Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0107

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-27 ta’ April 2023.
X BV.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Gerechtshof Amsterdam.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Nomenklatura Magħquda – Interpretazzjoni – Regoli ġenerali – Regola ġenerali 2(a) – Oġġett ippreżentat fl-istat żarmat jew mhux immuntat – Komponenti intiżi li jikkostitwixxu, wara l-assemblaġġ tagħhom, riċevitur bis-satellita – Klassifikazzjoni bħala riċevitur komplet.
Kawża C-107/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:346

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

27 ta’ April 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Nomenklatura Magħquda – Interpretazzjoni – Regoli ġenerali – Regola ġenerali 2(a) – Oġġett ippreżentat fl-istat żarmat jew mhux immuntat – Komponenti intiżi li jikkostitwixxu, wara l-assemblaġġ tagħhom, riċevitur bis-satellita – Klassifikazzjoni bħala riċevitur komplet”

Fil-Kawża C‑107/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Frar 2022, fil-proċedura

X BV

fil-preżenza ta’:

Inspecteur van de Belastingdienst/Douane district Rotterdam,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal X BV, minn R. Andringa, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Salyková u P. Vanden Heede, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regola ġenerali 2(a), tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda, kif stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006 tas-17 ta’ Ottubru 2006 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (ĠU 2006, L 301, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2007, L 148, p. 27) (iktar ’il quddiem in-“NM”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn X BV u l-Inspecteur van de Belastingdienst/Douane district Rotterdam (l-Ispettur tad-Dipartiment tat-Taxxa/Dwanai tad-Distrett ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem l-“Ispettur”), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ komponenti ta’ riċevituri bis-satellita.

Il‑kuntest ġuridiku

Is‑SA

3

Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), ġiet stabbilita permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) u approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-Noti ta’ Spjega tas-SA ġew elaborati fi ħdan il-WCO skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

4

Skont il-punt 2 tal-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmija konvenzjoni, kull parti kontraenti tintrabat li tapplika r-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi u li ma jbiddlux il-portata tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subintestaturi tas-SA.

5

Ir-Regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tas-SA tipprovdi, minn naħa, li kull riferiment għal oġġett f’intestatura partikolari jkopri dan l-oġġett anki jekk mhux komplet jew mhux mitmum, bil-kundizzjoni li jkollu, f’dan l-istat, il-karatteristiċi essenzjali tal-oġġett komplet jew mitmum, u, min-naħa l-oħra, li tali riferiment ikopri wkoll l-oġġett komplet jew mitmum, jew li għandu jitqies bħala tali skont id-dispożizzjonijiet preċedenti, meta jiġi ppreżentat fl-istat żarmat jew mhux immuntat.

6

Il-punti V sa VII tan-Nota ta’ Spjega dwar ir-Regola ġenerali 2(a) tas-SA jippreċiżaw:

“V)

It-tieni parti tar-[Regola ġenerali 2(a),] tikklassifika, fl-istess intestatura bħall-oġġett immuntat, l-oġġett komplet jew mitmum ippreżentat fl-istat żarmat jew mhux immuntat. L-oġġetti ppreżentati f’dan l-istat huma hekk fuq kollox għal raġunijiet bħalma huma l-ħtiġijiet jew il-konvenjenza tal-ippakkjar, tat-tqandil jew tat-trasport.

VI)

Din ir-regola ta’ klassifikazzjoni tapplika wkoll għall-oġġett mhux komplet jew mhux mitmum ippreżentat fl-istat żarmat jew mhux immuntat mill-mument meta huwa jitqies bħala komplet jew mitmum skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel parti tar-Regola.

VII)

Għandu jitqies bħala oġġett li jinsab fl-istat żarmat jew mhux immuntat għall-applikazzjoni ta’ din ir-Regola, l-oġġett li d-diversi komponenti tiegħu għandhom ikunu immuntati jew permezz ta’ mezzi bħalma huma viti, boltijiet, skorfini, eċċ, jew billi jiġu rbattuti jew iwweldjati, pereżempju, bil-kundizzjoni madankollu li jkun hemm biss operazzjonijiet ta’ muntaġġ.

F’dan ir-rigward, ma hemmx lok li tiġi kkunsidrata l-kumplessità tal-metodu ta’ muntaġġ. Madankollu, id-diversi komponenti ma jista’ jsirulhom ebda operazzjoni ta’ ħidma tali li tikkompleta l-manifattura tagħhom.

Il-komponenti mhux immuntati ta’ oġġett, li huma iżjed min-numru rikjest sabiex jiġi kkostitwit oġġett sħiħ, għandhom ikunu kklassifikati b’mod separat.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

In‑NM

7

Ir-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fit-Taqsima A tat-Titolu I tal-Ewwel Parti tal-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, jipprovdu:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss [għandhom valur indikattiv biss]; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.

(a)

Kwalunkwe referenza f’titlu għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), [meta] preżentat mhux armat [żarmat] jew żarmat [mhux immuntat].

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

8

Matul il-perijodu mit-3 ta’ Lulju 2006 sat-22 ta’ Jannar 2007, X għamel fil-Pajjiżi l-Baxxi, f’ismu propju u għan-nom tiegħu stess, 38 dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ komponenti ta’ riċevituri bis-satellita. Dawn il-komponenti kollha kienu ġejjin mill-istess fornitur, stabbilit fiċ-Ċina, u ġew ittrasportati fuq l-istess bastiment, fl-istess kontejner.

9

Kull darba, X għamel, fl-istess jum, żewġ dikjarazzjonijiet separati, jiġifieri dikjarazzjoni għall-merkanzija intiża għall-impriża Ġermaniża C GmbH u dikjarazzjoni għal dik intiża għall-impriża Ġermaniża D GmbH, fejn l-imsemmija impriżi jappartjenu għall-istess grupp. Dawn id-dikjarazzjonijiet saru fl-istess uffiċċju doganali f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi).

10

Iż-żewġ dikjarazzjonijiet kienu jinkludu, kull darba, fi kwantitajiet korrispondenti, il-komponenti kollha tal-istess tip ta’ riċevitur bis-satellita. Għalkemm kienu indirizzati lil żewġ impriżi distinti, dawn il-komponenti kienu madankollu komplementari u intiżi sabiex jiġu mmuntati f’riċevitur bis-satellita komplet, wara li jkunu tqiegħdu f’ċirkulazzjoni libera.

11

Barra minn hekk, fit-23 ta’ Lulju 2007, X għamel dikjarazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ komponenti ta’ riċevituri bis-satellita, intiżi għall-impriża C. Dawn il-komponenti kienu ġew ittrasportati fl-istess kontejner bħal komponenti intiżi għall-impriża D. Madankollu, dawn ġew iddikjarati taħt proċedura doganali oħra, jiġifieri l- proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità, u ttrasportati lejn il-Ġermanja taħt sorveljanza doganali, sabiex sussegwentement jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni libera f’dan l-Istat Membru.

12

Skont l-Ispettur, il-merkanzija importata minn X fil-Pajjiżi l-Baxxi ma għandhiex titqies bħala komponenti ta’ riċevituri bis-satellita, iżda bħala apparati kompleti mhux immuntat. Din il-konstatazzjoni wasslitu sabiex jibgħat lil X, fl-1 ta’ Lulju 2009, avviż ta’ ħlas għar-riċevituri bis-satellita kollha kkonċernati. Din l-avviż jikkonċerna ammont totali ta’ EUR 389 973.70 f’dazji doganali.

13

Wara li ppreżenta, mingħajr suċċess, ilment quddiem l-Ispettur, X ippreżenta rikors kontra l-avviż għall-ħlas quddiem ir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti tal-Provinċja ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi). Din il-qorti laqgħet ir-rikors billi ddikjarat l-annullament parzjali tal-avviż għall-ħlas. Kemm X kif ukoll l-Ispettur appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju.

14

Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-merkanzija importata għandhiex tiġi kklassifikata bħala elementi separati fl-intestaturi tariffarji rilevanti tan-NM jew jekk, kif isostni l-Ispettur, għandhiex, skont ir-Regola ġenerali 2(a) tat-Taqsima A tat-Titolu I tal-Ewwel Parti tal-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, titqies li hija riċevituri bis-satellita kompleti, mhux immuntati.

15

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Ir-regola ġenerali dwar il-klassifikazzjoni 2(a) […] għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika għal elementi separati ta’ riċevitur tas-satellita li huma intiżi, wara r-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tagħhom, li jiġu mmuntati f’riċevitur bis-satellita komplet, li jiġu ttrasportati f’kontenitur wieħed fl-istess jum, fl-istess post ta’ dwana, mill-istess persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni, f’isimha proprju u għan-nom tagħha, li huma s-suġġett ta’ żewġ dikjarazzjonijiet separati ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera u liema elementi, waqt ir-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, jappartjenu lil żewġ impriżi konnessi?

2.

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, ir-regola ġenerali dwar il-klassifikazzjoni 2(a) għandha tiġi interpretata bħala li tapplika wkoll għall-elementi separati ta’ riċevitur bis-satellita, iddikjarati bl-għan tar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tagħhom mill-istess persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni, f’isimha proprju u għan-nom tagħha, fl-istess jum u fl-istess post ta’ dwana bħal dak fejn l-elementi l-oħra ta’ dan ir-riċevitur bis-satellita jitqiegħdu taħt is-sistema ta’ tranżitu doganali Komunitarju estern, filwaqt li l-elementi, fil-mument meta jsiru d-dikjarazzjonijiet, jappartjenu lil żewġ impriżi konnessi, u li l-elementi kollha huma intiżi, wara r-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tagħhom, li jiġu mmuntati f’riċevitur bis-satellita komplet?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

16

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li komponenti ta’ riċevitur bis-satellita li huma intiżi, wara r-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera, li jiġu mmuntati f’apparat komplet, li huma ttrasportati f’kontejner wieħed u li huma ddikjarati għall-finijiet tar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera fl-istess jum quddiem l-istess uffiċċju doganali mill-istess dikjarant, f’ismu propju u għan-nom tiegħu stess, permezz ta’ żewġ dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera distinti, u li, meta jitqiegħdu f’ċirkulazzjoni libera, jappartjenu lil żewġ impriżi konnessi, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu tali apparat, ippreżentat fl-istat żarmat jew mhux immuntat, fis-sens ta’ din l-istess regola, u għalhekk jaqgħu taħt l-istess intestatura tariffarja.

17

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qrati nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom dawn ikunu jistgħu jikklassifikaw b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM iktar milli li twettaq din il-klassifikazzjoni hija stess. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni, għall-finijiet tariffarji tal-merkanzija inkwistjoni tirriżulta minn konstatazzjoni purament fattwali li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħmel fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, PRODEX, C‑72/21, EU:C:2022:312, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, skont ir-Regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din in-nomenklatura. Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tal-imsemmija nomenklatura u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenza tat-28 ta’ April 2022, PRODEX, C‑72/21, EU:C:2022:312, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, għalkemm in-noti ta’ spjega, minn naħa, tas-SA, u min-naħa l-oħra, tan-NM ma għandhomx saħħa vinkolanti, huma jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat-28 ta’ April 2022, PRODEX, C‑72/21, EU:C:2022:312, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Ir-Regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tan-NM, li tikkorrispondi għar-Regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tas-SA, tipprovdi li “[k]walunkwe referenza f’titlu għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), preżentat mhux armat jew żarmat”.

21

Mill-punt VII) tan-nota ta’ spjega dwar ir-Regola ġenerali 2(a) tas-SA jirriżulta li għandu jitqies li huwa oġġett ippreżentat fl-istat żarmat jew mhux immuntat, l-oġġett li d-diversi komponenti tiegħu għandhom ikunu immuntati jew permezz ta’ mezzi bħalma huma viti, boltijiet, skorfini, eċċ, jew billi jiġu rbattuti jew iwweldjati, pereżempju, bil-kundizzjoni madankollu li jkun hemm sempliċement operazzjonijiet ta’ muntaġġ. F’dan ir-rigward, ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kumplessità tal-metodu ta’ muntaġġ. Madankollu, id-diversi komponenti ma tista’ ssirilhom ebda operazzjoni ta’ ħidma tali li tikkompleta l-manifattura tagħhom.

22

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitqies bħala oġġett li jinsab fl-istat żarmat jew mhux immuntat, l-oġġett li l-komponenti tiegħu, jiġifieri dawk li jistgħu jiġu identifikati bħala l-komponenti intiżi li jikkostitwixxu l-prodott lest, huma kollha ppreżentati fl-istess ħin għall-isdoganament, u li, f’dan ir-rigward, ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni t-teknika ta’ assemblaġġ jew il-kumplessità tal-metodu ta’ mmuntar (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1994, Develop Dr. Eisbein, C‑35/93, EU:C:1994:252, punt 19).

23

Fil-każ ineżami, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-komponenti li jikkostitwixxu l-artiklu inkwistjoni, jiġifieri riċevitur bis-satellita, ġew kollha ppreżentati fl-istess ħin għall-isdoganament.

24

Għalkemm preżentazzjoni simultanja ta’ dawn il-komponenti fid-dawl tal-isdoganament tagħhom hija meħtieġa sabiex jitqiesu li jikkostitwixxu oġġett ippreżentat fl-istat żarmat jew mhux immuntat, ma jirriżultax madankollu mill-kliem tar-Regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tan-NM u lanqas min-nota ta’ spjega dwar ir-Regola ġenerali 2 (a) għall-interpretazzjoni tas-SA, li l-imsemmija komponenti li jikkostitwixxu l-oġġett għandhom ikunu koperti mill-istess dikjarazzjoni doganali.

25

Fil-fatt, il-fatt li tali merkanzija tkun koperta mill-istess dikjarazzjoni, waqt il-preżentazzjoni tagħha quddiem id-dwana, ma jikkostitwixxix kundizzjoni sine qua non sabiex jitqies li din tifforma unità u tikkostitwixxi, għaldaqstant, “oġġett […] preżentat mhux armat jew żarmat [fl-istat żarmat jew mhux immuntat]”, fis-sens tar-Regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tan-NM, iżda sempliċi indizju li jippermetti li tiġi dedotta tali konstatazzjoni. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, VAD u van Aert, C‑499/14, EU:C:2016:155, punt 38).

26

Interpretazzjoni differenti tal-kunċett ta’ oġġett fl-istat żarmat jew mhux immuntat kieku tippermetti, fir-realtà, lill-importaturi jagħżlu huma, permezz ta’ manipulazzjoni relattivament sempliċi, bħall-preżentazzjoni tal-merkanzija f’dikjarazzjonijiet distinti, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti kkonċernati – jew bħala unità jew separatament – skont kif ikun jaqblilhom (ara b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, VAD u van Aert, C‑499/14, EU:C:2016:155, punt 39).

27

Issa, tali possibbiltà tmur kontra l-prinċipju li l-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, u b’hekk jippreġudika l-għan marbut mal-faċilità tal-kontrolli doganali u maċ-ċertezza legali li għandha tirrenja fil-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti importati (ara, s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, VAD u van Aert, C‑499/14, EU:C:2016:155, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Konsegwentement, il-fatt li l-merkanzija tkun ippreżentati fid-dwana f’dikjarazzjonijiet separati ma jistax, fih innifsu, jipprekludi li din il-merkanzija tiġi kklassifikata bħala oġġetti fl-istat żarmat jew mhux immuntat, fis-sens tar-Regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tan-NM jekk jirriżulta, fil-mument tal-isdoganament, minn fatturi oġġettivi oħra li din il-merkanzija tifforma unità u hija intiża li tiġi mmuntata sussegwentement f’apparat wieħed (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, VAD u van Aert, C‑499/14, EU:C:2016:155, punt 43).

29

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ssemmi fatturi oġġettivi li jimmilitaw sabiex il-komponenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġu kklassifikati bħala oġġett fl-istat żarmat jew mhux immuntat, fis-sens tal-imsemmija Regola Ġenerali 2(a). B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tirrileva li dawn il-komponenti kienu intiżi, ladarba rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera, sabiex jiġu mmuntati fi prodott wieħed mitmum, li kienu ġew ittrasportati f’kontejner wieħed, li kienu s-suġġett ta’ dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera maħruġa mill-istess dikjarant, f’ismu proprju u għan-nom tiegħu stess, quddiem l-istess uffiċċju doganali, u li, fl-istadju tar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera, l-imsemmija komponenti kienu jappartjenu lil żewġ impriżi relatati.

30

Issa, tali ċirkustanzi jistgħu fil-fatt jikkonfermaw li dan huwa oġġett fl-istat żarmat jew mhux immuntat. Kif osservat ġustament il-Kummissjoni Ewropea, il-fatt li dawn il-komponenti huma ppreżentati f’dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera distinti għandu jiġi evalwat b’mod parallel maċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra, iżda ma huwiex determinanti fih innifsu.

31

Konsegwentement, ir-Regola ġenerali 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li komponenti ta’ riċevitur bis-satellita li huma intiżi, wara r-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera, li jiġu mmuntati f’apparat komplet, li huma ttrasportati f’kontejner wieħed u li huma ddikjarati għall-finijiet tar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera fl-istess jum quddiem l-istess uffiċċju doganali mill-istess dikjarant, f’ismu propju u għan-nom tiegħu stess, permezz ta’ żewġ dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera distinti, u li, meta jiġu rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera, jappartjenu lil żewġ impriżi konnessi, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu tali apparat, fl-istat żarmat jew mhux immuntat, fis-sens ta’ din l-istess regola, u jaqgħu għalhekk taħt l-istess intestatura tariffarja, sa fejn jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ fatturi oġġettivi, li dawn il-komponenti jifformaw unità u jinkludu l-komponenti kollha ta’ dan l-apparat.

Fuq it‑tieni domanda

32

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija applikabbli anki meta parti mill-merkanzija inkwistjoni tiġi ddikjarata għall-finijiet tar-rilaxx tagħha għal ċirkulazzjoni libera, filwaqt li l-parti l-oħra titqiegħed taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità.

33

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li tali merkanzija hija ppreżentata lid-dwana f’dikjarazzjonijiet separati, sabiex tiġi mmuntata sussegwentement, ma jistax, waħdu, jipprekludi li din il-merkanzija tiġi kklassifikata bħala oġġett fl-istat żarmat jew mhux immuntat, fis-sens tar-Regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tan-NM jekk jirriżulta, fil-mument tal-isdoganament, minn fatturi oġġettivi oħra, li din il-merkanzija tifforma unità u li hija intiża li tiġi mmuntata sussegwentement f’oġġett wieħed.

34

Kif osservat ġustament il-Kummissjoni, il-modalitajiet li bihom il-merkanzija ġiet iddikjarata jew il-proċedura doganali li taħtha ġiet ittrasportata sad-destinazzjoni finali tagħha jistgħu jikkostitwixxu wieħed mill-fatturi oġġettivi rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tal-imsemmija Regola ġenerali 2(a). Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux ikunu determinanti fihom innifishom, peress li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni kull fattur oġġettiv rilevanti ieħor għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

35

Il-fatt li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), applikabbli għall-perijodu kopert mill-kawża prinċipali, ma kienx jipprevedi espressament il-possibbiltà li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħha, merkanzija ddikjarata bl-għan li tiġi rrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera u merkanzija ddikjarata taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità jiġu kkunsidrati flimkien, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

36

Hekk kif ġustament osserva l-Gvern Olandiż, kwalunkwe interpretazzjoni oħra kieku twassal għall-possibbiltà tal-evażjoni tar-Regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tan-NM peress li l-importaturi jkunu jistgħu, permezz ta’ operazzjoni pjuttost sempliċi, jiġifieri billi jaqsmu l-kunsinna u jiddikjaraw il-merkanzija taħt żewġ proċeduri doganali differenti qabel ir-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera, jagħmlu mod li jiġu kklassifikati bħala ħaġa waħda jew bħala partijiet distinti, skont it-tariffa l-iktar vantaġġuża.

37

Konsegwentement, l-imsemmija Regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li hija applikabbli wkoll meta parti mill-merkanzija inkwistjoni tiġi ddikjarata għall-finijiet tar-rilaxx tagħha għal ċirkulazzjoni libera, filwaqt li l-parti l-oħra titqiegħed taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regola ġenerali 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda, kif stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006 tas‑17 ta’ Ottubru 2006,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

komponenti ta’ riċevitur bis-satellita li huma intiżi, wara r-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera, li jiġu mmuntati f’apparat komplet, li huma ttrasportati f’kontejner wieħed u li huma ddikjarati għall-finijiet tar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera fl-istess jum quddiem l-istess uffiċċju doganali mill-istess dikjarant, f’ismu propju u għan-nom tiegħu stess, permezz ta’ żewġ dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera distinti, u li, meta jiġu rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera, jappartjenu lil żewġ impriżi konnessi, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu tali apparat, ippreżentat fi stat żarmat jew mhux immuntat, fis-sens ta’ din l-istess regola, u jaqgħu għaldaqstant taħt l-istess intestatura tariffarja, sa fejn jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ fatturi oġġettivi, li dawn il-partijiet jifformaw unità u jinkludu l-komponenti kollha li jikkostitwixxu dan l-apparat.

 

2)

Ir-Regola ġenerali 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda, kif stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 1549/2006,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

hija tapplika wkoll meta parti mill-merkanzija inkwistjoni tkun iddikjarata għall-finijiet tar-rilaxx tagħha għal ċirkulazzjoni libera filwaqt li l-parti l-oħra titqiegħed taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top