This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0175
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 9 November 2023.#Criminal proceedings against BK.#Request for a preliminary ruling from the Spetsializiran nakazatelen sad.#Reference for a preliminary ruling – Judicial cooperation in criminal matters – Directive 2012/13/EU – Right to information in criminal proceedings – Article 6 – Right to information about the accusation – Article 6(4) – Changes in the information given – Amendment of the classification of the criminal offence – Obligation to inform the accused person in due time and to offer him or her the opportunity to put forward his or her arguments regarding the new envisaged classification – Effective exercise of the rights of the defence – Fairness of the proceedings – Directive (EU) 2016/343 – Strengthening of certain aspects of the presumption of innocence and of the right to be present at the trial in criminal proceedings – Article 3 – Presumption of innocence – Article 7(2) – Right not to incriminate oneself – Second paragraph of Article 47 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union – Requirement that the criminal court or tribunal be impartial – Reclassification of the offence on the initiative of the criminal court or tribunal or on the basis of a proposal from the accused person.#Case C-175/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-9 ta’ Novembru 2023.
Proċeduri kriminali kontra BK.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għal informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Artikolu 6 – Dritt li wieħed jiġi informat dwar l-akkuża miġjuba kontrih – Artikolu 6(4) – Bidla fl-informazzjoni pprovduta – Modifika tal-klassifikazzjoni tar-reat kriminali – Obbligu li l-persuna akkużata tiġi informata fi żmien xieraq u li tingħatalha l-opportunità li tippreżenta l-argumenti tagħha dwar il-klassifikazzjoni l-ġdida prevista – Eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża – Ekwità tal-proċedura – Direttiva (UE) 2016/343 – Tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Artikolu 3 – Preżunzjoni tal-innoċenza – Artikolu 7(2) – Dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rekwiżit ta’ imparzjalità tal-qorti kriminali – Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat fuq l-inizjattiva tal-qorti kriminali jew fuq proposta tal-persuna akkużata.
Kawża C-175/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-9 ta’ Novembru 2023.
Proċeduri kriminali kontra BK.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għal informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Artikolu 6 – Dritt li wieħed jiġi informat dwar l-akkuża miġjuba kontrih – Artikolu 6(4) – Bidla fl-informazzjoni pprovduta – Modifika tal-klassifikazzjoni tar-reat kriminali – Obbligu li l-persuna akkużata tiġi informata fi żmien xieraq u li tingħatalha l-opportunità li tippreżenta l-argumenti tagħha dwar il-klassifikazzjoni l-ġdida prevista – Eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża – Ekwità tal-proċedura – Direttiva (UE) 2016/343 – Tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Artikolu 3 – Preżunzjoni tal-innoċenza – Artikolu 7(2) – Dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rekwiżit ta’ imparzjalità tal-qorti kriminali – Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat fuq l-inizjattiva tal-qorti kriminali jew fuq proposta tal-persuna akkużata.
Kawża C-175/22.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:844
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
9 ta’ Novembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għal informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Artikolu 6 – Dritt li wieħed jiġi informat dwar l-akkuża miġjuba kontrih – Artikolu 6(4) – Bidla fl-informazzjoni pprovduta – Modifika tal-klassifikazzjoni tar-reat kriminali – Obbligu li l-persuna akkużata tiġi informata fi żmien xieraq u li tingħatalha l-opportunità li tippreżenta l-argumenti tagħha dwar il-klassifikazzjoni l-ġdida prevista – Eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża – Ekwità tal-proċedura – Direttiva (UE) 2016/343 – Tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Artikolu 3 – Preżunzjoni tal-innoċenza – Artikolu 7(2) – Dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rekwiżit ta’ imparzjalità tal-qorti kriminali – Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat fuq l-inizjattiva tal-qorti kriminali jew fuq proposta tal-persuna akkużata”
Fil-Kawża C‑175/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċeduri kriminali kontra
BK,
fil-preżenza ta’:
Spetsializirana prokuratura,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Rousseva u M. Wasmeier, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Mejju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1), u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra BK għal fatti inizjalment ikklassifikati bħala korruzzjoni fl-att ta’ akkuża stabbilit mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, iżda l-qorti tar-rinviju għandha l-intenzjoni li tikklassifikahom bħala frodi jew bħala eżerċizzju ta’ influwenza. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2012/13
|
3 |
Il-premessi 3, 9, 14 u 27 sa 29 tad-Direttiva 2012/13 jistabbilixxu:
[…]
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/13, intitolat “Suġġett”, huwa fformulat kif ġej: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati, dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom. Hija tistabbilixxi wkoll regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni ta’ persuni soġġetti għal Mandat ta’ Arrest Ewropew relatat mad-drittijiet tagħhom.” |
|
5 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin, kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet:
|
|
6 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża”, jiddisponi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża. […] 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata. 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jiġu informati fil-pront dwar kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri.” |
Id‑Direttiva (UE) 2016/343
|
7 |
Id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1) għandha l-għan, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(a) tagħha, li tistabbilixxi “regoli minimi komuni” dwar “ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza fi proċedimenti kriminali”. |
|
8 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Preżunzjoni tal-innoċenza”, jiddisponi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jitqiesu innoċenti sa meta jinstabu ħatja skont il-liġi.” |
|
9 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li ma jinkriminawx ruħhom.” |
Id‑dritt Bulgaru
|
10 |
L-Artikolu 287(1) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NPK”), jipprevedi: “L-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku għandu jressaq akkuża ġdida jekk, waqt l-inkjesta ġudizzjarja, isib raġunijiet sabiex jemenda sostanzjalment id-dikjarazzjoni tal-fatti tal-att tal-akkuża jew sabiex jimponi piena iktar gravi.” |
|
11 |
Skont il-punt 2 tal-Artikolu 301(1) tan-NPK, meta hija tagħti s-sentenza, il-qorti kompetenti għandha teżamina u tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk l-att jikkostitwixxix reat kriminali u dik tal-klassifikazzjoni ġuridika tiegħu. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
12 |
Fis‑26 ta’ Frar 2021, l-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat, il-Bulgarija) adixxa lill-qorti tar-rinviju b’att ta’ akkuża kontra BK għal fatti kklassifikati bħala korruzzjoni li allegatament twettqu fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu bħala uffiċjal tal-investigazzjoni. |
|
13 |
Skont il-konstatazzjonijiet stabbiliti fl-att ta’ akkuża, BK talab somma flus mingħand żewġ persuni ssuspettati sabiex iwettaq iż-żewġ atti li ġejjin fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. Minn naħa, BK allegatament ippropona li tingħata opinjoni favorevoli dwar it-talbiet tal-persuni ssuspettati intiżi sabiex jiġu rrestitwiti lilhom vetturi li setgħu ntużaw sabiex jitwettaq reat, u sabiex jiġu rrestitwiti lilhom dawn il-vetturi wara l-awtorizzazzjoni tal-prosekutur. Min-naħa l-oħra, BK allegatament ippropona wkoll fir-rigward taż-żewġ persuni ssuspettati li ma jiġux akkużati bir-reat li huma kienu ssuspettati bih. |
|
14 |
L-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat) ikklassifika dawn il-fatti bħala korruzzjoni mwettqa minn uffiċjal tal-investigazzjoni ta’ estorsjoni permezz ta’ abbuż ta’ poter. Is-sanzjonijiet imposti, minħabba dan ir-reat, huma piena li ċċaħħad il-libertà ta’ bejn tliet snin u ħmistax‑il sena, multa sa 25000 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 12500), konfiska li tasal sa nofs il-proprjetà tal-persuna kkundannata kif ukoll telf tad-drittijiet. |
|
15 |
BK oppona din il-klassifikazzjoni. Huwa allega, f’dan ir-rigward, li l-atti kkontestati ma jistgħux jitqiesu li twettqu fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu, peress li l-imsemmija atti ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-pulizija investigattiva iżda taħt dik tal-prosekutur. Konsegwentement, skont BK, il-klassifikazzjoni xierqa ta’ tali atti kienet dik ta’ frodi. |
|
16 |
Il-qorti tar-rinviju rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-forma ta’ frodi invokata, li hija kkostitwita meta l-awtur jikseb vantaġġ patrimonjali għad-detriment tal-vittma, billi japprofitta mill-iżball, mill-inesperjenza jew min-nuqqas ta’ għarfien tagħha, hija punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà sa ħames snin. |
|
17 |
Madankollu, l-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat) ikklassifika dawn l-atti bħala korruzzjoni. Il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, konformement mar-regoli proċedurali nazzjonali, huwa biss il-prosekutur li għandu jiddefinixxi l-kap ta’ akkuża, mingħajr ma l-qorti kompetenti tkun tista’ tagħtih xi struzzjoni f’dan ir-rigward. |
|
18 |
Għaldaqstant, fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, kemm il-partijiet kif ukoll il-qorti tar-rinviju kkonċentraw l-attenzjoni tagħhom fuq il-prova jew iċ-ċaħda ta’ fatti ta’ korruzzjoni. Dik il-qorti hija obbligata tiddeċiedi dwar l-akkuża kif ifformulata mill-prosekutur, jiġifieri dik ta’ korruzzjoni. Madankollu, fil-każ li hija tiddikjara liberazzjoni abbażi ta’ akkuża ta’ korruzzjoni, hija jkollha l-possibbiltà li tikkunsidra klassifikazzjoni mill-ġdid tal-fatti. |
|
19 |
Skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza nazzjonali tinterpreta l-punt 2 tal-Artikolu 301(1) tan-NPK, moqri flimkien mal-Artikolu 287(1) tan-NPK, fis-sens li l-qorti kompetenti għandha s-setgħa li tiddikjara lill-akkużat ħati abbażi ta’ klassifikazzjoni differenti minn dik inizjalment adottata fl-att ta’ akkuża, bil-kundizzjoni, minn naħa, li din il-klassifikazzjoni l-ġdida ma timplikax modifika sostanzjali fil-parti fattwali tal-akkuża u, min-naħa l-oħra, li din ma twassalx għal piena iktar severa mir-reat li jirriżulta mill-klassifikazzjoni inizjalment adottata mill-prosekutur. |
|
20 |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tispjega li, b’applikazzjoni ta’ dik il-ġurisprudenza, hija tista’ tadotta, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-klassifikazzjoni ta’ frodi, kif issuġġerit minn BK, peress li dan ir-reat huwa ssanzjonat b’piena inqas minn dik f’każ ta’ korruzzjoni. |
|
21 |
Dik il-qorti żżid li hija tkun tista’ tikkunsidra wkoll li tikklassifika mill-ġdid il-fatti inkriminati bħala eżerċizzju ta’ influwenza. Fil-fatt, jista’ jitqies li BK talab mingħand il-persuni ssuspettati l-ħlas ta’ somma flus sabiex jinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-prosekutur fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, sabiex dan japprova r-restituzzjoni tal-vetturi tagħhom u ma jressaqx akkuża kontrihom. Is-sanzjoni imposta għar-reat ta’ eżerċizzju ta’ influwenza hija wkoll inqas minn dik prevista għar-reat ta’ korruzzjoni, jiġifieri piena li ċċaħħad il-libertà sa sitt snin jew multa sa BGN 5000 (madwar EUR 2500). |
|
22 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, madankollu, l-assenza ta’ garanzija dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża meta l-qorti kompetenti tiddeċiedi li tikkundanna lill-akkużat abbażi ta’ klassifikazzjoni tal-fatti differenti minn dik inizjalment adottata fl-att ta’ akkuża stabbilit mill-prosekutur. B’mod partikolari, dik il-qorti ma hija la obbligata tinforma lill-akkużat minn qabel u lanqas li tippermettilu jippreżenta l-argumenti tiegħu dwar il-klassifikazzjoni l-ġdida prevista. Fil-prattika, l-akkużat isir jaf b’din il-klassifikazzjoni l-ġdida fis-sentenza ta’ kundanna. |
|
23 |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali prattika mad-dritt tal-Unjoni. B’mod iktar preċiż, fil-kuntest tal-ewwel domanda tagħha, dik il-qorti tistaqsi jekk l-għoti ta’ sentenza ta’ kundanna abbażi ta’ klassifikazzjoni tal-fatti inkriminati li l-akkużat ma ġiex informat dwarhom minn qabel huwiex kompatibbli mal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva 2012/13. |
|
24 |
It-tieni domanda tikkonċerna r-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
25 |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-obbligu li jista’ jkollha, skont ir-risposta għall-ewwel domanda, li tinforma lill-akkużat bil-possibbiltà li tiġi adottata klassifikazzjoni tal-fatti differenti minn dik inizjalment proposta mill-prosekutur, jista’ jqiegħed inkwistjoni l-imparzjalità tiegħu kif ukoll in-natura ekwa tal-proċedura. Dik il-qorti tipprevedi, f’dan ir-rigward, żewġ każijiet. |
|
26 |
Minn naħa, jekk il-qorti kompetenti tinforma lill-akkużat bil-possibbiltà li tadotta klassifikazzjoni oħra prevista fuq inizjattiva tagħha stess, bħall-klassifikazzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza fil-kawża prinċipali, dik il-qorti tassumi, fil-fatt, il-funzjoni ta’ prosekutur. Issa, fil-fehma tagħha, jista’ jkun hemm dubju dwar l-imparzjalità ta’ qorti li, fuq inizjattiva tagħha stess, tissuġġerixxi klassifikazzjoni ġuridika ġdida u sussegwentement tagħti sentenza ta’ kundanna bbażata fuq din il-klassifikazzjoni, u dan anki jekk dik il-qorti tkun tat minn qabel l-opportunità lill-akkużat li jiddefendi ruħu f’dan ir-rigward. |
|
27 |
Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti kompetenti tinforma lill-akkużat bil-possibbiltà li tiġi adottata klassifikazzjoni tal-fatti ssuġġerita mill-akkużat innifsu, bħall-klassifikazzjoni ta’ frodi fil-kawża prinċipali, skont il-qorti tar-rinviju, minn dan jista’ jirriżulta ksur tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu kif ukoll tar-regoli ta’ smigħ xieraq. |
|
28 |
Il-qorti tar-rinviju madankollu enfasizzat li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, BK ma aċċettax il-ħtija tiegħu għar-reat ta’ frodi, iżda sempliċement indika li l-fatti kif ippreżentati mill-prosekutur kellhom jiġu kklassifikati bħala frodi, u mhux bħala korruzzjoni. |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
30 |
Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Awwissu 2022, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2022, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) kienet ġiet xolta u li ċerti kawżi kriminali li din il-qorti tal-aħħar kienet adita bihom, inkluż il-kawża prinċipali, kienu ġew ittrasferiti minn din id-data lill-iSofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija). |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
31 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva 2012/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tippermetti lil qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu f’kawża kriminali li tadotta klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti inkriminati differenti minn dik inizjalment adottata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, meta l-klassifikazzjoni l-ġdida ma tistax twassal għall-applikazzjoni ta’ piena iktar severa, mingħajr ma tinforma minn qabel lill-persuna akkużata bil-klassifikazzjoni l-ġdida prevista u, għaldaqstant, mingħajr ma toffrilha l-opportunità li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha b’mod konkret u effettiv fid-dawl tar-reat il-ġdid hekk adottat. |
|
32 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/13, din id-direttiva, li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 82(2) TFUE, tistabbilixxi standards minimi komuni fil-qasam tal-informazzjoni ta’ persuni ssuspettati jew akkużati b’reat kriminali dwar id-drittijiet tagħhom u dwar l-akkuża kontrihom. |
|
33 |
Minn qari flimkien tal-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2012/13 jirriżulta li d-dritt għal informazzjoni, imsemmi fl-Artikolu 1 tagħha, jikkonċerna, tal-inqas, żewġ drittijiet distinti. Minn naħa, il-persuni ssuspettati jew akkużati għandhom, konformement mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jiġu informati, mill-inqas, bid-diversi drittijiet proċedurali msemmija f’dan l-artikolu, fosthom id-dritt għall-assistenza ta’ avukat, id-dritt għall-benefiċċju minn konsulent legali mingħajr ħlas u l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ tali konsulenti, id-dritt li tingħata l-informazzjoni dwar l-akkuża li titressaq kontra l-persuna, id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni kif ukoll id-dritt li persuna tibqa’ siekta. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva tiddefinixxi regoli li jirrigwardaw id-dritt li jkunu informati bl-akkuża kontrihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro,C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 43). |
|
34 |
Dawn ir-regoli huma intiżi, kif jikkonfermaw il-premessi 27 sa 29 tad-Direttiva 2012/13, li jiggarantixxu n-natura ekwa tal-proċedura u li jippermettu l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 89). |
|
35 |
Dan l-għan jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-persuna akkużata tirċievi informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża, inkluż dwar in-natura u l-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat kriminali, fi żmien xieraq, f’mument li jippermettilha tipprepara d-difiża tagħha b’mod effikaċi, kif jipprevedi l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 90). |
|
36 |
L-imsemmi għan kif ukoll l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura jippreżumu li l-persuna akkużata, jew l-avukat tagħha, tkun informata b’mod preċiż bil-fatti mressqa kontriha u bil-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom sabiex tkun tista’ tipparteċipa b’mod utli fit-trattazzjoni dwar il-fondatezza tal-akkuża, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, b’mod li ssostni l-pożizzjoni tagħha b’mod effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punti 92 u 93). |
|
37 |
F’dan il-każ, mill-formulazzjoni tal-ewwel domanda kif ukoll mill-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-obbligu li għandha qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu f’kawża kriminali li tinforma lill-persuna akkużata bil-modifika tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti inkriminati. |
|
38 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li l-informazzjoni dwar l-akkuża kkomunikata lid-difiża tista’ tkun is-suġġett ta’ emendi ulterjuri, b’mod partikolari fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti li jkunu s-suġġett tal-akkuża. Madankollu, tali emendi għandhom jiġu kkomunikati lill-persuna akkużata jew lill-avukat tagħha f’mument meta dawn ikun għad għandhom l-opportunità jirreaġixxu b’mod effettiv, qabel il-fażi tad-deliberazzjoni. Din il-possibbiltà hija prevista fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13, li jipprevedi li kull bidla fl-informazzjoni mogħtija abbażi ta’ dan l-artikolu, li ssir matul il-proċeduri kriminali, għandha tiġi kkomunikata malajr lill-persuna akkużata meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-ekwità tal-proċedura (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, ZX (Regolarizzazzjoni tal-att ta’ akkuża), C‑282/20, EU:C:2021:874, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Il-premessa 29 ta’ din id-direttiva tippreċiża wkoll, f’dan ir-rigward, li kull bidla relatata mal-elementi tal-akkuża li jseħħu matul il-proċeduri kriminali li taffettwa b’mod sinjifikattiv il-pożizzjoni tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata għandha tiġi kkomunikata lilhom, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-ekwità tal-proċeduri u fi żmien xieraq sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża. |
|
40 |
F’dan il-kuntest, għandha tiġi enfasizzata l-importanza determinanti tal-komunikazzjoni tal-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, din il-komunikazzjoni lill-persuna akkużata, jew lill-avukat tagħha, hija indispensabbli sabiex din tkun f’pożizzjoni li tifhem dak li hija akkużata bih, li torganizza d-difiża tagħha konsegwentement kif ukoll, jekk ikun il-każ, li tikkontesta l-ħtija tagħha billi turi l-assenza ta’ element wieħed jew iktar li jikkostitwixxu r-reat ikkonstatat. |
|
41 |
Konsegwentement, kull modifika fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu f’kawża kriminali jista’ jkollha effett determinanti fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll fuq in-natura ekwa tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13. |
|
42 |
Dan huwa l-każ, minn naħa, meta r-reat il-ġdid previst jinkludi elementi kostituttivi ġodda, li dwarhom il-persuna akkużata għad ma kellhiex l-opportunità li tippreżenta l-argumenti tagħha. |
|
43 |
F’tali sitwazzjoni, huwa manifestament neċessarju, sabiex tiġi ggarantita n-natura ekwa tal-proċedura kif jeżiġi l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13, li l-qorti kriminali li tiddeċiedi fuq il-mertu tinforma fi żmien xieraq lill-persuna akkużata, jew lill-avukat tagħha, bil-klassifikazzjoni l-ġdida prevista, f’mument li jippermettilha tipprepara d-difiża tagħha b’mod effikaċi, u toffri lil din il-persuna l-opportunità li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha b’mod konkret u effettiv fuq dan il-punt. |
|
44 |
F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha l-intenzjoni li ma tadottax il-klassifikazzjoni ta’ korruzzjoni mwettqa minn uffiċjal tal-investigazzjoni permezz ta’ estorsjoni b’abbuż ta’ poter, inizjalment adottata mill-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat), u li tissostitwixxih bil-klassifikazzjoni ta’ frodi jew dik ta’ eżerċizzju ta’ influwenza. Issa, dawn iż-żewġ reati tal-aħħar jinkludu elementi kostituttivi li dwarhom BK għad ma kellux l-opportunità li jippreżenta l-argumenti tiegħu. |
|
45 |
Min-naħa l-oħra, anki fl-ipoteżi fejn ir-reat il-ġdid previst ma jinkludix element kostituttiv ġdid meta mqabbel mar-reat preċedentement ikkonstatat, b’tali mod li l-persuna akkużata kellha l-opportunità, matul il-proċedura, li tippreżenta l-argumenti tagħha fuq l-elementi kollha li jikkostitwixxu dan ir-reat il-ġdid, il-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat mill-qorti kriminali li tiddeċiedi fuq il-mertu xorta madankollu jista’ jkollha effett mhux negliġibbli fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-persuna akkużata li lilha ġiet ikkomunikata l-klassifikazzjoni l-ġdida prevista torganizza d-difiża tagħha b’mod differenti. |
|
46 |
Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, f’dan il-kuntest, il-fatt li l-klassifikazzjoni l-ġdida ma tistax twassal għall-applikazzjoni ta’ piena iktar severa huwa irrilevanti. Fil-fatt, in-natura ekwa tal-proċedura teżiġi li l-persuna akkużata tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha. Issa, is-severità ikbar jew iżgħar tal-piena mġarrba ma hijiex relatata mal-kwistjoni dwar jekk dawn id-drittijiet setgħux jiġu eżerċitati. |
|
47 |
Minn dan isegwi li qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu f’kawża kriminali hija obbligata, meta jkollha l-intenzjoni li tikklassifika reat mill-ġdid, li tinforma fi żmien xieraq lill-persuna akkużata, jew lill-avukat tagħha, bil-klassifikazzjoni l-ġdida prevista, f’mument u f’kundizzjonijiet li jippermettu lil din il-persuna tipprepara d-difiża tagħha b’mod effikaċi, u li joffrulha l-opportunità li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha b’mod konkret u effettiv fid-dawl ta’ din il-klassifikazzjoni, sabiex tiġi ggarantita n-natura ekwa tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13. In-neċessità li jingħata terminu lill-persuna akkużata sabiex tipprepara jew tirrevedi d-difiża tagħha f’tali kuntest kif ukoll it-tul ta’ dan it-terminu huma elementi li għandhom jiġu ddeterminati minn dik il-qorti skont iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. |
|
48 |
L-interpretazzjoni li tinsab fil-punt preċedenti hija kkonfermata mill-għanijiet tad-Direttiva 2012/13. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 3, 9 u 14 tagħha, din id-direttiva, permezz tal-istabbiliment ta’ standards minimi komuni fil-qasam li persuni ssuspettati jew akkużati b’reat kriminali jiġu informati dwar id-drittijiet tagħhom u dwar l-akkuża mressqa kontrihom, għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u, għaldaqstant, li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi kif ukoll tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali. |
|
49 |
Issa, u kif irrilevat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punti 59 sa 71 tal-konklużjonijiet tagħha, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, li tieħu l-forma ta’ regola ċara u sempliċi ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-obbligu, għall-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu f’kawża kriminali, li tinforma lill-persuna akkużata fi żmien xieraq meta din il-qorti jkollha l-intenzjoni li tikklassifika r-reat mill-ġdid, tikkontribwixxi għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll għan-natura ekwa tal-proċedura kriminali fl-Istati Membri. B’dan il-mod, din l-interpretazzjoni ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn dawn l-Istati u, għaldaqstant, tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi kif ukoll tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam kriminali, konformement mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-direttiva. |
|
50 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tippermetti lil qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu f’kawża kriminali li tadotta klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti inkriminati differenti minn dik inizjalment adottata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur mingħajr ma tinforma fi żmien xieraq lill-persuna akkużata bil-klassifikazzjoni l-ġdida prevista f’mument u f’kundizzjonijiet li jippermettulha tipprepara d-difiża tagħha b’mod effikaċi, u, għaldaqstant, mingħajr ma toffri lil din il-persuna l-opportunità li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha b’mod konkret u effettiv fid-dawl ta’ din il-klassifikazzjoni l-ġdida. F’dan il-kuntest, il-fatt li l-imsemmija klassifikazzjoni ma tistax twassal għall-applikazzjoni ta’ piena iktar severa mir-reat li bih il-persuna kienet inizjalment akkużata ma għandu l-ebda rilevanza. |
Fuq it‑tieni domanda
|
51 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għal dan l-għan, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha. Fil-fatt, il-fatt li qorti nazzjonali tkun ifformulat, minn perspettiva formali, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża quddiemha, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom fid-domandi tagħha (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Ministre de la Transition écologique u Premier ministre (Responsabbiltà tal-Istat għat-tniġġis tal-arja), C‑61/21, EU:C:2022:1015, punt 34). |
|
52 |
F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din għandha dubji, fil-każ tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu f’kawża kriminali, dwar l-imparzjalità ta’ din l-aħħar qorti, meta l-klassifikazzjoni l-ġdida ssir fuq inizjattiva tagħha, u dwar ir-rispett tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, meta l-klassifikazzjoni l-ġdida tkun ġiet proposta mill-persuna akkużata. |
|
53 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2016/343 jiggarantixxu, rispettivament, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu. |
|
54 |
Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 2016/343 kif ukoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu f’kawża kriminali tagħżel, fuq inizjattiva tagħha stess jew wara suġġeriment mill-persuna akkużata, klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti inkriminati li hija differenti minn dik inizjalment adottata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, inkluż fil-każ fejn dik il-qorti tkun informat fi żmien xieraq lill-persuna akkużata bil-klassifikazzjoni l-ġdida prevista, f’mument u f’kundizzjonijiet li ppermettewlha tipprepara d-difiża tagħha b’mod effikaċi, u b’hekk tkun offriet lil din il-persuna l-opportunità li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha b’mod konkret u effettiv fid-dawl tal-klassifikazzjoni l-ġdida hekk adottata. |
|
55 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li regola nazzjonali li tippermetti lil qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu f’kawża kriminali li tikklassifika r-reat mill-ġdid ma tistax, fiha nnifisha, tqiegħed inkwistjoni l-preżunzjoni tal-innoċenza ggarantita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343, jew l-imparzjalità ta’ dik il-qorti fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, u dan anki meta l-klassifikazzjoni l-ġdida tkun saret fuq inizjattiva tagħha. |
|
56 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li d-dritt ta’ Stat Membru jista’ jagħti lill-qrati kriminali li jiddeċiedu fuq il-mertu s-setgħa li jikklassifikaw mill-ġdid il-fatti li jkunu aditi bihom regolarment, bil-kundizzjoni li jiżguraw li l-akkużati kellhom l-opportunità li jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom dwar dan il-punt b’mod konkret u effettiv, billi jiġu informati, fi żmien xieraq, bil-kawża tal-akkuża, jiġifieri bil-fatti materjali li huma akkużati bihom u li fuqhom hija bbażata l-akkuża, iżda wkoll bil-klassifikazzjoni ġuridika mogħtija lil dawn il-fatti u dan irid ikun fid-dettall (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro,C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 55). |
|
57 |
Fil-fatt, il-fatt li qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu tiddeċiedi li tikklassifika reat mill-ġdid, mingħajr intervent f’dan is-sens tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, jindika li dik il-qorti tqis li l-fatti inkriminati jistgħu, jekk jirriżulta li huma stabbiliti, jikkorrispondu għal din il-klassifikazzjoni l-ġdida, u mhux li l-imsemmija qorti tkun diġà ħadet pożizzjoni dwar il-ħtija tal-persuna akkużata. |
|
58 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, imsemmi fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2016/343, il-fatt li l-persuna akkużata tissuġġerixxi klassifikazzjoni ġdida tal-fatti li bihom hija akkużata ma jimplikax, fih innifsu, li din il-persuna tirrikonoxxi l-ħtija tagħha fir-rigward tal-klassifikazzjoni l-ġdida. |
|
59 |
Mill-bqija, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li, għalkemm BK kien indika li l-fatti kif ippreżentati mill-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat) kellhom jiġu kklassifikati bħala frodi u mhux bħala korruzzjoni, huwa madankollu ma kienx aċċetta l-ħtija tiegħu għar-reat ta’ frodi. |
|
60 |
Fi kwalunkwe każ, l-ebda regola tad-dritt tal-Unjoni ma tipprojbixxi lil persuna akkużata milli tammetti li hija wettqet reat. |
|
61 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 2016/343 kif ukoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu f’kawża kriminali tagħżel, fuq inizjattiva tagħha stess jew wara suġġeriment mill-persuna akkużata, klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti inkriminati li hija differenti minn dik inizjalment adottata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, sakemm dik il-qorti tkun informat fi żmien xieraq lill-persuna akkużata bil-klassifikazzjoni l-ġdida prevista, f’mument u f’kundizzjonijiet li ppermettewlha tipprepara d-difiża tagħha b’mod effikaċi, u b’hekk tkun offriet lil din il-persuna l-opportunità li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha b’mod konkret u effettiv fid-dawl tal-klassifikazzjoni l-ġdida hekk adottata. |
Fuq l‑ispejjeż
|
62 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.