Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0139

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-21 ta’ Settembru 2023.
    AM u PM vs mBank S.A.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Self ipotekarju indiċjat fuq munita barranija – Kriterji għall-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ konverżjoni – Reġistru nazzjonali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali – Obbligu ta’ informazzjoni.
    Kawża C-139/22.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:692

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    21 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Self ipotekarju indiċjat fuq munita barranija – Kriterji għall-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ konverżjoni– Reġistru nazzjonali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali – Obbligu ta’ informazzjoni”

    Fil-Kawża C‑139/22,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Ċentru tal-Belt, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Frar 2022, fil-proċedura

    AM,

    PM

    vs

    mBank S.A.,

    fil-preżenza ta’:

    Rzecznik Finansowy,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn L. S. Rossi, Presidenta tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal AM u PM, minn W. Bochenek u T. Zaremba, radcowie prawni,

    għal mBank S.A., minn A. Cudna-Wagner, radca prawny, u B. kMiąskiewicz, adwokat,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, A. Cunha, B. Lavrador, L. Medeiros u A. Pimenta, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín, L. Kalėda, U. Małecka, N. Ruiz García, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika ĠU 2023, L 17, p. 100).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AM u PM, żewġ konsumaturi, minn naħa, u mBank S.A., min-naħa l-oħra, dwar l-użu, minn din tal-aħħar, ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali inklużi fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali (iktar ’il quddiem ir-“Reġistru Nazzjonali tal-Klawżoli Illegali”).

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tiddikjara:

    “[…] l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

    4

    L-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    […]

    (b)

    ‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha”.

    5

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

    2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

    Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel.

    Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.

    3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

    6

    Skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

    2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

    7

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jaqra kif ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    8

    L-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

    2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.”

    9

    L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

    Id‑dritt nazzjonali Pollakk

    10

    Skont l-Artikolu 76 tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja):

    “L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jipproteġu lill-konsumaturi, lill-utenti u lill-kerrejja kontra attivitajiet li jheddu s-saħħa, il-privatezza u s-sigurtà tagħhom, kif ukoll kontra prattiki kummerċjali żleali. Il-portata ta’ din il-protezzjoni hija ddefinita mil-liġi.”

    11

    L-Artikolu 221 tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Dritt dwar il-Kodiċi Ċivili), tat‑23 ta’ April 1964, (Dz. U. tal-1964, Nru 16), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jipprevedi:

    “‘konsumatur’ ifisser kull persuna fiżika li, għall-konklużjoni u għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għall-konsum, ma taġixxix fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħha jew f’attività ekonomika oħra.”

    12

    L-Artikolu 58(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

    “Att ġuridiku li jmur kontra l-liġi jew li huwa intiż sabiex tiġi evitata l-liġi huwa null u bla effett, sakemm dispożizzjoni rilevanti ma tipprovdix mod ieħor, b’mod partikolari jekk tipprevedi li d-dispożizzjonijiet invalidi tal-att ġuridiku jiġu ssostitwiti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi.”

    13

    Skont l-Artikolu 3851(1) sa (3) ta’ dan il-kodiċi:

    “1.   Klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma ġewx innegozjati b’mod individwali ma għandhomx ikunu vinkolanti fuq il-konsumatur jekk id-drittijiet u l-obbligi tiegħu huma stabbiliti b’mod li jmur kontra l-prattika tajba u jiksru b’mod manifest l-interessi tiegħu (klawżoli illegali). Dan ma għandux japplika għal klawżoli li jistabbilixxu l-prestazzjonijiet prinċipali li għandhom jitwettqu mill-partijiet, inklużi dawk relatati mal-prezz jew remunerazzjoni, sakemm dawn huma miktuba b’mod ċar.

    […]

    3.   Il-klawżoli ta’ ftehim konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew miftiehma individwalment huma klawżoli kuntrattwali li l-konsumatur ma setax ikollu influwenza konkreta fuq il-kontenut tagħhom. Dawn huma b’mod partikolari klawżoli kuntrattwali meħuda minn mudell ta’ kuntratt propost lill-konsumatur mill-parti kontraenti.”

    14

    L-Artikolu 3852 tal-Kodiċi Ċivili huwa redatt kif ġej:

    “Il-kompatibbiltà tal-klawżoli ta’ kuntratt mal-moralità għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni li tkun teżisti fid-data tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-imsemmi kuntratt, iċ-ċirkustanzi preżenti waqt il-konklużjoni tiegħu kif ukoll il-kuntratti marbuta mal-istess kuntratt, li fih jinsabu d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-evalwazzjoni.”

    15

    L-Artikolu 47936 tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. tal‑1964, Nru 43, pożizzjoni 296), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jipprevedi:

    “Is-Sąd Okręgowy w Warszawie — Sąd Ochrony Konkurencji i konsumentów (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja — il-Qorti tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumaturi, il-Polonja), hija kompetenti sabiex tiddikjara n-natura illegali ta’ klawżoli ta’ kuntratt standard”.

    16

    L-Artikolu 47942(1) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili jipprevedi:

    “Jekk jintlaqa’ rikors, il-qorti tiċċita, fid-dispożittiv tas-sentenza tagħha, il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt standard ikkonċernat meqjusa illegali u tipprojbixxi l-użu tagħhom.”

    17

    L-Artikolu 47943 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili kien redatt kif ġej:

    “Sentenza definittiva għandha tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward ta’ terzi persuni mar-reġistrazzjoni fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 47945(2) tal-klawżola tal-kuntratt standard ikkonċernat li titqies li hija illegali.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    18

    Fis‑7 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma magħqudin permezz tar-rabtiet taż-żwieġ, ikkonkludew, ma’ mBank, kuntratt ta’ self ipotekarju għal persuni fiżiċi indiċjat fuq ir-rata tal-kambju tal-frank Svizzeru (CHF) (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Dan il-kuntratt kellu bħala suġġett is-self fl-ammont ta’ 246500 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 54560). Huwa kien jistabbilixxi rata ta’ interessi varjabbli, iddeterminata bħala r-rata bażika tat-3 Month London Interbank Offered Rate (LIBOR 3M) għall-munita li fiha kien ingħata dan is-self, miżjuda bil-marġni fiss tal-bank ta’ 2.70 %, matul il-perijodu kollu tal-imsemmi self.

    19

    Fil-kuntest tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ffirmaw dikjarazzjoni li tgħid li huma kienu saru jafu bir-riskji involuti fl-iffirmar ta’ dan il-kuntratt kif ukoll tal-kundizzjonijiet tiegħu.

    20

    Fid-data tat-talba għal self, AM, detentur ta’ diploma universitarja tat-tielet ċiklu, kien impjegat minn mBank għal tliet snin u nofs. Impjegat ta’ mBank kien ippreżentalha tabella storika tal-evoluzzjoni tar-rata tal-kambju CHF/PLN fuq it-tliet snin li ppreċedew it-tressiq ta’ din it-talba, kif ukoll simulazzjoni li tantiċipa l-evoluzzjoni tal-ammont tad-dejn u tal-iskadenzi tas-self fil-każ ta’ żieda ta’ din ir-rata tal-kambju. Min-naħa l-oħra, PM, li ffirma t-talba għal self u l-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kienx ipparteċipa fil-proċedura tal-għoti tal-istess self u lanqas fil-laqgħat organizzati mal-impjegati ta’ mBank.

    21

    Fis‑7 ta’ April 2020, AM u PM ippreżentaw quddiem is-Sąd Rejonowy dla Warszawy Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja ‑ Ċentru tal-Belt, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, rikors kontra mBank, ibbażat fuq in-nullità ta’ ċerti klawżoli tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, huma jitolbu li mBank tiġi kkundannata tħallashom is-somma ta’ PLN 37 439.70 (madwar EUR 8290), flimkien mal-interessi legali, bħala rimbors tal-iskadenzi tal-kapital u tal-interessi sa fejn dawn ikunu nġabru indebitament, u, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tiddikjara n-nullità ta’ dan il-kuntratt, is-somma ta’ PLN 74 768.63 (madwar EUR 16550), flimkien mal-interessi legali, b’rimbors tal-fondi rċevuti mill-konvenuta fil-kawża prinċipali.

    22

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil‑5 ta’ Awwissu 2014, il-Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów (il-President tal-Uffiċċju tal-Ħarsien tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur, il-Polonja) inkluda fir-reġistru nazzjonali klawżoli illegali l-klawżola tal-kuntratt standard użata minn mBank li tgħid li: “[i]l-ħlasijiet ta’ kapital u ta’ interessi kif ukoll l-interessi għandhom jiġu rrimborsati [fi zlote Pollakki] wara li jkunu ġew ikkonvertiti bir-rata tal-kambju [tal-Franki Svizzeri] tat-tabella tar-rati tal-kambju tal-[…] Bank S.A. fis-seħħ fil-jum tar-rimbors fl-14:50”.

    23

    Barra minn hekk, fil‑25 ta’ Mejju 2021, il-President tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumaturi inkluda fir-reġistru nazzjonali klawżoli illegali l-klawżoli tal-kuntratt standard użat minn mBank li jgħidu li: “[l-]ammont tar-rati ta’ xiri/bejgħ ta’ muniti applikabbli f’jum tax-xogħol partikolari jista’ jkun suġġett għal modifika. Id-deċiżjoni li jinbidel l-ammont tar-rata tal-kambju, kif ukoll il-frekwenza ta’ din il-bidla, għandha tittieħed mill-bank b’kont meħud tal-kriterji elenkati fil-paragrafu 6” u “[ir]-rati tax-xiri/tal-bejgħ tal-muniti u l-ammont tad-differenza fir-rati tal-kambju għandhom jiġu ddeterminati billi jitqiesu l-fatturi li ġejjin: 1) l-istimi attwali tar-rati tal-kambju fis-suq interbankarju, 2) il-provvista u d-domanda tal-muniti tas-suq nazzjonali, 3) id-differenzi fir-rati tal-imgħax u fir-rati ta’ inflazzjoni fis-suq nazzjonali, 4) il-likwidità tas-suq tal-muniti, 5) il-bilanċ tal-pagamenti u tal-kummerċ”.

    24

    Skont il-qorti tar-rinviju, klawżoli kuntrattwali analogi jew identiċi għal dawk inklużi, fil‑5 ta’ Awwissu 2014 u fil‑25 ta’ Mejju 2021, fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali huma meqjusa inġusti mill-qrati Pollakki, minħabba li tali klawżoli kuntrattwali jagħtu lill-bank ikkonċernat id-dritt li jiddetermina liberament ir-rata tal-kambju tal-munita ta’ riferiment barranija u, konsegwentement, id-dritt li jiddetermina liberament l-ammont tas-servizz li għandu jiġi pprovdut minn persuna li tissellef, u dan filwaqt li, fl-istess ħin, din il-persuna li tissellef hija obbligata tirrimborsa s-self biss fi zlote Pollakki.

    25

    Barra minn hekk, din il-qorti tikkonstata li l-klawżoli tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom l-istess kontenut bħall-klawżoli inklużi fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali msemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza.

    26

    L-imsemmija qorti tistaqsi jekk is-sempliċi konstatazzjoni tal-fatt li kuntratt jinkludi klawżola li l-kontenut tagħha jikkorrispondi għal klawżola inkluża fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li din il-klawżola tikkostitwixxi klawżola kuntrattwali illegali, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati u stabbiliti ċ-ċirkustanzi tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

    27

    Għalkemm il-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi klawżoli li jistipulaw li dan is-self għandu jiġi rrimborsat fi zlote Pollaki filwaqt li mBank tikkonverti din il-munita f’Franki Svizzeri bir-rata tal-kambju tagħha stess, hija tinkludi wkoll klawżola, li tirriżulta mill-abbozzar il-ġdid tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ mBank, tal‑1 ta’ Lulju 2009, li tipprevedi l-possibbiltà għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jirrimborsaw l-imsemmi self direttament f’Franki Svizzeri. Għalhekk, dawn tal-aħħar jistgħu jikkonvertu l-ammont li għandu jiġi rrimborsat kull xahar skont ir-rata tal-kambju tal-istabbiliment bankarju tal-għażla tagħhom u ma jibqgħux jiddependu fuq ir-rata tal-kambju stabbilita minn mBank.

    28

    Il-ġurisprudenza nazzjonali ma hijiex uniformi dwar il-kwistjoni jekk klawżola ta’ kuntratt tistax titlef in-natura inġusta tagħha minħabba klawżola oħra ta’ dan il-kuntratt li tagħmilha fakultattiva.

    29

    Bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk iż-żewġ klawżoli kkonċernati għandhomx jiġu awtomatikament iddikjarati inġusti, il-qorti tar-rinviju għandha minn tal-inqas tevalwa n-natura inġusta tal-klawżola li tistipula li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa indiċjat fuq il-Franki Svizzeri sa fejn din il-klawżola qatt ma tniżżlet fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali.

    30

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk mBank kellhiex tkun obbligata tipprovdi informazzjoni dwar ir-riskju tal-kambju wkoll lil AM, użata fid-data tat-talba għal self, fid-dawl tat-taħriġ u tal-esperjenza professjonali tagħha.

    31

    Jekk le, jiġifieri fil-każ, meta il-bejjiegħ jew fornitur jikkonkludi kuntratt wieħed ma’ żewġ konsumaturi, l-intensità tal-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq dan il-bejjiegħ jew fornitur tista’ tvarja skont il-konsumatur ikkonċernat, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn dan, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola, jew anki n-nullità ta’ dan il-kuntratt, fir-rigward ta’ wieħed biss minn dawn iż-żewġ konsumaturi.

    32

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla m.st. Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Ċentru tal-Belt) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 3(1), l-Artikolu 7(1) u (2) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li sabiex klawżola kuntrattwali li ma ġietx individwalment miftiehma titqies li hija klawżola kuntrattwali inġusta hija suffiċjenti l-konstatazzjoni li l-kontenut ta’ din il-klawżola kuntrattwali tikkorrispondi għall-kontenut ta’ dispożizzjoni ta’ kuntratt standard imniżżel fir-reġistru ta’ klawżoli illeċiti?

    2)

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li skontha klawżola kuntrattwali inġusta titlef in-natura inġusta tagħha jekk il-konsumatur ikun jista’ jiddeċiedi li jeżigwixxi l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-kuntratt fuq il-bażi ta’ klawżola kuntrattwali oħra li hija ġusta?

    3)

    L-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li bejjiegħ jew fornitur għandu obbligu li jinforma lil kull konsumatur dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratt u dwar ir-riskji marbuta mal-kuntratt anki jekk konsumatur speċifiku jkollu għarfien xieraq fil-qasam speċifiku?

    4)

    L-Artikolu 3(1), l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn numru ta’ konsumaturi jikkonkludu l-istess kuntratt ma’ bejjiegħ jew fornitur wieħed, jista’ jitqies li dawn l-istess klawżoli kuntrattwali huma inġusti fil-konfront tal-ewwel konsumatur filwaqt li huma ġusti fil-konfront tat-tieni konsumatur, u, jekk dan ikun il-każ, il-konsegwenza ta’ dan tista’ tkun li l-kuntratt jirriżulta li jkun invalidu fil-konfront tal-ewwel konsumatur filwaqt li jkun validu fil-konfront tat-tieni konsumatur li għalhekk jintrabat bl-obbligi kollha li jirriżultaw minnu?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel domanda

    33

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 7(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li klawżola kuntrattwali li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali titqies li hija inġusta mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati minħabba s-sempliċi fatt li l-kontenut tagħha huwa ekwivalenti għal dak ta’ klawżola ta’ kuntratt standard inkluża fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali.

    34

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjati kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BRD Groupe Societé Générale u Next Capital Solutions, C‑200/21, EU:C:2023:380, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Għaldaqstant, qabelxejn, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jsegwi li klawżola ta’ kuntratt li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment għandha titqies li hija inġusta, meta, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, toħloq għad-detriment tal-konsumatur żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt filwaqt li, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, tali klawżola inġusta ma torbotx lil dan il-konsumatur. Din l-aħħar dispożizzjoni hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-imsemmi kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BRD Groupe Societé Générale u Next Capital Solutions, C‑200/21, EU:C:2023:380, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Sussegwentement, minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li tikkostitwixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi li jinsabu f’tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BRD Groupe Societé Générale u Next Capital Solutions, C‑200/21, EU:C:2023:380, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Kif jirriżulta mill-Artikolu7(2) tad-Direttiva 93/13, il-mezzi msemmija iktar ’il fuq jinkludu l-possibbiltà, għal persuni jew organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi, li jressqu azzjoni quddiem il-qrati sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżoli redatti bl-għan li jintużaw b’mod ġenerali humiex ta’ natura inġusta u, jekk ikun il-każ, sabiex jiksbu l-projbizzjoni tagħhom (sentenza tas‑26 ta’ April 2012, Invitel, C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 36).

    38

    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-qorti tar-rinviju b’talba dwar kuntratt partikolari, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda fid-dawl tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13.

    39

    Fl-aħħar, skont it-tnax-il premessa ta’ din d-direttiva, din twettaq biss armonizzazzjoni parzjali u minima tal-liġijiet nazzjonali rigward il-klawżoli inġusti, u tħalli lill-Istati Membri l-libertà, sakemm jirrispettaw it-Trattat FUE, li jagħtu lill-konsumatur ikkonċernat livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti minn dawk tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8 tal-istess direttiva l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu, fil-qasam irregolat mill-imsemmija direttiva, dispożizzjonijiet iktar stretti, kompatibbli ma’ dan it-trattat, sabiex jagħtu lil dan il-konsumatur livell ogħla ta’ protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios, (C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    Issa, fir-rigward tar-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li mekkaniżmu, bħal dan ir-reġistru, li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ lista ta’ klawżoli li għandhom jitqiesu li huma inġusti jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet iktar stretti li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 61) u li dan ir-reġistru jissodisfa, bħala prinċipju, l-interess tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Biuro podróży Partner (C‑119/15, EU:C:2016:987, punt 36).

    41

    Fil-fatt, il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali kontenzjuża abbażi ta’ paragun tal-kontenut tagħha ma’ dak ta’ klawżola inkluża fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali tista’ tikkontribwixxi b’mod rapidu sabiex il-klawżoli inġusti użati f’numru kbir ta’ kuntratti jieqfu jipproduċu effetti fir-rigward tal-konsumaturi li huma partijiet f’dawn il-kuntratti.

    42

    Huwa għalhekk, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, dejjem abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, li l-Istati Membri jistgħu jestendu l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) u (3) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 1 tal-anness tal-imsemmija direttiva, billi jiddikjaraw inġusti b’mod ġenerali l-klawżoli standard li huma elenkati f’dan il-punt, mingħajr ma jkun meħtieġ eżami addizzjonali skont il-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Lovasné Tóth, C‑34/18, EU:C:2019:764, punt 47).

    43

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sakemm ir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali huwa ġestit b’mod trasparenti, mhux biss fl-interess tal-konsumaturi, iżda wkoll tal-bejjiegħa jew fornituri, u jinżamm aġġornat, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-istabbiliment ta’ dan ir-reġistru huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Biuro podróżyPartner , C‑119/15, EU:C:2016:987, punti 36 sa 3943).

    44

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reġistru ta’ klawżoli illegali tippreżupponi evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali kompetenti, tal-ekwivalenza tal-klawżola kuntrattwali kkontestata ma’ klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali u li tinsab f’dan ir-reġistru, li permezz tiegħu l-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat għandu l-possibbiltà li jikkontesta din l-ekwivalenza quddiem qorti nazzjonali, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha speċifiċi għal kull każ, din il-klawżola kuntrattwali hijiex materjalment identika, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-effetti li din tipproduċi, għal dik inkluża f’tali reġistru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Biuro podróży Partner,C‑119/15, EU:C:2016:987, punti 40 sa 42).

    45

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li, għalkemm, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jipprevedu, fid-dritt intern tagħhom, eżami ex officio iktar wiesa’ minn dak li l-qrati tagħhom għandhom iwettqu skont din id-direttiva, jew anki proċeduri ssemplifikati ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali tibqa’ madankollu, bħala regola ġenerali, obbligata li tinforma lill-partijiet fil-kawża b’din l-evalwazzjoni u li tistedinhom sabiex jiddiskutuha b’mod kontradittorju, skont il-forom previsti f’dan ir-rigward mir-regoli proċedurali nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner, C‑511/17, EU:C:2020:188, punti 4142).

    46

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li klawżola kuntrattwali li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali titqies li hija inġusta mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati minħabba s-sempliċi fatt li l-kontenut tagħha huwa ekwivalenti għal dak ta’ klawżola ta’ kuntratt standard inkluża fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali.

    Fuq it‑tieni domanda

    47

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt li, minħabba l-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ ċerti obbligi tal-konsumatur ikkonċernat li hija tipprevedi, għandha titqies li hija inġusta, tista’ titlef tali natura minħabba klawżola oħra ta’ dan il-kuntratt li tipprevedi l-possibbiltà għal dan il-konsumatur li jeżegwixxi dawn l-obbligi f’kundizzjonijiet differenti.

    48

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola inġusta”, imsemmi fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva u fl-anness tagħha, kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika fl-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, u huwa mifhum li hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha sempliċement tipprovdi lill-qorti nazzjonali indikazzjonijiet li din tal-aħħar hija mistennija tieħu inkunsiderazzjoni tagħhom sabiex tevalwa n-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Caisse régionale de Crédit mutuel de Loire-Atlantique u du Centre Ouest, C‑600/21, EU:C:2022:970, punt 38).

    49

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, din il-klawżola tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ bona fide, ta’ bilanċ u ta’ trasparenza mitluba minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    50

    Ċertament, sabiex tevalwa n-natura eventwalment inġusta tal-klawżola kuntrattwali li sservi bħala bażi għat-talba li jkollha quddiemha, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt ikkonċernat (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, Dexia Nederland,C‑229/19 u C‑289/19, EU:C:2021:68, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata), sa fejn, skont il-kontenut ta’ dan il-kuntratt, jista’ jkun neċessarju li jiġi evalwat l-effett kumulattiv tal-klawżoli kollha tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner, C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-qorti nazzjonali għandha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola, tqiegħed lilha nnifisha biss fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat u tevalwa, b’mod partikolari, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-konklużjoni, jekk din il-klawżola kinitx minnha nnifisha twassal għal żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet favur il-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, u dan minkejja li dan l-iżbilanċ jista’ jseħħ biss jekk ċerti ċirkustanzi jseħħu jew li, f’ċirkustanzi oħra, l-imsemmija klawżola tista’ saħansitra tibbenefika lill-konsumatur ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, Dexia Nederland,C‑229/19 u C‑289/19, EU:C:2021:68, punti 5455).

    52

    F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi klawżoli li l-kontenut tagħhom huwa ekwivalenti għal dak ta’ klawżoli inklużi fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali li jobbligaw lil min jissellef jirrimborsa self indiċjat fuq munita barranija biss f’munita nazzjonali kkonvertita skont rata tal-kambju ddeterminata liberament mill-bank ikkonċernat.

    53

    Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi wkoll klawżoli oħra li jippermettu lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirrimborsaw is-self ikkonċernat direttament lill-Franki Svizzeri, bil-konsegwenza li dawn ikunu jistgħu jiksbu l-ammont li għandu jiġi rrimborsat kull xahar f’din il-munita mingħand l-istabbiliment tal-għażla tagħhom, mingħajr ma jħallu għalhekk lil mBank tiddetermina liberament dan l-ammont. Kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dawn il-klawżoli l-oħra jikkostitwixxu għalhekk mod alternattiv ta’ ħlas lura tas-self mill-konsumatur ikkonċernat meta mqabbel ma’ dak previst mill-klawżoli msemmija fil-punt preċedenti.

    54

    Issa, mill-punt 23 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn il-klawżoli tal-aħħar ġew ikkunsidrati bħala inġusti minħabba li jagħtu lill-bank ikkonċernat id-dritt li jiddetermina liberament ir-rata tal-kambju u, għaldaqstant, l-ammont tas-servizz li għandu jiġi pprovdut, u li huma joħolqu, minħabba f’hekk, fihom innifishom, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet favur il-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat. Għaldaqstant, l-fatt li dan l-iżbilanċ jista’ ma jseħħx, minħabba l-fatt li l-konsumatur ikkonċernat jiddeċiedi, matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, li jirrikorri għal metodi alternattivi ta’ rimbors tas-self previsti minnu, huwa, kif irrilevat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-imsemmija klawżoli tal-aħħar bħala tali.

    55

    Għandu jingħad ukoll li l-inklużjoni f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur ta’ żewġ klawżoli alternattivi, li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tal-istess obbligu impost fuqu, li waħda minnhom hija inġusta u l-oħra legali tippermetti lill-bejjiegħ jew lill-fornitur ikkonċernat li jispekula dwar il-fatt li, minħabba nuqqas ta’ informazzjoni, nuqqas ta’ attenzjoni jew nuqqas ta’ komprensjoni, dan il-konsumatur ser jeżegwixxi l-obbligu kkonċernat skont il-klawżola li toħloq, għad-detriment tiegħu, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet. Għaldaqstant, tali mekkaniżmu kuntrattwali jista’ jkollu fih innifsu natura inġusta.

    56

    Barra minn hekk, li ma tikkonstatax in-nullità ta’ klawżola inġusta huwa ta’ natura li jippreġudika t-twettiq tal-għan fit-tul imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, li huwa li jitwaqqaf l-użu tal-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur.

    57

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt li, minħabba l-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ ċerti obbligi tal-konsumatur ikkonċernat li hija tipprevedi, għandha titqies li hija inġusta ma tistax titlef tali natura minħabba klawżola oħra ta’ dan il-kuntratt li tipprevedi l-possibbiltà għal dan il-konsumatur li jeżegwixxi dawn l-obbligi tiegħu f’kundizzjonijiet differenti.

    Fuq it‑tielet domanda

    58

    It-tielet domanda, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, tikkonċerna r-rekwiżit ta’ trasparenza li għandu bejjiegħ jew fornitur qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self indiċjat fuq munita barranija fir-rigward tal-kandidat li jissellef meta dan tal-aħħar ikun l-impjegat tiegħu. Madankollu, dan ir-rekwiżit ta’ trasparenza huwa previst fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, fir-rigward ta’ klawżoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u l-kunċett ta’ “konsumatur” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva.

    59

    Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li kummerċjant għandu l-obbligu li jinforma lill-konsumatur ikkonċernat bil-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratt konkluż u bir-riskji marbuta ma’ dan il-kuntratt, u dan minkejja li dan il-konsumatur huwa l-impjegat tiegħu u għandu għarfien rilevanti fil-qasam tal-imsemmi kuntratt.

    60

    Għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, previst fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, għandu jinftiehem bħala li jimponi mhux biss li l-klawżola kkonċernata tkun tinftiehem mill-konsumatur fuq il-livelli formali u grammatikali, iżda wkoll li konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-funzjonament konkret ta’ din il-klawżola u li b’hekk jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    61

    Dan ir-riferiment għall-konsumatur medju jikkostitwixxi kriterju oġġettiv. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, dan għandu natura oġġettiva u huwa indipendenti mill-għarfien konkret li l-persuna kkonċernata jista’ jkollha, jew mill-informazzjoni li din il-persuna għandha realment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    62

    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ kuntratti ta’ self indiċjati fuq munita barranija, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali jimplika b’mod partikolari li bejjiegħ jew fornitur għandu jinforma b’mod ċar lill-konsumatur ikkonċernat bil-fatt li, meta jikkonkludi tali kuntratt, huwa jesponi ruħu għal riskju tal-kambju li ser ikun, eventwalment, ekonomikament diffiċli li jassumi fil-każ ta’ deprezzament tal-munita li fiha huwa jirċievi d-dħul tiegħu. Barra minn hekk, dan il-bejjiegħ jew fornitur għandu jispjega lil dan il-konsumatur il-varjazzjonijiet possibbli tar-rati tal-kambju u r-riskji inerenti għall-konklużjoni ta’ tali kuntratt (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    63

    L-informazzjoni kkomunikata mill-bejjiegħ jew fornitur għandha tkun tista’ tippermetti lil konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, mhux biss li jifhem li, skont il-varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju, l-evoluzzjoni tal-parità bejn il-munita tal-kont u l-munita ta’ ħlas tista’ twassal għal konsegwenzi sfavorevoli fir-rigward tal-obbligi finanzjarji tiegħu, iżda wkoll li jifhem, fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, ir-riskju reali li għalih dan il-konsumatur jesponi ruħu, matul il-perijodu kollu ta’ dan il-kuntratt ta’ self, fil-każ ta’ deprezzament importanti tal-munita li fiha huwa jirċievi d-dħul tiegħu meta mqabbla mal-munita tal-kont (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 72).

    64

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi madwar il-konklużjoni tal-kuntratt, jekk ġewx ikkomunikati lill-konsumatur ikkonċernat l-elementi kollha li jista’ jkollhom effett fuq il-portata tal-impenn tiegħu, li jippermettulu jevalwa l-konsegwenzi finanzjarji tiegħu (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, D.V. (Onorarji ta’ avukat– Prinċipju ta’ tariffa fis-siegħa), C‑395/21, EU:C:2023:14, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    65

    F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li AM, li, flimkien ma’ PM, ikkonkluda kuntratt ta’ self indiċjat fuq munita barranija, kien l-impjegat ta’ mBank u kellu, minħabba t-taħriġ u l-esperjenza professjonali tiegħu, konoxxenzi dwar il-karatteristiċi essenzjali u r-riskji marbuta ma’ dan il-kuntratt ta’ self li kienu dawk ta’ konsumatur iktar avżat mill-konsumatur medju.

    66

    Madankollu, mill-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza għandha tiġi vverifikata fir-rigward tal-istandard oġġettiv tal-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li għalih ma jikkorrispondux, b’mod partikolari, la l-konsumatur inqas avżat minn dan il-konsumatur medju, u lanqas il-konsumatur iktar avżat minn dan tal-aħħar.

    67

    Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva tiddependi mill-għanijiet li għalihom persuna fiżika taġixxi, jiġifieri dawk li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, u mhux mill-għarfien partikolari li din il-persuna għandha.

    68

    Din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “konsumatur” tippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva lill-persuni fiżiċi kollha li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbla ma’ bejjiegħ jew fornitur fir-rigward mhux biss tal-livell ta’ informazzjoni, iżda wkoll tas-setgħa ta’ negozjar, sitwazzjoni li twassal lil dawn il-persuni fiżiċi sabiex jaderixxu mal-kundizzjonijiet redatti minn qabel minn dan il-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkunu jistgħu jeżerċitaw ebda influwenza fuq il-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punti 2528).

    69

    Għalhekk il-fatt li persuna fiżika tikkonkludi kuntratt, għajr kuntratt ta’ impjieg, mal-persuna li timpjegaha, ma jipprekludix, bħala tali, li din il-persuna tiġi kklassifikata bħala “konsumatur”, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 29).

    70

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li kummerċjant għandu l-obbligu li jinforma lill-konsumatur ikkonċernat bil-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratt konkluż miegħu u bir-riskji marbuta ma’ dan il-kuntratt, u dan minkejja li dan il-konsumatur huwa l-impjegat tiegħu u għandu għarfien rilevanti fil-qasam tal-imsemmi kuntratt.

    Fuq ir‑raba’ domanda

    71

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta żewġ konsumaturi jikkonkludu l-istess kuntratt ma’ bejjiegħ jew fornitur, l-istess klawżoli kuntrattwali jistgħu jitqiesu li huma inġusti fir-rigward tal-ewwel konsumatur u li jkunu ġusti fir-rigward tat-tieni.

    72

    Kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, din id-domanda saret biss fil-każ li tingħata risposta negattiva għat-tielet domanda. Billi dan ma kienx il-każ, ma hemmx għalfejn tingħata risposta lil din id-domanda.

    Fuq l‑ispejjeż

    73

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 3(1), l-Artikolu 7(1) u (2) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li klawżola kuntrattwali li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali titqies li hija inġusta mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati minħabba s-sempliċi fatt li l-kontenut tagħha huwa ekwivalenti għal dak ta’ klawżola ta’ kuntratt standard inkluża fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali.

     

    2)

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt li, minħabba l-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ ċerti obbligi tal-konsumatur ikkonċernat li hija tipprevedi, għandha titqies li hija inġusta ma tistax titlef tali natura minħabba klawżola oħra ta’ dan il-kuntratt li tipprevedi l-possibbiltà għal dan il-konsumatur li jeżegwixxi dawn l-obbligi tiegħu f’kundizzjonijiet differenti.

     

    3)

    L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li bejjiegħ jew fornitur għandu l-obbligu li jinforma lill-konsumatur ikkonċernat bil-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratt konkluż miegħu u bir-riskji marbuta ma’ dan il-kuntratt, u dan minkejja li dan il-konsumatur huwa l-impjegat tiegħu u għandu għarfien rilevanti fil-qasam tal-imsemmi kuntratt.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Top