Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0263

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-20 ta’ April 2023.
    Ocidental – Companhia Portuguesa de Seguros de Vida SA vs LP.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – L-Artikoli 3 sa 6 – Kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali – Rekwiżit ta’ trasparenza – Kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ grupp – Invalidità permanenti tal-konsumatur – Obbligu ta’ informazzjoni – Nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ klawżola ta’ limitazzjoni jew ta’ esklużjoni mill-kopertura tar-riskju assigurat.
    Kawża C-263/22.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:311

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    20 ta’ April 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – L-Artikoli 3 sa 6 – Kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali – Rekwiżit ta’ trasparenza – Kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ grupp – Invalidità permanenti tal-konsumatur – Obbligu ta’ informazzjoni – Nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ klawżola ta’ limitazzjoni jew ta’ esklużjoni mill-kopertura tar-riskju assigurat”

    Fil-Kawża C‑263/22,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (Il-Qorti Suprema, Il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ April 2022, fil-proċedura

    Ocidental – Companhia Portuguesa de Seguros de Vida SA

    vs

    LP

    fil-preżenza ta’:

    Banco Comercial Português SA,

    Banco de Investimento Imobiliário SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn L. S. Rossi, Presidenta tal-Awla, S. Rodin u O. Spineanu‑Matei (Relatriċi), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal LP, minn E. Abreu, avukata,

    għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, L. Medeiros, A. Pimenta u A. Rodrigues, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Melo Sampaio, I. Rubene u N. Ruiz García, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (3), tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288 u rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ocidental - Companhia Portuguesa de Seguros de Vida SA (iktar ’il quddiem “Ocidental”), kumpannija ta’ assigurazzjoni li għandha s-sede tagħha fil-Portugall, u LP, konsumatur, dwar ir-rifjut ta’ din tal-ewwel li tħallas l-iskadenzi ta’ kuntratt ta’ self wara invalidità permanenti tat-tieni waħda, bħala assigurata, minħabba n-nullità jew l-inapplikabbiltà allegati tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li jorbot lil Occidental ma’ LP.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    Skont is-sittax u l-għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13:

    “ […] waqt li tkun qed issir stima ta’ buona fede, għandha titqies b’mod partikolari s-saħħa tal-posizzjonijiet tal-ftehim tal-partijiet, kemm jekk il-konsumatur kellu xi jħajru biex jaqbel mal-klawżola kif ukoll jekk il-merkanzija jew is-servizzi nbiegħu jew ġew ipprovduti bl-ordni speċjali tal-konsumatur; billi l-ħtieġa ta’ buona fede tista’ tkun sodisfatta mill-bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha;

    […]

    […] l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara, li tiftiehem, il-konsumatur għandu fil-fatt jingħata opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha u, jekk ikollu xi dubju, l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli lejn il-kunsumatur għandha tirbaħ”.

    4

    L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

    […]

    3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

    5

    L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

    2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas mal-adegwatezza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, meta mqabbla mas-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

    6

    L-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva jistabbilixxi:

    “Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. Din ir-regola dwar l-interpretazzjoni m’għandhiex tgħodd fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7(2).”

    7

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    8

    L-Anness ta’ din id-direttiva, intitolat “Klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3)”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li:

    […]

    i)

    jorbtu lill-konsumatur b’mod irrevokabbli b’klawżoli li ma kellu l-ebda opportunità vera li jsir jafhom qabel il-konklużjoni tal-kuntratt;

    […]

    […]”

    Id‑dritt Portugiż

    Id‑Digriet‑Liġi Nru 176/95

    9

    Intitolat “Assigurazzjoni ta’ grupp”, l-Artikolu 4 tad-Decreto-Lei No 176/95 (Estabelece regras de transparência para a actividade seguradora e disposições relativas ao regime jurídico do contrato de seguro) (Digriet-Liġi Nru 176/95 li jistabbilixxi regoli ta’ trasparenza fl-attività ta’ assigurazzjoni u dispożizzjonijiet dwar il-kuntratt ta’ assigurazzjoni), tas‑26 ta’ Lulju 1995 (Diário da República I, serje I-A, No171, tas‑26 ta’ Lulju 1995, p. 4740) jipprovdi:

    “1.   Fl-assigurazzjonijiet ta’ grupp, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni huwa obbligat li jinforma lill-persuni assigurati bil-koperturi u bl-esklużjonijiet sottoskritti, bl-obbligi u bid-drittijiet fil-każ ta’ inċident u bil-bidliet ulterjuri li jseħħu f’dan il-qasam, skont mudell stabbilit mill-parti li tassigura.

    2.   L-oneru tal-prova li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti ġiet ipprovduta jaqa’ fuq id-detentur tal-polza.

    3.   Fl-assigurazzjonijiet ta’ grupp kontributorji, jekk id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jonqos mill-obbligu msemmi fil-paragrafu 1, huwa għandu jħallas, bi spejjeż tiegħu, il-parti tal-primjum li tikkorrispondi għall-parti li tassigura, mingħajr telf tal-garanziji minn dan tal-aħħar, sakemm tiġi pprovduta l-prova tal-osservanza tal-obbligu.

    4.   Il-kuntratt jista’ jipprovdi li l-parti li tassigura għandha tassumi l-obbligu li tinforma lid-detentur tal-polza msemmi fil-paragrafu 1.

    5.   Fl-assigurazzjoni ta’ grupp, il-parti li tassigura għandha tipprovdi lid-detenturi ta’ polza, fuq talba tagħhom, l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-fehim tajjeb tal-kuntratt.”

    Id‑Digriet‑Liġi Nru 446/85

    10

    Intitolat “Komunikazzjoni”, l-Artikolu 5 tad-Decreto-Lei n.o 446/85 (Institui o regime jurídico das cláusulas contratuais gerais) (id-Digriet-Liġi Nru 446/85 li jistabbilixxi s-sistema legali tal-klawżoli kuntrattwali ġenerali), tal‑25 ta’ Ottubru 1985 (Diário da República I, Serje I-A, Nru 246, tal‑25 ta’ Ottubru 1985, p. 3533) jipprevedi:

    “1.   Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt għandhom jiġu kkomunikati fl-intier tagħhom lill-membri li sempliċement jissottoskrivu għalihom jew jaċċettawhom.

    2.   Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt għandhom jiġu kkomunikati b’mod xieraq u suffiċjentement minn qabel sabiex, fid-dawl tal-importanza tal-kuntratt kif ukoll tal-portata u l-kumplessità tal-klawżoli, kull persuna normalment diliġenti tkun tista’ tieħu konjizzjoni tagħhom b’mod sħiħ u effettiv.

    3.   L-oneru tal-prova tal-komunikazzjoni adegwata u effettiva jaqa’ fuq il-parti kontraenti li tissottometti lill-parti l-oħra l-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt.”

    11

    Skont l-Artikolu 8 ta’ dan id-digriet-liġi:

    “Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala esklużi minn kuntratti individwali:

    a)

    klawżoli li ma ġewx ikkomunikati skont l-Artikolu 5;

    […]”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    12

    LP u l-konjuġi tagħha kkonkludew kuntratt ta’ self ma’ Banco de Investimento Imobiliário SA. (iktar ’il quddiem il-“bank”). F’dan il-kuntest, huma aderixxew ma’ kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ grupp (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ assigurazzjoni”), miftiehem bejn dan il-bank, bħala detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni, u Ocidental, kumpannija tal-assigurazzjoni, li permezz tiegħu din tal-aħħar tkun obbligata tħallas l-iskadenzi ta’ dan il-kuntratt ta’ self f’każ ta’ inkapaċità permanenti ta’ LP.

    13

    Matul l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt ta’ self, LP sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità permanenti. Ocidental madankollu rrifjuta li jeżegwixxi dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni minħabba li dan tal-aħħar kien null minħabba dikjarazzjonijiet ineżatti u/jew inkompleti dwar l-istat ta’ saħħa ta’ LP fil-mument tal-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt ta’ assigurazzjoni. Ocidental invoka wkoll l-applikabbiltà tal-klawżoli ta’ dan tal-aħħar li jipprevedu l-esklużjoni mill-kopertura tar-riskju ta’ inkapaċità permanenti tal-persuna assigurata li tirriżulta minn mard preċedenti għall-konklużjoni tal-istess kuntratt ta’ assigurazzjoni.

    14

    LP ressqet talba intiża, essenzjalment, sabiex Ocidental jiġi kkundannat iħallas lill-bank l-ammont tas-self li kien għadu dovut wara d-data li fiha ġiet ikkonstatata l-inkapaċità permanenti tagħha kif ukoll sabiex iħallsilha l-iskadenzi tas-self li hija u l-konjuġi tagħha kellhom iħallsu huma stess lill-bank minn dik id-data. Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, insostenn tat-talba tiegħu, LP sostna li l-informazzjoni medika li tidher fl-offerta ta’ adeżjoni għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni kienet ġiet mimlija mill-impjegat tal-bank li kien ippreżentalu dan il-kuntratt għall-iffirmar, li hija ma mliet l-ebda kwestjonarju dwar l-istat ta’ saħħa tagħha u li hija ffirmat din l-offerta ta’ adeżjoni. Ebda klawżola li tikkonċerna esklużjoni mill-kopertura tar-riskju assigurat ma ġiet moqrija u lanqas spjegata lilha. Għalhekk, il-klawżoli ta’ esklużjoni għandhom jitqiesu ineżistenti u mingħajr effetti legali.

    15

    Il-Bank kien mogħti permess sabiex jintervjeni in sostenn tat-talbiet ta’ LP.

    16

    Il-Qorti tal-ewwel istanza qieset li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni kien null minħabba dikjarazzjonijiet ineżatti jew inkompleti ta’ LP u ċaħdet it-talba ta’ din tal-aħħar.

    17

    Ir-rikors ta’ LP kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda ntlaqa’ parzjalment mit-Tribunal da Relação do Porto (il-Qorti tal-Appell ta’ Porto, il-Portugall), li, billi applikat id-Digriet-Liġi Nru 446/85, iżda mingħajr ma eżaminat il-kwistjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni speċifika dwar l-assigurazzjonijiet ta’ grupp, stabbilita bid-digriet-Liġi Nru 176/95, qieset, essenzjalment, li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni kien validu, iżda li l-klawżoli ta’ esklużjoni mill-kopertura tar-riskju assigurat kellhom jitqiesu ineżistenti peress li ma kinux is-suġġett ta’ komunikazzjoni lil LP.

    18

    Ocidental appellat minn din id-deċiżjoni quddiem is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall), il-qorti tar-rinviju.

    19

    Din il-qorti tqis li l-kwistjoni ċentrali fil-kawża prinċipali hija dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kumpannija ta’ assigurazzjoni għandhiex tikkomunika lill-parti aderenti għal kuntratt ta’ assigurazzjoni l-klawżoli ta’ dan il-kuntratt, inklużi l-klawżoli dwar l-invalidità tiegħu kif ukoll dawk li jirrigwardaw l-esklużjoni jew il-limitazzjoni tal-kopertura tar-riskju assigurat. Barra minn hekk, għandu jkun magħruf ukoll, fil-każ li tali obbligu ta’ komunikazzjoni jaqa’ fuq id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, jekk nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu minn dan tal-aħħar, f’dan il-każ il-bank, jistax jiġi invokat kontra l-kumpannija ta’ assigurazzjoni.

    20

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-ġurisprudenza Portugiża ma hijiex unanima. Skont wieħed mill-approċċi, is-sistema leġiżlattiva dwar l-assigurazzjonijiet ta’ grupp, stabbilita bid-Digriet Liġi Nru 176/95, tikkostitwixxi sistema speċjali li teskludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-klawżoli li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali, prevista mid-Digriet-Liġi Nru 446/85. Minn dan jirriżulta li l-persuna li tassigura ma hijiex marbuta mill-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-klawżoli ġenerali ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ grupp — li jaqgħu, skont l-Artikolu 4 tad-Digriet Liġi Nru 176/95, fuq id-detentur ta’ polza — u li, għalhekk, l-assigurat ma jistax jinvoka kontra l-parti li tassigura nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi.

    21

    Skont approċċ ġurisprudenzjali ieħor, din is-sistema speċjali ma tidhirx li teskludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ġenerali prevista mid-Digriet Liġi Nru 446/85. Dan jimponi obbligu ta’ komunikazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ dan il-kuntratt lill-membri u l-esklużjoni tagħhom fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat jew li l-persuna li tassigura hija marbuta mill-imsemmija obbligi ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni, jew li n-nuqqas ta’ osservanza tal-istess obbligi mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jista’ jiġi invokat kontra l-persuna li tassigura.

    22

    Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà tal-ewwel approċċ, espost fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, mal-effett utli li għandu jingħata mill-qorti nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur offrut mid-Direttiva 93/13, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-obbligu tagħha li tevalwa t-trasparenza u n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali.

    23

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “1)

    L-Artikolu 5 tad-Direttiva [93/13] billi jirrikjedi li ‘l-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu […] abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar’, għandu jiġi interpretat, konformement mal-premessa 20 tad-Direttiva, fis-sens li jirrikjedi li l-konsumatur dejjem għandu l-opportunità li jkollu għarfien tal-klawżoli kollha?

    2)

    L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [93/13], billi jirrikjedi, bħala rekwiżit għall-esklużjoni tal-verifika tal-klawżoli dwar l-għan prinċipali tal-kuntratt, li ‘dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar’, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi li l-konsumatur dejjem għandu l-opportunità li jkollu għarfien ta’ tali klawżoli?

    3)

    Fil-qafas ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-istħarriġ ġudizzjarji tan-natura inġusta tal-klawżoli li ma kinux suġġetti għal negozjati individwali dwar id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt: i) l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [93/13], interpretat konformement [ma’ punt 1(i) tal-lista] indikattiva msemmija fl-Artikolu 3(3) stess, jipprekludi li, f’kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ grupp kontributtiv, il-parti li tassigura tista’ timponi fuq il-persuna assigurata klawżola ta’ esklużjoni jew ta’ limitazzjoni tar-riskju assigurat li ma kinitx ġiet ikkomunikata lilha u li, konsegwentement, il-persuna assigurata ma kellhiex l-opportunità li jkollha għarfien dwarha; ii) inkluż jekk, fl-istess waqt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi r-responsabbiltà tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni bil-ksur tad-dmir ta’ komunikazzjoni/informazzjoni tal-klawżoli bid-danni kkawżati lill-persuna assigurata, liema responsabbiltà, madankollu, bħala regola, ma tippermettix li tqiegħed lill-persuna assigurata fis-sitwazzjoni li tkun tinsab fiha li kieku l-kopertura tal-assigurazzjoni kienet ħadmet?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

    24

    Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-għoxrin premessa ta’ din id-direttiva, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li konsumatur għandu dejjem ikollu l-possibbiltà li jsir jaf, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, bil-klawżoli li jirrigwardaw is-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt, saħansitra l-klawżoli kollha tal-imsemmi kuntratt.

    25

    Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, il-klawżoli tal-kuntratti konklużi ma’ konsumatur f’forma miktuba għandhom dejjem ikunu redatti b’mod ċar u li jinftiehem. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li tali rekwiżit għandu l-istess portata bħal dak imsemmi fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, li jissuġġetta l-eċċezzjoni, prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni, għall-mekkaniżmu ta’ stħarriġ, mill-qorti nazzjonali, tan-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tal-kuntratt, bil-kundizzjoni li l-imsemmija klawżoli jkunu redatti b’mod ċar u li jinftiehem (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 69, kif ukoll tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 46).

    26

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, kif jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jinftiehem b’mod estensiv u li dan ma jistax jiġi ridott biss għan-natura komprensibbli fuq il-livelli formali u grammatikali ta’ dawn il-klawżoli. Dan ir-rekwiżit jimponi li konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-funzjonament konkret ta’ tali klawżola u li b’hekk jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ din il-klawżola fuq l-obbligi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑609/19, EU:C:2021:469, punti 4243, kif ukoll tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punti 6364 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Fir-rigward tal-mument li fih dawn l-elementi għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-konsumatur, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għoti, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, tal-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni huwa, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali, peress li huwa, b’mod partikolari, abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx ikun marbut bil-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata tat‑12 ta’ Jannar 2023, D.V. (Onorarji tal-avukat - Prinċipju ta’ tariffa fis-siegħa), C‑395/21, EU:C:2023:14, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Għalhekk, f’każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, konsumatur ikun aderixxa ma’ kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ grupp waqt il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li għandu importanza essenzjali għall-konsumatur għall-finijiet tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, l-informazzjoni mogħtija qabel il-konklużjoni tal-kuntratt dwar il-kundizzjonijiet tal-impenn, kif ukoll, b’mod partikolari, l-espożizzjoni tal-karatteristiċi tal-mekkaniżmu ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-iskadenzi dovuti lill-persuna li ssellef fil-każ ta’ inkapaċità totali ta’ min jissellef, b’tali mod li dan il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn dan il-kuntratt. Fil-fatt, din l-informazzjoni u din l-espożizzjoni huma neċessarji sabiex il-portata tal-klawżola kkonċernata tinftiehem mill-konsumatur, li fir-rigward tagħha ma jistax ikun meħtieġ, waqt il-konklużjoni ta’ kuntratti marbuta, l-istess viġilanza fir-rigward tal-portata tar-riskji koperti minn dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni biss jekk huwa jkun ikkonkluda separatament dan tal-aħħar u dan il-kuntratt ta’ self (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Van Hove,C‑96/14, EU:C:2015:262, punti 4148).

    29

    Issa, peress li r-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali hekk interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja jwassal għall-obbligu li l-konsumatur jingħata, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex il-konsumatur ikun jista’ jifhem il-konsegwenzi ekonomiċi ta’ dawn il-klawżoli u jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti li jintrabat kuntrattwalment, dan ir-rekwiżit jippreżupponi neċessarjament li l-konsumatur ikun jista’ jsir jaf bil-klawżoli kollha ta’ kuntratt qabel il-konklużjoni tiegħu.

    30

    Il-fatt jekk dawn il-klawżoli jirrigwardawx jew le s-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, sabiex il-konsumatur, konformement mal-għan imfittex mill-imsemmi rekwiżit ta’ trasparenza, ikun jista’ jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk jixtieqx ikun marbut bil-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, huwa għandu neċessarjament, qabel ma jieħu tali deċiżjoni, ikun seta’ jieħu konjizzjoni tat-totalità tal-imsemmi kuntratt, peress li huma l-klawżoli kollha ta’ dan tal-aħħar li jiddeterminaw b’mod partikolari d-drittijiet u l-obbligi imposti fuq il-konsumatur taħt l-istess kuntratt. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li l-istess rekwiżit ta’ trasparenza japplika wkoll meta klawżola tirrigwarda s-suġġett prinċipali tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punti 4647 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    Tali rekwiżit ta’ għarfien minn qabel tal-klawżoli kollha ta’ kuntratt huwa barra minn hekk enfasizzat b’mod ċar mill-għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13, li tipprovdi li mhux biss il-kuntratti għandhom jiġu fformulati f’termini ċari u li jinftiehmu, iżda l-konsumatur għandu effettivament ikollu l-opportunità li jsir jaf bil-klawżoli kollha. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea enfasizza l-interess ta’ għarfien minn qabel tal-klawżoli kollha ta’ kuntratt sabiex il-konsumatur ikun jista’ jiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk jixtieqx ikun marbut b’dawn il-klawżoli.

    32

    Barra minn hekk, sa fejn il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-leġiżlazzjoni Portugiża dwar l-assigurazzjonijiet ta’ grupp tikkostitwixxi, skont ċerta interpretazzjoni ġurisprudenzjali, lex specialis li teskludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-klawżoli li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali previst mid-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi eskluż minħabba li teżisti sistema legali speċjali applikabbli għal ċertu tip ta’ kuntratti. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa b’riferiment għall-kwalità tal-partijiet kontraenti li d-Direttiva 93/13 tiddefinixxi l-kuntratti li għalihom tapplika din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal‑10 ta’ Ġunju 2021, X Bank, C‑198/20, mhux ippubblikat, EU:C:2021:481, punt 24).

    33

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften,C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-għoxrin premessa ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li konsumatur għandu dejjem ikollu l-possibbiltà li jsir jaf, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, bil-klawżoli kollha li dan tal-aħħar ikun fih.

    Fuq it‑tielet domanda

    35

    Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li tressqet quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha u, f’dan il-kuntest, li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kamenova, C‑105/17, EU:C:2018:808, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(i) tal-Anness tagħha, u dwar il-konsegwenzi ta’ din l-interpretazzjoni fuq l-oppożizzjoni, minn kumpannija ta’ assigurazzjoni fir-rigward ta’ konsumatur, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ grupp, ta’ klawżola ta’ esklużjoni jew ta’ limitazzjoni tal-kopertura tar-riskju assigurat li dan il-konsumatur ma kellux l-okkażjoni li jsir jaf biha qabel il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt. Minkejja li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, f’dan il-każ, il-konsumatur ma setax isir jaf bil-klawżoli kkonċernati qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-qorti ma tirrilevax li dan il-kuntratt jinkludi klawżola li, kif jistabbilixxi l-punt 1(i) ta’ dan l-anness, għandha l-għan jew l-effett li “[torbot] lill-konsumatur b’mod irrevokabbli b’klawżoli li ma kellu l-ebda opportunità vera li jsir jafhom qabel il-konklużjoni tal-kuntratt”. Minn dan isegwi li ma huwiex neċessarju li din il-kwistjoni tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, u lanqas tal-imsemmi anness.

    37

    Fit-tieni lok, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, permezz tal-imsemmija domanda, l-imsemmija qorti tixtieq tkun taf, minn naħa, liema huma l-konsegwenzi ta’ assenza ta’ għarfien, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, ta’ klawżoli dwar is-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt, bħal klawżoli dwar l-esklużjoni jew il-limitazzjoni tal-kopertura tar-riskju assigurat, dwar l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għalkemm tali klawżoli, meta ma kinux is-suġġett ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-konsumatur, jistgħu jiġu invokati fil-konfront tiegħu meta huwa ma setax isir jaf bihom, u jekk il-fatt li d-detentur tal-polza jidher li jista’ jinżamm responsabbli għal dan in-nuqqas ta’ għarfien jikkostitwixxi fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

    38

    Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) u l-Artikoli 4 sa 6 tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li klawżola ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni dwar l-esklużjoni jew il-limitazzjoni tal-kopertura tar-riskju assigurat, li l-konsumatur ma setax ikun jaf biha qabel il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, tista’ tiġi invokata kontra dan il-konsumatur, u dan anki meta l-persuna assigurata tista’ tinżamm responsabbli għal tali assenza ta’ għarfien u minkejja li tali responsabbiltà ma tqegħidx lill-imsemmi konsumatur fl-istess sitwazzjoni bħal dik li kien ikun fiha li kieku bbenefika minn din il-kopertura.

    39

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżami tan-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika waqt l-eżami ta’ din il-klawżola fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont iċ-ċirkustanzi proprji tal-każ inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha li tagħti indikazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju li din tal-aħħar hija mistennija tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska, C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, fir-rigward tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, in-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali tikkostitwixxi waħda mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola li għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, D.V. (Onorarji ta’ avukat - Prinċipju ta’ tariffa fis-siegħa), C‑395/21, EU:C:2023:14, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    Issa, għalkemm in-natura mhux trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali, dovuta għal nuqqas ta’ ċarezza jew ta’ komprensibbiltà tagħha tista’ tikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola, nuqqas ta’ trasparenza, dovut għall-impossibbiltà għall-konsumatur li jieħu konjizzjoni tal-imsemmija klawżola qabel il-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni, jista’ iktar u iktar jikkostitwixxi tali element.

    42

    Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li għandha ssir mill-qorti nazzjonali skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, hija din il-qorti li għandha tevalwa, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ osservanza possibbli tar-rekwiżit ta’ bona fide u, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ eventwali żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-konsumatur, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Konformement mal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, l-imsemmija qorti għandha twettaq din l-evalwazzjoni billi tirreferi, b’mod partikolari, għall-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tiegħu.

    43

    F’dak li jirrigwarda, minn naħa, ir-rekwiżit ta’ bona fide, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mis-sittax‑il premessa tad-Direttiva 93/13, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-bona fide, il-qorti nazzjonali għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni s-saħħa tal-pożizzjonijiet rispettivi tan-negozjati tal-partijiet u tal-kwistjoni dwar jekk il-konsumatur ġiex inkoraġġut bi kwalunkwe mezz sabiex jagħti l-kunsens tiegħu għall-klawżola kkonċernata.

    44

    F’dan il-każ, bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, LP sostniet f’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li kien “meħtieġ” li hija stess u l-konjuġi tagħha jissottoskrivu għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni sabiex jiksbu s-self bankarju inkwistjoni għax-xiri ta’ oġġett. F’din l-okkażjoni, huma jidher li ffirmaw biss l-offerta ta’ adeżjoni għal dan il-kuntratt li ġiet ippreżentata lilhom mill-bank, mingħajr qatt ma ġew informati bil-kontenut kollu tagħha. Din l-offerta ta’ adeżjoni ġiet mimlija mill-impjegat tal-bank li ppreżentalhom l-imsemmi kuntratt li kellu jiġi ffirmat. LP tidher li iffirmat l-imsemmija offerta mingħajr ma ġiet moqrija l-ebda klawżola ta’ esklużjoni mill-kopertura tar-riskju assigurat sottoskritta.

    45

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, klawżola kuntrattwali toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt, li jirriżultaw minn dan tal-aħħar, il-qorti nazzjonali għandha, skont ġurisprudenza stabbilita, tivverifika jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur, billi jittratta lill-konsumatur b’mod leali u ġust, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta din il-klawżola wara negozjati individwali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska, C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 93 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    Għaldaqstant, sabiex jiġi evalwat jekk il-klawżoli ta’ kuntratt, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, joħolqux għad-detriment tal-konsumatur tali żbilanċ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li l-bejjiegħ jew ir-rappreżentant tiegħu seta’ jkun jaf bihom fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt u li kienu ta’ natura li jeżerċitaw influwenza fuq l-eżekuzzjoni ulterjuri tal-imsemmi kuntratt. Il-qorti nazzjonali għandha għalhekk tiddetermina jekk il-konsumatur irċeviex l-informazzjoni kollha li jista’ jkollha effett fuq il-portata tal-obbligi tiegħu taħt l-istess kuntratt u li tippermettilu jevalwa, b’mod partikolari, il-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan tal-aħħar.

    47

    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-konsumatur ma setax isir jaf bi klawżola kuntrattwali qabel il-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni jikkostitwixxi element essenzjali fl-evalwazzjoni tal-eventwali natura inġusta ta’ din il-klawżola sa fejn din iċ-ċirkustanza tista’ twassal lill-konsumatur sabiex jassumi obbligi li ma kienx jaċċetta mod ieħor u, konsegwentement, jista’ joħloq żbilanċ sinjifikattiv bejn l-obbligi reċiproċi tal-partijiet f’dan il-kuntratt.

    48

    F’dan il-każ, LP la kellha l-okkażjoni li tieħu konjizzjoni l-klawżoli tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni dwar l-esklużjoni jew il-limitazzjoni tal-kopertura tar-riskju assigurat u lanqas li tinforma lil Ocidental dwar l-istat ta’ saħħa tagħha fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, peress li hija ma mliet ebda kwestjonarju dwar l-istat ta’ saħħa tagħha mal-adeżjoni mal-imsemmi kuntratt.

    49

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, li għandhom ikunu suġġetti għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni ta’ tali klawżoli ta’ esklużjoni jew ta’ limitazzjoni tal-kopertura tar-riskju assigurat għandha l-konsegwenza li l-konsumatur ma jibbenefikax iktar minn din il-kopertura fil-każ li jseħħ dan ir-riskju u li għandu, bħala prinċipju, mid-data tal-konstatazzjoni ta’ inkapaċità permanenti kkawżata minn problema tas-saħħa li kienet teżisti qabel, li dwarha huwa ma kellux l-opportunità li jinforma lill-assiguratur, iħallas huwa stess il-pagamenti tas-self li jkunu għadhom dovuti. Jekk ikun il-każ, huwa jidher li għandu tal-inqas iħallas parti minnhom, meta, skont leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-bank jinżamm responsabbli għad-dannu kkawżat mill-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli, mingħajr madankollu ma jqiegħed lil dan il-konsumatur fl-istess sitwazzjoni li kien ikun fih li kieku kien ibbenefika mill-imsemmija kopertura. L-imsemmi konsumatur jista’ għalhekk jiġi kkonfrontat b’sitwazzjoni li fiha, fid-dawl ta’ telf ta’ dħul li jirriżulta mill-inkapaċità permanenti tiegħu, ikun diffiċli għalih, jekk mhux impossibbli, li jirrimborsa dawn l-iskadenzi, filwaqt li huwa preċiżament kontra dan ir-riskju li huwa ried jiżgura ruħu permezz tal-adeżjoni f’kuntratt ta’ assigurazzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    50

    Għalhekk, billi ma jippermettix lill-konsumatur ikkonċernat li jsir jaf, qabel il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, bl-informazzjoni dwar l-imsemmija klawżoli kuntrattwali u dwar il-konsegwenzi kollha tal-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, il-bejjiegħ jew il-fornitur jippreżenta l-imsemmi riskju, li jirriżulta minn eventwali inkapaċità permanenti, totalment, jew għall-inqas parzjalment, fuq dan il-konsumatur.

    51

    Jekk il-qorti tar-rinviju kellha, wara evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, tikkunsidra li, f’dan il-każ, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, Ocidental ma setgħetx raġonevolment tistenna, b’osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza fir-rigward ta’ LP, li din tal-aħħar taċċetta, wara negozjati individwali, il-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni, din il-qorti jkollha tikkonkludi li dawn tal-aħħar huma ta’ natura inġusta.

    52

    Skont ġurisprudenza stabbilita, ladarba klawżola tiġi ddikjarata inġusta u, għaldaqstant, nulla, hija l-qorti nazzjonali, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola sabiex din ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, sakemm dan tal-aħħar ma jopponix dan (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 50).

    53

    F’dan il-każ, isegwi li l-klawżola ta’ esklużjoni jew ta’ limitazzjoni tal-kopertura tar-riskju assigurat ma tistax tiġi invokata kontra LP. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li skontha detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni, li naqas milli jwettaq l-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali li huwa għandu skont din il-leġiżlazzjoni, jista’ jkollu jikkumpensa d-dannu li jirriżulta minn tali assenza ta’ komunikazzjoni mingħajr madankollu ma jippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kien ikun fiha l-konsumatur jekk kien jibbenefika minn din il-kopertura. L-imsemmija leġiżlazzjoni, li tikkonċerna l-konsegwenzi, fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili, ta’ din l-assenza ta’ komunikazzjoni, ma jistax ikollha influwenza fuq in-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ klawżola kuntrattwali kklassifikata bħala inġusta fir-rigward tal-konsumatur, skont id-Direttiva 93/13.

    54

    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt għandha tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kienet tkun dik tal-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, D.V.(Onorarji ta’ avukat - Prinċipju ta’ tariffa fis-siegħa), C‑395/21, EU:C:2023:14, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    In-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ tali klawżola kuntrattwali kklassifikata bħala inġusta fir-rigward tal-konsumatur huwa madankollu bla ħsara għall-konsegwenzi eventwali, fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili tad-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni fir-rigward tal-parti li tassigura, tal-assenza ta’ komunikazzjoni lill-konsumatur, mid-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni, ta’ din il-klawżola.

    56

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 3(1) u l-Artikoli 4 sa 6 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta klawżola ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni dwar l-esklużjoni jew il-limitazzjoni tal-kopertura tar-riskju assigurat, li l-konsumatur ikkonċernat ma setax ikun jaf biha qabel il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, hija kklassifikata bħala inġusta mill-qorti nazzjonali, din il-qorti hija obbligata teskludi l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola sabiex din ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront ta’ dan il-konsumatur.

    Fuq l‑ispejjeż

    57

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal‑5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija fid-dawl tal-għoxrin premessa ta’ din id-direttiva,

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    konsumatur għandu dejjem ikollu l-possibbiltà li jsir jaf, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, bil-klawżoli kollha li dan tal-aħħar ikun fih.

     

    2)

    L-Artikolu 3(1) u l-Artikoli 4 sa 6 tad-Direttiva 93/13

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    meta klawżola ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni dwar l-esklużjoni jew il-limitazzjoni tal-kopertura tar-riskju assigurat, li l-konsumatur ikkonċernat ma setax ikun jaf biha qabel il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, hija kklassifikata bħala inġusta mill-qorti nazzjonali, din il-qorti hija obbligata teskludi l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola sabiex din ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront ta’ dan il-konsumatur.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

    Top