This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0196
Judgment of the Court (Third Chamber) of 16 November 2023.#IB v Regione Lombardia and Provincia di Pavia.#Request for a preliminary ruling from the Corte suprema di cassazione.#Reference for a preliminary ruling – Common agricultural policy – Guarantee Section of the European Agricultural Guidance and Guarantee Fund (EAGGF) – Community aid scheme for forestry measures in agriculture – Regulation (EEC) No 2080/92 – Article 4 – Implementation of the aid scheme by the Member States by means of multiannual programmes – Protection of the Union’s financial interests – Regulation (EC, Euratom) No 2988/95 – Article 1 – Concept of ‘irregularity’ – Article 2 – Effective, proportionate and dissuasive nature of administrative measures and penalties – Article 4 – Withdrawal of the wrongly obtained advantage – Detailed rules for applying the integrated administration and control system for certain European Union aid schemes – National legislation providing for disqualification from receiving aid and repayment of the sums received in the event that irregularities are found – Principle of proportionality.#Case C-196/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Novembru 2023.
IB vs Regione Lombardia u Provincia di Pavia.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), Taqsima ‘Garanzija’ — Skema Komunitarja ta’ għajnuna għall-miżuri forestali fl-agrikoltura – Regolament (KEE) Nru 2080/92 – Artikolu 4 – Implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-iskema ta’ għajnuna permezz ta’ programmi pluriennali – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Artikolu 1 – Kunċett ta’ ‘irregolarità’ – Artikolu 2 – Natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tal-miżuri u tas-sanzjonijiet amministrattivi – Artikolu 4 – Irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament – Regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ir-revoka tal-għajnuna u l-ħlas lura tas-somom irċevuti fil-każ ta’ irregolaritajiet ikkonstatati – Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża C-196/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Novembru 2023.
IB vs Regione Lombardia u Provincia di Pavia.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), Taqsima ‘Garanzija’ — Skema Komunitarja ta’ għajnuna għall-miżuri forestali fl-agrikoltura – Regolament (KEE) Nru 2080/92 – Artikolu 4 – Implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-iskema ta’ għajnuna permezz ta’ programmi pluriennali – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Artikolu 1 – Kunċett ta’ ‘irregolarità’ – Artikolu 2 – Natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tal-miżuri u tas-sanzjonijiet amministrattivi – Artikolu 4 – Irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament – Regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ir-revoka tal-għajnuna u l-ħlas lura tas-somom irċevuti fil-każ ta’ irregolaritajiet ikkonstatati – Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża C-196/22.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:870
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
16 ta’ Novembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), Taqsima ‘Garanzija’ – Skema Komunitarja ta’ għajnuna għall-miżuri forestali fl-agrikoltura – Regolament (KEE) Nru 2080/92 – Artikolu 4 – Implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-iskema ta’ għajnuna permezz ta’ programmi pluriennali – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Artikolu 1 – Kunċett ta’ ‘irregolarità’ – Artikolu 2 – Natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tal-miżuri u tas-sanzjonijiet amministrattivi – Artikolu 4 – Irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament – Regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ir-revoka tal-għajnuna u l-ħlas lura tas-somom irċevuti fil-każ ta’ irregolaritajiet ikkonstatati – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑196/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura
IB
vs
Regione Lombardia
Provincia di Pavia,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra, M. Safjan, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal IB, minn L. Zanuttigh, avvocata, |
– |
għar-Regione Lombardia, minn A. Forloni u L. Tamborino, avvocati, |
– |
għall-Provincia di Pavia, minn G. Roccioletti, avvocato, |
– |
għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou, M. Tassopoulou u A.‑E. Vasilopoulou, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Rossi u A. Sauka, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2080/92 tat‑30 ta’ Ġunju 1992 li jistabbilixxi skema ta’ għajnuna Komunitarja għal miżuri tal-forestrija fl-agrikoltura (ĠU 1992, L 215, p. 96), u tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat‑18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU 1995, L 312, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn IB u r-Regione Lombardia (ir-Reġjun tal-Lombardia, l-Italja) u l-Provincia di Pavia (il-Provinċja ta’ Pavia, l-Italja) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li tikkonstata d-dekadenza totali tal-għajnuna intiża għall-afforestazzjoni ta’ artijiet agrikoli u li tordna r-rimbors sħiħ ta’ din l-għajnuna. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament Nru 2080/92
3 |
Ir-Regolament Nru 2080/92 tħassar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas‑17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU 1999, L 160, p. 80), b’effett mit‑2 ta’ Lulju 1999 Madankollu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 55(3) ta’ dan l-aħħar regolament, ir-Regolament Nru 2080/92 kompla japplika għall-azzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea approvat bis-saħħa ta’ dan ir-regolament qabel l‑1 ta’ Jannar 2000, b’tali mod li t-tilwima fil-kawża prinċipali tibqa’ rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament. |
4 |
L-ewwel sat-tielet u l-ħames premessa tar-Regolament Nru 2080/92 jipprevedu: “[B]illi l-afforestazzjoni ta’ żoni agrikoli hija ta’ importanza partikolari kemm għall-użu tal-art u għall-ambjent kif ukoll għall-kontribuzzjoni għat-tnaqqis tad-defiċit tar-riżorsi tal-foresti fil-Komunità u bħala suppliment għall-politika Komunitarja dwar il-kontroll tal-produzzjoni agrikola; billi l-esperjenza fl-afforestazzjoni ta’ art agrikola mill-bdiewa turi li l-iskemi eżistenti ta’ għajnuna maħsuba biex jippromwovu l-afforestazzjoni mhumiex biżżejjed u li l-attivitajiet ta’ afforestazzjoni ta’ żoni agrikoli li tneħħew mill-produzzjoni agrikola f’dawn l-aħħar snin ma kinux sodisfaċenti; billi huwa għalhekk xieraq li jiġu sostitwiti l-miżuri msemmija fit-Titolu VIII tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2328/91, tal-15 ta’ Lulju 1991, dwar it-titjib fl-effiċjenza ta’ l-istrutturi agrikoli [(ĠU 1991, L 218, p. 1)] b’miżuri li jissodisfaw aħjar il-ħtieġa ta’ inċentiv effettiv għall-afforestazzjoni ta’ żoni agrikoli. […] billi primjum digressiv għall-ewwel ħames snin maħsub biex jikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-manutenzjoni ta’ afforestazzjonijiet ġodda jista’ jkun element importanti biex jinkoraġġixxi l-afforestazzjoni”. |
5 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-Għan tal-Iskema ta’ Għajnuna”, jipprevedi: “Skema Komunitarja għall-għajnuna kofinanzjata mit-taqsima ‘garanzija’ tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (EAGGF), qiegħda tiġi stabbilita sabiex:
Din l-iskema Komunitarja ta’ għajnuna hija intiża għal:
|
6 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Skema ta’ Għajnuna ”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-iskema ta’ għajnuna tista’ tinkludi:
[…]” |
7 |
L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Ammont ta’ Għajnuna”, jipprevedi, fil-inċiżi (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tiegħu: “L-ammonti massimi eliġibbli tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 huma stabbiliti:
|
8 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2080/92, intitolat “Programm ta’ Għajnuna”, jipprevedi fil-paragrafu (1) tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 permezz ta’ programmi multiannwali nazzjonali jew reġjonali li jikkonċernaw l-objettivi msemmija fl-Artikolu 1 li għandhom jiddeterminaw b’mod partikolari:
|
Ir‑Regolament Nru 3887/92
9 |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3887/92 tat‑23 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta’ amministrazzjoni integrata u ta’ kontroll relatat ma’ ċerti skemi ta’ għajnuna Komunitarja (ĠU 1992, L 391, p. 36), tħassar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001 tal‑11 ta’ Diċembru 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3508/92 (ĠU 2001, L 327, p. 11) b’effett mit‑13 ta’ Diċembru 2001. Madankollu, fid-dawl tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 2419/2001, ir-Regolament Nru 3887/92 baqa’ applikabbli għall-applikazzjonijiet għal għajnuna li jirrigwardaw is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni jew il-perijodi ta’ referenza tal-primjums li jispiċċaw qabel l‑1 ta’ Jannar 2002, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
10 |
L-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “Meta jiġi kkonstatat li s-superfiċji ddikjarata f’applikazzjoni għall-għajnuna ‘ta’ superfiċji’ taqbeż is-superfiċji ddeterminata, l-ammont tal-għajnuna għandu jiġi kkalkolat abbażi tas-superfiċji effettivament iddeterminata matul il-kontroll. Madankollu, barra mill-każ ta’ forza maġġuri, is-superfiċji effettivament iddeterminata tonqos:
Fil-każ fejn l-eċċess ikkonstatat huwa iktar minn 20 % taż-żona determinata, ebda għajnuna marbuta maż-żona ma tingħata. […]” |
Ir‑Regolament Nru 2988/95
11 |
It-tielet u r-raba’ premessa tar-Regolament Nru 2988/95 jiddikjaraw: “[B]illi regoli dettaljati li jirregolaw […] l-amministrazzjoni [finanzjarja] deċentralizzata u l-osservazzjoni mill-qrib ta’ l-użu tagħhom huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet dettaljati li jvarjaw skond il-politika Komunitarja involuta; billi atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom, madankollu, jiġu ribattuti fl-oqsma kollha; […] Billi mhux biss taħt il-prinċipju ġenerali ta’ l-ekwità u l-prinċipju tal-proporzjonalità iżda wkoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, dispożizzjonijiet xierqa għandhom jiġu adottati filwaqt li jiġi rrispettat l-acquis communautaire u d-dispożizzjonijiet stabbiliti f’regoli speċifiċi tal-Komunità li kienu jeżistu fil-waqt tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, sabiex tiġi evitata kull duplikazzjoni ta’ penali finanzjarji tal-Komunità u penali kriminali nazzjonali imposti fuq l-istess persuni għall-istess raġunijiet”. |
12 |
Fi kliem l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament: “1. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità. 2. Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom[…] permezz ta’nefqa mhux ġustifikata.” |
13 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej: “1. Il-verifiki amministrattivi, il-miżuri u l-penali għandhom jiġu introdotti sakemm ikunu neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Komunità. Dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jipprovdu protezzjoni adekwata għall-interessi finanzjarji tal-Komunità. 2. Ebda penali amministrattiva ma tista’ tiġi imposta ħlief jekk att tal-Komunità qabel l-irregolarità jkun ipprovda għaliha. Fil-każ ta’ emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi u li jinsabu fir-regoli tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox għandhom japplikaw b’mod retroattiv. […] 4. Bla ħsara għal-liġi applikabbli tal-Komunità, il-proċeduri għall-applikazzjoni tal-verifiki Komunitarji, il-miżuri u l-penali għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet tal-Istati Membri.” |
14 |
L-Artikolu 4 ta’ l-istess regolament jipprevedi li: “1. Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:
2. L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk ipprovdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa. 3. L-atti li jiġi stabbilit li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundiżżjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skont kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu. 4. Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.” |
15 |
L-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2988/95 jipprevedi: “L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi: […]
[…]” |
Id‑dritt Taljan
16 |
L-Artikolu 13 tad-decreto ministeriale n. 494 – Regolamento recante norme di attuazione del regolamento (KEE) n. 2080/92 in materia, di gestione, pagamenti, controlli e decadenze dell’erogazione di contributi per l’esecuzione di rimboschimenti o miglioramenti boschivi (id-Digriet Ministerjali Nru 494 — Regolament li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2080/92 dwar il-ġestjoni, il-pagamenti, il-kontrolli u d-delimitazzjoni tal-għoti tal-għajnuna għall-afforestazzjoni mill-ġdid jew għat-titjib tal-afforestazzjoni), tat‑18 ta’ Diċembru 1998 (GURI Nru 16, tal‑21 ta’ Jannar 1999, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 494/98”), intitolat “Riżultati tal-kontrolli li jseħħu wara l-ħlas tal-għajnuna”, jipprevedi: “1. Jekk, waqt il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 12 iktar ’il fuq, jiġu kkonstatati irregolaritajiet li jwasslu għar-revoka tal-għajnuna, il-korp reġjonali kompetenti għandu jiddikjara r-revoka parzjali jew totali, flimkien mal-konsegwenzi msemmija fl-Artikolu 14 hawn taħt, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament [Nru 2988/95]. 2. L-indikazzjoni fl-applikazzjoni ta’ żona inferjuri għal dik misjuba ma tikkostitwixxix irregolarità. Madankollu, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna annwali, hija s-superfiċji ddikjarata li tibqa’ tittieħed inkunsiderazzjoni.” |
17 |
L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament bit-titolu, “Każijiet oħra ta’ Revoka” jipprevedi: “1. Ir-revoka totali għandha tiġi ddikjarata f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità msemmi fil-paragrafi 2 u 3 u/jew jekk ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adeżjoni mal-programm ma jibqgħux jiġu ssodisfati. […] 3. Ir-revoka totali għandha tiġi ddikjarata wkoll fil-każijiet fejn, wara verifika finali u bla ħsara għall-każijiet ta’ forza maġġuri msemmija fl-Artikolu 8 iktar ’il fuq, is-superfiċi msaġġra mill-ġdid jew imtejba jew il-kilometri mit-toroq forestali kkonstatati jkunu inqas minn 20 % minn dawk ammessi għall-għajnuna u likwidati. 4. Id-devjazzjonijiet taħt il-limitu msemmi fil-paragrafu preċedenti għandhom iwasslu għar-revoka parzjali tal-għajnuna.” |
18 |
L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, intitolat “Effetti tar-revoka”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Ir-revoka totali twassal għall-ħlas lura tal-għajnuna kollha rċevuta indebitament u għall-esklużjoni totali tal-għajnuna għas-snin ta’ impenn li jifdal.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
19 |
Fis‑16 ta’ Ġunju 1997, IB, bidwi, talab lill-Provinċja ta’ Pavia sabiex jibbenefika mill-iskema ta’ għajnuna intiża sabiex tiffavorixxi r-riforestazzjoni ta’ artijiet agrikoli skont ir-Regolament Nru 2080/92. Fil-kuntest ta’ din l-applikazzjoni, IB intrabat li jinkoraġġixxi r-riforestazzjoni ta’ żona agrikola ddedikata għall-kultivazzjoni tar-ross u tal-qamħirrum li tkopri 104 ettari u li żżomm dan l-afforestazzjoni fuq it-totalità ta’ din iż-żona għal perijodu ta’ 20 sena, jiġifieri bejn is-snin 1997 u 2017. |
20 |
Peress li IB ġie ammess għall-benefiċċju ta’ din l-iskema, huwa rċieva, bejn is-snin 1997 u 2008, is-somma totali ta’ EUR 1 324 246.35 għal din l-għajnuna, peress li din tal-aħħar kienet komposta, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2080/92, mill-għajnuna inizjali intiża sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ afforestazzjoni, ta’ primjums annwali li jkopru l-ispejjeż ta’ manutenzjoni taż-żoni afforestati u ta’ primjums annwali intiżi sabiex jikkumpensaw għat-telf ta’ dħul. |
21 |
Verifika fuq il-post imwettqa matul ix-xahar ta’ Settembru 2009 mill-provinċja ta’ Pavia, iddelegata għal dan l-għan mir-reġjun tal-Lombardia, żvelat li s-superfiċji ta’ afforestazzjoni mwettqa permezz tal-fondi tal-Unjoni ma kinitx ta’ 104 ettari iżda ta’ 70 ettaru, minħabba l-qtugħ antiċipat ta’ veġetazzjoni mwettqa minn IB. Filwaqt li kkonstatat li din id-differenza ta’ 38 % bejn iż-żona ddikjarata u ż-żona reali ta’ afforestazzjoni kienet taqbeż il-limitu ta’ 20 % previst fl-Artikolu 14(3) tad-Digriet Nru 494/98, il-Provinċja ta’ Pavia rrevokat l-għajnuna kollha li kienet tħallset lil IB, ordnatlu jirrimborsa din l-għajnuna kollha skont l-Artikolu 15(1) ta’ dan id-digriet u eskludietu mill-għajnuna għas-snin ta’ impenn li kien fadal. |
22 |
IB ikkontesta r-revoka ddikjarata kif ukoll l-ordni ta’ rimbors maħruġa quddiem it-Tribunale di Pavia (il-Qorti ta’ Pavia, l-Italja), li ddeċidiet li r-rikors tiegħu kien fondat. |
23 |
Adita b’appell, il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano, l-Italja) bidlet is-sentenza tal-ewwel istanza billi ddeċidiet, essenzjalment, li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu imputat lil IB kien jikkostitwixxi irregolarità serja li kienet tmur kontra l-għanijiet segwiti mill-iskema ta’ għajnuna tal-Unjoni. Din l-irregolarità li twassal għal arrikkiment indebitu favur dan il-benefiċjarju li kien jirċievi kemm l-għajnuna tal-Unjoni kif ukoll id-dħul mill-bejgħ tal-injam kienet tiġġustifika l-ħlas lura sħiħ tal-għajnuna rċevuta, bla ħsara għall-każijiet ta’ forza maġġuri u ta’ eventwali kawżi oħra indipendenti mir-rieda tal-benefiċjarju. |
24 |
IB appella fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), il-qorti tar-rinviju. |
25 |
Din il-qorti tistaqsi dwar jekk ir-Regolamenti Nri 2080/92 u 2988/95 jipprekludux is-sistema ta’ dekadenza totali tal-għajnuna stabbilita fl-Artikoli 14 u 15 tad-Digriet Nru 494/98. |
26 |
B’mod iktar partikolari, hija għandha, qabelxejn, dubji dwar il-fatt li jiġi kkunsidrat li s-sistema ta’ revoka totali tikkostitwixxi “miżura”, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li kull irregolarità twassal, bħala regola ġenerali, għall-irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament permezz tal-obbligu ta’ rimbors tal-ammonti rċevuti indebitament, ir-revoka totali prevista fl-Artikoli 14 u 15 tad-Digriet Nru 494/98 ikollha bħala konsegwenza mhux biss il-ħlas lura tal-għajnuna kollha indebitament imħallsa iżda wkoll l-esklużjoni totali tal-għajnuna għas-snin ta’ impenn li jifdal. |
27 |
Sussegwentement, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-punt jekk din il-leġiżlazzjoni nazzjonali teċċedix il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95 sa fejn din teżiġi l-ħlas lura sħiħ tal-għajnuna rċevuta hekk kif is-superfiċji msaġġra mill-ġdid tkun inqas minn 20 % tas-superfiċji ddikjarata għall-għajnuna. |
28 |
Fl-aħħar nett, hija tistaqsi dwar il-proporzjonalità tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali sa fejn din tipprevedi, fil-każ ta’ revoka totali, il-ħlas lura tal-għajnuna kollha rċevuta, u mhux biss ta’ dik relatata mas-sena li matulha tkun ġiet ikkonstatata l-irregolarità. |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
30 |
Ir-Reġjun tal-Lombardia jsostni, essenzjalment, li d-domandi magħmula huma inammissibbli għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, dawn id-domandi huma irrilevanti peress li l-leġiżlazzjoni Taljana sempliċement timplimenta l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 3887/92 li huwa dispożizzjoni direttament applikabbli. Min-naħa l-oħra, risposta għal dawn id-domandi ma għandha ebda effett fuq l-eżitu tal-kawża prinċipali peress li IB qatta’ l-wiċċ bis-siġar kollu matul is-sena 2011, b’tali mod li l-kwistjoni dwar l-effett ta’ tnaqqis tas-superfiċji b’iktar minn 20 % saret ipotetika. |
31 |
F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C-882/19, EU:C:2021:800, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi mir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għal din it-talba, peress li l-imsemmija risposta tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar il-portata tar-rimbors tal-għajnuna għall-afforestazzjoni rċevuta minn IB f’kuntest fejn ġie kkonstatat li s-superfiċji riforestata kienet inqas b’iktar minn 20 % tas-superfiċji ammessa abbażi ta’ impenn multiannwali ta’ għajnuna. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma hijiex manifestament mingħajr rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
35 |
Permezz tal-erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament Nru 2988/95, l-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament Nru 2080/92 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ fejn jiġi kkonstatat, matul l-eżekuzzjoni ta’ impenn multiannwali, li s-superfiċji msaġġra mill-ġdid hija inqas minn 20 % tas-superfiċji ammessa taħt dan l-impenn, ir-revoka totali tal-għajnuna għall-afforestazzjoni u, għaldaqstant, l-obbligu li jsir ir-rimbors totali ta’ din l-għajnuna kif ukoll l-esklużjoni totali tal-għajnuna li kellha titħallas għas-snin ta’ impenn li kien għad fadal. |
36 |
Fl-ewwel lok, għandu qabel kollox jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2080/92, moqri fid-dawl tal-ewwel sat-tielet premessi ta’ dan ir-regolament, dan stabbilixxa skema ta’ għajnuna għall-afforestazzjoni ta’ artijiet agrikoli intiża, b’mod partikolari, sabiex tippromwovi użu alternattiv tal-artijiet agrikoli permezz għall-afforestazzjoni filwaqt li tippermetti l-iżvilupp ta’ attivitajiet forestali fl-azjendi agrikoli, sabiex tikkontribwixxi għal ġestjoni taż-żona naturali iktar kompatibbli mal-bilanċ tal-ambjent, għall-ġlieda kontra l-effett ta’ serra, sabiex jiġi assorbit id-diossidu tal-karbonju kif ukoll sabiex eventwalment tikkontribwixxi għal titjib tar-riżorsi forestali. |
37 |
B’hekk, l-imsemmi regolament isegwi għanijiet ta’ politika agrikola intiżi għas-sostenn tas-settur forestali kif ukoll għan ta’ protezzjoni tal-ambjent, għanijiet li jippreżentaw, min-natura tagħhom, dimensjoni multiannwali u jeħtieġu li tintlaħaq afforestazzjoni effettiva u sostenibbli tal-artijiet agrikoli. |
38 |
Sussegwentement, mill-Artikolu 2(1)(a) sa (ċ) tal-istess regolament jirriżulta li l-iskema ta’ għajnuna għall-afforestazzjoni ta’ artijiet agrikoli stabbilita minnu tista’ tinkludi għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż għall-afforestazzjoni, primjum annwali intiż sabiex ikopri l-ispejjeż tal-manutenzjoni taż-żoni afforestati matul l-ewwel ħames snin u primjum annwali intiż sabiex jikkumpensa t-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-afforestazzjoni taż-żoni agrikoli, fejn dawn il-primjums jitħallsu “għal kull ettaru ta’ siġar”. |
39 |
Barra minn hekk, mill-inċiżi (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2080/92 jillimita ruħu li jiffissa l-ammonti massimi eliġibbli tal-għajnuna skont is-superfiċji għall-afforestazzjoni (f’ettari) kif ukoll it-tul massimu li matulu din l-għajnuna tista’ titħallas. F’dan ir-rigward, filwaqt li l-inċiż (b) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, moqri fid-dawl tal-ħames premessa ta’ dan ir-regolament, jipprovdi li l-ħlas tal-primjums ta’ manutenzjoni jista’ jsir bin-nifs fuq perijodu ta’ ħames snin, l-inċiż (c) ta; dan il-paragrafu jipprovdi li l-primjum għat-telf ta’ dħul jista’ jingħata għal perijodu massimu ta’ għoxrin sena li jibdew jiddekorru mill-afforestazzjoni inizjali. |
40 |
Fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament, dan iħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jimplimentaw din l-iskema ta’ għajnuna permezz ta’ programmi multiannwali nazzjonali jew reġjonali li huma jistabbilixxu regoli ddettaljati għalihom. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, b’mod partikolari, l-ammonti u t-tul tal-għajnuna skont l-ispejjeż reali ta’ afforestazzjoni u l-manutenzjoni tal-ispeċi jew it-tipi ta’ siġar użati għall-afforestazzjoni, jew skont it-telf ta’ dħul, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna li tikkonċerna l-afforestazzjoni. |
41 |
Minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, minn naħa, minkejja li r-Regolament Nru 2080/92 ma jistabbilixxix direttament il-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom il-ħlas tal-għajnuna differenti għall-afforestazzjoni, huwa jorbot l-għoti ta’ din l-għajnuna mal-afforestazzjoni effettiva taż-żoni koperti mill-impenn multiannwali matul il-perijodu kollu tiegħu. |
42 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-regolament ma jistabbilixxix il-proċeduri ta’ kontroll u lanqas is-sistema ta’ sanzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna. Għaldaqstant, dawn il-proċeduri ta’ kontroll u din is-sistema ta’ sanzjonijiet jibqgħu rregolati mid-dritt tal-Istati Membri. |
43 |
Madankollu, għandu jitfakkar, fit-tieni lok, li, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, ir-Regolament Nru 2988/95 adotta, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, leġiżlazzjoni ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri u sanzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw irregolaritajiet fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, u dan, kif jirriżulta mill-premessa tlieta ta’ dan ir-regolament, sabiex atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu miġġielda fl-oqsma kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia, C‑341/13, EU:C:2014:2230, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Bl-adozzjoni tal-imsemmi regolament, il-leġiżlatur ried jistabbilixxi sensiela ta’ prinċipji ġenerali billi jeżiġi li r-regolamenti settorjali kollha, bħar-Regolament Nru 2080/92, josservaw dawn il-prinċipji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C‑367/09, EU:C:2010:648, punt 37, kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Somvao, C‑599/13, EU:C:2014:2462, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
Għalhekk, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jippreċiża li l-proċeduri ta’ kontroll kif ukoll il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi previsti minn din id-dispożizzjoni għandhom ikunu ta’ natura effettiva, proporzjonata u dissważiva. |
46 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament bħala li jkopri mhux biss kull ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ operatur ekonomiku li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni billi tiġi addebitata nefqa mhux iġġustifikata lilu iżda wkoll il-ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li huma applikabbli għall-operazzjonijiet sostnuti minn fond, bħal dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għoti ta’ għajnuna (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț u Județul Bacău, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punti 36, 37 u 43, kif ukoll tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Elme Messer Metalurgs, C‑743/18, EU:C:2020:767, punti 52, 53 u 63). |
47 |
Konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95, kull “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament twassal, bħala regola ġenerali, għall-irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament permezz tal-obbligu ta’ rimbors tal-ammonti rċevuti indebitament |
48 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 14(1) u (3) tad-Digriet Nru 494/98 jolqot ir-revoka totali tal-għajnuna li għaliha, wara verifika finali u bla ħsara għall-każ ta’ forza maġġuri, is-superfiċji riforestata tkun inqas minn 20 % minn dik ammessa għall-għajnuna u llikwidata, kif ukoll l-għajnuna li għaliha r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet neċessarji għall-adeżjoni fil-programm ma jibqgħux jiġu osservati. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(4) ta’ dan id-digriet iwarrab parzjalment l-għajnuna li għaliha tiġi kkonstatata differenza ta’ inqas minn 20 % bejn is-superfiċji riforestata u dik ammessa għall-għajnuna. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 15(1) tal-imsemmi digriet jippreċiża li d-dekadenza totali twassal għall-ħlas lura tal-għajnuna kollha indebitament imħallsa kif ukoll għall-esklużjoni totali tal-għajnuna għas-snin ta’ impenn li jifdal. |
49 |
Minn dan isegwi li dispożizzjoni bħall-Artikolu 14(1) u (3) tad-Digriet Nru 494/98 dwar iż-żamma tal-afforestazzjoni fuq mill-inqas 80 % tas-superfiċji koperta mill-impenn multiannwali sottoskritt, tikkostitwixxi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli għal operazzjoni sostnuta minn fond li l-ksur tiegħu huwa ta’ natura li jikkostitwixxi “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, u, għaldaqstant, li twassal għar-rimbors tal-ammonti rċevuti indebitament konformement mal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament. |
50 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu dwar jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, fil-każ fejn is-superfiċji riforestata tkun inqas minn 20 % skont is-superfiċji ammessa għall-għajnuna, ir-revoka totali tal-għajnuna tal-Unjoni u l-ħlas lura totali tagħha, u mhux biss ir-rimbors tal-għajnuna li tikkorrispondi għas-superfiċji vvizzjata b’irregolarità jew biss tal-ammonti relatati mas-sena li għaliha tkun ġiet ikkonstatata l-irregolarità. |
51 |
F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-mezzi implimentati minn dispożizzjoni nazzjonali jkunu adatti sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑176/20, EU:C:2022:274, punt 42). |
52 |
Għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li s-sistema nazzjonali ta’ revoka inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha għan leġittimu. Fil-fatt, huwa jimplimenta l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95, kif jirriżulta mill-Artikolu 13(1) tad-Digriet Nru 494/98, u huwa intiż li jipproteġi l-interessi tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-għajnuna għall-afforestazzjoni li l-Unjoni tiffinanzja taħt ir-Regolament Nru 2080/92. |
53 |
It-tieni, fir-rigward tal-kapaċità ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tilħaq l-għan intiż, għandu jitqies li d-dekadenza totali tal-għajnuna tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 14(1) u (3) tad-Digriet Nru 494/98 tirriżulta xierqa sabiex talloka b’mod effettiv l-għajnuna għall-afforestazzjoni u, għaldaqstant, sabiex tilħaq b’mod effettiv l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 2080/92, kif imfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, ir-revoka totali u l-effetti marbuta miegħu konformement mal-Artikolu 15(1) ta’ dan id-digriet huma ta’ natura li jipprevjenu allokazzjoni tal-fondi tal-Unjoni għal operazzjoni ta’ afforestazzjoni li ma tkunx konformi mal-għanijiet ta’ afforestazzjoni effettiva u sostenibbli mfittxija minn dan ir-regolament. |
54 |
Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża principali, sa fejn torbot din ir-revoka totali ma’ esklużjoni totali tal-għajnuna li kellha titħallas għas-snin ta’ impenn li jifdal, tippermetti wkoll li jiġu protetti, minħabba l-effett dissważiv tagħha, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
55 |
It-tielet, fir-rigward tan-natura neċessarja u proporzjonata tar-revoka totali u tal-effetti marbuta magħha, previsti fl-Artikolu 14(1) u (3) u fl-Artikolu 15(1) tad-Digriet Nru 494/98, għandu jiġi kkunsidrat li din is-sistema ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju. Fil-fatt, sa fejn huma l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-punt 40 ta’ din is-sentenza, li għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna li tikkonċerna l-afforestazzjoni, dawn l-Istati jistgħu jikkunsidraw li l-ksur ta’ kundizzjoni ta’ eliġibbiltà bħal dik relatata mal-limitu ta’ 20 % tas-superfiċji li għandha tiġi afforestata jista’ jikkawża dannu gravi għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 2080/92, u minn dan jiddeduċu li l-impenn inizjali huwa vvizzjat sal-punt li jiġi ssanzjonat bi skadenza totali. |
56 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat ukoll li s-sistema ta’ dekadenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mill-progressività tagħha, għaliex, filwaqt li differenza ta’ inqas minn 20 % bejn is-superfiċji kkonstatata mill-ġdid u dik ammessa għall-għajnuna twassal għal dekadenza parzjali, differenza ugwali jew ogħla minn dan il-livell twassal għal dekadenza totali u għar-rimbors totali tal-għajnuna rċevuta kif ukoll għal esklużjoni totali tal-għajnuna għas-snin ta’ impenn li jifdal. |
57 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat ukoll li din l-iskema ta’ revoka totali tal-għajnuna tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li hija intiża biss għal każijiet limitati, jiġifieri dawk fejn jiġi kkonstatat li s-superfiċji msaġġra mill-ġdid hija inqas minn 20 % tas-superfiċji ammessa għall-għajnuna, u peress li tirriżerva l-possibbiltà għal benefiċjarju li jinvoka każ ta’ forza maġġuri. |
58 |
Fl-aħħar nett, sa fejn din tipprevedi, fil-każ fejn jiġi kkonstatat li s-superfiċji riforestata hija inqas minn 20 % tas-superfiċji ammessa għall-għajnuna, il-ħlas lura tal-għajnuna kollha għall-afforestazzjoni rċevuta abbażi tal-impenn multiannwali, u mhux ir-rimbors tal-ammonti biss relatati mas-sena li għaliha ġiet ikkonstatata l-irregolarità, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta wkoll proporzjonata. Fil-fatt, huwa biss ir-rimbors totali ta’ din l-għajnuna li huwa ta’ natura li jindirizza r-riskju ta’ frodi għall-baġit tal-Unjoni u li jiggarantixxi l-afforestazzjoni effettiva u sostenibbli tal-artijiet agrikoli. |
59 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament Nru 2988/95, l-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament Nru 2080/92 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ fejn jiġi kkonstatat, matul l-eżekuzzjoni ta’ impenn multiannwali, li s-superfiċji msaġġra mill-ġdid hija inqas minn 20 % tas-superfiċji ammessa taħt dan l-impenn, ir-revoka totali tal-għajnuna għall-afforestazzjoni u, għaldaqstant, l-obbligu li jsir ir-rimbors totali ta’ din l-għajnuna kif ukoll l-esklużjoni totali tal-għajnuna li kellha titħallas għas-snin ta’ impenn li jifdal. |
Fuq l‑ispejjeż
60 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, l-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2080/92 tat‑30 ta’ Ġunju 1992 li jistabbilixxi skema ta’ għajnuna Komunitarja għal miżuri tal-forestrija fl-agrikoltura, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, |
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ fejn jiġi kkonstatat, matul l-eżekuzzjoni ta’ impenn multiannwali, li s-superfiċji riforestata hija inqas minn 20 % tas-superfiċji ammessa taħt dan l-impenn, ir-revoka totali tal-għajnuna għall-afforestazzjoni u, għaldaqstant, l-obbligu li jsir ir-rimbors totali ta’ din l-għajnuna kif ukoll l-esklużjoni totali tal-għajnuna li kellha titħallas għas-snin ta’ impenn li jifdal. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.