/123 u, fi kwalunkwe każ, tal-Artikolu 49 TFUE. F’dan il-kuntest, ċerti komuni applikaw il-Liġi Nru 145/2018 u approvaw estensjonijiet sal‑31 ta’ Diċembru 2033, filwaqt li oħrajn irrifjutaw li jagħmlu dan, mingħajr madankollu ma applikaw id-dritt tal-Unjoni. Oħrajn, wara li approvaw din l-estensjoni, ordnaw l-annullament tagħha fil-kuntest tas-setgħa tagħhom ta’ awtosuperviżjoni. Fl-aħħar nett, ċerti komuni jippreferu jastjenu milli jwieġbu għat-talbiet għall-estensjoni tal-konċessjonijiet li jitressqu quddiemhom. Sitwazzjoni bħal din toħloq inċertezza legali u għandha impatt negattiv fuq l-ekonomija tas-settur kollu inkwistjoni.

27

Il-qorti tar-rinviju tiddeduċi mis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558), li, fl-assenza ta’ kwalunkwe proċedura ta’ selezzjoni bejn il-kandidati potenzjali, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jestendu l-konċessjonijiet b’mod awtomatiku huma inkompatibbli kemm mal-Artikolu 12(1) u (2) ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-Artikolu 49 TFUE, sakemm, f’dan l-aħħar każ, dawn il-konċessjonijiet ikunu ta’ interess transkonfinali ċert. Madankollu, l-Artikolu 12 tal-istess direttiva ma jistax jipproduċi effett ta’ esklużjoni tar-regoli nazzjonali kuntrarji, peress li dan l-Artikolu 12(3) iħalli espressament lill-Istati Membri l-kompitu li jistabbilixxu r-regoli tal-proċedura ta’ selezzjoni.

28

Fir-rigward ta’ dan il-punt, il-qorti tar-rinviju ma taqbilx mal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li, permezz ta’ żewġ sentenzi Nru 17 u Nru 18 tad‑9 ta’ Novembru 2021, mogħtija f’seduta plenarja, qieset li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet espressament irrikonoxxiet, fis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558), in-natura ta’ awtosuperviżjoni tal-imsemmi Artikolu 12. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ dawn iż-żewġ sentenzi, mogħtija mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), ma hijiex koerenti mar-rikonoxximent ta’ effett dirett tad-Direttiva 2006/123. Għalkemm din is-soluzzjoni probabbilment hija intiża sabiex tippermetti lil-leġiżlatur Taljan jadotta leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implimentazzjoni konkreta ta’ din id-direttiva, din ikollha bħala konsegwenza estensjoni awtomatika u ġġeneralizzata ġdida tad-data ta’ skadenza tal-konċessjonijiet pubbliċi eżistenti mill‑31 ta’ Diċembru 2020 sal‑31 ta’ Diċembru 2023.

29

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju lanqas ma taqbel mal-għażla tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) li jikklassifika d-Direttiva 2006/123 bħala direttiva ta’ liberalizzazzjoni u mhux ta’ armonizzazzjoni u tqis għalhekk li, skont l-Artikolu 115 TFUE, din id-direttiva kellha tiġi adottata b’unanimità u mhux bil-maġġoranza tal-voti tal-Kunsill.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Puglia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

[Id-Direttiva 2006/123] hija valida u vinkolanti għall-Istati Membri jew hija, għall-kuntrarju, invalida, peress li – billi hija direttiva ta’ armonizzazzjoni – ġiet adottata biss b’maġġoranza u mhux b’unanimità, bi ksur tal-Artikolu 115 [TFUE]?

2)

Id-Direttiva 2006/123 […] tissodisfa, b’mod oġġettiv u astratt, ir-rekwiżiti minimi dwar in-natura suffiċjentement iddettaljata tad-dispożizzjonijiet u l-assenza konsegwenti ta’ marġni ta’ diskrezzjoni li jitħalla f’idejn il-leġiżlatur nazzjonali, sabiex tkun tista’ titqies li hija awtoeżekuttiva u applikabbli immedjatament?

3)

Fil-każ li d-Direttiva 2006/123 ma titqiesx li hija “self-executing”, l-effett li jikkonsisti sempliċement fl-esklużjoni jew sempliċiment fin-nuqqas preventiv ta’ applikazzjoni tal-liġi nazzjonali, inkluż meta l-imħallef nazzjonali ma jistax jirrikorri għal interpretazzjoni konformi, huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali jew, għall-kuntrarju, il-liġi nazzjonali ma għandhiex jew ma tistax tapplika f’tali każ, mingħajr preġudizzju għas-sanzjonijiet speċifiċi previsti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta’ ksur mill-Istat Membru tal-obbligi li jirriżultaw mill-adeżjoni mat-Trattat [FUE] (Artikolu 49), jew in-nuqqas ta’ traspożizzjoni [ta’ din id-] direttiva (proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu)?

4)

L-effett dirett tal-Artikolu 12(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2006/123 huwa ekwivalenti għar-rikonoxximent tal-karattru “self-executing” jew tal-applikabbiltà immedjata tad-direttiva nnifisha jew għandu jinftiehem, fil-kuntest ta’ direttiva ta’ armonizzazzjoni bħad-direttiva inkwistjoni (“għandu jitqies li l-Artikoli 9 sa 13 [tal]-istess direttiva jwettqu armonizzazzjoni eżawrjenti”, skont is-sentenza [tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558)]), fis-sens li jimponi fuq l-Istat Membru l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni li ma humiex ġenerali iżda ddefiniti b’mod vinkolanti fir-rigward tal-kontenut tagħhom?

5)

Il-kompitu li jiġi ddeterminat jekk direttiva hijiex ta’ natura awtoeżekuttiva u, jekk iva, is-sempliċi nuqqas preventiv ta’ applikazzjoni tal-liġi nazzjonali, jista’ jew għandu jitqies li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali (li għandha għal dan l-iskop għodod speċifiċi sabiex tassisti fil-proċess ta’ interpretazzjoni, bħar-rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jew il-proċedura ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità) jew huwa wkoll fil-kompetenza tal-uffiċjali jew tal-persunal maniġerjali tal-Komuni?

6)

Fil-każ li d-Direttiva 2006/123 titqies, għall-kuntrarju, bħala “self-executing”, peress li l-Artikolu 49 [TFUE] jopponi l-estensjoni awtomatika tal-konċessjonijiet-awtorizzazzjonijiet marittimi tal-Istat għal użu turistiku-rikreattiv biss “sa fejn dawn il-konċessjonijiet ikunu ta’ interess transkonfinali ċert”, din il-kundizzjoni hija wkoll prerekwiżit meħtieġ għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) u (2) ta’ [din] d-Direttiva […]?

7)

Huwa konformi mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2006/123 u mill-Artikolu 49 [TFUE] li l-qorti nazzjonali tiddeċiedi dwar l-eżistenza, b’mod ġenerali u astratt, ta’ kundizzjoni relatata mal-interess transkonfinali ċert għal dak li jirrigwarda t-territorju nazzjonali kollu, mingħajr iktar dettalji, jew din l-evalwazzjoni għandha, għall-kuntrarju, tinftiehem, fid-dawl tal-kompetenza mogħtija lill-Komuni Taljani, fis-sens li tikkonċerna lit-territorju kostali ta’ kull Komun u, għalhekk, bħala rriżervata għall-kompetenza tal-Komuni?

8)

Huwa konformi mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2006/123 u mill-Artikolu 49 [TFUE] li l-qorti nazzjonali tiddeċiedi dwar l-eżistenza, b’mod ġenerali u astratt, ta’ kundizzjoni relatata man-natura limitata b’mod ġenerali tar-riżorsi u tal-konċessjonijiet disponibbli għal dak li jirrigwarda t-territorju nazzjonali kollu, mingħajr iktar dettalji, jew din l-evalwazzjoni għandha, għall-kuntrarju, tinftiehem, fid-dawl tal-kompetenza mogħtija lill-Komuni Taljani, fis-sens li tikkonċerna lit-territorju kostali ta’ kull Komun u, għalhekk, bħala rriżervata għall-kompetenza tal-Komuni?

9)

Fil-każ li d-Direttiva 2006/123 titqies b’mod astratt li hija “self-executing”, din l-applikabbiltà immedjata tista’ tinżamm ukoll b’mod konkret f’kuntest ġuridiku – bħall-kuntest ġuridiku Taljan – irregolat mill-Artikolu 49 tal-Codice della Navigazione (il-Kodiċi tan-Navigazzjoni Taljan) (li jipprovdi li, fl-iskadenza tal-konċessjoni, “ix-xogħlijiet kollha immobbli jsiru l-proprjetà tal-Istat mingħajr ebda kumpens jew rimbors”), u din il-konsegwenza tan-natura “self-executing” jew tal-applikabbiltà immedjata tad-direttiva inkwistjoni (b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda x-xogħlijiet ta’ bini bil-ġebel awtorizzati kif xieraq jew il-konċessjonijiet tal-Istat marbuta funzjonalment ma’ attivitajiet ta’ akkomodazzjoni turistika bħal lukandi jew postijiet tal-vaganzi) hija kompatibbli mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għall-proprjetà, irrikonoxxuti bħala li jistħoqqilhom protezzjoni privileġġata fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?”

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

31

L-AGKS u l-Gvern Taljan esprimew id-dubji tagħhom dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fehma tagħhom, id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja saru ipotetiċi wara t-tħassir, permezz tal-Liġi Nru 118/2022, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jestendu l-konċessjonijiet b’mod awtomatiku.

32

F’dan ir-rigward, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari dawk tal-Liġi Nru 145/2018, effettivament tħassru bil-Liġi Nru 118/2022, xorta jibqa’ l-fatt li, meta l-Komun ta’ Ginosa adotta d-deċiżjoni kontenzjuża, l-imsemmija dispożizzjonijiet kienu fis-seħħ u li din id-deċiżjoni tal-aħħar ittieħdet fuq il-bażi tagħhom. Barra minn hekk, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li t-tħassir tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jestendu l-konċessjonijiet b’mod awtomatiku ċaħħad l-imsemmija deċiżjoni mill-effetti tagħha.

33

Minn dan isegwi li t-tħassir tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jestendu l-konċessjonijiet b’mod awtomatiku ma jistax jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi preliminari li l-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf, C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 43). Fil-fatt, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma hijiex relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Admiral Gaming Network et, C‑475/20 sa C‑482/20, EU:C:2022:714, punt 26).

34

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

35

Għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, is-sitt u s-seba’ domanda, kif ukoll l-ewwel parti tat-tmien domanda sa fejn dawn jirrigwardaw l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123 għall-kawża prinċipali, imbagħad, fit-tieni lok, l-ewwel domanda, li tqiegħed inkwistjoni l-validità ta’ din id-direttiva, u, fit-tielet lok, it-tieni sal-ħames domanda, it-tieni parti tat-tmien domanda, kif ukoll id-disa’ domanda, li permezz tagħhom il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva għandux effett dirett.

Fuq l‑interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/123

Kunsiderazzjonijiet preliminari

36

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, kull miżura nazzjonali adottata f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti jew kompleta fuq il-livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, iżda fid-dawl ta’ dawk ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni (sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage, C‑37/92, EU:C:1993:836, punt 9; tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C‑322/01, EU:C:2003:664, punt 64, kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et, C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punt 59).

37

Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 61 tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558), l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123 iwettqu armonizzazzjoni eżawrjenti tas-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitt u s-seba’ domanda preliminari, kif ukoll l-ewwel parti tat-tmien domanda ser jiġu eżaminati esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva.

Fuq is‑sitt domanda

39

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika biss għall-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima li tkun ta’ interess transkonfinali ċert.

40

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, diversi drabi, abbażi ta’ interpretazzjoni letterali, storika, kuntestwali u teleoloġika tad-Direttiva 2006/123, li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tagħha, dwar il-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri, li jinkludu l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, għandhom ikunu interpretati fis-sens li japplikaw, b’mod partikolari, għal sitwazzjoni li l-elementi rilevanti kollha tagħha huma ristretti għal Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punti 99 sa 110, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2020, Cali Apartments, C‑724/18 u C‑727/18, EU:C:2020:743, punt 56).

41

Minn dan isegwi li l-Artikolu 12(1) u (2) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax biss għall-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima li għandhom interess transkonfinali ċert.

Fuq is‑seba’ domanda

42

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għas-sitt domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għas-seba’ domanda, li hija bbażata fuq il-premessa li l-applikabbiltà tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 hija suġġetta għall-prova li l-konċessjoni ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima inkwistjoni għandha interess transkonfinali ċert.

Fuq l‑ewwel parti tat‑tmien domanda

43

Permezz tal-ewwel parti tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-iskarsezza tar-riżorsi naturali u tal-konċessjonijiet disponibbli tiġi evalwata abbażi ta’ implimentazzjoni konġunta ta’ approċċ astratt u ġenerali, fuq skala nazzjonali, u approċċ ta’ każ b’każ, ibbażat fuq analiżi tat-territorju kostali tal-komun ikkonċernat, jew jekk tali evalwazzjoni għandhiex issir esklużivament abbażi ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn l-approċċi.

44

Ċertament, mill-punt 43 tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konċessjonijiet inkwistjoni jingħataw mhux fuq livell nazzjonali, iżda fuq livell komunali, sabiex jiġi ddeterminat jekk iż-żoni pubbliċi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ operat ekonomiku humiex f’numru limitat.

45

Madankollu, din il-preċiżazzjoni kienet tikkostitwixxi sempliċi indikazzjoni mogħtija lill-qorti tar-rinviju u kienet spjegata mill-kuntest li fih kienet taqa’ l-kawża li tat lok għal din is-sentenza.

46

Fil-fatt, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123 jagħti lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-għażla tal-kriterji li jippermettu li tiġi evalwata l-iskarsezza tar-riżorsi naturali. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jista’ jwassalhom sabiex jippreferu evalwazzjoni astratta u ġenerali, valida għat-territorju nazzjonali kollu, iżda wkoll, għall-kuntrarju, sabiex jiffavorixxu approċċ ta’ każ b’każ li jenfasizza s-sitwazzjoni eżistenti fit-territorju kostali ta’ komun jew tal-awtorità amministrattiva kompetenti, jew saħansitra jgħaqqad flimkien dawn iż-żewġ approċċi.

47

B’mod partikolari, l-implimentazzjoni konġunta ta’ approċċ astratt u ġenerali, fuq livell nazzjonali, u approċċ ta’ każ b’każ, ibbażat fuq analiżi tat-territorju kostali tal-komun ikkonċernat, tidher li hija bbilanċjata u, għaldaqstant, ta’ natura li tiżgura fl-istess ħin l-osservanza tal-għanijiet ta’ sfruttament ekonomiku tal-kosta li jistgħu jiġu ddefiniti fil-livell nazzjonali, filwaqt li tiżgura r-rilevanza tal-implimentazzjoni konkreta ta’ dawn l-għanijiet fit-territorju kostali ta’ komun.

48

Fi kwalunkwe każ, huwa importanti li l-kriterji adottati minn Stat Membru sabiex jevalwa l-iskarsezza tar-riżorsi naturali li jistgħu jintużaw għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji, trasparenti u proporzjonati.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tmien domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-iskarsezza tar-riżorsi naturali u tal-konċessjonijiet disponibbli tiġi evalwata b’implimentazzjoni konġunta ta’ approċċ astratt u ġenerali, fuq skala nazzjonali, u approċċ ta’ każ b’każ, ibbażat fuq analiżi tat-territorju kostali tal-komun ikkonċernat.

Fuq l‑ewwel domanda dwar il‑validità tad‑Direttiva 2006/123

50

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2006/123 hijiex valida fid-dawl tal-Artikolu 94 KE, peress li din id-direttiva ta’ armonizzazzjoni ma ġietx adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b’deċiżjoni unanima.

51

Din id-domanda tissuġġerixxi li l-imsemmija direttiva hija invalida minħabba li kellha tiġi adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 94 KE, li kien jipprevedi vot unanimu fil-Kunsill, u mhux fuq il-bażi tal-ewwel u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 47(2) KE u tal-Artikolu 55 KE, li kienu jipprevedu vot b’maġġoranza kkwalifikata.

52

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-sistema tal-kompetenzi tal-Unjoni, l-għażla tal-bażi legali ta’ att ma tistax tiddependi biss fuq il-konvinzjoni ta’ istituzzjoni fir-rigward tal-għan li jrid jintlaħaq, iżda għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni jiżvela li jkun għandu għan doppju jew li jkun jinkludi żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk ikun identifikabbli bħala l-wieħed ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun biss inċidentali, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri fuq dik meħtieġa skont l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti. B’mod eċċezzjonali, jekk jiġi stabbilit li l-att, b’mod simultanju, isegwi diversi għanijiet li huma marbuta b’mod inseparabbli ma’ xulxin, mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, tali att ikollu jiġi bbażat fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti. Madankollu, il-kumulu ta’ żewġ bażijiet legali huwa eskluż meta l-proċeduri previsti għal kull bażi legali jkunu inkompatibbli ma’ xulxin (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 45/86, EU:C:1987:163, punt 11 u tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punti 54 sa 57).

53

F’dan il-każ, peress li l-Artikolu 94 KE kien jipprevedi vot unanimu fil-Kunsill, filwaqt li, fil-kuntest tal-ewwel u t-tielet sentenza tal-Artikolu 47(2) KE u tal-Artikolu 55 KE, il-Kunsill kellu jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata, il-kumulu ta’ dawn il-bażijiet legali kien impossibbli.

54

Fit-tielet lok, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2006/123 hija intiża sabiex “tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.” Dan l-għan li jikkonsisti fil-kontribuzzjoni sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-libertajiet ta’ stabbiliment u ta’ provvista ta’ servizzi huwa kkonfermat ripetutament mill-espożizzjoni tal-motivi ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fil-premessi 1, 5, 12, 64 jew ukoll 116 tagħha.

55

Għalhekk huwa ċar li, skont l-Artikolu 47(2) KE, sabiex jiġi ffaċilitat il-bidu u t-twettiq tal-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha, id-Direttiva 2006/123 hija intiża “għall-koordinazzjoni tad-disposizzjonijiet kif stabbiliti bil-liġi, bir-regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri għar-rigward ta’ kif wieħed jibda’ jew jeżerċita attivitajiet bħala persuna impjegata għal rasha”. L-istess konstatazzjoni tapplika fir-rigward tal-Artikolu 55 KE dwar is-servizzi, li jirreferi b’mod partikolari għal dan l-Artikolu 47(2) KE.

56

Barra minn hekk, matul il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ din id-direttiva, l-ebda Stat Membru ma talab, abbażi tat-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 47(2), vot unanimu tal-Kunsill, għar-raġuni li l-eżekuzzjoni tal-imsemmija direttiva kienet tkun involviet emenda tal-prinċipji leġiżlattivi eżistenti tas-sistema tal-professjonijiet f’dak li jirrigwarda t-taħriġ u l-kundizzjonijiet ta’ aċċess ta’ persuni fiżiċi.

57

Fit-tielet lok, il-Kunsill ġustament iddeċieda, skont l-aħħar sentenza tal-istess Artikolu 47(2), li barra minn hekk jirreferi għalih l-Artikolu 55 KE, b’maġġoranza kkwalifikata.

58

Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lil-leġiżlatur tal-Unjoni kompetenza speċifika sabiex jadotta miżuri intiżi sabiex itejbu l-funzjonament tas-suq intern (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 87). Issa, skont il-prinċipju li abbażi tiegħu r-regoli speċjali jidderogaw mir-regoli ġenerali, meta tkun teżisti, fit-Trattat KE, dispożizzjoni iktar speċifika li tista’ tikkostitwixxi l-bażi legali tal-att inkwistjoni, dan tal-aħħar għandu jkun ibbażat fuq din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 60). Huwa għalhekk ġustament li l-leġiżlatur tal-Unjoni ffavorixxa l-ewwel u t-tielet sentenza tal-Artikolu 47(2) KE, kif ukoll l-Artikolu 55 KE sal-Artikolu 94 KE.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-eżami tal-ewwel domanda ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Direttiva 2006/123 fid-dawl tal-Artikolu 94 KE.

Fuq l‑effett dirett tal‑Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123

Fuq it-tieni u r-raba’ domanda

60

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom l-effett li jestendu awtomatikament il-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima fis-seħħ, b’tali mod li l-ebda proċedura ta’ selezzjoni ma ġiet organizzata fil-kuntest ta’ din il-kawża. Għaldaqstant, huma rilevanti biss, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 li jirrigwardaw, minn naħa, l-obbligu, għall-Istati Membri, li japplikaw proċedura ta’ selezzjoni imparzjali u trasparenti bejn il-kandidati potenzjali kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni tat-tiġdid awtomatiku ta’ awtorizzazzjoni mogħtija għal attività partikolari. Għalhekk, it-tieni u r-raba’ domanda għandhom jitqiesu li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) u (2) ta’ din id-direttiva, bl-esklużjoni tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tieni u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) u (2) tal-imsemmija direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu, għall-Istati Membri, li japplikaw proċedura ta’ selezzjoni imparzjali u trasparenti bejn il-kandidati potenzjali, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ tiġdid awtomatiku ta’ awtorizzazzjoni mogħtija għal attività partikolari huma stabbiliti b’mod inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li għandhom effett dirett.

62

Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat Membru kkonċernat meta dan ikun naqas milli jittrasponi fit-termini previsti d-direttiva fid-dritt nazzjonali jew meta dan ikun ittrasponiha b’mod inkorrett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1982, 8/81, EU:C:1982:7, punt 25; tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 à C-403/01, EU:C:2004:584, punt 103; tas‑17 ta’ Settembru 1996, Cooperativa Agricola Zootecnica S. Antonio et, C‑246/94 sa C‑249/94, EU:C:1996:329, punti 1819, kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effet direct), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 17).

63

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija, minn naħa, inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-eżekuzzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ att kemm tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kemm tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li tkun biżżejjed preċiża sabiex tiġi invokata minn parti fil-kawża u tiġi applikata mill-qorti meta tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivoċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ April 1968, Molkerei-Zentrale Westfalen/Lippe, 28/67, EU:C:1968:17, p. 226; tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, EU:C:1986:84, punt 52, u tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effet direct), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 18).

64

Minbarra dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, anki jekk direttiva tħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jadottaw il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha, dispożizzjoni ta’ din id-direttiva tista’ titqies bħala li għandha natura inkundizzjonata u preċiża meta timponi fuq l-Istati Membri, f’termini inekwivoċi, obbligu ta’ riżultat preċiż u li ma jinkludi ebda kundizzjoni rigward l-applikazzjoni tar-regola li din tistabbilixxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effet direct), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 19).

65

Fil-fatt, anki meta direttiva tagħti lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta huma jadottaw il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tagħha, dan il-fatt ma jaffettwax in-natura preċiża u inkundizzjonata tad-dispożizzjonijiet tagħha, meta dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jeskludix li jiġu ddeterminati drittijiet minimi u meta huwa għalhekk possibbli li tiġi ddeterminata l-protezzjoni minima li għandha fi kwalunkwe każ tiġi stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 17; tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Simap, C‑303/98, EU:C:2000:528, punt 68, kif ukoll tal‑14 ta’ Jannar 2021, RTS infra u Aannemingsbedrijf Norré-Behaegel, C‑387/19, EU:C:2021:13, punt 49).

66

F’dan il-każ, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123 li, fejn in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività partikolari huwa limitat minħabba l-iskarsezza ta’ riżorsi naturali disponibbli, l-Istati Membri għandhom japplikaw proċedura ta’ selezzjoni għal kandidati potenzjali li tipprevedi garanziji ta’ imparzjalità u trasparenza, b’mod partikolari, ir-reklamar adegwat dwar it-tnedija, l-iżvolġiment u t-tlestija tal-proċedura.

67

Ċertament, l-Istati Membri jżommu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni jekk jiddeċiedu li jadottaw dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiggarantixxu b’mod konkret l-imparzjalità u t-trasparenza ta’ proċedura ta’ selezzjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li bl-impożizzjoni ta’ proċedura ta’ selezzjoni imparzjali u trasparenti, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123 jippreskrivi, b’mod inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż, kontenut ta’ protezzjoni minima favur il-kandidati potenzjali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 74, kif ukoll tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 105).

68

Fir-rigward tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, dan jipprevedi b’mod partikolari li awtorizzazzjoni, bħal konċessjoni ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima, tingħata għal żmien limitat xieraq u li ma għandhiex tkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ tiġdid awtomatiku.

69

Din id-dispożizzjoni għandha effett dirett, sa fejn tipprojbixxi lill-Istati Membri, f’termini inekwivoċi, lill-Istati Membri, mingħajr ma dawn ikollhom l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni jew ikunu jistgħu jissuġġettaw din il-projbizzjoni għal kwalunkwe kundizzjoni u mingħajr ma jkun neċessarju intervent ta’ att tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, milli jipprevedu estensjonijiet awtomatiċi u ġġeneralizzati ta’ tali konċessjonijiet. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tiġdid awtomatiku tagħhom huwa eskluż mill-kliem stess tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2006/123 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et, C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punt 50).

70

L-Artikolu 12(1) u (2) ta’ din id-direttiva għalhekk jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li japplikaw proċedura ta’ selezzjoni imparzjali u trasparenti bejn il-kandidati potenzjali u jipprojbixxilhom milli jġeddu awtomatikament awtorizzazzjoni mogħtija għal attività partikolari, f’termini inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi.

71

Il-fatt li dan l-obbligu u li din il-projbizzjoni japplikaw biss fil-każijiet fejn in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività partikolari huwa limitat minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi naturali li jistgħu jintużaw, li għandhom jiġu ddeterminati b’riferiment għal sitwazzjoni ta’ fatt evalwata mill-amministrazzjoni kompetenti taħt l-istħarriġ ta’ qorti nazzjonali, ma jistax jikkontesta l-effett dirett marbut ma’ dan l-Artikolu 12(1) u (2).

72

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-effett dirett li minnu jibbenefikaw id-dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jikkostitwixxi garanzija minima, li tirriżulta min-natura vinkolanti tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri permezz tad-direttivi, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, li ma jistax iservi ta’ ġustifikazzjoni għal Stat Membru sabiex ma jiħux, fi żmien xieraq, miżuri ta’ implimentazzjoni adegwati għall-għan ta’ kull direttiva (sentenza tas‑6 ta’ Mejju 1980, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 102/79, EU:C:1980:120, punt 12). Minn dan isegwi li, minkejja r-rikonoxximent ta’ effett dirett tal-imsemmi obbligu u l-projbizzjoni, previsti fl-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123, l-awtoritajiet Taljani jibqgħu marbuta li jiżguraw it-traspożizzjoni tiegħu fl-ordinament ġuridiku tagħhom.

73

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li sentenza preliminari, bħal dik tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C-458/14 u C-67/15, EU:C:2016:558), tiċċara u tippreċiża, meta jkun neċessarju, it-tifsira u l-portata tar-regola stabbilita f’din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2006/123, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri, konformement mal-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva, sa mhux iktar tard mit‑28 ta’ Diċembru 2009. Minn dan isegwi li l-imsemmija regola interpretata b’dan il-mod għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal relazzjonijiet ġuridiċi mnissla u kkostitwiti qabel din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, EU:C:1980:100, punt 16, u tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 77).

74

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu, għall-Istati Membri, li japplikaw proċedura ta’ selezzjoni imparzjali u trasparenti bejn il-kandidati potenzjali, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ tiġdid awtomatiku ta’ awtorizzazzjoni mogħtija għal attività partikolari huma stabbiliti b’mod inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li għandhom effett dirett.

Fuq it‑tielet domanda

75

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni u għar-raba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq il‑ħames domanda u fuq it‑tieni parti tat‑tmien domanda

76

Permezz tal-ħames domanda tagħha u permezz tat-tieni parti tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni tal-effett dirett marbut mal-obbligu u mal-projbizzjoni previsti fl-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 u l-obbligu li ma jiġux applikati dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali jew ukoll tal-awtoritajiet amministrattivi, inklużi dawk komunali.

77

Fir-rigward ta’ dan il-punt, huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istess bħall-qorti nazzjonali, amministrazzjoni, inkluża dik komunali, għandha l-obbligu li tapplika d-dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva kif ukoll li teskludi l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ma humiex konformi magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, EU:C:1989:256, punti 29 sa 33, kif ukoll tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell, C‑413/15, EU:C:2017:745, punt 33).

78

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-indikazzjoni li tinsab fil-punt 43 tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et, (C‑458/14 et C-67/15, EU:C:2016:558), li abbażi tagħha kien il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk il-kundizzjoni dwar l-iskarsezza tar-riżorsi naturali, prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123, kinitx issodisfatta, ma tfissirx li huma unikament il-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw li din il-kundizzjoni tkun issodisfatta. Fil-fatt, peress li n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività partikolari huwa limitat minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi naturali li jistgħu jintużaw, kull amministrazzjoni hija obbligata torganizza, skont din id-dispożizzjoni, proċedura ta’ selezzjoni bejn il-kandidati potenzjali u tiżgura ruħha li l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-imsemmija dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, jekk ikun il-każ billi ma jiġux applikati r-regoli tad-dritt nazzjonali mhux konformi.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda u għat-tieni parti tat-tmien domanda għandha tkun li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni tal-effett dirett marbut mal-obbligu u mal-projbizzjoni previsti fl-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123, kif ukoll l-obbligu li ma jiġux applikati dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali u tal-awtoritajiet amministrattivi, inklużi dawk komunali.

Fuq id‑disa’ domanda

80

Permezz tad-disa’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-effett dirett li minnu tibbenefika din id-dispożizzjoni jimponi li titħalla mhux applikata leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fl-iskadenza ta’ konċessjoni, ix-xogħlijiet kollha li ma jistgħux jitneħħew mibnija minn konċessjonarju fuq l-art li ġiet konċessa lilu, jibqgħux akkwistati mingħand il-konċedent, mingħajr ebda kumpens jew rimbors u jekk in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni hijiex kompatibbli mal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni.

81

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (sentenzi tat‑3 ta’ Frar 1983, Robards, 149/82, EU:C:1983:26, punt 19; tas‑16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C‑83/91, EU:C:1992:332, punt 25, u tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 60).

82

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 61, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 55).

83

F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tikkonċerna l-estensjoni tal-konċessjonijiet u mhux il-kwistjoni tad-dritt, għal konċessjonarju, li jikseb, mal-iskadenza tal-konċessjoni, kwalunkwe kumpens għax-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew li huwa bena fuq l-art li ngħatatlu. Għalhekk, peress li l-qorti tar-rinviju ma esponietx l-elementi fattwali u legali li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa impossibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi b’mod utli għad-disa’ domanda.

84

Għaldaqstant hemm lok li din id-domanda tiġi ddikjarata inammissibbli.

Fuq l‑ispejjeż

85

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma japplikax biss għall-konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetà pubblika marittima li għandhom interess transkonfinali ċert.

 

2)

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li l-iskarsezza tar-riżorsi naturali u tal-konċessjonijiet disponibbli tiġi evalwata b’implimentazzjoni konġunta ta’ approċċ astratt u ġenerali, fuq skala nazzjonali, u approċċ ta’ każ b’każ, ibbażat fuq analiżi tat-territorju kostali tal-komun ikkonċernat.

 

3)

L-eżami tal-ewwel domanda ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Direttiva 2006/123 fid-dawl tal-Artikolu 94 KE.

 

4)

L-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-obbligu, għall-Istati Membri, li japplikaw proċedura ta’ selezzjoni imparzjali u trasparenti bejn il-kandidati potenzjali, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ tiġdid awtomatiku ta’ awtorizzazzjoni mogħtija għal attività partikolari huma stabbiliti b’mod inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li għandhom effett dirett.

 

5)

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-evalwazzjoni tal-effett dirett marbut mal-obbligu u mal-projbizzjoni previsti fl-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123, kif ukoll l-obbligu li ma jiġux applikati dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali u tal-awtoritajiet amministrattivi, inklużi dawk komunali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top