Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0167

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2023.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tad-Danimarka.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq – Regolament (KE) Nru 1072/2009 – Artikoli 8 u 9 – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Perijodu ta’ mistrieħ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi tul massimu ta’ parkeġġ ta’ 25 siegħa fiż-żoni ta’ mistrieħ pubbliċi tul in-network tal-awtostradi ta’ Stat Membru – Ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bit-triq – Oneru tal-prova.
Kawża C-167/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:1020

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq – Regolament (KE) Nru 1072/2009 – Artikoli 8 u 9 – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Perijodu ta’ mistrieħ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi tul massimu ta’ parkeġġ ta’ 25 siegħa fiż-żoni ta’ mistrieħ pubbliċi tul in-network tal-awtostradi ta’ Stat Membru – Ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bit-triq – Oneru tal-prova”

Fil-Kawża C‑167/22,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl‑4 ta’ Marzu 2022,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn L. Grønfeldt u P. Messina, sussegwentement minn L. Grønfeldt, P. Messina u G. Wilms, u finalment minn P. Messina, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

intervenjenti,

vs

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat inizjalment minn J. Farver Kronborg, V. Pasternak Jørgensen u M. Søndahl Wolff, sussegwentement minn J. Farver Kronborg, C. Maertens u M. Jespersen, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Mejju 2023,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi stabbilixxa regola li tillimita għal 25 siegħa t-tul massimu ta’ parkeġġ fiż-żoni ta’ mistrieħ pubbliċi tul in-network Daniż tal-awtostradi (iktar ’il quddiem ir-“regola tal‑25 siegħa”), ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport previsti fl-Artikoli 1, 8 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU 2009, L 300, p. 72, rettifika fil-ĠU 2018, L 241, p. 14).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 1072/2009

2

Skont il-premessi 2, 4, 5 u 13 tar-Regolament Nru 1072/2009:

“(2)

L-istabbiliment ta’ politika komuni tat-trasport tinvolvi, inter alia, l-istipular ta’ regoli komuni applikabbli għall-aċċess għas-suq fit-trasport bit-triq internazzjonali ta’ merkanzija fit-territorju Komunitarju, kif ukoll jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li bihom trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi tat-trasport fi Stat Membru. Dawk ir-regoli għandhom jiġu stabbiliti b’mod li jikkontribwixxu għall-operat bla xkiel tas-suq intern tat-trasport.

[...]

(4)

L-istabbiliment ta’ politika tat-trasport komuni timplika t-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha kontra l-persuna li tipprovdi s-servizzi ta’ trasport fuq bażi taċ-ċittadinanza jew il-fatt li hija stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak fejn ikun ser jiġi provdut is-servizz.

(5)

Sabiex dan jinkiseb mingħajr xkiel u flessibbilment, għandha ssir disposizzjoni għal reġim transizzjonali ta’ kabotaġġ sakemm l-armonizzazzjoni tas-suq tat-trasport bit-triq tal-merkanzija ma tkunx ġiet kompluta.

[…]

(13)

Trasportaturi li jkollhom liċenzi Komunitarji kif previst f’dan ir-Regolament u trasportaturi awtorizzati li joperaw ċerti kategoriji ta’ servizzi internazzjonali ta’ trasport ta’ merkanzija għandhom ikunu permessi li jwettqu servizzi nazzjonali ta’ trasport fuq bażi temporanja fi Stat Membru fuq bażi temporanja, f’konformità ma’ dan ir-Regolament mingħajr ma jkollhom uffiċċju reġistrat jew stabbiliment ieħor hemmhekk. Meta jitwettqu tali operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, dawn għandhom ikunu soġġetti għal-leġislazzjoni Komunitarja bħar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 [dwar l-armonizzazzjoni ta’ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 195, p. 83)] u għal-liġi nazzjonali applikabbli f’oqsma speċifikati li jkunu fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti.”

3

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq internazzjonali tal-merkanzija bil-kiri jew b’kumpens għall-vjaġġi li jsiru fit-territorju Komunitarju.

[…]

4.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq nazzjonali tal-merkanzija li jitwettaq fuq bażi temporanja minn trasportatur mhux residenti kif previst fil-Kapitolu III.

[…]”

4

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(2)

‘trasport internazzjonali’ tfisser:

(a)

vjaġġ mgħobbi magħmul minn vettura li l-postijiet tat-tluq u tal-wasla tagħha jkunu f’żewġ Stati Membri differenti, billi jgħaddi jew bla ma jgħaddi minn xi Stat Membru wieħed jew aktar jew minn pajjiżi terzi;

(b)

vjaġġ mgħobbi li jsir minn vettura minn Stat Membru lejn pajjiż terz jew viċeversa, sew jekk jgħaddi kif ukoll jekk ma jgħaddix minn Stat Membru wieħed jew aktar jew minn pajjiżi terzi;

(ċ)

vjaġġ mgħobbi li jsir minn vettura bejn pajjiżi terzi, bil-mogħdija mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar minn wieħed; jew

(d)

vjaġġ bla tagħbija li huwa involut ma’ trasport imsemmi fil-punti (a), (b) u ([ċ]);

[…]

(6)

‘operazzjonijiet ta’ kabotaġġ’ tfisser trasport nazzjonali għall-kiri jew għall-kumpens imwettaq fuq bażi temporanja fi Stat Membru ospitanti f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

[…]”

5

Il-Kapitolu III tal-istess regolament, intitolat “Kabotaġġ”, jinkludi l-Artikoli 8 sa 10.

6

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009, intitolat “Prinċipju Ġenerali”, jipprovdi:

“1.   Kull trasportatur b’kiri jew qligħ, li huwa detentur ta’ liċenza Komunitarja u li x-xufier tiegħu, jekk ikun ċittadin ta’ pajjiż terz, ikollu l-attestazzjoni tax-xufier, ikun intitolat, permezz tal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu, iwettaq operazzjonijiet ta’ kabotaġġ.

2.   Ladarba l-merkanzija li tinġarr tul vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel tiġi kkunsinjata, it-trasportaturi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikun permessi jwettqu, bl-istess vettura, jew, fil-każ ta’ vetturi mgħaqqdin, il-vettura bil-mutur ta’ dik l-istess vettura, sa tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ wara t-trasport internazzjonali minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz għall-Istat Membru ospitanti. L-aħħar ħatt tul operazzjoni tal-kabotaġġ qabel it-tluq mill-Istat Membru ospitanti għandu jsseħħ fi żmien sebat ijiem mill-aħħar ħatt fl-Istat Membru ospitanti waqt il-vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel.

Fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu, it-trasportaturi jistgħu jwettqu wħud mill-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, jew kollha kemm huma, permessi taħt dak is-subparagrafu fi kwalunkwe Stat Membru bil-kondizzjoni li jkunu limitati għal operazzjoni ta’ kabotaġġ waħda għal kull Stat Membru fi żmien tlett ijiem mid-dħul mhux mgħobbi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

[…]”

7

L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli applikabbli għall-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ”, jipprovdi:

“1.   It-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ għandu jkun soġġett, sakemm mhux previst mod ieħor fil-leġislazzjoni Komunitarja, għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

(a)

il-kondizzjonijiet li jiggwidaw il-kuntratt tat-trasport;

(b)

il-piżijiet u l-qisien ta’ vetturi;

(ċ)

il-ħtiġiet li jirriferu għat-tagħbija ta’ ċerti kategoriji ta merkanzija, b’mod partikolari merkanzija perikoluża, affarijiet tal-ikel li jiħżienu, u annimali ħajjin;

(d)

il-ħin tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ

(e)

it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq servizzi ta’ trasport.

[…]

2.   Il-liġijiet, ir-regoli u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu applikati għat-trasportaturi mhux residenti bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li huma imposti fuq it-trasportaturi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti, sabiex ma jitħalliex li ssir diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ nazzjonalità jew ta’ post fejn wieħed jistabbilixxi lilu nnifsu.”

Ir‑Regolament Nru 561/2006

8

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 561/2006 jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq:

(a)

ta’ merkanzija fejn il-massa massima permessa tal-vetturi, inkluż kwalunkwe karru, jew nofs-karru, taqbeż it‑3,5 tunnellati,

[…]”

9

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(f)

‘perijodu ta’ mistrieħ’ tfisser kwalunkwe perijodu bla interruzzjoni li fih ix-xufier jista’ jagħmel li jrid bil-ħin tiegħu;

(g)

‘perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum’ tfisser il-perijodu ta’ kuljum li fih xufier jista’jagħmel li jrid bil-ħin tiegħu u jkopri ‘perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kuljum’ u ‘perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kuljum’:

‘perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kuljum’ tfisser kull perijodu bla interruzzjoni ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas 11-il siegħa. Bħala alternattiva, dan il-perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’kuljum jista’ jittieħed f’żewġ perijodi, l-ewwel wieħed għandu jkun perijodu bla interruzzjoni ta’ mill-inqas 3 sigħat u t-tieni wieħed ikun perijodu bla interruzzjoni ta’ mill-inqas 9 sigħat;

‘perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kuljum’ tfisser kull perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas 9 sigħat imma anqas minn 11-il siegħa;

(h)

‘perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa’ tfisser perijodu ta’ kull ġimgħa li matulu xufier jista’ juża l-ħin tiegħu kif irid u jkopri ‘perijodu regolari ta’ mistrieħ fil-ġimgħa’ u ‘perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa’.

‘perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa’ tfisser kwalunkwe perijodu ta’ mistrieħ mill-inqas ta’ 45 siegħa;

‘perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa’ tfisser kull perijodu ta’ mistrieħ ta’ anqas minn 45 siegħa, li jista’, bla ħsara għall-kondizzjonijiet fl-Artikolu 8(6), jitqassar għal minimu ta’ 24 siegħa konsekuttivi;

[…]”

10

Il-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, intitolat “Ekwipaġġ, ħinijiet tas-sewqan, pawżi u perijodi ta’ mistrieħ”, jinkludi l-Artikoli 5 sa 9.

11

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 561/2006 jipprovdi:

“1.   Il-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum ma għandux jeċċedi d-disa’ sigħat.

Madankollu, il-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum jista jiġi estiż għal massimu ta’ 10 sigħat mhux aktar minn darbtejn f’ġimgħa.

2.   Il-ħin ta’ sewqan ta’ kull ġimgħa ma għandux jeċċedi is‑56 siegħa u ma għandux jeċċedi l-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa kif stabbilit fid-Direttiva 2002/15/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 224)].

3.   It-total tal-ħin akkumulat tas-sewqan matul kull ġimagħtejn konsekuttivi ma għandux jeċċedi 90 siegħa.

[…]”

12

L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Ix-xufier għandu jieħu perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa.

2.   F’kull perijodu ta’ 24 siegħa wara t-tmiem tal-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum ta’ qabel jew il-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ qabel ix-xufier għandu jkun ħa perijodu ġdid ta’ mistrieħ ta’ kuljum.

Jekk il-porzjon tal-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum li taqa’ f’dak il-perijodu ta’ 24 siegħa huwa mhux inqas minn 9 sigħat imma inqas minn 11-il siegħa, il-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum għandu jitqies bħala perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kuljum.

[…]

6.   F’kull ġimagħtejn konsekuttivi, xufier għandu jieħu mill-inqas:

żewġ perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, jew

perijodu wieħed regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa u perijodu wieħed mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ mhux inqas minn 24 siegħa. Madankollu, it-tnaqqis għandu jkun ikkumpensat minn mistrieħ ekwivalenti meħud en bloc qabel tmiem it-tielet ġimgħa wara l-ġimgħa in kwistjoni.

Perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa għandu jibda mhux aktar tard mit-tmiem ta’ sitt perijodi ta’ 24 siegħa il-wieħed mit-tmiem tal-perijodu ta’ qabel ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa.

7.   Kwlaunkwe mistrieħ meħud bħala kumpens għal perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa għandu jittieħed flimkien ma’ perijodu ieħor ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas disa’ sigħat.

8.   Fejn xufier jagħżel li jagħmel dan, perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u perijodi imnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ’il bogħod mill-bażi jistgħu jittieħdu f’vettura, kemm-il darba din ikollha faċilitajiet għall-irqad xierqa għal kull xufier u l-vettura tkun wieqfa.

[…]”

13

Skont l-Artikolu 10(2) tal-imsemmi regolament, li jinsab fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Responsabbiltà ta’ l-impriża tat-trasport”:

“Impriża tat-trasport għandha torganizza x-xogħol tax-xufiera msemmija fil-paragrafu 1 b’tali mod illi x-xufiera jkunu jistgħu jikkonformaw [ma]l-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament. L-impriża tat-trasport għandha tagħti struzzjonijiet kif jixraq lix-xufier u għandha tagħmel kontrolli regolari sabiex tiżgura l-konformità [ma]l-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament.”

Id‑dritt Daniż

14

Ir-regola tal‑25 siegħa ma hijiex espliċitament prevista fil-leġiżlazzjoni jew fid-dispożizzjonijiet amministrattivi Daniżi. Din ir-regola ġiet introdotta wara l-ftehim bejn il-Gvern Daniż u l-Partit Popolari Daniż dwar il-Liġi Finanzjarja għall‑2018 u ġiet implimentata mill-awtorità tat-toroq skont l-Artikolu 92(1) tal-færdselsloven (il-Kodiċi tat-Triq). Hija daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2018.

Il‑proċedura prekontenzjuża

15

Wara li bagħtet talba għal informazzjoni lir-Renju tad-Danimarka dwar ir-regola tal-25 siegħa, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura għal ksur minħabba n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tiġi żgurata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport kif iggarantita mir-Regolament Nru 1072/2009. F’ittra ta’ intimazzjoni indirizzata lir-Renju tad-Danimarka, fl‑20 ta’ Lulju 2018, abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni sostniet, essenzjalment, li, għalkemm ma tintroduċix direttament diskriminazzjoni, ir-regola tal‑25 siegħa madankollu tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport peress li ma taffettwax bl-istess mod lit-trasportaturi bit-triq Daniżi u lit-trasportaturi bit-triq mhux residenti.

16

Ir-Renju tad-Danimarka wieġeb permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Settembru 2018 fejn ikkontesta kull ksur f’dan ir-rigward. Fid‑19 ta’ Frar 2019, huwa pprovda l-informazzjoni addizzjonali li sadanittant kienet intalbet mill-Kummissjoni.

17

Peress li qieset li l-argumenti mressqa mir-Renju tad-Danimarka bi tweġiba għall-ittra ta’ intimazzjoni, kif ukoll l-informazzjoni u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn dan l-Istat Membru fil-korrispondenza sussegwenti ma kinux konvinċenti, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Mejju 2020, bagħtet opinjoni motivata lir-Renju tad-Danimarka, skont l-Artikolu 258 TFUE, minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu taħt ir-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport previsti fl-Artikoli 1, 8 u 9 tar-Regolament Nru 1072/2009.

18

F’din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni spjegat li, fil-fehma tagħha, ir-regola tal‑25 siegħa tikkostitwixxi restrizzjoni li tostakola l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport peress li taffettwa lit-trasportaturi mhux residenti b’mod iktar serju milli taffettwa lit-trasportaturi Daniżi. Barra minn hekk, din ir-restrizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għanijiet invokati mir-Renju tad-Danimarka peress li r-regola tal‑25 siegħa ma hijiex xierqa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u/jew tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu.

19

Fit-tweġiba tiegħu tal‑14 ta’ Settembru 2020 għall-opinjoni motivata, ir-Renju tad-Danimarka sostna li r-regola tal‑25 siegħa hija konformi mad-dritt tal-Unjoni. Skontu, din ir-regola ma tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport peress li tapplika kemm għat-trasportaturi Daniżi kif ukoll għat-trasportaturi mhux residenti u peress li dawn tal-aħħar għandhom possibbiltajiet oħra ta’ parkeġġ fid-Danimarka.

20

Fi kwalunkwe każ, ir-regola tal‑25 siegħa hija ġġustifikata fid-dawl ta’ għanijiet leġittimi, jiġifieri li tiġi ggarantita kapaċità effettiva ikbar ta’ parkeġġ sabiex is-sewwieqa jkunu jistgħu jieħdu l-pawżi tagħhom u l-perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ tagħhom, li jitwaqqaf il-parkeġġ illegali u perikoluż għat-traffiku fiż-żoni ta’ mistrieħ fuq l-awtostradi, li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb taż-żoni ta’ mistrieħ billi jiġu miġġielda l-effetti negattivi tal-parkeġġ għal żmien twil u li x-xufiera jiġu ggarantiti ambjent tajjeb u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, peress li ż-żoni ta’ mistrieħ fuq l-awtostradi Daniżi ma humiex adattati għal perijodi ta’ waqfien twal.

21

Peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti mressqa mill-Gvern Daniż bi tweġiba għall-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Lulju 2022, ir-Repubblika tal-Polonja tħalliet tintervjeni insostenn tal-Kummissjoni.

Fuq ir‑rikors

Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rikors

L‑argumenti tal‑partijiet

23

Skont ir-Renju tad-Danimarka, ir-rikors huwa inammissibbli. Minn naħa, dan ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ koerenza, ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa skont l-Artikolu 120(c) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja minħabba riferimenti għal kollox ġenerali għall-Artikoli 1, 8 u 9 tar-Regolament Nru 1072/2009, li min-naħa tagħhom għandhom portata wiesgħa ħafna, mingħajr ma huma identifikati r-regoli preċiżi li jinsabu fl-imsemmija dispożizzjonijiet u li allegatament inkisru f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, ma hemmx konkordanza bejn it-talbiet u l-motivi invokati fir-rikors, sa fejn f’dan tal-aħħar il-Kummissjoni tirreferi f’diversi postijiet għal-Artikoli 1, 4, 6 u 8 tar-Regolament Nru 561/2006, filwaqt li dawn l-artikoli ma jissemmewx fl-imsemmija talbiet.

24

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

25

Minn ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika b’mod ċar u preċiż is-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat tali rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u b’mod li jkunu jistgħu jinftiehmu mit-test stess tar-rikors u li t-talbiet ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Aġġornament tal-istrateġiji marini), C‑510/20, EU:C:2022:324, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, dan għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż, sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni allegat, kundizzjoni din li hija neċessarja sabiex dan l-Istat ikun jista’ jsostni b’mod utli d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Aġġornament tal-istrateġiji marini), C‑510/20, EU:C:2022:324, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

B’mod partikolari, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jinkludi espożizzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wassluha għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Aġġornament tal-istrateġiji marini), C‑510/20, EU:C:2022:324, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, fl-ewwel lok, mir-rikors promotur jirriżulta b’mod ċar li, skont il-Kummissjoni, meta introduċa r-regola tal‑25 siegħa, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport previsti fl-Artikoli 1, 8 u 9 tar-Regolament Nru 1072/2009, peress li dawn l-artikoli għandhom, skont din l-istituzzjoni, jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE, u peress li din ir-regola tikkostitwixxi, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, ostakolu għad-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport tal-merkanzija stabbilita fl-artikoli ċċitati iktar ’il fuq ta’ dan ir-regolament.

29

Barra minn hekk, sa fejn ir-Renju tad-Danimarka jikkritika lill-Kummissjoni li lanqas ma ppreċiżat il-partijiet rilevanti tal-imsemmija artikoli li allegatament kiser, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali preċiżazzjonijiet ma kinux neċessarji sabiex ir-Renju tad-Danimarka, l-ewwel nett, ikun jista’ jifhem ir-raġunijiet, li għadhom kemm tfakkru, għaliex il-Kummissjoni qieset li huwa kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni u, it-tieni nett, ikun jista’ jsostni b’mod utli l-argumenti ta’ difiża tiegħu f’dan ir-rigward.

30

Fit-tieni lok, mill-kliem tar-rikors jirriżulta mingħajr ekwivoku li l-Kummissjoni ma tiddikjarax li r-regola tal‑25 siegħa tmur kontra r-Regolament Nru 561/2006, iżda tqis li din ir-regola introduċiet ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport fid-Danimarka minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li tagħmilha ħafna iktar diffiċli għal trasportatur stabbilit fi Stat Membru ieħor li josserva t-tul ta’ ħin tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ previsti f’dan ir-regolament milli għal trasportatur stabbilit fid-Danimarka. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li fir-rikors isir riferiment, insostenn tal-ilment ibbażat fuq ksur tar-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport previsti fl-Artikoli 1, 8 u 9 tar-Regolament Nru 1072/2009, għal diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 561/2006, mingħajr ma dawn tal-aħħar jiġu ċċitati fit-talba tar-rikors, bl-ebda mod ma jmur kontra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 120 tar-Regoli tal-Proċedura, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha.

31

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikors ineżami huwa ammissibbli.

Fuq il‑mertu

L‑argumenti tal‑partijiet

32

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Gvern Pollakk, issostni li r-regola tal‑25 siegħa tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bit-triq, li hija prevista fir-Regolament Nru 1072/2009 u, b’mod partikolari, fl-Artikoli 1, 8 u 9 tiegħu. Minn naħa, din ir-regola taffettwa l-kapaċità tas-sewwieqa li jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet dwar il-perijodi mnaqqsa u normali ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa kif ukoll dwar il-ħin totali ta’ sewqan previsti fl-Artikoli 4, 6 u 8 tar-Regolament Nru 561/2006. F’dan ir-rigward, il-preżenza ta’ żoni ta’ parkeġġ fl-Istati Membri, irrispettivament minn jekk humiex b’xejn jew bi ħlas, u minn jekk humiex pubbliċi jew le, hija, fil-fatt, neċessarja għall-eżerċizzju tad-drittijiet previsti fir-Regolament Nru 1072/2009.

33

Min-naħa l-oħra, minkejja li tapplika kemm għat-trasportaturi stabbiliti fid-Danimarka kif ukoll għat-trasportaturi mhux residenti, ir-regola tal‑25 siegħa ma taffettwahomx bl-istess mod peress li huwa relattivament faċli għat-trasportaturi li għandhom ċentru operattiv fid-Danimarka sabiex jirrikjedu lis-sewwieqa tagħhom isuqu t-trakkijiet tagħhom lejn dan iċ-ċentru. Din ir-regola tant illimitat il-possibbiltajiet eżistenti ta’ parkeġġ li, fid-dawl tal-obbligu li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq dwar il-perijodi ta’ mistrieħ u ta’ sewqan, ħolqot ostakolu għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport fid-Danimarka mit-trasportaturi mhux residenti. F’dan ir-rigward, il-kapaċitajiet ta’ parkeġġ alternattivi msemmija mir-Renju tad-Danimarka huma insuffiċjenti peress li ma jkoprux it-territorju Daniż kollu, u huma kkonċentrati wisq qrib il-fruntieri tiegħu.

34

L-ostakolu introdott permezz tar-regola tal‑25 siegħa, li l-għan iddikjarat tagħha kien, barra minn hekk, li jiġi prekluż “b’mod iktar partikolari l-parkeġġ għal żmien twil ta’ trakkijiet barranin fiż-żoni ta’ mistrieħ Daniżi”, kif jirriżulta mit-termini tal-ftehim imsemmi fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, ma huwa barra minn hekk iġġustifikat minn ebda waħda mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku invokati mir-Renju tad-Danimarka.

35

Dan l-Istat Membru jikkontesta l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni.

36

Fil-fehma tiegħu, sa fejn la r-Regolament Nru 1072/2009 u lanqas ir-Regolament Nru 561/2006 ma jinkludu dispożizzjonijiet li jirregolaw il-parkeġġ fid-diversi Stati Membri u sa fejn il-kompetenza sabiex jiġu stabbiliti regoli dwar it-tul tal-parkeġġ fiż-żoni ta’ mistrieħ tal-Istati Membri tappartjeni, għaldaqstant, lil dawn tal-aħħar u mhux lill-Unjoni, ma teżisti ebda projbizzjoni ġenerali li jiġu introdotti restrizzjonijiet bħalma huma restrizzjonijiet ta’ parkeġġ, sakemm dawn ikunu nondiskriminatorji, konformement ma’ dak li tiddikjara l-premessa 4 tar-Regolament Nru 1072/2009. L-Artikolu 56 TFUE ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, li jaqa’ taħt l-Artikolu 58 TFUE dwar il-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport.

37

Barra minn hekk, fir-rigward tal-ħtieġa ta’ żoni ta’ parkeġġ, li n-neċessità tagħhom, fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet previsti f’dawn ir-regolamenti, ma hijiex ikkontestata mir-Renju tad-Danimarka, din il-ħtieġa hija ssodisfatta fid-Danimarka fid-dawl, b’mod partikolari, tan-numru ta’ postijiet ta’ parkeġġ mhux pubbliċi, disponibbli għall-perijodi ta’ mistrieħ għal żmien twil ta’ iktar minn 25 siegħa, liema postijiet huma barra minn hekk aċċessibbli xi drabi mingħajr ħlas u xi drabi bi spiża baxxa ħafna, u ħafna drabi mingħajr limitazzjoni tat-tul tal-parkeġġ, u huma mqassma prinċipalment tul l-iktar toroq użati mit-traffiku tat-trakkijiet, kif jirriżulta mid-dokumentazzjoni prodotta minn dan l-Istat Membru. Min-naħa tagħhom, iż-żoni ta’ mistrieħ fuq l-awtostradi pubbliċi għandhom l-għan prinċipali li jippermettu lill-utenti tat-triq jistrieħu, jirrilassaw u jitrejqu mingħajr ma huma maħsuba għal waqfiet fit-tul li jimplikaw aċċess suffiċjenti għall-akkomodazzjoni u għal faċilitajiet f’termini ta’ iġjene, ta’ ristoranti u ta’ rikreazzjoni.

38

Fi kwalunkwe każ, ir-regola tal‑25 siegħa hija xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mill-imsemmi Stat Membru, b’mod partikolari dak tal-promozzjoni u tat-titjib tas-sigurtà fit-toroq kif ukoll tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa, u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju u xieraq sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

39

Għandu jitfakkar, qabel xejn, li s-servizzi li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt il-klassifikazzjoni ta’ “servizz fil-qasam tat-trasport”, ma humiex koperti mill-Artikolu 56 TFUE, dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi b’mod ġenerali, iżda mill-Artikolu 58(1) TFUE, li hija dispożizzjoni speċifika li tipprevedi li “[i]l-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport għandu jiġi regolat mid-dispożizzjonijiet ta’ l-intestatura dwar it-trasport”, jiġifieri mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li jinkludi l-Artikoli 90 sa 100 TFUE (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi,C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, servizz fil-qasam tat-trasport, fis-sens tal-Artikolu 58(1) TFUE, huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑626/18, EU:C:2020:1000, punt 145 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Huwa minnu li dan ma jipprekludix li att tal-Unjoni adottat abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar it-trasport ikun jista’, sa fejn jiġi ddeterminat f’dan l-att, jagħmel applikabbli għal settur tat-trasport il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑381/93, EU:C:1994:370, punti 1213).

41

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1072/2009, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 71 KE (li sar l-Artikolu 91 TFUE), japplika, skont l-Artikolu 1(1) u (4) tiegħu, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Artikolu 2 tiegħu, għat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq f’isem terzi għall-vjaġġi mwettqa fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll għall-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, jiġifieri t-trasport nazzjonali ta’ merkanzija bit-triq f’isem terzi mwettaq b’mod temporanju minn trasportatur mhux residenti. Mill-premessi 2 u 4 tiegħu jirriżulta li dan ir-regolament jagħmel parti mill-atti tal-Unjoni maħsuba sabiex tiġi stabbilita politika komuni tat-trasport, atti li jimplikaw, għaldaqstant it-“tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha kontra l-persuna li tipprovdi s-servizzi ta’ trasport fuq bażi taċ-ċittadinanza jew il-fatt li hija stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak fejn ikun ser jiġi provdut is-servizz”. Konformement ma’ dan l-għan, b’mod partikolari, l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 1072/2009 jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li fihom, ladarba l-merkanzija ttrasportata matul trasport internazzjonali lejn l-Istat Membru ospitanti tkun ġiet ikkunsinnata, it-trasportaturi ta’ din il-merkanzija huma awtorizzati jwettqu l-imsemmija operazzjonijiet ta’ kabotaġġ.

42

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 jispeċifika, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament għandhom japplikaw għat-trasportaturi mhux residenti bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li huma imposti fuq it-trasportaturi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti, sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew fuq il-post ta’ stabbiliment.

43

Fir-rigward tal-argument tar-Renju tad-Danimarka dwar il-fatt li l-kompetenza sabiex jiġu stabbiliti regoli dwar it-tul tal-parkeġġ fiż-żoni ta’ mistrieħ pubbliċi tappartjeni lill-Istati Membri u mhux lill-Unjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk, f’dan il-każ, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1072/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Vorarlberger Landes- und Hypothekenbank, C‑625/17, EU:C:2018:939, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli dwar il-perijodi tas-sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ li għandhom jiġu osservati, skont ir-Regolament Nru 561/2006, mis-sewwieqa li jwettqu t-trasport ta’ merkanzija b’vetturi li l-massa massima awtorizzata tagħhom taqbeż it‑3.5 tunnellati, li għalihom jirreferu espliċitament, barra minn hekk, il-premessa 13 u l-Artikolu 9(1)(d) tar-Regolament Nru 1072/2009. Fil-fatt, il-possibbiltà, għal dawn is-sewwieqa, li josservaw ir-regoli dwar il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ previsti f’dan ir-regolament tista’ tiddependi, fost l-oħrajn, mid-disponibbiltà ta’ żoni ta’ mistrieħ fuq l-awtostradi.

45

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, min-natura tagħha stess, regola li tistabbilixxi għal 25 siegħa t-tul massimu ta’ parkeġġ fiż-żoni ta’ mistrieħ pubbliċi tul in-network tal-awtostradi ta’ Stat Membru għandha l-konsegwenza li tagħmel dawn iż-żoni ta’ mistrieħ indisponibbli għall-finijiet tal-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa (ta’ mill-inqas 45 siegħa) u tal-perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa (ta’ inqas minn 45 siegħa, li jistgħu jitnaqqsu, b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 561/2006, għal minimu ta’ 24 siegħa konsekuttivi), bl-unika eċċezzjoni tal-perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ bejn 24 u 25 siegħa.

46

Minn dan isegwi li, a priori, tali regola jista’ jkollha effett konkret fuq l-eżerċizzju, mit-trasportaturi mhux residenti, tad-drittijiet ta’ trasport, b’mod partikolari, tad-dritt li jwettqu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, li huma jgawdu taħt ir-Regolament Nru 1072/2009 u tista’ taffettwa iktar lil dawn tal-aħħar milli lit-trasportaturi li għandhom ċentru operattiv fid-Danimarka u li għalihom, minħabba f’hekk, ikun iktar faċli li jirrikjedu lis-sewwieqa tagħhom isuqu t-trakkijiet lejn dan iċ-ċentru.

47

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil‑kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li għandha tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma l-Kummissjoni ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana), C‑559/19, EU:C:2021:512, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan il-każ, ir-Renju tad-Danimarka pproduċa, fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża u fl-anness tar-risposta tiegħu, data dwar in-numru ta’ postijiet ta’ parkeġġ għall-vetturi li l-massa massima awtorizzata tagħhom taqbeż it‑3.5 tunnellati. Sussegwentement, matul is-seduta, dan l-Istat Membru pprovda, mingħajr ma ġie kontradett fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, preċiżazzjonijiet dwar din id-data, fis-sens li, minbarra l‑1 400 post ta’ parkeġġ pubbliċi kkonċernati mir-regola tal‑25 siegħa, fit-territorju tad-Danimarka jeżistu, għal dawn il-vetturi, minn tal-inqas 855 post ta’ parkeġġ mingħajr limiti ta’ ħin ipprovduti mis-settur privat.

49

Issa, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni sempliċement sostniet, f’dan ir-rigward, li ma teżistix kapaċità ta’ parkeġġ alternattiva suffiċjenti mqassma fuq in-network Daniż tal-awtostradi, peress li, fuq dan in-network kollu, skont id-data li hija kellha f’dak l-istadju tal-proċedura, kien hemm, l-iktar l-iktar, 717-il post, li 625 minnhom jinsabu fil-fruntiera Daniża jew qrib tagħha, fejn uħud mill-postijiet kienu, barra minn hekk, bi ħlas.

50

Barra minn hekk, fir-rigward tad-data prodotta mir-Renju tad-Danimarka fl-anness tar-risposta tiegħu u li tindika, qabel ma ġiet irreveduta l-isfel minn dan l-Istat Membru matul is-seduta, l-eżistenza ta’ mill-inqas 1047 post ta’ parkeġġ għall-perijodi ta’ mistrieħ fit-tul, il-Kummissjoni sempliċement osservat, fir-replika tagħha, li din id-data ma kinitx tbiddel it-talbiet tagħha f’dan il-każ.

51

Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda data oġġettiva li tippermetti li jiġi stabbilit li l-kapaċitajiet ta’ parkeġġ alternattivi pprovduti mis-settur privat huma, fid-dawl tal-volum tat-traffiku rilevanti, insuffiċjenti sabiex jakkomodaw il-vetturi li l-massa massima awtorizzata tagħhom taqbeż it‑3.5 tunnellati għall-finijiet tal-perijodi ta’ mistrieħ li jaqbżu l‑25 siegħa. Issa, mingħajr tali data oġġettiva, ma jistax jiġi stabbilit, ħlief abbażi ta’ preżunzjonijiet, li r-regola tal‑25 siegħa hija effettivament ta’ natura li tostakola l-attivitajiet ta’ trasport ta’ kabotaġġ imwettqa minn fornituri stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra għad-detriment ta’ dawn tal-aħħar meta mqabbla mal-fornituri tat-trasport tal-Istat Membru ospitanti.

52

Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li mill-proċess mibgħut f’din il-kawża jirriżulta li, fil-mument tal-introduzzjoni tar-regola tal‑25 siegħa, kienu jeżistu problemi ta’ kapaċità fiż-żoni ta’ mistrieħ pubbliċi tan-network Daniż tal-awtostradi u li, fit-tweġiba tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni, ir-Renju tad-Danimarka stess identifika “l-isfidi attwali li d-Danimarka qiegħda tiffaċċja f’termini ta’ kapaċità ta’ parkeġġ” bħala waħda mir-raġunijiet prinċipali għall-introduzzjoni ta’ din ir-regola.

53

Fil-fatt, fih innifsu, tali rikonoxximent, ta’ natura ġenerali, fir-rigward tal-eżistenza ta’ problemi ta’ kapaċità ta’ parkeġġ fiż-żoni ta’ mistrieħ pubbliċi ma jippermettix li jiġi konkluż li, f’dan il-każ, meta adotta r-regola tal‑25 siegħa, ir-Renju tad-Danimarka kiser ir-Regolament Nru 1072/2009. B’mod partikolari, is-sempliċi fatt li, kif ġie rrilevat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-kapaċitajiet ta’ parkeġġ ipprovduti mis-settur privat huma inqas minn dawk disponibbli fiż-żoni ta’ mistrieħ pubbliċi ma jippermettix, fih innifsu, li tiġi stabbilita l-insuffiċjenza tal-kapaċitajiet ta’ parkeġġ ipprovduti mis-settur privat sabiex jiġu akkomodati l-vetturi li l-massa massima awtorizzata tagħhom taqbeż it‑3.5 tunnellati għall-finijiet tal-perijodi ta’ mistrieħ li jaqbżu l‑25 siegħa, peress li, f’dan il-limitu ta’ ħin, il-parkeġġ ta’ dawn il-vetturi jibqa’ permess fiż-żoni ta’ mistrieħ pubbliċi. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ data oġġettiva f’dan ir-rigward, ma huwiex stabbilit li l-kapaċitajiet ta’ parkeġġ ipprovduti mis-settur privat huma, fid-dawl tal-volum tat-traffiku rilevanti, insuffiċjenti għat-teħid tal-perijodi ta’ mistrieħ itwal.

54

Fir-rigward tal-fatt, irrilevat mill-Kummissjoni, li l-maġġoranza tal-postijiet ta’ parkeġġ mingħajr limiti ta’ ħin jinsabu fil-fruntiera Daniża jew qrib tagħha, għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li mid-data prodotta mir-Renju tad-Danimarka fl-anness tar-risposta tiegħu jirriżulta, minn naħa, li madwar 230 post mit‑855 post ta’ parkeġġ disponibbli għall-finijiet ta’ perijodi ta’ mistrieħ li jaqbżu l‑25 siegħa jinsabu fil-parti interna tat-territorju Daniż u, min-naħa l-oħra, li l-postijiet l-oħra huma mqassma f’diversi żoni tal-fruntiera, kemm terrestri kif ukoll marittima, tal-imsemmi territorju u jinsabu mbiegħda ħafna minn xulxin. Issa, fin-nuqqas ta’ data oġġettiva f’dan ir-rigward, prodotta mill-Kummissjoni, din tal-aħħar la tistabbilixxi li l-kapaċità ta’ dawn il-postijiet hija insuffiċjenti għall-finijiet tal-osservanza ta’ dawn il-perijodi ta’ mistrieħ, u lanqas li l-lokalizzazzjoni tagħhom hija ta’ natura li tostakola b’mod sinjifikattiv l-attivitajiet, b’mod partikolari, ta’ trasport ta’ kabotaġġ imwettqa mill-fornituri stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra għad-detriment tagħhom meta mqabbla mal-fornituri ta’ trasport tal-Istat Membru ospitanti, li, barra minn hekk, jistgħu jkunu obbligati wkoll li jiddevjaw il-vetturi tagħhom lejn il-post fejn ikun jinsab iċ-ċentru operattiv tagħhom.

55

Fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, il-Kummissjoni ammettiet, barra minn hekk, li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipproduċi ċifra preċiża tan-numru ta’ postijiet utli u lanqas, b’mod partikolari, li tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-mod kif dawn il-postijiet għandhom jitqassmu ġeografikament, sabiex ikun jista’ jitqies li ma hemmx iktar ostakolu għall-attivitajiet tat-trasportaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra. Hija żiedet li, fil-fehma tagħha, il-kapaċità ta’ parkeġġ ipprovduta mis-settur privat, invokata mir-Renju tad-Danimarka, ma hijiex rilevanti peress li din il-kapaċità alternattiva neċessarja għandha tilħaq livell għoli ħafna sabiex ir-regola tal‑25 siegħa ma tibqax tirrappreżenta piż addizzjonali għall-operaturi barranin meta mqabbla mal-ispejjeż sostnuti mill-operaturi Daniżi.

56

Issa, b’dan il-mod, il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li hija kienet ibbażat ruħha, f’dan il-każ, fuq preżunzjonijiet.

57

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li parti mill-imsemmija kapaċità alternattiva privata eżistenti fid-Danimarka hija bi ħlas, għandu jiġi enfasizzat li, skont id-data prodotta mir-Renju tad-Danimarka, l-ammonti dovuti għall-użu ta’ postijiet ta’ parkeġġ bi ħlas ipprovduti mis-settur privat ma jidhrux eċċessivi u li tali spejjeż jistgħu, jekk ikun il-każ, jaffettwaw ukoll is-servizzi ta’ trasport imwettqa mit-trasportaturi nazzjonali, pereżempju sabiex jiġu evitati l-ispejjeż marbuta mal-fatt li jkollhom jiddevjaw il-vetturi tagħhom lejn il-post fejn ikun jinsab iċ-ċentru operattiv tagħhom. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż, fl-assenza ta’ data oġġettiva rilevanti prodotta mill-Kummissjoni, li l-postijiet ta’ parkeġġ mingħajr ħlas ipprovduti mis-settur privat huma, fi kwalunkwe każ, suffiċjenti sabiex jakkomodaw il-vetturi li l-massa massima awtorizzata tagħhom taqbeż it‑3.5 tunnellati għall-finijiet tal-perijodi ta’ mistrieħ li jaqbżu l‑25 siegħa.

58

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma pproduċietx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-prova tal-affermazzjonijiet tagħha, imfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, fis-sens li r-regola tal‑25 siegħa, f’dan il-każ, tant illimitat il-possibbiltajiet eżistenti ta’ parkeġġ li, fid-dawl tal-obbligu li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq dwar il-ħin ta’ mistrieħ u ta’ sewqan, ħolqot ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport taħt ir-Regolament Nru 1072/2009. Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

Fuq l‑ispejjeż

59

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Renju ta’ Danimarka.

60

Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mir-Renju tad-Danimarka.

 

3)

Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

Top