Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0207

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Ottubru 2023.
    Lineas - Concessões de Transportes SGPS, S.A. et vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2013/36/UE – Regolament (UE) Nru 575/2013 – Istituzzjoni finanzjarja – Kunċett – Impriża li l-attività tagħha tikkonsisti fl-akkwist ta’ ishma.
    Kawżi magħquda C-207/22, C-267/22 u C-290/22.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:810

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    26 ta’ Ottubru 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2013/36/UE – Regolament (UE) Nru 575/2013 – Istituzzjoni finanzjarja – Kunċett – Impriża li l-attività tagħha tikkonsisti fl-akkwist ta’ ishma”

    Fil-Kawżi magħquda C‑207/22, C‑267/22 u C‑290/22,

    li għandhom bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Qorti tal-Arbitraġġ fil-Qasam Amministrattiv (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv), il-Portugall) (C‑207/22 u C‑267/22), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑24 ta’ Frar u tat‑12 ta’ April 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Marzu u fl-20 ta’ April 2022, kif ukoll mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) (C‑290/22), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Mejju 2022, fil-proċeduri

    Lineas – Concessões de Transportes SGPS SA (C‑207/22),

    Global Roads Investimentos SGPS Lda (C‑267/22),

    NOS-SGPS SA (C‑290/22)

    vs

    Autoridade Tributária e Aduaneira,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President ta’ Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: L. Medina,

    Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ April 2023,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Lineas – Concessões de Transportes SGPS S.A., Global Roads Investimentos SGPS Lda u NOS-SGPS SA, minn A. Fernandes de Oliveira, avukat,

    għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, H. Gomes Magno u A. Rodrigues, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Melo Sampaio, A. Nijenhuis, L. Santiago de Albuquerque u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Ġunju 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(22) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013 L 176, p. 338, u r-rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95), kif ukoll tal-Artikolu 4(1)(26) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, u r-rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2, u fil-ĠU 2023 L 92, p. 29).

    2

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn Lineas – Concessões de Transportes SGPS S.A., Global Roads Investimentos SGPS Lda u NOS-SGPS SA u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall), dwar l-impożizzjoni ta’ taxxa tal-boll fuq l-operazzjonijiet ta’ kreditu.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Id‑Direttiva 2002/87/KE

    3

    Id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti ta’l-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 340), tipprovdi, fl-Artikolu 2(15) tagħha:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

    […]

    15.

    ‘kumpannija holding finanzjarja mħallta li tamministra’ għandha tfisser impriża prinċipali, barra minn entità regolata, li flimkien mas-sussidjarji tagħha, li mill-anqas waħda minnhom tkun entità regolata li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fil-Komunità, u entitajiet oħra, tikkostitwixxi konglomerat finanzjarju”.

    Id‑Direttiva 2013/36

    4

    Il-premessi 5 u 20 tad-Direttiva 2013/36 huma fformulati kif ġej:

    “(5)

    Din id-Direttiva għandha tikkostitwixxi l-istrument essenzjali għall-kisba tas-suq intern mill-aspett kemm tal-libertà tal-istabiliment kif ukoll tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji fil-qasam tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

    […]

    (20)

    Huwa xieraq li r-rikonoxximent reċiproku jiġi estiż għal dawk l-attivitajiet elenkati fl- meta jitwettqu minn istituzzjonijiet finanzjarji li jkunu sussidjarji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, sakemm dawn is-sussidjarji jkunu koperti mis-superviżjoni konsolidata tal-impriżi prinċipali (parent) tagħhom u jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet rigorużi.”

    5

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar:

    (a)

    l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment (kollettivament imsejħa ‘istituzzjonijiet’);

    (b)

    is-setgħat superviżorji u l-għodod għas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti;

    (c)

    is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti b’mod li jkun konsistenti mar-regoli stabbiliti fir-Regolament(UE) Nru 575/2013;.

    (d)

    ir-rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni għall-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tar-regolamentazzjoni prudenzjali u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet.”

    6

    Skont il-punt 22 tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (22)

    ‘istituzzjoni finanzjarja’ tfisser istituzzjoni finanzjarja kif definita fil-punt (26) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013”.

    7

    L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jippreċiża:

    “Meta l-Istati Membri jkollhom aktar minn awtorità kompetenti waħda għas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, id-ditti tal-investiment u l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jorganizzaw il-koordinazzjoni fost dawn l-awtoritajiet.”

    8

    L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/36 jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-attivitajiet elenkati fl-Anness I jkunu jistgħu jitwettqu fit-territorji tagħhom […], jew bl-istabbiliment ta’ fergħa jew bil-forniment ta’ servizzi, minn xi istituzzjoni finanzjarja minn Stat Membru ieħor, sew jekk sussidjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew sussidjarja taħt sjieda konġunta ta’ żewġ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew aktar, li l-Memorandum u l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tagħhom jippermettu t-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet u li jissodisfaw kull waħda minn dawn il-kondizzjonijiet:

    (a)

    l-impriża jew impriżi prinċipali huma awtorizzati bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istat Membru li bid-dritt tiegħu tkun irregolata l-istituzzjoni finanzjarja;

    (b)

    l-attivitajiet inkwistjoni fil-fatt jitwettqu fit-territorju tal-istess Stat Membru;

    (c)

    l-impriża jew impriżi prinċipali għandhom 90 % jew aktar tad-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma fil-kapital tal-istituzzjoni finanzjarja;

    (d)

    l-impriża jew impriżi prinċipali jissodisfaw lill-awtoritajiet kompetenti rigward il-ġestjoni prudenti tal-istituzzjoni finanzjarja u ikunu ddikjaraw, bil-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari rilevanti, li huma in solidum u individwalment jiggarantixxu l-impenji li tkun ħadet l-istituzzjoni finanzjarja;

    (e)

    l-istituzzjoni finanzjarja hija effettivament inkluża, b’mod partikolari għall-attivitajiet inkwistjoni, fis-superviżjoni kkonsolidata tal-impriża prinċipali, jew ta’ kull waħda mill-impriżi prinċipali […]

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari għandhom jikkontrollaw il-konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu u għandhom jipprovdu lill-istituzzjoni finanzjarja b’ċertifikat ta’ konformità […]

    2.   Jekk l-istituzzjoni finanzjarja msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma tibqax tissodisfa xi waħda mill-kondizzjonijiet imposti, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u l-attivitajiet imwettqa minn dik l-istituzzjoni finanzjarja fl-Istat Membru ospitanti għandhom isiru soġġetti għal-liġi tal-Istat Membru ospitanti.

    3.   Għaldaqstant, il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw għal sussidjarji ta’ istituzzjoni finanzjarja kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.”

    9

    L-Artikolu 117(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin. Huma għandhom jipprovdu lil xulxin kull informazzjoni li tkun essenzjali jew rilevanti għall-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji tal-awtoritajiet l-oħra skont din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 575/2013. F’dak ir-rigward, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw, fuq talba, l-informazzjoni rilevanti kollha u għandhom jikkomunikaw fuq inizjattiva tagħhom stess kull informazzjoni rilevanti.

    […]

    L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha titqies bħala essenzjali jekk tkun tista’ tinfluwenza materjalment il-valutazzjoni tas-sodezza finanzjarja ta’ istituzzjoni jew istituzzjoni finanzjarja fi Stat Membru ieħor.

    […]”

    10

    L-Artikolu 118 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “Meta, fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jixtiequ f’każijiet speċifiċi jikkontrollaw l-informazzjoni rigward istituzzjoni, kumpannija azzjonarja finanzjarja, kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta, istituzzjoni finanzjarja, impriża ta’ servizzi anċillari, kumpannija azzjonarja b’attività mħallta […] li jkunu jinstabu fi Stat Membru ieħor, huma għandhom jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor għat-twettiq ta’ dak il-kontroll. […]”

    11

    L-Anness I tal-istess direttiva jistabbilixxi lista ta’ attivitajiet li jibbenefikaw mir-rikonoxximent reċiproku.

    Ir‑Regolament Nru 575/2013

    12

    Il-premessa 14 tar-Regolament Nru 575/2013 tipprovdi:

    “[…] Il-Ġabra Unika Ewropea ta’ Regoli tiżgura qafas regolatorju robust u uniformi li jiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern u jimpedixxi l-opportunitajiet ta’ arbitraġġ regolatorju. […]”

    13

    Fi kliem l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament:

    “Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi li jikkonċernaw rekwiżiti prudenzjali ġenerali li l-istituzzjonijiet sorveljati skont id-Direttiva 2013/36/UE għandhom jikkonformaw magħhom fir-rigward tal-elementi li ġejjin:

    (a)

    rekwiżiti ta’ fondi proprji li jirrelataw ma’ elementi intierament kwantifikabbli, uniformi u standardizzati ta’ riskju tal-kreditu, riskju tas-suq, riskju operattiv u riskju tas-saldu;

    (b)

    rekwiżiti li jillimitaw skoperturi kbar;

    (c)

    wara li l-att iddelegat imsemmi fl-Artikolu 460 ikun daħal fis-seħħ, rekwiżiti tal-likwidità li jirrelataw ma’ elementi intierament kkwantifikabbli, uniformi u standardizzati ta’ riskju tal-likwidità;

    (d)

    rekwiżiti ta’ rapportar li jirrelataw mal-punti (a), (b) u (c) u mal-lieva finanzjarja;

    (e)

    rekwiżiti ta’ divulgazzjoni pubblika.

    […]”

    14

    Il-punti 3, 20, 21, 26 u 27 tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jippreċiżaw:

    “Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (3)

    ‘istituzzjoni’ tfisser istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta ta’ investiment;

    […]

    (20)

    ‘kumpannija azzjonarja finanzjarja’ tfisser istituzzjoni finanzjarja, li s-sussidjarji tagħha jkunu esklużivament jew prinċipalment istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji, tal-inqas waħda minn tali sussidjarji tkun istituzzjoni, u li ma tkunx kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta;

    (21)

    kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta’ tfisser kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta kif definit fil-punt (15) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/87/KE;

    […]

    (26)

    ‘istituzzjoni finanzjarja’ tfisser impriża oħra għajr istituzzjoni, li l-attività prinċipali tagħha tkun l-akkwiżizzjoni ta’ holdings jew li ssegwi attività waħda jew aktar minn dawk elenkati fil-punti 2 sa 12 u l-punt 15, tal-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE, inkluża kumpannija azzjonarja finanzjarja, kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta, istituzzjoni ta’ pagament […] u kumpannija ta’ ġestjoni tal-assi, iżda esklużi kumpanniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u kumpanniji azzjonarji tal-assigurazzjoni b’attività mħallta […]

    (27)

    ‘entità tas-settur finanzjarju tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    istituzzjoni;

    (b)

    istituzzjoni finanzjarja;

    […]

    (d)

    impriża tal-assigurazzjoni;

    […]”

    15

    L-Artikolu 18(1) tal-istess regolament jipprovdi:

    “L-istituzzjonijiet li huma meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmija fit-Taqsima 1 abbażi tas-sitwazzjoni konsolidata tagħhom għandhom iwettqu konsolidazzjoni sħiħa tal-istituzzjonijiet u l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha li jkunu s-sussidjarji tagħha jew, meta jkun rilevanti, is-sussidjarji tal-istess kumpannija azzjonarja finanzjarja prinċipali jew kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali. […]”

    16

    L-Artikolu 36(1)(g), (h), (i) u (k) tar-Regolament Nru 575/2013 jipprovdi:

    “1. L-istituzzjonijiet għandhom inaqqsu dan li ġej mill-elementi ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1:

    […]

    (g)

    holdings diretti, indiretti u sintetiċi ta’ strumenti ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1 ta’ entitajiet tas-settur finanzjarju meta dawk l-entitajiet ikollhom holding inkroċjata reċiproka mal-istituzzjoni li l-awtorità kompetenti tqis li kienet iddisinjata biex tkabbar artifiċjalment il-fondi proprji tal-istituzzjoni;

    (h)

    l-ammont applikabbli tal-holdings diretti, indiretti u sintetiċi mill-istituzzjoni ta’ strumenti ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1 ta’ entitajiet tas-settur finanzjarju meta l-istituzzjoni ma jkollhiex investiment sinifikanti f’dawk l-entitajiet;

    (i)

    l-ammont applikabbli tal-holdings diretti, indiretti u sintetiċi mill-istituzzjoni ta’ strumenti ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1 ta’ entitajiet tas-settur finanzjarju meta l-istituzzjoni jkollha investiment sinifikanti f’dawk l-entitajiet;

    […]

    (k)

    l-ammont tal-iskopertura tal-elementi li ġejjin li jikkwalifikaw għal piż tar-riskju ta’ 1250 %, meta l-istituzzjoni tnaqqas dak l-ammont tal-iskopertura mill-ammont tal-elementi ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1 bħala alternattiva għall-applikazzjoni ta’ piż tar-riskju ta’ 1250 %:

    (i)

    holdings kwalifikattivi ’l barra mis-settur finanzjarju;

    […]”

    17

    L-Artikolu 56(c) u (d) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

    “L-istituzzjonijiet għandhom inaqqsu dawn li ġejjin mill-elementi ta’ Grad 1 Addizzjonali:

    […]

    (c)

    l-ammont applikabbli […] ta’ holdings diretti, indiretti u sintetiċi tal-istrumenti ta’ Grad 1 Addizzjonali ta’ entitajiet tas-settur finanzjarju, fejn istituzzjoni ma jkollhiex investiment sinifikanti f’dawk l-entitajiet;

    (d)

    holdings diretti, indiretti u sintetiċi mill-istituzzjoni tal-istrumenti ta’ Grad 1 Addizzjonali ta’ entitajiet tas-settur finanzjarju meta l-istituzzjoni jkollha investiment sinifikanti f’dawk l-entitajiet, eskluż pożizzjonijiet ta’ sottoskrizzjoni miżmuma għalħamest ijiem tax-xogħol jew inqas”.

    18

    L-Artikolu 66(b) sa (d) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “Dawn li ġejjin għandhom jitnaqqsu minn elementi ta’ Grad 2:

    […]

    (b)

    holdings diretti, indiretti u sintetiċi tal-istrumenti ta’ Grad 2 ta’ entitajiet tas-settur finanzjarju li magħhom l-istituzzjoni ikollha holdings inkroċjata reċiproka li l-awtorità kompetenti tikkunsidra li tkun ġiet iddisinjata biex artifiċjalment tkabbar il-fondi proprji tal-istituzzjoni;

    (c)

    l-ammont applikabbli […] ta’ holdings diretti, indiretti u sintetiċi ta’ strumenti ta’ Grad 2 ta’ entitajiet tas-settur finanzjarju, meta istituzzjoni ma jkollhiex investiment sinifikanti f’dawk l-entitajiet;

    (d)

    holdings diretti, indiretti u sintetiċi mill-istituzzjoni ta’ strumenti ta’ Grad 2 ta’ entitajiet tas-settur finanzjarju fejn l-istituzzjoni jkollha investiment sinifikanti f’dawk l-entitajiet, esklużi pożizzjonijiet ta’ sottoskrizzjoni miżmuma għal inqas minn ħamest ijiem tax-xogħol.”

    19

    Skont l-Artikolu 89(1) sa (3) tal-istess regolament:

    “1.   Holding kwalifikattiva, li l-ammont tagħha jaqbeż l-15 % tal-kapital eliġibbli tal-istituzzjoni, f’impriża li ma tkunx waħda minn dawn li ġejjin għandha tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3:

    (a)

    entità tas-settur finanzjarju;

    (b)

    impriża, li ma tkunx entità tas-settur finanzjarju, li twettaq attivitajiet li l-awtorità kompetenti tikkunsidra li jkunu kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)

    estensjoni diretta ta’ operazzjoni bankarja; jew

    (ii)

    anċillari għal operazzjoni bankarja;

    (iii)

    kiri, factoring, l-amministrazzjoni ta’ unit trusts, il-ġestjoni ta’ servizzi tal-ipproċessar ta’ data jew xi attività simili oħra.

    2.   L-ammont totali tal-holdings kwalifikattivi ta’ istituzzjoni f’impriżi minbarra dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 li jaqbeż s-60 % tal-kapital eliġibbli tagħhom għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw ir-rekwiżiti stipulati fil-punt (a) jew (b) għall-holdings kwalifikattivi tal-istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2:

    (a)

    għall-finijiet tal-kalkolu tar-rekwiżit ta’ kapital skont il-Parti Tlieta, l-istituzzjonijiet għandhom japplikaw piż tar-riskju ta’ 1250 % għall-ikbar wieħed minn dawn li ġejjin:

    (i)

    l-ammont ta’ holdings kwalifikattivi msemmija fil-paragrafu 1 li jaqbeż il-15 % tal-kapital eliġibbli;

    (ii)

    l-ammont totali ta’ holdings kwalifikattivi msemmija fil-paragrafu 2 li jaqbeż s-60 % tal-kapital eliġibbli tal-istituzzjoni;

    (b)

    l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprojbixxu lill-istituzzjonijiet milli jkollhom holdings kwalifikattivi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 li l-ammont tagħhom jaqbeż l-perċentwali ta’ kapital eliġibbli stabbilit f’dawk il-paragrafi.

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw l-għażla tagħhom ta’ (a) jew (b).”

    20

    L-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 575/2013 jipprovdi:

    “Bħala alternattiva għall-applikazzjoni ta’ piż tar-riskju ta’ 1250 % għall-ammonti li jeċċedu l-limiti speċifikati fl-Artikolu 89(1) u (2), l-istituzzjonijiet jistgħu jnaqqsu dawk l-ammonti mill-elementi ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1 skont il-punt (k) tal-Artikolu 36(1).”

    Ir‑Regolament (UE) 2019/876

    21

    Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2019, L 150, p. 1) jipprovdi fl-Artikolu 1(2)(a)(iii) tiegħu:

    “L-Artikolu 4 jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 jiġi emendat kif ġej:

    […]

    (iii)

    il-punt (26) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    ‘(26)

    ‘istituzzjoni finanzjarja’ tfisser impriża għajr istituzzjoni u għajr kumpannija holding industrijali pura, li l-attività prinċipali tagħha tkun l-akkwiżizzjoni ta’ holdings jew li ssegwi attività waħda jew iktar minn dawk elenkati fil-punti 2 sa 12 u l-punt 15 tal-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE, inkluż kumpannija holding finanzjarja, kumpannija holding finanzjarja mħallta, istituzzjoni ta’ pagament […] u kumpannija ta’ ġestjoni tal-assi, iżda esklużi kumpanniji holding tal-assigurazzjoni u kumpanniji holding tal-assigurazzjoni b’attività mħallta […]’”

    22

    L-Artikolu 3(3)(b) tar-Regolament 2019/876 huwa redatt kif ġej:

    “Il-punti li ġejjin tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mis-27 ta’ Ġunju 2019:

    […]

    (b)

    il-punt (2), li fih id-definizzjonijiet, sakemm ma jkunux jirrigwardaw esklużivament dispożizzjonijiet li japplikaw f’konformità ma’ dan l-Artikolu minn data differenti, f’liema każ huma għandhom japplikaw minn tali data differenti”.

    Id‑dritt Portugiż

    23

    L-Artikolu 7(1)(e) tal-Código do Imposto do Selo (il-Kodiċi tat-Taxxa tal-Boll) jipprevedi:

    “Huma wkoll eżentati mit-taxxa:

    […]

    (e)

    Imgħax u kummissjonijiet irċevuti, garanziji pprovduti kif ukoll l-użu ta’ kreditu mogħti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, korporazzjonijiet finanzjarji u istituzzjonijiet finanzjarji […] lil kumpanniji jew entitajiet li l-forma u l-għan tagħhom jikkorrispondu għat-tipi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, korporazzjonijiet finanzjarji u istituzzjonijiet finanzjarji skont il-liġi tal-Unjoni, it-tnejn li huma ddomiċiljati fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea jew fi kwalunkwe Stat ieħor […]”

    Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

    Il‑Kawża C‑207/22

    24

    Lineas – Concessões de Transportes SGPS hija kumpannija holding, stabbilita fil-Portugall, li l-għan soċjali tagħha huwa l-ġestjoni ta’ ishma f’kumpanniji oħra. Hija għandha ishma f’kumpanniji li jamministraw infrastrutturi tat-trasport.

    25

    Fil-kuntest tal-attività tagħha, din il-kumpannija holding irrikorriet għal finanzjamenti mingħand istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dawn l-istabbilimenti ħallsu t-taxxa tal-boll fuq it-tranżazzjonijiet ta’ kreditu u għaddew din it-taxxa tal-boll fuq l-imsemmija kumpannija holding.

    26

    Filwaqt li kkontestat il-ħlas tal-imsemmija taxxa tal-boll, din tal-aħħar ressqet talba għal eżami mill-ġdid ex officio, f’dak li jirrigwarda l-perijodi mix-xahar ta’ April 2015 sax-xahar ta’ Jannar 2016, u appell amministrattiv, fir-rigward tal-perijodi mix-xahar ta’ Ġunju 2017 sax-xahar ta’ Diċembru 2017.

    27

    Peress li dan l-appell u din it-talba ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni fiskali, Lineas – Concessões de Transportes SGPS ippreżentat rikorsi ġerarkiċi kontra dawn id-deċiżjonijiet, li ġew miċħuda permezz ta’ digrieti tas‑17 ta’ Lulju 2020.

    28

    Fil‑21 ta’ Ottubru 2020, din il-kumpannija ppreżentat, quddiem is-Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD (iċ-Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv, il-Portugall), talba għall-kostituzzjoni ta’ tribunal ta’ arbitraġġ u ressqet talba għal arbitraġġ intiża għall-annullament ta’ dawn id-digrieti.

    29

    It-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Qorti tal-Arbitraġġ fil-Qasam Amministrattiv (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv), il-Portugall), li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑207/22, tikkonstata li mil-leġiżlazzjoni Portugiża jirriżulta li t-taxxa tal-boll li tolqot l-operazzjonijiet ta’ kreditu ma hijiex applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji, fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    30

    Issa, jeżistu diverġenzi fi ħdan il-ġurisprudenza nazzjonali fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “istituzzjoni finanzjarja”. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk dan il-kunċett japplikax għall-kumpanniji holding kollha li ma jaqgħux taħt is-settur tal-assigurazzjoni jew jekk dan japplikax biss għall-kumpanniji holding li għandhom ishma f’kumpanniji suġġetti għas-superviżjoni u għar-rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-attivitajiet bankarji.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Qorti tal-Arbitraġġ fil-Qasam Amministrattiv (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv)) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “Kumpannija holding (SGPS) li għandha bħala l-għan esklużiv tagħha l-ġestjoni ta’ azzjonijiet ta’ kumpanniji oħra, bħala forma indiretta ta’ eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi, u li, f’dan il-kuntest, takkwista u tippossjedi dawn l-ishma fit-tul, bħala regola mhux inferjuri għal 10 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpanniji li tagħhom iżżomm l-azzjonijiet, fejn l-attività ta’ dawn il-kumpanniji tidħol fil-qafas tal-ġestjoni tal-infrastruttura ta’ trasport, li jinkludi l-konċepiment, il-kostruzzjoni u l-ġestjoni tat-toroq/ta’ awtostradi, tista’ titqies li hija ‘istituzzjoni finanzjarja’ skont it-tifsira tad-[Direttiva 2013/36] u tar-[Regolament Nru 575/2013]?”

    Il‑Kawża C‑267/22

    32

    Global Roads Investimentos SGPS hija kumpannija holding stabbilita fil-Portugall.

    33

    Fil-kuntest tal-attività tagħha, din il-kumpannija holding irrikorriet għal finanzjamenti mingħand istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dawn l-istabbilimenti ħallsu t-taxxa tal-boll fuq it-tranżazzjonijiet ta’ kreditu u għaddew din it-taxxa tal-boll fuq l-imsemmija kumpannija holding.

    34

    L-istess kumpannija holding ressqet, fit‑28 ta’ Diċembru 2018, talba għal eżami mill-ġdid ex officio tal-imsemmija taxxa tal-boll.

    35

    Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali tal‑21 ta’ Novembru 2019. Global Roads Investimentos SGPS ippreżentat rikors ġerarkiku kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud permezz ta’ digriet tal‑5 ta’ Awwissu 2021.

    36

    Fl‑20 ta’ Jannar 2022, din il-kumpannija ppreżentat quddiem iċ-Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD, talba għat-twaqqif ta’ tribunal ta’ arbitraġġ u ressqet talba għal arbitraġġ intiża għall-annullament ta’ dan id-digriet.

    37

    It-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Qorti tal-Arbitraġġ fil-Qasam Amministrattiv (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv)), li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑267/22, tqis, għar-raġuni indikata fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, li s-soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk kumpannija ta’ ġestjoni ta’ holdings ta’ kumpannija tistax tiġi kklassifikata bħala “istituzzjoni finanzjarja”, fis-sens tad-Direttiva 2013/36 u tar-Regolament Nru 575/2013.

    38

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Qorti tal-Arbitraġġ fil-Qasam Amministrattiv (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv)) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “Kumpannija holding (SGPS) li għandha s-sede tagħha fil-Portugall […], li għandha bħala l-uniku għan tagħha l-ġestjoni ta’ azzjonijiet ta’ kumpanniji oħra bħala forma indiretta ta’ eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi, u li, f’dan il-kuntest, takkwista u tippossjedi dawn l-ishma fit-tul, bħala regola mhux inferjuri għal 10 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpanniji li tagħhom iżżomm l-azzjonijiet, li la jagħmlu parti mis-settur tal-assigurazzjonijiet u lanqas mis-settur finanzjarju, taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘istituzzjoni finanzjarja’ msemmi fil-punt 22 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2013/36] u fil-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament [Nru 575/2013]?”

    Il‑Kawża C‑290/22

    39

    NOS-SGPS hija kumpannija holding stabbilita fil-Portugall.

    40

    Fil-kuntest tal-attività tagħha, din il-kumpannija holding irrikorriet għal finanzjamenti mingħand istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dawn l-istabbilimenti ħallsu t-taxxa tal-boll fuq it-tranżazzjonijiet ta’ kreditu u għaddew din it-taxxa tal-boll fuq l-imsemmija kumpannija holding.

    41

    Filwaqt li kkontestat il-ħlas tal-imsemmija taxxa tal-boll, din tal-aħħar ippreżentat, fit‑22 ta’ Jannar 2019, talba għal reviżjoni ex officio u, fit‑23 ta’ Jannar 2019, appell intern, f’dak li jirrigwarda, rispettivament, il-perijodi mix-xahar ta’ Jannar 2015 sax-xahar ta’ Ottubru 2016 u mix-xahar ta’ Marzu 2017 sax-xahar ta’ Ottubru 2018.

    42

    Dawn ir-rikorsi ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali tas‑27 ta’ Settembru 2019.

    43

    NOS-SGPS ippreżentat talba għal arbitraġġ liċ-Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD, li ċaħad it-talbiet tagħha permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Jannar 2021.

    44

    Peress li qieset li din id-deċiżjoni arbitrali kienet tmur kontra deċiżjoni arbitrali definittiva dwar l-istess kwistjoni fundamentali tad-dritt, din il-kumpannija holding ippreżentat appell għall-finijiet ta’ unifikazzjoni tal-ġurisprudenza quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑290/22.

    45

    Din il-qorti tikkonstata li l-leġiżlatur Portugiż għażel, waqt id-delimitazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa tal-boll li tolqot l-operazzjonijiet ta’ kreditu bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jirreferi espressament għat-tip u għall-forma ta’ stabbiliment finanzjarju msemmija fil-“leġiżlazzjoni Komunitarja”.

    46

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Kumpannija holding (SGPS) li għandha s-sede tagħha fil-Portugall […], li għandha bħala l-uniku għan tagħha l-ġestjoni ta’ azzjonijiet ta’ kumpanniji oħra li ma jagħmlux parti mis-settur tal-assigurazzjonijiet, taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘istituzzjoni finanzjarja’ msemmi fil-punt 22 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2013/36] u fil-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament [Nru 575/2013]?”

    Fuq il‑kompetenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    47

    Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li t-tilwim inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li ma taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni la tad-Direttiva 2013/36 u lanqas tar-Regolament Nru 575/2013.

    48

    Skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati kif ukoll tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita f’dan l-artikolu, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, tevalwa kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I, C‑394/18, EU:C:2020:56, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li fihom il-fatti fil-kawża prinċipali kienu jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt kienu saru magħmula applikabbli mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li kienet ikkonformat ruħha, għas-soluzzjonijiet mogħtija għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt id-dritt tal-Unjoni, ma’ dawk adottati minn dan tal-aħħar (sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Europamur Alimentación, C‑295/16, EU:C:2017:782, punt 29, u tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I., C‑394/18, EU:C:2020:56, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    50

    Issa, il-qrati tar-rinviju ppreċiżaw li l-leġiżlazzjoni Portugiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżerva l-applikazzjoni tal-eżenzjoni fiskali invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali biss għall-“istituzzjonijiet finanzjarji” u li din il-leġiżlazzjoni tiddefinixxi dan il-kunċett permezz ta’ riferiment dirett u inkundizzjonat għad-dritt tal-Unjoni.

    51

    Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

    Fuq id‑domandi preliminari

    52

    Permezz tad-domandi tagħhom, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk il-punt 22 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/36 u l-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li impriża li l-attività tagħha tikkonsisti fl-akkwist ta’ ishma f’kumpanniji li ma jeżerċitawx attivitajiet fis-settur finanzjarju taqa’ taħt il-kunċett ta’ “istituzzjoni finanzjarja”, fis-sens ta’ din id-direttiva u ta’ dan ir-regolament.

    53

    Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fiha ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2023, M. Ya. M. (Rinunzja għas-suċċessjoni ta’ werriet ieħor), C‑651/21, EU:C:2023:277, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    54

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-punt 22 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/36, din id-dispożizzjoni tindika li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, “istituzzjoni finanzjarja” tfisser istituzzjoni finanzjarja fis-sens tal-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013.

    55

    Il-punt 26 tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Artikolu 4(1) tiegħu, jipprovdi li, fis-sens tal-imsemmi regolament, “istituzzjoni finanzjarja” tfisser impriża, minbarra istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta ta’ investiment, li l-attività prinċipali tagħha tikkonsisti fl-akkwist ta’ ishma jew fl-eżerċizzju ta’ attività waħda jew iktar imsemmija fil-punti 2 sa 12 u 15 tal-lista li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36, inklużi kumpannija holding finanzjarja, kumpannija holding finanzjarja mħallta, istituzzjoni ta’ pagament u kumpannija ta’ ġestjoni tal-assi. Dan il-punt 26 tal-Artikolu 4(1) jeskludi, min-naħa l-oħra, mill-kunċett ta’ “istituzzjoni finanzjarja” lill-kumpanniji holding tal-assigurazzjoni u l-kumpanniji holding imħallta tal-assigurazzjoni.

    56

    Din id-dispożizzjoni ssemmi għalhekk, b’mod ġenerali, l-impriżi li l-attività prinċipali tagħhom tikkonsisti fl-akkwist ta’ ishma bħala li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “istituzzjoni finanzjarja”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, u, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għad-dati rilevanti għall-proċeduri fil-kawża prinċipali, teskludi minn dan il-kunċett biss l-istabbilimenti ta’ kreditu, l-impriżi ta’ investiment u ċerti kumpanniji holding li jaqgħu taħt is-settur tal-assigurazzjonijiet.

    57

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm il-punt 2(a)(iii) tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2019/876 jipprevedi formulazzjoni ġdida tal-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, li jeskludi mill-kunċett ta’ “istituzzjoni finanzjarja”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, anki lill-kumpanniji holding purament industrijali, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑290/22 jirriżulta li din il-formulazzjoni l-ġdida ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawżi prinċipali.

    58

    Barra minn hekk, minkejja li l-formulazzjoni tal-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 tirreferi għall-impriżi li l-attività prinċipali tagħhom tikkonsisti fl-eżerċizzju ta’ attività waħda jew iktar imsemmija fil-punti 2 sa 12 u fil-punt 15 tal-lista li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36, liema attivitajiet jaqgħu taħt is-settur finanzjarju, l-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew” jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jagħmel mill-eżerċizzju dirett ta’ waħda jew iktar minn dawn l-attivitajiet kriterju ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “istituzzjoni finanzjarja”, fis-sens tar-Regolament Nru 575/2013.

    59

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat ukoll li mill-formulazzjoni tal-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 jirriżulta li l-kumpanniji holding finanzjarji u l-kumpanniji holding finanzjarji mħallta għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu “istituzzjonijiet finanzjarji”, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

    60

    Issa, minn naħa, il-punt 20 tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li, fis-sens tiegħu, “kumpannija holding finanzjarja” tfisser istituzzjoni finanzjarja li ma hijiex kumpannija holding finanzjarja mħallta u li s-sussidjarji tagħha huma esklużivament jew prinċipalment istituzzjonijiet ta’ kreditu, ditti ta’ investiment jew istituzzjonijiet finanzjarji, fejn mill-inqas waħda minn dawn is-sussidjarji hija istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta ta’ investiment.

    61

    Min-naħa l-oħra, mill-punt 21 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, moqri flimkien mal-punt 15 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/87, jirriżulta li għandha titqies bħala “kumpannija holding finanzjarja mħallta”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, impriża omm li ma hijiex istituzzjoni ta’ kreditu, impriża ta’ assigurazzjoni jew ditta ta’ investiment, li, flimkien mas-sussidjarji tagħha, li minn tal-inqas waħda minnhom hija istituzzjoni ta’ kreditu, impriża ta’ assigurazzjoni jew ditta ta’ investiment, u entitajiet oħra tikkostitwixxi konglomerat finanzjarju.

    62

    B’hekk jidher li l-kumpanniji holding finanzjarji u l-kumpanniji holding finanzjarji mħallta jikkostitwixxu tipi ta’ kumpanniji ddefiniti b’mod preċiż, li huma kkaratterizzati kemm mill-fatt li l-attività prinċipali tagħhom tikkonsisti fl-akkwist ta’ ishma kif ukoll mill-eżistenza ta’ rabtiet speċifiċi ma’ stabbiliment ta’ kreditu, ma’ impriża ta’ assigurazzjoni jew ma’ ditta ta’ investiment.

    63

    Minn dan isegwi li r-riferiment espliċitu, fil-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, għall-kumpanniji holding finanzjarji u għall-kumpanniji holding finanzjarji mħallta jkun nieqes minn kull utilità jekk din id-dispożizzjoni kellha tinftiehem, minħabba s-sempliċi fatt li hija tkopri lill-impriżi li l-attività prinċipali tagħhom tikkonsisti fl-akkwist ta’ ishma, fis-sens li tintegra sistematikament fil-kunċett ta’ “stabbiliment finanzjarju”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, lill-kumpanniji kollha li jeżerċitaw tali attività prinċipali.

    64

    Madankollu, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-kliem stess tal-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 jirriżulta li l-lista tal-istituzzjonijiet finanzjarji stabbilita f’din id-dispożizzjoni ma hijiex ta’ natura eżawrjenti. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott mir-riferiment, f’din id-dispożizzjoni, għall-kumpanniji holding finanzjarji u għall-kumpanniji holding finanzjarji mħallta li l-assenza ta’ ċerti rabtiet speċifiċi ma’ istituzzjoni ta’ kreditu, ma’ impriża ta’ assigurazzjoni jew ma’ ditta ta’ investiment neċessarjament tipprekludi l-klassifikazzjoni ta’ “istituzzjoni finanzjarja”, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

    65

    Fit-tieni lok, il-kuntest tal-punt 22 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/36 u l-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa s-sistema applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji billi bbaża ruħu fuq l-eżistenza ta’ rabta bejniethom u l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet li jaqgħu taħt is-settur finanzjarju.

    66

    Qabel kollox, l-element prinċipali tas-sistema applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji ddefiniti mid-Direttiva 2013/36 huwa marbut mal-fakultà mogħtija lilhom li jeżerċitaw, fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, attivitajiet li jaqgħu taħt is-settur finanzjarju fi Stat Membru ieħor.

    67

    Fil-fatt, l-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva, intitolat “Istituzzjonijiet finanzjarji” u li jikkostitwixxi l-uniku artikolu tal-imsemmija direttiva relatat biss mal-istituzzjonijiet finanzjarji, jawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, lil tali istituzzjonijiet jeżerċitaw l-attivitajiet imsemmija fl-Anness I tal-imsemmija direttiva fi Stat Membru ieħor. Dan l-artikolu jikkonkretizza għalhekk il-prinċipju, stabbilit fil-premessa 20 tal-istess direttiva, li jgħid li għandu jiġi estiż, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-benefiċċju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ ċerti attivitajiet finanzjarji meta dawn jiġu eżerċitati minn istituzzjoni finanzjarja sussidjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

    68

    Għaldaqstant, il-fatt, għal impriża, li tiġi kklassifikata bħala “istituzzjoni finanzjarja”, fis-sens tad-Direttiva 2013/36 huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 34 tagħha, jekk din l-impriża ma għandhiex l-intenzjoni li teżerċita attivitajiet li jaqgħu taħt is-settur finanzjarju.

    69

    Sussegwentement, ir-Regolament Nru 575/2013 jipprevedi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti prudenzjali imposti minn dan ir-regolament, serje ta’ konsegwenzi għall-għoti, lil impriża partikolari, tal-klassifikazzjoni bħala “istituzzjoni finanzjarja”.

    70

    B’mod iktar preċiż, mill-Artikolu 18(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-istabbilimenti ta’ kreditu u l-impriżi ta’ investiment li huma obbligati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istess regolament abbażi tas-sitwazzjoni kkonsolidata tagħhom għandhom iwettqu, bħala prinċipju, konsolidazzjoni sħiħa ta’, b’mod partikolari, l-istabbilimenti finanzjarji kollha li huma s-sussidjarji tagħhom jew, jekk ikun il-każ, is-sussidjarji tal-istess kumpannija holding finanzjarja prinċipali jew tal-kumpannija holding finanzjarja mħallta prinċipali.

    71

    Din id-dispożizzjoni ma timponix, min-naħa l-oħra, li ssir konsolidazzjoni prudenzjali li tinkludi lis-sussidjarji kollha tal-istabbilimenti u tal-impriżi ta’ investiment.

    72

    Barra minn hekk, mill-punt 27 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 jirriżulta li l-istituzzjonijiet finanzjarji jikkostitwixxu, b’mod partikolari bħal istituzzjonijiet ta’ kreditu, ditti ta’ investiment u impriżi ta’ assigurazzjoni, “entitajiet tas-settur finanzjarju”.

    73

    Issa, mill-Artikolu 36(1)(g) sa (i), mill-Artikolu 56(c) u (d) kif ukoll mill-Artikolu 66(b) sa (d) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-investimenti, imwettqa mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u mid-ditti tal-investiment, fl-entitajiet tas-settur finanzjarju huma suġġetti għal sistema speċifika li timplika, b’mod partikolari, ċertu tnaqqis fil-kalkolu tal-fondi proprji ta’ dawn l-istituzzjonijiet u ta’ dawn l-impriżi.

    74

    Min-naħa l-oħra, l-ishma kkwalifikati tal-istabbilimenti ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment barra mis-settur finanzjarju huma rregolati minn regoli differenti, previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 36(1)(k) kif ukoll fl-Artikoli 89 u 90 tal-imsemmi regolament, regoli li jistgħu, b’mod partikolari, jimplikaw ponderazzjoni ta’ dawn l-ishma għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji jew projbizzjoni ta’ tali ishma, meta dawn jaqbżu ċerti perċentwali ta’ fondi proprji tal-istituzzjoni ta’ kreditu jew tad-ditta ta’ investiment ikkonċernata.

    75

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-Regolament Nru 575/2013 jiddefinixxi regoli għall-konsolidazzjoni u għar-rekwiżiti prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment li, sa fejn huma speċifiċi għall-ishma fl-istituzzjonijiet finanzjarji jew f’entitajiet oħra tas-settur finanzjarju u li huma differenti mir-regoli applikabbli għall-holdings barra mis-settur finanzjarju, jistgħu jitqiesu li huma bbażati fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispeċifiċità tal-attivitajiet ta’ dan is-settur.

    76

    Issa, tali loġika titqiegħed f’dubju fil-każ ta’ applikazzjoni tar-regoli speċifiċi għall-ishma fl-entitajiet tas-settur finanzjarju f’sehem barra minn dan is-settur ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ ditta ta’ investiment, minħabba s-sempliċi fatt li dan l-aħħar sehem isir permezz ta’ sussidjarja ta’ din l-istituzzjoni jew ta’ din l-impriża li l-attività tagħha tikkonsisti fl-akkwist ta’ ishma.

    77

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2013/36 jipprevedi l-koordinazzjoni interna tal-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni mhux biss tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, iżda wkoll tal-istituzzjonijiet finanzjarji, u b’hekk jistabbilixxi rabta bejn, minn naħa, is-superviżjoni prudenzjali tas-settur finanzjarju u, min-naħa l-oħra, il-kontroll tal-istabbilimenti finanzjarji.

    78

    Bl-istess mod, l-Artikolu 117(1) u l-Artikolu 118 ta’ din id-direttiva jistabbilixxu obbligi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li huma applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji, mingħajr ma jestendu din is-sistema għal entitajiet li ma jaqgħux taħt is-settur finanzjarju li istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta ta’ investiment ikollha sehem fihom.

    79

    Fit-tielet lok, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/36 u mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 575/2013 jirriżulta li dawn l-atti għandhom l-għan li jiddefinixxu r-regoli dwar l-aċċess għall-attività, is-sorveljanza u diversi rekwiżiti applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti tal-investiment. Mill-premessa 5 ta’ din id-direttiva u mill-premessa 14 ta’ dan ir-regolament jirriżulta wkoll li l-imsemmija atti għandhom, b’mod partikolari, l-għan li jikkontribwixxu għat-twettiq tas-suq intern fis-settur tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

    80

    Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta li impriża li l-attività prinċipali tagħha ma għandhiex rabta mas-settur finanzjarju, sa fejn hija ma teżerċitax, la direttament u lanqas permezz ta’ ishma, attività waħda jew iktar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36 ma tistax titqies li tikkostitwixxi stabbiliment finanzjarju, fis-sens tad-Direttiva 2013/36 u tar-Regolament Nru 575/2013.

    81

    Konsegwentement, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punt 22 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/36 u l-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li impriża li l-attività tagħha tikkonsisti fl-akkwist ta’ ishma f’kumpanniji li ma jeżerċitawx attivitajiet fis-settur finanzjarju ma taqax taħt il-kunċett ta’ “istituzzjoni finanzjarja”, fis-sens ta’ din id-direttiva u ta’ dan ir-regolament.

    Fuq l-ispejjeż

    82

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 3(1)(22) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE, kif ukoll l-Artikolu 4(1)(26) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012,

     

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

     

    impriża li l-attività tagħha tikkonsisti fl-akkwist ta’ ishma f’kumpanniji li ma jeżerċitawx attivitajiet fis-settur finanzjarju ma taqax taħt il-kunċett ta’ “istituzzjoni finanzjarja”, fis-sens ta’ din id-direttiva u ta’ dan ir-regolament.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

    Top