This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0055
Judgment of the Court (Sixth Chamber) of 14 September 2023.#NK v Bezirkshauptmannschaft Feldkirch.#Request for a preliminary ruling from the Landesverwaltungsgericht Vorarlberg.#Reference for a preliminary ruling – Article 50 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union – Principle ne bis in idem – Final termination of a first set of proceedings brought for an infringement of a provision of national legislation on games of chance – Administrative penalty of a criminal nature imposed for the same acts for an infringement of a different provision of that legislation – First set of proceedings terminated on account of an incorrect legal classification of the offence committed.#Case C-55/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-14 ta’ Settembru 2023.
NK vs Bezirkshauptmannschaft Feldkirch.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Vorarlberg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Għeluq definittiv tal-ewwel proċedura mibdija minħabba ksur ta’ dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-logħob tal-ażżard – Sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali imposta għall-istess fatti għal ksur ta’ dispożizzjoni oħra ta’ din il-leġiżlazzjoni – L-ewwel proċedura magħluqa minħabba klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-ksur imwettaq.
Kawża C-55/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-14 ta’ Settembru 2023.
NK vs Bezirkshauptmannschaft Feldkirch.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Vorarlberg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Għeluq definittiv tal-ewwel proċedura mibdija minħabba ksur ta’ dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-logħob tal-ażżard – Sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali imposta għall-istess fatti għal ksur ta’ dispożizzjoni oħra ta’ din il-leġiżlazzjoni – L-ewwel proċedura magħluqa minħabba klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-ksur imwettaq.
Kawża C-55/22.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:670
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
14 ta’ Settembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Għeluq definittiv tal-ewwel proċedura mibdija minħabba ksur ta’ dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-logħob tal-ażżard – Sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali imposta għall-istess fatti għal ksur ta’ dispożizzjoni oħra ta’ din il-leġiżlazzjoni – L-ewwel proċedura magħluqa minħabba klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-ksur imwettaq”
Fil-Kawża C‑55/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Vorarlberg (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Voralberg, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura
NK
vs
Bezirkshauptmannschaft Feldkirch,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn P. G. Xuereb (Relatur), President tal-Awla, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u C. Leeb, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u M. Wasmeier, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn NK u l-Bezirkshauptmannschaft Feldkirch (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Feldkirch, l-Awstrija) dwar il-multi amministrattivi imposti fuq NK minn din tal-aħħar għal diversi istanzi ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet Awstrijaċi fil-qasam tal-logħob tal-ażżard. |
Il‑kuntest ġuridiku
3 |
L-Artikolu 2 tal-Glücksspielgesetz (il-Liġi dwar il-Logħob tal-Ażżard), tal‑21 ta’ Diċembru 1989 (BGBl. 620/1989), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“GSpG”), intitolat “Lotteriji”, jipprovdi: “(1) Il-lotteriji huma logħob tal-ażżard
(2) Imprenditur huwa persuna li twettaq b’mod indipendenti attività stabbli sabiex tirċievi dħul li ġej mill-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, anki jekk din l-attività ma tkunx imfassla biex tiġbor profitt. Meta diversi persuni, billi jagħtu kunsens bejniethom, joffru f’post determinat servizzi parzjali biex iwettqu logħob tal-ażżard bi ħlas fi flus fis-sens tal-punti 2 u 3 tal-paragrafu 1 iktar ’il fuq, il-persuni kollha li jipparteċipaw direttament fl-implimentazzjoni tal-logħob tal-ażżard jitqiesu bħala operaturi, anki jekk huma ma jkollhom ebda intenzjoni li jirċievu dħul u dawk li sempliċement jipparteċipaw fl-implimentazzjoni, fl-organizzazzjoni jew fl-offerta tal-logħob tal-ażżard. […] (4) Il-lotteriji pprojbiti huma lotteriji li għalihom ma ngħatat ebda konċessjoni jew awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta’ din il-liġi federali u li ma humiex esklużi mill-monopolju tal-Istat Federali dwar il-logħob tal-ażżard previst fl-Artikolu 4.” |
4 |
L-Artikolu 52 tal-GSpG, intitolat “Dispożizzjonijiet amministrattivi kriminali”, jipprevedi: “(1) Iwettaq ksur amministrattiv u huwa suġġett għal multa imposta mill-awtorità amministrattiva ta’ ammont li jista’ jammonta għal EUR 60000:
[…] (2) Fil-każ ta’ ksur tal-punt 1 tal-paragrafu 1, b’massimu ta’ tliet magni tal-logħob jew oġġetti oħra pprojbiti, għandha tiġi imposta multa ta’ EUR 1000 sa EUR 10000 għal kull magna tal-logħob jew oġġett ipprojbit ieħor, u ta’ EUR 3000 sa EUR 30000 fil-każ tal-ewwel reċidiva u dawk sussegwenti. Fil-każ ta’ ksur imwettaq b’iktar minn tliet magni tal-logħob jew oġġetti oħra pprojbiti, il-multa hija ta’ EUR 3000 sa EUR 30000 għal kull magna tal-logħob jew oġġett ieħor ipprojbit, u ta’ EUR 6000 sa EUR 60000 fil-każ tal-ewwel reċidiva.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
5 |
NK huwa l-operatur ta’ stabbiliment imsejjaħ I. |
6 |
Waqt kontroll li sar fid‑29 ta’ Diċembru 2017 f’dan l-istabbiliment, ġie kkonstatat li erba’ magni tal-logħob tal-ażżard, li kienu fi stat ta’ funzjonament, kienu installati hemmhekk, filwaqt li ebda liċenzja ma kienet inħarġet għall-operat tagħhom. |
7 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Frar 2018, l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Feldkirch imponiet fuq NK sanzjoni amministrattiva, li tikkonsisti f’erba’ multi, flimkien ma’ pieni ta’ ċaħda tal-libertà sostituttiva, għal ksur tat-tielet att inkriminat tal-Artikolu 52(1)(1) tal-GSpG, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) u (4), kif ukoll mal-Artikolu 4 tiegħu, talli, bħala operatur tal-istabbiliment I, poġġiet għad-dispożizzjoni, bħala imprenditur, logħob tal-ażżard fil-forma ta’ lotteriji pprojbiti. |
8 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Awwissu 2018, il-Landesverwaltungsgericht Vorarlberg (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Land ta’ Vorarlberg, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju f’dan il-każ, annullat id-deċiżjoni tad‑19 ta’ Frar 2018 u għalqet il-proċedura minħabba li, abbażi tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula, NK ma kienx ipprovda logħob tal-ażżard, fis-sens tat-tielet att inkriminat tal-Artikolu 52(1)(1) tal-GSpG, iżda kien implimenta tali logħob, fis-sens tal-ewwel att inkriminat minn dan l-Artikolu 52(1)(1). Skont din il-qorti, emenda tad-deċiżjoni tal-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Feldkirch fis-sens li NK, bħala operatur tal-istabbiliment I, għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ logħob ipprojbit, kienet tfisser “sostituzzjoni inammissibbli tal-att”. |
9 |
La l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Feldkirch u lanqas il-Bundesminister für Finanzen (il-Ministru Federali tal-Finanzi, l-Awstrija) ma ppreżentaw rikors għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni tat‑13 ta’ Awwissu 2018, minkejja li legalment kellhom il-fakultà li jagħmlu dan. |
10 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Novembru 2018, l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Feldkirch imponiet fuq NK sanzjoni amministrattiva, li tikkonsisti f’erba’ multi, flimkien ma’ pieni ta’ priġunerija alternattivi, għal ksur tal-ewwel att inkriminat tal-Artikolu 52(1)(1) tal-GSpG, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) u (4) kif ukoll mal-Artikolu 4 tiegħu, talli, bħala proprjetarja ta’ magni tal-logħob tal-ażżard u bħala operatur tal-istabbiliment I, implimenta f’dan l-istabbiliment, fid‑29 ta’ Diċembru 2017, logħob tal-ażżard fil-forma ta’ lotteriji pprojbiti. |
11 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Lulju 2019, il-qorti tar-rinviju annullat id-deċiżjoni tat‑30 ta’ Novembru 2018. Hija rrilevat li l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Feldkirch kienet issanzjonat mill-ġdid lil NK għall-istess fatti, imwettqa fl-istess post u fl-istess żmien, billi sempliċement adottat klassifikazzjoni ġuridika oħra fir-rigward tagħhom. Skont din il-qorti, din kienet piena doppja jew piena multipla fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. Konsegwentement, hija qieset li din l-aħħar deċiżjoni kellha tiġi annullata u li kien hemm lok li tingħalaq il-proċedura tas-sistema ta’ sanzjonijiet amministrattivi. |
12 |
L-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Feldkirch ippreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) kontra d-deċiżjoni tal‑4 ta’ Lulju 2019. |
13 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2021, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) annullat id-deċiżjoni tal‑4 ta’ Lulju 2019 minħabba li l-għeluq definittiv tal-proċeduri kriminali permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Awwissu 2018, ma kienx jipprekludi t-tkomplija tal-proċeduri kriminali mibdija sabiex jiġi kkonstatat it-twettiq tal-ewwel att inkriminat, imsemmi fl-Artikolu 52(1)(1) tal-GSpG, u li b’hekk NK jiġi kkundannat fir-rigward ta’ dan il-ksur tal-aħħar. |
14 |
Il-qorti tar-rinviju li, wara d-deċiżjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2021, hija mitluba għal darba oħra tiddeċiedi, tippreċiża li, skont l-Artikolu 63(1) tal-Verwaltungsgerichtshofgesetz (il-Liġi dwar il-Qorti Amministrattiva), bħala prinċipju hija marbuta bl-analiżi legali tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), iżda li, skont il-ġurisprudenza ta’ din tal-aħħar, dan l-obbligu ma japplikax jekk, wara d-deċiżjoni tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni diverġenti. |
15 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 50 tal-Karta jipprekludix proċeduri ġodda meta proċeduri kriminali mibdija abbażi tal-GSpG għall-istess fatti bħal dawk li huma s-suġġett ta’ dawn il-proċeduri ġodda, iżda bis-saħħa ta’ dispożizzjoni oħra tal-GSpG, ikunu ngħalqu fi tmiem seduta li matulha jkunu ġew investigati dawn il-fatti. |
16 |
Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Karta, il-qorti tar-rinviju tirrileva, qabel kollox, li, meta Stat Membru jinvoka raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika leġiżlazzjoni li tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, din il-ġustifikazzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. |
17 |
Hija tirrileva, sussegwentement, billi tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq is-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punti 35 u 36), mogħtija wara rinviju minn qorti Awstrijaka li wkoll tintalab tapplika l-leġiżlazzjoni Awstrijaka fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, li l-invokazzjoni mill-Istat Membru ta’ derogi previsti mid-dritt tal-Unjoni sabiex jiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE għandha titqies li hija “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. |
18 |
Fl-aħħar nett, hija tindika li ċittadini tal-Unjoni Ewropea huma klijenti tal-istabbiliment operat minn NK u li impjegat ta’ dan l-istabbiliment huwa ċittadin tar-Repubblika tal-Bulgarija, u għalhekk ta’ Stat Membru ieħor. |
19 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, il-qorti tar-rinviju tfakkar, qabel kollox, li dan il-prinċipju huwa stabbilit mhux biss fl-Artikolu 50 tal-Karta, iżda wkoll fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal‑14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (iktar ’il quddiem il-“KIFS”). |
20 |
Hija tirrileva, sussegwentement, li, fis-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck (C‑436/04, EU:C:2006:165, punti 27 et seq.), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Artikolu 54 tal-KIFS, li juża l-espressjoni “l-istess fatti”, jirreferi biss għall-eżistenza tal-fatti inkwistjoni u mhux għall-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom. |
21 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li, fis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193, punti 37 u 38), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kriterju rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-istess reat huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti marbuta b’mod inseparabbli bejniethom li wasslu għal-liberazzjoni jew għall-kundanna definittiva tal-persuna kkonċernata u li l-klassifikazzjoni ġuridika, fid-dritt nazzjonali, tal-fatti u l-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess ksur, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għal ieħor. |
22 |
Fl-aħħar nett, hija tirrileva li, fis-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni bħal dik li hija adita biha tikkostitwixxix deċiżjoni li tagħlaq definittivament proċedura kontra persuna, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KIFS, għandu jiġi żgurat li din id-deċiżjoni tkun ingħatat wara evalwazzjoni tal-mertu tal-kawża. |
23 |
Fir-rigward tal-każ li hija adita bih, il-qorti tar-rinviju tirrileva, preliminarjament, li ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk hija għalqitx, ġustament, l-ewwel proċedura, meta din il-proċedura ngħalqet definittivament. |
24 |
Hija tippreċiża, sussegwentement, li, bħala prinċipju, l-ewwel proċedura kriminali, li matulha l-fatti ġew investigati, wasslet għal-liberazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u li t-tieni proċedura kriminali kienet tirrigwarda l-istess fatti. Issa, hija tqis li l-projbizzjoni tad-duwalità tal-proċeduri tapplika indipendentement mill-klassifikazzjoni ġuridika mogħtija lil dawn il-fatti u li, konsegwentement, l-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi kundanna ġdida ta’ NK, u dan, minkejja li l-ewwel deċiżjoni ta’ liberazzjoni indikat li l-logħob inkwistjoni kien logħob tal-ażżard ipprojbit. Madankollu, fid-dawl ta’ din l-aħħar ċirkustanza, ma jidhirlix li din l-interpretazzjoni hija tant evidenti li ma tħalli lok għal ebda dubju. |
25 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landesverwaltungsgericht Vorarlberg (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vorarlberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-prinċipju ta’ [ne] bis in idem, kif iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità amministrattiva kriminali kompetenti ta’ Stat Membru hija prekluża milli timponi multa fuq persuna minħabba ksur ta’ dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard, jekk proċedura amministrattiva mressqa preċedentement kontra l-istess persuna minħabba ksur ta’ dispożizzjoni oħra tal-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard (jew, b’mod ġenerali, ta’ regola fl-istess qasam legali), li kienet tikkonċerna l-istess fatti, tkun ingħalqet b’mod definittiv wara ż-żamma ta’ seduta li kienet tinkludi miżuri struttorji?” |
Fuq il‑kompetenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
26 |
Kemm il-Gvern Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni jqajmu n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li l-qorti tar-rinviju la indikat b’mod suffiċjentement konkret sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni ġew adottati għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u lanqas kif, minkejja n-natura purament interna tagħha, it-tilwima pendenti quddiemha għandha element ta’ konnessjoni mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali li jrendi l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. |
27 |
L-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. |
28 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet. Huwa minħabba f’hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diġà li hija ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tifformax parti mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, peress li tali leġiżlazzjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali li hija tiżgura r-rispett tagħhom (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson,C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19, kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, meta jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju ta’ waħda jew ta’ diversi libertajiet fundamentali ggarantiti bit-Trattat, hija tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni biex tiġġustifika dan l-ostakolu biss sa fejn dan huwa konformi mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi r-rispett tagħhom. Dan l-obbligu ta’ konformità mad-drittijiet fundamentali jaqa’ b’mod ċar fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, f’dak tal-Karta. L-użu, minn Stat Membru, ta’ eċċezzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni sabiex jiġġustifika ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat għandu, għalhekk, jitqies li “jimplementa d-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 36). |
30 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-servizzi li fornitur stabbilit fi Stat Membru jipprovdi, mingħajr ma jiċċaqlaq, lil destinatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi transkonfinali, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 26, u tat‑3 ta’ Diċembru 2020, BONVER WIN,C‑311/19, EU:C:2020:981, punt 19). |
31 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 50 tal-Karta huwa applikabbli peress li, skont is-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punti 35 u 36), mogħtija wara rinviju minn qorti Awstrijaka mitluba wkoll biex tapplika l-leġiżlazzjoni Awstrijaka fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, din il-leġiżlazzjoni tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju indikat li ċittadini tal-Unjoni, jiġifieri ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika tal-Awstrija, kienu klijenti tal-istabbiliment ta’ NK, li huwa stabbilit fil-ġurisdizzjoni tal-Landesverwaltungsgericht Vorarlberg (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vorarlberg), fl-Awstrija, u jinsab biss 40 km mill-fruntiera mal-Ġermanja. |
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq l‑ammissibbiltà
33 |
Il-Gvern Awstrijak iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli peress li ma tippermettix li jiġu ddeterminati d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li tirreferi għalihom b’mod konkret il-qorti tar-rinviju, u lanqas sa fejn din tistaqsi, fid-dawl ta’ tali dispożizzjonijiet, dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li din it-talba hija inammissibbli minħabba li l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tingħata risposta utli għad-domanda preliminari u sabiex tintwera r-rilevanza tad-domanda għas-soluzzjoni tat-tilwima huma nieqsa f’dan il-każ. |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Universiteit Antwerpen et, C‑265/20, EU:C:2022:361, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Minn dan jirriżulta li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li l-eżattezza tagħhom ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Universiteit Antwerpen et, C‑265/20, EU:C:2022:361, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Għaldaqstant, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju sservi ta’ bażi għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tispjega, f’din id-deċiżjoni, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali u tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom, kif ukoll ir-rabta li din tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Universiteit Antwerpen et, C‑265/20, EU:C:2022:361, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Dawn ir-rekwiżiti kumulattivi rigward il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jinsabu b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Minnu jirriżulta, b’mod partikolari, li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi “espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali”. |
38 |
Issa, il-qorti tar-rinviju indikat li hija kellha tiddeċiedi dwar il-legalità tat-tieni deċiżjoni ta’ sanzjoni, imposta għall-istess fatti fir-rigward tal-istess persuna, għal ksur tal-ewwel att inkriminat tal-Artikolu 52(1)(1) tal-GSpG, jiġifieri l-implimentazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fil-forma ta’ lotteriji pprojbiti, wara l-għeluq tal-ewwel proċedura kriminali bbażata fuq it-tielet att inkriminat tal-Artikolu 52(1)(1) tal-GSpG, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali logħob tal-ażżard. Hija spjegat li, konsegwentement, hija kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, li hija tqis applikabbli peress li, skont is-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punti 35 u 36), leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE. Fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dan il-prinċipju, il-qorti tar-rinviju rrilevat b’mod partikolari li, għalkemm hija tqis li, bħala prinċipju, l-ewwel proċedura kriminali, li matulha l-fatti kienu ġew investigati, kienet wasslet għal-liberazzjoni ta’ NK u li l-projbizzjoni tad-duwalità tal-proċeduri prevista fl-Artikolu 50 tal-Karta kienet tapplika indipendentement mill-klassifikazzjoni ġuridika mogħtija lil dawn il-fatti, peress li l-ewwel deċiżjoni kienet indikat li l-logħob inkwistjoni kien logħob tal-ażżard ipprojbit, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula ma kinitx tidhrilha tant evidenti li ma tħalli lok għal ebda dubju. |
39 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju esponiet ir-raġunijiet li wassluha biex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u dwar il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali. |
40 |
B’konsegwenza, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domanda preliminari
41 |
Permezz tad-domanda unika tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 50 tal-Karta, sa fejn jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ne bis in idem, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li sanzjoni ta’ natura kriminali tiġi imposta fuq persuna għal ksur ta’ dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE, meta din il-persuna diġà kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret definittiva, mogħtija fi tmiem seduta li kienet tinvolvi miżuri istruttorji, u li wasslet għal-liberazzjoni tal-persuna msemmija għal ksur ta’ dispożizzjoni oħra ta’ din il-leġiżlazzjoni għall-istess fatti. |
42 |
L-Artikolu 50 tal-Karta, bit-titolu “Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat”, jgħid li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skont il-liġi.” |
43 |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevata li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-artikolu għall-istess fatti u kontra l-istess persuna (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost,C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura kriminali tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet ikkonċernati, mill-ġurisprudenza jirriżulta li tliet kriterji huma rilevanti fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni. L-ewwel wieħed huwa l-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt intern, it-tieni wieħed huwa n-natura stess tal-ksur u t-tielet wieħed huwa l-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV — 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2023, Volkswagen Group Italia u Volkswagen Aktiengesellschaft, C‑27/22, […], punt 45). |
45 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, jekk il-proċeduri u s-sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx natura kriminali, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta. |
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta ma hijiex limitata biss għall-proċeduri u għas-sanzjonijiet li huma kklassifikati bħala “kriminali” mid-dritt nazzjonali, iżda testendi — indipendentement minn tali klassifikazzjoni fid-dritt intern — għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li għandhom natura kriminali abbażi taż-żewġ kriterji l-oħra msemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2023, Volkswagen Group Italia u Volkswagen Aktiengesellschaft, C‑27/22, […], punt 48). |
47 |
Peress li l-qorti tar-rinviju tirrileva, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, li l-proċeduri u s-sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, skont il-kriterji mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem humiex issodisfatti. |
48 |
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li l-istess fatti jkunu msemmija mid-deċiżjoni preċedenti u mill-proċeduri jew mid-deċiżjonijiet sussegwenti (kundizzjoni “idem”) (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost,C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 28). |
49 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni “bis”, sabiex jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni ġudizzjarja tikkostitwixxix deċiżjoni li tiddeċiedi b’mod definittiv fil-konfront ta’ persuna, għandu b’mod partikolari jiġi żgurat li din id-deċiżjoni tkun ingħatat wara evalwazzjoni tal-mertu tal-kawża (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija), C‑203/20, EU:C:2021:1016, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta peress li l-kunċetti ta’ “kundanna” u ta’ “nuqqas ta’ ħtija” li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni jimplikaw neċessarjament li r-responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata tkun ġiet eżaminata u li tkun ġiet adottata deċiżjoni f’dan ir-rigward (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija), C‑203/20, EU:C:2021:1016, punt 57). |
51 |
Bħala korollarju tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa intiż biex jiżgura ċ-ċertezza legali u l-ekwità billi jiżgura li, ladarba l-persuna kkonċernata tkun ġiet suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali u, jekk ikun il-każ, tkun ġiet ikkundannata, hija jkollha ċ-ċertezza li mhux ser tkun suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali ġdida għall-istess reat (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et, C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 62). |
52 |
F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta, qabel kollox, li l-ewwel sanzjoni imposta fuq NK, għal ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard, ġiet annullata permezz ta’ deċiżjoni ta’ din il-qorti tat‑13 ta’ Awwissu 2018 li kisbet l-awtorità ta’ res judicata, adottata wara seduta li matulha ġew investigati l-fatti. Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju rrilevat li r-riżultati tal-miżuri istruttorji kienu ppermettewlha tikkonkludi, f’din id-deċiżjoni, li NK ma kienx poġġa għad-dispożizzjoni, bħala imprenditur, logħob tal-ażżard ipprojbit, fis-sens tat-tielet att inkriminat tal-Artikolu 52(1)(1) tal-GSpG u li d-deċiżjoni msemmija toħloq, skont id-dritt nazzjonali, l-effetti ta’ deċiżjoni ta’ liberazzjoni. Fl-aħħar nett, din il-qorti kkonstatat li NK kien implimenta tali logħob, fis-sens tal-ewwel att inkriminat ta’ dan l-Artikolu 52(1)(1), mingħajr madankollu ma impona sanzjoni f’dan ir-rigward. |
53 |
Mill-elementi rrilevati fil-punt preċedenti jirriżulta li, fil-kuntest tal-ewwel proċedura, il-qorti tar-rinviju tat id-deċiżjoni tagħha fid-dawl ta’ evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża u setgħet tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuna akkużata, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat minn din il-qorti. |
54 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni “idem”, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kliem stess tal-Artikolu 50 tal-Karta jirriżulta li dan jipprojbixxi li jitressqu proċeduri kriminali kontra jew li tiġi ssanzjonata kriminalment l-istess persuna iktar minn darba għall-istess reat (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost,C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 31). |
55 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li ż-żewġ proċeduri kriminali inkwistjoni jikkonċernaw lill-istess persuna, jiġifieri NK. |
56 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju rilevanti biex jiġi eżaminat jekk ikunx twettaq l-istess reat huwa li jkunu identifikati l-fatti materjali, jiġifieri li jkun jeżisti għadd ta’ ċirkustanzi konkreti li jkunu marbuta strettament flimkien li jwasslu biex finalment il-persuna konċernata tiġi lliberata jew ikkundannata. Għaldaqstant, l-Artikolu 50 tal-Karta jipprojbixxi li jiġu imposti, għal fatti identiċi, diversi sanzjonijiet ta’ natura kriminali fi tmiem proċeduri differenti mmexxija għal dan l-għan (sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 37, kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, LG u MH (Awtoriċiklaġġ), C‑790/19, EU:C:2021:661, punt 78). |
57 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx tali ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti, il-qrati nazzjonali kompetenti għandhom jiddeterminaw jekk il-fatti materjali taż-żewġ proċeduri jikkostitwixxux ġabra ta’ fatti inseparabbilment marbuta fiż-żmien, fl-ispazju kif ukoll mill-għan tagħhom (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, LG u MH (Awtoriċiklaġġ), C‑790/19, EU:C:2021:661, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, il-kundizzjoni “idem” teħtieġ li l-fatti materjali jkunu identiċi. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma huwiex intiż li japplika meta l-fatti inkwistjoni ma jkunux identiċi, iżda biss simili (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost,C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 36). |
59 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klassifikazzjoni ġuridika, fid-dritt nazzjonali, tal-fatti u tal-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess reat, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 50 tal-Karta la tista’ tvarja minn Stat Membru għall-ieħor (sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci,C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 36, kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, LG u MH (Awtoriċiklaġġ), C‑790/19, EU:C:2021:661, punt 80) u lanqas, ħlief għal dispożizzjoni kuntrarja tad-dritt tal-Unjoni, tvarja minn qasam tiegħu għal ieħor (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost,C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 35). |
60 |
Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti, li għandha tiddetermina jekk il-kawża li għandha quddiemha tirrigwardax fatti identiċi għal dawk li taw lok għad-deċiżjoni tat‑13 ta’ Awwissu 2018, imsemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza. |
61 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, iż-żewġ proċeduri kriminali inkwistjoni kienu jikkonċernaw l-investigazzjoni tal-fatti materjali essenzjalment identiċi, b’mod partikolari permezz tar-rabtiet tagħhom fiż-żmien u fl-ispazju. B’hekk, mill-kontroll li sar fid‑29 ta’ Diċembru 2017 fl-istabbiliment ta’ NK jirriżulta li erba’ magni tal-logħob tal-ażżard, li kienu fi stat ta’ funzjonament, kienu installati hemmhekk, filwaqt li ebda liċenzja ma kienet inħarġet għall-operat tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li NK kien akkużat, l-ewwel nett, talli poġġa għad-dispożizzjoni, bħala imprenditur, lotteriji pprojbiti fil-kuntest tal-ewwel proċeduri kriminali, u sussegwentement talli implimenta tali lotteriji fil-kuntest tat-tieni proċedura kriminali, jista’ jitqies, abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, bħala li ma għandux effett fuq il-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-“istess reat”. |
62 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li t-tkomplija ta’ proċedura ta’ sanzjoni ta’ natura kriminali, ibbażata fuq l-istess fatti, tikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta. |
63 |
Madankollu, limitazzjoni tad-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 52(1) tagħha (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost,C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rrikonoxxuti minn din għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Skont it-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet u għal dawn il-libertajiet biss jekk tali limitazzjonijiet ikunu neċessarji u jekk effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. |
65 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li kull waħda miż-żewġ proċeduri mibdija mill-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Feldkirch, li wasslet għad-deċiżjoni tat‑13 ta’ Awwissu 2018 u għad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Novembru 2018 u għal kumulu tal-proċeduri, kienet prevista mil-liġi. |
66 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jitfakkar li l-possibbiltà li jiġu akkumulati l-proċeduri u s-sanzjonijiet tosserva l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 50 tal-Karta, bil-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li jitressqu proċeduri u li jiġu ssanzjonati l-istess fatti abbażi tal-istess ksur jew sabiex jiġi segwit l-istess għan, iżda tipprevedi biss il-possibbiltà ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet skont leġiżlazzjonijiet differenti (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost,C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 43). |
67 |
Issa, iż-żewġ proċeduri mibdija mill-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Feldkirch, li wasslu għal kumulu ta’ proċeduri, għandhom l-istess għan, jiġifieri li jiġu ssanzjonati l-offerti illegali ta’ logħob tal-ażżard permezz tas-slot machines, u huma bbażati fuq l-istess leġiżlazzjoni. |
68 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 50 tal-Karta, sa fejn jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ne bis in idem, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li sanzjoni ta’ natura kriminali tiġi imposta fuq persuna għal ksur ta’ dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE, meta din il-persuna diġà kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret definittiva, mogħtija fi tmiem seduta li kienet tinvolvi miżuri istruttorji, u li wasslet għal-liberazzjoni tal-persuna msemmija għal ksur ta’ dispożizzjoni oħra ta’ din il-leġiżlazzjoni għall-istess fatti. |
Fuq l-ispejjeż
69 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ne bis in idem, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li sanzjoni ta’ natura kriminali tiġi imposta fuq persuna għal ksur ta’ dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE, meta din il-persuna diġà kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret definittiva, mogħtija fi tmiem seduta li kienet tinvolvi miżuri istruttorji, u li wasslet għal-liberazzjoni tal-persuna msemmija għal ksur ta’ dispożizzjoni oħra ta’ din il-leġiżlazzjoni għall-istess fatti. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.